Proċedura : 2014/2080(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0111/2015

Testi mressqa :

A8-0111/2015

Dibattiti :

PV 28/04/2015 - 16
CRE 28/04/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0124

RAPPORT     
PDF 159kWORD 91k
31.3.2015
PE 539.743v02-00 A8-0111/2015

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja

(2014/2080(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Ryszard Czarnecki

EMENDI
1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja

(2014/2080(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013(1),

–       wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 (COM(2014)0510) – C8-0149/2014)(2),

–       wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(3),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0111/2015),

1.      Jagħti l-kwittanza lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Qorti tal-Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2013;

2.      Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.        Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja

(2014/2080(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja,

–       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tas-26 ta' Frar 2015 li tagħlaq l-inkjesta fuq inizjattiva proprja tagħha OI/1/2014/PMC dwar l-iżvelar ta' għemil ħażin moħbi (whistleblowing),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0111/2015),

1.  Jinnota b'sodisfazzjon li, fir-rapport annwali tagħha tal-2013, il-Qorti tal-Awdituri osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati relatati mar-riżorsi umani u l-qasam tal-akkwist għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (''il-Qorti tal-Ġustizzja'');

2.  Jilqa' l-fatt li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-pagamenti b'mod ġenerali għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013 għan-nefqa amministrattiva u ta' tip ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi kienu ħielsa minn żbalji materjali;

3.  Jinnota li fl-2013, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha approprjazzjonijiet li jammontaw għal EUR 354 880 000 (EUR 348 300 000 fl-2012), u li r-rata ta' implimentazzjoni kienet ta' 96,3 %; jiddispjaċih dwar it-tnaqqis fir-rata ta' użu fl-2013 meta mqabbel mas-98,6 % fl-2012;

4.   Jieħu nota li r-rata baxxa ta' implimentazzjoni tista' tiġi attribwita għall-fatt li l-approprjazzjonijiet inizjali għall-2013 kienu inkludew aġġustament propost għas-salarji u l-pensjonijiet, li jammonta għal EUR 6 000 000 filwaqt li ma kien konċess ebda aġġustament mill-Kunsill; jindika li r-raġunijiet li wasslu għas-sentenza mhux mistennija dwar l-aġġustament tas-salarju m'għadhomx japplikaw wara l-ftehim li ntlaħaq dwar ir-Regolament il-ġdid tal-Persunal fl-2014;

5.   Jenfasizza madankollu li l-baġit tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa purament amministrattiv, b'ammont kbir li qed jintuża fuq l-ispiża relatata ma' persuni li jaħdmu fi ħdan l-istituzzjoni; jieħu nota tal-ġustifikazzjoni għat-tnaqqis fir-rata ta' użu ddikjarata fir-rapport ta' attività annwali tal-Qorti tal-Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2013;

6.   Jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja kkompletat 701 kawża fl-2013 (595 kawża kkompletata fl-2012), tressqu quddiemha 699 kawża ġdida (632 fl-2012), inklużi 450 appell u referenza għal deċiżjoni preliminari; jappoġġja r-riżultati statistiċi pożittivi u jqis li minkejja l-eżitu tajjeb, xorta għad hemm lok għal titjib;

7.   Jieħu nota tal-fatt li fl-2013, il-Qorti Ġenerali rċeviet 790 kawża ġdida, ġew indirizzati 702 kawżi u kellha 1325 kawża pendenti, u li dan jikkostitwixxi żieda ġenerali fl-għadd ta' proċedimenti meta mqabbel mal-2012; jinnota wkoll li t-tul tal-proċedimenti naqas bi ftit; jindika li l-ħolqien tad-disa' awla ma kkontribwixxiex fl-2013 għal żieda fl-effiċjenza tal-Qorti Ġenerali iżda minkejja dan, itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-Qorti Ġenerali teħtieġ tisħiħ fil-qasam tar-riżorsi umani;

8.   Jinnota li fl-2013 it-Tribunal tas-Servizz Ċivili kellu tnaqqis fl-għadd ta' kawżi ġodda u żieda fl-ammont ta' kawżi pendenti u kkompletati meta mqabbel mal-2012; jemmen li minkejja dawn ir-riżultati xejn pożittivi, l-eliminazzjoni tat-Tribunal tas-Servizz Ċivili mhijiex soluzzjoni adegwata sabiex jiġi indirizzat l-imblukkar fit-tul min-naħa tal-Kunsill;

9.   Iqis li xorta għad hemm lok għal titjib fi ħdan ir-riżorsi eżistenti għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja; jenfasizza li r-riformi interni implimentati fl-2013, jiġifieri l-ħolqien ta' awla ġdida fil-Qorti Ġenerali u l-Avukat Ġenerali l-ġdid, kif ukoll ir-riforma tar-Regoli ta' Proċedura li jmexxu l-operat tal-Qorti tal-Ġustizzja, partikolarment fl-oqsma tal-lingwi u l-użu tat-teknoloġija, u regoli supplementarji oħra kkontribwixxew għal tibdil pożittiv fis-sistema li ppermetta li jsir progress fl-użu aħjar tar-riżorsi; jinkoraġġixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tkompli b'dan l-approċċ;

10. Jirrakkomanda li l-istituzzjoni tkun organizzata mill-ġdid b'tali mod li jkun hemm separazzjoni aktar ċara bejn il-funzjonijiet legali u amministrattivi, b'hekk tkun organizzata b'mod aktar konformi mal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem sabiex l-Imħallfin ma jkollhomx aktar ir-riskju li jridu jagħtu sentenza fuq appell kontra atti li fihom l-awtoritajiet tagħhom ikunu involuti direttament;

11. Ifakkar li fir-risposta tagħha dwar ir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-2012 il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li l-fatt li jsiru aktar seduti ta' smigħ u li jingħataw aktar sentenzi ma jżidx il-produttività b'mod sinifikanti; jirrimarka li min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet żieda fl-għadd tal-Imħallfin; iħeġġeġ lill-Qorti tal-Ġustizzja titlob reviżjoni esterna tal-pari sabiex ikollha strumenti esterni li jidentifikaw soluzzjonijiet possibbli għall-problemi mqajma mill-Qorti tal-Ġustizzja;

12. Jenfasizza l-importanza partikolari tar-rispett għall-multilingwiżmu fil-Qorti tal-Ġustizzja għaliex dan irid jiggarantixxi mhux biss aċċess ugwali għall-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja imma wkoll opportunitajiet indaqs għall-partijiet involuti f'litigazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;

13. Jiddispjaċih dwar l-informazzjoni insuffiċjenti li waslet matul il-proċedura ta' kwittanza dwar il-listi ta' attivitajiet esterni li jsiru mill-Imħallfin; jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippubblika fuq il-paġna ewlenija reġistru li jinkludi informazzjoni dettaljata dwar l-attivitajiet esterni ta' kull Imħallef;

14. Jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ taż-żewġ tradutturi rtirati li ingħataw kuntratti ta' traduzzjoni, biex tfassal rapport li jagħmilha possibbli li jkun verifikat li s-sitwazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolamenti tal-Persunali tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kemm fir rigward tal-konflitti ta' interessi kif ukoll tal-ħlas;

15. Jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tqis konsolidament tar-Reġistri tal-Qorti tal-Ġustizzja f'Reġistru uniku sabiex tiżgura koordinament aħjar tal-azzjonijiet proċedurali bejn il-Qrati;

16. Jieħu nota tat-titjib li sar fl-applikazzjoni e-Curia; jirrikonoxxi li l-applikazzjoni għadha ma laħqitx il-potenzjal sħiħ tagħha; jirrakkomanda li l-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi pjan sabiex tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jużawha;

17. Jirrikonoxxi t-tnedija fl-2013 tal-proġett b'rabta mar-rapporti tal-ġurisprudenza diġitali biex jieħdu post ir-rapporti tal-ġurisprudenza stampati; huwa tal-fehma li dan il-proġett seta' jiġi implimentat qabel;

18. Iqis li l-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li titqies id-data pprovduta fir-rapport ta' attività annwali, tista' tnaqqas ulterjorment l-għadd ta' kopji stampati mingħajr ma tikkomprometti r-responsabbiltajiet tagħha;

19. Billi l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-ewwel xandir bil-web streaming fl-2013, iħeġġeġ lill-Qorti tal-Ġustizzja tuża ulterjorment it-teknoloġija u twessa' l-applikazzjoni tagħha għal kwistjonijiet relatati max-xogħol;

20. Jirrikonoxxi li l-kwalità tal-interpretazzjoni fil-Qorti tal-Ġustizzja hija fundamentali u li mhux possibbli li jiġi kkontrollat l-għadd ta' seduti; jemmen madankollu li huwa possibbli li jkun hemm ippjanar aktar effiċjenti tal-kalendarju tas-seduti; jissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex fir-relazzjonijiet interistituzzjonali tagħha tfittex l-aħjar prattiki adottati minn istituzzjonijiet oħrajn b'rabta ma' din il-kwistjoni;

21. Jinnota l-politika tal-Qorti tal-Ġustizzja li tippreferi tuża r-riżorsi interni, b'mod partikolari fi ħdan is-servizzi tat-traduzzjoni; jifhem id-diffikultajiet sabiex jinstabu ċerti taħlitet ta' lingwi flimkien ma' esperjenza fil-qasam ġuridiku; jinsab imħasseb madankollu dwar il-livell għoli ta' approprjazzjonijiet li ma ntużawx, ta' EUR 2 200 000, allokati għat-traduzzjoni esterna; iqis, għalhekk, li l-esternalizzazzjoni, jekk meħtieġa, għandha twassal għal iffrankar ulterjuri;

22. Jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra timplimenta sistema ta' traduzzjoni ''skont il-bżonn'' għal każijiet speċifiċi, u tagħmel aktar użu mill-għodod ta' traduzzjoni teknoloġiċi;

23. Jitlob lill-Qorti tivverfika fuq il-bażi ta' każ każ il-ħtieġa ta' traduzzjoni jekk ikun hemm relevanza limitata għaċ-ċittadini tal-Unjoni;

24. Josserva bi tħassib id-disparitajiet enormi fl-ispejjeż tat-traduzzjoni għall-istituzzjonijiet differenti tal-Unjoni; jitlob, konsegwentement, li l-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali dwar it-Traduzzjoni jidentifika l-kawżi għal dawn id-disparitajiet u jressaq soluzzjonijiet li jtemmu dan l-iżbilanċ u jipproduċu spejjeż tat-traduzzjoni armonizzati b'rispett sħiħ għall-kwalità u d-diversità lingwistika; jirrimarka, b'dan il-ħsieb, li l-Grupp ta' Ħidma għandu jerġa' jniedi l-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet sabiex jaqsmu bejniethom l-aħjar prattiki u eżiti, u jidentifikaw dawk l-oqsma li fihom jistgħu jissaħħu l-kooperazzjoni jew il-ftehimiet interistituzzjonali; jinnota li l-Grupp ta’ Ħidma għandu wkoll ikollu l-għan li jistabbilixxi metodoloġija unifikata għall-preżentazzjoni tal-ispejjeż tat-traduzzjoni li jkunu jistgħu jużawha l-istituzzjonijiet kollha, sabiex jiġu ssimplifikati l-analiżi u l-paragun tal-ispejjeż; jinnota li l-Grupp ta’ Ħidma għandu jippreżenta r-riżultati ta’ dan il-ħidma qabel tmiem l-2015; jitlob li l-istituzzjonijiet kollha jkollhom sehem attiv fix-xogħol tal-Grupp ta’ Ħidma Interistituzzjonali; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-importanza fundamentali tar-rispett għall-multilingwiżmu fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex niżguraw li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jingħataw trattament u opportunitajiet ugwali;

25. Iqis li fi żmien ta' kriżi u tnaqqis baġitarju b'mod ġenerali, l-ispejjeż tal-'away days' għall-persunal fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandu jitnaqqas u li dawn l-avvenimenti, fejn ikun possibbli, għandhom isiru fil-binjiet tal-istituzzjonijiet stess, peress li l-valur miżjud li jirriżulta mill-'away days' ma jiġġustifikax spejjeż daqstant għolja;

26. Jistenna li l-Qorti tal-Ġustizzja se tkompli tfittex sinerġiji interni ġodda, b'mod partikolari fil-qasam tat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni;

27. Itenni t-talba tiegħu li fir-rapport ta' attività annwali tas-sena korrispondenti tkun annessa l-aġenda tal-laqgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja;

28. Jirrakkomanda l-istabbiliment ta' ċerti kriterji oġġettivi biex jiġi spjegat id-dewmien eċċessiv fil-perjodu tal-għoti tas-sentenzi;

29. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Istati Membri li daħlu fl-Unjoni wara l-2004 mhumiex rappreżentati fil-maniġment għoli tal-istituzzjoni; itenni l-ħtieġa għal bilanċ ġeografiku akbar fil-livelli kollha fi ħdan l-amministrazzjoni;

30. Jinsab imħasseb bin-nuqqas ta' nisa fil-pożizzjonijiet ta' responsabbiltà fil-Qorti tal-Ġustizzja (70 % - 30 %); jitlob li jitħaddem pjan favur opportunitajiet indaqs, b’mod partikolari fir-rigward ta’ karigi maniġerjali, bl-għan li dan l-iżbilanċ jiġi kkoreġut mill-aktar fis possibbli;

31. Jieħu nota tal-fatt li r-regoli applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja li jirregolaw l-użu privat tal-karozzi uffiċjali huma simili għal dawk applikati f'istituzzjonijiet oħra; huwa tal-fehma li dawk ir-regoli għandhom jiġu aġġornati sabiex jonqsu l-ispejjeż, partikolarment fil-każ tal-użu privat;

32. Jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra tnaqqas l-għadd ta' karozzi uffiċjali għad-dispożizzjoni tal-Membri u l-persunal, u tgħaddi rapport lill-Parlament bl-iffrankar li jkun sar; huwa tal-fehma li dan se jitlob reviżjoni tal-assenjament tal-karigi tax-xufiera; jirrimarka li l-ispejjeż tas-servizzi privati estiżi provdut mis-sewwieqa qed jitħallas mit-taxxi taċ-ċittadini tal-Unjoni;

33. Jemmen li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ttejjeb l-impenn ambjentali tagħha billi tiżviluppa ulterjorment il-miżuri eżistenti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, u tinkludi kriterji ambjentali fil-qasam tal-akkwist;

34. Jieħu nota tal-impenn tal-Qorti tal-Ġustizzja li tkompli ttejjeb is-sistema tagħha għal monitoraġġ u kontroll f'waqthom tal-proċeduri ta' reklutaġġ u ta' akkwist; jappoġġja l-Qorti tal-Ġustizzja fl-isforzi kontinwi tagħha biex tissorvelja l-ġestjoni ta' allowances u biex ittejjeb il-livelli ta' prestazzjoni tagħha;

35. Iqis li l-ammont ta' kuntratti konklużi skont il-proċedura nnegozjata huwa pjuttost għoli; jitlob li jiġi infurmat tajjeb dwar ir-raġunijiet għal dawn id-deċiżjonijiet;

36. Jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex fir-rapporti annwali tal-attività tagħha tinkludi, b'konformità mar-regoli eżistenti dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data, ir-riżultati u l-konsegwenzi tal-każijiet magħluqa tal-OLAF, fejn l-istituzzjoni jew xi ħadd mill-individwi li jaħdmu għaliha kienu s-suġġett tal-investigazzjoni;

37. Jieħu nota tal-politika tal-Qorti tal-Ġustizzja b'rabta mal-bini, annessa mar-rapport ta' attività annwali ;

38. Jinnota b'sodisfazzjon li l-Qorti tal-Ġustizzja ħejjiet rapport ta' attività annwali rigoruż u fid-dettall u li fih inkludiet informazzjoni komprensiva dwar il-ġestjoni tar-riżorsi umani tagħha, kif mitlub mill-Parlament;

39. Jinsab imħasseb dwar id-dewmien fl-adozzjoni tar-regoli dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta; jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja timplimenta dawn mingħajr aktar dewmien.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.3.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

5

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Ryszard Czarnecki, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Rina Ronja Kari, Bogusław Liberadzki, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Fulvio Martusciello, Dan Nica, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Igor Šoltes, Bart Staes, Michael Theurer, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Caterina Chinnici, Iris Hoffmann, Andrey Novakov

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Ferrara

(1)

ĠU L 66, 8.3.2013.

(2)

ĠU C 403, 13.11.2014, p. 1.

(3)

ĠU C 398, 12.11.2014, p. 1.

(4)

ĠU C 403, 13.11.2014, p. 128.

(5)

ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(6)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

Avviż legali