Proċedura : 2015/2013(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0138/2015

Testi mressqa :

A8-0138/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2015 - 7.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0098

RAPPORT     
PDF 157kWORD 81k
22.4.2015
PE 549.393v01-00 A8-0138/2015

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2015 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima III – Il-Kummissjoni

(07660/2015 – C8-0098/2015 – 2015/2013(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Eider Gardiazabal Rubial

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2015 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima III – Il-Kummissjoni

(07660/2015 – C8 - 0098/2015 – 2015/2013(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, adottat b'mod definittiv fis-17 ta' Diċembru 2014(2),

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3) (Regolament QFP),

–       wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4),

–       wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2015, li l-Kummissjoni adottat fl-20 ta' Jannar 2015 (COM(2015)0016),

–       wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2015, adottata mill-Kunsill fil-21 ta' April 2015 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fit-22 ta' April 2014 (07660/2015),

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2015/623 tal-21 ta' April 2015 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(5),

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0138/2015),

A.     billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2015 huwa marbut mal-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament QFP (COM(2015)0015) kif previst fl-Artikolu 19 tiegħu;

B.     billi l-Artikolu 19 tar-Regolament QFP jipprevedi reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali fil-każ ta' adozzjoni tard tar-regoli jew programmi taħt ġestjoni kondiviża biex allokazzjonijiet li ma ntużawx fl-2014 jiġu trasferiti għal snin sussegwenti, bi qbiż tal-limiti tal-infiq korrispondenti,

C.     billi l-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-programmi taħt ġestjoni kondiviża skont it-tifsira tal-Artikolu 19 tar-Regolament QFP skadew fl-2014 għal ammont ta' EUR 21 043 639 478 fi prezzijiet kurrenti li jikkorrispondi mal-ammonti parzjali ta' programmi għall-2014 li la setgħu jiġu impenjati fl-2014 u lanqas jiġu trasferiti għall-2015,

D.     billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2015 jipprevedi trasferiment tal-akbar sehem ta' dawk l-allokazzjonijiet għall-baġit 2015 bi trasferimenti iżgħar li għandhom jiġu integrati fl-abbozzi ta' baġit għas-snin 2016 u 2017,

E.     billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2015 jipproponi żieda ta' EUR 16 476,4 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn fl-2015 għad-diversi fondi taħt ġestjoni kondiviża taħt is-subintestatura 1b, l-intestatura 2 u l-intestatura 3,

F.     billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2015 jipproponi wkoll żieda ta' EUR 2,5 miljun għall-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) skont l-intestatura 4, biex jinżamm it-trattement simili bejn il-kontribuzzjonijiet mill-intestatura 4 u l-intestatura 1b għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) – il-programmi ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea (ETC),

1.      Jieħu nota tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2015, kif ippreżentat mill-Kummissjoni, u tal-pożizzjoni tal-Kunsill dwaru;

2.      Ifakkar li tali reviżjoni tar-Regolament QFP hija proċedura standard fil-bidu ta' kull perjodu tal-QFP u li l-abbozz ta' baġit emendatorju korrispondenti jeħtieġlu jiġi allinjat ma' din ir-reviżjoni;

3.      Ifakkar li huwa ferm importanti għaċ-ċittadini Ewropej u għall-ekonomiji fl-Istati Membri kollha li l-approprjazzjonijiet li ma ntużawx għas-sena 2014 jistgħu jiġu trasferiti għas-snin sussegwenti sabiex jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir;

4.      Jilqa' l-fatt li l-approprjazzjonijiet li ma ntużawx għas-sena 2014 kienu trasferiti, sal-grad massimu possibbli, għas-sena finanzjarja 2015, peress li dan se jevita trattament inġust ta' ċerti Stati Membri, reġjuni u programmi operattivi, iħaffef l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-politika ta' koeżjoni u jgħin jevita l-konċentrazzjoni ta' pagamenti fi tmiem il-perjodu tal-QFP;

5.      Jinsab madankollu mħasseb dwar l-impatt fit-tul li dan il-posponiment ta' sena se jkollu fuq is-sitwazzjoni globali tal-pagamenti; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib u tagħmel ħilitha kollha biex tevita l-effett ta' valanga ta' kontijiet mhux imħallsa billi tippreżenta proposti adegwati biex taġġusta l-livelli annwali tal-approprjazzjonijiet ta' pagament jekk ikun hemm bżonn, f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament QFP;

6.      Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-deċiżjoni li l-parti l-kbira tal-approprjazzjonijiet li ma ntużawx mill-2014 tiġi trasferita għall-2015 tista' teħtieġ approċċ flessibbli mill-Kummissjoni sabiex tindirizza diffikultajiet possibbli li jirriżultaw minn profil finanzjarju żbilanċjat, li jista' jwassal għal impenji mhux użati fil-perjodu 2014-2020; jitlob li l-Kummissjoni tipproponi miżuri adegwati, f'każ li din is-sitwazzjoni tinqala', abbażi ta' esperjenza simili fil-passat li qieset l-approvazzjoni tard ta' programmi;

7.      Jissottolinja l-ħtieġa li jintlaħaq ftehim fil-waqt dwar dan l-abbozz ta' baġit emendatorju sabiex jippermetti adozzjoni rapida tal-programmi kollha konċernati;

8.      Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2015;

9.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 1/2015 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

10.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kumitat għar-Reġjuni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(2)

ĠU L 69, 13.3.2015, p. 1.

(3)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(4)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(5)

ĠU L 103, 22.4.2015, p. 1.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (27.3.2015)

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 2/2015 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima III – Il-Kummissjoni

(2015/2013(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Victor Boștinaru

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-ABE 2/2015, li takkumpanja l-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 ("ir-Regolament QFP"), li titlob it-trasferiment tal-approprjazzjonijiet ta' impenn mhux użati fl-2014 minħabba l-adozzjoni tardiva ta' programmi taħt ġestjoni konġunta, inkluż għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej;

2.  Iqis essenzjali li l-ABE 2/2015 jiġi adottat malajr kemm jista' jkun, peress li huwa kundizzjoni meħtieġa għall-adozzjoni ta' programmi, inklużi dawk għall-Politika ta' Koeżjoni, li għalihom ma kienx possibbli li jintużaw l-allokazzjonijiet tal-2014; ifakkar, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u tal-programmi tagħhom, bħala sors essenzjali ta' investimenti, tkabbir u impjiegi fl-Istati Membri;

3.  Jilqa' l-loġika ġenerali tal-proposta, li tittrasferixxi l-allokazzjonijiet mhux użati tal-2014 għall-Intestatura 1b Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali għall-2015, bl-għan li tiggarantixxi trattament ugwali bejn il-programmi adottati skont il-proċedura ta' riport u l-programmi li għandhom jiġu adottati fl-2015, abbażi tar-reviżjoni tal-QFP u tal-ABE 2/2015 propost;

4.  Jiddispjaċih li l-kontribuzzjonijiet tal-2014 mill-FEŻR għall-programmi transkonfinali fil-qafas tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) u l-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI) qed jiġu trasferiti għall-2017; iqis li dawn il-programmi, għalkemm f'termini finanzjarji huma limitati, huma ta' importanza kbira kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-pajjiżi kandidati jew għall-pajjiżi ġirien involuti; jenfasizza d-diffikultajiet potenzjali u d-dewmien li dan it-trasferiment jista' jikkawża fil-livell operattiv, minkejja l-impenji previsti għall-2015 u għall-2016; jenfasizza li l-kontinwità tal-politika appoġġata minn dawn iż-żewġ strumenti għandha tkun garantita;

5.  Jinsab imħasseb li proporzjon sinifikanti ta' programmi għadu qed jistenna l-adozzjoni, u jqis li hu essenzjali li l-programmi kollha jiġu adottati u implimentati malajr kemm jista' jkun, u l-iktar tard sa nofs l-2015, sabiex l-implimentazzjoni tal-politika ma ssofri l-ebda dewmien ulterjuri; f'dan ir-rigward iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi tagħha; jenfasizza, madankollu, li waqt li jitħaffef il-proċess ta' adozzjoni huwa importanti li tinżamm attenzjoni għolja għall-kwalità;

6.  Iqis li, minħabba li l-implimentazzjoni tal-QFP 2014-2020 bdiet b'ammont sinifikanti ta' xogħol b'lura fil-pagamenti, b'kontijiet mhux imħallsa li fi tmiem l-2014 kienu jammontaw għal madwar EUR 24 771 miljun għall-programmi 2007-13 tal-FSE, il-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni, it-trasferiment tal-approprjazzjonijiet fil-qafas tal-ABE 2/2015 se jkollu impatt sinifikanti fuq is-sitwazzjoni tal-pagamenti taħt l-Intestatura 1b, b'mod partikolari mill-2017, li għandha tiġi indirizzata;

7.  Iqis li l-ABE 2/2015 propost ma jindirizzax biżżejjed din il-kwistjoni tal-pagamenti, u jistenna li l-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni u data sħaħ u f'waqthom dwar l-evalwazzjoni tal-previżjonijiet tal-pagamenti sal-bidu ta' April, sabiex il-miżuri u l-istrumenti kollha għas-sodisfazzjon tal-ħtiġijiet tal-pagamenti skont l-Intestatura 1b ikunu jistgħu jitressqu biżżejjed minn qabel bl-għan li s-sitwazzjoni tal-pagamenti pendenti ma tiġix aggravata ulterjorment;

8.  Itenni f'dan il-kuntest li l-pagamenti pendenti skont l-Intestatura 1b hija kwistjoni ta' rilevanza politika u strutturali, li teħtieġ soluzzjoni fit-tul, possibilment fil-kuntest ta' rieżami/reviżjoni ta' nofs it-term tal-QFP skont l-Artikolu 2 tar-Regolament QFP.

9.  Jinnota li t-trasferiment ta' impenji mhux użati tal-2014 għall-2015 jista' jeżerċita pressjoni qawwija fuq xi Stati Membri, bir-riżultat ta' diffikultajiet fl-assorbiment tal-fondi, u f'riskju ogħla ta' diżimpenn; jitlob għaldaqstant lill-Kummissjoni tagħti lill-Istati Membri l-għajnuna meħtieġa kollha, u tipproponi l-miżuri xierqa biex jingħelbu l-problemi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.3.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, José Blanco López, Franc Bogovič, Victor Boștinaru, Mercedes Bresso, Andrea Cozzolino, Rosa D’Amato, Michela Giuffrida, Anna Hedh, Krzysztof Hetman, Ivan Jakovčić, Constanze Krehl, Andrew Lewer, Louis-Joseph Manscour, Martina Michels, Iskra Mihaylova, Andrey Novakov, Younous Omarjee, Stanislav Polčák, Fernando Ruas, Monika Smolková, Ruža Tomašić, Monika Vana, Matthijs van Miltenburg, Lambert van Nistelrooij, Derek Vaughan

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Martina Anderson, Enrique Calvet Chambon, Salvatore Cicu, Andor Deli, Elena Gentile, Ivana Maletić, James Nicholson, Jan Olbrycht, Bronis Ropė, Julie Ward, Milan Zver

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

16.4.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Arthuis, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Ingeborg Gräßle, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Siegfried Mureșan, Younous Omarjee, Pina Picierno, Paul Rübig, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Marco Valli, Daniele Viotti, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Andrey Novakov, Ivan Štefanec, Nils Torvalds, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský

Avviż legali