Proċedura : 2014/2219(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0039/2015

Testi mressqa :

A8-0039/2015

Dibattiti :

PV 11/03/2015 - 14
CRE 11/03/2015 - 14

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2015 - 8.5
CRE 12/03/2015 - 8.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0075

RAPPORT     
PDF 262kWORD 302k
3.3.2015
PE 544.300v02-00 A8-0039/2015

dwar ir-Rapport Annwali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew

(2014/2219(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Elmar Brok

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI TAL-MINORANZA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport Annwali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew

(2014/2219(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-Rapport Annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (12094/14),

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà / Viċi-President tal-Kummissjoni (RGħ/VP) dwar ir-responsabbiltà politika,

–       wara li kkunsidra l-impenji meħuda mir-RGħ/VP Federica Mogherini matul is-seduta ta' smigħ tagħha tas-6 ta' Ottubru 2014 fil-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 52 u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A8‑0039/2015),

Quddiem ambjent politiku u ta' sigurtà mibdul

1.      Jindika l-ambjent ta' sigurtà fl-UE li mar għall-agħar b'mod drammatiku, speċjalment fil-viċinat immedjat tal-UE, fejn l-ordni internazzjonali msejjes fuq id-dritt, kif ukoll l-istabbiltà u s-sigurtà tal-Ewropa, qed iħabbtu wiċċhom ma' theddidiet ta' gravità mingħajr preċedenti mindu bdiet l-integrazzjoni Ewropea; jindika t-trasformazzjoni kontinwa tal-ordni politiku globali;

2.      Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-UE, anki minħabba l-kriżi interna tagħha, s'issa ma rnexxilhiex tuża l-potenzjal kollu tagħha biex issawwar l-ambjent politiku u ta' sigurtà internazzjonali, u li n-nuqqas ta' koordinazzjoni u koerenza fil-politiki bejn il-politiki tal-UE, flimkien mal-limitazzjonitiet finanzjarji, joħolqu restrizzjonijiet addizzjonali fuq l-influwenza tal-Ewropa fid-dinja u l-kapaċità tagħha bħala fornitur ta' sigurtà reġjonali u globali li jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-kunflitti u l-ġestjoni tal-kriżijiet;

3.      Huwa tal-fehma li l-kompiti ta' prijorità għall-politika barranija u tas-sigurtà tal-UE huma:

   il-ħarsien tal-valuri u l-interessi Ewropej u l-infurzar tal-ordni politiku u ġuridiku fl-Ewropa, biex b'hekk jiġu ripristinati u salvagwardjati l-paċi u l-istabbiltà;

   it-titjib tal-kontribut tal-UE fid-difiża territorjali tal-Istati Membri tagħha u s-sigurtà taċ-ċittadini tagħha billi ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tiddefendi ruħha kontra t-theddidiet li qed tħabbat wiċċha magħhom, inkluż it-terroriżmu u l-armi, it-traffikar tad-drogi u tal-bnedmin;

   l-għoti ta' sostenn lis-sigurtà, id-demokratizzazzjoni, l-istat tad-dritt u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-viċinat tal-UE;

   it-teħid ta' rwol ewlieni fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, anki permezz taż-żamma tal-paċi u l-infurzar tal-paċi fil-kuntest tal-PSDK;

   it-tisħiħ, flimkien mas-sħab tagħha, tal-ordni politiku, ekonomiku u finanzjarju globali pluralistiku bbażat fuq ir-regoli, inkluż ir-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; u

   it-titjib tal-istrutturi interni u l-metodi ta' ħidma tal-UE sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tagħha u jkun jista' joħroġ il-potenzjal sħiħ tagħha bħala attur globali;

L-UE bħala attur kredibbli

4.      Jemmen li politika barranija ambizzjuża u effikaċi tal-UE jeħtieġ li tkun imsejsa fuq viżjoni komuni tal-interessi, il-valuri u l-objettivi ewlenin Ewropej fir-relazzjonijiet esterni, u fuq perċezzjoni komuni tat-theddidiet li qed jolqtu lill-UE kollha kemm hi; jilqa' l-impenn tar-RGħ/VP, abbażi tal-mandat mill-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2013, li tagħti bidu, bħala kwistjoni ta' prijorità, għal proċess ta' riflessjoni strateġika dwar il-politika barranija u ta' sigurtà tal-UE, li għandu jinvolvi firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati, inklużi l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet Ewropej u l-pubbliku Ewropew; jinsisti li din ir-riflessjoni għandha twassal għal Strateġija Ewropea ta' Sigurtà ġdida li tqis il-bidliet ġeopolitiċi reċenti sabiex tirreaġixxi għat-theddidiet u l-isfidi ġodda;

5.      Jenfasizza l-obbligu meħud mill-Istati Membri fir-ratifikazzjoni tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jagħtu sostenn lill-politika esterna u ta' sigurtà tal-Unjoni b'mod attiv u mingħajr riserva, fi spirtu ta' lealtà u solidarjetà reċiproka, f'konformità mal-Artikolu 24(3) TUE;

6.      Jinsisti li r-riżorsi politiċi, ekonomiċi, finanzjarji u ta' difiża tal-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jissaħħu u jinġemgħu flimkien bil-għan jimmassimizzaw l-influwenza tal-UE fid-dinja, jipproduċu sinerġiji u jiżguraw il-paċi u l-istabbiltà fl-Ewropa u l-viċinat tagħha; jissottolinja li l-ispejjeż jistgħu jiġu ffrankati b'mod sinifikanti permezz ta' kooperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mal-politika barranija u ta' sigurtà tagħhom;

7.      Jenfasizza li l-assistenza finanzjarja esterna skjerata mill-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġ li terġa' tiġi orjentata mill-ġdid u użata b'mod aktar effiċjenti f'konformità mal-prijoritajiet strateġiċi miftiehma b'mod konġunt; jitlob li jittieħdu aktar miżuri mill-UE sabiex tiżdied il-viżibbiltà, il-koerenza u l-effikaċja tal-assistenza tal-UE; huwa tal-fehma li l-oqsma kollha ta' assistenza tal-UE, kemm jekk hi għajnuna għall-iżvilupp, jew għajnuna umanitarja u ta' emerġenza, għandhom ikunu kkoordinati u konsistenti; jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jiżguraw sorveljanza effikaċi fuq l-assistenza finanzjarja, biex ikunu ċerti li l-miri jintlaħqu; jiġbed l-attenzjoni għar-rapporti mfassla mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri li fil-passat urew anomaliji; jenfasizza li għandha tiżdied l-assistenza finanzjarja li tagħti sostenn lis-soċjetà ċivili u l-NGOs li jinsabu fil-post; jitlob li fejn tidħol l-approvazzjoni ta' proġetti jkun hemm proċeduri aktar rapadi u anqas burokratiċi;

8.      Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE biex jużaw bis-sħiħ is-sett ta' għodod tat-Trattat ta' Lisbona sabiex jimxu minn approċċ li sal-lum kien aktar reattiv għal politika barranija u ta' sigurtà tal-UE proattiva u koerenti, ibbażata fuq valuri komuni u użata fl-interess komuni Ewropew;

9.      Huwa tal-fehma li l-Kunsill u l-Kummissjoni, bil-kooperazzjoni attiva tal-Istati Membri, jeħtieġ li jiżguraw il-koerenza u l-konsistenza ta':

   il-politiki interni u esterni segwiti mill-UE, inkluż il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK), il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) u l-politiki marbuta mal-viċinat, il-kummerċ, l-iżvilupp, l-għajnuna umanitarja, il-ġustizzja u l-affarijiet interni, l-enerġija, l-ambjent, il-migrazzjoni, eċċ,

   il-politiki segwiti mill-UE u mill-Istati Membri tagħha;

10.    Jilqa', f'dan ir-rigward, l-organizzazzjoni tal-Kummissjoni l-ġdida fi gruppi, peress li hekk tippermetti li r-RGħ/VP tikkoordina l-politiki relevanti kollha tal-Kummissjoni b'dimensjoni esterna; jappoġġja lir-RGħ/VP fl-isforzi tagħha biex tħaddan bis-sħiħ ir-rwol tagħha bħala Viċi President tal-Kummissjoni; iħeġġeġ lir-RGħ/VP biex, fl-istess ħin, tuża r-rwol tagħha bħala President tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin sabiex tressaq inizjattivi fil-Kunsill li javanzaw il-politiki proattivi komuni lil hinn mill-iżgħar denominatur komuni, billi tuża s-sett ta' għodod kollu tal-PESK u tal-politiki esterni tal-UE;

11.    Itenni li l-istrutturi interni tas-SEAE jeħtieġ li jiġu riformati sabiex dan ikun jista' jassisti lir-RGħ/VP fir-rwoli kollha tagħha u jippermettilha timxi 'l quddiem fl-ippjanar strateġiku u tikkoordina l-proċessi politiċi fi ħdan il-Kunsill u l-Kummissjoni; jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi razzjonalizzata l-istruttura ta' ġestjoni superjuri tas-SEAE u li jitħaffu u jiġu simplifikati l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet; itenni t-taħba tiegħu għal integrazzjoni aktar stretta tar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE fis-SEAE, fosthom permezz ta' trasferiment tal-baġit tagħhom mill-baġit operattiv tal-PESK għall-baġit tas-SEAE; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, evalwazzjoni politika u kosteffikaċi tar-rwol li għandhom dawn ir-Rappreżentanti Speċjali;

12.    Itenni t-talba tiegħu għal kooperazzjoni u koordinazzjoni msaħħa bejn id-diversi kapaċitajiet ta' monitoraġġ u reazzjoni għall-kriżijiet fil-livell tal-UE; iħeġġeġ, barra minn hekk, ir-razzjonalizzazzjoni tal-istrutturi eżistenti sabiex jitnaqqsu d-duplikazzjonijiet mhux meħtieġa, fosthom billi jingħaqdu dawk il-kapaċitajiet li jirkbu fuq xulxin; huwa tal-fehma li ċ-ċentri ta' monitoraġġ għandu jkollhom riżorsi adegwati u li l-profili lingwistiċi tal-persunal tagħhom għandhom ikunu f'konformità mal-lingwi mitkellma fiż-żoni ta' kriżi l-aktar rilevanti, b'mod partikolari r-Russu u l-Għarbi; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni msaħħa u kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn iċ-ċentri ta' monitoraġġ fil-livell tal-UE u s-servizzi korrispondenti fl-Istati Membri;

13.    Jitlob li ssir modernizzazzjon tan-netwerk tad-delegazzjonijiet tal-UE sabiex dawn jirriflettu l-ħtiġijiet tal-politika barranija tal-UE fis-seklu 21, fosthom billi jiġu adattati n-numri u l-għarfien espert tal-persunal; iqis, pereżempju, li d-delegazzjonijiet kollha li jinsabu f'żoni ta' kunflitt, b'mod partikolari f'pajjiżi fejn għaddejja missjoni tal-PSDK, għandha tinkludi l-preżenza ta' espert dwar kwistjonijiet ta' sigurtà u difiża; jitlob lir-RGħ/VP biex issaħħaħ l-awtorità tal-kap tad-delegazzjoni fuq il-persunal kollu, irrispettivament mill-oriġini istituzzjonali tagħhom, u biex tissimplifika l-baġits amministrattivi tad-delegazzjonijiet lejn sors ta' finanzjament uniku; jitlob li l-linji ta' rapportar jiġu ċċarati; jiddispjaċih li l-potenzjal għal sinerġiji u ekonomiji ta' skala li jingħata mit-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-ambaxxati tal-Istati Membri u d-delegazzjonijiet tal-UE għad irid jiġi sfruttat bis-sħiħ; jinsisti li bilanċ ġust bejn il-persunal sekondat mill-Istati Membri u l-uffiċjali tal-UE, li huwa stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi s-SEAE, għandu jiġi rispettat fil-livelli kollha;

14.    Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' flessibbiltà fir-regoli finanzjarji tal-UE, li spiss iwassal għal dewmien fl-iżborż operazzjonali tal-fondi tal-UE u joħloq ostakli addizzjonali għall-kapaċità tal-UE biex tirrispondi għall-kriżijiet; jisħaq fuq il-ħtieġa għal żborż aktar rapidu ta' mezzi finanzjarji, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa għal kontroll effikaċi sabiex jiġu evitati l-frodi u l-miżapproprijazzjonijiet; jitlob lill-Kummissjoni biex fl-2015 toħroġ bi proposta għal riforma tal-leġiżlazzjoni rilevanti, fosthom billi tippermetti proċedura rapida, attwalment disponibbli għall-għajnuna umanitarja, biex tintuża għall-ġestjoni tal-kriżi filwaqt li jiġi żgurat li l-infiq b'reazzjoni għall-kriżijiet ikun koerenti mal-għanijiet strateġiċi tal-UE fuq medda twila ta' żmien; jinsab imħasseb sew dwar l-iskarsezza tal-pagamenti fir-rigward ta' żewġ sorsi baġitarji ewlenin tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet u l-prevenzjoni tal-kunflitti, b'mod partikolari l-baġit tal-PESK u l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP); huwa konvint li l-ambjent ta' sigurtà attwali fil-Lvant u n-Nofsinhar tal-Ewropa aktar jeħtieġ effetti ta' sinerġija u riżorsi addizzjonali milli tnaqqis sostanzjali;

15.    Jirrimarka li l-viżibbiltà tal-azzjonijiet tal-UE jeħtieġ li tiżdied fil-livell tal-ippjanar strateġiku u l-fora multilaterali, kif ukoll fil-livell operazzjonali permezz ta' missjonijiet tal-PSDK u l-missjonijiet l-oħra kollha b'aspett estern;

16.    Ifakkar li l-UE għandha l-obbligu, skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, biex tiżgura li l-azzjoni esterna tagħha hija mfassla u implimentata sabiex tikkonsolida u tappoġġa d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali, u li din hija responsabbiltà konġunta tal-UE u l-Istati Membri tagħha; jistieden lir-RGħ/VP tagħti rendikont b'mod regolari dwar il-konformità mal-Artikolu 21, u biex tesplora mezzi bil-għan li ttejjeb il-koerenza tal-politika esterna, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali; jenfasizza li l-monitoraġġ tal-politiki esterni dwar il-konformità mal-Artikolu 21 għandhom jitwettqu b'mod aktar armonizzat u strett; jenfasizza l-ħtieġa li l-imsieħba jżommu mal-impenji li jkunu ħadu dwar id-drittijiet tal-bniedem fi ftehimiet mal-UE, u jisħaq fuq il-ħtieġa li, meta jkun meħtieġ, jintużaw il-klawsoli tal-kundizzjonalità tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn il-ftehimiet;

17.    Jinnota ż-żieda fid-domanda għall-assistenza internazzjonali fl-appoġġ għad-demokrazija u l-osservazzjoni elettorali; jirrikonoxxi li dan huwa qasam fejn l-UE jista' jkollha rwol effikaċi fl-appoġġ tal-proċessi demokratiċi; jitlob, għaldaqstant, li jsir segwitu konsistenti dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u t-talbiet speċifiċi għall-pajjiżi għall-appoġġ fil-bini tal-kapaċitajiet għall-partiti politiċi;

18.    Jenfasizza l-importanza vitali tad-difiża kollettiva garantita min-NATO għall-membri tagħha; iħeġġeġ lill-Istati Membri, bħala kwistjoni ta' urġenza, biex iżidu l-kapaċità tagħhom li jikkontribwixxu għad-difiża territorjali, jiddedikaw aktar riżorsi u jieħdu b'serjetà l-metodoloġija ta' akkomunament u kondiviżjoni billi jikkooperaw aktar mill-qrib biex jibnu s-sinerġiji; jenfasizza li l-Istati Membri kollha jeħtieġ li jgawdu l-istess livell ta' sigurtà, f'konformità mal-Artikolu 42(7) TUE; jenfasizza li politika barranija kredibbli tal-UE jeħtieġ li tkun imsaħħa b'kapaċitajiet ta' difiża adegwati fl-Istati Membri u b'Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) effikaċi; huwa tal-fehma li l-PSDK hija komponent importanti tad-difiża u s-sigurtà Ewropea, u li tikkontribwixxi għal dan b'diversi modi, fosthom billi tippromwovi l-ħolqien ta' bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea (EDTIB), billi trawwem il-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża, u billi b'mod dirett tintervjeni f'żoni ta' kriżi permezz tal-missjonijiet ċivili u l-operazzjonijiet militari tagħha; jisħaq, għaldaqstant, li l-PSDK għandha tiġi approfondita ulterjorment b'kooperazzjoni man-NATO; itenni li l-UE hija sieħeb tan-NATO u li l-istrateġiji taż-żewġ organizzazzjonijiet għandhom ikunu komplementari; jissottolinja r-rwol importanti tal-kooperazzjoni fl-oqsma tas-sigurtà u d-difiża bejn l-UE u sħab bħan-NU, in-NATO, l-Unjoni Afrikana u l-OSKE; jilqa' l- impenn tar-RGħ/VP li tinvolvi ruħha b'mod attiv dwar kwistjonijiet ta' difiża, fosthom billi tippresiedi laqgħat tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin fil-konfigurazzjoni tal-Ministri għad-Difiża;

19.    Jenfasizza li l-potenzjal ta' diversi klawsoli tat-Trattat ta' Lisbona, bħalma huma l-Artikolu 44 TUE (li l-missjonijiet tal-PSDK jitħallew f'idejn grupp żgħir ta' Stati Membri), l-Artikolu 41 TUE (dwar l-Istartup Fund), l-Artikolu 46 TUE (dwar il-kooperazzjoni msaħħa permanenti), l-Artikolu 42 TUE (il-klawsola ta' solidarjetà), u l-Artikolu 222 TFUE (dwar il-klawsola ta' difiża reċiproka), għad irid jiġi sfruttat; jistieden lir-RGħ/VP tippromwovi b'mod attiv dawn l-istrumenti u l-implimentazzjoni tagħhom, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu użu minnhom;

20.    Jilqa' l-organizzazzjoni ta' laqgħa tal-Kunsill Ewropew dwar id-difiża f'Diċembru 2013, u jitlob għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda; jinsab ħerqan għad-dibattitu li jmiss f'Ġunju 2015; jitlob li f'dan is-summit jittieħdu deċiżjonijiet ambizzjużi, b'mod partikolari:

–   it-tnedija – abbażi tar-reviżjoni tal-qafas strateġiku tal-UE – ta' proċess ta' riflessjoni strateġika dwar l-objettivi u l-prijoritajiet fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, li jistabbilixxi l-kapaċitajiet meħtieġa u l-għażliet għall-approfondiment tal-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża, bil-għan li jkun hemm rispons aħjar quddiem it-theddidiet li l-pajjiżi tal-UE qed iħabbtu wiċċhom magħhom;

–   it-tisħiħ tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża billi jingħatawlha r-riżorsi meħtieġa u l-impetu politiku neċessarju, sabiex din tkun tista' taqdi r-rwol sħiħ tagħha fil-koordinazzjoni u l-istimulazzjoni tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-armamenti;

–   ir-rieżami tal-mekkaniżmu ta' finanzjament Athena bil-ħsieb li jiżdied ulterjorment il-finanzjament komuni fil-qasam tal-operazzjonijiet militari tal-PSDK, b'tali mod li jiġi evitat li l-kunsiderazzjonijiet finanzjarji jikkompromettu l-kapaċità tal-UE li tirrispondi għall-kriżijiet, u li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jiġġeneraw il-forzi b'mod rapidu għall-operazzjonijiet tal-PSDK u jiżguraw kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet;

–   it-tisħiħ tal-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea, fost l-oħrajn billi jiġu kkoordinati l-baġits tad-difiża, jiġu armonizzati r-rekwiżiti, jitnaqqsu l-ineffiċjenzi u jinħolqu s-sinerġiji;

–   jiġu indirizzati l-problemi eżistenti fl-oqsma tal-ippjanar u t-tmexxija ta' operazzjonijiet militari, fosthom permezz tal-istabbiliment ta' kwartieri ġenerali tal-operazzjonijiet militari permanenti f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) li diġà teżisti;

  iż-żieda fl-effikaċja u fil-possibbiltà tal-użu tal-Gruppi Tattiċi tal-UE, fost l-oħrajn billi jiġi introdott approċċ modulari, jiġi estiż il-finanzjament komuni permezz tal-mekkaniżmu Athena, u - fejn xieraq - jiġu skjerati l-Gruppi Tattiċi f'xenarji futuri ta' ġestjoni tal-kriżijiet;

21.    Hu tal-fehma li l-attakki terroristiċi reċenti fil-pajjiżi tal-UE jixhdu li huwa dejjem aktar diffiċli biex is-sigurtà interna tinfired minn dik esterna, u jappella lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jagħmlu konnessjoni aħjar bejn l-isforzi tagħhom f'dawn l-oqsma; jappella lill-Istati Membri biex jintensifikaw il-kondiviżjoni tal-intelligence relatata mas-sigurtà, billi jisfruttaw il-faċilitajiet ta' koordinament eżistenti fil-livell Ewropew; jappella biex tissaħħaħ il-koperazzjoni fir-rigward tal-kwistjonijiet kontra t-terroriżmu fir-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq, anke permezz ta' taħriġ u l-bini tal-kapaċitajiet fis-settur tas-sigurtà, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jagħmlu kull sforz possibbli biex isaħħu l-koperazzjoni internazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, u jissottolinja r-rwol importanti li trid tiżvolġi n-NU f'dan ix-xogħol;

22.    Jappella biex jiġu żviluppati r-riżorsi industrijali u teknoloġiċi meħtieġa biex tittejjeb is-sigurtà ċibernetika, anke permezz tal-promozzjoni ta' suq uniku għall-prodotti tas-sigurtà ċibernetika; jenfasizza fuq il-ħtieġa li ċ-ċiberdifiża tiġi integrata fil-politiki u l-miżuri predominanti tal-azzjoni esterna u l-PESK, u jappella biex ikun hemm koordinament aktar mill-qrib man-NATO fir-rigward taċ-ċiberdifiża bil-ħsieb li tiġi stabbilita deterrenza ċibernetika b'mod li l-attakki li jsiru miċ-ċiberspazju jkunu jistgħu jiġu affaċċjati u pprevenuti b'mod effikaċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE, lis-SEAE u lill-Kummissjoni jiffokaw fuq kif tista' tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura rilevanti; jilqa' l-Istrateġija ta' Ċibersigurtà tal-UE; jissottolinja l-ħtieġa li l-kapaċitajiet tal-Istati Membri fil-qasam taċ-ċiberdifiża jiżdiedu b'mod sinifikanti; iħeġġeġ lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża ssaħħaħ il-koordinament rigward iċ-ċiberdifiża fost l-Istati Membri u jappella lill-Istati Membri biex jipprovdulha l-mezzi biex tilħaq dan il-għan; jappella lill-Kummissjoni biex taġġorna r-regolament dwar l-użu doppju sabiex tevita l-esportazzjoni ta' sistemi lejn min ikollu l-intenzjoni li jdgħajjef is-sigurtà u l-infrastruttura kritika tal-UE u tipprevjeni l-esportazzjoni ta' teknoloġija għas-sorveljanza tal-massa lejn reġimi awtoritarji; ifakkar fl-importanza li jinżamm bilanċ bejn is-salvagwardja tal-libertajiet diġitali u s-sigurtà;

23.    Jappella għal politika mġedda u koerenti tal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kawżi li huma l-għeruq tal-migrazzjoni irregolari, billi tissaħħaħ il-koperazzjoni mal-pajjiżi ta' tranżitu u ta' oriġini tal-flussi migratorji bl-użu tal-istrumenti politiċi u ta' assistenza kollha, inklużi l-politiki dwar l-iżvilupp u dwar il-kummerċ, l-għajnuna umanitarja, il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-ġestjoni tal-kriżijiet, flimkien mal-ħtieġa li jissaħħu r-rotot ta' migrazzjoni legali; itenni l-appell tiegħu biex jiġi intensifikat l-appoġġ umanitarju lill-pajjiżi li jospitaw ir-refuġjati u biex jissaħħu l-Programmi ta' Protezzjoni Reġjonali mmexxija b'kollaborazzjoni mal-UNHCR qrib ir-reġjuni ta’ oriġini; jisħaq fuq il-fatt li l-kwistjonijiet ta' ġestjoni tal-migrazzjoni għandhom jiġu integrati fil-politiki u l-miżuri predominanti tal-azzjoni esterna tal-UE u għandhom ikunu prijorità għolja fil-koperazzjoni tal-UE mal-ġirien fil-Lvant u fin-Nofsinhar; jenfasizza li l-fatalitajiet fil-fruntieri tal-UE jridu jiġu evitati;

24.    Jindika li l-enerġija qed tintuża dejjem aktar bħala għodda fil-qasam tal-politika barranija u jfakkar li l-integrazzjoni Ewropea hija msejsa fuq il-koperazzjoni fis-settur tal-enerġija; jenfasizza l-importanza li tinbena Unjoni Ewropea tal-Enerġija li jkollha l-għan li żżid il-koerenza u l-koordinament bejn il-politika barranija u l-politika tal-enerġija; jisħaq fuq il-fatt li s-sigurtà tal-enerġija għandha tkun parti mill-approċċ komprensiv għall-azzjoni esterna tal-UE u jemmen li l-politika tal-enerġija trid tkun konformi mal-politiki prijoritarji l-oħra tal-Unjoni, inklużi dawk fl-oqsma tas-sigurtà, tal-affarijiet barranin u tal-viċinat, dawk kummerċjali, u għall-iżvilupp, kif ukoll il-politiki tagħha għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li titnaqqas b'mod sinifikanti d-dipendenza fuq ir-Russja u li jinstabu sorsi alternattivi ta' enerġija; jappella lir-RGħ/VP u lill-Kummissjoni biex jissorveljaw u jindirizzaw il-kontroll ta' infrastrutturi minn entitajiet li mhumiex fl-UE, b'mod speċifiku minn kumpaniji b'sjieda statali, banek nazzjonali jew fondi sovrani minn pajjiżi terzi, li jkunu qed jippenetraw fis-suq tal-enerġija tal-UE jew ixekklu d-diversifikazzjoni, inkluż fis-settur nukleari; jisħaq fuq il-fatt li l-kumpaniji tal-enerġija li mhumiex fl-UE jridu jkunu soġġetti wkoll għar-regoli dwar il-kompetizzjoni applikabbli fis-suq tal-enerġija tal-UE;

25.    Jilqa' l-istabbiliment tal-kariga ta' Viċi-President għall-Unjoni tal-Enerġija u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintensifikaw il-koperazzjoni b'mod li jimplimentaw l-azzjonijiet fil-qosor u fit-tul elenkati f'din l-istrateġija; jinsisti fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-koerenza bejn il-politika barranija tal-UE u l-politiki l-oħra b'dimensjoni esterna, bħall-politika tal-enerġija, u jistenna li l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-Kummissjoni f'setturi raggruppati tkun effikaċi f'dan ir-rigward; iħeġġeġ biex jittieħdu passi ulterjuri biex l-objettivi fil-qasam tas-sigurtà tal-enerġija jsiru konformi mal-objettivi l-oħra segwiti mill-UE; jappella lir-RGħ/VP biex tiżviluppa prijoritajiet strateġiċi għall-politika esterna tal-enerġija stabbiliti fl-objettivi tal-politika barranija ġenerali u biex tagħmel użu aktar sistematiku tal-għodda tal-politika barranija fl-oqsma tas-sigurtà tal-enerġija;

26.    Hu tal-fehma li għandu jiġi implimentat mekkaniżmu ta' solidarjetà b'mod li jiġi indirizzat it-taqlib possibbli fil-provvista tal-enerġija; jemmen li għandha tiġi żviluppata ulterjorment infrastruttura interkonnessa tal-enerġija u li l-partijiet kollha fit-territorju tal-UE għandhom jiġu integrati fi grilja enerġetika li tkopri l-UE kollha; jenfasizza li l-isforzi għad-diversifikazzjoni tal-provvista enerġetika tal-UE għandhom jitħaffu b'mod li tissaħħaħ l-indipendenza enerġetika tal-UE; hu tal-fehma li l-iżvilupp ta' sorsi rinnovabbli u ta' użu effiċjenti tal-enerġija ikun ta' benefiċċju qawwi għall-kredibilità tal-azzjoni esterna tal-UE; ifakkar li suq intern tal-enerġija li jiffunzjona sew huwa essenzjali u li hu fl-interess ġenerali tal-UE li tiżgura li s-swieq tal-enerġija internazzjonali jkunu stabbli, trasparenti, u bbażati fuq ir-regoli internazzjonali; jappella lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal strateġija komprensiva għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista ta' riżorsi apparti dawk tal-enerġija.

27.    Jilqa' l-attitudni ta' kooperazzjoni tar-RGħ/VP Federica Mogherini fir-rigward tal-Parlament, immirata biex issaħħaħ ir-responsabbiltà tagħha fil-konfront tal-istituzzjoni; itenni l-ħtieġa għal konsultazzjoni sistematika u proattiva mal-Parlament, u b'mod partikolari mal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tiegħu, qabel l-adozzjoni tal-istrateġiji tal-politika barranija u l-mandati tal-PSDK; jitlob lill-Kunsill jiffinalizza n-negozjati mal-Parlament rigward is-sostituzzjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali tal-2002 dwar l-aċċess mill-Parlament Ewropew għal informazzjoni sensittiva tal-Kunsill fil-qasam tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża; impenja ruħu biex jintensifika l-koperazzjoni mal-parlamenti nazzjonali, inkluż fi ħdan il-Konferenza Interparlamentari għall-PESK u l-PSDK u l-COSAC, b'mod li jkunu preparati aħjar biex jikkontrollaw ir-riżorsi rispettivi;

Preservazzjoni u tisħiħ tal-ordni politiku u ġuridiku Ewropew

28.    Jissottolinja l-ħtieġa li l-UE tiġi kkonsolidata u li tissaħħaħ il-kapaċità ta' integrazzjoni tagħha, li hija wieħed mill-kriterji ta' Kopenħagen; itenni il-perspettiva ta' tkabbir għall-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali oħra fl-ambitu tad-Dikjarazzjoni ta' Salonka tal-2003, abbażi tat-twettiq tal-kriterji ta' Kopenħagen, u jappoġġa t-tkomplija tan-negozjati għat-tkabbir; jappoġġa, f'dan ir-rigward, l-approċċ tal-Kummissjoni, li jikkonsisti fl-indirizzar ta' riformi fundamentali fl-oqsma tal-istat tad-dritt, l-amministrazzjoni pubblika u l-governanza ekonomika minn kmieni fil-proċess ta’ tkabbir; itenni li kull pajjiż għandu jkun iġġudikat skont il-merti proprji tiegħu u jemmen li, fil-każijiet fejn l-UE tqis li pajjiż kandidat kiseb livell sodisfaċenti ta' allinjament mal-acquis tal-UE, għandhom jinfetħu jew jitkomplew in-negozjati għall-adeżjoni, peress li dan huwa kruċjali biex tiġi ppreżervata l-kredibilità tal-UE kollha kemm hi; jissottolinja l-importanza ta' koperazzjoni mal-pajjiżi kandidati fil-qasam tal-politika esterna u jevidenzja s-sinifikat tal-allinjament tagħhom mal-PESK;

29.    Hu tal-fehma li hemm bżonn ta' strateġija politika komprensiva, immirata biex treġġa' lura l-ordni politiku Ewropew taħt id-dritt internazzjonali, stabbilit fl-Att Finali ta' Ħelsinki tal-1975 u li hu vinkolanti fuq l-istati Ewropej kollha, inkluża r-Russja; jinsisti li dan l-ordni hu bbażat fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet minoritarji u l-libertajiet fundamentali, is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-istati, u r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti; iqis li l-iżvilupp ta' djalogu kostruttiv mar-Russja u mal-istati l-oħra ġirien tal-UE fir-rigward ta' koperazzjoni biex dan l-ordni jissaħħaħ hu bażi importanti għall-paċi u l-istabilità fl-Ewropa, dment li r-Russja tirrispetta d-dritt internazzjonali u tissodisfa l-impenji tagħha rigward il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina, inkluż l-irtirar mill-Krimea;

30.    Hu tal-fehma li hemm bżonn ta' approċċ ġdid għar-relazzjonijiet tal-UE mal-ġirien tagħha tal-Lvant, abbażi ta' merti, differenzjazzjoni u l-prinċipju "aktar għal aktar"; jemmen li l-appoġġ għal dawk il-pajjiżi li jixtiequ joqorbu lejn l-UE jrid ikun prijorità ewlenija tal-politika barranija tal-UE u li reazzjoni importanti biex jitrażżnu l-ambizzjonijiet tar-Russja fil-viċinat tagħha tkun li tinvesti fl-indipendenza, is-sovranità, l-iżvilupp ekonomiku u d-demokratizzazzjoni ulterjuri ta' dawn il-pajjiżi; hu impenjat favur il-perspettiva Ewropea għall-pajjiżi ġirien tal-UE mill-Ewropa tal-Lvant u jfakkar li, skont l-Artikolu 49 TUE, huma - bħal kwalunkwe stat Ewropew ieħor — jistgħu japplikaw biex isiru membri tal-Unjoni Ewropea, sakemm jirrispettaw il-kriterji ta’ Kopenħagen u l-prinċipji tad-demokrazija, jirrispettaw il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem u dawk minoritarji, u jiggarantixxu l-istat tad-dritt;

31.    Jilqa' l-iffirmar, ir-ratifika mill-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi kkonċernati, u l-implimentazzjoni proviżorja tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni, inklużi Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi, mal-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina, li jikkostitwixxu pass kruċjali fit-triq lejn il-konverġenza tagħhom mal-UE; hu tal-fehma li l-proċess ta’ assoċjazzjoni għandu jintuża mill-pajjiżi kkonċernati biex jimmodernizzaw il-governanza demokratika, isaħħu l-istat tad-dritt, jirriformaw l-amministrazzjoni pubblika u jwettqu riformi ekonomiċi u strutturali bħala pass importanti fil-konverġenza politika, ekonomika, soċjali u ambjentali tagħhom mal-UE; iħeġġeġ għal żieda sostanzjali fl-assistenza politika, finanzjarja u teknika tal-UE bħala appoġġ għal dawn ir-riformi; jinsisti, madankollu, fuq kundizzjonalità stretta u l-ħtieġa li tkun iggarantita r-responsabilità għar-riżorsi użati u li jinkiseb suċċess sinifikanti fit-tnaqqis tal-korruzzjoni; jilqa' l-iżvolġiment u r-riżultati tal-elezzjonijiet parlamentari li saru fl-Ukraina u r-Repubblika tal-Moldova f’Ottubru u Diċembru 2014 rispettivament b'mod konformi mal-istandards demokratiċi internazzjonali;

32.    Jappella għal involviment mill-qrib ma' dawk il-ġirien mill-Ewropa tal-Lvant li għadhom ma kkonkludewx Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-UE jew li jixtiequ japprofondixxu u jsaħħu r-relazzjonijiet f'oqfsa differenti, anke permezz tal-promozzjoni tal-kooperazzjoni bilaterali fl-oqsma ta' interess reċiproku; ifakkar, madankollu, li l-assistenza tal-UE tista' tkun effikaċi biss jekk ikun hemm biżżejjed sjieda tal-valuri Ewropej u rispett għalihom min-naħa tal-pajjiżi sħab, li għandhom jirrispettaw l-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali;

33.    Iħeġġeġ lir-Russja tonora l-impenji u l-obbligi ġuridiċi tagħha, inklużi dawk minquxa fil-Karta tan-NU, il-Karta ta' Pariġi, l-Att Finali ta' Ħelsinki tal-OSKE, il-Memorandum ta' Budapest u t-Trattat dwar il-Ħbiberija, il-Kooperazzjoni u s-Sħubija bejn ir-Russja u l-Ukraina; jikkundanna b'mod qawwi l-fatt li r-Russja kisret id-dritt internazzjonali permezz tal-aggressjoni militari diretta u l-gwerra ibrida tagħha kontra l-Ukraina, li rriżultaw f’eluf ta' vittmi ċivili u militari, kif ukoll fl-annessjoni u l-okkupazzjoni illegali tal-Krimea u f'azzjonijiet ta' natura simili fil-konfront tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar, territorji tal-Ġeorġja; jevidenzja d-deterjorament allarmanti fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertà ta' espressjoni u l-libertà medjatika fil-Krimea; iħeġġeġ lir-Russja ttaffi l-kunflitt u tirtira t-truppi tagħha mit-territorju Ukrain u biex tistabbilixxi mill-ġdid l-istatus quo li kien jeżisti qabel l-annessjoni; jilqa' l-isforzi li saru biex jintlaħaq ftehim komprensiv f'Minsk fit-12 ta' Frar 2015, u jappella biex il-ftehim jiġi implimentat minnufih u kompletament; jirrespinġi, inkwantu illeġittimi, l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari li saru f'Donetsk u f'Luhansk fit-2 ta' Novembru 2014;

34.    Jappoġġa s-sanzjonijiet adottati mill-UE b'reazzjoni għall-aggressjoni Russa kontra l-Ukraina, u jisħaq fuq il-fatt li dawn huma skalabbli u riversibbli, u jiddependu b'mod speċjali fuq it-twettiq tal-ftehimiet ta' Minsk, iżda jistgħu wkoll jissaħħu jekk ir-Russja tkompli tonqos milli tissodisfa l-obbligi internazzjonali tagħha; jappella lill-Kummissjoni biex toqgħod għassa għall-implimentazzjoni uniformi tagħhom;

35.    Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha juru solidarjetà u jitkellmu b'leħen wieħed fil-konfront tar-Russja; jistieden lill-pajjiżi kandidati jallinjaw il-politika barranija tagħhom rigward ir-Russja ma' dik tal-UE; jappella lir-RGħ/VP biex tiżviluppa, bħala kwistjoni prijoritarja, strateġija komuni tal-UE dwar ir-Russja, immirata biex tiżgura impenn mir-Russja dwar il-paċi u l-istabilità fl-Ewropa, inkluż rispett inkondizzjonat għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-ġirien tagħha; jemmen li relazzjoni tajba bejn ir-Russja u l-UE, ibbażata fuq ir-rispett għad-dritt internazzjonali u għal obbligi internazzjonali oħra, tkun fl-interess komuni u jittama li r-Russja turi li hi disponibbli għal żvilupp ta' dan it-tip billi tirrispetta d-dritt internazzjonali;

36.    Jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ Ewropew koerenti fir-rigward tal-kampanji ta' miżinformazzjoni u l-attivitajiet propagandistiċi mwettqa mir-Russja kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni jippreżentaw pjan ta' azzjoni b'miżuri konkreti biex tiġi miġġielda l-propoganda Russa; jappella għal koperazzjoni maċ-Ċentru ta' Eċċellenza tan-NATO għall-Komunikazzjonijiet Strateġiċi rigward din il-kwistjoni;

Appoġġ għas-sigurtà u l-istabbilizzazzjoni fil-viċinat tan-Nofsinhar

37.    Jinsisti fuq il-ħtieġa li ssir reviżjoni sostanzjali tal-politika tal-UE lejn il-viċinat tan-Nofsinhar tagħha, li għandha tkun ikkaratterizzata minn riżorsi baġitarji adegwati u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġija komprensiva li tiffoka l-istrumenti u r-riżorsi tal-UE fuq l-appoġġ għall-bini ta' stat funzjonanti u inklużivi li kapaċi jipprovdu sigurtà għaċ-ċittadini tagħhom, jippromwovu d-demokrazija, jikkonfrontaw l-estremiżmu reliġjuż, jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, jipproteġu l-minoranzi reliġjużi u etniċi u jsaħħu l-istat tad-dritt, bħala prekundizzjoni kruċjali għall-investiment u l-iżvilupp ekonomiku; jindika l-potenzjal mhux użat tal-kummerċ transkonfinali fir-reġjun; jinsisti fuq koperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati dwar il-ġestjoni tal-flussi migratorji, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali;

38.    Jenfasizza li, meta tkun qed tipprovdi għajnuna u appoġġ, l-UE trid tinforza l-kundizzjonalitajiet, peress li l-programmi ta' għajnuna u appoġġ għas-soċjetà ċivili jistgħu jiġu sostnuti biss jekk ikunu stabbiliti kundizzjonijiet ċari fl-ogħla livell politiku;

39.    Jinsisti li l-approċċ rivedut tal-UE lejn il-ġirien tagħha fin-Nofsinhar għandu jkun ibbażat fuq id-differenzjazzjoni u l-prinċipju "aktar għal aktar", skont liema għandu jingħata appoġġ addizzjonali tal-UE lill-gvernijiet sħab li jimpenjaw ruħhom favur id-demokratizzazzjoni u r-rispett għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, u li qed jagħmlu progress tanġibbli f'dan ir-rigward, kif inhu l-każ bit-Tuneżija, il-Ġordan u l-Marokk;

40.    Jiddispjaċih dwar id-deterjorament reċenti fir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija u jappella għal sforzi mġedda biex tissawwar sħubija aktar b'saħħitha b'mod li jiġu indirizzati l-isfidi ta' sigurtà u dawk umanitarji fin-Nofsinhar tal-Mediterran; iħeġġeġ ulterjorment lit-Turkija taħdem fuq riformi li jikkonformaw kompletament mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-libertà tal-istampa, id-demokrazija, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt;

41.    Iħeġġeġ lill-mexxejja tal-UE jiżviluppaw, b'koordinament mill-qrib mal-Istati Uniti u bl-involviment tal-potenzi ewlenin (eż. ir-Russja u ċ-Ċina), strateġija ta' inkoraġġiment għall-atturi reġjonali (inklużi t-Turkija, l-Iraq, l-Iżrael, il-Ġordan, l-Eġittu, il-gvernijiet tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, l-Iran, il-Lega Għarbija u l-forzi Kurdi) biex jingħaqdu sabiex iġibu tmiem għall-gwerer 'bi prokura' u jwaqqfu l-appoġġ finanzjarju lill-fundamentalisti, u biex jiżviluppaw soluzzjoni għall-paċi u l-istabilità fir-reġjun, b'mod partikolari bil-ħsieb li tintemm il-gwerra fis-Sirja; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-integrità territorjali u l-għaqda nazzjonali tal-Libja u jħeġġeġ lir-RGħ/VP tipprovdi impetu għal involviment aktar qawwi tal-atturi reġjonali fir-rigward tal-medjazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, b'koordinament mill-qrib man-NU; jilqa' n-negozjati attwali tal-E3+3 mal-Iran, u jittama li jwasslu għal ftehim aċċettabbli b'mod reċiproku, li jiżgura n-natura esklużivament paċifika tal-programm nukleari tal-Iran u joffri l-prospett fit-tul ta' reintegrazzjoni sħiħa tal-Iran fil-komunità internazzjonali; jappoġġa l-impenn tar-RGħ/VP u tal-partijiet kollha involuti fil-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani biex tinstab soluzzjoni komprensiva, kostruttiva u sostenibbli għall-kunflitt fil-Lvant Nofsani li tkun vijabbli għaż-żewġ naħat; jisħaq fuq il-fatt li n-nuqqas ta' progress lejn soluzzjoni negozjata li twassal għall-eżistenza ta' żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, qed iwassal biss għal aktar vjolenza u tixrid ta' demm;

42.    Jilqa' d-dikjarazzjoni li għamlet ir-RGħ/VP dwar il-ftuħ ta' uffiċċju f'Erbil, fil-Kurdistan Iraqi, u jħeġġeġ lir-RGħ/VP u lis-SEAE jiftħu uffiċċju ta' dan it-tip malajr kemm jista' jkun; jenfasizza li dan kieku jippermetti li l-UE tiġbor informazzjoni fuq il-post, ittejjeb l-involviment tagħha mal-atturi lokali, tiżgura valutazzjoni u koordinament aħjar tar-reazzjonijiet umanitarji u militari u ttejjeb il-viżibilità tagħha fir-reġjun;

43.    Jitlob li jinħatar konsulent speċjali biex jivvaluta l-merti li tinfetaħ rappreżentanza diplomatika permanenti tal-UE fl-Iran;

44.    Huwa tal-fehma li l-attivitajiet kriminali u l-vjolenza barbarika mill-gruppi ġiħadisti terroristiċi involuti fl-hekk imsejjaħ Stat Islamiku (IS) u assoċjati miegħu jirrappreżentaw theddida kbira għar-reġjun usa’ tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq (MENA), għall-Ewropa, u potenzjalment għall-paċi u l-istabbiltà globali; jappoġġja l-koalizzjoni globali kontra l-IS u l-isforzi tagħha biex tiġġieled l-IS militarment; jilqa’ b’sodisfazzjon il-kontributi tal-Istati Membri tal-UE f’dan il-kuntest u jinkoraġġixxi kooperazzjoni globali aktar mill-qrib u effiċjenti u djalogu bil-għan li tinkiseb valutazzjoni komuni tat-theddid; iħeġġeġ l-intensifikazzjoni ta' pressjoni regolatorja globali deċiża biex iċċaħħad lill-ġiħadisti mid-dħul miż-żejt u biex jiġu applikati sanzjonijiet globali stretti kontra tranżazzjonijiet finanzjarji favur tagħhom; josserva f’dan ir-rigward li r-riżorsi finanzjarji għall-gruppi ġiħadisti qed jiġu anke minn xi pajjiżi Għarab, u li l-UE għandha titlob lil dawn il-pajjiżi juru aktar konsistenza; jindika l-ħtieġa urġenti li jiġi oppost l-użu tal-internet mill-gruppi ġiħadisti għar-reklutaġġ u l-propoganda; jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi intensifikata l-kooperazzjoni internazzjonali kif ukoll dik fi ħdan l-UE, iffukata fuq il-prevenzjoni ta’ estremisti milli jivvjaġġaw lejn is-Sirja u l-Iraq biex jissieħbu fil-ġlieda ġiħadista, inkluż investiment fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni nazzjonali u l-programmi ta’ deradikalizzazzjoni fl-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri biex iwaqqfu sistemi biex issir ġustizzja mal-ġellieda Ewropej li jirritornaw lura, fil-qafas tas-sistemi nazzjonali tal-liġi kriminali tagħhom; ifakkar fil-ħtieġa li jkun hemm kooperazzjoni u koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn it-Turkija u l-UE;

45.    Iħeġġeġ lill-pajjiżi tar-reġjun biex jibqgħu juru impenn lejn il-gwerra kontra t-terroriżmu u biex joqogħdu lura minn azzjonijiet li jistgħu jikkawżaw tensjoni, nuqqas ta' qbil jew kriżi bejniethom jew joħolqu problemi addizzjonali fil-ġlieda tal-komunità internazzjonali kontra l-IS;

46.    Jikkundanna l-vjolenza brutali użata mir-reġim ta’ Assad kontra ċ-ċittadini Sirjani u jappella sabiex issir aktar pressjoni biex tinġieb tranżizzjoni politika ġenwina fis-Sirja, inkluż billi jiżdied l-appoġġ lill-oppożizzjoni Sirjana moderata;

47.    Jenfasizza l-fatt li f’ħafna oqsma tal-politika esterna tal-Unjoni lejn il-viċinat tan-Nofsinhar tagħha jrid ikun hemm ukoll rabta mal-Afrika; iqis li l-Afrika, b’mod partikolari fir-reġjun tas-Saħel-Saħara, hija taħt theddida strateġika, u jappella għal rispons adegwat tal-UE għal din it-theddida, inklużi miżuri fl-oqsma tal-iżvilupp ekonomiku, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-edukazzjoni u s-sigurtà; jinnota ż-żieda kontinwa fl-attivitajiet kriminali tat-terroristi tal-al-Qaeda fil-Magreb Iżlamiku (AQIM), il-Moviment tal-Unità u l-Ġiħad fl-Afrika tal-Punent (MUJAO) u tal-Boko Haram; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel u jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni ta' din l-istrateġija;

48.    Jenfasizza l-importanza tal-Ġordan u l-Libanu bħala sħab stabbli fil-Lvant Nofsani; ifakkar li dawn iż-żewġ pajjiżi qed jiffaċċjaw mewġa dejjem akbar ta’ refuġjati li tippreżenta sfidi soċjoekonomiċi enormi; ifaħħar l-assistenza kontinwa tal-pajjiżi ġirien lir-refuġjati mill-Iraq u s-Sirja; iħeġġeġ lill-mexxejja tal-UE biex jibdew sforzi globali, inkluż min-naħa tas-setgħat reġjonali, sabiex tiżdied bil-kbir l-għajnuna umanitarja għall-popolazzjonijiet ċivili milquta mill-kunflitt fis-Sirja u l-Iraq u mill-vjolenza tal-IS, b’mod partikolari bil-ħsieb li jappoġġjaw lir-refuġjati u jipprovdu appoġġ finanzjarju dirett lill-pajjiżi kollha fir-reġjun li jospitaw refuġjati biex b'hekk titrawwem l-integrazzjoni soċjali u tiġi evitata l-marġinalizzazzjoni;

49.    Iħeġġeġ lill-UE tiżgura li l-kooperazzjoni kontra t-terroriżmu ma’ pajjiżi terzi timxi id f’id mar-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet universali tal-bniedem;

Tisħiħ ta’ ordni globali kooperattiva bbażata fuq ir-regoli

50.    Jemmen li l-Istati Uniti huwa s-sieħeb strateġiku ewlieni tal-UE, u jinkoraġġixxi koordinazzjoni aktar mill-qrib u fuq l-istess livell mal-Istati Uniti dwar il-politika barranija tal-UE li tappoġġja d-dritt internazzjonali u lejn approċċi komuni għall-isfidi fil-viċinat tal-UE u fil-livell globali; jenfasizza n-natura strateġika ta’ Sħubija Transatlantika tal-Kummerċ u l-Investiment, li għandha l-potenzjal li tippermetti lis-sieħba transatlantiċi jistabbilixxu standards globali dwar ix-xogħol, is-saħħa, l-ambjent u l-proprjetà intelletwali u jsaħħu l-governanza globali; iqis li l-Amerika Latina hija sieħeb importanti tal-UE u li għandhom jiġu żviluppati diversi modalitajiet ta' kooperazzjoni transatlantika trijangolari;

51.    Jisħaq dwar il-bżonn li jkun hemm impenn għal kooperazzjoni u sħubiji strateġiċi ma’ diversi pajjiżi, b’aġenda ċara, u li jsir rieżami tas-sħubiji strateġiċi attwali fid-dawl tal-impatt tal-politiki tagħhom;

52.    Jilqa’ l-konklużjonijiet tas-samit tan-NATO li sar f'Wales f'Settembru 2014 u jitlob l-implimentazzjoni tagħhom; jemmen li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO għandha tissaħħaħ u għandu jkun hemm ippjanar u koordinazzjoni aktar mill-qrib u msaħħa bejn id-difiża intelliġenti tan-NATO u l-akkomunament u l-kondiviżjoni tal-UE sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u jsir l-aħjar użu mir-riżorsi skarsi disponibbli; jerġa’ jtenni l-bżonn li jiġu rispettati l-politiki ta’ sigurtà ta’ dawk l-Istati Membri tal-UE li mhumiex membri tan-NATO;

53.    Jenfasizza l-ħtieġa għal strateġija tal-UE, f’koordinazzjoni mal-Istati Uniti, fuq kif tista’ tinqasam ir-responsabbiltà mar-Russja, iċ-Ċina, l-Indja u segħat ewlenin oħra għall-paċi u l-istabbiltà tas-sistema politika u ekonomika globali; jindika l-importanza li jissaħħu r-relazzjonijiet bejn l-istati prinċipali fl-Asja kif ukoll l-organizzazzjonijiet reġjonali bħall-ASEAN fil-kuntest ta’ din l-istrateġija;

54.    Jistieden lir-RGħ/VP biex issaħħaħ il-politika barranija tal-UE lejn l-Asja, speċjalment lejn iċ-Ċina u l-Indja; iħeġġeġ lir-RGħ/VP tiżgura li s-samits bilaterali maċ-Ċina u l-Indja jsiru fuq bażi annwali u jipprovdu riżultati tanġibbli;

55.    Jisħaq li l-paċi u l-istabbiltà fir-Reġjun tal-Asja tal-Paċifiku u fiż-żoni tal-Lvant u n-Nofsinhar tal-Baħar taċ-Ċina b’mod partikolari, huma ta’ importanza sostanzjali għall-UE; iħeġġeġ lill-partijiet kollha kkonċernati fir-reġjun biex isolvu d-differenzi b’mod paċifiku, f’konformità mad-dritt internazzjonali, u biex jikkooperaw ma’ xulxin biex jisfruttaw ir-riżorsi naturali u tal-baħar; huwa favur li l-politiki Ewropej jiġu żviluppati u avvanzati abbażi tal-appoġġ tal-prevenzjoni attiva tal-kunflitti u l-istrateġiji tar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti; huwa tal-fehma li l-UE għandha interess sostanzjali fit-tkabbir kontinwu u l-prosperità tal-Lvant tal-Asja; jisħaq fuq il-bżonn li tissaħħaħ is-sħubija ekonomika tal-UE mal-pajjiżi tal-Asja tal-Paċifiku b’mod inklużiv sabiex jinżammu l-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità sostenibbli; jilqa’ t-titjib inkoraġġanti fir-relazzjonijiet madwar l-Istrett f’dawn l-aħħar sitt snin u jistieden lill-partijiet kollha jieħdu aktar miżuri biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp paċifiku tagħhom;

56.    Jistieden lir-RGħ/VP u l-Istati Membri tal-UE biex jagħtu impetu ġdid u sod lill-politika nnegozjata dwar id-diżarmament nukleari u l-kontroll tal-armi; jilqa’ r-rieżami li jmiss tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni min-naħa tan-NU bħala pass ewlieni lejn il-paċi u s-sigurtà internazzjonali u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu pożizzjoni koordinata u proattiva fin-negozjati; jilqa’ d-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi u jitlob l-implimentazzjoni effettiva u sħiħa tiegħu; jitlob il-ħolqien ta’ awtorità tal-UE għall-kummerċ tal-armi biex tassisti lill-Istati Membri fl-interpretazzjoni tan-normi stabbiliti mill-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi u tassigura konformità konsistenti u stretta magħhom; jisħaq dwar il-bżonn ta’ verifiki ex post aħjar dwar l-użu ta’ armi esportati;

57.    Jiddikjara li l-UE, li fil-passat kellha suċċess fil-ġlieda kontra l-piena tal-mewt f’każijiet speċifiċi, għandha tieħu pożizzjoni aktar deċiżiva; jitlob lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri biex iżommu u jsaħħu l-impenn u r-rieda politika tagħhom fir-rigward ta' dan, bil-għan li l-piena tal-mewt titneħħa definittivament fid-dinja kollha;

58.    Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa għal riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU), sabiex jirrifletti aħjar ir-realtajiet globali tal-lum; iħeġġeġ lir-RGħ/VP biex din issir prijorità u biex jinbeda dibattitu madwar l-Ewropa dwar ir-riforma tal-KSNU; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-UE għandha ssir membru sħiħ tan-NU;

59.    Itenni mill-ġdid il-bżonn li l-UE jkollha rwol mexxej fil-promozzjoni tal-firma universali u r-ratifika tal-Istatut ta’ Ruma u biex tkompli ssaħħaħ u tappoġġja l-Qorti Kriminali Internazzjonali;

60.    Jappella għall-iżvilupp ta’ strateġija ta’ sigurtà koerenti dwar il-klima fil-livell tal-UE li tindirizza l-konsegwenzi strateġiċi u politiċi tat-tibdil fil-klima, li tippermetti lill-UE tirrispondi u tħejji għall-instabbiltà ġeopolitika kkaġunata mill-klima, u li tingħata attenzjoni partikolari lill-kooperazzjoni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi l-aktar affettwati mill-impatti tat-tibdil fil-klima; jirrikonoxxi l-importanza tas-Samit ta’ Pariġi li jmiss dwar it-tibdil fil-klima; jistieden lis-SEAE sabiex jipprijoritizza d-diplomazija dwar l-għanijiet tat-tibdil fil-klima sabiex jibni appoġġ għal ftehim komprensiv u b’saħħtu; jitlob li jkun hemm dibattitu dwar strateġija li tħares ’il quddiem biex tindirizza l-migrazzjoni li qed isseħħ minħabba t-tibdil fil-klima;

61.    Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jikkontribwixxu b’mod pożittiv u koordinat għat-tfassil tal-Aġenda għall-Iżvilupp għal wara l- 2015, u jenfasizza r-rwol importanti tar-RGħ/VP fl-iżgurar tat-tmexxija tal-UE fin-negozjati; jenfasizza li l-qafas il-ġdid għandu jindirizza l-kawżi strutturali tal-faqar, l-inugwaljanza u l-vjolenza bit-tisħiħ ta' istituzzjonijiet effettivi, inklużivi u demokratiċi, governanza tajba u l-istat tad-dritt;

°

°    °

62.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO, lill-President fil-kariga tal-OSKE, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE, lill-President tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa u lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.


OPINJONI TAL-MINORANZA (25.2.2015)

skont l-Artikolu 56(3) tar-Regoli ta' Proċedura

Sabine Lösing u Javier Couso

Ir-rapport jinsisti li r-riżorsi politiċi, ekonomiċi, finanzjarji u tad-difiża tal-UE u tal-Istati Membri għandhom jiġu kkombinati sabiex titkabbar l-influwenza ġeostrateġika tal-UE u joħroġ il-potenzjal sħiħ tagħha bħala attur globali. Jippromwovi s-subordinazzjoni tal-oqsma ta’ politika strateġiċi kollha tal-PESK/PSDK u jitlob aktar riżorsi għad-difiża u l-militar. Ir-rapport hu favur iktar militarizzazzjoni tal-UE, kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-UE u n-NATO, u jappoġġja l-inkorporazzjoni tas-sigurtà interna u esterna.

Aħna kontra r-rapport peress li:

•   Dan ma jirriflettix ir-rwol negattiv u dejjem akbar tal-UE rigward il-kunflitti attwali fil-viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-UE.

•   Jitkellem dwar soluzzjoni paċifika tal-kunflitti iżda fl-istess ħin jiffoka fuq it-tisħiħ ta’ kooperazzjoni strutturata permanenti, li tapprofondixxi l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża, l-użu ta’ gruppi ta’ battalja, aktar kooperazzjoni u integrazzjoni militari permezz tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u l-Kwartieri Ġenerali Operattivi tal-UE (OHQ).

•   Jappoġġja u jippromwovi l-estensjoni tal-mekkaniżmu ATHENA lil hinn mill-kontroll parlamentari u jagħżel finanzjament militari mill-baġit tal-UE (start-up-funds).

•   Issaħħaħ il-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) u l-Kumpless Militari Industrijali (MIC).

•   Jippromwovi t-TTIP u l-karattru ġeopolitiku tagħha.

Aħna nitolbu:

-    Id-diżarm komplut (anki nukleari), fl-UE u f'livell dinji;

-    L-ebda finanzjament militari mill-baġit tal-UE;

-    Li l-attivitajiet kollha jkunu strettament konformi mal-Karta tan-NU u mad-Dritt Internazzjonali;

-    Approċċi strettament ċivili u paċifiċi għas-soluzzjoni tal-kunflitti min-naħa tal-UE, kif ukoll is-separazzjoni tal-azzjonijiet ċivili u militari;

-    Separazzjoni distinta bejn l-UE u n-NATO.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (22.1.2015)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar ir-rapport annwali tal-2013 mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għall-Parlament Ewropew

(2014/2219(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Indrek Tarand

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li fl-2013 l-approprjazzjonijiet baġitarji tal-PESK ammontaw għal EUR 396 miljun f'impenji u EUR 316 miljun f'pagamenti, b'żidiet rispettivi ta' 9.5% u 4.6% meta mqabbla mal-2012; jinnota, madankollu, li n-nefqa tal-PESK għall-2013 għadha ta' 4% tal-impenji u ta' 4.9 % tal-pagamenti għall-Intestatura 4 kollha;

2.  Jenfasizza l-konsegwenzi negattivi tan-nuqqasijiet tal-pagamenti ġeneralizzati tal-Baġit tal-UE għall-PESK, speċjalment għall-missjonijiet ċivili u l-Istrument ta' Stabilità; jenfasizza, barra minn hekk, il-fatt li n-nuqqas ta' pagamenti qed jaffetwa wkoll strumenti ta' finanzjament estern uħra, inkluża l-għajnuna umanitarja, u b'hekk jhedded serjament l-implimentazzjoni tagħhom;

3.  Ifakkar li t-Trattat ta' Lisbona pprovda strumenti ġodda għall-ġbir ta' fondi tal-PESK, b'mod partikolari l-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (Artikolu 46 TUE) u l-fond ta' tnedija għall-fażi inizjali ta' missjonijiet, li ma jistgħux jiġu ffinanzjati xort'oħra (Artikolu 41 TUE); jiddispjaċih li dawn l-istrumenti qatt ma ntużaw;

4.  Jenfasizza l-importanza li titjieb il-kapaċità ta' rispons rapidu tal-gruppi tattiċi tal-UE billi jiżdied il-proporzjon tal-ispejjeż komuni fi ħdan il-mekkaniżmu Athena, u b'hekk ikun hemm ibbilanċjar tal-piżijiet fost l-istati parteċipanti; jinnota li l-kriterju ‘l-ispejjeż jitħallsu fejn jitnefqu’ ifixkel l-implimentazzjoni rapida tal-missjonijiet militari tal-PESK, peress li l-Istati Membri jsibuha bi tqila biex jieħdu f'idejhom it-temxxija ta' operazzjonijiet b'dawn il-kundizzjonijiet;

5.  Itenni l-importanza ta' informazzjoni trasparenti fir-riwgard tal-ispejjeż marbuta mal-missjoni tal-PESK; jenfasizza li Athena ma jipprovdix perspettiva sħiħa tal-ispejjeż militari; jilqa' l-idea li l-mekkaniżmu ta' finanzjament Athena jkun rivedut, kif propost fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2013, bil-għan li dan isir aktar trasparenti u effikaċi;

6.  Ifakkar fil-bżonn li jitrawmu s-sinerġiji fost l-Istati Membri sabiex tiżdied il-kosteffikaċja u għaldaqstant il-valur miżjud tal-azzjoni tal-UE; jenfasizza l-importanza tal-akkomunament u l-kondiviżjoni tal-kapaċitajiet bħat-trasport, id-difiża ċibernetika, l-appoġġ mediku u t-taħriġ; ifakkar li dan jista' jiffranka biljuni ta' euro kull sena, billi 80 % tan-nefqa marbuta mad-difiża għadha ssir fuq livell nazzjonali biss.

7.  Jinsisti li hija meħtieġa aktar flessibbiltà fl-immaniġġjar tar-regoli finanzjarji tal-UE sabiex tkun possibbli reazzjoni aktar rapida u effiċjenti għall-kriżijiet min-naħa tal-Unjoni, kif ukoll li jkun hemm tmexxija effiċjenti u f'waqtha tal-missjonijiet tal-PESK bħal dawk fil-Mali, l-Ukraina, il-Ġeorġja u l-Kosovo. jilqa' f'dan il-kuntest, it-trasferiment ta' 'spejjeż amministrattivi komuni' marbuta mal-persunal tad-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni mit-Taqsima III (Il-Kummissjoni) għat-Taqsima X (is-SEAE) fil-baġit 2015, bl-għan li jkun hemm simplifikazzjoni tal-immaniġġjar tad-delagazzjonijiet tal-UE;

8.  Jenfasizza l-bżonn ta' organizzazzjoni u razzjonalizzazzjoni aħjar tal-maniġment superjuri tas-SEAE u għall-istandardizzar tal-ħidma tan-netwerk ta' delegazzjonijiet tal-UE; jitlob għal titjib addizzjonali fil-koordinazzjoni bejn id-delegazzjonijiet tal-UE u r-rappreżentanti diplomatiċi tal-Istati Membri;

9.  Jinsisti dwar l-adozzjoni tat-trasferiment tal-linji baġitarji għar-Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni Ewropea mit-Taqsima III (il-Kummissjoni) għat-Taqsima X (is-SEAE) fil-proċedura baġitarja 2016, skont il-proposta mressqa mir-Rappreżentant Għoli u appoġġjata mill-Parlament.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.1.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

2

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Arthuis, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Monika Hohlmeier, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Clare Moody, Siegfried Mureșan, Victor Negrescu, Liadh Ní Riada, Pina Picierno, Patricija Šulin, Paul Tang, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Marco Valli, Monika Vana, Daniele Viotti, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Tamás Deutsch, Anneli Jäätteenmäki, Georgios Kyrtsos, Andrey Novakov, Andrej Plenković, Ivan Štefanec


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.2.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

47

8

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Nikos Androulakis, Petras Auštrevičius, Elmar Brok, Klaus Buchner, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Aymeric Chauprade, Arnaud Danjean, Mark Demesmaeker, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Michael Gahler, Iveta Grigule, Richard Howitt, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Afzal Khan, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Ryszard Antoni Legutko, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Ulrike Lunacek, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Jean-Luc Mélenchon, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Pașcu, Vincent Peillon, Alojz Peterle, Tonino Picula, Kati Piri, Andrej Plenković, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Jacek Saryusz-Wolski, Jaromír Štětina, Charles Tannock, Eleni Theocharous, László Tőkés, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Geoffrey Van Orden, Hilde Vautmans

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Angel Dzhambazki, Marek Jurek, Gabrielius Landsbergis, Jo Leinen, Javi López, Antonio López-Istúriz White, Igor Šoltes, Marie-Christine Vergiat

Avviż legali