RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li jagħti l-awtorizzazzjoni lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interessi tal-Unjoni Ewropea, il-Protokolltal-2014 għall-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, tal-1930, tal-ILOfir-rigward tal-Artikoli 1 sa 4 tal-Protokoll fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali

8.7.2015 - (06731/2015 – C8-0078/2015 – 2014/0258(NLE)) - ***

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Helga Stevens

Proċedura : 2014/0258(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0226/2015
Testi mressqa :
A8-0226/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li jagħti l-awtorizzazzjoni lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interessi tal-Unjoni Ewropea, il-Protokolltal-2014 għall-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, tal-1930, tal-ILO fir-rigward tal-Artikoli 1 sa 4 tal-Protokoll fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali

(06731/2015 – C8-0078/2015 – 2014/0258(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (06731/2015),

–       wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 82(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8‑0078/2015),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet paragrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0226/2015),

1.      Jagħti l-kunsens tiegħu għall-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill,

2.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat hija waħda mit-tmien Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO (l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol) li flimkien jiffurmaw l-istandards ewlenin dwar ix-xogħol internazzjonali, u hija meqjusa bħala strument tad-drittijiet tal-bniedem. Fl-adozzjoni tal-Konvenzjoni fl-1930, il-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol stiedenet lill-Istati biex jeliminaw l-użu tax-xogħol furzat fl-iqsar żmien possibbli, u biex jikkriminalizzaw ir-reat. Madankollu, aktar minn 80 sena wara, l-ILO tikkalkula li minn tal-anqas 20.9 miljun persuna fid-dinja huma vittmi ta' xogħol furzat.

Il-Protokoll huwa maħsub biex jindirizza n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u biex isir prograss fil-prevenzjoni tat-traffikar għall-isfruttament fuq ix-xogħol, kif ukoll jipproteġi u jagħti kumpens lill-vittmi tax-xogħol furzat.

Il-Protokoll jirrikjedi li l-Istati Membri tal-ILO jiżviluppaw politika u pjan ta' azzjoni nazzjonali biex ix-xogħol furzat jiġi soppress b'mod effikaċi u kontinwu u biex jittieħdu miżuri għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll, b'konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u tal-ħaddiema. Il-Protokoll jistabbilixxi wkoll il-miżuri li l-Istati Membri tal-ILO jeħtieġu jieħdu bil-għan li jipprevjenu x-xogħol furzat: jedukaw u jinfurmaw lin-nies, biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni relevanti għall-prevenzjoni tax-xogħol sfurzat tapplika għall-ħaddiema kollha u s-setturi kollha tal-ekonomija; iħarsu lin-nies, speċjalment lill-ħaddiema migranti, minn prattiki ta' reklutaġġ u kollokament potenzjalment abbużivi u frodulenti, u jindirizzaw il-kawżi ewlenin li jżidu r-riskji tax-xogħol furzat.

Fir-rigward tal-vittmi, il-Protokoll jipprevedi li għandhom jittieħdu miżuri effikaċi għall-identifikazzjoni, ir-rilaxx, il-protezzjoni, l-irkupru u r-riabilitazzjoni tagħhom, flimkien ma' forom oħra ta' għajnuna u appoġġ. L-Istati Membri tal-ILO huma rikjesti li jiżguraw li l-vittmi kollha jkollhom aċċess għar-rimedji, bħall-kumpens, u li l-awtoritajiet kompetenti jkunu intitolati li ma jtellgħux lill-vittmi l-qorti għall-attivitajiet illegali li kienu mġiegħla jwettqu.

Il-Protokoll joħloq obbligi legali applikabbli għall-Istati li jirratifikaw u jista' biss jiġi ratifikat minn Stati li jkunu rratifikaw il-Konvenzjoni. F'konformità mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri mhumiex f'pożizzjoni li jiddeċiedu li jirratifikaw il-Protokoll 'il barra mill-qafas tal-istituzzjonijiet tal-UE, peress li xi partijiet tal-Protokoll jaqgħu f'oqsma ta' kompetenza tal-UE.

L-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-UE, dawk il-partijiet tal-Protokoll li jaqgħu f'oqsma ta' kompetenza tal-UE, u jirrakkomandalhom biex jagħmlu sforzi biex jagħmlu dan sal-aħħar tal-2016.

Fil-fehma tar-rapporteur, il-Protokoll tal-2014 jikkonċerna d-drittijiet fundamentali, il-vittmi u l-ġlieda kontra t-traffikar, reat li jolqot mhux biss l-individwi iżda wkoll is-soċjetà fis-sħuħija tagħha u l-ekonomija kollha. Ir-ratifika ta' dan il-Protokoll hija pass importanti fil-ġlieda kontra t-traffikar u fil-ħidma biex jiġu żgurati d-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità fl-Ewropa kollha. Il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat oriġinali daħlet fis-seħħ kważi mitt sena ilu iżda, madankollu, huwa deplorevoli l-fatt li miljuni ta' nies madwar id-dinja għadhom soġġetti għal xogħol furzat.

Ir-ratifika tal-Protokoll min-naħa tal-Istati Membri tiffaċilita l-ġlieda kontra t-traffikanti u, għaldaqstant, ir-rapporteur tilqa' l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill u tipproponi li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu. Ir-rapporteur tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-Protokoll mill-aktar fis possibbli.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

25.6.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

47

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Malin Björk, Caterina Chinnici, Ignazio Corrao, Laura Ferrara, Kinga Gál, Ana Gomes, Nathalie Griesbeck, Monika Hohlmeier, Filiz Hyusmenova, Iliana Iotova, Eva Joly, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Timothy Kirkhope, Barbara Kudrycka, Kashetu Kyenge, Marju Lauristin, Monica Macovei, Vicky Maeijer, Roberta Metsola, Louis Michel, Claude Moraes, Alessandra Mussolini, József Nagy, Péter Niedermüller, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Cecilia Wikström, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Hugues Bayet, Carlos Coelho, Pál Csáky, Daniel Dalton, Petra Kammerevert, Jeroen Lenaers, Emil Radev, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Elly Schlein, Barbara Spinelli, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Axel Voss, Elissavet Vozemberg

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Franc Bogovič, Eugen Freund