Proċedura : 2014/2232(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0178/2015

Testi mressqa :

A8-0178/2015

Dibattiti :

PV 07/09/2015 - 24
CRE 07/09/2015 - 24

Votazzjonijiet :

PV 08/09/2015 - 5.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0288

RAPPORT     
PDF 214kWORD 145k
3.6.2015
PE 549.160v03-00 A8-0178/2015

dwar "Id-drittijiet tal-bniedem u t-teknoloġija: l-impatt ta' sistemi ta' intrużjoni u sorveljanza fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi"'

(2014/2232(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Marietje Schaake

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar "Id-drittijiet tal-bniedem u t-teknoloġija: l-impatt ta' sistemi ta' intrużjoni u sorveljanza fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi"

(2014/2232(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, b'mod partikulari l-Artikolu 19 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, adottat mill-Kunsill fil-25 ta' Ġunju 2012(1),

–       wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Libertà ta' Espressjoni Online u Offline, adottati mill-Kunsill (Affarijiet Barranin) fit-12 ta' Mejju 2014(2),

–       wara li kkunsidra l-"Gwida tas-Settur tal-ICT dwar l-Implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem", ippubblikata mill-Kummissjoni f'Ġunju 2013,

–       wara li kkunsidra r-rapport mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) tal-15 ta' Diċembru 2011 bit-titolu "Il-Libertà tal-Espressjoni fuq l-Internet"(3) u r-rapport regolari tar-Rappreżentant Speċjali tal-OSKE dwar il-Libertà tal-Midja għall-Kunsill Permanenti tal-OSKE tas-27 ta' Novembru 2014(4),

–       wara li kkunsidra r-Rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali waqt il-ġlieda kontra t-terroriżmu, ippreżentat fit-23 ta' Settembru 2014 (A/69/397)(5),

–       wara li kkunsidra r-Rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-30 ta' Ġunju 2014 bit-titolu "Id-dritt għall-privatezza fl-era diġitali"(6),

–       wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU tas-17 ta' April 2013 dwar id-dritt għal-libertà ta' espressjoni u tal-opinjoni (A/HRC/23/40), li janalizza l-implikazzjonijiet tas-sorveljanza tal-istati fuq il-komunikazzjoni fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-bniedem għall-privatezza u għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Legali u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tas-26 ta' Jannar 2015 dwar "Is-Sorveljanza tal-massa"(7),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-programm ta' sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta' sorveljanza f'diversi Stati Membri tal-UE u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u dwar il-kooperazzjoni transatlantika fil-Ġustizzja u l-Intern(8),

–       wara li kkunsidra r-rapport tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi oħrajn tan-negozju, tal-21 ta' Marzu 2011, bit-titolu "Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem: l-Implimentazzjoni tal-Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti 'Ipproteġi, Irrispetta u Rrimedja'"(9),

–       wara li kkunsidra l-linji gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali(10) u r-rapport annwali tal-2014 tal-OECD dwar il-linji gwida għall-Intrapriżi Multinazzjonali(11),

–       wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-2013 tal-Korporazzjoni tal-Internet għal Ismijiet u Numri Assenjati(12),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-12 ta' Frar 2014 bit-titolu "Il-Politika u l-Governanza tal-Internet: Ir-rwol tal-Ewropa fid-definizzjoni tal-futur tal-Governanza tal-Internet"(13),

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni NETmundial tad-Diversi Partijiet Interessati, adottata fl-24 ta' April 2014(14),

–       wara li kkunsidra s-sommarju tal-President tad-disa' Forum dwar il-Governanza tal-Internet li sar f'Istanbul mit-2 sal-5 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-miżuri restrittivi fis-seħħ tal-Unjoni Ewropea , li xi wħud minnhom jinkludu embargi fuq tagħmir tat-telekomunikazzjoni, teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs) u għodod ta' monitoraġġ,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 599/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-tranżitu ta' oġġetti b'użu doppju(15),

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-analiżi tas-sistema ta' kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju tas-16 ta' April 2014(16),

–       wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tad-19-il Laqgħa Plenarja tal-Ftehim ta' Wassenaar dwar il-Kontrolli tal-Esportazzjoni għall-Armi Konvenzjonali u l-Prodotti u t-Teknoloġiji b'Użu Doppju li saret fi Vjenna fit-3 u l-4 ta' Diċembru 2013,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-24 ta' April 2014 bit-titolu "L-analiżi tal-politika ta' kontroll tal-esportazzjoni: niżguraw sigurtà u kompetittività f'dinja li qed tinbidel"(17),

–       wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2014 dwar ir-rieżami tal-politika ta' kontroll tal-esportazzjoni,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar l-Istrateġija dwar il-Libertà Diġitali fil-Politika Barranija tal-UE(18),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar il-libertà tal-istampa u tal-midja fid-dinja(19),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-każijiet urġenti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, li jqajmu tħassib fir-rigward tal-libertajiet diġitali,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2015(20),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Frar 2015 dwar it-tiġdid tal-mandat tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet(21)

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-programm ta' sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta' sorveljanza f'diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE(22),

–         wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2013 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(23),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni bil-miktub ta' Edward Snowden lill-Kumitat LIBE f'Marzu 2014(24),

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u n-negozjati li għaddejjin dwar l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0178/2015),

A.     billi l-iżviluppi teknoloġiċi u l-aċċess għall-internet miftuħ għandhom rwol importanti sabiex ikun possibbli u jiġi żgurat it-twettiq kif ukoll ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ikollhom effett pożittiv billi jwessgħu l-ambitu tal-libertà ta' espressjoni, l-aċċess għall-informazzjoni, id-dritt għall-privatezza u l-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni madwar id-dinja;

B.     billi s-sistemi teknoloġiċi jistgħu jintużaw ħażin bħala għodda għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta' ċensura, sorveljanza, aċċess mhux awtorizzat għat-tagħmir, imblukkar, interċettazzjoni, monitoraġġ u lokalizzazzjoni ta' informazzjoni u individwi;

C.     billi dan huwa magħmul minn atturi pubbliċi u privati, inklużi l-gvernijiet u korpi ta' infurzar tal-liġi kif ukoll minn netwerks ta' organizzazzjonijiet kriminali u terroristiċi, biex jiksru d-drittijiet tal-bniedem;

D.     billi l-kuntest li fih l-ICTs huma ddisinjati u jintużaw jiddetermina, fil-biċċa l-kbira, l-impatt li jista' jkollhom bħala forza li tavvanza – jew tikser – id-drittijiet tal-bniedem; billi t-teknoloġija tal-informatika, b'mod speċjali s-softwer, rari tkun b'użu uniku u normalment tkun b'użu doppju f'dak li għandu x'jaqsam mal-potenzjal tagħha li tikser id-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li s-softwar huwa wkoll forma ta' espressjoni;

E.     billi l-ICTs huma strumenti ewlenin li jgħinu lin-nies jorganizzaw movimenti soċjali u protesti f'diversi pajjiżi, b'mod speċjalment f'pajjiżi b'reġimi awtoritarji;

F.     billi l-valutazzjoni tal-implikazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem tal-kuntest li fih se jintużaw teknoloġiji hija ddeterminata mill-qawwa tal-oqfsa legali nazzjonali u reġjonali li jirregolaw l-użu tat-teknoloġiji u l-abbiltà tal-istituzzjonijiet politiċi u ġudizzjarji li jissorveljaw tali użu;

G.     billi fil-qasam diġitali, atturi privati għandhom rwol dejjem aktar sinifikanti fl-isferi kollha tal-attivitajiet soċjali, iżda għad m'hemmx fis-seħħ salvagwardji li jwaqqfuhom milli jimponu restrizzjonijiet eċċessivi fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; billi, minħabba f'hekk, l-atturi privati għandhom rwol aktar attiv fil-valutazzjoni tal-legalità tal-kontenut u fl-iżvilupp ta' sistemi ta' ċibersigurtà u ta' sistemi ta' sorveljanza, li jista' jkollhom impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha;

H.     billi l-internet jirrappreżenta rivoluzzjoni fil-possibbiltajiet li joffri għal skambju ta' data, informazzjoni u għarfien ta' kull tip;

I.      billi l-kriptaġġ huwa metodu importanti li jgħin biex tiġi żgurata l-komunikazzjoni u l-persuni li jagħmlu użu minnha;

J.      billi l-governanza tal-internet ibbenefikat minn mudell deċiżjonali li jinkludi diversi partijiet interessati, proċess li jiżgura parteċipazzjoni sinifikanti, inklussiva u responsabbli tal-partijiet interessati kollha, inklużi l-gvernijiet, is-soċjetà ċivili, il-komunitajiet tekniċi u akkademiċi, is-settur privat u l-utenti;

K.     billi l-aġenziji tal-intelliġenza b'mod sistematiku mminaw il-protokolli u l-prodotti kriptografiċi sabiex ikunu jistgħu jinterċettaw il-komunikazzjonijiet u d-data; billi l-Aġenzija tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti (NSA) ġabret għadd kbir tal-hekk imsejħa "zero-day exploits" – jiġifieri, vulnerabbiltajiet fis-sigurtà tal-IT li għadhom mhux magħrufa mill-pubbliku jew mill-bejjiegħ tal-prodott; billi dawn l-attivitajiet jimminaw l-isforzi globali biex titjib is-sigurtà tal-IT;

L.     billi s-servizzi tal-intelligenza bbażati fl-UE kienu involuti f'attivitajiet li jagħmlu ħsara lid-drittijiet tal-bniedem;

M.    billi fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi rapidi li qegħdin iseħħu, is-sorveljanza u s-salvagwardji ġudizzjarji u demokratiċi huma b'mod ġenerali sottożviluppati;

N.     billi miżuri ta' (ċiber)sigurtà u miżuri kontra t-terroriżmu li jinvolvu l-ICTs, jew il-monitoraġġ tal-internet, jista' jkollhom effett detrimentali sinifikanti fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet individwali tan-nies madwar id-dinja kollha, inklużi ċ-ċittadini tal-UE meta jirresjedu jew jivvjaġġaw barra mill-pajjiż, u b'mod speċjali fin-nuqqas ta' bażi legali bbażata fuq il-prinċipji ta' neċessità, proporzjonalità, u sorveljanza demokratika u ġudizzjarja;

O.     billi l-filtri tal-internet u s-sorveljanza tal-komunikazzjoni jimminaw l-abbiltà tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jieħdu vantaġġ mill-internet u jikkomunikaw informazzjoni sensittiva, u jiksru bosta artikoli tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) li tiggarantixxi d-dritt ta' kull persuna għall-privatezza u l-libertà ta' espressjoni;

P.     billi kemm s-sigurtà diġitali kif ukoll il-libertà diġitali huma essenzjali u ma jistgħux jissostitwixxu lil xulxin, iżda għandhom isaħħu lil xulxin;

Q.     billi, fil-qasam tal-libertajiet diġitali, l-Unjoni Ewropea tista' tmexxi bl-eżempju dwar il-libertajiet diġitali biss meta dawn jiġu salvagwardjati fl-UE stess; u billi għalhekk l-adozzjoni tal-pakkett tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data hija kruċjali;

R.     billi l-qofol tal-kwistjoni hija marbuta mal-interessi soċjali estensivi – bħall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali – li m'għandhomx ikunu ddeterminati mis-suq waħdu, u li jeħtieġu regolazzjoni;

S.     billi r-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt u s-sorveljanza parlamentari effikaċi ta' servizzi ta' intelligence li jużaw teknoloġija ta' sorveljanza diġitali, huma elementi importanti tal-kooperazzjoni internazzjonali;

T.     billi l-kumpaniji bbażati fl-UE għandhom sehem importanti tas-suq globali tal-ICTs, b'mod partikolari fir-rigward tal-esportazzjoni ta' teknoloġija ta' sorveljanza, traċċar, intrużjoni u monitoraġġ;

U.     billi l-introduzzjoni ta' kontrolli tal-esportazzjoni m'għandhiex tippreġudika r-riċerka leġittima fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-IT, jew l-iżvilupp ta' għodod tas-sigurtà tal-IT fejn ma jkun hemm l-ebda intenzjoni kriminali;

1.      Jirrikonoxxi li d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali huma universali u għandhom jiġu difiżi globalment f'kull dimensjoni ta' manifestazzjoni tagħhom; jenfasizza li s-sorveljanza ta' komunikazzjonijiet, bħala tali, tinterferixxi mad-drittijiet għall-privatezza u l-espressjoni, jekk titwettaq 'l barra minn qafas legali adegwat;

2.      Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura l-koerenza bejn l-azzjonijiet esterni tal-UE u l-politiki interni tagħha relatati mal-ICTs;

3.      Jemmen li kompliċità attiva ta' ċerti Stati Membri tal-UE fis-sorveljanza tal-massa ta' ċittadini u l-ispjunaġġ fuq mexxejja politiċi tal-NSA, kif żvelat minn Edward Snowden, ikkawża dannu serju għall-kredibbiltà tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u mminaw il-fiduċja globali dwar il-benefiċċji tal-ICTs;

4.      Ifakkar lill-Istati Membri u lill-aġenziji tal-UE, inklużi l-Europol u l-Eurojust, fl-obbligi tagħhom skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, f'konformità mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-għanijiet tal-politika esterna tal-UE, li ma jsirx skambju ta' data tal-intelligence li jista' jwassal għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiż terz, u li ma tintużax informazzjoni miksuba b'riżultat ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, bħal fil-każ tas-sorveljanza illegali, barra mill-UE;

5.      Jenfasizza li l-impatt tat-teknoloġiji fuq it-titjib tad-drittijiet tal-bniedem għandu jkun integrat fil-politiki u l-programmi kollha tal-UE, jekk applikabbli, sabiex javvanzaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, u r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti;

6.      Jappella għall-iżvilupp u t-tixrid attiv ta' teknoloġiji li jgħinu biex jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u jiffaċilitaw id-drittijiet u l-libertajiet diġitali tan-nies, u li jippromovu l-aħjar prattiċi u oqsfa leġiżlattivi xierqa, fliwaqt li jiggarantixxu s-sigurtà u l-integrità ta' data personali; iħeġġeġ, b'mod partikolari, lill-UE u l-Istati Membri biex jippromwovu l-użu u l-iżvilupp globali ta' standards miftuħa, u ta' softwer mingħajr ħlas u minn sors miftuħ u ta' teknoloġiji kriptografiċi;

7.      Jistieden lill-UE żżid l-appoġġ tagħha għall-atturi li jaħdmu biex isaħħu l-istandards tas-sigurtà u tal-protezzjoni tal-privatezza fl-ICTs fuq il-livelli kollha, inklużi standards dwar il-ħardwer, is-softwer u l-komunikazzjoni, kif ukoll li jiżviluppaw ħardwer u softwer fl-oqfsa tal-privatezza fid-disinn;

8.      Jappella biex jiġi stabbilit fond tad-drittijiet tal-bniedem u tat-teknoloġija taħt l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem;

9.      Iħeġġeġ lill-UE nnifisha, u b'mod partikolari lis-SEAE, biex tuża kriptaġġ fil-komunikazzjoni tagħha mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, sabiex tevita li tpoġġi lid-difensuri f'riskju u tipproteġi minn sorveljanza l-komunikazzjoni tagħha stess mal-barranin;

10.    Jistieden lill-UE tadotta softwer mingħajr ħlas u minn sors miftuħ, u tinkoraġġixxi atturi oħra biex jagħmlu l-istess, peress li softwer bħal dan jipprovdi sigurtà aħjar u rispett akbar għad-drittijiet tal-bniedem;

11.    Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta' żvilupp ta' ICTs f'żoni affettwati mill-kunflitti sabiex jiġu promossi attivitajiet għall-konsolidazzjoni tal-paċi bil-għan li tiġi pprovduta komunikazzjoni sikura bejn il-partijiet involuti fir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti;

12.    Jappella għall-implimentazzjoni ta' kundizzjonijiet, punti ta' riferimenti u proċeduri ta' rapportar sabiex jiġi żgurat li l-appoġġ finanzjarju u tekniku tal-UE għall-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda fil-pajjiżi terzi ma jintużax b'mod li jikser id-drittijiet tal-bniedem;

13.    Jitlob lill-Kummissjoni u l-Kunsill jinvolvu ruħhom b'mod attiv ma' gvernijiet ta' pajjiżi terzi, u sabiex jappoġġaw, iħarrġu u jabilitaw aktar lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lill-attivisti tas-soċjetà ċivili u lill-ġurnalisti indipendenti li jużaw l-ICTs fl-attivitajiet tagħhom b'mod sikur, permezz tal-mekkaniżmi ta' appoġġ u l-istrumenti tal-politiki Ewropej eżistenti u jippromovu d-drittijiet fundamentali tal-privatezza, bħall-aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-informazzjoni fuq l-internet, id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data, il-libertà ta' espressjoni, il-libertà ta' għaqda, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà tal-istampa u tal-pubblikazzjoni online;

14.    Jiġbed l-attenzjoni għall-qagħda mwiegħra tal-informaturi u ta' dawk li jappoġġawhom, inklużi ġurnalisti, wara r-rivelazzjonijiet tagħhom dwar prattiki ta' sorveljanza abbużivi f'pajjiżi terzi; jemmen li individwi bħal dawn għandhom jitqiesu bħala difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u għaldaqstant, jistħoqqilhom il-protezzjoni tal-UE, kif meħtieġ skont il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jeżaminaw bir-reqqa l-possibbiltà li l-informaturi jingħataw protezzjoni internazzjonali minn prosekuzzjoni;

15.    Jiddeplora l-fatt li miżuri ta' sigurtà, inklużi miżuri kontra t-terroriżmu, qegħdin jintużaw dejjem aktar bħala skuża għall-ksur tad-dritt għall-privatezza u r-ripressjoni tal-attivitajiet leġittimi tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti u tal-attivisti politiċi; itenni l-fehma qawwija tiegħu li s-sigurtà nazzjonali qatt ma tista' tkun ġustifikazzjoni għal programmi ta' sorveljanza mhux speċifika, sigrieta jew tal-massa; jinsisti li miżuri bħal dawn jiġu segwiti f'konformità stretta mal-istat tad-dritt u mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data;

16.    Jistieden lis-SEAE u l-Kummissjoni jippromovu s-sorveljanza demokratika tas-servizzi tas-sigurtà u tal-intelligence fid-djalogu politiku tagħhom ma' pajjiżi terzi, kif ukoll fil-programmi tagħhom ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġa lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-korpi leġiżlattivi f'pajjiżi terzi li għandhom l-għan li jtejbu l-iskrutinju, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-servizzi tas-sigurtà nazzjonali; jappella sabiex impenji speċifiċi dwar dan jiġu inklużi fil-Pjan ta' Azzjoni futur tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokratizzazzjoni;

17.    Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, jippromovu l-libertajiet diġitali u l-aċċess għall-internet mingħajr restrizzjonijiet f'kull forma ta' kuntatt ma' pajjiżi terzi, inkluż f'negozjati tal-adeżjoni, f'negozjati kummerċjali u fi djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem u kuntatti diplomatiċi;

18.    Jirrikonoxxi li l-internet sar spazju pubbliku kif ukoll suq fejn il-fluss ħieles ta' informazzjoni u l-aċċess għall-ICTs huma indispensabbli għalih; jenfasizza, għaldaqstant, li l-libertà diġitali u l-kummerċ ħieles għandhom jiġu promossi u protetti fl-istess ħin;

19.    Jappella sabiex fil-ftehimiet kollha ma' pajjiżi terzi, jiddaħħlu klawsoli li jirreferu b'mod espliċitu għall-bżonn ta' promozzjoni, garanzija u rispett għal-libertajiet diġitali, newtralità tal-internet, aċċess għall-internet mhux ċensurat u mingħajr restrizzjonjiet, id-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data;

20.    Iħeġġeġ lill-UE topponi l-kriminalizzazzjoni tal-użu tal-kriptaġġ, l-evitar taċ-ċensura u għodod tal-privatezza mid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, billi tirrifjuta li tillimita l-użu ta' kriptaġġ fi ħdan l-UE u tisfida gvernijiet ta' pajjiżi terzi li jagħmlu akkużi bħal dawn kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

21.    Iħeġġeġ lill-UE topponi l-kriminalizzazzjoni tal-użu tal-kriptaġġ, l-għodod ta' kontra ċ-ċensura u tal-privatezza billi tirrifjuta li tillimita l-użu ta' kriptaġġ fi ħdan l-UE, u tisfida gvernijiet ta' pajjiżi terzi li jikkriminalizzaw dawn l-għodod;

22.    Jenfasizza li politika tal-UE dwar l-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem tesiġi l-integrazzjoni tal-ICTs u t-tnaqqis tad-distakk diġitali, billi tipprovdi infrastrutturi teknoloġiċi bażiċi, tiffaċilita l-aċċess għall-għarfien u l-informazzjoni u tippromovi ħiliet diġitali, u billi jiġi promoss l-użu ta' standards miftuħin fid-dokumenti u l-użu ta' softwer bla ħlas u minn sors miftuħ, fejn xieraq, biex jiġu żgurati l-ftuħ u t-trasparenza (b'mod speċjali minn istituzzjonijiet pubbliċi) — inkluża s-salvagwardja tal-protezzjoni tad-data fil-qasam diġitali madwar id-dinja kollha — kif ukoll fehim aħjar tar-riskji u l-benefiċċji potenzjali tal-ICTs;

23.    Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa t-tneħħija tal-ostakli diġitali għall-persuni b'diżabbiltà; iqis ta' importanza kbira li l-politiki tal-UE fir-rigward tal-iżvilupp u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja għandu jkollhom l-għan li jtaffu l-qasma diġitali għall-persuni b'diżabbiltà u li joffru qafas usa' ta' drittijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-għarfien, il-parteċipazzjoni diġitali, l-inklużjoni fl-opportunitajiet ekonomiċi u soċjali ġodda maħluqa mill-internet;

24.    Jissottolinja li l-ġbir u t-tixrid diġitali b'mod legali ta' provi ta' ksur tad-drittjiet tal-bniedem jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda globali kontra l-impunità u t-terroriżmu; iqis li dan il-materjal għandu jkun ammissibbli, f'każijiet ġustifikati kif xieraq skont id-dritt internazzjonali (kriminali), bħala prova fi proċedimenti ġudizzjarji, f'konformità ma' salvagwardji internazzjonali, reġjonali u kostituzzjonali; jirrakkomanda li jinħolqu mekkaniżmi fil-qasam tad-dritt kriminali internazzjonali għall-introduzzjoni ta' proċeduri li permezz tagħhom din id-data tiġi awtentikata u miġbura għall-użu bħala prova fi proċedimenti ġudizzjarji;

25.    Jiddeplora l-fatt li xi teknoloġiji u servizzi tal-informazzjoni u komunikazzjoni magħmula fl-UE huma mibjugħa, u jistgħu jintużaw, f'pajjiżi terzi minn individwi privati, negozji u awtoritajiet bi ħsieb speċifiku bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta' ċensura, sorveljanza tal-massa, imblukkar, interċettazzjoni u monitoraġġ, u ntraċċar u lokalizzazzjoni taċ-ċittadini u l-attivitajiet tagħhom fuq in-networks tat-telefonija (mobbli) u fuq l-internet; jinsab imħasseb dwar il-fatt li xi kumpaniji bbażati fl-UE jistgħu jipprovdu teknoloġiji u servizzi li jistgħu jippermettu ksur tad-drittijiet tal-bniedem bħal dawn;

26.    Jinnota li t-theddid għas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea, tal-Istati Membri tagħha u ta' pajjiżi terzi, ta' spiss jiġi minn individwi jew minn gruppi żgħar li jużaw netwerks ta' komunikazzjoni diġitali biex jippjanaw u jwettqu attakki, u li l-għodod u t-tattiki meħtieġa biex jingħeleb dan it-theddid jeħtieġ li jiġu rieżaminati u aġġornati b'mod kostanti;

27.    Iqis li s-sorveljanza tal-massa li mhijiex ġustifikata minn riskju qawwi ta' attakki u theddid terroristiċi tkun fi ksur tal-prinċipji ta' neċessità u proporzjonalità, u, għaldaqstant, tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

28.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromovu skrutinju demokratiku sħiħ tal-operazzjonijiet tas-servizzi tal-intelligence f'pajjiżi terzi, sabiex jivverifikaw li dawn is-servizzi joperaw b'rispett sħiħ tal-istat tad-dritt, u jżommu responsabbli lis-servizzi u lill-individwi li joperaw b'modi illegali;

29.    Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, fid-dawl ta' aktar kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (inkluż permezz tal-użu ta' sorveljanza diġitali) jiżguraw skrutinju demokratiku ta' dawn is-servizzi, u l-attivitajiet tagħhom, permezz ta' sorveljanza xierqa interna, eżekuttiva, ġudizzjarja u parlamentari indipendenti;

30.    Jenfasizza li l-prinċipji tar-responsabbiltà soċjali korporattiva u l-kriterji ta' disinn għad-drittijiet tal-bniedem, li huma soluzzjonijiet teknoloġiċi u innovazzjonijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem, għandhom jiġu adottati fil-leġiżlazzjoni tal-UE biex jiżguraw li fornituri tas-servizzi tal-internet (ISPs), żviluppaturi tas-softwer, produtturi tal-ħardwer, servizzi/midja tan-netwerks soċjali, portaturi tat-telefowns ċellulari u oħrajn, iqisu d-drittijiet tal-bniedem tal-utenti finali b'mod globali;

31.    Iħeġġeġ lill-UE tiżgura aktar trasparenza fir-relazzjoni bejn il-portaturi tat-telefowns ċellulari jew l-ISPs u l-gvernijiet, u li tisħaq għaliha fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi, billi tesiġi li l-portaturi u l-ISPs jippubblikaw rapporti annwali dettaljati ta' trasparenza, inklużi rapporti dwar azzjonijiet mitluba mill-awtoritajiet, kif ukoll ir-rabtiet finanzjarji bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-portaturi/l-ISPs;

32.    Ifakkar lill-atturi korporattivi fir-responsabbiltà tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem fl-operazzjonijiet globali tagħhom irrispettivament minn fejn jinsabu l-utenti tagħhom u indipendentament minn jekk l-istat ospitanti jissodisfax l-obbligi tiegħu stess tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-kumpaniji tal-ICT, l-aktar dawk ibbażati fl-UE, jimplimentaw il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż permezz tal-istabbiliment ta' politiki ta' diliġenza dovuta u ta' salvagwardji għall-ġestjoni tar-riskju, u l-għoti ta' rimedji effikaċi meta l-attivitajiet tagħhom ikunu kkawżaw jew ikkontribwew għal impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-bniedem;

33.    Jenfasizza l-bżonn li jiġu implimentati u mmonitorjati b'mod aktar effikaċi regolamenti u sanzjonijiet tal-UE fir-rigward tal-ICTs, inkluż l-użu ta' mekkaniżmi intiżi biex ikopru kull każ, sabiex jiġi żgurat li l-partijiet kollha, inkluż l-Istati Membri jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni u jitħarsu l-kundizzjonijiet ekwi;

34.    Jenfasizza l-fatt li r-rispett għad-drittijiet fundamentali huwa element essenzjali fil-politiki ta' suċċess kontra t-terroriżmu, inkluż l-użu ta' teknoloġiji ta' sorveljanza diġitali;

35.    Jilqa' d-deċiżjoni tal-Ftehim ta' Wassenaar ta' Diċembru 2013 dwar il-kontrolli tal-esportazzjoni fl-oqsma tas-sorveljanza, tal-għodod tal-infurzar tal-liġi u tal-ġbir tal-intelligence u tas-sistemi ta' sorveljanza tan-netwerk; ifakkar fin-natura attwali li għadha inkompleta tar-reġim tal-użu doppju tal-UE, jiġifieri r-regolament dwar l-użu doppju tal-UE, fir-rigward tal-kontroll effikaċi u sistematiku tal-esportazzjoni ta' teknoloġiji tal-ICT dannużi lejn pajjiżi li mhumiex demokratiċi;

36.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fir-rigward tar-rieżami u t-tiġdid tal-politika ta' użu doppju li jmiss, biex tressaq malajr proposta għal politiki intelliġenti u effikaċi li jillimitaw u jirregolaw l-esportazzjoni kummerċjali ta' servizzi fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-użu tal-hekk imsejħa teknoloġiji b'użu doppju, li jindirizzaw l-esportazzjoni potenzjalment dannuża ta' prodotti u servizzi tal-ICT lejn pajjiżi terzi, kif maqbul fid-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ta' April 2014; jitlob lill-Kummissjoni tinkludi salvagwardji effikaċi sabiex jiġi evitat kwalunkwe dannu ta' dawn il-kontrolli tal-esportazzjoni għar-riċerka, inkluża r-riċerka xjentifika u s-sigurtà tal-IT;

37.    Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tkun tista' tagħti malajr lill-kumpaniji li jkollhom dubju dwar jekk għandhomx japplikaw għal liċenzja tal-esportazzjoni, informazzjoni ċara u aġġornata dwar il-legalità jew l-effetti potenzjalment dannużi ta' transazzjonijiet potenzjali;

38.    Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti għal rieżami dwar kif standards tal-UE dwar l-ICTs jistgħu jintużaw biex jipprevjenu l-impatti potenzjalment dannużi tal-esportazzjoni ta' dawn it-teknoloġiji jew servizzi oħra lejn pajjiżi terzi fejn kunċetti bħal "interċettazzjoni legali" ma jistgħux jiġu kkunsidrati ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni Eweropea, jew pereżempju, għandhom reputazzjoni ħażina tad-drittijiet tal-bniedem jew fejn l-istat tad-dritt ma jeżistix;

39.    Jafferma mill-ġdid li l-istandards tal-UE, b'mod partikolari l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, għandhom jieħdu preċedenza waqt il-valutazzjonijiet ta' inċidenti li jinvolvu teknoloġiji b'użu doppju li jintużaw b'modi li jistgħu jirrestrinġu d-drittijiet tal-bniedem;

40.    Japella għall-iżvilupp ta' politiki li jirregolaw il-bejgħ ta' "zero-day exploits" u vulnerabbiltajiet bil-għan li jiġi evitat li dawn jintużaw għat-twettiq ta' attakki ċibernetiċi, jew għall-aċċess mhux awtorizzat għal tagħmir li jwassal għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem, mingħajr ma dawn ir-regolamenti jkollhom impatt sinifikanti fuq riċerka akkademika u riċerka oħra bona fede dwar is-sigurtà;

41.    Jiddeplora l-kooperazzjoni attiva ta' ċerti kumpaniji Ewropej, kif ukoll ta' kumpaniji internazzjonali li jinnegozjaw teknoloġiji b'użu doppju b'effetti potenzjalment ta' detriment għad-drittijiet tal-bniedem waqt li joperaw fl-UE, ma' reġimi li l-azzjonijiet tagħhom jiksru d-drittijiet tal-bniedem;

42.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni teskludi pubblikament kumpaniji li jagħmlu dawn l-attivitajiet minn proċeduri ta' akkwist tal-UE, minn finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp u minn kwalunkwe appoġġ finanzjarju ieħor;

43.    Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikulari lill-aspetti tad-drittijiet tal-bniedem fil-proċessi ta' akkwist pubbliku għal tagħmir teknoloġiku, b'mod speċjali fil-pajjiżi bi prattiki mhux affidabbli f'dan id-dominju;

44.    Jitlob lill-Kummissjoni u l-Kunsill jiddefendu b'mod attiv l-internet miftuħ, proċeduri deċiżjonali li jinkludu diversi partijiet interessati, in-newtralità tal-internet, il-libertajiet diġitali u s-salvagwardji għall-protezzjoni tad-data f'pajjiżi terzi, permezz ta' fora tal-governanza tal-internet;

45.    Jikkundanna d-dgħajfin u l-imminar ta' protokolli u prodotti kriptografiċi, b'mod partikolari mis-servizzi ta' intelligence li jfittxu li jinterċettaw komunikazzjonijiet kriptati;

46.    Iwissi kontra l-privatizzazzjoni tal-infurzar tal-liġi permezz ta' kumpaniji tal-internet u l-ISPs;

47.    Jappella għal kjarifika dwar in-normi u l-istandards użati minn atturi privati biex jiżviluppaw is-sistemi tagħhom;

48.    Ifakkar dwar l-importanza li jiġi vvalutat il-kuntest li fih jintużaw it-teknoloġiji, sabiex jitwettaq apprezzament sħiħ tal-impatt tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem;

49.    Jappella b'mod espliċitu għall-promozzjoni ta' għodod li jippermettu l-użu anonimu u/jew psewdonimu tal-internet, u li jikkuntestaw l-fehma mhux ġusta li tali għodod iservu biss biex jippermettu attivitajiet kriminali, aktar milli jabilitaw attivisti tad-drittijiet tal-bniedem lil hinn u fi ħdan l-UE;

50.    Iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiżviluppaw politiki intelliġenti u effikaċi li jirregolaw l-esportazzjoni ta' teknoloġiji b'użu doppju, li jindirizzaw l-esportazzjoni potenzjalment dannuża ta' prodotti u servizzi tal-ICT, fil-livell internazzjonali u fi ħdan reġimi għall-kontroll tal-esportazzjoni multilaterali u f'korpi internazzjonali oħra;

51.    Jenfasizza li kwalunkwe tibdil regolatorju bil-ħsieb li jżid l-effikaċja tal-kontrolli tal-esportazzjoni ta' trasferimenti ta' teknoloġija intanġibbli m'għandux jimpedixxi riċerka leġittima, jew l-aċċess għal informazzjoni u l-iskambju tagħha, u li kwalunkwe miżura potenzjali, bħall-użu ta' Awtorizzazzjonijiet għall-Esportazzjoni Ġenerali tal-UE għal riċerka b'użu doppju, m'għandhiex ikollha “effett dissważiv” fuq l-individwi u l-SMEs;

52.    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li politiki ta' kontroll tal-esportazzjoni eżistenti u futuri ma jirrestrinġux l-attivitajiet ta' riċerkaturi leġittimi dwar is-sigurtà, u li l-kontrolli tal-esportazzjoni jiġu applikati in bona fede, u għal teknoloġiji ddefiniti b'mod ċar biss li huma maħsuba biex jintużaw għas-sorveljanza tal-massa, ċensura, imblukkar, interċettazzjoni , monitoraġġ, u ntraċċar u lokalizzazzjoni taċ-ċittadini u l-attivitajiet tagħhom fuq in-networks tat-telefonija (mobbli);

53.    Ifakkar li t-teknoloġiji bbażati fuq ix-xibka, u teknoloġiji mingħajr fili ad hoc, joffru potenzjal kbir biex iservu bħala netwerks supplimentari f'żoni fejn l-internet mhuwiex disponibbli jew huwa imblukkat, u jistgħu jgħinu l-avvanz tad-drittijiet tal-bniedem;

54.    Jitlob lill-Kummissjoni taħtar grupp indipendenti ta' esperti li jistgħu jwettqu valutazzjoni tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem fuq l-istandards eżistenti tal-UE għall-ICTs, bil-għan li jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet għal aġġustamenti li jżidu l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari meta s-sistemi jiġu esportati;

55.    Jirrikonoxxi li l-iżvilupp teknoloġiku joħloq sfida għas-sistemi legali, li jesiġi li dawn jiġu aġġustati għaċ-ċirkostanzi l-ġodda; jissottolinja l-importanza li dawk li jfasslu l-liġi jagħtu aktar attenzjoni lil kwistjonijiet relatati mal-ekonomija diġitali;

56.    Jitlob lill-Kummissjoni tinvolvi s-soċjetà ċivili, kif ukoll l-esperti indipendenti, inklużi riċerkaturi dwar is-sigurtà, fil-qasam tal-ICT f'pajjiżi terzi, biex tiżgura għarfien espert aġġornat li għandu jwassal għal tfassil ta' politika li tipprevedi r-riskji futuri;

57.    Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu evitati konsegwenzi mhux mixtieqa, bħal restrizzjonijiet jew effetti dissważivi fuq ir-riċerka xjentifika u tipi oħra ta' riċerka u żvilupp bona fede, fuq l-iskambju u l-aċċess għall-informazzjoni, fuq l-iżvilupp ta' għarfien tas-sigurtà jew fuq l-esportazzjoni ta' teknoloġiji li jkunu fl-interess li jakkwistaw il-ħiliet diġitali meħtieġa u għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

58.    Jemmen li l-kooperazzjoni bejn gvernijiet u atturi privati madwar id-dinja fil-qasam diġitali, inkluż il-Forum tal-Governanza tal-Internet, titlob li jkun hemm kontrolli u bilanċi, u li din il-kooperazzjoni m'għandhiex twassal għal dgħajfin tas-sorveljanza demokratika u ġudizzjarja;

59.    Jinnota li approċċ volontarju mhuwiex biżżejjed, iżda hemm bżonn ta' miżuri vinkolanti li jħeġġu lill-kumpaniji jikkunsidraw ir-rekord tad-drittijiet tal-bniedem tal-pajjiż qabel ma jbigħu l-prodotti tagħhom hemmhekk, u jwettqu valutazzjoni tal-impatt dwar x'effett għandhom it-teknoloġiji tagħhom fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-kritiċi tal-gvern.

60.    Huwa tal-fehma li l-esportazzjoni ta' oġġetti sensittivi ħafna trid tiġi eżaminata qabel dawn l-oġġetti jħallu l-UE, u li sanzjonijiet huma meħtieġa f'każijiet ta' ksur.

61.    Jappella li kull individwu ikun intitolat għall-kriptaġġ, u għal kundizzjonijiet meħtieġa li jippermettu l-ħolqien ta' kriptaġġ; huwa tal-fehma li l-kontroll għandu jkun f'idejn l-utent aħħari, li dan għandu bżonn ukoll il-ħiliet biex iwettaq il-kontroll b'mod xieraq.

62.    Jappella għal introduzzjoni ta' standards tal-kriptaġġ minn tarf sa tarf bħala neċessarji għas-servizzi tal-komunikazzjoni kollha, sabiex ikun aktar diffiċli li gvernijiet, aġenziji tal-intelligence u korpi ta' sorveljanza jaqraw il-kontenut;

63.    Jenfasizza r-responsabbiltà speċjali tas-servizzi tal-intelligence tal-gvern biex jibnu l-fiduċja, u jappella sabiex tintemm is-sorveljanza tal-massa; iqis li għandu jiġi indirizzat u jitwaqqaf il-monitoraġġ ta' ċittadini Ewropej mis-servizzi tal-intelligence nazzjonali u barranin;

64.    Huwa kuntrarju għall-bejgħ u d-distribuzzjoni tat-teknoloġija ta' sorveljanza Ewropea u l-għodod taċ-ċensura lil soċjetajiet awtoritarji fejn l-istat tad-dritt huwa ineżistenti;

65.    Jappella sabiex l-ambitu għall-protezzjoni internazzjonali tal-informaturi jiġi estiż, u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jressqu liġijiet għall-protezzjoni ta' informaturi;

66.    Jappella jinħatar mibgħut tan-NU għal-libertajiet diġitali u l-protezzjoni tad-data, u sabiex il-portafoll tal-Kummissarju tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem jiġi estiż, b'tali mod li t-teknoloġija tiġi kkunsidrata wkoll mill-aspett tad-drittijiet tal-bniedem.

67.    Jappella għal miżuri sabiex jiżguraw li l-privatezza tal-attivisti, il-ġurnalisti u ċ-ċittadini tiġi protetta madwar id-dinja kollha u sabiex dawn ikunu jistgħu jikkollegaw f'netwerk online;

68.    Jinsisti li l-aċċess għall-internet għandu jiġi rikonoxxut bħala dritt tal-bniedem, u jappella għal miżuri biex jingħeleb id-distakk diġitali;

69.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi dan ir-rapport lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lis-SEAE.

(1)

http://eeas.europa.eu/delegations/un_geneva/press_corner/focus/events/2012/20120625_en.htm.

(2)

 http://eeas.europa.eu/delegations/documents/eu_human_rights_guidelines_on_freedom_of_expression_online_and_offline_en.pdf.

(3)

http://www.osce.org/fom/80723?download=true.

(4)

http://www.osce.org/fom/127656?download=true .

(5)

http://daccess-dds-ny.un.org/doc/UNDOC/GEN/N14/545/19/PDF/N1454519.pdf?OpenElement.

(6)

http://www.ohchr.org/EN/HRBodies/HRC/RegularSessions/Session27/Documents/A-HRC-27-37_en.doc.

(7)

http://website-pace.net/documents/19838/1085720/20150126-MassSurveillance-EN.pdf/df5aae25-6cfe-450a-92a6-e903af10b7a2.

(8)

Testi adottati, P7_TA(2014)0230 (Ara paġna 374 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(9)

http://www.ohchr.org/Documents/Publications/GuidingPrinciplesBusinessHR_EN.pdf?v=1392752313000/_/jcr:system/jcr:versionstorage/12/52/13/125213a0-e4bc-4a15-bb96-9930bb8fb6a1/1.3/jcr:frozennode

(10)

http://www.oecd.org/daf/inv/mne/48004323.pdf

(11)

http://www.oecd-ilibrary.org/docserver/download/2014091e.pdf?expires=1423160236&id=id&accname=ocid194994&checksum=D1FC664FBCEA28FC856AE63932715B3C

(12)

https://www.icann.org/en/system/files/files/annual-report-2013-en.pdf

(13)

COM(2014)0072.

(14)

http://netmundial.br/wp-content/uploads/2014/04/NETmundial-Multistakeholder-Document.pdf

(15)

ĠU L 173, 12.06.2014.

(16)

ĠU L 173, 12.06.2014.

(17)

COM(2014)0244.

(18)

Testi adottati, P7_TA(2012)0470.

(19)

Testi adottati, P7_TA(2013)0274.

(20)

Testi adottati, P8_TA(2015)0079.

(21)

Testi adottati, P8_TA(2015)0033.

(22)

Testi adottati, P7_TA(2014)0230.

(23)

Testi adottati, P8_TA(2015)0076.

(24)

http://www.europarl.europa.eu/document/activities/cont/201403/20140307ATT80674/20140307ATT80674EN.pdf.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

6

24

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Goffredo Maria Bettini, Mario Borghezio, Elmar Brok, Klaus Buchner, James Carver, Javier Couso Permuy, Mark Demesmaeker, Georgios Epitideios, Eugen Freund, Michael Gahler, Richard Howitt, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Afzal Khan, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Ryszard Antoni Legutko, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Vincent Peillon, Alojz Peterle, Tonino Picula, Andrej Plenković, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Jacek Saryusz-Wolski, Alyn Smith, Jaromír Štětina, Charles Tannock, Eleni Theocharous, László Tőkés, Ivo Vajgl, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Bodil Ceballos, Ignazio Corrao, Tanja Fajon, Andrzej Grzyb, Marek Jurek, Jo Leinen, Javi López, Antonio López-Istúriz White, Fernando Maura Barandiarán, Norbert Neuser, Urmas Paet, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Marietje Schaake, György Schöpflin

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Damian Drăghici, Maria Grapini, Josef Weidenholzer

Avviż legali