Proċedura : 2015/2125(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0210/2015

Testi mressqa :

A8-0210/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/07/2015 - 4.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0262

RAPPORT     
PDF 247kWORD 128k
25.6.2015
PE 560.558v02-00 A8-0210/2015

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2015/001 FI/Broadcom, ippreżentata mill-Finlandja)

(COM(2015)0232 – C8-0135/2015 – 2015/2125(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Petri Sarvamaa

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2015/001 FI/Broadcom, ippreżentata il-Finlandja)

(COM(2015)0232 – C8-0135/2015 – 2015/2125(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0232 – C8-0135/2015),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu stipulata fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013,

–       wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–       wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0210/2015),

A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex toffri appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u u għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C. billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju ta' mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza fit-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u l-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D. billi l-Finlandja ressqet l-applikazzjoni EGF/2015/001 FI/Broadcom għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG wara 568 sensja fil-Broadcom Communications Finland, li topera fin-NACE Rev. 2 diviżjoni 46 ('Kummerċ bl-imnut, għajr ta’ vetturi u muturi')(4) u 2 fornituri jew produtturi downstream,

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta ' eliġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti u li, għalhekk, il-finlandja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 365 000 skont dan ir-Regolament;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fit-30 ta' Jannar 2015 u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli min-naħa tal-Kummissjoni fit-2 ta' Ġunju 2015; jilqa’ l-evalwazzjoni rapida ta' inqas minn ħames xhur;

3.  Ifakkar li, matul is-snin 2000, żdied l-għadd ta' persunal fil-kumpaniji sussidjarji Finlandiżi fil-kontinenti kollha, sakemm l-Asja ħarġet bħala l-akbar impjegatur fl-industrija tal-elettronika u tal-elettriku fl-2004 u l-għadd ta' persunal fl-Ewropa beda jonqos; jikkunsidra li s-sensji fil-Broadcom huma parzjalment marbuta mat-tendenza li taffettwa l-industrija tal-elettronika Finlandiża kollha u laħqu l-quċċata meta fl-2011 n-Nokia ħabbret sensji fuq skala kbira; jikkonkludi għalhekk li dawn l-avvenimenti huma sostanzjalment marbuta ma’ bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni;

4.   Jinnota li dawn is-sensji se jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni tal-qgħad partikolarment fir-reġjun ta’ Ostrobothnia tat-Tramuntana (parti mir-reġjun FI1A tal-livell NUTS 2(5)), fejn seħħew 424 mill-568 sensja; jinnota li f’dan ir-reġjun ir-rata tal-qgħad hija konsistentement żewġ punti perċentwali ogħla mill-medja nazzjonali; jinnota li f’Awwissu 2014, waqt li r-rata ta’ qgħad nazzjonali kienet ta’ 12,2 %, fin-Nofsinhar tal-Ostrobothnia kienet ta’ 14,1 % u fl-aktar belt milquta, Oulu, kienet ta’ 16,1 % u li l-istess reġjun kien affettwat b’mod qawwi mis-sensji fuq skala kbira tan-Nokia mill-2011’il quddiem;

5.   Iqis li l-istħarriġ u ż-żjarat tal-intrapriża huma azzjonijiet li jistgħu jkunu ta' benefiċċju mhux biss għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u koperti minn din l-applikazzjoni, iżda jistgħu wkoll jikkontribwixxu għall-bini ta’ għarfien dwar kwistjonijiet ta’ impjieg f’dan is-settur għal sensji futuri; jinnota li dawn l-azzjonijiet speċifiċi diġà huma kontinwazzjoni ta’ miżura simili mwettqa matul applikazzjoni aktar kmieni tal-FEG fil-Finlandja (EGF/2013/001 FI/Nokia);

6.  Jinnota li, sal-lum, is-settur tal-'Kummerċ bl-imnut, għajr ta' vetturi bil-mutur u muturi' kien is-suġġett ta’ applikazzjoni waħda oħra tal-FEG (EGF/2010/012 NL/Noord Holland ICT) li kienet ibbażata wkoll fuq il-kriterju tal-globalizzazzjoni;

7.   Jinnota b'sodisfazzjon li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza rapida, l-awtoritajiet Finlandiżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fil-11 ta' Awwissu 2014, ferm qabel id-deċiżjoni dwar l-għoti ta' appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost u saħansitra qabel l-applikazzjoni għal tali appoġġ;

8.   Jinnota li l-Finlandja qed tippjana tliet tipi ta’ miżuri għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni: (i) għajnuna biex jittrasferixxu għal xogħol ġdid, (ii) għajnuna biex jiftħu n-negozju tagħhom stess, u (iii) l-għoti ta' taħriġ jew edukazzjoni;

9.   Jinnota li l-awtoritajiet qed jippjanaw li jużaw 17,46 % tal-ispejjeż kollha fuq benefiċċji u inċentivi fil-forma ta’ sussidji tal-paga (bħala parti mis-salarju ta’ kull relazzjoni ta’ impjieg stabbilit għal kull ħaddiem fil-mira) u l-benefiċċji tal-ivjaġġar, l-akkomodazzjoni u l-ġarr, li jammontaw għal nofs l-ammont massimu permess ta’ 35 % tal-ispejjeż kollha għal miżuri bħal dawn;

10.  Jilqa’ l-proċeduri li segwew l-awtoritajiet Finlandiżi biex jikkonsultaw mal-benefiċjarji fil-mira jew ir-rappreżentanti tagħhom jew is-sħab soċjali kif ukoll mal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

11. Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali reali;

12. Ifakkar li, f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG, it-tfassil tal-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati għandu jantiċipa perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-kapaċitajiet meħtieġa u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

13. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-kumplimentarjetà tal-interventi proposti tal-FEG ma’ azzjonijiet oħra ffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni;

14. Jinnota li l-informazzjoni fornuta dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Finlandiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha, bil-ħsieb li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

15. Japprezza l-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni, wara t-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fir-rilaxx tal-għotjiet; jinnota l-pressjoni ta' ħin li jimplika l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-fajls;

16. Japprova d-deċiżjoni annessa ma ' din ir-riżoluzzjoni;

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni mill-Finlandja — EGF/2015/001 FI/Broadcom)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(6), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(7), u b’mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-għan li jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun intemmet b'riżultat ta’ bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b'riżultat ta’ kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew b'riżultat ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja globali ġdida, u sabiex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)      Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013(8).

(3)      Fit-30 ta’ Jannar 2015, il-Finlandja ppreżentat applikazzjoni EGF/2015/001 FI/Broadcom biex timmobilizza l-FEG, fir-rigward ta' sensji fil-Broadcom Communications Finland u f'żewġ fornituri jew produtturi downstream fil-Finlandja. Din kienet supplementata b’informazzjoni addizzjonali provduta skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stipulat fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)      Għaldaqstant, il-FEG għandu jiġi mmobilizzat sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 1 365 000 għall-applikazzjoni ppreżentata mill-Finlandja,

(5)      Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li jittieħed biex jiġi mmobilizzat il-FEG, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni huwa mobilizzat biex jagħti s-somma ta' EUR 1 365 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan japplika minn [the date of its adoption]*.

(9)Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

NOTA SPJEGATTIVA

I. Sfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex joffri assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(10) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1309/2013(11), il-Fond issa ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala dispożizzjoni fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(12), sabiex jiġi attivat il-Fond, il-Kummissjoni, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, għandha tippreżenta, lill-awtorità baġitarja, proposta għal mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II. L-applikazzjoni Broadcom u l-proposta tal-Kummissjoni

Fit-2 ta' Ġunju 2015, il-Kummissjoi adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Finlandja biex tappoġġa r-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja fil-Broadcom, li topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt NACE Rev. 2 diviżjoni 46 (Kummerċ bl-imnut, għajr ta' vetturi bil-mutur u muturi) u żewġ fornituri jewprodutturi downstream.

Din hija t-tnax-il applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-baġit 2015 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 1 365 000 mill-FEG għall-Finlandja. Tikkonċerna 500 minn 568 ħaddiem li ngħataw is-sensja mill-Broadcom u miż-żewġ fornituri jew produtturi downstream. L-applikazzjoni ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fit-30 ta' Jannar 2015 u ġiet ikkomplementata b' informazzjoni addizzjonali sas-27 ta' Marzu 2015. Il-Kummissjoni kkonkludiet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament dwar il-FEG, li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG.

L-awtoritajiet Finlandiżi jsostnu li l-avveniment li wassal għas-sensji fil-Broadcom huwa l-waqfien tal-attivitajiet kollha tagħha fil-Finlandja. Huma jorbtu dan il-waqfien mal-bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni billi jfakkru li, matul is-snin 2000, żdied l-għadd ta' persunal fil-kumpaniji sussidjari Finlandiżi fil-kontinenti kollha, sakemm l-Asja ħarġet bħala l-akbar impjegatur fl-industrija tal-elettronika u tal-elettriku fl-2004. Dan ħoloq tnaqqis fl-għadd tal-persunal fl-Ewropa. Fir-rigward tas-sitwazzjoni domestika tagħhom, l-awtoritajiet Finlandiżi jiġbdu l-attenzjoni għal tendenza li taffettwa l-industrija kollha tal-elettronika Finlandiża u li laħqet il-quċċata tagħha fit-tħabbir ta' sensji fuq skala kbira fin-Nokia matul l-2011.

Is-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jikkonsistu fi tliet tipi ta’ miżuri, (i) għajnuna biex jittrasferixxu għal xogħol ġdid, (ii) għajnuna biex jiftħu n-negozju tagħhom stess, u (iii) l-għoti ta’ taħriġ jew edukazzjoni;

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jieħdux post il-miżuri passivi tal-protezzjoni soċjali.

L-awtoritajiet Finlandiżi pprovdew il-garanziji neċessarji kollha rigward dan li ġej:

–      il-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom;

–      ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew issodisfati;

–      Broadcom Communications Finland, li kompliet għaddejja bl-attivitajiet tagħha wara li tat is-sensji, irrispettat l-obbligi ġuridiċi tagħha li jirregolaw l-issensjar u pprovdiet għall-ħaddiema tagħha skont dawn l-obbligi;

–      l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhu se jitħalla jsir ebda finanzjament doppju;

–      l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet finanzjati mill-Fondi Strutturali;

–      il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

Il-Finlandja nnotifikat lill-Kummissjoni li s-sorsi tal-prefinanzjament jew tal-kofinanzjament nazzjonali huma primarjament mil-linja baġitarja tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi fil-fergħa amministrattiva tal-Ministeru tal-Impjiegi u l-Ekonomija. Xi servizzi se jkunu finanzjati mill-ispejjeż operazzjonali taċ-Ċentri għall-Iżvilupp Ekonomiku, it-Trasport u l-Ambjent (Ċentri ELY) u l-Uffiċċji għall-Iżvilupp Ekonomiku u tal-Impjiegi.

III. Il-proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Awtorità Baġitarja talba ta' trasferiment għal ammont globali ta' EUR 1 365 000 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 04 01).

Sal-lum, din hija t-tnax-il proposta għal trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond trażmessa lill-Awtorità Baġitarja matul l-2015.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandha tinbeda proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARJIET SOĊJALI

ZP/jb

D(2015)28432

M. Is-Sur Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-Applikazzjoni EGF/2015/001 FI/Broadcom (COM(2015)0232)

Sur President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżamina l-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-applikazzjoni EGF/2015/001 FI/Broadcom u adotta l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL jippreżenta xi rimarki mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubju dwar it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A) Billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (Regolament dwar il-FEG) u tirreferi għal 568 ħaddiem fil-Broadcom Communications Finland u żewġ kumpaniji sussidjarji, li joperaw fin-NACE Rev. 2 diviżjoni 46 (Kummerċ bl-imnut, għajr ta’ vetturi u muturi) fir-reġjuni tal-livell 2 NUTS 5 kollha tal-Finlandja (ħlief Åland), fi ħdan il-perjodu mill-11 ta’ Awwissu 2014 sal-11 ta’ Diċembru 2014;

B) billi sabiex tiġi stabbilita rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni, l-awtoritajiet Finlandiżi jargumentaw li s-sensji fil-Broadcom huma marbuta mat-tendenza li taffettwa l-industrija tal-elettronika Finlandiża kollha u laħqet l-quċċata tagħha fit-tħabbir tan-Nokia ta' sensji fuq skala kbira fl-2011;

C) billi fil-bidu tas-snin 2000, persunal fl-industrija Finlandiża tal-elettronika u tal-elettriku bbażat fil-Finlandja u f’kumpaniji sussidjarji barranin wera żvilupp kostanti, iżda mill-2007 kien hemm bidla ċara bl-għadd barra mill-pajjiż jiżdied filwaqt li l-għadd fil-Finlandja beda jonqos b'mod kostanti;

D) billi l-avveniment li wassal għas-sensji fil-Broadcom kien id-deċiżjoni li jillikwidaw negozju base-band ċellulari tal-kumpanija, li hija deċiżjoni li affettwat 3 000 persuna fid-dinja, li minnhom 600 fil-Finlandja. Il-Broadcom qiegħda tagħlaq l-attivitajiet kollha tagħha fil-Finlandja; billi d-disinn taċ-chipsets tal-mobile qed jiġi delokalizzat mill-Broadcom u hu mistenni li jkompli fl-Istati Uniti u l-Asja;

E) billi 88,4 % tal-ħaddiema fil-mira tal-miżuri huma rġiel u 11,6 % huma nisa; billi l-maġġoranza l-kbira tal-ħaddiema (94%) għandhom bejn it-30 u l-54 sena;

Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Finlandiża:

1.   Jaqbel mal-Kummissjoni li l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stipulat fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013; jaqbel, għaldaqstant, li l-FEG għandu jiġi mobilizzat sabiex tkun provduta kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 1 365 000 fir-rigward tal-applikazzjoni ppreżentata mill-Finlandja,

2.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-kumplimentarjetà tal-interventi proposti tal-FEG ma’ azzjonijiet oħra ffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni;

3.  Jinnota li l-awtoritajiet qed jippjanaw li jutilizzaw 17,46 % tal-ispejjeż kollha fuq benefiċċji u inċentivi fil-forma ta’ sussidji tal-paga (bħala parti mis-salarju ta’ kull relazzjoni ta’ impjieg stabbilit għal kull ħaddiem fil-mira) u l-benefiċċji tal-ivjaġġar, l-akkomodazzjoni u l-ġarr, li jammontaw għal nofs l-ammont massimu permess ta’ 35 % tal-ispejjeż kollha għal miżuri bħal dawn;

4.  Jinnota li l-ispiża stmata ta’ sussidju tal-paga tammonta għal EUR 6 000 għal kull benefiċjarju, li japplika għal grupp relattivament żgħir tal-ħaddiema kollha fil-mira (62 benefiċjarju);

5.  Iqis li l-istħarriġ u ż-żjarat tal-intrapriża hija azzjoni li tista' tkun ta' benefiċċju mhux biss għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u koperti minn din l-applikazzjoni, iżda tista' wkoll tikkontribwixxi għall-bini ta’ għarfien dwar kwistjonijiet ta’ impjieg f’dan is-settur għal sensji futuri; jinnota li din l-azzjoni speċifika diġà hija kontinwazzjoni ta’ miżura simili mwettqa matul applikazzjoni FEG preċedenti fil-Finlandja (EGF/2013/001 FI/Nokia);

6.  Jilqa’ l-proċeduri li segwew l-awtoritajiet Finlandiżi biex jikkonsultaw mal-benefiċjarji fil-mira jew ir-rappreżentanti tagħhom jew is-sħab soċjali kif ukoll mal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

7.   Ifakkar li, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jkun imfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-kapaċitajiet meħtieġa, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija li hi effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli.

Dejjem tiegħek,

Marita ULVSKOG,

Aġent President, l-Ewwel Viċi President

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Is-Sur Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

Sur Arthuis,

Suġġett:           Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni għall-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġiet riferuta lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li huwa maħsub li jiġi adottat rapport dwar din il-proposta fil-Kumitat għall-Baġits fit-23 ta' Ġunju 2015:

-          COM(2015)0232 jipproponi kontribuzzjoni tal-FEG ta’ EUR 1 365 000 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata r-riintegrazzjoni ta' 568 ħaddiem li ngħataw is-sensja fis-settur tat-tiswija (Kummerċ bl-imnut, għajr ta’ vetturi bil-mutur u muturi), f’reġjuni tal-livell 2 NUTS 5 fil-Finlandja (ħlief Åland), bl-iktar reġjun milqut ikun l-Ostrobothnia tat-Tramuntana.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex nirrapportalek li l-maġġoranza tal-membri ta' dan il-Kumitat m'għandhom l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex l-ammont imsemmi hawn fuq jiġi allokat kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.6.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

5

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jonathan Arnott, Jean Arthuis, Richard Ashworth, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, Bernd Kölmel, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Sophie Montel, Siegfried Mureşan, Liadh Ní Riada, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Paul Rübig, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Isabelle Thomas, Monika Vana, Daniele Viotti, Stanisław Żółtek

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Janusz Lewandowski, Nils Torvalds, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Tiziana Beghin, Marco Zullo

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

(5)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġiċi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).

(6)

              ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(7)

              ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(8)

              Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(9)

*              Date to be inserted by the Parliament before the publication in OJ.

(10)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(11)

ĠU L 347, 30.12.2013, p. 855.

(12)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

Avviż legali