RAPPORT dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

31.3.2015 - (2014/2082(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Ryszard Czarnecki


Proċedura : 2014/2082(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0114/2015
Testi mressqa :
A8-0114/2015
Testi adottati :

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

(2014/2082(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013[1],

–       wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 (COM(2014)0510) – C8–0154/-2014)[2],

–       wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet[3],

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[4] dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[5],

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[6], u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0114/2015),

1.      Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għas-sena finanzjarja 2013;

2.      Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

(2014/2082(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tas-26 ta’ Frar 2015 dwar inkjesta fuq inizjattiva proprja tagħha OI/1/2014/PMC dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0114/2015),

1.  Jilqa' l-fatt li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2012 għan-nefqa amministrattiva u ta' tip ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi kienu ħielsa minn żbalji materjali;

2.  Jinnota b'sodisfazzjon li, fir-Rapport Annwali 2013 tagħha, il-Qorti tal-Awdituri osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati relatati mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE);

3.  Jinnota li fl-2013 il-baġit tal-KESE ammonta għal EUR 130 104 400 (EUR 128 816 588 fl-2012), b'rata ta' użu ta' 94,1 %; jiddispjaċih mit-tnaqqis fir-rata ta' użu fl-2013 meta mqabbla mas-96,8 % fl-2012;

4.  Jenfasizza, madankollu, li l-baġit tal-KESE huwa wieħed purament amministrattiv, u li ammont kbir minnu huwa użat għan-nefqa fuq persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni u l-bqija għal bini, għamara, tagħmir u spejjeż operattivi mixxellanji; jieħu nota tal-ispjegazzjoni tal-KESE dwar it-tnaqqis tar-rata ta' użu minħabba miżuri kawtelatorji;

5.   Jinnota li r-raġunijiet li wasslu għas-sentenza mhux mistennija dwar l-aġġustament tas-salarju m'għadhomx japplikaw wara l-ftehim milħuq dwar ir-Regolament tal-Persunal il-ġdid fl-2014;

6.   Jinnota ż-żieda ta’ 1 % fil-baġit tal-2013 apparagun tal-baġit annwali tas-sena ta' qabel; jappoġġa l-isforzi tal-KESE biex jillimita l-baġits tas-snin li ġejjin, biex b’hekk tiġi żgurata żieda b’rata fissa;

7.   Jieħu nota tal-osservazzjonijiet ta’ segwitu għar-riżoluzzjoni ta’ kwittanza 2012 tal-Parlament mehmuża mar-rapport annwali tal-attività tal-KESE; itenni t-talba tiegħu biex jiġi infurmat dwar l-analiżi dettaljata tal-infiq u dwar ir-riżultati ta’ dak l-eżerċizzju;

8.   Jilqa’ l-intenzjoni tal-KESE li jippjana l-ħidma tiegħu b’mod aktar effiċjenti fi ħdan il-proċess leġiżlattiv, mingħajr ma neċessarjament iżid l-għadd ta’ opinjonijiet, u minflok issir enfasi fuq il-kwalità tal-opinjonijiet tiegħu;

9.   Jieħu nota tal-fatt li, kif irrakkomandat mill-Parlament, il-KESE implimenta r-regoli l-ġodda dwar ir-rimborż tal-ispejjeż ta’ vjaġġar tal-membri abbażi tal-ispejjeż reali; ifakkar li s-sistema għandha tkun operattiva bis-sħiħ fil-ħarifa tal-2015 meta jibda l-mandat li jmiss tal-KESE;

10. Jieħu nota tal-kooperazzjoni bejn il-KESE u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, b'mod partikolari fir-rigward tal-eżerċizzju ta' kwittanza;

11. Jinnota li l-użu ta' traduzzjoni esterna naqset b'2,9 % fl-2013, apparagun ta' 4,5 % fl-2012; isib, madankollu, li l-produttività tas-servizz intern tat-traduzzjoni naqset ukoll;

12. Jinnota bi tħassib li l-ispejjeż tat-traduzzjoni jvarjaw ħafna bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jitlob, għaldaqstant, li l-Grupp ta’ Ħidma Interistituzzjonali dwar it-Traduzzjoni jiddetermina l-kawżi ta’ dawn id-differenzi u jipproponi soluzzjonijiet bl-għan li tintemm l-inugwaljanza u jiġu armonizzati l-ispejjeż tat-traduzzjoni, mingħajr ma tkun imfixkla bl-ebda mod il-kwalità u d-diversità lingwistika; jinnota, fid-dawl ta' dan, li l-grupp ta’ ħidma għandu jerġa' jniedi l-kollaborazzjoni interistituzzjonali sabiex jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki u eżiti, u jiddeterminaw dawk l-oqsma fejn il-kooperazzjoni jew il-ftehimiet interistituzzjonali jistgħu jissaħħu; jinnota li l-grupp ta’ ħidma għandu wkoll ikollu l-għan li jistabbilixxi metodoloġija unifikata, komuni għall-istituzzjonijiet kollha, għall-preżentazzjoni tal-ispejjeż tat-traduzzjoni sabiex jiġu ssimplifikati l-analiżi u t-tqabbil tal-ispejjeż; jinnota li l-grupp ta’ ħidma għandu jippreżenta r-riżultati ta’ dan il-ħidma qabel tmiem l-2015; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha biex jieħdu parti attiva fil-proċedimenti tal-Grupp ta’ Ħidma Interistituzzjonali; jinnota l-importanza fundamentali li jiġi ppreservat il-multilingwiżmu fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex ikun żgurat li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jkunu jistgħu jgawdu trattament ugwali u opportunitajiet indaqs;

13. Jieħu nota tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-KESE, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Parlament, li eventwalment ġie ffirmat fil-5 t ’ Frar 2014 u wassal, l-ewwel nett, għat-trasferiment ta’ numru kbir ta’ persunal tal-kumitat għas-Servizz ta’ Riċerka l-ġdid tal-Parlament Ewropew; jistenna li l-ftehim jevolvi b’mod bilanċjat, ikun ta’ benefiċċju għat-tliet istituzzjonijiet b’mod ugwali, u jikkontribwixxu b’mod pożittiv għar-razzjonalizzazzjoni ulterjuri tar-riżorsi; jistieden lil kull istituzzjoni biex, fi tmiem l-ewwel sena ta’ kollaborazzjoni tagħhom, jagħmlu valutazzjoni individwali tal-impatt li l-ftehim ikun qed ikollu li f’termini kemm ta’ riżorsi umani kif ukoll ta' nefqa, sinerġiji, valur miżjud, u kwalità sostantiva;

14. Jistieden lill-KESE biex jinkludi ħarsa ġenerali tal-persunal li b'kariga maniġerjali mqassma skont in-nazzjonalità, is-sess u l-kariga fir-rapport annwali tal-attività;

15. Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta’ nisa li jokkupaw karigi għolja mal-KESE (61 % — 39 %); jitlob it-tħaddim ta' pjan favur opportunitajiet indaqs, b’mod partikolari fir-rigward ta’ karigi maniġerjali, bl-għan li dan l-iżbilanċ jiġi kkoreġut mill-aktar fis possibbli;

16. Jirrakkomanda li l-KESE jkompli jiżviluppa analiżi regolari tal-iffrankar baġitarju li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ kooperazzjoni amministrattiva l-ġdid mal-Kumitat tar-Reġjuni; jitlob informazzjoni dettaljata dwar ir-riżultati ta’ din il-kooperazzjoni;

17. Jinnota li r-rieżami ta' nofs it-terminu li jmiss tal-ftehim ta' kooperazzjoni se jkun il-mument xieraq biex jiġi evalwat il-ftehim u jiġi kkoreġut kwalunkwe nuqqas identifikat;

18. Jitlob informazzjoni dettaljata dwar ir-riżultati tar-rieżami ta’ nofs it-terminu u jistenna li din l-evalwazzjoni se tinkludi wkoll valutazzjoni konġunta tal-iffrankar baġitarju li jirriżulta mill-kooperazzjoni;

19. Jieħu nota tal-użu limitat persistenti tal-għodda tal-vidjowkonferenzi; jirrikonoxxi li qed jidħlu fis-seħħ miżuri biex dan l-użu jiġi estiż; jitlob li jiġi informat dwar il-progress miksub f’din il-kwistjoni;

20. Iqis b'mod pożittiv it-tnaqqis, minn 7,6 % fl-2012 għal 5,1 % fl-2103, tar-rata mhux użata ta' servizzi ta' interpretazzjoni mitluba; jenfasizza, madankollu, li din ir-rata għadha għolja u jitlob tnaqqis ulterjuri tal-ispejjeż ta' interpretazzjoni;

21. Iqis li fi żmien ta’ kriżi u tnaqqis fil-baġit b’mod ġenerali, l-ispejjeż tal-“Away Days” tal-persunal fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jitnaqqsu u li dawn l-avvenimenti, fejn ikun possibbli, għandhom isiru fil-bini proprju tal-istituzzjonijiet, peress li l-valur miżjud li jirriżulta ma jiġġustifikax tali infiq għoli;

22. Jinsab imħasseb li bosta avvenimenti ewlenin skedati li jseħħu matul is-sena 2013 ġew ikkanċellati jew posposti; jitlob lill-KESE biex jippjana u jirrazzjonalizza aħjar l-organizzazzjoni tal-avvenimenti interni;

23. Jieħu nota tal-informazzjoni pprovduta dwar il-kuntratt ta’ assigurazzjoni l-ġdid li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2012, li jkopri d-delegati tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali;

24. Jiddeplora s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku Ewropew ippubblikata fit-22 ta' Mejju 2014 li tikkundanna lill-KESE għal ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fit-tkeċċija ta' wieħed mill-membri tal-persunal tagħha fl-2013; jiddeplora wkoll is-sentenza mogħtija fit-8 ta’ Ottubru 2014 fil-kawża T-530/12 P, M. B. G. vs KESE, li fiha l-Qorti Ġenerali kkonstatat kontra l-KESE b’rabta mar-rappurtar ta’ irregolaritajiet li jikkonċernaw l-ex Segretarju Ġenerali mill-kap tas-Servizz Legali tal-KESE; jistieden lill-KESE u lis-Segretarju Ġenerali l-ġdid tiegħu biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jevitaw ksur serju ulterjuri tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jinformaw lill-Bureau tal-KESE, lill-membri, u lill-istaff kollu dwar il-kontenut taż-żewġ sentenzi, u biex jiġbdu l-attenzjoni tagħhom għall-fatt li uffiċjali oħra u persunal ieħor koperti mir-Regolamenti tal-Persunal għandhom l-obbligu li jirrappurtaw l-irregolaritajiet u li l-Bureau tal-KESE huwa korp adatt biex jirċievi tali rapporti; jitlob ukoll li jkun infurmat dwar l-ammont totali ta’ spejjeż legali mġarrba f’dawn l-aħħar ħames snin f’każijiet tal-persunal li finalment ġew indirizzati fil-qrati jew mill-Ombudsman;

25. Jinsab imħasseb dwar id-dewmien fl-adozzjoni tar-regoli interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta; jistieden lill-KESE biex jimplimentahom mingħajr aktar dewmien;

26. Jinnota li s-servizz tal-awditjar intern huwa magħmul minn persunal ta’ tlieta min-nies; jinnota li l-liv minħabba mard fit-tul naqqas b’mod sinifikanti l-forza tax-xogħol li kienet disponibbli fl-2013; jistieden lill-KESE biex isaħħaħ is-servizz ta’ awditjar intern u jespandi l-ambitu tal-investigazzjonijiet tal-awditjar;

27. Jistieden lill-KESE biex fir-rapporti annwali tal-attività tiegħu jinkludi, b’konformità mar-regoli eżistenti dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data, ir-riżultati u l-konsegwenzi tal-każijiet magħluqa tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, fejn l-istituzzjoni jew xi ħadd mill-individwi li jaħdmu għaliha kienu s-suġġett tal-investigazzjoni;

28. Jeżiġi li l-politika dwar il-bini tal-KESE tinhemeż mar-rapport annwali tal-attività tiegħu, speċjalment peress li hu importanti li l-ispejjeż ta' tali politika jiġu razzjonalizzati kif jixraq u li dawn ma jkunux eċċessivi;

29. Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-viżibbiltà tal-KESE permezz tat-tisħiħ ta' politika ta’ informazzjoni u komunikazzjoni adegwata.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.3.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Ryszard Czarnecki, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Rina Ronja Kari, Bogusław Liberadzki, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Fulvio Martusciello, Dan Nica, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Igor Šoltes, Bart Staes, Michael Theurer, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Caterina Chinnici, Iris Hoffmann, Andrey Novakov

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Ferrara

  • [1]  ĠU L 66, 8.3.2013.
  • [2]  ĠU C 403, 13.11.2014, p. 1.
  • [3]  ĠU C 398, 12.11.2014, p. 1.
  • [4]  ĠU C 403, 13.11.2014, p. 128.
  • [5]  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
  • [6]  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.