Proċedura : 2014/2220(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0054/2015

Testi mressqa :

A8-0054/2015

Dibattiti :

PV 19/05/2015 - 9
CRE 19/05/2015 - 9

Votazzjonijiet :

PV 21/05/2015 - 7.4
CRE 21/05/2015 - 7.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0213

RAPPORT     
PDF 216kWORD 156k
19.3.2015
PE 544.334v02-00 A8-0054/2015

dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (abbażi tar-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni)

(2014/2220(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Arnaud Danjean

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI TAL-MINORANZA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (abbażi tar-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni)

(2014/2220(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) (abbażi tar-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni),

–   wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ/VP) lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, b’mod partikolari l-partijiet dwar il-Politika Ewropea ta’ Sigurtà u Difiża (PESD) (12094/14)),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 u t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 21, 24 u 36 tiegħu,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 ta’ Diċembru 2013,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza Interparlamentari għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni u l-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni tal-4 ta’ April 2014 u s-7 ta’ Novembru 2014,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà, Ewropa sikura f'dinja aħjar, adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003, u r-rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha, Nipprovdu s-Sigurtà f’Dinja li qed Tinbidel, approvat mill-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta' Diċembru 2008,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika ta’ Sigurtà u ta' Difiża Komuni tal-25 ta’ Novembru 2013 u tat-18 ta’ Novembru 2014,

–   wara li kkunsidra r-rapport ta’ progress tas-7 ta’ Lulju 2014 mir-RGħ/VP u l-Kap tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża dwar l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2013,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tar-RGħ/VP u l-Kummissjoni, L-approċċ komprensiv tal-UE rigward il-konflitti u l-kriżijiet esterni, u l-konklużjonijiet relatati tal-Kunsill tat-12 ta’ Mejju 2014,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta dwar l-istrateġija ta’ Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju Miftuħ, Sikur u Sigur u l-konklużjonijiet relatati tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2013, kif ukoll il-Qafas ta' Politika tal-UE dwar iċ-Ċiberdifiża adottat fit-18 ta’ Novembru 2014,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija dwar is-sigurtà marittima tal-UE tal-24 ta’ Ġunju 2014 u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-UE ta’ Diċembru 2014,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2014 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni mill-Unjoni tal-klawżola ta' solidarjetà,

–   wara li kkunsidra l-Qafas ta’ Politika għall-Kooperazzjoni Sistematika u fit-Tul fil-Qasam tad-Difiża adottat fit-18 ta' Novembru 2014,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Lulju 2013 “Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti” (COM(2013)0542) u tal-pjan direzzjonali ta' implimentazzjoni tal-24 ta’ Ġunju 2014 (COM(2014)0387),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità(1),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-Politika ta’ Sigurtà u ta' Difiża Komuni, b’mod partikolari dawk tal-21 ta’ Novembru 2013 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Sigurtà u ta' Difiża Komuni(3) u dwar il-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea(4)u tat-12 ta’ Settembru 2013 dwar id-dimensjoni marittima tal-politika ta’ sigurtà u ta' difiża komuni(5) u dwar l-istrutturi militari tal-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-prospetti futuri(6),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2012, Ċibersigurtà u Difiża(7),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approċċ komprensiv tal-UE u l-implikazzjonijiet tiegħu għall-koerenza tal-azzjoni esterna tal-UE(8),

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni tat-13 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rieżami 2013 tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE(9) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Rieżami tas-SEAE tal-2013 tas-17 ta’ December 2013(10),

–   wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 132(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0054/2015),

Il-kuntest ġenerali tas-sigurtà

1.  Iqis li l-ambjent ta’ sigurtà tal-UE u tal-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar tagħha huwa dejjem aktar instabbli u volatili minħabba l-għadd kbir ta’ sfidi għas-sigurtà fit-tul u emerġenti ġodda; iqis li l-kunflitt fil-Lvant tal-Ukraina, il-kunflitti fis-Sirja u l-Iraq, bl-iżvilupp tal-organizzazzjoni terroristika ISIS, il-kriżi Libjana u t-theddida terroristika fl-Afrika (b’mod partikolari fis-Saħel, il-Libja u l-Qarn tal-Afrika) huma theddida diretta għas-sigurtà tal-Unjoni; iqis ukoll li l-orjentament Amerikan ġdid fir-rigward tal-Asja-Paċifiku u l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq il-baġits u l-kapaċitajiet ta' difiża tal-Istati Membri lkoll jenfasizzaw il-ħtieġa li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jerfgħu responsabbiltà ikbar għas-sigurtà u d-difiża tagħhom stess; jinsisti li l-UE se tkun kapaċi tirrispondi b’mod effettiv għall-isfidi l-ġodda għas-sigurtà msemmija hawn fuq biss jekk l-istrutturi u l-Istati Membri tagħha jaħdmu flimkien fi sforz komuni u verament koordinat fil-kuntest tal-PESK/PSDK;

2.  Iqis li l-livell attwali ta’ instabilità fil-fruntieri tal-UE u fil-viċinat immedjat tagħha kien bla prċedent minn tmiem is-snin disgħin 'l hawn, meta ġew stabbiliti l-PESD/PSDK; jinsab imħasseb dwar kemm l-Unjoni se tkun kapaċi jkollha rwol deċiżiv biex tiffaċċja kull waħda minn dawn it-theddidiet u li spiss qed ikollha tibbaża fuq l-inizjattivi ta’ Stat Membru wieħed jew aktar jew fuq alleanzi ad hoc fejn ir-rwol tagħha jkun biss marġinali jew ta’ riżerva;

3.  Iqis li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom, bħala kwistjoni ta’ urġenza kbira, jadattaw għall-isfidi l-ġodda għas-sigurtà, b’mod partikolari billi jagħmlu użu effettiv ta’ għodod eżistenti tal-PSDK, inkluż billi jorbtuhom aħjar mal-istrumenti tal-affarijiet barranin tal-UE, l-għajnuna umanitarja, u l-politika tal-iżvilupp, jikkoordinaw l-azzjonijiet nazzjonali u jiġbru flimkien ir-riżorsi aktar mill-qrib u, fejn xieraq, billi jintroduċu b’mod prammatiku u flessibbli arranġamenti ġodda biex tiġi espressa s-solidarjetà Ewropea; jenfasizza li l-konfini bejn is-sigurtà esterna u interna qed isiru dejjem aktar imċajpra; jappella għalhekk għal aktar koerenza bejn l-istrumenti esterni u interni, u għal aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni fost l-Istati Membri, speċjalment fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, iċ-ċiberdifiża u l-migrazzjoni, taħt it-tmexxija tal-VP/RGħ;

4.  Jenfasizza li s-saħħa tal-Unjoni u r-rilevanza jinsabu fil-kapaċità tagħha li timmobilizza r-riżorsi u tinkludi simultanjament firxa wiesgħa ta’ strumenti diplomatiċi, ta’ sigurtà, ta’ difiża, ekonomiċi, kummerċjali, tal-iżvilupp u umanitarji, u dan b’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti; jinsisti fuq il-fatt li l-istrumenti militari u ċivili tal-PSDK jagħmlu parti integrali minn dan l-approċċ komprensiv;

Mill-Kunsill ta’ Diċembru 2013 sa Ġunju 2015: il-PSDK hija verament prijorità?

5.  Jilqa’ l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru 2013 li jirrikonoxxu l-ħtieġa li tiżdied l-effikaċja, il-viżibbiltà u l-impatt tal-PSDK, jissaħħaħ l-iżvilupp tal-kapaċitajiet u titqawwa l-industrija Ewropea tad-difiża;

6.  Iqis ta’ dispjaċir, speċjalment fir-rigward taż-żieda fl-instabilitajiet esterni, il-fatt li l-injezzjoni ta’ stimolu politiku fl-2013 ma wasslitx għal kooperazzjoni msaħħa u l-implimentazzjoni sostanzjali u rapida ta’ miżuri prattiċi, proporzjonati mal-livelli ddikjarati ta’ ambizzjoni; iqis li fil-preżent l-Unjoni bilkemm għandha r-riżorsi meħtieġa, operazzjonalment, industrijalment jew f’termini ta’ kapaċitajiet, sabiex tikkontribwixxi b’mod deċiżiv lejn il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kriżijiet internazzjonali, u sabiex tafferma l-awtonomija strateġika tagħha stess u l-interessi strateġiċi, f’konformità mal-valuri u n-normi minquxa fl-Artikolu 21 tat-Trattat ta’ Lisbona; jistieden lill-Istati Membri jkomplu b'miżuri konkreti bħala kwistjoni ta’ urġenza;

7.  Jilqa’ l-ħatra tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Federica Mogherini; ifaħħar l-ewwel dikjarazzjonijiet tagħha u d-deċiżjoni tagħha li tippresiedi l-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Barranin u Difiża, deċiżjoni li turi l-interess tagħha fil-PSDK; jittama li l-pożizzjonijiet li ħadet iwasslu sabiex tingħata spinta lill-iżvilupp tal-PSDK; jistieden lill-VP/RGħ twettaq rwol ewlieni fil-ħidma lejn l-implimentazzjoni ulterjuri tal-PSDK u l-akkomunament u l-kondiviżjoni ta’ kapaċitajiet ta’ difiża Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tkompli bil-ħidma tat-task force tad-difiża fil-livell tal-Kummissarji, taħt it-tmexxija tal-VP/RGħ, sabiex tiggarantixxi gwida politika u superviżjoni;

8.  Jistenna li sa ma tasal il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2015, li għal darb'oħra se tiffoka fuq il-kwistjonijiet tad-difiża, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE se jkunu fil-qagħda li jadottaw miżuri speċifiċi konformi mal-impenji li ttieħdu f’Diċembru 2013; jinsab sodisfatt bil-konferma mill-kapijiet tal-istat li l-Kunsill tad-Difiża ser isir fis-16 ta’ Ġunju 2015, u jistedinhom jevalwaw b’mod kritiku l-profil baxx ta’ implimentazzjoni u jżidu l-pressjoni fuq il-burokraziji tad-difiża biex jimplimentaw id-deċiżjonijiet li ttieħdu fl-ogħla livell politiku f’Diċembru 2013; jenfasizza li l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2015 għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri li ma kkooperawx jinvestu f'aktar riżorsi għad-difiża, u li din għandha tiffoka l-isforzi tagħha anke f'dawk l-oqsma ta' ġestjoni ta’ kriżijiet li fihom l-UE tista’ verament iżżid fil-valur;

9.  Iqis li fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Ewropew dwar id-difiża għandhom jittieħdu deċiżjonijiet li se jwasslu għal titjib fil-kapaċità tal-Unjoni u l-Istati Membri f’dak li jirrigwarda difiża territorjali, b’kumplimentarjetà totali man-NATO, u f’dak li jirrigwarda l-kapaċità li jirreaġixxu għal sfidi ta’ sigurtà interna, u jiġu żviluppati l-kapaċitajiet utilizzabbli neċessarji sabiex jiżguraw kontribut sinifikanti min-naħa tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet, tissaħħaħ l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u l-Bażi Industrijali u tad-Difiża Ewropea u tinbeda l-elaborazzjoni ta’ kunċett komprensiv ta’ sigurtà li se jintegra d-dimensjonijiet interni u esterni tas-sigurtà;

Missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK

10. Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-aħħar operazzjonijiet ċivili u militari taħt il-PSDK komplew jiġu ppersegwitati minn nuqqasijiet strutturali, li issa ilhom evidenti għal diversi snin, jiġifieri l-ineffiċjenza fir-rigward ta’ reazzjonijiet immedjati għal azzjonijiet ċivili u militari, proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet twal u xejn flessibbli, il-ħtieġa għal solidarjetà akbar fost l-Istati Membri f’missjonijiet ta’ finanzjament, mandati ta’ missjonijiet li mhumiex adattati għall-ambjent operazzjonali, restrizzjonijiet baġitarji, il-problema ta’ “ġenerazzjoni tal-forza”, u l-inerzja loġistika u finanzjarja;

11. Iqis li l-kwistjoni tal-finanzjament tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet tal-PSDK hija kruċjali jekk wieħed jixtieq jiżgura l-futur ta’ din il-politika; jiddispjaċih li d-diskussjoni mnedija fil-laqgħa tal-Kunsill ta’ Diċembru 2013 dwar dan is-suġġett s’issa għadha ma wasslitx għal proposti speċifiċi; jappella sabiex il-mekkaniżmu Athena jintuża b’mod sistematiku għall-finanzjament tal-ispejjeż operazzjonali u tal-applikazzjoni tal-missjonijiet tal-PSDK, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu tal-gruppi tattiċi tal-UE, l-infrastruttura tal-akkomodazzjoni għall-forzi, l-ispejjeż relatati mal-istabbiliment ta’ punti tad-dħul għat-truppi fiż-żoni tal-operazzjonijiet u stokkijiet ta’ sigurtà ta’ ikel u fjuwil fejn meħtieġ; jitlob barra minn hekk li l-istess mekkaniżmu jintuża biex jamministra l-finanzjament riċevut minn Stati Membri fuq bażi bilaterali, u minn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, sabiex huma jkunu jistgħu jieħdu sehem fil-finanzjament ta’ operazzjoni partikolari u, f’każijiet debitament ġustifikati, jappoġġjaw il-parteċipazzjoni minn pajjiżi terzi f’operazzjonijiet u missjonijiet tal-UE ta’ rispons għall-kriżijiet;

12. Iħeġġeġ biex isiru iktar sforzi biex jitħaffef l-għoti tal-finanzjament għal missjonijiet ċivili u biex ikunu ssemplifikati l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni; huwa tal-fehma, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni għandha tintroduċi, permezz ta’ atti delegati u skont l-Artikolu 210 tar-Regolament Finanzjarju, regoli speċifiċi tal-akkwist għal miżuri ta’ ġestjoni tal-kriżijiet taħt il-PSDK sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvolġiment rapidu u flessibbli tal-operazzjonijiet;

13. Jitlob l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ prefinanzjament biex jgħin lill-Istati Membri li jixtiequ jipparteċipaw f’missjoni tal-PSDK ikopru l-ispejjeż għal dan, biex b’hekk isir aktar faċli għalihom jiddeċiedu jekk inidux missjoni;

14. Jenfasizza li l-kontribut tal-UE għas-sigurtà internazzjonali, il-ġestjoni tal-kriżijiet, u ż-żamma tal-paċi, permezz tal-operazzjonijiet u l-missjonijiet ċivili u militari tal-UE, huwa komponent importanti tal-approċċ komprensiv tal-Unjoni; jinnota li ħafna mill-missjonijiet ċivili u militari mnedija mill-UE mill-2009 'l hawn kienu mmirati sabiex isaħħu l-profil tar-reazzjoni tal-Unjoni għall-kriżijiet minflok biex jieħdu miżuri strateġiċi abbażi ta' analiżi u ppjanar bir-reqqa; jemmen li dawn il-missjonijiet, u li hawn ta' min jenfasizza u jfaħħar il-professjonaliżmu u d-dedikazzjoni tal-persunal f'dan il-qasam, għandhom iservu ta' għodod ta' politika ġenwini u effettivi li jintużaw b’mod responsabbli u li jiffurmaw parti minn strateġija ġenerali ta’ azzjoni, speċjalment fil-viċinat tal-UE; jappoġġja r-rieżami li għaddej tal-istrutturi għall-ġestjoni tal-kriżijiet fi ħdan is-SEAE; jistieden lill-VP/RGħ tagħmel l-istrutturi eżistenti aktar effiċjenti sabiex ikunu jistgħu jirrispondu b'mod aktar rapidu u xieraq għall-kriżijiet emerġenti, fost l-oħrajn billi tnaqqas l-għadd ta' strutturi paralleli;

15. Iqis li aspett importanti ta’ missjonijiet ta’ suċċess huwa li jkun hemm membri tal-persunal adegwati u kwalifikati f’termini ta’ taħriġ, ħiliet u tmexxija;

16. Jistaqsi, pereżempju, dwar ir-rilevanza li tiġi applikata u miżmuma missjoni fuq il-fruntieri tal-Libja (EUBAM Libya), f’ambjent istituzzjonali u ta' sigurtà li qatt ma ppermettielha taqdi l-objettivi bażiċi identifikati; jitlob li ssir valutazzjoni mill-ġdid tal-ħtiġijiet fir-rigward tal-Libja, fid-dawl tal-iżviluppi reċenti inkwetanti, sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ sigurtà b'mod adegwat, inkluż b’rabta mal-isforzi li għaddejjin kontra t-terroriżmu f’Mali u r-reġjun tas-Saħel;

17. Iqis li għandha titwettaq evalwazzjoni tal-effiċjenza tas-17-il missjoni li għaddejja tal-UE barra minn xtutha;

18. Jiddispjaċih ukoll, fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Istrixxa ta’ Gaża, li d-diskussjonijiet tal-Kunsill dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri fil-Punt ta' Qsim f’Rafah (EUBAM Rafah) s'issa għadhom ma tawx il-frott; jitlob ir-riattivazzjoni tal-missjoni, kif ukoll rieżami tal-mandat, il-persunal u r-riżorsi tagħha sabiex ikun jista’ jkollha rwol fil-monitoraġġ tal-fruntieri bejn l-Istrixxa ta' Gaża u l-Eġittu u l-Iżrael;

19. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn komprensiv tal-UE fil-Qarn tal-Afrika, inkluż permezz tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK EUTM Somalia, EUNAVFOR Atalanta u EUCAP Nestor; jinnota, f’dan ir-rigward, li l-attività ta’ EUCAP NESTOR isseħħ f’ambjent operattiv u istituzzjonalment kumpless, bil-preżenza ta’ għadd ta’ atturi internazzjonali, inkluża l-UE; jistieden lill-Kunsill u lis-SEAE, f’dan ir-rigward, jirrazzjonalizzaw l-objettivi tal-missjoni;

20. Jittama li ż-żewġ missjonijiet ċivili mnedija din is-sena - il-missjoni tal-Kunsill għar-riforma tas-settur tas-sigurtà ċivili fl-Ukraina (EUAM Ukraine) u l-missjoni biex jiġu appoġġjati l-forzi tas-sigurtà interna f’Mali (EUCAP Sahel Mali) jissodisfaw b'mod effettiv il-mandati tagħhom u jiffukaw fuq objettivi identifikati b’mod ċar, li jistgħu jitkejlu u fuq perjodu twil;

21. Jinnota li ilha teżisti faċilità ta' ħżin minn Ġunju 2013 'l hawn li tippermetti l-applikazzjoni rapida tar-riżorsi meħtieġa għall-missjonijiet ċivili tal-PSDK; jemmen li din il-faċilità għandha tintuża b’mod effettiv u għandha tkun għas-servizz tal-kapijiet tal-missjoni kkonċernati biex tissodisfa l-ħtiġijiet identifikati minnhom, flok ma tkun topera abbażi tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni; jitlob li jitħejjew rapporti ta’ attività annwali għal din il-faċilità ta' ħżin, sabiex ikun jista' jiġi vvalutat tajjeb il-valur miżjud li din toffri biex titħaffef l-applikazzjoni ta’ missjonijiet ċivili;

22. Jilqa’ r-riċerka li qed titwettaq bil-ħsieb li jitwaqqaf ċentru ta’ servizzi kondiviżi biex jinġabru r-riżorsi għal missjonijiet ċivili tal-PSDK u tiġi prevista l-applikazzjoni aktar effiċjenti tal-missjonijiet; jitlob l-istabbiliment ta’ ċentru ta’ servizzi kondiviżi; jemmen li l-aktar soluzzjoni effikaċi tkun li jkun hemm struttura istituzzjonali waħda fi ħdan is-SEAE li tiċċentralizza u tirrazzjonalizza s-servizzi għall-missjonijiet ċivili (riżorsi umani, tal-IT, il-loġistika, eċċ.) li bħalissa huma mferrxa fil-missjonijiet individwali;

23. Jinnota li l-operazzjonijiet militari tal-PSDK qed ikunu dejjem iktar missjonijiet iffukati fuq it-taħriġ tal-forzi armati (EUTM Mali u l-EUTM Somalia); ifaħħar id-deċiżjoni li jitwettqu operazzjonijiet bħal dawn iżda jinsisti li l-mandat ta’ kull missjoni għandu jiġi adattat għaċ-ċirkostanzi ta’ kull sitwazzjoni individwali; iqis li l-unitajiet li jiffurmaw għandhom ikunu totalment operattivi, jiġifieri, b’kapaċità offensiva; jiddispjaċih li llum rarament jiġu previsti missjonijiet b’mandat eżekuttiv; iqis li, minħabba t-theddidiet persistenti fil-viċinat tal-UE, l-Unjoni ma tistax tippermetti li tiffoka esklużivament fuq strumenti mmirati lejn iż-żmien ta’ wara l-kriżi jew biex jappoġġjaw xenarju ta’ ħruġ minn kriżi, iżda pjuttost għandha tkun kapaċi tintervjeni fl-ispettru kollu tal-ġestjoni ta’ kriżijiet, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

24. Jinsab diżappuntat minħabba l-problemi persistenti ta’ ġenerazzjoni tal-forza ffaċċjati fit-tnedija tal-missjonijiet militari; jinnota li, ħlief għall-EUTM Mali, li tinvolvi l-kontribut effettiv ta’ 23 Stat Membru, l-operazzjonijiet militari kollha li għaddejjin tal-UE ma jinvolvux aktar minn sitt Stati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkontribwixxu iktar forzi għall-operazzjonijiet, meta jkunu disponibbli l-kapaċitajiet nazzjonali meħtieġa; jisħaq fuq il-bżonn li jkun hemm approċċ komuni u kooperattiv fl-indirizzar tal-problemi ta’ ġenerazzjoni tal-forzi; jilqa’ l-kontribuzzjonijiet li saru minn pajjiżi terzi li jirriflettu l-vitalità ta’ sħubijiet li jinħolqu taħt il-PSDK; jistieden lill-Istati Membri juru rieda akbar fir-rigward tal-operazzjonijiet militari tal-UE u jikkontribwixxu b’mod xieraq għar-riżorsi u l-kapaċitajiet li għandhom f’idejhom għal tali involviment;

25. Iqis, minħabba l-fatt li l-missjonijiet tal-Unjoni, kemm dawk ċivili (EUCAP) u kemm dawk militari (EUTM), qed jiffukaw fuq it-taħriġ, li għandha tiġi introdotta politika strutturali orjentata sabiex tali missjonijiet ikunu akkumpanjati fuq perjodu ta' żmien twil minn mandati u objettivi effiċjenti, adegwati f’termini ta’ kif għandhom ikunu ttrattati s-sitwazzjonijiet li jħabbtu wiċċhom magħhom, u dan permezz tal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja u materjali; jemmen li din il-politika l-ġdida li se tkun parti mill-isforzi ta' kooperazzjoni u żvilupp tal-Unjoni, se tippermetti li titkompla l-ħidma li għaddejja fil-qasam tal-inizjattivi ''Train and Equip'' u ''E2I'', immirati biex isaħħu l-kapaċità fit-tul tal-pajjiżi terzi (tagħmir, armi, infrastruttura u pagi) sabiex il-forzi armati tagħhom ikunu kompletament operazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, tesplora sorsi innovattivi ta’ finanzjament;

26. Jilqa’ l-intenzjoni mfissra mill-Kunsill ta’ Novembru 2013 li titjieb il-modularità u l-flessibilità tal-gruppi tattiċi tal-UE sabiex dawn jiġu skjerati għal kompiti tal-ġestjoni tal-kriżi ta' kull tip; jinnota madankollu, li l-unika progress li sar sa issa f'dan ir-rigward kien il-pass ferm limitat propost li t-trasport strateġiku tal-gruppi tattiċi tal-UE lejn iż-żoni tal-operazzjonijiet ikun kopert mill-mekkaniżmu Athena; jirrikonoxxi li n-nuqqas ta’ attitudni kostruttiva fost l-Istati Membri serviet bħala xkiel politiku u operattiv għall-iskjerament ta' gruppi tattiċi;

27. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-messaġġ pożittiv maħruġ mill-aħħar laqgħa informali tal-Kunsill dwar id-difiża b'rabta mal-esplorazzjoni tal-potenzjal tal-Artikolu 44 TUE; jiddispjaċih madankollu, li n-nuqqas ta' qbil dwar is-suġġett għadu ma ppermettiex li jsir progress dwar kif għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44; jemmen li l-implimentazzjoni tal-Artikolu 44 għandha tippermetti lill-Unjoni ttejjeb b’mod kunsiderevoli l-flessibbiltà u l-veloċità ta' azzjonijietha u għaldaqstant l-abbiltà tagħha li tittratta t-theddid li hemm madwarha; iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li mhumiex interessati jipparteċipaw jew li m’għandhomx il-mezzi biex jipparteċipaw f'operazzjonijiet tal-PSDK, jaġixxu b’mod kostruttiv billi jippermettu lill-oħrajn jieħdu azzjoni jekk ikunu jixtiequ;

28. Jitlob barra minn hekk lill-VP/RGħ tesplora l-potenzjal ta’ artikoli rilevanti oħrajn fit-Trattat ta’ Lisbona, b’mod partikolari dawk li għandhom x’jaqsmu mal-fond ta’ tnedija (l-Artikolu 41 TUE), il-kooperazzjoni msaħħa permanenti (l-Artikolu 46 TUE), il-klawsola ta’ solidarjetà (l- Artikolu 222 TFUE) u l-klawsola ta’ difiża reċiproka (l-Artikolu 42 TUE);

29. Jitlob li tiġi kkunsidrata serjament il-possibbiltà tal-użu, b'arranġamenti li jiżguraw il-modularità neċessarja, ta' strutturi ta' kwartieri ġenerali multilaterali li huma stabbiliti u li taw prova tal-effikaċja tagħhom fil-qasam, bħall-Eurocorps ta' Strasburgu;

30. Jesprimi s-sorpriża tiegħu li għad m’hemm l-ebda strateġija komuni tal-UE biex tindirizza sfidi ġodda għas-sigurtà tal-UE; jilqa’ l-intenzjoni tal-Kunsill u l-impenn min-naħa tal-VP/RGħ biex jinbeda proċess ta’ riflessjoni strateġika dwar l-isfidi u l-opportunitajiet għall-politika estera u ta’ sigurtà; ifakkar li dan il-proċess huwa mmirat sabiex jiżviluppa l-istrateġija Ewropea l-ġdida ta’ sigurtà komuni biex jiddetermina x-xenarji ġeostrateġiċi ġodda, it-theddid u l-isfidi globali li tfaċċaw, u li jiddefinixxi l-azzjonijiet li l-UE tista’ tieħu b’rispons għalihom, partikolarment fil-qafas tal-PESK u tal-PSDK; jistieden barra minn hekk lill-VP/RGħ tagħti bidu għal proċess wiesa’ biex tiżviluppa white paper aktar ambizzjuża dwar is-sigurtà u d-difiża Ewropea sabiex tissemplifika l-ambizzjonijiet strateġiċi tal-UE u l-proċessi ta’ żvilupp tal-kapaċitajiet; jistenna l-komunikazzjoni li jmiss mill-VP/RGħ maħsuba biex tivvaluta l-impatt tal-bidliet fuq l-ambjent globali u tidentifika l-isfidi li jirriżultaw u l-opportunitajiet għall-UE;

31. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-adozzjoni fit-18 ta’ Novembru 2014 ta’ Qafas ta’ Politika tal-UE dwar iċ-Ċiberdifiża, li jistabbilixxi ħames prijoritajiet għaċ-ċiberdifiża fil-kuntest tal-PSDK u jiċċara r-rwol ta’ atturi differenti; jilqa’ b’sodisfazzjon l-għan tal-qafas li jappoġġja l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ ċiberdifiża nazzjonali u jsaħħaħ il-protezzjoni tan-netwerks ta’ komunikazzjoni użati għal strumenti tal-PSDK; jenfasizza l-importanza li jinkiseb livell komuni ta’ ċibersigurtà fost l-Istati Membri sabiex isir progress adegwat fir-rigward tal-kooperazzjoni fiċ-ċiberdifiża, u biex jissaħħu l-kapaċitajiet tagħna fir-rigward ta’ attakki ċibernetiċi u ċ-ċiberterroriżmu, u jittama li dan il-pjan ta’ azzjoni se jimmarka l-bidu ta’ bidla lejn integrazzjoni aktar sistematika taċ-ċiberdifiża fl-istrateġiji ta’ sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri, u għarfien tal-importanza ta’ kwistjonijiet ta’ ċiberdifiża fost l-istituzzjonijiet tal-UE; jitlob barra minn hekk strateġija koerenti Ewropea biex tiġi żgurata infrastruttura (diġitali) kritika kontra l-attakki ċibernetiċi, filwaqt li jiġu protetti u promossi d-drittijiet u l-libertajiet diġitali taċ-ċittadini; ifakkar fil-ħtieġa għal aktar ċarezza u qafas ġuridiku xieraq, minħabba d-diffikultà li jiġu attribwiti l-attakki ċibernetiċi, u l-ħtieġa għal rispons proporzjonat u meħtieġ fil-kuntesti kollha;

32. Jindika t-theddid imminenti fil-qasam ċibernetiku u jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tkun reżiljenti u pronta sabiex tirrispondi għal kriżijiet ċibernetiċi, anke fil-kuntest tal-PSDK, u b’hekk jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha biex b’mod sinifikanti jintensifikaw mingħajr dewmien l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ ċiberdifiża tagħhom; jenfasizza li hemm bżonn ta’ investiment fir-rigward ta’ kapital uman b’ħiliet speċjalizzati u r-riċerka u l-innovazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa għal sinerġiji u komplementarjetajiet fl-oqsma ċivili u militari u taċ-ċibersigurtà u d-difiża fl-UE; jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ il-kooperazzjoni man-NATO fiċ-ċiberdifiża;

33. Jinsisti dwar l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-UE u istituzzjonijiet internazzjonali oħra, b’mod partikolari man-NU, in-NATO, l-Unjoni Afrikana u l-OSKE; jilqa’ d-dikjarazzjoni tas-summit tan-NATO f’Wales f’Settembru 2014, li matulu ttenna l-appoġġ għall-iżvilupp tal-PSDK; jitlob li jittieħdu passi biex jissaħħu ż-żewġ organizzazzjonijiet;

Kapaċitajiet

34. Iqis li l-baġits ta’ difiża nazzjonali tnaqqsu minħabba l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2008 u li t-tnaqqis seħħ mingħajr koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, u b’hekk ipperikola l-awtonomija strateġika tal-Unjoni u l-kapaċità tal-Istati Membri tagħha li jilħqu l-ħtiġijiet tal-kapaċità tal-forzi armati tagħhom, b’konsegwenzi detrimentali għar-responsabbiltajiet tal-Unjoni u l-potenzjal tagħha bħala fornitur tas-sigurtà globali; jenfasizza l-importanza ta’ ppjanar bil-quddiem dwar l-investiment strateġiku fix-xiri u r-rinnovazzjoni ta’ tagħmir fost l-Istati Membri;

35. Jemmen bis-sħiħ li l-UE għandha interess vitali f’ambjent marittimu sikur, miftuħ u nadif li jippermetti l-passaġġ liberu ta’ oġġetti u persuni, u użu paċifiku, ġuridiku, ġust u sostenibbli tal-ġid tal-oċeani; jemmen li l-qafas istituzzjonali tal-UE, kemm ċivili u kemm militari, għandu għaldaqstant jiġi żviluppat aktar għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà Marittima; jinnota li l-biċċa l-kbira tal-assi strateġiċi, l-infrastruttura kritika u l-kapaċitajiet huma taħt il-kontroll tal-Istati Membri u li r-rieda tagħhom li jsaħħu l-kooperazzjoni hija ta’ importanza kbira għas-sigurtà Ewropea;

36. Jilqa’ l-adozzjoni mill-Kunsill fit-18 ta’ Novembru 2014 ta’ qafas politiku għall-kooperazzjoni sistematika u fit-tul fil-qasam tad-difiża, li jibbaża fuq il-konverġenza tal-proċessi tal-ippjanar tal-kapaċità u l-iskambju tal-informazzjoni; jindika għal dan l-għan, li l-Istati Membri għandhom ikomplu jimplimentaw il-kodiċi ta’ kondotta tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) dwar l-akkomunament u l-kondiviżjoni ta’ tagħmir, sabiex jantiċipaw b’mod aktar effettiv il-lakuni futuri fil-kapaċità u tiġi sistematizzata l-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp tal-kapaċitajiet; jistieden lill-VP/RGħ tagħti prova tal-miżuri speċifiċi li ser jittieħdu biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża; jistieden lill-Istati Membri fir-rigward taż-żieda mhux koordinata fil-kooperazzjoni bilaterali u multilaterali, jimpenjaw ruħhom f’kooperazzjoni ta’ struttura permanenti (PESCO) bħala mezz għal koordinazzjoni aħjar u biex jużaw il-finanzjament tal-UE għal kooperazzjoni fi żmien ta’ paċi; jistieden lill-VP/RGħ tipprovdi pjanijiet realistiċi għat-tnedija b’suċċess ta' PESCO;

37. Jilqa’ l-adozzjoni mill-Kunsill f’Novembru 2014 tal-pjan tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet (CDP) tal-EDA, li jiddetermina s-16-il prijorità tal-iżvilupp tal-kapaċità; jilqa’ wkoll il-ħidma tal-EDA permezz tal-bażi ta' data kollaborattiva (Codaba) li tidentifika l-ambitu ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, biex b'hekk titwitta t-triq għal forom differenti ta’ kooperazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw dawn l-għodod fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet militari tagħhom; jitlob li tiġi evitata strettament id-duplikazzjoni ta’ inizjattivi li diġà għaddejjin band’oħra u li tingħata iktar attenzjoni lill-identifikazzjoni ta’ modi li bihom jista’ jiżdied valur reali;

38. Jinsab sorpriż li fil-livell tal-UE għadhom ma jeżistux skemi ta’ inċentivi tat-taxxa għall-kooperazzjoni u l-akkomunament; jinnota s-sejħa tal-Kunsill f’Diċembru 2013 li jiġu studjati arranġamenti bħal dawn u jiddispjaċih li wara sena, id-diskussjonijiet ma wasslu għall-ebda miżura konkreta f’dan il-qasam; jinnota li l-gvern Belġjan diġà jagħti eżenzjonijiet tal-VAT b’mod ad hoc, f’fażijiet preparatorji ta’ ċerti proġetti tal-EDA (bħal pereżempju għall-komunikazzjonijiet satellitari); jemmen li tali eżenzjonijiet għandhom jiġu applikati b’mod sistematiku u estiżi għall-infrastruttura u programmi speċifiċi relatati mal-kapaċità, imnebbħa mill-mekkaniżmu eżistenti tan-NATO jew il-mekkaniżmu eżistenti tal-UE għal infrastruttura ta’ riċerka ċivili; jappella għall-iżvilupp ta’ kwalunkwe inċentiv ieħor li jista' jħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati Ewropej;

39. Jilqa’ l-eżistenża ta' mudelli ta’ kooperazzjoni bħall-Kmand Ewropew għat-Trasport bl-Ajru (EATC) u japprova l-fatt li din is-sistema qed tkompli tespandi biex tinkludi Stati Membri ġodda; jiddispjaċih li għalkemm dan il-mudell ilu jeżisti għal ħafna snin, għadu ma ġiex adattat għal tipi oħra ta’ kapaċitajiet ta’ difiża; jappella sabiex il-mudell tal-EATC jiġi applikat f’oqsma oħra ta’ appoġġ operazzjonali biex jiġu solvuti n-nuqqasijiet serji fil-kapaċità;

40. Jinnota li ftit sar progress fil-proġetti ta’ akkomunament u qsim; jilqa’ l-progress li sar fil-qasam tar-riforniment tal-karburant fl-arja, bl-akkwist ta’ flotta ta’ ajruplani MRTT; jiddispjaċih li sal-lum numru limitat ħafna ta’ Stati Membri biss ipparteċipaw f’dan il-proġett u jistieden lil dawk l-Istati Membri li m'għandhomx kapaċitajiet f’dan il-qasam jinvolvu ruħhom; huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom isegwu l-akkomunament u l-kondiviżjoni ta’ proġetti, filwaqt li jiffukaw fuq is-16-il qasam ta’ kapaċità li identifikaw mal-EDA u l-Persunal Militari tal-Unjoni Ewropea (EUMS) permezz tal-PSDK;

41. Jinnota l-intenzjoni tal-Kunsill li jiżviluppa proġetti ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-UE inklużi, fost l-oħrajn, sistemi ta’ inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS) u l-komunikazzjonijiet satellitari governattivi; jinnota li jinħtieġ qafas regolatorju għall-integrazzjoni inizjali sal-2016 tal-RPAS fis-sistema tat-traffiku tal-ajru tal-Ewropa, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti ċivili u militari, kif ukoll il-bżonn ta’ konformità mad-dritt internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tispjega l-mod kif il-fondi ta' Orizzont 2020 għar-riċerka ċivili-militari jistgħu jintużaw għall-introduzzjoni tal-RPAS fl-ispazju tal-ajru Ewropew;

42. Jilqa’ l-progress li sar fis-servizzi satellitari fl-UE (Galileo, Copernicus, EGNOS); jemmen li dawn is-servizzi spazjali, b’mod partikolari Copernicus, għandhom jiġu operazzjonalizzati biex jintlaħqu l-bżonnijiet li jkollhom il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK għal immaġnijiet bis-satellita b’riżoluzzjoni għolja; jilqa’ t-tnedija tal-proġett Ariane 6; jiddispjaċih li, għal raġunijiet tekniċi u kummerċjali, l-Unjoni għadha tixtri lanċaturi Russi, minkejja l-għan tagħha li tikseb ċertu livell ta’ awtonomija strateġika, u jenfasizza għalhekk il-ħtieġa li jsir progress fuq l-iżvilupp ta’ teknoloġiji li għandhom użu kemm ċivili u kemm militari u li se jissalvagwardjaw l-indipendenza tagħna;

43.    Jitlob lill-Unjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jilħqu l-miri tal-kapaċità tan-NATO, li jirrikjedu livell minimu ta’ nfiq għad-difiża ta’ 2 % tal-PDG u sehem minimu ta’ 20 % tal-baġit tad-difiża għal ħtiġijiet ewlenin ta’ tagħmir, inkluż għar-riċerka u l-iżvilupp;

L-industrija tad-difiża

44. Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li għandha l-għan ittejjeb l-aċċess tal-SMEs għas-swieq tad-difiża, li huma speċifiċi ħafna fil-preżent għal raġunijiet varji, fosthom: li d-domanda hija kważi esklużivament għax-xiri pubbliku, in-numru limitat ta’ kumpaniji fis-suq, il-perjodu sinifikanti ta’ żvilupp tal-prodotti u taż-żamma fis-servizz tagħhom u n-natura strateġika ta’ ċerti teknoloġiji;

45. Jieħu nota tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2013, “Lejn settur Ewropew tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti”, kif ukoll il-pjan direzzjonali ta’ Ġunju 2014 dwar l-implimentazzjoni tagħha u l-proposti ppreżentati minnha, b’mod partikolari dwar l-implimentazzjoni mtejba tad-direttivi 2009/81/KE u 2009/43/KE dwar is-suq intern, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet sovrani tal-Istati Membri stabbiliti fil-qafas tal-Artikolu 346 TFUE;

46. Jemmen li l-miżuri kollha inkwistjoni jiddependu fuq id-definizzjoni komuni minn qabel tal-ambitu tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea, sabiex ikunu jistgħu jimmiraw il-kumpaniji benefiċjarji potenzjali jew l-attivitajiet strateġiċi, b'kont meħud tad-differenzi fil-kapaċitajiet bejn l-industriji tad-difiża tal-Istati Membri; huwa tal-fehma li din id-definizzjoni tista’ tkun ibbażata b’mod partikolari fuq għadd ta’ kriterji, bħalma huma l-iżvilupp fi ħdan l-UE tat-tagħmir u t-teknoloġija, il-kontroll tal-proprjetà min-naħa tal-kumpaniji u d-drittijiet ta’ użu tat-tagħmir u t-teknoloġija li jiżviluppaw, u l-assigurazzjoni f’każ ta’ sjieda barranija li proprjetarji barranin ma jkollhomx drittijiet eċċessivi tal-vot, li jistgħu jipperikolaw il-kontroll tal-kumpaniji fuq l-attivitajiet tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu definiti r-riżorsi ta’ difiża kritiċi tal-UE (jiġifieri kapaċitajiet industrijali ewlenin u teknoloġiji kritiċi);

47. Ifakkar li bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-politiki tal-UE dwar l-industrija, l-ispazju u r-riċerka jestendu għall-ambitu tad-difiża; jinnota li l-programmi tal-Unjoni f’oqsma oħra bħas-sigurtà interna u fil-fruntieri, il-ġestjoni tad-diżastri u l-iżvilupp joffru prospett sinifikanti li jsir żvilupp konġunt tal-kapaċitajiet li huma rilevanti għal dawk il-politiki u għat-twettiq tal-missjonijiet tal-PSDK; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi proċeduri permanenti għall-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, is-SEAE, l-EDA u l-Istati Membri fl-oqsma tas-suq komuni, l-industrija, l-ispazju, ir-riċerka u l-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni toħloq rabta permanenti bejn korpi u aġenziji tal-UE fl-oqsma tas-sigurtà interna (Frontex, Europol, ENISA) u sigurtà esterna u tad-difiża (l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, is-SEAE);

48. Jinnota l-proposti tal-Kummissjoni għal implimentazzjoni aħjar tad-direttivi 2009/81/KE (l-akkwist fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà) u 2009/43/KE (trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fi ħdan is-suq intern); iqis li jinħtieġ li jiġi determinat ukoll x'jgħodd bħala tagħmir u teknoloġija ta’ valur strateġiku għoli u li la huwa kopert mid-Direttiva 2009/81/KE (tagħmir għal interessi essenzjali ta’ sigurtà) u lanqas mid-Direttiva 2004/18/KE (tagħmir li l-użu tiegħu huwa relatat, iżda mhux speċifiku għall-qasam tad-difiża); jemmen li l-kumpaniji tal-UE li joperaw f’dan is-settur jeħtieġu arranġamenti ġuridiċi u finanzjarji speċifiċi li jippermettulhom ikunu kompetittivi, u b’hekk jissalvagwardjaw l-awtonomija strateġika tal-UE;

49. Jinnota l-intenzjoni tal-Kunsill li jimplimenta arranġamenti Ewropej għas-sigurtà tal-provvista, li skonthom l-Istati Membri jassistu lil xulxin b'mod reċiproku u jindirizzaw malajr il-ħtiġijiet li jkollhom fil-qasam tad-difiża; qed jistenna l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni li jistabbilixxi l-għażliet rilevanti tal-implimentazzjoni għal dawn l-arranġamenti u l-green paper li mistennija tiġi ppubblikata fuq il-kontroll ta' investimenti barranin f’kumpaniji tad-difiża strateġiċi; jilqa’ l-adozzjoni ta’ arranġament qafas imsaħħaħ tal-EDA għas-sigurtà tal-provvista bejn l-Istati Membri bħala mekkaniżmu volontarju importanti u legalment mhux vinkolanti għall-Istati Membri biex isaħħu l-appoġġ reċiproku u l-għajnuna fis-sigurtà tal-provvista; jistieden lill-EDA u lill-Kummissjoni jiżviluppaw b’mod konġunt mezzi u inizjattivi addizzjonali li jippromwovu l-provvista tas-sigurtà fl-UE kollha u jappoġġjaw lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-arranġament qafas il-ġdid;

50. Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u timmobilizza b'mod ċar il-mezzi u l-istrumenti finanzjarji tal-UE li għandhom l-għan jassistu t-twaqqif ta’ Suq għall-Industrija ta’ Difiża Komuni Ewropea;

51. Jilqa’ l-adozzjoni tal-bidliet fil-listi tal-kontroll tal-esportazzjoni tar-reġim Wassenaar għal dak li jirrigwarda t-teknoloġiji ta' sorveljanza u intrużjoni li għadhom kif ġew implimentati wkoll fil-livell tal-UE; jenfasizza madankollu, li jeħtieġ isir aktar sabiex jiġu evitati l-produzzjoni u l-esportazzjoni bla kontroll ta’ teknoloġiji li jistgħu jintużaw biex jattakkaw l-infrastruttura kritika tal-UE u jiksru d-drittijiet tal-bniedem; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tressaq malajr kemm jista’ jkun proposta għar-reviżjoni tar-regolament dwar l-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju;

52. Jemmen li l-ebda gvern ma jista’ jniedi waħdu programmi ta’ riċerka u teknoloġija (R&T) fuq skala ġenwinament kbira; ifakkar fid-dikjarazzjoni tal-Kunsill ta’ Diċembru 2008 dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-impenn mill-Istati Membri biex tintlaħaq il-mira kollettiva ta’ 2 % tan-nefqa tagħna għad-difiża fuq il-finanzjament tar-riċerka; jistieden lill-VP/RGħ u l-kap tal-EDA jipprovdu data dwar is-sitwazzjoni attwali f’dan ir-rigward; jilqa’ għalhekk il-proposti tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp ta’ sinerġiji bejn ir-riċerka ċivili u ta’ difiża; jenfasizza b'rabta ma' dan, il-fatt li l-programm ta' riċerka dwar is-sigurtà Orizzont 2020 joffri possibilitajiet kunsiderevoli għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet f’dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw il-missjoni ta' riċerka li tipprovdi assistenza għall-politiki esterni tal-Unjoni, inkluż l-iżvilupp teknoloġiku fil-qasam tat-teknoloġiji ta’ użu doppju, sabiex titjieb l-interoperabbiltà bejn il-protezzjoni ċivili u l-forzi militari, kif iddikjarat fil-programm speċifiku li jistabbilixxi Orizzont 2020; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu attivitajiet ta’ riċerka korrispondenti fil-programmi ta’ ħidma annwali; jilqa’ wkoll it-tnedija tal-''azzjonijiet preparatorji'' u jittama li fil-qasam tal-PSDK il-pass li jmiss se jkun il-finanzjament, fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, ta’ suġġett ta’ riċerka rilevanti; jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni ta’ proġett pilota dwar ir-riċerka fil-qasam tal-PSDK, li għandu jsir b’mod konġunt bejn il-Kummissjoni u l-EDA, kif propost mill-Parlament fil-baġit tal-2015 fir-rigward tal-aġenzija li timplimenta l-objettivi tal-Unjoni u l-baġit tal-Unjoni; jiddispjaċih f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni ma pprovdietx lill-Parlament b’valutazzjoni tal-potenzjal tal-Artikolu 185 TFUE, kif mitlub fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-21 ta’ Novembru 2013 dwar il-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea;

53. Jappella fl-istess waqt li jkun hemm l-ogħla viġilanza possibbli, kemm jekk fir-rigward ta' kwistjonijiet ta’ governanza u drittijiet tal-proprjetà intellettwali u kemm b'rabta mal-kofinanzjament u regoli ta’ parteċipazzjoni għal azzjoni ta' tħejjija għad-difiża; jistieden lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom bis-sħiħ fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, biex jevitaw eċċessi burokratiċi u jkun żgurat li l-programmi inklużi jilħqu l-bżonnijiet strateġiċi tal-PSDK u tal-Istati Membri;

54. Ifakkar fin-natura ferm sensittiva u strateġika tar-riċerka favur id-difiża, kemm għall-kompetittività industrijali u kemm għall-awtonomija strateġika tal-UE, u jitlob l-adozzjoni ta’ politika xierqa għall-proprjetà intellettwali b’rabta mas-sigurtà u d-difiża sabiex jiġu protetti r-riżultati tar-riċerka; jistenna l-proposti mill-Kummissjoni, kif ukoll mill-industriji tad-difiża, dwar dan il-punt;

55. Jinnota l-proposti tal-Kummissjoni biex tippromwovi l-introduzzjoni ta’ standards u proċeduri ta’ ċertifikazzjoni komuni għat-tagħmir tad-difiża; jistenna l-pjan direzzjonali tal-EDA u tal-Kummissjoni għall-iżvilupp ta’ standards industrijali fil-qasam tad-difiża, kif ukoll l-għażliet tal-EDA u l-EASA biex itejbu r-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikazzjoni militari fl-UE; iqis li hu ta’ dispjaċir li l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni qed isibuha bi tqila jagħtu siġilli ta’ standardizzazzjoni għal prodotti tad-difiża;

56. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-President fil-Kariga tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE, lill-President tal-Assemblea tal-Unjoni Afrikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja.

(1)

ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1.

(2)

ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2013)0513.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2013)0514.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2013)0380.

(6)

Testi adottati, P7_TA(2013)0381.

(7)

Testi adottati, P7_TA(2012)0457.

(8)

Testi adottati, P7_TA(2014)0286.

(9)

Testi adottati, P7_TA(2013)0278.

(10)

http://eeas.europa.eu/library/publications/2013/3/2013_eeas_review_mt.pdf


OPINJONI TAL-MINORANZA

dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (abbażi tar-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni) (2014/2220(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin, Rapporteur: Arnaud Danjean

Opinjoni tal-Minoranza mressqa mill-Membri tal-Grupp GUE/NGL, Sabine Lösing u Takis Hadjigeorgiou

Ir-rapport jesprimi dispjaċir li rarament ikunu maħsuba missjonijiet b’mandat eżekuttiv u jappella għal interventi aktar robusti. Ir-rapport jitlob żvilupp imsaħħaħ fil-kooperazzjoni, l-akkomunament u l-kondiviżjoni tal-armamenti, aktar inverstiment fid-difiża u l-adozzjoni tal-istess miri tal-kapaċità bħal tan-NATO (minimu ta' 2 % tal-PDG fuq infiq għad-difiża).

Aħna kontra r-rapport peress li:

•   dan ma jirriflettix ir-rwol negattiv u dejjem akbar tal-UE rigward il-kunflitti attwali fil-viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-UE

•   jippromwovi inċentivi fiskali fil-livell Ewropew għal proġetti ta’ difiża u sigurtà, użu militari ta’ Galileo, jirrakkomanda proġett ta' drones militari ffinanzjat mill-UE (RPAS), irawwem il-Kumpless Militari Industrijali (MIC), jesiġi l-implimentazzjoni ta' reġim ta' forniment tas-sigurtà madwar l-UE

•   jappoġġja l-amalgamazzjoni tar-riċerka ċivili u militari sabiex jintużaw il-kapaċitajiet ċivili għal skopijiet militari, jappoġġja taqsima ta' riċerka proprja biex tiffinanzja r-riċerka militari

•   jhedded li l-kriżi ekonomika twassal għal tnaqqis fid-difiża li qed jipperikola l-awtonomija strateġika tal-Unjoni u joħloq nuqqas ta’ kapaċitajiet militari

•   jappoġġja u jippromwovi l-estensjoni tal-mekkaniżmu ATHENA għall-finanzjament ta' missjonijiet militari tal-UE lil hinn mill-kontroll parlamentari

•   jinsisti fuq l-iskjerament ta’ gruppi tattiċi tal-UE għat-tipi kollha ta’ ġestjoni tal-kriżijiet

Aħna nitolbu:

-    id-diżarm radikali (inkluż CBRN) fil-livell tal-UE u fil-livell dinji;

-    li ma jkunx hemm finanzjament militari mill-baġit tal-UE

-    li l-attivitajiet kollha jkunu strettament konformi mal-Karta tan-NU u mad-Dritt Internazzjonali;

-    approċċi strettament ċivili u paċifiċi għas-soluzzjoni tal-kunflitti min-naħa tal-UE, kif ukoll is-separazzjoni tal-lat ċivili u militari;

-    is-separazzjoni distinta tal-UE min-NATO


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

9.3.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

45

18

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Bas Belder, Goffredo Maria Bettini, Elmar Brok, Klaus Buchner, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Aymeric Chauprade, Andi Cristea, Arnaud Danjean, Mark Demesmaeker, Georgios Epitideios, Eugen Freund, Michael Gahler, Richard Howitt, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Afzal Khan, Janusz Korwin-Mikke, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Jean-Luc Mélenchon, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Kati Piri, Andrej Plenković, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Alyn Smith, Jaromír Štětina, Eleni Theocharous, László Tőkés, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Geoffrey Van Orden, Hilde Vautmans, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Nicolas Bay, Reinhard Bütikofer, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Gabrielius Landsbergis, Juan Fernando López Aguilar, Antonio López-Istúriz White, David Martin, Helmut Scholz, Janusz Zemke

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Eric Andrieu

Avviż legali - Politika tal-privatezza