Proċedura : 2015/2014(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0152/2015

Testi mressqa :

A8-0152/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 19/05/2015 - 5.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0192

RAPPORT     
PDF 158kWORD 73k
11.5.2015
PE 552.088v02-00 A8-0152/2015

dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jérôme Lavrilleux

(2015/2014(IMM))

Kumitat għall-Affarijiet Legali

Rapporteur: Heidi Hautala

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jérôme Lavrilleux

(2015/2014(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jérôme Lavrilleux, ppreżentata fit-23 ta' Diċembru 2014 mill-Ministru tal-Ġustizzja Franċiż fuq talba tal-Kap Prosekutur fil-Qorti tal-Appell ta' Pariġi, u mħabbra fis-seduta plenarja fil-15 ta' Jannar 2015,

–       wara li sema' lil Jérôme Lavrilleux skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–       wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, tad-19 ta' Marzu 2010, tas-6 ta' Settembru 2011 u tas-17 ta' Jannar 2013(1),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0152/2015),

A.     billi l-Kap Prosekutur tal-Qorti tal-Appell ta' Pariġi talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Jérôme Lavrilleux, Membru tal-Parlament Ewropew, b'konnessjoni ma' investigazzjoni ġudizzjarja pendenti dwar akkużi ta' falsifikazzjoni, użu ta' dokumenti ffalsifikati, ksur ta' fiduċja, tentattiv ta' frodi u kompliċità f'dawn ir-reati u l-ħabi tagħhom, finanzjament illegali ta' kampanja elettorali u ħabi ta' dak ir-reat u kompliċità fih; u billi l-imħallfin Franċiżi jixtiequ, f'dan il-kuntest, jieħdu miżura li ċċaħħad jew li tirrestrinġi l-libertà kontra Jérôme Lavrilleux;

B.     billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jgħid li l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu, fit-territorju tal-istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lid-deputati tal-Parlament ta' pajjiżhom;

C.     billi l-Artikolu 26, paragrafi 2 u 3, tal-Kostituzzjoni Franċiża jipprevedi li l-ebda Membru tal-Parlament ma għandu jiġi arrestat għal reat serju jew offiża maġġuri oħra, u lanqas m'għandu jkun soġġett għal xi miżura oħra li ċċaħħad jew li tirrestrinġi l-libertà, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Bureau tal-Kamra li tagħha huwa membru; li din l-awtorizzazzjoni mhijiex meħtieġa fil-każ ta' reat serju jew offiża maġġuri oħra mwettqa in flagrante delicto jew meta l-kundanna tkun saret definittiva; u li l-Assemblea tista' titlob is-sospensjoni ta' detenzjoni, ta' miżuri oħra li jċaħħdu jew li jirrestrinġu l-libertà jew ta' proċedimenti kontra wieħed mill-Membri tiegħu;

D.     billi Jérôme Lavrilleux huwa suspettat li ħa sehem f'sistema ta' fatturi foloz għall-infiq f'kampanja elettorali;

E.     billi t-tneħħija tal-immunità ta’ Jérôme Lavrilleux għandha tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta’ Proċedura;

F.     billi l-akkużi allegati mhumiex marbuta mal-kariga ta' Jérôme Lavrilleux bħala Membru tal-Parlament Ewropew u jirriżultaw mill-kariga preċedenti tiegħu bħala viċi direttur tal-kampanja elettorali fl-aħħar elezzjoni presidenzjali fi Franza;

G.     billi l-prosekuzzjoni ma tikkonċernax opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa minn Jérôme Lavrilleux bħala Membru tal-Parlament Ewropew fit-twettiq ta' dmirijietu fit-tifsira tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

H.     billi l-Parlament ma sab l-ebda evidenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri, presunzjoni serja u preċiża biżżejjed li l-proċedimenti nfetħu bl-intenzjoni li ssir ħsara politika lill-Membru;

1.      Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Jérôme Lavrilleux;

2.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex minnufih jgħaddi din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Franċiża u lil Jérôme Lavrilleux.

(1)

is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner v Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot v Faure u oħrajn, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote v Il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra v De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch v Il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2008:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: UE:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch v Il-Parlament, T-346/11, ECLI:EU:T:2013:23).


NOTA SPJEGATTIVA

1. Il-Fatti

Wara l-elezzjoni presidenzjali Franċiża fl-2012 (meta s-Sur Hollande ġie elett bħala President tar-Repubblika), deher li l-kontijiet tal-kampanja ta' Nicolas Sarkozy qabżu l-limiti stabbiliti fil-liġi għall-ispejjeż tal-kampanja elettorali tal-kandidati għall-presidenza. Konsegwentement, il-kummissjoni nazzjonali ta' Franza għall-kontijiet tal-kampanja elettorali u għall-finanzjament politiku ddeċidiet li tirrifjuta l-kontijiet tal-kampanja tiegħu fid-19 ta' Diċembru 2012.

Huwa f'dan il-kuntest li fl-2014 xi midja ssuspettat li arranġament ta' ħruġ ta' fatturi kien ġie użat biex jinħareġ kont lill-partit politiku li kien qed jappoġġa l-kandidatura ta' Nicolas Sarkozy (Union pour un Mouvement Populaire – UMP) għal ammonti li kellhom jitħallsu mill-kandidat u ddikjarati fil-kontijiet tal-kampanja tiegħu.

L-investigazzjonijiet ġudizzjarji bdew f'Marzu 2014 u b'mod partikolari inkludew tiftix u sekwestri ta' dokumenti, kif ukoll seduti ta' smigħ. Xi individwi nħarġilhom ukoll att ta' akkuża. Jérôme Lavrilleux, li kien il-viċi direttur tal-kampanja waqt il-kampanja elettorali ta' Nicolas Sarkozy fl-2012, kien instema' darbtejn, fis-17 ta' Ġunju 2014 u fl- 24 ta' Ottubru 2014.

L-inkjesta tiffoka fuq sistema ta' kontijiet foloz imwaqqfa minn diretturi ta' 'Event & CIE' (sussidjarja tal-Grupp Bygmalion li tmexxi l-organizzazzjoni ta' avvenimenti u kampanji ta' pubbliċità) flimkien mal-membri tal-UMP u mal-assoċjazzjoni għall-finanzjament tal-kampanja ta' Nicolas Sarkozy. Huwa allegat li 'Event & Cie' bagħtet lill-UMP fatturi li jammontaw għal EUR 18 556 175 għal laqgħat li ma sarux u li s-servizzi attwalment fornuti kienu għall-organizzazzjoni ta' laqgħat għall-kampanja ta' Nicolas Sarkozy. Huwa pretiż li tali sistema kienet immirata lejn l-evażjoni tar-regoli dwar il-limiti għall-infiq elettorali, peress li l-ispiża reali tal-kampanja kienet tkun qabżet l-ammont massimu permess mil-liġi.

Minħabba d-dmirijiet ta' Jérôme Lavrilleux fit-tim tal-kampanja ta' Nicolas Sarkozy bħala viċi direttur tal-kampanja, l-imħallfin Franċiżi jixtiequ jżommuh f'kustodja għall-interrogazzjoni sabiex tiġi stabbilita kwalunkwe responsabilità fi ħdan it-tim tal-kampanja tal-kandidat u fi ħdan l-assoċjazzjoni tat-tim tal-kampanja fir-rigward tal-allegazzjonijiet dwar l-istabbiliment tal-arranġament għall-fatturi foloz.

2. Il-proċedura

Il-Kap Prosekutur tal-Qorti tal-Appell ta' Pariġi ħareġ talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Jérôme Lavrilleux, li ġiet mibgħuta mill-Ministru tal-Ġustizzja Franċiż lill-President tal-Parlament Ewropew fit-23 ta' Diċembru 2014.

Il-President tal-Parlament Ewropew ħabbar it-talba fis-seduta plenarja tal-15 ta' Jannar 2015 u rreferieha lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali.

Is-Sur Lavrilleux instema' mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali fl-24 ta' Marzu 2015.

3. Ġustifikazzjoni għall-proposta ta' deċiżjoni

L-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew hija protetta mill-Artikolu 8 u mill-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.

Sabiex igawdu l-immunità skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-proċedimenti għandhom jikkonċernaw opinjoni espressa jew vot mitfugħ minn Membru tal-Parlament Ewropew fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu jew tagħha. Jidher mill-fatti msemmija hawn fuq li l-immunità prevista fl-Artikolu 8 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea ma tapplikax għall-każ preżenti.

Skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri jgawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' pajjiżhom.

Min-naħa tagħha, il-Kostituzzjoni Franċiża (l-Artikolu 26(2) u (3)) tistipula li l-Membri tal-Parlament jistgħu jiġu arrestati jew b'xi mod ieħor imċaħħda mil-libertà tagħhom jew li jaffaċċjaw restrizzjoni tal-libertà tagħhom biss bil-permess tal-Bureau tal-Assemblea tagħhom, ħlief f'każ ta' reat flagranti jew f'każ ta' kundanna definittiva minn qorti tal-ġustizzja. Barra minn hekk, l-Assemblea tista' titlob is-sospensjoni ta' detenzjoni, ta' miżuri oħra li jċaħħdu jew li jirrestrinġu l-libertà jew ta' proċedimenti kontra wieħed mill-Membri tagħha.

Peress li r-rinunzja tal-immunità tas-Sur Lavrilleux hija mitluba bl-għan li tittieħed miżura li ċċaħħad jew li tirrestrinġi l-libertà kontrih, hija għalhekk meħtieġa deċiżjoni tal-Parlament Ewropew.

L-iskop ta' immunità personali huwa li tiġi żgurata l-indipendenza tal-Membri fil-qadi ta' dmirijiethom u b'mod partikolari biex tipproteġihom matul il-mandat tagħhom minn pressjonijiet li jieħdu l-forma ta' theddid ta' arrest jew ta' proċedimenti legali.

L-allegata sistema ta' fatturi foloz deskritta hawn fuq u l-allegati akkużi mhumiex marbuta mal-qadi tad-dmirijiet tas-Sur Lavrilleux bħala Membru tal-Parlament Ewropew iżda huma relatati mal-kariga preċedenti tiegħu f'tim għall-kampanja elettorali presidenzjali stabbilit għall-votazzjoni li saret sentejn qabel is-Sur Lavrilleux ġie elett Membru tal-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, hemm nuqqas ta' fumus persecutionis, jiġifieri ma hemm l-ebda suspett fondat li l-proċedimenti legali kienu nbdew bl-intenzjoni li ssir ħsara politika lill-Membru.

4. Konklużjoni

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq u skont l-Artikolu 9 (3) tar-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew għandu jneħħi l-immunità ta' Jérôme Lavrilleux.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

16

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Mady Delvaux, Laura Ferrara, Dietmar Köster, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Pavel Svoboda, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Luis de Grandes Pascual, Angel Dzhambazki, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Constance Le Grip, Virginie Rozière

Avviż legali