Proċedura : 2014/2134(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0112/2015

Testi mressqa :

A8-0112/2015

Dibattiti :

PV 28/04/2015 - 16
CRE 28/04/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.57
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0166

RAPPORT     
PDF 178kWORD 96k
31.3.2015
PE 541.306v01-00 A8-0112/2015

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għas-sena finanzjarja 2013

(2014/2134(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Ryszard Czarnecki

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għas-sena finanzjarja 2013

(2014/2134(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għas-sena finanzjarja 2013,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta(1),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013 (05306/2015 – C8–0049/2015),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 521/2008 tat-30 ta' Mejju 2008 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu(5),

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 559/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 12 tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(7),

–       wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0112/2015),

1.      Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2013;

2.      Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għas-sena finanzjarja 2013

(2014/2134(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għas-sena finanzjarja 2013,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta(9),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(10) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013 (05306/2015 – C8–0049/2015),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(11),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(12), u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 521/2008 tat-30 ta' Mejju 2008 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu(13),

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 559/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2(14), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 12 tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(15),

–       wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(16),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0112/2015),

1.      Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għas-sena finanzjarja 2013;

2.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għas-sena finanzjarja 2013

(2014/2134(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni ta l-baġit tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għas-sena finanzjarja 2013,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0112/2015),

A.     billi l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu ("l-Impriża Konġunta") ġiet stabbilita f'Mejju 2008 bħala sħubija pubblika-privata mir-Regolament (KE) Nru 521/2008 għal perjodu sal-31 ta' Diċembru 2017 biex tiffoka fuq l-iżvilupp ta' applikazzjonjiet tas-suq u b'hekk tiffaċilita sforzi industrijali addizzjonali lejn mobilizzazzjoni rapida tat-teknoloġiji taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu,

B.     billi l-membri tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni, rappreżentata mill-Kummissjoni, il-Grupp tal-Industrija għall-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu ("il-Grupp tal-Industrija") u l-Grupp ta' Riċerka N.ERGHY ("il-Grupp ta' Riċerka"),

C.     billi l-kontribuzzjoni massima għall-perjodu sħiħ mill-Unjoni għall-Impriża Konġunta hi ta' EUR 470 000 000 li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-Seba' Programm Kwadru, u li l-proporzjon minnhom allokat għall-ispejjeż ta' tmexxija m'għandux jaqbeż l-EUR 20 000 000,

D.     billi l-Grupp tal-Industrija hu mistenni jikkontribwixxi 50 % tal-ispejjeż ta' tmexxija u l-Grupp ta' Riċerka għandu jikkontribwixxi parti minn kull tnax tal-ispejjeż ta' tmexxija u t-tnejn għandhom jikkontribwixxu għall-ispejjeż operattivi permezz ta' kontributi in natura li tal-anqas ikunu daqs il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni,

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.      Jikkonstata li l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti") iddikjarat li l-kontijiet annwali tal-2013 tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta' Diċembru 2013 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi ta' flusha għas-sena li kienet għadha kif intemmet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Finanzjarji tagħha;

2.      Jikkonstata, barra minn hekk, li l-baġit finali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2013 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta' impenn li jammontaw għal EUR 74,5 miljun u approprjazzjonijiet ta' pagament li jammontaw għal EUR 69,7 miljun; jikkonstata, apparti dan, li r-rati ta' użu għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament kienu ta' 98,9 % u ta' 56,7 % rispettivament; jirrikonoxxi li l-livell tal-approprjazzjonijiet ta' pagament hu anqas minn dak tas-sena preċedenti, fatt iddeterminat mill-posponiment tal-finanzjament ta' tliet proġetti;

Sejħiet għal proposti

3.      Jindika li, sal-31 ta' Diċembru 2013, il-programm tal-Impriża Konġunta kien jikkonsisti minn 130 ftehim ta' għotja li rriżultaw mill-ħames sejħiet annwali li saru bejn l-2008 u l- 2012; jikkonstata li t-total ta' dawn l-għotjiet hu ta' EUR 365 miljun, li jammontaw għal 81 % tal-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni lill-Impriża Konġunta għall-attivitajiet ta' riċerka ta' EUR 452,5 miljun;

4.     Jikkonstata li ġew iffirmati 23 ftehim ta' għotja ulterjuri mis-sejħa 2013-1, kif ukoll żewġ għotjiet addizzjonali mit-tnedija tas-sejħa 2013-2 għall-ammonti ta' EUR 75 200 000 u EUR 7 000 000 rispettivament;

5.      Jappella lill-Impriża Konġunta biex tippreżenta rapport lill-awtorità ta' kwittanza rigward il-kontribuzzjonijiet tal-membri kollha apparti l-Kummissjoni, inkluża l-applikazzjoni tal-metodoloġija għall-valutazzjoni, flimkien ma' valutazzjoni mill-Kummissjoni;

Qafas ġuridiku

6.      Jieħu inkonsiderazzjoni l-fatt li r-Regolament Finanzjarju ġdid applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni ġie adottat fil-25 ta' Ottubru 2012 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2013, filwaqt li l-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid ma daħalx fis-seħħ qabel it-8 ta' Frar 2014; jirrikonoxxi li r-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta ġew emendati sabiex jirriflettu dawn il-bidliet fit-30 ta' Ġunju 2014;

7.      Jikkonstata d-Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni(17) u l-qbil politiku sussegwenti li ntlaħaq dwar ir-rilaxx separat għall-Impriżi Konġunti skont l-Artikolu 209 tar-Regolament Finanzjarju;

8.      Jappella lill-Qorti biex tippreżenta valutazzjoni finanzjarja sħiħa u xierqa tad-drittijiet u l-obbligi tal-Impriża Konġunta għall-perjodu sad-data meta bdiet topera l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2;

Sistemi ta' kontroll intern

9.      Jikkonstata li l-Kapaċità ta' Awditjar Intern tal-Impriża Konġunta, bi qbil mal-pjan strateġiku tas-Servizz ta' Awditjar Intern/Kapaċità ta' Awditjar Intern tal-Kummissjoni għall-Impriża Konġunta għall-perjodu 2011-2013, wettqet awditu wieħed dwar "Ġestjoni tal-Għotjiet - in-negozjati, l-għoti ta' kuntratti u l-prefinanzjament" matul l-2013, apparti li wettqet servizzi oħra ta' assigurazzjoni u konsulenza;

10.    Josserva bi tħassib li r-Rapport Finali dwar "Ġestjoni tal-Għotjiet" ikkonstata l-ħtieġa li jitnaqqsu ż-"Żmien sal-Għotja" u ż-"Żmien biex Jingħalqu n-Negozjati" u l-ħtieġa li jiġu ċċarati xi aspetti tal-proċedura tal-Impriża Konġunta għall-"Kontrolli tal-Vijabilità Finanzjarja". jirrikonoxxi l-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni biex jiġu indirizzati dawn ir-rakkomandazzjonijiet, kif ukoll biex jitqies l-impatt tal-ambjent ġuridiku u r-regoli l-ġodda taħt il-programm Orizzont 2020, u jappella lill-Impriża Konġunta biex tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar ir-riżultati tal-implimentazzjoni tiegħu;

11.    Jieħu nota tal-fatt li l-Impriża Konġunta, flimkien mal-Impriżi Konġunti ARTEMIS, Clean Sky, Eniac u IMI, kienet is-suġġett ta' valutazzjoni tar-riskji informatiċi tal-infrastruttura informatika komuni mwettqa mis-Servizz ta' Awditjar Intern tal-Kummissjoni;

12.    Jirrikonoxxi l-miżuri speċifiċi implimentati mill-Impriża Konġunta għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess fir-rigward tat-tliet partijiet interessati ewlenin tagħha: il-membri tal-Bord tat-Tmexxija, l-esperti u l-impjegati, bħal definizzjoni ċara ta' kunflitt ta' interess b'databażi ta' kull informazzjoni relatata u l-proċess biex jiġu ġestiti; jikkonstata li l-proċedura bil-miktub rigward il-miżuri speċifiċi tressqet quddiem il-Bord tat-Tmexxija f'Novembru 2014; jirrikonoxxi li l-Kummissjoni talbet biex l-adozzjoni tal-miżuri speċifiċi tiġi posposta b'mod li jiġi pprovdut mudell armonizzat għall-miżuri minħabba n-natura orizzontali tas-suġġett; jappella lill-Impriża Konġunta biex tipproċedi malajr bl-adozzjoni ta' dawn il-miżuri speċifiċi;

13.    Jindika li, bejn Novembru 2012 u Mejju 2013, twettqet it-tieni evalwazzjoni interim tal-Impriża Konġunta mill-Kummissjoni; jikkonstata li r-rapport fih diversi rakkomandazzjonijiet, bħall-assenjazzjoni ta' aktar riżorsi għall-operazzjonijiet permezz tal-kondiviżjoni tal-funzjonijiet amministrattivi ma' Impriżi Konġunti oħra u/jew billi jintraddu lura lis-servizzi tal-Kummissjoni, kif ukoll attenzjoni aktar iffokata fuq l-istrateġija ta' riċerka għat-tkomplija tal-Impriża Konġunta fil-programm Orizzont 2020 bi qbil mat-tliet prinċipji ewlenin (allinjament mal-politiki tal-UE, oqsma fejn l-Ewropa għandha jew tista' tikseb rwol ta' tmexxija, adattament għall-ħtiġijiet tas-settur li qed jinbidlu) u t-tisħiħ tal-kapaċità għal bidla; jirrikonoxxi l-fatt li l-Impriża Konġunta qed tirrevedi pjan ta' azzjoni sabiex tindirizza dawn l-aspetti;

Monitoraġġ u rapportar

14.    Jieħu nota tal-fatt li d-deċiżjoni dwar is-Seba' Programm Kwadru(18) tistabbilixxi sistema ta' monitoraġġ u rapportar relatata mal-protezzjoni, id-disseminazzjoni u t-trasferiment tar-riżultati ta' riċerka; jaċċerta li, fl-2013, l-Impriża Konġunta żiedet il-kapaċità proprja tagħha għall-monitoraġġ u r-rapportar dwar ir-riżultati ta' riċerka tal-proġetti tagħha u għall-valutazzjoni tal-ksib tal-objettivi tal-programm tagħha billi impjegat uffiċjal għall-Ġestjoni tal-Għarfien u għall-Politika dwar il-qasam; jikkonstata l-introduzzjoni ta' għodda informatika ġdida bħala għajnuna għall-analiżi u s-sinteżi tar-riżultati tal-proġetti mitmuma u għar-rapportar dwar l-ewwel riżultati tanġibbli pubbliċi mir-riċerka ta' proġetti kumplessi fuq il-sit tagħha fuq l-internet;

15.    Jappella lill-Impriża Konġunta biex tippreżenta rapport lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-benefiċċji soċjoekonomiċi tal-proġetti li diġà tlestew; jappella biex dak ir-rapport jiġi ppreżentat lill-awtorità ta' kwittanza flimkien ma' valutazzjoni mill-Kummissjoni;

16.    Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Impriża Konġunta biex teżamina l-possibilità li tuża s-sistema informatika tal-Kummissjoni għal skopijiet ta' monitoraġġ relatati mal-protezzjoni, id-disseminazzjoni u t-trasferiment tar-riżultati ta' riċerka, kif ukoll biex tiżviluppa r-rapportar tagħha dwar ir-riżultati, b'mod konformi mal-kummenti inklużi fir-Rapport ta' Progress Annwali 2012 tal-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tal-Impriżi Konġunti(19);

17.    Ifakkar li l-awtorità ta' kwittanza ġa talbet lill-Qorti tfassal rapport speċjali dwar il-kapaċità tal-impriżi konġunti, flimkien mas-sħab privati tagħhom, biex jiżguraw valur miżjud u eżekuzzjoni effiċjenti tal-programmi tal-Unjoni għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.3.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

6

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Ryszard Czarnecki, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Rina Ronja Kari, Bogusław Liberadzki, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Fulvio Martusciello, Dan Nica, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Igor Šoltes, Bart Staes, Michael Theurer, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Caterina Chinnici, Iris Hoffmann, Marian-Jean Marinescu, Andrey Novakov, Julia Pitera

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Ferrara

(1)

ĠU C 452, 16.12.2014, p. 67

(2)

ĠU C 452, 16.12.2014, p. 68

(3)

ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(4)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(5)

ĠU L 153, 12.6.2008, p. 1.

(6)

ĠU L 169, 7.6.2014, p. 108.

(7)

ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(8)

ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2.

(9)

ĠU C 452, 16.12.2014, p. 67

(10)

ĠU C 452, 16.12.2014, p. 68

(11)

ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(12)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(13)

ĠU L 153, 12.6.2008, p. 1.

(14)

ĠU L 169, 7.6.2014, p. 108.

(15)

ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(16)

ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2.

(17)

ĠU L 163, 29.5.2014, p. 21.

(18)

Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 6).

(19)

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attivitajiet tal-Impriżi Konġunti għall-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti fl-2012 (SWD(2013) 539 finali)

Avviż legali