Proċedura : 2014/2145(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0190/2015

Testi mressqa :

A8-0190/2015

Dibattiti :

PV 24/06/2015 - 20
CRE 24/06/2015 - 20

Votazzjonijiet :

PV 24/06/2015 - 23.5
CRE 24/06/2015 - 23.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0238

RAPPORT     
PDF 359kWORD 267k
17.6.2015
PE 546.753v03-00 A8-0190/2015

dwar ir-rieżami tal-qafas ta’ governanza ekonomika: analiżi u sfidi

(2014/2145(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur: Pervenche Berès

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI TAL-MINORANZA
 OPINJONI TAL-MINORANZA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
 OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rieżami tal-qafas ta’ governanza ekonomika: analiżi u sfidi

(2014/2145(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom(1),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro(2),

–       wara li kkunsidra l-ittra tat-3 ta’ Lulju 2013 minn dak li kien il-Viċi President tal-Kummissjoni, Olli Rehn, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet tal-budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika(3),

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1177/2011 tat-8 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv(4),

–       wara li kkunsidra r- Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro(5), wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri(6),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi(7),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar miżuri ta’ infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro(8),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2014 dwar l-inkjesta dwar ir-rwol u l-attivitajiet tat-Trojka (BĊE, Kummissjoni u FMI) fir-rigward tal-pajjiżi tal-programm taż-żona tal-euro(9),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2013 dwar problemi kostituzzjonali ta’ governanza b’diversi livelli fl-Unjoni Ewropea(10),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika(11),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2011 dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet rigward il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu(12),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2014 bit-titolu 'Rieżami tal-governanza ekonomika – Rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolamenti (EU) Nru 1173/2011, 1174/2011, 1175/2011, 1176/2011, 1177/2011, 472/2013 u 473/2013' (COM(2014)0905);

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Jannar 2015 dwar "l-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt tal-Istabbiltà u Tkabbir"(COM(2015) 0012),

–       wara li kkunsidra s-Sitt Rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tat-23 ta' Lulju 2014 (COM(2014)0473),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew ta’Ġunju u Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-summit tal-Ewro ta' Ottubru 2014,

–       wara li kkunsidra d-diskors tal-15 ta’ Lulju 2014 tal-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker fil-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-diskors tat-22 ta’ Awwissu 2014 mill-President tal-BĊE Mario Draghi fis-simpożju annwali tal-Bank Ċentrali f'Jackson Hole,

–       wara li kkunsidra Dokument Okkażjonali Nru 157 tal-BĊE ta’ Novembru 2014 bit-titolu “The identification of fiscal and macroeconomic imbalances – unexploited synergies under the strengthened EU governance framework” (L-identifikazzjoni tal-iżbilanċi fiskali u makroekonomiċi — sinerġiji mhux sfruttati fil-qafas ta’ governanza msaħħa tal-UE),

–       wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma Nru 163 tal-OECD dwar aspetti Soċjali, tal-Impjieg u tal-Migrazzjoni, tad-9 ta’ Diċembru 2014 intitolat “Trends in income inequality and its impact on economic growth” (Tendenzi fl-inugwaljanza tal-introjtu u l-impatt tagħha fuq it-tkabbir ekonomiku),

–       wara li kkunsidra n-nota ta’ diskussjoni tal-persunal tal-Fond Monetarju Internazzjonali ta’ Settembru 2013 bit-titolu “Towards a fiscal union for the euro area”(Lejn Unjoni Fiskali għaż-Żona tal-Euro),

–       wara li kkunsidra l-proposti tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal-10 ta' Ġunju 2010 bit-titolu "Reinforcing Economic Governance in the Euro Area" (Insaħħu l-Governanza Ekonomika fiż-Żona tal-Euro),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Jannar 2015 bit-titolu "L-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt tal-Istabbiltà u Tkabbir" (COM(2015)0012),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi, adottati mill-Kunsill Affarijiet Ġenerali (Koeżjoni) fid-19 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0190/2015),

A.     billi l-governanza ekonomika fiż-żona tal-euro li kienet maħsuba biex tevita finanzi pubbliċi insostenibbli u tikkoordina politiki fiskali mibdija mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST) li jikkonsisti f'żewġ regoli sempliċi sabiex jiġu evitati effetti negattivi fuq l-Unjoni Ekonomika Monetarja (UEM) kollha kemm hi;

B.     billi immedjatament wara l-introduzzjoni tal-euro, bdiet tinħass l-għejja tal-konsolidazzjoni rigward l-implimentazzjoni ta' dawn ir-regoli, li kienet ir-raġuni ta' wieħed mill-elementi tal-kriżi attwali fl-UEM;

C.     billi riforma tal-PST oriġinali seħħet fl-2005 li introduċiet għadd ta' rfinamenti u żiedet il-flessibbiltà u li ma indirizzatx biżżejjed il-problemi ta' dgħjufija tad-dispożizzjonijiet tal-infurzar u l-koordinazzjoni;

D.     billi meta diversi pajjiżi kienu f'riskju ta' inadempjenza fuq id-dejn tagħhom, li kien ser jirriżulta f'firxa madwar id-dinja tal-kriżi u d-dipressjoni, is-sitwazzjoni tista' tiġi evitata billi jiġu stabbiliti mekkaniżmi ad hoc bħall-EFSF u l-EFSM;

E.     billi, sabiex tkun evitata rikorrenza ta' dan it-tip ta' kriżi, kif ukoll il-firxa tal-kriżi lejn pajjiżi oħrajn permezz tas-settur bankarju, ittieħdu għadd ta' miżuri, inkluż il-ħolqien tal-Unjoni Bankarja, l-MES, leġiżlazzjoni ta' governanza ekonomika mtejba fil-forma tas-6-pack u t-2-pack, it-TSKG u s-Semestru Ewropew, li lkoll għandhom jitqiesu bħala pakkett;

F.     billi, skont l-aħħar tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni, wara sentejn konsekuttivi ta' tkabbir negattiv, il-prodott domestiku gross (PDG) fiż-żona tal-euro huwa previst li jiżdied, li jfisser li l-irkupru ekonomiku qiegħed jitjieb bil-mod il-mod u jeħtieġ jissaħħaħ aktar peress li l-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni ser jibqa' kbir;

G.     billi jibqgħu jiddominaw differenzi kbar bejn l-Istati Membri f'termini tal-proporzjonijiet tad-dejn, il-proporzjonijiet tal-iżbilanċ, il-livelli tal-qgħad, il-bilanċi tal-kont kurrenti u l-livelli ta' ħarsien soċjali anki wara l-implimentazzjoni tal-programmi, u dan jirrifletti d-differenzi fl-oriġini tal-kriżijiet u l-punt tat-tluq tiegħu, u fl-ambizzjoni, l-impatt u s-sjieda nazzjonali waqt l-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma bejn l-Istituzzjonijiet u l-Istati Membri kkonċernati;

H.     billi l-investiment fiż-żona tal-euro naqas bi 17 % mill-perjodu ta' qabel il-kriżi, u għadu dgħajjef; billi kemm nuqqas ta' investiment orjentat fil-futur u li jsaħħaħ it-tkabbir u kemm dejn pubbliku u privat mhux sostenibbli huma ta' piż għal ġenerazzjonijiet futuri;

I.      billi qed jitwaqqaf pjan ta' investiment Ewropew bħala strument importanti biex jistimola l-investiment privat biex jimmobilizza EUR 315 biljun f'investimenti ġodda matul it-tliet snin li ġejjin; billi jekk jintlaħqu l-miri finanzjarji proposti, dan il-pjan huwa biss element wieħed destinat biex jegħleb id-diskrepanza fl-investiment akkumulata, flimkien mal-implimentazzjoni ta' riformi strutturali biex jinħoloq ambjent favorevoli għall-investitur fl-Istati Membri;

Rendikont tal-qafas ta' governanza ekonomika attwali

1.      Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2014 dwar ir-rieżami tal-governanza ekonomika; iqis li l-valutazzjoni mill-Kummissjoni tagħti stampa ta' kif u sa liema punt l-għodod differenti u l-proċeduri ġew użati u implimentati;

2.      Jenfasizza li fil-qalba tas-sistema ta' governanza ekonomika hemm il-prevenzjoni ta' livelli eċċessivi ta' defiċit u dejn u żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi, kif ukoll il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika; jissottolinja għaldaqstant li l-mistoqsija ċentrali hija jekk l-UEM ġietx magħmula aktar reżiljenti permezz tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika, speċjalment fir-rigward tal-kapaċità tagħha li tevita li Stat Membru jonqos milli jħallas id-dejn tiegħu, filwaqt li tikkontribwixxi għall-koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tiżgura livell għoli ta' trasparenza, kredibilità u responsabbiltà demokratika;

3.      Jieħu nota tal-fatt li f'xi Stati Membri, sar progress fl-indirizzar tal-livell tad-dejn jew fil-ħruġ mill-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv;

4.      Jikkondividi l-analiżi tal-Kummissjoni li partijiet tal-qafas il-ġdid kisbu riżultati iżda li l-kapaċità li wieħed jasal għal konklużjonijiet dwar l-effikaċja tar-regolamenti fi żminijiet ekonomiċi normali hija limitata;

5.      Jirrikonoxxi li valutazzjoni tal-applikazzjoni tas-6-pack u t-2-pack f'dan l-istadju għadha parzjali u ma tistax tiġi iżolata mis-Semestru Ewropew, it-TFUE u l-Patt Fiskali;

6.      Jilqa' l-fatt li s-6-pack u t-2-pack iwessgħu l-kamp ta' applikazzjoni tal-patt ta' stabbiltà u tkabbir permezz taż-żieda ta' proċeduri li jipprevjenu u jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi ġewwa u fost l-Istati Membri u li jċaqilqu d-dipendenza żejda fuq il-kriterju tad-defiċit għall-attenzjoni ta' kemm id-defiċit u kemm id-dejn globali, u għaldaqstant jippruvaw jidentifikaw u jikkoreġu problemi possibbli u jipprevjenu l-emerġenza ta' kriżijiet fl-aktar stadju bikri filwaqt li fl-istess waqt jippermettu flessibbiltà f'forma ta' klawżoli għal riformi strutturali, investimenti u kundizzjonijiet ta' ċiklu tan-negozju negattivi; ifakkar li l-flessibbiltà ma tistax tipperikola n-natura preventiva tal-Patt;

7.      Jissottolinja l-importanza tat-tabella ta' valutazzjoni biex tidentifika żbilanċi makroekonomiċi fi stadju bikri u l-importanza ta' riformi strutturali sostenibbli meta wieħed jipprova jegħleb żbilanċi makroekonomiċi;

8.      Jenfasizza li implimentazzjoni konsistenti u ġusta tal-qafas fil-pajjiżi differenti u fuq tul ta' żmien iżżid il-kredibilità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex japplikaw u jaġixxu fl-ispirtu tal-bidliet li saru lill-PST taħt is-6-pack u t-2-pack, notevolment fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta' infurzar;

9.      Jemmen li s-sitwazzjoni ekonomika attwali bit-tkabbir fraġli tagħha u b'rata għolja ta' qgħad titlob miżuri urġenti, komprensivi u deċiżivi f'approċċ olistiku bbażat fuq konsolidazzjoni fiskali li tiffavorixxi t-tkabbir, ir-riformi strutturali u t-tisħiħ tal-investiment biex jerġa' jkun hemm tkabbir sostenibbli u kompetittività, biex titrawwem l-innovazzjoni u biex jiġi miġġieled il-qgħad filwaqt li jiġi indirizzat ir-riskju ta' inflazzjoni baxxa persistenti jew it-theddida possibbli ta' pressjonijiet deflazzjonarji, kif ukoll l-iżbilanċi makroekonomiċi persistenti; jenfasizza li l-qafas ta' governanza ekonomika jrid jikkostitwixxi komponent ewlieni ta' dan l-approċċ olistiku li jkun kapaċi jindirizza dawn l-isfidi;

10.    Jaqbel mad-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Thyssen li l-pajjiżi li jipprovdu impjiegi ta' kwalità għolja u protezzjoni soċjali aħjar u li jinvestu fil-kapital uman huma iżjed reżiljenti għall-kriżijiet ekonomiċi; jistieden lill-Kummissjoni biex għall-ġejjieni tirrifletti fuq din il-pożizzjoni fil-politiki kollha tagħha tas-semestru Ewropew u fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

11.    Jenfasizza l-fatt li l-qafas ta' governanza ekonomika attwali jeħtieġ li jiġi implimentat u fejn meħtieġ imtejjeb biex iwassal stabbiltà fiskali, jiffavorixxi dibattitu xieraq dwar il-valutazzjoni globali taż-żona tal-euro kollha kemm hi filwaqt li jippermetti responsabbiltà fiskali li tiffavorixxi t-tkabbir, biex itejjeb il-konverġenza ekonomika mill-perspettiva taż-żona tal-euro u biex jindirizza fuq bażi ugwali s-sitwazzjonijiet ekonomiċi u fiskali differenti tal-Istati Membri; jinsisti li l-qafas isofri minn nuqqas ta' sjieda fil-livell nazzjonali u minn attenzjoni limitata tal-perspettiva ekonomika internazzjonali fil-mekkaniżmu ta' responsabbiltà demokratika xierqa;

12.    Jenfasizza li s-sitwazzjoni attwali titlob koordinazzjoni ekonomika msaħħa u inklużiva li tqis liż-żona tal-euro kollha kemm hi u li ttejjeb is-sjieda nazzjonali u r-responsabbiltà demokratika għall-implimentazzjoni tar-regoli (biex terġa' tinkiseb il-fiduċja, tiġi favorita l-konverġenza bejn l-Istati Membri, tittejjeb s-sostenibbiltà fiskali, jiġu inkoraġġuti riformi strutturali sostenibbli u tingħata spinta lill-investimenti) kif ukoll reazzjoni rapida biex jiġu kkoreġuti l-aktar nuqqasijiet ovvji, biex titjieb l-effikaċja tal-qafas ta' governanza ekonomika u biex tiġi żgurata implimentazzjoni konsistenti u ġusta tal-qafas bejn il-pajjiżi u tul iż-żmien;

13.    Jissottolinja l-importanza ta' proċeduri sempliċi u trasparenti tal-governanza ekonomika u jwissi li l-kumplessità tal-qafas attwali kif ukoll in-nuqqas ta' implimentazzjoni u s-sjieda huma ta' detriment għall-effikaċja u l-aċċettazzjoni tagħha mill-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet lokali, is-sħab soċjali u ċ-ċittadini fl-Istati Membri;

14.    Jirrikonoxxi li sar xi ftit progress permezz ta' dibattitu dwar l-Objettiv ta' Terminu Medju (OTM) u f'termini ta' sjieda aħjar tad-dibattitu nazzjonali fl-Istati Membri taż-żona tal-euro, permezz ukoll tal-kontribuzzjoni tal-kunsilli fiskali nazzjonali li jaġixxu bħala korpi indipendenti li jissorveljaw il-konformità mar-regoli fiskali u mat-tbassir makroekonomiku; jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta ħarsa ġenerali dwar l-istruttura u l-funzjonament tal-kunsilli fiskali nazzjonali tal-Istati Membri u kif dawn il-kunsilli jistgħu jtejbu s-sjieda fil-livell nazzjonali;

15.    Iqis il-qafas tal-governanza ekonomika bħala inizjattiva politika ewlenija li ssostni l-pedamenti tal-għanijiet tal-Ewropa 2020 u inizjattivi ewlenin li għandhom l-għan li jisfruttaw b'mod sħiħ il-potenzjal ta' tkabbir mhux sfruttat tas-Suq Uniku; jemmen li billi jinfetaħ il-potenzjal ta' tkabbir tas-Suq Uniku, l-Istati Membri se jissodisfaw aktar faċilment il-miri integrati fil-qafas tal-governanza ekonomika; barra minn hekk, iqis li l-atturi primarji fis-Suq Uniku huma l-konsumaturi u n-negozji;

Liema hija l-aħjar applikazzjoni ta' flessibbiltà fir-regoli eżistenti?

16.    Jenfasizza li l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST) li ġie stabbilit biex jiżgura s-sostenibbiltà fiskali tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, jippermetti lill-Istati Membri jwettqu politika antiċiklika meta jkun meħtieġ, u jippermetti l-ispazju fiskali possibbli għall-istabbilizzaturi awtomatiċi biex jaħdmu sew; jissottolinja li mhux l-Istati Membri kollha laħqu bilanċ favorevoli meta l-ekonomija kienet qed tiffjorixxi u li xi klawżoli ta' flessibbiltà eżistenti previsti fil-leġiżlazzjoni ma sarx użu minnhom bis-sħiħ fis-snin preċedenti;

17.    Jilqa' l-fatt li fil-komunikazzjoni interpretattiva tagħha dwar il-flessibbiltà, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-mod kif jiġu interpretati r-regoli fiskali attwali huwa wieħed mill-elementi biex titnaqqas id-differenza fl-investiment fl-UE u biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali li jsaħħu t-tkabbir, sostenibbli u bbilanċjati soċjalment; jinnota li l-komunikazzjoni ma tagħmel l-ebda bidla fir-rigward tal-kalkolu tad-defiċit iżda li ċerti investimenti jistgħu jiġġustifikaw devjazzjoni temporanja mill-Objettiv ta' Terminu Medju (OTM) tal-Istat Membru kkonċernat jew mill-pjan ta' aġġustament biex dan jintlaħaq;

18.    Jappoġġja kull inċentiv propost mill-Kummissjoni Ewropea biex jiġi ffinanzjat il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) il-ġdid, l-aktar billi jsiru kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-fond li jkunu fiskalment newtrali fir-rigward tal-kisba tal-OTM u l-isforz ta' aġġustament fiskali meħtieġ mingħajr ma jiġi mmodifikat fit-taqsima preventiva jew fit-taqsima korrettiva tal-PST; jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tevita milli tniedi l-proċedura ta' defiċit eċċessiv (EDP) jekk, biss minħabba l-kontribuzzjoni addizzjonali lejn il-FEIS, defiċit ta' Stat Membru jmur kemmxejn u temporanjament lil hinn mil-limitu tad-defiċit ta' 3 %; jiġbed l-attenzjoni għall-kontribut vitali tal-PST għall-bini tal-fiduċja meta jkun qed jiġi attirat investiment barrani; jenfasizza l-importanza tal-addizjonalità tal-iffinanzjar tal-FEIS peress li proġetti ffinanzjati mill-FEIS ma jridu, bl-ebda mod, sempliċement jissostitwixxu investiment diġà ppjanat u minflok, irid jiżdied b'mod effikaċi l-investiment nett bħala riżultat ta' dan;

19.    Jilqa' l-fatt li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni għandha l-għan li tikkjarifika l-kamp ta' applikazzjoni tal-klawsola dwar l-investiment, fejn tippermetti li jkun hemm ċerta flessibbiltà fit-taqsima preventiva tal-PST, fil-forma ta' devjazzjoni temporanja mill-OTM, sakemm din id-devjazzjoni ma twassalx għal eċċess fuq il-valur ta' referenza tad-defiċit ta' 3 % u marġini ta' sikurezza xieraq biex jakkomoda programmi ta' investiment mill-Istati Membri, b'mod partikolari fir-rigward tan-nefqa fuq proġetti skont il-politika strutturali u ta' koeżjoni, inklużi l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, netwerks trans-Ewropej u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, u l-kofinanzjament taħt il-FEIS;

20.    Jemmen li prekundizzjoni għall-applikazzjoni tal-klawsola tar-riforma strutturali taħt it-taqsima preventiva u l-kunsiderazzjoni tal-pjanijiet ta' riforma strutturali taħt it-taqsima korrettiva huma adozzjoni parlamentari nazzjonali formali ta' riforma u l-implimentazzjoni reali tagħha, li tippermetti aktar effiċjenza u sjieda; jenfasizza li l-proċess ta' riforma għandu jinvolvi bis-sħiħ lis-sħab soċjali fl-istadji kollha;

21.    Jitlob djalogu msaħħaħ bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar il-kontenut u t-tipi ta' riformi strutturali l-aktar xierqa u effikaċi li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, kompatibbli mat-Trattat u mal-liġi sekondarja, filwaqt li jqisu l-analiżi tal-kostbenefiċċju, il-valutazzjoni orjentata lejn ir-riżultati u l-impatt tal-iskeda taż-żmien, u jikkontribwixxu għall-kisba tal-OTM;

22.    Iħeġġeġ lill-Kumitati dwar il-Finanzi tal-parlamenti nazzjonali biex sistematikament jistiednu lill-Kummissarji Ewropej responsabbli fil-qasam ta' governanza ekonomika jattendu dibattitu pubbliku mal-kumitati tagħhom qabel l-adozzjoni tal-abbozzi ta' baġits tal-Istati Membri;

23.    Jemmen li r-riformi strutturali mwettqa fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma għandhom, fit-terminu medju u twil, ikollhom redditi pożittivi ekonomiċi, soċjali u ambjentali, u jtejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-kapaċità amministrattiva;

24.    Jinnota li minħabba li setgħet wasslet għal eżerċizzju biex jiġu stabbiliti t-tipi kollha ta' ipoteżi bil-periklu li titħalla barra dik li fil-fatt se jseħħ, il-komunikazzjoni ma tittrattax in-natura ta' "ċirkostanzi mhux normali" li jaqgħu barra l-kontroll ta' Stat Membru li jwassluh biex jiddevja temporanjament mill-perkors ta' aġġustament biex jilħaq l-OTM tiegħu; jissottolinja l-ħtieġa li sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b'modi simili;

25.    Jappella li tiġi pprovduta koeżjoni ekonomika u soċjali akbar permezz ta' tisħiħ tal-Fond Soċjali Ewropew u tal-Fond ta' Koeżjoni sabiex jiġu mħarsa u maħluqa impjiegi bi drittijiet billi jiġu appoġġjati miżuri li jiġġieldu l-qgħad u l-faqar;

26.    Jissottolinja l-importanza li jissaħħaħ it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda, b'mod partikolari l-impjiegi għaż-żgħażagħ, għall-aċċettazzjoni pubblika tal-qafas Ewropew ta' governanza ekonomika;

27.    Jinnota bi tħassib kbir li l-qgħad fit-tul irdoppja matul il-kriżi; jinnota wkoll li din iż-żieda kienet anke ogħla fost il-ħaddiema bi ftit kwalifiki; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ġlieda kontra l-qgħad fit-tul tiġi riflessa fil-politiki tagħha u fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

28.    Jemmen li l-livelli ta' inugwaljanza li qegħdin jiżdiedu fl-Ewropa għandhom jingħataw l-ikbar importanza fil-kuntest tal-qafas ekonomiku Ewropew; jemmen li wieħed mill-aħjar modi kif tiġi miġġielda din l-inugwaljanza li qed tiżdied huwa billi jiġu rdoppjati l-isforzi fil-ħolqien ta' iżjed impjiegi ta' kwalità fl-Ewropa;

Koordinazzjoni aktar mill-qrib, konverġenza ekonomika u simplifikazzjoni tas-Semestru Ewropew

29.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tapplika bis-sħiħ il-PST u tiżgura l-implimentazzjoni ġusta skont ir-reviżjoni reċenti tagħha tas-6-pack u t-2-pack u l-komunikazzjoni dwar il-flessibbiltà; jemmen li, fejn ikun meħtieġ u possibbli, is-Semestru Ewropew għandu jiġi ssimplifikat u msaħħaħ fi ħdan il-qafas leġiżlattiv attwali; jenfasizza li kull simplifikazzjoni u kull rinforz bħal dawn fil-futur għandhom fi kwalunkwe każ ikunu orjentati lejn l-istabbiltà;

30.    Jemmen li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tiċċara fejn jeżisti spazju għall-flessibbiltà taħt il-leġiżlazzjoni eżistenti; jilqa' t-tentattiv biex ikun hemm aktar ċarezza f'dan il-qasam ikkumplikat u jistenna li l-Kummissjoni tagħmel użu mill-flessibbiltà li hija mibnija fir-regoli eżistenti f'konformità mal-komunikazzjoni filwaqt li tiżgura l-prevedibbiltà, it-trasparenza u l-effikaċja tal-qafas ta' governanza ekonomika;

31.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ifasslu aħjar l-oqfsa fiskali u makroekonomiċi sabiex ikun jista' jsir dibattitu aktar bikri u aktar konsistenti bejn il-partijiet interessati kollha, filwaqt li jittieħed kont tal-interessi Ewropej servuti b'dawn l-oqfsa, il-ħtieġa li tiżdied il-konverġenza bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro, id-deliberazzjoni bejn il-parlamenti nazzjonali u r-rwol tas-sħab soċjali jew tal-awtoritajiet lokali dwar is-sjieda ta' riformi strutturali sostenibbli u bbilanċjati soċjalment;

32.    Jinsisti li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSR) iridu jiġu implimentati aħjar u jqisu l-valutazzjoni tas-sitwazzjoni u l-prospetti baġitarji kemm fiż-żona tal-euro kollha kemm hi kif ukoll fl-Istati Membri individwali; jissuġġerixxi li din il-valutazzjoni ġenerali prevista fir-Regolament 473/2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro għandha tiġi ppreżentata f'dibattitu fil-plenarja tal-Parlament Ewropew mal-Kunsill, il-President tal-Grupp tal-Euro u l-Kummissjoni qabel il-Kunsill tar-Rebbiegħa u tiġi implimentata kif xieraq matul is-Semestru Ewropew;

33.    Jirrikonoxxi li s-Semestru Ewropew sar veikolu importanti biex iwassal riformi fil-livelli nazzjonali u tal-UE billi jiżgura li l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkoordinaw il-politiki ekonomiċi tagħhom; jiddispjaċih madankollu bin-nuqqas ta' responsabbiltà li qed jirriżulta f'livell insodisfaċenti tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

34.    Jemmen li s-Semestru Ewropew għandu jiġi ssimplifikat u msaħħaħ, mingħajr ma jiġi mmodifikat il-qafas legali attwali, u li d-dokumenti relatati mas-Semestru għandhom ikunu kkoordinati aħjar, biex b'hekk jiżdiedu l-attenzjoni, l-effikaċja u s-sjieda sabiex jinkisbu l-għanijiet Ewropej ta' governanza ekonomika tajba;

35.    Jitlob li r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (CSRs) ikunu, fejn rilevanti, ikkoordinati aħjar mar-rakkomandazzjonijiet tal-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv (EDP) sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn is-sorveljanza tal-pożizzjoni fiskali u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika;

36.    Jiffavorixxi proċedura msaħħa fil-livell tal-UE u dak nazzjonali dwar it-tfassil, is-segwitu, l-appoġġ u l-monitoraġġ tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż li jippermetti wkoll li ssir il-verifika tal-implimentazzjoni reali tagħhom u tal-paragun bejn il-kwalità u t-twassil;

37.    Ifakkar li l-leġiżlazzjoni teħtieġ lill-Kummissjoni li tqis, fost l-oħrajn, il-miri tal-2020 meta tħejji r-rakkomandazzjonijiet tagħha u tistabbilixxi l-prinċipju li skontu "l-Kunsill mistenni, bħala regola, isegwi r-rakkomandazzjonijiet u l-proposti tal-Kummissjoni jew jispjega l-pożizzjoni tiegħu pubblikament";

38.    Jinsab imħasseb dwar iż-żieda fid-dejn f'pajjiżi li diġà għandhom livell għoli ta' dejn, li huwa kontradizzjoni qawwija mar-regola 1/20 dwar it-tnaqqis tad-dejn; jitlob lill-Kummissjoni tispjega kif biħsiebha tindirizza din il-kontradizzjoni u tiżgura li l-proporzjon tad-dejn jitnaqqas għal livelli sostenibbli f'konformità mal-PST;

39.    Jappoġġa l-istrateġija tat-tliet pilastri tal-Kummissjoni (investimenti li jsaħħu t-tkabbir, il-konsolidazzjoni fiskali u r-riformi strutturali), ippreżentata fis-SAT 2015 u jitlobha biex tagħmilha aktar konkreta skont il-valutazzjoni kumplessiva tas-sitwazzjoni baġitarja u tal-prospetti fiż-żona tal-euro u fis-CSRs;

40.    Jirrikonoxxi l-bżonn ta' analiżi indipendenti u pluralistika tal-perspettivi ekonomiċi tal-Istati Membri fil-livell tal-UE; f'dan il-kuntest iħeġġeġ biex tiġi żviluppata aktar l-Unità tal-Kummissjoni magħrufa bħala l-Analist Prinċipali tal-Ekonomija biex tipprovdi analiżi oġġettiva, indipendenti u trasparenti tad-data rilevanti, li għandha ssir pubblika u sservi ta' bażi għal dibattitu infurmat sew u t-teħid ta' deċiżjonijiet fil-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew; jitlob li l-Analist Prinċipali tal-Ekonomija jintbagħtulu d-dokumenti rilevanti kollha fi żmien opportun biex iwettaq il-kompiti tiegħu; jenfasizza r-rwol utli tal-kunsilli fiskali nazzjonali kemm fil-livell nazzjonali u kif ukoll fil-livell tal-UE u jinkoraġġixxi t-twaqqif ta' netwerk Ewropew;

41.    Ifakkar li l-MIP hija maħsuba biex tevita li tinqala' kriżi permezz tal-identifikazzjoni bikrija ta' żbilanċi makroekonomiċi dannużi fuq il-bażi ta' valutazzjoni oġġettiva tal-iżvilupp tal-varjabbli makroekonomiċi ewlenin; jemmen li l-MIP trid tintuża biex jiġi vvalutat b'mod effiċjenti u effikaċi l-iżvilupp ta' fatturi varjabbli makroekonomiċi prinċipali kemm f'pajjiżi b'defiċit kif ukoll b'surplus, partikolarment fir-rigward tat-tisħiħ tal-kompetittività u b'kunsiderazzjoni aħjar taż-żona tal-euro kollha kemm hi, inklużi l-effetti konsegwenzjali; ifakkar li s-sorveljanza makroekonomika għandha l-għan ukoll li tidentifika l-pajjiżi li x'aktarx se jesperjenzaw żbilanċi futuri u biex tevitahom permezz tat-tnedija f'waqtha ta' riformi strutturali sostenibbli u soċjalment ibbilanċjati, meta jkun għad hemm lok għal azzjoni;

42.    Jissottolinja d-differenzjazzjoni ċara tal-Kummissjoni bejn it-taqsimiet preventivi u korrettivi tal-PST, fir-rigward ta' investiment li jippermetti devjazzjoni temporanja mill-OTM, jew mill-pjan ta' aġġustament lejn l-objettiv, fi ħdan l-eżistenza ta' marġni ta' sigurtà taħt it-taqsima preventiva; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ikunu konsistenti f'dan il-qasam mal-eżitu tal-pożizzjoni tal-koleġiżlaturi rigward ir-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi;

43.    Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra fl-analiżi tagħha l-fatturi importanti kollha, fosthom it-tkabbir reali, l-inflazzjoni, l-investiment pubbliku fit-tul u r-rati tal-qgħad meta tevalwa s-sitwazzjonijiet ekonomiċi u fiskali tal-Istati Membri, u tindirizza b'mod urġenti d-diskrepanza fl-investiment fl-UE billi ċċaqlaq l-infiq lejn it-tkabbir u l-impjiegi l-aktar produttivi, sostenibbli u li jsaħħu l-investiment;

44.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-mod kif jitqiesu l-azzjonijiet effikaċi taħt l-EDP għandu jkun ibbażat fuq kriterji ċari, numerikament kwantifikabbli u kwalitattivi;

45.    Jinsisti li l-attenzjoni fuq id-defiċits strutturali sa mir-riforma tal-2005 tal-PST, flimkien mal-introduzzjoni ta' regola tal-infiq bir-riforma tal-2011, kif ukoll il-kunċett tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni li huwa diffiċli ħafna li jiġi kwantifikat, joħolqu inċertezza, kumplessità u marġni ta' flessibilità u għaldaqstant id-diskrezzjoni ta' implimentazzjoni tal-PST; jibża' li l-kalkolu ta' tkabbir u l-output potenzjali, li huwa l-bażi tal-valutazzjoni tad-defiċit strutturali, u dak tar-regola tal-infiq, huma soġġetti għal diversi suppożizzjonijiet dubjużi li jwasslu għal reviżjonijiet sostanzjali bejn il-previżjonijiet tal-Ħarifa u dawk tar-Rebbiegħa tal-Kummissjoni u għalhekk iwasslu għal kalkoli differenti u valutazzjonijiet diverġenti rigward l-implimentazzjoni tal-PST;

46.    Jistieden lill-Kummissjoni, meta tkun qed timmonitorja u tevalwa l-pożizzjonijiet fiskali tal-Istati Membri, biex tikkunsidra l-implikazzjonijiet prattiċi tal-miżuri u r-riformi fiskali miftiehma; jistieden lill-Kummissjoni timmira għal tfassil ta' politika konsistenti u prevedibbli, tibbaża l-analiżi tagħha fuq fatti konkreti u data affidabbli u teżerċita l-akbar kawtela meta tuża stimi f'kunċetti bħall-istima tal-potenzjal ta' tkabbir tal-PDG u l-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni;

47.    Jissottolinja l-importanza ta' tkabbir ġdid u ħolqien tal-impjiegi għall-aċċettazzjoni pubblika tal-qafas tal-governanza ekonomika, u jitlob, għaldaqstant, lill-Kummissjoni ttejjeb l-ambjent tan-negozju fl-Ewropa b'attenzjoni partikolari għall-SMEs, it-tneħħija ta' burokrazija u l-aċċess għall-finanzi; ifakkar, f'dan ir-rigward, il-bżonn li jiġi pprovdut appoġġ lill-SMEs biex ikunu jistgħu jkollhom aċċess ukoll għas-swieq mhux tal-UE bħal dak tal-Istati Uniti, il-Kanada, iċ-Ċina u l-Indja;

Ir-responsabbiltà demokratika u l-isfidi għall-ġejjieni fit-tisħiħ tal-governanza ekonomika

48.    Jemmen li UEM aktar profonda u aktar reżiljenti teħtieġ b'mod urġenti inqas kumplessità, sjieda aħjar u aktar trasparenza, aktar milli sempliċement iżżid saffi ġodda ta' regoli ma' dawk li diġà jeżistu; jissottolinja li, kif ir-responsabbiltajiet fil-qasam tal-UEM huma maqsuma bejn il-livell nazzjonali u dak Ewropew, jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari biex tiġi żgurata l-koerenza u r-responsabbiltà tal-governanza ekonomika kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew; jemmen, barra minn hekk, li istituzzjonijiet soġġetti għal responsabbiltà demokratika għandhom jaqdu rwol prinċipali u jissottolinja l-ħtieġa għal aktar involviment parlamentari, fejn iridu jittieħdu r-responsabbiltajiet fil-livell ta' teħid jew implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet;

49.    Jirrikonoxxi, abbażi tas-sitwazzjoni attwali, li l-qafas ta' governanza ekonomika jrid jiġi ssimplifikat, infurzat aħjar u fejn meħtieġ, korrett u kkompletat biex ikun possibbli li l-UE u ż-żona tal-euro jilqgħu l-isfidi ta' konverġenza, tkabbir sostenibbli, impjieg sħiħ, benessri taċ-ċittadini, kompetittività, finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, futur orjentat b'investiment fit-tul li jkollu redditu soċjoekonomiku għoli u reżiljenza;

50.    Jemmen li, minħabba li l-kontribut parlamentari għal-linji gwida dwar il-politika ekonomika huwa aspett importanti ta' kull sistema demokratika, leġittimità akbar fil-livell Ewropew tista' tiġi żgurata permezz tal-adozzjoni ta' Linji Gwida ta' Konverġenza li jkollhom fil-mira l-prijoritajiet għas-snin li ġejjin, soġġetti għal proċedura ta' kodeċiżjoni li għandha tiġi introdotta fil-bidla li jmiss tat-Trattat;

51.    Ifakkar fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jispeċifikaw li l-ħolqien tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) u t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza ("il-Patt Fiskali") barra l-istruttura tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jirrappreżenta intopp għall-integrazzjoni politika tal-Unjoni u, għalhekk, jitlob li l-MES u l-Patt Fiskali jiġu integrati bis-sħiħ fil-qafas Komunitarju abbażi ta' valutazzjoni tal-esperjenza tal-implimentazzjoni tiegħu, kif stipulat fl-Artikolu 16 tat-TSKG u konsegwentement ikunu formalment responsabbli quddiem il-Parlament;

52.    Ifakkar it-talba tiegħu biex jiġu żviluppati għażliet għal qafas legali ġdid għal programmi ta' aġġustament makroekonomiku futur, li jissostitwixxi t-Trojka, sabiex jiżdiedu t-trasparenza u s-sjieda ta' dawn il-programmi u jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet kollha tal-UE jittieħdu, fejn hu possibbli, skont il-metodu tal-Komunità; jemmen li għandu jkun hemm konsistenza bejn in-natura tal-mekkaniżmu ta' stabbiltà użat u l-istituzzjoni responsabbli għall-mobilizzazzjoni tiegħu, filwaqt li jirrikonoxxi li, peress li l-assistenza finanzjarja hija garantita mill-Istati Membri taż-żona tal-euro, għandha titqies il-kelma tagħhom rigward ir-rilaxx tiegħu;

53.    Jitlob li titnieda valutazzjoni mill-ġdid tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Grupp tal-Euro sabiex tkun prevista responsabbiltà demokratika xierqa; jilqa' r-rieda tal-President tal-Grupp tal-Euro li jipparteċipa b'mod regolari fil-laqgħat tal-Kumitat ECON bl-istess mod bħall-President tal-Kunsill ECOFIN, u b'hekk jikkontribwixxi għal livell simili ta' responsabbiltà demokratika;

54.    Ifakkar li s-6-pack u t-2-pack huma bbażati fuq rwol imsaħħaħ ta' Kummissarju indipendenti li għandu jiżgura l-applikazzjoni ġusta u mhux diskriminatorja tar-regoli, jemmen li passi ulterjuri fl-istabbiliment istituzzjonali tal-governanza ekonomika, bħat-tisħiħ tar-rwol tal-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jew il-ħolqien ta' Uffiċċju tat-Teżor Ewropew iridu jirrispettaw is-separazzjoni tal-poteri bejn l-istituzzjonijiet differenti u jkunu marbuta ma' mezzi adegwati għar-responsabbiltà demokratika u l-leġittimità, bl-involviment tal-Parlament Ewropew;

55.    Ifakkar li l-Unjoni Bankarja kienet ir-riżultat tar-rieda politika biex jiġi evitat it-tiġdid ta' kriżi finanzjarja, biex jinqata ċ-ċirku vizzjuż bejn il-banek u s-sovrani kif ukoll biex jiġu minimizzati l-konsegwenzi negattivi li jirriżultaw minn kriżi tad-dejn sovran, u li l-istess rieda hija meħtieġa biex tinkiseb UEM approfondita;

56.    Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta pjan direzzjonali ambizzjuż għall-istabbiliment ta' unjoni ekonomika u monetarja approfondita li tqis il-proposti kif spjegati f'dan ir-rapport, u tibni fuq il-mandat mogħti mis-summit taż-żona tal-euro, ikkonfermat mill-Kunsill biex "jitħejjew il-passi li jmiss għal governanza ekonomika aħjar fiż-żona tal-euro" kif ukoll tibni fuq xogħol preċedenti bħar-Rapport Thyssen tal-20 ta' Novembru 2012 "Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina", u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2012 "Pjan ta' Azzjoni għal Unjoni Ekonomika u Monetarja profonda u ġenwina. It-tnedija ta' Dibattitu Ewropew" u r-rapport finali tal-Erba' Presidenti tal-5 ta' Diċembru 2012;

57.    Jistieden lill-partijiet interessati f'dan il-pass meħtieġ li jmiss tal-UEM biex iqisu tkabbir possibbli fil-futur viċin taż-żona tal-euro u biex jesploraw il-possibbiltajiet kollha li japprofondixxu u jsaħħu lill-UEM u jagħmluha aktar reżiljenti u li twassal għal tkabbir, impjiegi u stabbiltà, bħal pereżempju:

a) mekkaniżmi ta' responsabbiltà demokratika msaħħa kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali, fejn ir-responsabbiltajiet iridu jittieħdu fil-livell tat-teħid ta' deċiżjonijiet u bbażati fuq l-adozzjoni ta' linji gwida ta' konverġenza taħt il-proċedura ta' kodeċiżjoni, filwaqt li jiġi fformalizzat ir-rwol ta' skrutinju tal-Parlament Ewropew fis-Semestru Ewropew bħala Ftehim Interistituzzjonali u jiġi żgurat li l-parlamenti nazzjonali taż-żona tal-euro kollha jsegwu kull pass tal-proċess tas-Semestru Ewropew;

b) dimensjoni soċjali maħsuba biex tippreserva l-ekonomija tas-suq soċjali tal-Ewropa, filwaqt li tirrispetta d-dritt għal negozjar kollettiv, li taħtha l-koordinazzjoni tal-politiki soċjali tal-Istati Membri tiġi garantita, inklużi l-paga minima jew il-mekkaniżmu ta' dħul xieraq deċiżi minn kull Stat Membru u biex tappoġġa l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, l-integrazzjoni mill-ġdid ta' ħaddiema fis-suq tax-xogħol, il-mobbiltà volontarja u l-flessibbiltà bejn il-professjonijiet u l-Istati Membri;

c) kapaċità fiskali taż-żona tal-euro bbażata fuq riżorsi proprji speċifiċi li għandha, fil-qafas tal-baġit tal-Unjoni b'kontroll parlamentari Ewropew, tassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' riformi strutturali miftiehma skont ċerti kundizzjonijiet, inkluża l-implimentazzjoni effettiva tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma; f'dan ir-rigward jilqa' l-ħidma tal-Grupp tal-UE dwar ir-riżorsi proprji ppresedut minn Mario Monti;

d) iż-żieda tar-reżiljenza tal-UEM biex tiffaċċja xokkijiet ekonomiċi u emerġenzi direttament konnessi mal-Unjoni Monetarja filwaqt li tevita kwalunkwe forma ta' trasferimenti fiskali permanenti;

e) rigward it-tassazzjoni, impenn għall-miżuri mifruxa fl-Ewropa kollha kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa korporattiva, il-kooperazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa sabiex jiskambjaw informazzjoni dwar l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi fiskali, miżuri biex tinkiseb konverġenza tal-politiki ta' tassazzjoni tal-Istati Membri, bażi fiskali korporattiva komuni u konsolidata, aktar sempliċi u aktar trasparenti tas-sistemi fiskali u rappurtar pajjiż b'pajjiż għal kumpaniji, ħlief għall-SMEs;

f)  l-ikkompletar tal-Unjoni Bankarja, pass wara pass;

g) l-inklużjoni tal-MES u tat-TSKG fid-dritt tal-Unjoni li timxi id f'id mal-koordinazzjoni msaħħa tal-politika ekonomika, konverġenza reali, tisħiħ tar-regoli komuni u impenn ċar għal riformi strutturali ekonomikament u soċjalment sostenibbli;

h) l-indirizzar tan-nuqqasijiet fil-qafas attwali li jippermetti lil ċerti partijiet tat-Trattat biex jiġu ssorveljati mill-Qorti filwaqt li oħrajn jiġu esklużi;

i)  rwol estern akbar taż-żona tal-euro, inkluż l-aġġornament tar-rappreżentanza tagħha;

58.    Jitlob li jiġu elaborati aktar passi possibbli fl-UEM abbażi ta' approċċ ta' "4+1 Presidenti", inkluż il-President tal-PE, li għandu jkun mistieden għal-laqgħat kollha, jingħata l-informazzjoni kollha, u jingħata d-dritt li jipparteċipa fid-dibattiti; jinnota li l-President tal-Kummissjoni indika l-intenzjoni tiegħu li jibbaża ruħu fuq l-input mill-President tal-Parlament Ewropew fir-riflessjonijiet tiegħu matul il-preparazzjoni tar-rapporti tal-4 Presidenti;

59.    Jitlob lill-President tiegħu, biex iwettaq koordinament ex-ante mal-Presidenti tal-gruppi politiċi jew ma' dawk il-Membri speċifikament maħtura mill-gruppi tagħhom jew mill-Parlament, biex jirrappreżenta lill-Parlament fil-kompitu li jmiss fuq il-bażi tal-mandat mogħti minn din ir-Riżoluzzjoni u jindirizza, inter alia, il-mistoqsijiet fin-Nota Analitika tal-Erba' Presidenti dwar "Preparing Next Steps on Better Economic Governance in the Euro area" (Inħejju l-Passi li jmiss dwar Governanza Ekonomika Aħjar fiż-Żona tal-Euro);

60.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Presidenti tal-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Grupp taż-Żona tal-Euro u l-BĊE, kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)

ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.

(2)

ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11.

(3)

ĠU L 306, 23.11.2011, p. 12.

(4)

ĠU L 306, 23.11.2011, p. 33.

(5)

ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1.

(6)

ĠU L 306, 23.11.2011, p.41.

(7)

ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(8)

ĠU L 306, 23.11.2011, p. 8.

(9)

Testi Adottati, P7_TA(2014)0239.

(10)

Testi adottati, P7_TA(2013)0598.

(11)

ĠU C 165 E, 11.6.2013, p. 24.

(12)

ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 140.


NOTA SPJEGATTIVA

Wara l-mandat li wasal mingħand il-koordinaturi tal-Kumitat ECON f’Settembru 2014, dan ir-rapport huwa kontribut biex tiġi vvalutata l-effettività tal-qafas legali, partikolarment dwar jekk id-dispożizzjonijiet li jirregolaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet kinux sodi biżżejjed u dwar il-progress biex jiġi żgurat koordinament aktar mill-qrib tal-linji ta’ politiki ekonomiċi u ta' konverġenza sostnuta ta’ rendimenti ekonomiċi tal-Istati Membri skont it-TFUE. Minn dak iż-żmien, seħħew 3 żviluppi importanti: it-talba mis-Summit taż-zona tal-euro fl-24 ta’ Ottubru 2014 lill-President tal-Kummissjoni sabiex terġa’ tibda ħidma fuq ir-rapport tal-4 Presidenti, il-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ żewġ komunikazzjonijiet, waħda dwar “ir-rieżami tal-gvernanza ekonomika, rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolamenti” fit-28 ta’ Novembru 2014 u oħra dwar “l-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt tal-Istabbiltà u Tkabbir”.

Dan ir-rapport kien ippreparat f’kuntest fejn aktar minn 7 snin wara l-bidu tal-kriżi, l-euro ġie salvat grazzi għal miżuri li jinkludu r-reviżjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST), il-Patt Fiskali, l-ilħuq ta' ftehim dwar il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), l-Unjoni Bankarja u r-rwol ewlieni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), li ħadd ma seta’ jipprevedi minn qabel. Iżda r-rapport qed jiffaċċja wkoll sitwazzjoni fl-Ewropa, iż-żona tal-euro fejn, skont l-aħħar ċifri maħruġa minn Eurostat, ir-rata tal-qgħad kienet ta’ 11.5 % f’Novembru 2014, l-inflazzjoni annwali hija mistennija li tinżel għal - 0.2 % f’Diċembru 2014, filwaqt li l-previżjonijiet tal-ħarifa tal-Kummissjoni Ewropea qed jipproġettaw tkabbir ekonomiku dgħajjef għal 2014 (+ 0.8 %).

Ir-rapport huwa bbażat fuq dan l-isfond u fuq l-analiżi tal-ewwel snin tal-implimentazzjoni tal-qafas ta’ governanza ekonomika kif ġie modifikat matul il-kriżi. Bl-esperjenza tal-lum, il-karattru inkomplet tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) u r-rendiment fqir taż-żona tal-ewro mill-2011 taw lok għal dibattitu dwar it-taħlita tal-politiki adottati b’riżultat tal-kriżi tad-dejn sovran, hekk kif iż-żona tal-euro waqgħet lura meta mqabbla mal-kontropartijiet tagħha. F’dan ir-rigward, dokument ekonomiku(1) mill-Kummissjoni li janalizza ż-żona tal-euro mill-2011 sal-2013 jikkonkludi li konsolidazzjonijiet simultanji fil-pajjiżi taż-żona tal-euro - wara politiki espanzjonistiċi li ntlaħaq qbil dwarha mill-G20 wara l-falliment ta’ Lehman Brothers - kellhom “effetti negattivi kbar fl-output” u “konsegwenzi sekondarji negattivi sinifikanti”. Ir-rapport josserva li d-dispożizzjonijiet il-ġodda ma ppermettewx li jitqies b’mod xieraq l-effett kumulattiv, madwar l-Ewropa kollha tal-politiki segwiti fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari f'qagħda fiskali aggregata, u għalhekk ma indirizzawx ir-riskji li jirriżultaw minn diverġenzi dejjem jikbru bejn l-ekonomiji taż-żona tal-euro, it-theddida deflazzjonistika, it-tkabbir baxx u l-qgħad għoli.

F’dan il-kuntest, ir-rapport jargumenta li l-effett negattiv fuq il-perspettiva tat-tkabbir tal-implimentazzjoni ta’ politika fiskali simultanja kontratta madwar l-Ewropa ġiet sottovalutata b’mod sinifikanti, u li l-klawżoli ta’ flessibbiltà previsti fil-PST għall-implimentazzjoni tal-politiki ekonomiċi antiċikliċi f’kuntest ta’ tkabbir aktar baxx minn dak potenzjali ma ġewx użati kollha jew li, sa issa, ukoll minħabba interpretazzjoni ristretta, ma jippermettux spazju adegwat ta’ manuvra biex ikunu indirizzati l-isfidi li l-UE kienet għaddejja minnhom.

Għalhekk jeħtieġ tiġi diskussa l-enfasi qawwija fuq id-defiċit strutturali fejn tidħol il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-PST, li wasslu għal interpretazzjoni diskrezzjonali, għaliex minħabba l-kostruzzjoni tiegħu, dan l-indikatur huwa suġġett għal diversi suppożizzjonijiet dubjużi. Il-preġudizzju tal-konsolidazzjoni matul l-aħħar snin, ammessa minn din il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, xi drabi kien ta’ ħsara għall-iffinanzjar ta’ riformi strutturali, inkluż il-ħtiġijiet ta' investiment li kien ilhom jeżistu, u dan seta' wassal għal kontradizzjonijiet f’termini ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ politika fejn kien konċernat l-ilħuq tal-miri tal-istrateġija UE 2020.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ressqet żewġ komunikazzjonijiet li jiddefinixxu l-qafas ta’ dak li għandu jiġi diskuss. Il-Komunikazzjoni dwar il-flessibbiltà hija ta' natura interpretattiva b’effett immedjat li tfittex li tħeġġeġ l-investiment u t-tkabbir fi ħdan ir-regoli eżistenti. Billi tikkunsidra l-kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-FEIS bħala newtrali fir-rigward tal-PST, din il-Komunikazzjoni tappoġġja l-pjan ta’ investiment imniedi mill-Kummissjoni. Ir-rapporteur temmen li jeħtieġ li jinkiseb aktar progress, notevolment billi jiġi adottat approċċ simmetriku għal kontribuzzjonijiet ħalli jiġu kofinanzjati proġetti fi ħdan il-FEIS taħt il-'klawżola tal-investiment' fit-taqsimiet preventivi u korrettivi. Din il-komunikazzjoni tipproponi wkoll mod ġdid li jikkunsidra l-ispiża tal-implimentazjzoni tar-riformi strutturali fil-valutazzjoni tas-sitwazzjoni fiskali tal-Istati Membri. Id-dispożizzjonijiet jistgħu jtejbu l-implimentazzjoni tar-riformi mill-Istati Membri u jżidu s-sens ta' sjieda tagħhom, dment li l-istess approċċ ikun segwit fit-taqsimiet preventivi u korrettivi.

It-tieni Komunikazzjoni hija speċi ta’ osservazzjoni statistika ta’ kif il-proċeduri differenti stabbiliti skont is-‘6 + 2 pack” ġew użati: hija tirrikonoxxi “oqsma possibbli għal titjib, li jirrigwarda t-trasparenza u l-kumplessità tat-tfassil tal-politika” iżda wkoll dwar “l-impatt tagħhom fuq it-tkabbir, l-iżbilanċi u l-konverġenza” filwaqt li “Il-Kummissjoni qed tippjana li tiddiskuti dawn mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fix-xhur li ġejjin”.

Dan il-pass qiegħed aktar enfasi fuq il-lat monetarju minħabba d-deċiżjoni meħuda mill-BĊE fit-22 ta’ Jannar 2015 li tagħti bidu għal programm ta’ xiri tal-assi usa’ li jinkludi bonds maħruġa minn gvernijiet ċentrali taż-żona euro u jammonta għal EUR 60 biljun kull xahar minn tal-inqas sa Settembru 2016.

Ir-rapporteur tinsab konvinta bis-sħiħ li l-Parlament Ewropew għandu juża din l-opportunità biex jikkontribwixxi għad-dibattitu dwar funzjonament aħjar tal-UEM, filwaqt li titqies ukoll id-diskussjoni li dalwaqt se tibda fuq il-bażi tar-rapport tal-4 Presidenti.

F’dan l-ispirtu, jidher li jeħtieġ jiġu indirizzati xi punti kritiċi.

1) Iż-żona tal-euro hi nieqsa minn evalwazzjoni xierqa tas-sitwazzjoni ekonomika globali tagħha, ta' dijanjosi kondiviża, kif żona li tikkondividi l-istess munita jeħtieġ li jkollha. Dan sar ovvju meta feġġew diverġenzi kbar li l-kriżi attwali u l-intervent tat-Trojka żiedu kif ukoll minħabba l-waqgħa storika tal-investiment fl-UE. Il-UEM ovvjament nieqsa minn għodda xierqa biex tniedi dibattitu xieraq dwar id-dinamika li Stati Membri differenti għandhom isegwu fir-rigward tal-pożizzjoni fiskali tagħhom. Dan kien l-aspett fundamentali tad-dibattitu li ilu għaddej sa mit-twaqqif tal-UEM. Ippruvajna nindirizzaw dan permezz ta’ għodda differenti, inkluż il-bidu ta' Linji Gwida Ġenerali għall-Politiki Ekonomiċi (BEPG). B’xi mod ikkunsidrajna li dan ikun fattibbli fi ħdan is-Semestru Ewropew u l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) u l-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku (MIP). Dan tal-aħħar, irridu nirrikonoxxu, ippermettielna nagħmlu osservazzjoni tal-pajjiżi bid-defiċit jew bis-surplus, anke jekk dan ma wassalx għal diskussjoni wiesgħa fost il-partijiet interessati u essenzjalment jidher li hu strument għad-diskussjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar ir-riformi strutturali previsti. Issa li l-ekonomija tal-UE ovvjament daħlet fiż-żona tar-riskju ta’ xenarju tat-tip Ġappuniż, jista’ jkun iż-żmien xieraq biex jitnieda dan id-dibattitu u biex tinbena l-għodda xierqa għalih. B’xi mod dan id-dibattitu nfetaħ bid-diskussjoni attwali dwar “il-pożizzjoni fiskali taż-Żona tal-euro”, iżda l-kwistjoni hija li nsiru nafu jekk din għandhiex tkun biss żieda ta’ pożizzjonijiet fiskali nazzjonali osservati jew jekk jistax ikun approċċ politiku qabel iċ-ċiklu li jippermetti li jiġi definit ir-rwol dinamiku li kull wieħed jista’ jkollu sabiex jinkiseb l-aħjar riżultat għal kulħadd. Għal dan l-għan, ir-rapporteur tipproponi li tittejjeb ir-rakkomandazzjoni taż-żona tal-euro mħejjija mill-Kummissjoni u b’hekk issir obbligatorja u tkun adottata aktar kmieni matul il-Kunsill tar-Rebbiegħa.

2) Ħafna osservaturi, iżda wkoll il-Kummissjoni, illum jirrikonoxxu li l-governanza ekonomika laħqet punt ta’ kumplessità li huwa ta’ ħsara għad-demokrazija, it-trasparenza u s-sjieda. Ejjew nirrikonoxxu li dan huwa r-riżultat ta’ nuqqas ta’ fiduċja li wasslet biex jiżdiedu regoli ġodda ma' dawk li diġà jeżistu. Dan ġie tradott ukoll f’segwitu b’xi mod intrużiv mill-Kummissjoni fil-konfront ta’ “riformi strutturali” fl-Istati Membri li jista’ f'ċertu punt iwassal biex ikun kontroproduttiv. Wara l-adozzjoni tal-euro, il-pressjoni għar-riformi setgħet naqset f’ħafna Stati Membri iżda l-kriżi attwali obbligat kull wieħed minnhom jirreaġixxi. L-aħjar mod biex jinkisbu dawn ir-riformi, mingħajr ma jkunu pperikolati d-demokrazija, id-djalogu soċjali u ta’ sjieda li huma wkoll parti mill-kompetittività tal-UE, huwa li kull Stat Membru jitħalla jindirizzahom abbażi ta’ fehim komuni tas-sitwazzjoni. Dan il-pass huwa meħtieġ biex jinkiseb suċċess finali, inkluż fl-ispirtu tar-rispett tar-regoli. Dan jista’ jiffunzjona sakemm wieħed jammetti li r-riformi xierqa għandhom jiġu definiti fil-livell nazzjonali b’segwitu għall-istrateġija ġenerali tal-UE, li xi riformi jkollhom effett fuq perjodu twil u li, fis-sitwazzjoni ekonomika attwali, għandu jiġi mfittex il-bilanċ korrett bejn id-dixxiplina fiskali u r-riformi strutturali.

3) Ir-regoli u s-sanzjonijiet ta’ governanza ekonomika attwali huma essenzjalment ibbażati fuq kunċetti, l-ewwel wieħed l-“output gap”, li huwa s-suġġett ta’ kontroversji importanti fost l-esperti, inkluż Martti Hetemäki, President tal-Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika (ESGAB) jew Stefan KAPFERER f’isem l-OECD matul l-aħħar preżentazzjonijiet tagħhom quddiem il-Kumitat ECON. Ir-rwol tal-“output gap” diġà kien żdied mill-aħħar komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-flessibilità. Din is-sitwazzjoni mhijiex sana u għandha tiġi ċċarata billi jinstab ftehim komuni ta’ dawn il-kunċetti jew billi jinbidlu, iżda fi kwalunkwe każ billi jiġu impenjati l-BĊE, l-OECD u l-FMI f'dan il-kompitu.

4) Wara l-implimentazzjoni tal-qafas ta’ governanza ekonomika attwali fil-kuntest ekonomiku attwali, qed jinfetħu diskussjonijiet dwar is-sostenibbiltà ta’ wħud mir-regoli li kienu adottati fil-passat. Id-dibattitu jeħtieġ wkoll li jitqies b’attenzjoni. L-ewwel punt huwa ovvjament dak dwar it-tnaqqis tad-dejn ta' 1/20 għalkemm jista’ japplika wkoll għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0.5 %.

5) Il-Parlament Ewropew fi tmiem l-aħħar leġiżlatura beda d-dibattitu dwar il-leġittimità u l-effiċjenza tal-programmi ta’ assistenza mmexxija mit-Trojka. Wara li ppreżenta l-programm tiegħu bħala President tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew fil-15 ta’ Lulju 2014, jidher li Jean-Claude Juncker m’għandux l-intenzjoni li jsegwi t-Trojka bħala tali. Din l-esiġenza ġiet imsaħħa mill-opinjoni tal-Avukat tal-QEĠ dwar il-legalità tal-avviżi ta’ Transazzjonijiet Monetarji Definittivi (OMT) tal-BĊE. B’riżultat ta’ dan u flimkien mal-fatt li l-Parlament Ewropew jitlob li l-MES ikun inkluż fit-Trattat, hemm ħtieġa ta' riflessjoni ġdida u ta' kjarifika dwar ir-responsabbiltà kif ukoll l-għodod tal-partijiet interessati differenti.

6) Kwalunkwe qafas għall-governanza ekonomika, madankollu, ma jistax ikun iġġudikat biss fuq ir-riżultati (“leġittimità tal-output”), iżda għandu jiġi analizzat ukoll f’termini ta’ responsabbiltà demokratika. Minħabba żieda fis-sens ta’ defiċit demokratiku fil-qafas ta’ governanza ekonomika msaħħa, ir-rapport jargumenta li l-arranġamenti purament intergovernattivi għandhom jintemmu u li, minflok, involviment akbar tal-Parlament Ewropew huwa, fil-livell Ewropew, kundizzjoni qua non biex tiżdied il-leġittimità demokratika. Minħabba li, barra minn dan, ir-responsabbiltà demokratika ddgħajfet ukoll minħabba l-kumplessità estrema tal-qafas, ir-rapport jitlob lill-Kummissjoni tressaq programm leġiżlattiv ambizzjuż dwar ir-riforma tal-qafas fir-rebbiegħa ta’ din is-sena.

7) Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, ħadd ma jista’ jiddiskuti l-governanza ekonomika tal-UEM mingħajr ma jaħseb lil hinn mill-kriżi. Id-dibattitu dwar l-approfondiment tal-UEM diġà ġie pospost għal wisq żmien, bħalma kwalunkwe osservatur onest jista' jikkonkludi. Matul l-aħħar leġiżlatura, dan kien ġie stimulat mill-komunikazzjoni Blueprint tal-Kummissjoni, ir-rapport tal-4 Presidenti li ġie vvalutat mill-Parlament Ewropew b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rapport tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Grupp tal-euro bit-titolu “Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina”, jiġifieri r-Rapport Thyssen. Iżda fl-aħħar nett, il-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet kienu qegħdin jistennew l-elezzjonijiet ġenerali Ġermaniżi, imbagħad dawk tal-Parlament Ewropew. Illum l-eżitu tal-elezzjonijiet fil-Greċja jbiddel in-natura tad-dibattitu u għalhekk jidher li d-dibattitu jista’ finalment iseħħ wara l-elezzjonijiet ġenerali fir-Renju Unit. Wasal iż-żmien biex jitħejja dan il-kompitu li għalih Jean-Claude Juncker irċieva mandat ġdid flimkien mal-Presidenti rispettivi tal-Kunsill Ewropew, tal-Grupp tal-euro u tal-BĊE. Il-Parlament Ewropew jeħtieġ li jkun assoċjat b’mod sħiħ ma’ dan in-negozjar u li jiżgura li ma titwarrab l-ebda għażla biex l-UEM ikollha l-għodda fuq bażi msaħħa li tinkludi, fost oħrajn u tal-inqas, erba’ elementi kostituttivi: kapaċità fiskali, mekkaniżmi ta' assistenza mġedda, dimensjoni soċjali u pilastru istituzzjonali u demokratiku. L-UE u ż-żona tal-euro jeħtieġ li jiżguraw li dak li jsir din id-darba ma jkunx ftit wisq, tard wisq u li l-Ewropej jistgħu jakkwistaw l-akbar vantaġġ mill-euro.

(1)

“Fiscal consolidations and spillovers in the euro area periphery and core” (Konsolidazzjonijiet fiskali u l-effetti konsegwenzjali fil-periferija taż-żona tal-euro u ċentrali), Jan In’ t Veld, Economic Papers 506, Kummissjoni Ewropea, Ottubru 2013, http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/economic_paper/2013/pdf/ecp506_en.pdf


OPINJONI TAL-MINORANZA

skont l-Artikolu 56(3) tar-Regoli ta' Proċedura

Imressqa minn Bernd Lucke

L-għan tar-rapport kien li jagħti stampa tas-sitwazzjoni tal-lum rigward il-governanza ekonomika. B'mod partikolari, kellu l-għan li jevalwa l-funzjonament tar-regoli attwali tal-governanza ekonomika, kif ukoll li jiddeskrivi l-isfidi tal-ġejjieni.

Dawn l-għanijiet ir-rapport bl-ebda mod ma jilħaqhom.

Ir-rapport ma jagħmel l-ebda analiżi sistematika tal-istatus quo. Minflok, huwa mimli bi platitudnijiet normattivi u ma jorbotx mal-leġiżlazzjoni Ewropea fis-seħħ, b'mod partikolari mal-klawsola li tipprojbixxi s-salvataġġ finanzjarju (l-Artikolu 125 tat-TFUE).

Ir-rapport jitlob li l-politika ekonomika tiġi ċċentralizzata u li r-responsabbiltà fi ħdan iż-żona tal-euro ssir komuni. B'konsegwenza ta' dan, ir-reponsabbiltà għall-politika tal-infiq u r-reponsabbiltà għar-riżultati ta' dik il-politika jibqgħu distinti minn xulxin.

It-Trattat ta' Maastricht, li għadu fis-seħħ, jistabbilixxi li l-governanza ekonomika fl-unjoni monetarja trid isserraħ fuq ir-responsabbiltà baġitarja nazzjonali.

Dan il-kunċett jesprimi ruħu fil-klawsola li tipprojbixxi s-salvataġġ finanzjarju, li tissejjes fuq żewġ regoli fiskali sempliċi.

Minn meta ġew stabbiliti sal-lum, dawn ir-regoli diġà nkisru aktar minn 90 darba. Minn mindu l-politika ta' salvataġġ iddaħħlet permezz tal-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja fl-2010, il-projbizzjoni tas-salvataġġ finanzjarju nġiebet fix-xejn u fl-assurd.

Biss il-possibiltà kredibbli ta' falliment tal-Istat, permezz tar-ritorn tal-klawsola li tipprojbixxi s-salvataġġ finanzjarju, tista' tiżgura li kull Stat Membru jerfa' r-responsabbiltà għall-politiki tiegħu, flok ma jistenna li tagħmel tajjeb għalihom il-Komunità.


OPINJONI TAL-MINORANZA

skont l-Artikolu 56(3) tar-Regoli ta' Proċedura

Imressqa minn Beatrix von Storch

Mill-1999 'il hawn, il-governanza ekonomika Ewropea saret dejjem aktar kumplessa, iżda b'daqshekk ma wasslitx għal xi kisbiet sinifikanti. Minħabba l-kriżi finanzjarja, ekonomika u ta' fiduċja, f'dawn l-aħħar 5 snin ġew adottati aktar atti tal-UE ġodda minn qatt qabel. L-isem innifsu jfisser il-programm: “governanza ekonomika Ewropea” twassal inevitabbilment għat-telfien tal-awtonomija nazzjonali fl-oqsma ta' sovranità deċiżjonali tal-Istati Membri fil-politiki ekonomiċi, finanzjarji, soċjali u fiskali. Dubji raġonevoli dwar il-kostituzzjonalità ta' governanza ekonomika Ewropea ilhom jeżistu. Madankollu, dan ir-rapport bl-ebda mod ma jagħti kashom. Permezz tal-"governanza ekonomika Ewropea", l-UE biħsiebha tindaħal b'mod estensiv fil-pjanifikazzjoni baġitarja nazzjonali tal-Istati Membri, u tassumi rwol determinanti fil-leġiżlazzjoni fiskali, l-evoluzzjoni tal-pagi jew il-benefiċċji soċjali nazzjonali. Rakkomandazzjonijiet speċifiċi vinkolanti għal kull pajjiż huma attakk dirett fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Suġġerimenti konkreti għal gvern ekonomiku Ewropew jipprevedu, barra minn dan, l-istabbiliment ta' baġit ċentralizzat tal-UE, benefiċċji tal-qgħad Ewropej, il-ħruġ ta' Eurobonds u t-tisħiħ istituzzjonali tal-Grupp tal-euro. Dan kollu nirrifjutah.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (1.4.2015)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar ir-rieżami tal-qafas ta’ governanza ekonomika: analiżi u sfidi

(2014/2145(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Anne Sander

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi, skont l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni “għandha taħdem għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa mibni fuq tkabbir ekonomiku bilanċjat u stabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta’ impjieg u progress soċjali, u livell għoli ta’ protezzjoni”; billi huwa vitali li tiġi żgurata d-dimensjoni soċjali tal-governanza ekonomika fil-bosta livelli tal-Unjoni, kif stipulat fl-Artikolu 9 tat-TFUE; billi, fir-Riżoluzzjoni tiegħu, tal-1 taʼ Diċembru 2011, dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinament tal-Politiki Ekonomiċi, il-Parlament iddikjara li “kull organizzazzjoni u proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ġdid jew imtejjeb fil-Kunsill u/jew fil-Kummissjoni jridu jimxu id f’id ma’ leġittimità demokratika mtejba u obbligu ta’ rendikont xieraq lill-Parlament Ewropew”;

1.  Jenfasizza l-fatt li l-qafas tal-governanza ekonomika tal-Unjoni Ewropea għandu jimmira li jkun strument ta' tmexxija fil-korrezzjoni ta' żbilanċi ekonomiċi ewlenin, li jinkludu r-rati ta’ qgħad, li kienu l-kawża ta’ tnaqqis kbir fit-tkabbir, u l-inugwaljanzi dejjem jikbru, u li poġġew f’riskju l-ekonomiji Ewropej; ifakkar li d-debitu ġenerali tal-UE28 naqas minn 4.5 % tal-PDG fl-2011 għat-3 % tal-PDG previst fl-2014; ifakkar, madankollu, li l-bilanċ ekonomiku fiċ-ċiklu sħiħ għandu jsaħħaħ b’mod aktar effiċjenti t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, li fis-snin riċenti kompla jkun modest jew staġnat u huwa mbassar li jibqa’ taħt il-1.5 % skont il-previżjonijiet tat-tkabbir fil-PDG tal-UE; ifakkar li l-miżuri biex jiżguraw it-tkabbir sostenibbli u inklussiv għandhom ikunu mmirati lejn it-twettiq u t-trawwim aktar effiċjenti tal-objettivi strateġiċi tal-UE-2020 dwar l-impjiegi u l-povertà, minħabba li l-progress ma kienx suffiċjenti;

2.  Jaqbel mad-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Thyssen li l-pajjiżi li jipprovdu impjiegi ta’ kwalità għolja u protezzjoni soċjali aħjar u li jinvestu fil-kapital uman huma iżjed reżiljenti għall-kriżijiet ekonomiċi; jistieden lill-Kummissjoni biex għall-ġejjieni tirrifletti dwar din il-pożizzjoni fil-politiki kollha tagħha tas-semestru Ewropew u fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

3.  Jilqa’ r-rieżami tal-effettività tal-qafas, bl-għan li jivvaluta l-applikazzjoni effettiva u uniformi tar-regoli ta’ governanza mill-Istati Membri u l-Kummissjoni; jissuġġerixxi li r-rieżami jippreżenta opportunità għall-iskambju ta’ opinjonijiet, speċjalment mal-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew, dwar ir-regoli operattivi tal-qafas u l-modi kif il-qafas jista’ jsir aktar effettiv, soċjali u demokratiku, speċjalment fir-rigward tal-ilħuq tal-objettivi tal-UE-2020; jissuġġerixxi li r-rieżami jinkludi miżuri li jtejbu l-fiduċja fl-ekonomija bħala prekundizzjoni għall-investiment privat, li huwa l-motivatur ewlieni tal-ħolqien tal-impjiegi;

4.  Jenfasizza li s-solidarjetà hija l-valur ewlieni li fuqu huma mibnija l-Unjoni Ewropea u l-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE; jemmen li r-rieżami jippreżenta opportunità biex jitjieb ulterjorment il-qafas tal-governanza ekonomika, bl-għan, fost l-oħrajn, li tinkiseb koordinazzjoni aħjar mal-acquis soċjali Ewropew u titjieb il-governanza soċjali sabiex jitnaqqsu l-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali; f’din ir-rabta, jenfasizza l-importanza ta’ sistema ta’ koordinazzjoni aħjar għaż-żona tal-euro kollha;

5.  Jitlob li s-Semestru Ewropew isir aktar effettiv fil-prevenzjoni tal-kriżijiet billi jgħin fil-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u soċjali tal-Istati Membri u politiki għall-ħolqien ta’ impjiegi aħjar u sostenibbli u l-promozzjoni tat-tkabbir; f’dan ir-rigward, jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li tiffoka l-azzjoni tagħha mhux biss fuq ir-responsabbiltà baġitarja iżda wkoll fuq l-investiment – speċjalment l-investiment soċjali biex jappoġġja l-ħolqien sostenibbli tal-impjiegi, sabiex jiġu żgurati koeżjoni soċjali u ugwaljanza bejn is-sessi akbar, u biex jiġi miġġieled il-faqar – u fuq riformi strutturali bl-għan li r-riforma tintrabat mal-ekonomija tas-suq u l-progress soċjali; ifakkar li l-Parlament iddikjara ripetutament li r-riformi strutturali proposti għandhom ikunu ambizzjużi, ekonomikament effiċjenti u soċjalment responsabbli;

6.  Jenfasizza l-fatt li huwa meħtieġ bilanċ bejn il-politika dwar l-impjiegi u l-politika ekonomika stabbilita fl-Artikoli 121 u 148 tat-TFUE sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp pożittiv tal-UE; ifakkar li, sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 9 tat-TFUE, il-politika ekonomika u l-politiki soċjali u tal-impjiegi għandhom jingħataw kunsiderazzjoni ndaqs, u għalhekk jenfasizza l-ħtieġa li jiġu evitati l-iżbilanċi ekonomiċi u soċjali, biex tiġi żgurata politika pubblika li tkun koerenti bis-sħiħ; f’dan ir-rigward, jitlob għal kunsiderazzjoni ndaqs tal-libertajiet ekonomiċi u d-drittijiet ċivili u soċjali, f’konformità mat-Trattati tal-UE;

7.  Jappella li tiġi pprovduta koeżjoni ekonomika u soċjali akbar billi jissaħħu l-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond taʼ Koeżjoni sabiex jiġu mħarsa u maħluqa impjiegi bi drittijiet billi jiġu appoġġjati miżuri li jiġġieldu l-qgħad u l-faqar;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni aħjar bejn il-korpi relatati mal-EPSCO u l-ECOFIN, u għalhekk jipproponi li jinżammu l-laqgħat konġunti tal-Kunsill EPSCO u l-Kunsill ECOFIN sabiex jiġu promossi politiki soċjoekonomiċi koordinati li jimmiraw għall-kompetittività, il-ħolqien ta’ impjiegi aħjar u sostenibbli, il-ġlieda kontra l-qgħad u t-tnaqqis fl-inugwaljanzi, il-faqar u l-esklużjoni soċjali, sabiex jiġi promoss it-tkabbir inklussiv fl-Ewropa;

9.  Jenfasizza l-importanza tat-tabella ta’ valutazzjoni tal-indikaturi soċjali fir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, biex jiġi identifikat minn qabel l-impatt soċjali tal-miżuri maħsuba biex jiġu korretti l-iżbilanċi makroekonomiċi; jappella lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-kamp ta' applikazzjoni u l-effettività tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu kont tal-kunsiderazzjonijiet soċjali fuq l-istess livell mal-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, iżda tagħti aktar attenzjoni għal impjiegi aħjar u sostenibbli, l-impjiegi fit-tul u għaż-żgħażagħ u l-faqar fost it-tfal, u s-sitwazzjoni soċjali partikolari f’kull Stat Membru meta jiġu żviluppati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u meta tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tagħhom fl-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jużaw l-indikaturi soċjali bħala mekkaniżmu ta’ twissija bikrija biex jipprevjenu t-tnaqqis soċjali u ekonomiku fil-ġejjieni;

10. Jenfasizza li l-inugwaljanza eċċessiva għandha tkun skattatur fis-sistema tal-Mekkaniżmu ta’ Twissija għaliex tiddistabbilizza s-soċjetajiet u tqiegħed f’riskju kemm il-koeżjoni kif ukoll il-prestazzjoni ekonomika; jenfasizza li żieda fl-inugwaljanza, kif esperjenzata fl-UE u ddokumentata mill-pajjiż li jkun qed jirrapporta fis-Semestru, tinvolvi riskji demokratiċi maġġuri; jindika t-twissijiet mill-FMI u mill-ILO li żieda ulterjuri fl-inugwaljanzi fl-UE tista’ tiddistabbilizza s-soċjetajiet tagħna;

11 Jappella lill-Istati Membri biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, biex jappoġġjaw it-tkabbir sostenibbli permezz ta’ impjiegi sostenibbli u koeżjoni soċjali aħjar u biex jagħmlu progress lejn l-għanijiet tal-Ewropa 2020; jitlob lill-Kummissjoni tissottometti lill-Parlament Ewropew valutazzjoni annwali tal-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni effettiva ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, u l-effetti tagħhom fuq id-dejn u d-defiċits tal-Istati Membri u fuq l-indikaturi soċjali; jindika li l-valutazzjoni għandha tiġi inkluża bħala anness għar-Rapport Annwali dwar it-Tkabbir;

12. Ifakkar lill-Kummissjoni li filwaqt li l-pagi huma meqjusa element importanti fis-soluzzjoni ta’ żbilanċi makroekonomiċi, mhumiex biss għodda għall-aġġustament ekonomiku, imma fuq kollox id-dħul li l-ħaddiema għandhom bżonn biex jgħixu; fil-qafas tal-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt sabiex ir-rakkomandazzjonijiet fil-qasam tal-pagi jevitaw li jżidu l-faqar fost dawk li jaħdmu jew l-inugwaljanzi fil-pagi fi ħdan l-Istati Membri u b'hekk iħeġġu lill-Istati Membri jinkoraġġixxu ċ-ċaqliq tat-tassazzjoni minn fuq ix-xogħol sabiex jiġi stimolat it-tkabbir u jiżdiedu r-rati tal-impjiegi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprevedu skemi ta’ dħul minimu f’konformità mal-użanzi u t-tradizzjonijiet ta’ kull Stat Membru, u jħeġġiġhom isegwu r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 1992 dwar il-kriterji komuni li jikkonċernaw riżorsi suffiċjenti u assistenza soċjali fis-sistemi ta’ protezzjoni soċjali;

13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex, b’kollaborazzjoni mal-BEI, filwaqt li tikkunsidra l-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni differenti, tistabbilixxi kriterji li jippermettu lill-SMEs – li joħolqu aktar minn 80 % tal-impjiegi fl-UE u huma l-motivaturi ta’ tkabbir sostenibbli u inklussiv u huma s-sinsla tal-ħolqien tal-impjiegi – l-aċċess għall-finanzjament mill-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi, flimkien mal-Fond Ewropew tal-Investiment; jindika li jekk il-kriterji taʼ eliġibbiltà taʼ proġett u r-rekwiżiti taʼ parteċipazzjoni huma stabbiliti malajr kemm jistaʼ jkun, dan jippermetti li jsiru preparamenti u azzjonijiet ikkoordinati aħjar, inkluż min-naħa tal-SMEs; jenfasizza l-importanza li jissaħħaħ it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, b’mod partikolari l-impjiegi għaż-żgħażagħ, għall-aċċettazzjoni pubblika tal-qafas Ewropew ta’ governanza ekonomika; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tieħu miżuri sabiex tiżdied il-fiduċja fl-ekonomija u jitjieb l-ambjent tan-negozju, b’attenzjoni partikolari għall-SMEs, sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi filwaqt li jinżammu l-istess livelli ta’ drittijiet soċjali, u sabiex jitjieb l-aċċess għall-finanzjament;

14. Ifakkar li waqt it-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali, għandha tinżamm protezzjoni soċjali adegwata – filwaqt li jiġu rispettati l-kompetenzi tal-Istati Membri, l-istandards soċjali u tax-xogħol u d-drittijiet tal-ħaddiema, il-kwalità tal-impjiegi, u impjiegi aħjar u sostenibbli – bħala mod kif jiġu żgurati l-koeżjoni soċjali, il-kompetittività u r-reżistenza għall-kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattiki u jippromwovu t-tagħlim reċiproku u s-solidarjetà, inkluż fil-livell reġjonali u lokali; bl-għan li jitjiebu l-effettività u l-miri tal-politiki baġitarji, jistieden lill-Istati Membri jirriformaw is-swieq tax-xogħol tagħhom u s-sistemi taʼ protezzjoni soċjali tagħhom, kif ukoll is-sistemi edukattivi tagħhom; jemmen li r-riformi fis-suq tax-xogħol għandhom jintroduċu miżuri ta’ flessibilità interna mmirati biex ma jintilfux impjiegi fi żminijiet ta’ tfixkil ekonomiku, tiġi żgurata l-kwalità tal-impjiegi, b’mod speċjali impjiegi aħjar u sostenibbli, u s-sigurtà fit-tranżizzjonijiet tal-impjiegi, u għandhom jipprovdu skemi ta’ benefiċċju tal-qgħad li huma bbażati fuq rekwiżiti tal-attivazzjoni realistiċi li jiżguraw appoġġ adegwat għall-ħaddiema ssensjati u li huma marbuta mal-politiki ta’ reintegrazzjoni f’konformità mal-użanzi u t-tradizzjonijiet tal-Istati Membri; jindika li l-integrazzjoni effiċjenti u miżjuda tas-swieq tax-xogħol tal-UE tibqa’ objettiv għal żmien medju sa twil biex tippromwovi l-progress soċjali u tnaqqas il-faqar f’ambjent bilanċjat u kompetittiv;

15. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jittrattaw is-sitwazzjoni urġenti fir-rigward tal-qgħad taż-żgħażagħ, mhux biss billi jingħata impuls ġenwin lill-ekonomija reali (billi tissaħħaħ id-domanda u l-provvista ta’ prodotti u servizzi) u s-suq tax-xogħol, iżda wkoll billi tiġi implimentata, b’mod effettiv u mmirat, l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw ir-riżorsi kollha disponibbli, b’mod partikolari permezz tal-investiment fil-kapital uman, speċjalment fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, sabiex jiġi appoġġjat l-impjieg fost iż-żgħażagħ billi jinkiseb tlaqqigħ aħjar bejn ħiliet u impjiegi;

16. Fid-dawl taʼ popolazzjonijiet li qed jixjieħu u riformi taʼ sistemi taʼ pensjoni, iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jagħtu prijorità lil azzjoni li tiffoka fuq ħaddiema aktar anzjani; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi kriterji u kontrolli dwar l-użu taʼ finanzjament tal-UE għal ħaddiema aktar anzjani u sabiex tieħu aktar azzjoni fir-rigward tal-impjieg taʼ nies aktar anzjani;

17. Jinnota bi tħassib kbir li l-qgħad fit-tul irdoppja matul il-kriżi; jinnota wkoll li din iż-żieda kienet anke ogħla fost il-ħaddiema bi ftit kwalifiki; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ġlieda kontra l-qgħad fit-tul tiġi riflessa fil-politiki tagħha u fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

18. Jemmen li l-livelli jiżdiedu ta’ inugwaljanza fl-Ewropa għandhom jingħataw l-ikbar importanza fil-kuntest tal-qafas ekonomiku Ewropew; jemmen li wieħed mill-aħjar modi kif tiġi miġġielda din l-inugwaljanza li qed tiżdied huwa billi jiġu rdoppjati l-isforzi fil-ħolqien ta’ iżjed impjiegi ta’ kwalità fl-Ewropa;

19. Jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas taʼ kontroll demokratiku fuq il-proċedura tas-Semestru Ewropew; bl-għan li tiġi żgurata r-responsabbiltà tal-qafas tal-governanza ekonomika, tiżdied il-kwalità u s-sjieda tal-proċess tal-proċedura tas-Semestru Ewropew u t-tnaqqis tad-differenza dejjem tikber bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u ċ-ċittadini tal-UE, jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali, is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali jkunu involuti aktar mill-qrib fid-djalogu ekonomiku bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, u b'mod aktar speċjali fil-proċess tas-Semestru Ewropew, filwaqt li jiġi żgurat li ma jiġu ġġenerati ebda piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa jew spejjeż għall-partijiet interessati inkwistjoni;

20. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni, sabiex taħdem għall-iżgurar ta’ trasparenza u demokrazija akbar fil-proċess tas-Semestru Ewropew, torganizza dibattitu, qabel ma tippubblika l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT), ma’ rappreżentanti tal-Parlament Ewropew dwar il-linji gwida u l-orjentazzjonijiet ġenerali tal-Istħarriġ; jistieden lill-Kunsill Ewropew ma japprovax ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż mingħajr ma tiġi kkunsidrata l-opinjoni tal-Parlament Ewropew;

21 Itenni s-sejħa tiegħu għal ftehim interistituzzjonali sabiex ikun involut il-Parlament fl-abbozzar u l-approvazzjoni tas-SAT u l-Linji Gwida Ġenerali għall-Politiki Ekonomiċi u l-Impjiegi;

22. Ifakkar li l-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew stiednu lill-Istati Membri jinvolvu lill-parlamenti nazzjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tagħhom fl-elaborazzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) u l-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza (PSK) tagħhom. jistieden lill-Istati Membri biex tal-inqas jinfurmaw lill-parlamenti nazzjonali tagħhom dwar il-kontenut tal-PNR u l-PSK tagħhom, filwaqt li jikkunsidraw l-opinjoni tal-iktar organizzazzjonijiet soċjali rappreżentattivi u tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-Istati Membri jinfurmaw lill-Istituzzjonijiet Ewropej dwar l-iżvilupp ta’ dawn id-dibattiti nazzjonali, fejn ikun xieraq;

23. Jitlob li tiġi istituzzjonalizzata diskussjoni bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, flimkien mal-organizzazzjonijiet soċjali u s-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew, bejn il-pubblikazzjoni tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u l-Kunsill Ewropew taʼ Marzu, u qabel ma l-Kunsill Ewropew japprova r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

24. Jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa għal klima favorevoli għall-investimenti mis-settur pubbliku, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt tal-istandards il-ġodda tal-kontabilità SEC2010 dwar il-kapaċità ta’ investiment ta’ ċerti awtoritajiet pubbliċi; jitlob għalhekk li jiġi adattat it-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew; jiġbed l-attenzjoni għall-proposti biex jiġi żgurat l-involviment attiv tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Pjan Juncker; jistieden lill-Istati Membri, meta jifformulaw il-baġits tagħhom, jagħtu attenzjoni speċjali lill-investimenti soċjali bħall-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja, u lejn il-ħolqien ta’ impjiegi u t-titjib tal-intraprenditorija; jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-possibilità ta’ flessibilità baġitarja kbira fi ħdan ir-regoli tal-qafas tal-governanza ekonomika f’dan ir-rigward, speċjalment fi żmien ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja severa;

25. Jinnota n-nota analitika “Inħejju għall-passi li jmiss għal governanza ekonomika aħjar fiż-żona tal-euro” proposta mill-erba’ Presidenti; jitlob li l-Presidenti tal-erba’ istituzzjonijiet jippreżentaw “pjan direzzjonali” ambizzjuż li jiddeskrivi l-progressi leġiżlattivi u istituzzjonali maħsuba biex jinħoloq l-aħjar futur possibbli għaż-żona tal-euro, l-UE u ċ-ċittadini tagħha; jenfasizza li l-Parlament għandu jkollu r-rwol sħiħ tiegħu fid-diskussjonijiet u d-deċiżjonijiet li ġejjin permezz ta’ riżoluzzjoni adottata fis-seduta plenarja, li għandha tkun il-bażi għall-kontribuzzjoni tal-President lejn il-pjan direzzjonali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

1.4.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

13

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Guillaume Balas, Brando Benifei, Enrique Calvet Chambon, Martina Dlabajová, Arne Gericke, Marian Harkin, Danuta Jazłowiecka, Agnes Jongerius, Rina Ronja Kari, Jan Keller, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Zdzisław Krasnodębski, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Patrick Le Hyaric, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Javi López, Thomas Mann, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Joëlle Mélin, Elisabeth Morin-Chartier, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Sofia Ribeiro, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Romana Tomc, Ulrike Trebesius, Marita Ulvskog, Renate Weber, Tatjana Ždanoka, Jana Žitňanská, Inês Cristina Zuber

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Maria Arena, Georges Bach, Elmar Brok, Karima Delli, Sergio Gutiérrez Prieto, Joachim Schuster, Neoklis Sylikiotis, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Ivo Vajgl

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Eleonora Evi


OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (18.3.2015)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar ir-rieżami tal-qafas ta' governanza ekonomika: analiżi u sfidi

(2014/2145(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Ildikó Gáll-Pelcz

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, il-livell ta’ investimenti fl-UE naqas b’madwar 15 % mill-massimu tiegħu fl-2007;

B.  billi din id-differenza fl-investiment ixxekkel l-irkupru ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbar fit-tul u l-kompetittività tas-settur industrijali tagħna u tas-Suq Uniku inġenerali, u hija theddida għall-kisba tal-miri stabbiliti mill-Istrateġija Ewropa 2020;

C. billi r-rieżami u t-titjib tal-qafas tal-governanza ekonomika għandhom ikunu bbażati fuq approċċ olistiku permezz ta’ sett ta’ politiki interkonnessi u reċiprokament konsistenti li jrawmu t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u wkoll il-kompetittività, u joħolqu impjiegi aħjar u sostenibbli, minflok jiffukaw biss fuq it-tnaqqis tad-defiċit, u billi l-ftuħ tal-benefiċċji ta' Suq Uniku li jiffunzjona tajjeb, effettiv u bilanċjat u b’bażi industrijali msaħħa huwa wkoll importanti biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;

D. billi l-Kummissjoni għandha timmonitorja s-Suq Uniku filwaqt li tqis il-kwalità tal-implimentazzjoni tal-miżuri rilevanti għall-qafas tal-governanza ekonomika; billi l-Kummissjoni għandha tinkludi l-ostakli għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku fil-kontroll annwali fuq il-governanza u t-tabella ta’ valutazzjoni; billi l-monitoraġġ għandu jevalwa l-punt sa fejn il-konsumaturi, iċ-ċittadini u n-negozji lkoll jibbenefikaw mis-Suq Uniku u jqis l-isfidi li jiffaċċjaw il-konsumaturi u n-negozji meta joperaw fis-Suq Uniku, b’mod partikolari f'żoni fejn l-Istati Membri ma jkunux implimentaw jew infurzaw il-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku;

E.  billi l-ikkompletar tas-Suq Uniku fil-qasam tal-akkwist pubbliku u l-protezzjoni tal-konsumatur se jikkontribwixxi għal żieda fil-PDG ta’ EUR 300 biljun kull sena;

F.  billi qed jiġi stabbilit Pjan ta’ Investiment Ewropew biex jinġabru EUR 315 biljun f’investimenti ġodda matul it-tliet snin li ġejjin;

G. billi l-Unjoni Ewropea tiffaċċja kriżi ta’ kompetittività profonda f’ekonomija globali bi sfidi li dejjem qed jiżdiedu u fis-Suq Uniku, fejn l-ekonomiji kompetittivi biss se jkunu kapaċi joħolqu impjiegi u jgħolli l-istandards ta’ għajxien taċ-ċittadini tagħhom;

1.  Jilqa’ l-fatt li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa”(COM(2014)0903), il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “L-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt tal-Istabbiltà u Tkabbir” (COM(2015)0012) u l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (COM(2015)0010) jissottolinjaw bħala prijorità l-bżonn li ssir rabta diretta bejn ir-rieżami tal-qafas tal-governanza ekonomika u l-bżonnijiet tal-ekonomija reali u li jiġi kkompletat is-Suq Uniku u jinħoloq Suq Uniku Diġitali;

2.  Iqis il-qafas tal-governanza ekonomika bħala inizjattiva politika ewlenija li ssostni l-pedamenti tal-għanijiet tal-Ewropa 2020 u inizjattivi ewlenin li għandhom l-għan li jisfruttaw b’mod sħiħ il-potenzjal ta’ tkabbir mhux sfruttat tas-Suq Uniku; jemmen li billi jinfetaħ il-potenzjal ta’ tkabbir mhux sfruttat tas-Suq Uniku, l-Istati Membri se jissodisfaw aktar faċilment il-miri integrati fil-qafas tal-governanza ekonomika; barra minn hekk, iqis li l-atturi primarji fis-Suq Uniku huma l-konsumaturi u n-negozji;

3.  Jisħaq li s-Suq Uniku huwa l-motivatur ewlieni għat-tkabbir u l-impjiegi, u li l-qasam ewlieni għat-tkabbir huwa s-Suq Uniku Diġitali, suq ġenwin għal bejgħ onlajn transfruntiera għall-oġġetti, is-servizzi u l-akkwist pubbliku;

4.  Jenfasizza l-fatt li l-kriżi ekonomika wriet biċ-ċar l-importanza li tissaħħaħ u li tiġi ggwidata l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni (R&I), it-teknoloġija u l-għarfien, permezz tal-faċilitazzjoni tal-aċċess għas-suq u l-mobilità kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji, li jittejjeb is-Suq Uniku Diġitali, tiġi miġġielda l-frammentazzjoni tas-Suq Uniku madwar l-Unjoni permezz ta' implimentazzjoni kif suppost u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku mill-Istati Membri, u tingħata spinta lill-investimenti fl-ekonomija reali, b’mod partikolari f’setturi li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u t-tranżizzjoni tal-enerġija, filwaqt li jrawmu t-tkabbir b’rata għolja ta’ impjiegi u l-konverġenza ekonomika fost l-Istati Membri u jservu ta’ pont bejn l-Istati Membri fiż-żona tal-euro u dawk li mhumiex fiż-żona tal-euro;

5.  Jemmen li r-rieżami tal-governanza ekonomika Ewropea għandu jmur id f’id mar-rieżami tal-istrateġija globali Ewropa 2020 u ċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew bl-għan li jiġi stimulat tkabbar sostenibbli u kompetittiv; jitlob, għaldaqstant li jittieħed approċċ ġdid għas-Suq Uniku u s-Suq Uniku Diġitali fi ħdan ir-rieżami tal-istrateġija Ewropa 2020 billi jiġu inkorporati kif mistħoqq is-setturi/il-miri ta’ prijorità tas-Suq Uniku fi ħdan sett ta’ linji gwida ġodda simplifikati, jew inizjattivi ewlenin;

6.  Jilqa' r-rieżami tal-effettività tal-qafas, bl-għan li jevalwa l-applikazzjoni effettiva u uniformi tar-regoli ta' governanza mill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri; jemmen li dan ir-rieżami għandu jispira kull fejn hu rilevanti biss evalwazzjoni mill-ġdid tal-qafas ta’ governanza tas-Suq Uniku u jesplora effetti ta’ sinerġija possibbli bejn iż-żewġ proċessi;

7.  Itenni t-talba tiegħu biex il-proċeduri jipprevedu l-involviment xieraq tal-Parlament Ewropew fiċ-ċiklu tal-governanza ekonomika, u b’hekk iwittu t-triq għall-adozzjoni, mill-Parlament u mill-Kunsill, tal-miżuri meħtieġa biex isaħħu l-governanza tas-Suq Uniku, u b’mod partikolari dawk li jindirizzaw l-oqsma fejn il-qafas regolatorju tal-Unjoni jkun ġie stabbilit skont il-proċedura leġislattiva ordinarja stabbilita fl-Artikolu 294 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

8.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jidħlu fi ftehim interistituzzjonali mal-Parlament sabiex jiggarantixxu bis-sħiħ ir-rwol tal-Parlament fi ħdan il-proċess kollu tas-Semestru;

9.  Jemmen li l-qafas tal-governanza ekonomika jeħtieġ ikun inklużiv, aktar trasparenti u inqas kumpless, filwaqt li jqis l-ispeċifiċitajiet nazzjonali, u li l-prijoritajiet politiċi jridu jiġu diskussi wkoll b’mod aktar komprensiv mal-partijiet interessati rilevanti filwaqt li jibqgħu indipendenti minn interessi personali;

10. Iqis li l-parlamenti nazzjonali għandhom ikunu involuti aktar fil-proċess tal-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri stipulati fil-qafas tal-governanza ekonomika u fil-kuntest tal-governanza tas-Suq Uniku;

11. Jissottolinja l-importanza ta’ tkabbir ġdid u ħolqien tal-impjiegi għall-aċċettazzjoni pubblika tal-qafas tal-governanza ekonomika, u jitlob, għaldaqstant, lill-Kummissjoni ttejjeb l-ambjent tan-negozju fl-Ewropa b’attenzjoni partikolari għall-SMEs, it-tneħħija ta’ burokrazija u l-aċċess għall-finanzi; ifakkar, f’dan ir-rigward, il-bżonn li jiġi provdut appoġġ lill-SMEs biex ikunu jistgħu jkollhom aċċess ukoll għas-swieq mhux tal-UE bħal dak tal-Istati Uniti, il-Kanada, iċ-Ċina u l-Indja;

12. Jinsisti li l-evalwazzjoni tal-istat tas-Suq Uniku għandha ssir parti integrali mill-qafas tal-governanza ekonomika, filwaqt li tħejji l-pedament għal ċiklu tas-Suq Uniku annwali billi ssaħħaħ pilastru ddedikat għas-Suq Uniku fi ħdan is-Semestru Ewropew; jinnota li tali qafas ta’ politika integrata jista’ jkun kontribuzzjoni utli biex jiġu identifikati l-ostakli għall-funzjonament tas-Suq Uniku filwaqt li tittejjeb l-implimentazzjoni tar-regoli ta’ governanza ekonomika tal-UE; jissottolinja li l-implimentazzjoni sħiħa tad-direttivi riveduti dwar l-akkwist pubbliku, b’mod partikolari r-regoli tagħhom dwar il-kriterji tal-għoti, jistgħu jgħinu lill-awtoritajiet pubbliċi jonfqu aħjar ir-riżorsi pubbliċi u jevitaw spejjeż ambjentali u soċjali żejda fuq medda twila ta’ żmien, u b’hekk ikollhom effett pożittiv fuq l-istabbiltà tal-finanzi pubbliċi;

13. Jemmen bis-sħiħ li l-isforzi għandhom jiġu kkonċentrati fuq il-prijoritajiet ewlenin tal-pilastri fi ħdan is-Semestru Ewropew; jenfasizza l-importanza li ssir enfasi fuq oqsma li jagħtu valur miżjud Ewropew sinifikanti f’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri biex jiġu identifikati modi kif jiġi żgurat li dawn il-prinċipji jistgħu jiġu implimentati b’mod aktar effettiv;

14. Jitlob lill-Kummissjoni tissottometti lill-Parlament rapport annwali dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku b’mod partikolari fir-rigward tal-oqsma ewlenin bl-aktar potenzjal ta’ tkabbir u ħolqien ta’ impjiegi aħjar u sostenibbli, li jevalwa l-effettività tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż kif ukoll tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku mill-Istati Membri, u jirrimarka li l-valutazzjoni tista’ tiġi pprovduta bħala kontribuzzjoni għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir;

15. Ifakkar li l-governanza ekonomika tajba u l-impatt tagħha jistgħu jkunu effettivi biss jekk il-partijiet interessati rilevanti jkunu involuti; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni, il-muniċipalitajiet u l-partijiet interessati jadottaw approċċ olistiku fl-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta’ politiki; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw il-prinċipju demokratiku tad-djalogu ċivili permezz tal-involviment strutturat tal-partijiet interessati rilevanti fil-governanza ekonomika, u b'mod partikolari fil-proċess tas-Semestru Ewropew;

16. Jenfasizza l-opportunità li jiġu direzzjonati flus pubbliċi u privati addizzjonali lejn proġetti vijabbli b’valur miżjud reali għall-ekonomija tas-suq soċjali Ewropea u jenfasizza li setturi ewlenin tas-Suq Uniku - it-trasport, l-enerġija, is-servizzi u l-prodotti, ir-riċerka u l-innovazzjoni - u s-Suq Uniku Diġitali jirrappreżentaw skala adegwata (l-aktar xierqa) għall-investimenti biex ikunu eliġibbli fi ħdan is-settur ta’ proġetti ta’ investimenti;

17. Jilqa’ l-ispazju ulterjuri għall-manuvri offrut mill-klważola tal-investiment kif definita mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-flessibbiltà; jemmen li din il-possibbiltà ġdida għandha tintuża fil-potenzjal kollu tagħha sabiex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jinvestu f’aktar proġetti b’valur miżjud Ewropew ċar bħal dawk l-aktar marbuta mal-iżvilupp ulterjuri tas-Suq Uniku u s-Suq Uniku Diġitali; iqis li investiment immirat u riformi f’setturi ta’ tkabbir ewlenin tas-Suq Uniku u fl-immodernizzar tal-amministrazzjonijiet pubbliċi - notevolment fir-rigward ta’ gvern elettroniku u akkwist elettroniku - għandhom jikkwalifikaw bħala riformi strutturali;

18. Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi tal-Pajjiz (CSR) f’xi Stati Membri, fejn 12 % biss tas-CSRs ġew indirizzati bis-sħiħ fl-2013; jenfasizza li implimentazzjoni aħjar tas-CSR hija meħtieġa sabiex jiġu appoġġjati t-tkabbar u l-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ is-sjieda tas-CSR fl-Istati Membri permezz ta’ involviment aħjar tal-parlamenti nazzjonali;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.3.2015

 

 

 

Rizultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

2

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Dita Charanzová, Carlos Coelho, Sergio Gaetano Cofferati, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, Daniel Dalton, Dennis de Jong, Pascal Durand, Vicky Ford, Ildikó Gáll-Pelcz, Antanas Guoga, Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Liisa Jaakonsaari, Antonio López-Istúriz White, Jiří Maštálka, Eva Paunova, Jiří Pospíšil, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Olga Sehnalová, Mylène Troszczynski, Anneleen Van Bossuyt, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Lucy Anderson, Jussi Halla-aho, Kaja Kallas, Othmar Karas, Emma McClarkin, Jens Nilsson, Julia Reda, Adam Szejnfeld, Lambert van Nistelrooij, Josef Weidenholzer, Kerstin Westphal

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

José Blanco López, Andrea Bocskor, Roger Helmer, György Hölvényi, Emilian Pavel


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (19.3.2015)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar ir-rieżami tal-qafas ta' governanza ekonomika: analiżi u sfidi

(2014/2145(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Sylvie Goulard

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Iqis li huwa assolutament neċessarju li jkun hemm tisħiħ sostanzjali tal-leġittimità demokratika tal-unjoni ekonomika u monetarja (UEM) fi ħdan il-qafas istituzzjonali tal-UE u, b'konformità mal-metodu Komunitarju; iqis li l-atti leġiżlattivi bbażati fuq trattati intergovernattivi u implimentati matul il-kriżi fixklu l-leġittimità demokratika tal-UEM; jitlob, għalhekk, li l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) jiġi integrat kemm jista’ jkun malajr fl-acquis tal-UE, filwaqt li jitqies li r-regoli interni tal-Parlament joffru marġini suffiċjenti ta’ manuvra biex jiġu organizzati, fejn ikun xieraq, forom speċifiċi ta’ differenzazzjoni abbażi ta’ ftehim politiku fi ħdan u fost il-gruppi politiċi sabiex jiġi pprovdut skrutinju xieraq tal-UEM; jitlob ukoll li d-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza (TSKG) jiġu integrati fil-qafas ġuridiku tal-Unjoni Ewropea f’mhux iżjed minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, u wara valutazzjoni komprensiva tal-implimentazzjoni tiegħu;

2.  Jirrakkomanda, f’dan is-sens, it-twaqqif ta’ governanza ekonomika anqas kumplessa, u aktar effiċjenti u trasparenti, li timmira, fuq medda twila ta’ żmien, għall-integrazzjoni iktar profonda tal-UE, filwaqt li toffri soluzzjonijiet fuq medda medja ta’ żmien sabiex iż-żona tal-euro u l-Unjoni jkunu jistgħu jiffaċċjaw l-isfidi attwali;

3.  Jenfasizza li kemm il-Grupp tal-Euro kif ukoll is-Summit taż-Żona tal-Euro huma formazzjonijiet informali tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji u tal-Kunsill Ewropew u li huma ħadu deċiżjonijiet importanti fil-qasam tal-UEM matul il-kriżi finanzjarja u ekonomika, iżda li dawk id-deċiżjonijiet għalhekk ġew affettwati min-nuqqas ta’ leġittimità demokratika;

4.  Jitlob il-konklużjoni ta' ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill li jipprovdi għall-iskrutinju parlamentari tal-istadji varji tas-Semestru Ewropew, l-ewwel fosthom l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir;

5.  Huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni tad-djalogu ekonomiku jeħtieġ li tiġi rieżaminata bl-akbar reqqa sabiex ikun żgurat li jkun hemm skrutinju parlamentari xieraq fl-istadji kollha tal-proċeduri (il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) u l-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku);

6.  Jilqa' t-twaqqif tal-Konferenza Interparlamentari dwar il-Governanza Ekonomika u Finanzjarja tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza, madankollu, il-limiti tagħha f’dak li jikkonċerna t-tħeġġiġ tar-responsabbiltà min-naħa ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet; huwa tal-fehma li fil-qasam tal-UEM, il-kontroll parlamentari għandu jkun kondiviż bejn il-livell nazzjonali u dak Ewropew u jinsisti li r-responsabbiltajiet għandhom jinġarru fil-livell fejn jittieħdu jew jiġu implimentati d-deċiżjonijiet, bil-parlamenti nazzjonali jiskrutinjaw lill-gvernijiet nazzjonali u l-Parlament Ewropew jiskrutinja l-eżekuttiv Ewropew; Jemmen li dan huwa l-uniku mod biex tiġi żgurata r-responsabilità akbar meħtieġa tat-teħid ta’ deċiżjonijiet; iqis li din iż-żieda fil-leġittimità tista’ tiġi żgurata billi tiġi prevista l-adozzjoni ta' programmi nazzjonali ta’ riforma u sħubiji ta’ konverġenza possibbli minn parlamenti nazzjonali, kif ukoll l-adozzjoni permezz tal-kodeċiżjoni ta’ orjentazzjonijiet ta’ politika Ewropej wiesgħa fil-forma ta’ linji gwida ta’ konverġenza, att legali ġdid tal-UE li jistabbilixxi numru limitat ħafna ta’ prijoritajiet li jkunu validi għal perjodu ta' żmien definit, u li jintużaw l-aktar fl-adozzjoni tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi; jenfasizza li tali kooperazzjoni m’għandhiex titqies bħala l-ħolqien ta’ korp parlamentari mħallat ġdid, li jkun kemm ineffikaċi kif ukoll illeġittimu mil-lat demokratiku u kostituzzjonali;

7.  Jiddispjaċih li l-kapaċità tal-parlamenti nazzjonali li jikkontrollaw u jinfluwenzaw l-azzjonijiet tal-gvernijiet tagħhom fl-UE hija insuffiċjenti; huwa tal-fehma li l-parlamenti nazzjonali għandu jkollhom sehem aktar attiv fit-tfassil tal-politika f’termini ta’ skrutinju u tfassil tal-pożizzjonijiet tal-gvernijiet tagħhom qabel ma jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni;

8.  Jenfasizza li l-qafas ġuridiku għall-programmi ta’ assistenza jeħtieġ li jiġi rivedut sabiex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet kollha jittieħdu taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni bl-involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew, sabiex jiġu żgurati leġittimità demokratika sħiħa u obbligu ta' rendikont; jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta b’mod regolari lill-Parlament dwar id-deċiżjonijiet rilevanti meħuda meta tkun involuta fil-verifika tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-Istati Membri; jenfasizza li l-Parlament għandu jwettaq segwitu, mingħajr dewmien, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2014 dwar ir-rwol u l-operazzjonijiet tat-Trojka (il-BĊE, il-Kummissjoni u l-FMI) fir-rigward tal-pajjiżi tal-programm taż-żona tal-euro(1) , u jħejji riżoluzzjoni ġdida u separata, iddedikata għal kollox għal din il-kwistjoni, imfassla u bbażata fuq l-ewwel inkjesta;

9.  Iqis li sabiex tkun żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi nazzjonali, huwa ta’ importanza assoluta li l-Kummissjoni tivverifika l-kwalità tal-finanzi pubbliċi, u b’mod partikolari tagħmilha ċara li l-baġits nazzjonali jridu jkunu orjentati lejn il-futur, billi tidentifika, flimkien mal-Eurostat, u tinkoraġġixxi l-infiq fl-investiment aktar milli l-infiq fil-konsum;

10. Huwa tal-fehma li "UEM ġenwina" ma tistax tkun limitata għal sistema ta' regoli imma teħtieġ kapaċità baġitarja bħala parti mill-baġit tal-UE, abbażi ta' riżorsi proprji speċifiċi, li fil-qafas tal-baġit tal-Unjoni, tappoġġja t-tkabbir sostenibbli u l-koeżjoni soċjali filwaqt li tindirizza d-diverġenzi strutturali u l-emerġenzi finanzjarji li huma konnessi direttament mal-unjoni monetarja, u fejn huma meħtieġa r-riformi strutturali;

11. Huwa tal-fehma li d-dimensjoni soċjali tal-UEM għandha tittieħed inkunsiderazzjoni u jfakkar li l-Artikolu 9 tat-TFUE jiddikjara li “fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjieg, mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali ...”; ifakkar ukoll li l-Artikolu 3 tat-TUE jiddikjara li “l-Unjoni għandha [tkun mibnija fuq] ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta' impjieg u progress soċjali”; jemmen li, skont il-prinċipju tad-dinjità tal-bniedem, kif imħaddan fit-Trattat, m’għandux ikun hemm ħela ta' riżorsi umani u dawn għandhom jitqiesu bħala element kruċjali tal-kompetittività; jitlob trattament ugwali tad-drittijiet soċjali u l-libertajiet tas-suq intern fil-ġerarkija tan-normi;

12. Jitlob li l-Presidenti tal-erba’ istituzzjonijiet jippreżentaw “pjan direzzjonali” ambizzjuż li jiddeskrivi l-progress leġiżlattivi u istituzzjonali meħtieġa biex jinħoloq l-aħjar futur possibbli għaż-żona tal-euro, l-UE u ċ-ċittadini tagħha; jenfasizza li l-Parlament għandu jwettaq bis-sħiħ il-parti tiegħu fid-diskussjonijiet u d-deċiżjonijiet li ġejjin permezz ta’ riżoluzzjoni adottata mill-plenarja, li għandha tkun il-bażi għal kontribuzzjoni tal-President għall-“Pjan Direzzjonali”, kif iddikjarat fin-nota f'qiegħ il-paġna 1 tan-Nota Analitika ppreparata għal-laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta’ Frar 2015 (Inħejju għall-passi li jmiss għal governanza ekonomika aħjar fiż-żona tal-euro): “Il-President tal-Kummissjoni Ewropea indika l-intenzjoni tiegħu li jibbaża ruħu fuq l-input mingħand il-President tal-Parlament Ewropew fir-riflessjonijiet tiegħu matul it-tħejjija tar-rapport”;

13. Jemmen li UEM ġenwina tirrikjedi t-tisħiħ tal-istat tad-dritt, kif iddikjarat fl-Artikolu 2 tat-TUE; iqis li l-istat tad-dritt huwa definit bħala sistema istituzzjonali fejn awtorità pubblika hija soġġetta għal-liġi u l-ugwaljanza tas-suġġetti legali hija ggarantita minn ġurisdizzjonijiet indipendenti; iqis li din il-kwistjoni għandha tkun waħda mill-prijoritajiet, inter alia, li għandhom jiġu indirizzati fil-qafas tar-rapport intitolat “l-evoluzzjonijiet u l-aġġustamenti possibbli għall-format istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea”, u li dan għandu jinkludi proċeduri ta’ ksur u rikors għal annullament kontra deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill; jemmen li l-involviment tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jista’ b’mod partikolari jiggarantixxi li r-regoli se jkunu applikati b’mod uniformi irrispettivament mid-daqs tal-Istat Membru u se jipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini u d-drittijiet tal-organizzazzjonijiet tagħhom fil-pajjiżi li qed jipparteċipaw fil-programm; jiddikjara li dan ir-rwol għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mhuwiex se jirriżulta f’dewmien ta’ proċeduri ta’ governanza ekonomika, peress li dawn il-proċeduri m'għandhomx effett sospensiv;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.3.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

12

3

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Kostas Chrysogonos, Richard Corbett, Pascal Durand, Esteban González Pons, Danuta Maria Hübner, Jo Leinen, Morten Messerschmidt, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, György Schöpflin, Pedro Silva Pereira, Barbara Spinelli, Rainer Wieland

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Gerolf Annemans, Pervenche Berès, Sylvie Goulard, Roberto Gualtieri, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Marcus Pretzell

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Frank Engel, Markus Pieper, Adam Szejnfeld

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0239.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

16.6.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

25

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Burkhard Balz, Pervenche Berès, Udo Bullmann, Esther de Lange, Fabio De Masi, Anneliese Dodds, Markus Ferber, Jonás Fernández, Elisa Ferreira, Sven Giegold, Roberto Gualtieri, Brian Hayes, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Cătălin Sorin Ivan, Diane James, Othmar Karas, Georgios Kyrtsos, Philippe Lamberts, Werner Langen, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Notis Marias, Fulvio Martusciello, Bernard Monot, Luděk Niedermayer, Stanisław Ożóg, Dimitrios Papadimoulis, Sirpa Pietikäinen, Pirkko Ruohonen-Lerner, Molly Scott Cato, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Kay Swinburne, Paul Tang, Michael Theurer, Ramon Tremosa i Balcells, Ernest Urtasun, Marco Valli, Tom Vandenkendelaere, Cora van Nieuwenhuizen, Miguel Viegas, Jakob von Weizsäcker, Steven Woolfe, Pablo Zalba Bidegain, Marco Zanni, Sotirios Zarianopoulos

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Andrea Cozzolino, Barbara Kappel, Rina Ronja Kari, Thomas Mann, Siegfried Mureşan, Maria João Rodrigues, Siôn Simon, Beatrix von Storch

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Francisco Assis, Javi López

Avviż legali