Proċedura : 2015/2076(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0185/2015

Testi mressqa :

A8-0185/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 24/06/2015 - 23.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0237

RAPPORT     
PDF 256kWORD 130k
9.6.2015
PE 557.054v03-00 A8-0185/2015

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2015 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2014/000 TA - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

(COM(2015)0156 – C8‑0093/2015 – 2015/2076(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Gérard Deprez

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2015 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2014/000 TA - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

(COM(2015)0156 – C8‑0093/2015 – 2015/2076(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0156 – C8‑0093/2015),

   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Settembru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta ' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2014/000 TA 2014 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)(4),

   wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

   wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0185/2015]),

A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex toffri appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'konsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C. billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, biex tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu finanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D. billi l-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG fl-2015 huwa ta’ EUR 150 miljun (fi prezzijiet tal-2011) u billi l-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-FEG jiddikjara li 0,5 % ta’ dan l-ammont (jiġifieri EUR 811 825 fl-2015) jista’ jsir disponibbli għal għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, sabiex jiffinanzja l-preparazzjoni, il-monitoraġġ, il-ġbir tat-tagħrif u l-ħolqien ta’ bażi ta’ għarfien, l-appoġġ amministrattiv u tekniku, attivitajiet ta’ tagħrif u komunikazzjoni, kif ukoll l-attivitajiet ta’ awditjar, kontroll u evalwazzjoni meħtieġa biex jiġi implimentat ir-Regolament dwar il-FEG;

E.  billi l-Parlament Ewropew spiss enfasizza l-ħtieġa ta' viżibbiltà aħjar tal-FEG bħala strument komunitarju ta' solidarjetà mal-ħaddiema li ngħataw is-sensja;

F.  billi l-ammont propost ta' EUR 630 000 jikkorrispondi għal madwar 0,39 % tal-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG fl-2015;

1.   Jaqbel mal-miżuri proposti mill-Kummissjoni bħala għajnuna teknika biex tiffinanzja n-nefqa msemmija fl-Artikoli 11(1) u (4) kif ukoll fl-Artikoli 12(2), (3) u (4) tar-Regolament dwar il-FEG;

2.  Ifakkar fl-importanza tan-netwerking u tal-iskambju ta' informazzjoni dwar il-FEG; partikolarment fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-FEG il-ġdid; jappoġġa, għalhekk, il-finanzjament tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Persuni ta’ Kuntatt tal-FEG u s-seminars ta’ netwerking dwar l-implimentazzjoni tal-FEG;

3.  Jenfasizza li objettiv ewlieni ta' dawn il-laqgħat għandu jkun li tiġi analizzata l-evalwazzjoni ex-post tal-FEG (2007-2013) u li r-rakkomandazzjonijiet tagħha jiġu diskussi bir-reqqa; Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta analiżi u rapport kompluti tal-fondi FEG diġà implimentati lill-Parlament Ewropew;

4.   Jilqa’ l-ħidma kontinwa fuq il-proċeduri standardizzati għall-applikazzjonijiet tal-FEG u l-ġestjoni li jużaw il-funzjonalitajiet tas-sistema ta' skambju elettroniku tad-data (SFC2014), li tippermetti s-simplifikazzjoni u l-ipproċessar aktar mgħaġġel tal-applikazzjonijiet kif ukoll rappurtar aħjar;

5.   Jinnota li l-proċess ta’ integrazzjoni tal-FEG fis-sistema ta' skambju elettroniku tad-data (SFC2014) ilha għaddejja għal snin twal u l-ispejjeż rilevanti mill-baġit tal-FEG se jkomplu jkunu relattivament għolja għas-sentejn jew it-tliet snin li ġejjin, sakemm jitlesta l-proċess ta’ integrazzjoni;

6.   Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta l-progress tal-integrazzjoni fl-SFC2014 mill-bidu tagħha fl-2011 sal-2014;

7.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiffukaw l-attivitajiet ta' netwerking tagħhom, b'mod partikolari fuq li ġej:

a. it-titjib tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-impatt tal-appoġġ tal-FEG fuq individiwi parteċipanti bil-modi li ġejjin:

-         il-baġit għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni għandhom jintużaw biex jiġi vvalutat l-impatt aktar fit-tul fuq benefiċjarji tal-FEG.

-         il-formula ta’ applikazzjoni tal-EGF u l-mudell għar-rapport finali dwar l-eżekuzzjoni ta’ kontribuzzjoni mill-EGF għandhom ifakkru b’mod ċar l-obbligu li hemm fuq il-koordinatur tal-FEG u fuq l-Istat Membru li jipprovdu d-data dwar l-eżiti tal-impjiegi tal-benefiċjarji tnax-il xahar wara l-implimentazzjoni tal-miżuri, kif ukoll id-data rigward ir-rata ta’ impjieg fl-aħħar 12-il xahar, sa mill-implimentazzjoni tal-FEG fil-qasam konċernat, sabiex tinkiseb perspettiva iktar wiesgħa tal-impatt tal-FEG.

-         informazzjoni aktar dettaljata dwar il-miżuri li kellhom aċċess għalihom parteċipanti individwali għandha tiġi reġistrata u kkomunikata b’mod ċar sabiex, pereżempju, ikun hemm valutazzjoni aktar ċara tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji ta’ miżuri differenti.

-         l-approvazzjoni ta’ rapporti finali tal-applikazzjoni u l-għeluq finali tal-applikazjzoni għandhom isiru flimkien mal-għoti ta’ informazzjoni sħiħa dwar l-eżitu tal-benefiċjarji (f’livell aggregat). Qabel, id-data dwar l-eżitu tal-benefiċjarji ma kinitx kompluta.

b. simplifikazzjoni ulterjuri tal-proċess ta’ applikazzjoni bil-modi li ġejjin:

-         fuq il-livell nazzjonali l-proċess ta’ għoti ta’ assistenza għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandu jitħeġġeġ aktar biex jibda mingħajr stennija għall-approvazzjoni tal-applikazzjonijiet;

-         meta dan ma jkunx possibbli, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iqisu li jgħoddu l-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-FEG mid-data li fiha tiġi approvata applikazzjoni. Dan jippermetti li jiġi sfruttat il-perjodu ta’ finanzjament sħiħ ta’ 24 xahar.

c.    flessibbiltà akbar tkun ipprovduta matul il-perjodu ta’ kunsinna bil-modi li ġejjin:

-         il-Kummissjoni għandha tipprovdi flessibbiltà akbar għall-Istati Membri biex jipprovdu miżuri addizzjonali hekk kif opportunitajiet/domandi ġodda jinqalgħu matul il-perjodu ta’ kunsinna lil hinn mill-miżuri deskritti fil-formola ta' applikazzjoni.

-         il-perjodu ta’ referenza meħtieġ biex jingħaddu s-sensji għall-applikazzjoni tal-FEG huwa meqjus bħala miżura restrittiva li taffettwa l-għan ta’ solidarjetà u s-suċċess tal-FEG u dan il-perjodu jista’ jiġi rivedut biex jippermetti flessibbiltà fil-forma ta’ addendum mal-formola ta’ applikazzjoni fejn jista’ jintwera li s-sensji seħħew minħabba l-istess raġunijiet u huma marbuta mas-sensji preżentati fl-applikazzjoni.

8.      Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tevalwa r-raġunijiet li rriżultaw, għal xi proġetti, f’dewmien f’termini ta’ approvazzjoni jew ta’ implimentazzjoni u li tippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tagħha pubblikament.

9.   Jenfasizza l-importanza li tiżdied is-sensibilizzazzjoni ġenerali dwar il-FEG u l-viżibbiltà tiegħu; ifakkar lill-Istati Membri applikanti dwar ir-rwol tagħhom li jippubbliċizzaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-FEG lill-benefiċjarji, l-awtoritajiet, is-sħab soċjali, il-midja u l-pubbliku ġenerali fil-mira, kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament dwar il-FEG;

10. Jinnota li l-ispiża tal-attivitajiet ta' informazzjoni tkompli tkun imnaqqsa b'mod sinifikanti fl-2015; iqis li dan ma għandux ikollu effett negattiv fuq il-produzzjoni u d-distribuzzjoni meħtieġa ta' materjal ta’ informazzjoni u gwida neċessarja;

11. Jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħu iżjed il-kuntatti bejn dawk kollha involuti fl-applikazzjonijiet tal-FEG, inklużi b’mod partikolari, is-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati fil-livell reġjonali u lokali, sabiex jinħoloq l-ogħla għadd ta' sinerġiji possibbli; l-interazzjoni bejn il-persuna ta' kuntatt nazzjonali u s-sħab responsabbli mill-ġestjoni tal-każijiet fil-livell reġjonali jew lokali għandha tissaħħaħ u l-arranġamenti ta’ komunikazzjoni u ta' appoġġ kif ukoll il-flussi ta’ informazzjoni (id-diviżjonijiet interni, il-kompiti u r-responsabbiltajiet) għandhom isiru espliċiti u maqbula mis-sħab kollha kkonċernati;

12. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi estiż l-aċċess għall-appoġġ mill-FEG lil żgħażagħ sal-età ta’ 25 sena li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg, jew taħriġ (NEETs) f'livell indaqs tal-ħaddiema li jirċievu appoġġ f’reġjuni b’qgħad għoli fost iż-żgħażagħ, jekk jintwera fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu li hemm bżonn li tinżamm din il-miżura wara Diċembru 2017;

13. Jistieden lill-Kummissjoni biex tistieden lill-Parlament għal-laqgħat u s-seminars tal-grupp ta' esperti skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(5); jenfasizza barra minn hekk l-importanza ta’ iktar koordinazzjoni fost dawk kollha involuti fl-applikazzjonijiet tal-FEG, inklużi s-sħab soċjali;

14. Jitlob għall-pubblikazzjoni f'waqtha tal-evalwazzjoni finali skont l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.(6)

15. Jitlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet kollha involuti jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex itejbu l-arranġamenti proċedurali u baġitarji sabiex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEG; jinnota, f’dan ir-rigward, ir-rieda tal-Parlament li jabbozza rapport fuq inizjattiva proprja bbażat fuq l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni li tqis il-funzjonament tar-Regolament il-ġdid dwar il-FEG u l-applikazzjonijiet eżaminati; il-proċedura mtejba stabbilita mill-Kummissjoni, li ssegwi t-talba tal-Parlament biex tiżgura li l-FEG ikun verament strument ta' urġenza u biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, għandha l-għan li tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibbiltà ta' applikazzjoni tal-FEG flimkien mal-proposta għall-mobilizzazzjoni tal-FEG; jilqa' t-tħaffif sinifikanti tal-eżami u l-awtorizzazzjoni ta' applikazzjonjiet li nħoloq permezz tal-Regolament il-ġdid dwar il-FEG;;

16. Jenfasizza li evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu li se titnieda fl-2015 għandha tqis ukoll l-impatt fit-tul tal-kriżi u tal-globalizzazzjoni fuq l-SMEs u għalhekk tevalwa l-possibbiltà li jitnaqqsu l-kriterji ta’ 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-FEG, kif issuġġerit mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Settembru 2014.

17. Jitlob lill-Istati Membri biex jenfasizzaw l-addizzjonalità tal-applikazzjonijiet tal-FEG u biex jinħolqu rabtiet aktar ċari ma’ fondi oħrajn; L-Istati Membri għandhom iqisu l-aktar modi xierqa għall-FEG biex jiżdied il-valur u jiġu evitati effetti ta’ ċaqliq;

18. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

20.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni EGF/2015/000 TA — Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 13 09/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(8), u b' mod partikolari tal-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-għan li jsostni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lil persuni li jaħdmu għal rashom u li jkunu waqqfu l-attività tagħhom b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b'riżultat ta' kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew b'riżultat ta' kriżi ekonomika u finanzjarja globali ġdida, u sabiex jgħinhom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)      Il-Fond ma għandux jaqbeż l-ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013(9).

(3)     Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 jipprevedi li fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni kull sena jista' jintuża 0,5 % tal-ammont massimu annwali għall-għajnuna teknika.

(4)      Il-FEG għandu, għaldaqstant, jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 630 000 għal għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja tal-2015, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG) għandu jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi s-somma ta’ EUR 630 000 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u f'approprjazzjonijiet ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

NOTA SPJEGATTIVA

I. Sfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(10) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1309/2013(11), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala provvediment fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba(12), sabiex jiġi attivat il-Fond, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, lill-awtorità baġitarja, proposta għal mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. F'każ ta' nuqqas ta' qbil, jinbeda trilogu.

II. Il-proposta tal-Kummissjoni

Fl-15 ta' April 2015 il-Kummissjoni adottat proposta ġdida għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG.

Din tikkonċerna l-mobilizzazzjoni ta' EUR 630 000 mill-Fond, li jkopru l-għajnuna teknika għall-Kummissjoni. L-għan tal-għajnuna teknika huwa dak li jiġu ffinanzjati l-monitoraġġ u l-informazzjoni, li tinħoloq bażi / interfaċċa ta' għarfien u li jingħataw pariri lill-Istati Membri dwar l-użu, is-segwitu u l-evalwazzjoni tal-FEG. Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-FEG, 0,5 % tal-ammont annwali massimu tal-FEG (jiġifieri EUR 750 000 fi prezzijiet tal-2011) jista ' jkun disponibbli kull sena għal għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

Skont il-proposta tal-Kummissjoni, fl-2015 l-ammont rikjest hu maħsub biex ikopri l-attivitajiet li ġejjin:

1.          Monitoraġġ u ġbir ta’ data: Il-Kummissjoni se tiġbor id-data dwar l-applikazzjonijiet li jkunu waslulha, dwar dawk imħallsa u dawk ta’ stralċ, kif ukoll dwar il-miżuri proposti u implimentati. Din id-data se tkun disponibbli fis-sit web u se tkun kompilata fil-formola xierqa għar-Rapport Biennali tal-2017. Abbażi tal-ħidma tal-aħħar snin, l-ispejjeż għal din l-attività se jkunu ta’ EUR 20 000.

2.          Informazzjoni: Is-sit web dwar il-FEG(13), li ħolqot il-Kummissjoni fil-qasam tagħha tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, u li qed tieħu ħsiebu skont kif mitlub mill-Artikolu 12(2) tar-Regolament dwar il-FEG, se jiġi aġġornat u mkabbar b’mod regolari, u kull element ġdid se jkun tradott ukoll fil-lingwi kollha tal-UE. Se jiġu inkoraġġiti l-għarfien ġenerali tal-FEG u l-viżibbiltà tiegħu. Se tiġi stampata parti żgħira tal-evalwazzjoni ex-post tal-FEG u tkun disponibbli flimkien ma’ pubblikazzjoni onlajn. Il-FEG se jiġi kopert f'diversi pubblikazzjonijiet u attivitajiet awdjoviżivi tal-Kummissjoni kif previst fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament dwar il-FEG. Dawn il-partiti kollha huwa stmat li se jiswew EUR 20 000 fl-2015.

3.          Il-ħolqien ta' bażi tal-għarfien / interfaċċa tal-applikazzjoni: Il-Kummissjoni qed tkompli bil-ħidma tagħha biex tistabbilixxi proċeduri standardizzati għall-applikazzjonijiet u l-ġestjoni tal-FEG, bl-użu tal-funzjonalitajiet tal-SFC 2014, liema ħidma qiegħda tiġi integrata fihom. Dan jippermetti li l-applikazzjonijiet skont ir-Regolament dwar il-FEG ikunu ssimplifikati, li l-ipproċessar tagħhom jitħaffef u li rapporti għal diversi ħtiġijiet ikunu jistgħu jiġu estratti aktar faċilment. Aktar tard issir l-integrazzjoni tar-rapporti finali, bl-għan li jitħaffef il-piż amministrattiv tal-Istati Membri. L-ispiża ta' dawn il-partiti hi stmata li se tiswa EUR 100 000, bħall-kontribuzzjoni tal-FEG għall-iżvilupp tal-SFC u l-manutenzjoni regolari tiegħu.

4.          Appoġġ amministrattiv u tekniku: Il-Grupp ta' Esperti tal-Persuni ta' Kuntatt tal-FEG, b’membru wieħed minn kull Stat Membru, se jkollu żewġ laqgħat (fi tmiem l-2015/l-ewwel nofs tal-2016), li flimkien huma stmati li se jiswew EUR 70 000.

5.          Barra minn hekk, il-Kummissjoni se torganizza netwerking fost l-Istati Membri, b’żewġ seminars għall-korpi tal-implimentazzjoni tal-FEG mill-Istati Membri li se jsiru bejn wieħed u ieħor fl-istess dati, u se tkun qed tiffoka fuq kwistjonijiet li jinqalgħu bl-implimentazzjoni prattika tar-Regolament dwar il-FEG fil-livell tal-utenti. Huwa stmat li l-ispiża għal dawn l-azzjonijiet se tkun ta ' EUR 120 000.

6.          Evalwazzjoni: L-akkwist pubbliku għall-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu se jitnieda fl-2015, bil-ħsieb li l-evalwazzjoni titlesta sat-30 ta’ Ġunju 2017, (kif jitlob l-Artikolu 20(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, se jkunu meħtieġa EUR 300 000 għal dan il-għan).

III. Proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ppreżentat lill-awtorità baġitarja talba għal trasferiment għal ammont globali ta' EUR 630 000 mir-riżerva tal-FEG (04 04 01) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 01 04 04).

Sal-lum, din hija l-ħdax-il proposta ta' trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond trażmessa lill-Awtorità Baġitarja matul l-2015.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandha tinbeda proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

ZP/jb

D(2015)20125

M. Is-Sur Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-applikazzjoni EGF /2015/000 Għajnuna Teknika 2015 (COM(2015)156 finali)

Sur President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2015/000 Għajnuna Teknika 2015 u adottaw l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din l-applikazzjoni. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL jippreżenta xi rimarki mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubju dwar it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A) Billi l-ammont ta' EUR 630 000 propost li jkun mobilizzat mill-Kummissjoni għal għajnuna teknika fl-2015 huwa inqas mill-massimu ta’ 0,5 % tal-ammont massimu annwali tal-FEG (EUR 150 miljun bil-prezzijiet tal-2011) kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020;

B) billi ilhom għaddejjin preparazzjonijiet bil-għan li l-FEG ikun integrat fis-sistema ta' skambju elettroniku tad-data (SFC2014);

C) billi l-għajnuna teknika mogħtija mill-Kummissjoni lill-Istati Membri tappoġġa u ssaħħaħ l-użu tal-FEG billi tipprovdi informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet u billi twassal l-aħjar prattika fost l-I stati Membri;

Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar il-mobilizzazzjoni tal-fond għal għajnuna teknika tal-Kummissjoni:

1.  Jaqbel mal-miżuri proposti mill-Kummissjoni bħala Għajnuna Teknika biex tiffinanzja n-nefqa msemmija fl-Artikoli 11(1) u (4) kif ukoll fl-Artikoli 12(2), (3) u (4) tar-Regolament dwar il-FEG;

2.  Jilqa’ l-ħidma kontinwa fuq il-proċeduri standardizzati għall-applikazzjonijiet tal-FEG u l-ġestjoni li jużaw il-funzjonalitajiet tas-sistema ta' skambju elettroniku tad-data (SFC2014), li tippermetti s-simplifikazzjoni u l-ipproċessar aktar mgħaġġel tal-applikazzjonijiet kif ukoll rappurtar aħjar;

3.  Jinnota li l-proċedura biex il-FEG ikun integrat fis-sistema ta' skambju elettroniku tad-data (SFC2014) ilha għaddejja għal snin twal u l-ispejjeż rilevanti mill-baġit tal-FEG se jkomplu jkunu relattivament għolja għas-sentejn jew it-tliet snin li ġejjin, sakemm jitlesta l-proċess ta’ integrazzjoni;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta l-progress tal-integrazzjoni fl-SFC2014 mill-bidu tagħha fl-2011 sal-2014;

5.  Ifakkar fl-importanza tan-netwerking u l-iskambju ta ' informazzjoni dwar il-FEG, partikolarment fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament il-ġdid; jappoġġa, għalhekk, il-finanzjament tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Persuni ta’ Kuntatt tal-FEG u s-seminars ta’ netwerking dwar l-implimentazzjoni tal-FEG;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tistieden lill-Parlament għal-laqgħat u s-seminars tal-grupp ta' esperti skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(14); jenfasizza barra minn hekk l-importanza tal-koordinazzjoni ma' dawk kollha involuti fl-applikazzjonijiet tal-FEG, inklużi s-sħab soċjali;

7.  Jinnota li l-ispiża tal-attivitajiet ta' informazzjoni tkompli tkun imnaqqsa b'mod sinifikanti fl-2015; iqis li dan ma għandux ikollu effett negattiv fuq il-produzzjoni u d-distribuzzjoni meħtieġa ta' materjal ta’ informazzjoni u gwida neċessarja;

8.   Jenfasizza l-importanza li tiżdied is-sensibilizzazzjoni ġenerali dwar il-FEG u l-viżibbiltà tiegħu; ifakkar lill-Istati Membri applikanti dwar ir-rwol tagħhom li jippubbliċizzaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-FEG lill-benefiċjarji, l-awtoritajiet, is-sħab soċjali, il-midja u l-pubbliku ġenerali fil-mira, kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament;

9.  Jitlob għall-pubblikazzjoni f'waqtha tal-evalwazzjoni finali skont l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament dwar il-FEG preċedenti (KE) Nru 1927/2006).

Dejjem tiegħek,

Marita ULVSKOG,

Aġent President, l-Ewwel Viċi President

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

8.6.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

5

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jonathan Arnott, Jean Arthuis, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Monika Hohlmeier, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Sophie Montel, Clare Moody, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Liadh Ní Riada, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Marco Valli, Monika Vana, Marco Zanni, Stanisław Żółtek

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Heidi Hautala, Andrej Plenković

(1)

           ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

           ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

           ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

             Testi adottati, P8_TA(2014)0016.

(5)

ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.

(6)

Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1).

(7)

          ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(8)

          ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(9)

            Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.).

(10)

    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(11)

    ĠU L 347, 30.12.2013, p. 855.

(12)

    ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(13)

         http://ec.europa.eu/egf

(14)

Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 304/47 20.11.2010

Avviż legali