Proċedura : 2014/2207(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0142/2015

Testi mressqa :

A8-0142/2015

Dibattiti :

PV 18/05/2015 - 21
CRE 18/05/2015 - 21

Votazzjonijiet :

PV 19/05/2015 - 5.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0197

RAPPORT     
PDF 312kWORD 222k
4.5.2015
PE 549.124v02-00 A8-0142/2015

dwar kura tas-saħħa aktar sikura fl-Ewropa: it-titjib tas-sikurezza tal-pazjent u l-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi

(2014/2207(INI))

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Rapporteur: Piernicola Pedicini

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar kura tas-saħħa aktar sikura fl-Ewropa: it-titjib tas-sikurezza tal-pazjent u l-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi

(2014/2207(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-23 ta' April 2009 dwar il-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-ħarsien minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa(1),

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-prevenzjoni minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa (2009/C 151/01),

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura transkonfinali,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2011 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni kontra t-theddid li qed jiżdied ta' Reżistenza Antimikrobika" (COM(2011)0748),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2012 dwar "L-impatt tar-reżistenza antimikrobika fis-settur tas-saħħa umana u fis-settur veterinarju – perspettiva ta' 'Saħħa Waħda'",

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar "L-Isfida Mikrobika – Theddid li qed jiżdied mir-Reżistenza Antimikrobika"(2),

–       wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni lill-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2012 u tad-19 ta' Ġunju 2014 fuq il-bażi tar-rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2009/C 151/01) dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-prevenzjoni minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Ottubru 2013 dwar ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill fuq il-bażi tar-rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2009/C 151/01) dwar is-sikurezza tal-pazjent, inklużi l-prevenzjoni u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa(3),

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa,

–       wara li kkunsidra l-Ewrobarometru Speċjali 411, "Is-sikurezza tal-pazjent u l-kwalità tal-kura",

–       wara li kkunsidra r-rapport ta' progress dwar il-Pjan ta' Azzjoni kontra t-theddid li qed jiżdied ta' Reżistenza Antimikrobika (SANTE/10251/2015);

–       wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Settembru 2014 dwar il-mediċina veterinarja (2014/0257(COD)),

–       wara li kkunsidra l-"Qafas kunċettwali għall-klassifikazzjoni internazzjonali għas-sikurezza tal-pazjent", stabbilit mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO),

–       wara li kkunsidra l-isforzi tal-Presidenza Latvjana biex tindirizza l-kwistjoni tar-reżistenza għall-antimikrobiċi, b'mod partikolari fir-rigward tat-tuberkulożi u t-tuberkulożi reżistenti għal ħafna mediċini (MDR-TB);

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-l ta' Diċembru 2014 dwar is-sikurezza tal-pazjent u l-kwalità tal-kura, inklużi l-prevenzjoni minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u r-reżistenza għall-antimikrobiċi,

–       wara li kkunsidra l-ewwel rapport konġunt tal-ECDC/EFSA/EMA dwar l-analiżi integrata tal-konsum ta' aġenti antimikrobiċi u l-okkorrenza ta' reżistenza għall-antimikrobiċi f'batterji mill-bniedem u mill-annimali li jipproduċu l-ikel (Joint Interagency Antimicrobial Consumption and Resistance Analysis - JIACRA),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0142/2015),

A.     billi d-dimensjoni prinċipali tal-kwalità ġenerali tal-kura tas-saħħa hija s-sikurezza tal-pazjent, li l-elementi fundamentali tagħha huma kultura tal-kura tas-saħħa u l-ġestjoni tal-avvenimenti avversi;

B.     billi l-volum ta' data disponibbli dwar il-prevalenza u l-inċidenza ta' avvenimenti avversi fis-sistemi tal-kura tas-saħħa fl-Istati Membri bħalissa huwa limitat, iżda qiegħed dejjem jiżdied, u billi l-aħħar data disponibbli tmur lura għall-2008;

C.     billi huwa stmat li bejn 8 % u 12 % tal-pazjenti li jittieħdu l-isptar fl-UE jbatu minn avvenimenti avversi waqt li jkunu qegħdin jirċievu l-kura tas-saħħa, u billi kważi nofs dawn l-avvenimenti jistgħu jiġu evitati;

D.     billi l-aktar avvenimenti avversi komuni marbuta mal-kura tas-saħħa huma infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa (HAIs – healthcare-associated infections), avvenimenti relatati mal-medikazzjoni u kumplikazzjonijiet li jseħħu matul jew wara operazzjoni kirurġika;

E      billi s-sikurezza tal-pazjent u l-kwalità tal-kura tas-saħħa jeħtieġu kundizzjonijiet ta' xogħol deċenti u sikurezza fuq il-post tax-xogħol għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa, u billi, b'mod partikolari, l-iżgurar tas-sikurezza tal-pazjent, tal-prevenzjoni u l-kontroll tal-HAIs u tal-prevenzjoni tal-firxa ta' batterji reżistenti għal ħafna mediċini huwa diffiċli ħafna f'ambjent tal-kura tas-saħħa b'popolazzjoni eċċessiva u b'nuqqas ta' persunal;

F.     billi l-kriżi ekonomika attwali żiedet aktar pressjoni fuq il-baġits tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri, u b'hekk kellha impatt fuq is-sikurezza tal-pazjent, peress li ħafna Stati Membri, minflok ma indirizzaw l-effiċjenza b'mod xieraq, naqqsu l-baġits u l-livelli ta' persunal fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħhom b'ammonti pjuttost qawwija;

G.     billi l-kriżi ekonomika kompliet taggrava l-inugwaljanzi eżistenti fir-rigward tal-aċċess għas-servizzi tas-saħħa;

H.     billi t-taħriġ kontinwu tat-tobba u ta' professjonisti oħra fil-qasam tal-kura tas-saħħa huwa kruċjali sabiex jiġu evitati avvenimenti avversi, inklużi avvenimenti avversi mill-mediċini (ADEs – adverse drug events), li huma stmati li jiswew lis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-UE madwar EUR 2,7 biljun fis-sena fi spejjeż tal-kura u jammontaw għal 1,1 % tal-każijiet kollha ta' persuni li jiddaħħlu l-isptar fl-Unjoni;

I.      billi s-saħħa elettronika (Saħħa-e) ffukata fuq il-pazjent u t-trattamenti mediċi għal kura fid-dar għandhom potenzjal għoli biex itejbu l-kwalità u l-effiċjenza ta' trattamenti mediċi filwaqt li jikkontribwixxu għal titjib fil-prestazzjoni tal-kura tas-saħħa;

J.      billi approċċ multidixxiplinarju jżid il-possibbiltajiet li t-trattamenti mediċi jiksbu riżultati pożittivi;

K.     billi l-pazjenti, il-familji u l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti għandhom rwol ewlieni biex jippromwovu kura iżjed sikura, u r-rwol tagħhom għandu jiġi promoss permezz tal-għoti ta' setgħa lill-pazjent u permezz tal-parteċipazzjoni fil-proċess u fil-politika tal-kura tas-saħħa fil-livelli kollha;

L.     billi t-trattamenti mediċi għal kura fid-dar jistgħu jgħinu lill-pazjenti psikoloġikament u jirriżultaw fi prestazzjoni aħjar fil-kura tas-saħħa;

M.    billi ġie nnutat li l-użu tal-antibijotiċi huwa aktar frekwenti fost il-persuni anqas infurmati u li l-għarfien sħiħ dwar l-antibijotiċi jista' jwassal liċ-ċittadini għal konsum aktar responsabbli tagħhom;

N.     billi bejn 30 u 50 % tal-pazjenti ma jeħdux il-mediċini preskritti mit-tobba jew jeħduhom mingħajr ma jsegwu r-riċetta tat-tabib;

O.     billi jeżistu kunflitti ta' interess relatati mal-industrija farmaċewtika fl-isptarijiet u fost it-tobba ġenerali kif ukoll il-veterinarji;

P.     billi l-HAIs huma problema ewlenija għas-saħħa pubblika fl-Istati Membri (skont figuri miġbura miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), pazjent minn kull 20 fl-isptar, fuq bażi medja, isofri minn HAI fl-UE, jiġifieri 4,1 miljun pazjent annwalment, u barra dan, kull sena 37 000 ruħ fl-UE jmutu bħala riżultat ta' HAI, għalkemm huwa meqjus li bejn 20 u 30 % ta' dawn l-infezzjonijiet jistgħu jiġu evitati bis-saħħa ta' programmi intensivi ta' iġjene u kontroll), u dan iqiegħed piż kbir fuq il-baġits limitati tas-servizz tas-saħħa;

Q.     billi l-esperjenzi u l-kontributi tal-pazjenti jvarjaw ta' spiss minn dawk tal-professjonisti tas-saħħa u jistgħu jkunu importanti ħafna biex jinstabu modi ġodda kif jitnaqqsu u jiġu evitati l-HAIs;

R.     billi l-HAIs ikkawżati minn batterji reżistenti għal ħafna mediċini qed jiżdiedu;

S.     billi r-reżistenza għall-antimikrobiċi fil-konfront tal-patoġeni batteriċi, li jwassal għal aktar prevalenza tal-HAIs u fallimenti fit-trattament ta' mard infettiv tal-bniedem u tal-annimali fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali;

T.     billi huwa stmat li globalment 10 miljun persuna se jmutu kull sena minħabba r-reżistenza għall-antimikrobiċi sal-2050;

U.     billi l-perċentwal ta' reżistenza għall-antibijotiċi li jintużaw komunement biex jittrattaw batterji kawżattivi huwa ta' mill-anqas 25 % jew aktar f'diversi Stati Membri; billi hemm distakk dejjem jikber bejn ir-reżistenza għall-antimikrobiċi u l-iżvilupp ta' antibijotiċi ġodda u l-introduzzjoni tagħhom fil-prattika klinika, u dan hu marbut mal-isfidi xjentifiċi, regolatorji u ekonomiċi;

V.     billi l-aktar studji reċenti juru li, ħlief għal ftit eċċezzjonijiet, ir-reżistenza għall-antimikrobiċi fl-isptarijiet żdiedet globalment fl-UE fl-aħħar snin;

W.    billi l-UE tistma li kull sena tal-anqas 25 000 persuna jmutu minn infezzjonijiet ikkawżati minn batterji reżistenti, li jiswew lis-sistemi tas-saħħa pubblika madwar EUR 1,5 biljun, skont id-data miġbura fl-2011 mill-ECDC;

X.     billi l-ispejjeż ikkaġunati mill-infezzjonijiet reżistenti għall-mediċina jammontaw għal madwar EUR 1,5 biljun fis-sena minħabba żidiet fl-ispejjeż relatati mal-kura tas-saħħa u telf ta' produttività; billi l-pazjenti li jkunu ġew infettati bil-batterji reżistenti jkollhom jiġu iżolati meta trattati fl-isptar, u dan il-provvediment addizzjonali jiswa EUR 900 miljun u jwassal għal 2,5 miljun ġurnata tas-sodda addizzjonali kull sena;

Y.     billi waħda mill-kawżi ewlenin tal-firxa tar-reżistenza għall-antimikrobiċi fl-isptarijiet hija n-nuqqas ta' konformità mal-prattiki aċċettati b'mod ġenerali għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet;

Z.     billi l-effikaċja tal-mediċini primarji kontra l-patoġeni batteriċi qed issir dejjem iżjed limitata minħabba r-reżistenza u l-mediċini sekondarji u terzjarji mhux dejjem ikunu disponibbli u spiss ikunu iżjed tossiċi, ogħla u anqas effikaċi mill-mediċini primarji;

AA.  billi waħda mill-kawżi ewlenin tar-reżistenza għall-antimikrobiċi hija l-użu ħażin ta' antimikrobiċi, inklużi l-antibijotiċi, u b'mod partikolari l-użu sistematiku u eċċessiv tagħhom;

AB.  billi l-livell għoli ta' mobilità bejn is-sistemi tal-kura tas-saħħa Ewropej u n-natura dejjem aktar transkonfinali tal-kura tas-saħħa fl-Ewropa jistgħu jiffavorixxu l-firxa tal-mikroorganiżmi reżistenti minn Stat Membru għall-ieħor;

AC.  billi l-programmi ta' tilqim huma għodda effikaċi fl-isforzi biex tiġi miġġielda r-reżistenza għall-antibijotiċi, minħabba li għandhom rwol biex jillimitaw l-użu tal-antibijotiċi u għaldaqstant l-iżvilupp tar-reżistenza għall-antimikrobiċi;

AD.  billi r-riċerka u l-iżvilupp antibatteriċi jippreżentaw xi sfidi uniċi u dan ifisser li hija meħtieġa perspettiva fuq terminu twil biex il-kompetenza tiġi żviluppata u tiġi applikata fil-laboratorji, u billi huwa ta' dispjaċir li ħafna riċerkaturi b'din il-kompetenza mxew f'oqsma oħra minħabba nuqqas ta' finanzjament kemm privat kif ukoll pubbliku;

AE.   billi n-nuqqas ta' teħid tal-prekawzjonijiet bażiċi ta' iġjene personali, kemm fl-isptarijiet kif ukoll barra, jista' jwassal għall-firxa ta'patoġeniċi, b'mod partikolari dawk li huma reżistenti għall-antimikrobiċi;

AF.   billi qed ikunu dejjem aktar evidenza xjentifika li turi li iġjene tajba tal-idejn fl-ambjent tal-kura tas-saħħa teħtieġ l-użu ta' metodi għat-tnixxif tal-idejn li ma jiffaċilitawx il-kontaminazzjoni mikrobika kroċjata permezz ta' disseminazzjoni fl-ajru u aerosolizzazzjoni;

AG.  billi l-batterji reżistenti jistgħu jinstabu preżenti fuq l-apparati mediċi anke meta jkunu ġew sterilizzati skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur;

AH.  billi l-użu tal-antimikrobiċi fil-mediċina tal-bniedem u dik veterinarja jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' resistome fl-ambjent li jista' jservi bħala sors ta' żvilupp ta' reżistenza kemm fil-bnedmin kif ukoll fl-annimali; billi l-istess klassijiet ta' antibijotiċi jintużaw fil-mediċina kemm tal-annimali kif ukoll tal-bniedem u tfaċċaw mekkaniżmi ta' reżistenza simili fiż-żewġ setturi;

AI.    billi biedja ta' densità għolja tista' timplika li l-antibijotiċi qegħdin jingħataw b'mod mhux adatt u permezz ta' rutina bħala għalf lill-bhejjem, it-tjur u l-ħut fl-irziezet biex jikbru malajr u qegħdin jintużaw b'mod mifrux għal skopijiet ta' profilassi, biex jipprevjenu l-firxa ta' mard minħabba kundizzjonijiet ta' ffullar, konfinament u stress li fihom jinżammu l-annimali u li jinibixxu s-sistema immunitarja tagħhom, u biex jikkumpensaw għall-kundizzjonijiet mhux sanitarji fejn aed jitrabbew;

AJ.   billi l-kunċett ta' Saħħa Waħda, approvat mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE), jirrikonoxxi li s-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u l-ekosistemi huma marbutin flimkien; billi, b'mod partikolari, l-annimali u l-ikel li ġej mill-annimali jistgħu jservu ta' sors ewlieni dirett ta' patoġeni żoonotiċi reżistenti; billi, għaldaqstant, l-użu tal-antibijotiċi fl-annimali, b'mod partikolari dawk intiżi għall-konsum u miżmuma fi rziezet ta' densità għolja, jista' jaffettwa r-reżistenza għall-antibijotiċi fil-bnedmin;

AK.  billi, fid-dawl tal-kunċett Saħħa Waħda, approċċ fejn kemm il-professjonisti mediċi tal-bnedmin kif ukoll dawk veterinarji jieħdu inizjattivi biex jipprevjenu infezzjonijiet reżistenti u jnaqqsu l-użu tal-antibijotiċi jista' jevita l-HAIs, kemm fl-isptarijiet kif ukoll barra;

AL.   billi, skont id-WHO, l-użu tal-antimikrobiċi għall-bhejjem hu bil-wisq ogħla minn dak għall-bnedmin f'numru ta' pajjiżi tal-Istati Membri tal-UE;(4)

AM   billi, skont assoċjazzjonijiet Ewropej tal-konsumatur, aktar minn 70 % tal-prodotti tal-laħam ittestjati f'sitt Stati Membri tal-UE nstab li kienu kkontaminati minn batterji reżistenti għall-antibijotiċi, filwaqt li fi tmien pajjiżi oħra tali batterji kienu preżenti f'50 % tal-kampjuni kollha(5);

AN.  billi ġew osservati livelli għoljin ta' reżistenza tal-Campylobacter għall-fluworokinoloni u li ħafna mill-infezzjonijiet tal-Campylobacter fil-bniedem jiġu mill-ipproċessar, il-preparazzjoni u l-konsum ta' laħam tat-tiġieġ; bili tali livelli għoljin ta' reżistenza jnaqqsu l-għażliet ta' trattament effikaċi għall-infezzjonijiet tal-Campylobacter fil-bniedem;

AO.  billi fl-UE l-użu subterapewtiku tal-antibijotiċi, li jinvolvi l-għoti ta' dożi baxxi ta' antibijotiċi lill-bhejjem biex jistimolaw it-tkabbir tagħhom, huwa projbit sa mill-2006;

AP.   billi l-maġġoranza l-kbira tal-għalf immedikat għall-annimali tar-razzett fiha l-antimikrobiċi;

AQ.  billi l-użu tal-antimikrobiċi fl-annimali domestiċi huwa fattur ta' riskju addizzjonali għall-iżvilupp u t-trażmissjoni tar-reżistenza għall-antimikrobiċi fil-bniedem u billi x-xejriet li juru żieda fir-reżistenza għall-antibijotiċi misjuba fil-kliniċi veterinarji għall-annimali domestiċi jsegwu xejriet simili għal dawk misjuba fl-isptarijiet;

AR.  billi r-riskju ta' trażmissjoni tar-reżistenza għall-antimikrobiċi mill-annimali domestiċi għall-bnedmin ma jistax ikun kompletament kwantifikat u billi din il-kwistjoni teħtieġ aktar investigazzjoni;

AS.   billi huwa rikonoxxut li l-leġiżlazzjoni attwali dwar il-mediċini veterinarji ma tipprovdix għodod biżżejjed biex tiżgura li r-riskji għas-saħħa tal-bniedem li jirriżultaw mill-użu tal-antimikrobiċi fl-annimali jkunu ġestiti b'mod adegwat;

AT    billi l-kwistjoni tal-użu mhux skont it-tikketta tal-antibijotiċi hija ta' tħassib għall-mediċina tal-annimali kif ukoll għall-mediċina tal-bniedem;

AU.  billi l-kumpaniji farmaċewtiċi għandhom it-tendenza li jżidu antibijotiċi ġodda fi ħdan klassijiet eżistenti ta' antibijotiċi minflok jiskopru u jiżviluppaw aġenti antibatteriċi verament ġodda, u b'riżultat ta' dan, ir-reżistenza għal dawn l-aġenti l-ġodda se titfaċċa aktar malajr milli għal mediċini b'mekkaniżmu verament ġdid ta' azzjoni;

AV.  billi jeħtieġ li l-laboratorji farmaċewtiċi jiġu mħeġġa jiżviluppaw anitbijotiċi ġodda billi jirriflettu dwar il-ħolqien ta' inċentivi u ta' mudelli ekonomiċi alternattivi biex tiġi ppremjata l-innovazzjoni;

AW. billi huwa ta' importanza kruċjali li l-kumpaniji farmaċewtiċi jiġu mħeġġa jinvestu u jkomplu jinvestu fl-iżvilupp ta' aġenti antimikrobiċi ġodda, b'mod partikolari dawk attivi kontra mard li fil-każ tiegħu r-reżistenza għall-antimikrobiċi hija ta' tħassib serju, speċjalment:

•   mard ikkawżat minn batterji reżistenti għal ħafna mediċini Gram-negattivi prevalenti (bħalma huma l-K. pneumoniae u l-Acinetobacter jew l-E. coli), jew minn batterji reżistenti għal ħafna mediċini oħrajn bħall-iStaphylococcus aureus jew it-tuberkulożi;

•    mard ieħor ikkawżat minn vajrusijiet (bħall-HIV), jew parassiti (bħall-malarja);

kif ukoll jiżviluppaw metodi oħra biex l-HAIs jiġu miġġielda mingħajr l-użu tal-antibijotiċi;

AX. billi dan jista' jinkiseb billi jiġu indirizzati ftit mill-isfidi ewlenin xjentifiċi, regolatorji u ekonomiċi li xekklu l-iżvilupp tal-antimikrobiċi, u b'mod partikolari billi jinħolqu inċentivi għall-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u billi tali investiment jiġi ffokat fuq l-akbar ħtiġijiet tas-saħħa pubblika, filwaqt li tiġi preservata s-sostenibbiltà tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa;

AY.  billi l-paragrafu 2 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/18/KE jistabbilixxi skadenza għall-użu tal-ġeni li joffru reżistenza għall-antibijotiċi għall-pjanti transġeniċi;

AZ.   billi l-ispeċjalisti tal-prodotti qatt ma għandhom iwettqu trattamenti terapewtiċi imma għandhom jappoġġjaw biss lill-persunal mediku meta u jekk meħtieġ minn dan tal-aħħar, pereżempju għat-twettiq ta' operazzjonijiet ta' assemblaġġ jew żmontar ta' strumenti speċifiċi;

AAA.  billi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/24/UE dwar il-mobilità tal-pazjenti qegħdin jiġu implimentati fl-UE kollha, u għalhekk isir aktar pertinenti li l-pazjenti Ewropej għandhom ikunu infurmati dwar is-sikurezza tal-pazjent fid-diversi Stati Membri;

AAB. billi huwa essenzjali li jiġu żgurati d-drittijiet tal-pazjenti u l-fiduċja tal-pubbliku fis-servizzi tas-saħħa, billi jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ sistemi li jipprovdu kumpens finanzjarju ġust fil-każ ta' negliġenza li tirriżulta minn trattamenti mediċi żbaljati;

AAC.             billi l-introduzzjoni ta' rimedju kollettiv tista' tgħin lill-pazjenti li tkun saritilhom ħsara minħabba l-istess prattika illegali li tikkawża l-istess avveniment avvers attribwit għall-HAIs;

AAD.  billi l-internet huwa l-akbar suq farmaċewtiku mhux regolat fid-dinja; billi 62 % tal-farmaċewtiċi mixtrija online huma foloz jew mhux konformi mal-istandards; billi proporzjon kbir ħafna tal-operaturi li joperaw online jagħmlu hekk b'mod illegali u d-dħul globali annwali mill-bejgħ illegali online ta' mediċini bi preskrizzjoni huwa stmat għal madwar USD 200 biljun;

AAE. billi l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistipula li l-azzjoni tal-Unjoni trid tikkomplementa l-politiki nazzjonali u trid tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, lejn il-prevenzjoni tal-mard fiżiku u mentali u l-evitar ta' sorsi ta' periklu għas-saħħa fiżika u mentali;

Implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-pazjent

Feedback dwar it-tieni rapport ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni

1.      Ifakkar li l-leġiżlazzjoni farmaċewtika tal-UE ġiet stabbilita biex tipproteġi s-sikurezza tal-pazjent; ifakkar fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill fuq il-bażi ta' rapporti tal-Istati Membri fuq l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2009/C 151/01) dwar is-sikurezza tal-pazjent, inklużi l-prevenzjoni u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa (2013/2022(INI));

2.      Jilqa' t-titjib fis-sistema ta' sorveljanza tal-HAIs fl-UE u l-miżuri reċenti l-oħrajn implimentati minn ċerti Stati Membri biex titjieb is-sikurezza ġenerali tal-pazjent u titnaqqas l-inċidenza tal-HAIs, u b'mod partikolari l-progress li sar mill-Istati Membri fl-iżvilupp ta' strateġiji u programmi dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluża s-sikurezza tal-pazjent fil-leġiżlazzjoni tas-saħħa, u fl-iżvilupp ta' sistemi ta' rappurtar u tagħlim;

3.      Jinnota, madankollu, li t-tieni rapport ta' implimentazzjoni għadu juri progress mhux uniformi fost l-Istati Membri fir-rigward tas-sikurezza tal-pazjent, u jiddispjaċih għall-fatt li xi Stati Membri naqqsu b'mod ovvju r-ritmu tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill fost l-oħrajn, possibbilment bħala konsegwenza tal-limitazzjonijiet finanzjarji li rriżultaw mill-kriżi ekonomika;

4.      Jiddispjaċih li l-miżuri ta' awsterità wasslu għal tnaqqis fil-livell tal-persunal tat-tindif fl-isptarijiet u f'ambjenti oħra tal-kura tas-saħħa madwar l-Ewropa, meta jitqies ir-rwol kritiku li għandu l-persunal tat-tindif biex jiżgura livelli għoljin ta' iġjene;

5.      Jistieden lill-Istati Membri biex, f'dan il-perjodu ta' kriżi ekonomika, jiżguraw li s-sistemi tal-kura tas-saħħa ma jiġux affettwati minn miżuri ta' awsterità u jibqgħu finanzjati b'mod adegwat u, b'mod partikolari, jevitaw l-aktar miżuri ta' ħsara, bħal tfaddil fuq terminu qasir, li jwassal għal spejjeż għoljin fuq terminu medju sa twil, u minflok jikkonċentraw fuq żvilupp ulterjuri ta' sistemi tal-kura tas-saħħa ta' kwalità u effiċjenza għoljin; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw numru biżżejjed ta' professjonisti tal-kura tas-saħħa mħarrġa jew speċjalizzati fil-prevenzjoni u l-kontroll tal-infenzjonijiet, kif ukoll fl-iġjene tal-isptar, bil-ħsieb li jkun hemm approċċ aktar iffukat fuq il-pazjent;

6.      Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu miri kwantitattivi speċifiċi u ambizzjużi għat-tnaqqis tal-użu tal-antibijotiċi;

7.      Jilqa' x-xogħol tal-Grupp ta' Ħidma tal-UE dwar is-Sikurezza tal-Pazjent u l-Kwalità tal-Kura, li jġib flimkien rappreżentanti mit-28 Stat Membru tal-UE, il-pajjiżi tal-EFTA, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-korpi tal-UE, u jassisti fl-iżvilupp tal-aġenda tal-UE għas-sikurezza tal-pazjent u l-kwalità;

8.      Jistieden lill-Kummissjoni tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar is-sikurezza tal-pazjent fl-Istati Membri, u fejn meħtieġ tiżviluppa linji gwida ġodda;

Gwidi għal titjib

9       Jilqa' x-xogħol kofinanzjat mill-UE u mwettaq mill-OECD dwar l-indikaturi komparabbli biex tiġi vvalutata s-sikurezza tal-pazjent; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw tali indikaturi bil-ħsieb li jivvalutaw is-sikurezza tal-pazjent;

10.    Jinnota l-importanza li s-sikurezza tal-pazjent tiġi inkluża fl-edukazzjoni, fit-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u fit-taħriġ kontinwu tal-ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa u tal-professjonisti tas-saħħa fl-Istati Membri kollha;

11.    Jenfasizza l-benefiċċji potenzjali tas-saħħa elettronika fit-tnaqqis ta' avvenimenti avversi billi jiġu traċċati flussi ta' informazzjoni u billi jittejjeb l-għarfien tal-proċessi mediċi, kif ukoll permezz ta' preskrizzjonijiet diġitali u twissijiet dwar l-interazzjoni mediċinali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jesploraw ulterjorment il-possibbiltajiet offruti mis-saħħa elettronika fil-qasam tas-sikurezza tal-pazjent, inkluża l-introduzzjoni tar-rekords elettroniċi tal-pazjent, u jintensifikaw il-livell ta' kooperazzjoni billi jaqsmu l-esperjenzi, l-għarfien u l-prattiki tajba tagħhom f'dan is-settur;

12.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw il-potenzjal tas-saħħa mobbli ("mHealth") rigward l-effiċjenza tal-kura, l-inċidenza tal-kura fl-isptar u t-tnaqqis fl-ispiża għall-kura tas-saħħa per capita fis-sena;

13.    Jinnota li l-użu tal-antibijotiċi u l-prevalenza tar-reżistenza għall-antimikrobiċi jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri japplikaw l-aħjar prattiki;

14.    Jenfasizza l-ħtieġa urġenti għall-promozzjoni tar-riċerka veterinarja u l-innovazzjoni fil-livell tal-UE u nazzjonali;

15.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw jew jiżviluppaw il-miżuri li ġejjin:

a)   ikomplu bl-isforzi tagħhom biex itejbu s-sikurezza tal-pazjent billi jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill;

b)   jiġbru d-data b'mod regolari, skont stħarriġ standardizzat, dwar il-prevalenza u l-inċidenza ta' avvenimenti avversi fit-territorju tagħhom stess u jtejbu s-sistemi ta' twissija bikrija kif ukoll jikkoordinaw b'mod effikaċi l-iskambju ta' din id-data;

c)   jiżguraw li s-sistemi tas-saħħa u l-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa jkunu mmaniġġjati indipendentement minn għażliet politiċi, u li l-maniġers jinħatru fuq il-bażi tal-mertu u mhux tal-affiljazzjoni politika;

d)   jiżguraw it-titjib kontinwu u l-evalwazzjoni kontinwa tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa bil-ħsieb li tittejjeb is-sikurezza tal-pazjent;

e)  jiżguraw taħriġ bażiku għall-persunal kollu fil-qasam tal-kura tas-saħħa, anke dawk li mhumiex f'kuntatt dirett mal-pazjenti, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet qabel ma jibdew jaħdmu fi sptar jew faċilità oħra tal-kura tas-saħħa, u b'mod regolari wara;

f)   jiżguraw it-taħriġ xieraq u aġġornat tat-tobba u professjonisti oħra tal-kura tas-saħħa, kif ukoll l-iskambju tal-aħjar prattiki, biex iżommu l-pass mal-aħħar teknoloġija fis-seħħ u mal-aħjar prattiki tal-iġjene fl-isptarijiet, u jistabbilixxu sistemi ta' monitoraġġ biex jivverifikaw li l-kompetenzi tagħhom huma aġġornati, speċjalment rigward l-implimentazzjoni tal-Lista ta' Kontroll tas-Sikurezza Kirurġika tad-WHO; dan inaqqas il-prevalenza tal-iżbalji mediċi (inkluż l-HAIs) ikkawżati minn għarfien parzjali u min-nuqqas ta' aġġornament fir-rigward ta' teknoloġiji ġodda;

g)  jiżguraw l-adozzjoni ta' approċċ multidixxiplinarju fit-trattamenti mediċi;

h)   jiżguraw koerenza u kontinwità aħjar fil-progress tal-pazjenti permezz tas-sistema, billi jiffukaw fuq it-tranżizzjoni bejn is-setturi u t-trażmissjoni tal-informazzjoni, pereżempju, bejn l-isptar u s-settur tal-kura primarja;

i)    itaffu l-piż fuq il-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa billi jippromwovu kura u trattamenti mediċi fid-dar;

j)    jiżguraw li l-professjonisti mediċi jinfurmaw lill-pazjenti meta mediċina tintuża mhux skont it-tikketta u jipprovdu lill-pazjenti informazzjoni dwar ir-riskji potenzjali sabiex ikunu kapaċi jagħtu kunsens infurmat;

k)   jaqsmu bejniethom informazzjoni dwar l-aħjar approċċ immirat lejn it-tnaqqis tar-reżistenza għall-antibijotiċi biex jimplimentaw l-aktar approċċ effikaċi fl-Ewropa;

l)    jiżguraw aċċess ugwali għas-servizzi tas-saħħa u għat-trattament mediku għall-pazjenti biex jiġġieldu l-inugwaljanzi eżistenti fis-saħħa;

m)  jippromwovu kampanji informattivi għall-pazjenti rigward ir-riskji ta' avvenimenti avversi fil-kura tas-saħħa u dwar il-miżuri possibbli ta' prevenzjoni li jibdew minn miżuri bażiċi ta' iġjene, u jwettqu kampanji ta' sensibilizzazzjoni u korsijiet ta' edukazzjoni tas-saħħa fl-iskejjel dwar l-użu razzjonali mhux biss tal-antibijotiċi iżda tal-farmaċewtiċi kollha u r-riskji marbuta maż-żieda tar-reżistenza għall-antibijotiċi; dawn il-kampanji għandhom ikunu indirizzati lejn il-ġenituri u lejn il-persuni li jieħdu ħsieb it-tfal iż-żgħar u l-anzjani, u għandhom ikunu segwiti minn valutazzjoni tar-riżultati tagħhom;

o)   jenfasizzaw l-importanza tal-prevenzjoni tal-HAIs fl-ambjent tal-kura tas-saħħa permezz tat-trażżin tal-firxa bl-użu tal-iskrining tal-pazjent u tal-kuntatt kif ukoll miżuri ta' kontroll tal-infezzjonijiet, u jkomplu jippromwovu prattiki ta' iġjene tajba (bħall-ħasil tal-idejn);

p)   iżidu l-prekawzjonijiet iġjeniċi u jużaw aktar speċjalisti tal-iġjene biex jimmonitorjaw l-aspetti kollha tas-saħħa u l-iġjene relatati mal-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa, il-pazjenti u r-relazzjonijiet bejn il-pazjenti u l-persuni esterni li jżuruhom;

q)  b'mod attiv u formali jinvolvu l-organizzazzjonijiet u r-rappreżentanti tal-pazjenti fl-istadji u l-livelli kollha tal-iżvilupp tal-politiki u tal-programmi;

r)   jiżviluppaw gwida tal-UE għall-involviment tal-pazjenti fl-istrateġiji u l-azzjonijiet tas-sikurezza tal-pazjent f'kollaborazzjoni mal-partijiet interessati, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti;

s)  jipprovdulhom appoġġ xieraq biex iwettqu attivitajiet b'rabta mas-sikurezza tal-pazjent;

16.    Jistieden lill-Istati Membri jinvestigaw prattika ħażina possibbli involuta fit-tiġdid u l-użu mill-ġdid tal-apparat mediku oriġinarjament iddisinjat u ttikkettat għal użu uniku;

17.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jtejbu l-programmi ta' sensibilizzazzjoni għall-professjonisti mediċi, ħaddiema oħra fil-qasam tal-kura tas-saħħa, prattikanti veterinarji u l-pubbliku ġenerali b'enfasi fuq l-użu tal-antibijotiċi u l-prevenzjoni tal-infezzjonijiet;

18.    Jistieden lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) tiżviluppa linji gwida dwar l-użu mhux skont it-tikketta jew mhux liċenzjat ta' mediċini bbażat fuq il-bżonn mediku, kif ukoll biex tikkompila lista ta' mediċini użati mhux skont it-tikketta minkejja l-alternattivi liċenzjati;

19.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-ECDC jiżviluppaw linji gwida għall-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa, għall-pazjenti u għall-familji tagħhom dwar il-ħasil u t-tnixxif effikaċi tal-idejn u jinkoraġġixxu l-użu ta' metodi għat-tnixxif tal-idejn li ma jiffaċilitawx il-kontaminazzjoni mikrobika kroċjata permezz ta' disseminazzjoni fl-ajru u aerosolizzazzjoni;

20.    Jenfasizza l-ħtieġa ta' titjib kbir fil-komunikazzjoni u fl-edukazzjoni u t-taħriġ immirat kemm għall-veterinarji u għall-bdiewa;

21.    Iħeġġeġ għal darba oħra lill-Kummissjoni biex tippreżenta kemm jista' jkun malajr proposta leġiżlattiva għaż-żieda obbligatorja ta' tabella li tagħti informazzjoni dwar il-prodotti mediċinali mal-fuljett tal-pakkett; l-informazzjoni provduta fit-tabella li tagħti informazzjoni dwar il-prodotti mediċinali għandha tiġi ppreżentata f'forma li tista' tinqara b'mod ċar, prominenti u li tingħaraf b'mod ċar mill-bqija tat-test; din it-tabella li tagħti informazzjoni dwar il-prodotti mediċinali għandu jkollha deskrizzjoni qasira dwar il-fatti neċessarji tal-mediċina sabiex tippermetti lill-pazjent jifhem l-utilità u r-riskji possibbli tal-prodott mediċinali u sabiex il-prodott mediċinali jiġi applikat b'mod sikur u kif suppost; dan jinkludi, inter alia, parir dwar kif l-antibijotiċi jintużaw b'mod korrett u xieraq;

22.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-introduzzjoni tal-logo Ewropew ipprovdut mir-Regolament ta' Implimentazzjoni 699/2014 biex jidentifikaw b'mod ċar l-ispizeriji onlajn li jbigħu mediċini lill-pubbliku mill-bogħod filwaqt li jissalvagwardaw lill-konsumaturi kontra mediċini foloz, ta' spiss perikolużi għas-saħħa;

23.    Jirrimarka li, fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 1082/2013/UE dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa, l-Istati Membri jeħtiġilhom jipprovdu lill-Kummissjoni aġġornamenti dwar il-pjanijiet ta' tħejjija u tal-ippjanar tar-rispons fil-livell nazzjonali, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jissottomettu l-informazzjoni rilevanti skont l-iskeda taż-żmien stabbilita minn dik id-deċiżjoni;

Rappurtar u kwistjonijiet ta' obbligu ta' rendikont/responsabbiltà

24.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-input regolari tal-informazzjoni mill-professjonisti tas-saħħa li jagħtu pariri lill-pazjenti dwar kif jimminimizzaw ir-riskji għas-sikurezza tagħhom permezz ta' kuntatt mas-sistema tal-kura tas-saħħa;

25.    Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jistabbilixxu korpi indipendenti li jikkomunikaw mal-professjonisti sabiex jiżguraw is-sensibilizzazzjoni u d-disseminazzjoni tat-twissijiet rigward theddid għas-sikurezza tal-pazjent;

26.    Jistieden lill-Istati Membri biex itejbu s-sistemi tagħhom ta' rappurtar għall-avvenimenti avversi u l-iżbalji mediċi billi jiżviluppaw miżuri li jinkoraġġixxu rappurtar preċiż, anonimu u li ma jkunx ta' natura punittiva mill-professjonisti tas-saħħa u l-pazjenti, u biex iqisu l-istabbiliment ta' sistema elettronika li tkun tista' tiffaċilita u ttejjeb ir-rappurtar mill-pazjenti;

27.    Jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri li jtejbu l-kwalità, u mhux biss il-kwantità, tar-rappurtar dwar avvenimenti avversi, sabiex ir-rappurtar ikun fih informazzjoni robusta li verament ittejjeb is-sikurezza tal-pazjent, u jistabbilixxu sistema li minnha d-data tkun tista' tiġi rkuprata b'mod faċli u li tipprovdi evalwazzjoni komprensiva u sistematika;

28.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa stħarriġ standardizzat biex tiġbor id-data dwar l-HAIs;

29     Jistieden lill-Istati Membri jkunu aktar rigorużi fil-verifika u l-infurzar tal-projbizzjoni fuq persunal estern mhux mediku li jwettaq trattament mediku;

30.    Jistieden lill-Istati Membri jinfurmaw lill-pazjenti dwar ir-riskji u l-miżuri preventivi relatati mal-avvenimenti avversi fil-kura tas-saħħa, u dwar il-proċeduri tal-ilmenti u l-għażliet legali disponibbli jekk iseħħ avveniment avvers permezz, pereżempju, ta' rappreżentant tad-drittijiet tal-pazjent;

31.    Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex jevitaw kwalunkwe kunflitt ta' interessi li jolqot it-tobba u l-veterinarji fir-rigward tal-preskrizzjoni u l-bejgħ tal-mediċini;

32.    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-informazzjoni sħiħa dwar il-mekkaniżmi eżistenti għall-ilmenti u r-rimedju tkun disponibbli faċilment għal pazjenti li jkunu sofrew minn HAI jew żball mediku;

33.    Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar prattiki nazzjonali ta' rimedju kollettiv f'każijiet relatati mal-HAIs;

34.    Jirrikonoxxi l-valur tal-inizjattivi taċ-ċittadini, bħall-Karta Ewropea tad-Drittijiet tal-Pazjent ibbażata fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u l-Jum Ewropew għad-Drittijiet tal-Pazjent, li jiġi organizzat kull sena fit-18 ta' April mill-2007; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw il-Jum Ewropew għad-Drittijiet tal-Pazjent fil-livell lokali, nazzjonali u tal-UE;

Il-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi

Sitwazzjoni attwali u soluzzjonijiet promettenti

35.    Jilqa' l-ħidma tal-Kummissjoni dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi u l-prevenzjoni u l-kontroll tal-HAIs, kif ukoll l-isforzi għall-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tal-ECDC, b'mod partikolari fil-qafas tan-Netwerk ta' Sorveljanza Ewropea tal-Konsum tal-Antimikrobiċi (ESAC-Net) u n-Netwerk ta' Sorveljanza tal-Infezzjonijiet Assoċjati mal-Kura tas-Saħħa (HAI-Net);

36.    Jilqa' l-ħidma konġunta ta' koordinazzjoni u sorveljanza tal-ECDC, l-EMA u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi;

37.    Jinnota bi tħassib li bejn l-2010 u l-2013 il-persentaġġi tal-K. pneumoniae reżistenti għall-florokwinoloni, ċefalosporini tat-tielet ġenerazzjoni u aminoglikosidi, kif ukoll reżistenza kombinata għat-tliet gruppi ta' antibijotiċi u reżistenza għall-karbapenemi, grupp ta' antibijotiċi tal-aħħar linja, żdiedu b'mod sinifikanti f'ħafna Stati Membri u fil-livell tal-UE; jinnota wkoll li matul l-istess perjodu, ir-reżistenza għal ċefalosporini tat-tielet ġenerazzjoni żdiedet ukoll b'mod sinifikanti f'ħafna Stati Membri u fil-livell tal-UE għall-E. coli; jinnota li f'ċerti reġjuni tal-Ewropa, l-MDR-TB hija responsabbli minn 20 % tal-każijiet kollha ta' tuberkulożi, filwaqt li r-riżultati tat-trattamenti tal-MDR-TB huma baxxi b'mod allarmanti;

38.    Jinnota bi tħassib li f'pajjiżi b'livelli għolja ta' reżistenza għal ħafna mediċini, inkluż reżistenza għall-karbapenemi, ma jeżistux għajr ftit għażliet terapewtiċi, fosthom il-polimiksini; jenfasizza li, f'dawn il-pajjiżi, il-preżenza tar-reżistenza batterika għall-polimiksini hija twissija importanti li l-għażliet għat-trattament tal-pazjenti infettati qed isiru anke iżjed limitati;

39.    Jinnota li l-infezzjonijiet ikkawżati minn batterji reżistenti għall-antimikrobiċi x'aktarx jirriżultaw f'permanenza fit-tul fl-isptar kif ukoll fl-użu ta' trattamenti terapewtiċi alternattivi u ogħla li jqiegħdu iżjed piż fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri;

40.    Jiddispjaċih li dawn l-aħħar 25 sena kienu xhieda kemm ta' nuqqas ta' sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-użu razzjonali tal-aġenti antimikrobiċi, u b'mod partikolari l-antibijotiċi, kif ukoll staġnar fl-iżvilupp tal-mediċini fil-qasam tal-mediċini antimikrobiċi, sitwazzjoni li rriżultat b'mod partikolari minħabba l-ħolqien ta' ostakli xjentifiċi, ekonomiċi u regolamentari;

41     Jinnota li kemm l-Orizzont 2020 kif ukoll it-Tielet Programm tas-Saħħa Pubblika tal-UE għamlu enfasi fuq l-HAIs u r-reżistenza għall-antimikrobiċi;

42.    Jinnota li xi antibijotiċi eżistenti u effikaċi mhumiex disponibbli f'diversi Stati Membri u li dan iwassal għal għażla mhux xierqa ta' terapija b'mediċini, u għalhekk jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jeżaminaw kif l-antibijotiċi effikaċi għandhom jinżammu fis-suq;

43.    Jirrimarka li r-reżistenza għall-antibijotiċi spiss iddewwem it-trattament bl-antibijotiċi t-tajbin u meta jingħataw l-antibijotiċi l-ħżiena jew it-trattament jibda tard wisq, il-pazjenti b'mard infettiv serju jsofru kumplikazzjonijiet gravi li f'xi każijiet jistgħu jkunu fatali;

44.    Jinnota bi tħassib serju l-għadd kbir ta' annimali infettati b'batterji li huma reżistenti għall-antibijotiċi, u r-riskju tat-trasferiment ta' dawn il-batterji minn laħam infettat għall-konsumaturi;

45.    Jinnota bi tħassib kbir ir-rabta bejn l-użu veterinarju tal-antimikrobiċi u l-iżvilupp ta' reżistenza għall-antimikrobiċi fil-bdiewa, u r-riskju li din ir-reżistenza tinfirex mit-trattament fl-isptar;

46.    Jilqa' l-inizjattivi u l-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri, il-professjonisti tas-saħħa tal-annimali u s-sidien tal-annimali mmirati lejn l-użu responsabbli tal-antimikrobiċi fl-annimali u lejn it-tnaqqis tal-użu antimikrobiku fit-trobbija tal-annimali;

47.    Iqis li r-riċerka għal mediċini antimikrobiċi ġodda hija ta' importanza kbira u jistieden lill-Kummissjoni tuża l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) biex tistimula r-riċerka billi pereżempju tappoġġja strutturi eżistenti bħall-Inizjattivi dwar Mediċini Innovattivi (IMI);

48.    Jitlob li tingħata aktar attenzjoni lill-iżvilupp ta' aġenti antimikrobiċi ġodda b'miri ġodda u li jitħeġġeġ l-użu ta' antibijotiċi batterjostatiċi li ma joqtlux il-patoġeni, iżda sempliċement jillimitaw il-proliferazzjoni tagħhom, u b'hekk titnaqqas il-probabbiltà li jsiru reżistenti;

49.    Jilqa' u jinkoraġġixxi aktar riċerka għal mediċini antimikrobiċi ġenwinament ġodda, b'mod partikolari antibijotiċi b'attività kontra batterji reżistenti għal ħafna mediċini Gram-negattivi prevalenti u kontra mard li hu partikolarment suxxettibbli għar-reżistenza għall-antimikrobiċi bħalma huma l-K. pneumoniae, l-Acinetobacter, l-E. coli, l-HIV, l-iStaphylococcus aureus, it-tuberkulożi u l-malarja; jinsisti, madankollu, li hu tal-ogħla importanza li l-ewwel nett jiġi żgurat l-użu responsabbli u sensibbli tal-antimikrobiċi; jilqa' u jinkoraġġixxi iżjed riċerka għal metodi alternattivi maħsuba biex jiġġieldu l-HAIs mingħajr ma jużaw antibijotiċi u biex jiġġieldu l-MDR-TB;

50.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaċċeleraw l-attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp biex jipprovdu għodod ġodda fil-ġlieda kontra l-infezzjonijiet batteriċi li huma dejjem iżjed prevalenti fl-Ewropa;

51.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-inċentivi għall-kooperazzjoni tas-settur pubbliku u privat biex jissaħħu mill-ġdid ir-R&Ż fl-iżvilupp tal-antibijotiċi;

52.    Jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw il-livell ta' kooperazzjoni fil-qasam tas-sikurezza tal-pazjent u l-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi, sabiex jillimitaw u jnaqqsu l-firxa tal-mikroorganiżmi reżistenti minn Stat Membru għall-ieħor;

53.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw skemi ta' "rotot adattivi" u għodod regolatorji oħrajn għal aċċess iżjed bikri tal-pazjent għal antibatteriċi innovattivi li jittrattaw l-infezzjonijiet reżistenti;

54.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-programm "rotta adattiva" tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini u jużaw l-għodod regolatorji kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex il-pazjenti jkollhom aċċess aktar rapidu għat-trattamenti antibatterjali innovattivi;

55.    Jenfasizza l-bżonn li l-pazjenti jkunu fiċ-ċentru ta' kwalunkwe politika dwar is-saħħa u jinkoraġġixxi l-litteriżmu fis-saħħa u l-involviment tal-pazjenti fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar it-trattament;

56.    Jikkunsidra li huwa ta' importanza kbira li l-Kummissjoni tiżgura l-kontinwazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar ir-Reżistenza Antimikrobika wara l-2016, li jenfasizza kif jistgħu jingħelbu l-isfidi xjentifiċi, regolatorji u ekonomiċi assoċjati mar-reżistenza għall-antimikrobiċi, filwaqt li jinkludi l-prevenzjoni minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa;

Rakkomandazzjonijiet dwar l-użu tal-antibijotiċi fil-mediċina tal-bniedem

57.    Ifakkar li l-awtomedikazzjoni bl-antibijotiċi għandha tkun ipprojbita b'mod strett u jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi infurzata l-politika ta' "bil-preskrizzjoni biss" għall-antibatteriċi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri;

58.    Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-azzjonijiet adatti biex jiżguraw l-użu responsabbli u sensibbli tal-mediċina tal-bniedem fl-aġenti antimikrobiċi kollha u b'mod partikolari tal-antibijotiċi kkunsidrati bħala trattament tal-aħħar linja tal-infezzjonijiet batterjali fl-isptarijiet, filwaqt li jżommu f'moħħhom li l-użu mhux xieraq tal-antibijotiċi għal skopijiet preventivi (inkluż fl-isptarijiet) huwa wieħed mill-fatturi ewlenin li jikkontribwixxu għall-ħolqien tar-reżistenza għall-antibijotiċi;

59.    Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-aċċess għal mediċini ta' kwalità għolja kif ukoll aderenza għal ċrieki ta' trattament sħiħ għall-pazjenti kollha, b'appoġġ speċifiku għal dawk l-iżjed vulnerabbli, bħala mod kif jiġi prevenut l-iżvilupp tar-reżistenza;

60.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu wkoll riċerka dwar l-antibijotiċi "minsija" biex iwessgħu d-diversità tal-farmaċewtiċi minn fejn tista' ssir l-għażla;

61.    Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha fil-ħidma tad-WHO biex tiżviluppa mudell ekonomiku ġdid ħalli tieħu inkunsiderazzjoni t-tħassib u l-ħtiġijiet tas-saħħa pubblika;

62.    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jibdew proċess ta' riflessjoni biex jiżviluppaw mudell ekonomiku ġdid, li jneħħi r-rabta bejn il-volum tal-bejgħ mill-kumpens imħallas għal antibijotiku ġdid, pereżempju permezz ta' ħlas fiss wieħed jew serje ta' ħlasijiet fissi lill-kumpanija, li jkunu jirriflettu l-valur soċjetali ta' antibjotiku ġdid u jippermettu redditu suffiċjenti fuq l-investiment għall-kumpanija, filwaqt li x-xerrej jikseb id-dritt li juża l-prodott u jkollu kontroll sħiħ fuq il-volumi;

63.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw jew jiżviluppaw il-miżuri li ġejjin:

a)  ifakkru lit-tobba fl-importanza kruċjali li jiżguraw li l-preskrizzjoni tal-antibijotiċi għat-trattament hija xierqa u responsabbli;

b)  jiżguraw li, kull fejn hu possibbli, dijanjożi xierqa mikrobijoloġika titwettaq b'mod sistematiku qabel jiġu preskritti l-antibijotiċi, pereżempju billi jintużaw għodod ġodda tad-dijanjożi li jistgħu jippermettu dijanjożi rapida fil-punt tal-kura, u/jew antibijogrammi, speċjalment fil-każ ta' mard li għandu tendenza ta' rikaduta, kif ukoll li ssir ħidma biex jitneħħew l-ostakli li jipprevjenu dijanjożi mikrobijoloġika xierqa, speċjalment fis-settur ambulanti;

c)  jirregolaw il-preskrizzjoni tal-antibijotiċi għal trattament u b'mod partikolari jimplimentaw strettament il-liġijiet li jipprojbixxu l-provvista tal-antibijotiċi għall-trattamenti mingħajr preskrizzjoni, sabiex jiġi żgurat użu xieraq tal-mediċini, filwaqt li jiġi speċifikat l-objettiv terapewtiku u l-għażla ta' terapija tal-mediċini xierqa;

d)  jimplimentaw b'mod strett prattiki responsabbli ta' kummerċjalizzazzjoni billi jevitaw il-kunflitti ta' interess bejn il-produtturi u t-tobba;

e)   jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' mudelli ta' dħul ġodda fejn ir-redditi ekonomiċi għall-kumpaniji ma jibqgħux marbuta mal-volumi preskritti tal-antibijotiċi, filwaqt li jinkoraġġixxu l-innovazzjoni farmaċewtika u l-ibbilanċjar tagħha mas-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa;

f)   jirregolaw il-bejgħ u d-distribuzzjoni tal-antibijotiċi biex il-pazjenti jkunu jistgħu jiksbu l-kwantità speċifika ta' antibijotiċi biss kif preskritt mit-tobba tagħhom, għaliex f'xi Stati Membri għadhom jeżistu regoli li jawtorizzaw il-bejgħ ta' antibijotiċi f'daqsijiet tal-pakketti akbar minn dawk intiżi għal trattament speċifiku;

g)  jiżguraw livelli akbar ta' aderenza u konformità tal-pazjent mat-trattamenti antibijotiċi u trattamenti xierqa oħra kif preskritti mill-professjonisti mediċi, u jiżviluppaw strateġiji maħsuba biex iżidu l-fehim tal-pazjent dwar l-importanza tal-użu responsabbli tat-trattamenti antibijotiċi u r-riskji ta' żieda fir-reżistenza għall-antimikrobiċi;

h)  jimmonitorjaw reżistenza għall-antibijotiċi u l-użu ta' antibijotiċi fi sptarijiet u jiżguraw li meta l-antibijotiċi jintużaw fl-isptarijiet jintużaw biss skont l-indikazzjonijiet korretti, bid-doża korretta u għall-iqsar durata possibbli kif rakkomandat minn linji gwida bbażati fuq l-evidenza;

i)   jintensifikaw il-kontroll tal-infezzjonijiet, b'mod partikolari minn perspettiva transkonfinali, u speċjalment billi jimmonitorjaw bir-reqqa l-ġarr potenzjali ta' batterji reżistenti għal ħafna mediċini, permezz ta' skrinjar xieraq tal-pazjenti trasferiti minn pajjiż/reġjun/sptar magħrufa għall-prevalenza għolja tagħhom ta' batterji reżistenti għal ħafna mediċini, u jiżolaw pazjenti infettati fi kmamar individwali jew billi jimplimentaw "kura ta' koorti";

j)   jiżviluppaw strateġija ma' ħafna partijiet interessati dwar l-MDR-TB biex jinkludu l-aspetti ewlenin bħall-prevenzjoni, is-sensibilizzazzjoni, id-dijanjożi, it-trattament xieraq, u l-aderenza u l-konformità mal-medikazzjoni preskritta;

k)   itejbu l-istandards tas-sikurezza, speċjalment għal dawk l-apparati mediċi reżistenti għall-isterilizzazzjoni (bħal pereżempju l-endoskopji) u jimpenjaw ruħhom f'monitoraġġ bir-reqqa biex jiżguraw li l-apparati mediċi oriġinarjament iddisinjati u ttikkettati bil-markar CE jintużaw darba biss, jekk ikunu riġenerati, jirrispettaw l-istandards kollha tas-sikurezza biex iħarsu s-saħħa tal-konsumaturi;

l)   jagħtu bidu għal kampanji ta' sensibilizzazzjoni li jimmiraw lejn udjenza wiesgħa, inklużi korsijiet ta' edukazzjoni dwar is-saħħa fl-iskejjel dwar l-użu razzjonali tal-antibijotiċi u r-riskji marbuta maż-żieda fir-reżistenza tal-antibijotiċi u dwar l-importanza li jiġu żviluppati prattiki tajba tal-iġjene personali; dawn il-kampanji għandhom jimmiraw lejn iż-żgħar u l-anzjani, kif ukoll lejn il-ġenituri u l-persuni li jieħdu ħsiebhom, u għandhom jiġu segwiti b'valutazzjonijiet tal-eżitu, filwaqt li jittieħed kont tal-opportunitajiet offruti minn sistemi tas-saħħa elettronika f'dan ir-rigward;

m) iżidu l-finanzjament pubbliku u joħolqu pożizzjonijiet akkademiċi ġodda biex jiffukaw fuq l-esplorazzjoni u l-validazzjoni ta' approċċi ġodda għat-trattament tal-infezzjonijiet batteriċi;

n)  iżidu, b'mod partikolari, l-inċentivi għar-riċerka u l-iżvilupp ta' antimikrobiċi ġodda;

o)  jistiednu lill-ECDC iwettaq missjonijiet fuq il-post biex jagħti assistenza xjentifika u teknika u taħriġ dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi lill-Istati Membri kif previst fl-Artikolu 9 tar-Regolament tal-ECDC (Regolament (KE) Nru 851/2004); iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan, u b'mod speċjali lil dawk li diġà għandhom reżistenza għall-antimikrobiċi għolja jew li qed tiżdied b'mod allarmanti, biex jistiednu lill-ECDC iwettaq missjonijiet bħal dawn;

p)   jagħmlu r-rekords tal-isptarijiet u ta' faċilitajiet oħra tal-kura tas-saħħa fir-rigward tal-HAIs disponibbli għall-pubbliku, sabiex il-pazjenti jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati;

64.    Jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti fuq il-konsegwenzi ta' żieda fil-mobilità prevista fid-Direttiva 2011/24/UE fir-rigward tar-reżistenza għall-antimikrobiċi msaħħa li tista' tirriżulta minn pazjenti li jivvjaġġaw madwar l-Ewropa għat-trattament;

Rakkomandazzjonijiet dwar l-użu tal-antibijotiċi fil-mediċina veterinarja b'mod ġenerali u b'mod partikolari fit-trobbija tal-annimali

65.    Jesprimi tħassib li r-rapport konġunt mill-EFSA u l-ECDC dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi juri li l-batterji li l-iżjed spiss jikkawżaw infezzjonijiet li jinġarru mill-ikel bħas-salmonella u l-campylobacter urew reżistenza sinifikanti għall-antimikrobiċi komuni;

66.    Jerġa' jtenni t-talba li esprima fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar it-theddida għas-saħħa pubblika tar-reżistenza għall-antimikrobiċi għall-eliminazzjoni b'mod gradwali tal-użu profilattiku tal-antibijotiċi fit-trobbija tal-bhejjem, billi jisħaq fuq il-fatt li s-settur taż-żooteknika u tat-tkabbir tal-ħut b'mod intensiv għandhom jikkonċentraw fuq il-prevenzjoni tal-mard permezz ta' iġjene, alloġġi u trobbija tal-bhejjem tajbin, kif ukoll miżuri rigorużi ta' bijosigurtà, aktar milli jirrikorru għall-użu profilattiku tal-antibijotiċi;

67.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu jew jiżviluppaw il-miżuri li ġejjin:

a)  jippromwovu u jrawmu l-użu responsabbli u sensibbli tal-mediċina veterinarja, inkluż l-għalf medikat, tal-aġenti antimikrobiċi kollha, billi jippermettu l-użu tagħhom biss għall-trattamenti wara d-dijanjożi veterinarja, b'kunsiderazzjoni addizzjonali speċifika għall-antibijotiċi li qegħdin fil-lista tad-WHO tal-antimikrobiċi importanti b'mod kritiku għall-mediċina tal-bniedem;

b)   jintroduċu għodod legali biex jirrestrinġu l-użu ta' antibijotiċi fl-annimali jekk jiġi identifikat riskju sinifikanti għas-saħħa pubblika;

c)  jimplimentaw kontrolli aktar stretti biex jillimitaw l-użu tal-antibijotiċi fil-mediċina veterinarja; wieħed mill-modi biex jinkiseb dan ikun billi jiġi ristrett id-dritt tal-preskrizzjoni ta' antibijotiċi lil veterinarji kwalifikati professjonalment u billi jiġu separati d-drittijiet tal-veterinarji fir-rigward ta' kemm jippreskrivu kif ukoll ibigħu l-antibijotiċi ħalli jiġu eliminati l-inċentivi ekonomiċi kollha;

d)  iniedu kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar l-użu responsabbli ta' antimikrobiċi għall-annimali, inklużi l-annimali domestiċi;

e)   inaqqsu l-bżonn għall-antibijotiċi billi jtejbu s-saħħa tal-annimali permezz ta' miżuri ta' bijosigurtà, prevenzjoni tal-mard u prattiki ta' ġestjoni tajba, u jistabbilixxu metodoloġiji u prijoritajiet b'saħħithom u iżjed ċari fil-ġlieda kontra l-iżvilupp ta' reżistenza għall-antimikrobiċi;

f)    jiżguraw li t-trobbija tal-bhejjem u l-akkwakultura jiffukaw fuq il-prevenzjoni tal-mard permezz ta' iġjene, alloġġi u trobbija tal-annimali tajbin, kif ukoll miżuri stretti ta' bijosigurtà, aktar milli jirrikorru għall-użu profilattiku tal-antibijotiċi; huwa magħruf li proċeduri iżjed b'saħħithom għall-ġestjoni tal-irziezet u t-trobbija tal-annimali jistgħu jinkisbu permezz ta' reviżjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-densità massima fit-trobbija tal-bhejjem, peress li d-daqsijiet attwali tal-merħliet spiss jipprevjenu trattament individwali jew fi gruppi żgħar ta' annimali, u dan qed iservi ta' inċentiv għall-użu profilattiku tal-antimikrobiċi;

g)   jillimtaw l-użu tal-antibijotiċi fit-tkabbir intensiv tal-bhejjem u jinkoraġġixxu mudelli organiċi jew estensivi ta' tkabbir tal-bhejjem;

h)   inaqqsu l-użu tal-antibijotiċi fl-annimali billi jeliminaw progressivament l-użu tagħhom għal skopijiet profilattiċi fejn l-antibijotiċi jkunu amministratti lill-annimali bħala prevenzjoni tal-mard, u jnaqqsu l-ħtieġa għall-metaflassi, jiġifieri l-medikazzjoni tal-massa tal-annimali għall-fejqan ta' kampjuni morda mill-irziezet sabiex jipprevjenu l-infezzjonijiet fl-annimali b'saħħithom;

i)    jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji jew pjanijiet ta' azzjoni fil-livell nazzjonali għall-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR) li jkunu jinkludu, fost l-oħrajn:

i)  l-implimentazzjoni ta' linji gwida nazzjonali dwar it-trattament antimikrobiku tal-annimali biex jiżguraw l-użu responsabbli tal-antimikrobiċi bbażat fuq l-evidenza speċifika u l-kundizzjonijiet fl-Istati Membri rispettivi;

ii) l-implimentazzjoni ta' politiki preventivi dwar is-saħħa tal-annimali mmirati lejn titjib fl-istatus tas-saħħa tal-annimali u lejn tnaqqis fil-bżonn tal-użu tal-antimikrobiċi fit-trobbija tal-annimali;

iii) id-definizzjoni tar-responsabbiltajiet tal-veterinarji f'termini tal-ġestjoni tas-saħħa tal-annimali u tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-użu tal-antimikrobiċi;

iv) l-implimentazzjoni tat-taħriġ kontinwu għall-professjonisti tas-saħħa tal-annimali u s-sidien tal-annimali;

j)    jikkonfermaw il-projbizzjoni tal-użu tal-antibijotiċi bħala promoturi tat-tkabbir tal-bhejjem;

68.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirregolaw l-kunflitti ta' interess u l-inċentivi finanzjarji kollha li jinvolvu kemm lill-veterinarji li jbigħu u kemm dawk li jippreskrivu antibijotiċi;

69.    Jistieden lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini tfassal lista ta' antibijotiċi użati fl-annimali li fihom kien identifikat riskju sinifikanti għas-saħħa pubblika;

70.    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-EMA jieħdu jew jiżviluppaw il-miżuri li ġejjin:

a)      jirrinfurzaw il-valutazzjoni tar-riskju eżistenti ta' sustanzi antimikrobiċi veterinarji ġodda billi jidentifikaw ir-riskji potenzjali ewlenin għas-saħħa pubblika fi stadju bikri ħafna tal-awtorizzazzjoni;

b)     jimmonitorjaw l-iżvilupp tar-reżistenza f'batterji speċifiċi skont il-pjanijiet maqbula bejn ir-regolaturi u l-kumpaniji meta sustanza antimikrobika ġdida tiġi approvata l-ewwel darba fil-mediċina veterinarja;

c)      jimmonitorjaw it-tibdil fl-użu tal-antimikrobiċi fl-annimali bħala parti mill-proġett tas-Sorveljanza Ewropea tal-Konsum tal-Antimikrobiċi għal Użu Veterinarju (ESVAC) (immexxi mill-EMA) biex ikejlu l-impatt tal-azzjonijiet implimentati;

71.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jeżaminaw u jqisu bir-reqqa l-possibbiltà ta' projbizzjoni tal-antibijotiċi fl-għalf medikat fid-diskussjonijiet li ġejjin dwar il-leġiżlazzjoni dwar il-mediċina veterinarja u l-għalf medikat;

72.    Jistieden lill-koleġiżlatur biex, meta jinnegozja l-proposta għal regolament dwar prodotti mediċinali veterinarji 2014/0257 (COD), isegwi kors ta' azzjoni li jkun f'konformità mal-prinċipju ta' Saħħa Waħda, u b'mod aktar partikolari:

–    jadotta dispożizzjonijiet li jipprojbixxu l-użu mhux skont it-tikketta f'annimali ta' antimikrobiċi awtorizzati biss fil-mediċina tal-bniedem;

–    jappoġġja r-reġistrazzjoni obbligatorja tal-kwantitajiet tal-antimikrobiċi kollha użati fit-trobbija tal-bhejjem, biex jiġu kkomunikati lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u jsiru pubbliċi minnhom fuq bażi annwali;

–    jiżgura li l-istandards tal-kwalità, is-sikurezza u l-effikaċja tal-prodotti mediċinali veterinarji ma jitbaxxewx bil-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar tali prodotti u biex dawn l-istandards għolja jiġu ggarantiti tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-prodotti mediċinali veterinarji;

–    joħloq bażi ta' data tal-UE b'informazzjoni dwar meta, fejn, kif u fuq liema annimali ġew użati l-antimikrobiċi;

–    jipprojbixxi l-bejgħ online tal-antimikrobiċi;

73.    Jistieden lill-koleġiżlatur biex, meta jkun qed jinnegozja l-proposta għal regolament dwar il-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' għalf medikat u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/167/KEE (2014/0255 (COD)), jiżgura li tipprovdi dispożizzjonijiet maħsuba biex jillimitaw b'mod sostanzjali l-użu tal-għalf medikat li fih l-antimikrobiċi għall-annimali li jipproduċu l-ikel u b'mod partikolari jipprojbixxu strettament l-użu preventiv tal-antimikrobiċi inklużi fl-għalf medikat;

74.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-ECDC iwettqu riċerka dwar il-ħsara potenzjali diretta jew indiretta li tinħoloq mill-użu tal-antimikrobiċi fl-annimali domestiċi, u jiżviluppaw miżuri ta' mitigazzjoni biex inaqqsu r-riskju ta' trażmissjoni potenzjali tar-reżistenza għall-antimikrobiċi mill-annimali domestiċi għall-bnedmin;

75.    Jindika li xi Stati Membri tal-UE diġà kisbu suċċess fl-eliminazzjoni gradwali tal-użu profilattiku fil-livell tal-irziezet; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tressaq leġiżlazzjoni biex telimina b'mod gradwali l-użu profilattiku tal-antibijotiċi;

Approċċi kollaborattivi fi ħdan l-Unjoni Ewropea

76.    Jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw biex jiddefinixxu l-istandards minimi tas-sikurezza tal-pazjent u l-indikaturi għas-sikurezza u l-kwalità tal-kura fil-livell tal-UE, f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti kollha, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti;

77.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom aktar fi djalogu mal-partijiet interessati kollha u jiżviluppaw strateġija tal-UE kkoordinata, komprensiva u sostenibbli għas-sikurezza tal-pazjent, kif ukoll jipproponu soluzzjonijiet konkreti biex jiġu implimentati fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali, lokali u/jew tal-kura primarja;

78.    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jibdew proċess ta' riflessjoni flimkien mad-WHO biex jiżviluppaw mudell ekonomiku ġdid, li jneħħi r-rabtiet bejn il-volum tal-bejgħ tal-antibijotiċi u l-kumpens imħallas għal antibijotiku ġdid, filwaqt li jiżguraw redditu ġust fuq l-investiment għall-kumpaniji, filwaqt li jissalvagwardaw is-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa nazzjonali;

79     Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-industrija farmaċewtika jtejbu s-sħubijiet tal-UE bejn id-dinja akkademika u l-industrija farmaċewtika, bħal fl-eżempju tal-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi (IMI);

80.    Jinkoraġġixxi lill-kumpaniji farmaċewtiċi, il-gvernijiet u d-dinja akkademika jikkontribwixxu bl-aqwa assi tagħhom (infrastruttura, komposti, ideat u riżorsi finanzjarji) għal riċerka fundamentali pijuniera u proġetti konġunti prekompetittivi; jemmen li l-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi (IMI) għandha tingħata l-flessibbiltà biex tesplora sejbiet ġodda li ħerġin minn dawn il-proġetti;

81.    Jinkoraġġixxi iżjed segwitu tal-kollaborazzjonijiet privati-pubbliċi, bħall-programmi tal-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi (IMI) "New Drugs for Bad Bugs", COMBACTE, TRANSLOCATION, Drive AB jew ENABLE, biex tiġi sfruttata l-qawwa tal-kollaborazzjoni;

82.    Jilqa' l-Inizjattiva tal-Programm Konġunt dwar ir-Reżistenza Antimikrobika, li tippermetti lill-Istati Membri jaqblu dwar il-ħtieġa ta' riċerka b'tali mod li tiġi evitata d-duplikazzjoni u jitlob żieda fil-finanzjament għall-iżvilupp ta' mediċini ġodda bħala alternattivi għall-antibijotiċi, biex jiġġieldu r-reżistenza għall-antimikrobiċi;

83.    Jinkoraġġixxi lill-UE tissieħeb fil-fond tal-innovazzjoni globali li kien ġie propost mill-"Analiżi tar-Reżistenza għall-Antibijotiċi" mmexxi fir-Renju Unit, bil-għan li tappoġġja x-xjenza fundamentali ("blue sky science");

84.    Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw għodod ta' dijanjożi li jiġu applikati faċilment biex jiżguraw id-disponibbiltà ta' dijanjożi xierqa qabel ma l-antibijotiku jiġi preskritt jew amministrat, speċjalment fis-settur ambulanti;

85.    Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tippromwovi u tieħu sehem f'kull inizjattiva globali maħsuba biex issaħħaħ il-mezzi għall-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antibijotiċi, u tippromwovi r-riċerka f'dan il-qasam;

86.    Jistieden lill-Kummissjoni tħejji, f'kollaborazzjoni mal-Istati Membri, rakkomandazzjonijiet dwar l-istandards tas-sikurezza tal-ikel li għandhom japplikaw fir-rigward tal-preżenza ta' patoġeni (multi)reżistenti u/jew determinanti speċifikati tar-reżistenza;

87.    Jenfasizza li r-reżistenza għall-antimikrobiċi saret problema serja li jeħtieġ tiġi indirizzata b'mod urġenti; jistieden lill-Kummissjoni tqis li tipproponi leġiżlazzjoni dwar l-użu prudenti tal-antibijotiċi jekk ikun sar progress żgħir jew xejn fl-Istati Membri fi żmien ħames snin minn wara l-pubblikazzjoni ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet;

88.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Istati Membri.

(1)

ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 395.

(2)

Testi Adottati, P7_TA(2012)0483.

(3)

Testi Adottati, P7_TA(2013)0435.

(4)

"Tackling antibiotic resistance from a food safety perspective in Europe" ("Nindirizzaw ir-reżistenza għall-antibijotiċi mill-perspettivca tas-sikurezza tal-ikel fl-Ewropa"), WHO Europe, 2011.

(5)

"Antibiotic use in livestock: Time to act" ("L-użu tal-antibijotiċi fl-annimali: Wasal iż-żmien li naġixxu") (dokument ta' pożizzjoni), BEUC (Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi)


NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

Is-sikurezza tal-pazjent(1) u l-ġlieda kontra r-reżistenza għall-mediċini, u b'mod partikolari r-reżistenza għall-antimikrobiċi, huma suġġetti li bla dubju huma familjari għall-maniġers tas-servizz tas-saħħa u, barra minn hekk, għal dawk li f'dawn l-aħħar snin kienu qegħdin isegwu l-proċedimenti tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel.

Dawn il-kwistjonijiet ġew indirizzati b'mod estensiv kemm fl-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u kemm mill-istituzzjonijiet Ewropej (il-Kummissjoni u l-Kunsill) u l-aġenziji speċjalizzati (l-ECDC, l-EMEA, l-EFSA).

Il-kwantità sostanzjali ta' informazzjoni disponibbli għamlitha aktar faċli li jiġu identifikati l-problemi prinċipali, iżda tinvolvi wkoll il-ħtieġa ta' studju bir-reqqa sabiex jingħataw suġġerimenti ġodda li jistgħu jikkostitwixxu l-valur miżjud ta' dan ir-rapport meta mqabbel mal-atti l-aktar riċenti tal-Parlament.

Il-Parlament, fl-aħħar tal-2013 (ir-rapport Rossi), il-Kummissjoni, fl-2014 (it-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2009), u l-Kunsill innifsu, f'Diċembru 2014 (il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Impjiegi, il-Politika Soċjali, is-Saħħa u l-Affarijiet tal-Konsumatur), ilkoll taw il-kontribut tagħhom, speċifikament billi enfasizzaw l-obbligu kostituzzjonali skont l-Artikolu 168 tat-TFUE li jgħid li l-UE, mingħajr ma tidħol fuq il-kompetenzi tagħhom, hija mitluba tħeġġeġ il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri u tikkumplimenta l-politiki nazzjonali tas-saħħa bil-għan, fl-aħħar mill-aħħar, li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

L-aġenziji speċjalizzati, kif ukoll l-istituzzjonijiet Ewropej, kienu qegħdin jagħmlu xogħol siewi, l-ewwel u qabel kollox l-ECDC, li twettaq kompiti ta' sorveljanza u ta' koordinament u li, megħjuna mill-EMA u l-EFSA, għadha kif lestiet (Jannar 2015) rapport importanti, l-ewwel wieħed ta' din ix-xejra, fuq analiżi integrata tal-konsum ta' aġenti antimikrobiċi u l-okkorrenza tar-reżistenza għall-antimikrobiċi għall-batterji mill-bniedem u l-annimali li jipproduċu l-ikel.

Is-sikurezza tal-pazjent

L-abbozz ta' rapport jitlaq mill-premessa li s-sikurezza tal-pazjent, fi kliem ieħor id-dritt tal-pazjent li ma ssirlux ħsara, jew li jitpoġġa f'riskju ta' ħsara, minn trattament mediku, għandu jitqies bħala importanti ħafna għall-kwalità tas-servizzi tas-saħħa.

Iċ-ċifri disponibbli jissuġġerixxu li daqs 8 % sa 12 % tal-pazjenti fl-isptarijiet fl-UE, jiġifieri, iktar minn 3 miljun persuna, skont data li ċertament mhix kompletament aġġornata, isofru ħsara jew saħansitra avvenimenti avversi(2), inklużi infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa, infezzjonijiet miksuba mill-isptar jew mod ieħor (HAIs)(3), li ħafna minnhom (20 %-30 %) huma kkunsidrati bħala li jistgħu jiġu evitati.

X'inhuma l-fatturi ewlenin li jżidu r-riskju għall-pazjenti?

Lura fl-2012, il-Kummissjoni nnutat li s-sikurezza tal-pazjent kienet qed tiddgħajjef minħabba l-miżuri ta' awsterità li jinvolvu tnaqqis ġenerali fis-servizzi tas-saħħa u li jaffettwaw direttament il-kwalità tal-kura: sitwazzjoni bħal din hija verament intollerabbli.

Dan l-abbozz ta' rapport ipprova jislet diversi kawżi kontributorji li qegħdin jheddu s-sikurezza tal-pazjent, uħud forsi aktar minn oħrajn, minkejja li dawn huma kollha marbuta sal-punt li flimkien qegħdin joħolqu ċirku vizzjuż li jidher, speċjalment f'xi Stati Membri, li għandu jiġi tradott f'żieda allarmanti fil-firxa ta' ċerti patoġeni qattiela.

Il-kawżi involuti jinkludu dawn li ġejjin:

a)  il-fatt li ma hemmx biżżejjed politiki adatti għas-sikurezza tal-pazjent u programmi fuq il-livell nazzjonali;

b)  id-diffikultà li jiġu rrapportati avvenimenti avversi u l-ġbir ta' data standardizzata;

c)  in-negliġenza tal-bżonn li jiġi provdut taħriġ xieraq għall-professjonisti tas-saħħa u tiġi mmonitorjata l-prestazzjoni tagħhom;

d)  in-nuqqas ta' twissija bikrija u sistemi attivi ta' sorveljanza;

e)  l-użu ħażin, ħafna drabi għall-raġunijiet kulturali, ta' mediċini biex tinħoloq reżistenza;

f)   il-prattika, li sfortunatament għadha mifruxa f'xi Stati Membri, tal-użu ta' persunal tekniku minflok persunal mediku biex iwettaq trattament terapewtiku, li minflok għandha tkun kwistjoni tat-tobba biss;

g)  il-modi kif jinbiegħu l-mediċini u, b'mod partikolari, il-forom ta' ppakkjar użati għall-antibijotiċi, li f'xi pajjiżi jagħmluha impossibbli biex jinxtraw biss fl-ammont li jkun hemm bżonn li jittieħdu għal kors partikolari ta' trattament;

h)  f'xi pajjiżi, l-użu ta' mediċini mhux skont it-tikketta, jiġifieri, mhux skont l-indikazzjonijiet u l-metodi ta' dożaġġ speċifikament awtorizzati, hu meqjus bħala alternattiva terapewtika valida, anki jekk l-effikaċja tiegħu tista' ma tkunx ippruvata. Dan jista', madankollu, jikkostitwixxi riskju u għandu għalhekk jiġi rregolat b'attenzjoni;

i)   użu żejjed jew użu ħażin ta' antibijotiċi, preskrizzjonijiet żbaljati, u anke l-effetti jatroġeniċi (ADEs - avvenimenti avversi ta' mediċini), li skont ċifri reċenti jinvolvu spiża annwali totali ta' EUR 2.7 biljun;

j)   użu eċċessiv ta' antibijotiċi fl-għalf tal-annimali li jipproduċu l-ikel, li jżid ukoll ir-reżistenza għall-antibijotiċi fil-bniedem;

k)  it-tnaqqis fir-ritmu, jekk mhux l-istaġnar, fir-riċerka dwar mediċini ġodda alternattivi.

Ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapporteur

Ir-rapporteur jemmen li l-kura għandha tiffoka fuq il-pazjenti; is-servizzi tas-saħħa m'għandhomx jiġu soġġetti għal tnaqqis mhux ġustifikat li suppost huwa ddettat mill-awsterità.

Għandu jkun hemm investiment f'taħriġ kontinwu, monitoraġġ mediku u l-għoti tal-kura tas-saħħa, sistemi ta' twissija u azzjoni preparatorja preventiva biex il-biċċa l-kbira tal-avvenimenti avversi jiġu evitati, inklużi dawk ikkawżati mill-użu tal-mediċini.

Matul is-snin il-ħtieġa għal valutazzjoni ta' riskju bbażat fuq il-prinċipju ta' ""rappurtar mingħajr penali" beda jinħass aktar b'saħħtu fil-pajjiżi kollha tal-Punent. Approċċ bħal dan jista' jgħin biex jiġu stabbiliti l-kawżi ta' avvenimenti avversi jew riskji potenzjali, iżda ma għandux joħloq sitwazzjoni fejn il-pazjenti jkunu – l-ewwel nett – esposti għal riskju jew saħansitra mweġġa' minħabba li jkunu qed jingħataw trattament mediku u – it-tieni nett – imċaħħda minn mezzi ta' rikors li jagħtu l-possibbiltà ta' kumpens mingħajr dewmien.

Huwa għalhekk li nissuġġerixxi li korpi indipendenti jsiru responsabbli għar-rappurtar ta' avvenimenti avversi u kawżi potenzjali ta' avvenimenti avversi; barra minn hekk, huma għandhom jiġu mistiedna jiddeterminaw forom ta' kumpens għal kategoriji ta' pazjenti li sofrew dannu bl-istess mod bħala riżultat ta' avvenimenti ta' tip simili li seħħew waqt li kienu qed jiġu trattati.

Fil-fehma tiegħi, qasam partikolari fejn għandha tiġi kkunsidrata r-regolamentazzjoni huwa dak tal-preżenza ta' speċjalisti tal-prodotti fl-ambjenti fejn isiru t-trattamenti.

Tlabt ukoll biex il-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa jiġu amministrati minn persuni magħżula fuq is-saħħa tal-abbiltà tagħhom, fuq il-mertu, u mhux bħala riżultat ta' affiljazzjoni politika jew favoritiżmu.

Reżistenza għall-antibijotiċi

Ir-reżistenza għall-antimikrobiċi hija l-kapaċità ta' mikrorganiżmu (pereżempju batterju, virus jew parassita) li jirreżisti l-azzjoni ta' aġent antimikrobiku. Dan huwa mod kif il-mikrorganiżmu jadatta ruħu għall-ambjent tiegħu. Ir-reżistenza għall-antimikrobiċi tnaqqas jew teqred l-effikaċja antimikrobika fl-ikkurar jew biex tipprevjeni l-infezzjoni ikkawżata mill-mikrorganiżmu. Rigward ir-reżistenza għall-antimikrobiċi fl-UE, l-akbar problema hija li l-batterji jistgħu jiżviluppaw reżistenza għall-azzjoni ta' antibijotiku.

L-antibijotiċi jgħinu fit-trażżin tal-mortalità u l-morbidità ta' mard tal-batterji. Huma wkoll għodda essenzjali għall-mediċina moderna: proċeduri standard bħat-trapjanti, il-kimoterapija għall-kanċer, u l-kirurġija ortopedika jistgħu jkunu saħansitra impossibbli li jitwettqu mingħajr antibijotiċi qawwija.

Sfortunatament, l-antibijotiċi ta' spiss jintużaw b'mod ħażin. Pereżempju dawn jiġu inutilment preskritti għal infezzjonijiet virali, li fuqhom ma jkollhom l-ebda effett. Bl-istess mod, meta d-dijanjosi ma tkunx preċiża, jiġu preskritti b'mod awtomatiku antibjotiċi b'firxa wiesgħa (jiġifieri antibijotiċi li joqtlu diversi batterji differenti u mhux biss dawk li jikkawża l-marda), kuntrarjament għal trattamenti speċifiċi.

L-antibijotiċi ntużaw ukoll fl-UE bħala promoturi tat-tkabbir tal-bhejjem sakemm din il-prattika ġiet ipprojbita fl-2006.

Użu mhux xieraq ta' antibijotiċi wassal tul iż-żmien u madwar id-dinja kollha għall-emerġenza u l-għażla ta' batterji reżistenti.

L-aħħar ċifri disponibbli, forniti mill-ECDC, l-EMA u l-EFSA, juru li, b'mod ġenerali, u minkejja xi progress riċenti, ir-reżistenza għall-antimikrobiċi hija problema ta' saħħa pubblika li qiegħda tikber fl-isptarijiet u fl-UE.

Bejn l-2010 u l-2013, pereżempju, il-persentaġġ tal-K. pneumoniae reżistenti għall-florokwinoloni, iċ-ċefalosporini tat-tielet ġenerazzjoni u l-aminoglikosidi, u r-reżistenza kombinata għat-tliet gruppi antibijotiċi kollha żdiedet b'mod sinifikanti fl-UE/ŻEE kollha kemm huma. Ir-reżistenza tal-E. Coli. għaċ-ċefalosporini tat-tielet ġenerazzjoni żdiedet ukoll b'mod qawwi fuq il-livell tal-UE/ŻEE f'dak il-perjodu.

Fil-pajjiżi b'livelli għolja ta' reżistenza għal ħafna mediċini, inkluża reżistenza għal carbapenems, hemm biss ftit għażliet ta' trattament disponibbli, fosthom il-polimiksini. F'dawk il-pajjiżi, ir-reżistenza għall-polimiksin qed isservi bħala twissija qawwija li l-għażliet għat-trattament ta' pazjenti infettati qegħdin isiru saħansitra aktar limitati.

Ir-rapporteur jemmen bis-sħiħ li użu responsabbli, b'miri ċari tal-antibijotiċi kemm fil-mediċina tal-bniedem kif ukoll fil-mediċina veterinarja u l-istrateġiji globali tal-kontroll tal-infezzjonijiet immirati lejn is-setturi tas-saħħa kollha (sptarijiet, faċilitajiet għal soġġorn fit-tul, u polikliniċi) għandhom jiffurmaw il-bażi għal azzjoni effettiva biex tiġi evitata l-għażla u t-trażmissjoni ta' batterji reżistenti għall-antibijotiċi.

B'mod aktar speċifiku, huwa jqis li l-oqsma ta' azzjoni li ġejjin għandhom jiġu indirizzati bħala kwistjoni ta' prijorità:

–   l-użu għaqli tal-antibijotiċi disponibbli (fil-mediċina tal-bniedem u veterinarja), jiġifieri biss meta

preskrizzjoni xierqa (li tispeċifika d-dożaġġ, l-intervalli tad-dożaġġ, u t-tul tat-trattament) tiddikjara li huma neċessarji;

–  miżuri nazzjonali u transkonfinali biex jillimitaw il-moviment ta' pazjenti infettati b'batterji reżistenti;

–  il-prekawzjonijiet ta' iġjene għall-kontroll tat-trażmissjoni ta' razez reżistenti bejn persuni infettati, inkluż l-iġjene tal-idejn, l-iskrinjar għat-trasport ta' razez, u l-iżolament ta' pazjenti li jbatu minn infezzjonijiet ikkawżati minn batterji reżistenti;

–  ir-riċerka u l-iżvilupp li jiffukaw fuq l-użu tal-antibijotiċi, b'modi ġodda ta' proċedura u approċċi ġodda għal trattamenti alternattivi.

Ir-rapporteur jifraħ lill-ECDC u jittama li tkompli bl-isforzi tiegħu ta' koordinazzjoni u ta' sorveljanza, b'mod partikolari n-Netwerk Ewropew ta' Sorveljanza tar-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (EARS-net) u n-Netwerk Ewropew ta' Sorveljanza tal-Konsum tal-Antimikrobiċi (ESAC-net). Huwa jfaħħar ukoll il-ħidma tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel. Huwa jilqa' l-ewwel rapport konġunt tal-ECDC/EFSA/EMA dwar l-analiżi integrata dwar il-konsum ta' aġenti antimikrobiċi u l-okkorrenza ta' reżistenza għall-antimikrobiċi f'batterji mill-bniedem u l-annimali li jipproduċu l-ikel u qed jitlob biex, fejn huma kkonċernati t-tliet aġenziji, is-sinerġija titkompla u tiġi estiża billi tinkludi lill-awtoritajiet nazzjonali xierqa.

Hemm punt ieħor finali li r-rapporteur jixtieq jenfasizza: għandu jiġi żgurat li l-politiki tas-saħħa ma jiġux limitati minħabba l-kriżi ekonomika u l-politiki ta' awsterità u li l-għan li jintlaħaq l-ogħla standard possibbli ta' sigurtà tal-pazjenti, kif stabbilit mill-UE, ma jitpoġġiex f'periklu.

Hu tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tkompli ssegwi mill-qrib il-progress tal-Istati Membri rigward ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament u l-Kunsill u jinforma lill-pubbliku dwar l-aħħar avvanzi fil-qasam tas-sikurezza tal-pazjent u fl-iżvilupp ta' mediċini ġodda li jgħinu jnaqqsu ż-żieda ta' avvenimenti avversi li qed tiġi nnotata fl-UE.

(1)

Definita mid-WHO bħala l-prevenzjoni ta' żbalji li jistgħu jiġu evitati u effetti avversi għall-pazjenti assoċjati mal-kura tas-saħħa.

(2)

Avveniment avvers huwa wieħed li jikkawża ħsara lill-pazjent.

(3)

Għall-finijiet ta' dan ir-rapport, HAI hija definita bħala kull infezzjoni li sseħħ waqt jew wara kura medika (għal skopijiet djanjostiċi, terapewtiċi jew preventivi) u li la kienet preżenti u lanqas f'fażi ta' inkubazzjoni meta beda t-trattament. Il-mikroorganiżmi infettivi (batterji, fungi, parassiti u aġenti trażmissibbli oħra) involuti fl-HAIs jistgħu jiġu kemm minn korp tal-pazjent stess (intestini, ġilda, eċċ.), li f'tali każ jissejħu infezzjonijiet endoġeni, jew mill-ambjent ta' barra, li f'tali każ huma magħrufa bħala infezzjonijiet eżoġeni jew infezzjonijiet inkroċjati. It-terminu "infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa" jkopri l-infezzjonijiet kollha assoċjati mas-sistemi tal-kura tas-saħħa inġenerali u ma' perkorsi ta' trattament individwali. Dawn jinkludu infezzjonijiet nożokomjali (li jittieħdu mill-isptarijiet, kemm jekk minn pazjent jew minn pazjenti esterni) u infezzjonijiet li ttieħdu matul kura mogħtija barra mill-faċilitajiet tas-saħħa, kemm fi strutturi komunitarji (bħall-istituzzjonijiet ta' soġġorn twil u medju, b'mod partikolari l-faċilitajiet ta' akkomodazzjoni għal persuni mdaħħlin fiż-żmien, eċċ.), kif ukoll fid-dar.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

14.4.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

67

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Catherine Bearder, Ivo Belet, Nessa Childers, Mireille D'Ornano, Miriam Dalli, Seb Dance, Angélique Delahaye, Jørn Dohrmann, Ian Duncan, Stefan Eck, Eleonora Evi, José Inácio Faria, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Iratxe García Pérez, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Anneli Jäätteenmäki, Benedek Jávor, Josu Juaristi Abaunz, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Valentinas Mazuronis, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Gilles Pargneaux, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, Marcus Pretzell, Frédérique Ries, Annie Schreijer-Pierik, Davor Škrlec, Dubravka Šuica, Tibor Szanyi, Estefanía Torres Martínez, Nils Torvalds, Glenis Willmott, Jadwiga Wiśniewska, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Brannen, Renata Briano, Nicola Caputo, Ignazio Corrao, Martin Häusling, Joëlle Mélin, József Nagy, Younous Omarjee, Marit Paulsen, Sirpa Pietikäinen, Gabriele Preuß, Christel Schaldemose, Bart Staes, Kay Swinburne, Tom Vandenkendelaere

Avviż legali