Proċedura : 2014/2129(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0108/2015

Testi mressqa :

A8-0108/2015

Dibattiti :

PV 28/04/2015 - 16
CRE 28/04/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.59
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0168

RAPPORT     
PDF 213kWORD 126k
31.3.2015
PE 541.304v02-00 A8-0108/2015

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2013

(2014/2129(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Anders Primdahl Vistisen

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2013

(2014/2129(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2013,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta(1),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013 (05306/2015 – C8–0049/2015),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2007/198/Euratom tas-27 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxi l-vantaġġi fuqha(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tagħha,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(6),

–       wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0108/2015),

1.      Jagħti l-kwittanza lid-Direttur tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2013 / Jiddifferixxi d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza lid-Direttur tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2013;

2.      Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2013

(2014/2129(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2013,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta(8),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(9) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013 (05306/2015 – C8–0049/2015),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(10),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(11), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2007/198/Euratom tas-27 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxi l-vantaġġi fuqha(12), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tagħha,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(13),

–       wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(14),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0108/2015),

1.      Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2013 / Jipposponi l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2013;

2.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2013

(2014/2129(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2013,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0108/2015),

A.     billi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni ("l-Impriża Konġunta") ġiet stabbilita f'Marzu 2007 għal perjodu ta' 35 sena;

B.     billi l-membri tal-Impriża Konġunta huma l-Euratom, irrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Istati Membri tal-Euratom u pajjiżi oħra li kkonkludew ftehimiet ta' kooperazzjoni mal-Euratom fil-qasam tal-fużjoni nukleari kontrollata;

C.     billi l-Impriża Konġunta bdiet taħdem b'mod awtonomu f'Marzu 2008;

D.     billi, fid-9 ta' Ottubru 2008, il-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti") ressqet l-Opinjoni Nru 4/2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta,

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.      Jinnota li l-Qorti ddikjarat li l-kontijiet annwali tal-2013 tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta' Diċembru 2013 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi ta' flusha għas-sena li kienet għadha kif intemmet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-Regoli Finanzjarji tagħha;

2.      Jinnota bi tħassib li r-rapport tal-Qorti jinkludi osservazzjonijiet bħala parti mid-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni tagħha, li jindikaw riskju sinifikanti ta' żieda li għalih l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta għall-fażi ta' kostruzzjoni tal-proġett ITER huwa espost; jinnota, barra minn hekk, li r-riskju ta' żieda tal-ammont tal-kontribuzzjoni jirriżulta prinċipalment minn tibdil fl-ambitu tar-riżultati tanġibbli tal-proġett kif ukoll mill-iskeda attwali li mhijiex meqjusa bħala waħda realistika u bħalissa qed tiġi riveduta; jemmen fl-importanza ta' approċċ realistiku għal ġestjoni baġitarja u finanzjarja effikaċi; josserva li l-Impriża Konġunta qiegħda tikkontribwixxi fl-eżerċizzju mifrux fuq l-ITER kollu biex tingħata skeda realistika ġenerali għall-proġett kollu kemm hu; jistieden lill-Impriża Konġunta tippreżentaha b'urġenza lill-Kunsill tal-ITER;

3.      Josserva li l-konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fis-7 ta' Lulju 2010(15) approvaw EUR 6,6 biljun fil-valuri tal-2008 sabiex l-Impriża Konġunta tikkontribwixxi għall-fażi ta' kostruzzjoni tal-proġett ITER; jindika bi tħassib li mill-osservazzjonijiet tal-Qorti dan l-ammont huwa d-doppju meta mqabbel mal-kostijiet ibbaġitjati inizjalment u ma jinkludix l-ammont ta' EUR 663 000 000 propost mill-Kummissjoni Ewropea u maħsub biex ikopri kontinġenzi potenzjali; iqis li ż-żieda notevoli tal-proġett tista' tikkomprometti lill-programmi l-oħrajn li huma wkoll iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni u tista' tmur kontra l-prinċipju tal-"valur għall-flus";

4.      Jesprimi tħassib kbir dwar il-fatt li f'Novembru 2013, l-Impriża Konġunta stmat li d-defiċit tal-baġit sal-finalizzazzjoni tal-fażi ta' kostruzzjoni tal-proġett kien ta' EUR 290 000 000, ammont li jirrappreżenta devjazzjoni ta' 4,39 % fil-konfront taċ-ċifra approvata mill-Kunsill fl-2010 u jirrappreżenta żieda ta' 10,7 % meta mqabbla mal-baġit inizjali tal-proġett;

5.      Jinsab imħasseb dwar il-fatt li b'rabta ma' dawn ir-riskji, l-Impriża Konġunta għadha ma implimentatx sistema fil-livell kuntrattwali biex twettaq monitoraġġ regolari tad-devjazzjonijiet tal-kostijiet u għadha ma aġġornatx il-valwazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta għall-proġett ITER lil hinn mill-finalizzazzjoni tal-fażi ta' kostruzzjoni;

6.      Josserva bi tħassib li r-reviżjonijiet kontinwi tal-iskeda tal-ħin u tal-kostijiet minħabba d-dewmien eżistenti fl-iffirmar ta' kuntratti importanti, li ma jippermettix l-eżekuzzjoni tal-posponimenti ppjanati tal-prefinanzjament marbuta mal-proċeduri ta' akkwist operattivi tal-Impriża Konġunta;

7.      Jindika bi tħassib li fir-rapporti finanzjarji tagħha, l-Impriża Konġunta ma tatx rendikont dettaljat tal-livell ta' avvanzament tal-ħidma; jirrikonoxxi mill-Qorti li din l-informazzjoni hija essenzjali biex jiġi rifless l-istatus tal-attivitajiet imwettqa s'issa mill-Impriża Konġunta rigward l-arranġamenti għall-akkwist iffirmati mal-Organizzazzjoni Internazzjonali ITER; jindika li mill-Impriża Konġunta tali informazzjoni dwar il-progress ġenerali kienet fornuta bis-saħħa tar-Rapport ta' Progress Annwali u tar-Rapport ta' Attività Annwali tagħha iżda limitata għal stima preliminari bażika tal-perċentwali ta' xogħlijiet li tlestew, abbażi tal-ammont ta' spejjeż relatati mal-arranġamenti ta' akkwist inkors sal-lum u mqabbla mal-valur stmat tal-kontribuzzjoni in natura tal-proġetti; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li stima preliminari bażika tax-xogħlijiet li tlestew hija inkluża fil-Kontijiet Annwali 2013; jenfasizza l-ħtieġa ta' informazzjoni u indikaturi għall-kejl xieraq tal-prestazzjoni, applikabbli kemm għall-output kif ukoll għall-ġestjoni interna;

8.      Jinnnota li l-baġit finali 2013 tal-Impriża Konġunta disponibbli għall-implimentazzjoni kien jinkludi approprjazzjonijiet ta' impenn ta' EUR 1 297 000 000 u approprjazzjonijiet ta' pagament ta' EUR 432 400 000; jinnota, barra minn hekk, li r-rati ta' użu għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament kienu ta' 100 % u ta' 89,8 % rispettivament; jissottolinja li r-rata ta' implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta' pagament fir-rigward tal-baġit inizjali 2013 qabel it-tnaqqis kienet ta' 57,8 %; jikkonstata, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Impriża Konġunta, li dan kien ikkawżat minn dewmien fil-forniment ta' data mill-Organizzazzjoni Internazzjonali ITER kif ukoll minn negozjati li ħadu aktar fit-tul milli ppjanat ma' kumpaniji sabiex jitnaqqsu l-kostijiet; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-eventwali dewmien jew kost eċċessiv tal-futur u l-impatt tagħhom fuq il-baġit tal-proġett ITER;

9.      Jitlob lill-Kummissjoni u lid-Direttur tal-Impriża Konġunta għall-ITER jippreżentaw rapport lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-pożizzjoni uffiċjali tal-partijiet interessati kollha fir-rigward tal-impenji futuri tagħhom fil-proġett ITER;

10.    Jinnota fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta' impenn tal-Impriża Konġunta li, minn total ta' EUR 1 254 000 000 li kienu disponibbli għal attivitajiet operattivi, 61,7 % ġew implimentati permezz ta' impenji individwali diretti filwaqt li t-38,3 % li kien għad fadal ġew implimentati permezz ta' impenji globali;

11.    Jinnota bi tħassib li seba' membri ħallsu tard il-kontribuzzjonijiet tas-sħubija annwali tagħhom għall-2013, li kienu jammontaw għal EUR 2 200 000; iqis li kwalunkwe dewmien fil-pagament tal-kontribuzzjoni annwali jaf ikollha impatt fuq il-mod kif jitmexxa l-proġett; jenfasizza li d-dewmien ivarja minn tlieta sa 48 jum; jikkonstata, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Impriża Konġunta, li 77 % tal-pagamenti li saru tard kienu jikkorrispondu għall-kontribuzzjoni ta' żewġ membri u waslu jum ta' xogħol tard;

12.    Jistieden lill-Impriża Konġunta tippreżenta rapport lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-kontribuzzjonijiet tal-membri kollha għajr il-Kummissjoni, inkluża l-applikazzjoni tar-regoli ta' evalwazzjoni għall-kontribuzzjonijiet in natura, flimkien mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni;

13.    Jinsab imħasseb li fir-Rapport ta' Attività Annwali 2013 il-President tal-Bord ta' Tmexxija tal-Impriża Konġunta jirreferi għad-dewmien fil-proġetti kif ukoll għall-ħtieġa li jipprova jinstab iffrankar fil-kostijiet; jinnota, barra minn hekk, li d-Direttur Eżekuttiv jirreferi għar-riskji assoċjati għal defiċit potenzjal tal-baġit sal-2020, primarjament b'rabta mat-twessigħ fl-ambitu tal-bini tal-ITER u mal-iskeda attwali; jikkonstata, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Impriża Konġunta, li l-baġit allokat mill-QFP attwali sal-2020 se jkun rispettat billi firxa wiesgħa ta' miżuri ta' limitazzjoni tal-kostijiet tibqa' tiġi żviluppata u implimentata;

14.    Jistieden lill-Impriża Konġunta tippreżenta fi żmien debitu rapport lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-livell effettiv tal-implimentazzjoni tal-proġett, ir-riskji potenzjali u l-iżviluppi futuri tal-proġett, flimkien mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interessi u t-trasparenza

15.    Itenni l-bżonn li s-CVs tal-membri tal-Bord ta' Tmexxija, tad-Direttur u tad-diriġenti għolja tal-Impriża Konġunta jsiru disponibbli għall-pubbliku; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrimedja s-sitwazzjoni b'mod urġenti; jirrikonoxxi li r-Regoli dwar il-Ġestjoni tal-Kunflitt ta' Interessi fir-rigward tal-membri tal-persunal daħal fis-seħħ u jappella biex tinżamm każistika rigoruża;

Ftehim mal-Istat Ospitanti

16.    Jirrikonoxxi mill-Impriża Konġunta li skont il-Ftehim mal-Istat Ospitanti, iffirmat mar-Renju ta' Spanja fit-28 ta' Ġunju 2007, il-bini permanenti kellu jsir disponibbli għall-Impriża Konġunta sa Ġunju 2010; jinnota bi tħassib li, fiż-żmien tal-awditu f'April 2014, dan kien għadu ma seħħx; jirrikonoxxi l-isforzi tal-Impriża Konġunta biex tirranġa din il-kwistjoni kif ukoll in-nuqqas ta' riżultati fid-djalogu mal-pajjiżi ospitanti;

Kundizzjonijiet tax-xogħol

17.    Huwa mħasseb ħafna bil-fatt li l-Impriża Konġunta għadha ma adottatx ir-regoli kollha li jimplimentaw ir-Regolamenti tal-Persunal; jinnota bi tħassib li l-ispazju tax-xogħol attwalment disponibbli huwa insuffiċjenti u qed ifixkel il-persunal tagħha milli jopera f'kundizzjonijiet raġonevoli; jinsab imħasseb bil-kbir dwar il-fatt li l-kundizzjonijiet tal-ispazju tax-xogħol qed ikollhom impatt negattiv fuq l-isforzi tal-Impriża Konġunta biex timla l-pożizzjonijiet disponibbli kollha u tnaqqas ir-rata ta' pożizzjonijiet vakanti; josserva bi tħassib li l-kundizzjonijiet tal-ispazju tax-xogħol ġew iċċitati mill-impjegati tagħha bħala waħda mill-akbar diffikultajiet u preokkupazzjonijiet fi stħarriġ li sar dan l-aħħar fost il-membri tal-persunal tal-Impriża Konġunta; jitlob lill-Kummissjoni u lid-Direttur tal-Impriża Konġunta jippreżentaw rapport lill-awtorità ta' kwittanza li fih jesponu fid-dettall ir-raġunijiet tad-dewmien fl-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u dwar is-sitwazzjoni relatata mal-kundizzjonijiet tax-xogħol;

Sistemi ta' kontroll intern

18.      Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li, għalkemm sar progress sinifikanti matul l-2013 fir-rigward tas-sistema ta' kontroll intern tal-Impriża Konġunta, għadd ta' azzjonijiet għadhom iridu jiġu implimentati; dawn l-azzjonijiet jinkludu aktar żvilupp tal-proċess għall-ġestjoni tal-istima tal-ispiża fil-livell kuntrattwali, kif ukoll ir-riżultati tal-awditjar li jkunu ġejjin mill-implimentazzjoni tal-istrateġija kumplessiva ta' kontroll u monitoraġġ għal għotjiet u l-fatt li l-kuntratti operattivi mhux qed ikunu disponibbli fiż-żmien tal-awditjar; jistieden lill-Impriża Konġunta tagħmel mod li r-rapport ikun disponibbli skont it-talba tal-Qorti;

19.    Jinnota bi tħassib li bl-eċċezzjoni tal-pjan ta' azzjoni li rriżulta bħala rispons għall-awditu intern dwar il-ġestjoni tal-kuntratti tal-esperti, il-pjanijiet ta' azzjoni l-oħrajn adottati mill-Impriża Konġunta b'rispons għal awditi interni ma ġewx implimentati bis-sħiħ;

20.    Jistieden lill-Impriża Konġunta tforni fil-ħin l-ispeċifikazzjonijiet bil-għan li jkunu eliminati l-inċertezzi relatati mal-kostijiet assoċjati mal-evoluzzjoni possibbli tad-disinn u tal-ippjanar tal-proġetti ITER;

21.    Jirrikonoxxi mir-rapport tal-Qorti li, fir-rigward tal-azzjonijiet adottati b'rispons għar-riskji prinċipali identifikati qabel, 12 ġew implimentati, 19 kienu qed jitwettqu u 6 kienu għadhom ma nbdewx sa Novembru 2013; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrettifika dawn il-kwistjonijiet b'mod urġenti;

22.    Jinnota li l-Impriża Konġunta adottat regoli speċifiċi li jipprevjenu kunflitti potenzjali ta' interess tal-membri tal-Bord ta' Tmexxija, tal-Kumitat Eżekuttiv, tal-Kumitat tal-Awditjar u tal-esperti tagħha; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li saż-żmien tal-awditu ma kinux ġew stabbiliti regoli dwar il-membri tal-persunal kif ukoll bażi ta' data għad-dikjarazzjonijiet ġenerali tal-interessi; jikkonstata, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Impriża Konġunta, li r-regoli dwar il-ġestjoni tal-kunflitt ta' interess fir-rigward tal-membri tal-persunal ġew adottati mill-Bord ta' Tmexxija u daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2014; jinnota, barra minn hekk, li bdiet tiġi żviluppata bażi ta' data dedikata għal dikjarazzjonijiet ġenerali;

Għotjiet u kuntratti ta' akkwist operattivi

23.    Jinnota li minn 41 proċedura tal-offerti operattivi mnedija fl-2013, il-proċeduri nnegozjati kienu jikkostitwixxu 44 %; jirrimarka li dan il-perċentwal huwa ogħla b'4 % meta mqabbel man-numru rreġistrat fl-2012; jaqbel mar-rakkomandazzjoni tal-Qorti li hemm bżonn żieda fil-kompetittività tal-proċeduri ta' akkwist billi jitnaqqas l-użu tal-proċeduri nnegozjati; jieħu nota li l-għadd medju ta' proposti għal għotjiet kien biss ta' waħda għal kull sejħa; jikkonstata, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Impriża Konġunta, li minħabba l-valur medju baxx, il-proċeduri nnegozjati msemmija mill-Qorti jikkorrispondu biss għal 15 % tal-impenn annwali tal-Impriża Konġunta;

24.    Josserva bi tħassib id-dgħufijiet eżistenti relatati mal-proċeduri ta' akkwist operattivi tal-Impriża Konġunta; jistieden lill-Impriża Konġunta tippreżenta lill-awtorità ta' kwittanza rapport dettaljat dwar il-proċeduri ta' akkwist li saru mill-2008 sal-lum, li fih jesponi dan li ġej:

-       f'kemm-il proċedura kien hemm żieda sinifikanti tal-kostijiet (aktar minn 5 %) fir-rigward tal-qafas inizjali tal-kostijiet iffissat tal-kuntratt u x'kienu r-raġunijiet eżatti għal tali żidiet,

-       liema proċeduri ġarrbu dewmien konsiderevoli f'termini ta' żmien meta mqabbla mad-data prevista inizjali tagħhom u x'kienu r-riperkussjonijiet finanzjarji minn tali dewmien,

-       l-Impriża Konġunta kif qiegħda tiggarantixxi għall-futur li d-dati ffissati tal-iffirmar tal-kuntratti qegħdin jiġu rispettati,

-       liema proċeduri tal-akkwist ma ffissaw l-ebda data prevista speċifika huma u jagħtu l-kuntratt,

-       f'liema proċedura l-Impriża Konġunta ma tatx pubbliċità lill-kuntratt rispettiv permezz ta' avviżi ta' informazzjoni minn qabel, b'hekk naqset milli żżid il-kompetittività tal-proċedura u x'kienu r-raġunijiet għal dan. Liema sħab kuntrattwali ħadu partikolarment vantaġġ mill-kompetittività limitata konsegwenti,

-       Xi proċeduri (barra r-Regolamenti tal-Persunal applikabbli) huma fis-seħħ biex jipprevjenu l-eventwali kunflitt ta' interessi fir-rigward tal-membri tal-persunal involuti fil-proċeduri tal-offerti u kemm kienu l-każijiet li fihom il-membri tal-persunal ma kellhomx il-mandat formali li jkunu involuti fil-proċeduri tal-offerti,

-       l-Impriżi Konġunta kif tiggarantixxi li l-proċedura interna tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha titjieb biex jiġi evitat dewmien ulterjuri fil-proċeduri tal-offerti, kif determinat mill-Qorti, bil-għan li jiġu garantiti offerti trasparenti, puntwali u legali fil-futur;

25.    Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li wara l-awditjar ta' ħames proċeduri ta' akkwist operattivi ġew identifikati d-dgħufijiet li ġejjin:

-  fi proċedura waħda ta' akkwist, l-Impriża Konġunta naqset milli tagħti pubbliċità lil kuntratt wieħed permezz ta' avviż ta' informazzjoni minn qabel; jirrikonoxxi mill-Impriża Konġunta li l-kuntratt inkwistjoni tnieda qabel ma l-proċedura ta' informazzjoni minn qabel ġiet approvata f'Settembru 2012;

-  fi proċedura waħda ta' akkwist, ġiet osservata żieda ta' 32 % meta mqabbla mal-istima tal-kost inizjali; jinnota, barra minn hekk, li f'żewġ proċeduri oħra ta' akkwist oħra, minħabba n-natura tal-informazzjoni disponibbli fil-fajls, ir-rikonċiljazzjoni tad-differenza bejn il-valur tal-kuntratt finali u l-valur ta' stima inizjali kienet ikkumplikata; jirrikonoxxi mill-Impriża Konġunta li l-kumplessità tar-rikonċiljazzjoni hija dovuta għar-rievalwazzjoni tal-ambitu inizjali tal-kuntratt, li wasslet għal żieda fiż-żmien, kif ukoll għan-natura, il-kumplessità u l-ammonti involuti f'tali kuntratti;

-  fi proċedura waħda nstab li ma kienx hemm linji gwida u proċeduri speċifiċi biex jiżguraw li r-riżultati tanġibbli, użati mill-partijiet terzi bħala dokumenti tal-input għall-proċeduri tal-offerti, jiġu rieżaminati sistematikament u b'mod uniformi u jiġu aċċettati formalment mill-Impriża Konġunta; jieħu nota li l-Impriża Konġunta se tħejji lista ta' kontroll formali sabiex tiżgura l-użu xieraq ta' informazzjoni minn terzi; jistieden lill-Impriża Konġunta timplimenta l-lista ta' kontroll mill-aktar fis possibbli sabiex jiġu evitati tali sitwazzjonijiet fil-futur;

-  emendi għall-kuntratt oriġinali ta' waħda mill-proċeduri ta' akkwist żiedu l-valur tal-kuntratt bi 15 % meta mqabbel mal-ammont inizjali; jirrimarka li l-informazzjoni disponibbli ma kinitx biżżejjed biex wieħed jikkonkludi li l-valutazzjoni tal-materjalità tal-emendi twettqet kif meħtieġ mill-proċeduri interni tal-Impriża Konġunta;

-  fi proċedura waħda, il-fażi ta' djalogu għaddiet minn dewmien twil, li wassal biex il-kundizzjonijiet tal-kuntratt finali u l-verżjoni teknika aġġornata tal-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta ntbagħtu aktar tard milli ppjanat kif ukoll biex il-kuntratt ġie ffirmat erba' xhur wara d-data mmirata;

26.    Iqis li huwa inaċċettabbli li l-Impriża Konġunta ma żviluppatx proċedura interna għall-persunal involut fi proċeduri tal-offerti; jirrimarka li titjib f'dan il-qasam huwa meħtieġ b'mod urġenti;

27.    Jinnota mir-rapport tal-Qorti li f'żewġ proċeduri ta' akkwist, il-membri tal-persunal tal-Impriża Konġunta li jipprovdu parir tekniku matul l-evalwazzjoni tal-offerti, fuq talba tal-kumitat ta' evalwazzjoni, ma kinux ġew nominati formalment mill-Awtorità tal-Ħatra, jew bħala membri tal-kumitat ta' evalwazzjoni jew inkella bħala esperti li jipprovdu parir tekniku lill-kumitat; jirrimarka li fi proċedura waħda tal-offerti wara s-sejħa għal espressjoni ta' interess, l-Uffiċjal Awtorizzanti ħatar tim għat-tmexxija ta' djalogu mal-kandidati magħżula filwaqt li ma kien hemm l-ebda mandat formali biex dan it-tim jistabbilixxi l-istrateġija ta' djaloġu, l-objettivi li jridu jintlaħqu u l-parametri tekniċi, finanzjarji u kuntrattwali għan-negozjati;

Kontroll u monitoraġġ kumplessivi ta' għotjiet u kuntratti ta' akkwist operattivi

28.    Jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta għandha sistema biex twettaq awditi fil-livell tal-kuntratturi bil-għan li tiċċekkja l-konformità mar-rekwiżiti tal-assigurazzjoni tal-kwalità; jinnota li r-riżultat tal-awditi ex post dwar għotjiet u tal-verifiki ta' konformità finanzjarja dwar l-implimentazzjoni tal-kuntratti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-istrateġija kumplessiva ta' monitoraġġ u kontroll ma kinux disponibbli fiż-żmien tal-awditu tal-Qorti f'April 2014;

Qafas ġuridiku

29.    Jinnota li l-Impriża Konġunta ma emendatx ir-regoli finanzjarji tagħha sabiex jirriflettu l-bidliet li rriżultaw mir-Regolament Finanzjarju l-ġdid u mir-Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi(16) msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid; jikkonstata, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Impriża Konġunta, li vvalutat il-bidliet u pproponiet l-emendi lill-Bord ta' Tmexxija tagħha; jinnota li skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom, il-Kummissjoni Ewropea għandha toħroġ opinjoni qabel it-tressiq tal-verżjoni finali tar-regoli finanzjarji lill-Bord ta' Tmexxija tal-Impriża Konġunta; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Impriża Konġunta jirranġaw din il-kwistjoni mingħajr dewmien;

30.    Josserva d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni(17) u l-ftehim politiku sussegwenti li ntlaħaq fuq il-kwittanza separata għall-Impriżi Konġunti;

Drittijiet ta' proprjetà intellettwali u politika industrijali

31.    Jieħu nota li l-Bord ta' Tmexxija tal-Impriża Konġunta adotta d-deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni tal-politika industrijali dwar il-fużjoni għall-enerġija u l-politika dwar id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u t-tixrid ta' informazzjoni fis-27 ta' Ġunju 2013; jinnota li l-Impriża Konġunta għadha ma adottax u ma implimentatx ċerti miżuri mmirati lejn il-mitigazzjoni ta' ċerti riskji relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u t-tixrid tar-riżultati ta' riċerka; jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta hija tal-fehma li l-kostijiet ta' implimentazzjoni ta' tali miżuri ma jidhrux proporzjonati għad-daqs tar-riskju residwu u dawn se jkun diffiċli li jiġu implimentati fil-prattika;

32.    Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-kuntratturi tal-Impriża Konġunta qed jingħataw drittijiet esklużivi ta' sfruttament fuq proprjetà intellettwali prodotta f'oqsma lil hinn mill-fużjoni, filwaqt li fil-qasam tal-fużjoni l-kuntratturi għandhom drittijiet mhux esklużivi; jinnota l-esponiment potenzjali tal-Impriża Konġunta għar-riskju rigward l-obbligi tagħha li żżomm id-dritt ta' aċċess għad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali sħaħ involuti fil-kontributi in natura Ewropej u li tkun tista' tittrasferixxi d-dritt ta' aċċess lill-Organizzazzjoni ITER, jekk ikun meħtieġ; jaqbel mar-rakkomandazzjoni tal-Qorti li jeħtieġ isir monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-klawsola tal-kuntratti, sabiex il-kuntratturi jkollhom l-obbligu li jieqfu milli jwettqu kwalunkwe tixrid tar-riżultati ta' riċerka sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-protezzjoni possibbli tagħhom; jistieden lill-Impriża Konġunta tiddefinixxi l-konfini ta' dak li jista' jitqies bħala applikazzjoni għal fużjoni sabiex jiġu żgurati l-ogħla livelli ta' ċarezza u trasparenza fir-rigward tal-kuntratturi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.3.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

15

11

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Ryszard Czarnecki, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Rina Ronja Kari, Bogusław Liberadzki, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Fulvio Martusciello, Dan Nica, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Igor Šoltes, Bart Staes, Michael Theurer, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Caterina Chinnici, Iris Hoffmann, Marian-Jean Marinescu, Andrey Novakov, Julia Pitera

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Ferrara

(1)

ĠU C 452, 16.12.2014, p. 44.

(2)

ĠU C 452, 16.12.2014, p. 45.

(3)

ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(4)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(5)

ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58.

(6)

ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(7)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(8)

ĠU C 452, 16.12.2014, p. 44.

(9)

ĠU C 452, 16.12.2014, p. 45.

(10)

ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(11)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(12)

ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58.

(13)

ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(14)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(15)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istatus tal-ITER tas-7 ta' Lulju 2010 (ref. 11902/10).

(16)

ĠU L 38, 7.12.2013, p. 42.

(17)

ĠU L 163, 29.5.2014, p. 21.

Avviż legali