Proċedura : 2014/2223(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0126/2015

Testi mressqa :

A8-0126/2015

Dibattiti :

PV 27/04/2015 - 24
CRE 27/04/2015 - 24

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2015 - 7.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0109

ABBOZZ TA’ RAPPORT     
PDF 311kWORD 239k
1.4.2015
PE 544.341v02-00 A8-0126/2015

dwar “Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti”

(2014/2223(INI))

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

Rapporteur: Elisabeth Köstinger

Rapporteur għal opinjoni (*):

Francesc Gambús, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

(*)       Kumitat assoċjat – l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura

EMENDI
ABBOZZ TA’ RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

ABBOZZ TA’ RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar “Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti”

(2014/2223(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem ta' “Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti” (COM(2013)0659),

–       wara li kkunsidra d-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni (SWD(2013) 0342) u (SWD(2013) 0343) mehmuża mal-komunikazzjoni,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd tad-19 ta’ Mejju 2014 dwar Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti,

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-30 ta' Jannar 2014, bl-isem ta' “Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti",

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-10 ta’ Lulju 2014 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem ta' “Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti",

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2006 dwar l-implimentazzjoni ta' strateġija tal-Unjoni Ewropea għall-forestrija(1),

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna"

–       wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropa 2020, inkluż l-inizjattivi l-Unjoni ta' Innovazzjoni u Ewropa Effiċjenti fir-Riżorsi,

–       wara li kkunsidra il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjun bl-isem ta' "Strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima" (COM/2013/0216),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat għar-Reġjuni bl-isem ta' "L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020" (COM(2011)0244),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0126/2015),

A.     billi l-Unjoni Ewropea ma għandha l-ebda kompetenza biex tfassal politika forestali komuni, għalkemm uħud mill-politiki tal-Unjoni jista' jkollhom implikazzjonijiet fuq il-politiki forestali nazzjonali, filwaqt li huma l-Istati Membri li jiddeċiedu dwar l-approċċi politiċi għall-forestrija u l-foresti;

B.     billi, minkejja li jidher li hu ċar li dan hu qasam ta' responsabilità tal-Istat Membru, hemm vantaġġi potenzjali għan-negozji bbażati fuq il-foresti b'koordinament aħjar u aktar attiv u bi profil ogħla għal dan is-settur ekonomiku importanti, li jiggarantixxi impjiegi fil-livell Ewropew, partikolarment fl-oqsma rurali, filwaqt li jħares l-ekosistemi u joffri vantaġġi ekoloġiċi għal kulħadd, mingħajr ma jippreġudika r-responsabilità tal-Istati Membri;

C.     billi l-injam hu riżors rinnovabbli li spiss mhuwiex sfruttat biżżejjed fl-Ewropa, u l-użu intelliġenti u sostenibbli ta’ din il-materja prima jeħtieġ li jiġi żgurat, inkluż permezz tal-iżvilupp u l-iskambju ta’ know-how;

D.     billi l-foresti huma sors ta’ flora, fawna u fungi uniċi;

E.     billi d-daqs u l-karatteristiċi tal-foresti jvarjaw ħafna, b'xi Stati Membri jkollhom aktar minn nofs it-territorji tagħhom koperti minn foresti; billi l-foresti ġestiti b’mod sostenibbli għandhom importanza enormi f’termini ta’ żieda ta’ valur fil-livell lokali, reġjonali, Ewropew u fil-livell internazzjonali, bil-garanzija ta' impjiegi f’żoni rurali u b'kontribut għal soċjetà bbażata fuq il-bijoekonomija, li tirrappreżenta benefiċċju għas-saħħa tal-bniedem, speċjalment f’reġjuni strutturalment żvantaġġati, filwaqt li fl-istess ħin jagħtu kontribut essenzjali għall-ħarsien ambjentali u klimatiku kif ukoll għall-bijodiversità;

F.     billi l-bijomassa tal-foresti hija sors importanti ħafna ta’ enerġija rinnovabbli; billi l-foresti Ewropej attwalment jassorbu u jaħżnu madwar 10 % tal-emissjonijiet tal-karbonju tal-UE u għalhekk jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-isforzi ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima;

G.     billi, minħabba l-urbanizzazzjoni tas-soċjetà tagħna, iċ-ċittadini tal-UE jħossu inqas konnessjoni mal-foresti u għandhom ftit għarfien dwar il-forestrija jew dwar l-impatt tagħha fuq il-prosperità, l-impjiegi, il-klima, l-ambjent, is-saħħa tal-bniedem u l-katina tal-valuri kollha flimkien mar-rabta ma’ ekosistemi usa’;

H.     billi numru dejjem ikbar ta’ politiki tal-UE qed iżidu dejjem iktar il-pressjoni fuq il-foresti; billi din il-pressjoni teħtieġ li tiġi bbilanċjata bir-reqqa, u t-talba għal użi ġodda ta' injam fil-bijoekonomija u għall-bijoenerġija għandha tkun akkumpanjata minn użu effikaċi tar-riżorsi, l-użu ta’ teknoloġija ġdida u r-rispett għal-limitiazzjonijiet tal-provvista sostenibbli;

I.      billi l-forestrija Ewropea hi kkaratterizzata minn ġestjoni sostenibbli u minn ippjanar fit-tul, u billi l-prinċipju ta’ sostenibilità għandu jiġi enfasizzat b’iktar qawwa fil-livelli kollha, minn dak lokali għal dak globali, sabiex jinħolqu l-impjiegi, tiġi protetta l-bijodiversità, jittaffa t-tibdil fil-klima u tiġi miġġielda d-deżertifikazzjoni;

J.      billi jeħtieġ li jiġi enfasizzat ir-rwol ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-foresti, anke fil-kuntest tal-protezzjoni u l-promozzjoni tal-patrimonju kulturali u naturali u l-promozzjoni ta’ (eko)turiżmu sostenibbli;

K.     billi popolazzjoni dinjija dejjem akbar tfisser żieda fid-domanda għall-enerġija, u għalhekk il-foresti għandhom iwettqu rwol aktar importanti fit-taħlita enerġetika futura tal-UE;

Ġenerali — l-importanza tal-foresti, il-forestrija u s-settur ibbażat fuq il-foresti għall-ekonomija u għas-soċjetà

1.      Jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti u d-dokumenti ta’ ħidma li jakkumpanjawha, u jenfasizza li l-istrateġija tal-UE għall-foresti għandha tiffoka fuq il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u r-rwol multifunzjonali tagħhom minn perspettivi ekonomiċi, soċjali u ambjentali u għandha tiżgura koordinament u komunikazzjoni aħjar tal-politiki Komunitarji li huma direttament jew indirettament marbuta mal-forestrija; jirrimarka, f’dan il-kuntest, li numru dejjem jikber ta’ inizjattivi politiċi Ewropej f’oqsma bħall-politika ekonomika u tal-impjiegi, il-politika tal-enerġija u l-politika ambjentali u klimatika jeħtieġu kontribuzzjoni ikbar min-naħa tas-settur tal-forestrija;

2.      Jenfasizza l-bżonn li jiġi determinat b’mod aktar sistematiku l-valur tas-servizzi tal-ekosistemi tal-foresti u li għandu jittieħed kont ta' dan fit-teħid ta’ deċiżjonijiet kemm fis-setturi pubbliċi u f'dawk privati;

3.      Jinnota li l-foresti tal-muntanji li huma b’saħħithom u stabbli biss huma kapaċi jwettqu bis-sħiħ il-funzjonijiet tagħhom ta’ protezzjoni tal-bnedmin u tan-natura billi jkunu jifilħu għall-valangi tas-silġ u tat-tajn u jservu ta’ protezzjoni naturali kontra l-għargħar; jisħaq li f’dan il-kuntest, b’mod partikolari, il-komunikazzjoni transnazzjonali hi indispensabbli;

4.      Jenfasizza f’dan ir-rigward li għandu jiġi reżistit kull tentattiv biex il-forestrija ssir kwistjoni ta' politika tal-UE, u l-bażi lokali u reġjonali tas-settur u l-kompetenza tal-Istati Membri f’dan il-qasam għandhom jiġu rispettati filwaqt li għandha tinstab koerenza bejn il-kompetenzi rispettivi tal-UE u tal-Istati Membri;

5.      Jenfasizza li l-foresti tal-UE huma kkaratterizzati minn diversità kbira, inklużi differenzi kbar fis-sjieda, id-daqs, in-natura u l-isfidi ffaċċjati mill-foresti;

6.      Jenfasizza li l-istrateġija tal-UE għall-foresti għandha tikkunsidra l-fatt li l-foresti jkopru aktar minn nofs it-territorju ta’ xi Stati Membri u li foresti ġestiti b’mod sostenibbli huma importanti ħafna biex jiżdied il-valur fil-livell lokali u reġjonali u biex jiġu garantiti l-impjiegi f’żoni rurali, filwaqt li fl-istess ħin jagħtu kontribut vitali għall-ambjent;

7.      Jenfasizza r-rwol partikolarment ta’ valur ta’ taħlita ta' foresti stabbli inkluż ta' speċijiet indiġeni ta’ siġar adattati għall-kundizzjonijiet lokali, kif ukoll ir-rwol essenzjali li l-foresti mħallta jaqdu fl-ekosistemi u l-kontribut tagħhom għall-bijodiversità;

8.      Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw l-isforzi tas-sidien tal-foresti biex jippreservaw u wkoll biex joħolqu foresti mħallta nattivi tipiċi taż-żona;

9.      Jesprimi d-diżappunt tiegħu għall-fatt li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-foresti mhumiex inklużi bħala punt ta’ referenza fl-istrateġija proposta, u jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra organizzazzjoni ta' xogħol intelliġenti, standards għoljin fit-teknoloġija u impjiegi ta’ kwalità;

10. Jinnota li s-settur tal-foresti attwalment jimpjega 'l fuq minn 3 miljun ċittadin Ewropew, u jenfasizza li l-kompetittività fit-tul tiegħu tinkiseb biss b’forza tax-xogħol kompetenti;

11.    Iqis li l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-UE li jkollha faċilitajiet ta’ taħriġ rilevanti u forza tax-xogħol li hi konxja bis-sħiħ tal-isfidi u t-theddid attwali ffaċċjati mis-settur tal-foresti, iżda wkoll tar-regoli ta’ sikurezza inerenti għall-ġestjoni tal-foresti;

12.    Jenfasizza l-ħtieġa għal strateġija komprensiva u olistika konġunta, u jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rikonoxximent tar-rwol ekonomiku, ambjentali u soċjali u l-benefiċċji tal-foresti u tas-settur ibbażat fuq il-foresta fl-UE;

13.    Jemmen li dan ir-rikonoxximent jipprovdi bażi soda ta' appoġġ għas-settur tal-forestrija tal-UE, inter alia fil-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ diżastri forestali, fit-titjib tal-effiċjenza tar-riżorsi, iż-żieda tal-kompetittività, bi spinta lill-impjiegi, it-tisħiħ tal-industriji bbażati fuq il-foresti u l-ippreservar tal-funzjonijiet ekoloġiċi;

14.    Jenfasizza r-rwol sinifikanti mwettaq mill-bijoekonomija f'termini tal-kisba tal-prijoritajiet il-ġodda ta' tkabbir, impjiegi u investiment tal-Kummissjoni;

15.    Jirrikonoxxi li l-UE għandha rwol xi twettaq fl-appoġġ ta’ politiki nazzjonali biex tinkiseb ġestjoni attiva, multifunzjonali u sostenibbli tal-foresti, inkluż il-ġestjoni ta’ tipi differenti ta’ foresti, u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni biex jiġu trattati l-isfidi transfruntiera, bħal nirien fil-foresti, it-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali, jew minn speċi aljeni invażivi;

16.    Hu tal-fehma li hemm bżonn li jittieħed kont akbar tal-problema tal-mard tas-siġar bħad-deklin tal-ballut (oak decline), li qed jagħmel ħerba mill-pjantaġġuni tas-siġar tal-ballut għas-sufra fil-Portugall, Franza u Spanja, u li qed jaffettwa wkoll Żoni ta' Protezzjoni Speċjali u riżervi tal-bijosfera;

17.    Jisħaq fuq il-fatt li t-tkabbir previst fid-domanda għall-injam huwa kemm opportunità kif ukoll sfida għall-foresti u s-setturi bbażati fuq il-foresti kollha, speċjalment peress li n-nixfiet, in-nirien, il-maltempati u l-annimali ta' ħsara huma mistennija li jikkawżaw dannu għall-foresti b'iktar frekwenza u b'mod iktar qawwi b'riżultat tat-tibdil fil-klima; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li l-foresti jiġu protetti minn dan it-theddid li qed jikber u li jiġu rikonċiljati l-funzjonijiet produttivi u protettivi tagħhom;

18.    Jilqa' l-azzjoni għal tkabbir tal-kopertura forestali speċjalment bi speċi nattivi, f'żoni mhux adattati għall-produzzjoni tal-ikel u partikolarment dawk qrib ħafna taż-żoni urbani b'mod li jiġu mitigati l-effetti ħżiena tas-sħana, jitnaqqas it-tniġġis u jissaħħu r-rabtiet bejn in-nies u l-foresti;

19.    Jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-isforzi tal-Kummissjoni għall-promozzjoni ta' impjiegi relatati mal-foresti u mal-ħolqien tal-prosperità fl-Ewropa b’mod sostenibbli;

20.    Jenfasizza r-rwol importanti ta' produzzjoni sostenibbli u l-użu tal-injam u materjal ieħor ibbażat fuq il-foresta, bħas-sufra, u derivati tal-injam inkluż fibri tessili għall-iżvilupp ta' mudelli ekonomiċi sostenibbli u l-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi;

21.    Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza d-diffikultajiet fin-naħa t'isfel tal-katina ta’ provvista relatati ma’ żieda fid-domanda minn pajjiżi terzi, partikolarment għal roundwoods, u tagħti appoġġ lil dan is-settur;

22.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu inċentivi biex iħeġġu lill-grupp dejjem akbar ta’ nisa sidien ta' foresti jiksbu pariri u appoġġ speċjali b'rabta mal-ġestjoni attiva u sostenibbli tal-foresti tagħhom;

23.    Jenfasizza li madwar 60 % tal-foresti tal-UE huma privati, b’madwar 16-il miljun sid privat tal-foresti, u jenfasizza f’dan il-kuntest l-importanza tas-sjieda u tad-drittijiet ta’ proprjetà u jappoġġa l-miżuri kollha li jippermettu lil gruppi ta’ partijiet interessati jipparteċipaw fi djalogu dwar it-tisħiħ u l-implimentazzjoni tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u biex itejbu l-iskambju ta’ informazzjoni;

24.    Jinnota li s-sidien tal-foresti huma atturi ewlenin f'żoni rurali, u jilqa’ f’dan ir-rigward, ir-rikonoxximent tar-rwol tal-foresti u tal-agroforestrija, fil-Programm tal-Iżvilupp Rurali 2014-2020 tal-PAK;

25.    Iqis li l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Foresti tista’ tissaħħaħ jekk tiġi appoġġata b'koordinament xieraq b'finanzjament disponibbli mill-UE, inkluż mill-FAEŻR; 

26.    Jenfasizza l-opportunità għall-Istati Membri u r-reġjuni biex jużaw il-fondi disponibbli fil-qafas tal-programmi tal-iżvilupp rurali rispettivi tagħhom, biex jagħtu appoġġ lill-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u jagħtu spinta lill-agroforestrija u biex jiksbu beni ambjentali pubbliċi bħall-produzzjoni tal-ossiġenu, bjar tal-karbonju u l-protezzjoni tal-uċuħ tar-raba’ kontra l-effetti tal-klima, kif ukoll l-istimular tal-ekonomiji lokali u l-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi;

27.    Jirrikonoxxi l-ħtieġa għal trasport u l-loġistika mtejba għall-ġestjoni tal-foresti u għall-estrazzjoni tal-injam; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, jiżviluppaw loġistiċi u sistemi sostenibbli ta’ qtugħ ta' siġar li jkollhom effett inqas negattiv fuq il-klima, inkluż l-użu ta’ trakkijiet u bastimenti mħaddma minn bijokarburanti sostenibbli kif ukoll l-użu estiż tal-ferroviji; iħeġġeġ, għal dan il-għan, l-użu tal-Fondi Strutturali tal-UE u tal-Programmi għall-Iżvilupp Rurali;

28.    Jirrikonoxxi r-rwol tal-foresti fis-soċjetà b’rabta mas-saħħa fiżika u mentali taċ-ċittadini u li l-beni pubbliċi prodotti mill-foresti jkunu ta’ valur ambjentali u rikreattiv għoli u b'rabta mal-kontribut għall-kwalità tal-ħajja, b’mod partikolari fir-rigward tal-provvista tal-ossiġenu, is-sekwestru tal-karbonju, il-filtrazzjoni tal-arja, il-ħżin u l-iffiltrar tal-ilma, il-kontroll tal-erożjoni u l-protezzjoni kontra l-valangi, kif ukoll billi jipprovdu post għal attivitajiet fil-beraħ;

29.    Iħeġġeġ konnessjonijiet ta' trasport pubbliku bejn żoni urbani u foresti sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-foresti u l-imsaġar;

30.    Jenfasizza l-importanza ta’ attivitajiet oħra relatati mal-foresti, pereżempju. il-ħażna ta’ prodotti tal-foresti mhux tal-injam bħal faqqiegħ jew frott artab, kif ukoll ragħa u trobbija tan-naħal;

31.    Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi attivitajiet ekonomiċi li jistgħu jservu bħala sors ta’ materja prima għall-industriji farmaċewtiċi, kosmetiċi u tal-ikel u li dawn jintużaw bħala mezz alternattiv ta’ kif jiġu ttrattati l-qgħad u d-depopolazzjoni rurali, u wkoll biex tippromwovi l-prodotti ta’ dawk l-attivitajiet ta’ benefiċċju għas-saħħa tal-bniedem;

Effiċjenza fir-Riżorsi - l-injam bħala materja prima sostenibbli (ġestjoni sostenibbli tal-foresti)

32.    Jenfasizza li l-użu ta’ injam u prodotti tal-injam maħsud oħra bħala materja prima rinnovabbli u li ma tagħmilx ħsara lill-klima, min-naħa u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti mill-oħra, għandhom rwol importanti x’jaqdu fil-kisba tal-għanijiet soċjopolitiċi tal-UE bħat-tranżizzjoni tal-enerġija, il-mitigazzjoni u l-adattament klimatiku, u l-implimentazzjoni tal-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-miri tal-bijodiversità; jinnota li n-nuqqas ta' ġestjoni attiva tal-foresti tmur kontra dawn il-miri;

33.    Jenfasizza li l-foresti ġestiti għandhom kapaċità ta’ assorbiment ogħla ta’ CO2 minn foresti mhux ġestiti, u jenfasizza l-importanza ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti biex jiġi massimizzat il-potenzjal ta’ sekwestru tal-karbonju tal-foresti tal-UE;

34.    Jemmen li l-foresti m’għandhomx jitqiesu biss bħala bjar tal-karbonju;

35.    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li r-riżorsi tal-foresti u l-materjali tal-injam jintużaw u jerġgħu jintużaw b'mod effiċjenti, bħala mezz biex jitnaqqas id-defiċit kummerċjali tal-UE, biex titjieb l-awtosuffiċjenza tal-UE fil-qasam tal-injam, tissaħħaħ il-kompetittività tas-settur forestali tagħha, tingħata għajnuna għat-tnaqqis ta' ġestjoni insostenibbli tal-foresti, jitħares l-ambjent, u titnaqqas id-deforestazzjoni fil-pajjiżi barra mill-UE;

36.    Jesprimi appoġġ ċar għall-użu effiċjenti tal-injam bħala materja prima rinnovabbli, u versatili b'disponibilità limitata u jopponi l-użu ta' regoli legalment vinkolanti biex tingħata prijorità lill-użi tal-injam, peress li dan mhux biss jirrestrinġi s-suq tal-enerġija u l-iżvilupp ta' użi ġodda u innovattivi tal-bijomassa, iżda huwa wkoll impossibbli li jiġi infurzat f’ħafna żoni mbiegħda u rurali, jekk xejn minħabba raġunijiet ta' infrastruttura;

37.    Jappoġġa approċċ miftuħ, orjentat lejn is-suq u l-libertà għall-parteċipanti kollha tas-suq billi tingħata prijorità lil injam miksub lokalment sabiex tiġi minimizzata l-marka tal-karbonju maħluqa minn trasport barrani, u biex tkun stimolata l-produzzjoni sostenibbli lokali;

38.    Jikkunsidra essenzjali li, peress li parti mill-akbar riżors ta' bijomassa tal-Unjoni tinsab fl-aktar reġjuni mbiegħda u b'popolazzjoni baxxa, l-istrateġija għandha tqis bis-sħiħ ukoll l-ispeċifiċitajiet ta' dawk ir-reġjuni;

39.    Jirrikonoxxi l-valur tal-injam għal skopijiet ta’ enerġija bħala mezz biex jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku, u bħala kontribut għall-miri tal-enerġija rinnovabbli tal-qafas għall-klima u l-enerġija tal-2030, u l-ftuħ ta' opportunitajiet ta’ negozju ġodda;

40.    Iqis li l-istrateġija l-ġdida għall-foresti għandha tippermetti kooperazzjoni akbar dwar il-kwistjoni tal-istrutturar tal-industrija tal-injam u r-raggruppament tal-operaturi, bil-għan li jiġi żgurat użu aħjar tar-riżorsi tal-foresta;

41.    Huwa tal-fehma li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti għandha tissejjes fuq prinċipji ġeneralment rikonoxxuti u aċċettati u fuq għodod, bħal kriterji u indikaturi għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, li għandhom dejjem japplikaw għas-settur kollu kemm hu, irrispettivament mill-użu aħħari tal-injam;

42.    Jappoġġa l-għanijiet tal-Kummissjoni li tiżviluppa, flimkien mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati, ġabra ta' kriterji ambizzjużi, oġġettivi u xjentifiċi u indikaturi għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, filwaqt li jenfasizza li dawn il-kriterji għandhom jiġu allinjati mar-rekwiżiti ta’ Forest Europe (Konferenza Ministerjali dwar il-Protezzjoni tal-Foresti fl-Ewropa)(2), li jiffurmaw bażi pan-Ewropea għal rappurtar uniformi dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u bażi għal ċertifikazzjoni tas-sostenibilità, filwaqt li titqies id-diversità tat-tipi ta’ foresti madwar l-Ewropa;

43.    Jirrikonoxxi d-domanda li dejjem tikber għal materjali ġejjin mill-foresti, primarjament minħabba ż-żieda fin-numru ta’ enerġiji rinnovabbli bbażati fuq il-bijomassa, jitlob li jinstabu mezzi ġodda ta’ żieda fid-disponibilità ta’ injam sabiex jiġi żgurat l-isfruttament sostenibbli tal-foresti;

44.    Jinnota l-progress sinifikanti li sar fin-negozjati fi ħdan il-Forest Europe lejn “Konvenzjoni Ewropea dwar il-Foresti”(3) bħala qafas vinkolanti għal ġestjoni sostenibbli tal-foresti u għat-titjib tal-bilanċ tal-interessi fil-politika dwar il-foresti, u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jwettqu l-isforzi kollha meħtieġa biex ikomplu dawn in-negozjati u jmexxuhom 'il quddiem għal konklużjoni b’suċċess;

45.    Huwa tal-fehma li l-pjanijiet ta’ ġestjoni għall-foresti jew ta' strumenti ekwivalenti jistgħu jkunu strumenti strateġiċi importanti għall-implimentazzjoni ta’ miżuri konkreti fil-livell ta’ intrapriżi individwali, għall-ippjanar fit-tul u għall-implimentazzjoni tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti f’foresti Ewropej; jenfasizza, madankollu, li l-implimentazzjoni ta’ miżuri konkreti li jinsabu f’dawn il-pjanijiet f’livell ta’ azjenda forestali għandha tibqa’ soġġetta għar-regolamenti nazzjonali;

46.    Jistieden lill-Istati Membri biex, b’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, jissorveljaw u jippromwovu l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti mingħajr ma joħolqu piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa;

47.    Jilqa’ distinzjoni ċara bejn pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti u pjanijiet ta’ ġestjoni skont Natura 2000;

48.    Jirrimarka li pjanijiet għall-ġestjoni tal-forestrija huma biss kundizzjoni biex wieħed jirċievi fondi tal-UE għall-iżvilupp rurali għal benefiċjarji ta’ ’l fuq minn ċertu daqs ta’ azjenda, u li l-foresti taħt id-daqs limitu jkunu eżentati; barra minn hekk jinnota li jistgħu wkoll jiġu approvati strumenti ekwivalenti;

49.    Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ minn din il-flessibbiltà eżistenti fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, speċjalment għall-benefiċċju ta' operaturi iżgħar;

50.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu inċentivi u jappoġġaw mudelli kummerċjali ġodda, bħal pereżempju kooperattivi tal-produzzjoni, li jfittxu li jħeġġu lis-sidien tal-foresti privati żgħar sabiex jiġġestixxu l-foresti tagħhom b’mod attiv u sostenibbli;

51.    Isostni li, biex l-istrateġija tiġi implimentata kif jixraq, huwa essenzjali li jkun hemm pjan ta' azzjoni speċifiku fit-tul li jenfasizza l-importanza tal-mobilizzazzjoni u użu sostenibbli tal-injam forestali, bil-għan li jinħolqu valur miżjud u impjiegi, filwaqt li jiġi pprovdut mezz għat-tisħiħ tan-negozji forestali privati u jiġu appoġġati raggruppamenti organizzati ta' sidien ta' foresti;

52.    Jenfasizza li l-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi għandha tinkludi programmi ta’ appoġġ għall-afforestazzjoni ta’ żoni ta' art li mhumiex adattati għall-agrikoltura, kif ukoll għall-ħolqien tal-ilqugħ mir-riħ (shelter belts);

Riċerka u Żvilupp - edukazzjoni u taħriġ

53.    Iqis li għandha tingħata prijorità lill-applikazzjoni prattika tar-riċerka, peress li s-settur kollu jkun jista’ jibbenefika minn ideat ġodda u l-industriji bbażati fuq il-foresti għandhom potenzjal ta’ tkabbir kbir; iqis ukoll li investimenti ulterjuri fl-innovazzjoni fis-settur jistgħu joħolqu niċeċ ta’ produzzjoni ġodda u proċessi aktar effiċjenti li jiżguraw użu aktar intelliġenti ta' riżorsi disponibbli u jistgħu jnaqqsu l-impatti negattivi fuq ir-riżorsi tal-foresti;

54.    Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta, mil-lat ta’ prijoritajiet ta’ xogħol tal-forestrija u tal-injam, il-Programmi Ewropej ta' Riċerka u Żvillupp (Orizzont 2020) u l-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju (COSME) u, fejn xieraq, tiżviluppa strumenti ġodda fis-settur ibbażat fuq il-foresti u tippromwovi riċerka mmirata f'soluzzjonijiet kosteffettivi għal prodotti tal-injam ġodda u innovattivi ta' appoġġ għall-iżvilupp ta' bijoekonomija sostenibbli tal-injam;

55.    Jilqa’ l-benefiċċji ta' skambju tal-aħjar prattiki u għarfien eżistenti dwar il-foresti bejn l-Istati Membri, u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġaw skambji bejn l-industrija, ix-xjenzjati u l-produtturi;

56.    Jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġjati programmi ta’ qafas tal-UE għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni biex jinkiseb tkabbir intelliġenti u sostenibbli, prodotti b’valur miżjud ogħla, teknoloġija aktar nadifa u grad għoli ta’ avvanz teknoloġiku, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ bijokarburanti raffinati u bini industrijali li juża l-injam, kif ukoll fis-setturi tal-karozzi u tat-tessuti;

57. Ifakkar li, skont il-Kummissjoni, fl-2009, il-bijoekonomija rrappreżentat suq li kien stmat 'il fuq minn EUR 2 triljun, li pprovdiet 20 miljun impjieg u kienet tirrappreżenta 9 % tal-impjieg totali fl-UE;

58.    Jinnota li kull euro investit fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-bijoekonomija taħt Orizzont 2020 se jiġġenera madwar EUR 10 f’valur miżjud; jenfasizza li bħalissa l-foresti għandhom rwol kruċjali fil-bijoekonomija u se jibqgħu jaqdu dan ir-rwol fil-futur;

59.    Iqis li għandha titħeġġeġ is-sostituzzjoni ta’ materja prima bbażata fuq iż-żejt jew intensa fis-sħana bl-injam u prodotti tal-injam maħsud, b’konformità mal-progress fir-riċerka u t-teknoloġija, u li din tista’ tikkontribwixxi b’mod pożittiv lejn aktar kisbiet f’termini ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima kif ukoll il-ħolqien tal-impjiegi;

60.    Jappoġġa l-bżonn li titwettaq valutazzjoni tal-ispejjeż tal-leġiżlazzjoni kollha tal-UE li taffettwa l-katini tal-valur tal-industriji bbażati fuq il-foresti, bil-għan li tiġi eliminata l-burokrazija kollha mhux neċessarja u ta' piż u jinħoloq qafas li jippermetti ż-żieda fil-kompetittività fuq tul ta' żmien twil tal-industriji b'mod sostenibbli, u wkoll, li jappoġġa l-prinċipju li kull proposta leġiżlattiva li taffettwa s-settur tal-foresti u l-katini ta' valur tal-industriji bbażati fuq il-foresti għandha tiġi vvalutata sew minn valutazzjoni tal-impatt.

61.    Huwa tal-fehma li l-estensjoni tal-bażi ta' għarfien relatata mal-foresti hi ta’ importanza kruċjali għar-riċerka u li informazzjoni affidabbli hi essenzjali għall-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-foresti;

62.    Jinnota d-disponibbiltà tar-riżorsi ta’ informazzjoni u ta' monitoraġġ permezz tal-programm Copernicus u inizjattivi spazjali oħra fil-livell Ewropew, u jirrakkomanda li jiżdied l-użu ta’ dawn ir-riżorsi u l-għodod;

63.    Jinnota li l-inventarji nazzjonali tal-foresti jirrappreżentaw għodda ta’ monitoraġġ komprensiv għall-ivvalutar tal-istokkijiet tal-forestrija u jieħdu kont tal-konsiderazzjonijiet reġjonali filwaqt li jirrispondu għat-talbiet għal inqas burokrazija u spejjeż;

64.    Jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni għall-istabbiliment ta' sistema ta’ tagħrif dwar il-foresti Ewropej ibbażata fuq id-data u inizjattivi nazzjonali sabiex titjieb il-komparabilità ta’ data eżistenti u ġdida, u jittama, f’dan ir-rigward li jkun hemm it-tisħiħ tal-analiżi tad-data dwar l-ekonomija u l-impjiegi fis-settur tal-foresti u dak tal-ħidma fl-injam;

65.    Jirrakkomanda, b’mod partikolari, li għandu jkun hemm settijiet tad-data aktar fit-tul li tgħin il-fehim ta’ tendenzi fil-forestrija u l-adattament tagħha għat-tibdil fil-klima;

66.    Huwa tal-fehma li forza tax-xogħol tas-sengħa u mħarrġa tajjeb hi essenzjali għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu miżuri u, fejn hu possibbli, jużaw strumenti Ewropej eżistenti bħalma huma l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u programmi Ewropej ta’ Taħriġ (ET2020) biex jingħata appoġġ lit-tiġdid ġenerazzjonali u biex jingħata kumpens għal nuqqas ta’ forza tas-sengħa fil-foresti;

67.    Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa t-tħejjija ta’ kampanji ta’ informazzjoni għas-settur li jkollhom l-għan li jrawmu kuxjenza dwar l-opportunitajiet li joffri kontra l-qgħad u d-depopolazzjoni, kif ukoll biex isir aktar attraenti għaż-żgħażagħ;

68.    Huwa tal-fehma li għandhom jiġu żviluppati programmi ta’ taħriġ b’mod partikolari għal dawk li jidħlu ġodda u l-ħaddiema żgħażagħli jieħdu ħsieb il-foresti kif ukoll għal impjegati eżistenti fl-industrija tal-kostruzzjoni, sabiex jiżdied l-għarfien tagħhom dwar l-opportunitajiet li jinħolqu mill-użu tal-injam, sabiex jiġi żgurat it-trasferiment ta' għarfien dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-industriji tagħhom fn-naħa t'isfel tal-katina ta' produzzjoni;

69.    Jirrikonoxxi li l-ġestjoni sostenibbli tul il-ħajja kollha tal-prodotti forestali tista' tagħti kontribut sinifikanti għall-kisba tal-objettivi ta' ekonomija ekoloġika, b’mod partikolari dawk marbuta mal-politiki ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-użu effiċjenti tar-riżorsi;

70.    Iqis li l-Istati Membri għandhom jippromwovu l-użu sostenibbli tal-prodotti tal-foresta fis-settur tal-kostruzzjoni, inkluż l-applikazzjoni għall-kostruzzjoni ta’ djar bi spejjeż raġonevoli mibnija minn sorsi ta' materja prima sostenibbli;

71.    Jinnota l-importanza ta’ użi tradizzjonali ta’ valur għoli li għad għandhom potenzjal kbir għat-tkabbir, bħall-użu tal-injam fil-kostruzzjoni u l-ippakkjar;

72.    Jinnota li l-iżviluppi teknoloġiċi attwali jippermettu l-kostruzzjoni ta’ djar ta’ kapaċità għolja magħmula l-aktar mill-injam u li b’hekk inaqqsu b’mod sinifikanti l-emissjonijiet tas-CO2 fis-settur tal-bini;

73.    Jirrimarka li r-regoli dwar l-użu tal-injam għal skopijiet ta' bini jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor; jitlob, għalhekk, impenn għall-adozzjoni ta' regoli tal-UE li jippromovu użu aktar estensiv tal-injam fil-bini;

74.    Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw inizjattivi li jappoġġjaw l-għarfien u t-trasferiment tat-teknoloġija u li jutilizzaw bis-sħiħ programmi eżistenti tal-UE ta' appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur tal-foresti u fis-settur ibbażat fuq il-foresti;

75.    Jinnota li hemm diskrepanzi sinifikanti fir-riċerka xjentifika u teknoloġika dwar l-adattament tal-forestrija għat-tibdil fil-klima, inkluż fir-riċerka dwar l-impatt taż-żieda ta' pesti u mard li joħolqu theddida serja għall-foresti tal-Ewropa u għas-setturi bbażati fuq il-foresti;

76.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu azzjoni biex ikabbru l-għarfien dwar l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali tar-rwol tal-foresti u l-forestrija Ewropej u l-importanza ta’ bijoekonomija sostenibbli bbażata fuq il-foresti u l-injam bħala waħda mill-materja prima rinnovabbli kruċjali tal-UE;

77.    Jikkunsidrali hu importanti li titħeġġeġ ħidma ta' riċerka xjentifika orjentata lejn l-użu razzjonali tal-bijomassa u l-iżvilupp ta' għelejjel enerġetiċi li jikbru malajr u li jinħoloq mudell li jipprovdi inċentiv ekonomiku għall-użu tal-iskart tal-bijomassa;

Sfidi globali - ambjent u tibdil fil-Klima

78.    Jenfasizza li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti għandha impatt pożittiv fuq il-bijodiversità u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u tista' tnaqqas ir-riskji ta’ nirien fil-foresti, il-ħsara minn pesti u l-mard;

79.    Jirrimarka li kwistjonijiet oħra għandhom jiġu studjati aktar, b’mod partikolari l-problema tas-sovrapopolazzjoni ta’ annimali erbivori, is-saħħa tal-foresti u l-iffaċilitar ta' produzzjoni tal-injam sostenibbli, tar-Riżorsi Ġenetiċi tal-Foresti (FGR), miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra n-nirien fil-foresti u li jevitaw l-erożjoni tal-ħamrija, u l-irkupru tal-kopertura veġetali;

80.    Jirrikonoxxi li l-forestrija ta' newba qasira tista' tipprovdi bijomassa tal-injam sostenibbli filwaqt li tipprovdi l- manutenzjoni meħtieġa tat-territorju u b’hekk tnaqqas ir-riskju ta' erożjoni tal-ħamrija u wqigħ ta' art f'art imwarrba jew abbandunata;

81.    Jappella lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu azzjoni speċifika bl-għan li tintlaħaq il-Mira 5 ta' Aichi, li tirrikjedi li r-rata ta' telf tal-ħabitats naturali kollha, inklużi tal-foresti, għandha għallinqas titnaqqas bin-nofs sal-2020 u, meta jkun fattibbli, tinġieb viċin iż-żero, u li d-degradazzjoni u l-frammentazzjoni jitnaqqsu b'mod sinifikanti;

82.    Jirrimarka li l-bijoekonomija hija meħtieġa bħala l-element ewlieni ta’ tkabbir intelliġenti u ekoloġiku fl-Ewropa biex jintlaħqu l-objettivi tal-inizjattivi ewlenin "Unjoni ta’ Innovazzjoni" u "Ewropa Effiċjenti fir-riżorsi" fil-qafas tal-istrateġija Ewropa 2020 u li l-injam bħala materja prima għandu rwol importanti għal din l-ekonomija fuq bażi bijoloġika;

83.    Huwatal-fehma li huwa importanti li tiġi promossa l-implimentazzjoni tal-kunċett tal-bijoekonomija, filwaqt li tiġi rrispettata s-sostenibbiltà tal-konfini ta’ provvista tal-materja prima, sabiex tissaħħaħ il-vijabbiltà ekonomika ta’ katini ta’ valur tal-foresti permezz tal-innovazzjoni u t-trasferiment tat-teknoloġija;

84.    Jappella biex jingħata appoġġ ikbar għal prodotti varji tal-foresti, filwaqt li jiġi żgurat li t-talbiet differenti fuq prodotti tal-foresta jkunu bbilanċjati u evalwati abbażi tal-potenzjal ta’ provvista sostenibbli u ta' funzjonijiet u servizzi oħra tal-ekosistema pprovduti mill-foresti;

85.    Jesprimi tħassib serju dwar ir-ritmu ta’ deforestazzjoni fid-dinja, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dan ta' spiss minħabba l-qtugħ illegali tas-siġar;

86.    Jappoġġja mekkaniżmi li jippromwovu l-iżvilupp globali lejn użu aktar sostenibbli tal-forestrija, u f’dan ir-rigward jirreferi b’mod partikolari għad-Direttiva tal-UE dwar l-Injam(4), li għandha l-għan li tiġġieled il-qtugħ illegali tas-siġar u t-tqegħid ta’ injam illegali fis-suq Ewropew minn importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, kif ukoll li għas-sistema ta’ awtorizzazzjoni għall-importazzjoni tal-injam għall-UE (FLEGT)(5) u għal ftehimiet ta’ sħubija volontarja;

87.    Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika r-reviżjoni mistennija tal-funzjonament u l-effikaċja tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam, u jenfasizza li regolament ġdid għandu jkun proporzjonat u għandu jfittex mezzi biex jitnaqqsu l-ispejjeż bla bżonn u r-rekwiżiti ta’ rappurtaġġ għas-sidien tal-foresti tal-Ewropa u dawk li jieħdu ħsieb il-foresti mingħajr ma jkun kompromess l-għan tar-Regolament;

88.    Huwa tal-fehma li, b'kunsiderazzjoni tal-isfidi mit-tisħin globali u t-tibdil fil-klima, li l-ekosistemi u l-poplazzjonijiet ta’ speċi għandhom ikunu b’saħħithom, bijoloġikament varjati u robusti sabiex ikunu reżiljenti;

89.    Jenfasizza l-opportunitajiet ipprovduti mis-siti ta’ Natura 2000 fejn, grazzi għar-riżorsi naturali straordinarji tagħhom, huwa possibbli li jipprovdu prodotti bbażati fuq il-foresti u servizzi ta’ kwalità ambjentali u kulturali għolja;

90.    Jenfasizza l-importanza ta’ ekosistemi forestali b’saħħithom li joffru ħabitats għall-annimali u l-pjanti, iżda jenfasizza li leġiżlazzjoni b'intenzjoni tajba bħad-Direttiva tal-UE dwar il-Ħabitats taffettwa d-deċiżjonijiet ta’ ġestjoni tal-art u trid tiġi implimentata b’mod proporzjonali;

91.    Jirrikonoxxi r-rwol tal-foresti fl-iżvilupp ta’ setturi relatati, u jinsisti, f’dan ir-rigward, fuq l-importanza li jingħata appoġġ lill-kultivaturi tas-siġar melliferi, li min-naħa tagħhom jgħinu l-proċess ta' dakkir;

92.    Huwa tal-fehma li ċerti kwistjonijiet li jaffettwaw l-industrija tal-forestrija fil-livell globali, partikolarment il-qtugħ illegali tas-siġar, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-appoġġ għall-industrija tal-forestrija fost l-entitajiet assoċjati internazzjonali;

93.    Jinnota li t-talba għall-bijomassa, partikolarment l-injam, qed tiżdied, u għalhekk jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri sabiex jappoġġaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-miżuri tagħhom biex itejbu l-politika dwar il-forestrija u l-leġiżlazzjoni tal-foresti, partikolarment permezz tar-REDD+(6) (Tnaqqis ta' Emissjonijiet mid-Deforestazzjoni u d-Degradazzjoni tal-Foresti).

94.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan ta’ azzjoni dwar id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex tindirizza l-għanijiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni tagħha dwar id-deforestazzjoni, kif mitlub permezz tas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali; Jikkunsidrali hu importanti li jsiru provvedimenti mhux biss għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-foresti eżistenti iżda wkoll għar-riforestazzjoni taż-żoni deforestati;

95.    Jikkunsidra li jrid isir ukoll riferiment separat għall-ħtieġa ta' riforestazzjoni estensiva fiż-żoni li ġew affettwati minn nirien forestali rikorrenti;

Implimentazzjoni u rappurtar

96.    Jenfasizza li l-implimentazzjoni ta’ strateġija tal-foresti tal-UE għandha tkun proċess koordinat multiannwali li fih l-opinjonijiet tal-Parlament għandhom jiġu kkunsidrati u li l-istrateġija għandha tkun implimentata b’mod effiċjenti, koerenti u b’burokrazija mill-inqas;

97.    Jiddispjaċih li l-proċess ta’ implimentazzjoni nbeda parzjalment qabel l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Parlament, u jqis li dan mhuwiex konformi mal-għan ta’ koordinazzjoni aħjar ta’ politiki relatati mal-foresti kif iddikjarat mill-Kummissjoni fit-test tal-Istrateġija tagħha;

98.    Huwa tal-fehma li l-istrateġija l-ġdida għandha tistabbilixxi rabtiet bejn l-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ finanzjament tal-UE u tal-Istati Membri u ssaħħaħ il-koeżjoni f’termini ta’ ppjanar, finanzjament u l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet transettorjali;

99.    Jappella għal implimentazzjoni inklużiva, strutturata u bbilanċjata tajjeb tal-istrateġija;

100.  Huwa tal-fehma, għalhekk, li l-mandat tal-Kumitat Permanenti għall-Forestrija għandu jissaħħaħ u għandu jkollu riżorsi aħjar biex il-Kummissjoni titħalla tagħmel użu sħiħ tal-għarfien espert mill-Istati Membri filwaqt li tkun implimentata l-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar il-Foresti fil-livell tal-UE; Jistieden lill-Kummissjoni tikkonsulta lill-Kumitat Permanenti għall-Forestrija bl-għoti ta’ avviż suffiċjenti qabel ma tippreżenta kwalunkwe inizjattiva jew abbozz ta’ test li jkollhom impatt fuq il-ġestjoni tal-foresti u fuq l-industrija tal-injam;

101.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-Grupp ta’ Djalogu Ċivili dwar il-Forestrija u s-Sufra u ta' partijiet interessati rilevanti oħrajn, u jitlob l-involviment xieraq tagħhom fl-implimentazzjoni tal-istrateġija;

102.  Huwa tal-fehma li n-natura trasversali ta’ kwistjonijiet forestali tirrikjedi l-kooperazzjoni interna bejn id-dipartimenti varji tal-Kummissjoni meta titqies kwalunkwe miżura li jista’ jkollha impatt fuq in-natura speċifika tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u tal-industriji assoċjati; Għalhekk jistieden lid-DĠ Ambjent, id-DĠ Azzjoni Klimatika, id-DĠ AGRI, id-DĠ Enerġija, id-DĠ Riċerka u Innovazzjoni u DĠ oħrajn ikkonċernati biex jaħdmu flimkien b'mod strateġiku sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġija permezz ta’ koordinazzjoni u komunikazzjoni mtejba;

103.  Iqis li, fid-dawl tal-lista tal-Kummissjoni tal-prijoritajiet fuq it-tkabbir, l-impjiegi u l-investiment, fl-implimentazzjoni ta’ strateġija ġdida tal-UE għall-foresti għandha tingħata wkoll prijorità biex tippromwovi l-kompetittività u s-sostenibbiltà tas-settur tal-foresti, filwaqt li jingħata appoġġ kemm liż-żoni rurali u dawk urbani, l-espansjoni tal-bażi ta’ għarfien, il-ħarsien tal-foresti u l-preservazzjoni tal-ekosistemi tagħhom, jiġu promossi l-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni, u jiżdied l-użu sostenibbli ta’ prodotti forestali tal-injam u dawk mhux tal-injam;

104.  Jistieden lill-Kummissjoni tissupplimenta l-istrateġija bi pjan ta’ azzjoni b'saħħtu li jkun fih miżuri speċifiċi, u tirrapporta lill-Parlament Ewropew kull sena dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi skont l-istrateġija;

105.  Jappoġġa s-sejħa ta’ Kumitat AGRI-ENVI-ITRE estiż li jippermetti diskussjoni bilanċjata dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar il-foresti;

106.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni .

(1)

Testi Adottati, P6_TA(2006)0068

(2)

Forest Europe – Konferenza Ministerjali dwar il-Protezzjoni tal-Foresti fl-Ewropa, Kumitat ta’ Negozjar Intergovernattiv għall-Konklużjoni ta’ Ftehim Legalment Vinkolanti dwar il-Foresti fl-Ewropa: http://www.foresteurope.org/

(3)

Ara: http://www.forestnegotiations.org/

(4)

Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam

(5)

Regolament (UE) Nru 2173/2005 tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea (FLEGT = Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali)

(6)

Programm biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti: http://unfccc.int/methods/redd/items/7377.php


NOTA SPJEGATTIVA

Il-foresti u l-forestrija jipprovdu risposti tajba għal pilastru ekonomiku addizzjonali u huma wkoll l-aħjar garanzija għall-kwalità tal-ħajja, is-sostenibbiltà, l-impjiegi u l-valur miżjud. Is-settur tal-forestrija jimpjega aktar minn 3,5 miljun ruħ madwar l-Ewropa, u għalhekk jinsab fit-tielet post fl-Ewropa fir-rigward tal-impjiegi, direttament wara l-industrija tal-metall u tal-ikel. Madwar 451,820 intrapriża bbażata fuq il-foresti jikkontribwixxu 7 % għat-tkabbir ekonomiku, u dawn jaħsdu 60 % biss tas-siġar għall-injam annwali mkabbrin ġodda.

L-injam huwa riżorsa essenzjali ta’ importanza ekonomika kbira għaż-żoni rurali. Permezz tal-manutenzjoni u l-ġestjoni tal-foresti Ewropej minn intrapriżi tal-foresti u aktar minn 16-il miljun sid tal-foresti huwa ggarantit li l-foresti jistgħu jissodisfaw il-funzjonijiet ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali tagħhom b’mod sostenibbli. Fost dawn, aktar minn 50 % tal-foresti Ewropej huma proprjetà privata.

Il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tfisser li tiġi żgurata s-sikurezza tal-foresta fuq terminu ta’ żmien twil għall-ġenerazzjonijiet futuri. Fil-fatt, dan kien il-prinċipju sottostanti tal-Konferenza Ambjentali tan-NU li saret f’Rio de Janeiro fl-1992: L-iżvilupp sostenibbli u futur jissodisfa l-ħtiġijiet tal-ġenerazzjoni preżenti mingħajr ma tkun kompromessa l-kapaċità ta’ ġenerazzjonijiet futuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom u jagħżlu stil ta’ ħajja tagħhom stess.

Abbażi ta' dawn il-figuri u prinċipji ġenerali, ir-rapporteur tippreżenta rapport, li għandu jkompli jsaħħaħ il-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti fir-rwol soċjali, ekonomiku u ambjentali tagħhom u jagħti prijorità lill-materja prima sostenibbli tal-injam bħala riżorsa importanti għall-Ewropa.

Minħabba li ħafna oqsma tal-politika tal-UE, bħall-politika tal-enerġija, l-ambjent u tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jinfluwenzaw il-ġestjoni tal-foresti, ir-rapporteur tqis bħala indispensabbli li l-Istrateġija ġdida tal-UE għall-Foresti tagħmel enfasi fuq koordinazzjoni aħjar sabiex il-forestrija u l-foresti jkunu f’pożizzjoni aħjar fl-istrateġiji Ewropej individwali u jkun jista’ jinsab approċċ aktar koerenti. F’dan ir-rigward, il-prattiki diverġenti paralleli fi ħdan il-Kummissjoni huma partikolarment allarmanti. Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni u regolamentazzjoni aħjar għalhekk anki l-istrutturi interni tal-Kummissjoni għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa. It-tisħiħ tal-Kumitat Permanenti tal-Foresti ifisser parti kbira mis-suċċess biex jiġu ffaċċjati l-kuntradizzjonijiet fil-Kummissjoni.

Ir-rapporteur temmen ukoll li ma għandu jkun hemm l-ebda ostaklu burokratiku ġdid għas-sidien tal-foresti u l-ħaddiema tal-foresti. Hija topponi bil-qawwa l-pjanijiet obbligatorji tal-ġestjoni tal-foresti u tirrifjuta espressament li t-tħejjija tal-pjanijiet ta’ Natura 2000 jgħaddu f’idejn is-sidien tal-foresti. Temmen ukoll li l-kriterji tas-sostenibbiltà huma ugwali għal kriterju ta’ kwalità u jridu jikkunsidraw is-settur kollu. Minħabba l-eteroġeneità tal-foresti Ewropej, hawnhekk ma għandu jkun hemm l-ebda lista ta’ kriterji "One-size-fits-all". F’dan il-kuntest, ir-rapporteur espressament tappoġġa l-isforzi għal "Konvenzjoni Ewropea għall-Foresti" fil-kuntest ta’ Forest Europe.

Ir-rapporteur hija wkoll tal-fehma li fil-kuntest tal-koordinazzjoni aħjar għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-riċerka u l-iżvilupp, għaliex is-settur kollu tal-foresti flimkien mas-setturi industrijali iktar 'l isfel fil-katina jkun jista’ jibbenefika minn opportunitajiet ta’ produzzjoni effiċjenti ġodda u ideat dwar prodotti. Barra minn hekk, il-potenzjal għall-innovazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-bijoekonomija u l-użu sostenibbli tal-materja prima jistgħu jkunu ta’ benefiċċju importanti għall-ħarsien ambjentali u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

Minbarra l-importanza assoluta tal-forestrija għaż-żoni rurali r-rapporteur tagħmilha ċara li l-forestrija tinsab ukoll fil-bliet u b’mod partikolari s-setturi industrijali iktar ’l isfel fil-katina joħolqu ħafna impiegi fiż-żoni urbani. L-urbanizzazzjoni tas-soċjetà gradwalment qed twassal għal nuqqas ta’ għarfien dwar il-foresti u l-forestrija u l-kontribut tagħhom għall-prosperità u l-impjiegi. Skont il-prinċipju ta’ "klassi fil-foresta - foresta fil-klassi" għandhom għalhekk jiġu promossi inizjattivi biex jeliminaw il-vojt bejn l-ibliet u l-foresti.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (Fl-aħħar nett, ir-rapporteur tixtieq tenfasizza għal darb’oħra li l-interess tagħha hu l-implimentazzjoni mingħajr ħafna burokrazija tal-Istrateġija ġdida tal-UE għall-Foresti, li ssaħħaħ is-settur u li ma tikkawżax spejjeż ġodda għalih.25.2.2015)

għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar strateġija ġdida tal-UE għall-foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti

(2014/2223(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Francesc Gambús

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar strateġija Ewropea ġdida għall-foresti u jisħaq fuq l-importanza li l-protezzjoni u l-inċentivi għall-ġestjoni tal-foresti jsiru parti essenzjali minnha; jenfasizza, minħabba l-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-ħtieġa għal strateġija komprensiva, olistika u konsistenti biex jissaħħaħ ir-rwol multifunzjonali tal-foresti u tas-settur forestali fl-UE fir-rigward tal-benefiċċji soċjali, ekonomiċi u ambjentali li jipprovdu, kif ukoll għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tad-diżastri forestali;

2.  Jirrikonoxxi li l-foresti Ewropej huma ta' valur enormi fir-rigward tal-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi li jipprovdu, inklużi, iżda mhux biss, iż-żamma tal-ilma, il-protezzjoni mill-għargħar u, l-iktar importanti, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, billi jassorbu u jaħżnu 10 % tal-emissjonijiet tal-karbonju tal-UE; jikkunsidra, għalhekk, li l-foresti għandhom jibbenefikaw minn livell għoli ta' protezzjoni u titjib fl-istatus ta' konservazzjoni tal-ispeċijiet u l-ħabitats forestali, bi qbil mal-objettivi tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020 u s-Seba' EAP; jevidenzja l-opportunitajiet ipprovduti f'dan ir-rigward permezz tan-netwerk Natura 2000, li jinkludi proporzjon sinifikanti tal-foresti tal-Ewropa;

3.  Jisħaq fuq il-fatt li l-Unjoni qablet li, sal-2020, it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi ekosistemiċi, inkluż id-dakkir, iridu jintemmu, l-ekosistemi u s-servizzi tagħhom iridu jinżammu u tal-anqas 15 % tal-ekosistemi degradati għandhom ikunu ġew restawrati; iżid jgħid li l-Unjoni qablet ukoll li l-ġestjoni tal-foresti trid tkun sostenibbli, u l-foresti, il-bijodiversità tagħhom u s-servizzi li jipprovdu jridu jiġu protetti u, sakemm ikun fattibbli, jissaħħu u li r-reżiljenza tal-foresti għat-tibdil fil-klima, għan-nirien, għall-maltempati, għall-annimali ta' ħsara u għall-mard trid tittejjeb; jenfasizza barra minn hekk il-ħtieġa li tiġi żviluppata u implimentata Strateġija mġedda tal-Unjoni dwar il-Foresti li tindirizza d-diversi domandi fuq il-foresti u l-benefiċċji tagħhom, u li tikkontribwixxi għal approċċ aktar strateġiku lejn il-protezzjoni u t-tisħiħ tal-foresti, anke permezz ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti(1);

4.  Isostni li, sabiex l-istrateġija tiġi implimentata kif jixraq, huwa essenzjali li jkun hemm pjan ta' azzjoni fit-tul speċifiku li jenfasizza l-importanza ta' mobilizzazzjoni u użu sostenibbli tal-injam forestali, bl-għan li jinħolqu valur miżjud u impjiegi, filwaqt li jiġi pprovdut mezz għat-tisħiħ tan-negozji forestali privati u jiġu appoġġati raggruppamenti organizzati ta' sidien ta' foresti;

5.  Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' objettivi għall-UE kollha kemm hi għall-kopertura forestali, bl-għan li jiżdiedu l-livelli attwali, titrażżan id-deforestazzjoni u tittejjeb il-kwalità tal-foresti u l-imsaġar eżistenti; jirrakkomanda żieda tal-kopertura forestali speċjalment fiż-żoni li ma jkunux adatti għall-produzzjoni tal-ikel u b'mod partikolari dawk li jkunu qrib ħafna taż-żoni urbani b'mod li jiġu mmitigati l-effetti ħżiena tas-sħana, jitnaqqas it-tniġġis u jissaħħu r-rabtiet bejn in-nies u l-foresti; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' ppjanar bir-reqqa f’dan ir-rigward; jemmen li l-foresti m'għandhomx jitqiesu biss bħala bjar tal-karbonju sabiex tiġi kkumpensata ż-żieda tal-emissjonijiet f'setturi oħra tal-ekonomija;

6.  Jappella lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jieħdu azzjoni speċifika bl-għan li tintlaħaq il-Mira 5 ta' Aichi, li tirrikjedi li r-rata ta' telf tal-ħabitats naturali kollha, inklużi tal-foresti, għandha għallinqas titnaqqas bin-nofs sal-2020 u, meta jkun fattibbli, tinġieb viċin iż-żero, u li d-degradazzjoni u l-frammentazzjoni jitnaqqsu b'mod sinifikanti(2);

7.  Jikkunsidra li għandha tingħata prijorità għar-riċerka peress li s-settur sħiħ jista' jibbenefika minn ideat ġodda;

8.  Jinkoraġġixxi it-tħawwil tas-siġar fil-bliet bħala mod biex jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali assoċjati mat-tniġġis urban u l-pajsaġġi maħluqa mill-bniedem, pereżempju billi jipprovdu d-dell fis-sajf u jimmoderaw it-temperaturi tal-arja matul il-mewġ ta' sħana;

9.  Jilqa' l-istudju li jivvaluta l-impatt tal-konsum fl-UE fuq id-deforestazzjoni ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea f'Lulju 2013; jiddispjaċih li minkejja t-talba li saret mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ April 2009(3), l-istudju ma jittrattax id-degradazzjoni tal-foresti; jappella lill-Kummissjoni biex tressaq proposti biex tnaqqas l-impatti identifikati fl-istudju u tikkontribwixxi għall-għanijiet u l-impenji ambjentali tal-UE u dawk internazzjonali favur l-iżvilupp sostenibbli; jappella lill-Kummissjoni biex tippubblika pjan ta' azzjoni tal-UE dwar id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti għal dan l-għan, skont l-appell tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali(4);

10. Jappella lill-Istati Membri biex jikkunsidraw li jinkludu l-pagamenti tas-servizzi ekosistemiċi bħala inċentivi għall-ġestjoni forestali, minħabba l-importanza tal-injam bħala materja prima rinnovabbli u li ma tagħmilx ħsara lill-klima u r-rwol tal-ktajjen ta' valur ibbażati fuq il-foresti; jindika li ġestjoni sostenibbli tal-foresti għandha impatt pożittiv fuq il-bijodiversità, fuq il-klima, u fuq il-protezzjoni tal-foresti minn u fuq ir-reżiljenza tagħhom għal nirien, maltempati, annimali ta' ħsara u mard, u hija kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku, speċjalment fiż-żoni rurali u r-reġjuni mbiegħda;

11. Jappella biex tingħata aktar attenzjoni għall-espansjoni tal-kopertura tal-foresti u għall-konservazzjon u l-ħolqien ta' ekosistemi forestali sostenibbli billi jiġu applikati metodi addizzjonali li jirrispettaw in-natura fil-qasam tas-silvikultura; jemmen li għandu jiġi żgurat użu razzjonali tar-riżorsi forestali permezz ta' superviżjoni aktar effikaċi tal-qtugħ tas-siġar, ta' ottimizzazzjoni tal-operazzjonijiet kummerċjali, u ta' użu ta' kull mezz effikaċi ieħor;

12.  Jisħaq fuq il-fatt li skont ir-riċerka xjentifika, il-foresti ġestiti jkollhom kapaċità ta' assorbiment ta' CO2 ogħla minn dik tal-foresti mhux ġestiti; jirrikonoxxi għalhekk ir-rwol importanti tal-foresti ġestiti fl-isforzi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u biex jiġġeneraw l-impjiegi fiż-żoni rurali; jissottolinja l-importanza ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti fil-massimizzazzjoni tal-potenzjal ta' sekwestru tal-karbonju tal-foresti tal-UE(5);

13. Jenfasizza, waqt li jfakkar li s'issa għad m'hemm l-ebda politika speċifika dwar il-prevenzjoni tan-nirien fil-foresti, li, b'mod partikolari fir-reġjun tal-Mediterran, in-nirien tal-foresti huma fenomenu rikorrenti li hu kemm kawża tat-tibdil fil-klima, kif ukoll konsegwenza għalih; jindika li l-maltempati, in-nirien tal-foresti u l-annimali ta' ħsara jistgħu jiġu mitigati bl-użu ta' ġestjoni forestali u tekniki ta' silvikultura mtejba u attivi, pereżempju permezz ta' prattiki ta' rigħi u prattiki tal-agrosilvikultura taħt il-politika agrikola komuni;

14. Jikkunsidra li hu importanti li jsiru provvedimenti mhux biss għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-foresti eżistenti iżda wkoll għar-riforestazzjoni taż-żoni deforestati; jikkunsidra li irid isir ukoll riferiment separat għall-ħtieġa ta' riforestazzjoni estensiva fiż-żoni li ġew affettwati minn nirien forestali rikorrenti;

15. Jinsab imħasseb dwar it-tendenza dejjem tikber li l-foresti jiġu kkunsidrati minn perspettiva prinċipalment ekonomika u li l-valur tagħhom jiġi limitat għall-injam li jipproduċu, mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-benefiċċji ambjentali u soċjali sinifikanti ħafna li jipprovdu wkoll; jissottolinja l-ħtieġa li l-valur tas-servizzi ekosistemiċi tal-foresti jiġi ddeterminat b'mod aktar sistematiku u li jiġi kkunsidrat fit-teħid tad-deċiżjonijiet fis-settur pubbliku u dak privat;

16. Jevidenzja l-ħtieġa li jissaħħu u jiġu sfruttati kompletament l-mekkaniżmi tal-UE intenzjonati biex jiġu indirizzati l-pressjonijiet transkonfinali fuq il-foresti li jirriżultaw mit-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi, annimali ta' ħsara u mard;

17. Jisħaq fuq il-fatt li, peress li l-foresti jvarjaw ħafna fid-daqs u l-karatteristiċi tagħhom u wħud mill-Istati Membri għandhom iktar minn nofs it-territorji tagħhom kopert b'foresti, il-foresti ġestiti b'mod sostenibbli għandhom importanza enormi fiż-żieda tal-valur fil-livelli lokali u reġjonali u fil-garanzija tal-impjiegi fiż-żoni rurali, filwaqt li fl-istess ħin jagħtu kontribut vitali għall-ambjent;

18. Jilqa' r-riferiment fl-istrateġija l-ġdida għall-problema tal-annimali ta' ħsara fil-foresti; hu tal-fehma, madankollu, filwaqt li jqis il-leġiżlazzjoni ġdida dwar l-ispeċijiet aljeni invażivi u l-impatt potenzjali li dawn jista' jkollhom fuq il-foresti, li l-Kummissjoni għandha tipproponi strumenti finanzjarji ġodda addizzjonali biex jgħinu ż-żoni affettwati jiġġieldu kontra l-ispeċijiet invażivi li jkunu partikolarment persistenti jew l-ispeċijiet aljeni invażivi ġodda;

19. Jikkunsidra li hu essenzjali, peress li wħud mill-akbar riżorsi ta' bijomassa tal-Unjoni jinsabu fl-aktar reġjuni mbiegħda u b'popolazzjoni baxxa tagħha, li l-istrateġija tqis kompletament l-ispeċifiċitajiet ta' dawn ir-reġjuni mbiegħda u b'popolazzjoni baxxa wkoll;

20. Hu tal-fehma li hemm bżonn li l-istrateġija tqis aktar il-problema ta' mard tas-siġar bħalma hi l-"oak decline", li qed tagħmel ħerba mill-pjantaġġuni tas-siġar tas-sufra fil-Portugall, Franza u Spanja, u li qed taffettwa wkoll Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali u riżervi tal-bijosfera; jikkunsidra li l-Kummissjoni jmissha inkludiet miżuri effikaċi u riżorsi speċifiċi fl-istrateġija, lil hinn minn dawk li japplikaw għall-iżvilupp rurali, bl-għan li jiġi miġġieled il-mard tas-siġar;

21. Jisħaq fuq il-fatt li t-tkabbir previst fid-domanda għall-injam huwa kemm opportunità kif ukoll sfida għall-foresti u s-setturi bbażati fuq il-foresti kollha, speċjalment peress li n-nixfiet, in-nirien, il-maltempati u l-annimali ta' ħsara huma mistennija li jikkawżaw dannu għall-foresti b'iktar frekwenza u b'mod iktar qawwi b'riżultat tat-tibdil fil-klima; ifakkar, f'dan il-kuntest, fil-ħtieġa li l-foresti jiġu protetti minn dan it-theddid dejjem jikber u li jiġu rikonċiljati l-funzjonijiet produttivi u protettivi tagħhom;

22. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu ċċarati b'mod urġenti l-impatti b'effett ta' serra tal-użi differenti tal-bijomassa forestali għall-enerġija u li jiġu identifikati l-użi li jistgħu jiksbu l-akbar benefiċċji ta' mitigazzjoni sa skadenzi rilevanti għall-politika;

23. Jilqa', fir-rigward tal-prevenzjoni tan-nirien, il-passi meħuda f'xi Stati Membri biex idaħħlu projbizzjonijiet temporanji ta' kostruzzjoni fuq art affettwata minn nirien sabiex jipprevjenu t-twettiq ta' ħruq intenzjonat bl-għan li sussegwentement l-art tiġi żviluppata;

24. Hu tal-feha li hu importanti li tiġi promossa l-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bijoekonomija, filwaqt li jiġu rispettati l-konfini ta' sostenibilità tal-provvista tal-materja prima, li tingħata spinta għall-vijabilità ekonomika tal-ktajjen ta' valur forestali permezz tal-innovazzjoni u t-trasferiment tat-teknoloġija, u li, f'dan ir-rigward, jingħata iktar appoġġ għal prodotti forestali varji, waqt li jiġi żgurat li d-domandi differenti fuq il-prodotti forestali jiġu bbilanċjati u evalwati fil-konfront tal-potenzjal għal provvista sostenibbli u l-funzjonijiet u s-servizzi ekosistemiċi l-oħra pprovduti mill-foresti; jenfasizza r-rwol sinifikanti li tiżvolġi l-bijoekonomija fir-rigward tal-ksib tal-prijoritajiet ġodda tal-Kummissjoni ta' tkabbir, impjiegi u investiment;

25. Jikkunsidra li għandha titħeġġeġ is-sostituzzjoni tal-materja prima bbażata fuq iż-żejt jew li tagħmel użu intensiv tas-sħana bl-injam u l-prodotti ta' injam maqtugħ, bi qbil mal-progress fir-riċerka u t-teknoloġija, peress li tista' tikkontribwixxi b'mod pożittiv lejn kisbiet ulterjuri fir-rigward tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima kif ukoll il-ħolqien tal-impjiegi;

26. Jenfasizza r-rwol importanti ta' produzzjoni sostenibbli tal-injam u materjal ieħor, bħas-sufra, il-fibri tessili u l-prodotti kimiċi ekoloġiċi, għall-iżvilupp ta' mudelli ekonomiċi sostenibbli u l-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi;

27. Jenfasizza li biex jinkisbu l-objettivi tal-UE fil-qasam tal-klima hu essenzjali li l-injam jintuża b'mod li jagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi, b qbil mal-prinċipju ta' użu f'kaskata; jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura użu effiċjenti tar-riżorsi tal-injam fil-politiki tal-UE dwar il-klima u l-enerġija;

28. Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tipproponi kriterji ta' sostenibilità għall-bijomassa solida u gassuża, filwaqt li tqis l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra matul iċ-ċiklu tal-ħajja sabiex jiġi limitat l-użu ineffiċjenti tar-riżorsi tal-bijomassa; jappella għal reviżjoni u restrizzjoni tan-newtralità preżunta tal-kombustjoni tal-bijomassa fir-rigward tal-emissjonijiet tal-karbonju taħt l-istrumenti tal-politika tal-UE dwar il-klima;

29. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li r-riżorsi tal-foresti u l-materjali tal-injam jintużaw u jintużaw mill-ġdid b'mod effiċjenti, bħala mezz biex jitnaqqas id-defiċit kummerċjali tal-UE, jittejbu l-awtosuffiċjenza tal-UE fil-qasam tal-injam u l-kompetittività tas-settur forestali tagħha, tingħata għajnuna għat-tnaqqis ta' ġestjoni insostenibbli tal-foresti, jiġi protett l-ambjent, u titnaqqas id-deforestazzjoni fil-pajjiżi barra l-UE;

30. Jemmen li l-UE għandha tipprijoritizza l-użu ta' injam, prodotti ta' injam maqtugħ jew bijomassa forestali minn sorsi lokali, minflok l-użu ta' injam importat minn barra l-UE, b'mod li tiġi mminimizzata l-impronta tal-karbonju kkawżata mit-trasport minn barra, u tiġi stimulata produzzjoni lokali sostenibbli;

31. Jappoġġa bis-sħiħ l-użu effiċjenti tal-injam mil-lat tar-riżorsi u jopponi regoli legalment vinkolanti biex jiġu prijoritizzati l-użi tal-injam, peress li dan mhux biss jirrestrinġi s-suq tal-enerġija u l-iżvilupp ta' użi ġodda u innovattivi tal-bijomassa, iżda huwa wkoll impossibbli li jiġi infurzat f’ħafna żoni mbiegħda u rurali; f’dan ir-rigward, jappoġġa approċċ miftuħ orjentat lejn is-suq, li jippermetti li l-atturi differenti jiżviluppaw il-potenzjal ta' materjali u sustanzi kimiċi avvanzati abbażi tal-injam, li hu previst li se jkollhom rwol importanti ħafna x'jiżvolġu fil-bijoekonomija tal-UE;

32. Jesprimi tħassib serju dwar ir-ritmu ta’ deforestazzjoni fid-dinja, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dan ta' spiss minħabba l-qtugħ illegali tas-siġar; jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jirrevedu b'mod komprensiv id-Direttiva tal-UE dwar l-Injam kif ukoll l-iskema FLEGT għall-importazzjonijiet tal-injam, bl-għan li jitrażżan il-kummerċ illegali tal-injam li jipperikola l-ekosistemi tal-foresti u jinfluwenza b'mod negattiv il-kompetittività tan-negozjanti tal-injam Ewropej; jissuġġerixxi li jintużaw jew jiġu aġġustati r-regoli rilevanti dwar l-akkwist pubbliku li jistgħu jinkoraġġixxu x-xiri ta' injam u ta' prodotti ta' injam maqtugħ iċċertifikati kif jixraq;

33. Ifakkar li, sal-2020 u bi qbil mal-Ġestjoni Sostenibbli tal-Foresti, għandhom ikunu ġew implimentati pjanijiet għall-ġestjoni tal-foresti jew strumenti ekwivalenti għall-foresti kollha b'sjieda pubblika u għall-azjendi forestali li jaqbżu ċertu daqs li jirċievu fondi taħt il-politika għall-iżvilupp rurali tal-UE; jappella lill-Istati Membri biex jimmonitorjaw u jippromwovu l-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-ġestjoni tal-foresti mingħajr ma joħolqu piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa u filwaqt li jqisu l-prinċipji tal-proporzjonalità, tas-sussidjarjetà u dak ta' "aħseb l-ewwel fiż-żgħir";

34. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-isfidi globali jiġu indirizzati fil-forums multilaterali globali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu rwol ewlieni fil-promozzjoni ta' politika forestali globalment sostenibbli bil-għan li tnaqqas il-prattiki ta’ ġestjoni insostenibbli u kummerċ illegali, tipproteġil-ambjent u tnaqqas id-deforestazzjoni globali; jappella għal dan il-għan lill-Kummissjoni biex tippubblika pjan ta' azzjoni tal-UE dwar id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti , skont l-appell tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali(6);

35. Jindika l-fatt li r-regoli dwar l-użu tal-injam għal skopijiet ta' bini jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor; jappella, għalhekk, għal impenn biex jiġu adottati regoli tal-UE li jippromovu użu aktar estensiv tal-injam fil-bini;

36. Jilqa' l-enfasi tal-Kummissjoni fuq il-protezzjoni u ż-żieda tad-diversità ġenetika tal-foresti, u jissottolinja l-kapaċità, murija minn riċerka reċenti, ta' popolazzjonijiet ta' siġar ġenetikament differenti li jadattaw għat-tibdil fil-klima. 

37. Jirrikonoxxi l-effetti pożittivi tas-siġar u l-foresti fuq is-saħħa fiżika u mentali tal-bniedem u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet muniċipali sabiex iżommu jew itejbu l-kollegamenti tat-trasport pubbliku bejn iż-żoni urbani u l-foresti sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għall-foresti u l-imsaġar;

38. Jappella lill-Istati Membri biex jinkludu miżuri speċjali dwar il-bijodiversità, speċjalment miżuri speċifiċi għall-konservazzjoni tal-ispeċijiet protetti u l-ħabitats naturali, b'mod li jtejbu l-istatus tagħhom, kemm fi ħdan iż-żoni ta’ Natura 2000 u kemm barra minnhom, meta jkunu qed jadottaw u jimplimentaw il-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti tagħhom;

39. Jappoġġa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa, flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet interessati, ambizzjuża, sett ta' kriterji u indikaturi oġġettivi u dimostrabbli għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, minħabba l-ħidma li saret fil-qafas ta’ Forest Europe (il-Konferenza Ministerjali dwar il-Protezzjoni tal-Foresti fl-Ewropa) u waqt li titqies id-diversità tat-tipi forestali madwar l-Ewropa; jappella lill-Kummissjoni biex tippubblika r-rieżami mistenni tal-funzjonament u l-effikaċja tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam;

40. Jikkunsidra li hu importanti li titħeġġeġ ħidma ta' riċerka xjentifika orjentata lejn l-użu razzjonali tal-bijomassa u l-iżvilupp ta' għelejjel enerġetiċi li jikbru malajr u li jinħoloq mudell li jipprovdi inċentiv ekonomiku għall-użu tal-iskart tal-bijomassa.

41. Jissottolinja l-valur rikreattiv għoli tal-foresti, kif jintwera mill-istħarriġ tal-opinjoni pubblika; ifakkar li dan huwa wieħed mill-vantaġġi primarji tal-foresti u l-imsaġar għaċ-ċittadini Ewropej;

42. Jirrikonoxxi li l-forestrija ta' newba qasira tista' tipprovdi bijomassa tal-injam sostenibbli filwaqt li tipprovdi l-manutenzjoni meħtieġa tat-territorju u b’hekk tnaqqas ir-riskju ta' erożjoni tal-ħamrija u l-uqigħ ta' art imwarrba jew abbandunata

43. Jinnota bi tħassib li d-domanda dejjem tiżdied għall-bijomassa, b'mod partikolari għall-injam, tista' tqanqal deforestrazzjoni ġenerali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fejn ma jingħatax rendikont tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra skont il-Protokoll ta' Kjoto; jindika li filwaqt li dan jista' jkollu impatt fuq il-kwalità tal-ħamrija, iċ-ċikli tal-ilma u l-bijodiversità, iżid il-pressjoni fuq il-ftehimiet globali bħall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) u l-Programm ta' Kollaborazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tnaqqis ta' Emissjonijiet mid-Deforestazzjoni u d-Degradazzjoni tal-Foresti fil-Pajjiżi li qed Jiżviluppaw (REDD);

44. Jirrikonoxxi li l-ġestjoni sostenibbli tul il-ħajja kollha tal-prodotti forestali tista' tagħti kontribut sinifikanti għall-kisba tal-objettivi ta' ekonomija ekoloġika, b’mod partikolari dawk marbuta mal-politiki ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-użu effiċjenti tar-riżorsi; jikkunsidra li, għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jippromwovu l-użu sostenibbli tal-prodotti forestali fis-settur tal-kostruzzjoni;

45. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ifasslu l-politika tagħhom dwar is-silvikultura b'tali mod jqisu kompletament l-importanza tal-foresti fir-rigward tal-ħarsien tal-bijodiversità, il-prevenzjoni tal-erożjoni tal-ħamrija, l-iżgurar tas-sekwestru tal-karbonju u l-purifikazzjoni tal-arja u l-preżervazzjoni taċ-ċiklu tal-ilma;

46. Jappella għat-tisħiħ tal-monitoraġġ armonizzat tar-riżorsi forestali Ewropej, inklużi s-servizzi u l-prodotti forestali kollha tal-injam u mhux tal-injam, bħala bażi għal proċessi sodi ta' tfassil ta' politiki u teħid ta’ deċiżjonijiet għas-servizz ta' ġestjoni sostenibbli tal-forestali; jikkunsidra li għalhekk hemm bżonn ta' strument ibbażat fuq il-korpi u l-organizzazzjonijiet eżistenti u mmirat lejn l-iżgurar ta' foresti reżiljenti fil-ġejjieni fl-Ewropa billi jitnaqqas l-impatt ta' taqlib meta r-riskju forestali jiġi assorbit fil-ġestjoni tal-foresti u tal-art.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.2.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

63

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Catherine Bearder, Ivo Belet, Biljana Borzan, Lynn Boylan, Cristian-Silviu Bușoi, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Mireille D’Ornano, Miriam Dalli, Seb Dance, Angélique Delahaye, Jørn Dohrmann, Ian Duncan, Stefan Eck, Bas Eickhout, Eleonora Evi, José Inácio Faria, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Enrico Gasbarra, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Sylvie Goddyn, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Jytte Guteland, György Hölvényi, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Massimo Paolucci, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Marcus Pretzell, Frédérique Ries, Michèle Rivasi, Daciana Octavia Sârbu, Annie Schreijer-Pierik, Davor Škrlec, Renate Sommer, Tibor Szanyi, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Glenis Willmott, Jadwiga Wiśniewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Brannen, Nicola Caputo, Mark Demesmaeker, Esther Herranz García, Merja Kyllönen, Jo Leinen, Younous Omarjee, Marit Paulsen, Alojz Peterle, Sirpa Pietikäinen, Julia Reid, Bart Staes

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Andrew Lewer

(1)

Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna"

(2)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' April 2012 dwar l-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020 – Testi adottati, P7_TA(2012)0146.

(3)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2009 dwar li nindirizzaw l-isfidi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità (ĠU C 184E, 8.7.2010, p. 4).

(4)

Deċiżjoni Nru 1386/2013/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013.

(5)

Ara r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2014 dwar qafas għall-politika tal-klima u tal-enerġija fl-2030 (Testi adottati, P7_TA(2014)0094): "Jenfasizza li l-forestrija attiva, li żżid it-tkabbir u għalhekk l-assorbiment tad-diossidu tal-karbonju, hija mod importanti u kosteffettiv li jgħin biex jintlaħqu l-miri dwar il-klima; jinnota li kull metru kubu ta' foresta prodott permezz ta' kultivazzjoni attiva jassorbi madwar 1,3 tunnellata ta' diossidu tal-karbonju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu inċentivi għas-sidien tal-boskijiet biex jikkontribwixxu attivament għaż-żieda fil-benefiċċji għall-klima, pereżempju billi jiffokaw fuq miżuri reġjonali li jżidu l-produzzjoni dejjiema tal-foresti u l-assorbiment tad-diossidu tal-karbonju;"

(6)

Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020


OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (24.2.2015)

għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti

(2014/2223(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Marek Józef Gróbarczyk

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li r-responsabilità għall-forestrija taqa' għal kollox fuq l-Istati Membri, li l-prinċipju tas-sussidjarjetà jrid jinżamm, li d-differenzi fil-kundizzjonijiet reġjonali, il-mudelli u l-prijoritajiet tas-sjieda fl-Istati Membri jridu jiġu rrispettati, u li l-UE għandha żżomm lura milli timponi kwalunkwe restrizzjoni ġdida tas-suq għall-foresti u l-prodotti bbażati fuq l-injam sabiex jiġu żgurati l-prinċipji ta’ sjieda u l-libertà tas-suq għall-parteċipanti fil-katina tal-valur tal-foresti;

2.  Jilqa’ l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti (COM(2013)0659), peress li tipprovdi qafas għal azzjoni koordinata mill-Istati Membri fil-promozzjoni tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u fit-twettiq tar-rwol multifunzjonali tagħhom mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali;

3.  Jikkunsidra, billi l-foresti huma ta’ natura u daqs differenti, li l-istrateġija għandha tqis li l-foresti jkopru aktar minn nofs it-territorju ta' xi Stati Membri;

4.  Jenfasizza, billi xi wħud mill-akbar riżorsi tal-bijomassa tal-Unjoni jinstabu fl-aktar reġjuni skarsament popolati u remoti, li huwa imperattiv li l-istrateġija tqis bis-sħiħ ukoll l-ispeċifiċitajiet ta’ dawn ir-reġjuni aktar skarsament popolati;

5.  Jirrikonoxxi li l-UE għandha rwol fl-appoġġ tal-politiki nazzjonali biex tikseb ġestjoni forestali attiva, multifunzjonali u sostenibbli, inkluża l-ġestjoni tat-tipi differenti ta’ foresti, u fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni fir-rigward tat-theddid transkonfinali miżjud bħall-ħruq tal-foresti, il-qtugħ illegali ta' siġar, l-importazzjoni tal-injam illegali, u l-annimali u l-insetti li jagħmlu ħsara lill-pjanti; jisħaq fuq il-bżonn li tiġi żgurata l-koerenza għal kwistjonijiet relatati mal-foresti fil-politiki tal-UE, b'mod partikolari dawk relatati mal-agrikoltura, il-klima, il-bijodiversità, l-enerġija rinnovabbli, l-ilma, il-ħamrija, l-industrija u l-kompetittività, ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-effiċjenza tar-riżorsi; f’dan ir-rigward, jisħaq fuq l-importanza tas-siti ta’ Natura 2000 fejn, permezz tar-riżorsi naturali straordinarji tagħhom, prodotti u servizzi ta’ kwalità ambjentali u kulturali għolja jistgħu jiġu prodotti fuq bażi kontinwa;

6.  Jikkunsidra li l-implimentazzjoni tal-istrateġija l-ġdida għall-foresti għandha tikkumpensa għan-nuqqas ta' dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika dwar il-foresti fit-Trattat tal-UE filwaqt li tirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri f'dan il-qasam, u għandha tiżgura pożizzjonijiet koordinati bejn l-UE u l-politiki tal-Istati Membri dwar il-kwistjonijiet relatati mas-settur tal-forestrija fil-livell internazzjonali;

7.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-Kummissjoni fl-iżgurar ta’ djalogu bikri u kontinwu bejn l-UE u l-esperti tal-Istati Membri, kif ukoll l-inklużjoni tal-partijiet interessati rilevanti kollha, sabiex tiġi ffaċilitata l-koerenza fit-tfassil tal-politika fir-rigward tal-foresti;

8.  Jappoġġa l-impenn tal-Istati Membri biex jimplimentaw il-ġestjoni tal-foresti sostenibbli f'konformità mal-kriterji u l-indikaturi tal-Forest Europe bħala wieħed mill-elementi ewlenin tal-qafas politiku attwali għall-foresti fl-Ewropa;

9.  Jilqa' l-prijoritizzazzjoni tat-tliet pilastri tas-sostenibbiltà (ekonomiku, soċjali u ambjentali) bħala bażi b'saħħitha li minnha jiġi appoġġjat ir-rwol fundamentali tal-foresti u l-effiċjenza tar-riżorsi, tiżdied il-kompetittività, jiżdied l-impjieg u jissaħħaħ ir-rwol tal-foresti u tal-industriji bbażati fuq il-foresti u l-preservazzjoni taċ-ċikli ekoloġiċi fl-ekonomija ekoloġika; jirrikonoxxi r-rwol tiegħu fis-soċjetà relatat mas-saħħa taċ-ċittadini.

10. Ifakkar li, skont il-Kummissjoni, fl-2009, il-bijoekonomija rrappreżentat suq li kien stmat 'il fuq minn EUR 2 triljun, li pprovdiet 20 miljun impjieg u kienet tirrappreżenta 9 % tal-impjieg totali fl-UE; jinnota li kull euro investit fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-bijoekonomija taħt Orizzont 2020 se jiġġenera madwar EUR 10 f’valur miżjud; jenfasizza li bħalissa l-foresti għandhom rwol kruċjali fil-bijoekonomija u se jibqgħu b'dan fil-futur;

11. Iqis li l-objettiv inkluż fl-Istrateġija tal-Foresti tal-UE li jiżdied il-kontribut tal-foresti u tas-settur tal-foresti għall-iżvilupp rurali, il-bijodiversità, it-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi jrid iqis għal kollox il-prodotti u s-servizzi ekonomiċi, soċjali, kulturali u ambjentali pprovduti mill-foresti, inklużi r-rikreazzjoni u s-servizzi tat-turiżmu, u b'mod partikolari r-rwol importanti li għandhom il-foresti ġestiti sew u l-materjal ibbażat fuq l-injam fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2, fil-ħżin tal-karbonju u fl-avvanz lejn bijoekonomija, li huma elementi importanti tal-politika tal-klima tal-UE;

12. Ifakkar li l-bijomassa tal-foresti hija sors importanti ħafna tal-enerġija rinnovabbli u jinnota li l-foresti Ewropej attwalment jassorbu u jaħżnu madwar 10 % tal-emissjonijiet tal-karbonju tal-UE u b’hekk jikkontribwixxu b’mod notevoli għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima;

13. Iqis li għandha titħeġġeġ is-sostituzzjoni ta’ materja prima bbażata fuq iż-żejt jew intensa fis-sħana bl-injam u prodotti tal-injam maħsud, b’konformità mal-progress fir-riċerka u t-teknoloġija, li tista’ tikkontribwixxi b’mod pożittiv lejn aktar kisbiet f’termini ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima kif ukoll il-ħolqien tal-impjiegi;

14. Jappoġġa l-bżonn li titwettaq valutazzjoni tal-ispejjeż tal-leġiżlazzjoni kollha tal-UE li taffettwa l-ktajjen tal-valur tal-industriji bbażati fuq il-foresti, bil-għan li tiġi eliminata l-burokrazija kollha mhux neċessarja u ta' piż u jinħoloq qafas li jippermetti ż-żieda fil-kompetittività fuq tul ta' żmien twil tal-industrija b'mod sostenibbli, u bl-istess mod, li jappoġġa l-prinċipju li kull proposta leġiżlattiva li taffettwa s-settur tal-foresti u l-ktajjen ta' valur tal-industriji bbażati fuq il-foresti għandha tiġi vvalutata sew minn valutazzjoni tal-impatt.

15. Iqis li l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti ser tiġi implimentata aħjar jekk tiġi appoġġata minn koordinazzjoni xierqa b'finanzjament disponibbli jew futur tal-UE, inkluż il-FAEŻR;

16. Josserva d-disponibbiltà tar-riżorsi ta’ informazzjoni u monitoraġġ permezz tal-programm Copernicus u inizjattivi oħra tal-ispazju fil-livell Ewropew, u jirrakkomanda li jiżdied l-użu ta’ dawn ir-riżorsi u l-għodod;

17. Huwa tal-opinjoni li l-promozzjoni ta’ aktar użi diversi tal-injam għandha timxi id f’id ma’ investiment fis-sistemi tal-edukazzjoni għaż-żgħażagħ, u taħriġ għall-impjegati eżistenti fl-industrija tal-bini sabiex dawn isiru aktar konxji dwar l-opportunitajiet li jinħolqu permezz tal-użu tal-injam kif ukoll biex jipprovdulhom il-ħiliet meħtieġa;

18. Jilqa’ t-twaqqif ta' Sistema tal-Informazzjoni tal-Foresti għall-Ewropa biex tappoġġja l-iskambju tad-data, tal-aħjar prattiki u tal-għarfien eżistenti dwar il-foresti bejn l-Istati Membri; jirrikonoxxi li l-ġbir tad-data u l-informazzjoni dwar ir-rwol multifunzjonali tal-foresti u tar-riżorsi tal-foresti mill-bażijiet ta' data nazzjonali jibbenefikaw lis-settur u jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-integrazzjoni tagħha fi Pjattaforma tad-Data Ewropea; jilqa’ l-benefiċċji tal-iskambju tal-aħjar prattika u l-għarfien eżistenti dwar il-foresti bejn l-Istati Membri, iżda jenfasizza li tali attività m'għandhiex tirriżulta f’żieda fid-domanda fuq ir-riżorsi baġitarji;

19. Jenfasizza li l-kompetittività fit-tul tas-settur tal-foresti se tinkiseb biss b’forza tax-xogħol ikkwalifikata. jinnota li s-settur attwalment jimpjega 'l fuq minn 3 miljun ċittadin Ewropew; iqis li l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti għandha mbagħad tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-UE li jkollha faċilitajiet ta’ taħriġ rilevanti u forza tax-xogħol li tkun konxja bis-sħiħ tal-isfidi u t-theddid attwali tas-settur tal-foresti, iżda wkoll tar-regoli ta’ sikurezza inerenti tal-ġestjoni tal-foresti;

20. Jisħaq fuq l-appoġġ li l-programmi qafas tal-UE għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni jistgħu jagħtu biex ikun hemm tkabbir intelliġenti u sostenibbli, prodotti b’valur miżjud ogħla, teknoloġija aktar nadifa u livell għoli ta' teknoloġija, b'mod partikolari fil-bijofjuwils raffinati u l-bini industrijali fl-injam, imma wkoll fl-industriji tal-karozzi u tat-tessuti, filwaqt li ma jintesewx dawk l-użi tradizzjonali ta’ valur għoli li għad għandhom potenzjal kbir għat-tkabbir, bħall-użu tal-injam fil-kostruzzjoni u l-ippakkjar;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.2.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

56

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Zigmantas Balčytis, Nicolas Bay, Reinhard Bütikofer, Jerzy Buzek, Soledad Cabezón Ruiz, Philippe De Backer, Pilar del Castillo Vera, Pablo Echenique, Christian Ehler, Peter Eriksson, Fredrick Federley, Ashley Fox, Adam Gierek, Theresa Griffin, Marek Józef Gróbarczyk, András Gyürk, Kaja Kallas, Barbara Kappel, Krišjānis Kariņš, Seán Kelly, Jeppe Kofod, Miapetra Kumpula-Natri, Janusz Lewandowski, Paloma López Bermejo, Ernest Maragall, Edouard Martin, Angelika Mlinar, Csaba Molnár, Nadine Morano, Dan Nica, Angelika Niebler, Morten Helveg Petersen, Miroslav Poche, Herbert Reul, Paul Rübig, Algirdas Saudargas, Jean-Luc Schaffhauser, Neoklis Sylikiotis, Antonio Tajani, Dario Tamburrano, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Claude Turmes, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Henna Virkkunen, Anna Záborská, Flavio Zanonato, Carlos Zorrinho

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Cornelia Ernst, Françoise Grossetête, Benedek Jávor, Constanze Krehl, Vladimír Maňka, Marian-Jean Marinescu, Morten Messerschmidt, Clare Moody, Paul Tang, Pavel Telička

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Rosa D’Amato


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.3.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

5

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Richard Ashworth, José Bové, Paul Brannen, Daniel Buda, Nicola Caputo, Matt Carthy, Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Luke Ming Flanagan, Martin Häusling, Anja Hazekamp, Esther Herranz García, Jan Huitema, Peter Jahr, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Zbigniew Kuźmiuk, Philippe Loiseau, Mairead McGuinness, Nuno Melo, Giulia Moi, Ulrike Müller, James Nicholson, Maria Noichl, Marit Paulsen, Marijana Petir, Laurențiu Rebega, Jens Rohde, Bronis Ropė, Jordi Sebastià, Lidia Senra Rodríguez, Czesław Adam Siekierski, Marc Tarabella

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Bas Belder

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Rosa D’Amato, Stanisław Ożóg

Avviż legali