Proċedura : 2014/2229(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0193/2015

Testi mressqa :

A8-0193/2015

Dibattiti :

PV 08/07/2015 - 15
CRE 08/07/2015 - 15

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0271

RAPPORT     
PDF 291kWORD 204k
18.6.2015
PE 549.275v02-00 A8-0193/2015

dwar l-isfidi fir-rigward tas-sigurtà fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq u l-prospettivi ta' stabbiltà politika

(2014/2229(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Vincent Peillon

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-isfidi fir-rigward tas-sigurtà fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq u l-prospettivi ta' stabbiltà politika

(2014/2229(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, u l-pożizzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar dan il-ftehim(1),

–       wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà tat-12 ta' Diċembru 2003 u d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni tal-11 ta' Diċembru 2008 dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tat-8 ta' Marzu 2011 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Siġurtà u tal-Kummissjoni bit-titolu "Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran",

–       wara li kkunsidra s-Sħubija ta' Deauville varata mill-G8 fl-okkażjoni tas-Summit tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern f'Deauville fil-21 ta' Mejju 2011;

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-25 ta' Mejju 2011 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Siġurtà u tal-Kummissjoni bit-titolu "A New Response to a Changing Neighbourhood" (Risposta Ġdida għal Viċinat f'Evoluzzjoni),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tas-6 ta' Frar 2015 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea bit-titolu "Elementi għal strateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tad-Da'esh" (JOIN(2015)0002),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni adottata fit-tielet laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea u l-Lega tal-Istati Għarab f'Ateni fil-11 ta' Ġunju 2014, kif ukoll il-memorandum ta' qbil iffirmat fi Brussell fid-19 ta' Jannar 2015 bejn is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u s-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta' Awwissu 2014 dwar l-Iraq u s-Sirja,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Paċi u s-Sigurtà fl-Iraq, li saret f'Pariġi fil-15 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjoni tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-17 ta' Novembru 2014 dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-15 ta' Diċembru 2014 relatati ma' strateġija reġjonali tal-Unjoni Ewropea għas-Sirja u l-Iraq,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tad-9 ta' Frar 2015 relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2011 dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf(2),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2011 dwar l-approċċ tal-UE rigward l-Iran(3),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(4),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2012 dwar "Il-Kummerċ għall-Bidla: L-Istrateġija Kummerċjali u ta' Investiment tal-UE għan-Nofsinhar tal-Mediterran wara r-rivoluzzjonijiet tar-Rebbiegħa Għarbija"(5),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-11 ta' Marzu 2014 tal-Arabja Sawdija, ir-relazzjonijiet tagħha mal-UE u r-rwol tagħha fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq(6),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u fis-Sirja u l-offensiva IS, inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi(7),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Libja(8),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS(9),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Lega tal-Istati Għarab u l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu(10),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 dwar l-attakki u ħtif reċenti minn ISIS/Da'esh fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari tal-Assirjani(11),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tat-23 ta' Marzu 2015 fi Brussell bejn ir-rappreżentati tal-muniċipalitajiet Libjani, konvokata mill-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja u organizzata mill-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-laqgħa bejn l-UE u l-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi tal-Mediterran tan-Nofsinhar organizzata minn Spanja, mill-Presidenza Latvjana u mill-UE biex jiddiskutu l-futur tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, li saret f'Barċellona fit-13 ta' April 2015,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 2139 (2014), 2165 (2014) u 2191 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li jawtorizzaw l-aċċess transfruntier u trasversali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Unitit u tas-sħab tagħha għall-għoti tal-għajnuniet umanitarji fis-Sirja mingħajr kunsens tal-Istat,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0193/2015),

A.     billi l-kunflitti fis-Sirja, fl-Iraq, fil-Jemen u fil-Libja u ż-żieda fit-tensjonijiet fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq huma għejun ewlenin ta' destabbilizzazzjoni ta' tali reġjun; billi teżisti konnessjoni bejn il-fronti għall-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-Lvant Nofsani u fis-Saħel, u tali fronti jinsabu viċin ż-żona sensibbli tal-Qarn tal-Afrika; billi r-riperkussjonijiet ta' tali sitwazzjoni għas-sigurtà tar-reġjun kollu huma diżastrużi inkwantu jippreġudikaw fit-tul l-iżvilupp politiku u ekonomiku, l-infrastrutturi kritiċi tiegħu u l-koeżjoni demografika tar-reġjun; billi r-riskji li dawn l-iżviluppi joħolqu għas-sigurtà, għaċ-ċittadini u għall-interessi Ewropej huma gravi; billi hemm numru għoli ta' vittmi ċivili u atti ta' terrur kommessi kontra ċ-ċivili; billi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju, partikolarment kontra l-minoranzi etniċi u reliġjużi huma gravi; billi dawn il-kunflitti jagħtu lok għal kriżi umanitarja gravi li tikkawża spostamenti konsiderevoli ta' popolazzjonijiet u tikkawża kundizzjonijiet ta' ħajja estremament diffiċli għar-rifuġjati u għall-popolazzjonijiet li jilqgħuhom; billi hemm diffikultajiet persistenti sabiex tinstab strateġija koerenti għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti u jiġu organizzati djalogi inklużivi ma' bosta atturi leġittimi u affidabbli;

B.     billi l-konsegwenzi differenti tar-rewwixti Għarab fil-pajjiżi kkonċernati, kif ukoll il-kumplessità u l-bżonn imperattiv tal-ġlieda kontra l-ISIS u organizzazzjonijiet terroristiċi oħrajn, huwa neċessarju li tiġi riveduta l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq fid-dawl tas-sitwazzjoni l-ġdida li nħolqot; billi jeħtieġ li l-pressjoni fuq ir-reġimi awtoritarji tiġi intensifikata għall-introduzzjoni ta' politiki inklużivi; billi l-għan ta' stabbilizzazzjoni tar-reġjun mhuwiex biss kwistjoni ta' sigurtà iżda wkoll waħda ekonomika, politika u soċjali li titlob li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jiżviluppaw politiki strateġiċi, globali u multifattorjali u kooperazzjoni mal-atturi tar-reġjun fuq medda medja u twila;

C.     billi l-organizzazzjoni terroristika tal-ISIL/Da'esh tat bidu għal kampanji sistematiċi ta' tindif etniku fil-parti tat-Tramuntana tal-Iraq u tas-Sirja, u kkommettiet delitti tal-gwerra, fosthom qtil sommarju tal-massa u serq ta' persuni, kontra minoranzi etniċi u reliġjużi; billi n-NU diġà rrapportaw il-qtil immirat, il-konverżjonijiet furzati, il-serq ta' persuni, il-bejgħ ta' nisa, it-tjassir ta' nisa u tfal, ir-reklutaġġ ta' minuri għal attentati suwiċidi, abbuż sesswali u fiżiku u tortura; billi l-komunitajiet Insara, Yazidi, Turkmeni, Shabaki, Kaka'i, Sabej u Xiiti, kif ukoll ħafna Għarab u Musulmani Sunniti, kienu fil-mira tal-ISIL/Da'esh;

D.     billi l-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq jinsabu f'sitwazzjoni ta' taqlib ġeopolitiku li jirriskja li jbiddel radikalment u b'mod mhux mistenni l-bilanċi reġjonali; billi hemm żieda fir-ritmu tal-kriżijiet u tal-kunflitti, b'dimensjoni politika, etnika u settarja, iż-żieda fil-qawwa tal-gruppi paramilitari u d-dgħufija jew il-waqgħa ta' ċerti Stati jew reġimi tar-reġjun; billi kaġun ta' dan qegħdin jinkisru ħafna drittijiet tal-bniedem; bill-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq kif ukoll il-komunità internazzjonali għandhom interess komuni ta' sigurtà rigward il-ġlieda kontra t-terroriżmu u s-sostenn għar-riformi demokratiċi u inklużivi awtentiċi fir-reġjun;

E.     billi l-kunflitti fl-Iraq u fis-Sirja, bħall-kunflitt fil-Jemen u fil-Libja, qegħdin jaggravaw it-tensjonijiet reġjonali u internazzjonali; billi l-kawża reliġjuża u etnika qiegħda tiġi strumentalizzata għal interessi politiċi u tal-poter; billi dan joħloq riskju ta' konfront bejn is-Sunniti u x-Xiiti lil hinn mid-dimensjoni ġeografika immedjata tiegħu;

F.     billi t-Tuneżija hija l-aktar eżempju notevoli ta' demokratizzazzjoni wara r-rewwixti Għarab iżda ntlaqtet minn attakk terroristiku pproklamat mill-ISIL/Da'esh fit-18 ta' Marzu 2015, fatt li jfakkar il-bżonn ta' sostenn b'saħħtu u kontinwu favur il-pajjiżi tar-reġjun, partikolarment it-Tuneżija;

G.     billi f'konformità mal-linji gwida tal-UE tal-2008 dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, il-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tkun element fundamentali tad-djalogu politiku u dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-pajjiżi fir-reġjun tal‑Lvant Nofsani u l‑Afrika ta' Fuq; billi l-involviment u l-emanċipazzjoni tan-nisa fl-isferi pubbliċi, politiċi, ekonomiċi u kulturali fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq huma essenzjali biex titrawwem l-istabbiltà, il-paċi u l-ġid ekonomiku fit-tul; billi l-emanċipazzjoni tan-nisa u tal-bniet permezz tal-edukazzjoni hija ċentrali fil-promozzjoni tar-rwol tagħhom f'dawn l-isferi kollha; billi d-drittijiet tan-nisa u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi jistgħu jiżvolġu rwol importanti fl-emanċipazzjoni tan-nisa fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq;

H.     billi l-influwenza tal-Istati Membri fir-reġjuni hija diżugwali; billi hemm bżonn li l-influwenza tal-Unjoni Ewropea tiżdied; billi l-istabbiltà politika u ekonomika fit-tul tar-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq tirrappreżenta kwistjoni strateġika fundamentali għall-Unjoni; billi l-Unjoni, bħala tali, tiżvolġi rwol ewlieni fil-promozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti u tal-governanza demokratika fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq;

I       billi fl-imgħoddi, l-għajnuna tal-UE ddestinata lill-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq batiet minn frammentazzjoni eċċessiva u ma setgħetx tirrispondi malajr biżżejjed għall-bżonnijiet politiċi u ekonomiċi tal-pajjiżi kkonċernati, b'hekk tali inadegwatezza ppreġudikat il-kapaċità tal-UE li tiżvolġi rwol ewlieni fir-reġjun;

J.      billi fl-imgħoddi, l-assistenza tal-UE fil-konfront tal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, partikolarment fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), applikat spiss wisq l-istess kunċett strateġiku indifferenzjat, mingħajr ma qieset biżżejjed is-sitwazzjoni speċifika tal-pajjiżi kkonċernati u mingħajr ma identifikat il-partijiet tas-soċjetà ċivili li kellhom bżonn assistenza fil-qasam tal-emanċipazzjoni u tal-bini tal-kapaċitajiet; billi t-tentattivi ta' demokratizzazzjoni li saru wara r-rewwixti tar-"Rebbiegħa Għarbija" jeħtieġu appoġġ attiv abbażi ta' approċċ fit-tul;

K.     billi t-taqlib fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq għandu riperkussjonijiet fuq il-kapaċità tal-UE li tippromwovi l-valuri politiċi u democratiċi tagħha; billi dan it-taqlib għandu effett fuq l-iżvilupp tar-relazzjonijiet ekonomiċi tal-UE mal-pajjiżi kkonċernati u jistgħu jpoġġu f'periklu s-sigurtà enerġetika tal-UE,

L.     billi kienet imġiegħla tirreaġixxi urġentement għall-kriżijiet sussegwenti fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, li ma kinitx kapaċi tantiċipa minkejja l-bosta sinjali, l-UE ma kinitx kapaċi tanalizza l-elementi fundamentali jew issib tarf il-kumplessità tas-sitwazzjoni, l-aspettattivi u l-prospetti tar-rewwixti Għarab tal-2011; billi, fuq kollox, l-UE ma kinitx kapaċi tirrispondi għall-ħtieġa ta' strateġija fit-tul ħafna biex issostni u tassisti tranżizzjoni demokratika reali, żvilupp ekonomiku u stabbiltà politika; wara li kkunsidra li, fuq il-bażi tal-mandat tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2013, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ/VP) nediet proċess essenzjali ta' riflessjoni strateġika; billi proċess wiesa' ta' konsultazzjoni tnieda mill-Kummissjoni Ewropea, mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għar-reviżjoni tal-PEV; billi l-ħolqien tas-SEAE offra l-possibbiltà ta' analiżi politika u strateġika b'approċċ ta' pajjiż pajjiż li għandu jkun fattur fundamentali fl-ippjanar tal-assistenza għall-pajjiżi tar-reġjun, inkluż l-ambitu tal-PEV;

M     billi l-UE, biex tkun tista' teżerċita influwenza pożittiva fuq il-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, trid tkun tista' toffri aktar minn sempliċi prospettiva ta' kooperazzjoni ekonomika, partikolarment sħubija politika u strateġika fuq skala kbira;

Naffrontaw it-theddid u l-kwistjoni tas-sigurtà

1.      Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jaffrontaw il-kawżi primarji tas-sitwazzjoni li qiegħda taqleb għall-agħar b'pass mgħaġġel fir-reġjun kollu tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, permezz ta' approċċ olistiku u ambizzjuż; isostni l-kampanja internazzjonali kontra l-ISIL/Da'esh u jilqa' pożittivament l-impenn tas-sħab tal-koalizzjoni biex jaħdmu flimkien fl-ambitu ta' strateġija komuni; japprezza, partikolarment, l-azzjoni li ħadu l-Istati Membri tal-UE parteċipanti fil-koalizzjoni internazzjonali kontra l-ISIS, kemm fil-forma ta' attakki militari kif ukoll permezz ta' parteċipazzjoni loġistika, finanzjarja u umanitarja; jappella iżda għal żieda fil-mobilizzazzjoni fl-isferi kollha u jenfasizza l-bżonn ta' azzjonijiet artikolati aħjar; josserva li tali azzjonijiet jistgħu jkunu utilment ikkoordinati taħt l-awspiċji tal-UE, jekk neċessarju fil-qafas ta' operazzjoni tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) u, għal dan il-għan, jistieden lill-UE tiżviluppa kapaċità operattiva suffiċjenti u toħloq difiża Ewropea tassew komuni; jissottolinja, madankollu, li l-kwistjoni tal-ġlieda kontra l-ISIL/Da'esh, il-Front al-Nusra u l-gruppi terroristiċi l-oħrajn trid issib risposta mfassla apposta bbażata fuq id-differenzi politiċi u transreġjonali; jistieden lill-UE tassumi r-rwol ta' faċilitatur prinċipali tad-djalogu reġjonali u tinvolvi lill-parti interessati kollha tar-reġjun, fosthom il-Lega tal-Istati Għarab, l-Arabja Sawdija, l-Eġittu, it-Turkija u l-Iran; ifakkar fl-importanza li tingħata risposta lir-rikjesti leġittimi tal-popolazzjonijiet lokali, partikolarment dawk espressi fir-Rebbiegħa Għarbija tal-2011, bil-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà fit-tul tar-reġjun; josserva t-tħabbira reċenti tal-Lega tal-Istati Għarab dwar il-formazzjoni ta' unità permanenti ta' risposta rapida, iddestinata partikolarment li tiġġieled lill-ISIS u lill-gruppi terroristiċi emerġenti l-oħrajn;

2.      Jissottolinja l-importanza ta' preżenza politika kostanti tal-UE, fl-ogħla livell possibbli, biex jiġi żgurat djalogu politiku strateġiku fit-tul u dibattitu komuni veru mal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq dwar l-esiġenzi tagħhom biex jiksbu stabbiltà reġjonali; jenfasizza li l-kapaċità tal-Unjoni Ewropea li tesprimi ruħha b'leħen wieħed biss se tippermettilha tkun attur effikaċi fuq ix-xena internazzjonali; jistieden għaldaqstant lill-UE toħloq malajr politika barranija tassew komuni b'koordinament mill-qrib bejn l-azzjonijiet interni u esterni; jistieden lill-VP/RGħ taħdem mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE jew mal-personalitajiet politiċi rikonoxxuti mill-atturi reġjonali biex jiġi żgurat, taħt l-awtorità tagħha u f'isem l-Unjoni, djalogu kostanti ta' livell għoli mal-pajjiżi tar-reġjun; ifakkar fil-bżonn li jiġu identifikati l-pajjiżi sħab kruċjali u li noqogħdu fuqhom biex tkun żgurata stabbiltà politika u ta' sigurtà fit-tul;

3.      Jissottolinja l-importanza u n-neċessità ta' implimentazzjoni effikaċi tal-inizjattivi segwenti matul l-2015: sostenn għall-proġetti u attivitajiet ta' bini tal-kapaċitajiet mal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti, promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali, indirizzar tal-fatturi sottostanti u l-kriżijiet li għaddejjin u tisħiħ tas-sħubija mal-pajjiżi kruċjali, billi anki jissaħħaħ id-djalogu politiku mal-Lega tal-Istati Għarab, mal-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika, mal-Unjoni Afrikana u ma' strutturi pertinenti oħrajn ta' koordinament reġjonali, bħall-G5 Sahel;

4.      Jinsisti fuq il-fatt li l-istabbiltà u s-sigurtà tar-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq huma fundamentali għas-sigurtà tal-UE; ifakkar li l-ISIL/Da'esh u l-organizzazzjonijiet terroristiċi l-oħrajn kellhom għeruqhom fl-Iraq u fis-Sirja għal bosta snin u jimmiraw li jistabbilixxu influwenza reġjonali; josserva li r-rebħiet tal-grupp huma r-riżultat ta' kriżijiet istituzzjonali, demokratiċi u ta' sigurtà f'dawn il-pajjiżi u tal-porożità tal-fruntieri komuni tagħhom; jenfasizza li l-kapaċità ta' reklutaġġ u l-espansjoni tal-ISIL/Da'esh u tal-Front al-Nusra huma alimentati mill-kriżijiet ekonomiċi, politiċi, soċjali u kulturali li laqtu lir-reġjun; jistieden lill-UE tivvaluta l-kawżi primarji tar-radikalizzazzjoni u tittrattahom b'mod globali, permezz ta' approċċ ibbażat fuq is-sigurtà, il-kapaċità ta' governanza demokratika u l-iżvilupp politiku, ekonomiku, soċjali u kulturali, li fl-inklużività jsib wieħed mill-prinċipji gwida tiegħu, f'kollaborazzjoni mad-dinja Għarbija; jemmen li fin-nuqqas ta' soluzzjoni konkreta u sostenibbli għal dawn il-problemi, kwalunkwe azzjoni intiża li telimina t-theddida tal-ISIL/Da'esh jew minn gruppi terroristiċi oħrajn se tiltaqa' ma' diffikultajiet akbar u persistenti;

5.      Jieħu nota tal-allokazzjoni ta' biljun euro previsti fil-qafas tal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea bit-titolu "Elementi għal strateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tal-ISIL/Da'esh", li minnhom 400 miljun huma ddedikati għall-għajnuna umanitarja; jilqa' favorevolment it-tentattivi biex l-assistenza umanitarja tiġi kalibrata skont l-esiġenzi speċifiċi marbuta mal-ġeneru u mal-età; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-Ġordan u lil-Libanu li, fi proporzjon mal-popolazzjoni tagħhom, qegħdin jassorbu l-ogħla perċentwal ta' rifuġjati; jissottolinja kemm huwa importanti li dawn iż-żewġ pajjiżi jaġevolaw il-passaġġ sikur tar-rifuġjati fit-territorju tagħhom u jirrispettaw il-prinċipju ta' non-refoulement; ifakkar ukoll fil-konsegwenzi li l-kriżi tar-rifuġjati għall-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan tal-Iraq (KRG); huwa mħasseb dwar il-fatt li l-kampijiet tar-rifuġjati, minħabba l-kundizzjonijiet ta' faqar estrem u privazzjoni tagħhom, jistgħu jsiru ċentri ta' radikalizzazzjoni; jemmen li dawn jikkostitwixxu, maż-żmien, fatturi ta' destabbilizzazzjoni għall-pajjiżi li jilqgħu, u għaldaqstant jitlob li jinstabu soluzzjonijiet fit-tul li jgħinu sew lir-rifuġjati kif ukoll lill-pajjiżi li jilqgħuhom; jistieden lill-UE taħdem mas-sħab l-oħra, partikolarment l-UNHCR u mal-UNICEF, biex tittratta l-problemi persistenti fil-kampijiet tar-rifuġjati u tal-persuni spostati f'pajjiżhom fl-Iraq, fil-Ġordan, fil-Libanu u fit-Turkija, speċjalment fir-rigward tan-nuqqas ta' istruzzjoni għaż-żgħażagħ u għat-tfal; jilqa' l-fondi maħsuba għall-popolazzjonijiet ospitanti mill-istrateġija l-ġdida u mill-istrument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (IcSP); jistieden lill-Istati Membri tal-UE jżidu l-impenji tagħhom fir-rigward tal-kriżi tar-rifuġjati f'termini ta' riżorsi finanzjarji u risistemazzjoni tar-rifuġjati l-aktar vulnerabbli;

6.      Josserva ż-żieda kontinwa fl-applikazzjonijiet għall-asil li ġejjin mis-Sirja u mill-Iraq u jistieden lill-Istati Membri tal-UE jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jilqgħu lil min qiegħed ifittex l-asil u jittrattaw malajr l-akkumulu ta' każijiet pendenti;

7.      Jilqa' pożittivament l-involviment ta' ċerti pajjiżi tar-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq fil-koalizzjoni internazzjonali kontra l-ISIL/Da'esh; iħeġġeġ lill-gvernijiet u lill-komunità internazzjonali jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jipprevjenu l-finanzjament tat-terroriżmu internazzjonali u tal-gwerer fis-Sirja u fil-Libja; itenni l-appell tiegħu lill-pajjiżi kollha tar-reġjun biex jimpedixxu lill-individwi u lill-entitajiet pubbliċi u privati milli jiffinanzjaw jew jaġevolaw il-finanzjament ta' organizzazzjonijiet terroristiċi jew individwi Sirjani jew kumpaniji affiljati mal-Gvern Sirjan attwalment sottopost għas-sanzjonijiet tal-UE, li għandhom ikunu biżżejjed severi; jappella għall-parteċipazzjoni fl-iskemi għall-kooperazzjoni reġjonali fil-monitoraġġ tal-movimenti tal-kapital, bil-ħolqien ta' kollaborazzjoni bejn il-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, il-Lega tal-Istati Għarab, l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika u l-istituzzjonijiet tal-UE; jissottolinja l-bżonn urġenti li tiddaħħal sistema effiċjenti ta' sanzjonijiet ikkoordinata mal-Lega tal-Istati Għarab, l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf biex jintemm il-finanzjament tal-ISIL/Da'esh mingħand atturi internazzjonali u tintemm il-kummerċjalizzazzjoni taż-żejt prodott illegalment mill-organizzazzjoni terroristika; jissottolinja wkoll, f'dan ir-rigward, il-bżonn urġenti ta' aktar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali mal-fruntiera tat-Turkija, tal-Iraq u tas-Sirja biex lill-ISIL/Da'esh jiġi impedit li jbigħ iż-żejt illegali;

8.      Jenfasizza l-importanza ta' djalogu strateġiku strutturat fit-tul mal-Lega tal-Istati Għarab, mal-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika u mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf; japprezza f'dan ir-rigward id-dikjarazzjoni adottata f'Ateni fil-11 ta' Ġunju 2014 kif ukoll il-memorandum ta' qbil ta' Jannar 2015, u jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom; jenfasizza l-importanza kruċjali tal-organizzazzjoni ta' summits frekwenti bejn l-UE u l-Lega tal-Istati Għarab, l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf; jinsisti fuq ir-rwol ċentrali li l-Lega tal-Istati Għarab għandu jkollha fir-riżoluzzjoni tal-kriżijiet; jemmen li dawn il-kriżijiet jenfasizzaw il-bżonn li l-Istati tal-Lega tal-Istati Għarab ibiddlu din l-organizzazzjoni f'korp deċiżjonali reali kapaċi jadotta deċiżjonijiet vinkolanti; josserva l-kooperazzjoni strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf; jenfasizza li l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf jista' jeżerċita influwenza politika pożittiva fil-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-kunflitti fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq;

9.      Jenfasizza bl-istess intensità l-importanza ta' djalogi reġjonali mat-Turkija u mal-Iran; jilqa' pożittivament il-ftehim li ntlaħaq dan l-aħħar mill-UE3+3 u l-Iran dwar il-programm nukleari ta' dan tal-aħħar, u jawspika li jissarraf fi ftehim komprensiv finali sat-terminu maqbul; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri, fl-eventwalità ta' ftehim finali dwar il-kwistjoni nukleari, iwettqu konsultazzjonijiet fil-fond mal-Iran u jiggarantixxu, fl-istess ħin, l-impenn tiegħu lejn in-nonproliferazzjoni sal-konferma tal-korpi internazzjonali rilevanti, fosthom l-IAEA; iħeġġeġ, għal dan l-għan, lill-UE timpenja ruħha attivament fil-promozzjoni ta' miżuri għall-bini tal-fiduċja bejn l-Iran u l-Arabja Sawdija; jenfasizza l-bżonn li tiġi intensifikata l-kooperazzjoni mat-Turkija fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; jinsisti fuq ir-rwol importanti li t-Turkija tista' tiżvolġi, bħala membru tan-NATO, fil-ġlieda kontra l-ISIL/Da'esh u fis-stabbilizzazzjoni tal-Iraq u tas-Sirja; jistieden lit-Turkija tiċċara ċerti ambigwitajiet u tiżvolġi bis-sħiħ ir-rwol tagħha ta' stabbilizzatur fir-reġjun billi tikkontrolla b'mod effikaċi l-fruntiera tagħha mas-Sirja u tassumi rwol aktar attiv fil-ġlieda kontra d-Da'esh/ISIL, f'kooperazzjoni mal-UE;

10.    Jistieden lill-pajjiżi fir-reġjun jastjenu milli jesportaw it-terroriżmu u l-armi fil-pajjiżi ġirien billi dan jaf ikompli jiddestabbilizza s-sitwazzjoni f'dawk il-postijiet;

11.    Ifakkar fil-bżonn li jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-issuktar tat-taħditiet ta' paċi bejn Iżrael u l-Awtorità Palestinjana biex tinstab soluzzjoni definittiva għall-kunflitt b'tali mod li ż-żewġ pajjiżi jkunu jistgħu jgħixu maġenb xulxin f'kundizzjonijiet ta' paċi u sigurtà, abbażi tal-konfini tal-1967 u b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati skont id-dritt internazzjonali; jesprimi għal darb'oħra t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja li qed tiddeterjora malajr fl-Istrixxa ta' Gaża; huwa inkwetat immensament dwar il-politika tal-insedjamenti Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent; huwa inkwetat ferm bl-istall fid-djalogu u bit-tensjonijiet krexxenti bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jappella għal sforzi serji u kredibbli miż-żewġ naħat, mill-UE u mill-komunità internazzjonali f'dan is-sens; jilqa' favorevolment u jsostni d-determinazzjoni tar-Rappreżentant Għoli Mogherini li, skont hi, l-UE trid tintensifika l-impenn tagħha fil-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani u tasserixxi ruħha bħala faċilitatur; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jastjenu minn kwalunkwe azzjoni li tista' taggrava s-sitwazzjoni fil-forma ta' inċitament, provokazzjoni, użu eċċessiv ta' forza jew ritaljazzjoni; itenni s-sostenn totali tiegħu favur l-inizjattiva ta' paċi Għarbija tal-2002 u jistieden lil-Lega tal-Istati Għarab u lil Iżrael jattwawha; jissottolinja li l-inklużjoni tal-Lega tal-Istati Għarab tkun tagħmel ħafna ġid għal kwakunkwe dibattitu dwar l-issuktar tal-proċess ta' paċi u l-kontroll amministrattiv u politiku tal-Istrixxa ta' Gaża min-naħa tal-Awtorità Palestinjana; jissottolinja r-rwol determinati li żvolġa l-Eġittu huwa u jikseb il-waqfien mill-ġlied definittiv fil-kunflitt bejn Ħamas u Iżrael fis-sajf tal-2014; jitlob lid-donaturi internazzjonali jirrispettaw l-impenji li ħadu fil-Konferenza tal-Kajr ta' Ottubru 2014;

12.    Jesprimi appoġġ sħiħ favur l-azzjonijiet konkreti meħuda mill-UE fil-qafas ta' PSDK b'saħħitha għall-promozzjoni tal-istabbiltà u tas-sigurtà fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq; jiddeplora l-fatt li l-missjonijiet PSDK u l-operazzjonijiet stazzjonati fir-reġjun (EUBAM Libya, EUPOL COPPS u EUBAM Rafah) huma żgħar wisq u ma jikkorrispondux bil-kbir mal-isfidi ta' sigurtà fir-reġjun; jappella favur rivalutazzjoni strateġika ta' dawn l-iskjeramenti; jinnota li l-UE, fil-qafas tal-impenn tagħha favur id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, jista' jkollha rwol importanti fl-għoti ta' assistenza u taħriġ speċifiċi f'kompetenzi speċifiċi fil-qasam tar-riforma tal-ġustizzja kriminali, tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (SSR) u tad-diżarm, demobilizzazzjoni u reintegrazzjoni (DDR), tas-sorveljanza fil-fruntieri, tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni u tal-prevenzjoni tat-traffikar tal-armi, tad-drogi u tal-bnedmin; jagħmel appell għal attenzjoni partikolari fuq il-Libja; jisħaq fuq l-importanza tad-djalogu u tal-kooperazzjoni mal-Lega tal-Istati Għarab u mal-Unjoni Afrikana sabiex il-pajjiżi sħab ikunu jistgħu jiżviluppaw kompetenzi u jkollhom ir-riżorsi militari u umani neċessarji biex jiġġieldu l-estremiżmu;

13.    Jopponi bil-qawwa l-użu tad-drones fil-qtil extraġudizzjarju u extraterritorjali ta' dawk suspettati b'atti ta' terroriżmu u jitlob li l-użu tad-drones għal dan il-għan jiġi pprojbit;

14.    Jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq jirrispettaw il-projbizzjoni tat-tortura kif minqux partikolarment mill-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti li l-maġġor parti ta' dawn il-pajjiżi ffirmat u ratifikat; itenni li l-konfessjonijiet miksuba bil-forza taħt tortura ma għandhomx validità u jikkundanna ir-rikors għal tali prattika;

15.    Jesprimi tħassib minħabba l-fatt li l-varji kriżijiet politiċi tar-reġjun naqqsu l-kapaċità ta' intelligence tal-Istati Membri; ifakkar fl-importanza kruċjali tal-promozzjoni ta' kooperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, fi ħdan qafas tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali; jappella għal kooperazzjoni sistematika u effikaċi bejn dawn il-pajjiżi u ma' Europol u Interpol, biex jingħataw għajnuna ħalli jiżviluppaw l-istrutturi u r-riżorsi neċessarji fil-qasam tal-antiterroriżmu, tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u tal-kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar tal-bnedmin, billi jinħolqu sistemi ta' difiża integrati indirizzati prinċipalment lejn il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem ta' kull individwu involut, bil-kundizzjoni li jkunu stabbiliti salvagwardji adegwati għad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza d-djalogu 5+5, li jissupplimenta l-azzjoni tal-Unjoni għall-Mediterran (UgħM) u jippermetti ħidma fir-rigward tal-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà; jissottolinja l-bżonn li jiġu mvinċija n-nuqqasijiet persistenti fil-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-oriġini, tat-tranżitu u tad-destinazzjoni tal-ġellieda barranin; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jakkomunaw ir-riżorsi tagħhom, isaħħu l-mekkaniżmi eżistenti (Frontex, Eurosur) u jistabbilixxu reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) Ewropew bil-għan li jitjiebu l-kontrolli mal-fruntieri esterni tal-UE; jisħaq fuq il-kollaborazzjoni attiva bejn il-ministri tal-affarijiet barranin u tal-intern għandha tissaħħaħ, b'mod partikolari rigward il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni;

16.    Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti ta' soluzzjoni politika għall-kunflitt fis-Sirja; isostni li soluzzjoni sostenibbli teħtieġ proċess politiku inklużiv bi tmexxija Sirjana li twassal għal tranżizzjoni, fuq il-bażi tal-Komunikat ta' Ġinevra tat-30 ta' Ġunju 2012 u konformi mar-riżoluzzjoni rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, bil-għan li tinżamm l-għaqda, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-pajjiż; jilqa' b'sodisfazzjon l-isforz tal-Koalizzjoni Nazzjonali Sirjana intiża li twessa' l-bażi tal-affiljati tagħha u tikkollabora mal-gruppi tal-oppożizzjoni, anki permezz tal-impenn reċenti mal-Kumitat Nazzjonali ta' Koordinament intiż li jiddefinixxi l-viżjoni tal-oppożizzjoni għat-tranżizzjoni politika; isostni l-isforzi tal-mibgħut speċjali ta-NU, Staffan de Mistura, biex jintemmu l-kunflitti armati u jerġa' jitnieda d-djalogu politiku; jenfasizza l-importanza li tiġi salvagwardata u appoġġata l-oppożizzjoni demokratika Sirjana; ifakkar fin-neċessità tal-obbligu li jingħata kont għad-delitti kontra l-umanità, għad-delitti tal-gwerra u għall-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem kommessi mir-reġim ta' Bashar Al-Assad matul il-kunflitt;

17.    Jappella biex kwalunkwe inizjattiva intiża li ttemm il-ġlied fis-Sirja tqis l-esiġenzi tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, dan tal-aħħar japplika matul żminijiet ta' gwerra u ta' paċi, kif ukoll tad-dritt kriminali internazzjonali; jistieden lill-Unjoni Ewropea żżid il-pressjoni fuq ir-reġim ta' Assad biex jirrispetta r-riżoluzzjoni 2139 (2014), 2165 (2014) u 2191 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u tintensifika l-isforzi tagħha biex tforni l-għajnuna umanitarja, anki fiż-żoni kkontrollati mill-oppożizzjoni moderata Sirjana u tgħin fil-bini tal-kapaċitajiet tagħhom; jilqa' pożittivament l-impenji meħuda matul il-konferenza III tal-Kuwajt u jistieden lill-UE u lid-donaturi internazzjonali l-oħrajn jirrispettaw l-impenji finanzjarji tagħhom bħala tweġiba għall-kriżi Sirjana; isostni r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni intiża li tinkoraġġixxi r-ristabbiliment tal-amministrazzjoni u tas-servizzi pubbliċi fir-reġjuni devastati tas-Sirja, u jappella b'urġenza biex tingħata l-għajnuna għar-rikostruzzjoni ta' Kobane;

18.    Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja tas-Sirja minn erba' snin 'l hawn; josserva li l-aċċess umanitarju naqas bħala konsegwenza ta' tfixkil intenzjonat tal-għajnuna li għandu jitwaqqaf minnufih; josserva bi tħassib serju li n-numru ta' nies li jgħixu fiż-żoni diffiċli jew impossibbli biex l-aġenziji tal-għajnuna jilħquhom, matul dawn l-aħħar sentejn, kważi rdoppja;

19.    Jisħaq fuq il-bżonn li l-Gvern tal-Iraq jippromwovi l-qsim tar-responsabbiltajiet politiċi, tal-poter u tal-qligħ miż-żejt b'mod inklużiv, li jixraq li jħaddan l-komunitajiet reliġjużi u etniċi kollha ta' tali pajjiż u, b'mod speċifiku, il-minoranzi Sunniti; jitlob li din is-sistema ta' qsim tkun kundizzjoni essenzjali għall-implimentazzjoni tal-ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iraq; jistieden lill-Gvern tal-Iraq jagħti protezzjoni lill-minoranzi etniċi u reliġjużi mill-aktar fis possibbli, jipprevjeni lill-milizzji Xiiti milli jeżerċitaw vjolenza kontra l-minoranzi Sunniti u jforni lir-rifuġjati li ħarbu mit-terrur tal-ISIS b'kenn sikur u b'għajnuna essenzjali; josserva li l-ftehim li ntlaħaq mill-Gvern tal-Iraq u mill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan tal-Iraq (KRG) u jħeġġeġ l-implimentazzjoni totali tiegħu, u jistieden lill-Iraq jirrispetta totalment id-drittijiet finanzjarji tal-KRG, kif dispost mill-Kostituzzjoni; jisħaq fuq l-importanza, u jinkoraġġixxi aktar tisħiħ, tal-kooperazzjoni bejn Baghdad u Erbil, għas-sigurtà u l-ġid ekonomiku tal-Iraq u tar-reġjun; jistieden lill-UE tagħti kontribut lill-bini tal-kapaċitajiet politiċi, amministrattivi u militari tal-Gvern tal-Iraq partikolarment biex jiġu ttrattati l-isfidi maħluqa mill-kriżi soċjali u ekonomika u mill-protezzjoni insuffiċjenti tad-drittijiet tal-bniedem;

20.    Huwa konvint li bil-għan li s-sigurtà fit-tul tinkiseb fir-reġjuni li diġà nħelsu mill-ISIS jew mill-gruppi terroristiċi l-oħrajn, huwa neċessarju li dawn l-inħawi jkomplu jiġu stabbilizzati; jirrimarka li dan jista' jsir bis-saħħa tal-għoti tal-għajnuna umanitarja, tal-programmi għat-tneħħija tal-mini u interventi tal-pulizija;

21.    Jikkundanna bis-saħħa l-attakk fuq il-Mużew tal-Bardo ta' Tuneż fit-18 ta' Marzu 2015 li tiegħu l-Istat Iżlamiku afferma r-responsabbiltà; huwa mħasseb bil-kapaċità ta' reklutaġġ tan-netwerks tat-terroriżmu fil-pajjiż immexxi minn gvern ta' unità nazzjonali bl-involviment tal-partit Iżlamiku moderat Ennahda; huwa wkoll imħasseb bil-porożità tal-fruntieri tat-Tuneżija mal-Libja, li jintużaw notevolment għat-traffikar tad-drogi u tal-armi, u jilqa' favorevolment il-kooperazzjoni l-aktar reċenti bejn it-Tuneżija u l-UE u l-Istati Membri tagħha f'dan ir-rigward; għadu inkwetat bl-influss enormi ta' rifuġjati Libjani fit-Tuneżija, fatt li qiegħed ipoġġi pressjoni kbira fuq l-istabbiltà tal-pajjiż, u jilqa' b'sodisfazzjon l-akkoljenza tagħhom mit-Tuneżija, li issa għandha aktar minn miljun rifuġjat Libjan; jisħaq fuq l-importanza li l-UE u t-Tuneżija jsegwu u jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tas-sigurtà, partikolarment billi jistabbilixxu programmi konġunti fil-qasam tas-sigurtà; iqis bħala vitali li l-kwistjoni Tuneżina tingħata aktar sostenn billi jsiru impenji speċifiċi, anki mil-lat ekonomiku u ta' investimenti, bil-għan li t-tranżizzjoni demokratika fraġli tingħata sostenn, konxji tal-fatt li huwa fl-interess tar-reġjun kollu kemm hu u tal-UE li l-esperiment Tuneżin jirnexxi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tenfasizza l-importanza tad-demokratizzazzjoni u tibgħat messaġġ simboliku wara r-rewwixti Għarab billi torganizza summit bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq f'Tuneż;

22.    Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja u tas-sigurtà fil-Libja; huwa inkwetat ħafna bl-espansjoni tal-gruppi terroristiċi fil-pajjiżi, speċjalment l-ISIL/Da'esh, li qegħdin jieħdu vantaġġ mill-vojt politiku u mill-aggravar tal-vjolenza; jissottolinja l-importanza ta' provvedimenti urġenti intiżi li jillimitaw u jeqirdu l-influwenza tal-organizzazzjonijiet terroristiċi fuq it-territorju Libjan; huwa allarmat bis-sitwazzjoni partikolarment serja fin-Nofsinhar tal-pajjiż, inkwantu jintuża bħala pjattaforma għall-kriminalità organizzata u għall-gruppi armati; jenfasizza l-ħtieġa li jinżammu l-integrità territorjali u l-unità nazzjonali tal-Libja, li jistgħu biss isiru permezz ta' politika li tinkludi l-atturi kollha identifikati sew; jerġa' jafferma s-sostenn tiegħu għat-taħditiet immexxija mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Bernardino León, fit-tfittxija ta' soluzzjoni negozjata li twassal għall-formazzjoni ta' gvern ta' unità Libjan; japprezza l-isforzi li għamlu l-Alġerija u l-Marokk biex jitrawwem djalogu intra-Libjan; jissottolinja l-fatt li l-UE diġà esprimiet id-disponibbiltà tagħha li ddaħħal miżuri restrittivi fil-konfront ta' min jgħarraq il-proċess ta' djalogu, konformement mar-riżoluzzjoni 2174 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti; jenfasizza l-fatt li l-UE għandha tkun lesta tforni sostenn lill-istituzzjonijiet fil-Libja malli s-soluzzjoni politika u l-waqfien mill-ġlied jinkisbu; jisħaq fuq il-fatt li l-UE għandha tagħti kontribut għall-isforz ta' DDR u SSR fil-Libja malli jkun inawgurat gvern ta' unità u fuq talba ta' dan tal-aħħar; iwissi, madankollu, li fl-eventwalità ta' stall fin-negozjati politiċi u żieda fil-kunflitt armat, l-UE trid tkun lesta tagħti l-kontribut tagħha għal kwalunkwe intervent ta' żamma tal-paċi b'mandat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;

23.    Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Jemen; jissottolinja li l-kriżi politika nbiddlet fi kriżi umanitarja u tas-sigurtà li qiegħda tiddestabbilizza l-peniżola Għarbija kollha u, barra minnha, il-pajjiżi kollha tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq; jappoġġa lin-NU fl-isforzi tagħhom biex jissuktaw in-negozjati; jenfasizza l-fatt li kunsens politiku wiesa' permezz tan-negozjati paċifiċi fost il-gruppi politiċi ewlenin, fi klima mingħajr biża', jista' joffri soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi attwali u jżomm l-għaqda u l-integrità territorjali tal-pajjiż; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jieħdu provvedimenti prattiċi biex jgħinu ċ-ċivili u jtemmu l-kriżi;

24.    Jikkundanna enerġikament l-attakki fuq l-infrastruttura u l-popolazzjoni ċivili fil-Jemen li spiċċaw f'għadd kbir ta' vittmi u aggravaw bis-serjetà s-sitwazzjoni umanitarja diġà drammatika; jistieden lill-UE, flimkien mal-atturi internazzjonali u reġjonali, tagħmilha ta' medjatur biex jinkiseb waqfien mill-ġlied immedjat u tintemm il-vjolenza fil-konfront taċ-ċivili; jappella biex isiru disponibbli aktar fondi f'koordinament ma' donaturi internazzjonali oħrajn biex tkun evitata kriżi umanitarja u tiġi fornuta l-għajnuna essenzjali għal dawk fil-bżonn;

25.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tittratta strutturalment, flimkien mal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, il-problema taż-żgħażagħ li jħallu l-UE biex jiġġieldu fil-linja tal-ISIS/Da'esh u ta' organizzazzjonijiet terroristiċi oħrajn fis-Sirja u fl-Iraq; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa sabiex ma jħallux lill-ġellieda jivvjaġġaw mit-territorji tagħhom, f'konformità mar-riżoluzzjoni 2170 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, u jiżviluppaw strateġija komuni għas-servizzi ta' sigurtà u l-aġenziji tal-UE biex iwettqu monitoraġġ u kontroll fuq il-ġiħadisti; jappella għall-kooperazzjoni fi ħdan l-UE u fil-livell internazzjonali bil-għan li jittieħdu passi legali kontra kwalunkwe individwu suspettat b'involviment f'atti ta' terroriżmu u bil-għan li jittieħdu miżuri preventivi oħrajn immirati lejn il-kxif u t-tmiem tar-radikalizzazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejniethom, kif ukoll mal-korpi tal-UE;

26.    Jisħaq fuq l-importanza li, fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-Gvern tal-Eġittu jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem bażiċi u l-libertajiet politiċi, iwaqqaf l-arrest sistematiku tad-dimostranti u tal-attivisti paċifiċi u jirrispetta d-dritt għal proċess ġust; josserva li kieku jilqa' b'sodisfazzjon projbizzjoni fuq il-piena tal-mewt li tkun tmur għall-benefiċċju ta' dawk il-membri tal-organizzazzjonijiet politiċi u soċjali li ġew ikkundannati dan l-aħħar;

27.    Jilqa' pożittivament il-ftehim preliminari dwar il-ġiri tax-xmara Nil, li ntlaħaq fit-23 ta' Marzu 2015 bejn l-Eġittu, is-Sudan u l-Etjopja; jenfasizza fuq il-fatt li użu tal-ilmijiet tan-Nil maqbul konġuntament huwa fundamentali għas-sigurtà tal-pajjiżi kollha involuti; jenfasizza li l-UE għandha tkun lesta li tiffaċilita aktar djalogu bejn il-partijiet kollha jekk meqjus utli għan-negozjati;

Intensifikazzjoni tal-istrateġija globali għad-demokrazija u għad-drittijiet tal-bniedem

28.    Huwa konvint li n-nuqqas ta' demokrazija huwa waħda mill-kawżi fundamentali tal-instabbiltà politika fir-reġjun u li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi bażiċi jikkostitwixxi l-aktar salvagwardja soda fit-tul kontra l-instabbiltà kronika fil-pajjiżi tar-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha ma jħarsux lejn ir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq mil-lenti tat-theddid għas-sigurtà f'terminu qasir biss iżda jagħtu sostenn attiv u sostenibbli għall-aspirazzjonijiet demokratiċi tas-soċjetajiet tar-reġjun; jenfasizza l-bżonn li tittieħed azzjoni bilanċjata, fil-qafas ta' approċċ olistiku u ambizzjuż favur id-demokrazija, biex il-politika fil-qasam tas-sigurtà tkun abbinata ma' dik tad-drittijiet tal-bniedem, li tirrappreżenta waħda mill-prijoritajiet tal-UE; jisħaq fuq l-importanza li tissaħħaħ l-istabbiltà fit-tul fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq bis-saħħa ta' appoġġ kontinwu tal-UE lejn is-soċjetà ċivili, partikolarment permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) u tal-Faċilità għas-Soċjetà Ċivili tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat, kif ukoll permezz ta' strumenti prodemokrazija oħrajn bħall-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED); jitlob lill-Istati Membri, fi spirtu ta' solidarjetà u impenn, jipprovdu lill-baġit tal-Fond b'finanzjament suffiċjenti biex jiżguraw l-aktar appoġġ flessibbli u effikaċi għall-atturi lokali tal-bidla demokratika fir-reġjun; jistieden lis-SEAE jirdoppja l-isforzi tiegħu biex ixxerred u jispjega l-valuri Ewropej, b'mod partikolari permezz tal-kuntatti regolari tiegħu mal-awtoritajiet u, fl-istess ħin, mar-rappreżentanti tas-soċjetajiet ċivili;

29.    Jilqa' favorevolemnt it-tnedija mill-VP/RGħ u mill-Kummissjoni ta' konsultazzjoni wiesgħa dwar ir-reviżjoni tal-PEV; jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jiżviluppaw dimensjoni politika u strateġika tal-PEV li tkun aktar effikaċi u innovattiva; jilqa' pożittivament il-laqgħa tal-UE u tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi tal-Mediterran tan-Nofsinhar; ifakkar li din il-laqgħa kienet l-ewwel waħda wara seba' snin li ilhom ma jiltaqgħu l-Ministri tal-Affarijiet Barranin; huwa tal-fehma li l-Ministri għandhom jiltaqgħu kull sena; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jkomplu jinkoraġġixxu r-riformi demokratiċi u jsostnu lill-atturi demokratiċi fi ħdan ir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, partikolarment il-pajjiżi tal-viċinat tal-UE; jenfasizza l-importanza li jinżamm il-bilanċ attwali tad-distribuzzjoni tal-fondi għall-allokazzjoni tal-fondi tal-PEV; ifakkar li l-pajjiżi li qegħdin javvanzaw fl-implimentazzjoni tar-riformi u jsegwu l-politika Ewropea għandhom jingħataw sostenn deċiżiv addizzjonali, b'attenzjoni partikolari tingħata lit-Tuneżija, u jisħaq fuq il-bżonn li jitrawmu d-drittijiet tan-nisa;

30.    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jwaqqfu programm speċjali għall-appoġġ u għar-riabilitazzjoni tan-nisa u l-bniet li jkunu vittmi ta' vjolenza sesswali u skjavitù f'żoni ta' kunflitt fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, u speċjalment fis-Sirja u fl-Iraq; jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, lin-NU, lill-UE u lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi kkonċernati jqisu l-vulnerabbiltà partikolari tar-rifuġjati nisa u bniet, speċjalment dawk li huma iżolati mill-familji tagħhom, joffrulhom protezzjoni xierqa u jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jassistu lis-superstiti tal-vjolenza sesswali, waqt li jintroduċu politiki soċjali li jippermettulhom jintegraw ruħhom mill-ġdid fis-soċjetà; jistieden lill-partijiet fil-kunflitti armati jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tar-riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, jieħdu miżuri biex jipproteġu lin-nisa u lill-bniet, b'mod partikolari mill-abbuż sesswali, mit-traffikar u mill-kummerċ sesswali, u jiġġieldu kontra l-impunità ta' dawk responsabbli; iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-pajjiżi fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul, li hija strument qawwi għall-indirizzar komprensiv tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, inkluża l-vjolenza domestika u l-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF);

31.    Jenfasizza l-opportunità li jipprovdu n-negozjati dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni biex jagħtu spinta lir-riformi; jisħaq fuq il-fatt li d-dimensjonijiet kollha għandhom ikunu marbutin bejniethom sabiex l-UE tkun tista' tapprofondixxi r-relazzjoni tagħha b'mod olistiku u koerenti; jisħaq fuq il-bżonn li jkunu inklużi inċentivi reali u tanġibbli għas-sħab f'dawn il-ftehimiet bil-għan li t-triq tar-riformi tkun aktar attraenti, effikaċi u perċettibbili;

32.    Jenfasizza li l-UE u l-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq jeħtieġu jikkollaboraw aktar mill-qrib abbażi ta' objettivi reċiprokament aċċettabbli fuq il-bażi ta' interessi komuni; jenfasizza l-vantaġġi tal-koordinament tal-għajnuna tal-UE lill-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq flimkien mad-donaturi internazzjonali l-oħra; jistieden lill-Kummissjoni tirrakkomanda titjib f'dan ir-rigward u jisħaq fuq il-bżonn ta' koordinament tal-għajnuna ta' emerġenza mal-assistenza għall-iżvilupp fit-tul;

33.    Jemmen b'konvinzjoni li l-iżvilupp tad-demokrazija lokali u tal-governanza lokali effikaċi huma kruċjali għall-istabbilizzazzjoni tal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, u jappella għalhekk għall-istituzzjonalizzazzjoni u għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-assoċjazzjonijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq;

34.    Jikkundanna l-ksur kontinwu tad-dritt għal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin fir-reġjun u jtenni l-importanza li l-UE tagħti lil din il-kwistjoni; itenni, għal darb'oħra, li d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huwa dritt fundamentali tal-bniedem; jisħaq għalhekk fuq il-bżonn li jiġu miġġielda b'mod effikaċi l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontra l-minoranzi reliġjużi; jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq jiddefendu l-pluraliżmu reliġjuż; jistieden lill-Unjoni Ewropea tintensifika l-isforzi tagħha għas-sostenn tal-protezzjoni attiva tal-minoranzi reliġjużi u toffi kenn sikur; jilqa' pożittivament l-adozzjoni matul is-sena ta' rapportar 2013 tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà tar-Reliġjon jew tat-Twemmin, u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-implimentazzjoni ta' dawn il-linji gwida, f'fora kemm internazzjonali kif ukoll reġjonali u fir-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiżi terzi; jinkoraġġixxi lill-VP/RGħ u lis-SEAE jidħlu fi djalogu permanenti mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, mal-gruppi reliġjużi jew tat-twemmin u mal-mexxejja reliġjużi;

35.    Huwa konvint l-kooperazzjoni u d-diplomazija kulturali, kif ukoll il-kooperazzjoni akkademika u d-djalogu reliġjuż, huma essenzjali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u kull korma ta' radikaliżmu; jenfasizza li l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-vuċijiet kritiċi jikkostitwixxu wkoll sur kontra r-radikalizzazzjoni kemm għall-Ewropa kif ukoll għar-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, u jistieden għaldaqstant lill-UE u lill-Istati Membri jsostnu l-investimenti neċessarji f'tali ambitu; jisħaq l-importanza assoluta tal-promozzjoni ta' skambji kulturali u akkademiċi, fosthom mar-rappreżentanti tal-Iżlam fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq u mal-komunitajiet Iżlamiċi fl-Ewropa; iħeġġeġ lill-Istati sħab jipparteċipaw fil-programmi kulturali tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni terġa' tikkunsidra l-proposta tal-Parlament Ewropew favur il-ħolqien ta' programm Erasmus Ewro-Mediterranju ambizzjuż differenti mill-programm Erasmus+; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari, fil-futur immedjat, lill-progammi Erasmus+ imfassla għall-Mediterran tan-Nofsinhar; jinkoraġġixxi li l-programmi ta' skambji jinkludu wkoll lill-parteċipanti mill-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq li mhumiex membri tal-PEV;

36.    Jisħaq fuq il-bżonn li tiġi żviluppata risposta effikaċi Ewropea komuni għall-Istati Membri kollha għall-propaganda ġiħadista u għar-radikalizzazzjoni ta' nisel intern, fid-dawl tal-użi tal-istrumenti diġitali, l-Internet u n-netwerks soċjali u li tinvolvi lill-awtoritajiet lokali tal-Ewropa, u taħdem mal-komunitajiet taċ-ċittadini Ewropej b'rabtiet kulturali b'saħħithom mal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq; iqis li dawn l-argumenti antitetiċi għandhom ikunu bbażati fuq il-promozzjoni ta' valuri komuni msejsa fuq l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u għandhom jiskreditaw l-idea ta' kunflitt bejn ir-reliġjonijiet jew iċ-ċivilitajiet; jagħmel appell biex fis-SEAE jinħatar persunal li jitkellem bil-lingwi tar-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq bil-għan li tiżdied l-effikaċja tal-komunikazzjoni; jenfasizza l-bżonn li jinxtered messaġġ pożittiv akkumpanjat minn eżempji speċifiċi fir-rigward tar-relazzjonijiet u tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq; jisħaq fuq il-bżonn li jogħla l-profil tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha fir-reġjun;

37.    Jenfasizza l-opportunitajiet li toffri l-PEV għad-djalogu kulturali u interreliġjuż; jenfasizza l-konnessjoni bejn, min-naħa, l-iskambju u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tal-PEV fl-oqsma tal-kultura u tal-edukazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-bini u t-tisħiħ ta' soċjetà ċivili miftuħa, tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tal-promozzjoni tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem;

38.    Jenfasizza l-importanza li jiġi żviluppat djalogu dirett mas-soċjetajiet ċivili tal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq sabiex jinftiehmu aħjar l-aspettattivi tagħhom; jesprimi l-appoġġ tiegħu favur il-konsultazzjoni u l-valorizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda fil-qafas tal-PEV; jenfasizza partikolarment l-importanza li jkunu involuti ż-żgħażagħ ta' dawn il-pajjiżi fi djalogu bbażat fuq relazzjoni sinċiera, diretta u paritarja; ifakkar fl-importanza tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali, u jħeġġeġ lill-Parlament Ewropew u s-SEAE jibagħtu tali missjonijiet fil-pajjiżi kollha tar-reġjun, fuq l-istedina tal-gvernijiet ta' tali pajjiżi, meta jkun hemm prospetti ta' elezzjonijiet tassew demokratiċi u biex ikun garantit li tali missjonijiet ma jispiċċawx biex jilleġittimaw orkestrazzjoni manipulata; jitlob segwitu regolari għar-rakkomandazzjonijiet li jsiru minn dawn il-missjonijiet;

39.    Jisħaq fuq il-bżonn li jiġi enfasizzat ir-rwol ċentrali tal-UgħM li, bħala forum uniku għad-djalogu dwar is-sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi kollha tar-reġjun tal-Mediterran, jeħtieġ isir mutur għall-investimenti fil-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli tar-reġjun; jirrimarka li l-UgħM għandha tkun hi stess kapaċi tiġbor il-fondi neċessarji għal dawn il-proġetti; jappoġġa d-dinamika tal-laqgħat ministerjali; jitlob tixrid usa' tal-programmi u tal-azzjoni tagħha, inklużi l-missjonijiet konġunti ta' osservazzjoni elettorali u missjonijiet konġunti ta' valutazzjoni, u aktar kooperazzjoni mal-Unjoni Ewropea; itenni l-importanza li tingħata spinta u ambizzjoni lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja, bil-għan li jiġu megħluba b'mod tassew kondiviż l-isfidi maħluqa mis-sigurtà u mill-istabbiltà taż-żona Mediterranja;

40.    Jesprimi tħassib kbir dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem speċjalment kontra l-gruppi vulnerabbli, fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' kunflitti; iqis li t-tfal huma wieħed mill-aktar gruppi vulnerabbli u jtenni għalhekk il-bżonn li jiġu intensifikati l-isforzi għall-attwazzjoni tar-reviżjoni tal-istrateġija ta' implimentazzjoni għal-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati; jinkoraġġixxi lill-UE tapprofondixxi aktar il-kooperazzjoni tagħha mar-Rappreżentant Speċjali tan-NU għat-Tfal milquta mill-kunflitti armati, b'sostenn favur il-pjanijiet ta' azzjoni assoċjati u l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ u ta' rappurtar;

Approfondiment tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp ekonomiku

41.    Josserva li r-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq intlaqat b'mod partikolari mill-faqar u mill-inugwaljanzi; huwa konvint li l-iżvilupp soċjoekonomiku, flimkien mat-tisħiħ tad-demokrazija u tal-ġustizzja, huwa neċessarju biex tinkiseb l-istabbilità politika; huwa inkwetat bis-sitwazzjoni taż-żgħażagħ u jqis bħala essenzjali li dawn jiġu offruti prospettivi futuri denji u leġittimi; jisħaq fuq l-importanza fundamentali tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, mhux biss biex jinġibdu l-investimenti Ewropej u jitħalla l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, iżda wkoll biex jinstab tarf l-isfidi tas-sigurtà; jissottolinja r-relazzjoni stabbilita bejn it-trasparenza, l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, li lkoll għandhom jiġu mvinċija f'daqqa; jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, li ta' min tkun prijorità fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

42.    Iqis li d-djalogu strateġiku tal-UE mal-pajjiż tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq għandu jitkompla bi spinta ġdida għal żvilupp ekonomiku sostenibbli, li jkun kapaċi jxejjen l-inugwaljanzi, joħloq l-impjiegi u opportunitajiet ta' edukazzjoni, prinċipalment għaż-żgħażagħ; jenfasizza l-importanza li jinħolqu l-kundizzjonijiet ta' aċċess tal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq fis-suq uniku tal-Unjoni, bil-protezzjonijiet kollha neċessarji; jisħaq fuq l-importanza li jiġu inkoraġġiti l-investimenti Ewropej fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, inklużi proġetti fil-qasam tal-enerġija u tal-infrastrutturi, bl-għan strateġiku li jitrawmu żvilupp sostenibbli u responsabbiltà demokratika;

43.    Ifakkar li s-sena 2015 hija s-Sena Ewropea għall-Iżvilupp, li timmira li tispira aktar Ewropej isiru involuti fil-qerda tal-faqar fid-dinja kollha, u li tikkoinċidi mal-pjanijiet tal-komunità internazzjonali biex jintlaħaq qbil dwar ġabra ta' Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha tal-gvern fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq jagħmlu l-ksib ta' dawn l-għanijiet prijorità;

44.    Jenfasizza li d-djalogu msaħħaħ dwar temi marbuta mal-enerġija fil-Mediterran jaf jgħin jixpruna l-kooperazzjoni reġjonali, jippromwovi l-istabbiltà reġjonali u jiggarantixxi l-integrità ambjentali; jissuġġerixxi, għalhekk, li l-UE timpenja ruħha b'mod aktar b'saħħtu fid-diplomazija fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, kif spjegat mill-Unjoni tal-Enerġija; jenfasizza li l-provvista ta' enerġija lill-viċinat tan-Nofsinhar tal-UE hija importanti kemm mil-lat strateġiku kif ukoll minn dak ekonomiku; jilqa' b'sodisfazzjon it-twaqqif ta' pjattaform Ewro-Mediterranja tal-gass u jafferma li l-interkonnessjonijiet Ewro-Mediterranji fis-setturi tal-gass u tal-elettriku jeħtieġu jkunu inkoraġġiti;

45.    Jappoġġa l-finanzjmanent tal-perkors tat-taħriġ akkademiku u professjonali fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq sabiex tinħoloq riżerva ta' kompetenzi professjonali; josserva li l-programm ta' mobilità ċirkolari tal-UE għat-taħriġ professjonali għandu jkun estiż kemm jsita' jkun għall-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, permezz ta' strumenti flessibbli u li jinbiddlu bħas-sħubijiet għall-mobilità;

46.    Jistieden lill-UE tafferma l-involviment tagħha fil-fażijiet kollha tal-iżvilupp ekonomiku tal-istati tar-reġjun, assistita l-istrumenti kollha mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha; ifakkar li tali strumenti jvarjaw mill-għajnuna umanitarja għall-ftehimiet ta' kummerċ ħieles profondi u komprensivi u jippermettulha tkopri proċess li jibda mill-ħruġ mill-kriżi sal-istabbiliment ta' istituzzjonijiet stabbli;

47.    Jiddispjaċih li huwa neċessarju perjodu minimu ta' sena sabiex tiġi awtorizzata l-għajnuna makrofinanzjarja favur il-pajjiżi fejn is-sitwazzjoni baġitarja hija vulnerabbli ħafna; jinsisti sabiex l-UE tkun tista' timmobilizza jew terġa' torjenta l-fondi neċessarji b'mod rapidu ħafna; iħeġġeġ il-ħolqien ta' dimensjoni proċedurali ġdida tal-għajnuna tal-UE, kemm fil-qafas tal-għajnuna mogħtija fuq il-bażi tal-istrumenti finanzjarji tal-azzjoni esterna tal-UE kif ukoll f'livell ta' assistenza makrofinanzjarja; jissottolinja, fil-kuntest tal-assistenza makrofinanzjarja, il-bżonn li l-UE tivvaluta adegwatament l-impatt soċjoekonomiku u fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-miżuri rikjesti mill-pajjiżi benefiċjarji bil-għan li jiġi żgurat li tali assistenza ma tikkostitwixxix fattur ta' instabbiltà, pereżempju billi timmina s-servizzi soċjali; jistieden lid-donaturi tal-fondi tad-dinja Għarbija jikkoordinaw l-għajnuna tagħhom fi ħdan il-Lega tal-Istati Għarab u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u, kemm jista' jkun, mal-UE;

48.    Jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) jikkoordinaw l-istrateġiji ta' investiment tagħhom mal-Unjoni għall-Mediterran bil-għan li jinħolqu sinerġiji pożittivi;

49.    Jistieden lill-UE tiżviluppa s-sħubijiet tagħha mal-pajjiżi tar-reġjun li mhumiex parti mill-viċinat dirett tagħha; isostni l-konklużjoni ta' konvenzjoni li tistabbilixxi żona ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf sal-punt li fih jinstab ftehim reċiprokament vantaġġjuż li lill-UE joffrilha preżenza akbar u lieva supplimentari fir-reġjun, partikolarment permezz tal-issuktar tan-negozjati għal programm ta' azzjoni konġunta ġdid; ifakkar li ftehim ta' dan it-tip bejn il-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u l-EFTA daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2014;

50.    Jinkoraġġixxi l-UE tkompli d-diskussjonijiet għat-tnedija tan-negozjati favur ftehimiet ta' kummerċ ħieles profondi u komprensivi ma' wħud mill-pajjiżi tar-reġjun, konformement mal-impenji meħuda mill-Unjoni Ewropea b'segwitu għas-Sħubija ta' Deauville; ifakkar li l-iżvilupp tar-relazzjonijiet kummerċjali huwa parti integrali tal-politika esterna tal-UE u jikkontribwixxi għall-objettivi ta' paċi, prosperità u stabbiltà;

51.    Jissottolinja li l-integrazzjoni reġjonali tal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq jista' jsaħħaħ ir-rabtiet politiċi u jippromwovi l-kummerċ u l-iżvilupp; jistieden lill-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq jiddiversifikaw l-ekonomiji u l-importazzjonijiet tagħhom; josserva li l-maġġoranza kbira tal-kummerċ tal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq isir ma' pajjiżi mhux ta' dan ir-reġjun; jiddispjaċih dwar l-imblukkar li l-UE qed tħabbat wiċċha miegħu rigward l-Unjoni tal-Magreb Għarbi (UMA); jistieden lil-UE tagħmel kull sforz, fil-livell diplomatiku, politiku u finanzjarju, sabiex tgħin l-istabbiliment tal-integrazzjoni reġjonali tal-pajjiżi tal-Magreb, fil-qafas tal-UMA jew tal-ftehimiet ġeografikament aktar estiżi ta' Agadir;

52.    Jilqa' pożittivament is-sostenn tal-Kunsill Affarijiet Barranin favur l-inizjattiva għall-koordinament tal-investimenti fir-reġjun tal-Mediterran tan-Nofsinhar (AMICI); jenfasizza l-importanza tal-inizjattivi li jippromwovu l-konsistenza u l-effiċjenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea;

53.    Jappoġġa aktar kooperazzjoni fis-settur tat-trasport, inkluż billi in-netwerk tal-infrastruttura tal-Unjoni Ewropea jingħaqqad ma' dak tal-pajjiżi sħab b'mod aktar strett sabiex jiġu faċilitati l-moviment tal-persuni u tal-prodotti;

54.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kollha tal-UE, lis-Segretarji Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab u tal-Unjoni għall-Mediterran u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi membri.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0023.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2011)0109.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2011)0096.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2011)0576.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2012)0201.

(6)

Testi adottati, P7_TA(2014)0207.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2014)0027.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2015)0010.

(9)

Testi adottati, P8_TA(2015)0040.

(10)

Testi adottati, P8_TA(2015)0077.

(11)

Testi adottati, P8_TA(2015)0071.


OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (11.5.2015)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar l-isfidi tas-sigurtà fir-reġjun tal-MENA u l-prospettivi għal stabbiltà politika

(2014/2229(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Maria Arena

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi f'konformità mal-linji gwida tal-UE tal-2008 dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, il-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tkun element fundamentali tad-djalogu politiku u dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-pajjiżi fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq (MENA);

B.  billi d-drittijiet tan-nisa huma indiviżibbli u mhux negozjabbli u jeħtieġ li l-UE tadotta politika barranija bbażata fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi meta tindirizza n-nazzjonijiet li jiksru d-drittijiet tan-nisa u li ma jħaddnux l-ugwaljanza bejn is-sessi;

C. billi n-nisa u l-bniet, b'mod partikolari dawk minn minoranzi reliġjużi u etniċi, huma vittmi ta' vjolenza mwettqa mill-IS, li tinkludi tjassir, sfruttament u vjolenza sesswali, tqala furzata, qtil extraġudizzjarju, proċessi illegali b'pieni inumani, attakki li jammontaw għal delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;

D. billi l-instabbiltà politika fir-reġjun qed twassal għal żidiet sinifikanti fin-numru ta' rifuġjati, li sikwit jissugraw ħajjithom biex jaħarbu, peress li jkunu vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, u li l-aktar gruppi vulnerabbli fosthom huma n-nisa u t-tfal; billi l-parteċipazzjoni tan-nisa, b'mod partikolari dik tan-nisa minn minoranzi reliġjużi u etniċi, fin-negozjati għall-paċi, fil-bini tal-paċi u fil-proċessi taż-żamma tal-paċi hija kruċjali biex jinkisbu riżultati dejjiema f'dan il-qasam;

E.  billi għad fadal għadd kbir ta' sfidi li għandhom jiġu ssodisfati biex jiġu żgurati s-sigurtà u l-protezzjoni ta' nisa li huma vittmi ta' vjolenza, peress li l-inċidenza ta' stupru u forom oħra ta' vjolenza kontra n-nisa tidher li qed tiżdied fir-reġjun tal-MENA; billi l-aċċess tan-nisa għall-ġustizzja huwa limitat; billi l-persistenza tal-inugwaljanza bejn is-sessi jeħtieġ li tkun indirizzata;

F.  billi ħafna nisa għadhom qed jiġu oppressi mill-istrutturi patrijarkali istituzzjonalizzati tal-istat u tas-soċjetà u għadhom ibatu minn vjolenza statali u min-nuqqas ta' infrastruttura għall-assistenza tan-nisa vittmi tal-vjolenza;

G. billi l-involviment u l-għoti tas-setgħa lin-nisa fis-settur pubbliku, politiku, ekonomiku u kulturali fil-pajjiżi tal-MENA huma essenzjali biex titrawwem l-istabbiltà, il-paċi u l-prosperità ekonomika fit-tul; billi l-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-bniet permezz tal-edukazzjoni huwa ċentrali fil-promozzjoni tar-rwol tagħhom f'dawn l-oqsma kollha; billi d-drittijiet tan-nisa u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-ugwaljanza bejn is-sessi jistgħu jiżvolġu rwol importanti fl-għoti tas-setgħa lin-nisa fil-pajjiżi tal-MENA;

H. billi fil-25 ta' Ġunju 2012 il-Kunsill Ewropew adotta Qafas Strateġiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, li taħtu d-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu integrati fil-politiki kollha tal-UE, inkluża l-politika tal-affarijiet barranin, u billi l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa hija prijorità ta' dak il-Qafas Strateġiku;

I.   billi l-kooperazzjoni u l-iskambji kulturali, kif ukoll l-iskambji akkademiċi bejn u fost il-pajjiżi tal-UE u tal-MENA, jiżvolġu rwol importanti fil-bini ta' fehim, stabbiltà u paċi madwar ir-reġjun kollu; billi r-rwol tan-nisa u l-bniet fl-iskambji u l-kooperazzjoni kulturali għandu jkun imħeġġeġ u promoss;

1.  Itenni li l-UE tikkundanna b'mod qawwi l-iskjavitù, iż-żwieġ furzat, l-istupru, it-tħaddim tat-tfal, l-użu ta' suldati tfal, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, id-delitti tal-unur u kull forma oħra ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa – b'mod partikolari d-dritt għas-sigurtà, id-dritt għal servizzi xierqa tas-saħħa riproduttiva u d-dritt għal rimedju u kumpens bħala vittmi ta' kunflitti – jiġu inklużi fil-ftehmiet ta' sħubija u n-negozjati kollha mal-pajjiżi fir-reġjun tal-MENA;

3.  Jistieden lill-partijiet fil-konflitti armati jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, jieħdu miżuri biex jipproteġu lin-nisa u lill-bniet, b'mod partikolari mill-abbuż sesswali, it-traffikar u l-kummerċ tas-sess, u jiġġieldu kontra l-impunità ta' dawk responsabbli;

4.  Iqis li l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa jistgħu jippromwovu kultura ta' paċi u sigurtà u li l-adozzjoni ta' miżuri mmirati lejn l-iżgurar tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-prevenzjoni ta' kunflitti tippermetti li r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tiġi implimentata kif jixraq f'dan il-qasam;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali biex jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tan-nisa, inkluż id-dritt li jipparteċipaw b'mod attiv fil-ħajja politika, biex jiżguraw li n-nisa jkollhom aċċess għal parteċipazzjoni fit-teħid ta' deċiżjonijiet fil-komunitajiet u l-pajjiżi tagħhom u biex joffru protezzjoni lill-politiċi u lill-attivisti nisa, u jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal miżuri speċifiċi ta' appoġġ fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-pajjiżi kkonċernati;

6.  Huwa konvint li l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet u l-parteċipazzjoni tan-nisa jridu jiġu ttrattati b'mod espliċitu u sistematiku fil-kooperazzjoni u n-negozjati ta' kummerċ ħieles kollha tal-UE u għandhom jiġu inklużi wkoll fid-djalogi politiċi u kulturali kollha mal-pajjiżi fir-reġjun tal-MENA, inkluża l-Lega tal-Istati Għarab;

7.  Jenfasizza l-importanza kbira tal-inklużjoni ta' perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-promozzjoni u l-finanzjament ta' kooperazzjoni u skambji kulturali u akkademiċi, ta' taħriġ vokazzjonali u programmi ta' mobilità ċirkolari bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tal-MENA, tal-użu tagħhom bħala għodda għall-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-bniet, it-tisħiħ u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-ekonomiji tagħhom u t-trawwim tal-ugwaljanza bejn is-sessi; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-proposta tal-Parlament Ewropew dwar il-programm Erasmus Ewro-Mediterranju;

8.  Jenfasizza li l-iżgurar ta' bilanċ bejn is-sessi fil-missjonijiet, id-delegazzjonijiet u t-timijiet ta' medjazzjoni tagħha huwa wkoll mod biex l-UE tippromwovi d-drittijiet tan-nisa u l-parteċipazzjoni fil-pajjiżi sħab;

9.  Jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi fir-reġjun tal-MENA, lin-NU, lill-UE u lill-NGOs ikkonċernati jqisu l-vulnerabilità partikolari tar-rifuġjati nisa u bniet, speċjalment dawk li huma iżolati mill-familji tagħhom, joffrulhom protezzjoni xierqa u jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jassistu lis-superstiti tal-vjolenza sesswali, waqt li jintroduċu politiki soċjali li jippermettulhom jintegraw ruħhom mill-ġdid fis-soċjetà;

10. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex iwaqqfu programm speċjali għall-appoġġ u r-riabilitazzjoni tan-nisa u l-bniet li jkunu vittmi ta' vjolenza sesswali u skjavitù f'żoni ta' kunflitt fir-reġjun tal-MENA, u speċjalment fis-Sirja u l-Iraq;

11. Iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-pajjiżi fir-reġjun tal-MENA biex jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul, li hija strument qawwi għall-indirizzar komprensiv tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, inkluża l-vjolenza domestika u l-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF);

12. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jinkludu perspettiva orjentata lejn in-nisa u lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-iżvilupp ta' djalogu dirett mas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tal-MENA, u biex jipprovdu vuċi għal nisa attivisti u akkademiċi fir-reġjun; jenfasizza l-importanza tal-organizzazzjonijiet tan-nisa u tad-drittijiet relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi fi proċessi ta' konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), kif ukoll f'konsultazzjoni dwar it-tiġdid tal-PEV; jirrikonoxxi li djalogu effettiv dwar il-politika u d-drittijiet tal-bniedem għandu jpoġġi l-perspettivi orjentati lejn in-nisa fil-qalba tiegħu u jkun sensittiv għal kuntesti soċjokulturali u reliġjużi diversi u li qed jinbidlu u jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex jinkludu l-ugwaljanza bejn is-sessi u r-rwol tan-nisa fis-soċjetà bħala kunsiderazzjonijiet kruċjali u elementi ċentrali fl-istrateġija tagħhom biex iħeġġu riforma demokratika fil-pajjiżi ġirien tal-UE; jenfasizza li l-importanza tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa fis-soċjetà bħala parti tar-riforma demokratika għandha tissarraf f'finanzjament tal-PEV, u fl-iżvilupp ta' dimensjonijiet politiċi u strateġiċi;

13. Jindika r-rwol ewlieni li l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja (EMPA) tista' tiżvolġi bħala forum għal dibattitu demokratiku u politiku fost ir-rappreżentanti taż-żewġ naħat tal-Mediterran; jappella biex din l-istituzzjoni tingħata impetu politiku ġdid, u jenfasizza l-progress li sar fis-snin preċedenti fid-djalogu politiku dwar kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi u l-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa;

14. Jiddispjaċih dwar il-firxa ta' riżervi fir-rigward tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), li llimitat ferm l-impatt u l-protezzjoni li tista' tipprovdi; iħeġġeġ bil-qawwa lill-gvernijiet tal-pajjiżi fir-reġjun tal-MENA biex jimplimentaw għal kollox il-CEDAW u biex jikkriminalizzaw kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa, inkluża l-vjolenza sesswali u domestika fi ħdan iż-żwieġ;

15. Jinnota li kwalunkwe żvilupp ekonomiku sostenibbli li jirriżulta minn djalogu strateġiku u kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tal-MENA jrid iżid il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ekonomiji tal-MENA, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ħolqien ta' opportunitajiet għaż-żgħażagħ u n-nisa, inklużi nisa minn gruppi marġinalizzati.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Catherine Bearder, Beatriz Becerra Basterrechea, Vilija Blinkevičiūtė, Anna Maria Corazza Bildt, Viorica Dăncilă, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Mary Honeyball, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Elisabeth Köstinger, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Vicky Maeijer, Angelika Mlinar, Angelika Niebler, Maria Noichl, Marijana Petir, Terry Reintke, Liliana Rodrigues, Jordi Sebastià, Michaela Šojdrová, Ernest Urtasun, Ángela Vallina, Beatrix von Storch, Anna Záborská, Jana Žitňanská, Inês Cristina Zuber

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Stefan Eck, Constance Le Grip, Sirpa Pietikäinen, Monika Vana, Julie Ward


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

11.6.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

45

10

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Bas Belder, Goffredo Maria Bettini, Mario Borghezio, Elmar Brok, Klaus Buchner, Fabio Massimo Castaldo, Aymeric Chauprade, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Arnaud Danjean, Marcel de Graaff, Georgios Epitideios, Eugen Freund, Michael Gahler, Richard Howitt, Tunne Kelam, Afzal Khan, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, David McAllister, Jean-Luc Mélenchon, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Vincent Peillon, Alojz Peterle, Tonino Picula, Kati Piri, Andrej Plenković, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Alyn Smith, Jaromír Štětina, Charles Tannock, László Tőkés, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Angel Dzhambazki, Andrzej Grzyb, Marek Jurek, Antonio López-Istúriz White, Fernando Maura Barandiarán, Urmas Paet, Igor Šoltes

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Costas Mavrides, Kerstin Westphal, Ivan Štefanec

Avviż legali