Proċedura : 2015/2037(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0159/2015

Testi mressqa :

A8-0159/2015

Dibattiti :

PV 19/05/2015 - 9
CRE 19/05/2015 - 9

Votazzjonijiet :

PV 21/05/2015 - 7.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0215

RAPPORT     
PDF 258kWORD 165k
12.5.2015
PE 551.756v02-00 A8-0159/2015

dwar l-impatt tal-iżviluppi fis-swieq Ewropej tad-difiża dwar is-Sigurtà u l-kapaċitajiet ta’ difiża fl-Ewropa

(2015/2037(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Ana Gomes

Rapporteur għall-opinjoni (*):

Ildikó Gáll-Pelcz, Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
 OPINJONI TAL-MINORANZA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-impatt tal-iżviluppi fis-swieq Ewropej tad-difiża dwar is-Sigurtà u l-kapaċitajiet ta’ difiża fl-Ewropa

(2015/2037(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Europea (TUE),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19-20 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta’ Novembru 2014 dwar il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Lulju 2013 bit-titolu ‘Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti’ (COM(2013)0542), u l-Pjan Direzzjonali ta’ Implimentazzjoni relatat tal-24 ta’ Ġunju 2014 (COM(2014)0387),

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità(1),

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE(2),

–       wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjoni ta’ teknoloġija u tagħmir militari,

–       wara li kkunsidra l-Qafas ta’ Politika għal Kooperazzjoni Sistematika u fit-Tul fil-Qasam tad-Difiża, adottat mill-Kunsill fit-18 ta’ Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Arranġament Qafas dwar is-Sigurtà tal-Provvista bejn Stati Membri li jissottoskrivu, adottat mill-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) f’Novembru 2013, u l-Kodiċi ta’ Kondotta dwar il-Prijoritizzazzjoni assoċjat, adottat mill-Bord ta’ Tmexxija tal-EDA f’Mejju 2014,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-21 ta’ Novembru 2013 dwar bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea(3) u tal-14 ta’ Diċembru 2011 dwar l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq is-settur tad-difiża fl-Istati Membri tal-UE(4),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0159/2015),

A.     billi leġiżlazzjoni ġdida dwar is-suq Ewropew tad-difiża ġiet introdotta taħt il-Pakkett tad-Difiża tal-2009 u t-28 Stat Membru kollha ttrasponew ir-regoli l-ġodda fl-ordni ġuridiku nazzjonali tagħhom; billi l-qofol ta’ din il-leġiżlazzjoni l-ġdida huwa l-introduzzjoni ta’ qafas regolatorju bbażat fuq it-trasparenza, in-nondiskriminazzjoni u l-kompetizzjoni, li jindirizza l-ispeċifiċitajiet tas-settur tad-difiża;

B.     billi l-Istati Membri qablu dwar il-ħtieġa li jiżviluppaw suq Ewropew tat-tagħmir u s-servizzi tad-difiża; billi l-Kunsill Ewropew saħansitra talab għat-twaqqif ta’ reġim tas-sigurtà tal-provvista fl-UE kollha; billi kapaċitajiet xierqa u l-provvista ta’ tagħmir kif ukoll l-awtonomija strateġika tal-UE huma ta’ importanza kruċjali għas-sigurtà tal-Unjoni u dik tal-viċinat tagħha;

C.     billi s-suċċess tal-missjonijiet ta’ żamma tal-paċi u ta’ sigurtà taħt il-PSDK jiddependi fil-biċċa l-kbira tiegħu fuq il-ħila tagħhom li jirreaġixxu minnufih u b’mod immedjat, u aspett ewlieni, għaldaqstant, hija l-ħtieġa li jinkiseb suq ġenwin tad-difiża Ewropea biex jelimina d-duplikazzjoni u jnaqqas il-burokrazija żejda;

D.     billi n-nuqqas ta’ konsolidazzjoni, kosteffiċjenza u trasparenza fis-swieq Ewropej tad-difiża jfisser li d-dipendenzi esterni fis-settur Ewropew tad-difiża jistgħu jiżdiedu ulterjorment fi żmien ta’ theddid dirett u multiplu mingħajr preċedent għas-sigurtà Ewropea minn tmiem il-Gwerra Bierda ‘l hawn;

E.     billi investimenti fir-riċerka u t-teknoloġija fis-setturi tad-difiża tal-Istati Membri kollha, kif ukoll investimenti komuni fir-riċerka u t-teknoloġija fis-settur tad-difiża skont il-qafas ta’ kooperazzjoni Ewropea, naqsu b’rata allarmanti matul l-aħħar snin;

Żviluppi fis-swieq tad-difiża jqiegħdu l-awtonomija Ewropea fil-periklu

1.      Jibqa’ mħasseb serjament dwar it-tnaqqis mifrux u fil-biċċa l-kbira mhux koordinat fil-baġit tad-difiża fil-maġġoranza tal-Istati Membri; jenfasizza li t-tnaqqis tal-baġits għad-difiża qed idgħajjef il-potenzjal tad-difiża tal-Istati Membri u tal-UE, u qed iħalli dubju dwar il-livelli ta’ tħejjija għall-iżgurar tas-sigurtà nazzjonali u Ewropea; huwa tal-fehma li dan it-tnaqqis mhux koordinat, flimkien ma’ problemi strutturali u prattiki inġusti u mhux trasparenti, iqiegħed lill-Unjoni fil-periklu billi ċċedi assi u ħiliet strateġiċi u billi titlef l-opportunitajiet li l-koordinazzjoni tal-politiki għad-difiża u l-ippuljar u l-kondiviżjoni tal-assi għad-difiża jistgħu joħolqu fir-rigward tat-twettiq tal-prosperità u l-paċi tal-UE, f’konformità mal-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, is-sigurtà tal-provvista tagħha u d-difiża taċ-ċittadini u l-interessi tagħha;

2.      Jinsab serjament imħasseb dwar l-intensifikazzjoni tal-konflitti armati, kriżijiet ta’ intensità baxxa, gwerra ibrida u gwerra miġġielda f’isem ħaddieħor, falliment tal-istat, instabilità u ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem fil-viċinat immedjat tal-UE u t-theddida tat-terroriżmu fi ħdan l-UE u 'l barra minnha; jemmen li t-theddid attwali għas-sigurtà huwa komuni għall-UE kollha kemm hi u għandu jiġi indirizzat b’mod unit u koordinat, bl-ippuljar u l-kondiviżjoni tar-riżorsi ċivili u militari; jemmen bis-sħiħ, f’dan ir-rigward, li huwa importanti ħafna li ma jinħlewx riżorsi u li huwa essenzjali li jsir użu aħjar tal-flus tal-kontribwenti kif ukoll li jsir progress fl-istabbiliment ta’ suq Ewropew għat-tagħmir tad-difiża u fl-iżvilupp ta’ Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB), b’ħila li jinħolqu sinerġiji permezz ta’ koordinazzjoni transkonfinali miżjuda u l-forniment tal-ħiliet meħtieġa għall-PSDK; jemmen ukoll li dan se jkun kruċjali biex tiżdied l-effiċjenza u l-kosteffettività tal-azzjoni Ewropea fi ħdan il-qafas tal-operazzjonijiet tan-NATO biex jiżgura s-sigurtà u l-istabilità fl-Ewropa u l-viċinat tagħha;

3.      Huwa mħasseb, għaldaqstant, dwar l-implimentazzjoni bil-mod u inkonsistenti mill-Istati Membri tad-direttivi tal-Pakkett tad-Difiża tal-2009 u jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri speċifiċi biex tiżgura li d-direttivi jkunu implimentati korrettament, permezz ta’ monitoraġġ tat-traspożizzjonijiet nazzjonali, bl-għan li jkunu evitati distorsjonijiet tas-suq; jirrikonoxxi li l-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida hija proċess twil, iżda jwissi li l-applikazzjoni żbaljata u mifruxa tissogra li toħloq standards ta’ prattika ħżiena, u b’hekk tipperikola l-kisba tal-objettivi stabbiliti fid-direttivi u, għaldaqstant, tikkomprometti l-istabbiliment ta’ suq Ewropew għat-tagħmir tad-difiża u ddgħajjef l-iżvilupp ta’ EDTIB; jissottolinja li l-Pakkett tad-Difiża għandu wkoll jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ inċentivi għall-kooperazzjoni tad-difiża fl-Ewropa u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-EDA biex jikkooperaw mill-qrib f’dan ir-rigward; ifakkar b’dispjaċir li l-akkwist konġunt fis-settur tad-difiża staġna, u matul dawn l-aħħar snin anki naqas;

4.      Iwissi dwar ir-riskji ta’ dipendenzi esterni fis-settur Ewropew tad-difiża fi żmien fejn l-ambjent tas-sigurtà huwa dejjem aktar kumpless u impenjattiv; iwissi, b’mod partikolari, dwar it-tlaqqigħ tal-baġits tad-difiża mhux koordinati tal-Istati Membri, mal-frammentazzjoni persistenti tas-suq minkejja regoli ġodda tas-suq intern, id-dipendenza dejjem akbar tal-industrija tad-difiża fuq l-esportazzjonijiet barra l-UE u ż-żieda tal-investiment barrani fis-settur Ewropew tad-difiża f’xi pajjiżi, li jista’ jwassal għal nuqqas ta’ trasparenza u għaċ-ċessjoni tal-kontroll ta’ industriji, assi u teknoloġiji tad-difiża nazzjonali u Ewropea;

5.      Iqis li attenzjoni speċjali għandha tingħata lill-impatt ta’ ċerti proġetti fuq l-awtonomija u l-indipendenza tal-UE, bħall-kooperazzjoni mar-Russja f’oqsma sensittivi bħal illanċjar ta’ satelliti permezz ta’ rokits tat-tip Soyuz u trasport bl-ajru strateġiku; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jwettqu rieżami ta’ prijorità tal-industriji militari/ta’ difiża tagħhom u li jipprovdu inċentivi għall-iżvilupp tagħhom safejn permissibbli skont id-dritt tal-UE;

6.      Jenfasizza li strateġija ta’ difiża Ewropea industrijali ferm kompetittiva, moderna u integrata, hija essenzjali biex tiżgura l-ħiliet ta’ difiża tal-Ewropa u biex ikollha impatt pożittiv indirett fuq setturi ekonomiċi relatati oħrajn; jindika li kooperazzjoni msaħħa ta’ riżorsi ekonomiċi u ta’ kapital uman hija essenzjali sabiex isir progress f’riċerka b’użu doppju li tnaqqas id-dipendenza esterna tagħna u tiggarantixxi l-provvisti u l-materja prima tagħna għall-industrija, speċjalment dawk ta’ natura kritika;

7.      Jinnota li waqt li l-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2013 naqas milli jipprovdi reazzjoni xierqa għal din is-sitwazzjoni, madankollu huwa ddeskriva għadd ta’ linji ta’ azzjoni għat-titjib tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni u impenja ruħu li jeżamina mill-ġdid il-progress f’Ġunju 2015; jiddispjaċih li minkejja d-deterjorament ulterjuri tal-ambjent tas-sigurtà kemm internament kif ukoll lejn il-Lvant u n-Nofsinhar tal-UE li qed jikkomprometti is-sigurtà tagħha, ma sar l-ebda progress reali fl-indirizzar tal-isfidi u t-theddid attwali tas-sigurtà;

8.      Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew ifassal it-tagħlimiet meħtieġa u jieħu miżuri konkreti biex tingħeleb il-frammentazzjoni tas-suq tad-difiża Ewropew; jistieden lill-Kunsill Ewropew jipprovdi linji ta’ gwida speċifiċi għall-politiki tad-difiża u għas-suq tad-difiża Ewropew, waqt li jqis l-ispeċifiċitajiet tas-settur tad-difiża, sabiex tiżdied it-trasparenza u l-kompetittività, u tiġi garantita d-disponibilità tal-ħiliet tad-difiża meħtieġa biex jiżguraw is-sigurtà Ewropea u jissodisfaw l-objettivi tal-PSDK;

Tnaqqis tad-domanda Ewropea minħabba t-tnaqqis fil-baġit: il-ħtieġa għal aktar kooperazzjoni

9.      Jemmen li s-snin ta’ baġits nazzjonali tad-difiża mhux koordinati fl-Ewropa iridu jiġu paċuti b’żieda fil-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri, inkluż permezz tal-artikolazzjoni ta’ politiki dwar il-baġit għad-difiża u l-koordinazzjoni ta’ għażliet strateġiċi li jikkonċernaw l-akkwist ta’ tagħmir militari u b’użu duwali, f’konformità mal-istandards tal-akkwist pubbliku trasparenti; jenfasizza l-ħtieġa ta’ ppjanar bil-quddiem dwar l-investiment strateġiku fix-xiri u r-rinnovazzjoni ta’ tagħmir fost l-Istati Membri; itenni s-sejħa tiegħu għall-konsolidazzjoni tad-domanda madwar l-UE biex tiġi promossa u appoġġjata EDTIB kompetittiva u indipendenti; jenfasizza li l-iżvilupp ta’ EDTIB effiċjenti u trasparenti huwa element ewlieni għall-ħila tal-Ewropa li tipproteġi liċ-ċittadini, l-interessi u l-valuri tagħha, f’konformità mal-objettivi tat-Trattat u biex tissodisfa r-responsabilitajiet tagħha bħala dik li tipprovdi s-sigurtà; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija industrijali li tiddefinixxi l-ħiliet ewlenin li fuqhom l-EDTIB tista’ tinbena;

10.    Ifakkar li t-28 Stat Membru tal-UE għadhom it-tieni fid-dinja kemm fl-infiq għad-difiża kif ukoll fl-esportazzjoni tal-armi; jemmen li dan il-fatt juri li l-Istati Membri tal-UE u l-Unjoni għad għandhom rwol ewlieni fil-bejgħ tal-armi fuq livell dinji u fl-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża; iqis nefqa totali annwali għad-difiża ta' EUR 190 biljun bħala ammont enormi tal-flus tal-kontribwenti; ifakkar ukoll li studji reċenti numerużi wrew li l-problema ewlenija tinsab fil-fatt li f'ħafna mit-28 Stat Membru tal-UE, il-baġits għad-difiża qed jintefqu b'mod ineffiċjenti ħafna, li jwassal għal dewmien fit-tul, spejjeż ogħla u f'ħafna każijiet f'sitwazzjoni fejn ħelikopters, ajruplani ġett tal-ġlied u teknoloġiji oħra ma jkunux operattivi minkejja li jkunu ġodda fjamanti; jenfasizza l-ħtieġa ta’ ristrutturazzjoni profonda tar-relazzjonijiet bejn l-amministrazzjonijiet tad-difiża nazzjonali u l-industriji tad-difiża u li jiġu introdotti kriterji kwalitattivi stretti għat-twettiq ta’ proġetti ta’ akkwist pubbliku;

11.    Huwa tal-fehma li l-limitazzjonijiet baġitarji attwali fl-Istati Membri tal-UE għandhom jirrapreżentaw opportunità għal kooperazzjoni akbar u aħjar fil-qasam tal-akkwist ta’ apparat għad-difiża, sabiex jiżguraw valur aħjar għall-flus tal-kontribwenti u jiżguraw ħiliet militari xierqa madwar l-UE u sistema ta’ provvista ta’ sigurtà sostenibbli; iqis li l-Istati Membri għandhom għażla bejn li jikkooperaw b’mod effettiv biex jindirizzaw l-isfidi komuni jew li jitilfu ħiliet strateġiċi u ma jħarsux iċ-ċittadini u l-interessi nazzjonali u Ewropej;

12.    Ifakkar fil-ħtieġa għal konverġenza akbar bejn il-proċessi tal-ippjanar tad-difiża nazzjonali u jilqa’, f’dan il-kuntest, l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ Qafas ta’ Politika għall-Kooperazzjoni Sistematika u fit-Tul fil-Qasam tad-Difiża; jiddispjaċih, madankollu, għan-natura mhux vinkolanti tiegħu u l-fatt li ma introduċiex proċess ċar u strutturat; jissottolinja li dan id-dokument għandu jintlaqa’ mill-Kunsill Ewropew sabiex isir xprun ewlieni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jitolbu l-appoġġ tal-EDA fir-rieżami tad-difiża nazzjonali tagħhom u biex jikkondividu l-informazzjoni dwar il-pjanijiet u l-prijoritajiet ta’ investiment nazzjonali fi ħdan il-Kumitat Militari tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jniedu kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) bħala mezz għal koordinazzjoni aħjar u għall-użu ta’ finanzjament tal-UE għall-kooperazzjoni fi żmien ta’ paċi; jistieden lill-Viċi-President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP-RGħ) tressaq pjanijiet realistiċi għat-tnedija tal-PESCO;

13.    Jitlob li kooperazzjoni kif ukoll inizjattivi ta’ ppuljar u kondiviżjoni jingħataw prijorità u li jinħolqu inċentivi għal dan il-għan; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tressaq 'il quddiem proposta li tiċċara kif inċentivi fiskali li ma jikkawżawx distorsjoni tas-suq ikunu jistgħu jaqdu dawn l-objettivi; jinnota d-deċiżjoni tal-Belġju li tikkonċedi eżenzjoni mill-VAT lill-proġetti ad hoc tal-EDA u jqis li din l-eżenzjoni għandha tkun applikata b’mod ġenerali għall-attivitajiet kollaborattivi kollha tal-EDA; jilqa’ l-ħidma tal-EDA dwar mekkaniżmu ta’ akkwist pubbliku ppuljat u jistenna li jkun fih miżuri biex jinċentiva l-akkwist kooperattiv u l-appoġġ għal tagħmir ta’ difiża;

14.    Ifakkar li taħt l-Orizzont 2020, il-COSME u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, l-industriji tad-difiża, u b’mod partikolari l-SMEs, jistgħu japplikaw għal finanzjament tal-UE għal proġetti b’użu duwali u proġetti oħrajn; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħinu lill-kumpaniji, b’mod partikolari lill-SMEs, jaħtfu b’mod xieraq l-opportunitajiet ta’ finanzjament Ewropew għal proġetti relatati mad-difiża;

15.    Jindika li, dan l-aħħar, l-UE kellha titqabad dejjem aktar ma’ theddid u sfidi fiċ-ċiberspazju li jinvolvu theddida serja għas-sigurtà tal-Istati Membri individwali u għall-UE kollha kemm hi; jemmen li tali theddid għandu jiġi valutat kif jixraq, u li għandha tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE bl-għan li tipprovdi miżuri tekniċi u miżuri oħra ta’ sigurtà fl-Istati Membri;

16.    Jistieden lill-Kunsill Ewropew jindirizza fil-laqgħa tiegħu ta’ Ġunju 2015 il-ħtieġa ta’ simplifikazzjoni tal-akkwist pubbliku u tal-proċess ta’ għotja tal-kuntratti marbuta maċ-ċibersigurtà, u jiżgura koordinazzjoni akbar bejn l-Istati Membri sabiex l-Unjoni tingħata l-ħila li tindirizza fil-pront theddid bħat-terroriżmu ċibernetiku u l-attakki ċibernetiċi;

17.    Itenni t-talba tiegħu lill-VP/RGħ u lill-Kunsill sabiex ifasslu pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-użu ta’ drones armati, li tagħti importanza kbira lir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali u tindirizza kwistjonijiet bħall-qafas legali, il-proporzjonalità, ir-responsabilità, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u t-trasparenza;

Dipendenzi esterni dejjem akbar: il-ħtieġa ta’ strateġija komuni

18.    Iwissi li l-kumpaniji tad-difiża Ewropej qegħdin dejjem aktar jikkumpensaw għat-tnaqqis fid-dħul tagħhom fl-Ewropa permezz ta’ esportazzjonijiet barra mill-UE; jesprimi tħassib dwar l-iżvantaġġi potenzjali ta’ dan l-approċċ, bħat-trasferiment ta’ teknoloġiji sensittivi u tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali lill-kompetituri futuri tagħhom u li l-produzzjoni tinġarr 'il barra mill-UE, li għaldaqstant jipperikolaw is-sigurtà tal-provvista tal-Ewropa; jemmen li l-esponiment tal-UE għar-riskju li l-EDTIB tkun dipendenti fuq konsumaturi f’setgħat terzi b’interessi strateġiċi differenti jikkostitwixxi żball strateġiku serju;

19.    Ifakkar li l-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi tiddefinixxi fehim komuni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari għall-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll nazzjonali tal-esportazzjoni; jemmen li applikazzjoni aktar koerenti tat-tmien kriterji tagħha hija meħtieġa sabiex ikun żgurat mhux biss li l-objettivi ġenerali ta’ politika barranija u ta’ sigurtà jkollhom prijorità fuq il-gwadann ekonomiku fuq terminu qasir, imma wkoll li l-industriji Ewropej ikollhom kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni;

20.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkonformaw mal-prinċipji tal-Pożizzjoni Komuni u jirrapportaw b’mod sħiħ, fil-kuntest tar-rapporti ta’ kull sena, dwar l-istat tal-esportazzjonijiet tat-tagħmir tad-difiża tagħhom lejn pajjiżi terzi; jistieden lill-Kunsill u lill-VP/RGħ biex jikkunsidraw modi kif titjieb il-konformità mal-obbligu ta’ rapportar u tiżdied it-trasparenza u l-iskrutinju pubbliku tal-qafas għall-kontroll tal-esportazzjonijiet; ifakkar li l-konformità mal-Pożizzjoni Komuni hija fundamentali għat-twettiq tal-prinċipji u l-valuri tal-UE, b’mod partikolari fl-oqsma tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali kif ukoll ir-responsabilitajiet tagħha fis-sigurtà lokali, reġjonali u globali;

21.    Jinnota l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rieżami tal-politika ta’ kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu duwali, u jenfasizza, f’dan il-kuntest, il-ħtieġa li jiġu żgurati modalitajiet ta’ kontroll li ma jtellfux il-fluss liberu ta’ prodotti u ta’ teknoloġija fi ħdan is-suq intern u l-ħtieġa tal-prevenzjoni ta’ interpretazzjonijiet diverġenti tar-regoli tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq b’mod urġenti proposta leġiżlattiva ġdida biex taġġorna r-reġim ta’ kontroll tal-esportazzjoni b’użu duwali bil-għan li tittejjeb il-koerenza, l-effiċjenza, it-trasparenza u r-rikonoxximent tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem tiegħu filwaqt li tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni; jenfasizza li din il-proposta trid tqis in-natura mutabbli tal-isfidi tas-sigurtà u r-rapidità tal-iżviluppi teknoloġiċi, b’mod speċjali fejn għandu x’jaqsam ma’ softwer u tagħmir ta’ sorveljanza u intrużjoni u n-negozju f’vulnerabilitajiet tas-softwer;

22.    Jinnota li, filwaqt li l-importanza dejjem akbar ta’ teknoloġiji b’użu duwali toffri benefiċċji f’termini ta’ sinerġiji bejn is-settur tad-difiża u l-produzzjoni kummerċjali, din tagħmilha wkoll dipendenti fuq il-ktajjen tal-provvista ċivili, li ħafna drabi jibbażaw il-produzzjoni tagħhom barra mill-Ewropa; jitlob informazzjoni mill-Kummissjoni u l-EDA dwar ir-riskji possibbli ta’ internazzjonalizzazzjoni dejjem akbar u l-effetti possibbli li bidliet fis-sjieda fis-settur tad-difiża jista’ jkollhom fuq is-sigurtà tal-provvista u wkoll ir-riskji akbar għas-sigurtà Ewropea u nazzjonali, inkluż għall-infrastruttura diġitali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tgħarraf lill-Parlament fi żmien xieraq dwar l-istatus tal-Green Paper dwar il-kontroll tad-difiża u tal-assi tas-sigurtà sensittivi u industrijali li kienet ħabbret għall-aħħar tal-2014, u jitlob informazzjoni dwar l-eżitu tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati mħabbra;

23.    Jilqa’ l-ħidma tal-EDA u tal-Kummissjoni dwar ir-reġim tas-Sigurtà tal-Provvista fl-UE kollha (SoS), skont il-mandat tal-Kunsill Ewropew, u jistenna bi ħġaru l-pjan direzzjonali li jinkludi passi speċifiċi li għandu jiġi preżentat għall-approvazzjoni tal-kapijiet tal-istat u tal-gvern f’Ġunju 2015; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-EDA jispjegaw fid-dettall safejn il-proposta tal-Parlament dwar “reġim komprensiv u ambizzjuż dwar is-sigurtà tal-provvista fl-UE kollha (...), abbażi ta’ sistema ta’ garanziji reċiproċi u analiżi tar-riskji u tal-ħtiġijiet, u possibbilment bl-użu tal-bażi ġuridika ta’ kooperazzjoni strutturata permanenti”, (A7-0358/2013) ġiet inkluża fix-xogħol preparatorju; jemmen li l-metodoloġiji tal-imgħoddi użati mill-Kummissjoni, bħall-immappjar u l-monitoraġġ, ma kinux suffiċjenti; jenfasizza l-ħtieġa ta’ ffukar fuq approċċi ġodda lejn kif tiġi żgurata ċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ tagħmir militari għall-forzi armati tat-28 Stat Membru;

24.    Iqis l-assigurazzjonijiet reċiproċi tal-SoS bejn l-Istati Membri bħala element fundamentali fil-bini ta’ suq Ewropew tad-difiża integrat; jilqa’ l-arranġament ta’ qafas aġġornat tal-EDA dwar l-SoS bħala strument li jsaħħaħ il-fiduċja reċiproka u s-solidarjetà, iżda jiddispjaċih li ma joħloq ebda obbligi ġuridiċi; huwa tal-fehma li r-reġim SoS madwar l-UE kollha jeħtieġ li jkun ibbażat fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, u b’mod partikolari fuq l-implimentazzjoni sħiħa tad-direttiva dwar it-trasferimenti fi ħdan l-UE sabiex jitneħħew l-ostakli għall-moviment tal-prodotti tad-difiża fl-UE;

L-użu tar-regoli tas-suq intern sal-potenzjal massimu tagħhom

25.    Jenfasizza li l-Pakkett tad-Difiża mniedi mill-Kummissjoni għandu l-għan li jappoġġja l-kompetittività tas-settur Ewropew tad-difiża u li wieħed mill-objettivi tiegħu hu li jillimita l-problemi li jirriżultaw mill-frammentazzjoni tas-suq Ewropew tad-difiża, minn ċerti attitudnijiet protezzjonisti fl-għoti ta’ kuntratti tad-difiża u min-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn ir-reġimi ta’ kontroll differenti tal-Istati Membri dwar it-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża;

26.    Jenfasizza li suq uniku tad-difiża jiżgura trasparenza sħiħa u jipprevjeni sforz doppju, li jirriżulta f’distorsjoni tas-suq; jindika li s-suċċess tal-missjonijiet ta’ paċi u sigurtà tal-PSDK jiddependi fil-biċċa l-kbira mill-kapaċitajiet ta’ reazzjoni rapida u li integrazzjoni akbar hija ta’ importanza fundamentali fl-integrazzjoni tal-proċessi u t-tnaqqis tal-ispejjeż;

27.    Jindika li t-tlestija ta’ suq Ewropew tad-difiża teħtieġ bażi industrijali ferm kompetittiva mmexxija mill-innovazzjoni u t-teknoloġija li tista’ tiġġenera sinerġiji permezz ta’ kooperazzjoni transkonfinali aktar mill-qrib, u li l-avvanzi fir-riċerka b’użu duwali huma ta’ importanza fundamentali fil-garanzija tal-indipendenza tagħna u fl-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista, b’mod partikolari ta’ prodotti kruċjali;

28.    Jindika li, biex jissaħħu l-innovazzjoni teknoloġika u d-difiża Ewropej u jkun hemm iffrankar sostanzjali, jeħtieġ li l-Ewropa tibni ekonomiji ta’ skala u jkollha suq komuni tal-UE għall-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża, ukoll bil-ħsieb li titrawwem industrija Ewropea tad-difiża moderna, integrata u kompetittiva; jenfasizza li r-regoli tas-suq intern għandhom jintużaw sal-potenzjal sħiħ tagħhom biex jiġġieldu l-frammentazzjoni kontinwa tas-settur Ewropew tad-difiża u tas-sigurtà, li jwassal għad-duplikazzjoni tal-programmi ta’ tagħmir tad-difiża u nuqqas ta’ trasparenza rigward ir-relazzjonijiet bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali tad-difiża u l-industrija tad-difiża, permezz ta’ aktar kooperazzjoni transkonfinali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jneħħu r-regoli nazzjonali li ma jikkonformawx mad-Direttivi 2009/43/KE u 2009/81/KE u li qegħdin jostakolaw is-suq intern għall-akkwist fil-qasam tad-difiża, u biex jimplimentaw u jinfurzaw b’mod korrett id-Direttiva 2009/81/KE dwar l-akkwist fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà ta’ natura sensittiva u d-Direttiva 2009/43/KE dwar it-trasferiment ta’ prodotti relatati mad-difiża; jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi speċifiċi biex tiżgura li d-Direttivi jiġu applikati b’mod xieraq u tivverifika u timmonitorja l-proċeduri ta’ traspożizzjoni nazzjonali sabiex tiżgura li ma jirriżultawx f’distorsjoni tas-suq;

29.    Jistieden lill-Kummissjoni, bil-ħsieb li jsir l-aqwa użu possibbli tar-riżorsi, tħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu akkwisti konġunti permezz ta’ korpi ta’ akkwist ċentrali bħall-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, kif previst fid-Direttiva 2009/81/KE;

30.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha għall-kisba ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-swieq Ewropej tad-difiża għall-ġlieda kontra l-prattiki protezzjonisti mill-Istati Membri permezz tal-promozzjoni tal-kooperazzjoni transkonfinali u aċċess aħjar għall-ktajjen tal-provvista tal-industrija tad-difiża u t-teħid ta’ passi biex tintemm is-sitwazzjoni fejn xi Stati Membri jaġixxu biss bħala fornituri u oħrajn jaġixxu biss bħala xerrejja għat-teknoloġija tad-difiża; jemmen, f’dan ir-rigward, li l-użu tal-esklużjonijiet f’konformità mad-Direttiva 2009/81/KE irid ikun ġustifikat kif xieraq; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar l-effetti tas-seba’ settijiet ta’ Noti ta’ Gwida (dwar, rispettivament, Kamp ta’ Applikazzjoni, Esklużjonijiet, R&Ż, Sigurtà tal-Provvista, Sigurtà tal-Informazzjoni, Sottokuntrattar, Tpaċijiet) li diġà ġew ippubblikati u jinnota li l-Kummissjoni qed tippjana li toħroġ tnejn oħra fl-2015; jemmen li dawn in-noti jikkostitwixxu l-opportunità perfetta biex il-Kummissjoni tistabbilixxi djalogu mal-Istati Membri dwar suġġetti li qatt ma ġew indirizzati b’mod strutturat u miftuħ, u jitlob informazzjoni dwar l-eżitu ta’ tali djalogu mal-Istati Membri;

31.    Jinnota li, fil-formulazzjoni attwali tiegħu u fil-prattika, l-Artikolu 346 tat-TFUE xorta joffri lill-Istati Membri ammont kbir ta’ marġini ta’ diskrezzjoni f’dak li jirrigwardja r-rikors għall-applikazzjoni tiegħu u b’hekk jidderogaw milli japplikaw il-liġijiet tal-UE dwar l-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża f’kuntratti tad-difiża; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri biex b’mod effettiv u korrett japplikaw l-Artikolu 346 tat-TFUE b’mod li jkun konsistenti mar-rekwiżiti stabbiliti fir-regoli tal-UE, fid-Direttivi tas-Suq Intern u fir-regoli tal-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża; ifakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-miżuri taħt l-Artikolu 346 għandhom ikunu limitati għal każijiet ta’ eċċezzjoni u definiti b’mod ċar, u ma għandhomx jinqabżu l-limiti ta’ tali każijiet; iwissi li l-użu skorrett ta’ derogi mir-regoli tas-Suq Uniku jdgħajjef b’mod attiv il-kompetizzjoni tal-UE, jillimita t-trasparenza, jiffaċilita l-korruzzjoni u b’hekk jagħmel ħsara lill-istabbiliment ta’ suq tad-difiża tal-UE, u huwa ta’ ħsara għal EDTIB li tiffunzjona u għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet militari kredibbli;

32.    Jinnota li, fit-terminu twil, l-eliminazzjoni gradwali sħiħa tat-tpaċijiet se tikkontribwixxi għal funzjonament aħjar tas-suq intern fis-settur Ewropew tad-difiża; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni, tkompli tissorvelja li l-Istati Membri jeliminaw b’mod gradwali t-tpaċijiet mhux ġustifikati kif meħtieġ abbażi tal-Artikolu 346 tat-Trattat; iqis dan bħala indispensabbli biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel u t-trasparenza tas-suq intern fis-settur Ewropew tad-difiża u kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-fornituri kollha, b’mod partikolari l-SMEs;

33.    Ifakkar li l-ftehimiet qafas, is-sottokuntrattar u t-tqassim f’lottijiet għandhom ikunu mezz kif ktajjen ta’ provvista stabbiliti jinfetħu għall-benefiċċju tal-SMEs; jirrimarka, madankollu, li l-prinċipji ta’ trasparenza fil-katina tas-sottokuntrattar u ta’ responsabilità konġunta għandhom jiġu garantiti; jistieden lill-Istati Membri, lill-EDA u lill-Kummissjoni jaħdmu flimkien, kif ukoll ma’ kuntratturi prinċipali, sabiex ikun żgurat li l-SMEs ikunu kompletament familjari mad-diversi stadji fil-katina tal-valur, peress li dan se jgħinhom jikkonsolidaw u jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għall-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża u biex jiġġieldu l-iżvilupp ġeografikament żbilanċjat tal-bażi teknoloġika u tad-difiża Ewropea;

34.    Jinnota li l-adozzjoni, min-naħa tal-industrija, tal-istrumenti ewlenin tad-Direttiva dwar it-Trasferiment tad-Difiża, b’mod speċifiku l-liċenzji ġenerali u ċ-ċertifikazzjoni ta’ kumpaniji tad-difiża, għadha limitata ħafna, u li hemm lakuni fil-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri biex jiżguraw miżuri ta’ kontroll xierqa għall-prevenzjoni ta’ ksur tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-liċenzji ta’ trasferiment; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-użu effettiv ta’ dawn l-istrumenti fil-prattika u għaldaqstant jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi grupp ta’ ħidma mal-Istati Membri dwar l-armonizzazzjoni tad-Direttiva tat-Trasferimenti Intra-UE;

35.    Jirrikonoxxi l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni tal-2014 intitolat ‘Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti’ u l-impenn meħud mill-Kummissjoni f’dan id-dokument sabiex tinvestiga kif l-impatt negattiv tat-tpaċijiet meħtieġa minn pajjiżi terzi jistgħu jittaffew u dwar l-impatt tat-tpaċijiet fuq is-suq intern u l-industrija Ewropea; jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni f’waqtha tal-pjan direzzjonali u tat-teħid ta’ miżuri addizzjonali kif meħtieġ; jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-Kummissjoni biex tipprovdi gwida prattika għall-SMEs li jużaw il-fondi Ewropej fi proġetti b’użu duwali;

36.    Ifakkar li l-Istati Membri, b’mod urġenti, jeħtieġ li jtejbu t-trasparenza tal-prattiki relatati mal-akkwist pubbliku fis-settur tad-difiża fil-konfront tal-Kummissjoni u l-aġenziji tal-UE; jissottolinja li l-proċeduri speċifiċi ta’ akkwist pubbliku bħall-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni preċedenti ta’ avviż ta’ kuntratt għandhom ikunu limitati għal każijiet eċċezzjonali u ġustifikati biss minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali marbuta mad-difiża u s-sigurtà, b’konformità mad-Direttiva 2009/81/KE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura monitoraġġ xieraq biex tippermetti rappurtar komprensiv, fir-rigward taż-żewġ direttivi, lill-Parlament u lill-Kunsill fl-2016, kif skedat;

37.    Ifakkar fl-importanza ta’ kontrolli regolari fuq it-tagħmir tad-difiża u s-sigurtà mill-awtoritajiet superviżorji rilevanti, inkluż kontrolli fuq kontabilità xierqa;

38.    Jissottolinja li l-kooperazzjoni bejn sħab strateġiċi hija essenzjali għas-sigurtà tal-provvista Ewropea u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża meta jinnegozjaw ftehimiet ta’ kummerċ internazzjonali;

Rieżami tal-pakkett dwar l-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża

39.    Jistieden lill-Kummissjoni biex, fir-rapporti ta’ implimentazzjoni tagħha lill-Parlament u lill-Kunsill dwar id-Direttivi 2009/81/KE u 2009/43/KE fl-2016, tevalwa bir-reqqa jekk u safejn id-dispożizzjonijiet tagħhom ġew infurzati b’mod korrett u jekk l-objettivi tagħhom intlaħqux, u biex toħroġ bi proposti leġiżlattivi skont il-ħtieġa jekk is-sejbiet tar-rapport jippuntaw lejn din id-direzzjoni;

40.    Jenfasizza li għandhom jiġu introdotti obbligi speċjali ta’ rappurtar ulterjuri għall-Istati Membri, flimkien ma’ provvediment għal salvagwardji xierqa tal-kunfidenzjalità;

41.    Ifakkar li l-iskop tal-modernizzazzjoni tar-regoli tal-akkwist pubbliku tal-UE, kif stabbiliti fid-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE, adottati fl-2014, huwa l-iżgurar tat-trasparenza fil-katina tas-sottokuntrattar u l-konformità mad-dritt ambjentali, soċjali u tax-xogħol; jirrimarka li d-direttivi l-ġodda joffru opportunitajiet għal proċeduri aktar simplifikati, bħall-użu tal-akkwist pubbliku elettroniku, l-aggregazzjoni tad-domanda u l-użu tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża, li jistgħu jitfasslu skont l-ispeċifiċitajiet tas-settur tad-difiża u s-sigurtà;

42.    Jitlob, bil-ħsieb li tinbena industrija Ewropea innovattiva u kompetittiva u li jsir l-aħjar użu possibbli mill-baġits tas-sigurtà u tad-difiża, li l-proċedura l-ġdida ta’ ‘sħubija għall-innovazzjoni’ tiġi introdotta fl-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża, biex tippermetti lill-awtoritajiet kontraenti jistabbilixxu din il-proċedura għall-iżvilupp u l-akkwisti sussegwenti ta’ prodotti ġodda u innovattivi, servizzi jew xogħlijiet, biex tipprovdi l-inċentivi meħtieġa tas-suq u tappoġġja l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi mingħajr esklużjoni mis-suq;

43.    Jenfasizza li l-iżgurar tal-protezzjoni massima u s-sigurtà tal-popolazzjoni ċivili għandu jitqies waqt il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għat-tagħmir tad-difiża u s-sigurtà;

44.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Assemblea Parlamentari tan-NATO u lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO.

(1)

ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1.

(2)

ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2013)0514.

(4)

ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 9.


OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (24.4.2015)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar l-impatt tal-iżviluppi fis-swieq Ewropej tad-difiża fuq il-kapaċitajiet ta’ sigurtà u difiża fl-Ewropa

(2015/2037(INI))

Rapporteur għal opinjoni (*): Ildikó Gáll-Pelcz

(*)                            Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jinkludi s-suġġett tas-swieq Ewropej tad-difiża fuq l-aġenda għas-summit tiegħu ta’ Ġunju 2015; madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-adozzjoni ta’ azzjonijiet strateġiċi mill-Kunsill Ewropew f’Diċembru 2013 ma rriżultatx f’miżuri speċifiċi u kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn id-diversi partijiet interessati tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK); jistieden lill-Kunsill Ewropew jipprovdi linji gwida speċifiċi għal politiki ta’ difiża u s-suq Ewropew tad-difiża, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tas-settur tad-difiża, bil-għan li jissaħħaħ is-suq intern tad-difiża u s-sigurtà;

2.  Ifakkar li l-politiki tas-suq intern u dawk tad-difiża ma għandhomx jitqiesu bħala opposti għal xulxin; jenfasizza li suq intern li jiffunzjona sew għall-prodotti marbuta mad-difiża jikkontribwixxi b’mod qawwi għall-kisba tal-objettivi tal-PSDK, u jiddispjaċih dwar il-fatt li sa issa ftit sar progress f’din id-direzzjoni minkejja l-adozzjoni tad-Direttivi tal-Pakkett tad-Difiża tal-2009; jisħaq li implimentazzjoni korretta tal-qafas legali għall-akkwist pubbliku tal-UE mill-Istati Membri tista’ tikkontribwixxi għal nefqa tad-difiża aktar effiċjenti u tista’ ssaħħaħ il-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB); jemmen, f’dan ir-rigward, li kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri se tgħin biex jiġi evitat sforz doppju u jkollha effett indirett aktar pożittiv fid-diversi setturi li huma interkonnessi;

3.  Jindika li, minħabba l-impatt tal-kriżi ekonomika u t-tnaqqis li qed isir fil-baġits tad-difiża tal-Istati Membri fi żmien ta’ sfidi u theddid globali miżjuda, huwa importanti li issa, aktar minn qatt qabel, isir l-aqwa użu possibbli tar-riżorsi billi tittejjeb il-koordinazzjoni, b’mod partikolari dwar il-kapaċitajiet tad-difiża; jenfasizza l-ħtieġa għall-ippjanar minn qabel tal-investiment strateġiku fix-xiri u l-modernizzazzjoni tat-tagħmir mill-Istati Membri;

4.  Jenfasizza li l-Pakkett tad-Difiża mniedi mill-Kummissjoni għandu l-għan li jappoġġja l-kompetittività tas-settur Ewropew tad-difiża u wieħed mill-objettivi tiegħu hu li jillimita l-problemi li jirriżultaw mill-frammentazzjoni tas-suq Ewropew tad-difiża, minn ċerti attitudnijiet protezzjonisti fl-għoti ta’ kuntratti tad-difiża u n-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn is-sistemi ta’ kontroll differenti tal-Istati Membri dwar it-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża;

5.  Jenfasizza li suq uniku tad-difiża jiżgura trasparenza sħiħa u jipprevjeni sforz doppju, li jirriżulta f’distorsjoni fis-suq; jindika li s-suċċess ta’ missjonijiet ta’ paċi u sigurtà tal-PSDK jiddependi fil-biċċa l-kbira mill-kapaċitajiet ta’ reazzjoni rapida u li integrazzjoni akbar hija ta’ importanza fundamentali fl-integrazzjoni tal-proċessi u t-tnaqqis ta’ spejjeż;

6.  Jindika li t-tlestija ta’ suq Ewropew tad-difiża teħtieġ bażi industrijali ferm kompetittiva mmexxija mill-innovazzjoni u t-teknoloġija li tista’ tiġġenera sinerġiji permezz ta’ kooperazzjoni transkonfinali aktar mill-qrib, u li avvanzi fir-riċerka b’użu doppju huma ta’ importanza fundamentali fil-garanzija tal-indipendenza tagħna u fl-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista, b’mod partikolari ta’ oġġetti kruċjali;

L-użu tar-regoli tas-suq intern sal-potenzjal massimu tagħhom

7.  Jistieden lill-Kummissjoni, bil-ħsieb li ttejjeb l-effikaċja tal-missjonijiet tal-PSDK, iġġib ir-regoli finanzjarji li jirregolaw il-baġit ġenerali tal-UE konformi mad-dispożizzjonijiet tal-akkwist pubbliku ġdid u d-Direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti, b’mod partikolari rigward il-missjonijiet tal-PSDK, bil-ħsieb li tiġi żgurata implimentazzjoni rapida u flessibbli tal-operazzjonijiet ċivili;

8.  Jinnota li biex jissaħħu l-innovazzjoni teknoloġika u d-difiża Ewropej u jkun hemm iffrankar sostanzjali, l-Ewropa teħtieġ tibni ekonomiji ta’ skala u jkollha suq komuni tal-UE għall-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża, ukoll bil-ħsieb li titrawwem industrija Ewropea tad-difiża moderna, integrata u kompetittiva; jenfasizza li r-regoli tas-suq intern għandhom jintużaw sal-potenzjal sħiħ tagħhom biex jegħelbu l-frammentazzjoni kontinwa tas-settur Ewropew tad-difiża u tas-sigurtà, u dan iwassal għal duplikazzjoni tal-programmi ta’ tagħmir tad-difiża u nuqqas ta’ trasparenza rigward ir-relazzjonijiet bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali tad-difiża u l-industrija tad-difiża, permezz ta’ aktar kooperazzjoni transkonfinali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jneħħu r-regoli nazzjonali li ma jikkonformawx mad-Direttivi 2009/43/KE u 2009/81/KE u li qegħdin jostakolaw is-suq intern għall-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża, u biex jimplimentaw u jinfurzaw b’mod korrett id-Direttiva 2009/81/KE dwar l-akkwist pubbliku fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà ta’ natura sensittiva u d-Direttiva 2009/43/KE dwar it-trasferiment ta’ prodotti relatati mad-difiża; jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi speċifiċi biex tiżgura li d-Direttivi jiġu applikati b’mod xieraq u tivverifika u timmonitorja l-proċeduri ta’ traspożizzjoni nazzjonali sabiex tiżgura li ma jirriżultawx f’distorsjoni fis-suq;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni, bil-ħsieb li jsir l-aqwa użu possibbli tar-riżorsi, tħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu akkwisti konġunti permezz ta’ korpi tal-akkwist ċentrali bħall-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), kif previst fid-Direttiva 2009/81/KE;

10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha sabiex jinkisbu kundizzjonijiet ekwi fis-swieq Ewropej tad-difiża sabiex jiġu miġġielda l-prattiki protezzjonisti mill-Istati Membri billi tiġi promossa l-kooperazzjoni transkonfinali u aċċess aħjar għall-ktajjen tal-provvista tal-industrija tad-difiża u billi jittieħdu passi biex tiġi fi tmiemha s-sitwazzjoni fejn xi Stati Membri jaġixxu biss bħala fornituri u oħrajn jaġixxu biss bħala xerrejja għat-teknoloġija tad-difiża; jemmen, f’dan ir-rigward, li l-użu tal-esklużjonijiet kif iddikjarat fid-Direttiva 2009/81/KE għandu jkun ġustifikat kif meħtieġ; jistieden lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament dwar l-effetti ta’ seba’ settijiet ta’ Noti ta’ Gwida (Kamp ta’ Applikazzjoni, Esklużjonijiet, R&Ż, Sigurtà tal-Provvista, Sigurtà tal-Informazzjoni, Sottokuntrattar, Tpaċijiet) li diġà ġew ippubblikati u jinnota li l-Kummissjoni tippjana li toħroġ tnejn oħra fl-2015; jemmen li dawn in-noti jikkostitwixxu l-opportunità perfetta għall-Kummissjoni biex tistabbilixxi djalogu mal-Istati Membri dwar suġġetti li qatt ma ġew indirizzati b’mod strutturat u miftuħ, u jitlob informazzjoni dwar l-eżitu ta’ tali djalogu mal-Istati Membri;

11. Jinnota li, fil-formulazzjoni attwali tiegħu u fil-prattika, l-Artikolu 346 tat-TFUE xorta joffri lill-Istati Membri ammont kbir ta’ marġini ta’ diskrezzjoni f’dak li jirrigwardja r-rikors għall-applikazzjoni tiegħu u b’hekk jidderoga milli japplikaw il-liġijiet tal-UE dwar l-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża f’kuntratti tad-difiża; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex b’mod effikaċi u korrett japplikaw l-Artikolu 346 tat-TFUE b’mod li huwa konsistenti mar-rekwiżiti stabbiliti fir-regoli tal-UE, id-Direttivi tas-Suq Intern u r-regoli tal-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża; ifakkar li, skont il-każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-miżuri taħt l-Artikolu 346 għandhom ikunu limitati għal każijiet ta’ eċċezzjoni u definiti b’mod ċar, u ma għandhomx jaqbżu l-limiti ta’ tali każijiet; iwissi li l-użu skorrett tad-deroga mir-regoli tas-Suq Uniku jdgħajjef b’mod attiv il-kompetizzjoni tal-UE, jillimita t-trasparenza, jiffaċilita l-korruzzjoni u b’hekk jagħmel ħsara lit-twaqqif ta’ suq tad-difiża tal-UE, u huwa detrimentali għal EDTIB li jiffunzjona u għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet militari kredibbli;

12. Jinnota li, fit-terminu twil, l-eliminazzjoni gradwali sħiħa tat-tpaċijiet se tikkontribwixxi għal funzjonament aħjar tas-suq intern fis-settur Ewropew tad-difiża; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tkompli tissorvelja li l-Istati Membri qegħdin jeliminaw b’mod gradwali t-tpaċijiet mhux ġustifikati kif meħtieġ fuq il-bażi tal-Artikolu 346 tat-Trattat; iqis dan bħala indispensabbli biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel u t-trasparenza tas-suq intern fis-settur Ewropew tad-difiża u kundizzjonijiet ekwi għall-fornituri kollha, b’mod partikolari l-SMEs;

13. Ifakkar li l-ftehimiet qafas, is-sottokuntrattar u t-tqassim f’lottijiet għandhom ikunu mezz kif ktajjen ta’ provvista stabbiliti jinfetħu għall-benefiċċju tal-SMEs; jirrimarka, madankollu, li l-prinċipji ta’ trasparenza fil-katina tas-sottokuntrattar u ta’ responsabbiltà konġunta għandhom jiġu garantiti; jistieden lill-Istati Membri, lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u lill-Kummissjoni jaħdmu flimkien, kif ukoll ma’ kuntratturi prinċipali, sabiex ikun żgurat li l-SMEs huma kompletament familjari mad-diversi stadji fil-katina tal-valur, peress li dan se jgħinhom jikkonsolidaw u jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għall-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża u biex jiġġieldu l-iżvilupp ġeografikament żbilanċjat tal-bażi teknoloġika u tad-difiża Ewropea;

14. Jinnota li l-adozzjoni, min-naħa tal-industrija, tal-istrumenti ewlenin tad-Direttiva dwar it-Trasferiment tad-Difiża, b’mod speċifiku l-liċenzji ġenerali u ċ-ċertifikazzjoni ta’ kumpaniji tad-difiża, tibqa’ limitata ħafna, u li hemm lakuni fil-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri biex jiżguraw miżuri ta’ kontroll xierqa biex jiġi evitat ksur tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-liċenzji ta’ trasferiment; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-użu effikaċi ta’ dawn l-istrumenti fil-prattika u, għalhekk, jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Grupp ta’ Ħidma mal-Istati Membri dwar l-armonizzazzjoni tad-Direttiva tat-Trasferimenti Intra-UE;

15. Jirrikonoxxi l-Pjan Direzzjonali tal-Komunikazzjoni tal-2014 intitolat "Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u aktar effiċjenti" u l-impenn li ħadet il-Kummissjoni f’dan id-dokument biex tinvestiga kif l-impatt avvers tat-tpaċijiet meħtieġa minn pajjiżi terzi jistgħu jittaffew u dwar l-impatt tat-tpaċijiet fuq is-suq intern u l-industrija Ewropea, filwaqt li tenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni fil-ħin tiegħu u t-teħid ta’ miżuri addizzjonali kif meħtieġ; jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-Kummissjoni biex tipprovdi gwida prattika għall-SMEs bl-użu ta’ fondi Ewropej fi proġetti b’użu doppju;

16. Ifakkar li l-Istati Membri, b’mod urġenti, jeħtieġ itejbu t-trasparenza tal-prattiki relatati mal-akkwist fis-settur tad-difiża fil-konfront tal-Kummissjoni u l-aġenziji tal-UE; jenfasizza li l-proċeduri speċifiċi ta’ akkwist bħall-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt għandhom ikunu limitati għal każijiet eċċezzjonali u ġġustifikati biss permezz ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali marbuta mad-difiża u s-sigurtà, b’konformità mad-Direttiva 2009/81/KE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura monitoraġġ xieraq biex tippermetti rappurtar komprensiv, fir-rigward taż-żewġ Direttivi, lill-Parlament u l-Kunsill fl-2016 kif skedat;

17. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra tippublika mill-aktar fis possibbli l-Green Paper tagħha dwar il-kontroll ta’ assi, inizjalment skedata għal tmiem l-2014, skont il-Pjan Direzzjonali tagħha għall-2014, u biex twettaq analiżi xierqa u komprensiva tal-impatti tal-implimentazzjoni tal-Pakkett tad-Difiża, inkluż konsultazzjoni mal-assoċjazzjonijiet tal-industriji tad-difiża, l-Istati Membri, l-EDA u partijiet interessati rilevanti oħrajn, inklużi l-organizzazzjonijiet attivi fil-prevenzjoni ta’ konflitt, il-paċi u s-sigurtà;

18. Ifakkar fl-importanza ta’ kontrolli regolari fuq it-tagħmir tad-difiża u s-sigurtà mill-awtoritajiet superviżorji rilevanti, inkluż kontrolli fuq kontabilità xierqa;

19. Jenfasizza li l-kooperazzjoni bejn sħab strateġiċi hija essenzjali għas-sigurtà tal-provvista Ewropea u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża meta jinnegozjaw ftehimiet ta’ kummerċ internazzjonali;

Eżami tal-pakkett dwar l-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża

20. Jistieden lill-Kummissjoni biex fir-rapporti ta’ implimentazzjoni tagħha lill-Parlament u l-Kunsill dwar id-Direttivi 2009/81/KE u 2009/43/KE fl-2016, tevalwa bir-reqqa jekk u sa liema punt id-dispożizzjonijiet tagħhom ġew infurzati b’mod korrett u jekk l-objettivi ġewx milħuqa, u biex toħroġ bi proposti leġiżlattivi jekk is-sejbiet tar-rapport jippuntaw lejn din id-direzzjoni;

21. Jisħaq fuq il-fatt li għandhom jiġu introdotti aktar obbligi speċjali ta’ rappurtar għall-Istati Membri, flimkien ma’ provvediment għal salvagwardji xierqa ta’ kunfidenzjalità;

22. Ifakkar li l-iskop tal-modernizzazzjoni tar-regoli tal-akkwist pubbliku tal-UE kif stabbiliti fid-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE, adottati fl-2014, huwa li tiġi żgurata t-trasparenza fil-katina tas-sottokuntrattar u l-konformità mal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol; jirrimarka li d-Direttivi l-ġodda joffru opportunitajiet għal proċeduri aktar simplifikati, bħall-użu tal-akkwist elettroniku, l-aggregazzjoni tad-domanda u l-użu tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża, li jistgħu jiġu magħmula apposta għall-ispeċifiċitajiet tas-settur tad-difiża u s-sigurtà;

23. Jitlob, bil-ħsieb li tinbena industrija Ewropea innovattiva u kompetittiva u li jsir l-aħjar użu possibbli tal-baġits tas-sigurtà u tad-difiża, biex il-proċedura ġdida ta’ "sħubija għall-innovazzjoni" tiġi introdotta fl-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża, li tippermetti lill-awtoritajiet kontraenti jistabbilixxu din il-proċedura għall-iżvilupp u l-akkwisti sussegwenti ta’ prodotti ġodda u innovattivi, servizzi jew xogħlijiet, jipprovdu l-inċentivi meħtieġa tas-suq u jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi mingħajr ma jingħalaq is-suq;

24. Jenfasizza li waqt il-proċeduri ta’ akkwist għat-tagħmir tad-difiża u s-sigurtà jrid jitqies l-iżgurar tal-protezzjoni u s-sigurtà massima tal-popolazzjoni ċivili;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.4.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

6

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Dita Charanzová, Sergio Gaetano Cofferati, Daniel Dalton, Nicola Danti, Pascal Durand, Vicky Ford, Ildikó Gáll-Pelcz, Evelyne Gebhardt, Maria Grapini, Antanas Guoga, Sergio Gutiérrez Prieto, Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Liisa Jaakonsaari, Philippe Juvin, Antonio López-Istúriz White, Marlene Mizzi, Eva Paunova, Jiří Pospíšil, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Olga Sehnalová, Ivan Štefanec, Catherine Stihler, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Mylène Troszczynski, Anneleen Van Bossuyt

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, Cristian-Silviu Bușoi, Birgit Collin-Langen, Dawid Bohdan Jackiewicz, Julia Reda, Ulrike Trebesius, Ulla Tørnæs

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Andor Deli


OPINJONI TAL-MINORANZA

dwar l-impatt tal-iżviluppi fis-swieq Ewropej tad-difiża fuq il-kapaċitajiet ta’ sigurtà u difiża fl-Ewropa

Kumitat għall-Affarijiet Barranin, Rapporteur: Ana Gomes

Opinjoni tal-Minoranza mressqa mill-MPE tal-Grupp GUE/NGL Sabine Lösing, Takis Hadjigeorgiou, Sofia Sakorafa, Pablo Iglesias

Ir-rapport jassumi li t-tisħiħ tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) huwa ta’ importanza ewlenija sabiex l-Ewropa “tiżgura s-sigurtà taċ-ċittadini tagħha, tħares il-valuri tagħha u tippromwovi l-interessi tagħha” f’konformità mal-objettivi tat-Trattat u biex tissodisfa r-responsabilitajiet tagħha bħala dik li tipprovdi s-sigurtà; Għaldaqstant, tappoġġja diversi miżuri għall-konsolidazzjoni tas-settur tad-difiża Ewropew li, meħudin flimkien, se jirriżultaw fil-ħolqien ta’ Kumpless Militari Industrijali (MIC).

Aħna kontra r-rapport peress li:

•   ma jirriflettix ir-rwol negattiv u li qiegħed jikber tal-UE rigward il-konflitti militari attwali;

•   jassumi li l-baġits għad-difiża huma sottofinanzjati waqt li l-ispejjeż militari tal-Istati Membri għadhom fuq livell għoli;

•   jitlob il-ħolqien ta’ MIC peress li hemm ħtieġa għat-tisħiħ ta’ EDTIB b’saħħtu u awtonomu;

•   jitlob il-konsolidazzjoni tas-settur tad-difiża - li huwa ferm korrott u nieqes mit-trasparenza - permezz tal-iżvilupp ta’ suq Ewropew għat-tagħmir u s-servizzi ta’ difiża;

•   jippromwovi li l-kooperazzjoni u l-ippuljar u l-kondiviżjoni tal-inizjattivi jingħataw prijorità" kif ukoll inċentiv fiskali biex jitrawmu dawn l-objettivi;

•   jiffavorixxi l-opportunitajiet ta’ finanzjament Ewropej għal proġetti relatati mad-difiża u li l-industriji tad-difiża japplikaw għal finanzjament mill-UE skont l-Orizzont 2020.

Aħna nitolbu:

-    diżarmament u trasferiment ta’ fondi mill-baġits militari għal dawk soċjali u għall-iżvilupp;

-    l-iżgurar li ma jkunx hemm finanzjament militari jew ta’ użu duwali mill-baġit tal-UE;

-    projbizzjoni totali tal-esportazzjoni tal-armi;

-       il-konversjoni tal-manifatturi tal-armi f’kumpaniji ċivili.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

4.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

4

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Bas Belder, Klaus Buchner, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Aymeric Chauprade, Arnaud Danjean, Mark Demesmaeker, Georgios Epitideios, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Eduard Kukan, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Ioan Mircea Pașcu, Tonino Picula, Kati Piri, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Jaromír Štětina, Charles Tannock, Johannes Cornelis van Baalen

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Reinhard Bütikofer, Neena Gill, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Liisa Jaakonsaari, Anneli Jäätteenmäki, Marek Jurek, Antonio López-Istúriz White, Urmas Paet, Gilles Pargneaux, Soraya Post, Marietje Schaake, Jean-Luc Schaffhauser, István Ujhelyi, Traian Ungureanu, Paavo Väyrynen, Janusz Zemke

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Victor Boștinaru

Avviż legali