Proċedura : 2014/2250(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0206/2015

Testi mressqa :

A8-0206/2015

Dibattiti :

PV 08/09/2015 - 19
CRE 08/09/2015 - 19

Votazzjonijiet :

PV 09/09/2015 - 8.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0312

RAPPORT     
PDF 575kWORD 173k
23.6.2015
PE 554.814v02-00 A8-0206/2015

dwar l-għoti ta’ setgħa lill-bniet permezz tal-edukazzjoni fl-Unjoni Ewropea

(2014/2250(INI))

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

Rapporteur: Liliana Rodrigues

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
 ROLL CALL FOR FINAL VOTE
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għoti ta’ setgħa lill-bniet permezz tal-edukazzjoni fl-Unjoni Ewropea

(2014/2250(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta’ Diċembru 1979 dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Programm ta’ Azzjoni ta’ Pekin adottati mir-Raba’ Konferenza Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Nisa fil-15 ta’ Settembru 1995 u d-dokumenti finali sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Pekin + 5 (2005), Pekin + 15 (2010) u Pekin + 20 (2015),

–   wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill Ewropew f’Marzu 2011,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni adottata f’Mejju 2011 mill-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Settembru 2010 bit-titolu “Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015” (COM(2010)0491),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2013 dwar l-eliminazzjoni tal-isterjotipi tas-sessi fl-Unjoni(1),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, u d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2015 dwar il-progress li sar fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni fl-2013(2),

–   wara li kkunsidra r-rapport indipendenti tal-2009 kkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Edukazzjoni u l-Kultura (DĠ EAC),

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2007) tat-13 ta’ Ottubru 2010 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar approċċ integrat għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-edukazzjoni,

–   wara li kkunsidra l-“kumpilazzjoni ta’ prattiki tajba għall-promozzjoni ta’ edukazzjoni mingħajr sterjotipi tas-sess u biex jiġu definiti modi għall-implimentar tal-miżuri li jinsabu fir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri dwar approċċ integrat għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-edukazzjoni” (riveduta fit-12 ta’ Marzu 2015), żviluppata mill-Kunsill tal-Ewropa,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni Rec(2003)3 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar il-parteċipazzjoni bbilanċjata tan-nisa u l-irġiel fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi u pubbliċi, adottata fit-12 ta’ Marzu 2003,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) bl-isem “In-nisa u d-dinja tax-xogħol” fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Mara fl-2015,

–   wara li kkunsidra l-istħarriġ ‘tal-Unjoni Ewropea dwar il-persuni leżbjani, gay, bisesswali u transġeneru” ippubblikat mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) fl-2013,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0206/2015),

A. billi l-edukazzjoni hija l-pedament ta’ ċittadinanza responsabbli, hija essenzjali biex tiġi żgurata ugwaljanza bejn is-sessi u emanċipazzjoni tal-bniet, u hija dritt tal-bniedem fundamentali u dritt ta' kull tifel u tifla;

B.  billi l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-bniet u n-nisa huwa valur importanti Ewropew, dritt fundamentali u element essenzjali tal-emanċipazzjoni tal-bniet u n-nisa fuq livelli soċjali, kulturali u professjonali, kif ukoll għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet l-oħra kollha soċjali, ekonomiċi, kulturali u politiċi u sussegwentement għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;

C. billi l-edukazzjoni tista' tittrasforma soċjetà u tikkontribwixxi għal ugwaljanza oċjali, politika u bejn is-sessi;

D. billi skont studju mwettaq mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Parlament, 30 miljun tifla f'età tal-iskola primarja huma esklużi mis-sistema edukattiva madwar id-dinja;

E.  billi l-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inadegwatezza jew in-nuqqas ta’ disponibilità ta’ stabbilimenti għal qabel l-iskola proprja, skejjel u netwerks barra l-iskola huma fost l-akbar ostakli li jipprevjenu li l-bniet ikollhom aċċess għall-edukazzjoni;

F.  billi l-Istati biss jistgħu jipprovdu edukazzjoni universali obbligatorja bla ħlas, li hija kundizzjoni sine qua non biex jiggarantixxu opportunitajiet indaqs għaż-żewġ sessi;

G. billi t-tnaqqis baġitarju li sar fis-settur tal-edukazzjoni, li jirriżulta fil-biċċa l-kbira minn politiki ta’ awsterità imħeġġa mill-UE, qed jipperikolaw edukazzjoni pubblika ta’ kwalità għolja mingħajr ħlas u għalhekk iservu biex jaggravaw l-inugwaljanzi;

H. billi edukazzjoni pubblika ta’ kwalità għandha tkun mingħajr ħlas u disponibbli għat-tfal kollha, mingħajr ebda diskriminazzjoni u irrispettivament mill-istatus ta’ residenza tagħhom;

I.   billi l-faqar għandu influwenza qawwija fuq aċċess ugwali għall-edukazzjoni minħabba l-ispejjeż, kemm diretti kif ukoll indiretti, li jiġġarbu meta t-tfal jintbagħtu l-iskola, u l-aċċess għall-edukazzjoni, u b’mod partikulari l-edukazzjoni għolja, huwa speċjalment diffiċli għal żgħażagħ minn familji bi dħul baxx, u dan iwassal għal tisħiħ tal-preferenza tradizzjonali lejn l-edukazzjoni tas-subien;

J.   billi l-istereotipi tas-sessi jassenjaw rwoli differenti, iddeterminati u limitati lin-nisa u l-irġiel, u dawn ir-rwoli huma fformati permezz ta’ bosta fatturi soċjali u mxerrda jew riprodotti mill-ġenituri, l-edukazzjoni u l-midja; billi dawn ir-rwoli tal-ġeneri jiġu integrati minn individwi matul il-fażijiet tas-soċjalizzazzjoni tat-tfulija u l-adoloxxenza, u għalhekk jinfluwenzaw ħajjithom u jistgħu jillimitaw l-iżvilupp personali tan-nisa u l-irġiel;

K. billi l-impatt ta’ stereotipi tal-ġeneri fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ u deċiżjonijiet magħmula minn studenti fl-iskola jistgħu jinfluwenzaw l-għażliet tul ħajjithom u sussegwentement għandhom implikazzjonijiet qawwija fis-suq tax-xogħol fejn in-nisa għadhom jiffaċċjaw segregazzjoni kemm orizzontali kif ukoll vertikali; billi dan jikkontribwixxi biex ċerti setturi għadhom jitqiesu bħala “maskili” u fejn il-livelli tal-paga huma konsegwentement ogħla minn setturi meqjusa “femminili”;

L.  meta titqies l-influwenza sinifikanti tal-ambjent soċjali, l-attitudnijiet tal-familja, sħab, mudelli u għalliema, kif ukoll ta’ ċentri ta’ taħriġ u pariri fil-proċess tal-għażla, fuq l-għażla tal-oqsma ta’ studju tal-istudenti u fuq il-bidla fl-istereotipi tal-ġeneru, u peress li l-għalliema bħala aġenti tal-bidla soċjali, bl-attitudnijiet u l-prattiki ta’ tagħlim tagħhom huma essenzjali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, id-diversità u l-fehim u r-rispett reċiproċi; iqis ukoll li l-għalliema tal-iskejjel jistgħu jkellmu lill-ġenituri u titqajjem il-kuxjenza dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-potenzjal tat-tfal tagħhom;

M. billi l-perspettiva tal-ġeneru għandha tkun inkorporata fil-livelli u l-oqsma kollha tas-sistema edukattiva biex, fost is-subien u l-bniet, l-irġiel u n-nisa, jinkoraġġixxu l-valuri tal-ġustizzja u ċ-ċittadinanza demokratika u biex tiġi żviluppata l-ugwaljanza vera bejn l-irġiel u n-nisa, kemm fl-isfera pubblika kif ukoll fl-isfera privata;

N. billi hemm bżonn ta’ aktar nisa li huma ta' eżempju għall-oħrajn f’oqsma riżervati għall-irġiel bħax-xjenza, l-inġinerija, it-teknoloġija, il-matematika u l-intraprenditorija, u netwerks ta’ mentoring u tagħlim bejn il-pari huma effettivi fl-għoti ta’ setgħa lil bniet f’dawn l-oqsma;

O. billi d-data disponibbli turi li n-nisa huma rikompensati inqas finanzjarjament għall-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom mill-irġiel, u n-nisa jibqgħu responsabbli fil-biċċa l-kbira mill-kura għat-tfal u dipendenti oħra tal-familja, u dan jillimita l-aċċess tagħhom għal impjieg full-time bi ħlas; billi l-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tinvolvi r-rikonoxximent ta’ kull xogħol magħmul min-nisa u l-edukazzjoni tas-subien u l-irġiel fil-kompiti li huma tradizzjonalment femminili; billi l-progress fil-politiki dwar l-appoġġ għall-kura tat-tfal u l-liv tal-maternità u tal-paternità madwar l-Ewropa se jikkontribwixxi għal prospetti ta’ impjieg tan-nisa, l-għoti ta’ setgħa ekonomika, u l-ġlieda kontra l-istereotipi tas-sessi, u b’hekk jagħti s-setgħa lill-bniet fil-livelli kollha tal-edukazzjoni;

P.  billi, għalkemm hemm iktar nisa b'edukazzjoni sekondarja jew universitarja, kemm l-oqsma ta' edukazzjoni kif ukoll l-attivitajiet professjonali tagħhom huma kkonċentrati madwar kompiti bl-għan tar-riproduzzjoni u l-kontinwazzjoni ta’ strutturi soċjali u ekonomiċi tradizzjonali eżistenti, u li jeħtieġ li jiżdied il-perċentwal ta’ nisa kemm fl-edukazzjoni vokazzjonali kif ukoll mas-setturi tal-iSTEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika);

Q. billi allokazzjoni aktar ugwali ta’ riżorsi edukattivi tista’ tirriżulta f’aktar aċċess għall-bniet għas-suq tax-xogħol, u parteċipazzjoni bbilanċjata tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol jistgħu jrawmu prospetti ekonomiċi tal-UE;

R.  billi l-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali għandhom jippromwovu l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-istabbilimenti edukattivi bil-mezzi kollha, li l-edukazzjoni tas-sessi għandha tkun parti fundamentali mill-programmi skolastiċi; billi l-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali għandhom jiżguraw li l-materjali tat-tagħlim ma fihomx kontenut diskriminatorju;

S.  billi l-kurrikulu formali jirrifletti l-perspettiva kulturali u soċjali ta’ kull Stat Membru u jinfluwenza l-kostruzzjoni ta’ identità tas-subien u l-bniet; billi l-kurrikulu informali jikkumplimenta l-kurrikulu formali filwaqt li l-kurrikulu moħbi huwa komuni għal kull definizzjoni sitwazzjonali tal-kurrikulu; billi dawn it-tipi kollha ta’ kurrikuli huma importanti fil-bini ta’ identità tas-subien u l-bniet, u l-awtoritajiet lokali, billi l-viċinanza tagħhom għall-istituzzjonijiet edukattivi għandha rwol ewlieni x'taqdi fl-edukazzjoni informali;

T.  billi huwa essenzjali, biex jiġu miġġielda l-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa, li ċ-ċentri ta’ riċerka edukattiva speċjalizzati fl-ugwaljanza tas-sessi ikunu responsabbli mill-monitoraġġ kostanti, fuq livell edukattiv, iżda wkoll li jimmonitorjaw u jevalwaw il-programmi, l-għanijiet ta' żvilupp u r-riżultati ta' tagħlim, il-kontenut, l-istrateġiji, il-materjali, il-valutazzjoni, il-programm ta’ kull suġġett kif ukoll u l-ippjanar;

U. billi l-vjolenza fuq in-nisa hija l-ostaklu ewlieni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u tista' tiġi miġġielda permezz tal-edukazzjoni; billi mhux il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea rratifikaw il-Konvenzjoni ta’ Istanbul u li jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea tniedi u tiffinanzja proġetti favur l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

V. billi l-vjolenza fl-iskejjel marbuta mal-ġeneru (SRGBV) tinkludi atti ta’ vjolenza sesswali, vjolenza fiżika u/jew psikoloġika kkawżata lit-tfal minħabba l-istereotipi bejn is-sessi u n-normi soċjali; billi l-SRGBV hija ostaklu ewlieni għall-aċċess, il-parteċipazzjoni u l-kisba;

W. billi n-nisa u l-bniet b'diżabilitajiet u/jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali huma esposti għal diskriminazzjoni multipla; billi s-sitwazzjoni tal-bniet tista’ tittejjeb biss meta l-aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja huwa ugwali u mhux determinat jew imfixkel b’din id-diskriminazzjoni u huwa konformi bis-sħiħ mal-prinċipji tal-inklużjoni;

X. billi jeżistu sproporzjonalitajiet sinifikanti fl-identifikazzjoni ta' bżonnijiet edukattivi speċjali (SEN); billi huwa universalment aktar probabbli li s-subien ikunu ġew identifikati bħala li għandhom ħtiġijiet speċjali, speċjalment diffikultajiet 'mhux normattivi' bħall-attenzjoni deficiency syndrome (ADS) jew disleksja, meta ġudizzju professjonali għandu rwol akbar fl-identifikazzjoni;

Y. billi 17% tal-adulti madwar id-dinja, żewġ terzi (493 miljun) fosthom nisa, ma jafux jaqraw jew jiktbu;(3)

Rakkomandazzjonijiet ġenerali

1.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw u jtejbu l-miżuri biex japplikaw l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-livelli kollha tas-sistema edukattiva, u biex jintegraw bis-sħiħ titjib fl-għarfien ta’ kwistjonijiet ta' ġeneru fit-taħriġ tal-għalliema, iżda wkoll kull kategorija ta’ professjonisti tal-iskola, pereżempju tobba tal-iskejjel, infermiera, psikologi, assistenti soċjali u għalliema, kif ukoll biex jiżguraw il-ħolqien ta’ mekkaniżmi tul is-sistema edukattiva kollha li jiffaċilitaw il-promozzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istituzzjonijiet edukattivi;

2.  Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu d-demokratizzazzjoni tal-edukazzjoni u kondizzjonijiet oħra meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-edukazzjoni, kemm jekk ipprovduta permezz ta’ skejjel jew b’mezzi oħra ta’ tagħlim, tgħin biex iġġib l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs, jegħlbu inugwaljanzi ekonomiċi, soċjali u kulturali, jinkoraġġixxu l-iżvilupp personali u spirtu ta’ tolleranza, solidarjetà u responsabbiltà, u jiffaċilitaw il-progress soċjali u l-parteċipazzjoni demokratika fil-ħajja tal-komunità;

3.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-għanijiet tas-sistemi edukattivi tagħhom jinkludu l-edukazzjoni b’rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet u opportunitajiet ugwali għan-nisa u l-irġiel, u li l-prinċipji tal-kwalità tas-sistemi tagħhom jinkludu l-eliminazzjoni tal-ostakoli għal ugwaljanza effettiva bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll il-promozzjoni sħiħa tal-ugwaljanza bejniethom;

4.  Jitlob li ssir promozzjoni ta’ approċċ olistiku għall-edukazzjoni formali u informali fl-iskejjel, u approċċ sensittiv lejn l-inklużjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-dinjità umana, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-iżvilupp ta’ awtostima u assertività, li jinkoraġġixxi teħid ta’ deċiżjonijiet awtonomu u infurmat għall-bniet u n-nisa, kemm fil-livell personali kif ukoll f’dak professjonali; Jirrikonoxxi li l-edukazzjoni għall-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tikkomplementa l-edukazzjoni ċivika għall-valuri demokratiċi, u tkun integrata f’ambjent edukattiv sensittiv għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi li jkun ibbażat fuq id-drittijiet, fejn il-bniet u s-subien jistgħu jitgħallmu dwar id-drittijiet tagħhom u l-esperjenza ta’ proċessi demokratiċi fl-iskejjel u f’ambjenti ta’ tagħlim informali billi, pereżempju, jieħdu sehem f’governanza demokratika tal-iskejjel tagħhom stess;

5.  Jistieden lil dawk li jfasslu l-politika edukattiva mill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżguraw li l-impenji favur l-ugwaljanza bejn is-sessi jmorru lil hinn mid-dikjarazzjonijiet tal-prinċipji u intenzjonijiet politiċi, u jkunu riflessi f’żidiet kbar fl-isforzi u r-riżorsi investiti, filwaqt li jfakkar l-importanza primarja tal-edukazzjoni sabiex tiġi effettwata bidla kulturali;

6.  Jirrimarka li filwaqt li n-nisa jirrappreżentaw il-maġġoranza (60 %) ta’ gradwati ta’ edukazzjoni ogħla fl-UE, ir-rata tal-impjieg tagħhom u t-trajettorji ta' promozzjoni tagħhom ma jirriflettux il-potenzjal sħiħ tagħhom; jenfasizza li l-kisba ta’ tkabbir ekonomiku inklużiv u fit-tul tiddependi fuq li jitnaqqas id-distakk bejn dak li n-nisa jiksbu fl-edukazzjoni tagħhom u l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, primarjament billi tingħeleb is-segregazzjoni orizzontali u vertikali;

7.  Jenfasizza li l-edukazzjoni hija għodda importanti li tgħin lin-nisa biex jipparteċipaw b’mod sħiħ fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku; jenfasizza li l-miżuri għat-tagħlim tul il-ħajja huma kruċjali biex jipprovdu lin-nisa bil-ħiliet li jippermettulhom jirritornaw fid-dinja tax-xogħol jew itejbu l-impjieg, id-dħul u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom;

8.  Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-investiment essenzjali fl-edukazzjoni sabiex kulħadd ikun jista’ jibbenefika minn edukazzjoni pubblika ta’ kwalità għolja mingħajr ħlas;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet edukattivi tagħhom jiggarantixxu l-istess dritt għall-edukazzjoni għan-nisa u l-irġiel, billi jinkorporaw b’mod attiv il-prinċipju ta’ trattament ugwali f’miri u azzjonijiet edukattivi, u b’hekk jiġi evitat li jitfaċċjaw inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel minħabba l-imġiba u l-istereotipi soċjali sessisti assoċjati;

10. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li din ir-rakkomandazzjoni tintbagħat lill-istituzzjonijiet politiċi responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politiki edukattivi fil-livelli ċentrali, reġjonali u lokali, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet tal-ġestjoni skolastika u l-awtoritajiet reġjonali u lokali;

11. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa r-rappreżentanza indaqs bejn is-sessi f’termini ta’ tmexxija u ġestjoni ta’ korpi responsabbli għas-sorveljanza u l-governanza ta’ stabbilimenti edukattivi, speċjalment fost il-maniġers u l-kapijiet tal-iskola u fejn hemm rappreżentanza bħal fis-suġġetti STEM, peress li dan ser jipprovdi mudelli għall-bniet;

12. Jenfasizza li l-bniet li mhumiex permessi li jattendu l-iskola huma aktar esposti għal vjolenza domestika;

13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tibda malajr kemm jista’ jkun il-proċedura għall-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul; jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni, u jitlob ukoll lill-UE u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien għall-ugwaljanza bejn is-sessi fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni; jenfasizza r-rabtiet mill-qrib bejn l-istereotipi tas-sessi u l-ibbulijar, cyberbullying u l-vjolenza kontra n-nisa, u l-bżonn li jiġu miġġielda dawn minn età bikrija; jenfasizza li l-Konvenzjoni ta’ Istanbul titlob lill-firmatarji biex jinkludu materjali tat-tagħlim dwar kwistjonijiet bħal rwoli tas-sessi li mhumiex stereotipi, ir-rispett reċiproku, is-soluzzjoni mhux vjolenti tal-kunflitti f’relazzjonijiet interpersonali, il-vjolenza sessista u d-dritt għall-integrità personali, adattat għal kapaċità li qed jevolvu tal-istudenti, f’kurrikuli formali u fil-livelli kollha tal-edukazzjoni;

14. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jinvestu b’mod konsistenti fl-informazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u l-kampanji edukattivi u biex jitjieb l-għoti ta’ gwida tal-karriera għall-bniet u s-subien, jiġu indirizzati l-perċezzjonijiet stereotipati tar-rwoli tas-sessi, kif ukoll l-istereotipi tas-sessi b’orjentazzjoni vokazzjonali u professjonali, b’mod partikolari fix-Xjenza u Teknoloġiji ġodda; ifakkar li dan inaqqas is-segregazzjoni bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol u jsaħħaħ il-pożizzjoni tan-nisa filwaqt li jippermettilhom li jibbenefikaw bis-sħiħ minn kapital uman rappreżentat minn tfajliet u nisa fl-UE u jippromwovu diskussjonijiet ta’ għażliet edukattivi u għall-karriera fl-iskejjel u fil-klassijiet;

15. Ifakkar fir-rwol tat-timijiet edukattivi biex jgħinu u jikkonsultaw mal-familji f’dak li għandu x’jaqsam mal-karrieri skolastiċi tat-tfal bl-għan li jkunu stabbiliti f'direzzjoni li tixraq il-ħiliet, it-talenti u l-gosti tagħhom; jenfasizza li l-istadju li fih jingħataw pariri dwar il-karrieri skolastiċi huwa wieħed deċiżiv u huwa żmien meta l-isterjotipi tas-sessi jistgħu jkunu element importanti, li jistgħu jolqtu ħażin u b'mod dejjiemi l-kapaċità tal-bniet li jsegwu karriera professjonali li tiffaċilita l-iżvilupp u l-emanċipazzjoni personali tagħhom.

16. Jistieden lill-Kummissjoni biex torganizza, permezz tal-Istati Membri, programmi ta’ taħriġ speċifiċi ta’ sensibilizzazzjoni mmirati lejn bniet rigward il-parteċipazzjoni tagħhom f’edukazzjoni ogħla u l-possibilità ta’ korsijiet ta’ studju, b’opportunitajiet ta’ xogħol korrispondenti fuq il-bażi tal-ħiliet tagħhom, sabiex jitħeġġu jsegwu karrieri li tradizzjonalment huma ddominati mill-irġiel u biex tissaħħaħ l-awtostima tal-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ nisa; jenfasizza li l-edukazzjoni informali taqdi rwol ewlieni fil-bini ta’ fiduċja għall-bniet u n-nisa żgħażagħ;

17. Jistieden lill-Istati Membri jużaw il-Fondi ESI biex jappoġġjaw programmi li jaħdmu b’mod attiv mal-ġenituri ta’ tfal minn dawk il-komunitajiet esklużi u li jinkoraġġixxu u jistimolaw attivitajiet sinifikanti barra l-ħinijiet tal-iskola u waqt il-vaganzi tal-iskola;

18. Jistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-promozzjoni ta’ netwerks pubbliċi ta’ creches, nurseries u s-sistema edukattiva ta’ qabel l-iskola, u servizzi ta’ rikreazzjoni pubblika għat-tfal;

19. Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali għall-persuni b’diżabbiltajiet u/jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali (SEN), kif ukoll it-tnaqqis ta’ rati gћoljin ta' tluq mill-iskola tagħhom, u li jirrispettaw il-prinċipji ta’ edukazzjoni inklużiva, b’enfasi fuq il-parteċipazzjoni attiva ta’ dawn l-istudenti, u biex tittejjeb l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà u s-sistema edukattiva ġenerali fejn possibbli; jitlob titjib immedjat fit-taħriġ tal-għalliema għal dan l-għan u l-integrazzjoni ta’ perspettiva dwar il-ġeneru f’taħriġ bħal dan, kif ukoll l-identifikazzjoni ta’ diffikultajiet fit-tagħlim, inkluż l-iżvilupp ta’ għodod ta’ skrining sensittivi għall-ġeneru u jintegraw il-perspettiva tal-ġeneru speċifiċi sabiex jipprovdu programmi edukattivi tan-nisa u l-bniet kkonċernati b’opportunitajiet aħjar meta jfittxu impjieg, u li jagħtuhom is-setgħa biex tingħeleb id-diskriminazzjoni multipla;

20. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw aċċess ugwali għall-edukazzjoni għall-bniet u s-subien, irrispettivament mill-età, is-sess, l-istatus soċjoekonomiku, l-isfond kulturali jew reliġjuż, u jenfasizza l-ħtieġa għal istituzzjonijiet Ewropej, nazzjonali u lokali biex jippromwovu programmi speċifiċi biex jintegraw komunitajiet marġinalizzati b’mod ġenerali fl-iskejjel kif ukoll, b’mod partikolari, bniet minn dawn il-komunitajiet, peress li ta’ spiss jaffaċċjaw diskriminazzjoni multipla, u l-minoranzi kollha fis-soċjetà Ewropea; Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-bniet ilestu l-edukazzjoni sekondarja tagħhom, u jenfasizza l-ħtieġa għal programmi ta’ assistenza finanzjarja għal familji żvantaġġati ekonomikament, sabiex jevitaw li dawn l-istudenti jitilqu kmieni mill-iskola, b’mod partikolari l-bniet;

21. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jipprovdu appoġġ attiv meħtieġ biex jiżguraw li n-nisa migranti u l-familji tagħhom ikunu jistgħu jitgħallmu l-lingwa tal-pajjiż ospitanti tagħhom permezz ta' servizzi ta' edukazzjoni pubblika bbażati lokalment u mingħajr ħlas;

22. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi speċifiċi biex jiżguraw li l-bniet u n-nisa żgħażagħ Rom jibqgħu fl-edukazzjoni primarja, sekondarja u edukazzjoni ogħla, u wkoll jistabbilixxu miżuri speċjali għall-ommijiet adolexxenti u bniet li telqu mill-iskola kmieni, b’mod partikolari biex jappoġġaw l-edukazzjoni mhux interrotta, u jipprovdu taħriġ ibbażat fuq ix-xogħol; jistieden ukoll lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jqisu dawn il-miżuri meta jikkoordinaw u jevalwaw l-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom;

23. Jenfasizza l-importanza li jiġu inklużi miżuri dwar l-edukazzjoni tal-bniet u n-nisa fil-proġetti ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp;

24. Jenfasizza l-importanza tal-iffukar b’mod partikolari fuq il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fi ħdan il-kurrikuli u fl-istadji kollha tal-edukazzjoni;

Programm skolastiku u taħriġ

25. Jinsisti li għandha tingħata attenzjoni xierqa lill-ugwaljanza bejn is-sessi, fl-aspetti kollha tagħha, fil-kurrikuli, l-għanijiet għall-iżvilupp u r-riżultati tat-tagħlim, is-suġġetti, il-pjanijiet skolastiċi, kif ukoll lill-ħtieġa li jiġi vvalutat ir-rwol tan-nisa fil-programmi skolastiċi fis-suġġetti differenti, bl-enfasizzar tar-rwol tagħhom fis-suġġetti mgħallma; iqis li l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni għandha tindirizza b’mod espliċitu l-prinċipju ta’ ugwaljanza u għandha tinkludi firxa ta’ kwistjonijiet, bħalma huma l-litteriżmu, l-ibbuljar, il-vjolenza, id-diskors ta’ mibegħda, id-drittijiet tal-bniedem u l-edukazzjoni ċivika;

26. Jenfasizza li l-edukazzjoni trid tgħin biex il-bniet u s-subien jiżviluppaw f'individwi li huma konxji, ibbilanċjati, jirrispettaw lil ħaddieħor u huma kapaċi li juru l-empatija u r-rispett reċiproku, għall-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni, l-aggressjoni u l-bullying;

27. Jenfasizza li l-iskejjel għandhom jgħinu biex jiġi żviluppat approċċ interkulturali għall-edukazzjoni, meta mqabbel ma' approċċ immirat lejn l-assimilazzjoni jew il-multikulturaliżmu, sabiex tiġi promossa t-trasparenza, ir-rispett reċiproku u d-djalogu interkulturali u interreliġjuż;

28. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-programmi komprensivi tagħhom dwar l-edukazzjoni sesswali u relazzjoni, inkluż it-tagħlim ta’ programmi edukattivi tal-bniet u s-subien dwar relazzjonijiet ibbażati fuq il-kunsens, ir-rispett u r-reċiproċità, kif ukoll attivitajiet ta’ sport u ħin liberu, fejn l-istereotipi u l-istennijiet bbażati fuq is-sess jistgħu jaffettwaw l-awtostima tagħhom, is-saħħa, l-akkwist ta’ ħiliet, l-iżvilupp intellettwali, l-integrazzjoni soċjali u l-bini ta' identità tal-bniet u s-subien;

29. Jirrikonoxxi li edukazzjoni sensittiva, adattata skont l-età u xjentifikament preċiża dwar is-sess u r-relazzjonijiet hija għodda essenzjali tal-kapaċità għall-għoti tas-setgħa lill-bniet u s-subien, biex tgħinhom jagħmlu għażliet infurmati sew u li tikkontribwixxi għal firxa aktar wiesgħa ta’ prijoritajiet ta’ saħħa pubblika bħat-tnaqqis fit-tqala mhux ippjanata, it-tnaqqis fl-imwiet tal-ommijiet u tat-trabi, il-prevenzjoni u t-trattament bikri ta' infezzjonijiet trażmessi sesswalment, u biex jitnaqqas id-distakk fl-inugwaljanza fil-qasam tas-saħħa; Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkunsidraw li jagħmlu edukazzjoni sesswali u relazzjonali komprensiva adattata skont l-età obbligatorja fil-kurrikuli tal-iskejjel għall-istudenti kollha fl-iskejjel primarji u sekondarji, u jenfasizza l-importanza ta’ taħriġ tal-għalliema b’enfasi speċjali fuq il-bniet u n-nisa kif ukoll fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi;

30. Jappella għall-implimentazzjoni ta’ edukazzjoni dwar is-sess u r-relazzjonijiet fil-kurrikuli fi programmi mmirati li jagħtu s-setgħa lill-bniet permezz tal-promozzjoni ta’ għarfien u ta’ ġisimhom, filwaqt li jitlob li s-suġġetti l-oħra kollha tal-kurrikulu jżommu l-koerenza ma’ dawn il-prinċipji;

31. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru f’xenarji edukattivi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-inklużjoni ta’ informazzjoni oġġettiva dwar kwistjonijiet LGBTI fil-kurrikuli tal-iskejjel; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiffaċilita t-tagħlim bejn il-pari fost l-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-ibbuljar u l-fastidju omofobiku u transfobiku;

32. Iħeġġeġ lill-bniet u s-subien fil-proċess edukattiv biex juru interess ugwali fis-suġġetti kollha, lil hinn mill-istereotipi bejn is-sessi, b’mod partikolari fir-rigward tas-suġġetti xjentifiċi u tekniċi, inkluż tagħlim tas-subien dwar attivitajiet meqjusa bħala femminili, f’oqsma bħalma huma x-xogħol domestiku u tal-kura, filwaqt li tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni u r-rappreżentazzjoni ugwali fit-teħid ta’ deċiżjonijiet kollettivi u t-tmexxija tal-iskejjel, kif ukoll attivitajiet extrakurrikulari; jistieden lil dawk kollha involuti biex jiżguraw li l-finanzjament għal dawn l-attivitajiet effettivi jkun protett;

33. Jinnota l-ħtieġa għal miżuri biex jinkoraġġixxu l-promozzjoni speċifika tan-nisa fl-oqsma tal-kultura u l-produzzjoni u t-tixrid ta’ xogħlijiet artistiċi u intellettwali, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni mifruxa u strutturali esperjenzati min-nisa f’din l-isfera, il-promozzjoni ta’ rappreżentanza bbilanċjata ta’ nisa u rġiel f’attivitajiet artistiċi u kulturali pubbliċi, u li jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju u jkun hemm azzjonijiet pożittivi biex jikkoreġu sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza f’dawn l-oqsma;

34. Jitlob għall-iżvilupp ta’ aċċess ugwali għal, l-użu ta’, u l-edukazzjoni dwar it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni għall-bniet u s-subien minn edukazzjoni ta’ qabel l-iskola ‘l fuq, b’attenzjoni speċjali għat-tfal u ż-żgħażagħ minn żoni rurali, komunitajiet marġinalizzati, u dawk bi bżonnijiet speċjali, sabiex jittejjeb il-litteriżmu diġitali, jinxterdu strumenti tal-politika edukattiva effettiva u jitjieb it-taħriġ tal-għalliema sabiex jiżdied l-għadd ta’ studenti u gradwati nisa fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika; f’dan il-kuntest, jilqa’ l-inizjattivi u programmi kollha li jimmiraw biex il-bniet jiġu attratti lejn dawk l-oqsma ta’ studju u karrieri korrispondenti fir-riċerka;

35. Jenfasizza l-importanza li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri edukattivi bil-għan li jiġu rikonoxxuti, u li n-nies jiġu mgħallma dwar ir-rwol tan-nisa fl-istorja, ix-xjenza, il-politika, il-letteratura, l-arti, l-edukazzjoni, eċċ;

36. Jitlob li jsir kull sforz biex jiġi żgurat li l-impjiegi fil-qasam tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal, l-edukazzjoni primarja u l-kura huwa promoss bħala impjieg ta’ valur kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel;

37. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw jew isaħħu r-regolamenti nazzjonali bil-ħsieb li jilqgħu kontra influwenza negattiva ta' rwoli tas-sessi sterjotipati, li ġejjin minn valuri mgħoddija permezz tal-midja u r-reklamar, u li ta' spiss wisq jimminaw il-ħidma tal-iskejjel fuq dawn is-suġġetti;

38. jappella għall-istabbiliment ta’ attivitajiet kumplimentari li jsaħħu l-programm uffiċjali fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-taħriġ intraprenditorjali kif ukoll għall-implimentazzjoni ta’ programmi edukattivi informali għall-edukazzjoni fuq is-sessi fil-komunitajiet permezz tal-awtoritajiet lokali;

39. Jitlob li jingħata impetu mġedded biex tiġi akkreditata l-edukazzjoni informali bħala ċertifikat ta’ kompetenza, kif ukoll biex jiġi provdut ċertifikat ta' standard għoli ta’ tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol f’dak li għandu x’jaqsam ma’ edukazzjoni vokazzjonali, peress li dan jgħin lill-bniet u lin-nisa biex isibu impjiegi aħjar kif ukoll biex jidħlu fis-suq tax-xogħol jew jintegraw mill-ġdid fih, filwaqt li jiżgura li n-nisa jitqiesu ekwivalenti għall-irġiel f'termini ta' dinjità u kompetenza;

40. Jitlob lill-awturi u l-edituri tal-materjal edukattiv biex isiru konxji tal-ħtieġa li l-ugwaljanza tas-sessi ssir kriterju għall-produzzjoni ta’ dawn il-materjali, u jirrakkomanda l-użu ta’ timijiet ta’ għalliema u studenti fl-iżvilupp tal-materjal edukattiv dwar l-ugwaljanza tas-sessi, u biex jintalab parir minn esperti fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tagħlim rispettuż tal-perspettiva tal-ġeneru;

41. Jitlob lill-Istati Membri jħejju u jxerrdu linji gwida għall-iskejjel, in-nies li jfasslu l-politiki edukattivi, l-għalliema u l-persuni responsabbli għall-istabbiliment tal-programmi skolastiċi biex jiġu inklużi l-perspettiva tas-sessi u l-ugwaljanza tas-sessi, u li tiġi żgurata il-qirda tal-istereotipi u l-preġudizzji sessisti li jistgħu jinsabu fil-kotba edukattivi u fil-materjal edukattiv, kemm fil-kontenut kif ukoll fil-lingwa jew fl-istampi, jiġu inkoraġġiti jiġġieldu kontra s-sessiżmu fil-letteratura, iċ-ċinema, il-mużika, il-logħob, midja, reklamar u oqsma oħra li jitgħu jikkontribwixxu radikalment biex jibdlu l-attitudnijiet, l-imġiba u l-identità tal-bniet u s-subien;

42. Jagħraf li l-għalliema għandhom rwol ewlieni fl-iffurmar ta' identitajiet edukattivi u għandhom impatt sinifikanti fuq l-aspetti ta' imġieba skont is-sessi fl-iskola; ifakkar li għad fadal ħafna xi jsir biex l-għalliema jingħataw is-setgħa fir-rigward ta' kif l-iktar jistgħu jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi; jinsisti għalhekk fuq il-bżonn li jiġi żgurat taħriġ komprensiv inizjali u kostanti dwar l-ugwaljanza għall-għalliema fil-livelli kollha tal-edukazzjoni formali u informali, inkluż tagħlim bejn il-pari u kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet esterni u aġenziji, biex ikabbru l-għarfien dwar l-impatt tar-rwoli u tal-isterjotipi tas-sessi fuq il-fiduċja tal-istudenti fihom infushom u l-għażliet tas-suġġetti tagħhom matul l-istudji tagħhom; jenfasizza li l-bniet għandu jkollhom mudelli pożittivi femminili u maskili fl-iskejjel u l-universitajiet sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw u jagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal tagħhom stess mingħajr biża’ ta’ diskriminazzjoni jew ambigwità għal raġunijiet ta' ġeneru;

43. Jenfasizza l-bżonn li jiġu integrati l-istudju u l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kemm f'taħriġ inizjali kif ukoll f'dak kontinwu tal-għalliema, inklużi strateġiji għal riflessjoni dwar l-identità proprja tal-għalliema, twemmin, valuri, preġudizzji, aspettattivi, attitudnijiet u rappreżentazzjonijiet tas-sessi, kif ukoll dwar il-prattiki ta’ tagħlim tagħhom, bil-għan li jitneħħew l-ostakoli biex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tal-istudenti, irrispettivament mill-ġeneru;

44. Jemmen bis-saħħa fil-potenzjal ta’ trasformazzjoni tal-edukazzjoni favur l-ugwaljanza bejn is-sessi; Jirrikonoxxi li programmi ta’ edukazzjoni formali u informali għandhom jindirizzaw u jiġġieldu kontra l-vjolenza sessista, id-diskriminazzjoni bejn is-sessi, il-fastidju, l-omofobija u t-transfobija fil-forom kollha tagħhom, inklużi forom ta’ cyberbullying, jew fastidju online; jirrikonoxxi li l-edukazzjoni għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u kontra l-vjolenza sessista tiddependi minn ambjent fl-iskejjel li jkun sigur u ħieles mill-vjolenza;

45. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu organizzati inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni, ta’ taħriġ u ta’ integrazzjoni tal-perspettiva tas-sessi għall-partijiet interessati kollha fil-politika edukattiva u wkoll għall-ġenituri u għal min iħaddem;

46. Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu approċċ interġenerazzjonali għall-edukazzjoni, u jiżguraw aċċess ugwali għal edukazzjoni formali u informali billi jintegraw il-provvista ta’ kura tat-tfal bi prezz raġonevoli u ta’ kwalità fis-sistemi edukattivi tagħhom, kif ukoll kura għall-anzjani u dipendenti oħra; jistieden lill-Istati Membri biex jinvolvu ruħhom f’inizjattivi li jnaqqsu l-ispejjeż diretti u indiretti edukattivi u biex tiżdied il-kapaċità ta’ crèches u nurseries kollha, inkluż fil-qasam tal-edukazzjoni preskolari, l-iskejjel u netwerks ta’ wara l-iskola, bir-rispett dovut tal-prinċipji ta’ inklużjoni għal tfal li jgħixu fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar; jenfasizza l-importanza ta’ dan sabiex jgħin lin-nisa u l-irġiel kollha, inklużi l-ġenituri waħedhom, il-bilanċ tal-ħajja tal-familja max-xogħol u jiggarantixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ filwaqt li sussegwentement jinħolqu mudelli għall-għoti ta' setgħa lill-bniet;

47. Jenfasizza li kwalunkwe strateġija li tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti ta’ setgħa lil bniet u nisa għandha tinvolvi b’mod attiv lis-subien u lill-irġiel;

48. Jenfasizza l-importanza tal-awtoritajiet pubbliċi li jippromwovu korsijiet u riċerka dwar is-sinifikat u l-portata tal-ugwaljanza bejn is-sessi, bħala parti minn edukazzjoni terzjarja, b’mod partikolari billi jiġu inklużi fis-sillabi suġġetti relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi, jiġu introdotti korsijiet post-lawrja speċjalizzati u t-tkomplija ta’ studji u riċerka fil-qasam;

49. Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jagħmlu progress dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki professjonali maħruġa fi Stati Membri differenti, u biex jikkoordinaw u jarmonizzaw ir-regoli nazzjonali dwar l-aċċess għal professjonijiet varji, sabiex nisa migranti minn ġewwa jew minn barra l-Unjoni jkunu jistgħu jsibu impjieg xieraq għat-taħriġ u l-kwalifiki tagħhom;

Investimenti, monitoraġġ u evalwazzjoni

50. jenfasizza li l-aġenziji indipendenti jridu jimmonitorjaw u jevalwaw il-progress li jirriżulta mill-adozzjoni tal-politiki ta’ ugwaljanza bejn is-sessi fl-istabbilimenti edukattivi, kif ukoll il-ħtieġa għal komunikazzjoni kontinwa mal-awtoritajiet kompetenti dwar il-miżuri kollha meħuda u l-progress li jkun sar f’dan il-qasam, u li l-perspettiva tal-ġeneru għandha ssir malajr element ta’ evalwazzjoni interna u esterna tal-istabbilimenti edukattivi;

51. Jenfasizza r-rwol importanti ta’ kooperazzjoni fost il-korpi amministrattivi differenti ta’ edukazzjoni u ta' skambji ta’ prattika tajba f’termini ta’ żvilupp ta’ proġetti u programmi biex tiġi promossa sensibilizzazzjoni dwar il-prinċipji ta’ ko-edukazzjoni u ugwaljanza sinifikanti bejn in-nisa u l-irġiel, u t-tqassim tagħhom fost il-membri tal-komunità edukattiva;

52. Jistieden lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) biex ikompli l-ħidma tiegħu dwar it-tqegħid flimkien ta' data diżaggregata komparabbli skont il-ġeneru u tabelli ta’ valutazzjoni fl-oqsma kollha ta’ politika, inkluż fil-qasam tal-edukazzjoni, u jtenni l-importanza li jitwettqu studji dwar l-impatt ta’ politiki edukattivi biex jindirizzaw l-inugwaljanzi bejn is-sessi, li jiġu pprovduti strumenti kwalitattivi u kwantitattivi għall-valutazzjoni ta’ dan l-impatt, u wara strateġija baġitarja bbażata fuq is-sessi sabiex tiġi promossa kemm l-aċċess u d-dritt għal riżorsi edukattivi;

53. Jirrikonoxxi li huwa ta’ importanza fundamentali li jiġi valutat l-impatt ta’ leġiżlazzjoni futura dwar l-edukazzjoni fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u, fejn meħtieġ, li jiġu riveduti liġijiet eżistenti f’konformità ma’ dan il-prinċipju;

54. Jenfasizza li l-monitoraġġ tal-proċess tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-ugwaljanza tas-sessi u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tagħhom għandhom jiġu żgurati miċ-ċentri ta’ riċerka edukattiva f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ esperti fil-kwistjonijiet tas-sessi, l-organizzazzjonijiet maħluqa mill-Unjoni Ewropea u l-awtoritajiet lokali; Jitlob li jkun hemm ġbir ta' data diżaggregata skont is-sessi kwantitattiva u kwalitattiva mill-Istati Membri u l-Kummissjoni;

55. Jissuġġerixxi l-ħolqien ta’ Premju Ewropew annwali għall-ugwaljanza tas-sessi għall-istabbilimenti edukattivi li kellhom suċċess fl-ilħiq ta' dan l-objettiv u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu l-istess fil-livell nazzjonali;

56. Jenfasizza l-ħtieġa li jitfasslu pjanijiet ta’ azzjoni u jiġu allokati riżorsi għall-implimentazzjoni ta’ proġetti edukattivi speċifiċi kif ukoll strutturi edukattivi sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mal-ġeneru, jirrakkomanda l-użu ta’ strumenti Ewropej disponibbli għal dan l-għan, jiġifieri l-pjan ta’ investiment, il-programm Orizzont 2020, u l-fondi strutturali tal-UE, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew;

57. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0074.

(2)

Testi adottati, P8_TA-PROV(2015)0050.

(3)

https://europa.eu/eyd2015/it/eu-european-parliament/posts/every-girl-and-woman-has-right-education


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (6.5.2015)

għall-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

dwar l-għoti ta' setgħa lill-bniet permezz tal-edukazzjoni fl-UE

(2014/2250(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Ernest Maragall

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li l-isterjotipi tal-ġeneru u s-sessiżmu għadhom jikkostitwixxu l-ikbar ostakoli għall-ilħiq tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra l-isterjotipi tal-ġeneru f'termini ta' suġġetti ta' studju, kurrikuli akkademiċi u prestazzjoni fl-edukazzjoni formali u informali u permezz tagħha fil-livelli edukattivi kollha; ifakkar ukoll li l-perċezzjoni bbażata fuq il-ġeneri tas-suġġetti ta' studju u l-għażliet tal-karrieri huwa fatturi ewlenin tad-deċiżjoni dwar l-għażliet ta' taħriġ; jenfasizza l-importanza ta' għoti ta' motivazzjoni u ta' żieda ulterjuri fil-parteċipazzjoni tal-bniet fix-xjenza, l-inġinerija, it-teknoloġija, l-industriji rurali, l-ICT, l-industriji kreattivi u l-arti u l-artiġjanat, u jilqa' l-inizjattivi u l-programmi kollha bl-għan li jattiraw lill-bniet lejn dawk l-oqsma ta' studju u l-karrieri ta' riċerka korrispondenti;

2.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw jew isaħħu r-regolamenti nazzjonali bil-ħsieb li jilqgħu kontra influwenza negattiva ta' rwoli tas-sessi sterjotipati, li ġejjin minn valuri mgħoddija permezz tal-midja u r-reklamar, u li ta' spiss wisq jimminaw il-ħidma tal-iskejjel fuq dawn is-suġġetti;

3.  Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni informali u d-djalogu interkulturali fir-rigward tal-kwistjoni tat-twemmin u l-prattiki tradizzjonali li jimponu limitazzjonijiet fuq il-bniet fl-edukazzjoni, u jitlob lill-Istati Membri jiżguraw aċċess ugwali għall-edukazzjoni għas-subien u l-bniet, indipendentement mill-isfond etniku, nazzjonali, soċjali, kulturali u reliġjuż tagħhom, sabiex tinkiseb ugwaljanza reali bejn is-sessi fl-aċċess għall-edukazzjoni ta' kwalità, permezz ta' miżuri li jinkludu azzjonijiet bl-għan li jitnaqqsu r-rati ta' tluq fost il-bniet; jenfasizza l-ħtieġa għal fokus fuq gruppi li jbatu minn diversi forom ta’ diskriminazzjoni, inklużi migranti, refuġjati, persuni b’diżabilità, żgħażagħ li jindukraw, u oħrajn; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-bniet ma jkunux imġiegħla mill-familja li jitilqu mill-iskola qabel ma jtemmu l-istudji ta’ livell sekondarju;

4.  Jitlob li jingħata impetu mġedded biex tiġi akkreditata l-edukazzjoni informali bħala ċertifikat ta’ kompetenza, kif ukoll biex jiġi provdut ċertifikat ta' standard għoli ta’ tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol f’dak li għandu x’jaqsam ma’ edukazzjoni vokazzjonali, peress li dan jgħin lill-bniet u lin-nisa biex isibu impjiegi aħjar kif ukoll biex jidħlu fis-suq tax-xogħol jew jintegraw mill-ġdid fih, filwaqt li jiżgura li n-nisa jitqiesu ekwivalenti għall-irġiel f'termini ta' dinjità u kompetenza;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi pprovdut ambjent ta' tagħlim ibbażat fuq id-drittijiet u konxju mid-differenza bejn is-sessi għal dawk kollha li jitgħallmu kemm f’termini ta’ pedagoġija u tal-kurrikulu, fejn it-tfal (u l-bniet b’mod partikolari) jistgħu jitgħallmu dwar id-drittijiet tagħhom u jesperjenzaw il-proċessi demokratiċi fl-iskejjel kif ukoll fl-ambjenti ta’ tagħlim informali; iqis li dan it-tip ta' tagħlim għandu jagħti attenzjoni speċjali lill-ugwaljanza bejn is-sessi, in-nondiskriminazzjoni u ċ-ċittadinanza Ewropea;

6.  Iqis li l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni għandha tinkludi firxa ta’ kwistjonijiet, bħalma huma l-litteriżmu inkluż il-litteriżmu medjatiku, il-bullying fosthom il-bullying fuq l-internet, il-vjolenza omofobika, id-diskors ta’ mibegħda, id-drittijiet tal-bniedem u l-edukazzjoni ċivika;

7.  Jenfasizza li l-edukazzjoni trid tgħin biex il-bniet u s-subien jiżviluppaw f'individwi li huma konxji, ibbilanċjati, jirrispettaw lil ħaddieħor u huma kapaċi li juru l-empatija u r-rispett reċiproku, għall-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni, l-aggressjoni u l-bullying;

8.  Jenfasizza li l-iskejjel għandhom jgħinu biex jiġi żviluppat approċċ interkulturali għall-edukazzjoni, meta mqabbel ma' approċċ immirat lejn l-assimilazzjoni jew il-multikulturaliżmu, sabiex tiġi promossa t-trasparenza, ir-rispett reċiproku u d-djalogu interkulturali u interreliġjuż;

9.  Jagħraf li l-għalliema għandhom rwol ewlieni fl-iffurmar ta' identitajiet edukattivi u għandhom impatt sinifikanti fuq l-aspetti ta' imġieba skont is-sessi fl-iskola; ifakkar li għad fadal ħafna xi jsir biex l-għalliema jingħataw is-setgħa fir-rigward ta' kif l-iktar jistgħu jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi; jinsisti għalhekk fuq il-bżonn li jiġi żgurat taħriġ komprensiv inizjali u kostanti dwar l-ugwaljanza għall-għalliema fil-livelli kollha tal-edukazzjoni formali u informali, inkluż tagħlim bejn il-pari u kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet esterni u aġenziji, biex ikabbru l-għarfien dwar l-impatt tar-rwoli u tal-isterjotipi tas-sessi fuq il-fiduċja tal-istudenti fihom infushom u l-għażliet tas-suġġetti tagħhom matul l-istudji tagħhom; jenfasizza li l-bniet għandu jkollhom mudelli pożittivi femminili u maskili fl-iskejjel u l-universitajiet sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw u jagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal tagħhom stess mingħajr biża’ ta’ diskriminazzjoni jew ambigwità għal raġunijiet ta' ġeneru;

10. Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni dwar is-saħħa u s-sesswalità, li għandha tinkludi t-tagħlim lil subien u bniet dwar relazzjonijiet ibbażati fuq l-ugwaljanza tal-ġeneri, il-kunsens, ir-rispett u reċiproċità, kif ukoll tagħlim dwar d-drittijiet tan-nisa u tal-bniet, inklużi dawk li jikkonċernaw is-saħħa riproduttiva u sesswali, bħala mezz biex jiġu miġġielda l-isterjotipi u l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;

11. Jenfasizza l-importanza li jiġu inklużi miżuri dwar l-edukazzjoni tal-bniet u n-nisa fil-proġetti ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp;

12. Ifakkar fil-bżonn li jiġi żgurat aċċess għal edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali u edukazzjoni għall-adulti, kemm formali kif ukoll informali, għal nisa li kellhom iwaqqfu l-edukazzjoni tagħhom jew jitilqu l-impjieg tagħhom sabiex jieħdu ħsieb lill-qrabathom, jew ommijiet weħidhom, indipendentement mil-livell ta' kompetenza tagħhom (b'riferiment kemm għal nisa b'kapaċitajiet ta' livell għoli kif ukoll baxx); jinsisti li dan it-taħriġ għandu jkun attraenti u flessibbli; u jħeġġeġ kwalunkwe miżura li b’mod konkret tgħin lin-nisa jsibu bilanċ bejn il-familja u x-xogħol jew it-taħriġ;

13. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex ineħħu l-ostakli għall-aċċess għall-edukazzjoni formali u informali, kif ukoll għat-tagħlim tul il-ħajja, billi jittejbu l-għarfien u l-gwida, jingħata appoġġ finanzjarju kif ukoll tipi oħra ta' appoġġ bħall-kura tat-tfal u l-kura tal-anzjani sabiex in-nisa u l-irġiel ikunu jistgħu jipparteċipaw fit-tagħlim tul il-ħajja, bl-adozzjoni ta’ approċċ interġenerazzjonali u t-trawwim tar-rwol tal-istituzzjonijiet Ewropej;

14. Jistieden lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) u lill-Istati Membri sabiex jiġbru data diżaggregata skont is-sessi komparabbli (kemm kwantitattiva kif ukoll kwalitattiva) fil-qasam tal-edukazzjoni fl-Istati Membri kollha;

15. Iqis li l-fondi strutturali tal-UE u b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, għandhom jappoġġjaw proġetti edukattivi ta’ natura speċifika għall-ġeneru kif ukoll strutturi edukattivi sensittivi għad-differenzi bejn is-sessi;

16. Ifakkar li strateġiji edukattivi li għandhom l-għan li jiżguraw l-ugwaljanza bejn is-sessi għandhom jinkludu b'mod attiv lis-subien u l-irġiel;

17. Jenfasizza li l-edukazzjoni hija għodda importanti li tgħin lin-nisa biex jipparteċipaw b’mod sħiħ fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku; jenfasizza li l-miżuri għat-tagħlim tul il-ħajja huma kruċjali biex jipprovdu lin-nisa bil-ħiliet li jippermettulhom jirritornaw fid-dinja tax-xogħol jew itejbu l-impjieg, id-dħul u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom;

18. Ifakkar li l-edukazzjoni hija għodda għat-tisħiħ tan-nisa biex dawn jiksbu indipendenza ekonomika, li għandha rwol kruċjali fil-prevenzjoni kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet;

19. Ifakkar li l-faqar u l-istatus ekonomiku baxx għandhom impatt qawwi fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni, li jaffettwa b’mod sproporzjonat l-aċċess tal-bniet għall-iskejjel u l-universitajiet; għalhekk, iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw inizjattivi li għandhom l-għan li jnaqqsu l-ispejjeż edukattivi diretti u indiretti għall-familji fil-bżonn;

20. Jenfasizza li għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li l-bniet b’diżabilità jingħataw opportunitajiet indaqs ta' aċċess għall-edukazzjoni fil-livelli kollha, biex b’hekk jingħataw opportunitajiet aħjar meta jfittxu impjieg u jingħataw is-setgħa li jegħlbu forom multipli ta’ diskriminazzjoni; jenfasizza li l-edukazzjoni hija għodda importanti biex il-bniet minn gruppi żvantaġġati jingħataw il-possibbiltà li jgħixu ħajja ħielsa mill-marġinalizzazzjoni u bħala membri attivi tas-soċjetà;

21. Jistieden lill-Istati Membri jintegraw il-kura tat-tfal u l-edukazzjoni tat-tfulija bikrija fis-sistemi edukattivi tagħhom, biex il-ġenituri jibbilanċjaw il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja, u bhekk it-tfal ikunu jistgħu jirċievu edukazzjoni bbażata fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi minn età żgħira;

22. Ifakkar fir-rwol tat-timijiet edukattivi biex jgħinu u jikkonsultaw mal-familji f’dak li għandu x’jaqsam mal-karrieri skolastiċi tat-tfal bl-għan li jkunu stabbiliti f'direzzjoni li tixraq il-ħiliet, it-talenti u l-gosti tagħhom; jenfasizza li l-istadju li fih jingħataw pariri dwar il-karrieri skolastiċi huwa wieħed deċiżiv u huwa żmien meta l-isterjotipi tas-sessi jistgħu jkunu element importanti, li jistgħu jolqtu ħażin u b'mod dejjiemi l-kapaċità tal-bniet li jsegwu karriera professjonali li tiffaċilita l-iżvilupp u l-emanċipazzjoni personali tagħhom.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Andrea Bocskor, Silvia Costa, Damian Drăghici, Angel Dzhambazki, Giorgos Grammatikakis, Petra Kammerevert, Svetoslav Hristov Malinov, Curzio Maltese, Fernando Maura Barandiarán, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Theodoros Zagorakis, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Therese Comodini Cachia, Marc Joulaud, Kashetu Kyenge, Ilhan Kyuchyuk, Ernest Maragall, Emma McClarkin, Algirdas Saudargas, Hermann Winkler


ROLL CALL FOR FINAL VOTE

21

+

ALDE

Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Angelika Mlinar

GUE/NGL

Malin Björk, Stefan Eck

PPE

Anna Maria Corazza Bildt, Ildikó Gáll-Pelcz, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Elisabeth Köstinger, Elissavet Vozemberg

S&D

Inés Ayala Sender, Biljana Borzan, Viorica Dăncilă, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Clare Moody, Maria Noichl, Liliana Rodrigues, Marc Tarabella

VERTS/ALE

Jordi Sebastià, Ernest Urtasun

9

-

ECR

Branislav Škripek, Jadwiga Wiśniewska, Jana Žitňanská

EFDD

Daniela Aiuto, Louise Bours

NI

Sylvie Goddyn

PPE

Marijana Petir, Michaela Šojdrová, Anna Záborská

0

0

 

 


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

16.6.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

9

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Beatriz Becerra Basterrechea, Malin Björk, Anna Maria Corazza Bildt, Viorica Dăncilă, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Elisabeth Köstinger, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Angelika Mlinar, Maria Noichl, Marijana Petir, Liliana Rodrigues, Jordi Sebastià, Michaela Šojdrová, Ernest Urtasun, Elissavet Vozemberg, Jadwiga Wiśniewska, Anna Záborská, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Izaskun Bilbao Barandica, Biljana Borzan, Louise Bours, Stefan Eck, Ildikó Gáll-Pelcz, Sylvie Goddyn, Clare Moody, Branislav Škripek, Marc Tarabella

Avviż legali