Proċedura : 2014/2085(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0118/2015

Testi mressqa :

A8-0118/2015

Dibattiti :

PV 28/04/2015 - 16
CRE 28/04/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.20
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0129

RAPPORT     
PDF 171kWORD 93k
31.3.2015
PE 539.746v01-00 A8-0118/2015

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

(2014/2085(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Ryszard Czarnecki

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

(2014/2085(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013(1),

–       wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 (COM(2014)0510) – C8–0154/2014)(2),

–       wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(3),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8–0118/2015),

1.   Jagħti l-kwittanza lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għas-sena finanzjarja 2013;

2.   Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

(2014/2085(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data,

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tas-26 ta’ Frar 2015 dwar inkjesta fuq inizjattiva proprja tagħha OI/1/2014/PMC dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8–0118/2015),

1.   Jilqa' l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013 għall-infiq amministrattiv u għal infiq ieħor tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ("il-Kontrollur") kienu ħielsa minn żball materjali u li s-sistemi ta' superviżjoni u kontroll eżaminati għall-infiq amministrattiv u għal infiq ieħor kienu effikaċi;

2.   Jinnota li fir-Rapport Annwali 2013 tagħha, il-Qorti tal-Awdituri osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati b'rabta mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Kontrollur;

3.   Jinnota li, fl-2013, il-Kontrollur kellu baġit allokat totali ta' EUR 7 661 409 (EUR 7 624 090 fl-2012), u li r-rata ta' implimentazzjoni kienet 84,7 % (83,2 % fl-2012); iqis li dan hu żvilupp pożittiv u jitlob li jsiru sforzi ulterjuri biex tittejjeb ir-rata ta' implimentazzjoni;

4.   Jisħaq fuq il-fatt li l-baġit tal-Kontrollur huwa wieħed purament amministrattiv; jinnota li r-rata ta' implimentazzjoni tan-nefqa fuq persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni hi ta' 93,41 % (Titolu 1) u li n-nefqa li tirrigwarda bini, tagħmir u nfiq relatat mat-tħaddim tal-istituzzjoni hi ta' 99,14 % (Titolu 2);

5.   Jieħu nota tal-impenn tal-Kontrollur li jkompli jtejjeb is-sistema tiegħu għal monitoraġġ u kontroll f'waqthom tal-proċeduri ta' reklutaġġ u ta' akkwist, jappoġġja lil-Kontrollur fl-issuktar tal-monitoraġġ tal-ġestjoni tal-allowances u fit-titjib tal-livelli ta' prestazzjoni ta' dik il-ġestjoni;

6.   Jikkonstata b'sodisfazzjon li l-awditu ta' segwitu li sar f'Ġunju 2013 mis-servizz ta' awditjar intern tal-Kontrollur ippermetta li tingħalaq il-parti l-kbira tal-azzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet issuġġeriti fil-qasam tal-proċeduri amministrattivi, b'mod li jagħti lok għall-konklużjoni li fil-31 ta' Diċembru 2013 ma kien hemm l-ebda rakkomandazzjoni partikolari xi ssir;

7.   Jikkonstata li l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni dwar is-sikurizzazzjoni tad-data inkluża fl-ilmenti kienet għadha ma tlestietx meta sar l-awditu ta' segwitu f'Ġunju 2013 minħabba dewmien fl-istabbiliment tas-sistema ta' ġestjoni tal-każijiet (CMS); huwa probabbli li din ir-rakkomandazzjoni tiġi implimentata kompletament matul is-sena 2014, ladarba s-CMS ilha operattiva minn Ottubru 2013;

8.   Jikkonstata li l-uffiċjal awtorizzanti b'delega jqis li l-livell ta' ġestjoni u ta' kontroll stabbilit huwa adegwat u qed jitjieb, u li meta tfassal ir-rapport annwali ta' attività għas-sena 2013, ma nstab l-ebda żball sinifikanti, u li għalhekk m'għandha ssir l-ebda riżerva rigward il-kontrolli ex ante;

9.   Itenni li t-Trattat ta' Lisbona saħħaħ il-kompetenzi tal-Kontrollur billi estenda l-protezzjoni tad-data għall-oqsma ta' politika kollha tal-Unjoni; jinnota li d-diskussjonijiet fil-Kunsill dwar il-qafas ġuridiku ġdid tal-protezzjoni tad-data (propost mill-Kummissjoni fil-25 ta' Jannar 2012) għadhom għaddejjin;

10. Jieħu nota li Titolu III ġdid ġie miżjud mal-baġit tal-Kontrollur bil-ħsieb li jitwaqqaf segretarjat indipendenti għal Bord Ewropew ġdid għall-Protezzjoni tad-Data; jirrikonoxxi li, sakemm jiġi adottat il-qafas ġuridiku, dan it-Titolu ma għandu l-ebda approprjazzjoni;

11.  Jieħu nota tal-fatt li dan l-aħħar ġiet approvata għodda ġdida, Kosting abbażi tal-Attivitajeit, intiża biex tqawwi l-effiċjenza fl-allokazzjoni tar-riżorsi, u li mistennija tkun implimentata fl-2015;

12. Jitlob li jiġi infurmat dwar l-impatt baġitarju tar-riorganizzazzjoni tas-segretarjat tal-Kontrollur;

13. Jirrimarka li s-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) ikkonkluda li sar titjib sostanzjali mill-aħħar valutazzjoni tar-riskju li saret fl-2011; iħeġġeġ lill-Kontrollur ikompli għaddej b'dan l-isforz sabiex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet miftuħa li għadhom pendenti;

14.  Jinnota l-installazzjoni ta' sistema ta' vidjokonferenza fis-sede l-ġdida tal-Kontrollur; jitlob li jġi infurmat dwar kemm-il darba s-sistema ntużat għal laqgħat fl-2013;

15. Jappoġġa bis-sħiħ il-ħolqien ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għall-valutazzjoni tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi; jistieden lill-Kontrollur ikompli jipprovdi t-tabella ta' valutazzjoni fir-rapport ta' attività annwali;

16. Jesiġi li l-politika dwar il-bini tal-Kontrollur tinhemeż mar-rapport annwali tal-attività tiegħu, speċjalment peress li huwa importanti li l-ispejjeż ta' tali politika jiġu razzjonalizzati kif jixraq u li ma jkunux eċċessivi;

17.  Itenni t-talba tas-sena l-oħra li l-Kontrollur ikollu tabella eżawrjenti tar-riżorsi umani kollha għad-dispożizzjoni tiegħu, imqassma skont il-kategorija, il-grad, is-sess u n-nazzjonalità; jirrimarka li din it-tabella għandha tkun inkluża awtomatikament fir-rapport annwai tal-attività tal-istituzzjoni.

18. Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' nisa f'karigi għolja; jitlob li jitħaddem pjan favur opportunitajiet indaqs, b’mod partikolari fir-rigward ta’ karigi maniġerjali, bl-għan li dan l-iżbilanċ jiġi kkoreġut mill-aktar fis possibbli;

19. Iqis li fi żmien ta’ kriżi u tnaqqis fil-baġit b’mod ġenerali, l-ispejjeż tal-'away days' tal-persunal fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jitnaqqsu u li dawn l-avvenimenti, fejn ikun possibbli, għandhom isiru fil-binjiet proprji tal-istituzzjonijiet, peress li l-valur miżjud li jirriżulta ma jiġġustifikax infiq daqstant għoli;

20.  Jinnota bi tħassib id-diverġenzi enormi bejn l-ispejjeż tat-traduzzjoni fl-istituzzjonjiet differenti tal-Unjoni; jitlob, għalhekk, li l-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali dwar it-Traduzzjoni jidentifika l-kawżi ta' dawk id-diverġenzi u jipproponi soluzzjonijiet li jtemmu n-nuqqas ta' ekwilibriju u jarmonizzaw l-ispejjeż tat-traduzzjoni, filwaqt li jiżguraw rispett sħiħ tal-kwalità u tad-diversità lingwistika; jirrimarka li, b'dan il-ħsieb, il-grupp ta’ ħidma għandu jerġa' jniedi l-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet sabiex jaqsmu bejniethom l-aħjar prattiki u eżiti, u jiddeterminaw f'liema oqsma jistgħu jissaħħu l-kooperazzjoni jew il-ftehimiet interistituzzjonali jinnota li l-grupp ta’ ħidma għandu wkoll ikollu l-għan li jistabbilixxi metodoloġija unifikata, għall-preżentazzjoni tal-ispejjeż tat-traduzzjoni li jkunu jistgħu jużawha l-istituzzjonijiet kollha, sabiex jiġu ssimplifikati l-analiżi u t-paragun tal-ispejjeż; jinnota li l-grupp ta' ħidma għandu jippreżenta dawk is-sejbiet qabel tmiem l-2015; jitlob li l-istituzzjonijiet kollha jieħdu rwol attiv fix-xogħol tal-Grupp ta’ Ħidma Interistituzzjonali; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-importanza fundamentali tar-rispett tal-multilingwiżmu fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex niżguraw li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jingħataw trattament u opportunitajiet ugwali;

21. Jaqbel bis-sħiħ mal-politika ta' trasparenza miġjuba 'l quddiem mill-Uffiċċju tal-Ombudsman, u jitlob li tiddaħħal proċedura għall-valutazzjoni bil-quddiem tal-impatt li jistgħu jkollhom ċerti pubblikazzjonijiet, bil-għan li jiġu ppubblikati flimkien ma' rapport ta' spjegazzjoni, ħalli jiġi evitat li jintużaw b'mod li ma jkunx imparzjali; jirrimarka li din il-proċedura għandha titnieda mill-Ombudsman f'kooperazzjoni mal-Kontrollur, mal-Kummissjoni u mal-istituzzjoni kkonċernata mill-pubblikazzjoni partikolari;

22  Huwa mħasseb dwar id-dewmien fl-adozzjoni tar-regoli dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta; jitlob lill-Kontrollur jimplimentahom bis-sħiħ, mingħajr aktar dewmien;

23. Jilqa' l-fatt li l-Kontrollur, huwa u jfassal l-istrateġija tiegħu għall-2013-2014, ħa nota tal-osservazzjonijiet li l-Parlament Ewropew għamel fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-kwittanza għall-2010 u l-2012, u li l-implimentazzjoni tal-istrateġija ħalliet riżultati pożittivi;

24. Iqis li, b'mod ġenerali, il-Kontrollur għandu joqgħod aktar attent għall-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba rigward il-prinċipju baġitarju tal-annwalità, jiġifieri li juża l-approprjazzjonijiet b'mod ekonomiku, effiċjenti u effikaċi huwa u jaqdi l-kompiti tiegħu.

6.2.2015

OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima IX - Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

(2014/2085(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Sylvie Guillaume

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jikkonstata b'sodisfazzjon li l-awditu ta' segwitu li sar f'Ġunju 2013 mis-servizz ta' awditjar intern tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ppermetta li tingħalaq l-parti l-kbira tal-azzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet issuġġeriti fil-qasam tal-proċeduri amministrattivi u li jasal għall-konklużjoni li ma kienx hemm rakkomandazzjonijiet partikolari xi jsiru fil-31 ta' Diċembru 2013;

2.  Jikkonstata l-fatt li l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni dwar is-sikurizzazzjoni tad-data inkluża fl-ilmenti kienet għadha mhix lesta meta sar l-awditu ta' segwitu f'Ġunju 2013 minħabba dewmien fl-istabbiliment tas-sistema ta' ġestjoni tal-każijiet (Case Management System - CMS) u li hu probabbli li din ir-rakkomandazzjoni tiġi implimentata kompletament matul is-sena 2014, minħabba li s-CMS ilu operattiv minn Ottubru 2013;

3.  Jikkonstata l-fatt li l-uffiċjal awtorizzanti b'delega jqis li l-livell ta' ġestjoni u ta' kontroll stabbilit huwa adegwat u qed jitjieb, u li meta tfassal ir-rapport annwali ta' attività għas-sena 2013, ma nstab l-ebda żball sinifikanti u li m'hemm bżonn issir l-ebda riżerva rigward il-kontrolli ex ante;

4.  Jifraħ bil-fatt li l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data segwa l-osservazzjonijiet tal-Parlament Ewropew inklużi fil-kwittanza tiegħu għall-2010 u l-2012 biex jistabbilixxi l-istrateġija tiegħu għall-perjodu 2013-2014 u biex l-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija tipproduċi riżultati pożittivi fl-attivitajiet tiegħu;

5.  Iqis li, bħala regola ġenerali, ikun xieraq li tingħata aktar attenzjoni għall-istabbiliment ta' ġestjoni finanzjarja tajba bi qbil mal-prinċipju baġitarju tal-annwalità, jiġifieri l-ekonomija u l-effikaċja li bihom il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jkun uża l-approprjazzjonijiet li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu biex iwettaq il-kompiti mogħtija lilu, kif ukoll il-prestazzjoni tiegħu f'dan l-użu.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.2.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

47

6

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Martina Anderson, Heinz K. Martina Anderson, Heinz K. Becker, Bodil Ceballos, Caterina Chinnici, Ignazio Corrao, Rachida Dati, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Cornelia Ernst, Laura Ferrara, Monika Flašíková Beňová, Lorenzo Fontana, Mariya Gabriel, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Filiz Hyusmenova, Sophia in ‘t Veld, Eva Joly, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Timothy Kirkhope, Barbara Kudrycka, Kashetu Kyenge, Marju Lauristin, Juan Fernando López Aguilar, Vicky Maeijer, Claude Moraes, József Nagy, Soraya Post, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Traian Ungureanu, Marie-Christine Vergiat, Harald Vilimsky, Cecilia Wikström, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Hugues Bayet, Andrea Bocskor, Pál Csáky, Daniel Dalton, Dennis de Jong, Petra Kammerevert, Ska Keller, Andrejs Mamikins, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Jaromír Štětina, Kazimierz Michał Ujazdowski, Axel Voss

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Eugen Freund, Elisabetta Gardini, Charles Tannock

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.3.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Ryszard Czarnecki, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Rina Ronja Kari, Bogusław Liberadzki, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Fulvio Martusciello, Dan Nica, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Igor Šoltes, Bart Staes, Michael Theurer, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Caterina Chinnici, Iris Hoffmann, Andrey Novakov

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Ferrara

(1)

ĠU L 66, 8.3.2013.

(2)

ĠU C 403, 13.11.2014, p. 1.

(3)

ĠU C 398, 12.11.2014, p. 1.

(4)

ĠU C 403, 13.11.2014, p. 128.

(5)

ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(6)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

Avviż legali