Proċedura : 2015/2021(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0033/2015

Testi mressqa :

A8-0033/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2015 - 10.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0045

RAPPORT     
PDF 205kWORD 125k
2.3.2015
PE 546.790v02-00 A8-0033/2015

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2014/011 BE/Caterpillar, ippreżentata mill-Belġju)

(COM(2014)0735 – C8-0015/2015 – 2015/2021(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Anneli Jäätteenmäki

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2014/011 BE/Caterpillar, ippreżentata mill-Belġju)

(COM(2014)0735 – C8-0015/2015 – 2015/2021(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0735 – C8-0015/2015),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu stipulata fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0033/2015),

A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw irwieħhom fis-suq tax-xogħol,

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-FII tat-2 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG),

C. billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jerġa' jiġi introdott il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex l-effiċjenza tat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill tikber billi ż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni jitqassar, biex l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli jitwessgħu bl-introduzzjoni tal-persuni li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D. billi l-Belġju ressaq l-applikazzjoni EGF/2014/011 BE/Caterpillar għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 1 030 sensja f'Caterpillar Belgium S.A., kumpanija li topera fin-NACE 2 Diviżjoni 28 'Il-manifattura ta' makkinarju u tgħamir n.e.c', b'630 persuna mistennija jipparteċipaw fil-miżuri, matul u wara l-perjodu ta' referenza mill-1 ta' Jannar 2014 sat-30 ta' April 2014, marbuta ma' tnaqqis fid-domanda fl-Ewropa,

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti fir-Regolament dwar il-FEG,

1.  Jinnota li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati u li, għalhekk, jaqbel mal-Kummissjoni li l-Belġju huwa intitolat għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fit-22 ta' Lulju 2014, issupplimentawha b'informazzjoni addizzjonali sas-16 ta' Settembru 2014, u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fid-9 ta' Diċembru 2014;

3.   Jinnota li l-baġit totali huwa ta' EUR 2 038 090, li minnhom EUR 73 378 huma ddedikati għall-implimentazzjoni, u li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG tammonta għal EUR 1 222 854, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali tal-miżuri proposti;

4.   Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Belġjani ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fl-1 ta' April 2014, ferm qabel id-deċiżjoni u saħansitra l-applikazzjoni dwar l-għoti tal-appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost; jinnota li dawn is-servizzi personalizzati diġà offruti se jkunu eliġibbli għal finanzjament mill-FEG;

5.   Iqis li s-sensji f’Caterpillar Belgium S.A. huma marbuta ma’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni, fejn il-manifattura fl-Asja u l-importazzjoni fl-Ewropa saret irħas għall-kumpanija mill-produzzjoni fl-Ewropa għal suq li sejjer lura; jinnota li s-sit ta’ produzzjoni Gosselies sofra minn effetti negattivi 'l fuq u 'l isfel fil-katina, f'sitwazzjoni fejn il-prodotti tal-azzar u tal-metall fl-Ewropa intlaqtu minn kompetizzjoni minn ekonomiji emerġenti, u l-kriżi tal-2009 dgħajfet is-setturi tal-kostruzzjoni u tal-minjieri Ewropej, li huma l-aktar klijenti importanti ta' Caterpillar;

6.   Jinnota li d-domanda għal makkinarju tal-kostruzzjoni sofriet minħabba tnaqqis fl-investiment privat u pubbliku fl-infrastruttura, ikkawżat mill-prestazzjoni fqira tal-ekonomija globali;

7.  Jinnota li din hija t-tnax-il applikazzjoni tal-FEG mis-settur 'Il-manifattura ta' makkinarju u tagħmir n.e.c.', bl-applikazzjonijiet preċedenti mqassmin indaqs bejn il-kriterji tal-kummerċ u tal-kriżi ekonomika;

8.   Jiddispjaċih li ħafna mill-persuni qiegħda fir-reġjun ta' Charleroi għandhom ħiliet baxxi (59 % ma għandhomx edukazzjoni sekondarja ogħla) u li 43 % ilhom qiegħda għal aktar minn sentejn. jiddispjaċih li r-rata ta’ impjieg f’Charleroi, 52,26 %, hija fost l-aktar baxxi fir-reġjun tal-Vallonja; jilqa’ l-fatt, għalhekk, li l-awtoritajiet iddeċidew li japplikaw għal finanzjament mill-FEG sabiex jgħinu lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja;

9.   Jinnota li s-sensji f'Caterpillar mistennija jkollhom impatti negattivi enormi fir-reġjun ta’ Charleroi, li qed jiffaċċja sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol diffiċli ħafna minħabba d-dipendenza żejda tiegħu fuq l-impjiegi industrijali tradizzjonali u n-nuqqas ta’ industriji ġodda; jirrimarka li l-livell baxx ta' kwalifiki tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja tagħmilhielhom diffiċli jsibu impjieg ġdid f’kuntest ekonomiku negattiv; jirrakkomanda li l-Kummissjoni twettaq stħarriġ biex tidentifika stejjer ta’ suċċess intraprenditorjali fiż-żona tgħin lill-persuni li ngħataw is-sensja b’ideat ta’ proġetti ispirati mill-aqwa każijiet;

10. Jinnota li 18 % tal-ħaddiema fil-mira li ħaddiema li ngħataw is-sensja u li mistennija jipparteċipaw fil-miżuri huma mhedda b’esklużjoni mis-suq tax-xogħol peress li huma fil-grupp ta’ età bejn 55 u 64 sena;

11. Jinnota li l-pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati li għandhom jiġu kofinanzjati jkopri tliet oqsma prinċipali: ir-riallokazzjoni, it-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid u l-promozzjoni tal-intraprenditorija;

12. Jinnota li aktar minn nofs l-ispejjeż totali stmati għandhom jintefqu fuq servizzi ta' riallokazzjoni, jiġifieri miżuri ta' appoġġ, gwida u integrazzjoni; Jinnota li dawn is-servizzi se jiġi pprovduti minn FOREM (is-servizz pubbliku għall-impjiegi u t-taħriġ tar-Reġjun tal-Vallonja), li jaġixxi bħala entità intermedjarja fl-implimentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni;

13. Jilqa’ l-fatt li l-pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati tfassal b’konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira u s-sħab soċjali, fil-qies tal-potenzjal taż-żona u l-ambjent tan-negozju;

14. Ifakkar fl-importanza li l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kollha tittejjeb permezz ta ' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda wkoll għall-ambjent kummerċjali reali;

15. Huwa favur li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-FEG jintużaw fil-ġejjieni biex jappoġġjaw liż-żgħażagħ li ma jkunux f’impjieg, fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ (NEETs) f’dan ir-reġjun;

16. Ifakkar li, b'konformità mal-Artikolu  7 tar-Regolament tal-FEG, id-disinn tal-pakkett koordinat tas-servizzi personalizzati għandu jantiċipa perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

17. Jenfasizza li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg sostenibbli u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG ma għandha tissostitwixxi la l-azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

18. Jilqa’ l-fatt li l-appoġġ finanzjarju mill-Fond Soċjali Ewropew fl-imgħoddi ngħata għal proġett (EN Train — En Transition-Reconversion-Accompagnement) li kellu l-għan li jiżviluppa metodi pedagoġiċi għall-Unitajiet ta’ Riallokazzjoni b’mod ġenerali, u li s-sejbiet ta’ dan il-proġett x’aktarx li jkunu utli fl-implimentazzjoni tal-miżuri ppjanati;

19. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855).

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (Applikazzjoni EGF/2014/011 BE/Caterpillar, mill-Belġju)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġie stabbilit biex jipprovdi appoġġ lil ħaddiema li ngħataw is-sensja u persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni, minħabba ssoktar tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009(3), jew minħabba kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida u biex jassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)      L-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013(4) jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEG sal-limitu massimu annwali ta’ EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011).

(3)      Il-Belġju ressaq applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward tas-sensji f'Caterpillar Belgium S.A. fil-Belġju fit-22 ta’ Lulju 2014 u ssupplimentaha b’informazzjoni addizzjonali kif previst fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti biex tiġi determinata kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1309/2013.

(4)      Għaldaqstant, il-FEG għandu jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 1 222 854 għall-applikazzjoni sottomessa mill-Belġju,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 1 222 854 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

(1)

              ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

              ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(3)

             Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament      (KE) li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (ĠU L 167, 29.6.2009, p. 26).

(4)

             Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).


NOTA SPJEGATTIVA

I. Sfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta ' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006(2), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala provvediment fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), sabiex jiġi attivat il-Fond, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-awtorità baġitarja, proposta għal mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II. L-applikazzjoni ta' Caterpillar u l-proposta tal-Kummissjoni

Fid-9 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Belġju biex tappoġġja r-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni.

Din hija t-tieni applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-kuntest tal-baġit tal-2015 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 1 222 854 mill-FEG għall-Belġju. Tikkonċerna 663 sensja fil-perjodu ta’ referenza bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u t-30 ta’ April 2014 u 367 wara dak il-perjodu. L-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jeħtieġ li tal-inqas 500 ħaddiem jingħataw is-sensja jew li titwaqqaf l-attività ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, fuq perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur f’impriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li ngħataw is-sensja fost il-fornituri u l-produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni tagħha;

L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fit-22 ta' Lulju 2014. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-użu tal-FEG kif stipulati fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013.

Skont id-data msemmija mill-awtoritajiet Belġjani, Caterpillar kienet affettwata b’mod qawwi minn tnaqqis tad-domanda għal dan it-tip ta’ prodotti fl-Ewropa, li wassal biex kapaċità ta’ produzzjoni sostanzjali ġiet delokalizzata lejn pajjiżi terzi. L-impjant ta' Caterpillar f'Gosselies jispeċjalizza fl-immuntar tal-karozzi, il-produzzjoni ta' komponenti u ta' assemblaġġi u strutturi ssaldjati. Il-prodotti tagħha huma indirizzati biss għas-settur Ewropew tal-kostruzzjoni u tal-minjieri. Din is-sitwazzjoni tesponi l-impjant għal bidliet speċifiċi għal dawn is-setturi, u barra minn hekk l-impjant jiġi affettwat minn varjazzjonijiet li jikkonċernaw l-inputs tal-produzzjoni.

Skont id-data msemmija mill-awtoritajiet Belġjani, is-siti tal-produzzjoni tal-Caterpillar jinsabu qrib is-swieq tagħhom, u dan jispjega r-rabta bejn l-iżviluppi fil-livell Ewropew u l-iżviluppi tas-suq globali u t-tnaqqis tal-forza tax-xogħol li tinsab fis-sit f'Gosselies. Sa mill-2007, il-Caterpillar Group stabbilixxa impjanti f’ekonomiji emerġenti fl-Asja u fl-Amerika Latina, u t-tkabbir tiegħu huwa prinċipalment marbut ma’ dawn is-swieq. B’mod partikolari, is-sehem tal-Asja fil-bejgħ tal-Caterpillar aktar milli rdoppja bejn l-2007 u l-2013. Dan huwa marbut mat-tkabbir globali tal-ekonomiji Asjatiċi, b’mod partikolari ċ-Ċina u l-Indja, u l-industrija tal-kostruzzjoni f’dawn il-pajjiżi. Min-naħa l-oħra, is-suq ewlieni għall-Caterpillar f'Gosselies, fl-Unjoni Ewropea, jiddependi fuq investimenti pubbliċi u privati fl-infrastruttura fl-Ewropa li dan l-aħħar ġew imnaqqsa.

Jinnota li l-pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati li għandhom jiġu kofinanzjati jkopri tliet oqsma prinċipali: ir-riallokazzjoni, it-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid u l-promozzjoni tal-intraprenditorija.

Skont l-awtoritajiet Belġjani, il-miżuri mibdija fl-1 ta' April 2014 jingħaqdu biex jiffurmaw pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati u jirrappreżentaw miżuri attivi fis-suq tax-xogħol bl-għan tar-riintegrazzjoni tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol.

L-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw fl-applikazzjoni tagħhom li:

–      il-prinċipji tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom;

–      ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew issodisfati;

–      fil-każ tal-impriżi li taw is-sensji iżda li komplew l-attivitajiet tagħhom wara s-sensji, dawn ikkonformaw mal-obbligi ġuridiċi tagħhom li jirregolaw is-sensji u pprovdew għall-ħaddiema tagħhom kif xieraq;

–      l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhu se jitħalla jsir ebda finanzjament doppju;

–      l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet finanzjati mill-Fondi Strutturali;

–      il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

Fir-rigward tas-sistemi ta' tmexxija u kontroll, il-Belġju nnotifika lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun amministrata mill-istess entitajiet bħal fil-każ tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Entità waħda fi ħdan l-Aġenzija tal-FSE għall-Federazzjoni Vallonja-Brussell se taġixxi bħala awtorità maniġerjali u entità separata oħra fi ħdan l-Aġenzija tal-FSE se taġixxi bħala awtorità tal-pagamenti. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Federazzjoni Vallonja-Brussell se jaġixxi bħala awtorità ta’ ċertifikazzjoni u FOREM se jaġixxi bħala entità intermedjarja.

III. Proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ppreżentat talba ta’ trasferiment għal ammont globali ta’ EUR 1 222 854 lill-Awtorità Baġitarja.

Sal-lum, din hija t-tielet proposta ta' trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond mibgħuta lill-Awtorità Baġitarja matul l-2015.

It-trilogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG jista ' jieħu sura semplifikata, kif previst fl-Artikolu 12(5) tal-bażi ġuridika, għajr fil-każ li l-Parlament u l-Kunsill ma jilħqux qbil.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali se jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13 Volum 24 p. 239).

(2)

ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

ZP/ch D(2014)60426

Is-Sur Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ EGF/2014/011 BE/Caterpillar (COM(2014)735)

Sur President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta’ Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2014/011 BE/Caterpillar u adottaw l-opinjoni li tidher hawn taħt.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din l-applikazzjoni. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL jippreżenta xi rimarki mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubju dwar it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A) Billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 4(1)(a) tar- Regolament (UE) Nru 1309/2013 (Regolament dwar il-FEG) u tirreferi għal 1 030 ħaddiem f Caterpillar Belgium S.A. li topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt NACE Rev. 2 diviżjoni 28 ('Manifattura ta’ makkinarju u tagħmir n.e.c.'), fir-reġjun ta’ Hainaut, li ngħataw is-sensja fi ħdan il-perjodu ta’ referenza bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u t-30 ta' April 2014;

B) Billi l-awtoritajiet Belġjani, biex jistabbilixxu rabta bejn is-sensji u bidliet strutturali maġġuri fid-dinja, jargumentaw li Caterpillar intlaqtet severament minn tnaqqis fid-domanda għal makkinarju u aċċessorji meħtieġa għall-bini u t-tħaddim ta’ minjieri fl-Ewropa, li wassal biex kapaċità ta’ produzzjoni sostanzjali ġiet delokalizzata lejn pajjiżi terzi;

C) Billi, sal-lum, is-settur tal-'Manifattura tal-makkinarju u t-tagħmir n.e.c' kien is-suġġett ta’ 12-il applikazzjoni tal-FEG, li 6 minnhom kienu bbażati fuq il-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ u 6 fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

D) Billi l-maġġoranza enormi (96 %) tal-ħaddiema fil-mira tal-miżuri huma rġiel u 4 % huma nisa; Billi 65% tal-ħaddiema għandhom bejn 30 u 54 sena u t-tieni l-ikbar grupp ta' ħaddiema (18 %) għandhom bejn 55 u 64 sena;

E) Billi s-sensji ta’ Caterpillar jirrappreżentaw żieda ta’ 4 % fl-għadd ta' dawk li qed ifittxu x-xogħol fir-reġjun ta’ Charleroi u t-tnaqqis tal-impjant f’Gosselies se jwassal ukoll għal serje ta’ sensji f’sottokuntratturi;

F) It-tnaqqis fl-operazzjonijiet ta' Caterpillar f'Gosselies se jkabbar il-livell tal-qgħad b'mod sinifikanti (b'punt perċentwali sħiħ) fir-reġjun ta’ Charleroi;

Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Belġjana:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 huma ssodisfati u li għalhekk, il-Belġju huwa intitolat għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.  Jiddispjaċih li ħafna mill-persuni qiegħda fir-reġjun ta' Charleroi għandhom ħiliet baxxi (59 % ma għandhomx edukazzjoni sekondarja ogħla) u li 43 % ilhom qiegħda għal aktar minn sentejn; jiddispjaċih li r-rata ta’ impjieg f’Charleroi, 52,26 %, hija fost l-aktar baxxi fir-reġjun tal-Vallonja; jilqa’ l-fatt, għalhekk, li l-awtoritajiet iddeċidew li japplikaw għal finanzjament mill-FEG sabiex jgħinu lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja;

3.  Jiddispjaċih li s-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol fir-reġjun hija diffiċli ħafna; jinnota li huwa tradizzjonalment dipendenti ħafna fuq il-produzzjoni industrijali;

4.  Huwa favur li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-FEG jintużaw fil-ġejjieni biex jappoġġjaw liż-żgħażagħ li ma jkunux f’impjieg, fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ (NEETs) f’dan ir-reġjun;

5.  Jilqa’ l-fatt li l-appoġġ finanzjarju mill-Fond Soċjali Ewropew fl-imgħoddi ngħata għal proġett (EN Train — En Transition-Reconversion-Accompagnement) li kellu l-għan li jiżviluppa metodi pedagoġiċi għall-Unitajiet ta’ Riallokazzjoni b’mod ġenerali, u li s-sejbiet ta’ dan il-proġett x’aktarx li jkunu utli fl-implimentazzjoni tal-miżuri ppjanati;

6.  Jinnota li aktar minn nofs l-ispejjeż totali stmati għandhom jintefqu fuq servizzi ta' riallokazzjoni, jiġifieri miżuri ta' appoġġ, gwida u integrazzjoni; Jinnota li dawn is-servizzi se jiġi pprovduti minn FOREM (is-servizz pubbliku għall-impjiegi u t-taħriġ tar-Reġjun tal-Vallonja), li jaġixxi bħala entità intermedjarja fl-implimentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni;

7.   Ifakkar li, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jkun imfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-kapaċitajiet meħtieġa, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija li hi effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli.

Dejjem tiegħek,

Marita ULVSKOG,

Aġent President, l-Ewwel Viċi President


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Is-Sur Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

ASP 09 G 205

B 1047 Brussell

Sur Arthuis,

Suġġett:           Mobilizzazzjonijiet tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Sitt proposti separati tal-Kummissjoni għal deċiżjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġew riferuti lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Jien nifhem li hu maħsub li r-rapporti dwar kull waħda minn dawn il-proposti se jiġu adottati fil-Kumitat għall-Baġits fis-26 ta' Frar:

-          COM(2014)0725 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 981 956 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid ta' 708 ħaddiema li ngħataw is-sensja b'segwitu kemm għall-għeluq tal-impriża Duferco Belgium SA u t-tnaqqis tal-persunal f'NLMK La Louvière SA, li joperaw fis-settur tal-manifattura ta' metalli bażiċi fil-Provinċja ta' Hainaut, il-Belġju.

-          COM(2014)0726 hija proposta għal kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 1 094 760 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tas-657 ħaddiem li ngħataw is-sensja fl-impriża Aleo Solar AG u ż-żewġ sussidjarji tagħha, Aleo Solar Dritte Produktion GmbH (Prenzlau) u Aleo Solar Deutschland GmbH (Oldenburg), li joperaw fis-settur tal-manifattura tal-prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi fir-reġjuni ta' Brandenburg u Weser-Ems, il-Ġermanja.

-          COM(2014)0734 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 1 591 486 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tal-1285 ħaddiem li ngħataw is-sensja wara proċedura ta' ssensjar fl-impriża ArcelorMittal Liège S.A. li kienet topera fis-settur tal-manifatturi tal-metalli bażiċi fir-Reġjun ta' Liège, il-Belġju.

-          COM(2014)0735 hija proposta għal kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 1 222 854 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tal-1030 ħaddiem li ngħataw is-sensja fl-impriża Caterpillar Belgium S.A, li kienet topera fis-settur tal-manifattura tal-makkinarju u t-tagħmir, fil-Provinċja ta' Hainaut, il-Belġju.

-          COM(2015)COM(2015)0009 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 1 339 928 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid ta' 257 ħaddiem li ngħataw is-sensja b'segwitu għall-għeluq tal-impjant tal-produzzjoni ta' ħġieġ tas-sikurezza tal-karozzi ta' Saint-Gobain Sekurit Benelux f'Auvelais, il-Belġju.

-          COM(2015)0013 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 115 205 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid ta' 615-il ħaddiem li ngħataw is-sensja fl-impriża Zakłady Chemiczne Zachem, li timmanifattura prodotti kimiċi fil-Polonja.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw dawn il-proposti, u talbuni niktiblek b'dikjarazzjoni li l-maġġoranza ta' dan il-Kumitat m'għandha l-ebda oġġezzjoni għal dawn il-mobilizzazzjonijiet tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex jiġu allokati l-ammonti msemmijin hawn fuq, kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.2.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jonathan Arnott, Jean Arthuis, Lefteris Christoforou, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Monika Hohlmeier, Carlos Iturgaiz, Bernd Kölmel, Vladimír Maňka, Clare Moody, Victor Negrescu, Liadh Ní Riada, Urmas Paet, Pina Picierno, Paul Rübig, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Marco Valli, Daniele Viotti, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Janusz Lewandowski, Andrey Novakov, Tomáš Zdechovský

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Paulo Rangel

Avviż legali