Proċedura : 2014/2222(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0043/2015

Testi mressqa :

A8-0043/2015

Dibattiti :

PV 11/03/2015 - 7
CRE 11/03/2015 - 7

Votazzjonijiet :

PV 11/03/2015 - 9.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0068

RAPPORT     
PDF 219kWORD 190k
5.3.2015
PE 544.269v02-00 A8-0043/2015

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015

(2014/2222(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

Rapporteur: Sergio Gutiérrez Prieto

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015

(2014/2222(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 145, 148, 152 u 153(5) tat-TFUE,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, b'mod partikolari t-Titolu IV (Solidarjetà) tagħha,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 349 tat-TFUE, dwar miżuri speċifiċi għar-Reġjuni Ultraperiferiċi,

–       wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea riveduta, b'mod partikolari l-Artikolu 30 tagħha dwar id-dritt għal protezzjoni kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet għall-2014(2),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2014 bit-titolu 'Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015' (COM(2014)0902), u l-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi anness magħha;

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 bit-titolu 'Pjan ta' Investiment għall-Ewropa' (COM(2014)0903),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Jannar 2015 bit-titolu 'L-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt tal-Istabbiltà u Tkabbir' (COM(2015)0012),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ottubru 2013 bit-titolu 'It-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja' (COM(2013)0690),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu 'Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv' (COM(2010)2020),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar impjiegi u aspetti soċjali tal-istrateġija Ewropa 2020(3),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' April 2012 bit-titolu 'Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta' impjiegi' (COM(2012)0173),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2010 bit-titolu 'Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali' (COM(2010)0758), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Novembru 2011 dwar dan(4),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ' (COM(2011)0933),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu 'Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020' (COM(2013)0083),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2014 dwar aspetti soċjali u tal-impjieg tar-rwol u l-attivitajiet tat-Trojka (BĊE, Kummissjoni u FMI) fir-rigward tal-pajjiżi tal-programm taż-żona tal-euro(5),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar l-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea(6),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2014 dwar 'L-Unjoni Ewropea kif tista' tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' ambjent ospitabbli biex l-intrapriżi, in-negozji u n-negozji ġodda joħolqu l-impjiegi?'(7),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Lulju 2014 dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ(8),

–       wara li kkunsidra r-Rapport Dinji dwar il-Pagi 2014/2015 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tal-5 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-OECD 'Trends in Income Inequality and its Impact on Economic Growth' tad-9 ta' Diċembru 2014;

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Lulju 2014 bit-titolu 'Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi' (COM(2014)0446),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Settembru 2011(9) u tas-16 ta' Jannar 2014(10) dwar Strateġija tal-UE għall-Persuni Mingħajr Dar,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0043/2015),

A.     billi l-Ewropa trid issegwi l-mudell tal-ekonomija soċjali tas-suq, u tiggarantixxi tkabbir sostenibbli bil-għan li lill-ġenerazzjoni li jmiss toffrilha impjiegi minflok dejn;

B.     billi l-kuntest ekonomiku u soċjali fl-UE għadu dgħajjef, u billi, skont it-tbassir ekonomiku tal-ħarifa tal-2014 tal-Kummissjoni, l-irkupru ekonomiku jibqa' fraġli; billi, minkejja r-rati ta' tkabbir negattivi fiż-żona tal-euro għal dawn l-aħħar sentejn, it-tkabbir taż-żona tal-euro huwa mistenni li jilħaq 0.8 % fl-2014 u 1.1 % fl- 2015; billi huma biss ftit l-Istati Membri li għandhom previżjonijiet aħjar, u billi l-Kummissjoni rrevediet sistematikament 'l isfel il-previżjonijiet tagħha stess f'dawn l-aħħar snin; billi minkejja l-fatt li d-defiċit ġenerali previst fl-UE28 tnaqqas għal 3 % għall-2014, dan għadu għoli f'xi Stati Membri, u juri l-bżonn ta' aktar konsolidazzjoni fiskali li tkun kompatibbli ma' tkabbir u impjiegi sostenibbli u ta' kwalità aħjar, peress li l-irkupru la huwa robust u lanqas sostnut;

C.     billi t-triq mgħaġġla ta' konsolidazzjoni fiskali adottata matul il-kriżi ekonomika fixklet lill-Istati Membri milli jilħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, li juri li l-politiki fiskali għandhom ikunu differenzjati u adattati għas-sitwazzjoni speċifika ta' kull Stat Membru; billi t-tnaqqis f'daqqa fil-prezzijiet taż-żejt jista' jipprovdi spinta addizzjonali għall-ekonomija ta' ħafna Stati Membri, speċjalment jekk dan ikun tradott malajr fi tnaqqis fl-ispejjeż tal-enerġija għall-familji u n-negozji;

D.     billi l-UE teħtieġ tkompli ttejjeb il-politiki ekonomiċi u soċjali bil-għan li jintlaħqu l-miri ta' Ewropa 2020 mill-aktar fis possibbli, filwaqt li jingħelbu r-riskji ta' staġnar u deflazzjoni fit-tul, u billi biex iseħħ dan jeħtieġ jitkomplew l-isforzi għall-promozzjoni ta' investimenti u riformi strutturali li jżidu l-kompetittività ekonomika b'mod soċjalment responsabbli; billi hemm bżonn trasformazzjoni ekoloġika biex tiġi żgurata bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli; billi huwa preokkupanti li l-pożizzjoni tal-UE fl-ekonomija dinjija sejra lura minħabba l-kriżi, it-telf tal-bażi industrijali tagħha u n-nuqqas ta' fiduċja tal-investituri u l-imprendituri, filwaqt li pajjiżi oħra qed juru sinjali solidi ta' rkupru; billi f'Ottubru 2014 il-FMI għamel stima li l-probabilità ta' reċessjoni fiż-żona tal-euro kienet żdiedet u kienet ser tilħaq bejn 35 u 40 % sa tmiem is-sena;

E.     billi l-Istati Membri għandhom ir-rwol primarju fit-twettiq ta' politiki dwar l-impjiegi, inklużi dawk dwar l-impjieg taż-żgħażagħ, u billi t-twassil ta' miżuri bħal dawn ikun aktar effettiv fil-livell nazzjonali;

F.     billi l-UE trid tindirizza t-tixjiħ rapidu tal-popolazzjoni tagħha kemm jista' jkun malajr;

G.     billi, minkejja xi titjib (għall-ewwel darba mill-2011 'l hawn kien hemm żieda żgħira f'kuntratti full time), ir-rata tal-qgħad tibqa' storikament għolja, bi kważi 25 miljun persuna bla xogħol fl-UE; billi l-qgħad fit-tul jinsab f'rata għolja b'mod inkwetanti, u 12-il miljun ruħ ilhom qiegħda għal aktar minn sena (żieda ta' 4 % fuq is-sena ta' qabel); billi r-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ ma naqsux b'mod sinifikanti (tnaqqsu biss b'1.9 % meta mqabbla mal-2013), u laħqu medja tal-UE ta' 21.2 %; billi 75 % tal-persuni li ilhom qiegħda fit-tul fl-UE huma taħt l-età ta' 35 sena; billi s-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol hija partikolarment kritika għaż-żgħażagħ kollha, ħlief f'xi Stati Membri, indipendentement mil-livell ta' edukazzjoni tagħhom;

H.     billi l-Fond Soċjali Ewropew, flimkien mal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ iridu jintużaw b'mod sħiħ u korrett sabiex jiġu ffinanzjati proġetti sostenibbli fil-ġlieda kontra l-qgħad, b'mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

I.      billi l-għadd ta' żgħażagħ li huma barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ (NEETS) baqa' għoli filwaqt li l-għadd ta' żgħażagħ Rom f'dan il-grupp huwa sproporzjonat;

J.      billi diversi fatturi – inkluż in-nuqqas li jinħoloq ambjent pożittiv biex tingħata spinta lill-investiment u lit-tkabbir, it-tnaqqis fl-introjtu tas-suq u t-tnaqqis fis-saħħa tal-impatt tat-trasferimenti soċjali tul iż-żmien(11), u l-isforzi minn xi Stati Membri sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid il-bilanċ ekonomiku tagħhom billi jnaqqsu l-infiq fuq il-protezzjoni soċjali – wasslu għal tnaqqis sinifikanti fl-introjtu disponibbli gross tal-unitajiet domestiċi, filwaqt li kkontribwew għal żieda fin-numru ta' familji Ewropej li jinsabu f'riskju ta' esklużjoni, u għal żieda allarmanti fl-inugwaljanzi, inkluż l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel; billi wieħed minn kull erba' Ewropej jinsab f'riskju ta' faqar; billi s-sottoimpjieg u l-prekarjat laħqu l-ogħla livell tagħhom u, għal 50 % ta' dawk kollha li qed ifittxu x-xogħol, il-fatt li jsibu impjieg mhuwiex biżżejjed biex jinħarġu mill-faqar;

K.     billi l-aħħar ċifri disponibbli, dawk għall-2013, juru qgħad fit-tul f'livell storikament għoli ta' 5.1 % tal-ħaddiema fl-UE-28; billi l-qgħad fit-tul m'għandux biss konsegwenzi kruċjali għall-individwi tul ħajjithom kollha, iżda jista' jinbidel f'qgħad strutturali fl-UE;

L.     billi 25.1 % tal-popolazzjoni tal-UE jinsabu attwalment f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali; billi r-rata medja ta' tkabbir tal-faqar fost it-tfal hija ogħla mir-rata medja ta' tkabbir tal-faqar b'mod ġenerali, u billi f'xi Stati Membri wieħed minn kull tlett itfal jgħixu taħt is-soll tal-faqar;

M.    billi ħaddiema akbar fl-età huma l-aktar grupp li probabbli li jkunu qiegħda fit-tul; billi nofs il-ħaddiema biss fl-età ta' bejn il-55 u l-65 sena kellhom impjieg fl-2012; billi l-anzjani jsofru aktar minn tnaqqis fl-infiq pubbliku fuq is-servizzi soċjali, is-servizzi tas-saħħa u l-benefiċċji soċjali; billi xi kategoriji ta' persuni akbar fl-età, bħal persuni li għandhom 80 sena u aktar, nisa akbar fl-età, migranti ta' età akbar u membri ta' minoranzi etniċi akbar fl-età huma speċjalment f'riskju li jaqgħu fil-faqar;

N.     billi, sabiex jindirizzaw il-kriżi, ċerti Stati Membri naqqsu sew in-nefqa pubblika tagħhom fl-istess waqt li żdiedet id-domanda għall-protezzjoni soċjali minħabba żieda fin-numru ta' persuni qiegħda; billi l-allokazzjonijiet tal-baġit nazzjonali għall-kopertura tas-sigurtà soċjali ġew imġebbda aktar hekk kif naqsu l-kontribuzzjonijiet minħabba tnaqqis fuq skala kbira fl-impjiegi u fil-pagi, u b'hekk tpoġġa serjament fil-periklu l-mudell soċjali Ewropew; billi r-riformi mitluba mhumiex jissodisfaw il-ħtiġijiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini fir-rigward tal-impjiegi u l-isfera soċjali;

O.     billi t-tnaqqis fil-faqar mhuwiex biss waħda mill-miri prinċipali tal-istrateġija Ewropa 2020, iżda huwa wkoll responsabbiltà soċjali tal-Istati Membri, u xogħol deċenti u sostenibbli huwa l-aħjar mod kif wieħed joħroġ mill-faqar; billi, għalhekk, l-isforzi għandhom ikunu ffukati fuq l-iffaċilitar tal-aċċess għall-impjiegi, b'mod partikolari għal dawk li huma l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol; billi s-suq tax-xogħol għadu kkaratterizzat minn inugwaljanzi sinifikanti fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, u billi wara l-età ta' 55 sena, in-nisa għandhom riskju akbar mill-irġiel li jgħixu fil-faqar jew fl-esklużjoni soċjali;

P.     billi l-iżbilanċi soċjoekonomiċi bejn l-Istati Membri komplew jikbru, filwaqt li ġara bil-maqlub fir-rigward tal-objettiv ta' konverġenza reġjonali; billi d-distakk bejn il-pajjiżi ċentrali u periferiċi fil-qgħad żdied minn 3.5 % fl-2000 għal 10 % fl-2013; billi din id-diverġenza żżid ir-riskju ta' frammentazzjoni u thedded l-istabbiltà ekonomika u l-koeżjoni soċjali tal-UE; billi s-Sitt Rapport dwar il-Koeżjoni jenfasizza r-rwol li għandhom il-fondi strutturali sabiex tingħeleb l-inugwaljanza, speċjalment matul il-kriżi;

Q.     billi l-Artikolu 174 tat-TFUE jipprevedi li "sabiex tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tagħha in ġenerali, l-Unjoni għandha tiżviluppa u tfittex li twettaq l-azzjonijiet tagħha li jwasslu sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdanha. B'mod partikolari, l-Unjoni għandha jkollha l-għan li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta' żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta' dawk ir-reġjuni li huma anqas favoriti. Fost ir-reġjuni konċernati, għandha tingħata attenzjoni partikolari lil żoni rurali, lil żoni milquta minn transizzjoni industrijali, u lil reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħal per eżempju r-reġjuni estremi tat-tramuntana b'densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna, u reġjuni insulari, reġjuni transkonfinali u reġjuni muntanjużi";

R.     billi r-reġjuni li jsofru minn żvantaġġi naturali jew demografiċi serji u permanenti normalment ikollhom rati ogħla ta' qgħad, inqas tkabbir ekonomiku u nuqqas ta' investimenti sinifikanti mmirati lejn it-titjib tal-potenzjal tagħhom;

S.     billi l-Parlament ilu dawn l-aħħar sentejn iwissi dwar ir-riskji soċjali tad-deflazzjoni f'kuntest ta' tkabbir baxx, rata għolja ta' qgħad u pressjoni 'l isfel fuq il-pagi; billi l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) bassar inflazzjoni baxxa fuq medda twila ta' żmien, u wissa dwar il-konsegwenzi ta' dan fuq id-domanda interna, fuq it-tkabbir u fuq l-impjiegi; billi d-deflazzjoni saret realtà minn Awwissu 2014 fi tmien Stati Membri (li sitta minnhom qegħdin fiż-żona tal-euro); billi d-domanda u l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE hija ristretta bil-kbir mid-dgħjufija prevalenti ta' għoti ta' kreditu lill-SMEs u l-ħtieġa li jitnaqqas id-dejn pubbliku u privat eċċessiv b'mod speċjali fir-rigward ta' self ipotekarju; billi t-tnaqqis fir-rati tal-inflazzjoni jżid b'mod sinifikanti dawn id-diffikultajiet, billi jgħolli r-rati tal-imgħax reali u l-piż tad-dejn reali, u jista' jwassal għal ċirku vizzjuż ta' depressjoni ekonomika; billi l-BĊE rreaġixxa għal dawn l-aspetti kollha fit-22 ta' Jannar 2015 bl-implimentazzjoni ta' programm estiż tax-xiri tal-assi b'xiri tal-assi ta' kull xahar ikkombinat li jammonta għal EUR 60 biljun, u li għandu jitwettaq tal-inqas sa Settembru 2016;

T.     billi tista' tintuża politika monetarja espansjonarja biex titrawwem l-esportazzjoni bħala mod kif tittejjeb l-ekonomija tal-UE fl-immedjat;

U.     billi r-rati ta' imgħax baxxi jistgħu jintużaw biex tingħata spinta lill-investimenti fl-UE;

V.     billi żdiedet il-konsolidazzjoni fiskali u ġew introdotti miri ewlenin ġodda li jiffukaw aktar fuq id-defiċits strutturali milli fuq defiċits ċikliċi; billi, minkejja dan, id-daqs tal-multiplikaturi fiskali fil-kuntest attwali għadu kbir ħafna; billi hemm bżonn li jintlaħqu l-objettiv ta' terminu medju u l-objettiv tad-dejn biex jinħoloq ambjent li jistimula t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi; billi hemm bżonn li jiġi vvalutat b'mod sistematiku l-impatt ta' dawn il-miżuri mill-aspett soċjali, ambjentali u fir-rigward tas-sessi;

W.    billi d-disparità fil-politiki fiskali implimentati fi Stati Membri differenti ħafna drabi qed iġġiegħel lill-SMEs jagħlqu jew jiddelokalizzaw, u dan qed jikkawża telf ta' impjiegi u mobilità obbligatorja tal-forza tax-xogħol;

X.     billi l-investiment pubbliku u privat fl-UE naqas b'mod allarmanti u issa jinsab qrib l-20 % taħt il-livelli ta' qabel il-kriżi, li huwa aktar baxx meta mqabbel ma' dak tal-imsieħba ekonomiċi ewlenin tagħha fil-bqija tad-dinja; billi l-investiment f'impjiegi sostenibbli u ta' kwalità aħjar, fil-kapital uman, fir-riċerka u l-innovazzjoni (inkluż fi proġetti fuq skala żgħira), f'unjoni tal-enerġija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, fis-Suq Uniku Diġitali, fil-promozzjoni tal-intraprenditorja u f'ambjent tan-negozju aħjar għall-SMEs għandu jkun fost il-prijoritajiet ewlenin kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Istati Membri, peress li l-investimenti f'dawn l-oqsma huma essenzjali mhux biss biex jiġi żgurat irkupru iżda wkoll biex jissaħħaħ il-potenzjal ekonomiku tal-UE li tikber u toħloq il-ġid;

Y.     billi l-involviment insuffiċjenti fil-proċess tas-Semestru tal-UE fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali min-naħa tal-parlamenti nazzjonali, il-Parlament Ewropew, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali llimita s-sjieda tar-riformi mill-Istati Membri u l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet inklużivi, soċjali u sostenibbli, u naqqas il-fiduċja taċ-ċittadini fil-proġett Ewropew;

Z.     billi l-iffissar tal-pagi hija kompetenza tal-Istati Membri;

Politiki ekonomiċi ambizzjużi għat-tkabbir, għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u għall-ġlieda kontra d-deflazzjoni

1.      Jilqa' l-approċċ integrat tal-Kummissjoni għat-tkabbir, ibbażat fuq tliet pilastri ewlenin: Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, riformi strutturali u responsabbiltà fiskali; jappella għal politika ekonomika u fiskali espansjonarja ambizzjuża, fi ħdan ir-regoli eżistenti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST), sabiex jiġi stimulat tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u biex jinħolqu impjiegi aħjar u sostenibbli; jenfasizza li s-solidarjetà hija l-valur ewlieni li fuqu hija mibnija l-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri billi tipprovdi rakkomandazzjonijiet konkreti li jkunu ta' għajnuna għalihom u għall-UE kollha kemm hi, sabiex ma jindirizzawx biss il-konsolidazzjoni fiskali iżda anke r-riformi strutturali b'mod soċjalment bilanċjat u ekonomikament effiċjenti u sostenibbli; jenfasizza li l-inflazzjoni baxxa diġà qed iżżid ir-rati tal-imgħax reali kif ukoll id-dejn pubbliku u privat reali, li flimkien ma' livell għoli ta' qgħad fit-tul fost iż-żgħażagħ tbaxxi t-tkabbir u żżid il-faqar;

2.      Huwa konxju mir-rabtiet bejn ir-responsabbiltà fiskali u l-ħtieġa li tingħata spinta lill-investimenti u r-riformi strutturali fl-Istati Membri, fil-kuntest tal-PST; Jilqa', f'dan is-sens, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "L-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt tal-Istabbiltà u Tkabbir"; jistieden lis-sħab kollha jimplimentaw ir-riformi permezz tal-flessibbiltà li diġà teżisti fir-regoli u l-ftehimiet, jekk xi Stat Membru jiffaċċja żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi, sabiex jiggarantixxu li r-responsabbiltà fiskali tkun kompatibbli mat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-istat assistenzjali;

3.      Jenfasizza l-ħtieġa ta' riformi strutturali fl-Istati Membri; jinnota li filwaqt li ċerti Stati Membri li implimentaw riformi rnexxielhom jerġgħu jiksbu l-kompetittività fis-suq globali, dawn ir-riformi għandhom ikunu kompatibbli ma' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv kif ukoll mal-ħolqien ta' impjiegi deċenti; jappella, biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, li l-fokus ta' dawn ir-riformi jitwessa' biex jinkludi oqsma bħalma huma s-Suq Uniku Diġitali, l-Unjoni tal-Enerġija jew ir-riformi fiskali; iqis li r-riformi promossi fis-suq tax-xogħol għandhom jintroduċu wkoll il-flessibbiltà u s-sigurtà meħtieġa sabiex tintemm is-segmentazzjoni u jkunu żgurati pagi deċenti;

4.      Jilqa' l-fatt li t-taħlita ta' politika l-ġdida żżid l-investiment mal-prijoritajiet preċedenti ta' konsolidazzjoni fiskali u riformi strutturali; iqis, madankollu, li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) għandu jagħti aktar importanza lid-domanda aggregata u r-rabta li għandha maż-żidiet fil-pagi u l-inugwaljanzi soċjali; jenfasizza li l-ogħla prijorità fir-rigward tat-tnaqqis ta' żbilanċi makroekonomiċi m'għandhiex tkun li jiżdied is-surplus fil-kont kurrenti, iżda pjuttost li jiżdied it-tkabbir, l-investiment u r-rati ta' impjieg, u li titnaqqas ir-rata tal-faqar;

5.      Jinsab imħasseb li l-investimenti fl-UE naqsu b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, u issa huma kważi 20 % inqas mil-livell ta' qabel il-kriżi; iwissi li t-tnaqqis kien anki akbar fi Stati Membri periferali fejn il-konsolidazzjoni fiskali kienet aktar akuta; jenfasizza għal darb'oħra l-potenzjal tal-impjiegi tal-ekonomija ekoloġika li, skont l-istimi tal-Kummissjoni, tista' toħloq 5 miljun impjieg sal-2020 fis-setturi tal-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli biss, sakemm jiġu implimentati politiki ambizzjużi dwar il-klima u l-enerġija; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw livelli suffiċjenti ta' investiment f'dawn is-setturi u jantiċipaw il-ħiliet futuri tal-ħaddiema;

6.      Jilqa' l-fatt li wieħed mit-tliet pilastri ewlenin tal-istrateġija tal-Kummissjoni għall-2015 huwa l-investiment, u jitlob li l-pjan jiġi implimentat mingħajr dewmien; jieħu nota tal-fatt li l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għall-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (EFSI) mhux se jingħaddu meta jiġi definit l-aġġustament fiskali taħt il-parti preventiva jew dik korrettiva tal-PST;

7.      Iqis li t-tliet pilastri ewlenin tal-istrateġija tal-Kummissjoni għall-2015 iridu jiġu implimentati b'mod konġunt sabiex l-investimenti jingħataw spinta, b'mod responsabbli, f'dawk l-oqsma li għandhom impatt reali fuq it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, bħall-ekonomija diġitali, is-setturi ekoloġiċi u l-kura tas-saħħa:

8.      Jieħu nota tal-fatt li l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (EFSI) se jkun ibbażat fuq riżorsi eżistenti tal-UE u mhux se jinvolvi flejjes pubbliċi "ġodda", apparti ammont ulterjuri ta' EUR 5 biljun mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI); jenfasizza r-riskji ta' fond insuffiċjenti bbażat fuq suppożizzjonijiet ottimisti wisq dwar il-probabbiltà li tiġi attirata l-parti l-kbira tal-finanzjament meħtieġ minn investituri privati; jistieden lill-BEI jikkunsidra jibdel l-orjentazzjoni tiegħu minn attività bankarja purament kummerċjali għal waħda bbażata fuq mudell ta' valutazzjoni tar-riskju tal-proġetti bbażat fuq kriterji definiti u trasparenza; jistieden lill-Kummissjoni tesplora modi kif tuża l-baġit tal-UE u riżorsi oħra ġodda biex ikun żgurat li l-EFSI ma jonqosx milli jagħti riżultati tajbin;

9.      Jistieden lill-Kummissjoni u lill-BEI jivvalutaw l-effett tal-kriżi ekonomika fuq is-sistema bankarja u fuq ir-riċevituri finali tal-finanzjament tal-BEI, b'attenzjoni partikolari għall-SMEs, is-settur tal-ekonomija soċjali u l-kumpaniji pubbliċi;

10.    Jenfasizza l-fatt li l-EFSI għandu jkun iffukat fuq il-ħolqien ta' investimenti ġodda f'oqsma fejn l-interess tal-investituri huwa limitat pjuttost milli fuq is-sostituzzjoni ta' investimenti li kienu jsiru band'oħra (crowding out), jew fuq l-iffukar fuq investimenti li jrendu profitti kbar, li kienu se jsiru fi kwalunkwe każ (deadweight); jistieden lill-Kummissjoni tinkludi u tippromwovi l-investimenti soċjali li mhux biss jiġġeneraw redditi finanzjarji iżda li jippromwovu effetti soċjali pożittivi, bħal investimenti fil-kapital uman, investimenti b'impatt qawwi fuq il-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli u ta' kwalità aħjar jew fuq l-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar, bħal sistemi ta' protezzjoni soċjali u servizzi soċjali jew investimenti fl-ekonomija soċjali; itenni l-appell tiegħu għall-implimentazzjoni tal-Pakkett ta' Investimenti Soċjali (PIS);

11.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura investimenti f'reġjuni aktar dgħajfa ekonomikament li għandhom livell għoli ta' qgħad, u fl-SMEs f'tali reġjuni, peress li dawn għandhom aċċess limitat ħafna għall-finanzjament, sabiex tiżgura li dawn l-isforzi jkollhom impatt sinifikanti fejn huma l-aktar meħtieġa, b'għażliet magħmula bl-attenzjoni dovuta għall-karatteristiċi ekonomiċi tal-investimenti; jikkondividi l-fehma tal-Kummissjoni dwar il-fatt li hemm bżonn ta' ħaddiema bl-aqwa ħiliet f'setturi li qegħdin jikbru bħall-ekonomija diġitali, is-setturi ekoloġiċi u l-kura tas-saħħa;

12.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw mekkaniżmi speċifiċi mtejba sabiex jimplimentaw programmi ta' investiment fir-reġjuni ultraperiferiċi, li d-distanza mbiegħda, il-frammentazzjoni ġeografika, l-ekonomiji fraġli u r-restrizzjonijiet naturali tagħhom iwasslu għal żieda fl-inugwaljanzi fl-aċċess għal opportunitajiet ta' impjiegi, prodotti u servizzi;

13.    Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra r-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi serji u permanenti meta tipprogramma l-Pjan ta' Investiment Ewropew, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-broadband;

14.    Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi fil-fond u ttejjeb l-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti tal-BEI u l-UE, li tnediet bħala proġett pilota fl-2012 sabiex tiġbor fiha l-Pjan ta' Investiment, bil-ħsieb li tingħata rwol akbar fil-promozzjoni tal-impjiegi; jitlob, f'dan il-kuntest, reviżjoni dettaljata tal-bonds b'impatt soċjali inklużi fil-PIS;

Politika responsabbli ffukata fuq l-investiment, il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u t-tkabbir

15.    Jinnota li l-Pjan ta' Investiment Ewropew huwa żieda meħtieġa għall-isforzi biex jiġi stimulat tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ħolqien ta' impjiegi, li jeħtieġ li jkun appoġġjat minn riżorsi privati u pubbliċi sabiex jirnexxi; jilqa' l-fatt li s-SAT għall-2015 ikompli jappella għal aktar sforzi minn pajjiżi b'marġini fiskali ta' manuvrar bħala mezz biex titħeġġeġ id-domanda Ewropea u l-investiment;

16.    Jilqa' b'sodisfazzjon l-estensjoni tal-pass tal-konsolidazzjoni fiskali, u l-introduzzjoni ta' miri ewlenin – li jiffokaw aktar fuq id-defiċits ċikliċi milli strutturali – u li għandu jkollhom effett pożittiv fuq l-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli; jinnota, madankollu, li d-daqs tal-multiplikaturi fiskali fil-kuntest attwali madankollu għadu għoli ħafna u li dan ser ikollu impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi kif ukoll fuq is-sostenibbiltà tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-użu ta' flessibilità massima fi ħdan ir-regoli eżistenti tal-PST;

17.    Jitlob l-iżvilupp ta' qafas Ewropew biex jiġi żgurat li l-investimenti kollha taħt il-Pjan ta' Investiment Ewropew ikollhom impatt sinifikanti f'termini ta' stimolu għat-tkabbir sostenibbli, għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u għat-trawwim tal-progress soċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex tissorvelja u tikkontrolla l-investimenti skont il-pjan u, barra minn hekk, għal verifika u tkejjel l-impatt ekonomiku u soċjali tal-investimenti f'termini reali; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi speċjalisti fuq il-politiki soċjali f'kumitat ta' esperti EFSI l-ġodda li se tapprova proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati, u biex jiżguraw li impatt soċjali pożittiv huwa wieħed mill-kriterji ewlenin f'din l-għażla;

18.    Jenfasizza l-importanza tal-flessibbiltà li tista' tintuża fi ħdan il-PST eżistenti sabiex jiġi żgurat spazju għall-immanuvrar għal investimenti soċjali, primarjament investimenti soċjali f'persuni, billi jiġu provduti bil-ħiliet u l-kundizzjonijiet ta' appoġġ meħtieġa għal parteċipazzjoni produttiva u ta' sodisfazzjon fl-ekonomija u s-soċjetà matul ħajjithom kollha; jenfasizza, f'dan il-kuntest, ir-rwol potenzjali tal-ekonomija soċjali fil-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli, inklużivi u ta' kwalità;

Finanzjament mogħti lura lill-SMEs biex jiġu stimulati l-investiment privat u l-ħolqien tal-impjiegi

19.    Jenfasizza li filwaqt li l-SMEs jikkostitwixxu s-sinsla tal-ħolqien tal-impjiegi fl-UE, dawn għadhom qed jiffaċċjaw diffikultajiet kbar sabiex jiksbu aċċess għall-finanzjament u għandhom wisq dejn; għalhekk, jilqa' pożittivament ir-rakkomandazzjonijiet ġodda tal-Kummissjoni dwar l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs, li jinvolvu approċċ ġdid għall-insolvenza u l-falliment tan-negozju; jistieden biex isiru aktar sforzi mill-Istati Membri ħalli jitjiebu l-iskemi ta' ristrutturar tad-dejn bħala mezz biex jintlaħaq dan l-għan; jistieden lill-Kummissjoni biex trawwem, meta meħtieġ, l-implimentazzjoni f'livell nazzjonali tal-prinċipji stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tagħha tat-12 ta' Marzu 2014 permezz ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs); jenfasizza li l-intrapriżi mmexxija min-nisa u l-SMEs iħabbtu wiċċhom ma' aktar diffikultajiet biex jiksbu aċċess għall-finanzjament; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza r-raġunijiet għal din is-sitwazzjoni u biex tipproponi miżuri biex tinstab soluzzjoni għal dan;

20.    Jenfasizza l-importanza tal-ħolqien ta' kultura ta' intraprenditorja fl-Unjoni Ewropea billi jitnaqqsu l-ostakli għall-impjieg indipendenti u l-istabbiliment tan-negozju; jirrimarka li dan jista' jiġi appoġġjat minn taħlita intelliġenti ta' appoġġ finanzjarju bħal l-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI), jew permezz ta' soluzzjonijiet f'punt uniku ta' servizz f'amministrazzjonijiet pubbliċi għar-reġistrazzjoni ta' negozju ġdid;

21.    Jinsab imħasseb li l-frammentazzjoni finanzjarja fiż-żona euro, f'ċerti każijiet, tkun qed tipperikola t-tkabbir u s-sostenibilità tal-SMEs. jitlob li l-kapaċità tas-self tal-ekonomija terġa' lura għal kif kienet, u b'hekk tippermetti lill-SMEs jinvestu u joħolqu impjiegi, kif ukoll li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-intraprenditorija u l-aċċess tal-SMEs għall-programmi bħall-COSME u Orizzont 2020;

22.    Jistieden lill-Istati Membri jeliminaw piżijiet amministrattivi u burokrazija mhux meħtieġa għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-mikrointrapriżi u l-SMEs u biex jiffaċilitaw il-kundizzjonijiet għan-negozji ġodda;

23.    Jilqa' b'sodisfazzjon l-iskema konġunta ta' self lill-SMEs maħruġa mill-Kummissjoni u l-BEI li tuża l-fondi strutturali biex jiġi simplifikat l-investiment f'dawn il-kumpaniji sabiex tingħata spinta għall-ħolqien akbar u sostenibbli tal-impjiegi; jistieden lill-BĊE jikkomplementa din l-azzjoni politika u jesplora mezzi ta' xiri ta' assi tal-SMEs, u jappoġġja l-iżvilupp tal-SMEs fi ħdan il-qafas ta' programmi ta' tnaqqis kwantitattiv ibbażati fuq prattiki tajba li jeżistu f'reġuni oħra ekonomiċi, jew iservi ta' garanti għal sorsi ta' finanzjament tal-SMEs, li jiġġeneraw sa 80 % tal-impjiegi f'ħafna Stati Membri;

24.    Jieħu nota tal-programm ta' xiri tal-assi estiż tal-BĊE li jmur, għal darb' oħra, lis-sistema bankarja; jitlob, għalhekk, lill-BĊE biex jottimizza l-potenzjal tiegħu biex ittejjeb l-ekonomija reali billi jiġi pprovdut kreditu sabiex jagħtu spinta lit-tkabbir u jindirizzaw il-qgħad fl-UE;

25.    Jilqa' l-miżuri mħabbra mill-Kummissjoni biex tingħata spinta lill-ħolqien tal-impjiegi fl-SMEs permezz tal-ftuħ ta' alternattivi għal self mill-banek għall-SMEs, u biex jitjieb il-qafas regolatorju u fiskali sabiex jissaħħaħ l-investiment fit-tul fl-SMEs; jitlob li dawn il-miżuri jiġu implimentati mingħajr dewmien; jistieden lill-Kummissjoni wkoll biex tappoġġja proġetti fuq skala iżgħar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw kooperattivi finanzjarji għall-finanzjament tal-SMEs (unjins ta' kreditu) bħala strumenti alternattivi ta' finanzjament, u sabiex ikun permess aċċess aħjar għall-SMEs għall-akkwist pubbliku u l-finanzjament fil-livell nazzjonali u tal-UE;

26.    Jenfasizza l-importanza tal-korpi intermedjarji marbuta mal-SMEs, bħall-kmamar tal-kummerċ bħala muturi b'impatt ta' multiplikatur fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE relatati mal-SMEs, u jitlob lill-Kummissjoni Ewropew tniedi djalogu ta' sħubija ma' dawn il-korpi dwar kif il-politiki tal-UE b'rabta mal-SMEs jistgħu jiġu implimentati aħjar sabiex jiġi stimulat il-ħolqien tal-impjiegi ta' kwalità;

Użu aktar effiċjenti tal-fondi

27.    Jenfasizza li l-politiki dwar it-tkabbir u l-impjiegi għandhom impatti territorjali differenzjati, skont is-sitwazzjoni speċifika ta' kull reġjun tal-UE, u li d-disparitajiet reġjonali ilhom jitwessgħu mill-bidu tal-kriżi; jenfasizza li r-RSPs għandhom iqisu d-divrenzjar territorjali fi ħdan l-Istati Membri sabiex jiġu stimolati t-tkabbir u l-impjiegi filwaqt li tiġi ppreservata l-koeżjoni territorjali;

28.    Iqis li l-miżuri tal-politika ta' koeżjoni għandhom rwol essenzjali biex jitnaqqsu d-disparitajiet kompetittivi interni u l-iżbilanċi strutturali f'reġjuni li l-aktar għandhom bżonn ta' dan; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra soluzzjonijiet xierqa għal dawk l-Istati Membri li, għalkemm qed jiffaċċjaw qgħad għoli ħafna, huma obbligati jirritornaw fondi tal-UE minħabba problemi ta' kofinanzjament; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-finanzjament minn qabel sabiex tiffaċilita l-użu sħiħ tal-fondi minn dawn l-Istati Membri fil-perjodu 2014-2020, filwaqt li dejjem tiżgura li jinżamm il-prinċipju ta' responsabbiltà baġitarja;

29.    Jitlob li tittieħed azzjoni urġenti mill-Kummissjoni fil-ġlieda kontra d-dumping fiskali, il-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa u jitlob l-adozzjoni fil-livell tal-Kunsill ta' taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji ambizzjuża, minħabba li ż-żewġ miżuri jippermettu investiment pubbliku għat-tkabbir u għall-impjiegi ta' kwalità;

30.    Jemmen bis-sħiħ li l-fondi tal-UE, b'mod partikolari dawk fil-qafas tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) m'għandhomx jintużaw biex jissussidjaw approċċi nazzjonali, iżda għandhom jintużaw biex jipprovdu appoġġ addizzjonali b'mod li jikkumplimentaw u jsaħħu l-programmi nazzjonali skont kif jiddeċiedu l-Istati Membri;

31.    Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-fondi tal-UE għall-2007-2013 u biex jallinjaw mill-qrib il-FSE u Fondi Strutturali Ewropej oħra mal-istrateġija Ewropa 2020; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura monitoraġġ strett tad-delimitazzjoni ta' 20 % tal-FSE għall-faqar; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi fis-SAT li jmiss u fis-CSRs kapitolu relatat mal-implimentazzjoni tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD);

32.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa riformi strutturali fis-swieq tal-enerġija sabiex tinkiseb Unjoni tal-Enerġija reżiljenti, inqas dipendenti fuq sorsi esterni, u li tiddiversifika s-sorsi tal-provvista (pereżempju, gass Alġerin);

Riformi biex jiżdiedu l-potenzjal tat-tkabbir, il-kapital uman u l-produttività

33.    Jinnota li l-pjanijiet ta' investiment deċiżiv għal tkabbir sostenibbli u l-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli u ta' kwalità aħjar, kif ukoll il-miżuri meħuda mill-BĊE, jistgħu jkunu ta' suċċess biss jekk huma jseħħu flimkien ma' riformi nazzjonali li jtejbu l-parteċipazzjoni f'xogħol ta' kwalità, jagħtu spinta lill-attività u l-produttività, jiżviluppaw il-kapital uman fil-gruppi tal-etajiet kollha, inklużi l-gruppi l-aktar vulnerabbli, u jappoġġjaw sistemi soċjali u ta' protezzjoni soċjali b'saħħithom; jindika li d-deċiżjoni tal-Parlament u tal-Kunsill għat-titjib tal-kooperazzjoni fin-netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) hija element ewlieni fl-isforz għat-titjib tas-swieq tax-xogħol; jemmen li r-riformi strutturali fis-suq tax-xogħol għandhom jintroduċu miżuri ta' flessibbiltà interna bil-għan li jiġu preservati l-impjiegi fi żminijiet ta' tfixkil ekonomiku, jiżguraw il-kwalità tal-impjiegi u s-sigurtà fit-transizzjonijiet fl-impjiegi, u jipprovdu skemi ta' benefiċċji għall-qgħad li huma bbażati fuq rekwiżiti ta' attivazzjoni realistiċi, jiżguraw appoġġ adegwat lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u jkunu konnessi ma' politiki ta' riintegrazzjoni;

34.    Jiddispjaċih li l-attenzjoni tal-Kummissjoni f'riformi strutturali hija orjentata eċċessivament lejn it-tnaqqis tal-protezzjoni tal-impjiegi kemm eżistenti kif ukoll impjiegi ġodda; ifakkar li d-data turi li huwa eżattament l-insegwiment insistenti ta' risponsi żbaljati ta' politika, li jgħaqqad il-flessibiltà u dħul aktar baxx, li qed iddewwem l-irkupru; jenfasizza li r-riformi strutturali għandhom ikunu ddisinjati b'mod usa' u iktar olistiku – adattati għal kull Stat Membru, u jiffukaw fuq diversi kwistjonijiet, bħal: ġestjoni korporattiva, organizzattiva u tas-suq tax-xogħol; l-edukazzjoni; ir-riċerka u l-innovazzjoni; u sistemi fiskali tal-amministrazzjoni pubblika – u għandhom jimmiraw li jrawmu l-potenzjal ta' tkabbir u s-sostenibbiltà, u biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali;

35.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw modi innovattivi biex jinkoraġġixxu l-investiment fl-UE; jenfasizza x-xejra reċenti tal-kumpaniji li jirritornaw il-produzzjoni u s-servizzi lura fl-UE u l-opportunitajiet li dan iġib għall-ħolqien tal-impjiegi, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ; jemmen li l-ekonomiji tal-UE għandhom opportunità unika biex jaċċeleraw din ix-xejra tar-ritorn tal-impjiegi fl-Ewropa;

36.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiddisinjaw politiki mfassla apposta biex jappoġġjaw il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għal persuni li ilhom qiegħda għal żmien twil, għal persuni qiegħda li huma akbar fl-età, għan-nisa u gruppi prijoritarji oħra li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi, bħall-immigranti, il-komunità tar-Rom u l-persuni b'diżabilità, inklużi miżuri li jippromwovu politiki kontra d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, it-tagħlim u t-taħriġ tul il-ħajja, u biex jiġi miġġieled il-livell baxx ta' edukazzjoni li jaffettwa xi wħud minn dawn il-gruppi, li ħafna minnhom qegħdin f'riskju ta' esklużjoni soċjali; jitlob biex fis-CSRs jiġi indirizzat b'mod sistematiku t-tnaqqis fid-differenza bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u tan-nisa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni titlob li kull Stat Membru jistabbilixxi pjan nazzjonali dwar l-impjiegi għall-ħolqien tal-impjiegi b'mod konformi ma' dak li kienu ftehmu fil-Kunsill tar-Rebbiegħa tal-2012;

37.    Jistieden lill-Kummissjoni tniedi inizjattiva ġdida sabiex tippromwovi l-opportunitajiet ta' impjieg għar-Rom fl-Istati Membri, b'miżuri li jippromwovu l-ħiliet u l-kwalifiki u li jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni u jippromwovu l-ħolqien tal-impjiegi, pereżempju permezz ta' impjiegi indipendenti u intraprenditorija u billi jintużaw strumenti finanzjarji innovattivi;

38.    Jistieden lill-Istati Membri li tkun ta' prijorità għalihom li jnaqqsu d-disparità bejn is-sessi fl-impjieg, b'mod partikolari billi jindirizzaw id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u billi jimplimentaw miżuri sabiex jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u dik familjari fost oħrajn billi jżidu d-disponibbiltà ta' faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal;

39.    Jiddispjaċih li s-Semestru Ewropew ma ġiex allinjat tajjeb biżżejjed mal-Istrateġija Ewropa 2020; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkonformaw il-miżuri ekonomiċi implimentati tul is-Semestru Ewropew mal-miri soċjali u ta' impjieg tal-istrateġija Ewropa 2020 u mal-prinċipji soċjali stabbiliti fit-Trattati; jitlob li jkun hemm aktar sforzi determinati fil-gwida u l-koordinazzjoni tal-politiki tal-UE biex jiġi stimulat tkabbir sostenibbli u inklużiv u biex jinħolqu impjiegi aħjar u sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta r-reviżjoni ta' nofs it-term ta' Ewropa 2020 mingħajr dewmien filwaqt li tqis il-ħtieġa urġenti li jsir aktar progress fit-tnaqqis tal-faqar u miri soċjali oħra, u l-ħtieġa għal titjib fl-involviment validu tal-partijiet interessati;

L-edukazzjoni u l-politiki attivi tax-xogħol biex jiżdied il-kapital uman

40.    Jemmen li kompetizzjoni internazzjonali li qed tikber li ġejja minn forzi tax-xogħol b'kompetenzi dejjem akbar wasslet biex l-UE jkollha nuqqasijiet serji ta' kompetenzi u nuqqas ta' tlaqqigħ ta' kompetenzi li qed idewmu t-tkabbir ekonomiku. jemmen li jekk l-Istati Membri għandu jkollhom ċans realistiku li jilħqu l-miri ta' impjieg tal-Ewropa 2020, dawn għandhom jiffokaw biex joħolqu ambjent tajjeb għall-ħolqien ta' impjiegi;

41.    Itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkorporaw pilastru tal-ġeneru fil-qafas ta' Ewropa 2020;

42.    Jindika li l-istrateġija biex terġa' tinkiseb il-kompetittività ma għandhiex tiffoka biss fuq l-ispejjeż tax-xogħol iżda wkoll fuq iż-żieda fil-produttività permezz ta' investimenti fil-kapital uman u riformi strutturali;

43.    Jistieden lill-Istati Membri jreġġgħu lura l-investiment fil-kapital uman għal-livell ta' qabel il-kriżi, b'mod partikolari biex itaffu t-tranżizzjoni bejn l-edukazzjoni u x-xogħol għaż-żgħażagħ, u biex jinvestu fit-taħriġ vokazzjonali u fi programmi ta' tagħlim tul il-ħajja;

44.    Jilqa' l-fatt li fis-SAT 2015, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jipproteġu jew jippromwovu l-investiment fit-tul fl-edukazzjoni, fir-riċerka u fl-innovazzjoni; jinnota, madankollu, li l-Istati Membri b'baġits li huma diġà limitati m'għandhomx mezzi suffiċjenti biex jilħqu dan l-objettiv; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex teskludi l-investimenti produttivi fl-edukazzjoni, fir-riċerka u fl-iżvilupp, mill-miri tad-defiċit stabbiliti skont ir-regoli tal-UE;

45.    Jenfasizza l-importanza ta' politiki attivi tax-xogħol għal xi Stati Membri fil-kuntest attwali; jistieden lil dawk l-Istati Membri jżidu l-kopertura u l-effikaċja tal-politiki attivi fis-suq tax-xogħol;

Impjiegi u pagi ta' kwalità bħala muturi tal-produttività u t-tkabbir

46.    Jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni speċjali lill-qgħad għoli fost il-gruppi żvantaġġjati billi jagħtu prijorità lill-aċċess u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-mainstreaming tal-politiki ta' aċċess u integrazzjoni, minħabba li x-xogħol huwa s-sigriet għall-integrazzjoni effettiva;

47.    Ifakkar li pagi diċenti huma importanti, mhux biss għall-koeżjoni soċjali, iżda wkoll għaż-żamma ta' rkupru b'saħħtu u ta' ekonomija produttiva; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-impatt tal-Istati Membri li jintroduċu l-pagi minimi fil-kuntest fejn jitnaqqsu l-inugwaljanza fil-pagi; jistieden lill-Kummissjoni sabiex torganizza konferenza dwar qafas Ewropew għall-pagi minimi;

48.    Jinsab imħasseb li r-riformi fis-suq tax-xogħol f'bosta Stati Membri ma rnexxielhomx ibaxxu l-livell ta' impjiegi prekarji; josserva li 50 % tal-impjiegi li nħolqu fl-2014 kienu impjiegi temporanji; jinnota li, skont il-Kummissjoni, il-faqar fost dawk li jaħdmu għadu jippersisti, u li għal 50 % ta' dawk kollha li qed ifittxu x-xogħol, il-fatt li jsibu impjieg mhuwiex biżżejjed biex joħorġu mill-faqar, u lanqas ma jżid il-produttività; jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-kwalità tal-impjiegi u jindirizzaw is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li r-riformi fis-suq tax-xogħol għandhom l-għan li – apparti l-promozzjoni aħjar u l-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli – jnaqqsu s-segmentazzjoni, li tavvanza l-inklużjoni ta' gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, filwaqt li tnaqqas il-faqar fost dawk li jaħdmu u jiżguraw protezzjoni soċjali adegwata għall-ħaddiema kollha, inklużi dawk li huma impjegati għal rashom;

49.    Jemmen li l-Istati Membri jistgħu joħolqu l-impjiegi biss jekk is-suq jippermetti dan, jekk ikunu jistgħu jserrħu fuq forza tax-xogħol ikkwalifikata, jekk is-swieq tax-xogħol ikunu flessibbli b'mod suffiċjenti, jekk l-ispejjeż tax-xoħol, inklużi l-pagi, ikunu f'konformità mal-produttività, jekk is-sistemi ta' protezzjoni soċjali jagħmlu x-xogħol aktar attraenti u jekk ir-regolamentazzjoni tkun proporzjonata u bbażata fuq l-evidenza;

50.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw id-dumping soċjali u tal-pagi fl-UE, li jikkawża ħsara sinifikanti lill-ħaddiema affettwati u lis-sistemi ta' protezzjoni soċjali tal-Istati Membri; jitlob, barra minn hekk, li s-sħab soċjali jiġu inklużi fil-livelli kollha f'dawn l-isforzi;

51.    Jilqa' l-inizjattiva dwar pjattaforma Ewropea dwar ix-xogħol mhux iddikjarat; itenni s-sejħa tiegħu lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-persuni b'kuntratti prekarji, jew li għandhom impjiegi indipendenti jkollhom sett bażiku ta' drittijiet u protezzjoni soċjali adegwata, speċjalment għal dak li jirrigwarda r-rikonċiljazzjoni bejn il-familja u x-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel sforzi dedikati biex tindirizza l-problemi addizzjonali kkawżati minn impjiegi part-time u temporanji mhux volontarji u minn impjiegi indipendenti fittizji;

52     Huwa mħasseb dwar l-approċċ tal-Kummissjoni lejn l-indikaturi soċjali u tal-impjiegi; jiddispjaċih għall-fatt li m'hemm kważi ebda referenza għall-kwalità jew is-sostenibbiltà ta' impjiegi li qed jinħolqu, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-impjieg tan-nisa, li huma rrappreżentati żżejjed fil-ħidma part-time minħabba diffikultajiet ta' rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u dik privata;

53.    Iqis li l-kisba tal-objettivi ta' riindustrijalizzazzjoni hija fundamentali għall-kompetittività tal-UE u jemmen li t-tnedija mill-ġdid ta' politika industrijali Ewropea ġenwina tista' tippromwovi t-tkabbir u toħloq impjiegi ġodda ta' kwalità għolja;

54.    Jiddispjaċih dwar il-fatt li meta ssir referenza għar-rati tal-qgħad, ma tingħatax il-kunisderazzjoni dovuta lil fatturi oħra, bħalma huma r-rati li dejjem qed jiżdiedu ta' nies mhux attivi, il-mobilità u l-migrazzjoni;

Il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-mobilità tax-xogħol

55.    Jilqa' t-tnaqqis fir-rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ, imma jinnota li xorta għadhom f'livelli allarmanti u mhux neċessarjament ibbażati fuq il-ħolqien nett ta' impjiegi; jenfasizza li n-nuqqas ta' sigurtà fl-impjiegi u s-sottoimpjieg żdiedu wkoll, u li 43 % taż-żgħażagħ isibu ruħhom jaħdmu f'kundizzjonijiet prekarji, b'kuntratti part-time mhux volontarji jew dikjarati b'mod falz bħala ħaddiema għal rashom;

56.    Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas Ewropew li jintroduċi standards minimi għall-implimentazzjoni tal-Garanziji għaż-Żgħażagħ u għal miżuri konkreti biex titqajjem kuxjenza pubblika; jistieden lill-Istati Membri jużaw il-baġit disponibbli b'mod effiċjenti u jimplimentaw il-Garanziji għaż-Żgħażagħ mingħajr dewmien u jiżguraw li jilħqu wkoll liż-żgħażagħ li ġejjin minn sfond soċjali żvantaġġat; jitlob għal baġit adegwat fir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-ILO; jinnota li l-ILO stmat li huma meħtieġa EUR 21 biljun biex tinstab soluzzjoni għall-problema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ;

57.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tmur lil hinn mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' Marzu 2014 dwar qafas ta' kwalità għall-apprendistati u biex tipproponi Qafas tal-Kwalità ġdid bil-għan li jiġu evitati d-diskriminazzjoni u l-isfruttament ta' ħaddiema żgħażagħ;

58.    Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu s-swieq tax-xogħol aktar inklużivi għal dawk li jkollhom dmirijiet tal-familja bħat-trobbija tat-tfal u li jieħdu ħsieb membri tal-familja li jkollhom bżonn il-kura; jitlob, għalhekk, għal miżuri li jiffavorixxu r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u dik familjari bħala parti mir-riformi tas-suq tax-xogħol promossi permezz tas-Semestru Ewropew;

59.    Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jinvestu f'opportunitajiet għal tagħlim tul il-ħajja, taħriġ vokazzjonali u għal taħriġ fuq il-post tax-xogħol; jitlob għal sistemi nazzjonali ta' tagħlim tul il-ħajja li għandhom jiġu vvalutati bħala parti mill-istrateġiji tas-Semestru Ewropew għar-riforma tas-suq tax-xogħol;

60.    Jenfasizza li, skont il-Kummissjoni, minkejja r-rati għolja tal-qgħad, hemm 2 miljun post vakanti ta' xogħol fl-UE, u li fl-2013 huma biss 3.3 % tal-popolazzjoni attiva li jaħdmu fi Stat Membru ieħor, u dan jindika livell ta' mobilità li baqa' baxx meta mqabbel mal-Istati Uniti u l-Ġappun; ifakkar li d-diverġenzi f'punti tar-rati ta' mobilità tax-xogħol – li fil-każ ta' Stati Membri li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi jistgħu jvarjaw sa massimu ta' għaxar punti perċentwali – jistgħu jiġu affettwati b'mod pożittiv jekk tintuża l-għodda tal-pjattaforma EURES; jesprimi l-appoġġ kontinwu tiegħu għall-prinċipju tal-moviment liberu;

61.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi biex jiffaċilitaw u jistimulaw it-tiftix għal impjieg barra l-pajjiż;

62.    Minħabba n-numru ta' ħaddiema, partikolarment żgħażagħ, li issa qed jitilqu l-pajjiż ta' oriġini tagħhom għal Stati Membri oħra biex ifittxu opportunitajiet ta' impjieg, hemm ħtieġa urġenti li jiġu żviluppati miżuri adegwati li jiggarantixxu li l-ebda ħaddiem ma jibqa' mhux kopert mill-protezzjoni tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu aktar il-mobilità tax-xogħol tal-UE permezz ta' strumenti bħal EURES filwaqt li jinżamm il-prinċipju ta' trattament ugwali u jiġu mħarsa l-pagi u l-istandards soċjali; jistieden lil kull Stat Membru jistabbilixxi l-politiki soċjali u tal-impjieg li jiżguraw drittijiet ugwali u paga ugwali fl-istess post tax-xogħol bi qbil mal-prinċipji li jsostnu l-moviment liberu tal-ħaddiema, b'mod partikolari mill-perspettiva tal-ġeneru;

63.    Ifakkar fl-objettivi tal-UE fil-kwistjoni tas-sessi, b'mod partikolari li tintlaħaq rata ta' impjieg ta' 75 % għan-nisa u l-irġiel sal-2020 u jitnaqqis b'20 miljun l-għadd ta' persuni f'riskju ta' faqar;

64.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta proposta dwar il-liv tal-ġenituri li tikkontribwixxi biex tiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol ugwali għan-nisa u l-irġiel, mhux l-inqas fid-dawl tal-fatt li l-popolazzjoni tal-UE qed tixjiħ b'rata mgħaġġla, u dan iqiegħed f'riskju l-kapaċità futura tal-Istati Membri li jżommu s-servizzi soċjali meħtieġa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw aktar politiki li jikkontribwixxu għal tkabbir demografiku tal-UE billi jistimulaw jew ir-rati ta' twelid jew tal-immigrazzjoni;

65.    Jiddispjaċih li l-miżuri ta' awsterità imposti mill-UE immirati biex terġa' tiġi lura l-fiduċja tal-investituri, wasslu biss għal deterjorament tal-kundizzjonijiet ta' impjieg u soċjali madwar l-Ewropa li rriżulta f'livelli ogħla ta' qgħad, faqar u inugwaljanza;

66.    Jitlob lill-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni bejn in-negozji u s-settur edukattiv fil-livelli kollha;

Sejħa deċiżiva għad-dimensjoni soċjali u l-konverġenza fl-UE

67.    Itenni t-twissija tiegħu dwar l-isfidi soċjoekonomiċi li qed tiffaċċja l-Unjoni, speċjalment xi Stati Membri kif ukoll ir-riskji għas-sostenibilità tagħha u l-potenzjal tagħha ta' tkabbir stabbli kkawżati minn treġġigħ lura fil-konverġenza reġjonali; ifakkar li aktar minn 122 miljun ċittadin tal-UE huma f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali, inkluż il-faqar fost dawk li jaħdmu u l-faqar fost it-tfal; jirrimarka li attwalment hu stmat li 19 % tat-tfal fl-UE jinsabu f'riskju ta' faqar, u jinsisti li dawn il-livelli huma inaċċettabbli u jeħtieġ li jitnaqqsu immedjatament; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa d-dimensjoni soċjali fl-UE; jirrikonoxxi l-ħidma tal-Kummissjoni dwar il-pilastru soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, bħala parti mill-proċess ta' integrazzjoni tad-dimensjoni soċjali fl-istrutturi attwali tal-mekkaniżmi tal-governanza ekonomika, u jitlob biex titkompla din it-triq bl-għan li nersqu dejjem iżjed lejn it-twettiq tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020;

68.    Jiddispjaċih li m'hemmx indikaturi dwar, jew definizzjonijiet ċari ta', faqar assolut, li hi kwistjoni ta' tħassib għal ħafna Stati Membri;

69.    Ifakkar lill-Kummissjoni li, skont l-Artikolu 9 tat-TFUE, il-politiki tal-impjieg u dawk soċjali li jippromwovu l-Acquis Soċjali Ewropew għandhom jirregolaw il-politiki Ewropej kollha; jitlob lill-Kummissjoni tissodisfa l-obbligi tagħha li torbot is-Semestru Ewropew mal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020;

70.    Jinnota li l-ħarsien soċjali u l-politika soċjali – partikolarment il-benefiċċji tal-qgħad, l-appoġġ għall-introjtu minimu u t-tassazzjoni progressiva – inizjalment għenu biex inaqqsu l-profondità tar-riċessjoni u stabbilizzaw is-swieq tax-xogħol u l-konsum; jenfasizza, madankollu, li l-istabbilizzaturi soċjali ntużaw b'mod wiesa' bħala fatturi ta' aġġustament minn dawk il-membri tal-UEM li ġarrbu xokkijiet ekonomiċi negattivi; jenfasizza li l-protezzjoni soċjali u l-politika soċjali huma l-kompetenza tal-Istati Membri;

Stabbilizzaturi soċjali Ewropej

71.    Josserva li, fir-rapport annwali tal-2013 tagħha dwar is-sitwazzjoni soċjali u tal-impjieg tal-UE, il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza tal-ispiża tal-protezzjoni soċjali bħala salvagwardja kontra r-riskji soċjali; ifakkar fl-importanza ta' stabbilizzaturi awtomatiċi fl-indirizzar tax-xokkijiet asimettriċi, fl-evitar ta' tnaqqis eċċessiv tal-istati soċjali nazzjonali u b'hekk fit-tisħiħ tas-sostenibbiltà tal-UEM kollha; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi fis-CSR tagħha l-importanza li jiġu preservati stabilizzaturi awtomatiċi b'saħħithom fl-Istati Membri minħabba r-rwol straordinarju tagħhom biex tinżamm il-koeżjoni soċjali kif ukoll biex tiġi stimulata d-domanda interna u t-tkabbir ekonomiku; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex toħroġ Green Paper dwar l-istabbilizzaturi awtomatiċi fiż-żona tal-euro;

72.    Jinnota l-għan tal-Kummissjoni ‘biex il-liġi tal-UE ssir eħfef, aktar faċli u irħas għall-benefiċċju taċ-ċittadini u l-intrapriżi'; jenfasizza li din it-tneħħija ta' ostakli regolatorji m'għandha timmina la l-acquis soċjali Ewropew f'oqsma bħas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema, il-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO u lanqas il-Karta Soċjali Ewropea, u għandha tirrispetta l-awtonomija tas-sħab soċjali kif previst fit-Trattat; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel sforzi kredibbli biex tiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema tqal u l-ħaddiema li welldu reċentement;

Indikaturi soċjali

73.    Jilqa' l-fatt li r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi anness mas-SAT jinkludi tabella ta' valutazzjoni għall-politiki tal-impjiegi u dawk soċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex tistudja jekk dawn l-indikaturi humiex biżżejjed sabiex tagħmel analiżi bir-reqqa tas-sitwazzjoni soċjoekonomika fl-Istati Membri; jenfasizza l-importanza tal-fehim tad-dinamika u l-konsegwenzi tal-iżviluppi tal-introjtu tal-familja u l-inugwaljanzi fl-introjtu li qed jikbru; jiddispjaċih li ħafna mid-data ppreżentata fl-edizzjoni tat-tabella ta' valutazzjoni ta' din is-sena hija skaduta; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel użu akbar minn din it-tabella ta' valutazzjoni fil-formulazzjoni tal-politika; jitlob deskrizzjoni dettaljata tal-għażliet tal-Istati Membri fl-oqsma politiċi differenti u r-riżultati korrispondenti; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tevalwa u ttejjeb l-ambitu u l-effikaċja tagħha biex tiżgura li dawn jiġu kkunsidrati bis-sħiħ meta jiġu żviluppati rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

74.    Jenfasizza li kunsiderazzjonijiet ta' impjiegi u soċjali għandhom jitqiegħdu fl-istess livell bħal dawk makroekonomiċi fil-proċedura tas-Semestru Ewropew;

75.    Jitlob għall-identifikazzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi u makrosoċjali ewlenin fl-ekonomiji tal-UE u ż-żona tal-euro u li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jitħejjew fil-kuntest tas-Semestru Ewropew fuq dik il-bażi, inklużi passi lejn il-konverġenza tal-istandards tax-xogħol u dawk soċjali u l-koordinazzjoni tal-iffissar tal-pagi;

Il-faqar u l-esklużjoni soċjali

76.    Jiddispjaċih li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi ma fihom ebda miżura jew qafas ta' politika biex jintlaħaq l-għan tal-Istrateġija Ewropa 2020 dwar it-tnaqqis tal-faqar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li dan l-objettiv ikun rifless b'mod aħjar fis-Semestru Ewropew;

77.    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu infurzati l-acquis soċjali, il-klawżola soċjali orizzontali u l-protokoll dwar is-servizzi ta' interess ġenerali;

78.    Jilqa' l-appell tal-President tal-Kummissjoni Ewropea lill-Istati Membri tal-UE biex jintroduċu paga minima bl-għan li jitnaqqas il-faqar fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi inizjattiva li tippromwovi l-introduzzjoni ta' dħul minimu fl-Istati Membri; jenfasizza li huwa f'idejn kull Stat Membru li jiffissa livelli ta' dħul minimu u li dawn għandhom ikunu proporzjonati mas-sitwazzjoni soċjoekonomika speċifika fil-pajjiż inkwistjoni;

79.    Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-approċċ tal-Kummissjoni mmirat biex jindirizza l-inugwaljanzi bejn is-sessi prinċipalment jittratta rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u tal-familja bħala kwistjoni tan-nisa; jinnota li l-miżuri mmirati lejn il-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni, kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa, huma kruċjali għall-ħolqien tal-impjiegi u għandhom influwenza diretta fil-kwalità tal-impjiegi maħluqa; jinnota li aċċess għal servizzi affidabbli tal-indukrar tat-tfal u ta' kwalità għadu ostaklu ewlieni għar-rikonċiljazzjoni, għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni lil dan l-indikatur meta tanalizza t-tabella ta' valutazzjoni tal-indikaturi ewlenin tal-impjieg u dawk soċjali;

80.    Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri biex b'mod immedjat tiffaċċja ż-żieda allarmanti fil-faqar fost it-tfal madwar l-UE permezz ta' miżuri olistiċi fuq terminu twil u bbażati fuq il-prattiki tajbin ta' ċerti Stati Membri, b'mod partikolari miżuri li jżidu l-appoġġ mill-Istat għal alimentazzjoni fl-iskejjel, u biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni fuq tliet pilastri "L-Investiment fit-Tfal" inkluża fil-Pakkett ta' Investimenti Soċjali;

81.    Jirrimarka li tfaċċaw forom ġodda ta' faqar minħabba l-kriżi tad-dejn – bħall-faqar fost dawk li jaħdmu b'diffikultajiet, bħal pereżempju l-ħlas ta' self ipotekarju, jew prezzijiet għolja għas-servizzi li joħolqu faqar enerġetiku – irriżultaw f'żieda fin-numru ta' żgumbramenti, esklużjonijiet mis-suq u persuni mingħajr dar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw politiki integrati li jiffavorixxu akkomodazzjoni soċjali u għall-but ta' kulħadd, politiki ta' prevenzjoni effettivi mmirati biex inaqqsu n-numru ta' żgumbramenti, u politiki li jindirizzaw il-faqar enerġetiku abbażi ta' prattiki tajba użati f'xi Stati Membri, u sabiex iwaqqfu l-kriminalizzazzjoni ta' persuni mingħajr dar li dehret reċentement f'xi Stati Membri; jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi b'mod immedjat pjan ta' azzjoni tal-UE dwar il-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar kif intalab mill-Parlament f'diversi okkażjonijiet kif ukoll minn korpi oħra tal-UE, biex tgħin lill-Istati Membri jiffaċċjaw il-problema urġenti u li qed tikber b'mod rapidu tal-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar;

82.    Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa strateġija li tappoġġja lill-Istati Membri jindirizzaw il-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar permezz ta' politiki integrati u ta' investiment soċjali xieraq;

83.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni urġenti biex jindirizzaw il-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar; jirrimarka li din il-manifestazzjoni estrema ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali tmur kontra d-drittijiet fundamentali u żdiedet f'maġġoranza kbira tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi mekkaniżmi konkreti biex tissorvelja u tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri biex dawn jaffrontaw il-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar, kif mitlub fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Settembru 2011 u tas-16 ta' Jannar 2014 dwar strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar;

84.    Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa jekk huwiex possibbli li jiżdied l-FEAD matul ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali;

Pensjonijiet u saħħa sostenibbli

85.    Jitlob li jkun hemm servizzi pubbliċi affordabbli u ta' kwalità fil-qasam tal-kura tat-tfal u l-persuni dipendenti, li jippermettu partikolarment lin-nisa jirritornaw lejn l-impjieg u jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata;

86.    Ifakkar lill-Kummissjoni li, sabiex tiġi żgurata kemm is-sostenibbiltà, is-sikurezza kif ukoll l-adegwatezza tal-pensjonijiet, ir-riformi tal-pensjonijiet jeħtieġ li jkunu akkumpanjati minn politiki li: jiżviluppaw opportunitajiet ta' impjieg għal ħaddiema kbar fl-età u żgħażagħ sabiex jikkontribwixxu għal sistema ta' pensjonijiet sostenibbli; jillimitaw l-inċentivi għall-iskemi tal-irtirar kmieni u għal metodi oħra ta' ħruġ bikri; jipprovdu għall-kumpens għal żmien li fih persuni ħadu ħsieb tfal u membri tal-familja dipendenti; jiżviluppaw opportunitajiet ta' impjieg għall-ħaddiema kbar fl-età; jiggarantixxu l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja kemm għall-persuni impjegati kif ukoll dawk qiegħda ta' kull età; isaħħu t-tixjiħ b'saħħtu fuq il-post tax-xogħol, filwaqt li jqisu r-riskji fiżiċi u psikosoċjali għas-saħħa u s-sikurezza; jintroduċu politiki ta' benefiċċji tat-taxxa li joffru inċentivi biex persuni jibqgħu jaħdmu aktar; u jappoġġjaw it-tixjiħ attiv b'saħħtu; jenfasizza li biex jirnexxu r-riformi fil-pensjonijiet dawn jirrikjedu koeżjoni politika u soċjali nazzjonali u għandhom jiġu nnegozjati mas-sħab soċjali u r-rappreżentanti ta' ġenerazzjonijiet aktar żagħżugħa u akbar fl-età bħala l-gruppi tal-popolazzjoni affettwati b'mod dirett; jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw sew il-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-Green u l-White Papers dwar il-pensjonijiet;

87.    Jieħu nota tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni biex issir riforma fis-sistemi tas-saħħa sabiex dawn jissodisfaw l-objettivi tagħhom li jipprovdu aċċess universali għall-kura ta' kwalità għolja – inkluż l-aċċess affordabbli għal mediċini, speċjalment dawk li jsalvaw il-ħajja – u li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-persunal tas-settur tas-saħħa; josserva li, bħala konsegwenza tal-kriżi, xi Stati Membri ma rnexxilhomx jiżguraw kopertura sħiħa tas-saħħa pubblika; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjonijiet konkreti biex tikkoreġi din is-sitwazzjoni; jitlob għal sforzi ulterjuri ta' riforma biex jiġi żgurat li l-aċċessibbiltà finanzjarja għall-infrastruttura tas-saħħa ta' kwalità ma titpoġġiex f'riskju;

88.    Jinnota r-rikonoxximent tal-Kummissjoni li s-setturi tas-saħħa u tal-kura soċjali għandhom potenzjal sinifikanti għat-tkabbir u jirrappreżentaw oqsma kruċjali għall-investiment immirat lejn ekonomiji sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar il-progress fl-iżvilupp ta' inizjattivi, bħala parti mill-Istrateġija Ewropa 2020, għall-investiment fis-setturi tas-saħħa u l-kura soċjali fir-rigward tal-impjieg ta' kwalità;

89.    Jappella għal miżuri ta' prevenzjoni effettiva tas-saħħa bħal "It-tixjiħ b'saħħtu tul il-ħajja" biex jissaħħu u jiġu żviluppati bil-għan li tiżdied il-kwalità tal-ħajja filwaqt li, fl-istess ħin, jitnaqqsu l-ispejjeż għas-sistemi tas-saħħa nazzjonali għal trattamenti mediċi u farmaċewtiċi meħtieġa tard matul ħajjithom;

Sistemi ta' tassazzjoni fuq ix-xogħol aktar ġusti

90.    Jenfasizza li l-porzjon tat-taxxa għandu impatt akbar għal dawk b'paga baxxa u dawk li għandhom it-tieni sors ta' introjtu, u li din tibqa' problema; jistieden lill-Kummissjoni tieħu nota tar-rapport tal-FMI ta' Ottubru 2013 dwar it-taxxa, li jirrimarka li hemm skop għal forom aħjar u aktar progressivi ta' tassazzjoni;

91.    Jinnota l-importanza tat-tnaqqis tat-tassazzjoni fuq ix-xogħol, speċjalment ta' ħaddiema b'pagi baxxi u b'ħiliet baxxi, ta' dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil u ta' gruppi vulnerabbli oħra, filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi; jistieden lill-Istati Membri jitrasferixxu t-taxxi minn fuq il-ħaddiema għal taxxi fuq il-konsum, il-kapital u l-ambjent, filwaqt li jqisu b'mod xieraq l-effetti ridistributtivi potenzjali;

IT-TISĦIĦ TAl-leġittimità demokratika msaħħa tas-Semestru Ewropew

92.    Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rwol limitat li huwa, il-parlamenti nazzjonali, kif ukoll is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, għandu jkollhom fit-tfassil, il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni ta' prijoritajiet ekonomiċi u soċjali fis-Semestru Ewropew; itenni t-talba tiegħu għal involviment akbar u strutturat tas-soċjetà ċivili u tas-sħab soċjali fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali, sabiex tissaħħaħ il-leġittimità tal-proċess tas-Semestru Ewropew bl-iżvilupp ta' linji gwida konkreti;

93.    Jitlob għall-involviment tal-parlamenti subnazzjonali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma, inkluż permezz ta' arranġamenti ta' governanza fuq ħafna livelli;

94.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvolvi aktar mill-qrib lis-sħab soċjali fit-tħejjija tas-SAT u, b'mod aktar ġenerali, tifformalizza r-rwol ta' sħab soċjali fil-proċess tas-Semestru Ewropew;

95.    Itenni s-sejħa tiegħu għal Ftehim Interistituzzjonali sabiex ikun involut il-Parlament fl-abbozzar u l-approvazzjoni tas-SAT u l-Linji Gwida dwar il-Politika Ekonomika u l-Impjiegi;

96.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

Testi Adottati, P7_TA(2014)0129.

(2)

Testi Adottati, P8_TA(2014)0038.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2014)0060.

(4)

ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 57.

(5)

Testi Adottati, P7_TA(2014)0240.

(6)

Testi Adottati, P7_TA(2013)0246.

(7)

Testi adottati, P7_TA(2014)0394.

(8)

Testi adottati P8_TA(2014)0010.

(9)

Testi adottati, P7_TA(2011)0383.

(10)

Testi adottati, P7_TA(2014)0043.

(11)

'Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjieg mill-Kummissjoni u l-Kunsill li jakkompanja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Istħarriġ dwar it-Tkabbir Annwali 2015' (COM(2014)0906), paġna 44. Ara wkoll OECD Employment Outlook 2014, http://www.keepeek.com/Digital-Asset-Management/oecd/employment/oecd-employment-outlook-2014_empl_outlook-2014-en#page1.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.2.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

10

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Guillaume Balas, Tiziana Beghin, Brando Benifei, Mara Bizzotto, Vilija Blinkevičiūtė, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Ole Christensen, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Elena Gentile, Marian Harkin, Danuta Jazłowiecka, Agnes Jongerius, Jan Keller, Zdzisław Krasnodębski, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Patrick Le Hyaric, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Javi López, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Joëlle Mélin, Elisabeth Morin-Chartier, Georgi Pirinski, Marek Plura, Terry Reintke, Sofia Ribeiro, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Romana Tomc, Yana Toom, Ulrike Trebesius, Marita Ulvskog, Renate Weber, Jana Žitňanská, Inês Cristina Zuber

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Heinz K. Becker, Tania González Peñas, Sergio Gutiérrez Prieto, Miapetra Kumpula-Natri, Paloma López Bermejo, Csaba Sógor, Neoklis Sylikiotis, Ivo Vajgl

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Andrey Kovatchev

Avviż legali