Proċedura : 2014/2251(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0235/2015

Testi mressqa :

A8-0235/2015

Dibattiti :

PV 08/09/2015 - 18
CRE 08/09/2015 - 18

Votazzjonijiet :

PV 09/09/2015 - 8.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0311

RAPPORT     
PDF 710kWORD 164k
20.7.2015
PE 557.279v02-00 A8-0235/2015

dwar il-karrieri tan-nisa fix-Xjenza u l-Università u s-soqfa tal-ħġieġ li jiltaqgħu magħhom

(2014/2251(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi

Rapporteur għal opinjoni: Elissavet Vozemberg

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-karrieri tan-nisa fix-Xjenza u l-Università u s-soqfa tal-ħġieġ li jiltaqgħu magħhom

(2014/2251(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 10, 19 u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid)(1),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 bit-titolu "Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015" (COM(2010)0491),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2010 bit-titolu "Impenn Imsaħħaħ għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel: Karta f'Isem il-Mara" (COM(2010)0078),

–       wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020) adottat mill-Kunsill fis-7 ta' Marzu 2011;

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Settembru 2014 bit-titolu "Rapport ta' Progress dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka 2014" (COM(2014)0575),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Frar 1999 bit-titolu "In-Nisa u x-Xjenza: Il-mobbilizzazzjoni tan-nisa għall-arrikkiment tar-riċerka Ewropea" (COM(1999)0076),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Lulju 2012 bit-titolu "Sħubija Rinfurzata taż-Żona Ewropea tar-Riċerka għall-Eċċellenza u għat-Tkabbir" (COM(2012)0392),

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-3 ta' Settembru 2014 bit-titolu "Politiki dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fir-Riċerka Pubblika" u abbażi ta' stħarriġ tal-membri tal-Grupp ta' Ħelsinki (il-grupp konsultattiv tal-Kummissjoni dwar is-sessi, ir-riċerka u l-innovazzjoni),

–       wara li kkunsidra x-"She Figures 2012 - Is-Sessi fl-Istatistika tar-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-Indikaturi", ippubblikat mill-Kummissjoni fl-2013,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2014 dwar "Iż-żona Ewropea ta' riċerka - Rapport ta' Progress 2014",

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2015 dwar il-Pjan Direzzjonali 2015-2020 għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2015 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2013(2),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 40 tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-21 ta' Novembru 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)(3),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Mejju 2008 dwar in-nisa u x-xjenza(4),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2000 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "In-Nisa u x-Xjenza - Il-mobbilizzazzjoni tan-nisa għall-arrikkiment tar-riċerka Ewropea"(5),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0235/2015),

A.     billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea, imnaqqax fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u wieħed mill-objettivi u l-kompiti tagħha;

B.     billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija prekundizzjoni bażika għat-tgawdija bis-sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem min-nisa u l-bniet u hija essenzjali għall-emanċipazzjoni tagħhom u l-kisba ta' soċjetà sostenibbli u inklużiva; billi l-użu insuffiċjenti tal-kapital uman inaqqas vantaġġ potenzjali għan-negozju li għandu x'jaqsam mar-riċerka u l-innovazzjoni u għall-iżvilupp ekonomiku ġenerali, filwaqt li għandu konsegwenzi soċjali devastanti;

C.     billi huwa importanti ferm li jiġi żgurat li n-nisa u l-irġiel ikunu sħab indaqs u li jkollhom l-istess drittijiet u responsabbiltajiet u l-istess opportunitajiet ta’ xogħol u li l-kontribut tagħhom lis-soċjetà jkun daqstant valutat u rispettat;

D.     billi skont l-istatistiċi u l-istħarriġ disponibbli, in-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed fil-karigi xjentifiċi, tal-inġinerija u maniġerjali u fil-livelli ġerarkiċi ogħla, anke f'setturi fejn jiffurmaw maġġoranza, bħal fis-settur tal-edukazzjoni; billi n-nisa huma ferm sottorappreżentati f’oqsma edukattivi u karrieri relatati max-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM), li jammontaw għal 24 % biss ta’ professjonisti tax-xjenza u tal-inġinerija; billi r-rappreżentanza femminili tvarja u tiddependi fuq l-ispeċjalizzazzjoni ta' STEM, pereżempju, l-ispeċjalizzazzjoni tal-kimika qed tiffaċċja problema ta’ retenzjoni filwaqt li l-ispeċjalizzazzjoni tal-inġinerija u tal-fiżika jħabbtu wiċċhom ma’ problemi ta’ reklutaġġ;

E.     billi x-xjenza hija ta’ importanza ewlenija għall-Ewropa f’termini ekonomiċi u teħtieġ timijiet li qed jikbru b'mod kostanti li jkunu kapaċi, inter alia, iwettqu riċerka rivoluzzjonarja essenzjali għal żieda fil-produttività u l-kompetittività, u l-eżistenza ta’ għadd suffiċjenti ta’ individwi b’ħiliet STEM hija prekundizzjoni essenzjali għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea għat-Tkabbir u l-Impjiegi u l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020; billi d-domanda għal professjonisti STEM hija mistennija li tiżdied sal-2025, filwaqt li l-istatistika disponibbli l-aktar reċenti turi settur tar-riċerka li qed jixjieħ; billi ispirazzjoni reċiproka pożittiva bejn is-suġġetti STEM u l-arti u l-istudji umanistiċi (STEAM) għandha potenzjal ekonomiku, soċjali u kulturali enormi u n-nisa riċerkaturi u innovaturi huma fl-aħjar pożizzjoni biex jiġu żviluppati rabtiet minn STEM għal STEAM; billi r-riċerkaturi nisa huma ta’ siwi għall-UE, li teħtieġ ir-riżorsi kollha disponibbli sabiex tirkupra b’mod definittiv mill-kriżi ekonomika u finanzjarja u tkun kapaċi tiffaċċja l-bidliet fis-soċjetà kollha kemm hi; billi jeħtieġ li jiġu promossi u faċilitati l-iżvilupp tal-karriera tan-nisa u l-preżenza għolja ta’ żgħażagħ, speċjalment in-nisa studenti u akkademiċi, fl-oqsma STEM;

F.     billi kien hemm xi żviluppi pożittivi dwar ir-riċerkaturi nisa u s-sehem tagħhom qed jikber b'rata aktar mgħaġġla minn dak tal-irġiel fis-snin reċenti, iżda l-għadd ta' riċerkaturi nisa għadu inqas b'mod sinifikattiv minn dak tal-irġiel, bl-akbar qabża tkun fis-settur tan-negozju;

G.     billi l-karrieri tal-akkademiċi għan-nisa jibqgħu karatterizzati minn segregazzjoni qawwija vertikali, bi proporzjon baxx ħafna ta' nisa biss jokkupaw l-ogħla postijiet akkademiċi; billi skont ix-She Figures 2012, in-nisa jammontaw għal 10 % biss tar-retturi tal-universitajiet;

H.     billi ftit Stati Membri jidhru li għandhom dispożizzjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qafas legali tagħhom li jirregolaw ir-riċerka, u tingħata ftit attenzjoni lill-integrazzjoni tad-dimensjoni tas-sessi fil-programmi tar-riċerka nazzjonali;

I.      billi n-nisa għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ ostakli biex iwaqqfu n-negozju tagħhom stess minħabba l-persistenza tal-preġudizzji u l-isterjotipi; billi jeħtieġ li tiġi promossa u appoġġjata aktar l-intraprenditorija fost in-nisa u jiġi żviluppat ambjent li fih l-imprendituri nisa u n-negozji tal-familji jistgħu jirnexxu u fejn l-intrapriża tkun ippremjata billi tieħu l-miżuri meħtieġa bbażati fuq skambju tal-aħjar prassi u billi tingħata attenzjoni partikolari lill-ommijiet;

J.      billi r-raġunijiet għal din is-sitwazzjoni huma numerużi u kumplessi, inklużi sterjotipi u preġudizzji negattivi u l-preġudizzju konxju u dak mhux konxju;

K.     billi l-istatistiċi konsistentament juru li l-bniet jinħallu mis-suġġetti STEM fl-iskola u huma inqas probabbli li jiggradwaw mill-università b'lawrja relatata max-xjenza; billi m’hemm l-ebda spjegazzjoni waħda għal-livelli baxxi ta’ nisa fl-oqsma STEM u r-raġunijiet jinkludu: nuqqas ta’ għarfien dwar il-karrieri STEM min-naħa tal-għalliema fl-iskejjel, nuqqas ta’ mudelli ta’ eżempju femminili, għadd kbir ta’ kuntratti għal żmien qasir b’kundizzjonijiet prekarji, preġudizzju mhux konxju dwar il-bordijiet ta' intervisti, in-nisa huma inqas probabbli mill-irġiel li jippreżentaw ruħhom għal karigi għolja, u tendenza li n-nisa jiġu mħajra jieħdu rwoli pastorali pjuttost milli ta’ tagħlim u ta’ riċerka u d-dinja akkademika;

L.     billi n-nisa li jaħdmu fir-riċerka, bħall-oqsma l-oħra kollha, huma mġiegħla jassumu sehem ogħla ta’ obbligi relatati ma’ ġenituri jew il-familji tagħhom mill-irġiel kollegi tagħhom, u, għalhekk, il-miżuri proposti kollha għandhom iqisu l-possibbiltà ta’ suċċess fir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u l-ħajja tal-familja għan-nisa sabiex jinkludu l-irġiel f’dawn l-oqsma;

M.    billi, minkejja l-isforzi kollha li għaddejjin bħalissa biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs, in-nisa għad għandhom aċċess mhux indaqs għal pożizzjonijiet ta’ riċerka, finanzjament, pubblikazzjonijiet u premji akkademiċi, u huma affettwati wkoll minn kriterji riġidi għall-promozzjoni u r-rikonoxximent u n-nuqqas ta’ finanzjament jew politiki xierqa biex jappoġġjawhom, il-prospetti għal xjentisti nisa żgħażagħ huma partikolarment skoraġġanti; billi dawn kollha huma fatturi li jikkontribwixxu potenzjalment għall-"eżodu ta’ mħuħ", sitwazzjoni li teħtieġ miżuri radikali aktar milli sempliċi; billi, barra minn hekk, il-kooperazzjoni fuq livell kollettiv hija ta’ importanza kbira u għandhom isiru u jingħataw inċentivi kemm fuq livell personali u fi ħdan is-soċjetà;

N.     billi l-pożizzjoni baxxa de facto tan-nisa fil-qasam tax-xjenza fis-soċjetà, mingħajr il-ħtieġa li din tiġi ġustifikata minn kwalunkwe kriterju oġġettiv, kif ukoll ir-relazzjonijiet bejn il-ġeneri u l-isterjotipi tas-sessi għandhom jiġu riveduti u evalwati mill-ġdid; billi l-fatt li n-nisa jingħataw firxa usa’ ta’ prospetti rigward il-karrieri u l-bidla fil-mudelli edukattivi tista' tagħti kontribut sostanzjali biex tonqos id-differenza fil-pagi bejn is-sessi, pereżempju billi jiżdied in-numru ta’ nisa xjenzjati u inġiniera;

O.     billi l-Kummissjoni hija diġà impenjata li tiżgura rappreżentanza ta' 40 % tas-sess mhux rappreżentat biżżejjed fis-sħubija tal-gruppi ta' esperti, il-bordijiet u l-kumitati kollha tagħha, u, b'mod partikolari, se tapplika dan għall-programm speċifiku Orizzont 2020;

P.     billi l-aħħar konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rinfurzar tar-riżorsi umani fix-xjenza u t-teknoloġija fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka għarfu l-importanza tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-riċerka u l-inklużjoni tan-nisa f’pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà, u dan kien il-każ sa mill-2005, iżda l-Kunsill ma għamel l-ebda dikjarazzjoni dwar il-kwistjoni;

Q.     billi l-Pjan Direzzjonali 2015-2020 għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jibdew jittraduċu l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-ugwaljanza f’azzjoni effikaċi, sabiex jiġu indirizzati l-iżbilanċi bejn l-irġiel u n-nisa f’istituzzjonijiet ta’ riċerka u korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u tiġi integrata aħjar id-dimensjoni relatata mas-sessi f'politiki, programmi u proġetti tar-riċerka u l-iżvilupp;

R.     billi l-Konvenzjoni ta’ Istanbul fiha impenn biex jiġu indirizzati l-kawżi bażiċi tal-vjolenza u l-promozzjoni ta’ aktar ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel billi jinbidlu l-attitudnijiet u jiġu eliminati l-isterjotipi mhux biss fil-livell ta’ individwi, iżda saħansitra fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla kif ukoll fil-kampusijiet tal-universitajiet u l-kulleġġi, li mhumiex immuni mill-vjolenza bbażata fuq is-sessi, sabiex in-nisa jkunu jistgħu jkunu ħielsa mill-vjolenza u l-biża’ li tiġġenera, li spiss iżżommhom milli jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja akkademika u soċjali;

S.     billi l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi jista’ jiżvolġi rwol fundamentali fil-monitoraġġ tal-iżvilupp tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi fix-xjenza u r-riċerka, l-analiżi tal-kawżi tagħha u l-valutazzjoni tal-impatt tal-leġiżlazzjoni;

Ugwaljanza bejn is-sessi f'pożizzjonijiet akkademiċi

1.      Jinnota li minkejja t-tibdil pożittiv fis-snin reċenti, l-ugwaljanza bejn is-sessi fix-xjenza u l-akkademja għadha ma nkisbitx, bis-sitwazzjoni tvarja bejn l-Istati Membri, l-oqsma tar-riċerka u l-grad akkademiku; jirrimarka l-preżenza baxxa b’mod impressjonanti tan-nisa fl-ogħla pożizzjonijiet akkademiċi u tat-teħid tad-deċiżjonijiet f’istituzzjonijiet xjentifiċi u universitajiet, fatt li jindika l-eżistenza ta’ saqaf tal-ħġieġ, jiġifieri, ostakli inviżibbli bbażati fuq il-preġudizzji li jimpedixxu li n-nisa jkollhom aċċess għal karigi ta’ responsabbiltà;

2.      Jiddeplora l-fatt li hemm evidenza ta’ segregazzjoni bejn is-sessi fil-konfront tal-ġerarkiji fl-universitajiet u fl-iskejjel fl-Ewropa u ekonomiji avvanzati oħra, li hija ta’ natura kemm orizzontali kif ukoll vertikali, u li filwaqt li 59 % ta’ dawk li jiggradwaw mill-università fl-UE-28 huma nisa, dawn jirrappreżentaw biss 18 % tal-professuri universitarji kollha;

3.      Itenni mill-ġdid li l-ugwaljanza bejn is-sessi hija wieħed mill-prinċipji li fuqhom l-UE hija msejsa u għandha tiġi rispettata anke fl-oqsma tar-riċerka u l-akkademja; jisħaq li għandhom jiġu eliminati l-forom kollha ta' diskriminazzjoni diretta jew indiretta kontra n-nisa;

4.      Jinnota li n-nuqqas ta’ nisa fix-xjenza u r-riċerka rriżulta f’inadempjenza maskili fir-R&Ż, u li b’mod partikolari: a) m’hemm l-ebda mara għall-provi tal-ħbit; b) ir-riċerka medika ġeneralment issir fuq suġġetti maskili; c) il-kalkoli tad-doża tar-radjazzjoni huma bbażati fuq ir-rata ta’ assorbiment ta' raġel ta' mezz'età; u d) fil-biċċa l-kbira tal-kotba tal-anatomija l-immaġini huma ta’ raġel;

5.      Jiddispjaċih li l-aċċess inugwali għan-nisa għall-pożizzjonijiet ta' riċerka, għall-finanzjament u l-ippubblikar għadu jippersisti, inkluża l-inugwaljanza fil-paga bejn is-sessi fl-oqsma tax-xjenza u l-akkademja, minkejja d-dispożizzjonijiet legali għal trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni fuq is-suq tax-xogħol, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar il-paga ugwali, fis-seħħ fl-UE u fl-Istati Membri;

Miżuri pożittivi

6.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri janalizzaw id-dispożizzjonijiet legali eżistenti bil-għan li jiġu implimentati b'mod xieraq u, jekk hemm bżonn, jiġu riveduti sabiex jiġi infurzat it-trattament ugwali tan-nisa u l-irġiel; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw konformità mal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, meqjus mit-Trattat ta’ Lisbona bħala mira tal-Unjoni Ewropea, b’kull tip ta’ kuntratt ta’ impjieg jew ta’ fondi, kif ukoll id-dritt legali għal paga ugwali għal xogħol ugwali għall-elementi kollha tar-remunerazzjoni mogħtija lill-irġiel u lin-nisa, inklużi għotjiet u boroż ta’ studju, billi, pereżempju, jiżguraw it-trasparenza fil-pagi;

7.      Jinnota li barra l-infurzar tad-dispożizzjonijiet legali, l-ostakli kulturali u istituzzjonali li jiġġeneraw diskriminazzjoni diretta jew indiretta kontra n-nisa fil-karrieri xjentifiċi u t-teħid ta' deċiżjonijiet għandhom jitneħħew sabiex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi; iqis li dawn il-forom ta’ diskriminazzjoni, preġudizzji negattivi u sterjotipi konxji jew mhux konxji jibnu fuq l-attitudnijiet u l-istandards li huma kontinwament riprodotti, u li l-bidliet istituzzjonali jistgħu jgħinu biex jitneħħew; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi u tappoġġja kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u programmi u inizjattivi biex jitnaqqsu dawn l-ostakli, kemm fid-dinja akkademika kif ukoll fis-soċjetà b’mod ġenerali;

8.      Jikkritika mill-ġdid il-fatt li n-nisa għadhom jitħallsu inqas mill-irġiel għall-istess xogħol, anke fil-qasam tar-riċerka u x-xjenza bħala konsegwenza tar-rappreżentanza inugwali tagħhom;

9.      Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu appoġġ għal u l-promozzjoni ta’ netwerks ta’ appoġġ bejn il-pari u l-kondiviżjoni tal-aħjar prassi madwar l-Ewropa u lil hinn minnha;

10.    Jenfasizza li kampanji ta’ sensibilizzazzjoni għandhom ikunu mmirati lejn l-irġiel kif ukoll lejn in-nisa, peress li (b’mod konxju jew inkonxjament) jirriproduċu l-isterjotipi tas-sessi li jistgħu jikkawżaw lin-nisa biex jinternalizzaw ostakli kulturali u istituzzjonali li jxekklu l-progress tal-karrieri fix-xjenza;

11.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibni fuq programmi u inizjattivi eżistenti u tagħti aktar prijorità lill-kampanji pożittivi mmirati għall-bniet u n-nisa li jinkoraġġixxuhom jidħlu f'karrieri xjentifiċi u akkademiċi fl-oqsma xjentifiċi kollha, b'enfasi speċjali fuq is-setturi tal-inġinerija u t-teknoloġija, fejn, minkejja t-tibdil pożittiv reċenti, il-parteċipazzjoni tan-nisa tibqa' taħt il-medja;

12.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu programmi edukattivi li jinkoraġġixxu sinerġiji u rabtiet pożittivi bejn is-suġġetti STEM u l-arti u l-istudji umanistiċi u jippromwovu perspettiva dwar is-sessi, li tiffaċilita r-rwol li n-nisa jista’ jkollhom f’dawn ir-rabtiet;

13.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu mudelli ta’ eżempju femminili pożittivi fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, inkluż it-tagħlim obbligatorju u l-edukazzjoni avvanzata u għolja u fil-livell postgradwatorju, kif ukoll l-edukazzjoni informali u l-ħidma taż-żgħażagħ; jirrikonoxxi li l-promozzjoni ta’ mudelli ta' eżempju femminili pożittivi tinkludi t-teħid ta’ miżuri sabiex jiġu enfasizzati l-kisbiet storiċi u kontemporanji tan-nisa fix-xjenza u t-teknoloġija, l-intraprenditorija, u l-pożizzjonijiet tat-teħid ta’ deċiżjonijiet; jinnota li tali miżuri jistgħu jinkludu fokus speċifiku fuq il-Jum Internazzjonali tan-Nisa, il-Ġimgħat tax-Xjenza, u l-użu tal-aħjar prassi eżistenti fl-Istati Membri u madwar id-dinja;

14.    Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati rilevanti jsaħħu inizjattivi u programmi li jinkoraġġixxu lin-nisa jkomplu l-karrieri xjentifiċi u akkademiċi tagħhom, bħall-coaching u programmi ta' netwerking u appoġġ għal xjentisti nisa – partikolarment xjentisti nisa żgħażagħ – li qegħdin jipparteċipaw fil-programmi ta' riċerka u l-applikazzjonijiet għal għotja, kif ukoll appoġġ għall-karrieri individwali tar-riċerkaturi femminili u l-avvanz tal-karrieri tagħhom għall-ogħla gradi; jemmen li n-nisa għandhom ukoll jiġu mħeġġa japplikaw għal pożizzjonijiet ta’ teħid tad-deċiżjonijiet, filwaqt li fl-istess ħin għandha tittieħed azzjoni biex jiġi miġġieled kull tip ta’ ostaklu li jagħmilha diffiċli jew impossibbli li wieħed japplika;

15.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex, fit-tfassil ta’ kwalunkwe strateġija dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni ogħla, jinkludu l-konsiderazzjoni speċifika tan-nisa li jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla, bħan-nisa LGBTI, nisa b’diżabbiltà, nisa minn minoranza etnika jew bi sfond ta’ migrazzjoni, refuġjati, u n-nisa li jieħdu ħsieb persuni dipendenti;

16.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw metodi STEM kurrikulari u ta’ tagħlim effikaċi u attraenti li jżommu lill-bniet involuti fix-xjenza, u biex jirrikonoxxu u jinvestu f’għalliema bħala muturi ta’ bidla kulturali bil-potenzjal tagħhom biex iżidu l-parteċipazzjoni kontinwa tal-bniet fix-xjenza fl-iskola;

17.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-potenzjal tal-gwida ta' kwalità għall-karrieri u l-involviment fit-taħriġ biex il-bniet jiġu mħeġġa jibqgħu jistudjaw is-suġġetti STEM fl-università;

Ibbilanċjar bejn il-ħajja professjonali u dik personali

18.    Jissottolinja li l-ħtieġa li jiġu rikonċiljati b'suċċess l-obbligi professjonali u tal-familja spiss tirrappreżenta ostaklu ewlieni li jaffettwa speċifikament lin-nisa biex javvanzaw fil-karrieri xjentifiċi u akkademiċi tagħhom, u hija waħda mir-raġunijiet ewlenin li minħabba fiha jieqfu minn dawn il-karrieri;

19.    Jappella għal aktar flessibbiltà fil-kundizzjonijiet tax-xogħol kemm għal riċerkaturi rġiel u nisa, li jippermettulhom jikkombinaw ix-xogħol mal-ħajja tal-familja, u biex titneħħa d-differenza bejn is-sessi fil-pagi fl-interess tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

20.    Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka u partijiet interessati oħra biex ifasslu programmi li jinkoraġġixxu b’mod attiv lin-nisa jkomplu l-karrieri tagħhom wara l-liv ta’ maternità jew parentali, u biex jipprovdu fondi għal programmi ta’ dħul mill-ġdid li għandhom ikunu mfassla skont il-bżonnijiet ta’ kull istituzzjoni u jinkludu t-taħriġ neċessarju sabiex wieħed iżomm aġġornat mal-iżviluppi xjentifiċi, kif ukoll li jippermettu aktar flessibbiltà fir-rigward tal-produzzjoni xjentifika tan-nisa wara t-twelid jew l-adozzjoni ta’ tifel jew tifla u jipprovdu servizzi adegwati ta’ kura tat-tfal, biex jinkoraġġixxu wkoll l-integrazzjoni tal-irġiel fil-ħajja familjari; dawn il-miżuri għandhom ukoll jiġu applikati għar-riċerkaturi li jaħdmu fuq stipendji individwali u persunal fi proġetti ta' riċerka ffinanzjati b'mod estern;

21.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri u r-reġjuni jippromwovu l-iżvilupp ta’ universitajiet u istituti ta’ riċerka li jiffavorixxu l-familja;

22.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħraf il-ħtieġa għal-liv tal-paternità u paga tal-paternità adegwati ħalli jkun affordabbli għall-irġiel li jieħdu l-liv biex jieħdu ħsieb it-tfal u tgħin fil-ġlieda kontra n-norma li l-mara hija l-ġenitur li tieħu pawża fil-karriera, sabiex jingħeleb ix-xkiel ewlieni għal nisa li javvanzaw fil-karrieri tagħhom fix-xjenza u l-akkademja;

Tibdil istituzzjonali u proġetti

23.    Jieħu nota tal-fatt li, flimkien mal-inkoraġġiment tal-karrieri tan-nisa individwali, it-tibdil istituzzjonali huwa meħtieġ sabiex jiġu megħluba l-ostakli għall-inugwaljanzi bejn is-sessi, b'mod speċjali rigward is-segregazzjoni vertikali u l-parteċipazzjoni tan-nisa f'kumitati tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

24.    Jenfasizza l-ħtieġa għal involviment istituzzjonali biex jappoġġja u jinkoraġġixxi dawn il-bidliet billi jiġu stabbiliti standards ġodda, filwaqt li jiġu indirizzati kwistjonijiet li jinqalgħu u jiġi mmonitorjat il-progress, sabiex jippermettu lix-xjentisti nisa jieħdu vantaġġ mill-informazzjoni disponibbli u, fl-istess ħin, isir kontribut attiv għall-ħolqien ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka;

25.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi rakkomandazzjoni lill-Istati Membri li fiha linji gwida komuni dwar il-bidliet istituzzjonali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-universitajiet u l-istituzzjonijiet tar-riċerka;

26.    Jemmen li hemm bżonn ta’ sistematizzazzjoni tal-informazzjoni disponibbli dwar it-tqassim skont is-sessi u l-pożizzjoni ta’ xjentisti nisa fl-Istati Membri sabiex tkun promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istituzzjonijiet tar-riċerka pubbliċi u privati kollha; iqis li hemm ħtieġa għal qbil dwar aktar azzjoni biex tinkoraġġixxi proġetti li għandhom x’jaqsmu ma’ xjentisti nisa;

27.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti prijorità lir-rwol ta' koordinazzjoni tagħha dwar l-inizjattivi ta' integrazzjoni fi ħdan iż-Żona Ewropea tar-Riċerka, u tqajjem kuxjenza u toffri taħriġ rilevanti mmirat għall-partijiet interessati dwar l-importanza tal-integrazzjoni tas-sessi fix-xjenza u l-akkademja; jenfasizza l-ħtieġa ta’ miżuri li jħeġġu ugwaljanza reali bejn is-sessi rigward l-iżvilupp tal-karriera akkademika u xjentifika;

28.    Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni qed tiffinanzja l-ħolqien ta' pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi permezz ta' proġetti taħt is-7 Programm Qafas u l-Orizzont 2020, u jilqa' wkoll il-proġett konġunt tal-Kummissjoni u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi biex tinħoloq għodda onlajn għall-pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi bħala mezz li jiġu identifikati u kondiviżi l-aħjar prattiki mal-partijiet interessati rilevanti; jenfasizza li l-aħjar prattiki proposti għandhom jieħdu kont tal-indipendenza tal-universitajiet u l-organizzazzjonijiet ta' riċerka u l-varjetà tal-istrutturi ta' organizzazzjoni tagħhom bejn l-Istati Membri;

29.    Jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom fi sħubijiet mal-organizzazzjonijiet u l-universitajiet tar-riċerka biex titrawwem bidla kulturali u istituzzjonali rigward is-sessi;

30.    Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu ma’ istituzzjonijiet akkademiċi, sabiex jipprovdu appoġġ u aktar opportunitajiet għal progress fil-karriera għal punti ewlenin ta’ tranżizzjoni bħal bejn karigi ta' dottorat, postdottorat u lectureship;

31.    Jenfasizza l-ħtieġa għal integrazzjoni sħiħa tad-dimensjoni tas-sessi fir-riċerka u l-bilanċ bejn is-sessi fil-parteċipazzjoni f’Orizzont 2020; jemmen li dan se jeħtieġ it-tiġdid tal-isforzi biex tiġi integrata d-dimensjoni tas-sessi fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma li jmiss; jilqa’ l-ħolqien ta’ Grupp Konsultattiv dwar is-Sessi (AGG) tal-Orizzont 2020; jemmen bis-sħiħ li l-objettivi tal Orizzont 2020 se jintlaħqu biss bil-parteċipazzjoni sħiħa tax-xjentisti nisa;

32.    Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu b’mod proattiv ma’ istituzzjonijiet akkademiċi, iħeġġu lin-nisa japplikaw għal pożizzjonijiet u jiżguraw ir-rappreżentazzjoni femminili fuq il-bordijiet ta' intervista fejn possibbli;

33.    Jemmen bil-qawwa li d-dimensjoni tas-sessi hija sors ta’ valur miżjud għar-riċerka u tipprovdi redditu fuq l-investiment; jenfasizza li l-analiżi tas-sessi tista' trawwem l-innovazzjoni u l-kooperazzjoni multidixxiplinarja fix-xjenza u t-teknoloġija;

Passi 'l quddiem

34.    Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu inċentivi lill-istituti ta' riċerka u l-universitajiet biex jintroduċu u japplikaw pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi, jintroduċu dimensjoni tas-sessi fil-programmi ta' riċerka nazzjonali tagħhom, ineħħu ostakli legali u oħrajn għar-reklutaġġ, iż-żamma u l-progress fil-karrieri ta' riċerkaturi femminili, u jimplimentaw strateġiji komprensivi għal tibdil strutturali sabiex jegħlbu l-lakuni eżistenti fl-istituzzjonijiet ta' riċerka u programmi;

35.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw l-iżbilanċi bejn is-sessi fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-korpi responsabbli għall-impjieg u l-promozzjoni tar-riċerkaturi, u biex jikkunsidraw il-ħolqien ta’ pjanijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi bħala prekundizzjoni għall-aċċess għal finanzjament pubbliku fir-riċerka, ix-xjenza u d-dinja akkademika, b’mod partikolari billi jħeġġu l-istabbilimenti tar-riċerka u x-xjenza sabiex jipproduċu rapporti dwar l-isforzi tagħhom biex jintegraw xjentisti nisa u billi jiżguraw għażla miftuħa u trasparenti u proċessi ta’ promozzjoni;

36.    Jirrikonoxxi li l-istrateġiji għall-ugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni ogħla jeħtieġu jindirizzaw ukoll il-fenomeni tal-vjolenza bbażata fuq is-sessi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu strateġiji biex tiġi indirizzata l-vjolenza bbażata fuq is-sessi fuq il-kampusijiet tal-universitajiet u l-kulleġġi, inklużi s-sensibilizzazzjoni, jiffaċilitaw l-aċċess għall-ġustizzja għan-nisa affettwati, u li jinvolvu studenti maskili, akkademiċi u persunal fil-ġlieda kontra l-vjolenza;

37.    Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu lil min iħaddem biex jieħdu miżuri sabiex jiġġieldu kontra l-forom kollha ta’ fastidju psikoloġiku fuq il-post tax-xogħol li jaffettwaw lin-nisa, li jistgħu jwasslu biex il-vittmi jiġu skoraġġuti u, fl-aħħar nett, li jirriżenjaw;

38.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiffaċilitaw komunikazzjoni regolari bejn il-ministri nazzjonali għall-universitajiet u x-xjenza u l-ministri għall-ugwaljanza, jew l-ekwivalenti xieraq, sabiex jiżviluppaw politiki nazzjonali li jinkoraġġixxu u jappoġġjaw lin-nisa fix-xjenza u l-akkademja;

39.    Jistieden lill-Istati Membri jinvolvu l-mezzi tax-xandir u s-settur privat sabiex jeliminaw l-isterjotipi tas-sessi u jippromwovu r-rispett reċiproku; jenfasizza r-rwol tal-mezzi tax-xandir fil-kontinwazzjoni jew il-ġlieda biex jitneħħew l-isterjotipi tas-sessi, u l-potenzjal tal-midja li tippromwovi b’mod proattiv mudelli ta’ rwoli pożittivi għan-nisa u l-bniet li għandu jitħeġġeġ;

40.    Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi jkomplu jiżviluppaw il-metodoloġija eżistenti biex iżommu statistiċi mhux aggregati skont is-sess għall-attività akkademika u xjentifika kollha, flimkien mal-istatistiċi dwar ir-riżorsi umani, u biex jiżviluppaw indikaturi validi ħalli jkejlu proċessi ta' tibdil istituzzjonali, kemm b'mod nazzjonali kif ukoll madwar iż-żona Ewropea ta' riċerka;

41.    Jistieden lill-Istati Membri, lis-settur akkademiku u lill-partijiet interessati rilevanti kollha jintroduċu programmi speċjalizzati fl-edukazzjoni, u b'mod partikolari fl-edukazzjoni terzjarja, sabiex jenfasizzaw is-sinifikat tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

42.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japplikaw b’mod konsistenti l-ibbaġitjar bejn is-sessi fil-programmi u miżuri kollha li jipprovdu finanzjament fil-qasam tax-xjenza, l-akkademja u r-riċerka, u biex jiżviluppaw linji gwida u metodi għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-inklużjoni tad-dimensjoni tal-sessi f’dawn l-oqsma;

43.    Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri statistiċi għall-monitoraġġ tad-destinazzjonijiet ta’ nisa li jitilqu mill-akkademja sabiex jitjieb it-tfassil tal-politika minn istituzzjonijiet akkademiċi u gvernijiet f’oqsma relatati;

44.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw li jipprovdu rikonoxximent pożittiv ta’ istituzzjonijiet akkademiċi li ħadu miżuri biex tiġi indirizzata l-inugwaljanza bejn is-sessi;

45.    Jitlob lill-Kummissjoni tintegra d-dimensjoni tas-sessi f’kontenut xjentifiku u teknoloġiku sabiex jintemmu l-forom sottili ta’ diskriminazzjoni, permezz ta’ inċentivi biex jieħdu kont tas-sess u tal-ġeneru fl-iżvilupp tar-riċerka;

Involviment

46.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jsaħħu n-netwerking fost ix-xjentisti nisa fil-livell nazzjonali, reġjonali u dak tal-UE;

47.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw l-implimentazzjoni ta’ skemi ta’ mentoring, b’enfasi partikolari biex iħeġġu lin-nisa japplikaw għal għotjiet ta’ finanzjament, promozzjonijiet jew opportunitajiet oħra u jappoġġjawhom permezz ta’ dak il-proċess;

48.    Itenni mill-ġdid l-importanza li tiġi żgurata aktar parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet u li jiġi żgurat bilanċ bejn is-sessi fil-bordijiet ta' evalwazzjoni, il-bordijiet tal-għażla u l-kumitati rilevanti l-oħra kollha, kif ukoll il-bordijiet nominati u l-kumitati li jieħdu d-deċiżjonijiet relatati mar-reklutaġġ, il-finanzjament, il-programmi ta' riċerka u l-ippubblikar; jemmen li l-istituzzjonijiet ta' riċerka u l-universitajiet għandhom ikunu mħeġġa jintroduċu miri għall-parteċipazzjoni tan-nisa f'dawk il-korpi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri f’dan ir-rigward biex jibbażaw lilhom infushom fuq il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta’ kumpaniji elenkati fil-Borża u miżuri relatati(6), bil-ħsieb li jipproponu miżuri leġiżlattivi simili għal nisa f’pożizzjonijiet għoljin fil-qasam tax-xjenza u d-dinja akkademika;

49.    Jistieden lill-Kunsill jadotta, matul il-presidenza tal-Lussemburgu, konklużjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fir-riċerka sabiex tkun żgurata rappreżentazzjoni akbar u l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fis-settur tar-riċerka;

50.    Jistieden lill-Parlament jintroduċi premju magħruf bħala "In-nisa u x-xjenza fl-Ewropa", li jingħata lil dawk li jħaddmu (impriżi, istituzzjonijiet u awtoritajiet) li jkunu fuq quddiem fil-promozzjoni tan-nisa fiċ-ċrieki akkademiċi u xjentifiċi, li jappoġġjaw l-aċċess tan-nisa fil-pożizzjonijiet għolja u jiżguraw pagi indaqs;

51.    Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi, permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni, skemi u programmi maħsuba biex iżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fir-riċerka xjentifika;

52.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

Is-saqaf tal-ħġieġ

It-terminu saqaf tal-ħġieġ ġie adottat fl-1986 mill-ġurnalisti tal-Wall Street Journal. Jiddeskrivi l-ostakli inviżibbli (ibbażati fuq il-preġudizzji) li jillimitaw l-avvanz tan-nisa għal pożizzjonijiet ogħla tul il-karrieri tagħhom.

Il-medda tal-kalkolu tas-saqaf tal-ħġieġ tirrifletti l-grad ta' diffikultà li jiffaċċjaw in-nisa biex ikunu jistgħu javvanzaw fil-karriera tagħhom f'livelli simili għal dawk tal-kollegi rġiel tagħhom.

Partikolarment, ir-rwol soċjali presuppost tan-nisa ma jaffettwax biss il-ħajja personali tagħhom, iżda wkoll l-esperjenza tagħhom fuq il-post tax-xogħol, u jikkawża problemi numerużi u kumplessi.

Ir-riċerka turi li l-ħiliet, il-metodi u l-approċċ ġenerali tan-nisa għal mistoqsijiet xjentifiċi jidhru li huma kompletament l-istess bħal dawk tal-irġiel.

B'riżultat ta' dan, in-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed fil-livelli ġerarkiċi ogħla, anke f'setturi fejn jirrappreżentaw maġġoranza, bħal fis-settur tal-edukazzjoni.

Ir-raġunijiet li jwasslu għal din is-sitwazzjoni huma numerużi u kumplessi, kif jidher mill-analiżi bibljografika u r-riċerka mwettqa b'enfasi fuq is-settur tal-edukazzjoni.

Bil-limitazzjoni tal-preżenza tan-nisa fil-qasam tar-riċerka permezz ta' sterjotipi konxji u mhux konxji, qed nirrifjutaw potenzjal importanti li ġie żviluppat fl-universitajiet tagħna u qed niżvalutaw kapital uman b'ħiliet għolja. L-użu insuffiċjenti ta' dan il-kapital uman inaqqas vantaġġ potenzjali għan-negozju li għandu x'jaqsam mar-riċerka u l-innovazzjoni u għall-iżvilupp ekonomiku ġenerali. Ix-xjenza u l-iżvilupp kontinwament jeħtieġu ideat ġodda u bla dubju, l-aħjar fosthom joħorġu f'ambjent divers.

Fl-istess ħin, it-trattament inugwali u d-diskriminazzjoni tan-nisa huwa ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem bażiċi tagħhom.

L-istatistika

Ippubblikata kull tliet snin mill-2003, ix-She Figures tippreżenta statistiċi tar-riżorsi umani u indikaturi fl-iżvilupp tas-settur teknoloġiku u r-riċerka (RTD) u dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fix-xjenza. Ix-She Figures 2012 turi li minkejja l-progress, l-inugwaljanzi bejn is-sessi fix-xjenza għandhom it-tendenza li jibqgħu. Pereżempju, filwaqt li fl-2010, 59 % tal-istudenti gradwati tal-UE kienu nisa, 20 % biss tal-akkademiċi għolja kienu nisa.

Għalkemm il-proporzjon tar-riċerkaturi nisa qed jikber b'mod aktar mgħaġġel minn dak tal-irġiel, fl-2009, 33 % tar-riċerkaturi fl-UE-27 biss kienu nisa. Il-persentaġġ huwa l-aktar baxx fis-settur tal-Intrapriża tan-Negozju, fejn 19 % tar-riċerkaturi kollha biss kienu nisa, meta mqabbla ma' 40 % fis-Settur tal-Edukazzjoni Ogħla u 40 % fis-Settur tal-Gvern.

Il-karriera akkademika tan-nisa tibqa' notevolment ikkaratterizzata minn segregazzjoni vertikali qawwija. Fl-2010, il-proporzjon ta' studenti (55 %) u gradwati (59 %) nisa kien ogħla minn dak tal-irġiel, iżda kien hemm aktar irġiel fost l-istudenti u l-gradwati b'PhD (il-proporzjon ta' studenti nisa kien ta' 49 % u dak tal-gradwati b'PhD 46 %). Barra minn hekk, in-nisa jirrappreżentaw 44 % biss tal-persunal akkademiku tal-grad C, 37 % tal-persunal akkademiku tal-grad B u 20 % tal-persunal akkademiku tal-grad A. In-nuqqas ta' rappreżentanza tan-nisa hija saħansitra aktar impressjonanti fil-qasam tax-xjenza u l-inġinerija. Il-proporzjon tan-nisa żdied minn 31 % biss tal-popolazzjoni tal-istudenti fl-ewwel livell għal 38 % tal-istudenti tal-PhD u 35 % tal-gradwati tal-PhD, iżda kien ta' 32 % tal-persunal akkademiku tal-grad C, 23 % tal-grad B u 11 % biss tal-grad A. Il-gradwati nisa ta' spiss jagħżlu li jibqgħu barra mix-xjenza wara li jkunu lestew il-PhD tagħhom.

Id-diversità tas-sessi fil-bordijiet turi li twassal għal ideat innovattivi, iktar kompetittività u prestazzjoni u governanza korporattiva mtejba. Aktar nisa f'pożizzjonijiet tat-tmexxija juru lid-dinja ta' barra li kumpanija tifhem il-kumplessità tas-swieq dinjin u hija ppreparata biex tikkompeti fil-livell globali.

Studji reċenti li twettqu fl-Istati Uniti juru l-evidenza li qed tikber tar-rwol tal-preġudizzju bejn is-sessi fl-esklużjoni tan-nisa mill-karrieri tax-xjenza. "Studju kawżali u magħmul b'mod ġenerali fl-2012 ta lil fakultà tax-xjenza fl-universitajiet ta' riċerka intensiva, il-materjal tal-applikazzjoni ta' student fittizju assenjat isem maskili jew femminili b'mod każwali u sab li kemm il-fakultà tal-irġiel kif ukoll tan-nisa kklassifikat lill-applikant maskili bħala aktar kompetenti b'mod sinifikanti u iktar kapaċi jiġi impjegat mill-mara bil-materjali tal-applikazzjoni identiċi. Studju tal-2014 sab li kemm l-irġiel u kif ukoll in-nisa kellhom possibbiltà doppja li jimpjegaw raġel għal impjieg li jeħtieġ il-matematika." (Joan C. Williams: The 5 Biases Pushing Women Out of STEM, Harvard Business Review, 5 ta' Marzu 2015).

Ostakli għall-iżvilupp professjonali tan-nisa

Sterjotipi u preġudizzji negattivi stabbiliti minn żminijiet antiki sal-lum (il-preġudizzji jiġġeneraw diskriminazzjonijiet kbar).

Il-Maternità u obbligi familjari oħra

Fi żwiġijiet b'żewġ karrieri, ir-riċerkaturi femminili huma aktar probabbli li jassumu sehem akbar ta' obbligi li għandhom x'jaqsmu mat-trobbija tat-tfal mis-sieħeb tagħhom u anke jippruvaw jissodisfaw l-aspettattivi tas-soċjetà u normalment jaċċettaw pożizzjonijiet iktar baxxi. L-obbligi familjari x'aktarx ikunu waħda mill-iktar raġunijiet importanti għaliex il-gradwati femminili jagħżlu li ma jkomplux wara li jkunu lestew il-PhD tagħhom, peress li jkun wasal iż-żmien biex jibdew familja. Iżda meta jiġu mqabbla mar-riċerkaturi maskili, huwa aktar probabbli li l-fatt li jkollhom it-tfal jinfluwenza l-produttività u l-avvanz fil-karriera tagħhom. Skont ix-She Figures tal-2012, fl-2010, ir-riċerkaturi kienu aktar probabbli li jkollhom it-tfal mill-popolazzjonijiet li jaħdmu, għalhekk, il-miżuri kollha għandhom iqisu l-possibbiltà li tiġi bbilanċjata b'suċċess il-ħajja professjonali u dik privata.

Diskriminazzjoni: id-distinzjoni tal-professjonijiet "maskili u femminili"

Tradizzjonalment, is-soċjetajiet ta' spiss jipperċepixxu li xi professjonijiet huma magħmula għall-irġiel u oħrajn huma magħmula għan-nisa. Dawn l-isterjotipi jwasslu għar-rappreżentazzjoni baxxa tan-nisa fix-xjenza u l-inġinerija. Il-proporzjon ta' nisa fost il-professuri kien l-ogħla fl-istudji umanistiċi u x-xjenzi soċjali, 28.4 % u 19.4 % rispettivament u l-aktar baxx fl-inġinerija u t-teknoloġija, 7.9 %.

Id-differenza fil-pagi

Il-problema tad-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa għandha tiġi rikonoxxuta. Id-differenza fil-pagi hija preżenti wkoll fil-karrieri tar-riċerka u l-universitajiet, u għalhekk hija wieħed mill-fatturi li qed jikkontribwixxu għall-frustrazzjoni possibbli tan-nisa f'dawn is-setturi fir-rigward tal-avvanz bil-mod tal-karrieri tagħhom, flimkien ma' aċċess agħar għall-finanzjament tar-riċerka u għall-ippubblikar u li ġġiegħlhom jabbandunaw il-karrieri tagħhom. Paga inugwali għal xogħol ugwali hija kkunsidrata bħala diskriminazzjoni diretta fil-liġi tal-UE: "Il-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol tal-istess valur(...) jikkostitwixxi aspett importanti tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa u parti essenzjali u indispensabbli tal-acquis communautaire" (id-Direttiva 2006/54/KE).

Nuqqas ta' ambizzjonijiet (nuqqas ta' viżjoni u kunfidenza)

"It-theddida tal-isterjotipi" iġġiegħel lin-nisa jemmnu li huma inqas probabbli li jirnexxu fil-karriera akkademika tagħhom mill-kontropartijiet maskili tagħhom jew li huma inqas kompetenti, li tabilħaqq iġġiegħlhom jaġixxu bħala inqas kompetenti.

Aċċess inugwali għall-professjonijiet, għall-finanzjament

Il-finanzjament u r-riżorsi huma kwistjonijiet importanti ħafna.

Skont ix-She Figures tal-2012, minn 22 pajjiż li għalihom hi disponibbli data tal-2010, 17-il pajjiż irrapportaw rati ta' suċċess ogħla għall-irġiel fil-kisba ta' finanzjament tar-riċerka. Fi tliet Stati Membri tal-UE, l-Iżlanda u n-Norveġja, ir-rati ta' suċċess kienu ogħla għan-nisa.

Skont il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, minn għotjiet mogħtija fl-2007, in-nisa rnexxew ħafna fl-istudji umanistiċi b'sa 50 % tal-għotjiet, iżda fix-xjenzi tal-ħajja, madwar 35 % biss.

Analiżi aktar reċenti tal-Premju Ewropew tal-Postdottorat u l-Investigaturi Żgħażagħ turi li n-nisa qed jirċievu frazzjoni sostanzjali ta' dawn l-unuri prestiġjużi. Fi tliet programmi bħal dawn, in-nisa kellhom rati ta' suċċess aktar baxxi (80-90 % tar-rata maskili), iżda f'xi Azzjonijiet ta' Mobbiltà ta' Marie Curie, in-nisa kellhom rati ta' suċċess ogħla. Dan jista' jidher bħala prova li l-Ibbaġittjar skont is-Sessi tal-UE jaħdem.

Nuqqas ta' ġestjoni bl-esperjenza

Ir-riċerka preċedenti uriet li fil-bordijiet tal-għażla b'parteċipazzjoni ugwali ta' nisa, in-nisa kienu wkoll aktar probabbli li jippreferu kandidati maskili milli kandidati femminili bi kwalifiki ugwali.

Il-fastidju sesswali fuq in-nisa

Ir-riċerka preċedenti wriet li fattur importanti biex tirnexxi fil-karriera akkademika hija li ssib mentor. Madankollu, f'oqsma ddominati mill-irġiel, in-nisa huma aktar probabbli mill-irġiel li jkunu f'relazzjonijiet ta' mentoraġġ bejn is-sessi. Għandhom jiddaħħlu fis-seħħ politiki stretti sabiex jiġi evitat il-fastidju sesswali.

Programmi fuq bażi kontinwa għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi

L-ugwaljanza bejn is-sessi hija waħda mill-prijoritajiet prinċipali ta' "Sħubija ta' Żona Ewropea ta' Riċerka Msaħħa għall-Eċċellenza u t-Tkabbir" (ŻER) u kwistjoni trasversali fl-Orizzont 2020. Inizjattivi oħra jinkludu l-Grupp ta' Ħelsinki dwar is-Sessi fir-Riċerka u l-Innovazzjoni, kampanja mnedija mill-KE magħrufa bħala "Ix-xjenza tgħodd għat-tfajliet!", strateġija "Bidla istituzzjonali" biex tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi f'Organizzazzjonijiet li Jwettqu r-Riċerka (RPO) u Organizzazzjonijiet li Jiffinanzjaw ir-Riċerka (RFO) u grupp ta' esperti ffinanzjat mill-KE "Innovazzjonijiet permezz tas-Sessi".

Proposti biex jiġi aġġustat ir-rwol tan-nisa fix-xjenza (miżuri li għandhom jiġu eliminati)

Xi miżuri li għandhom x'jaqsmu mal-maternità

•   Meta mara twelled jew tadotta tifel/tifla, il-produzzjoni xjentifika tagħha għandha tiġi kkalkolata bħala inqas produttiva għal mill-inqas sena u akkumpanjata minn pawża mix-xogħol meta jkun xieraq.

•   Tnaqqis temporanju tal-attivitajiet ta' tagħlim jew ta' ġestjoni tal-proġett tagħhom waqt il-perjodu tal-maternità.

•   Għandhom jiġu pprovduti crèches ta' kwalità fuq il-post tax-xogħol.

Miżuri ġenerali

•   L-inklużjoni ta' ugwaljanza bejn is-sessi b'mod ġenerali fl-attività akkademika u xjentifika biex jiġu integrati aspetti tas-sessi:

o   Fl-istrutturi (li jżommu statistiċi disaggregati skont is-sessi għall-attività akkademika u xjentifika kollha u li jfittxu bilanċ bejn is-sessi fl-assoċjazzjonijiet professjonali u r-rotazzjoni tal-pożizzjonijiet).

o   Fil-programmi (li jinkludu kontenut dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u li jikkunsidraw l-impatt tas-sessi fuq xogħol ta' riċerka partikolari).

o   Fil-baġit: Is-soċjetà għandha tiffinanzja programmi edukattivi speċifiċi, sabiex tenfasizza s-sinifikat tal-ugwaljanza bejn is-sessi.

•   Is-superviżjoni tal-proċeduri tal-għażla: id-dħul, il-promozzjoni, l-għoti ta' sabbatiċi, l-iffinanzjar ta' proġetti, boroż ta' studju, eċċ.

•   Manwali dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u taħriġ offrut lill-membri tal-bordijiet tal-għażla.

•   Kontabbiltà sistematika tal-progress f'termini tal-ugwaljanza.

•   Assistenza sabiex l-attivitajiet li jużaw il-fondi pubbliċi jirrispettaw il-prinċipji tal-ugwaljanza (mill-kriterji li jirregolaw il-ħatriet fl-Akkademji Rjali għall-kumitati tax-xjenza tal-kungressi u premji nazzjonali jew pożizzjonijiet eliġibbli).

Miżuri ta' Azzjonijiet Pożittivi

•   Flus u/jew pożizzjonijiet riżervati biex jinkiseb bilanċ numeriku bejn in-nisa u l-irġiel.

•   Ir-reklutaġġ attiv tan-nisa (it-tfittxija ta' kandidati potenzjali meta n-nisa ma japplikawx għall-pożizzjoni), partikolarment għall-pożizzjonijiet għolja.

•   Rimedji minn diversi organizzazzjonijiet u fora għall-korrezzjoni jew it-titjib drastiku tas-sitwazzjoni.

Fl-indirizzar tal-kwistjonijiet tas-soqfa tal-ħġieġ li jistgħu jiltaqgħu magħhom in-nisa fil-qasam tax-xjenza u f'oqsma oħra, il-fatt importanti li għandu jiġi nnutat huwa li l-ħġieġ huwa tabilħaqq ħġieġ biss. Ir-rapport se jressaq eżempji ta' kif diversi sitwazzjonijiet u individwi jiltaqgħu mal-ħġieġ – u kif dawn l-ostakli jistgħu jitnaqqsu jew anke jingħelbu, billi jittieħdu miżuri speċifiċi llum li jindirizzaw il-preġudizzju bejn is-sessi u permezz ta' ħidma mal-forza tax-xogħol futura biex jinbnew il-kunfidenza u l-ħiliet u jinbidlu l-perċezzjonijiet.

Xi wħud mis-suġġetti koperti:

1. Il-ħajja ta' mara fl-oqsma li għandhom x'jaqsmu max-xjenza: eżempji li juru l-istatistiċi misjuba fir-riċerka.

2. Ostakli, Kwoti u #HeForShe: il-metodi attwali għall-indirizzar tas-sitwazzjoni u l-mira biex issir differenza.

3. Il-Bini tal-Influwenzi u l-Kunfidenza għandhom jibdew qabel: eżempji ta' organizzazzjonijiet li jibdew ix-xogħol f'etajiet iżgħar u għaliex.

4. Rakkomandazzjonijiet speċifiċi li nistgħu nagħmlu biex nagħmlu differenza eċċ.

Konklużjoni (Riżultat)

Bħala konklużjoni, nistgħu niddefinixxu s-saqaf tal-ħġieġ bħala wieħed mill-ostakli għan-nisa bħala grupp, li jwaqqafhom milli jilħqu l-ogħla pożizzjonijiet fix-xjenza, l-università u l-qasam professjonali. Twettqu ħafna riċerka u stħarriġ gallop (antik u reċenti) b'konnessjoni ma' dan u kważi kollha jaslu għal konklużjoni komuni. Il-miżuri għandhom ikunu radikali u mhux superfiċjali. Il-kooperazzjoni f'livell kollettiv hija ta' importanza kbira u għandha ssir minn kull wieħed u waħda minnha fuq livell individwali u kollettiv.

Dejjem ikun hemm aktar bżonn għal unità tan-nisa b'saħħitha u impenjata. L-Istati Membri għandhom jipprattikaw politiki tal-prattiki aħjar fir-reklutaġġ u l-imjieg tax-xjentisti. Il-kunċett tal-ugwaljanza għandu jibda mill-iskola fejn it-tfal jitgħallmu li huma ugwali f'kull aspett tal-ħajja tagħhom. It-taħriġ tad-diversità għandu jiġi implimentat ukoll mill-iskejjel sabiex in-nisa jiġu appoġġjati fil-professjonijiet STEM. Il-ħtieġa għal leġiżlazzjoni infurzata b'mod kontinwu fir-rigward ta' din il-kwistjoni hija kruċjali.

L-irġiel u n-nisa huma differenti, iżda madankollu jridu u għandhom ikunu ugwali f'dak li jikkonċerna d-drittijiet tagħhom, minkejja l-età, ir-reliġjon, l-istatus tal-familja u l-isfond edukattiv tagħhom.

L-aħjar raġuni biex isir dan hija waħda mogħtija minn Nancy Hopkins: "Il-bidla tal-qlub u l-imħuħ waħda waħda titwettaq bil-mod wisq - ibdel l-istituzzjoni u l-qlub isegwu."

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

14.7.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Catherine Bearder, Malin Björk, Vilija Blinkevičiūtė, Viorica Dăncilă, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Mary Honeyball, Elisabeth Köstinger, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Angelika Niebler, Maria Noichl, Marijana Petir, Liliana Rodrigues, Jordi Sebastià, Michaela Šojdrová, Ernest Urtasun, Elissavet Vozemberg, Jadwiga Wiśniewska, Jana Žitňanská, Inês Cristina Zuber

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Biljana Borzan, Louise Bours, Stefan Eck, Linnéa Engström, Julie Girling, António Marinho e Pinto, Dubravka Šuica, Marc Tarabella

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Therese Comodini Cachia

(1)

ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2015)0050.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2013)0499.

(4)

ĠU C 279E, 19.11.2009, p. 40.

(5)

ĠU C 309, 27.10.2000, p. 57.

(6)

COM(2012)0614.

Avviż legali