Proċedura : 2014/2235(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0222/2015

Testi mressqa :

A8-0222/2015

Dibattiti :

PV 09/09/2015 - 17
CRE 09/09/2015 - 17

Votazzjonijiet :

PV 10/09/2015 - 8.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0321

RAPPORT     
PDF 726kWORD 249k
30.6.2015
PE 551.790v02-00 A8-0222/2015

dwar il-ħolqien ta' suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE għas-seklu 21: it-tlaqqigħ tal-ħiliet u l-kwalifiki mad-domanda u l-opportunitajiet ta' impjieg, bħala mod kif nirkupraw mill-kriżi

(2014/2235(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

Rapporteur: Martina Dlabajová

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
 SEJĦA TAL-ISMIJIET GĦALL-VOTAZZJONI FINALI
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-ħolqien ta' suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE għas-seklu 21: it-tlaqqigħ tal-ħiliet u l-kwalifiki mad-domanda u l-opportunitajiet ta' impjieg, bħala mod kif nirkupraw mill-kriżi

(2014/2235(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-2014(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2014 intitolata "L-Unjoni Ewropea kif tista' tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' ambjent ospitabbli biex l-intrapriżi, in-negozji u n-negozji l-ġodda joħolqu l-impjiegi?"(2),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tad-29 ta’ April 2015 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew, fir-rigward ta’ żieda fl-ammont ta’ prefinanzjament inizjali mħallas għal programmi operazzjonali appoġġati mill-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ(3);

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Lulju 2014 dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ(4),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2014 dwar ir-rispett tad-dritt fundamentali tal-moviment liberu fl-UE(5),

–       wara li kkunsidra waħda mill-prijoritajiet tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26-27 ta’ Ġunju 2014: biex jiġi megħjun l-iżvilupp ta’ ħiliet, u jsir disponibbli talent u bidliet fil-ħajja għal kulħadd permezz tal-promozzjoni tal-ħiliet adattati għall-ekonomija moderna u għat-tagħlim tul il-ħajja,

–       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Jannar 2014 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar netwerk Ewropew ta’ Servizzi tal-Impjieg, l-aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta’ mobilità u l-integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol,

–       wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim mhux formali u informali (2012/C 398/01),

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0222/2015),

A.     billi l-eżistenza ta’ xogħlijiet fejn il-postijiet tax-xogħol vakanti li ma jistgħux jimtlew minħabba nuqqas ta’ ħaddiema kwalifikati tvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor;

B.     billi, skont il-Kummissjoni(6), sa 12.4 miljun ruħ ilhom qiegħda għal aktar minn sena u, minnhom, 6 miljuni għal aktar minn sentejn; billi l-qgħad fuq terminu twil għandu impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku u s-sostenibilità ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali u tista’ ssir problema strutturali;

C.     billi r-riġiditajiet tas-suq tax-xogħol, in-nuqqas ta’ domanda domestika u l-investiment qed ikollhom impatt negattiv fuq il-ħolqien tal-impjiegi, filwaqt li s-suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE jqis li dawn it-tliet fatturi jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri tal-impjieg u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali tal-Ewropa 2020;

D.     billi t-talba għal ħaddiema b’livell baxx ta’ kwalifiki qiegħda tonqos filwaqt li d-domanda għal ħaddiema b’livell għoli ta’ kwalifiki qiegħda tikber b’mod konsiderevoli; billi din l-evoluzzjoni tas-suq tax-xogħol Ewropew tirrikjedi t-teħid ta’ azzjoni fuq il-ħiliet tal-ħaddiema kif ukoll taħriġ inizjali u vokazzjonali;

E.     billi, fl-2012, wieħed minn kull tliet impjegati Ewropej kienu jew kwalifikati żżejjed jew mhux kwalifikati biżżejjed għax-xogħlijiet tagħhom(7); u billi l-impjegati żgħażagħ huma tipikament aktar probabbli li jkunu formalment kwalifikati żżejjed, filwaqt li huwa wkoll aktar probabbli li jaħdmu f’xogħlijiet anqas imqabbla mal-ħiliet tagħhom minn ħaddiema aktar imdaħħla fiż-żmien;

F.     billi xi studji jissuġġerixxu li parti rilevanti tax-xogħlijiet eżistenti se tisparixxi jew tonqos ħafna fil-kwantità minħabba l-awtomatizzazzjoni;

G.     billi l-ispinta lejn ekonomija b’livell ogħla ta’ ħiliet tfisser li matul il-ħames snin li ġejjin, ħafna aktar negozji jistennew li jżidu n-numru ta’ impjiegi li jeħtieġu ħiliet ta' tmexxija, ta' ġestjoni u livell ogħla ta’ ħiliet;

H.     billi l-mobilità tal-ħaddiema Ewropej iżżid l-impjegabilità tagħhom u ttejjeb il-kompetittività tas-suq tax-xogħol Ewropew;

Il-kriżi ekonomika u l-konsegwenzi tagħha

1.      Jinnota li fid-dawl tal-kriżi ekonomika u l-kriżi finanzjarja Ewropea u t-tnaqqis konsegwenti fir-ritmu ekonomiku, għadd ta’ Stati Membri qed jissieltu ma’ livelli għolja ta’ qgħad (UE28: 9,8 % kif ukoll ma’ dejn pubbliku, tkabbir baxx u investiment insuffiċjenti; jinnota t-tnaqqis fin-nefqa pubblika; huwa ulterjorment ikkonċernat li f'ħafna Stati Membri r-rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ (UE 28: 20,9 %) huma ħafna ogħla u li każijiet ta' titjib u rati aktar baxxi huma rari;

2.      Iqis li huma meħtieġa politiki ekonomiċi u soċjali u riformi tas-suq tax-xogħol ambizzjużi sabiex tingħata spinta lil tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u biex jinħolqu aktar xogħlijiet li jwasslu għal impjieg ta' kwalità u sostenibbli; jenfasizza ulterjorment il-ħtieġa għal sistemi ta' sigurtà soċjali li jinkludu t-titjib tal-ħiliet tad-diżokkupati, filwaqt li titrawwem l-impjegabilità ta' persuni nieqsa minn kwalifiki jew li għandhom kwalifiki verament baxxi, kif ukoll jingħataw inċentivi u opportunitajiet ta' xogħol;

Is-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-UE

3.      Jinnota li anki jekk il-provvista ta' ħaddiema hija biżżejjed biex tlaħħaq mad-domanda għall-ħaddiema, jista’ xorta jkun hemm nuqqasijiet kwalitattivi minħabba li dawk li jkunu qed ifittxu xogħol jistgħu ma jkunux adattati għall-pożizzjonijiet miftuħa, bħala riżultat ta’ diskrepanza bejn is-setturi, l-okkupazzjonijiet jew ir-rekwiżiti tal-ħiliet;

4.      Huwa mħasseb li r-rati tal-qgħad fl-UE baqgħu relattivament għolja (Marzu 2015, UE 28: 9,8 %, u naqsu b'mod sinifikanti fi ftit pajjiżi biss, u jiġbed l-attenzjoni lejn id-differenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri, bir-rati ta' qgħad l-aktar baxxi fil-Ġermanja u fl-Awstrija (madwar 5 %) u bl-ogħla fil-Greċja u fi Spanja (26 % u 23 % rispettivament(8)); billi dawn id-differenzi enormi jżidu r-riskju ta’ frammentazzjoni tas-suq tax-xogħol kemm fl-Istati Membri kif ukoll bejniethom u jheddu l-istabilità ekonomika u l-koeżjoni soċjali tal-UE;

5.      Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-rata medja tal-impjieg tan-nisa fl-UE hija aktar minn 10 punti perċentwali anqas minn dik tal-irġiel u jenfasizza li l-kisba tal-mira ta’ rata tal-impjieg ta’ 75 % kif spjegat fl-istrateġija tal-Ewropa 2020 hija kondizzjonali fuq iż-żieda fir-rata tal-impjieg għan-nisa permezz ta’ politiki mmirati b’mod partikolari lejn ir-rikonċiljazzjoni tad-dmirijiet tax-xogħol u tad-dar;

6.      Jinnota li l-qgħad fost iż-żgħażagħ ivarja b'mod sinifikanti fl-UE, b'rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ tal-età ta’ bejn is-16 u l-25 sena ogħla minn 50 % f’ċerti Stati Membri; jenfasizza li livelli għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ, flimkien mal-fatt li dawn jaffettwaw ġenerazzjoni sħiħa, jheddu l-bilanċ bejn il-ġenerazzjonijiet;

7.      Jenfasizza li għad hemm differenza ta’ 26 % fir-rata tal-impjieg għall-persuni b’diżabilità meta mqabbla mar-rata tal-impjieg medja tal-UE, b’rata tal-impjieg għall-persuni b’diżabilità ta’ anqas minn 50 %;

8.      Huwa mħasseb ħafna dwar il-livelli tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa; jissottolinja f'dan ir-rigward l-importanza tal-edukazzjoni duwali bħat-taħriġ vokazzjonali u l-apprendistati fit-tqabbil tal-ħiliet taż-żgħażagħ mat-talbiet tas-suq tax-xogħol; jitlob għaldaqstant punt ta’ riferiment Ewropew dwar l-edukazzjoni duwali li tenfasizza l-korrelazzjoni bejn l-edukazzjoni duwali u l-impjieg taż-żgħażagħ; data għal dan il-punt ta' riferiment tista' tinġabar kull sena permezz tal-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol u għandha bħala minimu tkejjel: l-ammont/persentaġġ tal-ħin mgħoddi f'kumpanija (apprendistat) waqt l-edukazzjoni; in-numru ta' xhur wara l-gradwazzjoni qabel l-impjieg;

9.      Jenfasizza li elementi bħal forza tax-xogħol kwalifikata, il-kapaċità tal-innovazzjoni, iż-żieda fil-kapaċità tal-akkwist u l-ambjent soċjoekonomiku u politiku stabbli huma indispensabbli sabiex tinħoloqklima ta’ investiment tajba;

10.    Jinnota l-livell għoli ta’ qgħad fit-tul, u jwissi dwar il-bżonn li jiġi miġġieled immedjatament, fid-dawl tar-reżiljenza li hija assoċjata miegħu;

11.    Jinnota li bosta sfidi importanti qed jaffettwaw is-suq tax-xogħol tal-Ewropa, inklużi l-globalizzazzjoni, is-soċjetà li qed tixjieħ, bidliet teknoloġiċi rapidi bħad-diġitizzazzjoni u r-robotizzazzjoni, id-diskrepanza bejn ħiliet u impjiegi u domanda dejjem tikber għal ħaddiema b'livell għoli ta' ħiliet, bi provvista eċċessiva ta' ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet, li jikkawżaw polarizzazzjoni fil-pagi;

12.    Jinnota madankollu r-riskji enfasizzati mis-CEDEFOP rigward il-kontinwazzjoni tad-diskrepanza fil-ħiliet u l-obsolexxenza tal-ħiliet minħabba d-domanda baxxa li twassal għal livell għoli ta’ qgħad;

13.    Jenfasizza d-differenzi konsiderevoli fl-opportunitajiet tal-impjiegi bejn l-Istati Membri, jissottolinja f’dan ir-rigward li l-opportunitajiet tal-impjiegi huma element kruċjali għal suq tax-xogħol dinamiku li jlaqqa’ l-ħiliet u l-impjiegi u li joħloq opportunitajiet u possibilitajiet għan-negozji u għall-impjegati, u huwa mħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni statika fis-swieq tax-xogħol f’ċerti Stati Membri; jitlob għalhekk punt ta’ riferiment Ewropew dwar l-opportunitajiet tal-impjiegi fl-Istati Membri; data għal dan il-punt ta' riferiment tista' tinġabar kull sena permezz tal-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol u għandha bħala minimu tkejjel: in-numru ta' opportunitajiet tax-xogħol fi Stat Membru; id-durata medja tal-qgħad;

14.    Jinnota li l-Ewropa għandha 24 miljun persuna qiegħda, inklużi 7,5 miljun NEETs, u min-naħa l-oħra żewġ miljun post tax-xogħol vakanti, u li l-kumpaniji Ewropej huma affettwati minn nuqqas kbir ta’ persuni kwalifikati u ta' forza tax-xogħol b’ħiliet trasferibbli;

15.    Jirrimarka li, minkejja r-rati għolja ta' qgħad f'xi Stati Membri u postijiet tax-xogħol vakanti f'oħrajn, il-mobilità tax-xogħol ġewwa l-UE għadha baxxa (UE 27: 0,29 %), bħala riżultat fost l-oħrajn tal-ostakli eżistenti, u b'paragun internazzjonali, kważi 10 darbiet aktar baxxa milli fl-Istati Uniti u 5 darbiet aktar baxxa milli fl-Awstralja; jiġbed l-attenzjoni għas-seba' miljun ċittadin tal-UE li jgħixu u jaħdmu, sa mill-2013, fi Stat Membru li mhuwiex il-pajjiż taċ-ċittadinanza tagħhom; ifakkar li attwalment fl-UE hawn aktar minn żewġ miljun post tax-xogħol vakanti; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa ta' mobilità tax-xogħol ġusta fl-Unjoni sabiex din id-diskrepanza tintemm;

16.    Jinnota li s-suq tax-xogħol tal-UE jista' jgħin fl-assorbiment ta' konċnetrazzjonijiet kbar ta' qgħad eżistenti f'għadd ta' reġjuni tal-Ewropa;

17.    Jemmen li s-suq tax-xogħol Ewropew se jadatta għall-kultura, il-mudell ta’ produzzjoni u l-istruttura tan-negozji tar-reġjuni differenti Ewropej, u li d-differenzi bejniethom se jitqiesu fl-adozzjoni ta' miżuri li jagħmlu s-suq tax-xogħol aktar flessibbli;

18.    Ifakkar li waqt perjodu ta' tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, l-individwi jaffaċċjaw sfidi akbar biex isibu l-impjiegi u li xi drabi jkollhom jaċċettaw impjiegi b'rekwiżiti edukattivi aktar baxxi minn dawk li diġà jkollhom; jenfasizza li t-tkabbir permezz tal-ħolqien ta' impjiegi bi kwalifiki għoljin u l-isforzi għall-istimulazzjoni tal-ħolqien tal-impjiegi permezz tal-faċilitazzjoni tal-investiment f'setturi ġodda għaldaqstant huwa mod rilevanti biex tittaffa l-prevalenza ta' soprakwalifiki fi ħdan l-ekonomiji tal-UE;

It-trawwim ta' suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE

19.    Jemmen li sabiex jinkiseb suq tax-xogħol kompetittiv fl-UE, riformi ambizzjużi huma meħtieġa biex tiżdied l-inklużività, il-flessibbilità intelliġenti, l-innovazzjoni u l-mobilità, jissaħħaħ ir-rwol tad-djalogu soċjali, jiġi stimulat il-ħolqien ta' aktar impjiegi li jwasslu għal impjieg ta' kwalità għolja u sostenibbli, tingħata spinta lill-produttività u kontribut lill-iżvilupp tal-kapital uman, fid-dawl tas-swieq tax-xogħol u tax-xejriet ta' produzzjoni li kontinwament qed jinbidlu;

20.    Jenfasizza l-ħtieġa ta' sforzi kontinwi biex l-edukazzjoni, it-taħriġ u s-swieq tax-xogħol jitlaqqgħu flimkien, u jtenni li l-ġenerazzjoni ta' tkabbir, kompetittività u ħolqien tax-xogħol intelliġenti, sostenibbli u inklużivi fl-Ewropa għandhom jinkisbu permezz ta' approċċ olistiku li jirrifletti l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jappoġġa gruppi vulnerabbli permezz tat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-għoti ta' inċentivi;

21.    Jenfasizza li s-servizzi pubbliċi tal-impjieg għandhom rwol importanti fl-iżgurar li r-ritorn għat-tkabbir tal-impjiegi ma jseħħx għad-detriment tat-tlaqqigħ tal-ħiliet ta’ kwalità baxxa;

22.    Jenfasizza l-importanza li l-leġiżlazzjoni tax-xogħol issir tinftiehem aktar għall-ħaddiema u għal min iħaddem, li jitneħħew l-ostakli għall-impjieg, li tkun promossa s-sigurtà ġuridika għall-kumpaniji u għall-impjegati;

23.    Jenfasizza li ż-żgħażagħ sikwit jesperjenzaw diffikultajiet li dejjem jikbru fit-tranżizzjoni tagħhom mill-edukazzjoni għax-xogħol u għaldaqstant sikwit ikunu aktar vulnerabbli għall-qgħad u aktarx isibu ruħhom f'impjiegi ta' kwalità baxxa jew prekarji;

24.    Jenfasizza l-importanza tal-inizjattiva tal-Klassifikazzjoni Ewropea ta' Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO), li tidentifika u tikkategorizza ħiliet, kompetenzi, kwalifiki u impjiegi rilevanti għas-suq tax-xogħol tal-UE u l-edukazzjoni u t-taħriġ, f'25 lingwa Ewropea;

25.    Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp tal-bniedem, tal-flessibilità tal-karriera u tal-impenn personali; ifakkar f’dan ir-rigward li l-mobilità professjonali hija fattur essenzjali u li jinħtieġ investiment sostanzjali biex tiġi appoġġata b’mod attiv l-impjegabilità u l-adattabilità u jiġi evitat l-eżawriment ta’ ħiliet fost dawk qiegħda;

26.    Jenfasizza l-importanza ta’ investimenti soċjali li jimmiraw lejn il-ħolqien ta’ stat ta’ attivazzjoni li jipprovdi lill-ħaddiema bi strumenti li jippermettulhom adattament faċli għal kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi li jinbidlu kif ukoll għad-domandi tas-swieq tax-xogħol;

27.    Jemmen li bażi tal-ħiliet internazzjonalment kompetittiva se tippermetti lill-Istati Membri biex jaqbdu segmenti ta’ valur għoli tas-suq globali;

28.    Jenfasizza li l-ekonomija ċirkolari għandha l-potenzjal li toħloq miljuni ta’ impjiegi madwar l-UE u twassal għal tkabbir sostenibbli u inklużiv;

29.    Ifakkar l-importanza tal-mobilità tal-ħaddiema, ġeografikament u f'setturi differenti, bħala għażla għal suq tax-xogħol kompetittiv, u jenfasizza l-ħtieġa għat-tnaqqis ta' ostakli amministrattivi u lingwistiċi li jaf ikunu responsabbli għar-restrizzjoni tagħha, u biex jiġu żviluppati għodod għall-faċilitazzjoni tal-mobilità bħar-rikonoxximent rapidu ta' kwalifiki formali, mhux formali u informali bejn l-Istati Membri, il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, il-CV Ewropew u l-Passaport Ewropew tal-Ħiliet, kif ukoll l-għoti ta' korsijiet tal-lingwa speċifiċi għas-settur u taħriġ dwar il-kommunikazzjoni interkulturali; jinkoraġġixxi li tiżdied is-sensibilizzazzjoni, u li jkun hemm titjib ulterjuri, tal-portal tax-xogħol EURES madwar l-UE, filwaqt li tiġi żgurata b’mod partikolari l-formazzjoni u d-dispożizzjoni ta’ numru suffiċjenti ta’ konsulenti tal-EURES, maqsuma ugwalment fuq it-territorju kollu tal-UE, sabiex il-EURES ikun għodda indispensabbli fis-suq tax-xogħol tal-UE; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni mtejba fost is-servizzi nazzjonali pubbliċi tal-impjieg u l-inklużjoni futura ta' servizzi privati ta' impjieg u partijiet ikkonċernati oħra fin-netwerk tal-EURES; jenfasizza l-importanza tal-inizjattivi tal-UE li jimmiraw li jagħmlu s-suq tax-xogħol u s-sistemi edukattivi aktar trasparenti, jistimolaw il-mobilità u joħolqu opportunitajiet bħalma huma l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, il-Europass-CV, il-Passaport Ewropew tal-Ħiliet, il-Portal għall-Mobilità tal-Impjiegi fl-Ewropa (EURES), l-Alleanzi tal-Għarfien u l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati; jitlob promozzjoni aħjar ta' dawn l-inizjattivi sabiex jittejjeb is-suq tax-xogħol fl-Ewropa;

30.    Itenni li l-potenzjal ekonomiku kbir tan-nisa għandu jiġi sfruttat fl-Ewropa u li huwa meħtieġ li jinħolqu l-kundizzjonijiet xierqa għan-nisa għal-progress fil-karriera tagħhom u biex ifittxu pożizzjonijiet ogħla f’kumpaniji jew biex jibdew in-negozji tagħhom stess; jenfasizza l-ħtieġa li tintemm id-diskrepanza bejn dak li n-nisa jiksbu fl-edukazzjoni tagħhom u s-sehem u l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; ifakkar l-importanza tal-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluża l-qerda tad-diskrepanza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u ż-żieda fir-rata tal-impjieg għan-nisa, kif ukoll it-tisħiħ tal-politiki ta' bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik personali, bħala parti mill-kisba tal-miri għall-impjiegi tal-Ewropa 2020;

31.    Jilqa r-riżultati pożittivi miksuba mill-iskema pilota tal-mobilità tal-impjiegi "L-ewwel impjieg EURES tiegħek" (YfEj), li kapaċi tilħaq b’mod effikaċi liż-żgħażagħ u tiżviluppa servizzi mfassla kemm għal min qed ifittex impjieg kif ukoll għal min iħaddem; jenfasizza l-effetti konsegwenzjali pożittivi bejn l-iskema YfEj u l-EURES;

32.    Fil-kuntest ta' dan l-isfond, jenfasizza l-importanza tal-politiki attivi tax-xogħol, tat-tagħlim tul il-ħajja kif ukoll tat-titjib tal-kapaċità tal-persuni għall-adattabilità għall-bidla teknoloġika; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-firxa u l-effiċjenza tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol;

33.    

Iqis li strateġija koerenti u komprensiva lejn forom aktar effettivi u ta’ benefiċċju reċiproku ta’ organizzazzjoni tax-xogħol, billi jsir użu sħiħ mill-potenzjal ta’ għarfien tal-ħaddiema u billi tiżdied il-kwalità tal-impjiegi tagħhom se tgħin lir-reżiljenza tas-suq tax-xogħol;

jistgħu jiġu żviluppati forom ta’ organizzazzjoni tax-xogħol aktar parteċipattivi u li jagħtu l-awtonomija biex isaħħu l-involviment tal-impjegati fl-innovazzjoni, jappoġġaw l-involviment tal-ħaddiema u l-iżvilupp tal-użu tal-ħiliet, u għalhekk, il-prestazzjoni tal-kumpaniji;

34.    Jenfasizza, li minħabba bidliet mgħaġġla mbassra fis-suq tax-xogħol, huwa fiż-żgħażagħ tal-lum li l-investimenti fl-edukazzjoni u fit-taħriġ huma meħtieġa; jenfasizza li politiki tal-ħiliet m’għandhomx ikunu mmirati biex jilħqu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol biss, iżda biex jgħammru lill-individwi bil-kompetenzi trasversali meħtieġa biex jiżviluppaw bħala ċittadini attivi u responsabbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrispettaw il-fatt li l-edukazzjoni u t-taħriġ la huma sempliċement strument tas-suq tax-xogħol u lanqas huma maħsuba biex jedukaw il-ħaddiema tal-futur, iżda jikkostitwixxu l-ewwel u qabel kollox dritt fundamentali u għandhom valur fihom infushom;

L-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet ta' ħiliet futuri

35.    Jemmen li, sabiex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet tal-ħiliet għall-ġejjieni, il-partijiet ikkonċernati tas-suq tax-xogħol, inklużi l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u tal-impjegati, għandhom ikunu involuti b’mod qawwi fil-livelli kollha, b’mod partikolari fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ kwalifiki vokazzjonali, li jipprovdu tranżizzjoni effettiva mill-edukazzjoni formali għat-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol;

36.    Jitlob għal fehim aħjar tal-ħtiġijiet preżenti u futuri ta' ħiliet u għat-tisħiħ tal-Panorama ta' Ħiliet tal-UE eżistenti sabiex jiġu identifikati aħjar il-lakuni fil-ħiliet u n-nuqqasijiet f'setturi u impjiegi speċifiċi, kif ukoll f'reġjuni speċifiċi u li jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar mudelli dejjem jevolvu ta' ħtiġijiet ta' ħiliet tiġi miġbura, proċessata u disseminata fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-awtoritajiet pubbliċi, dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-impjegaturi sabiex jiġu antiċipati b'mod aktar effikaċi ix-xejriet tal-futur;

37.    Jemmen li l-edukazzjoni hija kruċjali fl-ixprunar tar-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni, u b'hekk tkompli żżid aktar il-possibilitajiet għall-ħolqien tal-impjiegi fis-setturi li jitolbu livell għoli ta' ħiliet u fl-istess waqt tagħti spinta lill-kompetittività tal-ekonomija Ewropea;

38.    Jenfasizza l-importanza ta' sħubijiet aktar integrati u ta' fiduċja bejn l-iskejjel, l-istabbilimenti ta' edukazzjoni ogħla, in-negozji u awtoritajiet relevanti oħrajn bil-ħsieb li jiġu stmati l-ħtiġijiet tax-xogħol għall-futur, rieżaminati u implimentati programmi ta' taħriġ vokazzjonali ġodda u titrawwem kooperazzjoni u skambju ta' prattiki tajbin bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, inkluż permezz ta' monitoraġġ tal-iżbilanċi fis-suq tax-xogħol fil-livell reġjonali u lokali; ifakkar li fl-istess waqt hija meħtieġa r-responsabilità soċjali mill-partijiet ikkonċernati kollha, kif ukoll l-involviment tagħhom fl-iżvilupp ulterjuri tal-għodod ta' monitoraġġ u previżjoni;

39.    Jemmen li l-Istati Membri għandhom rwol importanti biex jiżguraw li jkun hemm provvista adegwata ta’ għalliema kemm tax-xjenza kif ukoll tal-matematika sabiex jgħammru liż-żgħażagħ b’għarfien u entużjażmu għas-suġġetti STEM;

40.    Jenfasizza l-importanza tal-indirizzar tal-ħtiġijiet tat-tfal fl-iskola minn età żgħira ħafna; jirrakkomanda li l-Istati Membri jadottaw miżuri innovattivi u li jinkorporawhom fil-proċessi tat-tagħlim fl-iskola u barra minnha, u jirriformaw jew jaġġornaw l-ambjent tal-iskola, il-metodi tat-tagħlim u l-kompetenzi tal-għalliema; jissuġġerixxi li l-kurrikuli tal-iskola fl-Istati Membri jiġu adattati biex jinkludu żjarat tat-tfal f'pajjiżi oħra matul is-sena skolastika, sabiex l-edukazzjoni tmur lil hinn mill-klassi anke fi stadju bikri ħafna fl-edukazzjoni;

L-importanza ta’ edukazzjoni u taħriġ kontinwu u taħriġ għall-atturi kollha tas-suq tax-xogħol

41.    Ifakkar li d-dritt għall-edukazzjoni huwa dritt fundamentali u jenfasizza li l-ħtieġa li nistinkaw għal approċċ aktar flessibbli u individwali għall-iżvilupp tal-karriera u għall-edukazzjoni matul il-ħajja u t-taħriġ tul il-karriera u jirrikonoxxi r-rwol li kemm il-partijiet pubbliċi u dawk privati jista' jkollhom f'dan, filwaqt li jkun rikonoxxut li l-gwida u l-pariri li jindirizzaw il-ħtiġiet individwali u jiffokaw fuq il-valutazzjoni u l-espansjoni tal-ħiliet individwali għandhom ikunu element ċentrali tal-politiki tal-edukazzjoni u tal-ħiliet minn stadju bikri;

42.    Jirrikonoxxi l-importanza tat-trawwim ta’ apprendistati tat-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol bħala rotta alternattiva għall-impjieg;

43.    Jinnota li l-politiki Ewropej għall-Gwida Tul il-Ħajja kellhom impatt konsiderevoli fuq il-politiki nazzjonali ta' gwida u li gwida tul il-ħajja effettiva teħtieġ programmi f’perspettiva trasversali f’kull livell;

44.    Jinnota li jeħtieġ li jkun hemm varjetà ta’ toroq disponibbli għaż-żgħażagħ, u li d-definizzjonijiet ta’ dawn it-toroq (apprendistati) ivarjaw minn pajjiż għal ieħor fl-Ewropa;

45.    Jemmen li programmi ta’ taħriġ u ta’ kwalifikazzjoni mill-ġdid għal persuni qiegħda, speċjalment dawk qiegħda fit-tul, kif ukoll programmi tal-valutazzjoni tal-ħiliet, għandhom jiġu offruti lil persuni biex itejbu l-opportunitajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol u għandhom jiġu mfassla u implimentati b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem, bil-ħsieb li jkun hemm allinjament aħjar tal-ħiliet tal-ħaddiema mal-ħtiġijiet ta’ min iħaddem; jenfasizza li jeħtieġ li jiġu żviluppati u implimentati programmi speċjali biex jgħinu l-integrazzjoni mill-ġdid ta' dawk qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol;

46.    Jenfasizza l-ħtieġa biex il-Kummissjoni ssaħħaħ il-monitoraġġ tal-Pjanijiet tal-Implimentazzjoni Nazzjonali tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-istabbiliment effikaċi tagħhom fil-post; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni biex telabora Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (CSRs) lil Stati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-kwalità tal-impjieg;

47.    Jenfasizza li t-tħassib tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri kif espress fir-rapport tagħha "Żgħażagħ u mingħajr impjieg fl-Ewropa: ostakli għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE", b'mod partikolari dwar l-adegwatezza tal-finanzjament sħiħ għall-iskema, id-definizzjoni ta' "offerta ta' kwalità tajba", u l-mod kif il-Kummissjoni timmonitora u tirraporta dwar ir-riżultati;

48.    Ifakkar li huwa ta’ importanza kbira li jingħataw gwida u pariri mfassla apposta lil dawk li qed ifittxu x-xogħol dwar kif għandhom ifittxu impjieg jew dwar liema edukazzjoni avvanzata u taħriġ għandhom jieħdu, u biex jiġi żgurat li l-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom ikunu rikonoxxuti u vvalidati permezz tal-ʻpassaporti tal-kompetenzi’ li jirriflettu l-ħiliet u l-kompetenzi miksuba kemm permezz ta’ tagħlim formali, mhux formali kif ukoll informali;

49.    Jissottolinja l-ħtieġa li tiżdied l-adattabilità tal-forza tax-xogħol bħala mod li bih jiġu miġġielda n-nuqqasijiet tal-futur; jistieden lill-Istati Membri biex jużaw il-fondi strutturali, speċjalment il-Fond Soċjali Ewropew, għal dan il-għan;

50.    Jenfasizza li d-dritt għall-edukazzjoni u t-taħriġ huwa ta’ importanza speċjali għall-persuni li jkunu qiegħda fit-tul; ifakkar li l-persuni qiegħda fit-tul jibbenefikaw minn approċċ ibbażat fuq id-drittijiet li jimmiraw lejn il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom u mhux minn miżuri standard; jenfasizza li l-persuni qiegħda fit-tul għandhom bżonn ikunu jafu dwar id-dritt tagħhom għat-taħriġ, li l-miżuri li huma mmirati lejhom iridu jirrispettaw l-għażliet ta' parteċipazzjoni u li t-taħriġ jeħtieġ li jkun affordabbli, deċenti u li jindirizza l-ħtiġiet attwali tagħhom; ifakkar li jekk dawn il-kundizzjonijiet jintlaħqu, il-persuni qiegħda fit-tul se jkunu kapaċi jużaw it-titjib tal-ħiliet bħala opportunità biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien tagħhom;

51.    Jenfasizza l-importanza tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ bħala għodda biex tgħin liż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol u biex jiksbu l-edukazzjoni, il-ħiliet u l-esperjenza meħtieġa biex isibu xogħol ta’ kwalità tajba permezz ta’ apprendistat, taħriġ prattiku jew edukazzjoni kontinwa;

52.    Jenfasizza l-importanza tal-iżgurar ta' opportunitajiet indaqs u l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, b'mod partikolari għall-gruppi żvantaġġati, u l-għoti ta' appoġġ effettiv fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u fil-faċilitazzjoni tal-aċċess għax-xogħol;

It-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-edukazzjoni u l-impjiegi

53.    Jenfasizza l-ħtieġa li l-miżuri jiġu msaħħa u mmirati aħjar bl-għan li jnaqqsu r-rata ta' tluq bikri mill-iskola (ESL) għal inqas minn 10 % sal-2020, kif maqbul fl-istrateġija Ewropa 2020, waqt li jitqies li t-ESL hija problema persistenti fl-UE li għandha impatt detrimentali fuq l-impjegabilità u l-integrazzjoni soċjali taż-żgħażagħ ikkonċernati;

54.   Jemmen li t-taħriġ vokazzjonali duwali permezz tal-apprendistati u sistemi tat-tagħlim simili bbażati fuq ix-xogħol għandhom jingħataw aktar konsiderazzjoni u għandhom iżommu l-kwalità bħala prijorità, mingħajr preġudizzju akkademiku, peress li għandhom it-tendenza li jiffavorixxu l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u t-tranżizzjoni iżjed faċli mill-edukazzjoni għax-xogħol u wrew li huma effettivi fit-trawwim tal-impjieg fost iż-żgħażagħ;

55.    Jemmen li s-sistemi tat-taħriġ vokazzjonali li jeżistu llum huma riżultat ta’ ċerti forzi storiċi u kulturali li ġew iffurmati minn normi legali, tradizzjonijiet, prinċipji pedagoġiċi prevalenti u strutturi istituzzjonali;

56.    Jenfasizza d-data preokkupanti ħafna dwar ir-rata ta’ żgħażagħ barra mill-impjieg, l-edukazzjoni jew it-taħriġ (NEETs), li fil-maġġoranza tal-Istati Membri jeċċedu l-10 %; jenfasizza r-rabta diretta bejn il-livelli għoljin tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u t-tluq bikri mill-iskola; jenfasizza li mingħajr azzjoni urġenti u deċiżiva kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali, ġenerazzjoni sħiħa ta’ Ewropej żgħażagħ huma f’riskju li jiġu mċaħħda minn livelli suffiċjenti ta’ edukazzjoni u taħriġ u għaldaqstant li jiġu esklużi mis-suq tax-xogħol, b’riperkussjonijiet drammatiċi fuq in-nisġa soċjali, fuq il-koeżjoni soċjali u territorjali u fuq is-sostenibilità tal-mudell ekonomiku Ewropew kollu kemm hu;

57.    Jissottolinja li kull sistema ta' taħriġ vokazzjonali nazzjonali hija għodda għall-kisba ta’ ċerti objettivi li jistgħu jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor u li kull wieħed minnhom jista’ għalhekk jiġi ġġudikat biss mis-suċċess tiegħu fil-kisba ta’ dawk l-objettivi; jenfasizza li l-esportazzjoni ta’ sistema tat-taħriġ vokazzjonali minn pajjiż għal ieħor hija possibbli biss jekk il-kundizzjonijiet fil-pajjiżi rispettivi jkunu komparabbli jew ikunu jistgħu jiġu adattati;

58.    Itenni l-importanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) għat-titjib tal-impjegabilità u għat-tħaffif tal-ksib tal-kwalifiki professjonali għaż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu r-rilevanza tal-ETV għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol billi jagħmluhom parti integrali mis-sistema edukattiva u jiggarantixxu standards ta' kwalifiki għoljin u l-assigurazzjoni tal-kwalità f'dan ir-rigward;

59.    Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li flimkien ma' żewġ miljun post tax-xogħol vakanti fl-UE, hemm ħafna żgħazagħ kwalifikati żżejjed diżokkupati li l-ħiliet tagħhom ma jaqblux mal-eżiġenzi tas-suq tax-xogħol; jissottolinja, għaldaqstant, l-importanza ta’ sinerġiji aħjar bejn is-sistemi edukattivi u s-suq tax-xogħol, inkluża l-espożizzjoni għall-post tax-xogħol, apprendistati u l-kooperazzjoni man-negozji sabiex jiġi promoss u miżjud b'mod sinifikanti l-livell tal-impjieg u jiġu maħluqa raggruppamenti tal-innovazzjoni; jenfasizza r-rwol importanti li jista’ jkollhom in-negozji billi jinvolvu ruħhom mas-sistemi edukattivi fl-Istati Membri tagħhom; jenfasizza li strateġija komprensiva fuq terminu twil, imlaqqa' ma' miżuri immedjati, hija meħtieġa għall-adattament tas-sistemi edukattivi fil-livelli kollha, inkluż it-taħriġ vokazzjonali, għall-ħtiġijiet attwali u futuri tas-suq tal-impjieg;

60.    Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni tal-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati (EAfA), li għandha l-għan li ġġib flimkien l-awtoritajiet pubbliċi, in-negozji, l-imsieħba soċjali, il-fornituri tal-VET, ir-rappreżentanti żgħażagħ, u atturi ewlenin oħra sabiex jippromwovu l-iskemi tal-apprendistati u l-inizjattivi madwar l-Ewropa;

61.    Jenfasizza l-importanza ta' edukazzjoni duwali u programmi ta' taħriġ li jlaqqgħu it-teorija mat-taħriġ prattiku, bħala element ewlieni fl-iżvilupp ta' ħiliet u kompetenzi li jwieġbu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jintegraw programmi bħal dawn ġol-kurrikuli tagħhom sabiex jipprovdu l-esperjenza prattika meħtieġa li tħaffef tranżizzjoni bla skossi minn edukazzjoni u taħriġ għas-suq tax-xogħol;

62.   Jenfasizza l-importanza ta' orjentazzjoni tal-karriera u esperjenza tax-xogħol permezz ta' valutazzjoni u pariri għall-karriera li jiffukaw fuq ħiliet u ħtiġijiet individwali pprovduti minn konsulenti kwalifikati ta' livell għoli speċjalizzati fil-qasam tax-xogħol sabiex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ ikunu mgħammra bl-informazzjoni, il-pariri u l-gwida xierqa biex jagħmlu għażliet tal-karriera tajba;

63.    Jenfasizza r-rwol importanti li l-edukazzjoni u l-istituzzjonijiet ta' taħriġ għandhom fl-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi tal-istudenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw servizzi ta' kwalità għolja mmirati ta' gwida fil-karriera matul iċ-ċiklu edukattiv sabiex jgħinu liż-żgħażagħ jieħdu d-deċiżjonijiet it-tajbin għall-edukazzjoni u l-karriera tagħhom;

64.    Jinnota li għal transizzjoni b'suċċess lejn l-impjieg, huwa ta' importanza kbira li jittieħdu deċiżjonijiet infurmati, li jiġi żviluppat sens ta’ iniżjattiva u li jiżdiedu l-motivazzjoni u l-konoxxenza proprja, filwaqt li għandu jkun disponibbli wkoll appoġġ xieraq f'dan ir-rigward; jenfasizza l-importanza ta' transizzjonijiet ta' kwalità għolja, inklużi t-transizzjonijiet mill-edukazzjoni għax-xogħol u bejn l-impjieg u pawżi fil-karriera;

65.    Ifakkar li l-investiment fl-edukazzjoni u fl-iżvilupp ta' ħiliet li jwieġbu għad-domandi tas-suq tax-xogħol u tas-soċjetà huwa essenzjali għat-tkabbir u l-kompetittività, kif ukoll għas-sensibilizzazzjoni Ewropea, l-iżvilupp personali u l-awtostima; jirrimarka li l-intraprenditorija tirrikjedi l-iżvilupp ta' ħiliet trasversali bħalma huma l-kreattività, il-ħsieb kritiku, ix-xogħol f'tim u sens ta' inizjattiva, li jikkontribwixxu għall-iżvilupp personali u professjonali taż-żgħażagħ u jiffaċilitaw id-dħul aktar bikri tagħhom fis-suq tax-xogħol; jenfasizza li tali investiment għandu jiġi appoġġat minn sinerġiji aktar qawwija bejn l-inizjattivi Ewropej u nazzjonali u s-setturi varji tal-edukazzjoni u t-taħriġ u setturi rilevanti oħra, bħall-impjieg, il-politika soċjali, il-politika taż-żgħażagħ u l-kultura u kollaborazzjoni aktar mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati kollha involuti bħalma huma l-imsieħba soċjali u n-negozji sabiex il-kurrikuli jibqgħu allinjati mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

66.    Itenni l-impenn tal-Istati Membri li jinvestu fl-edukazzjoni għolja u jitlob għalhekk it-titjib gradwali tal-istandards tal-edukazzjoni u t-taħriġ fis-sistemi edukattivi Ewropej kollha; jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-edukazzjoni bħala investiment essenzjali u jimpenjaw ruħhom li jinvestu mill-inqas 2 % tal-PDG fis-settur u jissalvagwardjaw lis-settur mit-tnaqqis fl-infiq; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ulterjorment ir-rwol tal-edukazzjoni fl-istrateġija Ewropa 2020 billi tassoċja l-objettivi ġenerali tal-qafas strateġiku Edukazzjoni u Taħriġ 2020 (ET 2020) mar-reviżjoni tal-Ewropa 2020;

67.    Jenfasizza li l-investiment tul il-ħajja fil-kapital uman u fil-ħiliet, u, b'mod partikolari, fit-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol eżistenti u tal-ħaddiema bla sengħa, huwa essenzjali fil-ġlieda kontra l-qgħad fit-tul u biex jiġi pprovdut aċċess aktar wiesa' għal impjiegi ta' kwalità għolja; jistieden lill-UE tistabbilixxi objettivi ċari dwar il-metodi tat-tagħlim tul il-ħajja għall-ħiliet neqsin u biex tespandi t-taħriġ u l-edukazzjoni fil-komunikazzjoni, il-lingwi u l-ħiliet diġitali għall-ħaddiema ta' età akbar u b'mod partikolari għall-ħaddiema bi ftit kwalifiki ta' età akbar minn 30 sena u studenti li jkunu telqu mill-iskola qabel iż-żmien;

68.    Jenfasizza l-ħtieġa ta' finanzjament adegwat u l-adozzjoni, mill-Istati Membri, mill-awtoritajiet reġjonali u lokali u minn dawk li jħaddmu individwalment, ta' skemi ta' taħriġ u ta' apprendistat ta' kwalità kif ukoll ta' tagħlim ibbażat fl-iskola; ifakkar li dawn il-programmi għandhom jikkonformaw mal-istandards minimi tal-protezzjoni soċjali;

69.    Jemmen li jinħtieġu sħubijiet mill-qrib u sistematiċi fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali bejn l-awtoritajiet pubbliċi u r-rappreżentanti ta' min iħaddem u tal-ħaddiema, inklużi s-servizzi tal-impjiegi pubbliċi u privati u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ sabiex jiġu żviluppati strateġiji għal żmien fit-tul għas-swieq tax-xogħol nazzjonali kkonċernati u l-aħjar modi ta' kif tiġi indirizzata l-problema ta' diskrepanza tal-ħiliet fid-dimensjonijiet kollha tagħha, u jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu tali kooperazzjoni;

70.    Jemmen li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ hija l-ewwel pass lejn approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għall-bżonnijiet taż-żgħażagħ fir-rigward tal-impjieg; ifakkar l-obbligu ta' min iħaddem biex jipparteċipa fil-proċess biex jipprovdi liż-żgħażagħ bi programmi ta' taħriġ vokazzjonali aċċessibbli u apprendistati ta' kwalità; jenfasizza li l-aspett kwalitattiv ta' xogħol deċenti għaż-żgħażagħ m'għandux ikun kompromess, u li l-istandards tax-xogħol ewlenin u standards oħra relatati mal-kwalità tax-xogħol, bħall-ħin tax-xogħol, il-paga minima, is-sigurtà soċjali u s-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali, għandhom ikunu kunsiderazzjonijiet ċentrali fl-isforzi li jsiru;

It-trawwim tal-mobilità tax-xogħol

71.    Ifakkar li fil-preżent fl-UE, hemm iktar minn 2 miljun post tax-xogħol vakanti; jenfasizza l-ħtieġa ta' mobilità tax-xogħol fl-Unjoni sabiex jimtela dan il-vojt, u jtenni l-importanza tal-ERASMUS + u l-EURES f'dan ir-rigward;

72.    Ifakkar l-importanza tal-faċilitazzjoni tal-mobilità tal-ħaddiema tal-fruntiera permezz ta' informazzjoni dwar l-eżistenza tas-sħubijiet transkonfinali tal-EURES li huma mfassla biex iħeġġu u jneħħu l-ostakoli għall-mobilità tal-ħaddiema tal-fruntiera billi joffrulhom l-informazzjoni u pariri dwar opportunitajiet ta' xogħol u l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera; f'dan ir-rigward, il-EURES-T hija għodda importanti għall-kontroll aħjar tat-tqassim ta' sorsi potenzjali ta' impjiegi ġodda u lejn suq tax-xogħol tal-UE integrat aħjar;

73.    Ifakkar il-mobilità ta' ħaddiema b'ħiliet minn pajjiżi terzi bħala waħda mit-tweġibiet għall-isfidi demografiċi, nuqqasijiet u nuqqas ta' tlaqqigħ fis-suq tax-xogħol, kif ukoll għall-ħtieġa li jiġu minimizzati l-effetti tal-eżodu ta' mħuħ;

74.   Jinnota li l-UE nbniet fuq il-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni, u b'mod partikolari tal-ħaddiema; jitlob li jiġi mħeġġeg l-istudju u l-użu ta' ilsna barranin bl-għan li tiżdied il-mobilità; jinnota l-importanza li t-tagħlim tal-lingwi, b'mod partikolari dawk Ewropej, isir element tat-tagħlim tul il-ħajja li għandu jiġi mħeġġeġ bħala mezz ta' faċilitazzjoni tal-mobilità tal-ħaddiema u ta' twessiegħ tal-ispettru tal-prospetti tal-impjiegi;‑

L-iskambju u l-validazzjoni tal-aħjar prattiki fl-UE

75.    Jenfasizza l-ħtieġa li jsir skambju u validazzjoni tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll li jsir paragun bejn u tkejjil tal-effikaċja tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward ta' edukazzjoni duwali u vokazzjonali u sistemi ta' apprendistat u traineeships u kurrikuli, riżultati tat-tagħlim ta' tagħlim mhux formali u informali, strateġiji tat-tagħlim tul il-ħajja, filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-ispeċifiċitajiet ta' kull suq tax-xogħol u ta' kull sistema edukattiva; jindika l-pjattaform tal-Ewro Apprendistat bħala waħda mill-għodod ewlenin għall-iżvilupp ta' sħubijiet Ewropej u l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-apprendistati;

76.    Jenfasizza r-rwol importanti tat-tagħlim mhux formali u informali, tal-volontarjat u tat-tagħlim matul il-ħajja fl-iżvilupp ta' ħiliet u ta' kwalifiki, b'mod partikolari ħiliet trasversali bħall-ħiliet intraprenditorjali, l-ICT, u l-kompetenzi personali u ta' lingwa li huma applikabbli b'mod wiesa'; jistieden lill-UE ttejjeb l-aċċess għat-tagħlim tal-adulti u għal edukazzjoni li tagħti t-tieni opportunità; jitlob il-validazzjoni u r-rikonoxximent ta' tagħlim mhux formali u informali mill-impjegaturi u mill-fornituri tal-edukazzjoni;

77.    Jinnota l-importanza li jingħata impetu ġdid lill-Proċess ta' Bolonja, billi tittieħed l-opportunità mressqa mill-Konferenza Ministerjali ta' Yerevan ta' Mejju 2015 għal impenji ta' kooperazzjoni ġodda u aktar avvanzati li għandhom jitwettqu mingħajr dewmien;

78.    Jemmen li l-Kummissjoni għandha tiżgura l-applikazzjoni xierqa tal-programm Erasmus+ bl-azzjonijiet kollha tiegħu, inkluża l-parti tal-programm dedikata għall-isport; iqis importanti s-simplifikazzjoni tal-metodi ta' aċċess sabiex il-programm jilħaq l-akbar numru possibbli ta' individwi u organizzazzjonijiet;

It-trawwim ta' spirtu intraprenditorjali fost iċ-ċittadini: L-SMEs u l-mikroimpriżi

79.    Jemmen li hemm bżonn li jittejbu t-tmexxija, il-ġestjoni finanzjarja u t-trawwim tal-edukazzjoni intraprenditorjali minn età bikrija biex jintlaħaq il-potenzjal taż-żgħażagħ biex ikunu mgħammra ħalli jsiru impjegaturi, mhux biss impjegati, u jkunu kapaċi li jibdew negozji ġodda u jieħdu vantaġġ minn swieq ġodda;

80.    Jilqa' skemi bħall-Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ li għandhom l-għan li jgħinu lil imprendituri ġodda jiksbu l-ħiliet rilevanti għall-ġestjoni ta' negozju, u jemmen li programmi bħal dawn għandhom jiġu promossi ulterjorment sabiex aktar imprendituri żgħażagħ jiġu megħjuna jiżviluppaw u joħolqu l-impjiegi; jemmen li miżuri speċjali ta' appoġġ għandhom jiġu introdotti għall-intraprendituri żgħażagħ biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni kif ukoll għall-finanzi u għall-finanzjament, inklużi s-servizzi ta' 'one-stop-shop' għall-informazzjoni u l-appoġġ immirati lejn iż-żgħażagħ f'korpi intraprenditorjali eżistenti ta' appoġġ;

81.    Jemmen li edukazzjoni mhux formali, partikolarment kif żviluppata fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, trawwem il-kreattività, is-sens ta' inizjattiva u l-awtoresponsabbiltà, u tista' żżid l-opportunitajiet taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol;

82.    Jenfasizza l-ħtieġa tal-inklużjoni ta' elementi ta' taħriġ intraprenditorjali fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, peress li t-trawwim ta' spirtu intraprenditorjali fost iż-żgħar fi stadju bikri huwa mod effettiv li bih jiġi miġġieled il-qgħad u b'mod partikolari l-qgħad fost iż-żagħżagħ; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, djalogu attiv u kooperazzjoni bejn il-komunità akkademika u l-komunitajiet tan-negozju immirati għall-iżvilupp ta' programmi edukattivi li jagħtu liż-żgħażagħ il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa;

83.    Jitlob Strateġija tal-Ħiliet Ewropea li tkun tħares lejn il-ġejjieni u tkun orjentata lejn ir-riżultati biex tmexxi l-istrateġiji tal-ħiliet nazzjonali u tintegrahom fil-Pjanijiet għall-Impjiegi Nazzjonali filwaqt li tipprovdi qafas komprensiv għall-pjanijiet ta' azzjoni settorjali proposti fil-Pakkett tal-Impjiegi;

84.    Jissottolinja l-ħtieġa ta' miżuri ta' appoġġ u inċentivar għal start-ups, SMEs, mikrointrapriżi u atturi fl-ekonomija soċjali sabiex jiġu faċilitati l-istabbiliment u l-operat tagħhom, kif ukoll il-ħtieġa li jinkorporaw u li jaħdmu fuq il-prinċipju ta' regolamentazzjoni aħjar u li jiffaċilitaw ir-reklutaġġ ta' ħaddiema kwalifikati u t-taħriġ tal-impjegati; għal dan l-għan, jenfasizza li l-piż tat-taxxa għandu jiġi trasferit mix-xogħol għal sorsi oħra ta' tassazzjoni li huma anqas detrimentali għall-impjieg u għat-tkabbir, filwaqt li tiġi mħarsa protezzjoni soċjali adegwata;

85.    Jistieden lill-Istati Membri biex inaqqsu l-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol u jikkumpensaw b'żidiet f'taxxi indiretti, fuq il-proprjetà u fuq il-ġid sabiex joħolqu pożizzjoni fiskali newtrali u aktar favur it-tkabbir;

86.    Ifakkar li kważi 99 % tal-kumpaniji Ewropej huma SMEs u huma mutur ewlieni fil-ħolqien ta' suq tax-xogħol kompetittiv fl-UE; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-importanza li l-leġiżlazzjoni tal-UE tiġi bbażata fuq il-prinċipju ta' “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” sabiex jitneħħew l-ostakli burokratiċi li jiffaċċaw l-SMEs u jkunu jistgħu jużaw il-potenzjal sħiħ tagħhom għall-ħolqien tal-impjiegi;

87.   Jemmen li l-intraprendituri għandhom jinvestu fit-taħriġ u l-apprendistati għall-impjegati u li l-inċentivi għandhom jiġu introdotti u żviluppati ulterjorment fejn ikun xieraq għal dan l-għan, peress li dan jippermettilhom jespandu u joħolqu postijiet tax-xogħol ġodda; jemmen li l-iżvilupp ta' netwerks ta' min iħaddem jista' jgħin lill-SMEs u lill-mikrointrapriżi biex jaċċessaw il-provvista u l-appoġġ tat-taħriġ li jeħtieġu;

L-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni: ħiliet u impjiegi ġodda

88.    Jenfasizza l-importanza tal-innovazzjoni u tad-diġitalizzazzjoni għat-tkabbir u għall-produttività u għal soċjetà aktar ġusta, aktar sostenibbli u inklużiva, u, f'dan ir-rigward, tal-ħtieġa li jingħataw l-għarfien, il-kreattività u l-ħiliet li huma meħtieġa, kif ukoll ta' motivazzjoni u determinazzjoni min-naħa ta' impjegati u ta' impjegati prospettivi u ta' min iħaddem bil-ħsieb li jinħolqu prodotti u servizzi diġitali innovattivi u kreattivi; jenfasizza l-ħtieġa li jintemm id-"distakk diġitali" u l-ħtieġa ta' ħiliet diġitali bħala parti mit-tagħlim matul il-ħajja u l-integrazzjoni ta' midja ġdida u teknoloġiji ġodda ġol-kurrikuli; jenfasizza, ulterjorment, il-ħtieġa tal-iżvilupp ta' modi innovattivi ta' tagħlim u l-estensjoni tad-disponibilità onlajn u ta' tagħlim mill-bogħod permezz ta' riżorsi edukattivi miftuħa (OER) li jiffaċilitaw l-aċċess indaqs għall-edukazzjoni u t-taħriġ għal kulħadd;

89.    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu identifikati firxa wiesgħa ta' industriji emerġenti u setturi tat-tkabbir ewlenin li l-Istati Membri għandhom jiffukaw fuqhom biex jiżviluppaw il-bażi tal-ħiliet tagħhom;

90.    Jenfasizza l-potenzjal tal-ħolqien ta' impjiegi offrut bil-kompletar tas-suq uniku diġitali, bl-istabbiliment ta' unjoni tal-enerġija, bil-ħolqien ta' impjiegi permezz tal-investiment fir-riċerka u fl-iżvilupp u fl-innovazzjoni, bil-promozzjoni tal-intraprenditorija soċjali u l-ekonomija soċjali u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa u tal-kura soċjali u bit-trawwim tan-netwerks tat-trasport;

91.    Jenfasizza t-tendenza reċenti tal-kumpaniji li qed jirritornaw il-produzzjoni u s-servizzi għall-UE u l-opportunitajiet li dan joħloq għall-ħolqien tal-impjiegi, partikolarment għaż-żgħażagħ; jemmen li l-ekonomiji tal-UE għandhom opportunità unika biex jaċċelleraw din it-tendenza tar-ritorn tal-impjiegi billi jiżguraw li l-ħiliet tal-forza tax-xogħol tagħna taqbel mal-ħtiġiet tan-negozji;

92.    Jenfasizza l-importanza tal-istudji STEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija, u Matematika) u jenfasizza r-rwol li għandhom f'li jippermettu li l-Ewropa jkollha parti importanti fix-xena globali fir-rigward tal-iżviluppi tat-teknoloġija li qed javvanzaw;

93.    Jappoġġa l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea f'kooperazzjoni mat-Triju ta' Presidenzi biex tippromwovi mentalità intraprenditorjali fl-Ewropa u tiżviluppa ħiliet trasferibbli għall-ħajja;

94.    Jenfasizza l-fatt li l-UE qed tiltaqa' ma' nuqqas ta' ħiliet fix-xjenza, fit-teknoloġija, fl-inġinerija u fil-matematika (STEM) waqt li għandha provvista żejda ta' gradwati fix-xjenzi soċjali; hu tal-fehma li huma meħtieġa inizjattivi supplementari fil-livell Ewropew u dak nazzjonali biex jirrispondu għall-imblokki li jeżistu fl-impjiegi u l-istudji relatati ma' suġġetti STEM; jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu miżuri biex is-suġġetti STEM ikunu aktar attraenti u jikber il-valur tagħhom u jħeġġu liż-żgħażagħ, inklużi n-nisa, biex jibdew studji fis-suġġetti STEM;

95.    Jirrimarka li anke fis-seklu XXI għad hemm relevanza għall-kompetenzi tradizzjonali li joħolqu impjiegi stabbli li ma jistgħux ikunu esternalizzati u li huma l-bażi ta' numru ta' oqsma li fihom l-Ewropa teċċella; jitlob appoġġ għall-preservazzjoni ta' dawn il-kompetenzi tradizzjonali u t-trażmissjoni tagħhom lill-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni permezz tat-taħriġ, filwaqt li jiġu kkombinati meta possibbli ma' kompetenzi ġodda, b'mod partikolari dawk diġitali, sabiex jiġi massimizzat il-potenzjal tagħhom;

Il-miżuri fir-rigward ta' ħaddiema iżgħar u dawk aktar imdaħħla fiż-żmien, u ħaddiema b'diżabilitajiet

96.   Jenfasizza l-ħtieġa għal, u l-importanza ta', miżuri speċjali u appoġġ għal min iħaddem, b'mod partikolari l-SMEs, biex jiġu megħjuna jtejbu l-kwalità u l-impjieg sostenibbli, jiżguraw taħriġ ibbażat fuq ix-xogħol u joffru opportunitajiet għal żvilupp fil-karriera għal gruppi li jkunu żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, bħal żgħażagħ, ħaddiema mdaħħla fiż-żmien, nisa, migranti, persuni b'diżabilità u dawk qiegħda fit-tul; jirrikonoxxi u jappoġġa r-rwol tas-servizzi tax-xogħol pubbliċi kif ukoll privati fil-promozzjoni ta’ swieq tax-xogħol kompetittivi u inklużivi; ifakkar fl-importanza tar-responsabilità soċjali u ekonomika min-naħa ta' min iħaddem u mill-istituzzjonijiet edukattivi, lejn l-impjegati kollha kif ukoll lejn is-soċjetà; jemmen li din ir-responsabilità soċjali għandha tkun meħtieġa wkoll mill-istituzzjonijiet responsabbli għall-edukazzjoni u t-taħriġ;

97.    Jirrikonoxxi l-isfidi li jiffaċċaw iż-żgħażagħ meta jidħlu fis-suq tax-xogħol, ifakkar l-importanza li jiksbu l-ewwel esperjenza tax-xogħol waqt l-istudji biex jiksbu ħiliet tal-impjegabilità u biex jagħmlu t-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol aktar effiċjenti u effettiva; jirrimarka dwar il-potenzjal sottostanti għall-intraprenditorjat taż-żgħażagħ, u għaldaqstant jappella għar-responsabilità ta' min iħaddem u tal-Istati Membri biex jipprovdu liż-żgħażagħ bl-opportunità li jiksbu din l-esperjenza u li jappoġġaw liż-żgħażagħ biex jiksbu l-aħjar ħiliet; jenfasizza ulterjorment l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-iskejjel u dawk li jħaddmu f'dan ir-rigward, u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex isiru aktar favorevoli għan-negozju u biex jappoġġaw żgħażagħ fit-trasformazzjoni tal-ideat tagħhom fi pjanijiet ta' negozju ta' suċċess;

Proposti tal-politika u Rakkomandazzjonijiet

98.    Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jinvestu f'setturi ekonomiċi ġodda innovattivi u promettenti sabiex iħeġġu l-investiment fl-UE bl-għan li jagħtu spinta lit-tkabbir u lill-impjieg ġdid, ta' kwalità u sostenibbli li jwassal għal soċjetà aktar ġusta, sostenibbli u inklużiva; ikompli jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri jimplimentaw miżuri ekonomiċi u finanzjarji u biex iwettqu riformi fis-suq tax-xogħol li huma bbażati fuq indikaturi ċari, ibbażati fuq id-data u li jistgħu jitkejlu li bihom tista' tiġi ppruvata l-effikaċja;

99. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li r-riformi fis-suq tax-xogħol ikollhom l-għan li, apparti l-promozzjoni aħjar u l-ħolqien ta' impjiegi ta’ kwalità, inaqqsu s-segmentazzjoni, itejbu l-inklużjoni ta' gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol, jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, inaqqsu l-faqar fost il-ħaddiema u jiżguraw protezzjoni soċjali adegwata għall-ħaddiema kollha, inklużi dawk li huma impjegati għal rashom;

100.  Jistieden lill-Istati Membri jinvestu f'edukazzjoni bikrija tat-tfal, u f'tagħlim bikri ta' lingwi barranin u ta' teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni fl-edukazzjoni primarja;

101.  Jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw bis-sħiħ l-importanza tal-awtomatizzazzjoni bħala tendenza li tista' tnaqqar mill-importanza kwantitattiva ta' ħafna impjiegi, u biex il-programmi tat-taħriġ għall-persuni qiegħda jkunu diretti lejn it-tagħlim tal-ħiliet utli f'impjiegi mhux ta' rutina;

102. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jitgħallmu dwar l-aħjar prattiki u jieħdu l-pass minn dawn l-azzjonijiet ta' politika li jżid ir-rati tal-impjieg u jnaqqas il-faqar u l-inugwaljanza u jimpenjaw ruħhom għal riformi aktar ambizzjużi li jkunu jserħufuq dawn il-prattiki; jistieden ulterjorment lill-Istati Membri jikkomparaw u jkejlu l-effikaċja ta' tali prattiki, biex jiżguraw il-bilanċ xieraq bejn l-adattabilità u s-sigurtà għall-ħaddiema u għan-negozjanti u biex iqisu l-ispeċifiċitajiet tas-swieq tax-xogħol u s-sistemi edukattivi fl-Istati Membri;

103.  Jistieden lill-ibliet u lir-reġjuni sabiex jiffokaw fuq edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità, jiġġieldu kontra t-tluq bikri mill-iskola u l-qgħad fost iż-żgħażagħ, għaliex iż-żgħażagħ jeħtieġu bʼmod urġenti prospetti ġodda u għandu jsir dak kollu possibbli sabiex jiġu appoġġati;

104.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw approċċi kollettivi bħal netwerks ta' min iħaddem sabiex ikissru l-ostakli li jipprevjenu lil min iħaddem milli jwettaq pjanijiet aktar ambizzjużi għall-iżvilupp tal-forza tax-xogħol;

105.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex irawmu u jappoġġaw intrapriżi soċjali li jqisu r-responsabilità tagħhom rigward l-ambjent, il-konsumaturi u l-impjegati;

106.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu qafas Ewropew għall-pagi minimi fil-kuntest tat-tnaqqis tal-inugwaljanzi fil-pagi, ibbażat fuq livell bażi għal kull Stat Membru li jiżgura dħul ta' paga diċenti permezz ta' mezzi legali jew permezz ta' ftehim b'konformità mal-prattiki nazzjonali;

107.  Jistieden lill-Istati Membri jinkludu t-tmexxija, il-ġestjoni u l-edukazzjoni intraprenditorjali u finanzjarja, pariri dwar start-ups tan-negozju u teknoloġiji tal-komunikazzjoni fil-programmi edukattivi tagħhom, inklużi strateġiji għat-tagħlim matul il-ħajja, u li jiġi prijoritizzat l-iżvilupp ulterjuri ta' programmi ta' taħriġ vokazzjonali u edukattiv (VET) inkluż it-titjib tal-artiġjanat Ewropew, filwaqt li jqisu d-differenzi bejn l-Istati Membri fis-suq tax-xogħol u fis-sistemi edukattivi, u jevitaw approċċ ta' "wieħed tajjeb għal kulħadd";

108.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa pjattaforma Ewropea għar-rikonoxximent u l-validazzjoni ta' ħiliet komuni għal attivitajiet u professjonijiet speċifiċi li tinkorpora r-rikonoxximent ta' ħiliet miksuba mix-xogħol volontarju;

109.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali bħala mod kif jirrikonoxxu l-kompetenzi miksuba permezz ta' edukazzjoni mhux formali, partikolarment fis-settur tal-volontarjat u taż-żgħażagħ, u l-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-politiki tat-tagħlim tul il-ħajja;

110.  Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġaw l-involviment mill-qrib u sistematiku tal-partijiet ikkonċernati tas-suq tax-xogħol, inklużi l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u tal-impjegati, l-istituzzjonijiet ta' taħriġ u s-servizzi tal-impjieg pubbliċi u privati, fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, inkluż l-iffaċilitar tal-komunikazzjoni u l-qsim tal-informazzjoni bejniethom, sabiex jitrawmu rabtiet eqreb bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-post tax-xogħol, biex jiġu mqabbla l-provvista u d-domanda u biex jiġu antiċipati u pjanati l-ħtiġijiet futuri tal-ħiliet u tal-kwalifiki fis-suq tax-xogħol;

111. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jipprovdu inċentivi finanzjarji u ekonomiċi li jappoġġaw il-parteċipazzjoni f'edukazzjoni u taħriġ kontinwi sabiex tiġi żgurata fil-futur forza tax-xogħol b'ħiliet għolja; jirrakkomanda li tali inċentivi jiġu bbażati fuq indikaturi li jistgħu jiġu mkejla u bbażati fuq id-data li l-effikaċja tagħhom tista' tiġi pruvata;

112.  Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu taħriġ xieraq u jiżguraw żvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema u tal-mexxejja tal-edukazzjoni sabiex jgħinuhom jużaw l-aktar metodi xierqa tat-tagħlim u jippermettu l-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi tas-seklu XXI fost iż-żgħażagħ tal-Ewropa. jenfasizza ulterjorment l-importanza li l-għalliema jiġu pprovduti b'għarfien ibbażat fuq know-how li jorbot il-prattika mat-teorija, speċjalment fir-rigward ta' teknoloġiji ġodda u d-diġitalizzazzjoni, sabiex ikunu jistgħu jwasslu dan l-għarfien lill-istudenti;

113.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jieħdu passi rapidi u konkreti biex jimplimentaw politiki u leġislazzjoni attwali dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki u t-titoli akkademiċi madwar l-UE, bħala mezz għat-trawwim ta' mobilità intra-UE ġusta u l-indirizzar tal-problema ta' postijiet tax-xogħol battala;

114.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu previżjonijiet dwar swieq tax-xogħol li qed jinbidlu, b'mod partikolari rigward sfidi li qed jinħolqu mill-globalizzazzjoni, kif ukoll previżjonijiet dwar impjiegi u ħiliet f'kull Stat Membru u b'mod wiesa' matul is-setturi;

115.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2014)0038.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2014)0394.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2015)0110.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2014)0010.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2014)0037.

(6)

Skont l-"Employment and Social situation: Quarterly Review" ta' Marzu 2015 maħruġ mill-Kummissjoni.

(7)

Kummissjoni Ewropea (2013), L-iżviluppi fl-Impjieg u fis-Sitwazzjoni Soċjali fl-Ewropa

(8)

Skont l-"Employment and Social situation: Quarterly Review" tat-13 ta' April 2015 tal-Kummissjoni Ewropea


NOTA SPJEGATTIVA

Il-qgħad għadu wieħed mill-isfidi ewlenin fl-UE, b'rata ta' 9.9 % f'Diċembru 2014, u b'differenzi sinifikanti ħafna fir-rati tal-qgħad bejn l-Istati Membri (il-Ġermanja 4.8% vs Spanja 23.7%). Ir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ huma ogħla b'aktar mid-doppju, u jammontaw għal 21.4 % madwar l-UE. Min-naħa l-oħra, hemm madwar 2 miljun impjieg fl-UE li ma jistgħux jimtlew minħabba n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol u mobilità tax-xogħol insuffiċjenti (UE27, 0.29 %).

L-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja għadhom qed jippersistu. Filwaqt li hemm xi sinjali ta' rkupru, is-suq tax-xogħol kien qiegħed jiċkien f'dawn l-aħħar snin u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda għadu miexi bil-mod.

Għalhekk huma meħtieġa politiki ekonomiċi u riformi fis-suq tax-xogħol ambizzjużi sabiex jiġi stimulat tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv kif ukoll biex jinħolqu aktar impjiegi biex jingħelbu d-distorsjonijiet fis-suq tax-xogħol tal-UE.

Is-suq tax-xogħol Ewropew għandu l-ispeċifiċitajiet u l-isfidi tiegħu, inkluża segmentazzjoni b'saħħitha tas-suq tax-xogħol, il-preżenza ta' nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol, flimkien ma' sehem li qed jikber ta' qgħad fit-tul, kif ukoll mobbiltà baxxa tal-ħaddiema. Barra minn hekk, is-suq tax-xogħol Ewropew qed jiffaċċja wkoll ukoll il-problemi ta' soċjetà li qed tixjieħ u dan jirrikjedi użu aktar effiċjenti tal-forza tax-xogħol u politiki ta' migrazzjoni riformati, kif ukoll bidliet teknoloġiċi rapidi li jiġġeneraw żieda fid-domanda għal ħaddiema b'ħiliet għolja. L-isfida li jirrappreżenta n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet għandha tiġi ttrattata minnufih, peress li n-nuqqas ta' tlaqqigħ strutturali jista' jaffettwa b'mod negattiv l-irkupru u t-tkabbir ekonomiku.

Ir-rapport jenfasizza li biex jinkiseb suq tax-xogħol kompetittiv, huma meħtieġa riformi sabiex tiżdied il-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol u tal-karriera personali, it-tlaqqigħ aħjar tal-ħiliet u l-impjiegi, inklużi sinerġiji aktar b'saħħithom bejn is-sistemi tal-edukazzjoni u n-negozji. Huwa jappella wkoll għal integrazzjoni aħjar taż-żgħażagħ, tan-nisa u tal-ħaddiema li huma akbar fl-età kif ukoll tal-migranti b'ħiliet fis-suq tax-xogħol. Huwa jissottolinja l-importanza tal-użu ta' investimenti li b'mod attiv jappoġġaw il-ħolqien tal-impjiegi, l-impjegabbiltà u biex jiġi evitat it-tnaqqis tal-ħiliet ta' dawk qiegħda. Huwa jissuġġerixxi approċċ flessibbli lejn il-ħajja professjonali personali li jadatta l-ħaddiema għall-bidliet u jippreparhom għal tagħlim tul il-ħajja biex jiksbu ħiliet ġodda, meħtieġa minħabba sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol u ta' xejriet ta' produzzjoni li qed tinbidel kostantement. Huwa jfakkar ir-riformi meħtieġa li se jinkoraġġixxu lin-nies biex imorru lura għax-xogħol u li ma jagħżlux benefiċċji soċjali minflok. Huwa jenfasizza l-importanza tal-mobilità tal-ħaddiema, jinkoraġġixxi aktar ħolqien ta' kuxjenza dwar l-impjiegi fil-livell tal-UE, b'mod partikolari permezz ta' aktar żvilupp tal-EURES, kif ukoll il-promozzjoni tal-edukazzjoni lingwistika, u tal-ERASMUS +.

Attenzjoni speċjali hija mogħtija lill-importanza ta' edukazzjoni u taħriġ kontinwu biex jinkiseb suq tax-xogħol tal-UE kompetittiv, li jwassal għal tkabbir u l-impjiegi. Jenfasizza n-neċessità ta' strutturi ekonomiċi li jappoġġaw il-parteċipazzjoni f'edukazzjoni u taħriġ kontinwu sabiex tiġi żgurata fil-futur forza tax-xogħol b'ħiliet għolja;

Huma analizzati fatturi differenti li jistgħu jsaħħu konnessjonijiet bejn l-edukazzjoni u l-impjiegi, kif ukoll it-trawwim ta' gwida tul il-ħajja u tal-ħiliet ta' ġestjoni tal-karriera. L-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet futuri hi prerekwiżit ewlieni għat-tħejjija tal-impjegati jew tal-impjegati futuri għall-ħiliet meħtieġa fil-futur, u, f'dan ir-rigward, l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u tal-impjegati għandhom ikunu involuti bis-sħiħ, fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali, b'mod partikolari fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta' programmi ta' kwalifiki vokazzjonali. Barra minn hekk, sħubijiet bejn l-universitajiet, in-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi għandom jissaħħu bil-għan li ssir stima tal-ħtiġijiet tax-xogħol għall-futur.

L-istabbiliment ta' sħubijiet b'saħħithom bejn il-gvernijiet, rappreżentanti ta' min iħaddem u tal-impjegati huwa importanti ħafna sabiex jinstabu l-aqwa modalitajiet biex ikun indirizzat in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet fid-dimensjonijiet kollha tiegħu.

It-rapport jenfasizza l-bżonn li jsir skambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari fir-rigward ta' tagħlim doppju u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, filwaqt li jirrikonoxxi l-ispeċifiċitajiet ta' kull suq tax-xogħol u tas-sistema edukattiva.

Hija mogħtija attenzjoni speċjali lill-importanza li jiġu promossi inizjattivi li jrawmu l-impjieg indipendenti u l-intraprenditorija, b'enfasi partikolari fuq l-SMEs u l-mikrointrapriżi, bħala s-sinsla tas-suq tax-xogħol tal-UE u l-ħtieġa ta' miżuri ta' appoġġ biex jinstabu ħaddiema kwalifikati u t-taħriġ ta' impjegati futuri, kif ukoll l-introduzzjoni ta' inċentivi għal imprendituri li jinvestu fit-taħriġ u l-apprendistati, sabiex l-SMEs jitħeġġu jikkontribwixxu għall-ispejjeż tat-taħriġ. F'dan ir-rigward, ir-rapport jitlob ukoll għat-tisħiħ tal-edukazzjoni tat-tmexxija u dik intraprenditorjali minn età bikrija.

Għall-istabbiliment ta'ekonomija u ta' suq tax-xogħol kompetittiva tal-UE, hemm bżonn qawwi li wieħed jiffoka fuq l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni u, għal dan il-għan, biex jiġu żgurati l-għarfien u l-ħiliet neċessarji kif ukoll il-motivazzjoni u d-determinazzjoni tal-impjegati sabiex jinħolqu prodotti jew servizzi innovattivi. Huwa jenfasizza l-potenzjal tal-ħolqien ta' impjiegi fl-ikkompletar tas-suq uniku diġitali, fl-istabbiliment tal-Unjoni tal-enerġija, fil-ħolqien ta' impjiegi permezz tal-investiment fir-riċerka, fl-iżvilupp, fl-innovazzjoni, u fit-trawwim tan-netwerks tat-trasport.

Attenzjoni speċjali hija mogħtija lil miżuri speċifiċi biex iħeġġu r-reklutaġġ ta' ħaddiema żgħażagħ, inkluż permezz ta' appoġġ għal min iħaddem, b'mod partikolari l-SMEs biex ifasslu t-taħriġ intern tagħhom, kif ukoll għal integrazzjoni mill-ġdid ta' ħaddiema akbar fl-età, inkluż permezz tal-istabbiliment ta' faċilitajiet ta' taħriġ mill-ġdid, biex jaġġornaw il-ħiliet tagħhom u jadattawhom għall-isfidi tal-impjiegi ġodda.

Ir-rapport jenfasizza l-importanza ta' programmi ta' taħriġ u ta' kwalifikazzjoni mill-ġdid għal persuni qiegħda, u jenfasizza li dawn għandhom jiġu mfassla u implimentati b'kooperazzjoni mill-qrib ma' assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem, bil-ħsieb li jkun hemm allinjament aħjar tal-ħiliet ġodda tagħhom mal-ħtiġijiet ta' min iħaddem.

Fl-aħħar nett, ir-rapport jissuġġerixxi li l-impjegati, dawk li jħaddmu kif ukoll l-istituzzjonijiet edukattivi u tat-taħriġ għandhom isiru aktar soċjalment responsabbli lejn is-suq tax-xogħol Ewropew, speċjalment lejn il-ġenerazzjoni l-ġdida ta' Ewropej.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (7.5.2015)

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

il-ħolqien ta' suq tax-xogħol tal-UE kompetittiv għas-seklu 21: it-tlaqqigħ ta' ħiliet u kwalifiki mad-domanda u l-opportunitajiet ta' impjiegi, bħala mod kif nirkupraw mill-kriżi

(2014/2235(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Ilhan Kyuchyuk

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol qed jinbidlu malajr u dan jgħodd għall-ħiliet, it-teknoloġiji u l-impjiegi wkoll; jemmen li waħda mir-raġunijiet għal-livell għoli ta' qgħad fl-UE hija n-nuqqas kbir ta' tlaqqigħ tal-ħiliet eżistenti: fl-2014, bosta miljuni ta' impjiegi ma setgħux jimtlew minħabba nuqqas ta' ħaddiema mogħnijin bil-ħiliet xierqa; jenfasizza li strateġija komprensiva fuq terminu twil, imlaqqa' ma' miżuri immedjati, hija meħtieġa għall-adattament tas-sistemi edukattivi fil-livelli kollha, inkluż it-taħriġ vokazzjonali, għall-ħtiġijiet attwali u futuri tas-suq tal-impjieg; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, kollaborazzjoni eqreb bejn in-negozji u l-istituzzjonijiet edukattivi sabiex l-impjegaturi jinvolvu ruħhom fl-iżvilupp u l-valutazzjoni ta' programmi ta' studju sabiex ikun żgurat li l-ħiliet meħtieġa mis-suq tax-xogħol ikunu żviluppati b'mod effettiv;

2.  Hu tal-fehma li l-investiment sempliċement f'modi kif isir it-tlaqqigħ tal-ħiliet mad-domanda tas-suq tax-xogħol biex jinħolqu opportunitajiet ta' impjiegi mhux biżżejjed sabiex jiġi żgurat l-irkupru ekonomiku mill-kriżi; jenfasizza li n-nuqqas ta' impjiegi huwa ta' sikwit ir-riżultat ta' nuqqas ta' tkabbir fl-Ewropa u li attwalment in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet għadu mhuwiex il-kawża ewlenija tar-rati għoljin ta' qgħad; jaqbel, madankollu, li n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet attwali se jkun problema li tibqa' tikber waqt li l-ekonomija tkun qed tirkupra gradwalment, u li l-isforzi kontinwi biex jitressqu lejn xulxin l-edukazzjoni, it-taħriġ u s-suq tax-xogħol għandhom għaldaqstant jiġu msaħħa fil-livelli kollha; itenni li l-ġenerazzjoni ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u l-ħolqien ta' impjiegi fl-Ewropa għandha tinkiseb permezz ta' approċċ olistiku b'viżjoni ekonomika u soċjali ċara msaħħa minn forza tax-xogħol b'saħħitha u b'ħiliet intelliġenti sabiex tikkumplementa l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

3.  Jenfasizza l-importanza tal-inizjattivi tal-UE li jimmiraw li jagħmlu s-suq tax-xogħol u s-sistemi edukattivi aktar trasparenti, jistimolaw il-mobilità u joħolqu opportunitajiet bħalma huma l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, il-Europass-CV, il-Passaport Ewropew tal-Ħiliet, il-Portal għall-Mobilità tal-Impjiegi fl-Ewropa (EURES), l-Alleanzi tal-Għarfien u l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati; jitlob promozzjoni aħjar ta' dawn l-inizjattivi sabiex jittejjeb is-suq tax-xogħol fl-Ewropa;

4.  Jenfasizza li inizjattivi bħall-Iskema ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u l-Panorama ta' Ħiliet tal-UE, immirati biex jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ, għandhom jitkomplew u anke jitkabbru, kemm f'termini ta' dewmien u kif ukoll tal-allokazzjoni tagħhom ta' finanzjament; jenfasizza li l-Panorama ta' Ħiliet tal-UE tipprovdi punt ċentrali ta' aċċess għal informazzjoni dwar ħtiġijiet ta' ħiliet fl-impjiegi u s-setturi fl-Ewropa; jissottolinja li l-informazzjoni, disponibbli fuq il-websajt tagħha, tista' tgħin lill-fassala tal-politika u l-atturi kollha involuti biex jieħdu deċiżjonijiet aktar infurmati bl-għan li tinkiseb l-integrazzjoni sostenibbli ta' żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u tiġi mħaffa t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol;

5.  Jenfasizza li ż-żgħażagħ sikwit jesperjenzaw diffikultajiet li dejjem jikbru fit-tranżizzjoni tagħhom mill-edukazzjoni għax-xogħol u għaldaqstant sikwit ikunu aktar vulnerabbli għall-qgħad u aktarx isibu ruħhom f'impjiegi ta' kwalità baxxa jew prekarji;

6.  Jenfasizza l-importanza tal-inizjattiva tal-Klassifikazzjoni Ewropea ta' Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO), li tidentifika u tikkategorizza ħiliet, kompetenzi, kwalifiki u impjiegi rilevanti għas-suq tax-xogħol tal-UE u l-edukazzjoni u t-taħriġ, f'25 lingwa Ewropea;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa tal-inklużjoni ta' elementi ta' taħriġ intraprenditorjali fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, peress li t-trawwim ta' spirtu intraprenditorjali fost iż-żgħar fi stadju bikri huwa mod effettiv li bih jiġi miġġieled il-qgħad u b'mod partikolari l-qgħad fost iż-żagħżagħ; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, djalogu attiv u kooperazzjoni bejn il-komunità akkademika u l-komunitajiet tan-negozju mmirati għall-iżvilupp ta' programmi edukattivi li jarmaw liż-żgħażagħ bil-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa;

8.  Jitlob għal fehim aħjar tal-ħtiġijiet preżenti u futuri ta' ħiliet u għat-tisħiħ tal-Panorama ta' Ħiliet tal-UE eżistenti sabiex jiġu identifikati aħjar il-lakuni fil-ħiliet u n-nuqqasijiet f'setturi u impjiegi speċifiċi, kif ukoll f'reġjuni speċifiċi u li jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar mudelli dejjem jevolvu ta' ħtiġijiet ta' ħiliet tiġi miġbura, proċessata u disseminata fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-awtoritajiet pubbliċi, dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-impjegaturi sabiex jiġu antiċipati aħjar ix-xejriet tal-futur;

9.  Itenni l-importanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) għat-titjib tal-impjegabilità u għat-tħaffif tal-ksib tal-kwalifiki professjonali għaż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu r-rilevanza tal-ETV għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol billi jagħmluhom parti integrali mis-sistema edukattiva u jiggarantixxu standards ta' kwalifiki għoljin u l-assigurazzjoni tal-kwalità f'dan ir-rigward;

10. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw skemi ta' apprendistati u skemi ta' traineeship ta' kwalità biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jaħdmu fuq proġetti innovattivi għall-iżvilupp ta' prodotti, teknoloġiji jew swieq ġodda b'rabta ċara mal-programmi edukattivi eżistenti sabiex itejbu l-prospetti tagħhom fil-bini ta' rabtiet mas-suq tax-xogħol u biex jiksbu ħiliet siewja relatati max-xogħol;

11. Jenfasizza r-rwol importanti li l-edukazzjoni u l-istituzzjonijiet ta' taħriġ għandhom fl-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi tal-istudenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw servizzi mmirati ta' gwida fil-karriera matul iċ-ċiklu edukattiv sabiex jgħinu liż-żgħażagħ jieħdu d-deċiżjonijiet it-tajbin għall-edukazzjoni u l-karriera tagħhom;

12. Jenfasizza l-importanza ta' edukazzjoni doppja u programmi ta' taħriġ li jlaqqgħu it-teorija mat-taħriġ prattiku, bħala element ewlieni fl-iżvilupp ta' ħiliet u kompetenzi li jwieġbu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jintegraw programmi bħal dawn ġol-kurrikuli tagħhom sabiex jipprovdu l-esperjenza prattika meħtieġa li tħaffef tranżizzjoni bla skossi minn edukazzjoni u taħriġ għas-suq tax-xogħol;

13. Jenfasizza l-ħtieġa ta' miżuri msaħħa u mmirati aħjar bl-għan li jnaqqsu r-rata ta' tluq bikri mill-iskola (ESL) għal inqas minn 10 % sal-2020, kif maqbul fl-istrateġija Ewropa 2020, waqt li jitqies li l-ESL hija problema persistenti fl-UE li għandha impatt detrimentali fuq l-impjegabilità u l-integrazzjoni soċjali taż-żgħażagħ ikkonċernati;

14. Ifakkar li l-investiment fl-edukazzjoni u fl-iżvilupp ta' ħiliet li jwieġbu għad-domandi tas-suq tax-xogħol u s-soċjetà huwa essenzjali għat-tkabbir u l-kompetittività, kif ukoll għas-sensibilizzazzjoni Ewropea, l-iżvilupp personali u l-awtostima; jirrimarka li l-intraprenditorija tirrikjedi l-iżvilupp ta' ħiliet trasversali bħalma huma l-kreattività, il-ħsieb kritiku, ix-xogħol f'tim u sens ta' inizjattiva, li jikkontribwixxu għall-iżvilupp personali u professjonali taż-żgħażagħ u jiffaċilitaw id-dħul aktar bikri tagħhom fis-suq tax-xogħol; jenfasizza li tali investiment għandu jiġi appoġġat minn sinerġiji aktar qawwija bejn l-inizjattivi Ewropej u nazzjonali u s-setturi varji tal-edukazzjoni u t-taħriġ u setturi rilevanti oħra, bħall-impjieg, il-politika soċjali, il-politika taż-żgħażagħ u l-kultura u kollaborazzjoni aktar mill-qrib mal-partijiet interessati kollha involuti bħalma huma l-imsieħba soċjali u n-negozji sabiex il-kurrikuli jibqgħu allinjati mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

15. Itenni l-impenn tal-Istati Membri li jinvestu fl-edukazzjoni għolja u jitlob għalhekk it-titjib gradwali tal-istandards tal-edukazzjoni u t-taħriġ fis-sistemi edukattivi Ewropej kollha; jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-edukazzjoni bħala investiment essenzjali u jimpenjaw ruħhom li jinvestu mill-inqas 2 % tal-PDG u jissalvagwardjaw lis-settur mit-tnaqqis fl-infiq; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ulterjorment ir-rwol tal-edukazzjoni fl-istrateġija Ewropa 2020 billi tassoċja l-objettivi ġenerali tal-qafas strateġiku Edukazzjoni u Taħriġ 2020 (ET 2020) mar-reviżjoni tal-Ewropa 2020;

16. Jenfasizza li l-investiment tul il-ħajja fil-kapital uman u fil-ħiliet, u, b'mod partikolari, fit-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol eżistenti u tal-ħaddiema bla sengħa, huwa essenzjali fil-ġlieda kontra l-qgħad fit-tul u biex jiġi pprovdut aċċess aktar wiesa' għal impjiegi ta' kwalità għolja; jistieden lill-UE tistabbilixxi objettivi ċari dwar il-metodi tat-tagħlim tul il-ħajja għall-ħiliet neqsin u biex tespandi t-taħriġ u l-edukazzjoni fil-komunikazzjoni, il-lingwi u l-ħiliet diġitali għall-ħaddiema ta' età akbar u b'mod partikolari l-ħaddiema bi ftit kwalifiki ta' età akbar minn 30 sena u studenti li jkunu telqu mill-iskola qabel iż-żmien;

17. Jemmen li l-edukazzjoni hija kruċjali fl-ixprunar tar-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni, u b'hekk tkompli żżid aktar il-possibilitajiet għall-ħolqien tal-impjiegi fis-setturi li jitolbu livell għoli ta' ħiliet u fl-istess waqt tagħti spinta lill-kompetittività tal-ekonomija Ewropea;

18. Jenfasizza l-importanza tal-iżgurar ta' opportunitajiet indaqs u l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, b'mod partikolari għall-gruppi żvantaġġati, u l-għoti ta' appoġġ effettiv fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u fil-faċilitazzjoni tal-aċċess għax-xogħol;

19. Jenfasizza r-rwol importanti tat-tagħlim mhux formali u informali, tal-volontarjat u tat-tagħlim matul il-ħajja fl-iżvilupp ta' ħiliet u ta' kwalifiki, b'mod partikolari ħiliet trasversali bħall-ħiliet intraprenditorjali, l-ICT, u l-kompetenzi personali u ta' lingwa li huma applikabbli b'mod wiesa'; jistieden lill-UE ttejjeb l-aċċess għat-tagħlim tal-adulti u għal edukazzjoni li tagħti t-tieni opportunità; jitlob il-validazzjoni u r-rikonoxximent ta' tagħlim mhux formali u informali mill-impjegaturi u mill-fornituri tal-edukazzjoni;

20. Jissottolinja l-importanza tal-iżvilupp tal-ħiliet diġitali bħala parti mit-tagħlim tul il-ħajja, fl-integrazzjoni ta' midja u teknoloġiji ġodda fil-kurrikuli, u tal-iżvilupp tal-kompetenza diġitali u tal-litteriżmu medjatiku mill-aktar stadju bikri fl-iskola u matul iċ-ċiklu edukattiv sħiħ; jenfasizza l-ħtieġa tal-iżvilupp ta' modi innovattivi ta' tagħlim, u l-estensjoni tad-disponibilità onlajn u ta' tagħlim mill-bogħod permezz ta' riżorsi edukattivi miftuħa (OER) li jiffaċilitaw l-aċċess indaqs għall-edukazzjoni u t-taħriġ għal kulħadd; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw l-aċċess għal teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni fl-istituzzjonijiet kollha tal-edukazzjoni u ta' taħriġ vokazzjonali; isostni li jeħtieġ li l-għalliema jingħataw taħriġ indirizzat lejn dawn il-ħiliet u lejn modi effettivi kif jittrażmettu dawn il-ħiliet liż-żgħażagħ;

21. Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-għalliema u l-edukaturi għall-iżvilupp futur tal-istudenti tagħhom; jappoġġa inizjattivi varji li jindirizzaw in-nuqqas ta' għalliema u nies li jħarrġu kwalifikati sew fl-Istati Membri u jirrakkomanda sforzi ulterjuri biex jiġu attirati, reklutati u edukati għalliema u edukaturi, inkluż li jiġu modernizzati l-kurrikuli u t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jirfinaw il-kompetenzi tal-għalliema u dawk li jħarrġu biex jipprovdulhom żvilupp professjonali kontinwu, appoġġ u kundizzjonijiet sabiex itejbu bl-aħjar mod il-ħiliet ta' tagħlim tagħhom, b'mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ, il-ħiliet trasversali u t-tagħlim tal-adulti;

22. Ifakkar li waqt perjodu ta' tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, l-individwi jaffaċċjaw sfidi akbar biex isibu l-impjiegi u li xi drabi jkollhom jaċċettaw impjiegi b'rekwiżiti edukattivi aktar baxxi minn dawk li diġà jkollhom; jenfasizza li t-tkabbir permezz tal-ħolqien ta' impjiegi bi kwalifiki għoljin u l-istimulazzjoni tal-ħolqien tal-impjiegi permezz tal-faċilitazzjoni tal-investiment f'setturi ġodda huwa mod rilevanti biex tittaffa l-prevalenza ta' soprakwalifiki fi ħdan l-ekonomiji tal-UE;

23. Jenfasizza l-ħtieġa li jkunu żgurati mogħdijiet flessibbli bejn l-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni sekondarja, l-edukazzjoni terzjarja u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u bejn it-tagħlim formali, mhux formali u informali; jenfasizza l-importanza tat-trasferiment tal-krediti u tar-rikonoxximent ta' kwalifiki akkademiċi u professjonali ekwivalenti u perijodi ta' studju transnazzjonali b'mod partikolari meta dawn jinkisbu matul l-istudji f'universitajiet barranin, bħal fil-kuntest tal-programm Erasmus+; jissottolinja li l-assigurazzjoni effettiva u indipendenti tal-kwalità hija prerekwiżit għal rikonoxximent aħjar tal-kwalifiki;

24. Jenfasizza l-fatt li l-UE qed tiltaqa' ma' nuqqas ta' ħiliet fix-xjenza, fit-teknoloġija, fl-inġinerija u fil-matematika (STEM) waqt li għandha provvista żejda ta' gradwati fix-xjenzi soċjali; hu tal-fehma li huma meħtieġa inizjattivi supplementari fil-livell Ewropew u dak nazzjonali biex jirrispondu għall-imblokk li jeżisti fl-impjiegi u l-istudji relatati ma' suġġetti STEM; jirrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-attraenza u l-valur tas-suġġetti STEM u jħeġġu liż-żgħażagħ, inklużi n-nisa, biex jibdew studji fis-suġġetti STEM;

25. Jenfasizza l-importanza tal-indirizzar tal-ħtiġijiet tat-tfal fl-iskola minn età żgħira ħafna; jirrakkomanda li l-Istati Membri jadottaw miżuri innovattivi u li jinkorporawhom fil-proċessi tat-tagħlim fl-iskola u barra minnha, u jirriformaw jew jaġġornaw l-ambjent tal-iskola, il-metodi tat-tagħlim u l-kompetenzi tal-għalliema; jissuġġerixxi li l-kurrikuli tal-iskola fl-Istati Membri jiġu adattati biex jinkludu żjarat tat-tfal f'pajjiżi oħra matul is-snin tal-iskola tagħhom, sabiex l-edukazzjoni tmur lil hinn mill-klassi anke fi stadju bikri ħafna fl-edukazzjoni;

26. Jirrimarka li anke fis-seklu XXI għad hemm relevanza għall-kompetenzi tradizzjonali li joħolqu impjiegi stabbli li ma jistgħux ikunu trasferibbli minn post għal ieħor u li huma l-bażi ta' numru ta' oqsma li fihom l-Ewropa teċċella; jitlob appoġġ għall-preservazzjoni ta' dawn il-kompetenzi tradizzjonali u t-trażmissjoni tagħhom lill-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni permezz tat-taħriġ, filwaqt li jiġu kkombinati meta possibbli ma' kompetenzi ġodda, b'mod partikolari dawk diġitali, sabiex jiġi massimizzat il-potenzjal tagħhom;

27. Jinnota li l-UE nbniet fuq il-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni, u b'mod partikolari tal-ħaddiema; jinnota l-importanza li t-tagħlim tal-lingwi, b'mod partikolari dawk Ewropej, isir element tat-tagħlim tul il-ħajja li għandu jiġi mħeġġeġ bħala mod ta' tħaffif tal-mobilità tal-ħaddiema u ta' twessiegħ tal-ispettru tal-prospetti tal-impjiegi;

28. Jitlob Strateġija tal-Ħiliet Ewropea li tkun tħares lejn il-ġejjieni u tkun orjentata lejn ir-riżultati biex tmexxi l-istrateġiji tal-ħiliet nazzjonali u tintegrahom fil-Pjanijiet għall-Impjiegi Nazzjonali filwaqt li tipprovdi qafas komprensiv għall-pjanijiet ta' azzjoni settorjali proposti fil-Pakkett tal-Impjiegi;

29. Jinnota l-importanza li jingħata impetu ġdid lill-Proċess ta' Bolonja, billi tittieħed l-opportunità mressqa mill-Konferenza Ministerjali ta' Yerevan ta' Mejju 2015 għal impenji ta' kooperazzjoni ġodda u aktar avvanzati li għandhom jitwettqu migħajr dewmien;

30. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tiżgura l-applikazzjoni xierqa tal-programm Erasmus+ bl-azzjonijiet kollha tiegħu, inkluża l-parti tal-programm dedikata għall-isport; iqis importanti s-simplifikazzjoni tal-metodi ta' aċċess sabiex il-programm jilħaq l-akbar numru possibbli ta' individwi u organizzazzjonijiet;

31. Iqis li wieħed għandu jisfrutta s-sinerġiji li jiġu mill-attività sportiva, waħda mill-muturi tal-ekonomija Ewropea, sabiex tittejjeb l-impjegabilità taż-żgħażagħ tagħna;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Andrea Bocskor, Silvia Costa, Damian Drăghici, Angel Dzhambazki, Giorgos Grammatikakis, Petra Kammerevert, Svetoslav Hristov Malinov, Curzio Maltese, Fernando Maura Barandiarán, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Yana Toom, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Theodoros Zagorakis, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Therese Comodini Cachia, Marc Joulaud, Kashetu Kyenge, Ilhan Kyuchyuk, Ernest Maragall, Emma McClarkin, Algirdas Saudargas, Hermann Winkler


SEJĦA TAL-ISMIJIET GĦALL-VOTAZZJONI FINALI

27

+

ALDE

Martina Dlabajova, Marian Harkin, Antonio Marinho e Pinto, Yana Toom, Ulla Tornaes, Renate Weber

ECR

Anthea McIntyre, Branislav Skripek, HelgaStevens, Jana Zitnanska

EFDD

Laura Agea, Tiziana Beghin

PPE

Georges Bach, Heinz K. Becker, David Casa, Agnieszka Kozlowska-Rajewicz, Adam Kosa, Jerome Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Thomas Mann, Marek Plura, Sofia Ribeiro, Anne Sander, Sven Schulze, Michaela Sojdrova, Csaba Sogor, Tom Vendenkendelaere

13

-

EFDD

Tim Aker

ENF

Mara Bizzotto, Dominique Martin, Joëlle Mélin

GUE/NGL

Rina Ronja Kari, Kostadinka Kuneva, Patrick Le Hyaric, Paloma López Bermejo, Inés Cristina Zuber

NI

Lampros Fountoulis

VERTS/ALE

Jean Lambert, Tamas Meszerics, Terry Reintke

14

0

S&D

Maria Arena, Guillaume Ballas, Brando Benifei, Vilija Blinkeviciute, Ole Christensen, Jan Keller, Miapetra Kumpula-Natri, Javi López, Edouard Martin, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Marita Ulvskog

Tifsira tas-simboli użati

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.6.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

13

14

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Maria Arena, Guillaume Balas, Tiziana Beghin, Brando Benifei, Mara Bizzotto, Vilija Blinkevičiūtė, David Casa, Ole Christensen, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Marian Harkin, Rina Ronja Kari, Jan Keller, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Miapetra Kumpula-Natri, Kostadinka Kuneva, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Patrick Le Hyaric, Jeroen Lenaers, Javi López, Thomas Mann, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Joëlle Mélin, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Marek Plura, Terry Reintke, Sofia Ribeiro, Anne Sander, Sven Schulze, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Yana Toom, Ulla Tørnæs, Marita Ulvskog, Renate Weber, Jana Žitňanská, Inês Cristina Zuber

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Tim Aker, Maria Arena, Georges Bach, Heinz K. Becker, Paloma López Bermejo, António Marinho e Pinto, Edouard Martin, Tamás Meszerics, Csaba Sógor, Michaela Šojdrová, Helga Stevens, Tom Vandenkendelaere

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Branislav Škripek

Avviż legali