Proċedura : 2014/2208(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0215/2015

Testi mressqa :

A8-0215/2015

Dibattiti :

PV 06/07/2015 - 13
CRE 06/07/2015 - 13

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2015 - 12.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0266

RAPPORT     
PDF 338kWORD 267k
25.6.2015
PE 552.085v02-00 A8-0215/2015

dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari

(2014/2208(INI))

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Rapporteur: Sirpa Pietikäinen

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari

(2014/2208(INI))

Il-Parlament Ewropew,

‒      wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari: Programm ta' skart żero għall-Ewropa" (COM(2014)0398),

‒      wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Opportunitajiet għall-effiċjenza fir-riżorsi fis-settur tal-bini" (COM(2014)0445),

       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Pjan ta’ Azzjoni Ekoloġiku għall-SMEs: Għajnuna għall-SMEs biex isarrfu l-isfidi ambjentali f’opportunitajiet tan-negozju" (COM(2014)0440);

       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar it-Tibdil fil-Klima li tħares ’il quddiem" (COM(2015)0080),

‒      wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Nibnu s-Suq Uniku għall-Prodotti Ekoloġiċi – Niffaċilitaw tagħrif aħjar dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u tal-organizzazzjonijiet" (COM(2013)0196),

       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Ninnovaw għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa" (COM(2012)0060),

‒      wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi" (COM(2011)0571),

‒      wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar "Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza – Inizjattiva ewlenija taħt l-Istrateġija Ewropa 2020" (COM(2011)0021),

‒      wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2013 dwar l-Ekoinnovazzjoni – impjiegi u tkabbir permezz tal-politika ambjentali(1)1,

       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Jannar 2014 dwar strateġija Ewropea għall-iskart tal-plastik fl-ambjent(2)2,

‒      wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Mejju 2012 dwar Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza(3)3,

‒      wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Settembru 2011 dwar strateġija effettiva tal-materja prima għall-Ewropa(4)4,

‒      wara li kkunsidra s-Seba' Programm ta' Azzjoni għall-Ambjent,

       wara li kkunsidra l-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli tal-UE (2006) u r-rieżami tal-2009,

‒      wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ambjent dwar "Tħaddir tas-Semestru Ewropew u l-Istrateġija Ewropa 2020 - Reviżjoni ta’ nofs it-terminu" tat-28 ta’ Ottubru 2014,

       wara li kkunsidra r-rapport ta’ sinteżi mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent dwar "L-Ambjent Ewropew - l-istat u l-prospetti 2015",

‒      wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB),

‒      wara li kkunsidra l-Inkjesta tal-UNEP (Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent) dwar it-Tfassil ta’ Sistema Finanzjarja Sostenibbli,

‒      wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Bord Internazzjonali għar-Riżorsi tal-UNEP dwar "Riskji Ambjentali u Sfidi tal-Flussi u Ċikli Antropoġeniċi tal-Metalli" (2013),

‒      wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Bord Internazzjonali għar-Riżorsi tal-UNEP dwar "Diżakkoppjament tal-użu tar-riżorsi naturali u l-impatti ambjentali mit-tkabbir ekonomiku" (2011),

‒      wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-10 ta’ Diċembru 2014(5)5,

‒      wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-12 ta’ Frar 2015,(6)6,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta’ l-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0215/2015),

A.     billi l-użu eċċessiv tar-riżorsi huwa l-kawża ewlenija ta’ diversi perikli ambjentali, bħat-tibdil fil-klima, id-deżertifikazzjoni, id-deforestazzjoni, it-telf tal-bijodiversità u d-dgħajfien tas-servizzi tal-ekosistemi; billi l-ekonomija dinjija tuża daqs 1.5 pjaneti f’riżorsi biex tipproduċi output globali u tassorbi l-iskart u din iċ-ċifra hija stmata li tilħaq l-ekwivalenti ta’ żewġ pjaneti f’riżorsi sal-2030;

B.     billi l-Ewropa hija aktar dipendenti fuq ir-riżorsi importati minn kwalunkwe reġjun ieħor fid-dinja u billi ħafna riżorsi se jkunu eżawriti fi żmien relattivament qasir; billi l-kompetittività tal-Ewropa tista’ tiżdied b’mod sinifikanti billi jkollha aktar valur miżjud minn riżorsi fl-ekonomija u tippromwovi provvista sostenibbli ta’ materjali minn sorsi Ewropej; billi barra minn hekk, bħala kontribuzzjoni għas-sigurtà tal-provvista ta’ materja prima, is-sħubiji għall-innovazzjoni bejn l-industrija u l-qasam tal-ġestjoni tal-iskart u r-riċerka għar-riċiklabbiltà ta’ materja prima importanti għandhom jissaħħu;

C.     billi l-bidla għal ekonomija ċirkolari hija essenzjalment kwistjoni ta’ ekonomija, li tikkonċerna l-aċċess għall-materja prima, jew id-disponibbiltà tagħha, ir-riindustrijalizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni ulterjuri tal-Ewropa, il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u l-isfidi tal-klima, l-insikurezza tal-enerġija u l-iskarsezza tar-riżorsi; billi l-investiment f’ekonomija ċirkolari għalhekk jista’ jkun kompletament kompatibbli mal-aġenda tal-Kummissjoni għall-impjiegi, it-tkabbir u l-kompetittività u għandu l-potenzjal li joħloq sitwazzjoni vantaġġjuża għall-partijiet interessati kollha involuti;

D.     billi l-effiċjenza tar-riżorsi għandha tikkunsidra wkoll u tkun koerenti ma’ tħassib dwar sostenibbiltà usa inklużi dimensjonijiet ambjentali, etiċi, ekonomiċi u soċjali;

E.     billi l-miri u l-azzjonijiet ta’ prijorità definittivi stabbiliti fis-Seba' Programm ta’ Azzjoni Ambjentali huma ta’ natura vinkolanti;

F.     billi l-Programm Ambjentali tal-Organizzazzjoni għal Kooperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku (OECD) sab li "l-effikaċja ambjentali ta’ approċċi volontarji hija ta’ spiss dubjuża, u l-effiċjenza ekonomika hija ġeneralment baxxa"(7)7;

G.     billi t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari teħtieġ tibdil sistemiku, li jaffettwa lill-partijiet interessati kollha fil-katina tal-valur, u innovazzjonijiet sostanzjali fit-teknoloġija, in-negozji u s-soċjetà b’mod ġenerali;

H.     billi ċ-ċittadini, in-negozji żgħar u l-awtoritajiet pubbliċi lokali għandhom rwol speċjali biex jiżguraw l-effiċjenza tar-riżorsi u jippromwovu d-diżakkoppjament bejn it-tkabbir ekonomiku u l-konsum tar-riżorsi;

I.      billi ekonomija ċirkolari li tiffunzjona sew teħtieġ negozji kompetittivi, u billi n-negozji huma fihom infushom il-forzi fit-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari;

J.      billi huwa importanti li l-SMEs jitpoġġew fil-qalba tal-istrateġija tal-effiċjenza tar-riżorsi peress li jammontaw għal 99 % tal-intrapriżi tal-UE u jimpjegaw 2/3 mill-forza tax-xogħol;

K.     billi pakkett ta’ ekonomija ċirkolari Ewropew ambizzjuż joħloq opportunitajiet ta’ negozju, jiżgura aċċess għall-materja prima, itawwal l-użu produttiv tagħha (permezz tal-użu mill-ġdid, manifatturar mill-ġdid, riċiklaġġ jew bħala partijiet li jinbidlu), jiggarantixxi proċessi ta’ riċiklaġġ ta’ kwalità għolja ladarba tasal għal tmiem ħajjitha, kif ukoll jittratta l-prodotti sekondarji kollha u l-iskart bħala flussi ta’ riżorsi ta’ valur għal aktar użu;

L.     billi l-provvista sostenibbli u responsabbli ta’ materja prima primarja hija kruċjali sabiex tinkiseb effiċjenza tar-riżorsi u jintlaħqu l-objettivi ta’ ekonomija ċirkolari;

M.    billi jeħtieġ li jiġu żviluppati swieq għall-materja prima sekondarja sabiex jintlaħqu objettivi dwar l-effiċjenza fir-riżorsi u ekonomija ċirkolari;

N.     billi l-Parlament talab lill-Kummissjoni ripetutament biex tistabbilixxi indikaturi u miri legalment vinkolanti għall-effiċjenza fir-riżorsi;

O.     billi l-eliminazzjoni ta’ sustanzi kimiċi tossiċi, li għalihom hemm jew ser jiġu żviluppati alternattivi aktar sikuri f’konformità mal-leġiżlazzjoni attwali dwar il-prodotti kimiċi, għandha rwol ċentrali fil-bini ta’ ekonomija ċirkolari;

P.     billi d-data tal-Eurostat dwar l-ipproċessar tal-iskart urban fl-UE 28 turi b’mod ċar li għad m'hemmx kundizzjonijiet ekwi fil-politika tal-iskart u li l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti tinvolvi sfidi sinifikanti;

Q.     billi bħala medja, 40 % biss mill-iskart solidu jintuża mill-ġdid jew jiġi riċiklat, il-bqija jintrema kollu fil-miżbliet jew jinħaraq;

R.     billi l-produzzjoni u l-konsum ta’ prodotti tal-ikel agrikoli jammontaw għal sehem sinifikanti mill-użu tar-riżorsi, b’impatti sinifikanti fuq l-ambjent, is-saħħa pubblika, is-saħħa tal-annimali u l-benessri tal-annimali; billi jinħtieġu soluzzjonijiet sostenibbli biex jindirizzaw l-ineffiċjenzi fir-riżorsi tal-ikel b’mod olistiku;

S.     billi t-tneħħija tas-sussidji ta’ ħsara għall-ambjent, inklużi s-sussidji diretti u indiretti għall-karburanti fossili, tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’mod sostanzjali, tgħin fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u tippermetti l-adozzjoni tal-ekonomija ċirkolari;

1.      Jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari: Programm ta' skart żero għall-Ewropa' (COM(2014)0398); japprova l-approċċ tal-Kummissjoni rigward it-tfassil u l-innovazzjoni favur ekonomija ċirkolari, l-istabbiliment ta' qafas ta’ politika biex tappoġġa l-effiċjenza fir-riżorsi, l-iffissar ta’ mira dwar l-effiċjenza fir-riżorsi kif deskritt fil-komunikazzjoni u d-deskrizzjoni ta’ qafas politiku speċifiku biex l-SMEs ikunu jistgħu jsarrfu l-isfidi ambjentali f’opportunitajiet tan-negozju ambjentalment sostenibbli; jenfasizza li jinħtieġu miżuri leġiżlattivi għal tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta ambizzjuża dwar ekonomija ċirkolari sal-aħħar tal- 2015, kif imħabbar fil-Programm ta’ Ħidma tagħha għall-2015;

2.      Jenfasizza li l-indirizzar tal-iskarsezza tar-riżorsi jeħtieġ it-tnaqqis fl-estrazzjoni u l-użu tar-riżorsi u diżakkoppjament assolut tat-tkabbir mill-użu tar-riżorsi naturali – bidla sistemika li teħtieġ backcasting tal-azzjonijiet meħtieġa minn perspettiva ta’ sostenibbiltà għall-2050 u t-teħid ta' azzjoni immedjata;

3.      Jenfasizza l-produzzjoni u l-konsum bħala oqsma li għandhom jiġu indirizzati b’tali mod li tkun żgurata l-koerenza mal-miri ta’ żvilupp sostenibbli usa';

4.      Ifakkar li, minkejja titjib fl-użu effiċjenti tar-riżorsi li diġà seħħ, tkabbir kontinwu fil-produzzjoni sebaq dawn il-kisbiet fl-effiċjenza u l-estrazzjoni tar-riżorsi għadha qed tiżdied b’mod drammatiku madwar id-dinja, għalhekk hemm ħtieġa urġenti għal tnaqqis globali fl-estrazzjoni u l-użu tar-riżorsi sabiex jingħeleb l-effett ta’ riperkussjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi miżuri xierqa;

5.      Ifakkar li l-ilma, kemm bħala riżorsa naturali użata fi proċessi ta’ produzzjoni kif ukoll bħala beni pubbliku, għandu jiġi kkunsidrat meta jiġu kkalkulati ċ-ċifri tal-konsum ta’ materja prima u għandu jintuża b’mod effiċjenti;

6.      Jenfasizza li t-titjib tal-użu tar-riżorsi permezz ta' rekwiżiti tad-disinn aħjar u permezz ta' leġiżlazzjoni dwar l-iskart li tiżgura ċaqliq 'il fuq fil-ġerarkija tal-iskart (biex b'hekk titrawwem il-prevenzjoni tal-iskart, l-użu mill-ġdid, il-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ), jistgħu jġibu ammont sostanzjali ta' tfaddil nett għan-negozji tal-UE, l-awtoritajiet pubbliċi u l-konsumaturi, stmat għal EUR 600 biljun, jew 8 % tal-fatturat annwali, filwaqt li jnaqqsu l-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra annwali bi 2-4 %; jenfasizza li jekk il-produttività tar-riżorsi tiżdied bi 30 % sal-2030, din tista' tagħti spinta lill-PDG bi kważi 1 % u toħloq 2 miljun impjieg addizzjonali sostenibbli(8)1; ifakkar li l-effiċjenza fir-riżorsi hija objettiv ta' prijorità tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali, li jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stimulati l-produzzjoni u d-domanda tal-konsumatur għall-prodotti u servizzi sostenibbli ambjentalment permezz ta' politiki li jippromwovu d-disponibbiltà, l-affordabilità, il-funzjonalità u l-attraenza tagħhom;

7.      Huwa konvint li t-titjib tal-effiċjenza fir-riżorsi jeħtieġ kemm miżuri leġiżlattivi u inċentivi ekonomiċi, l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni u aktar finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll bidliet soċjali u fl-istil tal-ħajja; jirrimarka li tinħtieġ varjetà ta’ strumenti f'diversi livelli ta’ politika, b’kunsiderazzjoni tas-sussidjarjetà;

8.      Jemmen li l-implimentazzjoni ta’ ekonomija ċirkolari sħiħa teħtieġ l-involviment tal-partijiet ikkonċernati, ir-reġjuni, il-bliet, il-komunitajiet lokali, l-SMEs, l-NGOs, ir-rappreżentanti tal-industrija, it-tradeunions u ċ-ċittadini rilevanti kollha;

9.      Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali matul l-iżvilupp sħiħ tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari;

10.    Jenfasizza li s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, il-perċezzjonijiet u l-involviment taċ-ċittadini huma kruċjali għal tranżizzjoni b'suċċess għal ekonomija ċirkolari; jinnota li għandhom jiġu ddedikati l-attenzjoni u r-riżorsi meħtieġa għall-edukazzjoni u l-informazzjoni, għall-promozzjoni ta' mudelli ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli, u jenfasizza l-benefiċċji ta' tranżizzjoni għal għal ekonomija ċirkolari effiċjenti fir-riżorsi;

11.    Jirrimarka li t-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari teħtieġ forza tax-xogħol imħarrġa u li l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom iqisu l-ħtieġa ta’ ħiliet ekoloġiċi;

12.    Jenfasizza li ċerti strumenti finanzjarji favur l-ekonomija ċirkolari huma diġà fis-seħħ fuq livell Ewropew, b’mod partikolari permezz tal-programmi Orizzont 2020 u Life+, u li, jekk jintużaw tajjeb, jippermettu li jiġu promossi l-ekoinnovazzjoni u l-ekoloġija industrijali fl-Istati Membri u r-reġjuni tal-Ewropa;

13.    Jenfasizza li ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà fit-tul huma kruċjali sabiex jiftħu l-potenzjal tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi għall-ekonomija ċirkolari biex imexxu l-investimenti lejn ekonomija sostenibbli;

14.    Jenfasizza li tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u ċirkolari għandha tikkombina miri ambjentali ambizzjużi ma' rekwiżiti soċjali b'saħħithom, inklużi l-promozzjoni ta' xogħol deċenti u l-kundizzjonijiet tax-xogħol sani u sikuri (i.e. l-assigurazzjoni li l-ħaddiema ma jkunux esposti għal sustanzi ta' ħsara fuq il-post tax-xogħol);

15.    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas legali aktar koerenti għall-produzzjoni u l-konsum sostenibbli, li jkopri ċ-ċiklu ta’ produzzjoni komplet mill-forniment sostenibbli sal-irkupru fl-aħħar tal-ħajja;

Indikaturi u miri

16.    Jenfasizza li sal-2050 l-użu ta’ riżorsi tal-UE jeħtieġ li jkun sostenibbli u li dan jirrikjedi, inter alia, tnaqqis assolut fil-konsum tar-riżorsi għal livelli sostenibbli, abbażi ta' kejl affidabbli tal-konsum tar-riżorsi tul il-katina kollha tal-provvista, applikazzjoni stretta tal-ġerarkija tal-iskart, implimentazzjoni ta’ utilizzazzjoni f’kaskata tar-riżorsi, b’mod partikolari fl-użu tal-bijomassa, forniment responsabbli u sostenibbli, il-ħolqien ta’ ċirku magħluq għal riżorsi mhux rinnovabbli, iż-żieda fl-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fi ħdan il-limiti ta’ tiġdid tagħhom, it-tneħħija gradwali ta’ sustanzi tossiċi, b’mod partikolari fejn jeżistu jew se jiġu żviluppati alternattivi aktar sikuri f’konformità mal-leġiżlazzjoni attwali dwar is-sustanzi kimiċi, sabiex ikun żgurat l-iżvilupp ta’ ċikli ta’ materjali mhux tossiċi, u t-titjib tal-kwalità tas-servizzi tal-ekosistema;

17.    Ifakkar li fl-2012 il-Parlament kien diġà talab indikaturi ċari, solidi u li jistgħu jitkejlu għall-attività ekonomika li jikkunsidraw it-tibdil fil-klima, il-bijodiversità u effiċjenza fir-riżorsi mill-perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja u li dawn l-indikaturi jintużaw bħala bażi għal inizjattivi leġiżlattivi u miri ta’ tnaqqis konkreti;

18.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, sa tmiem l-2015, tipproponi indikatur ewlieni u tabella ta’ sottoindikaturi dwar l-effiċjenza fir-riżorsi, inklużi servizzi tal-ekosistema; jinnota li l-użu ta’ dawn l-indikaturi armonizzati għandhom ikunu legalment vinkolanti mill-2018, u dawn għandhom ikejlu l-konsum tar-riżorsi, inklużi l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet, fil-livell tal-UE, tal-Istati Membri u tal-industrija u jqisu ċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-prodotti u s-servizzi u għandhom ikunu bbażati fuq il-metodoloġija tal-impronta, li tkejjel għall-inqas l-użu tal-art, l-ilma u l-materjali u l-karbonju;

19.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, sa tmiem l-2015, tipproponi mira vinkolanti sal-2030 l-effiċjenza fir-riżorsi fil-livell tal-UE tiżdied bi 30 % meta mqabbla mal-livelli tal-2014, kif ukoll miri individwali għal kull Stat Membru; jenfasizza li, qabel ma l-miri tal-effiċjenza fir-riżorsi jistgħu jiġu implimentati, iridu jiġu appoġġati b'indikaturi;

20.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-użu ta’ indikaturi ta' effiċjenza fir-riżorsi permezz ta’ konvenzjonijiet internazzjonali sabiex ikun possibbli li jsir paragun bejn l-industriji u l-ekonomiji u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet indqas, kif ukoll tappoġġa d-djalogu u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi;

21.    Jenfasizza li dawn l-indikaturi għandhom jiġu inklużi fis-Semestru Ewropew u fil-valutazzjonijiet tal-impatt kollha;

Politika tal-prodotti u ekodisinn

22.    Jenfasizza l-importanza ta’ politika tal-prodotti maħsuba sew li żżid it-tul mistenni tal-ħajja tal-prodotti, id-durabbiltà, il-kapaċità tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ; jirrimarka li l-ammont ta’ riżorsi użati minn prodott matul il-ħajja tiegħu kif ukoll ir-riparabbiltà, il-possibbiltà ta' użu mill-ġdid u riċiklabbiltà tiegħu huma determinati l-aktar matul il-fażi tad-disinn; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi approċċ orjentat lejn iċ-ċiklu tal-ħajja fil-politiki tal-prodotti, b'mod partikolari billi tistabbilixxi metodi armonizzati għall-valutazzjoni tal-impronti ambjentali tal-prodotti;

23.    Jistieden lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, biex tippreżenta programm ta’ ħidma ambizzjuż, u biex b’mod komprensiv u b’ambizzjoni, timplimenta r-rekwiżiti tal-ekodisinn tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn eżistenti f'miżuri ta' implimentazzjoni ġodda u aġġornati, u tibda bl-adozzjoni immedjata ta’ miżuri diġà abbozzati;

24.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi rieżami tal-leġiżlazzjoni dwar l-ekodisinn u ta' leġiżlazzjoni rilevanti oħra dwar il-politika tal-prodotti sa tmiem l-2016, abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt, li jinkorpora l-bidliet essenzjali li ġejjin: it-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-ekodisinn biex ikopri l-gruppi ta’ prodotti ewlenin kollha, mhux biss prodotti relatati mal-enerġija; l-inklużjoni gradwali tal-karatteristiċi rilevanti kollha tal-effiċjenza fir-riżorsi fir-rekwiżiti mandatorji għad-disinn tal-prodotti; l-introduzzjoni ta’ passaport tal-prodott mandatorju bbażat fuq dawn ir-rekwiżiti; l-implimentazzjoni ta’ awtomonitoraġġ u verifika minn parti terza biex jiġi żgurat li l-prodotti jikkonformaw ma’ dawn l-istandards; u d-definizzjoni ta’ rekwiżiti orizzontali dwar, inter alia, id-durabbiltà, ir-riparabbiltà, il-possibbiltà ta' użu mill-ġdid u r-riċiklabbiltà;

25.    Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, abbażi ta’ analiżi kostijiet-benefiċċji, il-possibilità li jiġu definiti valuri minimi ta’ materjal irriċiklat fi prodotti ġodda fir-reviżjoni futura tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn;

26.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa miżuri kontra l-obsolexxenza ppjanata u tiżviluppa aktar sett ta’ standards tal-prodotti għall-ekonomija ċirkolari, li jinkludu r-rinnovament u t-tiswija, l-iffaċilitar taż-żarmar, u l-użu effiċjenti tal-materja prima, ir-riżorsi rinnovabbli u l-materjali riċiklat fil-prodotti;

27.    Ifakkar li għall-iskopijiet tat-tfassil ta’ ekonomija ċirkolari ta’ suċċess, għandhom rwol importanti wkoll id-disponibbiltà ta’ komponenti standardizzati u modulari, id-disinn għaż-żarmar u għal prodotti ta’ ħajja twila u l-proċessi ta’ produzzjoni effiċjenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjonijiet rilevanti sabiex jiġi żgurat li l-prodotti jkunu durabbli u jkun faċli li jiġu mtejba, jintużaw mill-ġdid, jiġu restawrati, jissewwew, jiġu riċiklati u jiżżarmaw għal riżorsi ġodda, u li partijiet li fihom sustanzi perikolużi jkunu identifikati b’mod ċar f’manwali tal-prodotti sabiex tkun iffaċilitata s-separazzjoni ta’ dawk il-partijiet qabel ir-riċiklaġġ; f’dan ir-rigward, jitlob lill-Kummissjoni tifformula definizzjoni ta' prodotti b’bażi bijoloġika li jeħtieġu kontenut minimu ta’ materjal rinnovabbli ta' 50 %;

28.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi rekwiżiti dwar informazzjoni dwar liema riżorsi jkun fih prodott u dwar il-ħajja mistennija tal-prodott, mingħajr ma jitqiegħed piż amministrattiv eċċessiv fuq l-SMEs; jenfasizza li din l-informazzjoni għandha tkun f’format li huwa faċilment aċċessibbli għall-konsumaturi u n-negozji, biex tiffaċilita t-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati u t-tiswija u r-riċiklaġġ tal-prodotti; jinnota li huwa kruċjali li titqajjem is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi u li jiżdied ir-rwol proattiv tagħhom;

29.    Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-estensjoni tal-garanziji minimi għall-oġġetti tal-konsum durabbli, sabiex jiġi estiż it-tul mistenni tal-ħajja tal-prodotti, u biex jiġi ċċarat li, skont id- Direttiva 1999/44/KE, il-bejjiegħa ta' prodotti għall-konsumatur għandhom jeżaminaw id-difetti matul l-ewwel sentejn tal-garanzija ġuridika u jimponu ħlas fuq il-konsumatur biss jekk id-difett kien ikkawżat minn użu mhux xieraq;

30.    Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri xierqa dwar id-disponibilità tal-ispare parts sabiex tiġi żgurata t-tiswija tal-prodotti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

31.    Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) jżidu l-isforzi tagħhom biex jissostitwixxu s-sustanzi ta' tħassib kbir u jirrestrinġu s-sustanzi li jġibu magħhom riskji mhux aċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent fil-kuntest tar-REACH, mhux l-inqas bħala mezz biex ikun issodisfat ir-rekwiżit tas-Seba' Pjan ta' Azzjoni għall-Ambjent ħalli jkunu żviluppati ċikli ta' materjal mhux tossiku biex b'hekk l-iskart irriċiklat ikun jista' jintuża bħala sors ewlieni u affidabbli ta' materja prima fi ħdan l-Unjoni; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tneħħi b'mod immedjat il-moratorju unilaterali tagħha fuq l-ipproċessar ta' rakkomandazzjonijiet mill-ECHA fir-rigward tal-inklużjoni ta' sustanzi ta' tħassib kbir fl-Anness XIV tar-REACH, u minflok tipproċedi malajr bl-inklużjoni ta' dawn is-sustanzi; jenfasizza li, skont il-ġerarkija tal-iskart fejn il-prevenzjoni tieħu prijorità fuq ir-riċiklaġġ u li, għaldaqstant, ir-riċiklaġġ m'għandux jiġġustifika t-tkomplija tal-użu ta' sustanzi tradizzjonalment perikolużi;

32.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jissostitwixxu s-sustanzi perikolużi fil-kuntest tad-Direttiva 2011/65/UE dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku bil-għan li jiġu stabbiliti ċikli ta' materjal mhux tossiku;

33.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu sorveljanza effikaċi tas-suq biex jiġi żgurat li kemm il-prodotti Ewropej u kemm dawk importati jkunu konformi mar-rekwiżiti fir-rigward tal-politika tal-prodott u l-ekodisinn; iħeġġeġ lill-Istati Membri, li biex tkun żgurata din is-sorveljanza effikaċi tas-suq, javvanzaw mingħajr dewmien fil-proċedura leġislattiva dwar l-eżami tar-Regolament dwar is-sorveljanza tas-suq; jinnota li kwalunkwe dewmien ulterjuri se jkun ta' ħsara għall-interessi tan-negozji u taċ-ċittadini;

Lejn skart żero

34.    Jenfasizza l-analiżi tal-Kummissjoni li turi li l-adozzjoni ta' miri ġodda dwar l-iskart toħloq 180 000 impjieg ġdid, tagħmel l-UE aktar kompetittiva u tnaqqas id-domanda għal riżorsi skarsi li jiswew ħafna flus(9)2; jiddispjaċih bl-irtirar tal-proposta leġislattiva dwar l-iskart(10)3, iżda fit-tħabbira tal-Viċi President Timmerman waqt is-sessjoni parzjali tal-Parlament f'Diċembru 2014, jara l-opportunità għal Pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari ġdid u aktar ambizzjuż;

35.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissottometti l-proposta mħabbra dwar l-eżami tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart sal-aħħar tal-2015, tapplika b'diliġenza l-ġerarkija tal-iskart, u tinkludi l-punti li ġejjin:

         - definizzjonijiet ċari u mhux ambigwi;

         - l-iżvilupp ta' miżuri għall-prevenzjoni tal-iskart;

- l-istabbilment ta' miri vinkolanti ta' tnaqqis tal-iskart għall-iskart muniċipali, kummerċjali u industrijali li għandhom jinkisbu sal-2025;

- l-istabbiliment ta' standards minimi ċari għar-rekwiżiti tar-responsabbiltà estiża tal-produtturi biex tiġi żgurata t-trasparenza u l-kosteffettività tal-iskema tar-responsabbiltà estiża tal-produtturi;

- l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' ħlas skont kemm tarmi ("pay-as-you-throw-principle") għal skart residwu flimkien ma' skemi obbligatorji ta' ġbir separat għall-karta, il-metall, il-plastik u l-ħġieġ biex tiġi ffaċilitata l-kwalità għolja tar-riċiklaġġ ta' materjali; l-introduzzjoni obbligatorja ta' ġbir separat għal bijoskart sal-2020;

- iż-żieda tar-riċiklaġġ/tal-preparazzjoni għall-miri tal-użu mill-ġdid għal mill-inqas 70 % tal-iskart solidu muniċipali u 80 % riċiklaġġ tal-iskart mill-imballaġġ sal-2030, ibbażat fuq metodu solidu ta' rapportar li jipprevjeni r-rapportar ta' skart li ntrema (fil-miżbliet jew inċinerat) bħala skart riċiklat, billi jintuża l-istess metodu armonizzat għall-Istati Membri kollha bi statistiċi vverifikati esternament; obbligu għar-riċiklaturi biex jirrapportaw dwar l-"input" ta' kwantitajiet ta' skart li jmur fl-impjant għas-separazzjoni kif ukoll dwar l-"output" ta' kwantità ta' materjali riċiklati li ġejjin mill-impjanti għar-riċiklaġġ;

- tillimita b'mod strett l-inċinerazzjoni, bi jew mingħajr l-irkupru tal-enerġija, sal-2020, għal skart mhux riċiklabbli u mhux bijodegradabbli;

- tnaqqis vinkolanti u gradwali ta' kull rimi fil-miżbliet, implimentat b'koerenza mar-rekwiżiti għar-riċiklaġġ, fi tliet stadji (2020, 2025 u 2030), li jwassal għal projbizzjoni fuq ir-rimi fil-miżbliet kollu, ħlief għal ċerti skart perikoluż u skart residwali li għalihom il-fatt li jintremew fil-miżbliet huwa l-aktar għażla tajba mil-lat ambjentali;

         - l-introduzzjoni ta' tariffi għar-rimi fil-miżbliet u l-inċinerazzjoni;

36.    Jenfasizza l-importanza u l-valur miżjud tal-miri tal-politika tal-iskart Ewropej, mhux biss f'termini ta' ċertezza ġuridika, il-prevedibbiltà u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern, iżda wkoll fit-termini tal-iżgurar li l-ambjent tal-għajxien taċ-ċittadini kollha tal-UE jkun protett u mtejjeb;

37.    Jistieden lill-Kummissjoni tressaq l-istess miri għall-Istati Membri kollha biex tiżgura livell ugwalment għoli ta' ħarsien ambjentali madwar l-UE u biex ma jiġix imminat is-suq uniku;

38.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-leġislazzjoni u l-miri eżistenti dwar l-iskart huma implimentati bis-sħiħ u b'mod xieraq, inkluż b'mod partikolari l-obbligu ta' skemi ta' ġbir separat, sabiex tiżgura li l-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jintlaħqu miri eżistenti u biex jiġu stabbiliti miżuri li jappoġġjaw lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ l-istrumenti t-tajba ħalli jintlaħqu l-miri skont l-iskadenzi;

39.    Jenfasizza li, sabiex isir l-aħjar użu tal-kapaċitajiet ta' immaniġġjar tal-iskart disponibbli fl-UE, ippjanar u kondiviżjoni ta' informazzjoni aħjar huma meħtieġa biex jiġu evitati l-kapaċitajiet żejda;

40.    Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tinvestiga l-fattibbiltà li jiġi propost qafas regolatorju għal tħaffir fil-miżbliet imtejjeb sabiex jiġi permess l-irkupru ta' materja prima sekondarja preżenti fil-miżbliet eżistenti u biex jiġi eżaminat l-iżvilupp ta' sistema ta' permessi ambjentali għall-industrija tar-riċiklaġġ;

41.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura aktar trasparenza u kontrolli aħjar biex jiġi evitat it-trasport bil-baħar ta' skart lejn pajjiżi bi standards ambjentali u soċjali aktar baxxi minn dawk fl-UE;

42.    Jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, itejbu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu l-esportazzjoni illegali tal-iskart ta' wara l-konsumatur;

43.    Jistieden lill-Kummissjoni biex fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għal programmi nazzjonali għall-prevenzjoni tal-iskart u tfassal sett ta' miri u indikaturi li kapaċi jagħmlu l-prestazzjoni individwali tal-Istati Membri komparabbli;

44.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza l-isfidi speċifiċi tal-iskart u tieħu azzjoni kif enfasizzat fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ekonomija ċirkolari (COM (2014)0398); jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-fondi tal-UE huma mobilizzati biex jgħinu fil-kisba tal-objettivi tal-immaniġġjar integrat tal-iskart bħall-ġbir separat u l-iżvilupp ta' infrastruttura tar-riċiklaġġ;

45.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi mira biex jitnaqqas l-iskart tal-baħar b'50 % sal- 2025 meta mqabbla mal-livelli tal-2014;

46.    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu fformulati miri għall-ġbir u r-riċiklaġġ ta' metalli kritiċi speċifiċi fid-dawl tal-iskarsità dejjem tikber tagħhom u bil-għan li titnaqqas id-dipendenza fuqhom;

47.    Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, sa tmiem l-2015, miri, miżuri u strumenti li jindirizzaw b'mod effiċjenti l-ħela tal-ikel, inkluż l-istabbiliment ta' mira vinkolanti għat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel ta' mill-inqas 30 % sal-2025 fis-setturi tal-manifattura, tal-bejgħ bl-imnut/id-distribuzzjoni, tas-servizz tal-ikel/l-ospitalità u fis-settur tal-unitajiet domestiċi; jistieden lill-Kummissjoni, li meta tkun qed twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar proposti leġislattivi rilevanti ġodda, tevalwa l-impatt potenzjali tagħhom fuq il-ħela tal-ikel;

Bini Sostenibbli

48.    Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Opportunitajiet għall-effiċjenza fir-riżorsi fis-settur tal-bini" (COM(2014)0445); iqis li huwa meħtieġ approċċ iddedikat għall-kostruzzjoni bbażat fuq pjan direzzjonali u fuq l-objettivi fit-tul tiegħu;

49.    Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-implimentazzjoni sħiħa tal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari u r-rekwiżiti fis-settur tal-bini u tiżviluppa aktar il-qafas tal-politika dwar l-effiċjenza fir-riżorsi — dan jinkludi l-iżvilupp tal-indikaturi, l-istandards u l-metodi u r-rekwiżiti ta' kwalità dwar l-użu tal-art u l-ippjanar urban, l-arkitettura, l-inġinerija strutturali, il-kostruzzjoni, il-manutenzjoni, l-adattabilità, l-effiċjenza enerġetika, ir-rinnovazzjoni u l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ; jirrileva li l-miri u l-indikaturi fuq il-bini sostenibbli għandhom jinkludu wkoll infrastruttura ekoloġika, bħal soqfa ekoloġiċi; jenfasizza l-importanza ta' viżjoni olistika għall-istokk tal-bini tal-Ewropa, b'objettivi ċari u ambizzjużi fuq perjodu ta' żmien medju u twil u pjanijiet direzzjonali għall-implimentazzjoni ta' din il-viżjoni;

50.    Iqis li l-kwalità tal-arja ta' ġewwa u l-benessri u l-bżonnijiet soċjali tal-utenti għandhom jiġu integrati f'valutazzjoni tas-sostenibbiltà tal-bini;

51.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa, fi ħdan il-qafas tal-indikaturi ġenerali dwar l-effiċjenza fiddser-riżorsi, indikaturi biex tivvaluta s-sostenibbiltà tal-bini matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħhom, bl-użu tal-istandards u l-metodi eżistenti u fuq il-bażi ta' approċċ ta' sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali;

52.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi li l-prinċipji u l-istandards BAT (l-aqwa tekniki disponibbli) jiġu applikati għal materjali u partijiet kollha tal-bini, u biex tiżviluppa passaport tal-bini bbażat fuq iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-bini; iqis li l-passaport tal-bini għandu jżid it-trasparenza u jkun fih informazzjoni biex ikunu ffaċilitati l-manutenzjoni, it-tiswija, ir-rinnovazzjoni u r-riċiklaġġ;

53.    Iqis li, billi 90 % tal-ambjent mibni tal-2050 diġà jeżisti, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti u inċentivi speċjali għas-settur tar-rinnovazzjoni sabiex sal-2050 il-biċċa l-kbira tal-bini jkun pożittiv għall-enerġija; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija fuq terminu twil għar-rinnovazzjoni tal-bini eżistenti u biex ittejjeb ir-rwol tal-istrateġiji ta' rinnovazzjoni nazzjonali introdotti bid-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija;

54.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiffaċilitaw it-titjib tar-riċiklaġġ permezz tal-iżvilupp tal-infrastruttura għall-ġbir selettiv u r-riċiklaġġ fl-industrija tal-kostruzzjoni;

55.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw il-potenzjal tal-verifiki ta' qabel it-twaqqigħ (jiġifieri valutazzjoni ta' bini qabel id-dekostruzzjoni jew it-twaqqigħ biex jiġu deskritti l-materjali preżenti u jiġi definit liema frazzjonijiet jistgħu jiġu separati għar-riċiklaġġ) u l-għażla fuq il-post ta' materjali riċiklabbli (l-għażla fuq il-post normalment tagħti materja prima sekondarja ta' purità ogħla minn riċiklaġġ mhux fuq il-post u tista' tgħin biex jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport, pereżempju bit-tgħaffiġ/ikkumpattar fuq il-post);

56.    Jinnota li l-konkrit huwa wieħed mill-materjali l-aktar użati fl-industrija tal-kostruzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltajiet li jiżdied ir-riċiklaġġ tal-konkrit fil-kostruzzjoni, kif inhu l-każ fil-Ġermanja u fl-Iżvizzera;

L-iżvilupp ta’ swieq għall-materja prima sekondarja

57.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa miżuri li jinċentivaw u jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ swieq għall-materja prima sekondarja ta’ kwalità għolja u l-iżvilupp ta’ negozju bbażat fuq l-użu mill-ġdid ta’ materja prima sekondarja;

58.    Jikkunsidra li qafas ta’ politika fit-tul u prevedibbli jgħin biex jistimola l-livell ta’ investimenti u l-azzjoni meħtieġa biex jiġu żviluppati bis-sħiħ swieq għal teknoloġiji aktar ekoloġiċi u jiġu promossi soluzzjonijiet kummerċjali sostenibbli. jenfasizza li l-indikaturi u l-miri tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, ibbażati fuq il-ġbir ta’ dejta b’saħħitha, jipprovdu l-gwida meħtieġa għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-oqsma pubbliċi u privati għat-trasformazzjoni tal-ekonomija;

59.    Jenfasizza li huwa importanti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jippromwovu l-ħolqien ta' progammi ta' simbjożi industrijali li jappoġġjaw sinerġiji industrijali għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, u li jgħinu lill-kumpaniji – b'mod partikolari lill-SMEs – jiskopru kif l-enerġija, l-iskart u l-prodotti sekondarji tagħhom jistgħu jservu ta' riżorsi għall-oħrajn; jiġbed l-attenzjoni lejn kunċetti simili, bħal "minn nieqa sa nieqa" u l-ekoloġija industrijali;

Miżuri oħra

60.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi proċeduri ta’ akkwist pubbliku ekoloġiċi obbligatorji; iqis li prodotti użati mill-ġdid, imsewwija, manifatturati mill-ġdid, irranġati u prodotti u soluzzjonijiet oħra sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi għandhom jiġu preferuti fl-akkwist pubbliku kollu, u jekk dawn ma jkunux preferuti, għandu japplika l-prinċipju “ikkonforma jew spjega”;

61.    Jenfasizza l-ħtieġa għal qafas fiskali skont il-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas", li jipprovdi s-sinjali t-tajba għall-investiment fl-użu effiċjenti tar-riżorsi, l-immodernizzar tal-proċessi ta' produzzjoni u l-manifattura ta' prodotti li jissewwew aktar u li jservu aktar (pereżempju taxxi aktar baxxi fuq l-attivitajiet ta' servizzi ta' tiswija u taxxi ogħla fuq prodotti b'użu intensiv tar-riżorsi, mhux riċiklabbli u prodotti b'użu uniku); jitlob li jsir progress f'dan il-qasam biex jiġi segwit mill-Istati Membri bħala parti mill-proċess tas-Semestru Ewropew(11)1;

62.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistudja u tipproponi miżuri relatati mat-tassazzjoni, bħall-VAT imnaqqsa fuq prodotti riċiklati, użati mill-ġdid u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

63.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ il-Pjan ta’ Azzjoni Ekoloġika għal Intrapriżi Żgħar u Medji;

64.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa qafas tal-politika dwar in-nutrijenti sabiex jitjieb ir-riċiklaġġ, titrawwem l-innovazzjoni, jitjiebu l-kundizzjonijiet tas-suq, u biex l-użu sostenibbli tagħhom jiddaħħal sew fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-fertilizzanti, l-ikel, l-ilma u l-iskart;

65.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta komunikazzjoni dwar l-ikel sostenibbli, li ġiet posposta bosta drabi sa mill-2013, matul l-ewwel nofs tal-2016; jenfasizza li, minħabba li l-produzzjoni u l-konsum tal-ikel jirrappreżentaw sehem sinifikanti tal-użu tar-riżorsi, li l-komunikazzjoni għandha b’mod olistiku tindirizza l-ineffiċjenzi fl-użu tar-riżorsi fil-katina alimentari u jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ politika sostenibbli tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta ż-żieda fl-użu ta’ imballaġġ tal-ikel li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, inkluż valutazzjoni tal-fattibbiltà li l-imballaġġ tal-ikel jiġi sostitwit gradwalment b’materjali kompostabbli, bijodegradabbli u bbażati fuq il-prodotti bijoloġiċi f’konformità mal-istandards Ewropej;

66.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi pjattaforma permanenti ta’ effiċjenza fir-riżorsi, inklużi l-partijiet interessati relevanti kollha, sabiex tinkoraġġixxi u tiffaċilita l-applikazzjoni tal-aħħar sejbiet tar-riċerka, l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-emerġenza ta’ sintesi industrijali u ekosistemi industrijali ġodda;

67.    Jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi grupp ta’ ħidma finanzjarju sostenibbli bejn is-setturi u inter-DĠ sabiex l-indikaturi tal-effiċjenza fir-riżorsi jiġu inklużi fil-livell tal-kumpanija billi jiġu integrati r-rappurtar u l-kontabbiltà filwaqt li tiġi rrispettata l-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni kummerċjali; jitlob lill-Kummissjoni wkoll biex teżamina kif tinkorpora l-effiċjenza fir-riżorsi u r-riskji ambjentali fil-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u r-rekwiżiti kapitali tal-banek, fost oħrajn, sabiex tiġi żviluppata sistema ta’ assigurazzjoni komprensiva għall-perikli ambjentali u biex jiġu stabbiliti rekwiżiti ta’ informazzjoni għall-prodotti ta’ investiment, b'valutazzjoni tal-impatt xierqa; jemmen li f’dan ir-rigward il-Kummissjoni se tibbenefika mill-kooperazzjoni mal-“Inkjesta dwar id-Disinn ta’ Sistema Finanzjarja Sostenibbli” tal-UNEP; jistieden lill-Kummissjoni tistudja inizjattivi volontarji eżistenti fl-Istati Membri għal skop ta’ skambju possibbli tal-aħjar prattika;

68.    Jistieden lill-Kummissjoni, peress li l-provenjenza sostenibbli u responsabbli tal-materja prima ewlenija hija ta’ importanza kritika għall-kisba tal-effiċjenza fir-riżorsi u biex jintlaħqu l-objettivi tal-ekonomija ċirkolari, biex tirrevedi r-rakkomandazzjonijiet tal-politika tal-Pjattaforma Ewropea għall-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi għall-iżvilupp ta’ standards ta’ provenjenza sostenibbli għal materjali ta’ prijorità u komoditajiet; f’dan ir-rigward, jinnota l-appoġġ konġunt tal-Parlament u tal-Kunsill għall-proposti tal-Kummissjoni dwar provenjenza responsabbli ta’ metalli u minerali minn żoni ta’ kunflitt;

69.    Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-definizzjoni tagħha ta’ materja prima "kruċjali", filwaqt li tikkunsidra aħjar l-impatti u riskji ambjentali relatati mal-estrazzjoni u l-ipproċessar tagħhom kif ukoll il-potenzjal tagħhom għal sostituzzjoni minn materjali sekondarji;

70.    Jenfasizza li l-finanzjament tal-UE, inkluż finanzjament permezz tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS), Orizzont 2020, il-fondi ta’ koeżjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment, għandhom jiġu mmobilizzati biex jippromovu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, f’konformità mal-ġerarkija tal-iskart, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jneħħu gradwalment is-sussidji kollha li huma ta’ ħsara għall-ambjent, inklużi dawk għall-ġenerazzjoni tal-enerġija minn frazzjoni bijodegradabbli ta’ skart industrijali u muniċipali permezz tal-inċinerazzjoni skont id-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u tas-sussidji diretti u indiretti għall-karburanti fossili;

71.    Jitlob biex il-finanzjament allokat għall-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs tal-UE (COSME), l-Orizzont 2020, u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej ikunu aktar iffokati fuq l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet sostenibbli, innovattivi u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u fuq mudelli kummerċjali ġodda (bħall-kiri jew sistemi ta' servizz ta' prodotti), u li jtejbu l-effiċjenza tad-disinn u l-materjal tal-prodott fil-prestazzjoni tal-prodott u l-proċessi;

72.    Jenfasizza kif ir-riċerka u l-innovazzjoni huma essenzjali biex jappoġġjaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari fl-Ewropa, u li huwa meħtieġ li jikkontribwixxu, fi ħdan l-Orizzont 2020, għal proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni li jistgħu juru u jittestjaw fil-qasam is-sostennibbiltà ekonomika u ambjentali tal-ekonomija ċirkolari; jenfasizza, fl-istess waqt, li bl-adozzjoni ta’ approċċ sistematiku, dawn il-proġetti jistgħu jiffaċilitaw l-abbozzar ta’ regolament li jwassal għall-innovazzjoni u eħfef biex jiġi implimentat, billi jidentifikaw inċertezzi regolatorji, ostakoli u/jew lakuni li jistgħu jfixklu l-iżvilupp ta’ mudelli tan-negozju bbażati fuq l-effiċjenza tar-riżorsi;

73.    Jitlob lill-Kummissjoni biex tuża l-aġenda diġitali u t-teknoloġija tal-informazzjoni fil-potenzjal sħiħ tagħhom biex tippromwovi l-effiċjenza fir-riżorsi u t-trasformazzjoni f’ekonomija ċirkolari;

74.    Jenfasizza li l-UE għandha ekonomija miftuħa, involuta f'importazzjonijiet u esportazzjonijiet f'suq globali; jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-isfida globali tat-tnaqqis ta' riżorsi fil-livell internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw b'mod attiv il-ħidma tal-Bord Internazzjonali għar-Riżorsi fi ħdan il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), u jinvestigaw kwistjonijiet ta' riżorsi kritiċi dinjija u jiżviluppaw soluzzjonijiet prattiċi għal dawk li jfasslu l-politika, l-industrija u s-soċjetà;

75.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-azzjoni neċessarja fil-livell internazzjonali biex ittejjeb it-traċċabbiltà tal-prodotti;

76.    Jenfasizza li ż-żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tista' tnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq l-enerġija u l-faqar enerġetiku, li jolqot madwar 125 miljun ċittadin Ewropew; josserva li jaqbel li l-effiċjenza enerġetika titqies bħala unità separata ta' sors ta' enerġija, li t-tkabbir tagħha jikkontribwixxi b'mod sostanzjali għall-iżvilupp tal-industrija tal-UE, għall-ħolqien tal-impjiegi u l-moderazzjoni tal-kontijiet tal-enerġija tan-nies;

77.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex teżamina jekk il-leġiżlazzjoni eżistenti u prevista qed tfixkel l-ekonomija ċirkolari, mudelli ta’ negozju innovattivi eżistenti jew il-ħolqien ta’ oħrajn ġodda, bħal ekonomija ta’ kera jew ekonomija ta' kondiviżjoni/kollaborattiva, jew jekk ikun hemm ostakli istituzzjonali jew finanzjarji f’dan ir-rigward; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ittejjeb tali leġiżlazzjoni u jindirizzaw dawn l-ostakoli fejn meħtieġ; jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-leġiżlazzjoni relatata bil-ħsieb li tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali u l-effiċjenza fir-riżorsi tal-prodotti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom u biex iżżid il-konsistenza bejn l-istrumenti eżistenti u l-iżvilupp tal-approċċ ta’ quddiem nett;

78.    Jitlob lill-Kummissjoni biex tiċċara l-aspetti relevanti tal-politika dwar il-kompetizzjoni tal-UE fir-rigward tal-ekonomija ċirkolari, b’mod partikolari li tiċċara l-kompromess bejn ir-riskji ta’ kollużjoni tas-suq u l-ħtieġa li tiġi approfondita l-kooperazzjoni bejn il-manifatturi u l-fornituri tagħhom;

79.    Jitlob lill-Kummissjoni biex tirrapporta lura lill-Parlament dwar il-miżuri kollha deskritti hawn fuq u biex tipproponi l-passi li jmiss sal-2018;

o

o       o

80.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1)

1 Testi adottati, P7_TA(2013)0584.

(2)

2 Test adottat, P7_TA(2014)0016.

(3)

3  Testi adottati, P7_TA(2012)0223.

(4)

4 Testi adottati, P7_TA(2011)0364.

(5)

5 Għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(6)

6 Għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(7)

7 Il-Programm Ambjentali tal-OECD, "Approċċi volontarji għal politika ambjentali", 2003.

(8)

1 Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu 'Tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari: programm ta' skart żero għall-Ewropa" (COM(2014)0398).

(9)

2 Id-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014, li fih sommarju eżekuttiv tal-valutazzjoni tal-impatt li jakkumpanja l-proposta għal direttiva li temenda d-Direttivi dwar l-iskart (COM(2014)0397) (SWD(2014)0208).

(10)

3 Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2008/98/KE dwar l-iskart, 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, 1999/31/KE dwar il-miżbla ta' skart, 2000/53/KE dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw, 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi, u 2012/19/UE dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (COM(2014)0397).

(11)

1 Baġit Europe, 2015, Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi b’Appoġġ tas-Semestru Ewropew

Il-proċess, paġna 6, http://www.foes.de/pdf/2015-02-25_CSR%20Recommendations_FINAL.pdf.


NOTA SPJEGATTIVA

Urġenza għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi

L-użu insostenibbli tar-riżorsi qiegħed kemm jikkawża ħsara ambjentali kif ukoll jippreżenta riskju ekonomiku. L-ekonomija globali tuża daqs 1.5 pjaneti f’riżorsi biex tipproduċi output globali u biex tassorbi l-iskart. Sal-2030 din iċ-ċifra hija stmata li tilħaq żewġ pjaneti.

Il-konsum annwali ta’ minerali, fjuwils fossili u bijomassa huwa mbassar li sal-2050 jirdoppja biex b’hekk jilħaq 140 miljun tunnellata. Dan huwa r-riżultat ta’ kombinazzjoni ta’ tkabbir tal-popolazzjoni, introjtu aktar disponibbli, aktar diversità tal-prodott minn qabel u ħajja iqsar tal-prodott.

Jekk dan jibqa’ għaddej kif inhu se jwassal għal staġnar ekoloġiku u ekonomiku.

L-umanità diġà qed taqbeż numru ta’ konfini planetarji li għandna bżonn nibqgħu fihom sabiex nevitaw il-punt ta’ depożitu ta’ bidliet ekoloġiċi negattivi. L-implikazzjonijiet ekoloġiċi huma bosta u f’ħafna każijiet huma irriversibbli: il-bidla fil-klima, id-deforestazzjoni, id-deżertifikazzjoni, id-degradazzjoni tal-ħamrija, it-telf tal-bijodiversità, it-tnaqqis fid-diversità ġenetika u d-dgħufija tas-servizzi tal-ekosistema.

Sabiex jiġu evitati dawn il-bidliet fil-bijosfera tagħna għandna bżonn nużaw inqas riżorsi. Nistgħu u għandna nilħqu mill-inqas l-istess livell ta’ għajxien u l-benessri li għandna issa b’wieħed minn għaxra tar-riżorsi li qed jintużaw bħalissa. Nistgħu ntejbu l-kompetittività tagħna, nindustrijalizzaw mill-ġdid l-Ewropa u ntejbu l-livelli tagħna ta’ għajxien biss permezz ta’ diżakkoppjament tat-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi.

L-Ewropa hija aktar dipendenti fuq ir-riżorsi importati minn kwalunkwe reġjun ieħor fid-dinja. 40 fil-mija tal-materjal kollu użat fl-UE huwa importat. Għal xi riżorsi strateġiċi, bħall-minerali u nutrijenti tal-metall, il-perċentwal huwa saħansitra ogħla. 92 fil-mija huwa fosfru, li huwa kruċjali għall-agrikoltura Ewropea u huwa importat, ħafna minnu mir-Russja, is-Sirja, il-Marokk u t-Tuneżija.

It-titjib fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi jkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija u s-sigurtà tagħna. Bl-użu tar-riżorsi b’mod aktar effiċjenti titnaqqas id-dipendenza tar-riżorsi u twassal għal iffrankar fl-ispejjeż materjali. Fuq kollox, dan joħloq attività kummerċjali ġdida u l-impjiegi għall-Ewropa. Skont l-estimi tal-Kummissjoni Ewropea, iż-żieda fil-produttività tar-riżorsi bi 2 fil-mija kull sena toħloq 2 miljun impjieg ġdid fl-UE sal-2030.

Dan huwa xenarju fejn jirbaħ kulħadd. L-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi hija soluzzjoni għad-dilemma ekoloġika li qed niffaċċjaw u għall-isfidi ekonomiċi li qed titħabat magħhom l-Ewropa.

Bidla fil-paradigma

Iż-żieda fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi hija bbażata fuq sitt kunċetti ewlenin: ekonomija ċirkolari, użu kaskat tar-riżorsi, ġerarkija tal-iskart, responsabbiltà estiża tal-produttur, simbjożi industrijali u mudelli ta’ negozju ġodda.

1. It-titjib fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tfisser bidla lill hinn mill-ekonomija lineari attwali, ikkaratterizzat minn mudell “ħu-agħmel-uża-armi” ta’ produzzjoni u konsum. F’ekonomija ċirkolari prattikament il-materjali kollha mhux rinnovabbli jiċċirkolaw f’ċirkwiti magħluqa. Skart ta’ wara l-konsumatur jinġabar, jiġi rriċiklat u jintuża b’mod effettiv biex isiru prodotti ġodda. F’ekonomija ċirkolari l-iskart għandu jitneħħa mid-disinn tas-sistema. Materja prima verġni - rinnovabbli jew mhux rinnovabbli - tintuża biss fejn materja prima sekondarja ma tkunx disponibbli Riżorsi rinnovabbli jintużaw fil-konfini tas-sostenibbiltà u l-kapaċità ta’ ġarr tal-ekosistemi.

2. L-użu kaskat tar-riżorsi huwa mod biex tiġi massimizzata l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. Dan jinvolvi sforz sistematiku biex l-ewwel jiġu sfruttati materjali għall-prodotti b’valur miżjud ogħla u sabiex mbagħad jintużaw aktar minn darba waħda bħala riżorsi fil-kategoriji ta’ prodotti oħra.

3. Permezz ta’ ġerarkija tal-iskart (il-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ, l-irkupru, ir-rimi) jiġu estratti benefiċċju massimi minn prodotti billi prattikament ma jiġi ġġenerat l-ebda skart u finalment tintlaħaq ekonomija ta’ skart żero.

4. Ir-responsabbiltà estiża tal-produttur tfisser li l-produtturi huma responsabbli għall-immaniġġjar tat-tmiem tal-ħajja tal-prodotti tagħhom. Il-bejjiegħa bl-imnut jistgħu jitqies li jbiegħu biss is-servizzi pprovduti mill-prodotti - il-prodott jibqa’ fis-sjieda tal-produtturi, u fl-aħħar tal-ħajja tiegħu, hija r-responsabbiltà tagħhom li jimmaniġġjaw il-prodott skont ir-regolamenti eżistenti.

5. F’simbjożi industrijali, il-produtturi jikkollaboraw biex jużaw il-prodotti sekondarji ta’ xulxin.

6. Mudelli ta’ negozju ġodda jitfaċċaw biex itejbu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. Eżempju wieħed ta’ mudelli ta’ negozju ġodda effiċjenti fl-użu tar-riżorsi huwa l-ekonomija tal-lokazzjoni li tfisser il-bejgħ u ż-żamma tal-funzjoni ta’ servizz tal-prodott minflok il-bejgħ tal-prodott innifsu. Il-lokazzjoni toħloq fluss dħul stabbli għall-kumpaniji u tinċentiva kemm lill-kumpaniji u lill-klijenti biex jnaqqsu l-użu tar-riżorsi u biex iżommu l-prodott fi kwalità tajba.

Inċentivi leġiżlattivi u ekonomiċi joħolqu l-ingranaġġ meħtieġ

Il-politiki attwali ma jiffokawx biżżejjed l-isforzi tagħhom lejn din il-bidla fil-paradigma. L-Ewropa hija maqfula f’sistema fejn materjali ta’ valur, li ħafna minnhom ġejjin bi prezz ambjentali u soċjali għoli, jispiċċaw fil-miżbliet jew fl-inċinerazzjoni. Għad ma hemmx suq li jaħdem għall-materja prima sekondarja.

Sabiex dan jinbidel, jeħtieġ li jkun hemm inċentivi kemm leġiżlattivi kif ukoll ekonomiċi biex jinħoloq l-ingranaġġ, pereżempju:

•  L-appoġġ għall-innovazzjoni fir-rigward ta’ prodotti u servizzi effiċjenti fl-użu tar-riżorsi permezz ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament differenti.

•  L-appoġġ għad-domanda għal prodotti bħal dawn permezz ta’ akkwist pubbliku u tassazzjoni favur l-ambjent, u l-introduzzjoni ta’ tariffi li jiskoraġġixxu l-konsum ta’ prodotti u servizzi li mhumiex effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

•  L-impożizzjoni ta’ rekwiżiti tad-disinn ekoloġiku fuq prodotti, pereżempju permezz ta’ Direttiva dwar l-Ekodisinn soda. Li jiġi żgurat li l-oġġetti importati jikkonformaw b’mod ugwali ma’ dawn ir-rekwiżiti u li titjib b’mod sostanzjali s-sorveljanza tas-suq laxk attwali tagħna huma prerekwiżiti biex tiġi żgurata l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tal-prodotti.

•  Jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni eżistenti ma tfixkilx l-iżvilupp ta’ prodotti jew servizzi jew mudelli ta’ negozju effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. Ostakoli bħal dawn jistgħu jinstabu, pereżempju fil-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza u l-kompetizzjoni.

•  It-tneħħija gradwali sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent (pereżempju għotjiet mill-fondi ta’ koeżjoni għall-bini ta’ miżbliet ġodda jew impjanti ta’ inċinerazzjoni).

Leġiżlazzjoni finanzjarja u ekonomika tonqos milli tinkorpora l-valur ta’ servizzi tal-ekosistema u l-bijodiversità u milli tqis ir-riskji ekoloġiċi u soċjali. Dawn ir-riskji huma wkoll riskju ekonomiku għall-prestazzjoni finanzjarju fit-tul li ma jkunx rifless fl-analiżi finanzjarja konvenzjonali. Dan iwassal għal allokazzjoni ħażina tal-kapital.

Responsabbiltà aħjar tar-riskji sistemiċi kkawżati minn degradazzjoni ambjentali u użu żejjed tar-riżorsi u nuqqas ta’ azzjoni ppreżentat mit-trajettorji attwali għal żmien qasir tas-suq għandhom jiġu integrati fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji, ir-regolamentazzjoni tal-kontabbiltà u r-rappurtar integrat. L-iskarsezza tar-riżorsi u r-riskji ambjentali għandhom jiġu inkorporati f’leġiżlazzjoni finanzjarja li fost oħrajn tikkonċerna l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu, ir-rekwiżiti kapitali, l-assigurazzjonijiet, l-informazzjoni finanzjarja tal-prodott, il-kontabbiltà u l-verifika. Is-swieq kapitali jistgħu jiġu orjentati mill-ġdid lejn is-sostenibbiltà fit-tul permezz tal-integrazzjoni ta’ fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza. Riskji ambjentali għoljin għandhom ikunu riflessi f’rekwiżiti kapitali ogħla.

Qafas ċar u ġdid ta’ politika huma meħtieġ wkoll biex jippermetti lill-investituri privati u istituzzjonali li jbiddlu l-paradigma ta’ investiment tagħhom lejn investimenti sostenibbli fit-tul. Dawk li jfasslu l-politika għandhom iwasslu ċ-ċertezza legali neċessarja biex jinħolqu investimenti u strateġiji tan-negozju effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

Minflok kontradizzjoni, hemm interessi u benefiċċji reċiproċi bejn in-negozju u l-ambjent. It-tensjoni fl-industriji kollha hija bejn kumpaniji li jibbażaw in-negozju tagħhom fuq l-innovazzjoni u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u dawk li huma magħluqa f’politiki u kundizzjonijiet tas-suq iffurmati għall-kundizzjonijiet tal-passat.

Industrijalizzazzjoni mill-ġdid Ewropea tista’ tkun ibbażata biss fuq negozji effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u innovattivi. Il-bidla għandha tibda b’urġenza biex jiġi evitat li tingħalaq fi strutturi ineffiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

Bini Sostenibbli

Il-bini jirrappreżenta 40 fil-mija tal-użu finali tal-enerġija tal-UE, u 36 fil-mija tal-emissjonijiet tas-CO2. Dan huwa għaliex hija meħtieġa enfasi speċjali fuq l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tal-ambjent mibni u l-bini.

“Bini sostenibbli” huwa kunċett kultant imnaqqas sabiex ikopri għażliet materjali jew effiċjenza fl-enerġija biss. Madankollu, il-kunċett huwa ferm usa'. Sabiex il-bini jkun sostenibbli, iċ-ċiklu tal-ħajja tal-bini kollu jrid jiġi indirizzat, mill-ippjanar arkitettoniku, l-inġinerija strutturali u d-disinn għall-kostruzzjoni u l-għażliet tal-materjali sal-operat, il-modifika u t-tiġdid tad-disponiment finali. Għandna bżonn ukoll li l-ippjanar tal-użu tal-art intelliġenti u sostenibbli u l-infrastruttura ekoloġika jiġu inkorporati fil-qafas għall-bini sostenibbli. L-ippjanar urban u s-soluzzjonijiet tat-trasport wkoll għandhom rwol ewlieni sabiex tinbena soċjetà sostenibbli.

Meta jiġu stabbiliti standards għal bini sostenibbli, huwa meħtieġ livell għoli ta’ ambizzjoni. Ir-rinnovazzjonijiet jitwettqu pjuttost rarament, u għalhekk huwa fl-interess tas-soċjetà u s-sid tal-bini li jagħmlu dak li hu xieraq. Ir-rinnovazzjonijiet kollha li jsiru issa għandhom jimmiraw lejn l-ogħla livell li jista’ jinkiseb ta’ effiċjenza fl-użu tar-riżorsi.

Peress li 90 fil-mija tal-unitajiet ta’ abitazzjoni tar-residenti tal-2050 diġà jeżistu, il-politiki ambizzjużi li jappoġġaw ir-rinnovazzjonijiet tal-bini eżistenti huma deċiżivi għal ambjent mibni futur bi prestazzjoni għolja u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. Ir-rinnovazzjonijiet iġibu bosta benefiċċji fuq firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet bħall-kwalità tal-arja ta’ ġewwa u żieda fid-domanda għall-SMEs li jiffurmaw il-maġġoranza tas-settur Ewropew tar-rinnovazzjoni, u li huwa settur li ma jistax jiddelokalizza x-xogħlijiet tiegħu mill-Ewropa.

Għad hemm inkonsistenza kbira fis-settur fir-rigward tad-definizzjoni ta’ bini sostenibbli u materjali tal-kostruzzjoni. Il-kunċett ta’ bini sostenibbli huwa dgħajjef minħabba n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni, li jġarrab spiża għolja, nuqqas ta’ fiduċja, komunikazzjoni kumplessa u valutazzjoni komparattiva kważi impossibbli għas-settur kollu.

L-ostakoli għall-isfruttament tal-potenzjal tar-riżorsi li jinsabu fil-bini ta’ spiss huma ekonomiċi: ir-rimi fil-miżbliet jiswa inqas mill-ġbir, it-tqassim u r-riċiklaġġ. Barra minn hekk, ħafna Stati Membri ma għandhomx infrastruttura tar-riċiklaġġ.

L-inċentivi u l-obbligi jwasslu għal ippjanar aħjar tal-użu tar-riżorsi u għażliet sostenibbli tal-materjali tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja.

Il-kejl tal-progress

L-immaniġġjar effettiv tar-riżorsi jeħtieġ il-kejl, u l-kejl jeħtieġ indikaturi miftiehma b’mod komuni u l-parteċipazzjoni tal-partijiet kollha.

Għalhekk l-Unjoni Ewropea trid tiżviluppa indikatur ewlieni vinkolanti għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. Madankollu, indikatur ewlieni mhuwiex biżżejjed biex jitkejjel il-progress. Jeħtieġ li jkun ikkomplementat minn subindikaturi għall-aspetti differenti tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. Subindikaturi jagħmluha aktar faċli biex wieħed jara liema kompromessi huma l-aktar kosteffiċjenti u raġonevoli.

Huwa faċli li wieħed jifhem l-importanza tal-indikaturi meta dan jaħseb dwar il-kontabbiltà. Il-kumpaniji jħabbru l-qligħ kontabilizzat tagħhom perjodikament, kif irrappurtat abbażi ta’ standards tal-kontabbiltà. In-numru fuq il-qligħ kontabilizzat juri l-ammont ta’ flus li tkun kisbet kumpanija matul perjodu partikolari. Diversi subindikaturi finanzjarji jagħmluha possibbli li wieħed jara dak li kkawża l-iżbilanċi jew ħoloq il-profitti ta’ kumpanija.

Jekk kull kumpanija rrappurtat il-flussi finanzjarji tagħha skont is-sistemi ppreferuti tagħha stess u jekk dan ir-rappurtar kien volontarju, l-ebda dejta ma tkun komparabbli jew sinifikanti. Għal raġunijiet simili, l-indikaturi għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi huma utli. Il-konsum tar-riżorsi ta’ kull Stat Membru kif ukoll il-konsum tar-riżorsi tas-setturi pubbliċi u privati għandhom jitkejlu b’mod uniformi. L-indikaturi għandhom iqisu wkoll l-importazzjonijiet, mhux oġġetti manifatturati domestikament biss. Fil-livell tal-kumpaniji, il-kontabbiltà tar-riżorsi tfisser l-iżvilupp ta’ metodi simili bħal fil-kontabbiltà finanzjarja.

Abbażi tal-indikaturi, l-UE għandha tistabbilixxi mira ambizzjuża li tiggwida għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u tħalli firxa wiesgħa ta’ għażliet għal mudelli ta’ negozju u għażliet ta’ politika innovattivi.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (1.6.2015)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari

(2014/2208(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Tiziana Beghin

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jiddispjaċih dwar l-irtirar tal-pakkett leġiżlattiv tal-ekonomija ċirkolari li d-dispożizzjonijiet tiegħu, fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart tal-UE biss, kienu se jikkontribwixxu għal ħolqien ta' madwar 180 000 impjieg, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta ġdida bbilanċjata sal-aħħar tal-2015 li hija mill-inqas ambizzjuża daqs l-ewwel waħda, akkompanjata minn valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa u b'enfasi fuq il-kwistjoni li ma jkunx hemm iġġenerar tal-iskart mill-bidu nett;

2.  Jirrimarka l-fatt li s-settur tas-servizzi ambjentali wera reżiljenza qawwija anke fis-snin tal-kriżi ekonomika u jenfasizza li ekonomija ċirkolari żviluppata sew għandha l-potenzjal li tiġġenera miljuni ta' impjiegi ġodda mhux rilokabbli madwar l-Ewropa li jeħtieġu livelli differenti ta' ħiliet, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet tal-ħaddiema u l-ftehimiet kollettivi; jirrimarka li biex jinkiseb il-potenzjal sħiħ tagħha, jeħtieġ bidla fil-fehim tas-soċjetà dwar l-importanza kruċjali tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi; jenfasizza li l-gvernijiet jeħtiġilhom jiżguraw approċċ ta' politika koerenti u integrat bħala appoġġ għal din il-bidla u li għandhom jinħolqu l-opportunitajiet biex jinkisbu l-ħiliet ġodda meħtieġa għall-ekonomija ċirkolari;

3.  Jenfasizza li ekonomija ċirkolari twassal għal tkabbir sostenibbli u inklużiv u għandha impatti pożittivi dejjiema fuq is-suq tax-xogħol, filwaqt li tippermetti l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u sostenibbli u tistimola l-innovazzjoni; jikkunsidra li politika industrijali Ewropea ġenwina, ibbażata fuq is-sostenibbiltà ekonomika u ambjentali u mmirata biex tegħleb il-mudell tan-negozju "ħu-oħloq-uża-armi", hija kisba essenzjali;

4.  Jinsisti li ekonomija ċirkolari tipproduċi impjiegi mxerrda, mhux ċentralizzati, fejn għaldaqstant issostni lill-SMEs, tgħin biex tiġi trattata l-kwistjoni tal-livell għoli ta' qgħad fir-reġjuni l-fqar li ġew affettwati mill-globalizzazzjoni u d-deindustrijalizzazzjoni, tnaqqas l-inugwaljanza u tilħaq l-objettivi tal-politika ta' koeżjoni tal-UE; jenfasizza l-importanza tar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-ippjanar ta' dan l-iżvilupp u fl-appoġġ tiegħu;

5.  Jirrikonoxxi r-rwol importanti mwettaq mill-intrapriża soċjali, mhux l-inqas f'termini ta' titjib ta' opportunitajiet ta' impjieg għal dawk esklużi mis-suq tax-xogħol, pereżempju fis-settur tat-tiswija u tal-użu mill-ġdid; jemmen li l-ekodisinn li jassisti fit-tiswija, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, huwa parti integrali mill-ekonomija ċirkolari;

6.  Jenfasizza li filwaqt li l-attivitajiet tal-ekonomija ċirkolari mhumiex intensivi fl-użu tagħhom tar-riżorsi, huma intensivi fl-użu tax-xogħol meta mqabbla ma' ekonomija konvenzjonali, u għaldaqstant għandhom potenzjal għoli għall-ħolqien tal-impjiegi; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu protezzjoni komprensiva lis-saħħa fuq il-post tax-xogħol tal-impjegati, b'mod partikolari fis-setturi fejn prodotti li fihom kontenut partikolarment perikoluż huma riċiklati; jinnota li dawn l-attivitajiet għandhom, għaldaqstant, jingħataw prijorità fl-investiment Ewropew, partikolarment mill-Fond Ewropew għalInvestimenti Strateġiċi (FEIS);

7.  Jemmen li l-investiment f'miżbliet u l-inċinerazzjoni tal-iskart jiddevja r-riżorsi li jistgħu jiġu investiti f'attivitajiet għall-ħolqien tal-impjiegi bħall-prevenzjoni tal-iskart, l-użu mill-ġdid, it-tiswija u l-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-finanzjament taħt il-politika ta' koeżjoni tal-UE jiffoka fuq attivitajiet tal-ekonomija ċirkolari u ma jkunx assenjat għall-miżbliet u l-inċinerazzjoni tal-iskart;

8.  Jemmen li ekonomija ċirkolari hija wieħed mill-elementi prinċipali li se tpatti għat-tnaqqis fl-impjiegi bi kwalifiki għoljin u fl-impjiegi ta' livell medju u toħloq impjiegi dejjiema li jeħtieġu livelli għoljin ta' ħiliet professjonali, pereżempju fir-riċerka u l-iżvilupp u fil-ħidma tal-ippjanar matul ċiklu tal-ħajja ta' prodott;

9.  Jenfasizza li tranżizzjoni effikaċi u mogħnija bl-impjiegi lejn l-ekonomija ċirkolari teħtieġ antiċipazzjoni (jiġifieri l-identifikazzjoni tad-diskrepanzi fil-ħiliet), il-ġestjoni tat-trasformazzjoni proattiva u l-ippjanar fit-tul, anke f'kuntest ta' industrijalizzazzjoni mill-ġdid, speċjalment fiż-żoni l-aktar milquta mill-kriżi ekonomika; jinnota, għaldaqstant, l-importanza tal-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u l-kwalifikazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema, speċjalment fis-setturi li jużaw ir-riżorsi b'mod effiċjenti u l-importanza tad-djalogu soċjali dwar l-aġenda tal-ekonomija ċirkolari; jitlob għal miżuri li se jtejbu l-kwalità tal-informazzjoni, pariri u gwida disponibbli dwar il-karrieri u l-ħiliet meħtieġa għall-kapitalizzazzjoni fuq l-opportunitajiet ta' impjieg ipprovduti mill-ekonomija ċirkolari;

10. Jinnota li, fi tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, trasformazzjoni interna u ridefinizzjoni tal-impjiegi jistgħu jaffettwaw is-setturi b'sehem għoli fil-produzzjoni tal-emissjonijiet; jistieden, b'konsegwenza ta' dan, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jaħdmu f'kollaborazzjoni mas-sħab soċjali u jiżviluppaw il-pjanijiet direzzjonali u l-mekkaniżmi ta' solidarjetà meħtieġa (jiġifieri l-appoġġ finanzjarju, l-inċentivi finanzjarji għall-inizjattivi intraprenditorjali, u l-użu ta' fondi tal-UE eżistenti għal taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet) biex jittaffa l-impatt negattiv tat-tranżizzjoni fuq il-partijiet kollha involuti, prinċiparjament fuq ċerti kategoriji ta' ħaddiema u gruppi soċjalment vulnerabbli;

11. Jemmen bis-sħiħ li l-bidla lejn ekonomija ċirkolari teħtieġ azzjoni deċiżiva u inċentivi kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-Kummissjoni; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jdaħħlu fis-seħħ ambjent regolatorju sod u jistabbilixxu politiki xierqa għall-użu mill-ġdid, it-tiswija u l-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid; iħeġġeġ lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ inċentivi fiskali li jistimulaw l-iżvilupp ta' ekonomija ċirkolari, bħat-tneħħija tal-piż tat-taxxa minn fuq ix-xogħol u d-distinzjoni bejn rati ta' VAT skont il-ġerarkija tal-iskart, biex b'hekk l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, ir-riċiklaġġ, ir-rinnovament u l-użu mill-ġdid ikunu aktar attraenti u jikkontribwixxu għall-ġenerazzjoni ta' tkabbir mogħni bl-impjiegi; jenfasizza li l-azzjonijiet meħuda ma jridu bl-ebda mod jirriżultaw fi tnaqqis tal-kopertura tal-assigurazzjoni soċjali tal-impjegati u jridu jirrispettaw id-drittijiet tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema;

12. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-ekonomija ċirkolari fost l-awtoritajiet lokali, reġjonali u muniċipali, li jirrappreżentaw l-aktar skala rilevanti fejn jistgħu jitwettqu l-attivitajiet assoċjati fuq bażi fit-tul;

13. Jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqas il-piż amministrattiv għan-negozji, b'mod partikolari l-SMEs u l-mikrointrapriżi, li jikkostitwixxu 99 % tan-negozji fl-Unjoni u joħolqu aktar minn 85 % tal-impjiegi fil-kontinent, filwaqt li jinżammu l-istess drittijiet soċjali għall-ħaddiema; ifakkar li, bħala parti minn approċċ proattiv, l-inċentivi fiskali u l-faċilitazzjoni tal-aċċess għall-kreditu għall-intrapriżi tas-settur jistgħu jirrappreżentaw lievi importanti;

14. Jenfasizza li tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u ċirkolari għandha tikkombina miri ambjentali ambizzjużi ma' ħtiġijiet soċjali b'saħħithom, inklużi l-promozzjoni ta' xogħol deċenti u l-kundizzjonijiet tax-xogħol sani u sikuri (jiġifieri l-assigurazzjoni li l-ħaddiema ma jkunux esposti għal sustanzi perikolużi fuq il-post tax-xogħol tagħhom);

15. Ifakkar fl-importanza li jiġu simplifikati l-obbligi tar-rappurtar għall-Istati Membri, inkluż li jiġu ċċarati l-metodi tal-kalkolu għall-miri tal-iskart muniċipali, tal-iskart tal-miżbliet u tal-iskart mill-imballaġġ;

16. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kwistjonijiet soċjali u ambjentali jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku, li huma vitali għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari;

17. Jistieden lill-operaturi differenti jiżviluppaw sħubiji pubbliċi-privati biex jottimizzaw l-istabbiliment ta' ekonomija ċirkolari fuq diversi oqsma;

18.      Ifakkar li l-ġestjoni xierqa tal-iskart perikoluż għadha problematika, l-aktar għas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema; jilqa' f'dan il-kuntest ir-rieda li jissaħħu ż-żamma tar-rekords u t-traċċabbiltà billi jinħolqu reġistri tal-iskart perikoluż u jiġu identifikati l-kapaċitajiet u n-nuqqasijiet tas-sistemi tal-immaniġġjar tal-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jintroduċu l-istrumenti kollha meħtieġa għall-protezzjoni tal-ħaddiema li jiġu f'kuntatt mas-sustanzi perikolużi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

50

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Guillaume Balas, Brando Benifei, David Casa, Ole Christensen, Agnes Jongerius, Jan Keller, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Zdzisław Krasnodębski, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Patrick Le Hyaric, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Javi López, Thomas Mann, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Joëlle Mélin, Elisabeth Morin-Chartier, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Terry Reintke, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Yana Toom, Ulrike Trebesius, Marita Ulvskog, Tatjana Ždanoka, Jana Žitňanská, Inês Cristina Zuber

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Amjad Bashir, Heinz K. Becker, Lynn Boylan, Mercedes Bresso, Deirdre Clune, Tania González Peñas, Eduard Kukan, Edouard Martin, Evelyn Regner, Csaba Sógor

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Andor Deli, Norica Nicolai, Urmas Paet, Pavel Telička, Marco Zanni


OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (2.6.2015)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari

(2014/2208(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Benedek Jávor

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li l-Ewropa hija importatur nett ta' riżorsi naturali u li l-prezzijiet tar-riżosi żdiedu b'147 % fl-ewwel deċennju tas-seklu 21(1)1, biex l-ekonomija tal-Ewropa tkun partikolarment vulnerabbli; jemmen li, sabiex jiġu trattati l-isfidi globali u d-dipendenza tal-UE fuq ir-riżorsi, huwa essenzjali li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi tkun il-bażi tat-tiġdid industrijali Ewropew sabiex l-UE tkun tista' żżomm il-kompetittività tagħha fil-futur, ibbażata fuq setturi innovattivi, tistimola l-kapaċità ta' manifattura u tiġġenera impjiegi bi ħlas ġodda, sostenibbli u deċenti, inklużi impjiegi b'ħiliet speċjalizzati;

2.  Jenfasizza li sabiex l-ekonomija ċirkolari timxi 'l quddiem, hemm il-ħtieġa ta' bidla fundamentali sabiex ir-riżorsi ma jinħlewx; iqis li din il-bidla teħtieġ li jingħataw sinjali xierqa lill-produtturi u lill-konsumaturi, bħal pereżempju permezz ta' qafas fiskali dinamiku u regolatorju, it-tħaffif tat-transizzjoni lejn ekonomija bbażata fuq enerġija rinnovabbli u l-mitigazzjoni tal-effett ta' rebound potenzjali; jemmen li hemm bżonn ta' taħlita ta' approċċi, b'rispett lejn is-sussidjarjetà fuq livelli varji ta' politika, inklużi iżda mhux limitata għal:

–   internalizzazzjoni tal-esternalitajiet u promozzjoni tal-prinċipju ta' użu kaskata tar-riżorsi,

–   użu ta' skart riċiklabbli bħala sors ewlieni affidabbli ta' materja prima permezz tal-iżvilupp ta' ċikli ta' materjali mhux tossiċi,

–   iffokar fuq flussi ta' materjali ewlenin, it-trattament ta' prodotti intensivi fir-riżorsi, u l-ippremjar ta' dawk li qegħdin fuq quddiem,

–   tfassil ta' mudelli ta' negozju li jagħtu inċentivi għall-għeluq taċ-ċirku tal-materjali u l-prodotti,

–   iddisinjar ta' prodotti li jservu fit-tul, jistgħu faċilment jissewwew u jkunu magħmula minn komponenti li jistgħu faċilment jiġu użati mill-ġdid jew riċiklati,

–   organizzar ta' loġistika sabiex prodotti li m'għadhomx jintużaw jistgħu b'mod faċli u effiċjenti jiġu ritornati lejn il-bidu tal-katina,

–   li jimmiraw lejn regolamentazzjoni intelliġenti, li jżommu fis-seħħ prattiki ppruvati tajbin, is-simplifikazzjoni u/jew l-armonizzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE fejn meħtieġ u l-iżgurar ta' implimentazzjoni aħjar;

3.  Jenfasizza li t-titjib tal-użu tar-riżorsi permezz ta' rekwiżiti tad-disinn aħjar u permezz ta' leġiżlazzjoni dwar l-iskart li tiżgura ċaqliq 'il fuq fil-ġerarkija tal-iskart (biex b'hekk titrawwem il-prevenzjoni tal-iskart, l-użu mill-ġdid, il-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ), jistgħu jġibu ammont sostanzjali ta' tfaddil nett għan-negozji tal-UE, l-awtoritajiet pubbliċi u l-konsumaturi, stmat għal EUR 600 biljun, jew 8 % tal-fatturat annwali, filwaqt li jnaqqsu l-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra annwali bi 2-4 %; jenfasizza li jekk il-produttività tar-riżorsi tiżdied bi 30 % sal-2030, din tista' tagħti spinta lill-PDG bi kważi 1 % u toħloq 2 miljun impjieg sostenibbli addizzjonali(2)1; ifakkar li l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi hija objettiv ta' prijorità tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali, li jenfasizza l-ħtieġa biex jiġu stimulati l-produzzjoni u d-domanda tal-konsumatur għall-prodotti u servizzi sostenibbli ambjentalment permezz ta' politiki li jippromwovu d-disponibbiltà, l-affordabilità, il-funzjonalità u l-attraenza tagħhom; jenfasizza li l-iskarsezza tar-riżorsi jeħtieġ timmira lejn id-diżakkoppjament sabiex jinżamm l-użu tar-riżorsi u ż-żieda fil-PDG fi ħdan il-limiti bijofiżiċi tal-pjaneta;

4.  Jissottolinja l-importanza tal-miri tal-UE sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi;

5.  Jagħmel enfasi fuq l-analiżi tal-Kummissjoni li turi li l-adozzjoni ta' miri ġodda dwar l-iskart toħloq 180 000 impjieg ġdid, tagħmel l-UE aktar kompetittiva u tnaqqas id-domanda għal riżorsi skarsi li jiswew ħafna flus(3)2; jiddispjaċih bl-irtirar tal-proposta leġiżlattiva dwar l-iskart(4)3, iżda fit-tħabbira tal-Viċi President Timmerman waqt is-sessjoni parzjali tal-Parlament f'Diċembru 2014, jara l-opportunità għal Pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari (CEP) ġdid u aktar ambizzjuż, li għandu jiġi mressaq sa tmiem l-2015; jitlob għal proposta leġiżlattiva, abbażi ta' valutazzjoni tal-impatt, li tindirizza mhux biss flussi tal-iskart mid-djar iżda anke dawk industrijali u kummerċjali, u ta' miri kwantitattivi biex jitressqu sal-2015 bħala parti mis-CEP l-ġdid; jitlob biex is-CEP l-ġdid jindirizza flussi tal-iskart speċifiċi, inklużi l-iskart organiku, l-iskart minn tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) u l-iskart tal-kostruzzjoni;

6.  Jitlob biex is-CEP jinkludi dispożizzjonijiet li jistabbilixxu, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Pjattaforma Ewropea għall-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi(5)4, il-pakkett tal-UE dwar il-Klima u l-Enerġija u s-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali, qafas ta' politika komprensiv li b'mod sinifikattiv iżid l-indipendenza fir-riżorsi tal-Ewropa permezz ta' objettivi konkreti ta' politika u integrazzjoni aħjar u s-simplifikazzjoni ta' għodod tal-politika eżistenti, bħal permezz tal-implimentazzjoni sħiħa u t-tisħiħ tad-Direttivi dwar l-Ekodisinn u l-Ekotikkettar għal diversi tipi ta' prodotti u l-użu effiċjenti tar-riżorsi; jinsisti li l-għodod u l-miżuri jridu jiżguraw opportunitajiet reali għall-SMEs kif ukoll il-parteċipazzjoni attiva tagħhom bħala atturi ewlenin, iżda anke għall-impriżi tal-ekonomija soċjali u l-awtoritajiet lokali fl-ekonomija ċirkolari; jenfasizza li l-qafas għandu jinkludi politiki konkreti u l-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli u lokali, jevita rekwiżiti amministrattivi sproporzjonati u jibqa' affordabbli għall-unitajiet domestiċi;

7.  Jitlob biex is-CEP jinkludi dispożizzjonijiet li jipprovdu għal miżuri ta' appoġġ speċifiċi għall-SMEs, bħal miżuri biex jiġu promossi s-sensibilizzazzjoni, l-assistenza teknika, u l-aċċess għall-finanzi, l-informazzjoni u l-ħiliet; jappoġġja l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku għall-SMEs tal-Kummissjoni u jilqa' t-twaqqif ta' Ċentru Ewropew tal-Eċċellenza fl-Effiċjenza tar-Riżorsi sabiex jipprovdi pariri u jgħin lill-SMEs li jridu jtejbu l-prestazzjoni tal-effiċjenza fir-riżorsi tagħhom;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi garantita kompetizzjoni ġusta bejn kumpaniji privati u pubbliċi li jittrattaw l-iskart, anki meta jkun hemm monopolju tal-iskart muniċipali jew pubbliku li jorganizza s-sistema tal-ġbir;

9.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jsaħħu l-qafas regolatorju dwar ir-responsabbiltà estiża tal-produttur (EPR) u biex iżidu t-trasparenza fl-implimentazzjoni tal-iskemi tal-EPR; iqis li definizzjonijiet ċari u metodu komuni ta' kalkolu, ibbażati fuq data bbażata fuq evidenza u rekwiżiti minimi għall-iskemi EPR, huma kruċjali; jenfasizza l-ħtieġa li jitjiebu r-rekwiżiti tad-disinn għall-imballaġġ sabiex jitnaqqas l-użu tal-materjali u jittejjeb ir-riċiklaġġ;

10. Jitlob biex is-CEP jinkludi dispożizzjonijiet li jtejbu u jsaħħu l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, u li tiġi introdotta politika ta' ġestjoni tal-materjali sostenibbli fuq livell tal-UE, li tinvolvi l-partijiet interessati rilevanti kollha u b'approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja mmirat lejn użu tal-materjali ekoeffiċjenti, durabbli u ambjentalment responsabbli – matul l-estrazzjoni, id-disinn, il-produzzjoni, il-konsum, il-manutenzjoni, l-immaniġġjar tal-iskart u l-użu mill-ġdid – kif ukoll bħala sostituzzjoni effiċjenti tas-sustanzi u l-materjali perikolużi; isostni, fir-rigward tal-unitajiet domestiċi, li l-miżuri msemmija hawn fuq m'għandhom qatt jaqbżu l-limiti tal-affordabbiltà ekonomika;

11. Jenfasizza li prodotti b'bażi bijoloġika u s-servizzi relatati jridu jiġu assenjati pożizzjoni speċjali fl-ekonomija ċirkolari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu kont tal-objettivi tal-istrateġija dwar il-bijoekonomija tal-2012(6); iqis li l-injam sostenibbli u l-materjali bbażati fuq l-injam jistgħu jintużaw bħala sostituti għall-materjali mhux rinnovabbli fil-produzzjoni primarja, u b'hekk titkabbar is-sostenibbiltà tal-ekonomija ċirkolari tul il-katina kollha tal-valur;

12. Ifakkar fil-ħtieġa li jkunu żgurati livelli għolja ta' miżuri ta' saħħa u sikurezza okkupazzjonali skont ir-riskji speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-ħaddiema f'xi wħud minn dawn is-setturi;

13. Jenfasizza l-potenzjal tal-estrazzjoni minerarja urbana fir-riklamazzjoni tal-materjal tal-iskart u tat-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet ta' materja prima; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, b'mod partikolari fir-rigward tal-vjeġġi ta' skart u tal-iskart perikoluż, kif ukoll biex itejbu l-attivitajiet ta' spezzjoni għall-ġlieda kontra it-trasferimenti tal-iskart illegali; jistieden lill-Kummissjoni tagħlaq kwalunkwe lakuna li tinsab fir-Regolament dwar Vjeġġi ta' Skart; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ffaċilitati d-domanda tas-suq għar-riċiklaġġ ta' materjali, l-inċentivi fis-suq tal-materja prima sekondarja, u l-ħtieġa għall-ħolqien ta' suq Ewropew għal prodotti riċiklati;

14. Jenfasizza l-potenzjal li l-użu mill-ġdid, it-tiswija, u t-tħejjija għall-użu mill-ġdid imtejba ta' prodotti joffru għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja u sostenibbli, għall-iffrankar tar-riżorsi u għall-iżvilupp tar-rwol tal-ekonomija soċjali, l-intraprenditorija u l-atturi tal-SMEs, inklużi l-intrapriżi soċjali; jitlob li s-CEP l-ġdid jinkludi dispożizzjonijiet li jinċentivaw kemm l-użu mill-ġdid u kemm il-preparamenti għall-użu mill-ġdid permezz ta' miri kwantitattivi, li jiżguraw aċċess għal flussi tal-iskart permezz ta' ċentri tal-użu mill-ġdid approvati u li jappoġġja l-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tal-użu mill-ġdid, l-infrastrutturi tat-tiswija u n-netwerks; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li jkun hemm standards aħjar tad-disinn tal-prodotti sabiex il-prodotti għall-konsumaturi jservu aktar, ikunu jistgħu jiżżarmaw faċilment, ikunu jistgħu jiġu aġġornati, jissewwew u jiġu riċiklati; jistieden lill-Kummissjoni tagħti mandat lill-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni biex jaħdmu b'mod attiv ma' rappreżentanti tal-SMEs u organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u tas-soċjetà ċivili għal dan il-għan;

15. Iqis il-ħtieġa għal miżuri, fil-livell tal-UE, dwar il-ġlieda kontra l-obsolexxenza ppjanata; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra testendi, pereżempju, il-garanziji legali minimi għall-prodotti tal-konsumatur, u tintroduċi klawżoli ta' tiswija fil-leġiżlazzjoni rilevanti li jeħtieġu lill-manifatturi soġġetti għad-Direttivi rilevanti (l-Iskart, l-Ekodisinn, il-WEEE, il-Batteriji, id-Drittijiet tal-Konsumatur) li jagħmlu l-informazzjoni rilevanti u affidabbli (bħal dwar it-tul tal-ħajja, it-trattament ta' tmiem il-ħajja, ir-riċiklabilità, iż-żarmar u l-impatti ambjentali) disponibbli bla ħlas lill-operaturi, lill-prokuraturi u lill-konsumaturi tal-użu mill-ġdid, sabiex jiffaċilitaw ix-xiri infurmat, l-aġġornamenti u t-tiswijiet, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ;

16. Jistieden lill-Istati Membri jinċentivaw l-użu mill-ġdid, it-tiswija u d-domanda għal prodotti li jservu permezz ta' strumenti min-naħa tad-domanda bħall-politika ta' żero VAT fuq it-tiswija u l-bejgħ ta' prodotti użati u t-tisħiħ tal-kriterji ekoloġiċi tal-akkwist pubbliku sabiex jinxtraw prodotti aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, li jaħlu anqas u li jkunu aktar riċiklabbli;

17. Jilqa' l-fatt li, fil-komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tindirizza diversi sfidi speċifiċi tal-iskart bħal prevenzjoni tal-iskart, l-iskart tal-baħar u l-ħela tal-ikel; jiġbed l-attenzjoni lejn l-impatt ekonomiku dirett fuq in-negozji u l-konsumaturi tal-ħela tal-ikel, minħabba l-ispejjeż tar-rimi tal-iskart u t-telf ekonomiku kkawżat minn rimi ta' ikel li jista' jerġa' jinbiegħ jew jittiekel (kull sena, fl-UE tintrema aktar minn 100 miljun tunnellata ta' ikel); ifakkar li kull euro li jintefaq fuq il-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel jista' jipprevjeni 250 kg ta' ikel, li jiswa EUR 500, milli jinħela; jenfasizza l-potenzjal ambjentali u ekonomiku tar-riċirkolazzjoni ta' nutrijenti bejn iż-żoni urbani u dawk rurali, u tal-"għeluq taċ-ċirku" bejn il-bliet u l-industrija agrikola; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjonijiet tal-iskart tal-ikel u taċ-ċirkulazzjoni mill-ġdid tan-nutrijenti fil-kuntest tas-CEP; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi skemi ta' ġbir separat tal-iskart tal-ikel u organiku (inkluż, fejn rilevanti, ġbir bieb bieb), u biex tagħti prijorità lill-ikkompostjar tal-materjal organiku;

18. Jenfasizza li huwa importanti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jippromwovu l-ħolqien ta' progammi ta' simbjożi industrijali li jappoġġjaw sinerġiji industrijali għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, u li jgħinu lill-kumpaniji – b'mod partikulari lill-SMEs – jiskopru kif l-enerġija tagħhom, l-iskart u l-prodotti sekondarji jistgħu jservu ta' riżorsi għall-oħrajn; jiġbed l-attenzjoni lejn kunċetti simili, bħal "minn nieqa sa nieqa" u l-ekoloġija industrijali;

19. Jappella lill-kumpaniji prinċipali tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni u lil dawk l-Istati Membri li fetħu s-swieq tagħhom għall-prodotti ta' dawn il-kumpaniji biex jistabbilixxu, skont il-kundizzjonijiet tas-suq, punti tal-ġbir u tat-teħid lura għal makkinarju u tagħmir użat sabiex materja prima sekondarja miksuba mir-riċiklaġġ tkun tista' tintuża mill-ġdid direttament skont il-kundizzjonijiet tas-suq;

20. Jenfasizza l-ħtieġa għal qafas fiskali skont il-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas", li jipprovdi s-sinjali t-tajba għall-investiment fl-użu effiċjenti tar-riżorsi, l-immodernizzar tal-proċessi ta' produzzjoni u l-manifattura ta' prodotti li jissewwew aktar u li jservu aktar (pereżempju taxxi aktar baxxi fuq l-attivitajiet ta' servizzi ta' tiswija u taxxi ogħla fuq prodotti b'użu intensiv tar-riżorsi, mhux riċiklabbli u prodotti b'użu uniku); jitlob li jsir progress f'dan il-qasam biex jiġi segwit mill-Istati Membri bħala parti mill-proċess tas-Semestru Ewropew(7); jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jeliminaw gradwalment is-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent u biex jintroduċu tariffi adegwati fuq attivitajiet ineffiċjenti mil-lat tar-riżorsi, bħar-rimi fil-miżbliet u l-inċinerazzjoni ta' materjali li jistgħu jiġu rkuprati u riċiklati;

21. Jirrimarka li l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tista' tgħin lin-negozji tal-UE jisfruttaw is-swieq tal-ekoindustriji li qed jikbru malajr, iżda jinnota li l-investiment f'mudelli kummerċjali innovattivi, f'ħafna każijiet, mhuwiex previst b'mod xieraq; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi bażi politika xierqa għall-ekonomija ċirkolari; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment jiżguraw li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) jappoġġja l-objettivi tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija – inkluża l-effiċjenza mtejba fl-użu tal-enerġija tal-bini (inkluża l-akkomodazzjoni soċjali) u l-iżvilupp ta' SMEs ambjentalment sostenibbli u innovattivi, in-negozji li għadhom kemm jiftħu (start-ups) u l-intraprendituri – u jsaħħaħ is-servizzi ta' konsulenza dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi; jitlob biex il-finanzjament allokat għall-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs tal-UE (COSME), l-Orizzont 2020, u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej ikun aktar iffokat fuq l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet sostenibbli, innovattivi u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u fuq mudelli kummerċjali ġodda (bħall-kiri jew sistemi ta' servizz ta' prodotti), u li jtejbu l-effiċjenza tad-disinn u l-materjal tal-prodott fil-prestazzjoni tal-prodott u l-proċessi; jistieden lill-Kummissjoni biex twaqqaf l-użu tal-fondi tal-UE għal rimi f'miżbla, u, sabiex tiġi evitata l-ħela ta' materjali ta' valur u l-ħolqien ta' effetti ta' saturazzjoni (lock-in effects) u sitwazzjonijiet ta' kapaċità żejda, jieqfu milli jippromwovu u jinvestu f'infrastruttura biex l-iskart jiġi kkonvertit f'enerġija;

22. Jenfasizza li l-UE għandha ekonomija miftuħa, involuta f'importazzjonijiet u esportazzjonijiet f'suq globali; jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-isfida globali tat-tnaqqis ta' riżorsi fil-livell internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw b'mod attiv il-ħidma tal-Bord Internazzjonali għar-Riżorsi fi ħdan il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), u jinvestigaw kwistjonijiet ta' riżorsi kritiċi dinjija u jiżviluppaw soluzzjonijiet prattiċi għal dawk li jfasslu l-politika, l-industrija u s-soċjetà;

23. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel aktar enfasi fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati l-ħiliet professjonali rilevanti, u jirrimarka li s-CEP għandu jinkludi miżuri u finanzjament għal programmi ta' edukazzjoni u taħriġ għall-ħaddiema u għan-nies qiegħda;

24. Jenfasizza li ż-żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tista' tnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq l-enerġija u l-faqar enerġetiku, li jolqot madwar 125 miljun ċittadin Ewropew; josserva li jaqbel li l-effiċjenza enerġetika titqies bħala unità separata ta' sors ta' enerġija, li t-tkabbir tagħha jikkontribwixxi b'mod sostanzjali għall-iżvilupp tal-industrija tal-UE, għall-ħolqien tal-impjiegi u l-moderazzjoni tal-kontijiet tal-enerġija tan-nies.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

53

8

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nicolas Bay, Jerzy Buzek, Soledad Cabezón Ruiz, Philippe De Backer, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Peter Eriksson, Adam Gierek, Theresa Griffin, Marek Józef Gróbarczyk, András Gyürk, Roger Helmer, Hans-Olaf Henkel, Dawid Bohdan Jackiewicz, Eva Kaili, Kaja Kallas, Barbara Kappel, Krišjānis Kariņš, Seán Kelly, Jeppe Kofod, Janusz Lewandowski, Paloma López Bermejo, Edouard Martin, Angelika Mlinar, Csaba Molnár, Nadine Morano, Dan Nica, Morten Helveg Petersen, Herbert Reul, Paul Rübig, Algirdas Saudargas, Jean-Luc Schaffhauser, Neoklis Sylikiotis, Dario Tamburrano, Evžen Tošenovský, Claude Turmes, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Henna Virkkunen, Martina Werner, Anna Záborská, Flavio Zanonato, Carlos Zorrinho

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Pervenche Berès, David Coburn, Miriam Dalli, João Ferreira, Francesc Gambús, Jens Geier, Gerben-Jan Gerbrandy, Benedek Jávor, Constanze Krehl, Barbara Kudrycka, Werner Langen, Olle Ludvigsson, Vladimír Maňka, Marian-Jean Marinescu, Sofia Sakorafa, Massimiliano Salini

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Eleonora Evi, Cecilia Wikström

(1)

1 Skont McKinsey Global Institute, il-prezzijiet tal-enerġija żdiedu b'190 %, l-ikel b'135 % u l-materjali b'135 %. Ara "Resource revolution: Meeting the world’s energy, materials, food, and water needs", Novembru 2011, p. 30 (http://www.mckinsey.com/insights/energy_resources_materials/resource_revolution) .

(2)

1 Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari: programm ta' skart żero għall-Ewropa" (COM(2014)0398).

(3)

2 Id-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014, li fih sommarju eżekuttiv tal-valutazzjoni tal-impatt li jakkumpanja l-proposta għal direttiva li temenda d-Direttivi dwar l-iskart (COM(2014)0397) (SWD(2014)0208).

(4)

3 Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2008/98/KE dwar l-iskart, 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma, 2000/53/KE dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw, 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi, u 2012/19/UE dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (COM(2014)0397).

(5)

4 Il-Manifest u Rakkomandazzjonijiet tal-Politika tal-Pjattaforma Ewropea għall-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi (EREP), Marzu 2014:http://ec.europa.eu/environment/resource_efficiency/documents/erep_manifesto_and_policy_recommendations_31-03-2014.pdf

(6)

Ninnovaw għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa (COM(2012)0060), (SWD(2012)0011), http://ec.europa.eu/transparency/regdoc/rep/1/2012/MT/1-2012-60-MT-F1-1.Pdf.

(7)

Green Budget Europe, 2015, Country-Specific Recommendations in Support of the European Semester Process, paġna 6 http://www.foes.de/pdf/2015-02-25_CSR%20Recommendations_FINAL.pdf.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.6.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

56

5

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Lynn Boylan, Nessa Childers, Alberto Cirio, Birgit Collin-Langen, Mireille D’Ornano, Seb Dance, Angélique Delahaye, Jørn Dohrmann, Stefan Eck, Bas Eickhout, Eleonora Evi, José Inácio Faria, Karl-Heinz Florenz, Iratxe García Pérez, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Benedek Jávor, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Massimo Paolucci, Gilles Pargneaux, Piernicola Pedicini, Pavel Poc, Marcus Pretzell, Frédérique Ries, Annie Schreijer-Pierik, Davor Škrlec, Renate Sommer, Dubravka Šuica, Tibor Szanyi, Glenis Willmott, Jadwiga Wiśniewska, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Nikos Androulakis, Paul Brannen, Renata Briano, Nicola Caputo, Mark Demesmaeker, James Nicholson, Marit Paulsen, Marijana Petir, Sirpa Pietikäinen, Bart Staes, Claude Turmes, Tom Vandenkendelaere

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Damian Drăghici, Fredrick Federley, Anthea McIntyre, Jens Nilsson, Morten Helveg Petersen

Avviż legali