Proċedura : 2014/0017(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0120/2015

Testi mressqa :

A8-0120/2015

Dibattiti :

PV 28/10/2015 - 18
CRE 28/10/2015 - 18

Votazzjonijiet :

PV 29/10/2015 - 10.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0387

RAPPORT     ***I
PDF 990kWORD 285k
8.4.2015
PE 544.170v02-00 A8-0120/2015

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rapportar u t-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli

(COM(2014)0040 – C8-0023/2014 – (2014)0017(COD))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur: Renato Soru

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS
 PROĊEDURA

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rapportar u t-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli

(COM(2014)0040 – C8-0023/2014 – 2014(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0040),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0023(2014)),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta' Lulju 2014(1),

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-10 ta' Lulju 2014(2),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0000/2015),

1.      Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.      Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda  1

EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW(3)*

għall-proposta tal-Kummissjoni

---------------------------------------------------------

2014/0017 (COD)

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar ir-rapportar u t-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew(4),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(5),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni(6),

[…]

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja(7),

Billi:

(1)      Il-kriżi finanzjarja globali li faqqgħet fl-2007-2008 żvelat attivitajiet spekulattivi eċċessivi, nuqqasijiet regolatorji importanti, superviżjoni ineffettiva, swieq mhux trasparenti u prodotti kumplessi żżejjed fis-sistema finanzjarja. L-UE adottat firxa ta’ miżuri sabiex jagħmlu s-sistema bankarja aktar solida u aktar stabbli, inklużi t-tisħiħ tar-rekwiżiti tal-kapital, regoli dwar il-governanza mtejba u reġimi ta’ superviżjoni u riżoluzzjoni. Il-progress li sar dwar l-istabbiliment tal-unjoni bankarja huwa wkoll deċiżiv f’dan il-kuntest. Madankollu, il-kriżi enfasizzat ukoll il-ħtieġa li titjieb it-trasparenza u l-monitoraġġ mhux biss fis-settur bankarju tradizzjonali iżda wkoll f’oqsma fejn iseħħu l-attivitajiet ta’ kreditu mhux bankarji, imsejħa attivitajiet bankarji paralleli, li l-iskala tagħhom hija allarmanti, għax diġà tikkorrispondi għal nofs id-daqs tas-sistema bankarja regolata. Kwalunkwe nuqqas fir-rigward ta' dawk l-attivitajiet, li huma simili għal dawk imwettqa mill-banek, għandhom il-potenzjal li jikkontaminaw is-settur finanzjarju regolat. Ingranaġġ eċċessiv tas-sistema finanzjarja, b'mod partikolari meta dak l-eċċess jirriżulta f'żieda ta' attivitajiet bankarji paralleli, għandu jiġi ttrattat sabiex tiġi evitata kriżi finanzjarja kbira oħra.

(1a)    Huwa importanti li jitfakkar, f'dan il-kuntest, li l-funzjoni ewlenija tas-settur finanzjarju għandha tkun li jidderieġi l-kapital lejn il-finanzjament tal-ekonomija produttiva, u mhux l-ispekulazzjoni tal-assi.

(2)       Fil-kuntest tal-ħidma tagħhom biex jitnaqqsu l-attivitajiet bankarji paralleli, il-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (l-"FSB") u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (il-"BERS") identifikaw ir-riskji li għandhom it-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli ("SFTs"). L-SFTs, inklużi t-tranżazzjonijiet ta' riakkwist, l-għoti b'self ta' titoli jew ta' komoditajiet, it-teħid b'self ta' titoli jew ta' komoditajiet, it-tranżazzjonijiet ta' akkwist bil-patt ta' rivendita jew ta' vendita bil-patt ta' riakkwist, u t-tranżazzjonijiet ta' swaps kollaterali, jippermettu l-akkumulu tal-ingranaġġ, il-proċikliċità u l-interkonnettività fis-swieq finanzjarji. B’mod partikolari, nuqqas ta’ trasparenza fl-użu ta’ SFTs ma ħalliex lir-regolaturi u lis-superviżuri kif ukoll lill-investituri jwettqu evalwazzjoni u monitoraġġ rispettiv ta’ riskji simili għal dik bankarja u l-livell ta’ interkonnettività fis-sistema finanzjarja fil-perjodu ta’ qabel u ta' matul il-kriżi finanzjarja. F’dan l-isfond, fid-29 ta’ Awwissu 2013, l-FSB adotta qafas ta’ politika biex jiġu indirizzati r-riskji bankarji paralleli fis-self ta’ titoli u l-ftehim ta' riakkwist. Dan ġie approvat aktar tard f’Settembru 2013 mill-Mexxejja tal-G20.

(2a)     Sussegwentement, fl-14 ta' Ottubru 2014, l-FSB ippubblika qafas regolatorju għall-haircuts fuq kollateral iddepożitat f'SFTs ikklerjati mhux ċentralment. Fin-nuqqas ta' kklerjar, tali operazzjonijiet iġibu riskji kbar jekk ma jkunux kollateralizzati sew. Filwaqt li t-titjib tat-trasparenza rigward l-użu mill-ġdid tal-kollateral ikun l-ewwel pass lejn l-iffaċilitar tal-kapaċità tal-kontropartijiet li janalizzaw u jipprevjenu r-riskji, l-FSB qies li kien jinħtieġ ukoll li jiġu proposti riformi oħra fil-qasam tal-haircuts u r-rekwiżiti ta' marġini b'tali mod li l-parteċipanti fis-suq għandhom japplikaw haircuts fuq l-assi riċevuti bħala kollateral għal SFTs ikklerjati mhux ċentralment ma' entitajiet mhux bankarji. Dawk il-proposti huma maħsuba biex jipprevjenu ingranaġġ eċċessiv u jimmitigaw ir-riskju ta' konċentrazzjoni u ta' inadempjenza. L-FSB għandu jtemm xogħlu fuq dawk il-haircuts fuq kollateral sal-2016, bl-iżvilupp ta' sett finali ta' rakkomandazzjonijiet dwar il-haircuts għall-kollateral iddepożitat f'STFs ikklerjati mhux ċentralment bejn entitajiet mhux bankarji. L-AETS timmonitorja dawk l-iżviluppi u tħejji rapport għall-Kummissjoni li jippreżenta modi xierqa biex jiġi żviluppat qafas Ewropew konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet eżistenti tal-FSB dwar il-haircuts u l-SFTs ikklerjati mhux ċentralment. Dak ir-rapport għandu jikkunsidra wkoll l-impatt kwantitattiv tar-rakkomandazzjonijiet tal-FSB biex jiġi vvalutat il-mod l-aktar xieraq biex dawk ir-rakkomandazzjonijiet jiddaħħlu fl-Unjoni. Il-Kummissjoni mbagħad tindirizza l-kwistjoni f'rapport għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill, flimkien ma' proposti leġiżlattivi adegwati, jekk ikun xieraq.

(3)      F’Marzu 2012, il-Kummissjoni ppubblikat Green Paper dwar is-Sistema Bankarja Parallela. Fuq il-bażi tar-reazzjoni estensiva rċevuta u filwaqt li tikkunsidra żviluppi internazzjonali, il-Kummissjoni ppubblikat fl-4 ta’ Settembru 2013, Komunikazzjoni ▌ dwar is-Sistema Bankarja Parallela. Il-Komunikazzjoni saħqet li n-natura kumplessa u mhux trasparenti tal-SFTs tagħmilha diffiċli li jiġu identifikati kontropartijiet u li tiġi ssorveljata l-konċentrazzjoni ta’ riskju. Dan iwassal ukoll għall-iżvilupp ta’ ingranaġġ eċċessiv fis-sistema finanzjarja.

(4)      Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli ppresedut minn Erkki Liikanen adotta rapport dwar ir-riformi tal-istruttura tas-settur bankarju tal-UE f’Ottubru 2012. Huwa ddiskuta fost affarijiet oħra l-interazzjoni bejn sistemi u tradizzjonali u sistemi bankarji paralleli. Ir-rapport irrikonoxxa r-riskji ta’ attivitajiet bankarji paralleli bħal livell għoli ta’ ingranaġġ u l-proċikliċità, u sejjaħ għal tnaqqis tal-interkonnettività bejn il-banek u s-sistema bankarja parallela, li kienet sors ta' kontaġju fi kriżi bankarja tul is-sistema kollha. Ir-rapport issuġġerixxa wkoll ċerti miżuri strutturali biex jindirizzaw dgħufijiet li għad fadal fis-settur bankarju tal-UE.

(5)      Riformi strutturali għas-sistema bankarja tal-UE huma ttrattati fi proposta legali separata. Madankollu, l-impożizzjoni ta’ miżuri strutturali fuq il-banek tista' tirriżulta f’ċerti attivitajiet li jiġu mċaqalqa lejn oqsma inqas regolati bħas-settur bankarju parallel. Għal dawn ir-raġunijiet, il-proposta legali dwar ir-riforma strutturali tas-settur bankarju tal-UE għandha tkun akkumpanjata minn rekwiżiti ta’ trasparenza vinkolanti u rappurtar għall-SFTs stabbiliti f’dan ir-Regolament. Għalhekk, ir-regoli tat-trasparenza ta’ dan ir-Regolament jikkomplementaw ir-regoli ta’ riforma strutturali tal-UE.

(6)      Dan ir-Regolament jissodisfa l-bżonn li tiżdied it-trasparenza ta’ swieq ta’ finanzjament tat-titoli u b'hekk tas-sistema finanzjarja. Sabiex jiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u konverġenza internazzjonali, dan ir-Regolament isegwi r-Rakkomandazzjonijiet tal-FSB. Dan joħloq qafas tal-Unjoni li skontu l-informazzjoni dwar SFTs tista’ tkun irrappurtata b’mod effiċjenti lir-repożitorji tan-negozjar u l-investituri. Din il-ħtieġa għal konverġenza internazzjonali hija msaħħa mill-probabbiltà li wara r-riforma strutturali tal-attivitajiet tas-settur bankarju tal-Unjoni, li huma eżerċitati fil-preżent minn banek tradizzjonali tista' tiċċaqlaq għas-settur bankarju parallel u tinkludi entitajiet finanzjarji u mhux finanzjarji. Għalhekk, jista' jkun hemm anqas trasparenza mir-regolaturi u s-superviżuri fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet, li jżommuhom milli jiksbu stampa ġenerali tajba dwar ir-riskji marbuta ma’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli. Dan jista' biss jiggrava konnessjonijiet diġà stabbiliti tajjeb bejn is-settur bankarju regolat u s-settur bankarju parallel fi swieq partikolari.

(7)      Sabiex jirrispondu għall-kwistjonijiet imqajma mir-Rakkomandazzjonijiet tal-FSB u l-iżviluppi previsti wara r-riforma strutturali tas-settur bankarju tal-Unjoni, l-Istati Membri x'aktarx li jadottaw miżuri nazzjonali diverġenti li jistgħu joħolqu ostakli għall-funzjonament mingħajr intoppi tas-suq intern u li jkunu ta’ detriment għall-parteċipanti fis-suq u l-istabilità finanzjarja. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ regoli dwar it-trasparenza armonizzati jagħmilha diffiċli għall-awtoritajiet nazzjonali biex iqabblu d-dejta fuq il-livell mikro li ġejja minn Stati Membri differenti u għalhekk biex jifhmu r-riskji reali li l-parteċipanti individwali fis-suq joħolqu għas-sistema. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu evitati distorsjonijiet u ostakli bħal dawn milli jirriżultaw fl-Unjoni. Konsegwentement, il-bażi legali xierqa għal dan ir-Regolament għandha tkun l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), kif interpretat skont il-ġurisprudenza konsistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(8)      Ir-regoli l-ġodda dwar it-trasparenza għalhekk jipprevedu r-rappurtar ta’ dettalji rigward l-SFTs konklużi mill-parteċipanti kollha fis-suq, billi dawn huma entitajiet finanzjarji jew mhux finanzjarji, inkluża l-kompożizzjoni tal-kollateral sottostanti, jekk dan il-kollateral ikun disponibbli għal użu jew intuża, u l-imposti jkunu ġew applikati. Bl-għan li jitnaqqsu kemm jista' jkun l-ispejjeż operattivi addizzjonali għall-parteċipanti tas-suq, ir-regoli u l-istandards il-ġodda għandhom jibnu fuq l-infrastrutturi u l-proċessi preeżistenti li ddaħħlu fil-qasam tad-derivati OTC. Għal dik ir-raġuni, dan il-qafas legali huwa, sa fejn ikun possibbli, identiku għal dak tar-Regolament (UE) Nru 648/2012/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rapportar ta’ kuntratti derivattivi lil repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati għal dak l-iskop. Dan għandu jippermetti wkoll li repożitorji tat-tranżazzjonijiet awtorizzati skont dak ir-Regolament jissodisfaw il-funzjoni repożitorja assenjata mir-regoli l-ġodda, jekk jikkonformaw ma’ ċerti kriterji addizzjonali, inklużi repożitorji tat-tranżazzjonijiet ta' pajjiżi terzi.

(8a)     Il-banek ċentrali tas-SEBĊ huma eżenti mill-obbligu li jirrapportaw l-SFTs tagħhom lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet iżda jridu jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti, fosthom billi jipprovduhom direttament b'deskrizzjoni tal-SFTs tagħhom, fuq talba.

(8b)     Biex tkun żgurata l-implimentazzjoni effettiva tar-rapportar ta' tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli tinħtieġ implimentazzjoni tar-rekwiżiti f'fażijiet, skont it-tip ta' kontroparti. Din għandha tqis il-ħila effettiva tal-kontroparti li tikkonforma mal-obbligi ta' rapportar.

(9)      Bħala riżultat, l-informazzjoni dwar ir-riskji inerenti fi swieq ta’ finanzjament tat-titoli se tkun maħżuna ċentralment u ser tkun faċilment u direttament aċċessibbli, fost l-oħrajn, għall-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (AETS), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea) (ABE), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (EIOPA), l-awtoritajiet kompetenti rilevanti, il-BERS u l-banek ċentrali rilevanti tas-sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ), inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), għall-għan ta’ identifikazzjoni u monitoraġġ tar-riskji tal-istabbiltà finanzjarja preżentati minn attivitajiet bankarji paralleli ta’ entitajiet irregolati kif ukoll ta' dawk li mhumiex. L-AETS għandha tqis dawn l-istandards eżistenti stabbiliti bl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u li jirregolaw ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għal kuntratti derivati u l-iżvilupp tagħhom fil-ġejjieni meta tfassal jew tipproponi reviżjoni tal-istandards tekniċi regolatorji previsti f’dan ir-Regolament u għandu jkollha l-għan li tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti rilevanti, il-BERS u l-banek ċentrali rilevanti tas-SEBĊ, inkluż il-BĊE, ikollhom aċċess dirett u immedjat għall-informazzjoni kollha meħtieġa biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom.

(10)    Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali jew fiskali, l-awtoritajiet kompetenti, l-AETS, korpi jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi minbarra awtoritajiet kompetenti li jirċievu informazzjoni kunfidenzjali jistgħu jużawha biss fit-twettiq tal-obbligi tagħhom u fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom. Madankollu, dan m’għandux jipprevjeni l-eżerċizzju, f’konformità mad-dritt nazzjonali, tal-funzjonijiet tal-korpi nazzjonali responsabbli għall-prevenzjoni, l-istħarriġ jew il-korrezzjoni ta’ każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina.

(11)    SFTs jintużaw b'mod estensiv minn kontropartijiet finanzjarji u mhux finanzjarji, u jistgħu jkunu riskju għal tali partijiet. Maniġers ta' fondi jużaw SFTs għal maniġment effikaċi tal-portafoll. Dan l-użu jista’ jkollu impatt sinifikanti fuq il-prestazzjoni ta’ dawk il-fondi. Dawn jistgħu jintużaw jew biex jissodisfaw l-għanijiet ta’ investiment jew biex itejbu r-ritorni. SFTs jistgħu jinkludu tpartit tar-redditu totali, swaps tal-likwidità jew swaps kollaterali. Huma wkoll użati ħafna mill-maniġers tal-fondi biex jiksbu esponiment għal ċerti strateġiji jew biex itejbu d-dħul. L-SFTs iżidu l-profil tar-riskju ġenerali tal-fond billi l-użu tagħhom mhuwiex żvelat tajjeb għall-investituri. Huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-investituri f’dawn il-fondi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati u li jiġi evalwat il-profil tar-riskji u tal-gwadann globali ta’ fondi ta’ investiment.

(11a)   Barra minn hekk, l-SFTs jintużaw ukoll minn kontropartijiet finanzjarji oħra, bħal istituzzjonijiet tal-kreditu, u minn kontropartijiet mhux finanzjarji, u b'hekk jinħolqu riskji speċifiċi għad-detenturi ta' ishma jew għall-klijenti ta' dawk il-kontropartijiet. Għalhekk, l-istituzzjonijiet tal-kreditu għandhom jiżvelaw l-attivitajiet tagħhom f'SFTs. Bl-istess mod, il-kumpaniji elenkati fil-Borża huma meħtieġa jiżvelaw kwalunkwe attività f'SFTs lill-azzjonisti tagħhom, li għandhom ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati dwar il-profil tar-riskju tal-kumpaniji li jinvestu fihom. Konsegwentement, dawk l-istituzzjonijiet tal-kreditu u l-kumpaniji elenkati fil-Borża għandhom jinfurmaw ukoll lill-pubbliku dwar l-attivitajiet tagħhom f'SFTs bħala parti mir-rapporti pubbliċi regolari tagħhom.

(12)    L-investimenti magħmula fuq il-bażi ta’ informazzjoni mhux sħiħa jew mhux preċiża fir-rigward ta’ strateġija ta’ investiment tal-fond jistgħu jirriżultaw f’żieda sinifikanti fit-telf għall-investituri. Huwa għalhekk essenzjali li fondi ta’ investiment jiżvelaw l-informazzjoni affidabbli u dettaljata kollha marbuta mal-użu tagħhom ta’ SFTs. Barra minn hekk, it-trasparenza sħiħa hija rilevanti speċjalment f’dan il-qasam ta’ fondi tal-investiment minħabba li t-totalità tal-assi li huma soġġetti għal SFTs ma jkunux proprjetà tal-maniġers tal-fondi iżda tal-investituri tal-fondi. Żvelar sħiħ fir-rigward tal-SFTs huwa għalhekk għodda essenzjali sabiex jissalvagwardja kontra kunflitti possibbli ta’ interess.

(13)    Ir-regoli l-ġodda dwar it-trasparenza ta’ SFTs u strutturi oħra ta’ finanzjament huma marbuta mill-qrib mad-Direttivi 2009/65/KE(8) u 2011/61/UE(9) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill minħabba li jiffurmaw il-qafas legali li jirregola t-twaqqif, il-maniġment u l-ikkumerċjalizzar tal-impriżi ta’ investiment kollettiv.

(14)    L-impriżi ta’ investiment kollettiv jistgħu joperaw bħala impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) immaniġġati minn maniġers tal-UCITS jew kumpaniji ta’ investiment awtorizzati skont id-Direttiva 2009/65/KE jew bħala AIFs immaniġġati minn maniġers tal-fondi ta’ investiment alternattivi (AIFMs) awtorizzati jew irreġistrati skont id-Direttiva 2011/61/UE. Dawk ir-regoli l-ġodda dwar it-trasparenza jissupplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ dawk id-Direttivi. Għaldaqstant, dawn ir-regoli uniformi dwar it-trasparenza ta’ SFTs u ta' strutturi oħra ta’ finanzjament għandhom japplikaw b’żieda ma’ dawk stabbiliti fid-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE.

(15)    Biex l-investituri jsiru konxji tar-riskji assoċjati mal-użu ta’ SFTs u strutturi oħra ta’ finanzjament, il-maniġers tal-fond għandhom jinkludu informazzjoni dettaljata dwar kwalunkwe rikors li jkollhom dawn it-tekniki f’intervalli ta' rapportar regolari. Ir-rapporti perjodiċi eżistenti li l-maniġment tal-UCITS jew il-kumpaniji ta’ investiment u l-maniġers tal-AIFs iridu jipproduċu għandhom ikunu ssupplimentati b’din l-informazzjoni addizzjonali dwar l-użu ta’ SFTs u strutturi oħra ta’ finanzjament.

(15a)   Il-linji gwida għall-awtoritajiet kompetenti u l-kumpaniji maniġerjali tal-UCITS maħruġa mill-AETS fit-18 ta' Diċembru 2012 (ESMA/2012/832) japplikaw qafas fakultattiv għall-kumpaniji maniġerjali tal-UCITS fir-rigward tal-obbligi tar-rapportar. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv tal-kumpaniji maniġerjali tal-UCITS l-AIFs li diġà adottaw dawk il-linji gwida, tajjeb li dawn ma jintalbux jippreżentaw mill-ġdid kwalunkwe prospectus li diġà jikkonforma mal-linji gwida eżistenti.

(16)    Politika ta' investiment ta' fond fir-rigward ta' SFTs u strutturi oħra ta’ finanzjament għandha tiġi żvelata b'mod ċar fid-dokumenti prekuntrattwali, bħall-prospetti għall-fondi tal-UCITS u għall-iżvelar prekuntrattwali lill-investituri tal-AIFs. Dan għandu jiżgura li l-investituri jifhmu u japprezzaw ir-riskji inerenti qabel ma jiddeċiedu li jinvestu f’UCITS u AIF partikolari.

(17)    L-użu mill-ġdid huwa intenzjonat biex jipprovdi likwidità u jippermetti lill-kontropartijiet inaqqsu l-ispejjeż tal-finanzjament. Madankollu, dan joħloq ktajjen tal-kollateral kumplessi bejn l-attività bankarja tradizzjonali u dik parallela, li joħolqu r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja. In-nuqqas ta’ trasparenza fuq sa fejn l-istrumenti finanzjarji pprovduti bħala kollateral intużaw mill-ġdid u r-riskji rispettivi f’każ ta’ falliment jistgħu jdgħajfu l-kunfidenza f’kontropartijiet u jkabbru r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja.

(18)    Dan ir-Regolament għandu l-għan li jistabbilixxi regoli aktar stretti dwar informazzjoni għall-kontropartijiet dwar l-użu mill-ġdid. Għalhekk, ir-regoli dwar l-użu mill-ġdid stipulati f’dan ir-Regolament japplikaw, pereżempju, għal fondi u depożitarji biss sakemm ma jkunx hemm regoli aktar stretti dwar l-użu mill-ġdid stabbiliti fil-qafas għal fondi ta’ investiment li jikkostitwixxi lex specialis u li jieħdu l-preċedenza fuq ir-regoli li jinsabu f’dan ir-Regolament. B’mod partikolari, dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola li tirrestrinġi l-abbiltà ta’ kontropartijiet biex jipparteċipaw f'użu mill-ġdid ta’ strumenti finanzjarji li huma pprovduti bħala kollateral mill-kontropartijiet jew persuni differenti mill-kontropartijiet.

(18a)  Il-kundizzjonijiet li skonthom il-kontropartijiet għandhom dritt għall-użu mill-ġdid u jeżerċitaw dak id-dritt bl-ebda mod ma jnaqqsu l-protezzjoni mogħtija lill-arranġament kollaterali finanzjarju dwar trasferiment ta' titoli skont id-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(10).

(18b)  Id-definizzjoni tat-terminu "użu mill-ġdid" f'dan ir-Regolament hija allinjata mat-tifsira tat-terminu fir-Rakkomandazzjonijiet tal-FSB. Għall-fini ta' dan ir-Regolament, "użu mill-ġdid" jinkludi l-kunċett ta' użu mill-ġdid, mingħajr preġudizzju għall-użu tat-terminu "użu mill-ġdid" f'atti leġiżlattivi oħra tal-Unjoni, bħal fid-Direttiva 2014/91/UE(11).

(19)    Sabiex tiġi żgurata l-konformità mill-kontropartijiet, mal-obbligi li joħorġu minn dan ir-Regolament u biex ikun żgurat li dawn huma soġġetti għal trattament simili madwar l-Unjoni, għandhom jiġu żgurati sanzjonijiet u miżuri amministrattivi li huma effettivi, proporzjonali u disważivi. Għaldaqstant, is-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi stabbiliti minn dan ir-Regolament għandhom jissodisfaw ċerti rekwiżiti essenzjali fir-rigward tad-destinatarji, il-kriterji li għandhom ikunu kkunsidrati fl-applikazzjoni ta' sanzjoni jew miżura, il-pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet jew tal-miżuri, is-setgħat ta’ sanzjonar ewlenin u l-livelli ta’ sanzjonijiet pekunarji amministrattivi. Huwa xieraq li l-miżuri u s-sanzjonijiet stabbiliti skont id-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE japplikaw għall-ksur tal-obbligi ta' trasparenza tal-fondi ta’ investiment skont dan ir-Regolament.

(20)    L-istandards tekniċi fis-settur tas-servizzi finanzjarji għandhom jiżguraw armonizzazzjoni konsistenti u protezzjoni adegwata għad-depożitanti, l-investituri u l-konsumaturi fl-Unjoni kollha. Bħala entità b’kompetenza esperta speċjalizzata ħafna, ikun effiċjenti u xieraq li l-AETS tiġi afdata bl-elaborazzjoni ta' abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u implimentattivi, li ma jinvolvux għażliet ta’ politika. L-AETS għandha tiżgura proċessi amministrattivi u ta' rapportar effiċjenti meta tkun qed tabbozza l-istandards tekniċi. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi regolatorji permezz ta' atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(12) fl-oqsma li ġejjin: id-dettalji ta' tipi differenti ta' SFTs, id-dettalji tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet, u l-frekwenza u d-dettalji ta' pubblikazzjoni u ta' aċċess għad-dejta tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet.

(21)    Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi regolatorji żviluppati mill-AETS permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 rigward il-format u l-frekwenza tar-rapporti, il-format tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet, kif ukoll il-proċeduri u l-forom ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar sanzjonijiet mal-AETS.

(22)    Is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-lista ta’ entitajiet li għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sabiex tiġi evitata limitazzjoni tas-setgħa tagħhom li jwettqu l-kompiti ta’ interess komuni; dettalji speċifiċi dwar definizzjonijiet; it-tip ta’ tariffi, il-kwistjonijiet li għalihom huma dovuti t-tariffi, l-ammont tat-tariffi u l-mod kif jitħallsu mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, u tal-emenda tal-Anness sabiex tiġi aġġornata l-informazzjoni dwar SFTs kif ukoll strutturi ta’ finanzjament oħra u informazzjoni lill-investituri. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(23)    Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sabiex tieħu deċiżjonijiet dwar il-valutazzjoni tar-regoli ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ rikonoxximent ta’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi.

(23a)  Biex ikun żgurat qafas regolatorju effiċjenti għall-attivitajiet bankarji paralleli, il-progress fuq l-introduzzjoni u fl-implimentazzjoni ta' rekwiżiti koerenti fil-livell internazzjonali jibqa' vitali. Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapporti regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-pjan direzzjonali tal-G20 għat-tisħiħ tas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni tal-attivitajiet bankarji paralleli u tippreżenta wkoll rapport tal-qagħda attwali fir-rigward tal-miżuri meħuda mill-UE u mill-ġurisdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi ewlenin.

(24)    Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, huwa meħtieġ u xieraq sabiex tiġi żgurata t-trasparenza ta’ ċerti attivitajiet tas-suq bħal SFTs, l-użu mill-ġdid u, fejn xieraq, strutturi oħra ta’ finanzjament u biex jippermettu l-monitoraġġ u l-identifikazzjoni tar-riskji għall-istabbiltà finanzjarja korrispondenti. Dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi, segwiti f'konformità mal-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(25)    Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għal difiża u l-prinċipju ta' ne bis in idem, il-libertà li wieħed ikollu negozju, id-dritt ta’ proprjetà, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali. Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat skont dawn id-drittijiet u l-prinċipji.

(25a)  Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u ta opinjoni fl-11 ta' Lulju 2014(13),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu I

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar it-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli (SFTs) u l-użu mill-ġdid.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.              Dan ir-Regolament għandu japplika għal:

(a)    kontroparti għal SFT li hija stabbilita:

(1)    fl-Unjoni, inklużi l-fergħat tagħha kollha irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu;

(2)    f’pajjiż terz, jekk l-SFT ikun konkluż matul l-operazzjonijiet ta’ fergħa tal-UE;

(b)    il-kumpaniji maniġerjali ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (“UCITS”) u kumpaniji ta’ investiment tal-UCITS skont id-Direttiva 2009/65/KE;

(c)    il-maniġers tal-fondi ta’ investiment alternattivi (“AIFMs”) awtorizzat skont id-Direttiva 2011/61/UE;

(d)    kontroparti involuta f'użu mill-ġdid li hija stabbilita:

(1)    fl-Unjoni, inklużi l-fergħat tagħha kollha irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu;

(2)    f’pajjiż terz, f’wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(i.)    l-użu mill-ġdid li jsir waqt l-operazzjonijiet ta’ fergħa tal-UE;

(ii.)    l-użu mill-ġdid jikkonċerna l-istrumenti finanzjarji pprovduti bħala kollateral minn kontroparti stabbilita fl-Unjoni jew ta’ fergħa tal-UE ta’ kontroparti stabbilita f’pajjiż terz.

2.        L-Artikoli 4 u 15 ma għandhomx japplikaw:

(a)     għall-membri tas-SEBĊ u l-korpi oħra tal-Istati Membri li jwettqu funzjonijiet simili u korpi pubbliċi oħra tal-Unjoni li huma impenjati fi jew jintervjenu fl-amministrazzjoni tad-dejn pubbliku;

(b)    għall-Bank ta’ Saldi Internazzjonali.

2a.      L-Artikolu 4 m'għandux japplika għal tranżazzjonijiet li l-kontroparti tagħhom ikunu l-korpi elenkati fil-punti (a) u (b) ta' paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

3.        Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 27 biex temenda l-lista tad-derogi stabbilita fil-paragrafu 2 ta’dan l-Artikolu.

Il-Kummissjoni għandha tneħħi kontropartijiet mil-lista fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu biss fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu għal dik il-kontroparti u għandha tagħmel dan biss abbażi ta' evidenza konvinċenti li l-eżenzjoni ta' kontroparti elenkata fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu hija ta' ħsara għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti elenkati fl-Artikolu 12(2) billi ma jkunux jistgħu jiksbu rapportar sħiħ tat-tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli kollha.

Il-Kummissjoni għandha żżid kontropartijiet fil-lista fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikou biss fir-rigward ta' banek ċentrali ta' pajjiżi terzi u għandha tagħmel dan biss meta analiżi komparattiva tat-trattament tal-banek ċentrali fil-pajjiżi terzi relevanti tipprovdi evidenza konvinċenti li l-eżenzjoni ta' dawk il-banek ċentrali tal-pajjiżi terzi mill-Artikolu 4 jew 15 hija meħtieġa.

Għal dak l-għan, u qabel ma jiġu adottati tali atti delegati, il-Kummissjoni għandha tipproduċi rapport li jippreżenta l-evidenza msemmija f'dan il-paragrafu u janalizza l-effetti potenzjali ta' tali deċiżjoni.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.              “repożitorju tat-tranżazzjonijiet" tfisser persuna ġuridika li ċentralment tiġbor u żżomm ir-rekords tat-tranżazzjoni ta’ finanzjament tat-titoli;

2.        “kontropartijiet” tfisser 'CCPs', 'il-kontropartijiet finanzjarji' u “kontropartijiet mhux finanzjarji” kif definiti fil-punti (1), (8) u (9) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 kif ukoll 'CSDs' kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

3.              "stabbilit" tfisser:

(a)     jekk il-kontroparti hija persuna fiżika, li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha;

(b)    jekk il-kontroparti hija persuna ġuridika, li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha;

(c)    jekk il-kontroparti ma għandha, skont il-liġi nazzjonali tagħha, l-ebda uffiċċju reġistrat, li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha.

4.              “fergħa” tfisser post ta’ negozju minbarra l-uffiċċju prinċipali li huwa parti minn kontroparti u li ma għandha l-ebda personalità ġuridika;

5.              “għoti b’self ta’ titoli jew komoditajiet” u “teħid b’self ta’ titoli jew komoditajiet” ifissru kull tranżazzjoni fejn kontroparti tittrasferixxi titoli jew komoditajiet suġġett għall-impenn li min jissellef irodd lura titoli jew komoditajiet ekwivalenti f’xi data fil-futur jew meta jiġi mitlub jagħmel hekk minn dak li jittrasferixxi; li dik it-tranżazzjoni titqies li hija self ta’ titoli jew komoditajiet għall-kontroparti li tittrasferixxi t-titoli jew il-komoditajiet u li titqies li hija teħid b’self ta’ titoli jew komoditajiet għall-kontroparti fejn dawn ikunu ġew trasferiti;

5a.      "tranżazzjoni ta’ xiri-bejgħ lura" jew "tranżazzjoni ta' bejgħ-xiri lura" jfissru tranżazzjoni li fiha kontroparti tixtri jew tbigħ titoli jew komoditajiet jew drittijiet garantiti fiwaqt li taqbel, rispettivament, li tbigħ jew tixtri lura titoli, komoditajiet jew drittijiet garantiti tal-istess deskrizzjoni bi prezz speċifikat f'data fil-futur, b'dik it-tranżazzjoni tkun tranżazzjoni ta’ xiri-bejgħ lura għall-kontroparti li tixtri t-titoli jew komoditajiet jew drittijiet garantiti jew tranżazzjoni ta' bejgħ-xiri lura għall-kontroparti li tbigħhom, filwaqt li tali tranżazzjoni ta' bejgħ-xiri lura jew ta' xiri-bejgħ lura ma tkunx irregolata bi ftehim ta' riakkwist jew bi ftehim ta' retroriakkwist kif definit fil-punt (82) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

6.              “tranżazzjoni ta’ finanzjament tat-titoli (SFT)” tfisser:

–      “tranżazzjoni ta' riakkwist” kif definita fil-punt (83) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

–      “għoti b’self ta’ titoli jew prodotti” jew “teħid b’self ta’ titoli jew prodotti;”

-       tranżazzjoni ta’ xiri-bejgħ lura jew bejgħ-xiri lura jew swap kollaterali jew swap ta' likwidità;

-       tranżazzjoni ta' self b'marġni kif definit fil-punt 3 tal-Artikolu 272 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, tranżazzjonijiet ta' self b'marġni mhumiex limitati għal tranżazzjonijiet regolati permezz ta' ftehimiet bejn istituzzjonijiet kif definit fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-kontropartijiet tagħhom;

-       "tpartit tar-redditu totali" kif definit fil-punt 7 tal-Anness 1 tar-Regolament (UE) Nru 231/2013(14). Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, tpartit tar-redditu totali mhux limitat għal tranżazzjonijiet bejn kontropartijiet kif definit fid-Direttiva 2011/61/UE.

7.              “użu mill-ġdid” tfisser l-użu minn kontroparti riċevitur, f'isimha stess u għan-nom tagħha stess jew għan-nom ta' kontroparti oħra, inkluża kwalunkwe persuna fiżika, ta’ strumenti finanzjarji rċevuti bħala kollateral ▌;

7a.      “arranġament kollaterali finanzjarju dwar trasferiment ta' titolu” tfisser arranġament kollaterali finanzjarju dwar trasferiment ta' titolu kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/47/KE;

7b.      “arranġament kollaterali finanzjarju” tfisser arranġament kollaterali finanzjarju kif definit fil-punt (ċ) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/47/KE;

8.              “strumenti finanzjarji” tfisser strumenti finanzjarji kif imfissra fit-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE;

10.           “komodità” tfisser komodità kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1287/2006;

Kapitolu II

It-trasparenza ta' SFTs

Artikolu 4

L-obbligu ta’ rapportar u s-salvagwardja fir-rigward ta’ SFTs

1.              Kontropartijiet tal-SFTs għandhom jirrapportaw id-dettalji ta’ dawn it-tranżazzjonijiet lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet irreġistrat skont l-Artikolu 5 jew rikonoxxut skont l-Artikolu 19. Id-dettalji għandhom jiġu rrappurtati mhux iżjed tard mit-tielet jum tax-xogħol wara l-konklużjoni, il-modifika jew it-terminazzjoni tat-tranżazzjoni iżda malli r-rapportar ikun possibbli.

L-obbligu ta’ rapportar għandu japplika għal SFTs li:

jiġu konklużi wara d-data ta' applikazzjoni ta' dan il-paragrafu msemmija fl-Artikolu 28(2)(a).

Kontroparti li tkun soġġetta għall-obbligu ta’ rapportar tista’ tiddelega r-rapportar tad-dettalji tal-SFTs.

Meta kontroparti finanzjarja tikkonkludi SFT ma' kontroparti mhux finanzjarja li fid-dati tal-karti tal-bilanċ tagħha ma taqbiżx il-limiti ta' mill-inqas tnejn mit-tliet kriterji definiti fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2013/34/UE(15), l-obbligi ta' rapportar taż-żewġ kontropartijiet għandhom japplikaw biss għall-kontroparti finanzjarja.

2.              Il-kontropartijiet għandhom iżommu rekord ta’ kwalunkwe SFT li jkunu kkonkludew u kwalunkwe modifika mill-inqas għal ħames snin wara t-terminazzjoni tat-tranżazzjoni.

3.              Meta repożitorju tat-tranżazzjonijiet ma jkunx disponibbli biex jirreġistra d-dettalji ta’ SFTs, il-kontropartijiet għandhom jiżguraw li dawk id-dettalji jkunu rrapportati lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS).

F’dan il-każ l-AETS għandha tiżgura li l-entitajiet rilevanti kollha msemmija fl-Artikolu 12(2) ikollhom aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT li jkunu jeħtieġu biex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet u l-mandati rispettivi tagħhom.

4.              Fir-rigward ta' informazzjoni rċevuta skont dan l-Artikolu, repożitorji tat-tranżazzjonijiet u l-AETS għandhom jirrispettaw il-kundizzjonijiet rilevanti dwar il-kunfidenzjalità, l-integrità u l-protezzjoni tal-informazzjoni u għandhom jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti b'mod partikolari fl-Artikolu 80 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, u għandhom ikunu soġġetti għall-multi rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 65 ta' dak ir-Regolament. Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, referenzi fl-Artikolu 80 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-Artikolu 9 tiegħu u għal “kuntratti derivattivi” għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan l-Artikolu u “SFTs” rispettivament.

5.              Kontraparti li tirrapporta d-dettalji ta’ SFT lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet jew lill-AETS, jew entità li tirrapporta tali dettalji f’isem kontroparti ma għandhiex titqies li qed tikser xi restrizzjoni ta’ divulgazzjoni ta’ informazzjoni imposta minn dak il-kuntratt jew minn kwalunkwe dispożizzjoni leġiżlattiva, regolatorja jew amministrattiva.

6.              L-ebda responsabbiltà li tirriżulta minn dik id-divulgazzjoni ma għandha taqa’ fuq l-entità ta’ rapportar jew id-diretturi jew l-impjegati tagħha.

F’każijiet fejn id-dettalji ta’ SFT iridu jiġu rrapportati f’repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u dak ir-rapport effettivament jinkludi d-dettalji msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-obbligu ta’ rapportar stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi kkunsidrat li ġie ssodisfat.

7.              Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS, b’kooperazzjoni mill-qrib mas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) u filwaqt li tqis il-ħtiġijiet tagħha, għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji għat-tipi differenti ta’ SFTs li għall-inqas għandu jispeċifika dan li ġej, adattat skont it-tip ta' SFT u b'kunsiderazzjoni tal-possibilità ta' rapportar fil-livell tal-pożizzjoni fejn id-dettalji kollha previsti fil-punt (b) mhumiex meħtieġa:

(a)    il-partijiet għall-SFT u, meta jkunu differenti, il-benefiċjarju tad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minnu;

(b)    l-ammont prinċipali, il-munita, it-tip, il-kwalità u l-valur tal-kollateral, il-metodu użat għall-provvediment tal-kollateral, fejn huwa disponibbli għal użu mill-ġdid, jekk intuża mill-ġdid, kull sostitut tal-kollateral, ir-rata ta’ xiri mill-ġdid jew ħlas ta' self, il-kontroparti, il-haircut, id-data ta’ valur, id-data tal-maturità u l-ewwel data eżerċitabbli.

(ba)  id-data jew id-dati li minnhom l-obbligu tar-rapportar iseħħ, bl-użu ta' implimentazzjoni f'fażijiet skont it-tip ta' kontroparti u filwaqt li jitqies li l-Artikolu 4(1) għandu japplika għall-kontropartijiet finanzjarji kollha sitt xhur mid-data ta' adozzjoni ta' dawk l-istandards tekniċi regolatorji u għall-kontropartijiet mhux finanzjarji 12-il xahar wara d-data ta' adozzjoni ta' dawk l-istandards tekniċi regolatorji;

Dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji għandhom iqisu l-ispeċifiċitajiet tekniċi ta' pools ta' assi sabiex jiġi faċilitat ir-rapportar u għandhom jiżguraw konformità mal-istandards l-iktar reċenti miftiehma internazzjonalment.

L-AETS għandha tissottometti l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [12-il xahar wara l-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. Il-Kummissjoni għandha tadotta dawk l-istandards tekniċi regolatorji sa ... [ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data: [...] xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament].

8.        Sabiex tiżgura kundizzjonijiet uniformi ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 1, l-AETS għandha, b’kooperazzjoni mill-qrib mas-SEBĊ u filwaqt li tqis il-ħtiġijiet tagħha, tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-format u l-frekwenza tar-rapporti msemmija fil-paragrafi 1 u 3 għat-tipi differenti ta’ SFTs; il-format għandu jinkludi Identifikaturi tal-Entità Ġuridika Globali (LEIs) kif meħtieġ skont l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 648/2012, jew pre-LEIs sakemm is-Sistema ta’ Identifikatur tal-Entità Ġuridika Globali tkun implimentata bis-sħiħ, numri internazzjonali għall-identifikazzjoni tat-titoli (ISINs), u Identifikatur Uniku tat-Tranżazzjonijiet għal kull tranżazzjoni. Dak l-identifikatur uniku tat-tranżazzjonijiet għandu jkun l-ID Uniku tat-Tranżazzjonijiet miftiehem fil-livell Ewropew, li jiġi pprovdut mill-kontroparti realtriċi, jew għandu jiġi ġġenerat kodiċi uniku u jiġi miftiehem mal-kontroparti l-oħra.

l-AETS għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sa [12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament].

Il-Kummissjoni hi kkonferita bis-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi implimentattivi msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. Il-Kummissjoni għandha tadotta dawk l-istandrads tekniċi regolatorji sa ... [ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data: [...] xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament].

Kapitolu III

Ir-reġistrazzjoni u s-superviżjoni ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet

Artikolu 5

Reġistrazzjoni ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet

1.              Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jirreġistra mal-AETS għall-finijiet tal-Artikolu 4 skont il-kondizzjonijiet u l-proċedura stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Sabiex ikun eliġibbli li jiġi rreġistrat skont dan l-Artikolu, repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jkun persuna ġuridika stabbilita fl-Unjoni u għandu jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 78 u 79 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, ir-referenzi għall-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għall-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.

2.              Ir-reġistrazzjoni ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandha tkun effettiva għat-territorju kollu tal-Unjoni.

3.              Repożitorju tat-tranżazzjonijiet irreġistrat għandu jikkonforma f’kull waqt mal-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu, mingħajr dewmien bla bżonn, jinnotifika lill-AETS bi kwalunkwe bidliet materjali għall-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni.

4.              Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jissottometti applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew, fil-każ ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet diġà rreġistrat skont ir-Regolament Nru 648/2012, issir applikazzjoni għal estensjoni tas-servizzi, lill-AETS.

5.              L-AETS għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni tkunx kompluta fi żmien 20 jum tax-xogħol mill-irċevuta tal-applikazzjoni. L-istandards tekniċi jistgħu jispeċifikaw il-proċeduri li jridu jkunu applikati mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet sabiex jivverifikaw il-kompletezza u l-korrettezza tad-dettalji rapportati lilhom skont l-Artikolu 4(1), meta l-AETS tqis li tali proċeduri huma meħtieġa biex tkun żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament. Meta l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-AETS għandha tistabbilixxi limitu taż-żmien sa meta r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi informazzjoni addizzjonali. Wara li tevalwa applikazzjoni bħala kompluta, l-AETS għandha tinnotifika b’dan lir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet.

6.        L-AETS għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, filwaqt li titqies il-ħtieġa li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-proċeduri għal dawk ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet li japplikaw għal estensjoni tas-servizzi diġà pprovduti skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

L-AETS għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [12-il xahar wara l-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

7.              Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni uniformi tal-paragrafu 1, l-AETS għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi tal-implimentazzjoni li jispeċifikaw il-format tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni msemmija fil-paragrafu 4.

L-AETS għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sa [12-il xahar wara l-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament].

Il-Kummissjoni hi kkonferita bis-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi implimentattivi msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 6

Notifika ta’ u konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti qabel ir-reġistrazzjoni

1.        Jekk repożitorju tat-tranżazzjonijiet li qed japplika għar-reġistrazzjoni huwa entità li hija awtorizzata jew irreġistrata minn awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn hija tkun stabbilita, l-AETS għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinnotifika u tikkonsulta ma’ din l-awtorità kompetenti qabel ir-reġistrazzjoni tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet.

2.        L-AETS u l-awtorità kompetenti rilevanti għandhom jiskambjaw l-informazzjoni kollha li hija meħtieġa għar-reġistrazzjoni tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet kif ukoll għas-superviżjoni tal-konformità tal-entità mal-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni tagħha jew l-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru fejn hija stabbilita.

Artikolu 7

Eżami tal-applikazzjoni

1.        L-ESMA għandha, fi żmien erbgħin jum tax-xogħol min-notifika msemmija fl-Artikolu 5(5) teżamina l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bbażata fuq il-konformità tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ma' dan il-kapitolu u għandha tadotta deċiżjoni motivata b’mod sħiħ ta' reġistrazzjoni jew ta' rifjut tar-reġistrazzjoni. Dik id-deċiżjoni għandha tkun ippubblikata u għandha tkun tista' tiġi kkontestata quddiem il-qorti speċjalista korrispondenti, u jekk dan ma jkunx possibbli quddiem il-Qorti Ġenerali fi żmien massimu ta' 15-il jum kalendarju.

2.        Deċiżjoni maħruġa mill-AETS skont il-paragrafu 1 għandha tidħol fis-seħħ fil-ħames jum tax-xogħol wara l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 8

Notifika tad-Deċiżjonijiet tal-AETS dwar ir-reġistrazzjoni

1.        Meta l-AETS tadotta deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni, jew deċiżjoni li tirrifjuta jew tirtira reġistrazzjoni, hija għandha tinnotifika r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol bi spjegazzjoni raġunata b’mod sħiħ tad-deċiżjoni tagħha.

L-AETS għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinnotifika lill-awtorità kompetenti rilevanti msemmija fl-Artikolu 6(1) bid-deċiżjoni tagħha.

2.        L-AETS għandha tikkomunika kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skont il-paragrafu 1 lill-Kummissjoni.

3.        L-AETS għandha tippubblika fuq il-websajt tagħha lista ta' repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati skont dan ir-Regolament. Dik il-lista għandha tiġi aġġornata fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont il-paragrafu 1.

Artikolu 9

Setgħat tal-AETS

1.        Is-setgħat konferiti fuq l-AETS skont l-Artikoli 61 sa 68, 73 u 74 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandhom jiġu eżerċitati wkoll fir-rigward ta’ dan ir-Regolament.

Referenzi għall-Artikolu 81(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandhom jinqraw bħala referenzi għall-Artikolu 12(1) u 12(2) ta’ dan ir-Regolament rispettivament.

2.        Is-setgħat konferiti fuq l-AETS jew xi uffiċjal jew persuna oħra awtorizzata mill-AETS mill-Artikoli 61 sa 63 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 ma għandhomx jintużaw biex jesiġu l-iżvelar ta' informazzjoni jew dokumenti li huma soġġetti għall-privileġġ legali.

Artikolu 10

Irtirar tar-reġistrazzjoni

1.              Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-AETS għandha tirtira r-reġistrazzjoni ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet, fejn ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet:

(a)       ikun b’mod espliċitu rrinunzja r-reġistrazzjoni jew ma jkun ipprovda l-ebda servizz tal-kreditu għas-sitt xhur ta’ qabel;

(b)      ikun kiseb ir-reġistrazzjoni billi għamel dikjarazzjonijiet foloz jew permezz ta’ kwalunkwe mezz irregolari ieħor;

(c)       ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet li taħthom kien ġie rreġistrat.

2.              L-AETS għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinnotifika lill-awtorità kompetenti rilevanti msemmija fl-Artikolu 6(1) bid-deċiżjoni li tirtira r-reġistrazzjoni ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet. Dik id-deċiżjoni għandha, fi żmien 30 jum kalendarju, tkun soġġetta għal rieżami quddiem il-qorti speċjalista relevanti, u, jekk ikun xieraq, quddiem il-Qorti Ġenerali. It-tressiq ta' tali appell ma għandux ikollu l-effett li jissospendi l-irtirar.

3.              L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li fih ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet iwettaq is-servizzi u l-attivitajiet tiegħu u li tqis li waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 tkun ġiet sodisfatta, tista’ titlob lill-AETS teżamina jekk il-kundizzjonijiet għall-irtirar tar-reġistrazzjoni tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikkonċernat humiex issodisfati.

4.              L-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 3 għandha tkun l-awtorità nnominata skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Artikolu 11

Tariffi għas-superviżjoni

1.              L-AETS għandha timponi tariffi għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet skont dan ir-Regolament u f’konformità mal-atti delegati adottati skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Dawk it-tariffi għandhom ikunu proporzjonali mal-fatturat tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikkonċernat u jkopru għal kollox l-infiq tal-AETS meħtieġ għar-reġistrazzjoni u s-superviżjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kif ukoll ir-rimborż ta’ kwalunkwe spejjeż li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jġarrbu fit-twettiq ta' xogħolhom skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari bħala riżultat ta’ kwalunkwe delega ta’ kompiti skont l-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-Regolament flimkien mal-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, ir-referenzi għall-Artikolu 72(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

1a.      Meta repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun irreġistrat skont dan ir-Regolament u anke skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012, it-tariffi ċċarġjati mill-AETS lir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet b'konformità ma' dan ir-Regolament għandhom ikopru biss l-ispejjeż addizzjonali meħtieġa tal-AETS.

2.           Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 27 biex tispeċifika aktar it-tip ta’ tariffa, il-materji li it-tariffi jkunu dovuti għalihom, l-ammont tat-tariffi u l-metodu li bih għandhom jitħallsu.

Artikolu 12

It-trasparenza u d-disponibilità tad-dejta

1.              Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu, f’intervalli regolari u b’mod faċilment aċċessibbli, jippubblika pożizzjonijiet aggregati skont it-tip ta' SFTs rapportati lilu.

2.              Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jiġbor u jżomm id-dettalji ta’ SFTs u għandu jiżgura li l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, inkluż il-BĊE fil-kuntest tat-twettiq tar-responsabbiltajiet u l-mandat tiegħu taħt il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, l-ABE u l-EIOPA jkollhom aċċess dirett u immedjat għal dawn id-dettalji biex jippermettulhom li jwettqu r-responsabbiltajiet u l-mandati rispettivi tagħhom.

3.              Sabiex tiżgura applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha, b’kooperazzjoni mill-qrib tas-SEBĊ u filwaqt li tqis il-bżonnijiet tal-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 2, tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

(a)    il-frekwenza u d-dettalji dwar il-pożizzjonijiet aggregati msemmija fil-paragrafu 1 u d-dettalji tal-SFTs imsemmija fil-paragrafu 2;

(b)    l-istandards operattivi meħtieġa għall-aggregazzjoni u t-tqabbil tad-dejta minn repożitorju għall-ieħor b'mod sistematiku;

(c)    id-dettalji tal-informazzjoni li l-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 ikollhom aċċess għalihom, skont ir-responsabbiltajiet u l-mandati rispettivi tagħhom;

(ca)  l-arranġamenti skont liema r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom jagħtu aċċess dirett u immedjat lill-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 2.

Dawk l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji għandu jkollhom l-għan li jiggarantixxu li l-informazzjoni ppubblikata skont il-paragrafu 1 ma tkun kapaċi tidentifika l-ebda parti tal-ebda SFT.

L-AETS għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [12-il xahar wara l-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

3a.      It-trasferimenti kollha ta' dejta bejn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, kemm jekk ikunu stabbiliti fl-Unjoni kif ukoll jekk ikunu stabbiliti f'pajjiż terz, u l-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom isiru b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Kapitolu IV

It-trasparenza lejn investituri

Artikolu 13

It-trasparenza tal-fond tal-investiment f'rapporti perjodiċi

1.        Kumpaniji maniġerjali UCITS, kumpaniji ta’ investiment UCITS u l-AIFMs għandhom jgħarrfu lill-investituri tagħhom dwar l-użu li jagħmlu minn SFTs ▌:

(a)    Kumpaniji maniġerjali jew kumpaniji ta’ investiment UCITS għandhom jinkludu din l-informazzjoni bħala parti mir-rapporti ta' kull sitt xhur u annwali tagħhom imsemmija fl-Artikolu 68 tad-Direttiva 2009/65/KE;

(b)    L-AIFMs għandhom jinkludu din l-informazzjoni fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2011/61/UE.

1a.      L-impriżi ammessi għan-negozjar f'suq regolat jew f'faċilità multilaterali tan-negozjar għandhom jinkludu fir-rapporti finanzjarji annwali tagħhom imsemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/109/UE(16) deskrizzjoni tal-użu tagħhom ta' SFTs u tal-użu mill-ġdid tagħhom ta' kollateral.

L-istituzzjonijiet tal-kreditu stabbiliti fi Stat Membru u awtorizzati b'konformità mad-Direttiva 2013/36/UE(17) għandhom jinkludu fir-rapporti finanzjarji annwali tagħhom deskrizzjoni tal-użu tagħhom ta' SFTs u tal-użu mill-ġdid tagħhom ta' kollateral.

2.        L-informazzjoni dwar SFT ▌għandha tqis ir-rekwiżiti eżistenti skont id-Direttiva 2009/65/KE u d-Direttiva 2011/61/KE u tinkludi, fejn xieraq, l-informazzjoni prevista fit-Taqsima A tal-Anness.

3.        L-AETS għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tat-Taqsima A tal-Anness kif ukoll iċ-ċirkustanzi li fihom dawn huma applikabbli, filwaqt li jitqies il-piż amministrattiv.

L-AETS għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa … * [ĠU jekk jogħġbok daħħal id-data: 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards regolatorji msemmija fit-tieni subparagrafu, b'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 14

It-trasparenza tal-fond tal-investiment f'dokumenti ta’ qabel l-investiment

1.              Il-prospett tal-UCITS imsemmi fl-Artikolu 69 tad-Direttiva 2009/65/KE, u l-iżvelar minn AIFMs lil investituri msemmija fl-Artikolu 24(1) u (3) tad-Direttiva 2011/61/UE għandu jispeċifika SFT u strutturi oħra ta’ finanzjament li l-kumpaniji maniġerjali UCITS jew kumpaniji ta’ investiment u l-AIFMs rispettivament, huma awtorizzati li jużaw u jinkludu dikjarazzjoni ċara li dawn it-tekniki huma użati.

2.              Il-prospett u l-iżvelar lill-investituri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom iqisu r-rekwiżiti eżistenti skont id-Direttiva 2009/65/KE u Direttiva 2011/61/KE u jinkludu l-informazzjoni prevista fit-Taqsima B tal-Anness.

3.              Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 27 li jemenda t-Taqsima B tal-Anness sabiex jirriflettu l-evoluzzjoni ta’ prattiki tas-suq u żviluppi teknoloġiċi, filwaqt li jitqies il-piż amministrattiv.

Kapitolu V

It-trasparenza tal-użu mill-ġdid

Artikolu 15

L-użu mill-ġdid ta' strumenti finanzjarji riċevuti bħala kollateral

1.              Il-kontropartijiet jistgħu jużaw mill-ġdid l-istrumenti finanzjarji riċevuti bħala kollateral fejn mill-inqas jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)       il-kontroparti li tforni ġiet debitament infurmata bil-miktub mill-kontroparti li tirċievi bir-riskji u l-konsegwenzi li jistgħu jkunu involuti:

(i)       fl-għoti ta' kunsens lil dritt ta' użu ta' kollateral provdut skont arranġament dwar il-kollateral tal-garanzija b'konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/47/KE; jew

(ii)      fl-iffirmar ta' arranġament kollaterali ta' trasferiment ta' titoli.

Fiċ-ċirkostanzi stabbiliti f'dan il-punt, il-kontroparti li tipprovdi għandha tal-anqas tkun infurmata dwar ir-riskji u l-konsegwenzi li jistgħu jinqalgħu f'każ ta' inadempjenza tal-kontroparti riċeventi.

(b)         il-kontroparti li tipprovdi tat il-kunsens espress tagħha minn qabel bħala evidenza bl-iffirmar tal-kontroparti li tipprovdi għal arranġament kollaterali bil-miktub jew b'mod legalment ekwivalenti sakemm kontroparti ma tkunx qablet espressament li tipprovdi kollateral permezz ta' arranġament kollaterali ta' trasferiment ta' titoli.

2.              Il-kontropartijiet jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal użu mill-ġdid meta mill-inqas jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)    l-użu mill-ġdid jitwettaq skont it-termini speċifikati fil-ftehim bil-miktub imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1;

(b)    l-istrumenti finanzjarji rċevuti bħala kollateral huma trasferiti mill-kont tal-kontroparti li tipprovdi għal kont separat miftuħ f’isem, jew miżmum, mill-kontroparti li tirċievi.

3.              Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għal leġiżlazzjoni settorjali aktar stretta, b’mod partikolari tad-Direttivi 2011/61/UE u 2009/65/KE.

Kapitolu VI

Is-sorveljanza u l-awtoritajiet kompetenti

Artikolu 16

Il-ħatra u s-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti

1.              Għall-għan ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu:

(a)    għal kontropartijiet finanzjarji, l-awtoritajiet kompetenti maħtura f'konformità mal-leġiżlazzjoni msemmija fil-punt (8) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(b) għal kontropartijiet mhux finanzjarji, l-awtoritajiet kompetenti maħtura f'konformità mal-Artikolu 10(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(c)    għal CCPs, l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(d)    għad-depożitorji ċentrali tat-titoli, l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014(18);

(e) għal UCITS u kumpaniji maniġerjali UCITS, l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 97 tad-Direttiva 2009/65/KE;

(ea)  għal AIFs u kumpaniji maniġerjali ta' AIFs, l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 44 tad-Direttiva 2011/61/UE.

2.              L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżerċitaw is-setgħat mogħtija lilhom mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u jissorveljaw il-konformità mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament.

3.              L-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jissorveljaw l-UCITS jew l-AIFs stabbiliti jew ikkummerċjalizzati fit-territorji tagħhom biex jivverifikaw li ma jużawx SFTs u strutturi oħra ta’ finanzjament sakemm ma jikkonformawx mal-Artikoli 13 u 14.

Artikolu 17

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti

1.           L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 16 u l-AETS għandhom jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin u jiskambjaw informazzjoni bl-iskop li jwettqu d-dmirijiet tagħhom skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari sabiex jidentifikaw u jirrimedjaw għall-ksur ta’ dan ir-Regolament.

2.        L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 16 u l-AETS għandhom jikkooperaw mill-qrib mal-membri rilevanti tas-SEBĊ fejn rilevanti għall-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 4.

2a.      Il-Membri tas-SEBĊ għandhom jikkooperaw mill-qrib u jiskambjaw informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti relevanti msemmija fl-Artikolu 12(2).

Il-Membri tas-SEBĊ għandhom jipprovdu fuq bażi kunfidenzjali d-dettalji tat-titoli li jiffinanzjaw tranżazzjonijiet li huma kontroparti għalihom lill-awtoritajiet kompetenti fuq talba ġustifikata ta' dawk l-awtoritajiet, bl-uniku raġuni tkun li dawk l-awtoritajiet jissodisfaw ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom b'konformità mal-Artikolu 16.

Għal dak il-għan, il-Membri tas-SEBĊ għandhom iżommu rekord ta’ kwalunkwe SFT li jkunu kkonkludew, immodifikaw jew itterminaw għal mill-inqas ħames snin wara t-terminazzjoni tat-tranżazzjoni.

Il-Membri tas-SEBĊ u l-awtoritajiet kompetenti relevanti għandhom jieħdu kull miżura amministrattiva u organizzattiva meħtieġa biex jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni previst f'dan il-paragrafu.

2b.      L-ESMA għandha tippubblika rapport annwali dwar il-volumi ta' SFTs aggregati skont it-tip ta' kontroparti u ta' tranżazzjoni abbażi ta' data rappurtata b'konformità mal-Artikolu 4.

Artikolu 18

Segretezza professjonali

1.              L-obbligu tas-segretezza professjonali għandu japplika għall-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 12(2) u l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 16 għall-AETS, l-ABE u l-EIOPA jew għall-awdituri u l-esperti mogħtija l-istruzzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti jew l-AETS, l-ABE u l-EIOPA. L-ebda informazzjoni kunfidenzjali li dawn il-persuni jirċievu fil-qadi tad-doveri tagħhom ma għandha tiġi żvelata lil ebda persuna jew awtorità, ħlief f’forma sommarja jew aggregata b’mod li kontroparti ċentrali ndividwali, repożitorju tat-tranżazzjonijiet jew kwalunkwe persuna oħra ma tkunx tista’ tiġi identifikata, mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti mid-dritt kriminali jew fiskali jew għal dan ir-Regolament.

2.              Mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti mid-dritt kriminali jew fiskali, l-awtoritajiet kompetenti, l-AETS, korpi jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi minbarra awtoritajiet kompetenti li jirċievu informazzjoni kunfidenzjali skont dan ir-Regolament jistgħu jużawha biss fit-twettiq tal-obbligi tagħhom u għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom, fil-każ tal-awtoritajiet kompetenti, fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament jew, fil-każ ta’ awtoritajiet oħra, korpi jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi, għall-iskop li għalih din l-informazzjoni tkun ġiet ipprovduta lilhom jew fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji speċifikament relatati mat-twettiq ta’ dawn il-funzjonijiet, jew it-tnejn. Meta l-AETS, l-ABE u l-EIOPA l-awtorità kompetenti jew xi awtorità, korp jew persuna oħra li tikkomunika l-informazzjoni tagħti l-kunsens tagħha għal dan, l-awtorità li tirċievi l-informazzjoni tista’ tużaha għal skopijiet mhux kummerċjali.

3.              Kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali rċevuta, skambjata jew trażmessa skont dan ir-Regolament għandha tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet ta’ segretezza professjonali stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2. Madankollu, dawk il-kundizzjonijiet ma għandhomx jipprevjenu lill-AETS, l-ABE u l-EIOPA, l-awtoritajiet kompetenti jew il-banek ċentrali rilevanti milli jiskambjaw jew jittrażmettu informazzjoni kunfidenzjali f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mal-leġiżlazzjoni l-oħra applikabbli għad-ditti tal-investment, l-istituzzjonijiet tal-kreditu, il-fondi tal-pensjonijiet, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni, l-impriżi tal-assigurazzjoni, is-swieq regolati jew l-operaturi tas-suq jew inkella bil-kunsens tal-awtorità kompetenti jew l-awtorità jew il-korp jew il-persuna fiżika jew ġuridika oħrajn li jkunu kkomunikaw din l-informazzjoni.

4.              Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx jimpedixxu l-awtoritajiet kompetenti milli jiskambjaw jew jittrasmettu informazzjoni kunfidenzali, skond il-liġi nazzjonali, li ma ġietx irċevuta minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor.

Kapitolu VII

Relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi

Artikolu 19

Ekwivalenza tal-arranġamenti superviżorji u rikonoxximent tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet

1.              Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddeterminaw li arranġamenti legali u superviżorji ta’ pajjiż terz jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 75 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 27a(2) ta’ dan ir-Regolament.

Meta l-Kummissjoni tadotta att ta' implimentazzjoni dwar l-ekwivalenza għal pajjiż terz, il-kontropartijiet li jidħlu fi tranżazzjoni ta' finanzjament tat-titoli u li jkunu stabbiliti f'dak il-pajjiż terz għandhom jitqiesu li kkonformaw mal-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament jekk, fir-rigward tat-tranżazzjoni kkonċernata, jikkonformaw mal-obbligi ta' rapportar simili rilevanti ta' dak il-pajjiż terz.

2.              Repożitorju tat-tranżazzjonijiet stabbilit f’pajjiż terz jista’ jipprovdi s-servizzi u l-attivitajiet tiegħu lil entitajiet stabbiliti fl-Unjoni għall-finijiet tal-Artikolu 4 biss wara r-rikonoxximent tiegħu mill-AETS f’konformità mal-ħtiġijiet stabbiliti f'paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

3.              Ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu lill-AETS għar-rikonoxximent, flimkien mal-informazzjoni kollha meħtieġa, inkluż mill-inqas l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi vverifikat li r-repożitorju tal-kummerċ huwa awtorizzat u huwa soġġett għal superviżjoni effettiva f’pajjiż terz li jissodisfa l-kriterji kollha li jmiss:

(a)      ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni, permezz ta’ att implimentattiv skont il-paragrafu 1, bħala li għandu qafas regolatorju u superviżorju li huwa ekwivalenti u infurzabbli;

(b)    daħal fi ftehim internazzjonali mal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 75(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(c)    daħal fi ftehimiet ta’ kooperazzjoni skont l-Artikolu 75(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet tal-Unjoni, inkluża l-AETS, ikollhom aċċess immedjat u kontinwu għall-informazzjoni kollha meħtieġa.

Referenzi għal “kuntratti derivattivi” fl-Artikolu 75(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal ‘SFTs’ għall-fini ta’ dan ir-Regolament.

Il-ftehimiet internazzjonali li ġew konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi skont l-Artikolu 75(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandhom jiġu emendati sabiex il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom jestendi għall-SFTs.

Fir-rigward tan-negozjati li għaddejjin dwar ftehimiet internazzjonali bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi skont l-Artikolu 75(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, il-Kummissjoni għandha titlob direttivi ta' negozjar ġodda mill-Kunsill sabiex testendi d-direttivi ta' negozjar tagħha mogħtija mill-Kunsill fir-rigward tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

4.              Fi żmien 30 jum ta' xogħol minn meta tasal l-applikazzjoni, l-AETS għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni hijiex kompluta. Jekk l-applikazzjoni ma tkunx kompleta, l-AETS għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien sa meta r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet applikanti għandu jipprovdi informazzjoni addizzjonali.

5.              Fi żmien 180 jum tax-xogħol mis-sottomissjoni ta’ applikazzjoni kompleta, l-AETS għandha tinforma lir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet applikanti bil-kitba bi spjegazzjoni kompletament irraġunata dwar jekk ir-rikonoxximent ikunx ingħata jew ikunx ġie rrifjutat.

6.              L-AETS għandha tippubblika, fuq is-sit tagħha, lista tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet rikonoxxuti skont dan l-Artikolu.

7.              B’deroga mill-punti (b) u (c) tal-paragrafu 3, fejn aċċess dirett, kontinwu u immedjat mill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 12(2) għad-dejta li għandhom bżonn biex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom u l-mandat disponibbli f’repożitorji tat-tranżazzjonijiet reġistrati jew stabbiliti f’pajjiżi terzi huwa żgurat minn ftehim internazzjonali jew dispożizzjoni ġuridika tal-pajjiż terz bħala obbligu nonreversibbli, vinkolanti u infurzabbli kontra dawk ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-AETS, tista’ tikkonkludi arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiż terz dwar aċċess reċiproku għal, u skambju ta’ tagħrif dwar, SFT miżmuma f’repożitorji tat-tranżazzjonijiet li huma stabbiliti f’dak il-pajjiż terz, sakemm is-segretezza professjonali, inkluż il-protezzjoni ta’ sigrieti tan-negozju u kummerċjali li jkunu kondiviżi mill-awtoritajiet ma’ partijiet terzi, huwa garantit. Dawk l-arranġamenti jistgħu jieħdu l-forma ġuridika ta' Memorandum ta' Qbil.

8.              L-AETS tista’ tistabbilixxi arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiżi terzi skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 76 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 bl-iskop li tistabbilixxi arranġament ta’ kooperazzjoni biex jaċċessaw informazzjoni dwar SFTs miżmuma f’repożitorji tat-tranżazzjonijiet fl-Unjoni. Referenzi għal “kuntratti derivattivi” fl-Artikolu 76 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal ‘SFTs’ għall-fini ta’ dan ir-Regolament.

Kapitolu VIII

Sanzjonijiet u miżuri amministrattivi

Artikolu 20

Sanzjonijiet u miżuri amministrattivi

1.              Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25 u d-dritt tal-Istati Membri li jipprovdu għal u jimponu sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jipprovdu biex l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jimponu sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra fir-rigward ta’ mill-inqas il-ksur li ġej:

(a)     ksur tal-Artikolu 4;

(b)    ksur tal-Artikolu 15;

(ba)  ksur tal-Artikolu 18.

Fejn id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu japplikaw għal persuni ġuridiċi, fil-każ ta’ ksur l-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-awtoritajiet kompetenti jkunu kapaċi japplikaw sanzjonijiet, bla ħsara għall-kondizzjonijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali, lill-membri tal-korp maniġerjali, u lil individwi oħrajn li skont id-dritt nazzjonali jkun responsabbli għall-ksur.

2.              Is-sanzjonijiet amministrattivi u miżuri meħuda għall-fini tal-paragrafu 1 għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, u t-telf evitat jew il-profit akkwistat bħala konsegwenza tal-ksur għandu jiġi kkunsidrat meta tiġi kkalkulata s-sanzjoni.

3.              Fejn l-Istati Membri għażlu li jistabbilixxu sanzjonijiet kriminali għal ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, ta' dan l-Artikolu, huma għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ miżuri xierqa sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkollhom il-poteri neċessarji kollha biex jikkollaboraw mal-awtoritajiet tal-pulizija u l-ġustizzja kriminali fi ħdan il-ġuriżdizzjoni tagħhom biex jirċievu informazzjoni speċifika relatata ma’ investigazzjonijiet kriminali jew proċedimenti mibdija għal ksur possibbli tal-Artikoli 4, 15 u 18, u li jipprovdu l-istess għall-awtoritajiet kompetenti oħra u l-AETS biex jaqdu l-obbligu tagħhom li jikkooperaw ma’ xulxin u, fejn rilevanti mal-AETS għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu wkoll jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra u ta' pajjiżi terzi fir-rigward tal-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom ta’ sanzjonar.

4.              l-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti biex japplikaw mill-inqas is-sanzjonijiet amministrattivi li ġejjin u miżuri oħra f’każ ta’ ksur imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu:

(a)    ordni li teħtieġ lill-persuna responsabbli mill-ksur sabiex twaqqaf il-kondotta u sabiex ma tirrepetix dik il-kondotta;

(b)    l-eliminazzjoni tal-profitti miksuba jew tat-telf evitat minħabba l-ksur, b'konformità mal-istima magħmula mill-awtorità kompetenti;

(c)    twissija pubblika li tindika l-persuna responsabbli u n-natura tal-ksur;

(d)    ▌is-sospensjoni tal-awtorizzazzjoni;

(e)    projbizzjoni temporanja jew, għal ksur serju u repetut, projbizzjoni permanenti kontra kwalunkwe persuna li twettaq responsabbiltajiet maniġerjali jew kwalunkwe persuna naturali li hija meqjusa responsabbli, milli teżerċita funzjonijiet ta’ maniġment;

(f)     projbizzjoni temporanja jew, għal ksur serju jew ripetut, projbizzjoni permanenti kontra kwalunkwe persuna li twettaq responsabbiltajiet maniġerjali jew kwalunkwe persuna naturali li hija meqjusa responsabbli, milli tinnegozja f'isimha stess;

(g) sanzjonijiet amministrattivi pekunarji massimi sa mill-anqas tliet darbiet l-ammont tal-profitti miksuba jew it-telf evitat bis-saħħa tal-ksur, b'konformità mal-kalkolu magħmul mill-awtorità kompetenti;  fir-rigward ta’ persuna fiżika, sanzjonijiet monetarji amministrattivi massimi ta’ mhux iktar minn EUR 5 000 000, jew fl-Istati Membri fejn il-munita mhix l-euro il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament;

(i)     fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi, sanzjonijiet monetarji amministrattivi massimi ta’ mill-inqas 10 % tal-fatturat totali annwali tal-persuna ġuridika skont l-aħħar kontijiet disponibbli approvati mill-korp tal-maniġment; fejn il-persuna ġuridika hija impriża prinċipali jew sussidjarja tal-impriża prinċipali li trid tħejji kontijiet finanzjarji konsolidati skont id-Direttiva 2013/34/UE(19), il-fatturat annwali totali rilevanti għandu jkun il-fatturat annwali totali jew it-tip korrispondenti ta' dħul skont ir-reġim tal-kontabilità rilevanti skont l-aħħar kontijiet konsolidati disponibbli approvati mill-korp maniġerjali tal-impriża prinċipali finali.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-awtoritajiet kompetenti jista’ jkollhom setgħat minbarra dawk imsemmija f’dan il-paragrafu u li jistgħu jipprovdu għal ambitu usa’ ta’ sanzjonijiet u livelli ogħla ta’ sanzjonijiet minn dawk stabbiliti f’dan il-paragrafu.

Is-setgħat konferiti fuq l-awtoritajiet kompetenti kif stabbiliti f'dan il-paragrafu huma mingħajr preġudizzju għall-kompetenza esklużiva tal-BĊE, skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, li jirtira awtorizzazzjonijiet ta' istituzzjonijiet tal-kreditu għal skopijiet ta' superviżjoni prudenzjali.

5.              Ksur tar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 4 jew l-Artikolu 15 m’għandux jaffettwa l-validità tat-termini ta’ SFT jew il-possibbiltà tal-partijiet biex jinfurzaw it-termini ta’ SFT. Ksur tar-regoli definit skont l-Artikolu 4 m'għandux iwassal għal kumpens ta' drittijiet minn parti għal SFT.

6.              Sa [12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] l-Istati Membri jinnotifikaw ir-regoli fir-rigward tal-paragrafi 1, 3 u 4 lill-Kummissjoni u lill-AETS. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u l-AETS mingħajr dewmien rigward kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom.

Artikolu 21

L-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ sorveljanza u sanzjonijiet

L-Istati Membri jiżguraw li, meta jiddeterminaw it-tip u l-livell ta’ sanzjonijiet amministrattivi u miżuri oħra, l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw iċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inklużi fejn xieraq:

(a)    is-serjetà u d-dewmien tal-ksur;

(b)    il-grad ta’ responsabilità tal-persuna responsabbli għall-ksur;

(c)    is-saħħa finanzjarja tal-persuna responsabbli għall-ksur, billi jitqiesu fatturi bħad-dħul totali ta' persuna ġuridika jew l-introjtu annwali fil-każ ta' persuna fiżika;

(d)    l-importanza tal-profitti miksuba jew it-telf evitat mill-persuna responsabbli għall-ksur, sa fejn ikunu jistgħu jiġu ddeterminati;

(e)    il-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna responsabbli mill-ksur mal-awtorità kompetenti, mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li tiġi żgurata l-eliminazzjoni tal-profitti miksuba jew tat-telf evitat minn dik il-persuna;

(f)     ksur preċedenti mill-persuna responsabbli għall-ksur;

(g)    miżuri meħuda mill-persuna responsabbli mill-ksur biex jevitaw li jirrepeti ruħu.

Artikolu 22

Rapportar ta’ ksur

1.              L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi biex ikun jista’ jsir rapportar ta' ksur attwali jew potenzjali tal-Artikoli 4 u 15 lill-awtoritajiet kompetenti.

2.              Il-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu mill-inqas:

(a)    proċeduri speċifiċi għar-riċevuta ta’ rapporti ta’ ksur u s-segwitu tagħhom, inkluż it-twaqqif ta’ kanali ta’ komunikazzjoni siguri għal rapporti bħal dawn;

(b)    protezzjoni xierqa għall-persuni li jaħdmu taħt kuntratt ta’ impjieg, li jirrappurtaw ksur jew li jiġu akkużati bi ksur, kontra ritaljazzjoni, diskriminazzjoni jew tipi oħra ta’ trattament inġust;

(c)    il-protezzjoni tad-dejta personali kemm tal-persuna li tirrapporta l-ksur kif ukoll tal-persuna fiżika li allegatament twettaq il-ksur, inkluża l-protezzjoni fir-rigward li tinżamm il-kunfidenzjalità tal-identità tagħhom, fl-istadji kollha tal-proċedura mingħajr preġudizzju għal żvelar ta’ informazzjoni li jkun meħtieġ mil-liġi nazzjonali fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet jew proċeduri ġudizzjarji sussegwenti.

3.              L-Istati Membri għandhom jobbligaw lil min iħaddem biex ikollu fis-seħħ proċeduri interni xierqa għall-impjegati tiegħu biex jirrappurtaw ksur tal-Artikoli 4 u 15.

4.              L-Istati Membri jistgħu jipprevedu inċentivi finanzjarji għal persuni li joffru informazzjoni rilevanti dwar ksur potenzjali ta’ dan ir-Regolament biex jingħataw skont il-liġi nazzjonali fejn tali persuni ma jkollhomx dmir legali jew kuntrattwali minn qabel li jirrappurtaw tali informazzjoni, u sakemm l-informazzjoni hija ġdida, u sakemm tirriżulta fl-impożizzjoni ta’ sanzjoni jew miżura amministrattiva, jew sanzjoni kriminali, għal ksur ta’ dan ir-Regolament jew ta' reat kriminali.

Artikolu 23

L-iskambju ta’ informazzjoni mal-AETS

1.        L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-AETS, kull sitt xhur, informazzjoni aggregata u granulari dwar il-miżuri, is-sanzjonijiet u l-multi amministrattivi kollha imposti minnhom skont l-Artikolu 20. L-AETS għandha tippubblika din l-informazzjoni f'rapport ta' kull sitt xhur.

2.           Fejn l-Istati Membri għażlu li jistabbilixxu sanzjonijiet kriminali għal ksur tad-dispożizzjonijiet msemmi f'dak l-Artikolu 20, l-awtoritajiet kompetenti tagħhom għandhom jipprovdu lill-AETS, kull sena, b'dejta anonimizzata u aggregata dwar l-investigazzjonijiet kriminali kollha meħuda u s-sanzjonijiet kriminali mposti. L-AETS għandha tippubblika dejta dwar sanzjonijiet kriminali imposti f’rapport annwali. Fejn l-awtorità kompetenti tkun żvelat sanzjonijiet, multi amministrattivi, multi u miżuri oħra, kif ukoll pieni kriminali lill-pubbliku, għandha fl-istess ħin jinnotifika lill-AETS b’dan.

3.           Fejn l-awtorità kompetenti żvelat miżura amministrattiva, sanzjoni jew sanzjoni kriminali lill-pubbliku, hija għandha fl-istess ħin tirrapporta din l-informazzjoni lill-AETS.

4.           L-AETS għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi l-proċeduri u l-forom għall-iskambju ta’ informazzjoni kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2.

L-AETS għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sa [12-il xahar wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament].

Il-Kummissjoni hi kkonferita bis-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi implimentattivi msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 24

Pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet

1.              Bla ħsara għat-tielet subparagrafu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw kwalunkwe deċiżjoni li timponi sanzjoni amministrattiva jew miżura oħra b’rabta ma’ ksur tal-Artikoli 4 u 15 fuq is-sit tagħhom eżatt wara li l-persuna soġġetta għal dik id-Deċiżjoni tkun ġiet infurmata b’dik id-deċiżjoni.

2.              L-informazzjoni ppubblikata skont l-ewwel subparagrafi għandha tispeċifika għall-inqas it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-persuna suġġetta għad-deċiżjoni.

L-ewwel u t-tieni subparagrafi ma għandhomx japplikaw għal deċiżjonijiet li jimponu miżuri li huma ta’ natura investigattiva.

Fejn awtorità kompetenti tqis, wara valutazzjoni każ b’każ, li l-pubblikazzjoni tal-identità tal-persuna ġuridika soġġetta għad-deċiżjoni, jew id-dejta personali ta’ persuna fiżika, tkun sproporzjonata, jew fejn pubblikazzjoni bħal din tista’ tippreġudika investigazzjoni li tkun għaddejja jew l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji, għandha tagħmel waħda minn dawn li ġejjin:

(a)    tiddifferixxi l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni sakemm ir-raġunijiet għal dan id-diferiment ma jibqgħux jeżistu;

(b)    tippubblika d-deċiżjoni fuq bażi anonima skont il-liġi nazzjonali meta din il-publikazzjoni tiżgura protezzjoni effettiva tad-dejta personali kkonċernata u, fejn xieraq, tipposponi l-pubblikazzjoni tad-dejta rilevanti għal perjodu ta’ żmien raġonevoli fejn huwa prevedibbli li r-raġunijiet għall-pubblikazzjoni anonima mhux se jibqgħu jeżistu matul dak il-perjodu;

(c)    ma tippubblikax id-deċiżjoni fil-każ li l-awtorità kompetenti tkun tal-opinjoni li l-pubblikazzjoni skont il-punt (a) jew (b) se tkun biżżejjed biex tiżgura:

(i.)    li l-istabilità tas-swieq finanzjarji ma tiġix mhedda; jew

(ii.)    il-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ miżuri jitqiesu ta’ natura minuri.

3.              Meta d-deċiżjoni tkun soġġetta għal appell quddiem awtorità nazzjonali, ġudizzjarja, amministrattiva jew awtorità oħra, l-awtoritajiet kompetenti xorta jippubblikaw, immedjatament, fuq is-sit tagħhom din l-informazzjoni u kwalunkwe informazzjoni sussegwenti dwar ir-riżultat ta’ tali appell. Barra minn hekk, kull deċiżjoni li tħassar deċiżjoni soġġetta għal appell għandha tiġi ppubblikata wkoll.

4.              L-awtoritajiet kompetenti jiżguraw li kwalunkwe deċiżjoni ppubblikata f’konformità ma’ dan l-Artikolu, tibqa’ aċċessibbli fis-sit tagħhom għal perjodu ta’ mill-inqas ħames snin wara l-pubblikazzjoni tagħha. Dejta personali li tkun tinsab f'dawk id-deċiżjonijiet tinżamm fuq is-sit uffiċjali tal-awtorità kompetenti għall-perjodu li hu meħtieġ skont ir-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta.

Artikolu 25

Is-sanzjonijiet għall-iskop tal-Artikoli 13 u 14

Sanzjonijiet u miżuri oħra stabbiliti skont id-Direttiva 2009/65/KE u d-Direttiva 2011/61/UE għandhom ikunu applikabbli għal ksur tal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 13 u 14 ta’ dan ir-Regolament.

Kapitolu IX

Rieżami

Artikolu 26

Rapporti u rieżami

1.        Sa ...* [ĠU jekk jogħġbok daħħal id-data: 9 xhur wara r-rapport tal-AETS/15-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament], il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-effikaċja u l-effiċjenza ta' dan ir-Regolament u dwar sforzi internazzjonali oħra biex tittejjeb it-trasparenza tas-swieq tal-SFTs kif ukoll biex jiġu mitigati iktar ir-riskji assoċjati mal-SFTs, inklużi r-rakkomandazzjonijiet tal-FSB dwar haircuts fuq il-kollateral f'SFTs ikklerjati mhux ċentralment. Il-Kummissjoni għandha tissottometti dak ir-rapport flimkien ma kwalunkwe proposta leġiżlattiva xierqa.

Għall-finijiet tar-rapport tal-Kummissjoni, l-AETS għandha tivvaluta, b'kooperazzjoni mal-ABE u l-BERS, u tissottometti lill-Kummissjoni rapport dwar soluzzjonijiet xierqa biex tiġi ttrattata l-akkumulazzjoni ta' ingranaġġ eċċessiv permezz tal-użu ta' SFTs, u biex jiġi kkunsidrat it-tnaqqis tal-proċikliċità ta' dak l-ingranaġġ, inklużi l-modi biex jiġi żviluppat qafas Ewropew konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet eżistenti tal-FSB dwar haircuts fuq SFTs ikklerjati mhux ċentralment. Dak ir-rapport għandu jikkunsidra wkoll l-impatt kwantitattiv tar-rakkomandazzjonijiet tal-FSB u għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni sa ...* [ĠU jekk jogħġbok daħħal id-data: sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament]. Ir-rapport għandu jiġi ppreżentat ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

1b.      Fuq bażi annwali, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 11 u għandha tagħti rendikont b'mod sħiħ tat-tariffi kollha li jkunu ġew iċċarġjati lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet biex tiżgura li qed jintużaw unikament biex ikopru l-infiq meħtieġ ta' dan ir-Regolament u dak tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

2a.      Il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-AETS, għandha tfassal rapport annwali li jivvaluta kwalunkwe ċirkonvenzjoni possibbli tal-obbligi ta' dan ir-Regolament li kwalukwe tranżazzjoni b'oġġett jew effett ekwivalenti għal tranżazzjoni ta' finanzjament tat-titoli tista' tippermetti. L-AETS għandha timmonitorja u tirrapporta kwalunkwe żvilupp kritiku fl-evoluzzjoni tal-prattiki tas-suq f'dan ir-rigward.

2b.      L-AETS għandha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar ir-rilevanza li jiġi permess rapportar minn naħa waħda biss tat-tranżazzjonijiet, sabiex jiġi vvalutat abażi ta' esperjenzi ta' rapportar jekk duplikazzjoni tar-rapportar tat-tranżazzjonijiet tistax tiġi evitata jew ġestita.

Kapitolu X

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 27

Eżerċizzju ta' setgħat iddelegati

1.              Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti ddelegati qed tingħata lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.              Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 2(3), ▌ 11(2) ▌ u 14(3) għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perjodu indeterminat mid-data msemmija fl-Artikolu 28.

3.              Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 2(3), ▌4, 11(2), ▌u 14(3) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni tar-revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hi għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data sussegwenti li tkun speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi att iddelegat diġà fis-seħħ.

4.              Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.              Att iddelegat adottat skont l-Artikoli 2(3), ▌4, 11(2) ▌u 14(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni għalih mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn minn meta dak l-att jiġi nnotifikat lilhom jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn li huma jkunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw għalih. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 27a

1.        Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat għal [...]. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.        Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.        Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 28

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.              Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.              Dan ir-Regolament għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ, bl-eċċezzjoni ta’:

(a)    l-Artikolu 4(1), li għandu japplika għall-kontropartijiet finanzjarji kollha sa sitt xhur mid-data ta' adozzjoni tal-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-Artikolu 4(7) u għall-kontropartijiet mhux finanzjarji sa 12-il xahar wara d-data ta' adozzjoni tal-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-Artikolu 4(7);

(b)    l-Artikolu 13, li għandu japplika minn ...* [ĠU jekk jogħġbok daħħal id-data: 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament];

(c)    l-Artikolu 14, li għandu japplika minn ...* [ĠU jekk jogħġbok daħħal id-data: sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi …

Għall-Parlament EwropewGħall-Kunsill

Il-PresidentIl-President

(1)

ĠU C 451 of 16.12.2014, p. 56.

(2)

ĠU C 271 of 19.8.2014, p. 87.

(3)

* Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.

(4)

          ĠU C 336, 26.9.2014, p. 5.

(5)

          ĠU C 271, 16.12.2014, p. 59.

(6)

         ĠU C 271, 19.8.2014, p. 87.

(7)

         Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' …

(8)

          Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(9)

          Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

(10)

         Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2012 dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali (ĠU L 168, 27.6.2002, p. 43).

(11)

       Direttiva 2014/91/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 li temenda d-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) fir-rigward tal-funzjonijiet tad-depożitarji, il-politiki tar-remunerazzjoni u s-sanzjonijiet (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 186).

(12)

         Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(13)

         ĠU C 328, , p. 3.

(14)

        Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2013 tad-19 ta’ Diċembru 2012 li jissupplimenta d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżenzjonijiet, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-operat, id-depożitarji, l-ingranaġġ, it-trasparenza u s-superviżjoni (ĠU L 83, 22.3.2013, p. 1).

(15)

          Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(16)

       Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).

(17)

       Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(18)

          Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).

(19)

         Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19.


ANNESS

Taqsima A – Informazzjoni li għandha tingħata fir-rapporti ta' kull sitt xhur u f'dawk annwali tal-UCITS u fir-rapport annwali tal-AIF.

Dejta globali:

–           L-ammont ta’ titoli u komoditajiet b’self bħala proporzjon tat-total tal-assi li jissellfu;

–           L-ammont ta’ assi involuti f’kull tip ta’ SFT u kull struttura ta’ finanzjament oħra espressi bħala ammont assolut u bħala proporzjon tal-assi tal-fond taħt ġestjoni (AUM)

Dejta ta' konċentrazzjoni:

–           L-ewwel 10 titoli kollaterali u komoditajiet riċevuti għal kull emittent fir-rigward tat-tipi kollha ta’ SFT u struttura oħra ta’ finanzjament

–           L-ewwel 10 kontropartijiet ta’ kull tip ta’ SFT separata u struttura ta’ finanzjament oħra

Dejta ta’ tranżazzjoni aggregata għal kull tip ta’ SFT separatament u strutturi oħra ta’ finanzjament – ikunu maqsuma skont il-kategoriji ta’ hawn taħt:

–           It-tip u l-kwalità ta’ kollateral;

–           Perjodu ta' maturità tal-kollateral maqsum fit-taqsimiet ta' maturità li ġejjin: anqas minn ġurnata, ġurnata sa ġimgħa, ġimgħa sa xahar, xahar sa tliet xhur, tliet xhur sa sena, aktar minn sena, maturità bla żmien;

–           Valuta tal-kollateral;

–           Perjodu ta' maturità maqsum fit-taqsimiet ta' maturità li ġejjin: anqas minn ġurnata, ġurnata sa ġimgħa, ġimgħa sa xahar, xahar sa tliet xhur, tliet xhur sa sena, aktar minn sena, tranżazzjonijiet bla żmien;

–           L-Istat tad-domiċilju tal-kontropartijiet;

–           Riżoluzzjoni u kompensazzjoni, (pereżempju tliet partijiet, Kontroparti Ċentrali, bilaterali).

Dejta dwar l-użu mill-ġdid ▌ta’ kollateral fi flus kontanti:

–           Sehem ta’ kollateral irċevut li jintuża mill-ġdid ▌, meta mqabbel mal-ammont massimu speċifikati fil-prospett jew fl-iżvelar lil investituri;

–           Informazzjoni dwar kwalunkwe restrizzjoni fuq it-tip ta’ titoli u prodotti soġġetti għal ▌użu mill-ġdid;

–           Ir-redditu tal-investiment mill-ġdid tal-kollateral fi flus għall-fond.

Is-salvagwardja ta’ kollateral irċevut mill-fond bħala parti mill-SFT jew minn struttura ta’ finanzjament oħra

Numru ta’ kustodji u l-ammont ta’ assi kollaterali salvagwardjati minn kull wieħed minnhom.

Is-salvagwardja ta’ kollateral mogħti mill-fond bħala parti minn SFR jew struttura ta’ finanzjament oħra

Il-proporzjon ta’ kollateral miżmum jew f’kontijiet segregati jew f’kontijiet akkomunati, jew fi kwalunkwe kontijiet oħra

Dejta dwar ir-ritorn u l-ispiża għal kull tip ta’ SFT u kull tip ta’ struttura ta’ finanzjament oħra mqassma bejn il-fond, il-maniġer tal-fondi u l-aġent mutwanti f’termini assoluti u bħala perċentwali tad-dħul ġenerali ġġenerat minn dak it-tip ta’ SFT u tip ta’ struttura ta’ finanzjament oħra

Taqsima B – Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi prospett tal-UCITS u l-iżvelar lill-investituri tal-AIF:

–           Deskrizzjoni ġenerali tal-SFTs u struttura ta’ finanzjament oħra użati mill-fond u r-raġuni għall-użu tagħhom

–           Id-dejta ġenerali li trid tiġi rrappurtata għal kull tip ta’ SFT u kull tip ta’ struttura ta’ finanzjament oħra

        Tipi ta’ assi li jistgħu jkunu soġġetti għalihom

        Proporzjon massimu ta’ AUM li jistgħu jkunu soġġetti għalihom

        Proporzjon mistenni ta’ AUM li se jkun suġġett għal kull wieħed minnhom

–           Kriterji użati għall-għażla tal-kontropartijiet (inkluż l-istatus legali, il-pajjiż ta’ oriġini, il-klassifikazzjoni minima tal-kreditu)

–           Kollateral aċċettabbli: deskrizzjoni ta' kollateral aċċettabbli fejn jidħlu t-tipi ta' assi, l-emittent, il-maturità, il-likwidità kif ukoll id-diversifikazzjoni tal-kollateral u l-politiki ta' korrelazzjoni;

–           Valutazzjoni tal-kollateral: deskrizzjoni tal-metodoloġija ta' valutazzjoni tal-kollateral użata u r-raġuni għaliha, u jekk jintużawx rivalutazzjoni ta' kuljum u marġni ta' varjazzjoni ta' kuljum.

–           Deskrizzjoni tar-riskji: deskrizzjoni tar-riskji marbuta ma’ SFT u strutturi oħra ta’ finanzjament, kif ukoll ir-riskji marbuta mal-immaniġġjar tal-kollateral, bħal operattivi, likwidità, kontroparti, kustodja u riskji legali.

–           Speċifikazzjoni ta’ kif l-assi mislufa u l-kollateral irċevut huma salvagwardjati (kustodju tal-fondi)

–           Il-politika dwar il-qsim tar-redditu ġġenerat minn SFT u strutturi finanzjarji oħra: deskrizzjoni tal-propożizzjonijiet tad-dħul iġġenerat minnhom li huma rritornati fil-fond, lill-maniġer jew miżmuma minn partijiet terzi (pereżempju l-aġent mutwant).


PROĊEDURA

Titolu

Ir-rapportar u t-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli

Referenzi

COM(2014)0040 – C7-0023/2014 – 2014/0017(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

29.1.2014

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

25.2.2014

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

JURI

25.2.2014

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

JURI

3.9.2014

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Renato Soru

22.7.2014

 

 

 

Eżami fil-kumitat

4.11.2014

21.1.2015

23.2.2015

 

Data tal-adozzjoni

24.3.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

49

2

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Burkhard Balz, Hugues Bayet, Pervenche Berès, Udo Bullmann, Esther de Lange, Fabio De Masi, Anneliese Dodds, Markus Ferber, Jonás Fernández, Elisa Ferreira, Sven Giegold, Neena Gill, Roberto Gualtieri, Brian Hayes, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Cătălin Sorin Ivan, Petr Ježek, Othmar Karas, Georgios Kyrtsos, Alain Lamassoure, Philippe Lamberts, Werner Langen, Sander Loones, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Fulvio Martusciello, Marisa Matias, Bernard Monot, Luděk Niedermayer, Stanisław Ożóg, Dariusz Rosati, Alfred Sant, Molly Scott Cato, Peter Simon, Renato Soru, Theodor Dumitru Stolojan, Kay Swinburne, Paul Tang, Michael Theurer, Ramon Tremosa i Balcells, Ernest Urtasun, Marco Valli, Tom Vandenkendelaere, Cora van Nieuwenhuizen, Jakob von Weizsäcker, Pablo Zalba Bidegain, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Matt Carthy, Philippe De Backer, Jeppe Kofod, Thomas Mann, Morten Messerschmidt, Siegfried Mureșan, Michel Reimon, Miguel Urbán Crespo

Data tat-tressiq

31.3.2015

Avviż legali