RAPPORT dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ kaseini u kaseinati maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li tirrevoka d-Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE

2.3.2015 - (COM(2014)0174 – C7‑0105/2014 – 2014/0096(COD)) - ***I

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Giovanni La Via


Proċedura : 2014/0096(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0042/2015
Testi mressqa :
A8-0042/2015
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ kaseini u kaseinati maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li tirrevoka d-Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE

(COM(2014)0174 – C7‑0105/2014 – 2014/0096(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0174),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0105/2014),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-4 ta' Ġunju 2014[1],

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0042/2015),

1.      Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.      Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda  1

Proposta għal direttiva

Premessa 6

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6) Id-Direttiva 2000/13/KE6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ma tapplikax għal relazzjonijiet bejn in-negozji. Minħabba li l-prodotti koperti minn din id-Direttiva mhumiex intiżi sabiex jinbiegħu lill-konsumatur finali iżda biss minn negozju għal negozju għall-preparazzjoni ta’ prodotti tal-ikel, huwa xieraq li r-regoli speċifiċi diġà inklużi fid-Direttiva 83/417/KEE jinżammu u jiġu adattati għall-qafas legali attwali. Dawk ir-regoli jipprevedu l-informazzjoni li għandha tingħata għal dawk il-prodotti sabiex jippermettu l-operaturi tan-negozju tal-ikel, minn naħa waħda, biex jiddisponu l-informazzjoni li jeħtieġu għat-tikkettar tal-prodotti finali, pereżempju fir-rigward ta' allerġeni, u min-naħa l-oħra biex jiġi evitat li dawn il-prodotti jkunu jistgħu jiġu konfużi ma’ prodotti simili li ma jkunux maħsuba għall-konsum mill-bniedem.

(6) Skont ir-Regolament (UE) Nru 1169/20116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandha tiġi pprovduta informazzjoni suffiċjenti f’relazzjonijiet minn negozju għal negozju sabiex jiġu ggarantiti l-preżenza u l-preċiżjoni tal-informazzjoni dwar l-ikel għall-konsumatur finali. Minħabba li l-prodotti koperti minn din id-Direttiva mhumiex intiżi sabiex jinbiegħu lill-konsumatur finali iżda biss minn negozju għal negozju għall-preparazzjoni ta’ prodotti tal-ikel, huwa xieraq li r-regoli speċifiċi diġà inklużi fid-Direttiva 83/417/KEE jinżammu u jiġu adattati għall-qafas legali attwali. Dawk ir-regoli jipprevedu l-informazzjoni li għandha tingħata għal dawk il-prodotti sabiex jippermettu l-operaturi tan-negozju tal-ikel, minn naħa waħda, biex jiddisponu l-informazzjoni li jeħtieġu għat-tikkettar tal-prodotti finali, pereżempju fir-rigward ta' allerġeni, u min-naħa l-oħra biex jiġi evitat li dawn il-prodotti jkunu jistgħu jiġu konfużi ma’ prodotti simili li ma jkunux maħsuba jew li mhumiex tajba għall-konsum mill-bniedem.

____________________

____________________

6 Id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 Marzu 2000 fuq l-approsimazzjoni ta' liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' tikkettar, preżentazzjoni u riklamar ta' oġġetti tal-ikel. (ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29.).

6 Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18)

Ġustifikazzjoni

Mit-13 ta’ Diċembru 2014, id-Direttiva 2000/13/KE ġiet irrevokata bir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, u dan għandu jkun rifless adegwatament fil-Premessa. Għalkemm il-prodotti koperti mill-proposta (il-kaseini u l-kaseinati) mhumiex intiżi biex jinbiegħu lill-konsumatur finali, iżda biss minn negozju għal negozju għall-preparazzjoni ta’ prodotti tal-ikel, hu importanti li l-operaturi tan-negozju tal-ikel ikollhom l-informazzjoni li jeħtieġu għat-tikkettar tal-prodotti finali, speċjalment fir-rigward ta’ allerġeni.

Emenda  2

Proposta għal direttiva

Premessa 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(7) Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill7 jistipula definizzjoni ta’ għajnuniet għall-ipproċessar imsemmija bħala awżiljarji teknoloġiċi fid-Direttiva 83/417/KEE. Konsegwentement, din id-Direttiva għandha tuża t-terminu “għajnuniet ta’ pproċessar” minflok “awżiljarji teknoloġiċi”.

(7) Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill7 jistipula definizzjoni ta’ għajnuniet għall-ipproċessar imsemmija bħala awżiljarji teknoloġiċi fid-Direttiva 83/417/KEE. Konsegwentement, din id-Direttiva għandha tuża t-termini “addittivi tal-ikel” u “għajnuniet ta’ pproċessar” minflok “awżiljarji teknoloġiċi” b’konformità mal-Istandard tal-Codex Alimentarius għal prodotti tal-kaseina li jittieklu.

__________________

__________________

7 Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16).

7 Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16).

Ġustifikazzjoni

Fl-istandard internazzjonali (Codex Alimentarius), “awżiljarji teknoloġiċi” huma klassifikati bħala għajnuniet għall-ipproċessar (aċidi) jew bħala addittivi (alkalini). Il-Codex għandu jiġi segwit sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fil-livell internazzjonali.

Emenda  3

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – punt a – parti introduttorja

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(a) “kaseini” tfisser il-kostitwent prinċipali tal-proteina tal-ħalib, maħsul u mnixxef, li ma jinħallx fl-ilma u miksub mill-ħalib xkumat permezz tal-preċipitazzjoni:

(a) “kaseini” tfisser il-kostitwent prinċipali tal-proteina tal-ħalib, maħsul u mnixxef, li ma jinħallx fl-ilma u miksub mill-ħalib xkumat u/jew minn prodotti oħra miksuba mill-ħalib permezz tal-preċipitazzjoni:

Ġustifikazzjoni

Aġġornament tekniku li jġib il-leġiżlazzjoni konformi mal-Istandard tal-Codex N290 għal kaseina li tittiekel billi jintużaw l-istess definizzjonijiet (Standards internazzjonali tal-ikel kif definiti mill-FAO u d-WHO).

Emenda  4

Proposta għal direttiva

Artikolu 8 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 7 għandha tiġi konferita fuq il-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat minn (...). (L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għandu jimla d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att).

2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 7 għandha tiġi konferita fuq il-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin minn …+. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

 

____________________

 

+ ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

Ġustifikazzjoni

Is-setgħa li tadotta atti delegati sabiex tadatta l-Annessi għal standards internazzjonali u l-progress tekniku m’għandhiex tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien mhux limitat, iżda pjuttost għal 5 snin. Sabiex il-koleġiżlaturi jiddeċiedu jekk għandhiex tiġi estiża jew le d-delega tas-setgħat, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport f’dan ir-rigward sa mhux aktar tard minn 9 xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ 5 snin.

Emenda  5

Proposta għal direttiva

Artikolu 9 – paragrafu 1 – subparagrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2015.

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa ...+.

Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

 

____________________

 

+ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data ta' sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

Ġustifikazzjoni

Huwa propost li tiġi ffissata data ambizzjuża iżda realistika għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fl-Istati Membri.

Emenda  6

Proposta għal direttiva

Anness II – punt a – punt 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Il-kontenut minimu tal-kaseina tal-proteini tal-ħalib ikkalkolat fuq l-estratt imnixxef 88 % skont il-piż

2. Il-kontenut minimu tal-kaseina tal-proteini tal-ħalib ikkalkolat fuq bażi tali kwali ta’ 88 % skont il-piż

Ġustifikazzjoni

Hemm kunsens ġenerali li kemm id-Direttiva 83/417/KEE kif ukoll il-Codex Alimentarius inaqqsu l-livell ta' proteina tal-ħalib tal-prodott kaseinat. Permezz tal-kalkolu tal-proteina tal-ħalib abbażi tal-piż assolut tal-prodott (minflok abbażi tal-estratt niexef), il-purità tal-prodott fir-rigward tal-kontenut ta’ proteini tiżdied.

  • [1]  ĠU C 0, 0.0.0000, p. 0. /Għadha mhijiex ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-Kummissjoni ppubblikat il-proposta tagħha għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ kaseini u kaseinati maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li tirrevoka d-Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE f'Marzu 2014. Fil-proposta tagħha, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li 1) tiġi rrevokata d-Direttiva 83/417/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ ċerti lattoproteini (il-kaseini u l-kaseinati) maħsuba għall-konsum mill-bniedem, u 2) tiġi sostitwita b’Direttiva ġdida, għar-raġunijiet prinċipali li ġejjin:

•         l-allinjament tas-setgħat konferiti lill-Kummissjoni bid-distinzjoni bejn l-atti delegati/ta’ implimentazzjoni introdotti mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

•         l-adattament tad-dispożizzjonijiet eżistenti għall-iżvilupp ulterjuri tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-liġi dwar l-ikel;

u

•         l-aġġustament tar-rekwiżiti ta' kompożizzjoni ta' kaseini li jittieklu għall-istandard internazzjonali (Codex Alimentarius).

Fir-rigward tal-allinjament mal-istandards internazzjonali, qed jiġi propost li, b’mod partikolari, il-parametri rigward il-kontenut massimu tal-umdità għall-kaseini li jittieklu jiġu stabbiliti għal 12 % (minflok l-10 % ta’ qabel) u dawk rigward il-kontenut massimu tal-grass tal-ħalib għall-kaseina aċiduża li tittiekel jiġu stabbiliti għal 2 % (minflok 2.25 %). Sabiex ikun jista' jsir l-adattament rapidu tal-Annessi I sa III (l-istandards tal-kaseina aċiduża li tittiekel, il-kaseina mill-kimożina li tittiekel u l-kaseinati li jittieklu b’rabta mal-kompożizzjoni, il-kontaminazzjoni, l-għajnuniet għall-ipproċessar eċċ.) għall-istandards internazzjonali u l-progress tekniku fil-ġejjieni, il-Kummissjoni tissuġġerixxi wkoll l-adozzjoni ta’ atti delegati (l-Artikolu 290 TFUE).

Il-proposta għandha titqies fil-kuntest tal-liġi alimentari ġenerali (ir-Regolament (KE) Nru 178/2002) li għandha l-għan li toffri l-moviment liberu ta’ ikel sikur u bnin, u b’hekk tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għas-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini. F’dan ir-rigward, għandu jiġi żgurat ukoll li l-konsumaturi jkunu infurmati b’mod adegwat dwar l-ikel li jieklu. Għalkemm il-prodotti koperti mill-proposta (il-kaseini u l-kaseinati) mhumiex intiżi biex jinbiegħu lill-konsumatur finali, iżda biss minn negozju għal negozju għall-preparazzjoni ta’ prodotti tal-ikel, importanti li l-operaturi tan-negozju tal-ikel ikollhom l-informazzjoni li jeħtieġu għat-tikkettar tal-prodotti finali, speċjalment fir-rigward ta’ allerġeni. Għal din ir-raġuni, il-proposta tinkludi dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar ta’ kaseini u kaseinati maħsuba għall-konsum mill-bniedem (l-Artikolu 5). F’każ li l-informazzjoni obbligatorja stabbilita fih ma tkunx tidher fuq il-pakketti, il-kontenituri jew it-tikketti, dawn il-prodotti ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq bħala kaseini u kaseinati li jittieklu jew jintużaw għall-preparazzjoni ta’ oġġetti tal-ikel.

Ir-rapporteur jappoġġa b’mod wiesa’ din il-proposta. Huwa jilqa’, b’mod partikolari, l-allinjament tar-rekwiżiti ta’ kompożizzjoni tal-kaseini li jittieklu għall-Codex Alimentarius, peress li dan se jiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tan-negozju tal-ikel fis-suq dinji. Barra minn hekk, huwa jappoġġa r-rekwiżiti ta' tikkettar għall-kaseini u l-kaseinati li se jippermettu li l-konsumaturi, u b’mod partikolari dawk li jbatu minn intolleranza jew allerġija ta’ ikel, ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati.

Madankollu, ir-rapporteur iqis li l-proposta għandha tkun “irfinata” f’xi aspetti. Konsegwentement, ir-rapporteur jissuġġerixxi li s-setgħa li tadotta atti delegati sabiex tadatta l-Annessi m’għandhiex tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien mhux limitat, iżda pjuttost għal 5 snin (EM 3/Artikolu 8). Barra minn hekk, jipproponi li tiġi stabbilita data ambizzjuża iżda realistika għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fl-Istati Membri (sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva minflok il-31 ta’ Marzu 2015, EM 4/Artikolu 9). Fl-aħħar nett, ir-rapporteur jissuġġerixxi ftit emendi tekniċi sabiex jiġi żgurat li d-Direttiva tkun perfettament allinjata mal-Codex Alimentarius (EM 5/Anness II u EM 2/Premessa 7).

PROĊEDURA

Titolu

L-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ kaseini u kaseinati maħsuba għall-konsum mill-bniedem u r-revoka tad-Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE

Referenzi

COM(2014)0174 – C7-0105/2014 – 2014/0096(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

20.3.2014

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ENVI

2.4.2014

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

IMCO

2.4.2014

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

IMCO

24.9.2014

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Giovanni La Via

24.7.2014

 

 

 

Eżami fil-kumitat

29.1.2015

 

 

 

Data tal-adozzjoni

24.2.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

65

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Catherine Bearder, Ivo Belet, Biljana Borzan, Lynn Boylan, Paul Brannen, Cristian-Silviu Bușoi, Birgit Collin-Langen, Mireille D’Ornano, Miriam Dalli, Seb Dance, Angélique Delahaye, Ian Duncan, Stefan Eck, Bas Eickhout, Eleonora Evi, José Inácio Faria, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Jytte Guteland, György Hölvényi, Jean-François Jalkh, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Valentinas Mazuronis, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Massimo Paolucci, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, Marcus Pretzell, Frédérique Ries, Michèle Rivasi, Daciana Octavia Sârbu, Annie Schreijer-Pierik, Davor Škrlec, Tibor Szanyi, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Nils Torvalds, Glenis Willmott, Jadwiga Wiśniewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Nicola Caputo, Mark Demesmaeker, Jan Huitema, Merja Kyllönen, Jo Leinen, James Nicholson, Younous Omarjee, Alojz Peterle, Bart Staes

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Nessa Childers, Enrico Gasbarra, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Data tat-tressiq

5.3.2015