Proċedura : 2014/2238(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0204/2015

Testi mressqa :

A8-0204/2015

Dibattiti :

PV 07/07/2015 - 15
CRE 07/07/2015 - 15

Votazzjonijiet :

PV 08/07/2015 - 4.13
CRE 08/07/2015 - 4.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0264

ABBOZZ TA’ RAPPORT     
PDF 351kWORD 262k
22.6.2015
PE 551.783v02-00 A8-0204/2015

dwar l-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi

(2014/2238(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

Rapporteur: Jean Lambert

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
 OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi

(2014/2238(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi” (COM(2014)0446),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Pjan ta’ Azzjoni Ekoloġiku għall-SMEs” (COM(2014)0440),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari: Programm ta’ skart żero għall-Ewropa” (COM(2014)0398),

–       wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “L-isfruttament tal-potenzjal fir-rigward ta’ impjiegi li joffri t-tkabbir ekoloġiku” (SWD(2012)0092),

–       wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta’ Diċembru 2010 dwar “Politiki dwar impjiegi għal ekonomija kompetittiva, b’livell baxx ta’ karbonju, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ekoloġika”,

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta’ Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi,

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni “Pjan ta’ azzjoni ekoloġiku għall-SMEs u l-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi”,

–       wara li kkunsidra l-istudju tal-OECD/Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali tal-2014 dwar “Impjiegi u Ħiliet aktar Ekoloġiċi, Studji tal-OECD dwar it-Tkabbir Ekoloġiku”,

–       wara li kkunsidra l-Analiżi tal-Osservatorju Ewropew tal-Impjieg ta’ April 2013 dwar “Il-promozzjoni ta’ impjiegi ekoloġiċi matul il-kriżi: manwal tal-aħjar prattiki fl-Ewropa 2013”,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-2011 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol/Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali dwar “Ħiliet għall-impjiegi ekoloġiċi: viżjoni globali: rapport ta’ sinteżi bbażat fuq studju ta’ 21 pajjiż”,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-2010 taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali dwar “Ħiliet għall-impjiegi ekoloġiċi - rapport ta’ sinteżi Ewropew”,

–       wara li kkunsidra r-rapporti tal-Eurofound dwar ir-Relazzjonijiet u s-Sostenibbiltà Industrijali: ir-rwol tal-imsieħba soċjali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika (2011), l-Ekoloġizzazzjoni tal-Ekonomija Ewropea: risponsi u inizjattivi mill-Istati Membri u l-imsieħba soċjali (2009), u l-Ekoloġizzazzjoni tal-Industriji fl-UE: nantiċipaw u nimmaniġġjaw l-effetti fuq il-kwantità u l-kwalità tal-impjiegi (2013),

–       wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-OECD, CFE-LEED tat-8 ta’ Frar 2010 dwar “Impjiegi u ħiliet ekoloġiċi: l-implikazzjonijiet tal-indirizzar tat-tibdil fil-klima għas-suq tax-xogħol lokali”,

–       wara li kkunsidra d-definizzjoni ta’ impjieg ekoloġiku mill-ILO u l-UNEP bħala kwalunkwe impjieg diċenti li jikkontribwixxi għall-ippreservar jew ir-restawr tal-kwalità tal-ambjent, kemm fl-agrikoltura, l-industrija, is-servizzi u l-amministrazzjoni,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2013 dwar l-Ekoinnovazzjoni – impjiegi u tkabbir permezz tal-politika ambjentali(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Marzu 2012 dwar Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050(2),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Settembru 2010 dwar l-iżvilupp tal-potenzjal ta’ ħolqien ta’ impjiegi ta’ ekonomija sostenibbli ġdida(3),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0204/2015),

A.     billi x-xejriet globali bħall-użu ineffiċjenti tar-riżorsi, il-pressjoni mhux sostenibbli fuq l-ambjent, u t-tibdil fil-klima jinsabu qrib limiti li, ladarba jinqabżu, ma jistgħux jiġu evitati l-impatti irreversibbli fuq is-soċjetajiet tagħna u l-ambjent naturali, u l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanzi dejjem jikbru huma sfida għas-soċjetatjiet;

B.     billi r-rapport tal-2015 tal-Aġenzija Ambjentali Ewropea enfasizza li l-miżuri attwali mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu għanijiet relatati mal-konservazzjoni tal-bijodiversità, it-tnaqqis fl-użu tal-karburanti fossili, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-evitar tal-impatt tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem u dik tal-ambjent;

C.     billi n-nuqqas ta’ rispons ta’ politika koerenti biex jiġu ttrattati dawn l-isfidi komuni jwassal għar-riskju li ma tiġix sfruttata parti sinifikanti mill-potenzjal ta’ ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli ta’ tranżizzjoni ekoloġika u soċjalment inklużiva;

D.     billi b’rispons għal dawn it-theddidiet, qed naraw l-iżvilupp ta’ setturi ġodda, bidliet fi ħdan ħafna setturi oħrajn u tnaqqis f’xi setturi, bħal dawk li jniġġsu b’mod qawwi; billi hemm il-ħtieġa li wieħed jiffoka fuq l-innovazzjoni u fuq modi biex jitnaqqas it-tniġġis; billi, fir-rigward ta’ xi setturi li sejrin lura, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-forza tax-xogħol f’termini ta’ taħriġ mill-ġdid u impjiegi alternattivi; billi l-investimenti f’dawk l-oqsma li ngħataw prijorità fl-aġenda tal-Kummissjoni dwar l-Impjiegi Ekoloġiċi, inklużi r-riċiklaġġ, il-bijodiversità, l-effiċjenza enerġetika, il-kwalità tal-arja u t-teknoloġiji kollha tal-enerġija rinnovabbli bħalma huma l-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, għandhom il-potenzjal li jtejbu b’mod sinifikanti l-ħolqien tal-impjiegi, anke f’żoni skarsament popolati;

E.     billi, skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, is-settur tal-prodotti u s-servizzi ekoloġiċi kiber b’aktar minn 50 % bejn l-2000 u l-2011, u ġġenera aktar minn 1.3 miljun impjieg u billi, skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, ekonomija tal-enerġija rinnovabbli se toħloq 20 miljun impjieg ġdid fl-Ewropa sal-2020; billi politika tal-UE ambizzjuża u koerenti u l-investiment fl-enerġiji rinnovabbli, il-ġestjoni tal-foresti, l-agrikoltura sostenibbli u l-ħarsien tal-ħamrija (biex tiġi evitata u miġġielda l-instabbiltà idroloġika) għandhom il-potenzjal li jagħtu spinta sinifikanti lill-ħolqien tal-impjiegi;

F.     billi l-objettiv tal-iżvilupp sostenibbli huwa mnaqqax fit-Trattat ta’ Lisbona, u l-infurzar ta’ dan jimplika li l-kwistjonijiet ambjentali jiġu ttrattati fl-istess livell bħal dawk ekonomiċi u soċjali fi ħdan iċ-ċiklu annwali tal-politiki Ewropej;

G.     billi l-istrateġija UE2020 għall-promozzjoni tal-ekonomiji intelliġenti, sostenibbli u inklużivi tirrikonoxxi r-rwol ewlieni ta' tranżizzjoni lejn ekonomiji ekoloġiċi u soċjalment ġusti;

H.     billi r-riġiditajiet tas-suq tax-xogħol qed jimpedixxu l-ħolqien tal-impjiegi, filwaqt li suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE jista’ jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-miri tal-impjiegi tal-Ewropa 2020;

I.      billi l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom, fil-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima f’Cancun fl-2010, biex jiżguraw “tranżizzjoni ġusta tal-forza tax-xogħol li toħloq xogħol diċenti u impjiegi ta’ kwalità”; billi tranżizzjoni ġusta għal kulħadd lejn ekonomija ambjentalment sostenibbli teħtieġ li tiġi ġestita sew biex tikkontribwixxi għall-objettiv ta’ impjieg fit-tul u sostenibbli għal kulħadd – inklużi, iżda mhux limitat għal, impjiegi kwalifikati ħafna – l-inklużjoni soċjali u l-eradikazzjoni tal-faqar;

J.        billi l-ħames pilastri ta’ “Tranżizzjoni ġusta” jinkludu: konsultazzjoni/vuċi tat-trade unions; investiment f'impjiegi ekoloġiċi u diċenti; ħiliet ekoloġiċi; rispett għad-drittijiet tax-xogħol u tal-bniedem; u protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u l-komunitajiet li jkunu fuq quddiem nett fit-tranżizzjoni minn livell għoli għal livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju;

K.     billi parteċipazzjoni qawwija mill-ħaddiema fit-tranżizzjoni hija essenzjali bl-għan li tiżdied il-kuxjenza ambjentali u jkun hemm fehim tal-ħtieġa għal effiċjenza fir-riżorsi u li jitnaqqas l-impatt tagħna fuq l-ambjent;

L.     billi l-potenzjal għat-tkabbir fl-impjiegi ekoloġiċi huwa mfixkel minn nuqqas fil-ħiliet u skwilibriju kkawżati minn numru ta’ fatturi, inklużi l-varjabbiltà fil-kurrikulu fir-rigward tas-sostenibbiltà, it-tnaqqis li ġie identifikat f’setturi partikolari, in-nuqqas ta’ studenti bil-ħiliet STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika) u tal-IT meħtieġa, u konċentrazzjoni tal-ġeneru f’xi setturi minflok ugwaljanza bejn il-ġeneri;

M.    billi hemm evidenza li l-investiment fl-effiċjenza tal-enerġija u tar-riżorsi u l-iżvilupp tal-katina tal-provvista permezz ta' strateġija industrijali ċara, kif ukoll it-trasferimetn tat-taxxa minn fuq ix-xogħol lejn sorsi oħra, għandhom il-potenzjal li jkollhom impatt pożittiv fuq il-ħolqien tal-impjiegi;

N.     billi l-Ewropa tinsab f’kompetizzjoni globali, u l-ispejjeż affordabbli tal-enerġija, il-kompletar tas-suq intern tal-UE u ambjent imtejjeb tal-investiment għat-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien ta’ impjiegi għandhom rwol deċiżiv;

O.     billi ċerti setturi, bħar-rinnovament tal-bini b’mod effiċjenti fl-enerġija, huma speċifiċi għas-sit u ma jistgħux jiġu offshored jew jiġu rilokati;

P.     billi l-inċertezza u n-nuqqas ta’ koerenza fid-direzzjoni politika u n-nuqqas ta’ objettivi ċari jfixklu l-investiment, l-iżvilupp tal-ħiliet, ir-R&Ż u għalhekk ifixklu l-iżvilupp ta’ opportunitajiet ta’ impjieg;

Q.     billi kuxjenza soċjetarja akbar dwar l-importanza tal-ħtieġa għal ekonomija ekoloġika ttejjeb il-possibilitajiet ta’ impjieg;

R.     billi objettivi ċari, fissi, fuq perjodu ta’ żmien medju sa perjodu ta’ żmien fit-tul, inklużi l-miri tal-UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija u t-tniġġis, jistgħu jkunu muturi importanti għall-bidla, u billi r-regolamentazzjoni tal-UE wkoll għandha rwol importanti f’dan ir-rigward; billi investiment immirat, anke fl-iżvilupp tal-katini ta’ provvista fi ħdan l-UE, li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi għandu jiġi minn, u jkun konsistenti ma’, qafas ta’ politika ċar;

S.     billi s-settur pubbliku u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jista’ jkollhom rwol importanti fil-faċilitazzjoni tat-tranżizzjonijiet lejn ekonomija ekoloġika u l-ħolqien ta’ swieq tax-xogħol inklużivi;

T.     billi l-Ekotikketta, l-EMAS, l-APE u skemi simili jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi;

U.     billi l-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju huma wieħed mill-ikbar ġeneraturi ta’ impjiegi fl-UE, jirrappreżentaw konsiderevolment aktar minn 80 % tal-impjiegi kollha u kienu minn ta’ quddiem f’ħafna setturi “ekoloġiċ”, iżda jistgħu jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet partikolari biex jantiċipaw il-ħiliet meħtieġa u fit-twettiq tal-potenzjal ta’ impjiegi;

V.     billi l-Linji Gwida Integrati huma aspett ewlieni tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u tal-impjieg tal-Istati Membri u jiffurmaw il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, u billi għandhom isejsu l-objettivi tal-Ewropa 2020, notevolment l-objettiv tal-impjiegi, inter alia billi jippromwovu l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità anke permezz tal-impjiegi ekoloġiċi;

W.    billi jeħtieġ li n-nisa jibbenefikaw bl-istess mod mill-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi adatti, u jeħtieġ li s-"saqaf tal-ħġieġ" jinkiser;

X.     billi n-nisa jintlaqtu b'mod sproporzjonat mill-kriżi u mill-politiki ta' awsterità, u billi l-impjiegi ekoloġiċi taw prova ta' iktar reżistenza għall-kriżijiet minn tipi oħra ta' impjieg;

Y.     billi r-rwol tas-soċjetà ċivili huwa essenzjali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika, kif ukoll fil-ġlieda għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

Z.     billi setturi b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju aktarx ikollhom produttività tax-xogħol ogħla, u l-ishma tal-pagi kellhom inqas tnaqqis f’dawn is-setturi milli fl-iktar 15-il industrija li jniġġsu;

AA.  billi d-data tal-Ewrobarometru dwar xogħol ekoloġiku fl-SMEs turi li l-iffrankar tal-enerġija, it-tnaqqis tal-iskart u t-tnaqqis tal-użu ta’ materja prima huma miżuri li saru ekonomikament vantaġġjużi;

Lejn ekonomija ekoloġika – l-opportunitajiet għas-suq tax-xogħol

1.      Jenfasizza li tranżizzjoni lejn soċjetajiet u ekonomiji sostenibbli, inklużi mudelli sostenibbli ta’ konsum u produzzjoni, tiġġenera l-potenzjal kemm biex jinħolqu impjiegi ġodda ta’ kwalità kif ukoll biex l-impjiegi eżistenti jiġu ttrasformati f’impjiegi ekoloġiċi kważi fis-setturi kollha u fil-katina tal-valur kollha; mir-riċerka sal-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-forniment ta’ servizz, u f’setturi ta’ teknoloġija avvanzata ekoloġika ġdida bħalma huma l-enerġiji rinovabbli kif ukoll l-industriji tradizzjonali bħalma huma dik tal-manifattura u tal-kostruzzjoni, jew l-agrikoltura u s-sajd, jew is-setturi tas-servizzi bħat-turiżmu, il-forniment tal-ikel, it-trasport u l-edukazzjoni; jenfasizza, fl-istess ħin, li minbarra li joħloq għadd kbir ta’ impjiegi, l-investiment fl-enerġiji rinnovabbli u fl-użu effiċjenti tal-enerġija jikkontribwixxi għaż-żamma tal-kompetittività ekonomika u industrijali tal-Ewropa u għat-tnaqqis tad-dipendenza tal-Ewropa fuq l-enerġija;

2.      Jenfasizza li żewġ terzi tas-servizzi pprovduti min-natura, inklużi l-art għammiela u l-ilma u l-arja nodfa, qegħdin jonqsu, u t-tisħin globali u t-telf tal-bijodiversità huma qrib il-limiti li jekk jinqabżu ma jkunux jistgħu jiġu evitati impatti irriversibbli fuq is-soċjetajiet tagħna u l-ambjent naturali;

3.      Jirrimarka li t-tkabbir ekonomiku kontinwu huwa possibbli biss jekk jittieħed kont tal-limitazzjonijiet tal-ambjent; jenfasizza l-fatt, f'dan il-kuntest, li ekonomija ekoloġika u ċirkolari tista' tipprovdi soluzzjonijiet għall-ambjent kif ukoll għall-ekonomija u għas-soċjetà b'mod ġenerali;

4.      Jenfasizza l-fatt li l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni ambjentali, kif ukoll it-titjib tal-integrazzjoni ambjentali u l-koerenza politika bejn il-politiki settorjali differenti fl-UE, huma essenzjali għal mobilizzazzjoni sħiħa tal-potenzjal marbuta mal-ekonomija ekoloġika u għalhekk għall-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi;

5.      Jinnota li fir-rapport tagħha tal-2015, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tirrimarka li l-miżuri attwali mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet relatati mal-konservazzjoni tal-bijodiversità, it-tnaqqis fl-użu tal-karburanti fossili, u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-evitar tal-impatt tagħha fuq is-saħħa tal-bniedem u l-kwalità tal-ambjent;

6.      Jinnota li t-tranżizzjoni għandha potenzjal sinifikanti biex toħloq impjiegi lokali li ma jistgħux jiġu rilokati, u f’oqsma li ma jistgħux jiġu offshored, u f'setturi milquta mill-kriżi bħas-settur tal-kostruzzjoni; jinnota li hemm evidenza qawwija li t-tranżizzjoni ekoloġika, fl-aħħar mill-aħħar, se jkollha impatt pożittiv fuq l-impjiegi, u dan jirrifletti l-fatt li l-attivitajiet ekonomiċi sostenibbli bħall-iffrankar tal-enerġija jew il-biedja organika jirrikjedu aktar ħaddiema mill-attivitajiet li qegħdin jissostitwixxu u jista' jkollhom il-potenzjal li jippermettu lil reġjuni jsiru aktar awtosuffiċjenti;

7.      Iqis li għandha tiġi adottata definizzjoni miftiehma ta’ “impjiegi ekoloġiċi”, ibbażata fuq dik tal-ILO u tal-Konferenza Internazzjonali tal-Esperti tal-Istatistika;

Tranżizzjoni ġusta u ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità

8.      Jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li r-ristrutturar għandu jitwettaq b’mod soċjalment responsabbli, filwaqt li fl-istess ħin tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa ta’ ristrutturar u innovazzjoni tal-kumpaniji;

9.      Jemmen li huwa kruċjali, sabiex jiġi massimizzat il-potenzjal nett tal-impjiegi tal-ekonomija ekoloġika, li l-forza tax-xogħol eżistenti tagħna tiġi pprovduta bl-opportunitajiet xierqa biex tikseb il-ħiliet ġodda meħtieġa għall-ekonomija ċirkolari;

10.    Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu politiki għas-sigurtà u r-riabilitazzjoni tal-bini pubbliku biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika u jitnaqqas il-konsum;

11.    Jistieden lill-Istati Membri, u fejn xieraq il-Kummissjoni, biex jimpenjaw ruħhom favur ‘pjan direzzjonali ta’ tranżizzjoni ġusta” biex jilħqu miri ambjentali ambizzjużi bil-promozzjoni tal-aspetti li ġejjin: protezzjoni soċjali u remunerazzjoni xierqa, impjiegi fit-tul u kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u sani, investiment immexxi mill-gvern fi programmi ta' edukazzjoni, taħriġ u ħiliet, ir-rispett għad-drittijiet tax-xogħol u t-tisħiħ tal-informazzjoni, il-konsultazzjoni u drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-ħaddiema fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw l-iżvilupp sostenibbli, u rappreżentanza effettiva tal-forza tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jippruvaw jilħqu dawn l-għanijiet;

12.    Ifakkar li l-Istrateġija riveduta tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza għandha tikkunsidra żviluppi speċifiċi f'setturi ġodda meta xieraq;

13.    Jenfasizza li l-antiċipazzjoni tal-bidla fl-impjieg teħtieġ ġestjoni proattiva ta’ trasformazzjoni u ġbir aħjar ta’ data ta’ kwalità għolja dwar il-ħtiġijiet attwali u futuri tas-suq tax-xogħol, bl-involviment ta’ istituzzjonijiet Ewropej ta’ edukazzjoni għolja, u li l-ippjanar fit-tul huwa essenzjali biex tiġi żgurata tranżizzjoni effettiva u żieda fl-impjiegi; jenfasizza r-rwol importanti li għandhom l-awtoritajiet reġjonali u lokali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika fl-edukazzjoni, l-infrastruttura, l-appoġġ għan-negozji lokali u l-ħolqien ta’ impjiegi stabbli b’salarji regolati mill-ftehimiet kollettivi jew mezzi oħra permessi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali; billi d-djalogu soċjali huwa element essenzjali tal-ġestjoni tat-trasformazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-gvernijiet reġjonali u lokali u l-imsieħba soċjali biex jassumu r-responsabbiltà tagħhom u jittrattaw din l-isfida kollettivament, filwaqt li jqisu l-prinċipju ta' sussidjarjetà;

14.    Jinnota li r-rwol tal-imsieħba soċjali fit-tranżizzjoni lejn l-impjiegi ekoloġiċi beda jiżdied b’mod gradwali fis-snin li għaddew, iżda jfakkar li għandu jsir iktar biex jinbena djalogu soċjali dejjiemi u sostenibbli li jista’ jgħin sabiex jiġu ssodisfati l-isfidi li ġġib magħha l-bidla lejn ekonomija kompetittiva, b'livell baxx ta' emissjonijiet ta’ karbonju u effiċjenti fir-riżorsi;

15.    Jenfasizza l-importanza tal-gvernijiet nazzjonali fil-promozzjoni tad-djalogu soċjali settorjali, speċjalment fl-industriji ekoloġiċi ġodda emerġenti, u anke fl-iżgurar tal-inklużjoni tal-SMEs;

16.    Jinnota li xi reġjuni qed jiffaċċjaw aktar sfidi minn oħrajn minħabba l-konċentrazzjoni ġeografika tal-industriji intensivi fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi u ta’ industriji li jniġġsu, jew ta’ livelli għoljin ta’ faqar jew qgħad; jistieden lill-Istati Membri u lill-gvernijiet lokali u reġjonali appoġġjati mill-Unjoni Ewropea biex jikkollaboraw mal-imsieħba soċjali u b’mod kollettiv jimplimentaw biss pjanijiet direzzjonali ta’ tranżizzjoni ġusti, inklużi mekkaniżmi ta’ solidarjetà għal tranżizzjoni ekoloġika soċjalment ġusta tal-ekonomiji lokali u reġjonali, filwaqt li jappoġġaw il-komunitajiet u l-ħaddiema affettwati mill-bidla u b’hekk inaqqsu l-insigurtà minħabba ċ-ċaqliq tal-impjiegi u jiżguraw li t-talbiet għal ħiliet ġodda tax-xogħol jiġu ssodisfati;

17.    Jenfasizza l-fatt li l-awtoritajiet lokali jista’ jkollhom rwol ewlieni fil-promozzjoni tat-tkabbir tal-impjiegi fl-ekonomija ekoloġika u aktar impjiegi diċenti u inklużivi permezz ta’:

– investiment ekoloġiku,

– l-isfruttament tas-saħħa tal-akkwist pubbliku, inkluż l-użu tal-klawżoli soċjali u ambjentali fl-akkwist pubbliku,

– il-ħolqien ta’ sħubijiet, fosthom mal-istituzzjonijiet tat-taħriġ, biex jitjieb it-tqabbil bejn l-impjiegi u l-ħiliet fis-swieq tax-xogħol lokali,

– l-appoġġ kemm għall-SMEs ekoloġiċi kif ukoll għall-ekoloġizzazzjoni tal-SMEs,

– l-istabbiliment ta’ programmi ta’ impjieg ekoloġiċi inklużivi li jiżguraw li l-gruppi vulnerabbli jikkapitalizzaw ukoll fuq it-tkabbir ekoloġiku;

18.    Jinnota l-evidenza li tenfasizza l-importanza tal-involviment tal-maniġment mal-forza tax-xogħol biex tiġi żgurata parteċipazzjoni sostanzjali minnhom fil-kisba ta’ dawn il-bidliet permezz ta’ sħubija soċjali; jirrakkomanda l-involviment ta’ “rappreżentanti ekoloġiċi” tat-trade unions li jaħdmu mal-impjegaturi dwar it-tisħiħ tal-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija u ż-żieda tas-sostenibilità fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ immirat għall-inizjattivi konġunti bejn il-ħaddiema u l-impjegaturi għall-ekoloġizzazzjoni tal-industriji;

19.    Iqis li għandhom jiġu żviluppati proġetti pilota b'appoġġ għal xi wħud minn dawn l-objettivi;

20.    Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li tuża l-Iskemi Mmirati ta’ Mobbiltà fil-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) biex tippromwovi l-mobbiltà tax-xogħol għal min ifittex impjieg;

Ħiliet għall-impjiegi ekoloġiċi

21.    Jilqa’ l-għodod għall-iżvilupp tal-ħiliet u t-tbassir tal-ħtiġijiet tal-ħiliet proposti mill-Kummissjoni; jenfasizza l-fatt li l-iżvilupp tal-ħiliet għandu jinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-ħiliet STEM li, b’mod wiesa’, huma aktar utli f’ekonomija; jenfasizza, madankollu, li huma meħtieġa azzjoni u investiment aktar ambizzjużi; jemmen li sabiex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet tal-ħiliet futuri, il-partijiet ikkonċernati kollha fis-suq tax-xogħol iridu jkunu involuti sew fil-livelli kollha;

22.    Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu mal-Kummissjoni biex jiġi stabbilit bank tad-data li jelenka korsijiet ta’ taħriġ u offerti ta’ xogħol relatati mal-impjiegi ekoloġiċi, bl-għan li titjieb il-kwalità ta’ informazzjoni, pariri u gwida disponibbli dwar il-karrieri u l-ħiliet meħtieġa biex jiġu kapitalizzati l-opportunitajiet ta’ impjieg ipprovduti mill-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija;

23.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ġbir tad-data jsir fl-oqsma ekoloġiċi kollha, fosthom dawk li bħalissa huma injorati, bħat-trasport pubbliku u s-settur tal-bejgħ bl-imnut; jitlob lill-Kummissjoni biex, filwaqt li tipprovdi appoġġ lill-uffiċċji nazzjoanli tal-istatistika u lis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjieg (SPI), u filwaqt li ssaħħaħ l-użu ta' għodod ta' mudellar kwantitattiv, tinkorpora l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-ġbir tad-data b'rabta mas-setturi kollha tal-impjieg ekoloġiku;

24.    Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi perspettiva tal-ġeneru fl-iżvilupp ta' ġbir, diżaggregazzjoni u analiżi ġodda tad-data, bħal ħidma mwettqa permezz tal-għodda ekonometrika FIDELIO, jew ma' partijiet ikkonċernati bħall-Konferenza Internazzjonali tal-Esperti tal-Istatistika dwar ix-Xogħol;

25.    Jenfasizza l-ħtieġa għal enfasi akbar fuq it-tnaqqis tad-diskrepanzi fil-ħiliet permezz tat-tħeġġiġ tal-iżvilupp tal-ħiliet;

26.    Jistieden lill-Kummissjoni tgħin fit-tħeġġiġ tal-iżvilupp tal-ħiliet permezz tal-aġġornament tal-kwalifiki u l-edukazzjoni u l-kurrikulu ta’ taħriġ korrispondenti fil-livell tal-UE;

27.    Jistieden lill-Kummissjoni tenfasizza l-użu akbar tas-sistemi ta’ klassifikazzjoni bħall-ESCO li jistgħu jintużaw biex jiġu identifikati diskrepanzi fil-ħiliet;

28.    Jenfasizza l-importanza ta’ sinerġiji aħjar bejn sistemi tal-edukazzjoni u impjiegi ekoloġiċi ġodda emerġenti permezz ta’ koordinazzjoni aħjar bejn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u unions tal-impjegaturi u organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn;

29.    Jistieden lill-Istati Membri, il-gvernijiet reġjonali u l-awtoritajiet lokali jadottaw u jimplimentaw, flimkien mal-imsieħba soċjali u l-fornituri tat-taħriġ, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-istrateġiji ta' antiċipazzjoni bl-għan tat-titjib tal-ħiliet ġeneriċi, settorjali u speċifiċi għall-okkupazzjoni; jenfasizza ulterjorment l-importanza tas-sħubijiet u l-fiduċja bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni, in-negozji, l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet;

30.    Jinnota li dawn l-istrateġiji għandhom jinkludu valutazzjoni bir-reqqa t-tip u l-livell ta’ impjiegi ekoloġiċi li għandhom jinħolqu u l-ħiliet u l-għarfien meħtieġa, li jwasslu għall-antiċipazzjoni u l-identifikazzjoni ta’ diskrepanzi tal-ħiliet u programmi ta’ taħriġ vokazzjonali tul il-ħajja mmirati li jiffukaw fuq it-tqabbil tal-ħiliet u l-impjiegi bl-għan li jiżdiedu l-impjiegi; jenfasizza l-ħtieġa li fl-istrateġiji jiġu attivament inklużi kemm il-ħaddiema spustati kif ukoll il-ħaddiema bi ftit kwalifiki li jinsabu f’riskju ta’ esklużjoni mis-suq tax-xogħol, billi jiġi żgurat li t-taħriġ fil-ħiliet ikun immirat, aċċessibbli u bla ħlas għal dawn il-ħaddiema;

31.    Jinnota li ċ-CEDEFOP jipproponi li l-adattament tal-kurrikuli u l-inklużjoni tas-sensibilizzazzjoni ambjentali, b’fehim tal-iżvilupp sostenibbli u l-effiċjenza fin-negozju, huma aħjar mill-proposta ta’ programmi ġodda ta’ taħriġ;

32.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jintegraw l-iżvilupp sostenibbli u l-kompetenzi u l-ħiliet ambjentali fis-sistemi tat-taħriġ u tal-edukazzjoni, b’mod partikolari bit-tisħiħ tas-sistemi tal-ETV (edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali) u billi ċ-ċentri ta’ riċerka jiġu mħeġġa jiżviluppaw teknoloġiji, proġetti u privattivi għal prodotti ekoloġiċi, b’kollaborazzjoni ma’ kumpaniji ekoloġiċi ġodda; iħeġġeġ l-iskambju ta’ ideat bejn iċ-ċentri ta’ riċerka u netwerks ta’ kumpaniji u professjonisti; ifakkar fl-importanza tal-ħiliet tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) u l-ħtieġa li jiġi żgurat li aktar nisa jistudjaw is-suġġetti STEM;

33.    Jitlob strateġija ambizzjuża sabiex jinħolqu impjiegi sostenibbli, anke billi jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet b’enfasi partikolari fuq l-issodisfar tal-ħtiġijiet tal-ħiliet ta’ ekonomija aktar ekoloġika;

34.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu vantaġġ mill-iżvilupp ta’ dan is-settur, sabiex joħolqu apprendistati bi kwalifiki għoljin li jipprovdu liż-żgħażagħ b’għarfien u taħriġ speċjalizzat, u biex jgħinu sabiex jiġu ttrattati l-livelli għoljin ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ;

35.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu, meta jagħmlu t-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ekoloġika, il-ħtiġijiet tan-nisa u l-bniet għal opportunitajiet aħjar ta’ tagħlim tul il-ħajja, speċjalment f’oqsma li għandhom potenzjal kbir li jipprovdu għadd sinifikanti ta’ impjiegi ekoloġiċi ġodda, bħax-xjenza, ir-riċerka, l-inġinerija, it-teknoloġija diġitali u t-teknoloġiji ġodda, bl-għan li tissaħħaħ il-pożizzjoni tan-nisa fis-soċjetà, jitneħħew l-istereotipi tal-ġeneru u jiġu pprovduti impjiegi li jikkorrispondu bis-sħiħ mal-ħtiġijiet u l-ħiliet partikolari tan-nisa;

36.    Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex b'mod sistematiku jinkludu perspettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fid-definizzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' politiki għall-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi fil-livelli kollha, sabiex jiġi żgurat li jiġu garantiti opportunitajiet indaqs, filwaqt li jitqiesu l-isfidi għall-ħolqien tal-impjiegi ekoloġiċi f'żoni rurali; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jagħmlu sforzi ulterjuri biex jippermettu lin-nisa jipparteċipaw bis-sħiħ fil-formulazzjoni tal-politiki, fit-teħid ta' deċiżjonijiet u fl-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' impjiegi ekoloġiċi li jinkludu ħiliet ekoloġiċi;

37.    Jitlob lill-Kummissjoni tati bidu għal dibattitu pubbliku dwar il-kunċett ta' 'edukazzjoni għal żvilupp sostenibbli' u tippromwovih, b'enfasi speċjali fuq l-edukazzjoni tal-bniet u n-nisa; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu politiki li jħeġġu parteċipazzjoni ogħla tan-nisa fl-edukazzjoni fis-suġġetti u fl-intraprenditorija STEM, u jorbtu l-aġenda dwar l-impjiegi ekoloġiċi mal-għoti tas-setgħa lin-nisa permezz tal-edukazzjoni; jitlob li jiġu stabbiliti miri ċari u monitoraġġ tar-reklutaġġ tan-nisa fl-impjiegi ekoloġiċi permezz ta' programmi ta' apprendistat; jitlob li jkun hemm miżuri li jħeġġu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ETV u fl-opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja fis-setturi ekoloġiċi;

38     Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibdew japplikaw indikatur ġdid, soċjali u li jiffavorixxi l-klima dwar it-tkabbir, li jinkludi aspetti mhux ekonomiċi tal-benessri u jkun orjentat prinċipalment fuq kwistjonijiet relatati mal-iżvilupp sostenibbli bħall-ugwaljanza tal-ġeneri, it-tnaqqis tal-faqar u t-tnaqqis fil-livell ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra;

39.    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jfittxu li jiksbu politiki tal-impjieg kompletament ekoloġiċi b'konsultazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili;

40.    Jistieden lill-Kummissjoni tadotta strateġija Ewropa 2015-2020 għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri li tqis il-miri dwar ir-rati ta' impjieg tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

41.    Jenfasizza l-ħtieġa għal azzjoni mmirata mill-awtoritajiet u s-servizzi pubbliċi biex jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati kollha fis-suq tax-xogħol, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-impjegati, biex jitnaqqsu d-diskrepanzi fil-ħiliet; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jkollhom mekkaniżmi fis-seħħ biex iħarrġu l-persunal fl-awtoritajiet u s-servizzi tal-impjieg biex il-ħiliet għall-impjiegi ekoloġiċi jiġu integrati fil-politiki dwar is-suq tax-xogħol u biex jiġu żviluppati l-mezzi ta’ valutazzjoni tal-impatt ta’ dan it-taħriġ; jenfasizza l-importanza li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni Ewropej jallinjaw il-programmi tagħhom għall-ħtiġijiet tal-ekonomija ekoloġika u s-suq tax-xogħol b’mod ġenerali;

42.    Jistieden lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ ambjent regolatorju li jħeġġeġ l-innovazzjoni fl-ekonomija ekoloġika;

Koerenza tal-politika biex jiġi żviluppat bis-sħiħ il-potenzjal ta’ ħolqien ta’ impjiegi tal-ekonomiji sostenibbli

43.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw oqfsa regolatorji, fiskali u finanzjarji ambizzjużi, fit-tul u integrati għall-investiment sostenibbli u jħeġġu l-innovazzjoni, sabiex b’hekk jiġi sfruttat il-potenzjal ta’ ħolqien ta’ impjiegi ta’ dawn it-tibdiliet; jenfasizza li l-politiki għandhom jiġu żviluppati f’qafas ta’ orizzonti fit-tul li jinkludi objettivi kif ukoll indikaturi li jkejlu l-progress lejn l-ilħuq tagħhom;

44.    Jenfasizza li l-koordinazzjoni fil-Kummissjoni u bejn il-ministeri rilevanti fil-livell nazzjonali hija importanti biex jinħoloq qafas għall-bidla komprensiv u bbażat fuq gvern sħiħ li jkun kapaċi jiddedika l-attenzjoni meħtieġa għall-effetti distributtivi tat-tranżizzjoni;

45.    Jinnota li s-suċċess jew il-falliment tal-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi huwa dipendenti fuq il-livell ta’ ambizzjoni tal-objettivi vinkolanti tal-Kummissjoni għall-enerġija rinovabbli u l-effiċjenza enerġetika, u fuq l-investiment fit-teknoloġiji tal-enerġija rinovabbli u l-programmi ta’ effiċjenza enerġetika li l-Istati Membri impenjaw ruħhom dwarhom;

46.    Jenfasizza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri huma responsabbli għal politiki konsistenti li jippromwovu l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u jżidu l-effiċjenza enerġetika bl-għan li jiskattaw l-iżvilupp lokali u reġjonali u l-ħolqien ta’ impjiegi lokali ta' kwalità; jenfasizza li l-investiment fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika jista' jsir wieħed mis-sorsi ewlenin ta’ ħolqien ta’ impjiegi fl-Ewropa fis-snin li ġejjin;

47.    Jirrimarka li l-awtosuffiċjenza territorjali fl-enerġija għadha wieħed mill-objettivi fit-tul tal-politika ekonomika u tal-enerġija tal-UE; jinsisti, barra minn hekk, fuq il-fatt li d-dimensjoni territorjali tal-investimenti għandha assolutament tiġi kkunsidrata għax din tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni territorjali tal-UE li tgħaqqad il-bliet u l-kampanja;

48.    Jilqa’ l-inklużjoni mill-Kummissjoni tal-impjiegi diċenti fil-mandat ta’ negozjar tal-UE għat-taħditiet tal-COP 21 ta’ Pariġi, li jibnu fuq il-ftehim ta' Cancun-2010 u l-inizjattivi sussegwenti; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-aġenda ta' ‘tranżizzjoni ġusta’ tibqa' parti lmill-pożizzjoni ta’ negozjar tagħha;

49.    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jistabbilixxu miri mandatorji għall-iffrankar tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika, u jappoġġaw iċ-ċertifikati bojod bħala strument li jiffaċilita l-ilħuq tal-miri ta' ffrankar tal-enerġija tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ, u jinfurzaw, id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika u jibqgħu impenjati biex, mill-inqas, jintlaħqu l-miri tal-2030 dwar l-effiċjenza enerġetika;

50.    Jappoġġa l-impenji tal-UE, li f’kollaborazzjoni ma’ msieħba internazzjonali oħrajn, tippromwovi tranżizzjoni globali ġusta lejn ekonomija ekoloġika inklużiva;

51.    Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw u jimplimentaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet ġodda tal-leġiżlazzjoni riveduta tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, u jikkunsidraw li jeżaminaw jekk l-introduzzjoni ta' kriterji ambjentali u soċjali fil-politiki dwar l-akkwist pubbliku tistax tagħti spinta lill-ħolqien tal-impjiegi fl-ekonomija ekoloġika; jenfasizza li l-inċertezzi legali li fadal relatati mal-użu ta’ klawsoli soċjali u ambjentali fl-akkwist pubbliku jistgħu jiġu ċċarati;

52.    Jistieden lill-Kummissjoni tgħin biex is-settur tat-tiswija jerġa' jitqajjem, billi dan iwassal għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda li, skont in-natura tagħhom stess, ma jagħmlux ħsara lill-ambjent;

53.    Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw il-kontribut tas-servizzi pubbliċi għat-tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija sostenibbli, notevolment billi jiżguraw b’mod proattiv li s-servizzi bħall-komunikazzjoni, l-enerġija, it-trasport, l-iskart u l-immaniġġjar tal-ilma jitwasslu b’mod sostenibbli;

54.    Jesprimi diżappunt kbir rigward l-irtirar tal-pakkett leġiżlattiv dwar l-ekonomija ċirkolari, li d-dispożizzjonijiet tiegħu kienu mistennija joħolqu sa 180 000 impjieg fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart tal-UE biss; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni biex, filwaqt li tirrispetta r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri, tonora l-impenn tagħha li tipproponi, mill-aktar fis possibbli, leġiżlazzjoni ambizzjuża dwar l-iskart li tkopri t-tnaqqis upstream, miri ġodda għar-riċiklaġġ, u definizzjoni mill-ġdid tal-kriterji għall-kalkolu tal-kwantità ta’ materjal li fil-fatt jiġi riċiklat;

55.    Jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tikkunsidra l-introduzzjoni ta' kriterji intiżi biex jinċentivaw lin-negozji li jkollhom ċiklu ta' rimi ta' skart virtwuż u sostenibbli għall-ambjent;

56.    Jirrikonoxxi li l-fatt li ssir rabta bejn il-produzzjoni agrikola sostenibbli u l-monitoraġġ u l-protezzjoni tal-bijodiversità fl-azjendi agrikoli u, sussegwentement, l-użu ta' tikkettar intelliġenti għall-prodotti agrikoli biex jiġi mmarkat l-impatt ambjentali tagħhom, sabiex tiġi stimulata d-domanda tal-konsumaturi għal prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-bijodiversità, jirrappreżenta potenzjal sinifikanti għall-impjiegi ekoloġiċi fiż-żoni rurali tal-UE;

57.    Jinnota li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti għandha potenzjal reali li toħloq l-impjiegi filwaqt li tikkontribwixxi b'mod attiv għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tal-bijodiversità;

58.    Jistieden lill-Kummissjoni tuża s-Semestru tal-UE u l-eżami tal-istrateġija Ewropa 2020 biex tappoġġa l-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li jistgħu jikkontribwixxu għal aktar impjiegi u impronti ekoloġiċi iżgħar, u jitlob studji dettaljati u indipendenti dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' trasferiment tal-piżijiet tat-taxxa (p.e. mit-tassazzjoni fuq ix-xogħol għat-tassazzjoni fuq l-ambjent), kif ukoll l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji sal-2020;

59.    Jenfasizza li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jinkludu trasferiment minn fuq ix-xogħol għal sorsi oħra, u li tali trasferiment tat-taxxa għandu jkollu l-għan li jibdel l-imġiba rigward it-tniġġis, iżda m’għandux ikollu riperkussjonijiet mhux mixtieqa fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali jew impatt sproporzjonat fuq dawk b'introjtu baxx;

60.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jneħħu gradwalment is-sussidji diretti u indiretti li huma ta' ħsara għall-ambjent, fosthom, iżda mhux limitat għal, dawk għall-karburanti fossili; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa mudelli li jistgħu jiġu implimentati mill-Istati Membri għal trasferiment tat-tassazzjoni minn fuq ix-xogħol għal fuq it-tniġġis ambjentali, u li jitqies l-impatt ambjentali ta' prodotti u servizzi fl-ispirtu tal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż lill-Istati Membri li jistgħu jikkontribwixxu għall-isforzi biex irawmu l-impjieg ekoloġiku u jnaqqsu l-impatti ekoloġiċi; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tintegra b'mod proattiv il-kunsiderazzjonijiet ambjentali u dawk relatati mal-klima fis-Semestru Ewropew sabiex tappoġġa l-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi;

61.    Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu sussidji mmirati u/jew eżenzjonijiet mit-taxxa għal negozji ġodda, u għal intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, li jipprovdu oġġetti u servizzi li joffru valur miżjud ambjentali għoli, inkluż il-kontenut tal-karbonju mnaqqas b'mod ġenerali;

62.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri juru aktar koerenza u koeżjoni fil-politiki tagħhom u jieħdu aktar impenji politiċi sostanzjali fl-ogħla livell f’oqsma relatati, bħat-taxxi fuq il-kapital u l-qligħ korporattiv, it-taxxi fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa;

63.    Jistieden lill-Kummissjoni ġġedded l-impenn tagħha għall-istrateġija Ewropa 2020 u toħroġ mingħajr dewmien u sa mhux aktar tard mill-2015 ir-rieżami ta’ nofs it-term tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tikkonferma mill-ġdid il-miri fis-Semestru Ewropew, b’kont meħud tat-tabella ta' valutazzjoni għal żbilanċi makroekonomiċi u r-rieżami tal-istrateġija Ewropa 2020; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi objettivi soċjali u ambjentali aktar ambizzjużi għall-2030 u l-2050; jenfasizza li monitoraġġ eżatt, b’bażi metodoloġika u kondiviż tal-impjiegi ekoloġiċi jista’ jgħin ukoll lill-Istati Membri fil-valutazzjoni tal-effikaċja tal-politiki ambjentali u tax-xogħol tagħhom, u jsaħħaħ l-għodod żviluppati fil-livell Ewropew fl-intraċċar tal-progress u l-monitoraġġ tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi skont Ewropa 2020.

64.    Jenfasizza l-opportunitajiet li l-pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija 2030 jipprovdi fil-ħolqien tal-impjiegi u r-rwol futur li l-leġiżlazzjoni ambjentali se jkollha fl-ilħuq tal-għanijiet ambjentali fit-tul tal-UE u fil-ħolqien tal-imġjiegi u t-tkabbir ekoloġiku;

65.    Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-innovazzjoni bħala l-pedament tal-industrija Ewropea u tiżviluppa strateġiji attivi biex jiġi żgurat li t-tranżizzjonijiet soċjali jiġu ġestiti sew u l-benefiċċji jiġu mifruxa mal-Ewropa kollha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw l-emerġenza ta’ katini ta’ provvista u netwerks tal-industrija ġodda fl-effiċjenza tar-riżorsi, il-prodotti u s-servizzi permezz ta’ politika industrijali sostenibbli u inċentivi għat-trasformazzjoni tas-suq;

66.    Jenfasizza l-ħtieġa għall-Istati Membri biex jippreparaw l-ekonomiji tagħhom għal futur b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, effiċjenti fir-riżorsi u fl-enerġija, filwaqt li jittieħed kont tar-riskju possibbli tar-rilokazzjoni tal-impjiegi u l-emissjonijiet tal-karbonju minħabba l-impatt tal-politiki dwar il-klima;

67.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi internazzjonali biex joħolqu politika ambjentali globali li tista’ tillimita l-ħsara kkawżata mill-offshoring tal-produzzjoni industrijali barra l-UE u r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju;

68.    Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposta tagħha għar-riforma tal-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) tal-UE mill-aktar fis possibbli, billi jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġu protetti l-industriji esposti għal riskju sinifikanti ta' "rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju";

69.    Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-impjiegi ekoloġiċi fl-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija;

Investiment fil-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli

70.    Jenfasizza l-fatt li jeħtieġ li tiġi applikata l-aħjar taħlita ta’ interventi min-naħa tal-provvista u tad-domanda, li tirriżulta billi l-ħolqien tal-impjiegi jiġi kkombinat ma’ politiki tas-suq tax-xogħol attivi li jaqblu, li jkunu speċifiċi għall-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol lokali differenti;

71.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu, anke fil-qafas tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, l-investimenti ta’ kwalità mmirati lejn il-ġenerazzjoni ta’ benefiċċji soċjetali u ekonomiċi bħall-impjiegi ta’ kwalità sostenibbli, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-edukazzjoni ta’ kwalità u l-innovazzjoni biex tiġi promossa t-tranżizzjoni ekoloġika u jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffukaw l-investiment f’żoni b’impatt pożittiv fuq is-suq tax-xogħol bl-għan li jinħolqu l-impjiegi sostenibbli bi protezzjoni soċjali sħiħa u li jiġi miġġieled il-qgħad; jenfasizza li l-proġetti ffinanzjati għandhom jikkontribwixxu għall-istrateġija UE2020 b’mod li jista’ jitkejjel; jirrimarka, f’dan il-kuntest, li l-ħolqien tal-impjiegi fis-setturi ekoloġiċi baqa’ pożittiv matul ir-reċessjoni;

72.    Jenfasizza l-fatt li l-investiment fl-effiċjenza enerġetika jista' jippromwovi l-ħolqien ta’ impjiegi lokali u l-iżvilupp ekonomiku lokali u jnaqqas il-faqar enerġetiku, u li l-iżgurar tal-effiċjenza fl-enerġija fil-bini huwa l-mod l-aktar kosteffettiv li jiġu offruti soluzzjonijiet fit-tul għall-faqar enerġetiku, li jolqot lil madwar 125 miljun ruħ fl-Ewropa, u element importanti biex jiġi żgurat użu aktar effiċjenti ta’ enerġija Ewropea u biex jinħolqu impjiegi ekoloġiċi; itenni li l-iżgurar tas-sikurezza tal-bini huwa wkoll kruċjali f’dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-inizjattiva tagħha dwar "Finanzjament Għaqli għal Bini Intelliġenti" mill-aktar fis possibbli;

73.    Jirrakkomanda li l-objettivi tal-klima, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika għandhom jitqiesu bħala miri ta' investiment u prinċipji ewlenin għal azzjoni politika;

74.    Iwissi kontra l-appoġġ għal attivitajiet li jġorru impatti ambjentali u soċjali negattivi peress li jfixklu l-koerenza politika meħtieġa biex ikun massimizzat il-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi ekoloġiċi;

75.    Jirrakkomanda li l-investiment ta’ kwalità fis-servizzi pubbliċi ewlenin bħall-komunikazzjoni, l-enerġija, it-trasport u l-immaniġġjar tal-iskart u tal-ilma jkun immirat sabiex jiġu appoġġati proċeduri ta’ akkwist pubbliku sostenibbli u l-integrazzjoni tal-ħiliet ekoloġiċi;

76.    Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-possibilitajiet taħt il-qafas legali għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u sorsi oħrajn ta’ finanzjament tal-UE għall-promozzjoni ta’ proġetti sostenibbli li jrawmu l-impjiegi ekoloġiċi, u jagħmlu l-finanzjament u l-istrumenti finanzjarji tal-UE faċilment aċċessibbli kemm jista’ jkun għall-awtoritajiet lokali, b’regoli sempliċi, ċari u limiti minimi ta’ finanzjament minimu aċċessibbli;

77.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw ir-reviżjoni postelettorali tal-2016 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) bħala opportunità biex jippromwovu t-tranżizzjoni iżjed ekoloġika tal-ekonomiji tagħna;

78.    Jinnota li l-appoġġ tal-FSE huwa disponibbli biex jiġi megħjun it-tkabbir ekoloġiku ekonomiku u tal-impjiegi u jħeġġeġ lill-gvernijiet nazzjonali u lis-servizzi nazzjonali rilevanti jikkunsidraw li jużaw dan il-finanzjament aktar attivament sabiex jiġi promoss il-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi ekonomikament ġustifikati u ekonomikament sostenibbli;

79.    Jinnota li xi Stati Membri għamlu progress konsiderevoli fl-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija, u jħeġġeġ lill-Unjoni u lill-Istati Membri jrawmu l-kondiviżjoni tal-ideat, l-għarfien, l-esperjenza u l-aħjar prattiki f’dan il-qasam sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel;

80.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lis-settur privat jużaw strumenti bħalma huma l-Ekodisinn, l-Ekotikketta, l-EMAS u l-akkwist pubbliku ekoloġiku (APE), minħabba li jistgħu jappoġġaw l-ekonomija ekoloġika u b'hekk jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi għodod ta' gwida biex jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli tas-suq għall-adozzjoni sħiħa ta' dawn l-istrumenti volontarji;

81.    Jistieden lill-Istati Membri biex jiffukaw aktar attenzjoni fuq l-implimentazzjoni tal-immaniġġjar ambjentali u s-sistemi tal-awditjar ekoloġiċi bbażati fuq l-istandard Ewropew (ISO 14000);

Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs)

82.    Jappoġġa l-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni Ekoloġika għall-SMEs u l-azzjonijiet orjentati għall-SMEs, inkluż l-istabbiliment ta' Ċentru Ewropew tal-Eċċellenza fl-Effiċjenza fir-Riżorsi li jagħti pariri u jassisti lill-SMEs li jkunu jridu jtejbu il-prestazzjoni fl-effiċjenza tar-riżorsi tagħhom, jappoġġa l-intraprenditorija ekoloġika, jisfrutta l-opportunitajiet għal katini tal-valur aktar ekoloġiċi u jiffaċilita l-aċċess għas-suq għall-SMEs u l-mikrointrapriżi ekoloġiċi; iqis li l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni u l-assistenza teknika huma kruċjali għall-parteċipazzjoni attiva tal-SMEs fl-ekonomija ċirkolari;

83.    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi: l-intraprenditorija tan-nisa fl-ekonomija ekoloġika; mudelli ta' negozju iktar kollaborattivi bħall-kooperattivi u l-intrapriżi soċjali, kif ukoll il-bdiewa nisa u l-azjendi agrikoli tal-familji; l-aċċess tan-nisa għall-mikrofinanzjament; il-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi fis-servizzi pubbliċi; u proġetti pilota dwar kriterji kwalitattivi b'rabta mal-ġeneru għal kumpaniji fil-kuntest tal-akkwist pubbliku;

84.    Ifakkar li l-SMEs għandhom potenzjal enormi biex joħolqu l-impjiegi, partikolarment impjiegi għaż-żgħażagħ, u jippromwovu sistema doppja ta’ taħriġ vokazzjonali u skemi ta’ apprendistat;

85.    Jirrikonoxxi li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) jista' jgħin lill-intrapriżi mikro, żgħar, u ta' daqs medju jimpenjaw ruħhom f'attivitajiet li jinvolvu grad għoli ta' innovazzjoni ambjentali u soċjali;

86.    Jinnota li d-data tal-Ewrobarometru dwar xogħol ekoloġiku fl-SMEs turi li l-iffrankar tal-enerġija u t-tnaqqis tal-iskart u l-użu ta' materja prima saru ekonomikament vantaġġużi;

87.    Jistieden lill-Kummissjoni tistimula mudelli ġodda tan-negozju, bħal intrapriżi kooperattivi, biex iżidu l-effiċjenza tal-produzzjoni u l-proċessi tad-distribuzzjoni, jadottaw soluzzjonijiet innovattivi ħalli jiffrankaw ir-riżorsi u joffru prodotti u servizzi aktar sostenibbli;

88.    Jirrimarka li l-SMEs jistgħu joħolqu tkabbir u impjiegi biss jekk ikunu disponibbli wkoll opportunitajiet ta’ inċentivi favorevoli permezz tal-ekonomija ekoloġika;

89.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-inċentivi ekoloġiċi għall-SMEs ikollhom impatt sinifikanti fejn l-aktar li jkollhom bżonn;

90.    Jinnota li l-SMEs u l-mikrointrapriżi huma l-muturi ewlenin tal-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa; jenfasizza li l-SMEs u l-mikrointrapriżi jiffaċċjaw sfidi partikolari fl-isfruttament tal-oppurtunitajiet ta’ impjieg ta' tranżizzjoni ekoloġika, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-finanzi, it-taħriġ u t-tnaqqis tad-diskrepanzi fil-ħiliet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni ambizzjuża sabiex jipprovdu l-appoġġ biex jiġi faċilitat il-ħolqien tal-impjiegi ekoloġiċi fl-SMEs u l-mikrointrapriżi, inklużi l-informazzjoni mmirata, is-sensibilizzazzjoni, l-assistenza teknika u l-aċċess għall-finanzi u l-miżuri ta’ taħriġ;

91.    Jirrimarka li katina tal-valur iktar ekoloġika, li tinvolvi manifattura mill-ġdid, tiswija, manutenzjoni, riċiklaġġ u disinn ekoloġiku, tista’ tipprovdi bosta opportunitajiet kummerċjali għal ħafna SMEs;

92.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0584.

(2)

ĠU C 251E, 31.8.2013, p. 75.

(3)

ĠU C 308E, 20.10.2011, p. 6.


NOTA SPJEGATTIVA

L-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi(1) tal-Kummissjoni ġiet ippubblikata f’Lulju 2014, flimkien mal-Pjan ta’ Azzjoni Ekoloġika għall-SMEs(2) (kopert f’dan ir-rapport ukoll) u l-Komunikazzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari.

L-inizjattiva għandha l-għan li tibni fuq id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Nesploraw il-potenzjal tal-impjiegi tat-Tkabbir Ekoloġiku”(3) - parti mill-Pakkett dwar l-Impjiegi - li enfasizza li sal-2020 jistgħu jinħolqu sa 20 miljun impjieg fl-ekonomija ekoloġika u jieħu kont tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi, li jistiednu lill-Istati Membri: ...irawmu l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, inklużi fl-oqsma tal-kura u l-impjiegi ekoloġiċi.(4)

Hemm kwistjoni dwar kif għandu jiġi ddefinit dak li jinftiehem b’impjiegi “ekoloġiċi”, partikolarment meta jiġi traċċat l-iżvilupp tagħhom għal finijiet statistiċi. L-ILO tgħid li l-impjiegi ekoloġiċi huma impjiegi diċenti li:

–Inaqqsu l-konsum tal-enerġija u l-materja prima

–Jillimitaw l-emissjonijiet tal-gassijiet serra

–Inaqqsu għall-minimu l-iskart u t-tniġġis

–Jipproteġu u jirrestawraw l-ekosistemi

Numru ta’ kontributuri għal dan ir-rapport, inklużi l-UEAPME u l-Professur Paul Ekins tal-UCL, qalu lir-Rapporteur li jkun iktar ta’ għajnuna li wieħed jaħseb fi ħdan il-kuntest ġenerali ta’ ekonomija “dejjem aktar ekoloġika”, peress li jkun aktar xieraq f’termini ta’ prodotti, proċessi u servizzi u hemm il-ħtieġa li jiġi integrat fil-politiki kollha: fiskali, tal-impjiegi, tas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-riċerka, l-innovazzjoni, il-klima u l-politika dwar l-enerġija.

L-ekonomija ekoloġika tieħu bħala sfond tagħha numru ta’ sfidi enfasizzati mill-Kummissjoni: “L-użu ineffiċjenti tar-riżorsi, il-pressjoni insostenibbli fuq l-ambjent, u t-tibdil fil-klima, kif ukoll l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanzi...”(5) huma pressjonijiet soċjali magħrufin sew minn dan il-Kumitat, bħalma hu dak tal-qgħad għoli. Dawn l-isfidi ovvjament ser ikompli jaffettwaw id-dinja tax-xogħol. Pereżempju, il-katina kbira ta’ supermarkets, ASDA, testima li 95 % tal-prodotti friski tagħha jinsabu f’riskju minħabba t-tibdil fil-klima, u terz minnhom jinsabu f’riskju serju(6).

Il-ħtieġa ta' ħsieb integrat dwar l-ekonomija ekoloġija ġiet riflessa fit-talba ewlenija li saret lir-Rapporteur minn ħafna kontributuri: il-ħtieġa ta' qafas ta’ politika koerenti u komprensiv li jipprovdi ambjent prevedibbli għat-taħriġ u l-investiment. Il-politika u l-inċentivi inkonsistenti spiss ġew ikkwotati bħala dawk li jimblukkaw il-progress, u jirrestrinġu l-potenzjal ta’ ħolqien ta’ impjiegi. Din il-politika għandha tħares fit-tul ukoll: il-bini mibni issa jista’ jibqa’ mibni għall-ħamsin sena li ġejjin u għalhekk għandu jissodisfa l-ogħla standards tal-effiċjenza enerġetika u l-kostruzzjoni sostenibbli; l-investiment fl-istallazzjonijiet ewlenin tal-enerġija rinnovabbli għandu jħares lil hinn mill-2020, eċċ.

Tliet muturi ewlenin tal-ħolqien tal-impjiegi, magħrufa li huma effettivi, ġew identifikati mill-Professur Ekins u minn oħrajn u ġew proposti mill-Kummissjoni u mill-Parlament fi żminijiet differenti, iżda ngħataw segwitu mhux adegwat:

•   Ir-riforma tat-taxxa ambjentali - it-trasferiment tal-piż tat-taxxa minn fuq l-impjiegi għal fuq l-ispejjeż ambjentali, iżda għandu jiġi żgurat li ma jkunx hemm effett rigressiv. Dan jista’ jitjieb ulterjorment permezz tal-użu kontinwu tal-proċess tas-Semestru u r-rakkomandazzjonijiet nazzjonali. Sabiex ikun hemm konsistenza, għandu jkun hemm ukoll sforzi biex jitneħħew is-sussidji kontroproduttivi li jappoġġaw setturi li jniġġsu jew intensivi fl-użu tal-karbonju.

•   L-effiċjenza enerġetika u fir-riżorsi. Il-PE konsistentement enfasizza l-potenzjal f’dan il-qasam, mhux l-inqas fl-indirizzar tal-effiċjenza enerġetika filwaqt li jiġġieled il-faqar enerġetiku permezz ta’ programm komprensiv ta’ iżolazzjoni(7). L-istimi għall-effett fuq l-impjiegi tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija(8) indikaw il-possibilità li jinħolqu żewġ miljun impjieg, li ħafna minnhom ma jintbagħtux barra mill-pajjiż u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika żiedet impetu ulterjuri. Madankollu, l-effetti jistgħu jinħassu biss jekk id-Direttivi jiġu implimentati b’mod effettiv (u dak jista’ jeħtieġ mekkaniżmi ta’ infurzar aktar b’saħħithom) u jiġu appoġġati bl-investiment u t-taħriġ meħtieġa. Hemm domanda konsiderevoli għal effiċjenza mtejba fir-riżorsi: l-UEAPME indikat data tal-Ewrobarometru li turi li 93 % tal-SMEs qed jieħdu tal-inqas azzjoni waħda biex ikunu aktar effiċjenti fir-riżorsi(9).

•   L-iżvilupp tal-katina ta’ provvista, sabiex l-UE tibbenefika fil-fażijiet kollha f’termini ta’ impjieg u ekonomikament. Hemm ħtieġa ċara għal strateġija industrijali li tidderieġi u tħeġġeġ l-investiment, pereżempju, fl-industrija tal-enerġija rinnovabbli, li tista’ twassal aktar impjiegi fiż-żoni rurali u żoni li fil-passat kienu industrijali. L-iżvilupp tal-katina tal-provvista huwa meħtieġ ukoll biex jixpruna l-bidla u jiżgura li l-partijiet kollha ta’ negozju jistgħu jagħtu rispons għat-tibdiliet. Ħafna kumpaniji ma jinvolvux ruħhom mal-katini ta’ provvista rigward l-emissjonijiet, l-effetti tat-tibdil fil-klima jew l-effiċjenza fir-riżorsi.

Sabiex din it-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika titwettaq, huwa kruċjali l-involviment tal-forza tax-xogħol. Xi setturi se jgħaddu minn bidla konsiderevoli, anke minn tnaqqis, u l-ġestjoni ta’ dik il-bidla se tkun aktar pożittiva bil-provvista ta’ appoġġ effettiv, taħriġ mill-ġdid u bidla possibbli fil-produzzjoni. Il-Fondi tal-UE għandhom rwol importanti jekk jintużaw b’mod effiċjenti. Fil-livell settorjali, il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħol għandhom rwol importanti fil-ġestjoni tal-bidla. Il-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol tinkludi wkoll l-għajnuna fil-ħolqien tal-opportunitajiet. “Ir-rappreżentanti ekoloġiċi”, l-ekwivalenti tar-rappreżentanti tas-saħħa u s-sikurezza jistgħu jkunu utli fit-tmexxija tas-sensibilizzazzjoni u l-bidla, kif muri fir-Rapport tat-TUC, “The Union effect”.(10)Il-Grupp PHS, pereżempju, stabbilixxa netwerk ta’ kampjuni ambjentali, ekwipaġġati bil-ħiliet u l-kompetenzi xierqa, kif ukoll bl-opportunità li jiksbu akkreditazzjoni għal dawk il-ħiliet. Dawn għenu biex jitnaqqsu l-ispejjeż tad-dawl u għamlu progress sinifikanti fir-riċiklaġġ u l-irkupru ta’ materjali.

L-involviment tal-forza tax-xogħol huwa importanti wkoll minħabba li x-xogħol għandu jkun xogħol diċenti: imħallas b’mod ġust, b’kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin u b’etika soda ta’ saħħa u sikurezza. Ir-relazzjonijiet industrijali f’xi setturi ekoloġiċi huma żviluppati b’mod pjuttost dgħajjef kemm fil-livell tal-impjegatur kif ukoll fil-livell tal-impjegat u d-djalogu soċjali settorjali ġdid għandu jiġi mħeġġeġ. L-Istrateġija riveduta dwar is-Saħħa u s-Sikurezza għandha tieħu kont ta’ riskji ġodda jew li jinbidlu fis-setturi li qed jiżviluppaw.

Meta l-kumpaniji jridu jew jeħtieġu li jieħdu azzjoni sabiex in-negozji tagħhom isiru aktar sostenibbli, ħafna minnhom ma jkollhomx il-fiduċja dwar il-ġestjoni tar-riskju jew tal-proċess ta’ bidla jew jiskopru li ma jistgħux isibu ħaddiema bil-ħiliet meħtieġa. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tagħmel numru ta’ proposti pożittivi u neħtieġu approċċ komprensiv, li jrawwem apprezzament tal-ħtieġa li nifhmu għalfejn is-sostenibbiltà hija importanti għan-negozju u għas-soċjetà b’mod ġenerali. Hemm il-ħtieġa ta’ sensibilizzazzjoni ġenerali tal-prinċipji tas-sostenibbiltà fil-livell tal-iskola u għad hemm nuqqas ta’ studenti li jispeċjalizzaw fil-ħiliet STEM, speċjalment fost il-bniet, u din hija problema kontinwa. Smajna mill-NUS tar-Renju Unit li 60 % tal-istudenti tal-ewwel sena tal-università li ġew intervistati huma interessati li jsiru jafu aktar dwar is-sostenibbiltà, irrispettivament mill-kors ta’ studju tagħhom. Jeħtieġ li jiġi żviluppat l-interess u jitrawmu l-ħiliet ġeneriċi jekk għandna nintegraw ix-xogħol ekoloġiku: l-istudenti huma lesti li jikkollaboraw fit-tfassil ta’ korsijiet xierqa. Kif indikat mill-NUS, jekk qed infittxu tmexxija f’dawn il-kwistjonijiet, 80 % tal-mexxejja tad-dinja marru l-università – dak li jseħħ fihom jista’ jsawwar il-ġejjieni.

Hemm ukoll ħafna li jista’ jsir fil-livell settorjali, bħalma wera l-proġett “GreenVET” tal-EUROFER.(11) Permezz tal-għoti ta’ taħriġ fil-fond dwar il-kuntest leġiżlattiv u tekniku (inkluża l-effiċjenza fir-riżorsi) li fihom topera l-industrija tal-azzar, hemm it-tama li dan it-taħriġ akkreditat ser jippermetti mobilità akbar fis-settur u t-trasferiment tal-kompetenzi. Għandna nfittxu wkoll li nivvalidaw ir-riżultati formali u mhux formali tat-tagħlim kif ukoll ir-rikonoxximent tal-validazzjoni bħala għodda biex jitnaqqsu d-diskrepanzi bejn id-domanda tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet disponibbli – kif ġie indikat lir-Rapporteur, ħafna ħaddiema jiksbu ħiliet billi “jagħmlu” iżda dawn qatt ma jiġu rikonoxxuti formalment, u dan isir ostaklu għall-promozzjoni. Il-Kunsilli tal-Ħiliet jista’ jkollhom rwol importanti fl-iżgurar li l-kurrikuli għall-ħtiġijiet settorjali u speċifiċi jiġu aġġornati, u jirrispondu wkoll għall-iżviluppi fis-suq. Iżda hemm il-ħtieġa għal Pjan Direzzjonali globali u jeħtieġ li jkunu involuti l-atturi kollha, mill-konsulenti tal-karrieri, għas-servizzi tal-impjieg (in-netwerk Ewropew tal-PES jista’ jagħti kontribut importanti) sal-fornituri tat-taħriġ (inklużi l-awtoritajiet lokali), l-imsieħba soċjali u l-gvern.

Madankollu, it-taħriġ jeħtieġ li jkun aċċessibbli, affordabbli u disponibbli matul il-ħajja tax-xogħol tal-individwu. Id-diskrepanzi fil-ħiliet mhumiex iseħħu biss fil-livell tad-dħul iżda spiss fil-livell tal-ġestjoni tal-proġett, bħal pereżempju, fil-qasam tal-inġiniera tal-bini. L-EWEA tqis li attwalment hemm diskrepanza fil-ħiliet li tista’ twassal għal nuqqas ta’ 15 000 ħaddiem kompetenti sal-2030. In-nuqqas fil-ħiliet aktarx ikun l-ikbar fir-rwoli ta’ operazzjoni u manutenzjoni, li jżommu lura l-ħolqien tal-impjiegi lokali u reġjonali fiż-żoni rurali bil-parks eoliċi – żoni li spiss ikunu neqsin minn opportunitajiet ta’ impjieg. Hemm bżonn iż-żmien biex tinħoloq forza tax-xogħol b’esperjenza.

Nistgħu ninkludu wkoll approċċ aktar dinamiku għal dawk li attwalment jinsabu qiegħda permezz ta’ approċċi innovattivi: il-ħaddiema tal-kostruzzjoni qiegħda jistgħu jiġu mħallsa biex jissostitwixxu ħaddiema li qed jattendu korsijiet ta’ taħriġ; gradwati b’ħiliet fis-sostenibbiltà jistgħu jingħataw xogħol għal perjodu ta’ żmien (u jiġu mħallsa) ma’ kumpaniji jew organizzazzjonijiet li jixtiequ jiżviluppaw il-prattiki ta’ sostenibbiltà tagħhom: skema bħal din fir-Renju Unit ħolqot ’il fuq minn 50 impjieg sa issa peress li l-organizzazzjonijiet iddeċiedew li jżommu lill-persunal li kien fuq kollokament.

Madankollu, investiment u inċentivi xierqa konformi ma’ ambjent ta’ politika komprensiv u stabbli huma kruċjali jekk għandna naraw ekonomija ekoloġika ġenwina minflok il-multipliċità attwali ta’ inizjattivi. Il-FEIS il-ġdid joffri opportunità għall-investiment immirat u ta’ kwalità ta’ din ix-xorta, ibbażat fuq il-prinċipju tas-sħubija, kif jagħmel l-użu intelliġenti ta’ finanzjamenti oħrajn tal-UE kif stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: nafu li r-rinnovazzjoni tal-bini toffri redditu tajjeb fuq l-investiment kemm f’termini ta’ impjiegi kif ukoll f’termini ta’ enerġija ffrankata. M’għandux jintesa li setturi oħrajn, bħall-kura soċjali, jeħtieġu wkoll l-investiment f'xogħol diċenti. Kif ġie indikat mill-ENSIE u mir-RREUSE, l-ekonomija soċjali wriet ukoll li tista’ tipprovdi numru konsiderevoli ta’ impjiegi fit-tiswija u fl-użu mill-ġdid u tikkontribwixxi għall-inklużjoni soċjali. Il-politika dwar l-akkwist pubbliku għandha wkoll rwol ewlieni f’termini tal-użu ta’ klawżoli (ekoloġiċi u soċjali) sostenibbli għall-akkwist responsabbli. L-Att dwar il-Valur Soċjali tar-Renju Unit huwa eżempju interessanti(12).

L-investiment huwa meħtieġ ukoll biex tiġi xprunata l-innovazzjoni meħtieġa fil-politika industrijali tal-UE, imfassla sabiex l-UE ssir l-iktar ekonomija fid-dinja effiċjenti fir-riżorsi, filwaqt li jiġu żviluppati strateġiji attivi biex jiġi żgurat li t-tranżizzjonijiet soċjali jiġu ġestiti sew u l-benefiċċji jiġu kondiviżi fl-UE kollha.

L-SMEs jistgħu jiffaċċjaw diffikultà partikolari fit-tranżizzjoni. L-OECD tqis li l-adattament tagħhom għal prattiki ambjentalment sostenibbli, kemm fis-servizzi kif ukoll fil-manifattura, huwa kruċjali għal tranżizzjoni ta’ suċċess iżda tqis li huwa ta’ tħassib li ħafna mill-SMEs jidhru li għandhom għarfien baxx ħafna dwar il-ħtiġijiet tal-ġejjieni ta' ħiliet ekoloġiċi u l-investimenti tagħhom fit-taħriġ ekoloġiku huma limitati ħafna(13). Dawn id-diffikultajiet jeħtieġu rispons speċifiku, li jibni fuq il-Pjan ta’ Azzjoni Ekoloġiku għall-SMEs li jibda mill-informazzjoni mmirata u s-sensibilizzazzjoni, permezz ta’ assistenza xierqa sabiex issir bidla għal prodotti u proċessi aktar ekoloġiċi kif ukoll inċentivi effettivi. L-approċċ komprensiv tal-katina tal-provvista wkoll għandu rwol, fejn l-iskala tista’ tintuża sabiex jiġi pprovdut taħriġ u benefiċċji oħrajn. L-awtoritajiet reġjonali u lokali wkoll għandhom rwol f’dan l-appoġġ, l-istess kif għandhom l-istituzzjonijiet finanzjarji.

Huwa ċar li d-dinja tax-xogħol diġà qed tiġi affettwata mix-xejriet globali ewlenin iżda r-rispons tal-UE sa issa ma rriżultax f’rispons komprensiv. Sabiex niżguraw li nistgħu nżommu u nestendu l-opportunitajiet u l-ħolqien tal-impjiegi, neħtieġu rispons komprensiv u magħqud mil-livell tal-politika sat-taħriġ bażiku. Iż-żmien huwa ta' importanza essenzjali peress li bħalissa qed nitilfu l-opportunitajiet lil partijiet oħra tad-dinja u qed nonqsu milli nħejju bis-sħiħ il-forza tax-xogħol tagħna għall-isfidi li diġà qed niffaċċjaw. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tipprovdi xi tweġibiet iżda jeħtieġ li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jagħmlu l-parti tagħhom jekk din it-tranżizzjoni għandha ssir tassew meħtieġa.

(1)

Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika COM(2014) 446 finali

(2)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Pjan ta’ Azzjoni Ekoloġika għall-SMEs” COM(2014)440

(3)

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bl-isem “L-isfruttament tal-potenzjal fir-rigward ta’ impjiegi li joffri t-tkabbir ekoloġiku” SWD(2012)92 finali

(4)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta’ Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46).

(5)

Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika COM(2014) 446 finali

(6)

Preparing for the Perfect Storm - skills for a sustainable economy, IEMA, 2015.

(7)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Ġunju 2013 dwar l-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea (2012/2293(INI))

(8)

Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

(9)

Ewrobarometru Flash 381 -2014

(10)

The Union Effect - greening the workplace, TUC https://www.tuc.org.uk/sites/default/files/The_Union_Effect_Greening_The_Workplace_Covers_2014_All.pdf

(11)

http://www.gt-vet.com/?page_id=18

(12)

Public Services (Social Value) Act 2012 http://www.legislation.gov.uk/ukpga/2012/3/enacted

(13)

The jobs potential of a shift towards a low-carbon economy, OECD


OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (7.5.2015)

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar l-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi

(2014/2238(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Eleonora Evi

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Itenni l-ħtieġa li nimxu lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju; jissottolinja l-fatt li l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomiji tal-UE tista' tikkontribwixxi għal tkabbir fit-tul, sostenibbli u inklużiv;

2.  Jenfasizza li żewġ terzi tas-servizzi pprovduti min-natura, inklużi l-art għammiela, l-ilma u l-arja nodfa, qegħdin jonqsu, u t-tisħin globali u t-telf tal-bijodiversità huma qrib il-limiti li jekk jinqabżu ma jkunux jistgħu jiġu evitati impatti irriversibbli fuq is-soċjetajiet tagħna u l-ambjent naturali;

3.  Jirrimarka li t-tkabbir ekonomiku kontinwu huwa possibbli biss jekk jittieħed kont tal-limitazzjonijiet tal-ambjent; jenfasizza l-fatt, f'dan il-kuntest, li ekonomija ekoloġika u ċirkulari tista' tipprovdi soluzzjonijiet għall-ambjent kif ukoll għall-ekonomija u għas-soċjetà b'mod ġenerali;

4.  Jenfasizza li huwa meħtieġ approċċ ta' politika komprensiva biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, jinbnew ekonomiji Ewropej sostenibbli, reżiljenti għall-kriżijiet u jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tal-impjiegi ta' tranżizzjoni ekoloġika tal-ekonomiji tagħna; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw oqfsa fiskali, finanzjarji u regolatorji ambizzjużi u integrati, biex jiġi żgurat investiment sostenibbli, titħeġġeġ l-innovazzjoni sostenibbli u, għaldaqstant, jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tal-impjiegi tat-tranżizzjoni ekoloġika;

5.  Jenfasizza l-fatt li l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni ambjentali, kif ukoll it-titjib tal-integrazzjoni ambjentali u l-koerenza politika bejn il-politiki settorjali differenti fl-UE, huma essenzjali għal mobilizzazzjoni sħiħa tal-potenzjal marbuta mal-ekonomija ekoloġika u għalhekk għall-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi;

6.  Jinnota li fir-rapport tagħha tal-2015, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tirrimarka li l-miżuri attwali mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet relatati mal-konservazzjoni tal-bijodiversità, it-tnaqqis fl-użu tal-karburanti fossili, u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-evitar tal-impatt tagħha fuq is-saħħa tal-bniedem u l-kwalità tal-ambjent;

7.  Jenfasizza li tranżizzjoni lejn soċjetajiet u ekonomiji sostenibbli, inklużi mudelli sostenibbli ta' konsum u produzzjoni, tiġġenera l-potenzjal li jinħolqu impjiegi ekoloġiċi ġodda u impjiegi eżistenti jiġu mibdula f'impjiegi ekoloġiċi fi kważi s-setturi kollha u tul il-katina tal-valur kollha – mir-riċerka sal-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-forniment ta' servizz – u f'setturi ta' teknoloġija avvanzata ekoloġika ġdida bħalma huma l-enerġiji rinnovabbli kif ukoll l-industriji tradizzjonali bħalma huma l-manifattura u l-kostruzzjoni, l-agrikoltura u s-sajd, u s-setturi tas-servizzi bħat-turiżmu, il-forniment tal-ikel, it-trasport u l-edukazzjoni; jenfasizza li dan il-potenzjal tal-impjiegi jipprovdi opportunitajiet kemm għall-forza tax-xogħol b'ħiliet speċjalizzati kif ukoll għal dik b'ħiliet baxxi;

8.  Jirrikonoxxi li t-tranżizzjoni ekoloġika, fl-aħħar mill-aħħar, se jkollha impatt pożittiv fuq l-impjiegi, u dan jirrifletti l-fatt li l-attivitajiet ekonomiċi sostenibbli bħall-iffrankar tal-enerġija jew il-biedja organika jirrikjedu aktar ħaddiema mill-attivitajiet li qegħdin jissostitwixxu;

9.  Jinnota li t-tranżizzjoni ekoloġika tal-ekonomiji tagħna għandha potenzjal sinifikanti biex toħloq impjiegi lokali li ma jistgħux jiġu rilokati, inkluż fis-setturi milquta mill-kriżi ekonomika, bħal pereżempju l-effiċjenza enerġetika fis-settur tal-kostruzzjoni;

10. Jinnota li, skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, is-settur tal-prodotti u s-servizzi ekoloġiċi kiber b'aktar minn 50 % bejn l-2000 u l-2011, fejn iġġenera aktar minn 1.3 miljun impjieg li minnu bbenefikaw il-bilanċ tal-esportazzjoni tal-UE u l-kompetittività ekonomika tagħha;

11. Ifakkar li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mir-regoli li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat għal skopijiet ambjentali;

12. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lis-settur privat jużaw strumenti bħalma huma l-Ekodisinn, l-Ekotikketta, l-EMAS u l-akkwist pubbliku ekoloġiku (APE), minħabba li jistgħu jappoġġaw l-ekonomija ekoloġika u b'hekk jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi għodod ta' gwida biex jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli tas-suq għall-adozzjoni sħiħa ta' dawn l-istrumenti volontarji;

13. Jistieden lill-Istati Membri biex jiffukaw aktar attenzjoni fuq l-implimentazzjoni tal-immaniġġjar ambjentali u s-sistemi tal-awditjar ekoloġiċi bbażati fuq l-istandard Ewropew (ISO 14000);

14. Jenfasizza l-potenzjal sinifikanti tal-impjiegi tal-ekonomija ċirkolari; jenfasizza l-fatt li t-titjib tal-effiċjenza fir-riżorsi jista' joħloq bejn 1.4 u 2.8 miljun impjieg fl-Ewropa, u li tranżizzjoni għal ekonomija bbażata fuq id-durabilità u t-tiswija tal-prodotti tista' toħloq l-impjiegi tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollha tal-prodott fis-setturi tal-manutenzjoni, it-tiswija, l-aġġornament u l-użu mill-ġdid; jenfasizza li l-prevenzjoni tal-iskart, l-ekodisinn, l-użu mill-ġdid u miżuri simili jaf iġibu frankar nett ta' EUR 600 biljun, jew 8 % tal-fatturat annwali, għan-negozji fl-UE, filwaqt li jnaqqsu l-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra bi 2-4 %;

15. Jenfasizza l-fatt li l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-iskart tista' toħloq aktar minn 400 000 impjieg ekoloġiku; ifakkar li 180 000 impjieg ekoloġiku addizzjonali kien ser jinħoloq minn reviżjoni tad-Direttivi dwar l-Iskart li sfortunatament ġew irtirati mill-Kummissjoni; jenfasizza li l-implimentazzjoni ta' miżuri ta’ effiċjenza enerġetika u ta' tfaddil tista' toħloq sa 2 miljun impjieg ekoloġiku, u li 3 miljun aktar jistgħu jinħolqu fis-settur tal-enerġiji rinnovabbli;

16. Jistieden lill-Kummissjoni tonora l-impenn tagħha li tippreżenta, qabel tmiem l-2015, proposta ġdida għar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart tal-UE bbażata fuq approċċ olistiku li: jindirizza l-ħajjiet sħaħ tal-prodott, inkluża l-prevenzjoni tal-iskart; tistabbilixxi miri għall-effiċjenza fir-riżorsi tal-UE li jillimitaw il-konsum tar-riżorsi u tal-enerġija, u indikatur ewlieni korrispondenti; u tippromwovi l-ekodisinn tal-prodotti sabiex tiffaċilita l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, filwaqt li jitqies iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħa tal-prodott bil-għan li tiġi żgurata ġestjoni sostenibbli tal-materjali; jenfasizza l-ħtieġa li jinżammu l-miri ta' riċiklaġġ li huma ambizzjużi mill-inqas daqs dawk tal-proposta rtirata; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu suq għal materja prima sekondarja wara r-riċiklaġġ;

17. Jinnota li aktar minn 14-il miljun impjieg fl-Ewropa jiddependu direttament fuq l-ekosistemi u l-bijodiversità, inklużi l-forestrija, l-agrikoltura u s-sajd; jenfasizza li l-ekoloġizzazzjoni ta' dawn is-setturi se żżid l-għadd ta' nies li jaħdmu u trawwem ir-reżiljenza tas-setturi sabiex jiġu promossi impjiegi sostenibbli; jinnota li l-investiment fl-infrastruttura ekoloġika jipprovdi ħafna benefiċċji soċjali, ekonomiċi u ambjentali, inkluż il-ħolqien tal-impjiegi;

18. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi li jipproteġu u jsostnu l-ambjent, jevitaw u tiġi rimedjata l-instabbiltà idroġeoloġika, jiżviluppaw infrastrutturi ekoloġiċi u jikkunsidraw bis-sħiħ il-valur tal-kapital naturali u s-servizzi tal-ekosistema fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi appoġġat l-iżvilupp sostenibbli fil-livell lokali u dak reġjonali, minħabba li dan huwa fattur ewlieni għall-impjiegi ekoloġiċi;

19. Jirrikonoxxi li ssir rabta bejn il-produzzjoni agrikola sostenibbli mal-monitoraġġ u l-protezzjoni tal-bijodiversità fl-irziezet u, sussegwentement, l-użu ta' tikkettar intelliġenti għall-prodotti agrikoli biex jiġi mmarkat l-impatt ambjentali tagħhom, ħalli tiġi stimulata d-domanda tal-konsumaturi għal prodotti favorevoli għall-bijodiversità, jirrappreżenta potenzjal sinifikanti għall-impjiegi ekoloġiċi fiż-żoni rurali tal-UE;

20. Jinnota li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti għandha l-potenzjal reali li toħloq impjiegi filwaqt li tikkontribwixxi b'mod attiv lejn il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tal-bijodiversità;

21. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jneħħu gradwalment is-sussidji diretti u indiretti li huma ta' ħsara għall-ambjent, inklużi, iżda mhux limitat għal, dawk għall-karburanti fossili; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa mudelli li jistgħu jiġu implimentati mill-Istati Membri għal trasferiment tat-tassazzjoni minn fuq ix-xogħol għal fuq it-tniġġis ambjentali, u li jitqies l-impatt ambjentali ta' prodotti u servizzi fl-ispirtu tal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż lill-Istati Membri li jistgħu jikkontribwixxu għall-isforzi biex irawmu l-impjieg ekoloġiku u jnaqqsu l-impatti ekoloġiċi; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tintegra b'mod proattiv il-kunsiderazzjonijiet ambjentali u dawk relatati mal-klima fis-Semestru Ewropew sabiex tappoġġa l-ħolqien ta' impjiegi ħodor;

22. Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu sussidji mmirati u/jew eżenzjonijiet mit-taxxa għal negozji ġodda, u għal intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, li jipprovdu oġġetti u servizzi li joffru valur miżjud ambjentali għoli, inkluż il-kontenut tal-karbonju mnaqqas b'mod ġenerali;

23. Jenfasizza l-opportunitajiet li l-pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija 2030 jipprovdi fil-ħolqien tal-impjiegi u r-rwol futur li l-leġiżlazzjoni ambjentali se jkollha fil-kisba tal-għanijiet ambjentali fit-tul tal-UE u fil-ħolqien tal-imġjiegi u t-tkabbir ekoloġiku;

24. Jenfasizza li l-politiki għandhom ikunu fit-tul u jinkludu miri ambizzjużi, vinkolanti għall-effiċjenza fir-riżorsi, it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra, l-enerġiji rinnovabbli u l-iffrankar tal-enerġija, kif ukoll indikaturi biex jitkejjel il-progress lejn il-kisba tagħhom; jenfasizza li l-politiki għandhom jimmiraw li jimminimizzaw l-ispejjeż ambjentali u soċjali esterni u jistabbilixxu prezz xieraq għall-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra;

25. Jenfasizza l-ħtieġa għall-Istati Membri biex jippreparaw l-ekonomiji tagħhom għal futur b'livell baxx ta' karbonju, effiċjenti fir-riżorsi u fl-enerġija, filwaqt li jittieħed kont tar-riskju possibbli tar-rilokazzjoni tal-impjiegi u l-emissjonijiet tal-karbonju minħabba l-impatt tal-politiki dwar il-klima;

26. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposta tagħha għar-riforma tal-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) tal-UE mill-aktar fis possibbli, billi jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġu protetti l-industriji esposti għal riskju sinifikanti tal-"emissjonijiet tal-karbonju";

27. Jistieden lill-Istati Membri jinvestu parti tad-dħul minn irkanti tal-ETS tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra bil-ħsieb li jiġu stabbiliti politiki li jgħinu l-adattament għat-tibdil fil-klima u jipproteġu l-bijodiversità u l-ħabitats sensittivi u, b'hekk, jiġu ġġenerati l-impjiegi ekoloġiċi;

28. Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-impjiegi ekoloġiċi fl-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija;

29. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jistabbilixxu miri mandatorji għall-iffrankar u l-effiċjenza enerġetika, u biex isostnu ċ-ċertifikati bojod bħala strument li jiffaċilita l-kisba ta' miri ta' ffrankar tal-enerġija tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ u jinfurzaw id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika u jibqgħu impenjati biex għall-inqas jintlaħqu l-miri tal-2030 dwar l-effiċjenza enerġetika;

30. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw pjanijiet ambizzjużi tal-immodernizzar għal bini sabiex titjieb l-effiċjenza enerġetika filwaqt li jtaffu l-kriżi ekonomika li laqtet is-settur tal-kostruzzjoni, u biex tintlaħaq il-mira tal-UE ta' konsum ta' enerġija ekwivalenti għal kważi żero għall-bini ġdid kollu; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Istati Membri jiżviluppaw mekkaniżmi ta' finanzjament biex jistimulaw investimenti fl-effiċjenza enerġetika; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-inizjattiva tagħha bit-titolu "Finanzjament Għaqli għal Bini Intelliġenti" kemm jista' jkun malajr;

31. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aktar effiċjenti tal-fondi Ewropej, billi pereżempju jiffinanzjaw fondi b'interessi baxxi għall-promozzjoni ta' investimenti fl-enerġija rinnovabbli, l-iffrankar u l-effiċjenza enerġetika, il-ġestjoni tal-iskart u tal-ilma, l-infrastruttura ekoloġika, il-kwalità tal-arja, ir-restawr u l-preservazzjoni tal-bijodiversità, u l-programmi ta' riċerka u żvilupp f'teknoloġiji nodfa innovattivi;

32. Jistieden lill-Istati Membri jisfruttaw bis-sħiħ il-firxa wiesgħa ta' fondi tal-UE u l-istrumenti finanzjarji disponibbli — bħalma huma l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE), u l-potenzjalità tal-effett ta' lieva li jistgħu jitrawmu sinerġiji bejniethom — biex jiġi żviluppat il-potenzjal għal impjiegi ekoloġiċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprijoritizzaw il-finanzjament ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju permezz ta' investimenti tal-FEIS li jappoġġjaw l-iżvilupp ta' ekonomija ċirkolari u ekoloġika u l-ħolqien ta' impjiegi ħodor u sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw ir-reviżjoni postelettorali tal-2016 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) biex jippromwovu t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika;

33. Jirrikonoxxi li l-SMEs għandhom rwol ewlieni fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u fil-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi; jappoġġa l-objettivi tal-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku għall-SMEs u l-azzjonijiet tiegħu għall-SMEs sabiex titjieb l-effiċjenza fir-riżorsi, tiġi appoġġata l-intraprenditorija ekoloġika, jiġu sfruttati opportunitajiet għal ktajjen tal-valur aktar ekoloġiċi u jiġi faċilitat l-aċċess tas-suq għall-SMEs ekoloġiċi;

34. Jirrikonoxxi li l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) jista' jgħin lill-intrapriżi mikro, żgħar, u ta' daqs medju jimpenjaw ruħhom f'attivitajiet li jinvolvu grad għoli ta' innovazzjoni ambjentali u soċjali;

35. Jinnota li d-data tal-Ewrobarometru dwar xogħol ekoloġiku fl-SMEs turi li l-iffrankar tal-enerġija u t-tnaqqis tal-iskart u l-użu ta' materja prima saru ekonomikament vantaġġużi;

36. Jistieden lill-Kummissjoni tistimula mudelli ġodda tan-negozju, bħal intrapriżi kooperattivi, biex iżidu l-effiċjenza tal-produzzjoni u l-proċessi tad-distribuzzjoni, jadottaw soluzzjonijiet innovattivi ħalli jiffrankaw ir-riżorsi u joffru prodotti u servizzi aktar sostenibbli;

37. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu banek tad-data dwar korsijiet ta' taħriġ għall-iżvilupp ta' ħiliet ekoloġiċi fost l-impjegati, u dwar l-opportunitajiet ta' xogħol, u biex jaqsmu l-aħjar prattiki dwar l-impjiegi ekoloġiċi sabiex iżidu l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ, speċjalment fir-reġjuni fejn it-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli hija sfida partikolari; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu kampanji adegwati ta' informazzjoni dwar l-impjiegi ekoloġiċi;

38. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas għall-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija hawn fuq bil-ħsieb li dan iwassal għal ħolqien koerenti tal-impjiegi ekoloġiċi fi ħdan l-UE.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

61

7

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Catherine Bearder, Ivo Belet, Biljana Borzan, Lynn Boylan, Cristian-Silviu Bușoi, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Mireille D’Ornano, Miriam Dalli, Angélique Delahaye, Jørn Dohrmann, Ian Duncan, Stefan Eck, Bas Eickhout, Eleonora Evi, José Inácio Faria, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Iratxe García Pérez, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Sylvie Goddyn, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Jytte Guteland, György Hölvényi, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Josu Juaristi Abaunz, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Valentinas Mazuronis, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Massimo Paolucci, Gilles Pargneaux, Piernicola Pedicini, Pavel Poc, Marcus Pretzell, Frédérique Ries, Michèle Rivasi, Daciana Octavia Sârbu, Annie Schreijer-Pierik, Davor Škrlec, Dubravka Šuica, Tibor Szanyi, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Renata Briano, Nicola Caputo, Mark Demesmaeker, Jan Huitema, Merja Kyllönen, James Nicholson, Aldo Patriciello, Marijana Petir, Gabriele Preuß, Bart Staes

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Arne Gericke, Catherine Stihler


OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (7.5.2015)

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar l-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Nisfruttaw il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi

(2014/2238(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Monika Vana

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea(TUE) u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Settembru 2012 dwar ir-rwol tan-nisa fl-ekonomija ekoloġika(1) ,

A. billi l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) jiddeskrivu b'mod wiesa' impjieg ekoloġiku bħala kwalunkwe impjieg deċenti li jikkontribwixxi għall-preservazzjoni jew ir-ristorazzjoni tal-kwalità tal-ambjent, kemm fl-agrikoltura, l-industrija, is-servizzi u l-amministrazzjoni, u billi l-kunċett għadu wieħed li diffiċli tinstab definizzjoni preċiża għalih;

B.  billi l-perspettiva tal-ġeneru għandha tkun marbuta mal-aġenda tal-ILO tax-xogħol deċenti;

C. billi l-istrateġija Ewropa 2020 hija l-politika ewlenija tal-UE li taħtha l-objettiv tat-tkabbir sostenibbli jmur lil hinn mit-tibdil fil-klima u jkopri varjetà wiesgħa ta' kwistjonijiet, u b'hekk jipprova jittrasforma l-ekonomija tal-UE skont linja intelliġenti u ekoloġika; billi l-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi għan-nisa se jsaħħaħ l-isforzi biex jintlaħqu l-miri ta' Ewropa 2020, speċifikament f'dak li jikkonċerna l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, u l-ilħiq ta' rata ta' impjieg ta' mhux inqas minn 75 %;

D. billi l-ilħiq tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, u l-implimentazzjoni ta' linji gwida u politiki tranżizzjonali għal ekonomija ekoloġika, għandhom impatt fuq is-suq tax-xogħol, filwaqt li r-rwol tan-nisa fl-impjieg ekoloġiku huwa sottovalutat u spiss injorat, u n-nuqqas ta' perspettiva bbażata fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki ambjentali jżid l-inugwaljanza bejn is-sessi;

E.  billi jeħtieġ li n-nisa jibbenefikaw bl-istess mod mill-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi, u jeħtieġ li s-"saqaf tal-ħġieġ" fl-ekonomija ekoloġika jinkiser, u billi għandhom jiġu garantiti opportunitajiet indaqs meta jinħolqu impjiegi ġodda, inklużi impjiegi ekoloġiċi;

F.  billi n-nisa u l-bniet huma sottorappreżentati fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) u fl-edukazzjoni intraprenditorjali fil-livelli kollha, li kollha kemm huma huma rilevanti biex isir progress fil-qasam tal-ħiliet u l-impjiegi ekoloġiċi; billi l-edukazzjoni għandha titqies bħala investiment fl-individwi, u fin-nisa b'mod partikolari, f'kull stadju ta' ħajjithom; billi l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-oqsma ta' edukazzjoni STEM spiss hija ostakolata minn sterjotipi u kulturi tal-ġeneru;

G. billi l-impjiegi ekoloġiċi huma meqjusa bħala kunċett dinamiku li jevolvi flimkien ma' progress u investiment teknoloġiku iktar ekoloġiku, inkluż permezz tal-pjan ta' investiment tal-Kummissjoni u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, u m'għandhomx ikunu ta' benefiċċju unikament għall-ħaddiema bi kwalifiki għoljin;

H. billi n-nisa jintlaqtu b'mod sproporzjonat mill-kriżijiet u mill-politiki ta' awsterità, u l-impjiegi ekoloġiċi taw prova ta' iktar reżistenza għall-kriżijiet minn tipi oħra ta' impjieg;

I.   billi l-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi huwa neċessarju, iżda mhux biżżejjed, u jeħtieġ li sseħħ tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u sostenibbli, pereżempju permezz ta' ġestjoni aħjar tar-riżorsi naturali, użu ta' strumenti ekonomiċi ta' benefiċċju għall-ambjent, provvista ta' appoġġ għall-innovazzjonijiet u politiki mtejba fis-settur tal-agrikoltura, l-ilma u l-iskart, u tisħiħ fil-konsum u l-produzzjoni sostenibbli;

J.   billi r-rwol tas-soċjetà ċivili huwa essenzjali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika, kif ukoll fil-ġlieda għall-ugwaljanza bejn is-sessi;

K. billi għandha tingħata iktar attenzjoni lill-impjieg ekoloġiku fiż-żoni rurali billi l-bdiewa nisa u l-familji bdiewa jingħataw appoġġ biex jiġi żgurat l-introjtu finanzjarju tagħhom, permezz ta' tkabbir ekoloġiku, u biex ikunu jistgħu jibqgħu jgħixu fi rħula bħala produtturi tal-ikel u protetturi tal-ambjent;

1.  Iqis li d-definizzjonijiet tal-ILO u l-UNEP tal-impjiegi ekoloġiċi għandhom jittieħdu bħala bażi mill-UE, peress li jeħtieġ li l-impjiegi ekoloġiċi jikkombinaw oqsma ta' preokkupazzjoni bħall-effiċjenza tal-enerġija u emissjonijiet baxxi flimkien mal-preokkupazzjonijiet tradizzjonali dwar l-impjiegi, peress li n-nisa spiss ibatu minħabba salarji iktar baxxi għal ħiliet u responsabilitajiet indaqs, u kundizzjonijiet ta' impjieg sfavorevoli; dan madankollu m'għandux jiġi limitat għall-agrikoltura, l-industrija, is-servizzi u l-amministrazzjoni, iżda għandu jinkludi kull qasam tax-xogħol;

2.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa urġenti għal ftehim internazzjonali dwar definizzjoni komuni tal-ekonomija ekoloġika, ibbażata fuq il-pilastri tas-sostenibbiltà soċjali u ekoloġika; jenfasizza r-rwol sinifikanti tas-soċjetà ċivili, speċjalment il-movimenti soċjali, l-organizzazzjonijiet ambjentali, u l-organizzazzjonijiet għad-drittijiet tan-nisa, meta jiġu stabbiliti deskrizzjonijiet ta’ għanijiet u objettivi tal-ekonomija ekoloġika;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-ġbir tad-data jsir fl-oqsma ekoloġiċi kollha, inkluż dawk li bħalissa huma injorati, bħat-trasport pubbliku u s-settur tal-bejgħ bl-imnut; jitlob lill-Kummissjoni biex, filwaqt li tipprovdi appoġġ lill-uffiċċji nazzjoanli tal-istatistika u lis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjieg (SPI), u filwaqt li ssaħħaħ l-użu ta' għodod ta' mudellar kwantitattiv, tinkorpora l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-ġbir tad-data b'rabta mas-setturi kollha tal-impjieg ekoloġiku;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi l-perspettiva tal-ġeneru fl-iżvilupp ta' ġbir, diżaggregazzjoni u analiżi ġodda tad-data, bħal ħidma mwettqa permezz tal-għodda ekonometrika FIDELIO, jew ma' partijiet interessati bħall-Konferenza Internazzjonali tal-Uffiċjali tal-Istatistika dwar ix-Xogħol;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi l-perspettiva tal-ġeneru fil-ħidma tagħha mas-SPI u mal-Panorama ta' Ħiliet tal-UE sabiex tidentifika u ċċekken id-distakki fil-ħiliet ekoloġiċi fis-swieq tax-xogħol; jissottolinja li għandha titqiegħed enfasi fuq l-identifikazzjoni u t-tnaqqis tad-distakki fil-ħiliet bejn is-sessi fis-setturi ekoloġiċi;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jibdew japplikaw indikatur ġdid tat-tkabbir soċjali u li jiffavorixxi l-klima, li jinkludi aspetti mhux ekonomiċi tal-benessri u jkun orjentat prinċipalment fuq kwistjonijiet relatati mal-iżvilupp sostenibbli bħall-ugwaljanza tal-ġeneru, it-tnaqqis tal-faqar u t-tnaqqis fil-livell ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni tniedi riċerka dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi b'rabta mal-impjieg ekoloġiku u t-trasformazzjoni ekoloġika tal-ekonomija, u dwar il-kontribut tan-nisa fl-iżvilupp ta' innovazzjonijiet, servizzi u prodotti ekoloġiċi;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex b'mod sistematiku jinkludu perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fid-definizzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' politiki għall-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi fil-livelli kollha, sabiex jiġi żgurat li jiġu garantiti opportunitajiet indaqs, filwaqt li jitqiesu l-isfidi għall-ħolqien tal-impjiegi ekolġiċi f'żoni rurali; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet raġjonali u lokali biex jagħmlu sforzi ulterjuri biex jippermettu lin-nisa jipparteċipaw bis-sħiħ fil-formulazzjoni tal-politiki, fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' impjiegi ekoloġiċi li jinkludu kapaċitajiet ekoloġiċi;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi bħala kwistjoni prinċipali fit-tfassil u n-negozjar ta’ regolamenti u programmi futuri għall-fondi strutturali tal-UE (l-FSE, l-FEŻR, il-PAK), speċjalment fil-qafas tal-miżuri relatati mal-bidla lejn ekonomija ekoloġika;

10. Jitlob lill-Kummissjoni tniedi dibattitu pubbliku dwar il-kunċett ta' 'edukazzjoni għal żvilupp sostenibbli' u tippromwovih, b'enfasi speċjali fuq l-edukazzjoni tal-bniet u n-nisa; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu politiki li jħeġġu parteċipazzjoni ogħla tan-nisa fl-edukazzjoni fis-suġġetti u fl-intraprenditorija tal-iSTEM, u biex jorbtu l-aġenda dwar l-impjiegi ekoloġiċi mal-għoti tas-setgħa lin-nisa permezz tal-edukazzjoni; jitlob li jiġu stabbiliti miri ċari u monitoraġġ tar-reklutaġġ tan-nisa fl-impjiegi ekoloġiċi permezz ta' programmi ta' apprendistat; jitlob li jkun hemm miżuri għat-tħeġġiġ tal-parteċipazzjoni tan-nisa fl-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (ETV) u opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja fis-setturi ekoloġiċi;

11. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi: l-intraprenditorija tan-nisa fl-ekonomija ekoloġika; mudelli ta' negozju iktar kollaborattivi bħall-kooperattivi u l-intrapriżi soċjali, kif ukoll il-bdiewa nisa u l-familji bdiewa; aċċess tan-nisa għall-mikrofinanzjament; il-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi fis-servizzi pubbliċi; u proġetti pilota dwar kriterji kwalitattivi b'rabta mal-ġeneru għal kumpaniji fil-kuntest tal-akkwist pubbliku;

12. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jfittxu li jiksbu politika attiva tas-suq tax-xogħol għan-nisa fil-qasam tal-impjieg ekoloġiku;

13. Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jfittxu li jiksbu politiki tal-impjieg kompletament ekoloġiċi b'konsultazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili;

14. Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jistabbilixxu mekkaniżmi ta' integrazzjoni tas-sessi fil-politiki ambjentali fil-livelli internazzjonali, nazzjonali u reġjonali;

15. Jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi taħlita ta' politiki ekoloġiċi, ekonomiċi, dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u dwar is-suq tax-xogħol bl-għan li ssaħħaħ ħiliet ġodda bi qbil mal-ħtiġijiet ġodda ta' suq fi tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika;

16. Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw il-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi ta' kwalità għolja b'livell għoli ta' protezzjoni soċjali għan-nisa; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jħeġġu s-sindakalizzazzjoni tan-nisa, anke fis-setturi ekoloġiċi, kif ukoll vuċi ċara għan-nisa fis-sindakati u fid-djalogu soċjali;

17. Jitlob lill-Kummissjoni tadotta strateġija Ewropa 2015-2020 għall-ugwaljanza bejn is-sessi li tqis il-miri dwar ir-rati ta' impjieg tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Maria Arena, Catherine Bearder, Beatriz Becerra Basterrechea, Vilija Blinkevičiūtė, Anna Maria Corazza Bildt, Viorica Dăncilă, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Mary Honeyball, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Elisabeth Köstinger, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Angelika Mlinar, Angelika Niebler, Maria Noichl, Marijana Petir, Terry Reintke, Liliana Rodrigues, Jordi Sebastià, Michaela Šojdrová, Ángela Vallina, Beatrix von Storch, Anna Záborská, Jana Žitňanská, Inês Cristina Zuber

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Stefan Eck, Constance Le Grip, Georg Mayer, Sirpa Pietikäinen, Monika Vana, Julie Ward

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi

(1)

ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 38.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

16.6.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

7

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Guillaume Balas, Mara Bizzotto, Vilija Blinkevičiūtė, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Jane Collins, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Elena Gentile, Marian Harkin, Danuta Jazłowiecka, Rina Ronja Kari, Jan Keller, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Patrick Le Hyaric, Verónica Lope Fontagné, Javi López, Thomas Mann, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Elisabeth Morin-Chartier, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Terry Reintke, Sofia Ribeiro, Maria João Rodrigues, Anne Sander, Sven Schulze, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Romana Tomc, Ulrike Trebesius, Marita Ulvskog, Renate Weber, Tatjana Ždanoka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Amjad Bashir, Heinz K. Becker, Deirdre Clune, Sergio Gutiérrez Prieto, Csaba Sógor, Helga Stevens, Neoklis Sylikiotis, Ivo Vajgl

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Josef Weidenholzer, Marco Zanni

Avviż legali