Proċedura : 2015/2016(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0036/2015

Testi mressqa :

A8-0036/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2015 - 10.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0041

RAPPORT     
PDF 214kWORD 123k
2.3.2015
PE 546.864v02-00 A8-0036/2015

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2013/009 PL/Zachem, ippreżentata mill-Polonja)

(COM(2015)0013 – C8-0010/2015 – 2015/2016(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Jan Olbrycht

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
 Iskra MIHAYLOVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2013/009 PL/Zachem, ippreżentata mill-Polonja)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG) ġie stabbilit sabiex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)      Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3).

(3)      Fid-9 ta' Ottubru 2013, il-Polonja ssottomettiet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG fir-rigward tas-sensji li kien hemm fl-intrapriża Zachem u f'żewġ fornituri u produtturi involuti fl-istadju aħħari tal-produzzjoni, u ssupplimentatha b'informazzjoni addizzjonali sas-16 ta' Ġunju 2014. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk, tipproponi li jiġi mmobilizzat l-ammont ta' EUR 115 205.

(4)      IL-FEG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mill-Polonja,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi s-somma ta' EUR 115 205 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u f'approprjazzjonijiet ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

(1)

             ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(2)

             ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(3)

             ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.


NOTA SPJEGATTIVA

I. Sfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006(2), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala provvediment.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), sabiex jiġi attivat il-Fond, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, lill-awtorità baġitarja, proposta għal mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II. L-applikazzjoni ta' Zachem, ippreżentata mill-Polonja, u l-proposta tal-Kummissjoni

Fil-21 ta' Jannar 2015, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Polonja biex tappoġġja l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni.

Din hija l-ħames applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-baġit 2015 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 115 205 mill-FEG għall-Polonja. Din tikkonċerna 615-il sensja fil-perjodu ta' referenza mill-31 ta' Marzu 2013 sal-31 ta' Lulju 2013. L-applikazzjoni bbażata fuq il-kriterju ta' intervent tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament tal-FEG tal-2006, li jirrikjedi mill-inqas 500 sensja fuq perjodu ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li jingħataw is-sensja mill-fornituri tagħha jew mill-produtturi involuti fl-istadju aħħari tal- produzzjoni.

L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni nhar id-9 ta' Ottubru 2013. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-użu tal-FEG kif stipulat fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006(4) (ir-Regolament dwar l-FEG),

Skont id-data li jagħmlu referenza għaliha l-awtoritajiet Pollakki, l-UE ġarrbet telf sinifikanti tas-sehem tas-suq fl-industrija tal-kimika u tilfet il-pożizzjoni ewlenija tagħha fid-dinja f'dak li għandu x'jaqsam ma' bejgħ ta' prodotti kimiċi. Mill-1992 sal-2012, is-sehem tal-UE fis-suq dinji tas-sustanzi kimiċi naqas drastikament, minn 35,2 % fl-1992 għal 30,5 % fl-2002, imbagħad għal 17,8 % fl-2012(5). Ix-xejra fis-snin riċenti uriet li hemm migrazzjoni tal-manifattura tas-sustanzi kimiċi lejn l-Asja, u b'mod partikolari lejn iċ-Ċina. Iċ-Ċina kellha żieda spettakolari fil-manifattura tas-sustanzi kimiċi, minn sehem ta' 8,7 % fl-2002 għal sehem ta' 30,5 % fl-2012, minħabba żieda fil-bejgħ fis-swieq emerġenti. Il-livell ta' produzzjoni fl-ekonomiji Asjatiċi huwa xprunat ukoll minn kostijiet lavorattivi aktar baxxi, aċċess għas-swieq, sussidji, taxxi aktar baxxi u regolamenti inqas stretti.

Is-sensji fil-kumpanija Zachem ma kinux previsti, minħabba ż-żieda mhux mistennija fil-provvista tas-suq tal-prodott ewlieni tagħha, it-TDI (toluene di-isocyanate). Il-provvista żejda ta' 30 % li ġiet minn investimenti li saru f'partijiet oħra tad-dinja biex jittieħed vantaġġ mill-ekonomiji tal-iskala u biex tkompli tiġi integrata l-katina tal-provvista ppermettiet lil dawn il-produtturi jimmanifatturaw il-prodotti tagħhom b'kost medju aktar baxx. Flimkien mal-ispejjeż baxxi tat-trasport, dan wassal biex il-kumpanija Zachem ma tkunx tista' tikkompeti aktar f'dan l-ambjent. F'dak li jikkonċerna t-tieni sors ta' dħul, il-manifattura ta' ECH (Epikloroidrin), il-bejgħ tiegħu ma baqax irendi profitt għall-grupp minħabba ż-żieda ta' madwar 160 % fil-prezzijiet tal-materja prima tagħha (il-propilen).

Il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi kofinanzjat se jkun mmirat lejn l-aktar 50 persuna żvantaġġati u se jinkludi ż-żewġ miżuri li ġejjin: inċentivi għar-reklutaġġ u xogħlijiet ta' intervent.

Skont l-awtoritajiet Pollakki, il-miżuri mibdija fl-4 ta' Marzu 2013 flimkien jiffurmaw pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati u jirrappreżentaw miżuri attivi għas-suq tax-xogħol bil-għan li jintegraw mill-ġdid lill-ħaddiema fis-suq tax-xogħol.

L-awtoritajiet Pollakki:

•  ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja min-naħa tal-FEG mhix se tieħu post il-miżuri li jaqgħu fir-responsabbiltà tal-kumpaniji bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi;

•  urew li l-azzjonijiet jipprovdu appoġġ għall-ħaddiema individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi partikolari;

•  ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli msemmija hawn fuq ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-UE.

Fir-rigward tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll, il-Polonja nnotifikat li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess entitajiet bħall-FSE. L-Awtorità Maniġerjali responsabbli għall-implimentazzjoni tal-FEG se tkun il-Ministeru tal-Infrastruttura u l-Iżvilupp, u b'mod speċifiku d-Dipartiment tal-Fond Soċjali Ewropew. L-Awtorità Maniġerjali se tittrasferixxi xi kompiti lill-Korp Intermedjarju, li huwa l-Uffiċċju Provinċjali tax-Xogħol f'Torun.

III. Il-proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Awtorità Baġitarja talba ta' trasferiment għal ammont globali ta' EUR 115 205.

Sal-lum, din hija l-ħames proposta ta' trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond trażmessa lill-Awtorità Baġitarja matul l-2015.

It-trilogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG jista' jieħu forma simplifikata, kif previst fl-Artikolu 12(5) tal-bażi ġuridika, ħlief jekk ma jintlaħaq ebda qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali se jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

(1)

                    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(2)

                  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1. 1.

(3)

                  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

           ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(5)

.           L-industrija tal-kimika Ewropea. Fatti u Ċifri 2013, CEFIC (http://www.cefic.org/Facts-and-Figures)


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

ZP/ch D(2015)4226

M. Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għall-każ EGF/2013/009 PL/Zachem

Sur President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2013/009 PL/Zachem u adottaw l-opinjoni li tidher hawn taħt.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL jippreżenta xi rimarki mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubju dwar it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A) Billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ir-Regolament dwar il-FEG) u tirreferi għal 615-il ħaddiem li ngħataw is-sensja f'Zakladi Chemizne Zachem u fiż-żewġ fornituri tagħha Zachem UCR u Metalko SP fin-NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 20 (Manifattura ta' kimiċi u prodotti kimiċi) fil-Provinċja NUTS 2 ta' Kujawsko-Pomorskie (PL61) matul il-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur mill-31 ta' Marzu 2013 sal-31 ta' Lulju 2013;

B) Billi sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni, l-awtoritajiet Pollakki jargumentaw li l-UE tilfet sehem sinifikanti mis-suq fl-industrija tas-sustanzi kimiċi, u tilfet il-pożizzjoni li kellha ta' quddiem nett fid-dinja fejn jidħol il-bejgħ ta' sustanzi kimiċi;

C) Billi s-sehem tal-UE fis-suq dinji tas-sustanzi kimiċi naqas drastikament, minn 35,2 % fl-1992 għal 30,5 % fl-2002, imbagħad għal 17,8 % fl-2012;

D) Billi x-xejra fis-snin riċenti uriet li hemm migrazzjoni tal-manifattura tas-sustanzi kimiċi lejn l-Asja, u b'mod partikolari lejn iċ-Ċina; billi ċ-Ċina kellha żieda spettakolari fil-manifattura tas-sustanzi kimiċi, minn sehem ta' 8,7 % fl-2002 għal sehem ta' 30,5 % fl-2012, minħabba żieda fil-bejgħ fis-swieq emerġenti; il-livell ta' produzzjoni fl-ekonomiji Asjatiċi huwa xprunat ukoll minn kostijiet lavorattivi aktar baxxi, aċċess għas-swieq, sussidji, taxxi aktar baxxi u regolamenti inqas stretti;

E) Billi l-maġġoranza (78,7 %) tal-ħaddiema fil-mira tal-miżuri huma rġiel u 21,3 % huma nisa; billi l-maġġoranza (74,8 %) tal-ħaddiema għandhom bejn 25 u 54 sena u 24,7 % għandhom bejn 55 u 64 sena;

F) Billi r-reġjun kellu l-ogħla rata ta' qgħad fil-pajjiż u Zachem kienet l-ikbar impjegatur fiż-żona;

Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu rigward l-applikazzjoni Pollakka:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (UE) Nru 1927/2006 huma ssodisfati u li, għaldaqstant, il-Polonja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.  Jinnota li l-ammont mitlub huwa l-aktar baxx fl-istorja tal-FEG;

3.  Jinnota li l-miżuri appoġġjati mill-FEG huma mmirati lejn il-50 ħaddiem li jinsabu fl-aktar sitwazzjoni żvantaġġata; il-maġġoranza tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn Zachem u mill-fornituri tagħha jibbenefikaw minn miżuri komplementari ffinanzjati minn miżuri oħra tal-FSE; jirrimarka l-importanza li jiġi żgurat li ma jitħalliex isir finanzjament doppju f'każijiet ta' azzjonijiet komplementari bħal dawn;

4.  Jilqa' s-sinerġija tal-ġestjoni tal-miżuri differenti ffinanzjati mill-FEG, mill-FSE u minn fondi nazzjonali;

5.  Jinnota li l-akbar proporzjon tal-ispejjeż għas-servizzi personalizzati se jintefaq fuq inċentivi għar-reklutaġġ immirati lejn 45 ħaddiem, li għandhom l-għan li jagħtu inċentiv lill-impjegaturi li ddeċidew li jimpjegaw lil dawn il-ħaddiema għal mill-inqas 24 xahar;

6.  Jinnota li qed jingħata appoġġ fuq skala iżgħar lil ħames ħaddiema li ngħataw is-sensja u li għandhom aktar minn 50 sena, biex dan ikopri l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tagħhom; jinnota li dan il-grupp ta' età huwa f'riskju ogħla ta' qgħad fit-tul u esklużjoni mis-suq tax-xogħol.

Dejjem tiegħek,

Marita ULVSKOG,

Aġent President, l-Ewwel Viċi President


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Is-Sur Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

ASP 09 G 205

B 1047 Brussell

Sur Arthuis,

Suġġett:           Mobilizzazzjonijiet tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Sitt proposti separati tal-Kummissjoni għal deċiżjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġew riferuti lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Jien nifhem li hu maħsub li r-rapporti dwar kull waħda minn dawn il-proposti se jiġu adottati fil-Kumitat għall-Baġits fis-26 ta' Frar:

-          COM(2014)0725 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 981 956 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid ta' 708 ħaddiema li ngħataw is-sensja b'segwitu kemm għall-għeluq tal-impriża Duferco Belgium SA u t-tnaqqis tal-persunal f'NLMK La Louvière SA, li joperaw fis-settur tal-manifattura ta' metalli bażiċi fil-Provinċja ta' Hainaut, il-Belġju.

-          COM(2014)0726 hija proposta għal kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 1 094 760 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tas-657 ħaddiem li ngħataw is-sensja fl-impriża Aleo Solar AG u ż-żewġ sussidjarji tagħha, Aleo Solar Dritte Produktion GmbH (Prenzlau) u Aleo Solar Deutschland GmbH (Oldenburg), li joperaw fis-settur tal-manifattura tal-prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi fir-reġjuni ta' Brandenburg u Weser-Ems, il-Ġermanja.

-          COM(2014)0734 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 1 591 486 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tal-1285 ħaddiem li ngħataw is-sensja wara proċedura ta' ssensjar fl-impriża ArcelorMittal Liège S.A. li kienet topera fis-settur tal-manifatturi tal-metalli bażiċi fir-Reġjun ta' Liège, il-Belġju.

-          COM(2014)0735 hija proposta għal kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 1 222 854 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tal-1030 ħaddiem li ngħataw is-sensja fl-impriża Caterpillar Belgium S.A, li kienet topera fis-settur tal-manifattura tal-makkinarju u t-tagħmir, fil-Provinċja ta' Hainaut, il-Belġju.

-          COM(2015)COM(2015)0009 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 1 339 928 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid ta' 257 ħaddiem li ngħataw is-sensja b'segwitu għall-għeluq tal-impjant tal-produzzjoni ta' ħġieġ tas-sikurezza tal-karozzi ta' Saint-Gobain Sekurit Benelux f'Auvelais, il-Belġju.

-          COM(2015)0013 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 115 205 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid ta' 615-il ħaddiem li ngħataw is-sensja fl-impriża Zakłady Chemiczne Zachem, li timmanifattura prodotti kimiċi fil-Polonja.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw dawn il-proposti, u talbuni niktiblek b'dikjarazzjoni li l-maġġoranza ta' dan il-Kumitat m'għandha l-ebda oġġezzjoni għal dawn il-mobilizzazzjonijiet tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex jiġu allokati l-ammonti msemmijin hawn fuq, kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,


Iskra MIHAYLOVA

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.2.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jonathan Arnott, Jean Arthuis, Lefteris Christoforou, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Monika Hohlmeier, Carlos Iturgaiz, Bernd Kölmel, Vladimír Maňka, Clare Moody, Victor Negrescu, Urmas Paet, Pina Picierno, Paul Rübig, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Marco Valli, Daniele Viotti, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Janusz Lewandowski, Andrey Novakov, Tomáš Zdechovský

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Paulo Rangel

Avviż legali