Proċedura : 2013/0255(APP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0055/2015

Testi mressqa :

A8-0055/2015

Dibattiti :

PV 28/04/2015 - 12
CRE 28/04/2015 - 12

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.64
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0173

RAPPORT INTERIM     
PDF 284kWORD 376k
18.3.2015
PE 546.675v02-00 A8-0055/2015

dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

(COM(2013)0534 – 2013/0255(APP))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Rapporteur: Monica Macovei

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali
 ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-KONTROLL TAL-BAĠIT
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

(COM(2013)05342013/0255(APP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (COM(2013)0534),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew(1),

–       wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (COM(2012)0363),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu(2),

–       wara li kkunsidra l-proposta għal regolament dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) (COM(2013)0535),

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, l-Artikoli 2, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta' persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali,

–       wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 86, 218, 263, 265, 267, 268 u 340 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 99(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0055/2015),

A.     billi dejta miġbura u analizzata mill-Kummissjoni wasslet għall-identifikazzjoni ta' suspetti ta' frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għal medja ta' madwar EUR 500 miljun fis-sena, għalkemm hemm raġunijiet tajba sabiex jitwemmen li madwar EUR 3 biljun kull sena jistgħu ikunu f'riskju ta' frodi;

B.     billi r-rata ta' tressiq ta' akkuża huwa baxx - madwar 31 % fit-tmien snin bejn l-2006 u l-2013 – imqabbel man-numru ta' rakkomandazzjonijiet ġudizzjarji maħruġa mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) lill-Istati Membri; billi wieħed mill-għanijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) huwa li jnaqqas dan id-distakk;

C.     billi huwa possibbli li xi Stati Membri jkunu anqas effettivi fid-detezzjoni u fil-prosekuzzjoni ta' frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE, bi ħsara għall-kontribwenti tal-Istati Membri kollha li jikkontribwixxu għall-baġit tal-Unjoni;

D.     billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014, il-Parlament talab lill-Kunsill għal involviment estensiv fix-xogħol leġiżlattiv permezz ta' fluss kostanti ta' informazzjoni u permezz ta' konsultazzjoni kontinwa;

E.     billi ġuriżdizzjonijiet, tradizzjonijiet legali, sistemi tal-infurzar tal-liġi u sistemi ġudizzjarji differenti fl-Istati Membri m'għandhomx itellfu jew jimminaw il-ġlieda kontra l-frodi u r-reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

F.     billi t-terroriżmu huwa ffinanzjat ukoll mill-kriminalità organizzata, u l-gruppi kriminali jiġbru fondi permezz ta' frodi;

G.     billi l-Artikolu 86 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jippermetti l-estensjoni tas-setgħat tal-UPPE biex jinkludu reati serji b'dimensjoni transfruntiera; billi din il-possibilità tista' titqies mill-Kunsill ladarba l-UPPE jkun stabbilit u jkun qed jiffunzjona tajjeb;

1.      Jafferma mill-ġdid ir-rieda qawwija tiegħu biex jindirizza l-prijoritajiet għall-istabbiliment tal-UPPE u biex jidentifika l-prinċipji u l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom ikun jista' jagħti l-approvazzjoni tiegħu;

2.      Itenni l-kontenut tar-rapport interim preċedenti tiegħu adottat permezz ta' riżoluzzjoni tat-12 ta' Marzu 2014, u jfittex li jissupplimentah u jaġġornah wara l-aħħar żviluppi fid-dibattitu tal-Kunsill;

3.      Jistieden lill-Kunsill biex jiżgura trasparenza u leġittimità demokratika billi jżomm lill-Parlament infurmat b'mod sħiħ u konsultat regolarment; iħeġġeġ lill-Kunsill biex jikkunsidra l-fehmiet tiegħu kif jixraq, bħala prekundizzjoni biex tiġi żgurata l-awtorizzazzjoni għall-adozzjoni tar-Regolament dwar l-UPPE;

4.      Ifakkar li l-UPPE għandu jkollu kompetenza fuq reati relatati mal-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni; ifakkar, filwaqt li jikkunsidra dan kollu, li r-reati kriminali relevanti għandhom ikunu stabbiliti fid-direttiva proposta dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (id-Direttiva PIF); jitlob lill-Kunsill, filwaqt li jirrikonoxxi l-progress magħmul mill-koleġiżlaturi fin-negozjati għall-adozzjoni tad-Direttiva PIF, iġedded l-isforzi tiegħu biex ifittex qbil dwar din id-direttiva għall-istabbiliment tal-UPPE;

5.      Jemmen li approċċ innovattiv huwa meħtieġ għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq il-qorti ta' dawk li jiffrodaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-ġlieda kontra l-frodi, ir-rata tal-irkupru u l-fiduċja tal-kontribwenti fl-istituzzjonijiet tal-UE;

6.      Iqis kruċjali li jiġi żgurat l-istabbiliment ta' UPPE uniku, b'saħħtu u indipendenti li jkun kapaċi jinvestiga, jipprosegwixxi u jressaq il-qorti dawk li jwettqu reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u jemmen li kwalunkwe soluzzjoni aktar dgħajfa tkun telf għall-baġit tal-Unjoni;

Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew indipendenti

7.      Jenfasizza li l-istruttura tal-UPPE għandha tkun interament indipendenti mill-gvernijiet nazzjonali u mill-istituzzjonijiet tal-UE u mħarsa mill-influwenza u l-pressjoni politika; jitlob, għaldaqstant, ftuħ, oġġettività u trasparenza fil-proċeduri tal-għażla u l-ħatra tal-Kap Prosekutur Ewropew, tad-deputati tiegħu/tagħha, tal-Prosekuturi Ewropej u tal-Prosekuturi Ewropej Delegati; jemmen li, sabiex jiġi evitat kull kunflitt ta' interess, il-kariga tal-Prosekutur Ewropew għandha tkun fuq bażi full-time;

8.      Jenfasizza l-importanza tal-involviment tiegħu fil-proċeduri ta' ħatra tal-Prosekuturi Ewropej u jissuġġerixxi kompetizzjoni miftuħa għall-kandidati li jkollhom il-kriterji meħtieġa ta' integrità, professjonalità, esperjenza u ħiliet; jemmen li l-Prosekuturi Ewropej għandhom jinħatru mill-Kunsill u l-Parlament bi ftehim abbażi ta' lista mqassra mfassla mill-Kummissjoni, wara valutazzjoni minn panel ta' esperti indipendenti magħżulin minn fost imħallfin, prosekuturi u avukati ta' kompetenza rikonoxxuta; il-Kap Prosekutur Ewropew għandu jinħatar skont l-istess proċedura wara smigħ mill-Parlament;

9.      Jemmen li l-membri tal-Kulleġġ għandhom jitkeċċew biss wara deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fuq talba tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Parlament u/jew tal-Kap Prosekutur Ewropew;

10.    Jenfasizza li l-Istati Membri jkollhom jinvolvu korpi ġudizzjarji nazzjonali awtonomi fil-proċeduri ta' nomina tal-Prosekuturi Ewropej Delegati skont il-prattiki u l-liġijiet nazzjonali;

11.    Jilqa' d-dispożizzjoni li tinsab fit-test tal-Kunsill rigward rapport annwali lill-Istituzzjonijiet tal-UE sabiex jiggarantixxi valutazzjoni kontinwa tal-attivitajiet imwettqa mill-korp il-ġdid; jitlob lill-Kunsill jiżgura li r-rapport annwali jkun fih, fost l-oħrajn, dettalji dwar ir-rieda tal-awtoritajiet nazzjonali li jikkooperaw mal-UPPE;

Diviżjoni ċara ta' ġuriżdizzjoni bejn l-UPPE u l-awtoritajiet nazzjonali

12.    Jemmen li regoli li jirregolaw id-diviżjoni ta' ġuriżdizzjoni bejn l-UPPE u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ikunu definiti b'mod ċar sabiex jevitaw kull inċertezza jew miżinterpretazzjoni fil-fażi operazzjonali: l-UPPE għandu jkollu ġuriżdizzjoni biex jinvestiga u jipprosegwixxi r-reati li jikkostitwixxu frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni skont id-direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali; jemmen li l-UPPE għandu l-ewwel jiddeċiedi jekk ikollux kompetenza qabel ma l-awtoritajiet nazzjonali stess jibdew l-investigazzjonijiet tagħhom, bl-għan li jiġu evitati investigazzjonijiet paralleli li jkunu ineffiċjenti;

13.    Jinsisti li awtoritajiet nazzjonali li jwettqu investigazzjonijiet ta' reati li jistgħu jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UPPE għandhom ikunu obbligati jinfurmaw lill-UPPE dwar investigazzjonijiet tali; itenni l-ħtieġa li l-UPPE jkollu d-dritt li jmexxi investigazzjonijiet tali, fejn jiddetermina li dan ikun xieraq, sabiex l-indipendenza u l-effettività ta' dan l-Uffiċċju jkunu żgurati;

14.    Itenni li s-setgħat tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandhom jiġu estiżi għal reati oħra għajr dawk li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni biss meta, b'mod kumulattiv:

(a)         il-kondotta partikolari tikkostitwixxi fl-istess waqt kemm reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif ukoll reati oħrajn; u

         (b)         ir-reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu predominanti u l-oħrajn ikunu sempliċement anċillari; kif ukoll

(c)         ir-reati l-oħrajn ma jkunux jistgħu jitressqu l-qorti u ma jkunux jistgħu jiġu penalizzati jekk ma jkunux tħarrku u tressqu għall-ġudizzju tal-qorti flimkien mar-reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jemmen ukoll li f'każ ta' nuqqas ta' qbil bejn l-UPPE u l-awtoritajiet prosekutorji nazzjonali dwar l-eżerċizzju ta' kompetenza, l-UPPE għandu jiddeċiedi, f'livell ċentrali, min għandu jinvestiga u jipprosegwixxi; jemmen, barra minn hekk, li d-determinazzjoni ta' kompetenza, skont dawn il-kriterji, għandha dejjem tkun soġġetta għal rieżami ġudizzjarju;

Struttura effiċjenti għall-ġestjoni effettiva tal-każijiet

15.    Jinnota b'dispjaċir li l-għażla ta' struttura kolleġġjali qiegħda titqies mill-Istati Membri, minflok dik ġerarkika inizjalment proposta mill-Kummissjoni; f'dan ir-rigward, jemmen li d-deċiżjoni għall-prosekuzzjoni, l-għażla tal-ġuriżdizzjoni kompetenti, id-deċiżjoni ta' riallokazzjoni jew ta' twaqqigħ ta' każ u d-deċiżjoni dwar tranżazzjonijiet għandhom jittieħdu kollha f'livell ċentrali mill-Kmamar;

16.    Jissottolinja l-fatt li l-Kmamar għandu jkollhom rwol ewlieni fl-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet u ma jillimitawx l-attivitajiet tagħhom għal sempliċi funzjonijiet ta' koordinazzjoni, imma għandhom jissorveljaw ix-xogħol tal-Prosekuturi Ewropej Delegati fil-qasam;

17.    Huwa mħasseb dwar il-konnessjoni awtomatika bejn il-Prosekutur Ewropew fl-Uffiċċju Ċentrali u każ imressaq fl-Istat Membru tiegħu/tagħha, peress li dan jista' jagħti lok għal nuqqasijiet evidenti fejn tidħol l-indipendenza tal-prosekuturi u d-distribuzzjoni uniformi tal-każijiet;

18.    Jitlob, għaldaqstant, għall-organizzazzjoni razzjonali tal-volum tax-xogħol tal-Uffiċju fuq livell ċentrali; jinnota, f'dan ir-rigward, li s-sistema tal-allokazzjoni tal-każijiet fost il-Kmamar għandha ssegwi kriterji predeterminati u oġġettivi; jissuġġerixxi wkoll li fi stadju aktar avvanzat speċjalizzazzjoni speċifika tal-Kmamar tista' tkun prevista;

19.    Huwa konvint li l-għarfien, l-esperjenza u l-kompetenza meħtieġa tas-sistemi nazzjonali tal-infurzar tal-liġi se jkunu garantiti wkoll mill-persunal tal-UPPE fl-Uffiċċju Ċentrali;

Miżuri investigattivi u ammissibilità tal-provi

20.    Jistieden lil-leġiżlatur jiżgura proċeduri simplifikati biex l-UPPE jikseb l-awtorizzazzjoni għal miżuri investigattivi f'każijiet transfruntiera, skont il-liġi tal-Istati Membri fejn il-miżura inkwistjoni tiġi mitluba u eżegwita; ifakkar li l-koleġiżlaturi qablu dwar kriterji biex l-Istati Membri jitolbu miżuri investigattivi bbażati fuq il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku fid-Direttiva 2014/41/UE rigward l-Ordni tal-Investigazzjoni Ewropea fi kwistjonijiet kriminali; jemmen li l-istess kriterji għandhom japplikaw rigward miżuri investigattivi li jridu jiġu awtorizzati mill-UPPE partikolarment rigward raġunijiet għal ċaħda;

21.    Jistieden lill-Kunsill biex jiżgura l-ammissibilità tal-provi miġbura mill-UPPE b'rispett sħiħ għal-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali relevanti madwar l-Unjoni, peress li dan hu kruċjali għall-effettività tal-prosekuzzjonijiet, f'konformità mal-Artikolu 6 tat-TUE, mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

22.    Itenni l-ħtieġa li l-UPPE ifittex il-provi relevanti kollha, kemm jekk jakkużaw kif ukoll jekk jiskużaw; jinsisti, barra minn hekk, li huwa meħtieġ li persuni suspettati jew akkużati f'kull investigazzjoni mwettqa mill-UPPE jingħataw ċerti drittijiet dwar il-provi, b'mod partikolari:

(a)         Il-persuna suspettata jew akkużata għandu jkollha d-dritt tippreżenta provi għall-kunsiderazzjoni tal-UPPE;

(b)         Il-persuna suspettata jew akkużata għandu jkollha d-dritt li titlob li l-UPPE jiġbor il-provi kollha ta' rilevanza għall-investigazzjonijiet, fosthom il-ħatra ta' esperti u s-smigħ tax-xhieda;

23.    Jemmen, li minħabba li jista' jkun hemm ġuriżdizzjonijiet multipli għal reati transfruntiera li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UPPE, huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-Prosekuturi Ewropej, il-Prosekuturi Delegati Ewropej u awtoritajiet nazzjonali ta' prosekuzzjoni jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju ta' ne bis in idem fir-rigward ta' prosekuzzjonijiet li jinvolvu reati li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UPPE;

Aċċess għal rieżami ġudizzjarju

24.    Jafferma li d-dritt għal rimedju ġudizzjarju għandu jkun dejjem rispettat b'riferenza għall-attività tal-UPPE u jirrikonoxxi wkoll il-ħtieġa li l-UPPE jopera effettivament; jemmen, għaldaqstant, li kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-UPPE għandha tkun soġġetta għal rieżami ġudizzjarju quddiem il-qorti kompetenti; jenfasizza li d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kmamar, bħall-għażla ta' ġuriżdizzjoni għall-prosekuzzjoni, it-twaqqigħ jew ir-riallokazzjoni ta' każ jew tranżazzjoni għandhom ikunu soġġetti għal rieżami ġudizzjarju quddiem il-qrati tal-Unjoni;

25.    Jemmen li għall-iskopijiet tar-rieżami ġudizzjarju tal-miżuri investigattivi kollha u ta' miżuri proċedurali oħrajn adottati fil-funzjoni prosekutorja tiegħu, l-UPPE għandu jkun meqjus awtorità nazzjonali quddiem il-qrati kompetenti tal-Istati Membri;

Protezzjoni legali koerenti ta' persuni suspettati jew akkużati

26.    Ifakkar li l-Uffiċċju l-ġdid għandu jwettaq l-attivitajiet tiegħu b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-persuni suspettati jew akkużati li huma minquxa fl-Artikolu 6 tat-TUE, fl-Artikolu 16 tat-TFUE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u f'dawk il-miżuri leġiżlattivi li diġà ġew adottati fil-livell tal-Unjoni dwar drittijiet proċedurali ta' persuni suspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u dwar il-protezzjoni tad-dejta personali;

27.    Jafferma li d-direttiva futura dwar il-benefiċċju tal-għajnuna legali għandha tapplika bl-istess mod għall-persuni suspettati jew akkużati kollha li jkunu qed jiġu investigati jew ikunu qed jiġu mħarrka mill-UPPE; jistieden lill-Istati Membri, fin-nuqqas ta' direttiva tal-UE, sabiex jiżguraw aċċess effettiv għall-għajnuna legali f'konformità mal-liġijiet nazzjonali rilevanti;

28.    Jenfasizza li l-persuni suspettati jew akkużati kollha li jkunu qed jiġu investigati jew ikunu qed jiġu mħarrka mill-UPPE għandhom id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali tagħhom; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-fatt li l-ipproċessar ta' dejta personali mwettaq mill-UPPE jeħtieġ li jkun soġġett għar-Regolament (KE) Nru 45/2001; jenfasizza li kwalunkwe dispożizzjoni speċifika dwar il-protezzjoni tad-dejta li tinsab f'regolament tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-UPPE tista' biss tikkomplementa u telabora aktar id-dispożizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament 2001/45, u biss sa fejn huwa meħtieġ;

29.    Jafferma mill-ġdid ir-rieda qawwija tiegħu biex jistabbilixxi l-UPPE u biex jirriforma l-Eurojust, kif ġie previst mill-Kummissjoni fiż-żewġ proposti tagħha; jitlob li l-Kummissjoni taġġusta mill-ġdid l-istimi tal-impatt baġitarju tal-istruttura kolleġġjali; jitlob li jiġu ċċarati r-relazzjonijiet bejn il-Eurojust, l-UPPE u l-OLAF sabiex ikun hemm distinzjoni bejn ir-rwoli rispettivi tagħhom fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jeżaminaw il-possibilità ta' approċċ integrat aktar b'saħħtu ta' dawn l-aġenziji sabiex l-investigazzjonijiet isiru aktar effettivi;

30.    Iħeġġeġ lill-Kunsill biex isegwi dawn ir-rakkomandazzjonijiet u jenfasizza l-fatt li l-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq huma essenzjali biex il-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' Regolament tal-Kunsill;

31. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

     Testi adottati, P7_TA(2014)0234.

(2)

     Testi adottati, P7_TA(2013)0444.


NOTA SPJEGATTIVA

Il-valur miżjud tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu jikkonsisti f'li jkun hemm investigazzjonijiet kriminali u prosekuzzjonijiet minn Uffiċċju uniku u indipendenti fuq livell Ewropew f'każijiet ta' frodi li jaffettwaw il-fondi tal-UE, żieda fil-prosekuzzjonijiet, irkupru ta' fondi u fiduċja tal-kontribwenti tal-Istituzzjonijiet Ewropej. Is-sistema attwali, għalkemm qed taħdem tajjeb f'xi Stati Membri, irriżultat pjuttost ineffiċjenti madwar l-Unjoni f'termini ta' prosekuzzjonijiet u rkupru ta' fondi.

B'mod ġenerali, il-ħolqien ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu jkun motivat mill-ħtieġa konkreta ta' rettifikazzjoni tal-istatus quo fejn ir-rata ta' tressiq ta' akkuża tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF kienet ta' medja ta' 31 % fi tmien snin (2006-2013). Għaldaqstant, l-irkupru tal-flus taċ-ċittadini tagħna kien baxx u dan huwa inaċċettabbli u jeħtieġ bidla serja.

Ir-Rapporteur jixtieq iwassal rapport interim ġdid, li jiddelinja l-prijoritajiet politiċi tal-Parlament Ewropew u li jissottolinja l-prinċipji u l-kundizzjonijiet li taħthom il-Parlament jista' jkun li jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-proposta tal-leġiżlatur. Mill-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni f'Lulju 2013, il-Parlament Ewropew wera interess kbir u impenn lejn parteċipazzjoni fil-proċess leġiżlattiv. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014, il-Parlament sejjaħ lill-Kunsill biex jiġi involut estensivament fix-xogħol tiegħu u għamel numru ta' suġġerimenti politiċi li jindirizzaw uħud mill-aspetti kruċjali li huma l-aktar mhedda: l-istruttura, l-indipendenza, il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, il-kompetenza, l-għodod ta' investigazzjoni, l-ammissibilità tal-provi, ir-rieżami ġudizzjarju, il-protezzjoni legali.

L-orjentazzjonijiet espressi sa issa fil-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni jersqu lejn korp kolleġġjali magħmul minn Prosekutur Ewropew uniku għal kull Stat Membru mmexxi minn Kap Prosekutur u ġuriżdizzjoni konkorrenti bejn l-Uffiċċju l-ġdid u s-servizzi ta' prosekuzzjoni nazzjonali. Id-deċiżjonijiet dwar dawn il-kwisjtonijiet se jkollhom impatt pożittiv jew negattiv fuq l-effettività tal-attivitajiet tal-EPPO kif ukoll b'mod ġenerali fuq il-valur miżjud tal-korp il-ġdid tal-Unjoni.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (26.2.2015)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

(COM(2013)05342013/0255(APP))

Rapporteur għal opinjoni: Victor Negrescu

PA_Consent_Interim

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fir-rapport tiegħu:

Ċitazzjonijiet u/jew premessi

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tat-3 ta' Marzu 2014 tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew(1),

Rakkomandazzjonijiet

1.      Jafferma mill-ġdid il-kontenut tal-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tat-3 ta' Marzu 2014 u għandu l-għan li jindirizza numru ta' elementi addizzjonali, inkluż fir-rigward ta' żviluppi ġodda fid-dibattitu fil-Kunsill;

2.      Jenfasizza l-importanza li tkun żgurata l-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, tal-Prosekutur Kap Ewropew u tad-deputati tiegħu/tagħha, tal-prosekuturi Ewropej u l-prosekuturi delegati Ewropej, notevolment minn kwalunkwe influwenza indebita tal-awtoritajiet ta' partiti politiċi, awtoritajiet politiċi nazzjonali, amministrattivi jew ġudizzjarji, inkluż l-istituzzjonijiet Ewropej; jemmen li l-kariga ta' Prosekutur Ewropew għandha tkun kariga full-time;

3.      Itenni r-rieda qawwija tiegħu għall-ħolqien tal-UPPE u għar-riforma tal-Eurojust kif maħsuba mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha għal regolament dwar il-Eurojust; huwa konvint madankollu, li r-riforma tal-Eurojust għandha tiġi sospiża sa ma l-Kunsill ikun adotta approċċ ġenerali fir-rigward tal-UPPE; iżomm mal-approċċ tal-pakkett, minħabba l-interazzjoni mill-qrib bejn l-UPPE u l-Eurojust;

4.      Iqis li l-ambitu tal-kompetenza tal-UPPE għandha tkun definita mingħajr ambigwità sabiex tiġi evitata l-inċertezza legali rigward ir-reati kriminali li jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenza tiegħu; jistieden f’dan ir-rigward lill-Kunsill jikkjarifika l-kompetenza tal-Eurojust, tal-Europol u tal-OLAF sabiex ir-rwoli rispettivi tal-korpi responsabbli għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE jkunu definiti u differenzjati b’mod ċar;

5.      Jilqa' l-proposta li l-UPPE għandu jressaq rapport annwali lill-istituzzjonijiet tal-UE, sabiex tkun żgurata t-trasparenza u l-evalwazzjoni tal-linji ġenerali tal-attività tiegħu, u jenfasizza li dan ma għandux jikkostitwixxi mezz li bih kwalunkwe istituzzjoni tal-UE tinfluwenza l-attività tal-UPPE fil-ġejjieni;

6.      Jenfasizza l-bżonn ta’ proċedura tal-għażla miftuħa, trasparenti u indipendenti għall-ħatra tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u tad-deputati tiegħu/tagħha u jissuġġerixxi kompetizzjoni miftuħa għal kandidati bi professjonalità, esperjenza u ħiliet adegwati, u li mbagħad titħejja lista mqassra ta' kandidati mill-Kummissjoni biex jiġu evalwati minn bord ta' esperti indipendenti; jissuġġerixxi li l-lista mqassra bl-għażla preliminari tintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u biex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jingħataw is-setgħa li jiddeċiedu ż-żamma ta' aktar intervisti mal-kandidati msemmija fil-lista mqassra; jitlob għalhekk il-parteċipazzjoni sħiħa tal-Parlament fil-proċedura tal-għażla tal-Prosekutur Ewropew u tad-deputati tiegħu/tagħha, u biex id-deċiżjoni finali dwar il-ħatra ssir mill-Kunsill u tiġi approvata mill-Parlament;

7.      Jirrakkomanda li l-UPPE jiddedika attenzjoni speċjali għall-ħatra tal-prosekuturi Ewropej u tal-prosekuturi delegati Ewropej u għat-twettiq tal-kriterji rigward il-kwalifiki, l-esperjenza professjonali u l-indipendenza biex tiġi żgurata rappreżentanza ġeografika bbilanċjata;

8.      Jissottolinja l-bżonn li l-UPPE jeżamina u jinvestiga bl-istess reqqa l-każijiet ta' reati kriminali serji kontra l-interessi finanzjarji tal-UE mill-Istati Membri parteċipanti kollha, irrispettivament minn kwalunkwe kunsiderazzjoni ġeografika, każijiet jew stħarriġ imgħoddija, u li jadotta approċċ kwalitattiv ibbażat fuq kriterji oġġettivi;

9.      Jenfasizza l-ħtieġa għaċ-ċarezza dwar kif l-UPPE se jaħdem b'mod effikaċi mal-Istati Membri kollha;

10.    Jirrakkomanda li l-UPPE jwettaq sforzi speċjali biex jitratta l-kriminalità transkonfinali kontra l-interessi finanzjarji tal-UE, b'kunsiderazzjoni tal-kumplessità ta' din il-kwistjoni u tal-livell għoli ta' perikolu u ħsara li tirrappreżenta; itenni, madankollu, li l-kompetenzi tal-UPPE għandhom jiġu determinati bi preċiżjoni, bil-għan li jkunu jistgħu jiġu identifikati minn qabel l-atti kriminali koperti minnhom u biex ssir distinzjoni ċara bejn il-kompetenzi tal-UPPE u dawk tal-prosekuturi nazzjonali; jissuġġerixxi f’dan ir-rigward rieżami dettaljat tad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13 tal-proposta tal-Kummissjoni dwar il-kompetenza anċillari sabiex jiġu evitati reati doppji jew lakuni ġudizzjarji; jissuġġerixxi barra minn hekk li l-istrumenti investigattivi u l-miżuri ta’ investigazzjoni għad-dispożizzjoni tal-UPPE jridu jkunu uniformi, identifikati bi preċiżjoni u kompatibbli mas-sistemi ġuridiċi kollha tal-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li tiġi eskluża l-għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni (forum shopping);

11.    Ifakkar li l-azzjonijiet u l-investigazzjonijiet min-naħa tal-prosekuturi kollha u tal-persunal kollu tal-UPPE għandhom jitwettqu b'konformità sħiħa mal-prinċipji tal-liġi, partikolarment fir-rigward tad-drittijiet konferiti lill-persuna ssusspettata jew mixlija, bħall-preżunzjoni ta' innoċenza sa ma tintlaħaq sentenza finali u irrevokabbli mill-qorti, id-dritt għal proċess ġust, id-dritt li wieħed jibqa sieket, id-dritt għal difiża u għall-għajnuna legali, u l-prinċipju ta' non bis in idem; jitlob lill-Istati Membri jiżguraw l-adozzjoni ta' miżuri armonizzati fir-rigward tar-rikonoxximent u l-ammissibbiltà tal-provi ppreżentati mill-UPPE; iqis, b'mod partikolari li l-kundizzjonijiet għall-ammissibilità tal-provi għandhom ikunu tali li jirrispettaw id-drittijiet kollha garantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif interpretat fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem skont l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; jikkunsidra li l-UPPE għandu jfittex b'mod attiv il-provi rilevanti kollha, kemm li jakkużaw u kemm li jiskużaw;

12.    Jiddispjaċih li fil-proposta attwali dwar it-twaqqif tal-UPPE l-ambitu tal-kompetenza tiegħu huwa limitat għall-frodi; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni biex ladarba l-UPPE jkun stabbilit, tipproponi mandat estiż għall-Uffiċċju sabiex jiġu koperti ċerti kategoriji ta’ reati transkonfinali serji, bħall-kriminalità organizzata u t-terroriżmu;

13.    Jistieden lill-Kunsill jagħti dettalji dwar l-impatt fuq il-baġit tal-UE li jseħħ mill-istruttura kolleġġjali proposta; jemmen li, fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni rigward l-għażla tal-ġuriżdizzjoni kompetenti, tad-deċiżjoni biex jipprosegwixxi, tad-deċiżjoni tat-twaqqigħ ta' każ, tad-deċiżjoni għar-riallokazzjoni ta' każ u tad-deċiżjoni dwar it-tranżazzjoni għandhom jittieħdu lkoll fuq livell ċentrali;

14.    Jafferma li d-dritt għal rimedju ġudizzjarju għandu jkun dejjem irrispettat fir-rigward tal-attività tal-UPPE; iqis, għaldaqstant li kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Uffiċċju għandha tkun soġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-qorti kompetenti; jinsisti f'dan ir-rigward, li deċiżjonijiet meħuda mill-Prosekutur Pubbliku Ewropew qabel jew indipendentement mill-proċess, bħad-deċiżjoni li titnieda investigazzjoni, l-għażla tal-ġurisdizzjoni għall-prosekuzzjoni, it-twaqqigħ ta’ każ jew ta’ tranżazzjoni, għandhom ikunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-qrati tal-Unjoni; jenfasizza li l-UPPE għandu jagħmel tajjeb għad-danni skont il-liġi nazzjonali kkawżati minn prosekuzzjoni illegali jew abbużiva;

15.    Iqis li, minbarra r-rapport annwali tal-UPPE dwar l-attivitajiet ġenerali tiegħu, ir-regolament għandu jipprovdi għal klawżola ta' rieżami sabiex jiġu verifikati l-objettivi tat-twaqqif tal-Uffiċċju u r-riżultati miksuba sabiex jiġu identifikati n-nuqqasijiet u l-lakuni li jeħtieġ li jiġu indirizzati.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.2.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

16

3

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Therese Comodini Cachia, Mady Delvaux, Andrzej Duda, Rosa Estaràs Ferragut, Laura Ferrara, Mary Honeyball, Sajjad Karim, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Jiří Maštálka, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, József Szájer, Axel Voss, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Durand, Heidi Hautala, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Victor Negrescu, Viktor Uspaskich

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Krisztina Morvai

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0234.


ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-KONTROLL TAL-BAĠIT

 

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Il-President

IPOL-COM-CONT D(2015)3294

Is-Sur Claude Moraes

President

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili,

Il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni

ASP 13G205

Il-Parlament Ewropew

Suġġett: Rapport interim aġġornat dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (COM(2013)534 – 2013/0255(APP))

Għażiż Sur MORAES,

Qed niktiblek dwar l-offerta tiegħek li l-input tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT) dwar ir-rapport interim aġġornat dwar il-proposta tal-UPPE, li fiha l-Kumitat tiegħek qed iħejji biex jesprimi l-pożizzjoni tal-Parlament biex iwieġeb għall-aħħar diskussjonijiet mill-Istati Membri. Nixtieq nirringrazzjak tal-kooperazzjoni kontinwa tajba dwar din il-kwistjoni.

Kif enfasizzat fir-riżoluzzjoni tal-PE tat-12 ta' Marzu 2014, il-ħolqien ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jirrappreżenta pass 'il quddiem lejn l-istabbiliment ta' żona Ewropea ta' ġustizzja kriminali u jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-għodod użati fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u fil-ġlieda kontra l-frodi, u b'hekk jgħin biex iżid il-fiduċja tal-kontribwenti fl-UE. Billi l-UPPE huwa kompetenza leġiżlattiva esklużiva tal-Kunsill, il-Kumitat CONT jitlob lill-Kunsill sabiex jinvolvi lill-Parlament b'mod sħiħ fil-ħidma tiegħu.

Il-Kumitat CONT iqis li jeħtieġ li jkun żgurat li l-UPPE jopera b'rispett sħiħ u f'konformità mad-drittijiet fundamentali imma jeħtieġ ukoll li jkun versatili, semplifikat, effikaċi u kapaċi jikseb riżultati massimi. L-UPPE għandu jkun kompletament indipendenti mill-gvernijiet nazzjonali kif ukoll mill-istituzzjonijiet tal-UE u għandu jitħares minn kwalunkwe pressjoni u/jew influwenza politika. Barra minn hekk, l-ambitu tal-kompetenza tal-UPPE għandu jkun definit b'mod ċar sabiex tiġi evitata inċertezza legali rigward ir-reati kriminali li jaqgħu fil-kompetenza tiegħu. Huwa tal-akbar importanza li l-Kunsill jiċċara l-kompetenzi tal-Eurojust u tal-OLAF b'tali mod li t-tliet korpi eżistenti inkarigati mill-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE jkollhom ir-rwoli rispettivi tagħhom definiti b'mod ċar u distint.

Barra minn hekk, nappellaw li l-istrumenti investigattivi u l-miżuri għad-dispożizzjoni tal-UPPE ikunu uniformi, identifikati b'mod ċar u kompatibbli mal-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri li fihom iridu jiġu implimentati. Ir-regoli dwar l-ammissibilità tal-evidenza u l-valutazzjoni tagħha f'konformità mal-Artikolu 30 tal-proposta tal-Kummissjoni, għandhom ikunu ċari u jkunu ta' applikazzjoni uniformi f'kull ġurisdizzjoni koperta mill-UPPE, u jikkonformaw bis-sħiħ mal-garanziji proċedurali tad-difiza tal-persuna.

Barra minn hekk, il-Kumitat CONT jitlob li l-mudell organizzattiv tal-UPPE, fil-livell ċentrali, jkollu l-ħiliet, l-esperjenza u l-għarfien xierqa li jippermettu li dawk li jkunu meħtieġa li jwettqu investigazzjonijiet ikollhom is-settijiet ta' ħiliet meħtieġa biex imexxu tali investigazzjonijiet fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri kkonċernati.

Aħna ninnotaw li fil-Kunsill maġġoranza ta' Stati Membri jikkunsidraw li Kulleġġ ta' Prosekuturi Ewropej tkun l-istruttura l-aktar xierqa biex tiżgura li l-livell meħtieġ ta' ħiliet u esperjenza jkunu disponibbli meta jagħmel investigazzjonijiet. Madankollu, aħna nissuspettaw li din l-istruttura tista' twassal għal telf ta' indipendenza jew għal ineffiċjenza fi ħdan l-Uffiċċju, u għaldaqstant, aħna ninsabu mħassbin waqt id-diskussjonijiet li għaddejjin fil-Kunsill dwar l-istruttura u l-kompetenzi tal-Uffiċċju.

Aħna nilqgħu l-intenzjoni tal-Kunsill li jagħti lill-UPPE u lill-Istati Membri kompetenza parallela biex fl-istess waqt it-tnejn jinvestigaw reati kontra l-interessi finanzjarji tal-UE, li se tgħin biex tiżgura li l-investigazzjonijiet jitwettqu fil-livell xieraq.

Il-Kumitat CONT jitlob lill-Kumitat LIBE biex jinkoraġġixxi lill-Kunsill biex jirrispetta l-prinċipji li ġejjin:

 proċedura tal-għażla miftuħa u trasparenti biex jinħatru l-Prosekuturi Ewropej, bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-Parlament fil-proċedura tal-għażla tal-Kap Prosekutur Ewropew u d-Deputati tiegħu/tagħha, sabiex l-Uffiċċju jkun korp tassew Ewropew u tiżgura l-indipendenza tiegħu mill-gvernijiet nazzjonali;

 kollokament ta' każijiet fost il-prosekuturi skont l-għarfien espert,

 l-istabbiliment ta' struttura deċentralizzata – kif propost mill-Kummissjoni – li tippermetti lill-Prosekuturi Delegati Ewropej biex jagħtu bidu u jmexxu l-investigazzjonijiet f'dak l-Istat Membru jew fi Stat Membru ieħor, li jippermettu għal investigazzjonijiet biex jibqgħu fi ħdan is-sistemi tal-prosekuzzjoni nazzjonali, filwaqt li fl-istess ħin l-UPPE jkun infurmat mill-Prosekutur kull meta titneda investigazzjoni; b'hekk jiġu evitati l-problemi li bħalissa qed jesperjenza l-OLAF, li jkollu jistrieħ fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jipprovdu ċertu livell ta' informazzjoni biex ikun jista' jaqdi l-funzjoni tiegħu;

 fl-aħħar nett, u sabiex tiġi garantita l-effiċjenza tal-UPPE, il-provi miġbura mill-Uffiċċju għandhom ikunu ammissibbli quddiem il-qrati tal-Istati Membri u f'konformità sħiħa mal-liġi tal-Istat Membru fejn tkun saret l-investigazzjoni, kif ukoll ir-regoli tagħha stess stipulati fir-Regolament.

Niddeploraw il-fatt li l-proposta tal-UPPE la hija akkumpanjata minn proposta għall-istabbilment ta' Tribunal Kriminali Ewropew bħala qorti speċjalizzata marbuta mal-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 257 tat-TFUE, u lanqas minn proposta għal qafas Ewropew tal-liġi proċedurali; Il-Kumitat li nippresjedi jitlob lill-Kunsill biex janalizza dawn is-suġġerimenti.

Barra minn hekk, il-Kumitat CONT iqis meħtieġ li l-uffiċjali tal-UE jitqiegħdu fuq l-istess livell ma' ċittadini oħra tal-Unjoni u għaldaqstant jitlob biex jiġu emendati kif inhu xieraq l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 19 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni, biex b'hekk ikun possibbli li tittieħed azzjoni immedjata mill-UPPE.

Bl-istess mod, il-Kumitat jitlob li l-Proposta tal-UPPE tiġi allinjata b'mod sħiħ mal-proposta leġiżlattiva attwali li tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar id-dritt għal għajnuna legali proviżorja għal persuni ssuspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (2013/0409(COD)).

Aħna se nkomplu nsegwu mill-qrib in-negozjati tal-Kunsill u nittamaw mill-qalb li inti se tkun tista' tqis it-talbiet tagħna meta tkun qed taħdem fuq l-abbozz ta' rapport interim.

Tislijiet,

Dr Inge Gräßle


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

9.3.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

13

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Martina Anderson, Malin Björk, Michał Boni, Caterina Chinnici, Ignazio Corrao, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Tanja Fajon, Laura Ferrara, Lorenzo Fontana, Mariya Gabriel, Ana Gomes, Jussi Halla-aho, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Sophia in ‘t Veld, Iliana Iotova, Eva Joly, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Timothy Kirkhope, Kashetu Kyenge, Marju Lauristin, Juan Fernando López Aguilar, Monica Macovei, Barbara Matera, Roberta Metsola, Louis Michel, Claude Moraes, József Nagy, Péter Niedermüller, Soraya Post, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Harald Vilimsky, Udo Voigt, Beatrix von Storch, Josef Weidenholzer, Cecilia Wikström, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Janice Atkinson, Hugues Bayet, Carlos Coelho, Pál Csáky, Dennis de Jong, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Miltiadis Kyrkos, Gilles Lebreton, Angelika Mlinar, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Barbara Spinelli, Josep-Maria Terricabras, Axel Voss

Avviż legali