Proċedura : 2015/2044(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0143/2015

Testi mressqa :

A8-0143/2015

Dibattiti :

PV 18/05/2015 - 17
CRE 18/05/2015 - 17

Votazzjonijiet :

PV 19/05/2015 - 5.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0196

RAPPORT     
PDF 255kWORD 174k
27.4.2015
PE 549.307v03-00 A8-0143/2015

dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp

(2015/2044(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp

Rapporteur: Pedro Silva Pereira

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp

(2015/2044(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-dokumenti dwar l-eżitu tal-Ewwel u t-Tieni Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp, b'mod partikolari l-Kunsens ta' Monterrey tal-2002 u d-Dikjarazzjoni ta' Doha tal-2008,

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet Nri 68/204 u 68/279 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar it-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp, li se ssir f'Addis Ababa (l-Etjopja) bejn it-13 u s-16 ta' Lulju 2015,

–       wara li kkunsidra d-dokument "Elementi" tal-21 ta’ Jannar 2015 ippreżentat mill-Kopresidenti tal-Proċess ta' Tħejjija għat-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp,

–       wara li kkunsidra r-Rapport ta' Sinteżi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU ta' Diċembru 2014 dwar l-Aġenda għal Wara l-2015, intitolat "It-Triq lejn id-Dinjità sal-2030: Neqirdu l-Faqar, Nittrasformaw il-Ħajjiet kollha u Nħarsu l-Pjaneta",

–       wara li kkunsidra r-rapport adottat f'Awwissu 2014 mill-Kumitat Intergovernattiv ta' Esperti dwar il-Finanzjament tal-Iżvilupp Sostenibbli,

–       wara li kkunsidra r-rapport ta' Lulju 2014 tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ tan-NU dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli,

–       wara li kkunsidra d-dokument tal-UNCTAD intitolat "Rapport dwar l-Investiment Dinji 2014 - Ninvestu fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli: Pjan ta' Azzjoni"(1),

–       wara li kkunsidra d-dokument dwar l-eżitu tal-Konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20) ta' Ġunju 2012, "Il-Ġejjieni li Rridu",

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU intitolata "Lejn l-istabbiliment ta' qafas ġuridiku multilaterali għar-ristrutturar tad-dejn sovran" ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2015 intitolata "Sħubija Globali għall-Qerda tal-Faqar u l-Iżvilupp Sostenibbli wara l-2015" (COM(2015)0044)(2),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2014 bit-titolu "Ħajja diċenti għal kulħadd: minn viżjoni għal azzjoni kollettiva" (COM(2014)0335)(3),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2013 intitolata "Lil hinn mill-2015: lejn approċċ komprensiv u integrat għall-finanzjament tal-qerda tal-faqar u tal-iżvilupp sostenibbli" (COM(2013)0531)(4),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Frar 2013 bl-isem "Ħajja diċenti għal kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli" COM(2013)0092)(5),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-12 ta' Diċembru 2013 dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tas-16 ta' Diċembru 2014 dwar Aġenda trasformattiva għal wara l-2015(6),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar Il-finanzjament tal-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli wara l-2015(7),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-12 ta' Diċembru 2014 dwar Rwol aktar b'saħħtu tas-settur privat fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tal-25 ta' Ġunju 2013 dwar l-Aġenda Globali ta' Wara l-2015(8),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015(9),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Settembru 2008 dwar is-segwitu tal-Konferenza ta' Monterrey tal-2002 dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp(10),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-26 ta' Novembru 2014 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2014 – COP 20 f'Lima, il-Perù (1-12 ta' Diċembru 2014)(11); tas-26 ta' Frar 2014 dwar il-promozzjoni tal-iżvilupp permezz ta' prattiki ta' negozju responsabbli, inkluż ir-rwol tal-industriji estrattivi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(12); tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar il-korruzzjoni fis-settur pubbliku u f'dak privat: l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(13); tal-21 ta' Mejju 2013 dwar il-Ġlieda kontra l-Frodi tat-Taxxa, l-Evażjoni tat-Taxxa u r-Rifuġji Fiskali(14); u tas-16 ta' April 2013 dwar it-titjib tal-iżvilupp permezz tal-kummerċ(15),

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 472/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp (2015)(16),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 208 TFUE, li jistabbilixxi l-qerda tal-faqar bħala l-objettiv primarju tal-politika tal-UE għall-iżvilupp u l-prinċipju tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0143/2015),

A.     billi l-2015 hija sena kruċjali għall-isforzi favur l-iżvilupp globali, bl-adozzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u l-ftehim dwar azzjoni globali dwar il-klima, li t-tnejn li huma se jkunu validi sal-2030;

B.     billi t-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp, li se ssir f'Addis Ababa, fl-Etjopja, mit-13 sas-16 ta' Lulju 2015, trid toħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-aġenda għal wara l-2015, u billi s-suċċess ta’ dik l-aġenda se jiġi ddeterminat mil-livell ta' ambizzjoni muri waqt il-konferenza;

C.     billi 1,5 biljun persuna għadhom jgħixu fil-faqar bi privazzjoni fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-istandards tal-għajxien, partikolarment fi stati fraġli u affettwati minn kunflitti; billi dan mhux aċċettabbli, ġaladarba jeżistu biżżejjed riżorsi fid-dinja biex progressivament din is-sitwazzjoni tintemm;

D.     billi l-qerda tal-faqar u l-inugwaljanza tista' tinkiseb biss permezz tal-mobilizzazzjoni ta' riżorsi suffiċjenti u xierqa għal kulħadd, u mmirar aħjar lejn gruppi marġinalizzati, bħal tfal, nisa, anzjani jew persuni b'diżabilità; billi minkejja tnaqqis sinifikanti fl-ammont ta' faqar estrem, il-progress fir-rigward tat-tfal miexi aktar bil-mod, biex b'hekk il-ħtieġa għal investiment fir-rigward tat-tfal – kemm permezz ta' mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi u kemm permezz ta' finanzjament internazzjonali pubbliku – saret fattur fundamentali;

E.     billi ma jista' jkun hemm l-ebda żvilupp sostenibbli mingħajr paċi u sigurtà, kif rikonoxxut mill-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-2005;

F.     billi tliet kwarti tal-ifqar nies fid-dinja – li hu stmat li jlaħħqu mad-960 miljun – bħalissa qed jgħixu f'pajjiżi b'introjtu medju, u għalhekk paradigma ġdida dwar l-iżvilupp tirrikjedi li l-programmi jiġu mmirati kemm lejn in-nies foqra u kemm lejn il-pajjiżi foqra;

G.     billi l-istima tal-UNCTAD tal-bżonnijiet finanzjarji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli emerġenti hi ta' madwar USD 3,9 triljun fis-sena, u attwalment jonqos USD 2,5 triljun fis-sena; billi azzjoni dgħajfa fl-aħħar mill-aħħar se tiġi tiswa ħafna iktar minn azzjoni deċiżiva favur żvilupp sostenibbli;

H.     billi d-daqs tal-isfida ta' finanzjament għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli jirrikjedi sħubija qawwija u globali u l-użu ta' kull forma ta' finanzjament (minn sorsi domestiċi, internazzjonali, pubbliċi, privati u innovattivi) u ta' mezzi mhux finanzjarji; billi l-finanzjament privat jista' jikkomplementa, iżda mhux jissostitwixxi, il-finanzjament pubbliku;

I.      billi l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi u l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) huma sisien insostitwibbli tal-finanzjament għall-iżvilupp li jeħtieġ li jissaħħu;

J.      billi l-potenzjali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi huma sinifikanti, iżda fis-sitwazzjoni attwali hemm limiti għal dak li l-pajjiżi jistgħu jwettqu waħedhom; billi r-riżorsi fiskali jibqgħu baxxi bħala proporzjon tal-PGD fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u għalhekk huwa essenzjali li jiġu promossi sistemi fiskali ibbilanċjati tajjeb, ġusti u effiċjenti, ibbażati fuq il-kapaċità ta' ħlas ta' kontribwenti u kumpaniji individwali; billi l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi interni tirrikjedi wkoll distribuzzjoni ġusta u trasparenti tal-benefiċċji mir-riżorsi naturali;

K.     billi huma ftit ferm il-pajjiżi żviluppati li qed jissodisfaw l-impenn tagħhom li jipprovdu 0,7 % tad-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) bħala ODA, inkluż bejn 0,15 % u 0,20 % tal-ING lill-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati; billi l-Istati Membri li ssieħbu mal-UE fl-2004 jew aktar tard impenjaw ruħhom li jagħmlu ħilithom biex jilħqu l-mira ta' 0,33 % tal-ING, iżda s'issa ħadd minnhom għadu ma laħaq din il-mira;

L.     billi ħafna pajjiżi anqas żviluppati huma vulnerabbli, jew saru vulnerabbli bħala riżultat ta' avvenimenti esterni bħal mhuma kunflitti armati, epidemiji bħall-Ebola, u diżastri naturali, u billi dawn jeħtieġu aktar appoġġ;

M.    billi t-tnaqqis tal-faqar, it-tkabbir ekonomiku u s-sigurtà jiddependu fil-biċċa l-kbira fuq il-ħila ta' stat li jwettaq il-funzjonijiet sovrani tiegħu li jiżgura l-istat tad-dritt u jipprovdi servizzi pubbliċi bażiċi bħall-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, filwaqt li jirrispetta l-prinċipju tas-sjieda; billi dawn il-pajjiżi għandhom bżonn, b'mod partikolari, ta' aktar appoġġ biex jintroduċu sistemi tas-saħħa robusti;

N.     billi l-aġenda għall-iżvilupp qed issir aktar estensiva u għalhekk huwa importanti li jiġu rikonoxxuti u inċentivati ulterjorment l-isforzi li qed isiru oltre u lil hinn mill-ODA; billi minkejja ċirkostanzi fiskali diffiċli f'ħafna pajjiżi tal-OECD, inżammu livelli għolja ta' ODA li laħqet ċifra rekord ta' USD 134,8 biljun fl-2013; billi l-ODA tista' tkun katalist sabiex tattira l-investiment privat u r-rilevanza ta' strumenti finanzjarji innovattivi f'dan il-kuntest għandha tiġi kkonstata;

O.     billi s-settur privat u l-Investiment Dirett Barrani (IDB), meta jkunu regolati kif xieraq u jiġu kkollegati ma' titjib konkret fl-ekonomija domestika, għandhom potenzjal importanti x'jikkontribwixxu għall-ksib tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, kif rifless fil-proposta tal-UNCTAD għal Pjan ta' Azzjoni għal investiment fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

P.     billi l-fluss tal-kapital privat jaffettwa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw b'ħafna modi differenti, kemm pożittivi kif ukoll negattivi; billi l-flussi finanzjarji lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw minn sorsi privati huma sinifikanti iżda fil-biċċa l-kbira volatili, mifruxin b'mod irregolari, u li ħafna drabi jkunu assoċjati ma' flussi 'l barra bħar-ripatrijazzjoni ta' qligħ, li mill-2010, saru ogħla minn flussi ġodda 'il ġewwa ta' IDB;

Q.     billi s-soċjetà ċivili tiżvolġi rwol kruċjali fl-iżgurar ta' proċess universali u inklużiv, kemm fil-livell nazzjonali u kemm f'dak globali, u tikkontribwixxi għall-governanza tajba u għar-responsabilità; billi l-assistenza għall-iżvilupp u l-korruzzjoni huma reċiprokament inkompatibbli;

R.     billi hu importanti li jiġi promoss l-użu tas-servizzi bankarji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

S.     billi jeħtieġ li l-UE u l-Istati Membri tagħha, bħala l-akbar donaturi ta' għajnuna għall-iżvilupp, imexxu l-proċess ta' finanzjament għall-iżvilupp u jgħinu biex ikun hemm rispons kredibbli għall-isfidi fil-qasam tal-finanzjament għall-iżvilupp, biex b'hekk jiżguraw il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp fi ħdan l-aġenda għal wara l-2015; billi l-pajjiżi żviluppati u emerġenti l-oħrajn għandhom isegwu l-eżempju tal-UE;

Sħubija globali

1.      Jilqa' l-ewwel abbozz preliminari tad-Dokument dwar l-Eżitu tat-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp, u jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jappoġġjawh;

2.      Jilqa' r-Rapport ta' Sinteżi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, u l-approċċ trasformattiv, universali, olistiku u integrat tiegħu lejn sħubija globali ambizzjuża għal għanijiet ta' żvilupp ġodda u l-qafas finanzjarju assoċjat, approċċ li hu ffokat fuq il-qerda tal-faqar, l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi; jinsisti li, mingħajr mezzi komprensivi u sostanzjali ta' implimentazzjoni, tali sħubija ambizzjuża mhix se tirnexxi;

3.      Iħeġġeġ lill-UE tafferma t-tmexxija politika tagħha matul il-proċess preparatorju lejn id-definizzjoni ta' qafas ta' żvilupp sostenibbli, ftehim imġedded dwar il-finanzjament għall-iżvilupp u mezzi oħra ta' implimentazzjoni, flimkien mal-impenji u l-valuri ddikjarati fit-Trattati fundaturi tagħha; jikkunsidra li l-forniment tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE m'għandux ikun ikkundizzjonat minn donaturi sħab oħrajn;

4.      Jinsisti li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom iżommu l-pożizzjoni tagħhom bħala donaturi ewlenin tal-għajnuna għall-iżvilupp filwaqt li jinsistu li r-responsabilità tiġi kondiviża; jappella lill-pajjiżi b'introjtu għoli, lill-pajjiżi b'introjtu bejn livell medju u livell għoli u lill-ekonomiji emerġenti biex jieħdu impenji sinifikanti;

5.      Jilqa' l-komunikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni intitolata "Sħubija Globali għall-Qerda tal-Faqar u l-Iżvilupp Sostenibbli wara l-2015", minħabba l-komprensività tagħha, il-fatt li hi ffokata fuq il-koerenza politika u l-fatt li tikkonferma li l-UE hi impenjata biex tiżvolġi kompletament ir-rwol tagħha f'din is-sħubija globali; jiddispjaċih, madanakollu, li kien hemm ċertu nuqqas ta' impenn fir-rigward tal-kalendarju għall-miri finanzjarji fil-ġejjieni;

Finanzjament pubbliku internazzjonali

6.      Jisħaq fuq il-fatt li l-ODA tibqa' strument kruċjali fil-finanzjament għall-iżvilupp; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom mill-ġdid mingħajr dewmien favur il-mira ta' 0,7 % tal-ING għall-ODA, b'50 % tal-ODA u mill-inqas 0,2 % tal-ING riżervati għall-pajjiżi l-anqas żviluppati, u, filwaqt li jqisu l-limitazzjonijiet baġitarji, jippreżentaw kalendarji baġitarji pluriennali sabiex proporzjonalment javvanzaw għal dawn il-livelli sal-2020; jilqa' l-pożizzjoni soda tal-UE li tiffoka l-isforzi fuq il-kwantità u l-kwalità tal-għajnuna għall-iżvilupp; jappella lis-sħab żviluppati l-oħrajn u lill-pajjiżi emerġenti biex iżidu proporzjonalment l-assistenza tagħhom għall-iżvilupp, u lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkonvinċu lil donaturi pubbliċi u privati madwar id-dinja jonoraw il-wegħdiet finanzjarji tagħhom u jieħdu impenji ġodda; jisħaq fuq il-fatt li d-donaturi kollha għandhom jiżguraw li l-ODA tkun tirrappreżenta trasferimenti ġenwini lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw;

7.      Jisħaq fuq il-fatt li jeħtieġ li l-UE u l-pajjiżi żviluppati l-oħrajn jonoraw l-impenn tagħhom li jipprovdu finanzjament proporzjonalment akbar, ġdid u addizzjonali favur il-klima bil-għan li sal-2020 jilħqu l-għan ta' mobilizzazzjoni konġunta ta' USD 100 biljun fis-sena, minn varjetà wiesgħa ta' sorsi, pubbliċi u privati, bilaterali u multilaterali, u anke minn sorsi alternattivi; jiddeplora n-nuqqas ta' progress li sar fir-rigward tal-addizzjonalità tal-finanzjament favur il-klima mal-ODA; jappella għal sforz internazzjonali konġunt min-naħa tal-pajjiżi żviluppati u l-pajjiżi emerġenti sabiex isibu finanzjament ġdid u addizzjonali favur il-klima għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw – għalkemm mhux b'detriment tal-baġit għall-iżvilupp – fil-ftehim dwar Azzjoni Globali dwar il-Klima li se jiġi konkluż fil-Konferenza ta' Pariġi li se ssir f'Diċembru 2015; jikkunsidra li l-UE għandha tipproponi stadji intermedji fit-triq lejn l-addizzjonalità sħiħa; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw id-dħul iġġenerat permezz tas-swieq tal-karbonju għal azzjoni favur il-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jappella wkoll lill-ekonomiji emerġenti biex jimmobilizzaw finanzjament favur il-klima għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

8.      Jappoġġa sorsi innovattivi għal finanzjament addizzjonali għall-iżvilupp u favur il-klima, inklużi taxxi fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, taxxi fuq il-karbonju għas-settur tat-trasport internazzjonali bl-ajru u bil-baħar, u allokazzjoni awtomatika tad-dħul mis-swieq tal-karbonju; jilqa' l-isforzi ulterjuri li qed isiru fil-livell internazzjonali u f'dak Ewropew biex jiġu identifikati sorsi addizzjonali oħra;

9.      Jenfasizza li l-ODA għandha tibqa' l-miżura standard tal-isforzi finanzjarji magħmula; jappoġġa l-introduzzjoni ta' indikatur komplementari tal-appoġġ uffiċjali totali għall-iżvilupp sostenibbli, dejjem sakemm jiġi ċċarat kompletament li dan m'għandu bl-ebda mod jissostitwixxi jew inaqqas l-importanza tal-miżura ODA;

10.    Jikkonstata li, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-ODA tiġi pprovduta fil-forma ta' għotjiet, hu importanti wkoll is-self konċessjonali li però jżid il-piżijiet tad-dejn u jirriskja li jwassal għal "bużżieqa" ta' dejn, b'mod partikolari fl-Afrika sub-Saħarjana u l-pajjiżi tal-Karibew li għandhom dħul limitat għall-manutenzjoni tad-dejn; jappella, għaldaqstant, lid-donaturi biex jagħtu għajnuna lill-pajjiżi l-anqas żviluppati fil-forma ta' għotjiet; jikkunsidra li s-self konċessjonali jista' ma jkunx xieraq għal investimenti fis-setturi soċjali li ma jkollhomx l-intenzjoni li jiġġeneraw qligħ; jilqa' l-ftehim li ntlaħaq mill-Kumitat għall-Għajnuna fl-Iżvilupp tal-OECD (OECD-DAC) għall-modernizzazzjoni tar-rapportar dwar is-self konċessjonali permezz tal-introduzzjoni ta' sistema ta' ekwivalenza mal-għotjiet bl-iskop li jiġu kkalkolati ċ-ċifri tal-ODA;

11.    Jindika li l-UE hija d-donatur ewlieni fid-dinja ta' għajnuna għall-iżvilupp u tirrappreżenta kważi 60 % tal-għajnuna għall-iżvilupp uffiċjali fuq livell globali; jappella, madanakollu, lill-Kummissjoni biex tipprovdi data ċara u trasparenti dwar is-sehem tal-baġit komplessiv iddedikat għall-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE sabiex ikun jista' jivvaluta s-segwitu mogħti għall-Kunsens ta' Monterrey mid-donaturi Ewropej kollha; jesprimi wkoll id-dispjaċir tiegħu li l-livell tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-UE għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw tonqsu l-viżibilità u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa għodod ta' komunikazzjoni u ta' informazzjoni xierqa u mmirati sabiex iżżid il-viżibilità tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE;

12.    Jappella lill-UE biex tqis ir-rekwiżiti finanzjarji fit-tul billi tiffavorixxi u tmexxi approċċ aktar strateġiku, ambizzjuż u universali bi qbil mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

13.    Ifakkar fil-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE għall-finanzjament għall-iżvilupp, b'EUR 19,7 biljun għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp u EUR 6,8 biljun għall-għajnuna umanitarja bejn l-2014 u l-2020, apparti r-riżerva ta' għajnuna f'emerġenza ta' EUR 2,2 biljun; jindika wkoll il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) bi EUR 30,5 biljun; jargumenta favur il-baġitizzazzjoni tal-FEŻ, li kieku ġġib magħha vantaġġi bħal żieda fit-trasparenza, fil-viżibilità, fl-effiċjenza u fl-effikaċja; jilqa' l-opportunità li joffru r-rieżami postelettorali ta' nofs it-terminu u r-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali biex jitqiesu l-bżonnijiet strutturali dejjem jiżdiedu tas-sokkors umanitarju u l-bżonnijiet fil-qasam tal-iżvilupp tal-aktar pajjiżi foqra u vulnerabbli;

14.    Jikkonstata li l-baġit 2015 jiddedika EUR 2,4 biljun f'impenji (EUR 2,1 biljun f'pagamenti) lill-kooperazzjoni għall-iżvilupp u EUR 928,8 miljun f'impenji (EUR 918,8 f'pagamenti) lill-għajnuna umanitarja; jappoġġa l-passi li ttieħdu biex jitnaqqas l-ammont arretrat ta' kontijiet mhux imħallsa, b'mod partikolari bil-għan li tinżamm il-vijabilità finanzjarja tal-aktar sħab vulnerabbli, u jisħaq fuq l-importanza tal-prinċipju ta' parità bejn l-impenji u l-pagamenti fir-rigward tal-għajnuna umanitarja, peress li l-kriżijiet qegħdin iseħħu b'rata aktar frekwenti u hemm bżonn li l-fondi jinħarġu malajr;

15.    Ifakkar li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp hija responsabilità kondiviża tal-UE u tal-Istati Membri tagħha u li hemm bżonn tkun konsistenti mal-kunċetti tal-komplementarjetà u l-koordinament; jevidenzja l-ħtieġa li s-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali jiġu involuti fil-proċess ta' koordinament;

16.    Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jippromwovu aġenda dwar l-effikaċja tal-għajnuna li tkun tibni fuq l-impenji fis-Sħubija ta' Busan għal Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp, tnaqqis tal-frammentazzjoni tal-għajnuna permezz ta' mekkaniżmu ta' finanzjamenti raggruppati, u koordinament akbar bejn id-diversi mekkaniżmi għall-għoti ta' għajnuna u partijiet interessati; jisħaq fuq il-fatt li kull finanzjament għall-iżvilupp għandu jkun favorevoli għall-foqra, sensittiv għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi, ambjentalment sod u reżiljenti għat-tibdil fil-klima;

17.    Ifakkar li, skont it-TFUE, it-tnaqqis u l-qerda eventwali tal-faqar huma l-objettiv primarju tal-UE fil-qasam tal-iżvilupp, filwaqt li d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-koeżjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi għandhom jibqgħu fil-qalba tal-attivitajiet għall-iżvilupp;

18.    Jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti prijoritajiet ċari għall-infiq, b'attenzjoni speċjali għall-miżuri fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-enerġija, il-provvista tal-ilma u l-infrastruttura; jissottolinja l-ħtieġa li jsiru sforzi u titjib ulterjuri fil-qasam tal-effikaċja tal-għajnuna permezz ta' grad ta' koordinament akbar bejn id-diversi mekkaniżmi u donaturi tal-għajnuna;

19.    Jissottolinja l-fatt li l-prijoritajiet tal-ODA għandhom ikunu servizzi soċjali bażiċi għal kulħadd u 'beni pubbliċi' li jkunu anqas effikaċi jekk jiġu pprovduti mis-settur privat, bħall-edukazzjoni primarja, ix-xbieki ta' sikurezza soċjali, il-kura tas-saħħa u l-infrastruttura tad-drenaġġ, tal-provvista tal-ilma u tal-enerġija, b'mod li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom; jisħaq fuq il-fatt li l-aċċessibilità għandha tkun kriterju kruċjali fil-finanzjament pubbliku internazzjonali għall-promozzjoni ta' servizzi u infrastrutturi universali u inklużivi;

20.    Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-aktar popolazzjonijiet vulnerabbli jkollhom aċċess għal opportunitajiet ta' żvilupp; ifakkar, f'dan ir-rigward, li hemm ir-riskju li, jekk l-assistenza titwassal biss permezz tal-gvernijiet, jista' jirriżulta li ma jkunx hemm biżżejjed finanzjament għall-komunitajiet marġinalizzati jew vulnerabbli;

21.    Jevidenzja l-importanza li jiġu mobilizzati fondi addizzjonali min-naħa tal-banek tal-iżvilupp sabiex inaqqsu d-distakk fil-finanzjament infrastrutturali u fl-aċċess għall-kreditu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mekkaniżmi ta' monitoraġġ u valutazzjoni tal-impatt;

22.    Jissottolinja l-bżonn assolut li l-UE timmira lejn l-ogħla livell ta' koordinament b'mod li tikseb koerenza ma' oqsma ta' politika oħrajn (l-ambjent, il-migrazzjoni, il-kummerċ internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem, l-agrikoltura, eċċ.) u tevita li jkun hemm duplikazzjoni tax-xogħol jew inkonsistenzi fl-attivitajiet; ifakkar li, permezz tat-Trattat ta' Lisbona (Artikolu 208 TFUE), il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp saret obbligu imnaqqax fit-trattati;

Mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi u kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tat-taxxa

23.    Jisħaq fuq il-fatt li mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi tkun aktar prevedibbli u sostenibbli minn assistenza barranija u jeħtieġ li tkun sors kruċjali ta' finanzjament; jinkoraġġixxi l-isforzi li qed isiru mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex iżidu l-mobilizzazzjoni ta' dan it-tip; jenfasizza l-importanza ta' titjib fil-ġbir tat-taxxi domestiċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-ħtieġa għal sistemi fiskali robusti, ibbilanċjati tajjeb, ġusti u effiċjenti u li jkunu jiffavorixxu l-foqra, sensittivi għall-ħtiġijiet tal-aktar gruppi vulnerabbli u jirrispettaw l-impenji favur żvilupp sostenibbli fil-livell internazzjonali; jappella biex jitneħħew is-sussidji li jagħmlu l-ħsara fl-oqsma tal-enerġija (b'mod partikolari l-karburanti fossili), is-sajd u l-agrikoltura;

24.    Jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-assistenza tagħha għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet fl-oqsma tal-amministrazzjoni tat-taxxa, il-governanza finanzjarja, il-ġestjoni finanzjarja pubblika, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-irkupru ta' assi misruqa u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-ipprezzar qarrieqi tat-trasferimenti; jemmen li l-Unjoni għandha rwol kruċjali x'tiżvolġi f'dan il-qasam; ifakkar fl-importanza li jiġi distribwit id-dħul mit-taxxi fuq riżorsi naturali, speċjalment permezz tal-ħolqien ta' fondi ta' investimenti sovrani; jisħaq fuq il-ħtieġa għal aċċelerazzjoni u żieda proporzjonali tal-isforzi li qed isiru attwalment għat-titjib tar-rapportar baġitarju, u jappella għal żieda fl-armonizzazzjoni tal-prattiki ta' rapportar baġitarju madwar il-pajjiżi kollha;

25.    Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex b'mod attiv iħarrxu l-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali, l-evażjoni tat-taxxa u l-flussi finanzjarji illeċiti, li jxejnu l-assistenza għall-iżvilupp u jikkontribwixxu għad-djun tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex jikkooperaw mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jikkontrobattu l-prattiki aggressivi ta' evitar tat-taxxa minn ċerti kumpaniji transnazzjonali, u biex ifittxu li jsibu modi kif jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jifilħu għall-pressjonijiet li jidħlu f'kompetizzjoni fiskali, peress li din iddgħajjef il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi għall-iżvilupp;

26.    Jappoġġa t-twaqqif ta' korp intergovernattiv għall-kooperazzjoni fil-qasam tat-taxxa taħt l-awspiċi tan-NU; jinkoraġġixxi l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni; jappella biex jinħolqu reġistri pubbliċi rigward sjieda benefiċjarja u sistema mandatorja ta' rapportar pajjiż b'pajjiż fir-rigward tal-kumpaniji transnazzjonali fis-setturi kollha u biex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tad-drittijiet ta' tassazzjoni meta jkunu qed jiġu nnegozjati t-trattati dwar it-taxxa u dwar l-investiment mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

27.    Jikkunsidra li r-regoli internazzjonali dwar it-taxxa korporattiva għandhom jinkludu l-prinċipju li t-taxxi għandhom jitħallsu fejn il-valur jiġi estratt jew maħluq;

28.    Jisħaq fuq l-importanza deċiżiva ta' governanza tajba, protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, qafas istituzzjonali u strumenti regolatorji; jappoġġja b'mod speċjali l-investiment fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet, is-servizzi soċjali bażiċi bħall-edukazzjoni u s-saħħa (l-iżgurar ta' kopertura tas-saħħa universali), inklużi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, in-nutrizzjoni, is-servizzi pubbliċi u l-protezzjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanza, anke fost it-tfal u f'termini tad-differenzi bejn is-sessi; jirrikonoxxi l-ħtieġa għal infrastrutturi aċċessibbli u investimenti pubbliċi selettivi, kif ukoll għall-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, anke mill-industriji estrattivi;

29.    Jisħaq fuq il-fatt li jeħtieġ li l-finanzjament għall-iżvilupp isaħħaħ ir-riżorsi disponibbli għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, id-drittijiet tan-nisa u l-għoti ta' setgħa lin-nisa; jenfasizza r-rwol speċifiku tan-nisa fis-soċjetà, u jisħaq fuq il-fatt li dan għandu jinkludi l-implimentazzjoni ta' bbaġittjar li jqis id-differenzi bejn is-sessi, investimenti mmirati f'setturi kruċjali bħas-saħħa u l-edukazzjoni u t-teħid ta' passi biex jiġi żgurat li kull finanzjament għall-iżvilupp iqis kompletament is-sitwazzjoni tan-nisa u l-bniet;

30.    Jappella għal aktar finanzjament tar-riċerka u l-iżvilupp fix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li jirrikonoxxi li dan il-finanzjament għandu jingħata kemm fil-livell domestiku kif ukoll f'dak internazzjonali; iħeġġeġ il-promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp li jistgħu jġibu progress fl-indirizzar ta' sfidi kumplessi u lejn ġestjoni tajba tal-beni pubbliċi globali, bħat-teknoloġija u l-innovazzjoni fil-qasam tas-saħħa; jikkonstata r-rwol importanti tal-mikrointrapriżi u tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju f'dan il-kuntest; jappella għal rieżami tar-reġimi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali introdotti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles b'mod li jiġi identifikat kwalunkwe impatt negattiv fuq is-saħħa pubblika, l-ambjent jew it-trasferiment tat-teknoloġija;

Is-settur privat u s-soċjetà ċivili

31.    Jissottolinja l-importanza kbira li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet favorevoli għall-intrapriżi privati u l-intraprenditorija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment għall-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, peress li huma jiżvolġu rwol fundamentali bħala mutur għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir inklużiv; jappella b'mod partikolari biex jissaħħu ulterjorment is-sistemi ta' self u garanzija b'mikrofinanzjament; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati ulterjorment il-banek u l-unjonijiet ta' kreditu lokali u reġjonali sabiex jitnaqqsu b'mod sinifikanti r-rati ta' mgħax eċċessivi għas-self fuq is-suq biex b'hekk jingħata appoġġ aħjar għall-iżvilupp tal-komunitajiet fil-livell lokali(17); jappella biex s-settur privat jiġi allinjat mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli permezz ta' sħubijiet xierqa, strumenti finanzjarji, inċentivi, qafas dwar ir-responsabilità u Responsabilità Soċjali effikaċi tal-Kumpaniji; ifakkar fil-ħtieġa li jkun hemm konformità mal-istandards internazzjonali miftiehma bħal mhuma l-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;

32.    Jisħaq fuq il-ħtieġa għall-promozzjoni tal-forniment lil intrapriżi tal-istrumenti għal informazzjoni, it-taħriġ u l-pjattaformi ta' konsulenza essenzjali għall-iżvilupp tagħhom;

33.    Jisħaq għalhekk fuq il-fatt li, sabiex tingħata spinta fit-tul lill-ekonomija, huwa essenzjali li ż-żgħażagħ u n-nisa jingħataw aċċess għall-kreditu għall-appoġġ ta' negozji ġodda;

34.    Jisħaq fuq ir-rwol ta' koeżjoni soċjali li żvolġiet l-intraprenditorija kollettiva tal-assoċjazzjonijiet tal-produtturi fil-prevenzjoni ta' kunflitti etniċi u reliġjużi;

35.    Jinsisti li l-appoġġ għas-settur privat u l-kooperazzjoni miegħu min-naħa tal-UE jistgħu u għandhom jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-faqar u l-inugwaljanza, kif ukoll jirrispettaw u jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, l-istandards ambjentali, l-impenji favur il-klima u d-djalogu soċjali; jappella biex jiġi stabbilit qafas legalment vinkolanti għall-kumpaniji, inklużi l-korporazzjonijiet transnazzjonali b'mekkaniżmu għall-ilmenti;

36.    Jappella biex l-UE twaqqaf, flimkien mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, qafas regolatorju, bi qbil mal-Qafas komprensiv tal-UNCTAD għall-Politika dwar l-Investiment għall-Iżvilupp Sostenibbli, li jqanqal investiment aktar responsabbli, trasparenti u ġustifikabbli, biex b'hekk jingħata kontribut għall-iżvilupp ta' settur privat b'kuxjenza soċjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

37.    Jappella lill-Kummissjoni biex tappoġġa l-għoti ta' aċċess akbar għall-finanzjament lill-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jissottolinja l-importanza ta' sistemi ta' self b'mikrofinanzjament, speċjalment għan-nisa; jinkoraġġixxi l-iżvilupp ulterjuri tal-banek u l-unjonijiet ta' kreditu lokali u reġjonali; jitlob lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fit-twaqqif ta' politiki u oqfsa ġuridiċi li jkunu jwasslu għall-iżvilupp ta' servizzi bankarji; jindika l-ħtieġa – f'diversi livelli, anke fost il-foqra, in-nisa u gruppi vulnerabbli oħra – għal informazzjoni u taħriġ dwar kwistjonijiet finanzjarji, l-użu ta' prodotti bankarji u l-assigurazzjoni, u t-teknoloġiji ġodda rilevanti;

38.    Ifakkar li l-għajnuna pubblika waħedha mhijiex biżżejjed biex tkopri l-ħtiġijiet ta' investiment kollha fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinsisti, għalhekk, fuq ir-rwol ta' lieva li għandhom it-taħlit ta' finanzjamenti u s-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat bħala mezz biex jissaħħaħ l-impatt tal-assistenza għall-iżvilupp, jiġi attirat il-finanzjament privat u jiġu appoġġati n-negozji lokali; jisħaq, madankollu, fuq il-fatt li jeħtieġ li l-finanzjament imħallat ma jissostitwixxix ir-responsabilità tal-istat li jrendi riżultati konkreti fir-rigward tal-bżonnijiet soċjali u li għandu jiġi allinjat mal-objettivi tal-iżvilupp nazzjonali u mal-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp; jinkoraġġixxi s-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat b'mod partikolari fil-qasam tar-riċerka relatat mal-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi bħall-programm Ebola+;

39.    Jappella biex jiġu adottati standards u kriterji internazzjonali kif ukoll analiżi tar-riskju ta' dejn għat-taħlit ta' proġetti u sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat li jattiraw il-finanzjament privat u jappoġġaw lin-negozji lokali, filwaqt li jirrispettaw l-istandards miftiehma fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tal-ILO, id-WHO u dak internazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fil-prospettiva tax-xewqa tagħha li testendi b'mod konsiderevoli l-użu tat-taħlit fil-futur, timplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru fir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-użu tat-taħlit u biex tivvaluta l-mekkaniżmu għat-taħlit tas-self u l-għotjiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp u l-addizzjonalità finanzjarja, it-trasparenza u r-responsabilità; jappella lill-BEI u l-istituzzjonijiet l-oħra ta' finanzjament għall-iżvilupp biex jagħtu prijorità lill-investiment fil-kumpaniji u l-fondi li jiżvelaw pubblikament s-sjidiet benefiċjarji u japplikaw is-sistema ta' rapportar pajjiż b'pajjiż;

40.    Jappoġġa ż-żieda tal-aċċess għas-suq għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment il-pajjiżi l-inqas żviluppati, billi dan jista' jsaħħaħ lis-settur privat u joħloq inċentivi għar-riforma; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet dwar il-kummerċ u l-investiment, speċjalment mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-pajjiżi l-inqas żviluppati u l-istati fraġli, jiġu allinjati mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u l-integrazzjoni reġjonali; jenfasizza li l-ftehimiet ta' dan it-tip għandhom jiġu soġġetti għal valutazzjonijiet tal-impatt fuq l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; jappoġġa s-suġġeriment tal-Kummissjoni li taġġorna l-istrateġija tagħha rigward Għajnuna għall-Kummerċ fid-dawl tar-riżultati tan-negozjati għal wara l-2015 u li tagħti trattament speċjali u differenzjali lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-pajjiżi l-anqas żviluppati u l-istati fraġli fil-ftehimiet dwar il-kummerċ filwaqt li tirrispetta l-ispazju politiku tagħhom biex jieħdu deċiżjonijiet sovrani konformi mal-kuntest nazzjonali tagħhom u l-bżonnijiet tal-popolazzjonijiet tagħhom;

41.    Jappella biex tittieħed azzjoni biex tingħata spinta għall-użu u t-trasparenza tas-sistemi nazzjonali għall-akkwist pubbliku fl-attivitajiet ġestiti mis-settur pubbliku u biex jissaħħu l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

42.    Jevidenzja l-kontribut pożittiv li jagħtu l-migranti għall-iżvilupp tal-pajjiżi minn fejn ikunu oriġinaw, u jappella biex ikun hemm kooperazzjoni aktar effikaċi u innovattiva fil-politika dwar il-migrazzjoni bejn il-pajjiżi ta' oriġini u ta' destinazzjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-flussi finanzjarji sinifikanti u dejjem jikbru li jirrappreżentaw ir-rimessi mid-diaspora u jappoġġa l-ħolqien ta' fondi tad-diaspora; jappella biex isiru sforzi ulterjuri sabiex l-ispejjeż tat-trasferimenti jitbaxxew b'mod li jiżdied l-impatt fuq l-iżvilupp lokali fil-pajjiżi ta' oriġini;

43.    Jappella biex l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili, inklużi l-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi b'bażi fil-komunitajiet, jieħdu sehem akbar fid-diskussjonijiet dwar il-prijoritajiet għall-iżvilupp, b'mod partikolari fil-konferenza ta' Addis Ababa, u għal implimentazzjoni aktar inklużiva u responsabbli tal-aġenda għal wara l- 2015; jissottolinja r-rwol tal-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi fl-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet fuq il-post u l-iżvilupp ta' mekkaniżmi għar-responsabilità, il-monitoraġġ u r-rieżami; jirrikonoxxi li r-rwol tal-awtoritajiet lokali fl-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli jirrikjedi l-allokazzjoni tal-mezzi meħtieġa; jappella biex ikun hemm aktar konsultazzjoni maż-żgħażagħ fid-diskussjonijiet dwar l-aġenda għal wara l-2015, speċifikament permezz ta' teknoloġiji innovattivi għall-komunikazzjoni; jissottolinja r-rwol tad-delegazzjonijiet tal-UE bħala faċilitaturi ta' djalogi ta' dan it-tip;

Governanza globali

44.    Ifakkar fir-rwol ċentrali tan-NU, b'mod komplementari ma' dak tal-istituzzjonijiet u l-fora eżistenti l-oħra, bħal mhi l-OECD, fil-governanza u l-iżvilupp ekonomiċi fil-livell globali; jappella biex il-pajjiżi kollha jkunu rappreżentati ugwalment u b'bilanċ bejn is-sessi fl-istituzzjonijiet multilaterali u l-korpi l-oħra li jistabbilixxu normi u standards, inkluż fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali; ifakkar li l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali kollha għandhom jirrispettaw l-standards bażiċi ta' trasparenza - kif stabbilit fil-Karta dwar it-Trasparenza għall-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali - u jdaħħlu fis-seħħ politiki dwar żvelar lill-pubbliku;

45.    Jinsisti li jeħtieġ li s-soluzzjonijiet għal dejn sostenibbli, inklużi standards biex is-self jingħata u jittieħed b'mod responsabbli, jiġu ffaċilitati permezz ta' qafas ġuridiku multilaterali għall-proċessi ta' ristrutturar tad-dejn sovran, bil-ħsieb li jittaffa l-piż tad-dejn u jiġi evitat id-dejn insostenibbli; jitlob lill-UE tinvolvi ruħha b'mod kostruttiv fin-negozjati tan-NU dwar dan il-qafas; iħeġġeġ lill-UE tinsisti fuq l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-UNCTAD rigward tranżazzjonijiet ta' dejn sovran responsabbli kemm għal min jissellef, kif ukoll għal min isellef;

46.    Jilqa' l-isforzi internazzjonali li qed isiru biex jittaffew l-obbligi ta' dejn internazzjonali tal-pajjiżi milqutin mill-Ebola b'mod li jiġu megħjuna jaffaċċjaw il-kriżijiet ekonomiċi ikkawżati mill-epidemija;

47.    Jappella biex il-programmi u l-istrumenti tal-organizzazzjonijiet internazzjonali għal assistenza finanzjarja għall-iżvilupp jiġu eżaminati mill-ġdid b'mod li jiġu allinjati mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli l-ġodda; iħeġġeġ b'mod speċifiku lill-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Dinji biex jistabbilixxu standards tal-ogħla livell għal finanzjament responsabbli u biex iqarrbu aktar ir-riżorsi tagħhom lejn il-bżonnijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, anke permezz ta' faċilitajiet ta' self li jkunu jiffavorixxu l-foqra u li jkunu reċiprokament effikaċi; jappella b'mod speċifiku għal żieda fl-ammonti disponibbli għall-Bank Ewropew tal-Investiment, lil hinn mill-mandat attwali tiegħu, sabiex ikompli jiżdied il-finanzjament tiegħu għall-pajjiżi b'introjtu baxx;

Monitoraġġ, responsabilità u rieżami

48.    Jappella biex jintlaħaq ftehim fil-konferenza ta' Addis Ababa rigward qafas robust, trasparenti u aċċessibbli ta' monitoraġġ u responsabilità biex l-investiment u l-progress fir-rigward tal-impenji u l-objettivi speċifiċi jkunu jistgħu jiġu ttraċċati u jingħataw segwitu b'mod effikaċi; jappella għal inizjattiva internazzjonali għat-titjib tal-kwalità tal-istatistika, id-data u l-informazzjoni, inkluża data diżaggregata skont l-introjtu, is-sess, l-età, ir-razza, l-etniċità u l-istatus migratorju, id-diżabilità, il-lok ġeografiku u karatteristiċi oħra rilevanti fil-kuntesti nazzjonali; jitlob lill-partijiet kollha jiżguraw l-implimentazzjoni trasparenti u effiċjenti tal-għajnuna u l-finanzjament, b'mod partikolari billi jiffirmaw u jimplimentaw b'mod effikaċi d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni u billi jimpenjaw ruħhom biex sistematikament jippubblikaw data preċiża, f'waqtha u paragunabbli dwar id-dħul u l-infiq, kif ukoll dokumenti baġitarji; jitlob, b'mod speċifiku, lill-Kummissjoni timmonitora u tikkontrolla ulterjorment il-finanzjament tagħha għall-programmi u l-proġetti ta' għajnuna u tieħu l-miżuri xierqa fil-każ ta' evidenza ta' korruzzjoni u ġestjoni ħażina; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, bl-istess mod, taġġorna l-assistenza tagħha b'mod li ssaħħaħ lill-aġenziji ġudizjarji u l-aġenziji kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

49.    jappella għal inizjattiva internazzjonali għat-titjib tal-kwalità tal-istatistika, id-data u l-informazzjoni, b'mod li l-infiq, l-investiment u l-progress fir-rigward tal-impenji u l-objettivi speċifiċi jkunu jistgħu jiġu ttraċċati; jilqa' l-isforzi globali li qed isiru biex jiġi żgurat li d-data użata fl-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tkun diżaggregata biżżejjed skont l-introjtu, is-sess, l-età u indikaturi oħrajna, sabiex l-impatt tal-politiki jkun jista' jiġi mmonitorat b'mod effikaċi;

50.    Itenni li, bħala element komplementari għall-PDG, hemm bżonn ta' sett ġdid ta' indikaturi oħra sabiex ikunu jistgħu jitqiesu l-isfidi soċjali u ambjentali ġodda, u li dan is-sett għandu jinkludi b'mod partikolari l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem, il-koeffiċjent Gini, miżura ta' ugwaljanza bejn is-sessi, il-marka tal-karbonju u l-impronta ekoloġika;

51.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Kofaċilitaturi għall-proċess ta' tħejjija għat-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp.

(1)

http://unctad.org/en/publicationslibrary/wir2014_en.pdf

(2)

http://eur-lex.europa.eu/resource.html?uri=cellar:afc5ef38-ad24-11e4-b5b2-01aa75ed71a1.0023.01/DOC_1&format=PDF

(3)

http://eur-lex.europa.eu/resource.html?uri=cellar:441ba0c0-eb02-11e3-8cd4-01aa75ed71a1.0016.01/DOC_1&format=PDF

(4)

http://ec.europa.eu/transparency/regdoc/rep/1/2013/MT/1-2013-531-MT-F1-1.Pdf

(5)

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52013DC0092&rid=2

(6)

http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-16827-2014-INIT/mt/pdf

(7)

http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-17553-2013-INIT/mt/pdf

(8)

http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-11559-2013-INIT/mt/pdf

(9)

Testi adottati, P8_TA(2014)0059.

(10)

ĠU C 8E, 14.1.2010, p. 1.

(11)

Testi adottati, P8_TA(2014)0063.

(12)

Testi adottati, P7_TA(2014)0163.

(13)

Testi adottati, P7_TA(2013)0394.

(14)

Testi adottati, P7_TA(2013)0205.

(15)

Testi adottati, P7_ TA(2013)0119.

(16)

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/mt/TXT/?uri=CELEX:32014D0472

(17)

Rapport dwar l-Appoġġ għall-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju fil-Pajjiżi li qed Jiżviluppaw permezz ta' Intermedjarji Finanzjarji, Dalberg, Novembru 2011, www.eib.org.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (16.4.2015)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp

dwar il-finanzjament għall-iżvilupp

(2015/2044(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Charles Goerens

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jirrimarka li l-UE hija d-donatur dinji ewlieni tal-għajnuna għall-iżvilupp u tforni madwar 60 % tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp globali; jistieden, madanakollu, lill-Kummissjoni tipprovdi data ċara u trasparenti dwar is-sehem tal-baġit globali ddedikat għall-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE sabiex ikun jista' jevalwa s-segwitu tal-Kunsens ta' Monterrey mid-donaturi Ewropej kollha; jesprimi wkoll id-dispjaċir tiegħu li l-livell tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-UE għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw ma għandux viżibbiltà u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa għodod ta' komunikazzjoni u ta' informazzjoni xierqa u mmirati biex tiżdied il-viżibbiltà tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE;

2.  Jistieden lill-UE tikkunsidra rekwiżiti finanzjarji fit-tul billi tiffavorixxi u tmexxi approċċ aktar strateġiku, ambizzjuż u universali f'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs);

3.  Jappella għal sforz internazzjonali konġunt min-naħa tal-pajjiżi żviluppati u dawk b'ekonomiji emerġenti sabiex jinstab finanzjament ġdid u addizzjonali fil-qasam tal-klima għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw – għalkemm mhux askapitu tal-baġit għall-iżvilupp – fil-ftehim dwar l-Azzjoni Globali dwar il-Klima li se jiġi konkluż fil-Konferenza ta' Pariġi f'Diċembru 2015;

4.  Ifakkar fil-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE għall-finanzjament għall-iżvilupp, bl-ammont ta' EUR 19,7 biljun għall-koperazzjoni għall-iżvilupp u EUR 6,8 biljun għall-għajnuna umanitarja bejn l-2014 u l-2020, barra mis-somma ta' EUR 2,2 biljun għar-riżerva ta' għajnuna f'emerġenza; jindika wkoll it-EUR 30,5 biljun għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ); jirrakkomanda l-ibbaġitjar tal-FEŻ, billi dan kieku jġib miegħu vantaġġi bħal żieda fit-trasparenza, fil-viżibbiltà, fl-effiċjenza u fl-effikaċja; jilqa' l-opportunità li joffru r-rieżami postelettorali ta' nofs it-term u r-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet strutturali li qegħdin jiżdiedu għas-sokkors umanitarju u l-ħtiġijiet għall-iżvilupp tal-pajjiżi l-aktar foqra u vulnerabbli;

5.  Jikkonstata li l-baġit għall-2015 alloka EUR 2,4 biljun f'impenji (EUR 2,1 biljun f'pagamenti) għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp u EUR 928,8 miljun f'impenji (EUR 918,8 f'pagamenti) għall-għajnuna umanitarja; jappoġġa l-miżuri li ttieħdu biex jitnaqqas l-ammont akkumulat ta' kontijiet mhux imħallsa, b'mod partikolari bil-għan li tinżamm il-vijabbiltà finanzjarja tal-aktar sħab vulnerabbli, u jenfasizza l-importanza tal-prinċipju ta' parità bejn l-impenji u l-pagamenti fir-rigward tal-għajnuna umanitarja, peress li l-kriżijiet qegħdin iseħħu b'rata aktar frekwenti u li hemm bżonn li l-fondi jinħarġu malajr;

6.  Jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti prijoritajiet ċari għall-infiq, b'enfasi speċjali fuq miżuri fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-enerġija, il-provvista tal-ilma u l-infrastruttura; jissottolinja l-ħtieġa li jsiru aktar sforzi u titjib fil-qasam tal-effikaċja tal-għajnuna permezz ta' livell ogħla ta' koordinazzjoni bejn il-mekkaniżmi u d-donaturi differenti tal-għajnuna;

7.  Jilqa' l-pożizzjoni soda tal-UE li tiffoka l-isforzi fuq il-kwantità u l-kwalità tal-għajnuna għall-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-ħila esperta u l-awtorità tagħha biex tikkonvinċi donaturi pubbliċi u privati oħra madwar id-dinja jonoraw il-wegħdiet finanzjarji tagħhom;

8.  Jissottolinja l-bżonn assolut li l-UE timmira lejn l-ogħla livell ta' koordinazzjoni sabiex tikseb koerenza ma' oqsma ta' politika oħrajn (l-ambjent, il-migrazzjoni, il-kummerċ internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem, l-agrikoltura, eċċ.) u sabiex tevita li jkun hemm xogħol doppju jew inkonsistenzi fl-attivitajiet; ifakkar li, permezz tat-Trattat ta' Lisbona (l-Artikolu 208 tat-TFUE), politika koerenti għall-iżvilupp saret obbligu tat-trattat;

9.  Jenfasizza li l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp tibqa' strument ewlieni għall-finanzjament għall-iżvilupp u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom mill-ġdid favur il-mira ta' 0,7 % ING (Introjtu Nazzjonali Gross); jissottolinja, barra minn hekk, il-potenzjal tal-investiment privat – jekk ikun regolat kif xieraq, fir-rigward tal-kontribuzzjoni tiegħu għall-iżvilupp – u r-rilevanza ta' strumenti finanzjarji innovattivi biex jitqanqlu tali riżorsi addizzjonali; ifakkar li l-għajnuna pubblika waħidha mhijiex biżżejjed biex tkopri l-ħtiġijiet kollha tal-investiment fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; jinsisti, għalhekk, fuq ir-rwol ta' lieva li għandhom it-taħlit u s-sħubijiet pubbliċi-privati bħala mezz biex jissaħħaħ l-impatt tal-għajnuna għall-iżvilupp, jiġi attirat finanzjament privat u jiġu appoġġati negozji lokali; jenfasizza, madankollu, li l-finanzjament imħallat ma jridx jissostitwixxi r-responsabbiltà tal-istat għat-twettiq tal-ħtiġijiet soċjali, u għandu jkun iggwidat mill-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp; iħeġġeġ sħubijiet pubbliċi-privati, b'mod partikolari fil-qasam tar-riċerka relatata mal-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi, bħall-programm Ebola+;

10. Jenfasizza l-importanza li jiġu mobilizzati r-riżorsi domestiċi permezz ta' ġbir aħjar tat-taxxi fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; jenfasizza li r-riżorsi tat-taxxa huma sors aktar prevedibbli u sostenibbli għall-finanzjament mill-għajnuna barranija; jemmen li l-Unjoni għandha rwol ewlieni x'tiżvolġi fl-appoġġ għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fit-twaqqif tal-kapaċitajiet amministrattivi rilevanti, fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u kontra l-abbuż tal-prezzijiet tat-trasferimenti u fl-għajnuna għall-irkupru ta' assi misruqa;

11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fid-dawl tax-xewqa tagħha li testendi b'mod konsiderevoli l-użu tat-taħlit fil-futur, biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet ifformulati fir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-użu tat-taħlit u biex tivvaluta l-mekkaniżmu ta' taħlit ta' self u għotjiet, partikolarment f'termini ta' żvilupp u addizzjonalità finanzjarja, trasparenza u obbligu ta' rendikont;

12. Jirrimarka li t-taħlit jista' jwassal għal bużżieqa ta' dejn, prinċipalment fil-pajjiżi tal-Afrika Sub-Saħarjana u tal-Karibew li għandhom dħul limitat biex iħallsu l-imgħax fuq id-dejn tagħhom; għalhekk, jistieden lid-donaturi jagħtu għajnuna lill-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) f'forma ta' għotja;

13. Jissottolinja l-importanza kbira ta' appoġġ għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju u jappella b'mod partikolari għal aktar tisħiħ tas-sistemi ta' self u garanziji ta' mikrofinanzjament; jinsisti fuq il-ħtieġa għal aktar żvilupp tal-banek u għaqdiet ta' kreditu lokali u reġjonali sabiex jitnaqqsu b'mod sinifikanti rati ta' interess eċċessivi għas-self tas-suq u, b'hekk, għal appoġġ aħjar għall-iżvilupp tal-komunità fil-livell lokali(1);

14. Ifakkar li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp hija responsabbiltà kondiviża tal-UE u tal-Istati Membri u li jeħtieġ li tkun konsistenti mal-kunċetti ta' komplementarjetà u koordinazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa li s-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali jiġu involuti fil-proċess ta' koordinazzjoni;

15. Ifakkar li, skont it-TFUE, it-tnaqqis u l-eradikazzjoni maż-żmien tal-faqar huma l-objettiv primarju tal-UE fil-qasam tal-iżvilupp, filwaqt li d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljaza bejn is-sessi, il-koeżjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi għandhom jibqgħu fil-qalba tal-attivitajiet tal-iżvilupp;

16. Jindika bidla fin-natura tal-faqar globali – peress li l-aktar nies foqra tad-dinja jinsabu f'pajjiżi b'introjtu medju, u dan ifisser li paradigma ġdida għall-iżvilupp trid tirrifletti din ir-realità ġdida; jenfassizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-aktar popolazzjonijiet vulnerabbli jkollhom aċċess għall-opportunitajiet tal-iżvilupp; ifakkar, f'dan ir-rigward, li t-twassil tal-għajnuna permezz tal-gvernijiet biss joħloq riskji li l-komunitajiet marġinalizzati jew vulnerabbli ma jingħatawx finanzjament biżżejjed;

17. Jissottolinja l-importanza li l-banek tal-iżvilupp jimmobilizzaw fondi addizzjonali sabiex iċekknu n-nuqqas ta' finanzjament għall-infrastruttura u ta' aċċess għall-kreditu fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, b'mekkaniżmi ta' monitoraġġ u valutazzjoni tal-impatt;

18. Jappella għal żieda fl-ammonti għall-faċilitajiet konċessjonarji disponibbli għall-Bank Ewropew tal-Investiment, lil hinn mill-mandati attwali tiegħu, sabiex iżid aktar il-finanzjament tiegħu lill-pajjiżi b'introjtu baxx;

19. Jappella għal inizjattiva internazzjonali li ttejjeb il-kwalità tal-istatistika, tad-data u tal-informazzjoni sabiex jiġu intraċċati l-infiq, l-investiment u l-progress fir-rigward ta' impenji u objettivi speċifiċi; jilqa' sforzi globali biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-SDGs tuża data li hija diżaggregata b'mod suffiċjenti għall-introjtu, is-sessi, l-età u indikaturi oħra, sabiex l-impatt tal-politiki mmexxija mill-SDGs jkunu jistgħu jiġu sorveljati b'mod effikaċi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

16.4.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

1

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Ingeborg Gräßle, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, Bernd Kölmel, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Sophie Montel, Siegfried Mureșan, Younous Omarjee, Pina Picierno, Paul Rübig, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Marco Valli, Daniele Viotti, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Andrey Novakov, Ivan Štefanec, Nils Torvalds, Tomáš Zdechovský

(1)

Report on Support for SMEs in Developing Countries Through Financial Intermediaries (Rapport dwar l-Appoġġ għall-SMEs f'Pajjiżi li Qegħdin Jiżviluppaw Permezz ta' Intermedjarji Finanzjarji), Dalberg, Novembru 2011, www.eib.org.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.4.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

1

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Ignazio Corrao, Nirj Deva, Doru-Claudian Frunzulică, Enrique Guerrero Salom, Maria Heubuch, Hans Jansen, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Stelios Kouloglou, Arne Lietz, Linda McAvan, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Lola Sánchez Caldentey, György Schöpflin, Pedro Silva Pereira, Davor Ivo Stier, Bogdan Brunon Wenta, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Louis-Joseph Manscour, Judith Sargentini, Eleni Theocharous, Joachim Zeller

Avviż legali