Proċedura : 2014/2231(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0177/2015

Testi mressqa :

A8-0177/2015

Dibattiti :

PV 09/07/2015 - 11
CRE 09/07/2015 - 11

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2015 - 12.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0274

RAPPORT     
PDF 197kWORD 241k
2.6.2015
PE 544.402v02-00 A8-0177/2015

dwar l-approċċ il-ġdid tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija – evalwazzjoni tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED) mindu ġie stabbilit

(2014/2231(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Andrzej Grzyb

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-approċċ il-ġdid tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija - evalwazzjoni tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED) mindu ġie stabbilit

(2014/2231(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6, 8 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2012 lill-Kunsill dwar il-modalitajiet għall-istabbiliment possibbli tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija (minn hawn 'il quddiem "EED")(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2011 dwar il-politiki esterni tal-UE favur id-Demokratizzazzjoni(2),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar strateġija dwar il-Libertà Diġitali fil-Politika Barranija tal-UE(3),

–       wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2013, adottat mill-Kunsill fit-23 ta' Ġunju 2014,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2013 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(4),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna(5),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 235/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja(6),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Mejju 2009 bit-titolu "Appoġġ għall-Governanza Demokratika – Lejn titjib tal-qafas tal-UE"(7),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2009 dwar l-Appoġġ għad-Demokrazija fil-kuntest tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE(8),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2010 li fihom ir-rapport ta' progress tal-2010 u lista ta' pajjiżi pilota proposti(9),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2011 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat(10),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar il-Fond Ewropew għad-Demokrazija(11),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2012 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija(12) u l-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, adottati mill-Kunsill fil-25 ta' Ġunju 2012(13),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-31 ta' Jannar 2013 dwar l-Appoġġ tal-UE għat-Tibdil Sostenibbli f'Soċjetajiet fi Tranżizzjoni(14),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2015 bit-titolu "Lejn Politika Ewropea tal-Viċinat ġdida" (JOIN(2015)0006),

–       wara li kkunsidra r-Rieżami tal-2013 tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna(15),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni tal-25 ta' Mejju 2011 bit-titolu "Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni: Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat" (COM(2011)0303),

–       wara li kkunsidra l-ittra ta' appoġġ għall-istabbiliment tal-EED, indirizzata lill-President tal-Parlament Ewropew ta' dak li dak iż-żmien, Jerzy Buzek, u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ta' dak iż-żmien, Catherine Ashton, tal-25 ta' Novembru 2011,

–       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tal-EED tat-3 ta' Diċembru 2014 biex jitneħħew il-limitazzjonijiet ġeografiċi inizjali tal-EED,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 u l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0177/2015),

A.     billi l-promozzjoni tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tar-rispett lejn l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll l-appoġġ għalihom, huma fost l-objettivi ewlenin tal-politika barranija tal-UE, kif minquxa fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

B.     billi l-UE tqis li l-prinċipju ta' sjieda tal-proċessi tal-konsolidament tad-demokrazija bħala kruċjali biex titrawwem kultura realment demokratika;

C.     billi għadd kbir ta' Stati Membri temmew b'suċċess proċess ta' trasformazzjoni demokratika tas-soċjetà matul dawn l-aħħar għexieren ta' snin, u akkumulaw esperjenza estensiva f'dan il-qasam li tista' tkun rilevanti għall-attivitajiet tal-EED u li tista' u għandha tintuża fil-livell politiku u espert għall-ħidma tal-EED;

D.     billi l-avvenimenti tar-Rebbiegħa Għarbija u fil-viċinat tal-Lvant ġabu magħhom ridefinizzjoni tal-istrumenti politiċi tal-UE għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-appoġġ tad-demokrazija;

E.     billi f'għadd ta' pajjiżi fejn jopera l-EED, l-ispazju għal azzjoni leġittima tas-soċjetà ċivili u finanzjament estern għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qiegħed jiċkien minħabba r-rikors min-naħa tar-reġimi awtoritarji għal mezzi dejjem aktar sofistikati, inkluża leġiżlazzjoni, biex jirrestrinġu l-ħidma tal-NGOs u atturi prodemokratiċi, inkluż il-benefiċjarji tal-EED;

F.     billi f'dawn l-aħħar snin il-pajjiżi fil-viċinat tal-UE ħabbtu wiċċhom ma' għadd sinifikanti ta' sfidi politiċi, ta' sigurtà u ekonomiċi li poġġew taħt pressjoni serja l-isforzi ta' demokratizzazzjoni u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

G.     billi hemm il-ħtieġa li jiġi promoss l-għoti ta' informazzjoni objettiva u indipendenti u li jissaħħaħ l-ambjent tal-midja, inkluż l-internet u l-midja soċjali, f'pajjiżi li fihom jopera l-EED, permezz tal-protezzjoni tal-libertà tal-midja u l-libertà ta' espressjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' ċensura politika u soċjali; billi hemm ukoll il-ħtieġa għal appoġġ għall-isforzi ta' demokratizzazzjoni f'dawk il-pajjiżi, inkluż il-konsolidament tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

H.     billi l-ħolqien tal-EED, flimkien ma' programmi oħra tal-UE bħall-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) u l-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) tal-Faċilità għas-Soċjetà Ċivili, jikkumplementa l-approċċ tradizzjonali iċċentrat fuq l-Istat b'perspettiva estremament meħtieġa, aktar ibbilanċjata, fit-tul u ċċentrata fuq is-soċjetà, b'enfasi fuq l-impenn dirett mal-movimenti tal-bażi lokali u reġjonali u l-atturi politiċi demokratiċi;

I.      billi l-valutazzjoni tal-impatt tal-attivitajiet tal-assistenza għad-demokrazija, bħal dawk imwettqa mill-EED, tibqa' kompitu minnu nnifsu diffiċli, b'mod partikolari minħabba n-natura mhux lineari fit-tul tat-trasformazzjoni politika fil-pajjiżi kkonċernati, kif ukoll minħabba n-natura ta' sikwit kunfidenzjali tal-attivitajiet involuti;

J.      billi t-teknoloġiji l-ġodda tal-informazzjoni u l-midja soċjali saru strumenti importanti fil-ġlieda kontra d-demokrazija u għalhekk għandu jkollhom post prominenti fl-aġenda tal-assistenza għad-demokrazija Ewropea;

K.     billi mid-19 ta' Frar 2015 l-EED ffinanzja 158 inizjattiva, li jammontaw għal EUR 4,5 miljun fil-Viċinat tan-Nofsinhar u 'l fuq minn EUR 4,4 miljun fil-Viċinat tal-Lvant;

L.     billi l-EED jibbenefika minn forma unika ta' kofinanzjament li permezz tiegħu l-baġit amministrattiv huwa fornut mill-Kummissjoni, filwaqt li l-attivitajiet fuq il-post huma ffinanzjati minn kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri u mill-pajjiżi terzi;

*****

Evalwazzjoni ġenerali

1.      Jilqa' r-riżultati pożittivi milħuqa s'issa mill-EED minkejja l-ambjent internazzjonali diffiċli attwali, u jqis li l-EED qiegħed jissodisfa l-objettiv ewlieni tiegħu li "jrawwem u jinkoraġġixxi d-demokratizzazzjoni u d-demokrazija fonda u sostenibbli f'pajjiżi li għaddejjin minn tranżizzjoni politika u f'soċjetajiet li qegħdin jitħabtu favur id-demokratizzazzjoni"(16), inkluż permezz ta' "appoġġ għal min mhuwiex megħjun" permezz tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-promozzjoni ta' djalogu fid-diversità u nonvjolenza, titħeġġeġ il-parteċipazzjoni soċjali u politika u jitħarsu l-attivisti u l-ġurnalisti li, lokalment, jagħmlu l-almu tagħhom biex jiżguraw u jħaffu t-tnedija ta' proċess demokratiku, li jagħmel lill-ġustizzja aktar aċċessibbli;

2.      Jirrikonnoxxi b'sodisfazzjon li minkejja l-perjodu qasir ta' attività u l-fondi limitati, u l-isfidi inerenti fil-valutazzjoni tal-impatt tal-azzjonijiet ta' appoġġ għad-demokrazija, l-EED qiegħed jissodisfa r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament u jagħti valur miżjud lill-appoġġ eżistenti tal-UE għad-demokrazija permezz ta' finanzjament aktar veloċi, flessibbli, minn isfel għal fuq u mmexxi mid-domanda mogħti direttament lill-benefiċjarji b'mod finanzjarjament effiċjenti li jikkomplementa mezzi oħra tal-UE, minħabba piż amministrattiv baxx u proċeduri sempliċi stabbiliti għall-EED mill-Bord tiegħu;

3.      Huwa tal-fehma li, bħala modalità ta' appoġġ għad-demokrazija, l-EED ilu jgħin biex jonqos ir-riskju kemm politiku kif ukoll personali;

4.      Jenfasizza l-appoġġ sħiħ u kontinwu tiegħu għall-isforzi tal-UE li għandhom aktar minn element wieħed li jappoġġaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-movimenti soċjali u l-attivisti tad-dinja kollha; itenni l-importanza li tiġi evitata d-duplikazzjoni u li tkompli tiġi żgurata l-komplementarjetà tal-attivitajiet tal-EED ma' strumenti finanzjarji esterni tal-UE eżistenti, b'mod speċjali l-EIDHR u l-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI), peress li kollha kemm huma għandhom l-għan li jippromovu prinċipji demokratiċi u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-viċinat tal-UE;

5.      Jilqa' l-involviment konsistenti tal-EED favur il-libertà ta' espressjoni u assoċjazzjoni, il-libertà tal-midja, il-bini u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u l-pluraliżmu soċjali u politiku, impenn li huwa maħsub biex jappoġġa l-iżvilupp ta' reġimi demokratiċi kemm fil-viċinat tal-Lvant kif ukoll f'dak tan-Nofsinhar;

6.      Huwa tal-fehma li l-inizjattivi li ħa l-EED taw prova tal-kapaċità unika tiegħu li jgħaqqad jew jimla l-lakuni f'każijiet fejn kien impossibbli li jinkiseb finanzjament minn Stati Membri tal-UE jew pajjiżi li mhumiex fl-UE;

7.      Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżviluppaw approċċ olistiku biex jappoġġaw it-tranżizzjoni politika u d-demokratizzazzjoni fil-pajjiżi terzi, li jinkludi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-promozzjoni tal-ġustizzja, it-trasparenza, is-sens ta' responsabilità, ir-rikonċiljazzjoni, l-istat tad-dritt u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi, inkluż korpi leġiżlattivi;

Finanzjament

8.      Jistieden lill-partijiet fundaturi tal-EED, b'mod speċjali lill-Istati Membri kollha u l-Kummissjoni, biex jikkontribwixxu, jew iżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom, għall-EED f'konformità mal-impenji li daħlu għalihom;

9.      Ifakkar li, sas-26 ta' April 2015, dawn il-pajjiżi wiegħdu u kkontribwixxew għall-EED: il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja, l-Iżvezja u l-Iżvizzera, filwaqt li t-12-il Stat Membru l-oħra għadhom m'għamlux dan;

10.    Jenfasizza li, sabiex l-effikaċja tal-EED tiġi sostnuta u żviluppata aktar, huwa importanti li jiġi żgurat finanzjament fit-tul, suffiċjenti, stabbli, trasparenti u prevedibbli;

11.    Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir jikkunsidraw il-valur miżjud tal-EED matul ir-rieżami li għadu kemm tnieda tal-PEV, u jirriflettu fuq modi kif jipprovdu finanzjament sostenibbli lill-EED;

12.    Jistieden lill-Belġju li tal-inqas jivvaluta il-possibbiltà li jirritorna parti mid-dħul mit-taxxa jew id-dħul mit-taxxa kollu li rċieva mill-EED u l-impjegati tiegħu, f'forma ta' finanzjament għall-proġetti tal-EED; ifakkar li l-EED jaħdem bħala fondazzjoni privata skont id-dritt Belġjan;

13.    Jilqa' l-kontributi finanzjarji mit-Tramuntana, mill-Ewropa ċentrali u minn xi Stati Membri tan-Nofsinhar; jistieden lill-bqija tal-Istati Membri tan-Nofsinhar, li xi wħud minnhom għandhom rabtiet storiċi, ekonomiċi jew kulturali partikolarment mill-qrib mal-viċinat tan-Nofsinhar, jagħmlu sforz partikolari biex jikkontribwixxu għall-EED permezz ta' finanzjament jew sekondar;

14.    Jilqa' l-kontributi finanzjarji li l-EED rċieva mis-sħab tal-UE bħall-Iżvizzera u l-Kanada; iħeġġeġ lill-Istati l-oħra, b'mod speċjali lill-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA), jappoġġaw lill-EED;

15.    Jistieden lid-donaturi kollha tal-EED jiżguraw awtonomija sħiħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-EED fl-għażla tal-benefiċjarji abbażi tal-pjan ta' ħidma approvat mill-Bord tal-Gvernaturi, u jappella għat-tmiem ta' allokazzjoni ta' fondi mid-donaturi għal pajjiżi jew proġetti partikolari;

Kapaċità tar-riżorsi umani

16.    Jappella għat-tisħiħ tal-kapaċità tas-segretarjat tal-EED, li jkun rifless f'riżorsi umani adegwati li jippermettu lill-EED ilaħħaq mal-kompiti l-ġodda tiegħu;

17.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu segwitu għall-interess li esprimew fl-issekondar ta' esperti nazzjonali għas-segretarjat tal-EED;

Espansjoni ġeografika tal-mandat tal-EED u bilanċ Lvant-Nofsinhar

18.    Jilqa' t-tneħħija tal-limitazzjoni ġeografika inizjali tal-EED, kif adottata fil-laqgħa tal-Bord tal-Gvernaturi fit-3 ta' Diċembru 2014;

19.    Ifaħħar lill-EED talli żamm bilanċ ġeografiku fil-finanzjament tal-proġetti tiegħu bejn il-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar;

Għotjiet u benefiċjarji

20.    Iqis li huwa kruċjali li jiġi żgurat finanzjament sostenibbli lill-benefiċjarji tal-EED fuq medda twila billi jissaħħu r-rabtiet komplementari ma' donaturi bilaterali oħra u ma' strumenti Ewropej ta' finanzjament estern, b'mod partikolari l-EIDHR, li – fejn xieraq – jistgħu jieħdu appoġġ finanzjarju għal perjodu medju għal benefiċjarji "maturi" tal-EED, u għal dan l-għan:

(a) jistieden lill-EED u lill-Kummissjoni jistabbilixxu grupp ta' kuntatt bil-għan li jiġi identifikat l-aħjar mod kif benefiċjarji tal-EED jimxu għal appoġġ finanzjarju tal-EIDHR; u

(b) jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jressqu proposti speċifiċi għal mekkaniżmi intiżi li jipprogrammaw l-interfaċċja u l-kooperazzjoni mal-EED, sabiex tkun żgurata l-koerenza u s-sostenibbiltà fuq perjodu itwal;

21.    Jistieden lill-EED jkompli jimpenja ruħu b'mod attiv f'pajjiżi fejn l-ispazju għal appoġġ estern lis-soċjetà ċivili huwa mxekkel b'mod serju jew fejn il-finanzjament mill-Istat huwa diskriminatorju u riservat biss għal ċerti organizzazzjonijiet jew soċjetajiet ċivili; jappoġġa l-isforzi tal-EED li jeżaminaw mezzi innovattivi għall-appoġġ ta' aġenti għal bidla, b'mod partikolari f'ambjent politiku diffiċli;

22.    Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Bord ikompli jappoġġa lill-attivisti politiċi demokratiċi u jipprovdi finanzjament għal proċessi politiċi inklużivi; huwa tal-fehma li l-EED għandu jimpenja ruħu ma' u jappoġġa l-ħolqien u l-konsolidament tal-partiti politiċi b'impenn ċar favur il-prinċipji demokratiċi, fi sħubija mal-fondazzjonijiet politiċi eżistenti kull meta jkun possibbli;

23.    Jilqa' l-Linji gwida tal-EED dwar il-Monitoraġġ u l-Evalwazzjoni; jisħaq, madankollu, li l-implimentazzjoni ta' dawn il-linji gwida għandha tkun proporzjonata mad-daqs u l-kapaċità tar-riżorsi umani tal-EED;

24.    Iħeġġeġ lill-EED jkompli jirreaġixxi għal teknoloġiji ġodda billi jintegra l-appoġġ għat-teknoloġija fl-għotjiet tiegħu;

25.    Jilqa' l-għotjiet tal-EED offruti lill-atturi Ukreni, li huma ta' eżempju tajjeb ta' appoġġ rapidu lill-attivisti politiċi u ċiviċi li wara jsiru rappreżentanti eletti demokratikament; jilqa' l-appoġġ offrut mill-EED lill-attivisti kollha favur id-demokrazija fil-viċinat tal-UE, li huwa maħsub li jsostni l-iżvilupp ta' reġimi demokratiċi konsolidati;

26.    Jilqa' l-għotjiet tal-EED offruti lill-attivisti fi wħud mill-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar, billi dawn juru l-valur miżjud tax-xogħol tal-EED favur id-demokrazija b'mod partikolari f'ambjenti ostili;

27.    Iħeġġeġ bil-qawwa lill-EED jpoġġi enfasi aktar b'saħħitha fuq il-gruppi soċjalment esklużi jew politikament emarġinati, billi jappoġġa, fost oħrajn, lill-movimenti tan-nisa bl-għan li jippromwovi d-drittijiet tan-nisa u jżid il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja pubblika, lill-minoranzi etniċi u lingwistiċi, lill-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem ta' persuni LGBTI, lill-minoranzi reliġjużi ppersegwitati u lill-attivisti ċiviċi marbuta ma' komunitajiet reliġjużi, flimkien ma' movimenti tal-bażi, movimenti vulnerabbli jew politiċi emerġenti, trade unions, bloggers u attivisti ta' midja ġdida;

28.    Jistieden lill-EED jiżviluppa, jekk u meta rilevanti, kooperazzjoni ma' gruppi ta' attivisti ċiviċi marbuta ma' komunitajiet reliġjużi, inklużi minoranzi reliġjużi ppersegwitati; ifakkar li l-knisja żvolġiet rwol kruċjali fl-oppożizzjoni għar-reġimi komunisti u fil-proċessi ta' trasformazzjoni demokratika fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant;

29.    Iħeġġeġ lill-EED jintensifika l-appoġġ tiegħu għal mexxejja żgħażagħ emerġenti u lir-rappreżentanti nisa, żgħażagħ jew ta' minoranzi, li għadhom kemm ġew eletti f'pajjiżi li jinsabu fi tranżizzjoni politika;

30.    Jistieden lill-Istati Membri jkomplu jipprovdu għajnuna finanzjarja lill-midja u lis-soċjetà ċivili Russa permezz tal-EED; jirrimarka li żviluppi reċenti bħar-restrizzjonijiet imposti fuq organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ir-repressjoni tal-oppoziżżjoni politika u kampanji ta' diżinformazzjoni aggressivi mmirati minn midja kkontrollata mill-Istat jidhru li qegħdin iservu l-iskop li deliberatament joħolqu art fertili għal klima politika estremament nazzjonalistika kkaratterizzata minn retorika antidemokratika, repressjoni u diskors ta' inċitament għall-mibegħda;

Kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-EED

31.    Jilqa' l-preżentazzjoni tal-ewwel rapport annwali tal-EED lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, skont l- Artikolu 8(4) tal-Istatuti tal-EED; jenfasizza l-importanza li dan l-eżerċizzju jseħħ fuq bażi annwali, u jenfasizza li din hija opportunità tajba sabiex isir rendikont u jiżviluppaw sinerġiji ġodda;

32.    Jappella għal rabtiet effikaċi bejn l-EED, il-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet (DEG), u l-kumitati parlamentari u d-delegazzjonijiet permanenti rilevanti; iħeġġeġ lill-membri tiegħu jappoġġaw lill-EED u jenfasizzaw il-ħidma tiegħu f'interventi rilevanti u matul żjarat f'pajjiżi terzi minn delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew, inkluż laqgħat mal-benefiċjarji;

33.    Jappella għall-iżvilupp ta' aktar kooperazzjoni bejn l-EED, il-benefiċjarji tiegħu u n-Netwerk tal-Premju Sakharov;

34.    Jistieden lill-EED jiżviluppa aktar il-kooperazzjoni tiegħu mal-Forum tal-Mexxejja Żgħażagħ tal-Parlament;

Koerenza politika u koordinament

35.    Iħeġġeġ kemm lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw koerenza interna u esterna ġenwin fir-rigward tal-isforzi tad-demokrazija u jirrikonoxxu r-rwol tal-EED f'dan ir-rigward;

36.    Iħeġġeġ lid-Delegazzjonijiet tal-UE u lill-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri fil-pajjiżi fejn l-EED huwa attiv sabiex iressqu benefiċjarji potenzjali għall-attenzjoni tal-EED u jinfurmawhom dwar l-EED; iħeġġeġ lill-persunal tal-EED, min-naħa tiegħu, iżomm kuntatt mal-persunal diplomatiku rilevanti tal-UE u tal-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam ma' benefiċjarji potenzjali li ma jistgħux jiġu appoġġati mill-EED, li juri rispett reċiproku lejn is-sensittività tal-informazzjoni u s-sigurtà tal-partijiet kollha;

37.    Iħeġġeġ lid-Delegazzjonijiet tal-UE u lir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri jikkooperaw b'mod strutturat sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess tal-applikazzjoni għal viża għall-benefiċjarji tal-EED li jkunu mistiedna fl-Unjoni Ewropea;

38.    Jilqa' l-isforzi tas-SEAE u tal-Kummissjoni intiżi li jxerrdu informazzjoni dwar l-EED fost il-persunal tagħhom, b'mod partikolari fid-Delegazzjonijiet tal-UE;

39.    Jappella għal laqgħa kull tliet snin tal-Bord tal-Gvernaturi tal-EED fil-livell ministerjali sabiex jirrifletti dwar il-politika tal-UE ta' appoġġ għad-demokrazija u dwar prijoritajiet strateġiċi futuri tal-EED;

Kooperazzjoni ma' atturi oħra ta' appoġġ għad-demokrazija

40.    Jistieden lill-EED jkompli jikkoopera ma' organizzazzjonijiet b'bażi Ewropea bħalma huma l-Kunsill tal-Ewropa, l-IDEA (l-Istitut Internazzjonali għad-Demokrazija u l-Għajnuna Elettorali), u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, skont l-Istatuti tal-EED;

41.    Jistieden lill-EED jrawwem kooperazzjoni ma' atturi ewlenin u organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u nazzjonali attivi fil-qasam ta' għajnuna għad-demokrazija li jew huma bbażati fl-UE jew jaħdmu f'pajjiżi fejn jopera l-EED;

42.    Iħeġġeġ lill-EED jidentifika perkorsi possibbli ta' kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali tas-soċjetà ċivili, inkluż il-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant u l-Fondazzjoni Anna Lindh;

Aktar rakkomandazzjonijiet

43.    Jistieden lill-EED jkompli jiżviluppa mezzi u strumenti ġodda u innovattivi għall-għajnuna għad-demokrazija, inkluż għall-atturi politiċi jew attivisti, u jaqsam l-aħjar prattiki sabiex jaġġusta l-klima li qiegħda tikber ta' restrizzjoni f'għadd ta' pajjiżi b'reġimi awtoritarji, b'mod partikolari fir-rigward ta' midja ġdida u inizjattivi ta' bażi f'dawn il-pajjiżi; jissottolinja l-importanza, f'dan il-kuntest, tal-iżvilupp ta' strateġiji speċifiċi għall-pajjiżi;

44.    Jappella, f'isem l-ispirtu demokratiku tiegħu, sabiex ikun garantit li l-kompożizzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tal-EED tirrappreżenta bis-sħiħ il-gruppi politiċi kollha tiegħu, abbażi tas-sistema d'Hondt, li tiżgura mill-inqas siġġu wieħed għal kull grupp politiku;

45.    Jilqa' s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar il-kisbiet tal-EED s'issa, u jqis li ż-żieda fl-enfasi tal-uniċità u tal-valur miżjud tal-EED u komunikazzjoni dwar is-suġġetti b'mod wiesa' u fuq bażi regolari jżidu l-kapaċità tal-ġbir tal-fondi tal-EED;

***

46.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Fond Ewropew għad-Demokrazija.

(1)

ĠU C 257 E, 6.9.2013, p. 13.

(2)

ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 165.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2012)0470.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2015)0076.

(5)

ĠU L 77, 15.3.2014, p. 95.

(6)

ĠU L 77, 15.3.2014, p. 85.

(7)

http://register.consilium.europa.eu/doc/srv?l=MT&f=ST%209908%202009%20INIT

(8)

http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-111250-2009-INIT/mt/pdf

(9)

https://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/foraff/118433.pdf

(10)

http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/EN/foraff/122917.pdf

(11)

http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/foraff/126505.pdf

(12)

http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/foraff/131171.pdf

(13)

http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/foraff/131181.pdf

(14)

http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/foraff/135130.pdf

(15)

http://eeas.europa.eu/library/publications/2013/3/2013_eeas_review_mt.pdf

(16)

Artikolu 2 tal-Istatuti tal-EED – disponibbli mill-indirizz: https://www.democracyendowment.eu/about-eed/


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

53

6

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Goffredo Maria Bettini, Mario Borghezio, Elmar Brok, Klaus Buchner, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Javier Couso Permuy, Mark Demesmaeker, Georgios Epitideios, Eugen Freund, Michael Gahler, Richard Howitt, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Afzal Khan, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Ryszard Antoni Legutko, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Vincent Peillon, Alojz Peterle, Tonino Picula, Andrej Plenković, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Jacek Saryusz-Wolski, Alyn Smith, Jaromír Štětina, Charles Tannock, Eleni Theocharous, László Tőkés, Ivo Vajgl, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Bodil Ceballos, Ignazio Corrao, Andrzej Grzyb, Marek Jurek, Javi López, Antonio López-Istúriz White, Fernando Maura Barandiarán, Norbert Neuser, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Marietje Schaake, György Schöpflin, István Ujhelyi

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Grapini, Josef Weidenholzer

Avviż legali