Proċedura : 2014/2148(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0123/2015

Testi mressqa :

A8-0123/2015

Dibattiti :

PV 27/04/2015 - 23
CRE 27/04/2015 - 23

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2015 - 7.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0108

RAPPORT     
PDF 191kWORD 132k
1.4.2015
PE 544.209v01-00 A8-0123/2015

dwar il-films Ewropej fl-era diġitali

(2014/2148(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

Rapporteur: Bogdan Brunon Wenta

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-films Ewropej fl-era diġitali

(2014/2148(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali adottata mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) fl-20 ta’ Ottubru 2005,

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva)(1),

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni(2),

–       wara li kkunsidra r-Regolament Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE(3),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2014 dwar il-politika awdjoviżiva Ewropea fl-era diġitali(4),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titolu “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Awwissu 2010 bit-titolu: “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (COM(2010)0245),

–       wara li kkunsidra l-Ewwel Rapport mill-Kummissjoni tal-4 ta’ Mejju 2012 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2010/13/UE “Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva” -Servizzi tal-Media Awdjoviżiva u Apparat Konness: Perspettivi Passati u Futuri (COM(2012)0203),

–       wara li kkunsidra l-Ewwel Rapport mill-Kummissjoni tal-24 ta’ Settembru 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 13, 16 u 17 tad-Direttiva 2010/13/UE għall-perjodu 2009-2010 - Promozzjoni tax-xogħlijiet Ewropej fis-servizzi tal-media awdjoviżiva fuq talba u skedati tal-UE (COM(2012)0522),

–       wara li kkunsidra t-Tielet Rapport tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2012 bit-titolu “On the challenges for European film heritage from the analogue and the digital era” (dwar l-isfidi għall-patrimonju ċinematografiku Ewropew mill-era analoġika u diġitali) (SWD(2012)0431) dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill “dwar il-patrimonju ċinematografiku u l-kompetittività ta’ attivitajiet industrijali relatati” (2005/865/KE),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Diċembru 2012 dwar il-kontenut fis-Suq Uniku Diġitali (COM(2012)0789),

–       wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-24 ta’ April 2013 dwar “It-tħejjija għal Dinja Awdjoviżiva Konverġenti b’Mod Komplet: Tkabbir, Ħolqien u Valuri” (COM(2013)0231),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Novembru 2013 dwar għajnuna mill-Istat għal films u xogħlijiet awdjoviżivi oħrajn (2013/C 332/01)(5),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Mejju 2014 bit-titolu “Il-film Ewropew fl-era diġitali - Inqarrbu d-diversità kulturali mal-kompetittività (COM(2014)0272),

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-4 ta’ Diċembru 2014 dwar “Il-film Ewropew fl-era diġitali”,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-16 ta’ Novembru 2011 dwar iċ-ċinema Ewropea fl-era diġitali(6),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Settembru 2012 dwar id-distribuzzjoni onlajn ta’ xogħlijiet awdjoviżivi fl-Unjoni Ewropea(7),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Mejju 2013 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva(8),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2014 dwar it-tħejjija għal dinja awdjoviżiva konverġenti b’mod komplet(9),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0123/2015),

A.     billi l-films huma prodotti ekonomiċi kif ukoll kulturali u jikkontribwixxu bil-kbir għall-ekonomija Ewropea f’termini ta’ tkabbir u impjiegi filwaqt li jgħinu biex jiffurmaw identitajiet Ewropej billi jirriflettu d-diversità kulturali u lingwistika, jippromwovu kulturi Ewropej bejn il-fruntieri u jiffaċilitaw l-iskambju kulturali u l-fehim reċiproku fost iċ-ċittadini, u jikkontribwixxu wkoll għall-formazzjoni u l-iżvilupp taʼ ħsieb kritiku;

B.  billi l-potenzjal tas-setturi kulturali u kreattivi fl-Ewropa u b’mod partikolari tal-industrija ċinematografika Ewropea għad irid jiġi kompletament sfruttat fil-promozzjoni tad-diversità u l-patrimonju kulturali Ewropew u l-ħolqien ta’ tkabbir sostenibbli u impjiegi li mbagħad jistgħu jibbenefikaw ukoll minn setturi oħra tal-ekonomija, li jipprovdu lill-Ewropa b’vantaġġ kompetittiv fuq livell dinji;

C. billi l-industrija Ewropea tal-films hija waħda mill-akbar produtturi fid-dinja, b’1 500 film maħruġa fl-2014, iżda hija kkaratterizzata minn struttura eteroġenika kemm f’termini ta’ finanzjament kif ukoll tat-tip ta’ produzzjoni;

D. billi l-films Ewropej huma kkaratterizzati mid-diversità, l-oriġinalità u l-kwalità tagħhom, iżda jsofru minn promozzjoni u distribuzzjoni limitati fl-Unjoni kollha, u dan huwa rifless f’livelli relattivament baxxi tal-udjenzi miksuba filwaqt li jħabbtu wiċċhom ma' kompetizzjoni internazzjonali ħarxa u diffikultajiet biex jiġu distribwiti kemm fi ħdan l-Ewropa kif ukoll barra;

E.  billi ċ-ċirkolazzjoni ta’ films Ewropej mhux nazzjonali fl-Istati Membri għadha dgħajfa minkejja n-numru kbir ta’ films prodotti kull sena, filwaqt li l-produzzjonijiet mhux Ewropej jilħqu lil ħafna nies fl-Unjoni;

F.  billi d-diversità tal-films Ewropej li jirriflettu r-rikkezza u l-qawwa tad-diversità kulturali u lingwistika tal-Ewropa tfisser li s-suq Ewropew tal-films huwa naturalment frammentat;

G. billi l-promozzjoni ta' produzzjoni tal-films ta' kwalità hija partikolarment importanti għall-Istati Membri żgħar li l-lingwi tagħhom għandhom numru żgħir ta' kelliema;

H. billi s-sottoprogramm MEDIA tal-Ewropa Kreattiva (minn hawn 'il quddiem MEDIA) joffri sorsi ġodda ta’ finanzjament u opportunitajiet għad-distribuzzjoni u ċ-ċirkolazzjoni ta’ films mhux nazzjonali Ewropej u biex jiġu żviluppati l-udjenzi u jiġi appoġġat il-litteriżmu medjatiku;

I.   billi, wieħed mill-għanijiet ewlenin tas-Suq Uniku Diġitali għandu jkun biex jibni fiduċja u kunfidenza fl-internet u jżid l-aċċess għall-kontenut awdjoviżiv legali, għalhekk jikkontribwixxi għall-investiment fil-films Ewropej;

J.   billi l-iskrining ċinematografiku, bħala l-ewwel tieqa ta’ rilaxx, għadu responsabbli għal proporzjon kbir tad-dħul mill-films u huwa għalhekk essenzjali għall-finanzjament tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni ċinematografika Ewropea, b’impatt konsiderevoli fuq is-suċċess tal-films ikkonċernati fi twieqi ta’ rilaxx sussegwenti;

K. Billi, madankollu, numru li qed jikber ta’ films Ewropej bi produzzjoni u baġit ta’ promozzjoni modesti, jibbenefikaw minn strateġiji ta’ rilaxx iktar flessibbli u disponibbiltà iktar bikrija tal-VOD;

L.     billi organizzazzjoni aħjar tat-twieqi ta' rilaxx timmassimizza l-potenzjal pubbliku filwaqt li tnaqqas l-attraenza tal-konsum mhux awtorizzat tal-films;

M.    billi l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (AVMSD) jobbliga lill-Istati Membri biex jiżguraw li fornituri tas-servizz fuq talba jippromwovu xogħlijiet Ewropej; billi din id-dispożizzjoni ġiet implimentata b’mod divers b’livelli differenti ta’ rekwiżiti legali u wasslet għal fornituri li jistabbilixxu lilhom infushom fi Stati Membri bl-aktar rekwiżiti baxxi;

N. billi l-biċċa l-kbira tal-finanzjament pubbliku għall-industrija ċinematografika Ewropea, kemm minn sorsi nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni, hija ddedikata għall-produzzjoni tal-films;

O.     billi fir-Regolament Nru 1295/2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva l-Artikolu 14 jipprevedi li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-“Faċilità ta’ Garanzija tas-Setturi Kulturali u Kreattivi” bil-għan li tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs fis-setturi kulturali u kreattivi u li ttejjeb il-kapaċità tal-intermedjarji finanzjarji parteċipanti biex jiġu vvalutati r-riskji assoċjati mal-SMEs li jitolbu self u finanzjament;

P.     billi fit-tielet rapport tagħha tas-7 ta’ Diċembru 2012 dwar l-isfidi għall-patrimonju ċinematografiku Ewropew mill-era analoġika u diġitali, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni lejn il-fatt li 1.5 % biss mill-patrimonju ċinematografiku Ewropew għadu ma ġiex diġitalizzat; billi dan il-perċentwal għadu l-istess illum, minkejja t-tħassib imtenni li ħafna minn dan il-patrimonju jista' jintilef għal kollox għall-ġenerazzjonijiet futuri, kif jidher, pereżempju, mill-fatt li 10 % biss ta’ films muti ġew ippreservati;

Q      billi d-diġitizzazzjoni u l-konverġenza tal-media joħolqu opportunitajiet ġodda għad-distribuzzjoni u l-promozzjoni tal-films Ewropej b’mod transkonfinali, kif ukoll potenzjal akbar għall-innovazzjoni u l-flessibbiltà, filwaqt li jikkawżaw bidliet sinifikanti fl-imġiba u l-aspettattivi tat-telespettaturi;

R.     billi huwa essenzjali li jiġu ggarantiti fondi għad-diġitalizzazzjoni, il-konservazzjoni u d-disponibbiltà online tal-patrimonju ċinematografiku u l-materjali relatati u li jiġu stabbiliti standards Ewropej dwar il-konservazzjoni tal-films diġitali;

S.     billi l-litteriżmu tal-media, u b'mod partikolari l-litteriżmu fil-films, jista’ jinkoraġġixxi liċ-ċittadini biex jiżviluppaw ħsieb kritiku u fehim u jista' jistimola l-kreattività u l-kapaċità tal-espressjoni tagħhom;

T.     billi d-drittijiet tal-awtur fl-era diġitali għandhom ikomplu jistimulaw l-investiment fil-produzzjoni u l-ħolqien tal-films u jiżguraw remunerazzjoni xierqa għad-detenturi tad-drittijiet, filwaqt li jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ servizzi ġodda u l-aċċess transkonfinali għaċ-ċittadini u jippermettu lill-industriji kulturali u kreattivi biex jibqgħu jikkontribwixxu għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi;

U.     billi hu importanti li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar ċerti użi permessi ta' xogħlijiet orfni (2012/28/UE) u li l-films jiġu inklużi fid-definizzjoni ta' xogħlijiet orfni aċċessibli għall-pubbliku;

Promozzjoni, distribuzzjoni u aċċessibbiltà transkonfinali

1.      Jinkoraġġixxi lill-industrija Ewropea tal-films biex issegwi l-iżvilupp ta’ servizzi innovattivi, mudelli ġodda ta’ negozju u kanali ta’ distribuzzjoni biex ittejjeb id-disponibbiltà transkonfinali ta’ films Ewropej fl-Unjoni u lil hin minnha, biex it-telespettaturi fl-Unjoni jkollhom aċċess għal firxa dejjem akbar ta’ films madwar numru li dejjem jikber ta’ pjattaformi; jissuġġerixxi, f’dan ir-rigward, li l-industrija Ewropea tal-films jitgħallmu mill-aħjar prattiki kummerċjali barra mill-UE;

2.      Jirrikonoxxi l-impatt ta’ użu mhux awtorizzat ta’ xogħlijiet kreattivi fuq iċ-ċiklu kreattiv u d-drittijiet tal-awturi; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar offerti legali ta’ kwalità għolja, u għal sensibilizzazzjoni fost iż-żgħażagħ;

3.      Jissuġġerixxi li l-iżvilupp tal-portabilità transkonfinali tas-servizzi awdjoviżivi, filwaqt li jitqies it-tkabbir mgħaġġel tal-VOD u tranżazzjonijiet onlajn madwar l-Unjoni, jista’ jiġi esplorat ulterjorment billi dan jippermetti li t-telespettaturi jkollhom aċċess għall-films irrispettivament minn fejn ikunu;

4..     Jenfasizza l-importanza ta’ kummerċjalizzazzjoni mmirata madwar l-Unjoni li tqis l-ispeċifiċitajiet kulturali ta’ udjenzi Ewropej bil-ħsieb li tiġi żgurata promozzjoni aħjar u aktar effiċjenti tal-films Ewropej;

5.      Iħeġġeġ għal din ir-raġuni disponibbiltà akbar ta’ films bis-sottotitoli sabiex tingħata spinta liċ-ċirkolazzjoni transkonfinali tal-films Ewropej, jiżdied l-għarfien tad-diversità kulturali u lingwistika tal-Ewropa fost it-telespettaturi, u jittejjeb il-fehim reċiproku;

6.      Jinnota b’mod partikolari r-rwol tal-MEDIA fl-appoġġ għas-sottotitolar u d-doppjaġġ biex tiżdied id-disponibbiltà tal-films Ewropej, b'mod partikolari fil-verżjonijiet oriġinali bis-sottotitoli li jiffaċilitaw iċ-ċirkolazzjoni tagħhom u jtejbu l-għarfien u l-fehim tal-kulturi u l-lingwi Ewropej;

7.      Jenfasizza l-importanza tal-azzjoni preparatorja adottata riċentement “Is-sottotitolar permezz tal-crowdsourcing biex tiżdied iċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet Ewropej” u x-xogħol li għandu jsir mill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta' din l-azzjoni;

8.      Jappoġġa, barra minn hekk, inizjattivi bħall-proġett pilota tal-Kummissjoni “It-trawwim ta’ integrazzjoni Ewropea permezz tal-kultura”, immirat lejn it-tisħiħ fil-provvista ta’ films Ewropej bis-sottotitoli billi jiġu pprovduti verżjonijiet ġodda bis-sottotitoli ta’ programmi tat-TV magħżula madwar l-Ewropa kollha;

9.      Itenni l-importanza fundamentali li tittejjeb aktar l-aċċessibbiltà għall-films għal persuni b’diżabilità, partikolarment permezz ta’ deskrizzjoni bl-awdjo u s-sottotitolar;

10.    jenfasizza dwar l-importanza partikolari ta’ stazzjonijiet televiżivi privati kif ukoll pubbliċi Ewropej fil-produzzjoni tal-films, kemm għat-televiżjoni kif ukoll koproduzzjonijiet għaċ-ċinema, u jenfasizza r-rwol ta’ sigurtà eżistenzjali tagħhom għal għadd ta’ studios għall-produzzjoni tal-films, speċjalment żgħar u medji, fl-UE;

11.    Ifakkar ir-rwol tal-Premju LUX tal-PE, li kiseb aktar rikonoxximent matul is-snin, fil-promozzjoni tal-films Ewropej permezz tat-traduzzjoni tas-sottotitoli għall-film rebbieħ fl-24 lingwa uffiċjali kollha tal-Unjoni u b’hekk tiġi żgurata viżibbiltà, għarfien u disponibbiltà akbar għall-films Ewropej; jistieden lill-parlamenti nazzjonali biex ikomplu jippromwovu l-Premju LUX fl-Istati Membri f’kooperazzjoni mal-Uffiċċji tal-Informazzjoni tal-Parlament Ewropew;

12.    Jissuġġerixxi li hemm bżonn li jkunu promossi u appoġġati l-koproduzzjonijiet Ewropej u li żieda fit-tali produzzjonijiet tista’ tirriżulta fi tqassim usa’ tal-films Ewropej madwar l-Ewropa;

13.    Barra minn hekk, jenfasizza s-suċċess dejjem jikber tas-serje tat-televiżjoni Ewropej ta’ kwalità għolja u l-importanza strateġika biex ikomplu jinkoraġġixxu l-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-promozzjoni ta' tali serje fis-swieq Ewropej u globali;

14.    Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw u jippromwovu avvenimenti speċjali, bħal festivals tal-films u inizjattivi ta' turs taċ-ċinema, sabiex jinkoraġġixxu u jappoġġaw it-tixrid u ċ-ċirkolazzjoni ta’ films Ewropej fit-territorju tagħhom;

15.    Jissuġġerixxi li jiġu nfurzati miżuri diġà eżistenti li jippermettu ottimizzazzjoni aħjar tal-prezz taċ-ċinema, l-iżvilupp ta’ offerti promozzjonali innovattivi, kif ukoll offerti ta’ abbonament li jikkontribwixxu biex jiżguraw l-attraenza u l-aċċess għas-swali kollha taċ-ċinema;

Żvilupp tal-udjenzi

16.    Jinkoraġġixxi lid-distributuri u l-esibituri taċ-ċinemasabiex iżidu l-viżibbiltà u d-disponibbiltà ta’ films Ewropej mhux nazzjonali sabiex jintlaħqu udjenzi usa';

17.    Jirrikonoxxi li t-teatri taċ-ċinema għadhom l-iktar postijiet sinifikanti għall-preżentazzjoni u l-promozzjoni ta’ films, kif ukoll li l-bliet huma postijiet b’dimensjoni soċjali importanti fejn in-nies jiltaqgħu u jaqsmu l-fehmiet tagħhom; jenfasizza li l-għejbien tat-teatri taċ-ċinema żgħar u indipendenti, speċjalment fil-bliet iż-żgħar u fir-reġjuni inqas żviluppati, jillimita l-aċċess għar-riżorsi kulturali, il-patrimonju u d-djalogu Ewropej; f’dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprovdu appoġġ biex jarmaw l-iskrins kollha bil-projezzjoni diġitali u teknoloġija tajba sabiex jippreservaw dawn it-teatri taċ-ċinema;

18.    Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-films fi stadju bikri tal-produzzjoni, sabiex tittejjeb iċ-ċirkolazzjoni u jiġi żgurat għarfien akbar fost udjenzi potenzjali madwar l-Ewropa;

19.    Jenfasizza l-importanza tal-MEDIA fl-ittestjar ta’ approċċi innovattivi fl-iżvilupp tal-udjenza, b’mod partikolari permezz tal-appoġġar ta’ festivals, l-inizjattivi tal-litteriżmu tal-films u l-azzjonijiet tal-iżvilupp tal-udjenza;

Kundizzjonijiet ekwi

20.    Ifakkar li l-Artikolu 13.1 tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (AVMSD) jobbliga lill-Istati Membri biex jiżguraw li fornituri tas-servizz fuq talba jippromwovu xogħlijiet Ewropej; jenfasizza li din id-dispożizzjoni ġiet implimentata b’mod mhux uniformi b’livelli differenti ta’ rekwiżiti legali, u li dan jista’ jirriżulta f’fornituri li jistabbilixxu lilhom infushom fi Stati Membri bl-aktar rekwiżiti baxxi;

21.    huwa tal-fehma li għandhom ikunu involuti b’mod finanzjarju fil-ħolqien ta’ xogħlijiet ċinematografiċi Ewropej dawk kollha li, mill-offerta diretta, il-kummerċjalizzazzjoni jew id-distribuzzjoni, inkluż il-kollegament jew id-disponibbiltà permezz ta’ video-on-demand, anki jekk biss indirettament, jistgħu jiksbu vantaġġ ekonomiku minn xogħlijiet ċinematografiċi Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni biex, mil-lat tal-kompetizzjoni, tieħu kont ta’ din il-fehma anki waqt ir-reviżjoni ta’ sistemi tal-Istati Membri ta’ sussidji tal-films;

22.    Jistieden lill-Kummissjoni tqis dan t'hawn fuq meta tipproponi reviżjoni tal-qafas legali attwali, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fis-suq awdjoviżiv Ewropew b’kundizzjonijiet ġusti u ugwali għall-fornituri kollha;

23.    Jistieden lill-pjattaformi VOD u SVOD jagħmlu disponibbli b’mod pubbliku d-dejta dwar il-konsum ta’ kull film tal-katalogu tagħhom, sabiex tiġi żgurata evalwazzjoni korretta tal-impatt tagħhom;

Finanzjament

24.    Iqis li sabiex tittejjeb iċ-ċirkolazzjoni ta’ films Ewropej kemm fis-suq Ewropew kif ukoll dak internazzjonali, jeħtieġ li l-finanzjament pubbliku għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni jkun bbilanċjat aħjar bil-għan li jiżdied l-appoġġ għall-iżvilupp, il-promozzjoni u d-distribuzzjoni internazzjonali;

25.    Iqis indispensabbli li jiżdied il-baġit f’termini assoluti għall-attivitajiet ta’ distribuzzjoni, promozzjoni u kummerċjalizzazzjoni tax-xogħlijiet ċinematografiċi mingħajr ma dan ikun ta' detriment għall-finanzjament tal-attivitajiet ta’ produzzjoni;

26.    Jistieden lill-Istati Membri b'mod partikolari biex iżidu l-finanzjament pubbliku sabiex jappoġġaw id-distribuzzjoni fi stadju bikri u l-promozzjoni ta’ films nazzjonali barra mill-pajjiż, kif ukoll films Ewropej mhux nazzjonali;

27.    Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu inċentivi biex jiffaċilitaw il-produzzjoni, id-distribuzzjoni, id-disponibbiltà u l-attraenza tal-films Ewropej; huwa tal-fehma li l-applikazzjoni tal-istess rati mnaqqsa ta’ VAT għal xogħlijiet awdjoviżivi kulturali mibjugħin onlajn jew offlajn tistimula t-tkabbir ta’ servizzi u pjattaformi ġodda;

28.    Jenfasizza r-rwol li għandu jkollha l-Faċilità ta’ Garanzija tal-Ewropa Kreattiva għas-Setturi Kulturali u Kreattivi, f’termini ta’ faċilitazzjoni tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs fis-setturi kulturali u kreattivi u l-inkoraġġiment ta’ aktar investiment mill-intermedjarji finanzjarji, u b’hekk jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ finanzjament għall-industrija tal-films;

29.    Jissuġġerixxi li tiġi evalwata l-effettività u l-effiċjenza tas-sistemi Ewropej u nazzjonali ta’ sussidji tal-films, b’kont partikolari meħud tal-kwalità kif ukoll tal-firxa ta’ xogħlijiet sussidjati, filwaqt li għandu jiġi kkunsidrat ukoll kemm huma disponibbli u effiċjenti l-istrumenti ta’ appoġġ għall-promozzjoni u l-iżvilupp tal-udjenzi; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkomunika lil Stati Membri oħra eżempji tal-aħjar prattiki li ħarġu mir-riżultati;

30.    Ifakkar li l-produzzjoni u l-koproduzzjoni tal-films jirrikjedu investiment finanzjarju sostanzjali, u li l-qafas legali attwali ma jipprevenix liċenzjar multiterritorjali, għalhekk jenfasizza li d-diversità tal-iskemi tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni għandhom ikomplu japplikaw sabiex jinkoraġġixxu l-investiment fil-films Ewropej, sabiex jirrispondu għas-suq Ewropew lingwistikament u kulturalment differenti u jissalvagwardjaw u jippromwovu d-diversità kulturali;

31.    Jenfasizza li l-films Ewropej jibbenefikaw minn numru kbir ta’ fondi pubbliċi Ewropej, nazzjonali u reġjonali, fejn għandhom jiġu inkoraġġita kumplimentarjetà akbar fl-użu tagħhom sabiex tiġi infurzata l-effikaċja tagħhom;

Forum Ewropew tal-Films

32.    Jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-Forum Ewropew tal-Films, sabiex jiġi ffaċilitat djalogu strutturat mal-partijiet ikkonċernati kollha fis-settur awdjoviżiv dwar l-isfidi li qed iħabbat wiċċu magħhom is-settur fl-era diġitali, bil-għan li tittejjeb il-kooperazzjoni, il-ġbir ta’ informazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki;

33.    Jitlob għar-rispett għal parteċipazzjoni u kooperazzjoni wiesgħa fost l-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha, b’mod partikolari mal-Parlament Ewropew;

Litteriżmu medjatiku

34.    Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-litteriżmu medjatiku, u b’mod partikolari l-litteriżmu tal-films, fil-kurrikula skolastiċi u f'istituzzjonijiet tal-edukazzjoni kulturali, u biex jiżviluppaw inizjattivi fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali li jkopru l-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ formali, informali u mhux formali;

35.    Huwa konxju tal-importanza partikolari taċ-ċinema bħala post tal-edukazzjoni transġenerazzjonali għal-litteriżmu tal-films u medjatiku u jilqa’ miżuri li jgħinu b’mod immirat lil din il-funzjoni taċ-ċinema;

36.    Jiġbed l-attenzjoni lejn il-promozzjoni ta’ films edukattivi għaż-żgħażagħ, u jappoġġa kompetizzjonijiet li fihom huma jiġu mħeġġa joħolqu xogħlijiet awdjoviżivi; jenfasizza wkoll il-possibilitajiet offruti mill-MEDIA fl-appoġġar tal-proġetti tal-litteriżmu tal-films;

Innovazzjoni

37.    Jappoġġa proġetti u prattiki innovattivi bħal azzjoni preparatorja tal-Kummissjoni dwar iċ-ċirkolazzjoni ta’ films Ewropej fl-era diġitali, imfassla biex jittestjaw rilaxx aktar flessibbli ta’ films fil-media f’diversi Stati Membri, u jilqa’ l-integrazzjoni ta’ din l-azzjoni fil-programm Ewropa Kreattiva;

38.    Iqis li inizjattivi bħal dawn, billi t-twieqi ta’ rilaxx isiru aktar flessibbli, jistgħu jkunu ta' benefiċċju għal ċerti tipi ta’ films Ewropej f’termini ta’ viżibbiltà, ilħuq ta’ udjenzi, dħul u ffrankar fuq spejjeż, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu aktar kunsiderazzjoni lil dawn l-inizjattivi;

Diġitalizzazzjoni u arkivjar

39.    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw id-diġitalizzazzjoni tax-xogħlijiet ċinematografiċi u jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ depożitu għall-formati diġitali jew jadattaw il-mekkaniżmi eżistenti għal dawn il-formati billi jitolbu d-depożitu ta’ master diġitali ta' standard internazzjonali għall-films diġitali;

40.    Jenfasizza l-importanza tal-arkivji awdjoviżivi, speċjalment dawk mill-istituzzjonijiet tal-patrimonju ċinematografiku u x-xandara tas-servizzi pubbliċi,u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiggarantixxu livell xieraq ta' fondi u skemi tal-approvazzjoni tad-drittijiet biex jiffaċilitaw is-sodisfazzjon tal-missjonijiet tal-interess pubbliku tagħhom, inkluż il-konservazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u t-tqegħid tal-patrimonju ċinematografiku għad-dispożizzjoni tal-pubbliku;

41.    Jenfasizza r-rwol importanti tal-librerija diġitali Ewropea EUROPEANA bħala librerija diġitali għall-patrimonju awdjoviżiv Ewropew (kemm tal-films kif ukoll tat-televiżjoni);

° °

°

42.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.

(2)

ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.

(3)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221.

(4)

ĠU C 433, 3.12.2014, p. 2.

(5)

ĠU C 332, 15.11.2013, p. 1.

(6)

ĠU C 153E, 31.5.2013, p. 102.

(7)

ĠU C 353E, 3.12.2013, p. 64

(8)

Testi adottati, P7_TA(2013)0215.

(9)

Testi adottati, P7_TA(2014)0232.


NOTA SPJEGATTIVA

Il-kreattività, fis-settur awdjoviżiv, ferm simili bħal fil-qasam tal-isport, hija purament kwistjoni ta' ħidma f’tim, billi kull membru jikkontribwixxi għas-suċċess aħħari tat-tim.

Ir-realtà ta' ħolqien ta’ film, mill-idea inizjali għall-ġbid tal-film innifsu -il-produzzjoni, il-mument li l-film joħroġ fuq l-iskrins taċ-ċinema, id-distribuzzjoni- hija msejsa fuq ħidma f'tim. Fuq l-iskrin, l-udjenzi jinnutaw biss l-artisti l-kbar, iżda dak huwa sempliċement dak li nafu bih. Film li jirnexxi, l-ewwel u qabel kollox, jitnissel mill-ideat tal-individwi kreattivi kollha, li isimhom jidher fuq l-iskrin fil-krediti fl-aħħar tal-film: xeneġġjaturi, diretturi, timijiet tekniċi, operaturi tal-kamera, fotografi, timijiet tal-effetti speċjali, eċċ. Huwa x-xogħol komuni tagħhom li jsawwar l-identità kulturali tagħna u li jiftaħ il-bieb għad-diversità fi ħdan il-kulturi lokali, nazzjonali u Ewropej tagħna.

Wim Wenders kiteb din l-idea: "Il-kultura" (...) tiddetermina r-ruħ tal-Ewropa. U ċ-ċinema għandu pożizzjoni privileġġjata f'dak il-qasam (...) Bħal ebda mezz ieħor, il-films jiġġeneraw l-identifikazzjoni (...) Il-films ma jpinġux biss stampi, iżjda jirriflettu l-istampa tas-soċjetà tagħna stess, bil-valuri tagħha, id-drawwiet, it-tamiet u l-biżgħat (..) Il-films isawru dawn il-valuri, dawn id-drawwiet u jinfluwenzaw it-tendenzi tat-tamiet u l-biżgħat.

U madankollu, ir-rwol ta’ film fis-soċjetà huwa doppju: huwa assi kemm kulturali kif ukoll ekonomiku. Settur awdjoviżiv li huwa magħqud fid-diversità tiegħu jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku, joħloq impjiegi ġodda u jmexxi l-innovazzjoni fis-suq diġitali tal-Ewropa.

M’hemm l-ebda ħolqien mingħajr ekonomija kreattiva. L-investiment fis-settur awdjoviżiv huwa essenzjali biex ix-xogħlijiet isiru aċċessibbli għall-pubbliku Ewropew. L-atturi finanzjarji ewlenin, li jippermettu lill-ħallieqa jsawru l-viżjoni tagħhom, huma produtturi, pubblikaturi, distributuri, ċinema u fornituri tas-servizz tal-VOD. Produzzjoni tista’ ssir possibbli biss permezz ta’ kollaborazzjoni mhux ristretta bejn dawn l-investituri, li tippermettilhom kollha li jipparteċipaw fi sforz finanzjarju konġunt.

Biex isir użu sħiħ mill-potenzjal kulturali u ekonomiku tagħha, l-industrija tal-films Ewropea teħtieġ li tirnexxi fl-ambjent it-tajjeb, xprunata minn qafas legali stabbli u adattabbli li jħeġġeġ l-investiment u d-diversità, u tippermetti s-servizzi ġodda biex jiżviluppaw onlajn. Id-drittijiet tal-awtur huma element importanti f’din is-sistema: jistimulaw l-investiment lokali u nazzjonali fil-produzzjoni tal-films, filwaqt li jifformaw il-bażi tal-introjtu għal dawk kollha involuti. Bħala tali, id-drittijiet tal-awtur għandhom jiggarantixxu remunerazzjoni xierqa għad-detenturi tad-drittijiet, u b’mod partikolari l-awturi.

Il-ħtieġa għat-trasparenza u l-kollaborazzjoni globali hija wkoll kruċjali, speċjalment meta jidħlu s-servizzi minn barra l-Ewropa. F’dak il-kuntest, il-Forum Ewropew tal-Films iwitti t-triq għar-rappreżentanti tas-settur, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej biex isibu soluzzjonijiet adegwati u jikkontribwixxu għal distribuzzjoni aħjar ta’ films Ewropej.

Il-potenzjal tal-industrija Ewropea tal-films

Il-proċess tad-diġitizzazzjoni fiċ-ċinema issa wasal biex jintemm, għalkemm skrins iżgħar għadhom jeħtieġu appoġġ finanzjarju. Skont l-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew (EAO), madwar 87 % tal-bażi tal-iskrin totali tal-UE ta’ 30 000 skrin ġie diġitizzat sal-aħħar tal-2013.

L-isfida li jmiss li qed jaffaċċja s-settur awdjoviżiv hija l-ħtieġa li tkun żgurata distribuzzjoni ġenwina u effiċjenti tal-films Ewropej li tiżgura l-viżibbiltà tagħhom u li jilħqu udjenzi akbar.

Is-sena 2014 kienet l-aktar sena impressjonanti f’termini tan-numru kbir ħafna ta’ films Ewropej distribwiti madwar l-Ewropa: ġew iċċirkolati 1 500, li huwa d-doppju tan-numru ta’ films Amerikani. In-numru ta’ telespettaturi ta’ films Ewropej, madankollu, irriżulta li huwa proporzjonali b’mod invers.

Fl-Ewropa, il-fondi ddedikati għall-kummerċjalizzazzjoni u l-promozzjoni ta’ spiss jammontaw għal bilkemm 1 % tal-ispejjeż globali tal-produzzjoni. Il-films Amerikani, sadanittant, jista’ jkollhom baġit ta’ kummerċjalizzazzjoni li jikkompeti mal-ispejjeż tal-produzzjoni. Barra minn hekk, il-maġġoranza tal-films Ewropej jintwerew kważi esklussivament fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. L-argument biex tingħata spinta lid-distribuzzjoni u ċ-ċirkolazzjoni tal-films Ewropej barra mill-Ewropa huwa konvinċenti mhux biss minħabba l-qligħ finanzjarju potenzjali, iżda primarjament minħabba l-valuri kulturali li jesprimu l-films Ewropej.

Distribuzzjoni, viżibbiltà u aċċessibbiltà

L-appoġġ kemm nazzjonali kif ukoll fl-UE kollha huwa fattur sinifikanti fil-ħolqien ta’ films Ewropej, iżda huwa prinċipalment immirat lejn il-kofinanzjament tal-proċess ta’ produzzjoni. Madankollu, il-fażi tad-distribuzzjoni hija fejn il-film jista’ attwalment jibda jagħmel il-qligħ. Sproporzjon bejn l-ammont ta’ appoġġ mogħti f'dawn l-istadji varji jista', fil-fatt, jillimita kemm jiġi ppubbliċizzat il-film.

Il-finanzjament pubbliku jeħtieġ li jkun ibbilanċjat aħjar u għandu jiffoka aktar fuq l-espansjoni tal-udjenzi ta’ films Ewropej u jagħti spinta lill-appoġġ għall-attivitajiet bħall-iżvilupp tal-proġett, il-promozzjoni u d-distribuzzjoni internazzjonali. Bħalissa, kważi 70 % tal-fondi pubbliċi huma allokati għall-produzzjoni, u mhux biex jimmassimizzaw l-udjenza potenzjali tal-film. B’numru dejjem jikber ta’ servizzi tal-VOD kif ukoll ta' fajls disponibbli onlajn biex jitniżżlu, konsiderazzjoni oħra importanti tinsab fil-flessibbiltà u l-esperimentazzjoni ulterjuri fis-settur awdjoviżiv.

Biex jitpoġġa d-daqs attwali tas-suq Ewropew f’perspettiva, ta’ min iqis kemm jaffaċċja ostakli film b’baġit żgħir għall-promozzjoni. L-armonizzazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-oqfsa ta’ appoġġ nazzjonali huwa pass rakkomandat, billi komunikazzjoni solida bejn il-pajjiżi individwali u n-nies involuti biss tista’ tiddefinixxi l-ammont ta’ appoġġ li huwa meħtieġ biex jimmassimizza l-udjenza potenzjali tal-film.

Meta wieħed iqis li s-sistemi nazzjonali u reġjonali ta’ appoġġ jiffukaw prinċipalment fuq l-istadju tal-produzzjoni, il-programmi tal-UE għandhom l-opportunità li jimmiraw l-oqsma nieqsa mill-fondi ta’ distribuzzjoni, il-promozzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni. Vantaġġ wieħed evidenti ta’ din is-soluzzjoni jinsab fi ħdan il-pożizzjoni tal-UE bħala ċentru potenzjali għal finanzjament ta’ distribuzzjoni - mossa li tissistematizza l-proċess b’mod sinifikanti.

L-isfera tal-promozzjoni tal-films Ewropej għandha tqis ir-rwol ta’ kanali ġodda ta’ distribuzzjoni, bħal streaming jew servizzi tal-VOD. Is-settur tal-VOD u fornituri oħra legali onlajn, barra minn hekk, għandhom ikomplu jirċievu sostenn bħala l-miżuri primarji li jikkontrobattu l-piraterija. Tabilħaqq, id-distribuzzjoni onlajn tagħti ħajja ġdida lill-films. U filwaqt li t-televixin jibqa’ estremament komuni fid-djar Ewropej, ir-rwol tax-xandara, speċjalment xandara pubbliċi, huwa essenzjali peress li dawn għandhom jiġu mħeġġa juru films Ewropej ta’ kwalità għolja fil-programmazzjoni tagħhom.

Huwa wkoll essenzjali li jiġi rikonoxxut il-fatt li t-teatri taċ-ċinema huma l-pedament tad-distribuzzjoni tal-films Ewropej. F’dan il-kuntest, il-frażi “ċinema Ewropea” twassal l-idea li s-setgħa tagħha tinsab preċiżament fi skambju kulturali kostanti, permezz ta’ koproduzzjonijiet jew dehriet ta’ mistiedna transkonfinali fil-films barranin.

Finanzjament u programmi ta’ appoġġ għas-settur awdjoviżiv

Il-programm Ewropa Kreattiva, b’baġit ta’ € 1.5 biljun għall-2014-2020, huwa sors estremament importanti tal-finanzjament għas-settur awdjoviżiv. Il-programm jiddedika aktar minn nofs il-baġit tiegħu għas-sottoprogramm MEDIA, li jsaħħaħ l-iżvilupp taċ-ċinema Ewropea, id-distribuzzjoni, is-sessjonijiet ta’ taħriġ u l-innovazzjoni. Id-dispożizzjonijiet baġitarji fis-snin li ġejjin jappoġġaw iċ-ċirkolazzjoni ta’ aktar minn 800 film Ewropew kemm ġewwa, kif ukoll barra mill-Ewropa. Barra minn hekk, il-programm għandu l-għan li joffri appoġġ kontinwu għal aktar minn 80 festival tal-films Ewropej, li jippromwovu films mir-reġjun. Dan it-tip ta’ finanzjament iġib udjenzi ġodda għal xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej filwaqt li jħares id-diversità kulturali u lingwistika.

Metodi ġodda ta’ distribuzzjoni u mudelli ta’ negozji jistgħu jimmarkaw il-wasla ta’ sorsi ta’ finanzjament innovattivi: il-wiri fiċ-ċinema, il-ħruġ ta’ DVD u forom ġodda ta’ aċċess, bħas-streaming jew servizzi tal-VOD, ma jeskludux lil xulxin, peress li l-isfera ta’ influwenza tagħhom hija diversifikata mingħajr ma jġarrbu ebda telf. Kull min jibbenefika mill-industrija tal-films, inklużi s-servizzi tal-VOD, għandu jkun imħeġġeġ jappoġġa l-produzzjoni tal-films, bħala rekwiżit ġust. Għandu jintbagħat sinjal politiku ċar f’dan ir-rigward. Il-promozzjoni ta’ offerti legali jista’ wkoll ikollha rwol importanti biex jintlaħaq dak l-għan.

L-Istrument ta’ Garanzija Finanzjarja, li għandu jitnieda fl-2016, huwa strument notevoli ieħor, peress li jippermetti liċ-ċinematografiċi li jieħdu self bankarju. Il-programm se jiġi rregolat mill-Fond Ewropew għall-Investiment, parti mill-Bank Ewropew għall-Investiment.

Litteriżmu tal-films u medjatiku

Il-litteriżmu tal-films jista’ jkollu impatt sinifikanti fuq l-individwi, peress li jista’ jinfluwenza l-iżvilupp taż-żgħażagħ kif ukoll il-perċezzjoni tagħhom tad-dinja esterna. Tliet kwarti tat-telespettaturi żgħażagħ jistqarru li raw films li influwenzawhom bil-kbir. L-introduzzjoni tal-litteriżmu tal-films fil-livelli kollha tal-edukazzjoni fl-Istati Membri għalhekk għandha rwol importanti ħafna u toffri benefiċċji fit-tul. Aspett integrali tal-edukazzjoni tal-films huwa li l-imħuħ taż-żgħażagħ jingħataw direzzjoni għal valutazzjoni bir-reqqa analitika ta’ xogħlijiet awdjoviżivi, kif ukoll diskussjoni dwar il-kwistjonijiet murija fil-film, u l-emozzjonijiet imqanqla. Il-kuntatt ma’ films Ewropej huwa wieħed mill-aħjar modi biex insiru nafu dwar l-istorja, il-kultura, it-tradizzjonijiet u l-lingwa tal-ġirien Ewropej.

Vantaġġ ieħor tal-edukazzjoni tal-films huwa r-rwol tagħhom bħala introduzzjoni fl-edukazzjoni tal-media, li hija waħda mill-prijoritajiet edukattivi tal-UE. L-edukazzjoni tal-media tipprepara lill-istudenti jaffaċċjaw l-isfidi tad-dinja diġitali, tgħallimhom jużaw b’mod tajjeb teknoloġiji ġodda u twassal għal żieda fl-għarfien dwar l-implikazzjonijiet meta dak li jkun jagħżel kontenut legali fuq kontenut piratat.

Strumenti ta’ promozzjoni u ċirkolazzjoni tal-films Ewropej

Il-festivals tal-films jipprovdu mod għall-promozzjoni u l-investiment fl-aċċess għaċ-ċinema Ewropea fl-Ewropa kollha, billi l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej huma mħeġġa jippromwovu, jappoġġaw u jiċċirkolaw il-produzzjonijiet l-aktar ta’ valur permezz ta’ avvenimenti distinti. L-importanza mogħtija lill premjijiet Ewropej tal-films għandha tkompli tiżdied, peress li dawn l-avvenimenti jippermettu lill-films jivjaġġaw ħafna.

Il-Premju LUX tal-PE huwa l-eżempju perfett ta’ kif il-films Ewropej għandhom jiġu promossi. Kull sena, il-premju jitfa’ l-attenzjoni fuq films li jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-opinjoni pubblika Ewropea. Is-setgħa tiegħu li jikkomunika kulturi fost il-kulturi tagħmel il-film l-istrument ideali ta’ dibattitu dwar l-Ewropa u l-ġejjieni tagħha. Fil-kuntest ta’ kriżijiet ekonomiċi, politiċi u soċjali attwali, li jheddu wkoll l-arti, il-kultura u l-films, il-Premju LUX joffri pjattaforma solida għall-kreattività Ewropea.

Żewġ fatturi oħra li jinfluwenzaw iċ-ċirkolazzjoni tal-films huma s-sottotitoli u d-doppjaġġ. Il-kopji diġitali ħadu post dawk analogi, u l-ispejjeż tat-traduzzjoni tas-sottotitoli naqsu b’mod sinifikanti. Kwalunkwe film jista’ jiġi offrut f’numru ta’ lingwi, li għandu jwassal għal ċirkolazzjoni akbar tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej ta’ kwalità oħra. Sabiex jiġu limitati l-ispejjeż, u biex tiġi stimulata l-popolarità taċ-ċinema Ewropea, proġett pilota jista’ jitwettaq biex tiġi investigata l-possibbiltà ta’ pjattaforma onlajn fejn it-traduzzjonijiet tas-sottotitoli jinxtraw mill-folla.

Fil-qosor, ir-rapport dwar “iċ-ċinema Ewropea fl-era diġitali” għandu l-għan li jappoġġa lill-film Ewropew, u jagħti spinta lill-promozzjoni, id-distribuzzjoni u l-viżibbiltà tiegħu sabiex l-Ewropej kollha jkunu jistgħu jgawdu mill-benefiċċji tal-wirt kulturali tagħhom.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.3.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Silvia Costa, Mircea Diaconu, Damian Drăghici, Angel Dzhambazki, Jill Evans, Emmanouil Glezos, Giorgos Grammatikakis, Petra Kammerevert, Andrew Lewer, Svetoslav Hristov Malinov, Fernando Maura Barandiarán, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Michaela Šojdrová, Yana Toom, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Theodoros Zagorakis, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Sylvie Guillaume, György Hölvényi, Dietmar Köster, Ernest Maragall, Emma McClarkin, Martina Michels, Liadh Ní Riada

Avviż legali