Proċedura : 2014/2210(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0223/2015

Testi mressqa :

A8-0223/2015

Dibattiti :

PV 07/09/2015 - 26
CRE 07/09/2015 - 26

Votazzjonijiet :

PV 08/09/2015 - 5.10
CRE 08/09/2015 - 5.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0290

RAPPORT     
PDF 706kWORD 209k
30.6.2015
PE 544.219v01-00 A8-0223/2015

dwar in-negozji tal-familja fl-Ewropa

(2014/2210(INI))

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

Rapporteur: Angelika Niebler

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar in-negozji tal-familja fl-Ewropa

(2014/2210(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-kriterji stabbiliti mill-Kummissjoni fl-2003 għad-definizzjoni ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs),

–       wara li kkunsidra l-“Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020” tal-Kummissjoni (COM(2012)0795),

–       wara li kkunsidra r-Rapport 2009 tal-Grupp ta’ Esperti għall-Kummissjoni Ewropea “Ħarsa ġenerali dwar il-kwistjonijiet rilevanti għan-negozji tal-familja: ir-riċerka, il-miżuri ta’ politika u l-istudji eżistenti”,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Frar 2013 dwar it-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2014 dwar ir-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa biex jiġu promossi l-kompetittività u s-sostenibbiltà(2),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”: “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa” (COM(2008)0394),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0223/2015),

A.     billi skont l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-proprjetà hija mħarsa;

B.     billi b’mod ġenerali n-negozji tal-familja fl-imgħoddi taw kontribut kbir għal żieda fl-ekonomija Ewropea u jaqdu rwol sinifikanti fit-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp soċjali, fit-tnaqqis tal-qgħad, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, u fl-investiment fil-kapital uman; billi l-karattru fuq diversi ġenerazzjonijiet tan-negozji tal-familja jsaħħaħ l-istabbiltà tal-ekonomija; billi n-negozji tal-familja normalment jaqdu rwol essenzjali fl-iżvilupp reġjonali, f'termini ta' impjiegi, it-trażmissjoni tal-għarfien u l-organizzazzjoni reġjonali; billi politiki mmirati lejn in-negozji tal-familja jistgħu jinkoraġġixxu l-intraprenditorija u jqanqlu lill-familji Ewropej jibdew negozju tal-familja tagħhom;

C.     billi skont l-Ernst and Young Family Business Yearbook tal-2014, 85 % tal-kumpaniji Ewropej kollha huma negozji tal-familja, li jikkostitwixxu 60 % tal-impjiegi fis-settur privat;

D.     billi n-negozji tal-familja jvarjaw fid-daqs, fatt li jesponihom għal diffikultajiet u problemi differenti;

E.     billi filwaqt li l-maġġorparti tan-negozji tal-familja huma SMEs, in-negozji tal-familja jistgħu jkunu żgħar, medji jew kbar, ikkwotati jew mhux ikkwotati; billi dawn ġew imqabbla b’mod wiesa’ mal-SMEs, filwaqt li ma ngħatax każ tal-fatt li hemm ukoll korporazzjonijiet multinazzjonali kbar ħafna li huma negozji tal-familja; billi f’xi Stati Membri tal-UE, numru żgħir ta’ negozji tal-familja jiġġeneraw proporzjon kbir tal-fatturat totali tan-negozji kollha, u b’hekk jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-konservazzjoni ta' impjiegi, anke fi żminijiet ta’ kriżi, u għall-ħolqien u t-tkabbir u s-suċċess ekonomiku tal-pajjiż ikkonċernat; billi ħafna negozji tal-familja li m'għadhomx jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ SME, iżda fl-istess ħin huma 'l bogħod milli jkunu korporazzjonijiet kbar, mhumiex eliġibbli għal ċerti opportunitajiet speċifiċi ta’ finanzjament jew xi eżenzjonijiet amministrattivi; billi dan inevitabbilment iwassal għal burokrazija żejda, li speċjalment għan-negozji tal-familja b'kapitalizzazzjoni medja hija ta' piż kbir;

F.     billi għadd konsiderevoli ta’ negozji tal-familja huma attivi f’aktar minn pajjiż wieħed, li jfisser li l-mudell tan-negozju tal-familja għandu dimensjoni transnazzjonali;

G.     billi t-tassazzjoni diretta u l-liġi tas-suċċessjoni huma kompetenzi tal-Istati Membri, u billi xi Stati Membri adottaw miżuri biex jappoġġaw in-negozji tal-familja u jindirizzaw it-tħassib tagħhom;

H.     billi n-negozji tal-familja huma perċepiti bħala li juru integrità kbira u valuri li jiggwidaw l-operazzjonijiet tan-negozju tagħhom, u jintroduċu standards għoljin ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva fir-rigward tal-impjegati tagħhom u tal-ambjent, li joħloq ambjent favorevoli għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; billi n-negozji tal-familja normalment jiggarantixxu t-trażmissjoni tal-għarfien u l-ħiliet u billi f'xi każijiet jiżvolġu rwol importanti fir-rabtiet soċjali;

I.      billi fl-agrikoltura l-azjendi agrikoli tal-familja huma l-aktar mudell tan-negozju komuni u jikkontribwixxu bil-kbir għall-prevenzjoni tad-depopolazzjoni rurali, u f’ħafna każijiet jipprovdu l-unika sors ta’ impjieg fir-reġjuni tal-Ewropa fejn l-iżvilupp għadu lura, partikolarment f'reġjuni anqas industrijalizzati; billi l-azjendi agrikoli tal-familja jistgħu joffru mudell ta' suċċess billi ġeneralment jipprattikaw il-prinċipju ta' ekonomija bi fluss ċirkolari b'sostenibbiltà ambjentali u soċjali, u billi f’dak il-kuntest in-nisa mexxejja mhux biss jikkontribwixxu għal mod ta’ ħsieb intraprenditorjali, iżda wkoll għal ħiliet komunikattivi u soċjali speċifiċi;

J.      billi l-ħidma tal-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar in-negozji tal-familja ilha li ġiet konkluża aktar minn ħames snin, u minn dak iż-żmien ’l hawn ma tnediet l-ebda inizjattiva Ewropea ġdida oħra fil-livell tal-UE; billi għad hemm nuqqas ta’ riċerka u data fil-livell nazzjonali u dak Ewropew biex wieħed ikun jista' jifhem x'inhuma l-ħtiġijiet speċifiċi u l-istrutturi tan-negozji tal-familja;

K.     billi m’hemm l-ebda definizzjoni legalment vinkolanti, konkreta, sempliċi u armonizzata madwar l-Ewropa kollha ta’ “negozju tal-familja”;

L.     billi minħabba n-nuqqas ta’ definizzjoni, mhuwiex possibbli li tinġabar data komparabbli fl-Istati Membri tal-UE sabiex tiġi indikata s-sitwazzjoni speċjali, il-ħtiġijiet u l-kisbiet ekonomiċi tan-negozji tal-familja; billi dan in-nuqqas ta’ data affidabbli u komparabbli jista’ jfixkel it-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ politika u jista’ jfisser li l-ħtiġijiet tan-negozji tal-familja mhumiex qed jintlaħqu;

M.    billi n-negozji tal-familja, lil hinn mill-importanza ekonomika tagħhom, għandhom ukoll rwol importanti f’termini soċjali;

N.     billi mhux fit-28 Stat Membru kollha tal-UE jeżistu assoċjazzjonijiet jew strutturi oħra li jirrappreżentaw l-interessi, u li jieħdu ħsieb speċifikament il-ħtiġijiet tan-negozji tal-familja;

O.     billi l-isforzi fil-livell tal-UE għall-istimolu tal-intraprenditorija u n-negozji l-ġodda għandhom jissaħħu u jiġu kkumplimentati b’aktar kunsiderazzjoni biex tiġi ffaċilitata u stimolata l-eżistenza fit-tul tan-negozji tal-familja;

P.     billi l-mudell tan-negozji tal-familja mhuwiex mifrux b’mod uniformi fl-Istati Membri; billi sehem sinifikanti tan-negozji tal-familja fl-Ewropa għandhom dimensjoni transnazzjonali u jwettqu l-attivitajiet tagħhom fi Stati Membri differenti;

Q.     billi fl-UE n-nisa jaqilgħu medja ta' 16% anqas fis-siegħa mill-irġiel u hemm nuqqas ta' nisa f'karigi ta' livell għoli u ta' tmexxija, u billi l-prattiki tax-xogħol u s-sistemi tas-salarji applikati għall-irġiel mhumiex l-istess bħal dawk applikati għan-nisa, u dan jagħmilha aktar diffiċli għan-nisa biex ikunu finanzjarjament indipendenti, jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq tax-xogħol u jiksbu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

R.     billi spiss in-nisa jwettqu rwol inviżibbli jew ta' rappreżentanza fl-isem biss, u billi l-pożizzjoni ta' impjieg jew tas-salarju tagħhom mhijiex rikonoxxuta b'mod xieraq, b'riperkussjonijiet gravi f'termini ta' kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali, pensjonijiet u benefiċċji soċjali kif ukoll f'termini ta' rikonoxximent ta' ħiliethom, kif turi d-data dwar id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u d-differenza fil-pensjonijiet(3);

L-importanza għall-ekonomija

1.      Jenfasizza li n-negozji tal-familja għandhom it-tendenza li juru grad għoli ta’ responsabbiltà soċjali fir-rigward tal-persunal tagħhom u jmexxu r-riżorsi b’mod attiv u responsabbli, u li ġeneralment jieħdu approċċ fit-tul u sostenibbli lejn il-futur ekonomiku tan-negozju (billi jaġixxu bħala “negozjant ta’ ġieħ”, sid jew steward responsabbli), u b’hekk jagħtu kontribut importanti kemm lill-komunitajiet lokali tagħhom u kemm lill-kompetittività tal-Ewropa, u joħolqu u jippreservaw impjiegi ta’ kwalità għolja;

2.      Jenfasizza li, minħabba l-istorja tagħhom, in-negozji tal-familja għandhom għeruq sodi f’lokalità partikolari, u b’hekk joħolqu u jippreservaw ukoll impjiegi f’żoni rurali u żoni anqas vantaġġati, bir-riżultat li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-proċess ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ u d-depopolazzjoni li qed jaffettwa ħafna żoni fl-UE; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu l-infrastruttura kosteffiċjenti neċessarja sabiex tiġi żgurata l-kompetittività, it-tiġdid, it-tkabbir u s-sostenibbiltà ta’ tali negozji, b’mod partikolari l-mikroentitajiet u n-negozji ġodda, u biex tiġi ffaċilitata l-kollaborazzjoni transsettorjali u transkonfinali, u b’hekk jgħinuhom jikbru u jsiru internazzjonali;

3.      Jirrikonoxxi li n-negozji tal-familja huma l-uniku u l-akbar sors ta’ impjiegi fis-settur privat u li għalhekk dak li huwa ta’ benefiċċju għall-kontinwità, it-tiġdid u t-tkabbir fis-settur tan-negozju tal-familja jwassal għall-kontinwità, it-tiġdid u t-tkabbir fl-ekonomija Ewropea;

4.      Jinnota li, partikolarment in-negozji tal-familja speċjalizzati ħafna jaqdu rwol importanti bħala fornituri u innovaturi għal negozji akbar, u li minħabba l-approċċ fit-tul u interġenerazzjonali fir-rigward tan-negozju, jipprovdu lill-kumpaniji li jfornu b’sigurtà materjali, u b’hekk jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għat-tkabbir ekonomiku;

5.      Ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-fatt li l-maġġoranza tan-negozji tal-familja huma SMEs(4) u li għalhekk huwa importanti li jiġi applikat il-prinċipju “aħseb l-ewwel fiż-żgħir” sabiex il-leġiżlazzjoni Ewropea tiġi adattata aħjar għar-realtajiet u l-ħtiġijiet ta’ dawn in-negozji, u sabiex dawn ikunu jistgħu jibbenefikaw minn programmi ta’ finanzjament u tnaqqis fil-burokrazija.

6.      Jinnota li n-negozji tal-familja jistgħu jaqdu rwol importanti biex iħeġġu lill-minoranzi u lill-gruppi sottorappreżentati jipparteċipaw fl-ekonomiji lokali tagħhom;

7.      Jindika li l-livell ogħla ta’ fiduċja bejn il-membri tal-familja jagħmel lin-negozji tal-familja flessibbli ħafna u kapaċi jadattaw malajr għall-bidliet fl-ambjent ekosoċjali; fl-istess ħin, l-operat fi swieq niċċa għal perjodi twal jippermetti lin-negozji tal-familja jkunu minn ta' quddiem fl-identifikazzjoni ta’ opportunitajiet ġodda u fl-innovazzjoni;

Finanzjament

8.      Jinnota li n-negozji tal-familja ħafna drabi jkollhom proporzjon ta’ ekwità notevolment ogħla meta mqabbel ma’ negozji mhux tal-familja, u li dan il-proporzjon għoli ta’ ekwità jissarraf fi stabbiltà ekonomika għal tali negozji u għall-ekonomija kollha kemm hi, filwaqt li jipprovdi ambitu għal aktar investiment fin-negozju, li m’għandux ikompli jiġi ristrett;

9.      Jistieden lill-Istati Membri f’dan il-kuntest, jiżguraw li r-regoli nazzjonali dwar it-tassazzjoni fuq il-wirt, id-donazzjonijiet, id-dejn u l-ekwità u t-tassazzjoni korporattiva jkunu ta’ appoġġ aktar milli jiddiskriminaw il-finanzjament tal-ekwità, li huwa tant importanti għan-negozji tal-familja; ifakkar li t-tassazzjoni diretta u l-liġi tas-suċċessjoni huma kompetenza tal-Istati Membri; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jeżaminaw il-preġudizzju tad-dejn fi ħdan il-kodiċi tat-taxxa tagħhom billi jivvalutaw l-impatt tiegħu fuq l-istruttura ta’ finanzjament tal-kumpaniji u l-livell ta’ investiment, u biex jiżguraw trattament ugwali tal-finanzjament tal-ekwità meta mqabbel mal-finanzjament tad-dejn sabiex ma tiġix imfixkla s-suċċessjoni tas-sjieda u l-prospetti fit-tul tan-negozji tal-familja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw kwalunkwe diskriminazzjoni mmexxija mit-taxxa fil-konfront tal-finanzjament tal-ekwità f’kuntest ta’ kompetizzjoni ġusta;

10.    Jenfasizza li s-sigurtà fit-tul tal-finanzjament korporattiv sar fattur kompetittiv ewlieni; jenfasizza f’dan il-kuntest l-importanza ta’ strutturi tas-suq finanzjarju stabbli fil-livell internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li fil-kuntest tar-regolament tas-suq finanzjarju ma toħloqx piżijiet mhux neċessarji għan-negozji;

11.    Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li mal-benefiċjarji tal-istrumenti eżistenti kollha għall-SMEs u/jew l-imprendituri, b’mod partikolari l-COSME, jiġu inklużi n-negozji tal-familja b'kapitalizzazzjoni medja;

12.    Jenfasizza li minħabba l-kriżi finanzjarja u ċ-ċiklu ekonomiku negattiv, ħafna mill-funzjonijiet tan-negozji tal-familja huma sottofinanzjati u huwa importanti li n-negozji tal-familja jkollhom aċċess miftuħ u faċli għal sorsi alternattivi ta’ finanzjament;

13.    Jinnota f’dan il-kuntest l-importanza li jiġu promossi forom alternattivi ta’ self lin-negozji tal-familja, bħalma huma l-unjonijiet tal-kreditu;

L-isfidi

14.    Jinnota li 35 % ta' dawk il-kumpaniji li ma jinvestux fis-swieq barranin jagħmlu dan minħabba nuqqas ta’ għarfien dwar dawn is-swieq u minħabba nuqqas ta’ esperjenza f’dak li jirrigwarda l-internazzjonalizzazzjoni; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli partikolarment għan-negozji tal-familja iżgħar, informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ internazzjonalizzazzjoni permezz tal-portal għall-Internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs u l-Pjattaforma Ewropea għall-Kollaborazzjoni tar-Raggruppamenti (ECCP), biex jiżguraw li dawn ikollhom aċċess għal skambju aħjar tal-esperjenzi u l-aħjar prattika, inklużi possibbiltajiet ta' internazzjonalizzazzjoni permezz tal-internet; jistieden lill-Istati Membri barra minn hekk jipprovdu servizzi ta' appoġġ għan-negozji li beħsiebhom jinvestu fil-livell internazzjonali, pereżempju billi jipprovduhom b'informazzjoni jew garanziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni, ineħħu l-ostakoli għall-kummerċ u jippromwovu edukazzjoni speċifika għal kultura intraprenditorjali u tan-negozji tal-familja;

15.    Jinnota li ż-żieda fl-internazzjonalizzazzjoni tan-negozji tal-familja tipprovdi aktar opportunitajiet għat-tkabbir ekonomiku u żieda fil-ħolqien tal-impjiegi; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu l-għajnuna lin-negozji tal-familja iżgħar sabiex ikunu jistgħu jagħmlu użu aħjar mill-infrastruttura diġitali;

16.    Jirrikonoxxi li l-ambjent fiskali, ġuridiku u amministrattiv li fih jaħdmu n-negozji tal-familja (u negozji ġestiti mis-sidien) huwa definit mill-effett ikkombinat ta’ leġiżlazzjoni korporattiva u d-dritt privat;

17.    Jinnota li 87 % tan-negozji tal-familja huma konvinti li ż-żamma tal-kontroll fuq in-negozju hija waħda mill-fatturi ewlenin għas-suċċess(5); jinnota li, skont il-“Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020”(6) tal-Kummissjoni, it-trasferiment tas-sjieda ta’ negozju kif ukoll it-trasferiment tal-ġestjoni minn ġenerazzjoni għall-oħra huma l-akbar sfidi possibbli għan-negozji tal-familja;

18.    Jinnota li n-negozji tal-familja żgħar u ta’ daqs medju għandhom sfida kontinwa bil-ħtieġa għall-innovazzjoni u biex jattiraw il-ħiliet u t-talenti korretti; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu lin-negozji tal-familja iżgħar b’inċentivi sabiex jieħdu riskji għat-tkabbir u b’inċentivi biex jimplimentaw it-taħriġ tal-persunal u jaċċedu għal għarfien estern;

19.    Jistieden lill-Istati Membri jissemplifikaw il-proċeduri amministrattivi u s-sistemi ta’ tassazzjoni, filwaqt li b’mod partikolari jqisu l-isfidi speċifiċi tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u n-negozji tal-familja;

20.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jiżviluppaw intraprenditorija diġitali u ħiliet diġitali sabiex in-negozji tal-familja jisiltu vantaġġ sħiħ mit-teknoloġiji diġitali;

21.    Jistieden għalhekk lill-Istati Membri jtejbu l-qafas ġuridiku għat-trasferiment tan-negozji tal-familja u joħolqu strumenti finanzjarji speċjali għat-trasferimenti biex b’hekk jiġi evitat in-nuqqas ta’ likwidità, u b’riżultat ta’ dan tiġi żgurata l-eżistenza tan-negozji tal-familja u jiġi evitat il-bejgħ ta’ emerġenza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu edukazzjoni speċifika għan-negozji tal-familja fit-trasferimenti ta’ negozji, l-istrutturi ta’ governanza, l-istrateġiji ta’ sjieda u l-istrateġija għall-innovazzjoni, b’mod partikolari f’pajjiżi fejn, għal raġunijiet storiċi, il-kunċett ta' negozju tal-familja mhuwiex daqstant stabbilit, li tikkontribwixxi għas-suċċess fit-tul tagħhom, speċjalment f’termini ta’ trasferiment ta’ negozju;

22.    Jenfasizza l-ħtieġa li n-negozji tal-familja jkollhom rabta diretta ma’ attivitajiet edukattivi li jinfurmawhom b’mod kontinwu dwar il-prattiki tal-ogħla livell fil-qasam tal-ġestjoni tajba tan-negozju; jenfasizza li n-negozji tal-familja jikkontribwixxu b’mod deċiżiv għas-suċċess ta’ riformi fit-taħriġ vokazzjonali u għaż-żieda fl-għadd ta’ apprendistati; jinnota li sistemi ta' taħriġ vokazzjonali li jiffunzjonaw tajjeb u fit-tul jistgħu jkunu indispensabbli fil-ġlieda kontra n-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa u l-qgħad fost iż-żgħażagħ; jindika li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jippromwovu skambju tal-aħjar prattika dwar kif is-sistemi ta’ taħriġ vokazzjonali jistgħu jipprovdu l-aħjar ambjent possibbli għan-negozji tal-familja biex jinvestu f’apprendistati;

23.    Jinnota l-ħtieġa li jiġu indirizzati sfidi oħrajn li jħabbtu wiċċhom magħhom in-negozji tal-familja, bħad-diffikultà li jsibu u jżommu forza tax-xogħol tas-sengħa, u l-importanza li tissaħħaħ l-edukazzjoni intraprenditorjali u t-taħriġ fil-ġestjoni li jkun speċifiku għan-negozji tal-familja;

24.    Jenfasizza l-importanza ta’ skemi ta’ taħriġ iffinanzjati mill-UE għall-imprendituri tan-negozji ż-żgħar, li jippermettu lis-sidien tan-negozji tal-familja jadattaw il-kumpaniji tagħhom għal ambjent li qed jinbidel b’rata mgħaġġla u xprunat minn żieda fl-integrazzjoni ekonomika globali, l-iskoperta ta’ teknoloġiji ġodda u enfasi fuq ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u aktar ekoloġika;

25.    Jinnota li l-promozzjoni tal-intraprenditorija fl-iskejjel u f’ambjenti edukattivi oħra hija ta’ importanza ewlenija biex jiġu żviluppati mentalitajiet aktar intraprenditorjali; jinnota barra minn hekk li l-edukazzjoni għandha tinkludi kwistjonijiet speċifiċi tan-negozji tal-familja bħas-sjieda, is-suċċessjoni u l-governanza tal-familja, flimkien ma’ informazzjoni aktar ġenerali bħall-importanza tal-innovazzjoni bħala mezz għall-bidla totali tan-negozju;

26.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jqisu l-ħidma okkażżjonali u inviżibbli formali u informali mwettqa mill-membri tal-familja, inkluż f’negozji tal-familja, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jipprevedu qafas ġuridiku ċar;

27.    Jenfasizza li l-kontribut tan-negozji tal-familja favur l-innovazzjoni jista’ jissaħħaħ permezz tal-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fi sħubijiet u raggruppamenti privati-pubbliċi u billi titrawwem il-kollaborazzjoni tagħhom ma’ istituzzjonijiet ta’ riċerka;

Il-prospetti futuri

28.    Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ regolamentazzjoni aħjar, twettaq analiżi tal-leġiżlazzjoni eżistenti li taffettwa n-negozji tal-familja sabiex jiġu identifikati l-problemi u l-ostakoli għat-tkabbir;

29.    Jistieden lill-Kummissjoni tikkummissjona studji regolari u ffinanzjati adegwatament li janalizzaw l-importanza tas-sjieda għas-suċċess u l-kontinwità ta’ negozju u jenfasizzaw l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw in-negozji tal-familja, u biex tipproponi lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri definizzjoni statistikament vijabbli fl-Ewropa kollha ta’ “negozju tal-familja”, żviluppata flimkien mal-Eurostat, b'kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi differenti fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tuża t-task force eżistenti għad-data dwar l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju biex tiġbor biżżejjed data, inkluż dwar in-negozji tal-familja fl-Istati Membri kollha, sabiex tippermetti li jsir paragun tas-sitwazzjoni tan-negozji tal-familja, kif ukoll paragun tan-negozji tal-familja u n-negozji mhux tal-familja, jiġu promossi l-informazzjoni u l-iskambji ta’ eżempji ta’ għarfien espert u ta’ prassi tajba madwar l-UE, pereżempju billi jiġi stabbilit punt ta' kuntatt għan-negozji tal-familja fil-Kummissjoni u billi tagħmel l-aħjar użu ta’ programmi bħal “Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ”, u biex ikun hemm assistenza aktar immirata;

30.    Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar kemm ikun possibbli ssir espansjoni tad-definizzjoni Ewropea tal-SME tal-2003 biex tinkludi, apparti kriterji purament kwantitattivi, kriterji kwalitattivi li jqisu wkoll is-sjieda ta' kumpanija, b’kont meħud tal-interdipendenza bejn is-sjieda, il-kontroll u l-ġestjoni, il-fatt li r-riskju u r-responsabbiltà jiġu ffaċċjati biss mill-familja nnifisha, ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpanija u, b’mod ġenerali, l-individwalità tat-tmexxija ta' negozju, anke fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-ġestjoni tal-attivitajiet ta' negozju, u l-konsegwenzi li dan jista' jkollu għan-negozji tal-familja, pereżempju fir-rigward tal-għajnuna mill-istat u l-eliġibbiltà ta' tali negozji;

31.    Jistieden lill-Kummissjoni sabiex bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt regolatorju tagħha, sadattant twettaq studju ta' fattibilità dwar “test għan-negozji tal-familja” (għal politiki dwar, pereżempju, il-proprjetà, l-istrutturi ta’ governanza jew il-privatezza) abbażi tat-test tal-SMEs, u biex f'każ li l-istudju jirriżulta li dan huwa fattibbli, tintroduċih kemm jista' jkun malajr sabiex tkun tista’ tiddetermina minn qabel l-effett ta’ ċerti atti ġuridiċi fuq in-negozji tal-familja, u b’hekk tevita burokrazija bla bżonn u diffikultajiet iebsa għan-negozji tal-familja, b’attenzjoni partikolari fuq l-effett imħallat tad-dritt tal-kumpaniji u d-dritt privat;

32.    Josserva li d-differenzi, pereżempju, fil-leġiżlazzjoni fiskali, l-iskemi ta’ sussidju jew l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea fil-pajjiżi ġirien jistgħu jikkawżaw problemi fir-reġjun tal-fruntiera għall-imprendituri, pereżempju dawk b’negozji tal-familja; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jeżaminaw mill-ġdid il-leġiżlazzjoni nazzjonali proposta u l-metodu propost għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea sabiex jiġi aċċertat l-impatt fuq l-imprendituri, bħal dawk b’negozji tal-familja, fir-reġjuni tal-fruntiera;

33.    Jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf u tiddefinixxi l-ambitu ta’ grupp ta’ ħidma permanenti intern li jindirizza b’mod speċifiku l-ħtiġijiet u l-karatteristiċi tan-negozji tal-familja, jirrapporta regolarment lill-Parlament u lill-Istati Membri, jinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-organizzazzjonijiet tan-negozji tal-familja tal-Istati Membri, u jxerred linji gwida u testi standard u soluzzjonijiet għan-negozji tal-familja biex jegħlbu l-problemi speċifiċi tagħhom; jistieden ukoll lill-Kummissjoni toħloq punt uniku ta' servizz għan-negozji li jista' jaġixxi bħala punt ta’ kuntatt fil-livell Ewropew għan-negozji tal-familja u l-gruppi ta' interess tan-negozji tal-familja, u biex tgħin fi kwistjonijiet speċifiċi relatati b’mod partikolari mal-leġiżlazzjoni Ewropea u l-aċċess għall-finanzjament tal-UE;

34.    Jenfasizza r-rwol intraprenditorjali tan-nisa fin-negozji tal-familja; jistieden lill-Kummissjoni tniedi studju dwar il-preżenza tan-nisa fin-negozji tal-familja fl-Ewropa u tevalwa l-opportunitajiet offruti min-negozji tal-familja għall-għoti tas-setgħa lin-nisa, l-opportunitajiet indaqs u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jenfasizza l-importanza li jitħares id-dritt tan-nisa għas-suċċessjoni f’negozji tal-familja, fuq l-istess livell bħall-irġiel, billi tiġi promossa kultura ta’ drittijiet ugwali għall-irġiel u n-nisa li trawwem l-intraprenditorija tan-nisa fin-negozji tal-familja, inkluż f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija; jenfasizza wkoll li n-negozji tal-familja għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ġuridiċi relatati mas-sigurtà soċjali, il-kontribuzzjonijiet għall-pensjoni u l-istandards għal kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri;

35.    Ifakkar għal darb'oħra lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-importanza li jkun hemm provvista suffiċjenti ta' servizzi ta' kura ta' kwalità għolja u għal but ta' kulħadd għat-tfal, l-anzjani u persuni dipendenti oħrajn, li jkun hemm inċentivi fiskali għall-kumpaniji u kumpens ieħor li jgħin lin-nisa u lill-irġiel li jaħdmu bħala impjegati, għal rashom jew bħala maniġers fin-negozji tal-familja biex jibbilanċjaw l-impenji tagħhom tal-familja u tax-xogħol;

36.    Jenfasizza l-bżonn ta' perjodi ta' maternità, paternità u ta' liv tal-ġenituri, distinti u remunerati b'mod xieraq li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-impjegati, ta' dawk li jaħdmu għal rashom u ta' min iħaddem fil-qasam tan-negozju;

37.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw in-Netwerk Ewropew tal-Ambaxxaturi Nisa fl-Imprenditorija u n-Netwerk Ewropew ta' Mentors għall-Imprendituri Nisa sabiex ikabbru l-profil tagħhom;

38.    Jinnota li, minħabba li jkunu s-sidien tal-art, l-azjendi agrikoli tal-familja jkunu marbuta ma' lokalità partikolari; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li partikolarment il-burokrazija eċċessiva ma tipperikolax l-eżistenza ta’ dawn l-azjendi agrikoli tal-familja; jiġbed l-attenzjoni lejn ir-rwol importanti li jaqdu n-nisa fl-azjendi agrikoli tal-familja, u jistieden lill-Istati Membri jippromwovu t-taħriġ fil-qasam tan-negozju mmirat b’mod speċifiku għan-nisa bdiewa, sabiex tkompli tissaħħaħ aktar il-parteċipazzjoni tagħhom fl-azjendi agrikoli tal-familja;

39.    Jistieden lill-Kummissjoni tistinka sabiex issaħħaħ l-intraprenditorija madwar l-UE, filwaqt li tikkunsidra l-importanza tan-negozji tal-familja fl-ekonomija tal-UE, u toħloq ambjent ta’ eċċellenza fin-negozju;

40.    Jistieden lill-Kummissjoni tfassal b'urġenza komunikazzjoni li fiha jiġi analizzat ir-rwol tan-negozji tal-familja, u dan bil-ħsieb li tissaħħaħ il-kompetittività u t-tkabbir tal-ekonomija tal-UE sal-2020, u tiżviluppa pjan direzzjonali li jelenka l-miżuri li jistgħu jsaħħu l-ambjent ekonomiku u l-iżvilupp tan-negozji tal-familja fl-UE, u tqajjem kuxjenza dwar l-isfidi speċifiċi għan-negozji tal-familja li jridu jiġu indirizzati u ssaħħaħ il-kompetittività, il-prospett ta' internazzjonalizzazzjoni u l-potenzjal ta' ħolqien ta' impjiegi tagħhom;

41.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-promozzjoni tal-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment hija l-prijorità ewlenija tal-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea l-ġdida ppreżentata mill-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker fil-bidu tal-mandat tiegħu fis-sajf tal-2014, dan bir-raġun: il-kriżi finanzjarja u ekonomika wasslet sabiex fl-UE, madwar 25 miljun ruħ għadhom bla xogħol, bl-għadd ta' żgħażagħ qiegħda taħt il-25 sena jammonta aktar minn 5 miljuni. Matul il-kriżi, il-prodott domestiku gross f'xi Stati Membri tal-UE sar ta’ żewġ ċifri(7).

Qed jibdew jidhru l-ewwel suċċessi, minkejja li huma ċkejknin, tal-kontroll aktar strett tal-politika ekonomika u baġitarja tal-UE, u l-ekonomija fl-Ewropa qed terġa' taqbad ir-ritmu bil-mod. Il-Kummissjoni bassret tkabbir fil-prodott domestiku gross (PDG) għall-2015 ta’ 1,3 % (meta mqabbel ma’ 1,1 % fis-sena ta' qabel), u ta' 1,9 % għall-2016 (meta mqabbel ma’ 1,7 % fis-sena ta' qabel). Madankollu l-Ewropa kapaċi tagħmel iżjed, il-potenzjal tagħna huwa altru milli sfruttat bis-sħiħ. Huwa importanti li għall-intrapriżi tagħna jinħoloq ambjent ta’ investiment pożittiv u li b'mod ġenerali jħeġġeġ l-ispirtu ta’ intraprenditorija madwar l-UE kollha.

Partikolarment in-negozji tal-familja tagħna jista' jkollhom rwol kruċjali biex jindirizzaw il-kriżi finanzjarja u ekonomika u jqajmu mill-ġdid l-ekonomija. Aktar minn 60 % tal-intrapriżi kollha fl-Unjoni Ewropea huma negozji tal-familja; li jipprovdu bejn 40 u 50 % tal-impjiegi fis-settur privat. Dan ġie konkluż mill-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni fir-rapport finali tiegħu fl-2009.

In-negozji tal-familja jaħsbu aktar fit-tul min-negozji mhux immexxija mill-proprjetarji; dawn iridu jiżguraw li n-negozju se jkun ekonomikament ta' suċċess anke fil-ġenerazzjonijiet li ġejjin. F'bosta Stati Membri tal-UE jeżistu negozji tal-familja li jinsabu fit-tielet, fir-raba' jew fil-ħames ġenerazzjoni. Naturalment din l-istorja ta’ suċċess għandha tkompli. Minħabba l-istorja tagħhom, bosta negozji tal-familja huma marbutin ħafna mal-lokalità tagħhom. B'hekk huma jikkontribwixxu b'mod deċiżiv biex tiġi żgurata l-kompetittività tal-Ewropa u għall-ħolqien tal-impjiegi.

Iżda għalkemm in-negozji tal-familja jiżvolġu rwol daqstant importanti għall-ekonomija tagħna, dawn ftit jiġu kkunsidrati fi ħdan il-politika. Għal dan il-għan il-Kummissjoni fl-2003 ippreżentat definizzjoni ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fil-livell Ewropew. Fl-2009, grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni pprova jimxi fuq dan l-eżempju u jistabbilixxi definizzjoni ta’ “negozju tal-familja”. Madankollu din id-definizzjoni mhijiex legalment vinkolanti u bosta Stati Membri individwali ma jużawhiex. B’riżultat ta’ dan, ħafna negozji tal-familja li m'għadhomx jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ SME, iżda fl-istess ħin huma 'l bogħod milli jkunu korporazzjonijiet kbar, mhumiex eliġibbli għal ċerti opportunitajiet speċifiċi ta’ finanzjament jew xi eżenzjonijiet. Dan inevitabbilment iwassal għal burokrazija żejda li speċjalment għan-negozji tal-familja hija ta' piż kbir.

Barra minn hekk, ħafna negozji tal-familja jippruvaw kemm jistgħu jibqgħu taħt il-limitu stabbilit mill-kriterji tal-Kummissjoni għall-SMEs, b’konsegwenzi prevedibbli: ma jiġi ingaġġat l-ebda persunal addizzjonali biex ma jkunx hemm żieda fid-dħul jew fil-fatturat, u b'hekk awtomatikament ma jkunx hemm aktar tkabbir.

Problema oħra li tirriżulta min-nuqqas ta' definizzjoni ta’ “negozju tal-familja” hija d-diffikultà li jsir tqabbil bejn is-sitwazzjonijiet tan-negozji tal-familja fl-Istati Membri kollha tal-UE. Il-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni, fil-qafas tal-mandat tiegħu fl-2009, sab li madwar l-UE jeżistu aktar minn 90 definizzjoni differenti ta' negozji tal-familja. B'hekk mhuwiex possibbli jsir tqabbil tal-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, id-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom, eċċ.

Madankollu n-negozji tal-familja kollha llum jew għada jħabbtu wiċċhom ma’ sfida ewlenija: il-kwistjoni tas-suċċessjoni fil-quċċata tan-negozju. Ta' kull sena madwar 450 000 negozju li jħaddmu madwar 2 miljun ħaddiem isibu ruħhom f'din is-sitwazzjoni. Minħabba l-bosta diffikultajiet b'rabta ma' trasferimenti bħal dawn, huwa stmat li ta' kull sena jagħlqu mal-150 000 negozju, li jwassal għat-telf ta' madwar 600 000 impjieg(8). Dawk li jfasslu l-politika għandhom joħolqu l-kundizzjonijiet qafas adatti sabiex jiġi evitat dan it-telf ta’ impjiegi. B’mod partikolari r-regoli nazzjonali dwar it-tassazzjoni fuq il-wirt, id-donazzjonijiet u t-tassazzjoni korporattiva jagħmluha diffiċli li jkun hemm trasferiment fi ħdan il-familja. Bosta negozji tal-familja jagħżlu soluzzjoni fil-forma ta’ fondazzjoni jew ''ix-xiri'' ta' maniġer estern. Madankollu, dan iwassal sabiex il-familja ċċedi l-maġġorparti tal-kontroll tal-familja fuq il-kumpanija. Madankollu, mill-perspettiva ta' negozji bħal dawn, iż-żamma ta' dan il-kontroll huwa wieħed mill-fatturi ewlenin li jwasslu għas-suċċess.

Billi għaddew aktar minn 6 snin mindu ntemmet il-ħidma tal-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar in-negozji tal-familja, hemm bżonn urġentement li l-enfasi għal darb’oħra tkun fuq din il-kategorija importanti ta’ negozji. Għandna bżonn urġentement ta’ aktar data, ċifri u fatti mill-Istati Membri individwali sabiex inkunu nistgħu nifhmu aħjar il-kwistjonijiet u l-isfidi li jiffaċċjaw in-negozji tal-familja u biex nippromwovu l-iskambju tal-aħjar prattiki. Huwa pjuttost improbabbli li fil-livell Ewropew se jkollna bżonn ta' regoli leġiżlattivi speċifiċi (apparti r-regoli nazzjonali dwar kwistjonijiet ta’ taxxa). L-idea hi iżda li niġbdu l-attenzjoni ta' dawk li jfasslu l-politika lejn dan il-grupp tant importanti ta' imprendituri u li tingħata l-għajnuna fejn meħtieġ. Approċċ wieħed jista’ jkun pereżempju l-introduzzjoni (bħala miżura tranżitorja) ta' “test għan-negozji tal-familja” li jitwettaq bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt, biex b'hekk jiġi determinat jekk it-tibdil ippjanat fil-liġi tal-UE jaffettwax lin-negozji tal-familja u l-istrutturi tagħhom, u jekk iva x'se jkunu dawn l-effetti.

11.5.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar in-negozji tal-familja fl-Ewropa

(2014/2210(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Marita Ulvskog

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi "familja" tfisser il-qraba sar-raba’ grad ta' parentela u billi l-qraba li mhumiex koabitanti, il-konjuġi separati u l-koabitanti barra miż-żwieġ jitqiesu wkoll bħala membri tal-familja;

B.  billi n-negozji tal-familja jistgħu jieħdu s-sura ta’ korporazzjonijiet u billi x-xogħol fin-negozju tal-familja ma jkunx mingħajr ħlas;

C. billi n-negozji tal-familja jirrappreżentaw aktar minn 60 % tal-kumpaniji kollha Ewropej u jipprovdu bejn 40 % u 50 % tal-impjiegi kollha u dawn ivarjaw minn ditti żgħar għal korporazzjonijiet, li jfisser li huma jesperjenzaw problemi u diffikultajiet differenti; billi l-maġġoranza kbira tan-negozji tal-familja huma SMEs, li jipprovdu xogħol għal żewġ terzi tal-persuni impjegati fl-Unjoni Ewropea, u joħolqu 85 % tal-impjiegi ġodda fl-Ewropa; billi l-intrapriżi ġodda joħolqu medja ta’ żewġ impjiegi ġodda u l-espansjoni tan-negozji eżistenti toħloq madwar ħames impjiegi ġodda;

D. billi l-maġġoranza tan-negozji tal-familja huma SMEs u billi d-daqs ta’ negozju tal-familja għandu jkun wieħed mill-elementi ċentrali li jridu jiġu kkunsidrati fid-definizzjoni ta’ tali negozju;

E.  billi n-negozji tal-familja għandhom rwol essenzjali fl-iżvilupp reġjonali, f'termini ta' impjieg u ppjanar reġjonali;

F.  billi negozji tal-familja huma aktar probabbli li jkollhom orjentazzjoni fit-tul, u jagħmlu kontribut essenzjali għall-ekonomija, filwaqt li jġibu stabbiltà għal perjodu twil ta’ żmien, minħabba r-responsabbiltà soċjali tagħhom, il-livell għoli ta’ responsabbiltà bħala sidien, il-grad speċjali ta’ impenn għall-komunitajiet u l-ekonomija lokali u reġjonali tagħhom, u l-valuri qawwija li għandhom l-għeruq tagħhom fit-tradizzjoni Ewropea tan-"negozjant onorabbli", u billi, b’mod ġenerali, minkejja li jbatu ħafna matul il-kriżi ekonomika, in-negozji tal-familja jindirizzaw il-kriżi b’mod aktar riżolut u, għalhekk, għandhom tendenza li jkunu aktar kajmana meta jagħtu s-sensja lill-ħaddiema; billi, f’dan ir-rigward, l-Unjoni Ewropea tappoġġja negozji tal-familja b'inizjattivi bħall-hekk imsejħa "Patti tal-Familja"; billi n-negozji tal-familja jagħtu kontribuzzjoni ewlenija għall-prevenzjoni tad-depopolazzjoni rurali, u f’ħafna każijiet jipprovdu l-unika sors ta’ impjieg fir-reġjuni tal-Ewropa fejn l-iżvilupp għadu l-aktar lura, partikolarment f'reġjuni inqas industrijalizzati;

G. billi l-isforzi fil-livell tal-UE fl-istimular tal-intraprenditorija u n-negozji ġodda għandhom jiżdiedu u jiġu kkumplimentati b’aktar kunsiderazzjoni għall-faċilitazzjoni u l-istimolu tas-sopravvivenza fit-tul tan-negozji tal-familja;

H. billi huwa kruċjali li titjieb il-klima legali dwar is-suċċessjoni (trasferiment tal-kumpanija fi ħdan il-familja), b’referenza partikolari għall-ambitu u l-iskala ta’ approċċi diversi għat-taxxi tas-suċċessjoni u t-taxxi fuq il-beni immobbli madwar l-UE, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li 480 000 kumpanija jiġu trasferiti kull sena fl-UE, u jaffettwaw aktar minn 2 miljun impjieg; billi, minħabba l-bosta diffikultajiet assoċjati ma' trasferimenti ta' negozju bħal dawn, huwa stmat li ta' kull sena 150 000 negozju jiġu mġiegħla jagħlqu, u dan iwassal għat-telf ta' madwar 600 000 impjieg(9);

I.   billi t-taxxi fuq il-wirt huma problema serja b’mod partikolarigħall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju tal-familja, b’riżultat li wħud minnhom saħansitra jnaqqsu n-numru ta' impjegati jew jiġu likwidati;

J.   Billi hija meħtieġa definizzjoni Ewropea komuni ta’ negozju tal-familja mhux biss biex tittejjeb il-kwalità tal-ġbir ta’ dejta statistika dwar il-prestazzjoni tas-settur, iżda wkoll bħala mezz għal dawk li jfasslu l-politika biex jindirizzaw aħjar il-ħtiġijiet tan-negozji tal-familja u s-soċjetà;

K. billi n-negozji tal-familja jiggarantixxu t-trażmissjoni tal-għarfien u l-ħiliet u billi dawn huma fattur importanti fir-rigward tal-konnessjonijiet soċjali f’ċerti reġjuni;

L.  billi l-irziezet tal-familji huma negozji tal-familji li joffru mudell għal suċċess minħabba l-fatt li jwettqu fil-prattika l-prinċipju tal-ekonomija ta’ fluss ċirkolari sostenibbli mill-perspettiva ambjentali u soċjali;

M. billi l-edukazzjoni intraprenditorjali tista’ tagħti kontribut sinifikanti għat-titjib tal-prospetti tal-impjieg taż-żgħażagħ, peress li huma aktar probabbli li jibdew in-negozju tagħhom stess u l-kumpaniji tagħhom għandhom tendenza li jkunu aktar innovattivi u ta’ suċċess minn dawk immexxija minn xi ħadd mingħajr sfond edukattiv dwar l-intraprenditorija; billi dawn in-nies huma wkoll f’riskju aktar baxx li jisfaw bla xogħol u spiss ikollhom impjiegi aktar fissi, aħjar u mħallsa aħjar;

N. billi l-mudell tan-negozji tal-familja mhuwiex mifrux b’mod uniformi fl-Istati Membri; billi sehem sinifikanti tan-negozji tal-familja fl-Ewropa għandhom dimensjoni transnazzjonali u jwettqu l-attivitajiet tagħhom fi Stati Membri differenti;

1.  Josserva li fl-UE jeżistu aktar minn 90definizzjoni ta’ "negozju tal-familja"; jilqa’ x-xogħol li qiegħed jitwettaq dwar definizzjoni tal-UE ta’ "negozju tal-familja", u jappella sabiex isiru aktar sforzi fl-istabbiliment ta’ definizzjoni uffiċjali, waqt li jittieħed kont tal-liġi tal-kumpaniji, tal-ispeċifiċitajiet fi ħdan l-Istati Membri rigward il-garanziji tad-drittijiet soċjali, is-sigurtà soċjali, il-jeddijiet tal-pensjoni, ir-regoli dwar il-kodeterminazzjoni u s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol; jenfasizza li definizzjoni sempliċi, ċara u applikabbli b’mod faċli u kumparabbli bejn il-pajjiżi għandha tgħin għal fehim aħjar tal-fenomenu u l-isfidi li n-negozji tal-familji jħabbtu wiċċhom magħhom, biex tinkiseb stampa ċara tal-kontribut tagħhom lis-soċjetà u tippermetti l-introduzzjoni ta’ miżuri speċifiċi u effikaċi;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli ħidmitha dwar l-istabbiliment ta' definizzjoni komuni tal-UE ta’ "negozju tal-familja" billi twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar reviżjoni possibbli tad-definizzjoni Ewropea tal-SMEs mill-2003, billi tqis id-daqs ta’ negozju tal-familja bħala wieħed mill-elementi ċentrali, minħabba l-fatt li approċċ regolatorju li japplika għal kulħadd b’mod ugwali mhuwiex biżżejjed biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet diversi tan-negozji tal-familja fir-rigward tat-tassazzjoni u l-aċċess għall-finanzi, u billi tfassal, flimkien mal-Istati Membri, lista ta’ indikaturi komuni bbażata fuq liem negozju tal-familja jista' jiġi deskritt u liema għandu jippermetti statistika li tkun prodotta fir-rigward tal-kontribut tan-negozji tal-familja għall-impjieg, bil-ħsieb li jkun hemm fehim aħjar tas-sjieda u jiġi aġevolat it-tfassil ta' politiki aħjar li jiffaċilitaw l-aċċess għas-swieq u l-finanzi għal negozji tal-familja; id-definizzjoni għandha tkun sempliċi, ċara u applikabbli faċilment fl-Istati Membri kollha;

3.  Jistieden lil dawk li qed jaħdmu fuq definizzjoni tal-UE ta’ "negozju tal-familja" biex jiżguraw li d-definizzjoni tqis id-diversità tal-familji li jinsabu fis-soċjetajiet tal-UE u tiżgura li ma ssirx diskriminazzjoni kontra forom ta’ familji differenti, pjuttost milli jillimitaw din id-definizzjoni għal kunċett ta’ familja li jfisser raġel, mara u t-tfal bijoloġiċi tagħhom;

4.  Jistieden lill-Istati Membri, minħabba li s-sjieda hija kwistjoni fundamentali għan-negozji tal-familja, jikkunsidraw li jintroduċu bidliet fis-sistemi fiskali tagħhom u l-liġijiet dwar il-kumpaniji li jippermettu li t-trasferiment jew iż-żamma ta’ negozji fi ħdan il-familji jkunu aktar effikaċi u faċli; jissuġġerixxi, bħala prattiki tajbin li għandhom jiġu kondiviżi u promossi, li jitnaqqsu t-taxxi fuq id-donazzjonijiet u fuq il-wirt, jiġi introdott trattament fiskali favorevoli tal-profitti investiti mill-ġdid meta mqabbla ma’ dak tal-finanzjament tad-dejn, u jiġi favorit l-użu tat-titoli tan-nonvot bħala mod kif jittejjeb l-aċċess għall-finanzi mingħajr ma jintilef il-kontroll tal-kumpanija;

5.  Jinnota li t-trasferiment tan-negozju bejn il-familji spiss huwa suċċessjoni ta’ kapital soċjali u kulturali u ta’ għarfien iġġenerat minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni u għandu jiġi ppreservat u promoss; jirrimarka, madankollu, li l-figuri reċenti mill-2011 jistmaw li kull sena madwar 450 000 ditta fl-UE jfittxu suċċessuri, u dan jaffettwa sa 2 miljun impjegat; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li kull sena l-UE tirriskja li titlef madwar 150 000 kumpanija u 600 000 impjieg b'riżultat tat-trasferiment ineffiċjenti ta' negozji; jenfasizza li prattiki tajbin għat-tħabbir ta' pjanijiet għal trasferiment ta' kumpanija fi żmien xieraq huma kruċjali f'dan ir-rigward; jissuġġerixxi akkwiżizzjonijiet maġġoritarji mill-impjegati bħala waħda mis-soluzzjonijiet possibbli għall-problema tas-suċċessjoni tan-negozji ta’ dawn l-SMEs Ewropej; jirrimarka li mudelli għall-parteċipazzjoni finanzjarja fit-tul tal-impjegati mfassla kif xieraq jistgħu jikkontribwixxu wkoll biex jinżammu dawn id-ditti żgħar u jissaħħu l-ekonomiji reġjonali u l-impjieg fl-UE kollha;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti fil-livell tal-Istati Membri jrawmu l-intraprenditorija u jippromwovu proġetti ta’ "mini-intrapriża" fl-iskejjel, minħabba l-potenzjal għoli ta’ ħolqien ta’ impjiegi tan-negozji tal-familja; peress li n-negozji tal-familja jirrappreżentaw l-akbar riżerva ta’ potenzjal intraprenditorjali u huma inkubaturi naturali għall-imprendituri futuri, qiegħda tiżdied il-ħtieġa li jittejbu l-innovazzjoni u l-progress tagħhom; jenfasizza, barra minn dan, li sabiex tiġi pprofessjonalizzata l-ġestjoni tad-ditti tal-familja, huwa kruċjali li tiġi promossa l-edukazzjoni intraprenditorjali kemm għan-negozji ġodda kif ukoll għad-ditti tal-familja eżistenti, u li jiġu inċentivati l-innovazzjoni u l-progress b’mod speċjali fil-livell maniġerjali, inklużi t-taħriġ fl-oqsma tar-riżorsi umani, l-ippjanar tal-karriera u l-ħiliet ta' ġestjoni, li se jikkontribwixxu biex jattiraw u jżommu forza tax-xogħol b'ħiliet/kompetenti;

7.  Jinnota bi tħassib li l-kriżi finanzjarja u r-reċessjoni sussegwenti affettwaw b'mod partikolari lill-mikrointrapriżi u lill-SMEs Ewropej, li ħafna minnhom huma negozji tal-familja, u jenfasizza l-importanza ta’ assistenza mill-UE fit-tnedija mill-ġdid tat-tkabbir ekonomiku billi jiġi appoġġjat il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja u l-importanza li jitrawwem qafas regolatorju favorevoli b’mod speċjali fir-rigward tal-aċċess għall-finanzjament, it-tassazzjoni u l-protezzjoni ta’ sigurtà soċjali inklużiva tal-atturi kollha fl-istrutturi tal-SMEs; jenfasizza li appoġġ immirat sew lejn ir-ristrutturar san jista' jkollu effetti pożittivi fuq iż-żamma tal-impjiegi u jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza tal-faċilitazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għan-negozji tal-familja, inkluż permezz tal-użu ta’ soluzzjonijiet ta’ punt uniku ta’ servizz; jenfasizza l-potenzjal tal-ħolqien ta’ impjiegi lokali għall-SMEs f'setturi ġodda u emerġenti bħall-ekonomija ċirkolari; jenfasizza li, billi t-traspożizzjoni tan-negozju minn ġenerazzjoni għal oħra hija l-isfida prinċipali li n-negozji tal-familja qed jiffaċċjaw, huwa importanti li l-Istati Membri jippruvaw itejbu l-qafas legali tat-trażmissjoni tan-negozji tal-familja u jtejbu l-aċċess għall-finanzjament għal dawn it-trasferimenti, sabiex jiġu evitati l-problemi tal-fluss tal-flus, jiġi pprojbit il-bejgħ sfurzat u tiġi żgurata s-sostenibbiltà tan-negozji tal-familja; jenfasizza, fl-istess waqt, li l-qafas legali m'għandu jippermetti l-ebda restrizzjoni tad-drittijiet tal-impjegati, inklużi d-drittijiet soċjali;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li n-negozji tal-familja jkunu infurmati aħjar dwar l-opportunitajiet għall-iżvilupp internazzjonali u jtejbu l-iskambji tal-esperjenzi u l-prattiki tajbin, partikolarment permezz tal-programm EURES billi jappoġġjaw il-mobbiltà transkonfinali tas-swieq tax-xogħol, u b'hekk jissaħħu l-vijabbiltà u l-prosperità tan-negozji tal-familja, li huma importanti fil-ħolqien tal-impjiegi; Jenfasizza l-importanza tas-servizz EURES-T sabiex jagħti pariri dwar il-possibilitajiet ta’ mobilità professjonali, fi ħdan reġjun tal-fruntiera, u sabiex jgħin lir-residenti tal-fruntiera jindirizzaw il-problemi legali, amministrattivi u fiskali tal-mobilità;

9.  Jinnota wkoll il-ħtieġa li jiġu indirizzati sfidi oħrajn li jħabbtu wiċċhom magħhom in-negozji tal-familja, bħad-diffikultajiet li jsibu u jżommu forza tax-xogħol tas-sengħa, u l-importanza li tissaħħaħ l-edukazzjoni intraprenditorjali u t-taħriġ fil-ġestjoni li jkun speċifiku għan-negozji tal-familja;

10. jiġbed l-attenzjoni għar-rwol importanti tal-irziezet tal-familja fir-reġjuni rurali ta’ bosta Stati Membri u jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw it-taħriġ fin-negozju mmirat b’mod speċifiku lejn il-bdiewa; iħeġġeġ, b’mod partikolari, b’rabta ma’ dan, li għandu jingħata appoġġ lill-proġetti ta’ taħriġ għall-imprendituri żgħażagħ li jamministraw irziezet tal-familja bil-għan li jżidu l-involviment b’suċċess tagħhom fil-biedja u l-organizzazzjonijiet reġjonali;

11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffaċilita u tistimula s-sopravvivenza fit-tul tan-negozji tal-familja u tagħmel aktar enfasi fuq l-iżvilupp ta’ appoġġ u gwida mmirati biex jiffaċilitaw it-trażmissjoni u s-suċċessjoni tan-negozji tal-familja;

12. Jenfasizza li n-negozji tal-familja, minħabba s-sovrappożizzjoni ta’ elementi tal-familja, tas-sjieda u tan-negozju, għandhom ċerti speċifiċitajiet li għandhom jiġu kkunsidrati; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li jiġu indirizzati kwistjonijiet tal-liġi tax-xogħol, il-politika soċjali u d-drittijiet soċjali bħal bilanċ aħjar bejn is-sessi fil-bordijiet korporattivi, dispożizzjonijiet dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u l-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati, b’mod ġust u responsabbli mill-perspettiva soċjali;

13. Jitlob lill-Istati Membri jsibu soluzzjonijiet applikabbli u aċċettabbli dwar it-taxxi tas-suċċessjoni fuq in-negozji ta’ proprjetà ta’ familji, biex jiġi żgurat li l-ħlas ta’ dawn it-taxxi ma jwassalx għal problemi ta’ likwidità għall-kumpanija jew jaffettwa b’mod ħażin l-għadd ta’ impjegati u l-iżvilupp sostenibbli tal-kumpanija b’responsabbiltà lejn il-ġenerazzjoni li jmiss;

14. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tirsisti għal implimentazzjoni aħjar tar-rakkomandazzjonijiet eżistenti tal-UE(10) fir-rigward tas-simplifikazzjoni tal-qafas fiskali u regolatorju, bl-għan li tittejjeb il-klima ġuridika għas-suċċessjoni;

15. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jkomplu jippromwovu l-iskambju tal-aħjar prattiki biex jiġu megħjuna t-trasferimenti tan-negozji tal-familja, b’mod speċjali fl-ambjent regolatorju;

16. Iqis xieraq li titħeġġeġ l-introduzzjoni ta’ maniġers esterni professjonali sabiex itejbu l-ġestjoni tan-negozju tal-familja;

17. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jħeġġu l-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati f’konformità maż-żieda fir-rikonoxximent pubbliku tal-merti tagħha fid-dawl tal-kriżi finanzjarja u ekonomika;

18. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi b’mod attiv l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qafas tan-negozji tal-familja rigward l-intraprenditorija, il-ħiliet, it-tmexxija, it-trażmissjoni u s-suċċessjoni; għal dan il-għan, jappella għall-użu tal-istrutturi amministrattivi eżistenti fil-livell tal-Istati Membri biex jiġi promoss it-twaqqif ta’ punt uniku ta’ servizz għall-imprendituri femminili. Jappella wkoll għat-titjib fl-aċċess għas-sostenn tal-kura tat-tfal għall-"imprendituri ommijiet";

19. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li l-biċċa l-kbira tan-negozji tal-familja huma SMEs u li għalhekk huwa importanti li jiġi applikat il-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir", sabiex tiġi adattata aħjar il-leġiżlazzjoni tal-UE għar-realtajiet u l-ħtiġijiet ta’ dawn in-negozji, u sabiex dawn ikunu jistgħu jibbenefikaw minn programmi ta’ finanzjament u miżuri ta’ tnaqqis tar-restrizzjonijiet amministrattivi;

20. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-ħtieġa ta’ kundizzjonijiet ekwi bbilanċjati f’termini ta’ kompetittività għall-kumpaniji kollha li joperaw fl-UE waqt li tiġi rrispettata u mrawma n-natura unika tan-negozji tal-familja;

21. Jenfasizza li anki n-negozji tal-familja għandhom ir-responsabbiltà li joffru apprendistati adegwati jew traineeships komparabbli tgħall-progress vokazzjonali u li jridu jippromwovu t-tkomplija tal-edukazzjoni tal-impjegati fil-kumpanija tagħhom sabiex ikun evitat in-nuqqas ta’ ħiliet u jingħata appoġġ lill-kunċett tal-edukazzjoni tul il-ħajja.

22. Jenfasizza l-importanza tal-iskemi ta’ taħriġ iffinanzjati mill-UE għall-imprendituri tan-negozji ż-żgħar, li jippermettu li l-proprjetarji tan-negozji tal-familja jadattaw il-kumpaniji tagħhom għal ambjent li qed jinbidel b’rata mgħaġġla u xprunat minn żieda fl-integrazzjoni ekonomika globali, l-iskoperta ta’ teknoloġiji ġodda u l-iffukar fuq ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u aktar ekoloġika;

23. jistieden lill-Kummissjoni tfassal strateġija nonleġiżlattiva tal-familja Ewropea li tikkunsidra bis-sħiħ ir-rwol tal-ġenituri fin-negozji tal-familja, inkluż is-sinifikat soċjali u ekonomiku tal-"mompreneurs" u l-kontribut speċifiku li jagħtu għall-implimentazzjoni tal-prinċipji li jenfasizzaw it-tmexxija ġusta, ir-responsabbiltà soċjali intraprenditorjali u kultura tax-xogħol ġdida u sostenibbli.

24. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi fi ħdan id-DĠ Intrapriża unità ddedikata biex tagħti sostenn u tinforma lin-negozji tal-familja, inkluż punt uniku ta’ kuntatt f’kull Stat Membru biex jgħin fl-aċċess tal-finanzjamenti tal-UE u l-finanzi tal-UE, u tipprovdi għajnuna lin-negozju;

25. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fis-Semestru Ewropew rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar kif joħolqu ambjent ġust u favorevoli għan-negozji tal-familja, b’mod partikolari fl-oqsma tat-tassazzjoni, tat-trasferiment tan-negozju u tal-edukazzjoni intraprenditorjali;

26. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi b’mod attiv u xxerred informazzjoni dwar il-mudell tan-negozji tal-familja fl-UE kollha, pereżempju billi tistabbilixxi punt ta’ kuntatt għan-negozji tal-familja fil-Kummissjoni u billi tiffavorixxi t-trasferiment ta’ għarfien u tal-aħjar prattiki fl-Istati Membri, kif ukoll billi tagħmel l-aħjar użu minn programmi bħal "Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ";

27. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu qafas ġuridiku ċar għall-impjieg okkażjonali formali u informali ta’ membri tal-familja.

28. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu l-protezzjoni tas-sigurtà soċjali simili disponibbli għall-proprjetarji tan-negozji tal-familja u għall-impjegati, bħala stimolu għat-trasferimenti tan-negozji tal-familja.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

7.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

—:

0.

24.

20.

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Guillaume Balas, Tiziana Beghin, Brando Benifei, Vilija Blinkevičiūtė, Enrique Calvet Chambon, Martina Dlabajová, Elena Gentile, Arne Gericke, Marian Harkin, Danuta Jazłowiecka, Agnes Jongerius, Rina Ronja Kari, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Zdzisław Krasnodębski, Kostadinka Kuneva, Jérôme Lavrilleux, Patrick Le Hyaric, Verónica Lope Fontagné, Javi López, Thomas Mann, Dominique Martin, Elisabeth Morin-Chartier, Georgi Pirinski, Terry Reintke, Sofia Ribeiro, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Jutta Steinruck, Romana Tomc, Ulla Tørnæs, Marita Ulvskog, Renate Weber, Tatjana Ždanoka, Jana Žitňanská, Inês Cristina Zuber

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Heinz K. Becker, Karima Delli, Tania González Peñas, Marju Lauristin, Helga Stevens, Ivo Vajgl, Tom Vandenkendelaere

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Andrea Cozzolino, Rosa D’Amato

3.3.2015

OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar in-negozji tal-familja fl-Ewropa

(2014/2210(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Daniela Aiuto

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jitlob lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi hemm preżenza dejjem akbar ta' nisa fin-negozji tal-familja u billi n-nisa jirrappreżentaw riżors ewlieni f'termini tal-livell għoli tal-edukazzjoni tagħhom u tal-ħila maniġerjali ppruvata tagħhom fid-definizzjoni ta' strateġiji, it-teħid ta' deċiżjonijiet, il-ġestjoni ta' kumpaniji u r-riżoluzzjoni tal-problemi;

B.  billi, madankollu, teżisti ftit informazzjoni rigward nisa impjegati f'negozji tal-familja, minħabba l-fatt li l-kunċett attwali ta' negozju tal-familja għadu relattivament mhux dokumentat;

C. billi n-negozji tal-familja, in-negozji tal-familja mmexxija b'mod indipendenti u n-negozji ġodda ta' dan it-tip jirrappreżentaw opportunità ta' żvilupp tal-karriera u ta' żvilupp personali importanti għan-nisa, għalkemm dan il-fatt mhuwiex rikonoxxut, għaliex ma hemmx mudelli eżemplari ta' nisa x'wieħed isegwi;

D. billi n-nisa jiffaċċjaw diffikultajiet sustanzjali minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fin-negozji tal-familja u huma soġġetti għal segregazzjoni 'vertikali' u 'orizzontali' tal-ġeneru, u dan minkejja l-livell għoli ta' edukazzjoni fost in-nisa, li jirrappreżentaw 60% tal-gradwati kollha;

E.  billi f'bosta pajjiżi l-problema tinsab fil-fatt li s-soċjetà hi infiltrata minn kultura ta' dominanza maskili f'kull qasam tal-ħajja u mhux biss fil-post tax-xogħol;

F.  billi l-azjendi agrikoli tal-familja joffru mudell ta' suċċess għaliex ipoġġu fil-prattika l-prinċipju ta' fluss ekonomiku ċirkolari ambjentalment u soċjalment sostenibbli, u għaliex f'dak il-kuntest, in-nisa, bħala mexxejja, jikkontribwixxu għal mentalità intraprenditorjali;

G. billi fl-UE, in-nisa jaqilgħu medja ta' 16% anqas fis-siegħa mill-irġiel u hemm nuqqas ta' nisa f'karigi ta' livell għoli u ta' tmexxija, u billi l-prattiki ta' xogħol u s-sistemi salarjali applikati għall-irġiel mhumiex l-istess bħal dawk applikati għan-nisa, u dan jagħmilha aktar diffiċli għan-nisa li jkunu finanzjarjament indipendenti, li jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq tax-xogħol u li jiksbu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

H. billi spiss in-nisa jwettqu rwol invisibili jew ta' rappreżentanza fl-isem biss, u billi l-pożizzjoni ta' impjieg u salarju tagħhom mhijiex rikonoxxuta b'mod xieraq, b'riperkussjonijiet gravi f'termini ta' kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali, pensjonijiet u benefiċċji soċjali u wkoll f'termini ta' rikonoxximent tal-ħiliet tagħhom kif muri mid-data dwar id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u d-distakk fil-pensjonijiet(11);

I.   billi, f'bosta pajjiżi Ewropej, in-nisa spiss huma meħtieġa jaġixxu ta' rappreżentanti fl-isem biss, jew għal raġunijiet ta' taxxa jew minħabba ostakoli legali li jipprevjenu intraprenditur raġel milli jkollu kariga f'negozju jew milli jirreġistra dan in-negozju f'ismu;

J.   billi n-nisa jiffaċċjaw diffikultajiet fis-suċċessjoni tan-negozji tal-familja, peress li spiss jiġu ppreferuti l-ulied subien u l-ulied nisa spiss jiġu esklużi;

K. billi n-nisa li jfittxu li jikkombinaw ir-rwoli tagħhom bħala ommijiet u operaturi ta' negozju spiss isibu lilhom infushom sfurzati li jwarrbu r-rwol tagħhom ta' ommijiet jew anke jabbandunaw il-kunċett tal-maternità sabiex imexxu n-negozju;

L.  billi madwar 60% tan-negozji kollha fl-UE jitmexxew minn familja jew huma ta' proprjetà tal-familja;

M. billi l-iżgurar ta' tmexxija familjari kompetenti fil-ġenerazzjonijiet hi waħda mit-tħassib ewlieni tan-negozji tal-familja, u billi l-isterjotipi tal-ġeneru jipprivileġġjaw is-subien fuq il-bniet fis-suċċessjoni tal-impriża tal-familja;

N. filwaqt li jirrikonoxxi l-eżempju kruċjali mogħti minn governanza tan-negozju tal-familja li tiffunzjona b'mod xieraq u l-importanza tagħha għas-sostenibilità tal-ekonomija Ewropea u tal-ekonomija soċjali tas-suq fl-Ewropa;

1.  Jappella għall-applikazzjoni u implimentazzjoni aħjar ta' miżuri li jiżguraw opportunitajiet indaqs u t-trattament ugwali tal-irġiel u tan-nisa fir-rigward tal-impjieg u l-karrieri, u ta' miżuri proattivi għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-ġeneru sottorappreżentat sabiex jiġu evitati is-segregazzjoni orizzontali jew vertikali, id-diskriminazzjoni ta' salarju u ta' kariga (inviżibilità jew fl-isem biss), speċjalment fir-rigward tail-karigi ta' ġestjoni, karigi ta' responsabilità u rwoli ta' tmexxija, u billi l-irġiel u n-nisa jingħataw l-istess opportunitajiet, drittijiet soċjali, aċċess għas-saħħa, salarji u pensjonijiet;

2.  Isostni li l-ħiliet miksuba min-nisa min-negozji tal-familja għandhom jiġu rikonoxxuti sabiex dawk in-nisa jitħallew ikomplu l-karrieri tagħhom f'forom ta' negozji oħra ;

3.  Jistieden l-adozzjoni, mill-Istati Membri kollha, ta' definizzjoni ċara ta' negozji tal-familja, li tagħti bażi ta' karriera solida għaż-żewġ ġeneri, kif rakkomandat fir-rapport finali tal-Grupp ta' Esperti Ewropej bit-titolu "Overview of Family-Business-Relevant Issues 2009";

4.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi protett id-dritt għas-suċċessjoni tan-nisa fin-negozji tal-familja, l-istess bħal għall-irġiel, billi tiġi promossa kultura ta' ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa li tivvalorizza r-rwol intraprenditorjali tal-mara fin-negozji tal-familja, f'karigi maniġerjali, ta' responsabilità jew ta' tmexxija u li toħloq ambjent fejn l-intraprendituri nisa u n-negozji tal-familja jistgħu jimxu 'l quddiem u fejn l-ispirtu ta' intrapriża jiġi ppremjat;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw in-Netwerk Ewropew tal-Ambaxxaturi tal-Imprenditorija fost in-Nisa u n-Netwerk Ewropew ta' Konsulenti għall-Intraprendituri Nisa sabiex ikabbru l-profil tagħhom;

6.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol importanti li n-nisa għandhom fil-ġestjoni tal-biedja tal-familja u jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw taħriġ għan-negozju mmirat b'mod speċifiku għan-nisa bdiewa, sabiex tkompli tissaħħaħ aktar il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-biedja tal-familja; iħeġġeġ b'mod partikolari, f'dak ir-rigward, li għandu jingħata appoġġ għal proġetti ta' taħriġ għan-nisa li mexxu l-biedja tal-familja bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-organizzazzjonijiet tal-biedja u reġjonali;

7.  Jenfasizza l-bżonn li jiġu żgurati l-aħjar kondizzjonijiet tax-xogħol possibbli f'termini ta' saħħa u sikurezza fil-post tax-xogħol;

8.  Jitlob li tiġi promossa l-figura tal-"omm imprenditriċi" biex ikun ggarantit id-dritt għall-maternità u biex tingħata assistenza finanzjarja biex jiġu bbilanċjati l-impenji tal-familji u tan-negozji; jappella għal miżuri ta' appoġġ għall-impjiegi tal-familja u servizzi tal-kura tat-tfal fid-dar bil-għan li n-nisa intraprendituri jitħallew jirrikonċiljaw il-ħajja tax-xogħol u tal-familja;

9.  Jenfasizza li l-għoti ta' opportunitajiet akbar għan-nisa fin-negozji tal-familja għandu jibbenefika kemm lin-nisa u lill-intrapriżi;

10. Jappella għall-adozzjoni tal-miżuri kollha possibbli għall-prevenzjoni u l-ippenalizzar ta' atti ta' abbuż u koerżjoni, sitwazzjonijiet li jwasslu għal rikatt u/jew sottomissjoni, jew vjolenza kontra n-nisa fil-post tax-xogħol, u jindika wkoll li flimkien ma' atti ta' vjolenza fiżika, is-seklużjoni u d-diskriminazzjoni huma wkoll forom ta' krudeltà mentali jew ta' aggressjoni psikoloġika;

11. Ifakkar għal darb'oħra lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar l-importanza li jkun hemm provvista suffiċjenti ta' servizzi ta' kura tas-saħħa ta' kwalità għolja u għal but ta' kulħadd, għat-tfal, l-anzjani u għal persuni dipendenti oħrajn, li jkun hemm inċentivi fiskali għall-kumpaniji u kumpensi oħrajn li jgħinu lin-nisa u lill-irġiel li jaħdmu bħala impjegati, jew għal rashom jew bħala maniġers fin-negozji tal-familja biex jibbilanċjaw l-impenji tagħhom għall-familja u għax-xogħol;

12. Jistieden lill-Kummissjoni tniedi studju u analiżi statistika dwar il-preżenza tan-nisa fin-negozji tal-familja fl-Ewropa;

13. Jenfasizza l-bżonn għal perjodi ta' maternità, paternità u ta' liv tal-ġenituri, distinti u remunerati b'mod xieraq li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-impjegati, ta' dawk li jaħdmu għal rashom u ta' min jimpjega fin-negozji;

14. Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jagħtu kont tal-ugwaljanza ta' opportunitajiet għall-irġiel u għan-nisa u biex jikkunsidraw u jinkludu miżuri proattivi għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-ġeneru sottorappreżentat kif ukoll tal-promozzjoni tal-aċċess tan-nisa għal taħriġ professjonali, kull meta jilleġiżlaw dwar kwistjonijiet relatati man-negozji tal-familja u partikolarment fil-kuntest tad-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet;

15. Jenfasizza li t-tneħħija tad-differenzi kollha bejn l-irġiel u n-nisa li jaħdmu fin-negozji tal-familja tiġġenera benefiċċji għall-ekonomija u għas-soċjetà inġenerali; jindika li l-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn l-Irġiel u n-Nisa 2010-2015 għandha l-għan li żżid ir-rata ta' impjieg tan-nisa għal 75%, li hi l-mira stipulata tal-Istrateġija Ewropa 2020, u din tinkludi dawk il-gruppi ta' nisa bl-anqas rati ta' impjieg;

16. Jenfasizza l-bżonnn li jiġu stabbiliti oqfsa ta' appoġġ għall-maniġers sidien ta' negozji nisa f'negozji tal-familja sabiex tiżdied il-fiduċja u l-awtoeffikaċja tagħhom;

17. Jinsisti li n-negozji tal-familja jintalbu jiżguraw trattament u opportunitajiet ugwali għall-irġiel u n-nisa li jaħdmu fil-ġestjoni tan-negozju u fit-teħid ta' deċiżjonijiet, u għal dan il-għan għandhom jadottaw miżuri li jipprevjenu kull forma ta' diskriminazzjoni u li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi;

18. Jenfasizza l-bżonn ta’ proposti konkreti biex jintlaħaq bilanċ aħjar bejn il-ħajja tax-xogħol, tal-familja u dik privata, billi jitrawwem aktar qsim ta’ responsabilitajiet tax-xogħol, familjari u soċjali bejn l-irġiel u n-nisa, partikolarment fil-qasam tal-għajnuna lil persuni dipendenti u fil-kura tat-tfal; jinnota li l-provvista aħjar ta' servizzi ta' matul il-jum u ta' nurseries ma jiddependux biss fuq politiki pubbliċi iżda wkoll fuq inċentivi għan-negozji biex joffru tali soluzzjonijiet; jinnota li l-flessibilità fir-rigward tas-sigħat ta' xogħol u fil-mod li bih jiġi organizzat ix-xogħol, kif ukoll il-ħidma part-time, jistgħu jikkostitwixxu mezzi ta' kif jinkiseb bilanċ aħjar bejn il-ħajja tax-xogħol u tal-familja;

19. Jistieden lill-Kunsill jilħaq kunsens malajr kemm jista' jkun u jadotta d-Direttiva għat-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati fil-Borża, sabiex il-kumpaniji kollha elenkati fil-Borża, inkluż negozji tal-familja, jilħqu l-mira ta' mill-anqas ta' 40% nisa bħala membri tal-bordijiet ta' diretturi tagħhom.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.2.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

3

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Anna Maria Corazza Bildt, Viorica Dăncilă, Anna Hedh, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Elisabeth Köstinger, Vicky Maeijer, Angelika Mlinar, Krisztina Morvai, Maria Noichl, Marijana Petir, Liliana Rodrigues, Jordi Sebastià, Ernest Urtasun, Ángela Vallina, Beatrix von Storch, Jadwiga Wiśniewska, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Linnéa Engström, Eleonora Forenza, Kostadinka Kuneva, Constance Le Grip, Dubravka Šuica, Marc Tarabella

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Rosa D’Amato, José Inácio Faria

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

16.6.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

48

5

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Zigmantas Balčytis, Bendt Bendtsen, Reinhard Bütikofer, Jerzy Buzek, Philippe De Backer, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Fredrick Federley, Ashley Fox, Adam Gierek, Theresa Griffin, Marek Józef Gróbarczyk, András Gyürk, Roger Helmer, Eva Kaili, Barbara Kappel, Krišjānis Kariņš, Seán Kelly, Jeppe Kofod, Miapetra Kumpula-Natri, Janusz Lewandowski, Ernest Maragall, Edouard Martin, Nadine Morano, Dan Nica, Aldo Patriciello, Morten Helveg Petersen, Miroslav Poche, Miloslav Ransdorf, Michel Reimon, Herbert Reul, Paul Rübig, Algirdas Saudargas, Dario Tamburrano, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Miguel Urbán Crespo, Vladimir Urutchev, Kathleen Van Brempt, Martina Werner, Flavio Zanonato

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Michał Boni, David Coburn, Miriam Dalli, João Ferreira, Gerben-Jan Gerbrandy, Françoise Grossetête, Janusz Korwin-Mikke, Constanze Krehl, Olle Ludvigsson, Piernicola Pedicini, Sofia Sakorafa, Maria Spyraki, Indrek Tarand, Mihai Ţurcanu, Anneleen Van Bossuyt

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Marietje Schaake, Bart Staes

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0036.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2014)0032.

(3)

http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/files/gender_pay_gap/140319_gpg_mt.pdf

(4)

Rapport finali tal-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni Ewropea “ĦARSA ĠENERALI LEJN IN-NEGOZJI TAL-FAMILJA–KWISTJONIJIET RILEVANTI”, Novembru 2009.

(5)

European Family Business Barometer, Ġunju 2014.

(6)

COM(2012)0795.

(7)

l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja, sors: Il-Kummissjoni.

(8)

Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020, COM(2012)0795.

(9)

Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020, COM(2012)0795.

(10)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-1994, il-Komunikazzjoni tal-1998 u l-Forum ta’ Lille, il-Gwida tal-Prattika Tajba 2003, il-Komunikazzjoni tal-2006 mill-Kummissjoni: Kontinwità bis-saħħa ta’ bidu ġdid

(11)

http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/files/gender_pay_gap/140319_gpg_en.pdf

Avviż legali