Proċedura : 2015/2006(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0239/2015

Testi mressqa :

A8-0239/2015

Dibattiti :

PV 07/09/2015 - 28
CRE 07/09/2015 - 28

Votazzjonijiet :

PV 08/09/2015 - 5.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0292

RAPPORT     
PDF 807kWORD 220k
22.7.2015
PE 554.783v01-00 A8-0239/2015

dwar il-promozzjoni tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ

(2015/2006(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

Rapporteur: Michaela Šojdrová

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-promozzjoni tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ

(2015/2006(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2014 dwar l-intraprenditorija fl-edukazzjoni u t-taħriġ(1),

–       wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE1 tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar il-promozzjoni tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ għat-trawwim tal-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ(2),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (‘ET 2020’)(3),

–       wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (2013/C 120/01),

–       wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (2012/C 398/01),

–       wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2011 bit-titolu "Żgħażagħ f'Moviment – il-promozzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim taż-żgħażagħ"(4),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2009 dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018)(5),

–       wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim ta' matul il-ħajja(6),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ġunju 2013 intitolata "Naħdmu flimkien għaż-żgħażagħ tal-Ewropa: Sejħa għal azzjoni fir-rigward tal-qgħad fost iż-żgħażagħ" (COM(2013)0447),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Jannar 2013 bit-titolu "Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020: Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa" (COM(2012)0795),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Novembru 2012 bit-titolu "Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar" (COM(2012)0669),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2011 bit-titolu "L-Edukazzjoni u t-Taħriġ f’Ewropa intelliġenti, sostenibbli u inklussiva" (COM(2011)0902),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Jannar 2015 bit-titolu "Edukazzjoni dwar l-Intraprenditorija: Triq għas-suċċess",

–       wara li kkunsidra l-gwida Social Europe tal-Kummissjoni ta' Marzu 2013 dwar "Social Economy and Social Enterprises" (ISBN: 978-92-79-26866-3),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2015 dwar is-segwitu għall-implimentazzjoni tal-Proċess ta' Bolonja(7),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2012 dwar l-Edukazzjoni, it-Taħriġ u l-Ewropa 2020(8),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar l-indirizzar tat-tluq bikri mill-iskola(9),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar it-tagħlim fl-ewwel snin tat-tfulija fl-Unjoni Ewropea(10),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Mejju 2010 dwar kompetenzi ewlenin għal dinja li qed tinbidel: l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010(11),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar l-għoti ta’ tagħlim tul il-ħajja għat-tagħrif, il-kreattività u l-innovazzjoni – l-implimentazzjoni tal-"Programm ta’ ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010"(12),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-Opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0239/2015),

A.     billi l-intraprenditorija taż-żgħażagħ teħtieġ li tkun parti importanti integrali tal-istrateġija politika li tappoġġja l-ġenerazzjoni taż-żgħażagħ tal-lum f’termini tal-għanijiet tal-UE għat-tkabbir, l-impjiegi, l-edukazzjoni, l-inklużjoni soċjali u sabiex tnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE;

B.     billi l-intraprenditorija għandha tinftiehem fit-tifsira usa' tagħha bħala l-abbiltà li wieħed ibiddel l-ideat f'azzjonijiet;

C.     billi fi Frar 2015, 4.85 miljun żagħżugħ u żagħżugħa kienu qiegħda fl-UE-28, ċifra li hi għolja inaċċettabbli, u għalkemm il-qgħad fost iż-żgħażagħ qiegħed jonqos – naqas b’494 000 meta mqabbel ma’ Frar 2014 – dan qiegħed iseħħ b’pass kajman wisq;

E.     wara li kkunsidra r-rati għolja ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ u li l-fatt li l-konsolidazzjoni fiskali tal-Istati Membri l-aktar milquta mill-kriżi m’għandhomx jitwettqu għad-detriment ta’ impjiegi meħuda miż-żgħażagħ; billi, bħala riżultat ta’ dan il-qgħad għoli fost iż-żgħażagħ, iż-żgħażagħ qed jesperjenzaw livelli ogħla ta’ faqar u esklużjoni soċjali, speċjalment fil-każ ta' dawk li ġejjin minn gruppi żvantaġġati u vulnerabbli; jirrikonoxxi u jilqa’ b’sodisfazzjon, madankollu, il-fatt li l-impenji saru biex iħaffu l-għoti tal-fondi tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ lill-Istati Membri, iżda jitlob li jkun hemm impenji aktar b’saħħithom min-naħa tal-Kummissjoni biex jindirizzaw din il-problema serja;

D.     billi d-differenza bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ u s-suq tax-xogħol hija waħda mill-kawżi tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u tal-għadd kbir ta’ postijiet vakanti fl-UE u għandha tiġi indirizzata wkoll billi ż-żgħażagħ jingħataw s-setgħa permezz tal-kompetenzi ewlenin, fosthom sens ta’ inizjattiva u intraprenditorija, li huma meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jieħdu sehem, b’mod kunfidenti, fl-ekonomija u s-soċjetà tal-lum ibbażati fuq l-għarfien;

F.     billi l-Unjoni Ewropea, permezz tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin tagħha dwar ''Ħiliet ġodda u l-impjiegi'', ''Aġenda Diġitali għall-Ewropa'', ''Unjoni ta' Innovazzjoni'', u ''Żgħażagħ Attivi'', kif ukoll l-appoġġ immirat għal imprendituri nisa u persuni żvantaġġati u b'diżabbiltà, tippromwovi s-sens ta' inizjattiva u intraprenditorija, billi trawwem attitudni intraprenditorjali u l-għarfien relatat, il-ħiliet u l-kompetenzi relatati li jistgħu jagħtu spinta lill-kompetittività u t-tkabbir li jkunu intelliġenti, sostenibbli u inklużivi;

G.     billi l-intraprenditorija hija mutur importanti ta’ tkabbir ekonomiku u ta' ħolqien ta' impjiegi peress li toħloq kumpaniji u impjiegi ġodda, tiftaħ swieq ġodda, issaħħaħ il-kompetittività, ittejjeb il-produttività u l-innovazzjoni, issaħħaħ il-kompetittività Ewropea u toħloq il-ġid u għandha għalhekk tkun aċċessibbli b'mod ugwali għal kulħadd;

H.     billi l-intraprenditorija, u b’mod partikolari l-intraprenditorija soċjali huma muturi importanti ta’ koeżjoni soċjali u sostenibbiltà li jistgħu jagħtu spinta lill-ekonomija filwaqt li fl-istess ħin jittaffew id-deprevazzjoni, l-esklużjoni soċjali u l-problemi soċjali oħra;

I.      billi l-intraprenditorija u partikolarment l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) huma s-sinsla tal-ekonomija tal-UE u jirrappreżentaw l-aktar sors importanti u primarju ta' impjieg ġdid; billi l-potenzjal intraprenditorjali tan-nisa huwa sors mhux sfruttat biżżejjed tat-tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi;

J.      billi l-kulturi li jivvalutaw u jippremjaw il-kompetenzi intraprenditorjali u l-imġiba intraprenditorjali bħall-kreattività, l-innovazzjoni, l-inizjattiva, it-teħid tar-riskju kkalkulat, il-ħsieb indipendenti u l-identifikazzjoni ta’ opportunitajiet, kif ukoll kwalitajiet ta' tmexxija, jippromwovu propensità għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ġodda għall-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali bl-integrazzjoni ta’ komponenti ta’ għarfien fl-edukazzjoni li jgħaqqdu t-teorija mal-prattika, u b’hekk inaqqsu l-ostakli bejn l-esperjenza tan-negozju u l-edukazzjoni; billi huwa għalhekk ta’ importanza kbira li dawn il-kompetenzi personali jiġu integrati fis-sistema edukattiva u jkunu parti mill-ħajja ta’ kuljum fil-livelli kollha;

K.     billi f’ċerti Stati Membri l-ftuħ ta’ negozji ġodda (ta’ kull tip, inkluża l-intraprenditorija soċjali jew negozju għal xi profitt personali) ma jiġux rikonoxxuti biżżejjed jew inklużi bħala karriera, u hemm ftit li xejn appoġġ għal imprendituri aspiranti fi ħdan is-sistema edukattiva;

L.     billi l-imprendituri żgħażagħ jiffaċċjaw bosta sfidi u diffikultajiet, inkluż nuqqas ta' esperjenza, ħiliet xierqa u aċċess għall-finanzi u l-infrastruttura;

M.    billi studji reċenti jissuġġerixxu li l-kompetenzi intraprenditorjali jistgħu jiġi mgħallma u li l-edukazzjoni intraprenditorjali, jekk imfassla tajjeb, implimentata u tkun aċċessibbli għal kulħadd, jista’ jkollha impatt pożittiv ħafna fuq il-ħajja tan-nies u l-impjegabbiltà tagħhom, kif ukoll ir-rati għall-bidu u r-rati ta’ sopravivenza tal-intrapriżi;

N.     billi sabiex iwasslu għal konklużjonijiet robusti, il-kejl tal-impatt tal-edukazzjoni intraprenditorjali għandu jsir b'approċċ kritiku, kif ukoll ibbażat fuq evidenza soda u li jistrieħ fuq għodod u tekniki statistiċi stabbiliti;

O.     billi l-edukazzjoni intraprenditorjali għandha tinkorpora dimensjoni soċjali inkluż it-tagħlim dwar il-kummerċ ġust, l-intrapriżi soċjali u mudelli ta’ negozju alternattivi bħal pereżempju, il-kooperattivi bil-għan li tinkiseb ekonomija soċjali, inklużiva u sostenibbli;

P.     billi attitudni imprenditorjali ttejjeb l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, toħloq f’dik il-persuna kwalitajiet li huma essenzjali biex jingħelbu d-diffikultajiet kemm fil-ħajja professjonali kif ukoll f'dik privata, u tgħin biex tiġi evitata żieda fil-faqar u l-esklużjoni soċjali; billi aċċess aktar faċli għal mekkaniżmi ta’ mikrofinanzjament jista’ jgħin biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;

Q.     billi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali b’mod ġenerali huma ta’ importanza primordjali fir-rigward tal-iżvilupp personali ta’ kull individwu, u għalhekk għandhom ikunu vasti biżżejjed sabiex jiġu stabbiliti l-pedamenti għall-iżvilupp tul il-ħajja u l-approfondiment ta’ għarfien u l-akkwiżizzjoni ta' ħiliet trasversali, u prattiki biżżejjed, u b’hekk jippermettu lill-individwi jkollhom karrieri reali u ħajja professjonali u privata ta’ valur; billi hemm korrelazzjoni diretta bejn it-taħlita b’suċċess ta’ dawn iż-żewġ aspetti tal-edukazzjoni u t-tnaqqis fir-riskju tal-qgħad fost iż-żgħażagħ;

R.     billi l-ispirtu u l-ħiliet tal-intraprenditorija jistgħu jiġu akkwistati, mgħallma u żviluppati minn kull individwu; billi kull tip u livell ta’ edukazzjoni jikkorrispondi għal opportunità speċifika għall-bini speċifiku ta' ċerti ħiliet u kapaċitajiet għall-intraprenditorija bħala parti mill-akkwist ġenerali ta’ kompetenzi ewlenin;

S.     billi l-ħiliet intraprenditorjali huma marbuta ma’ settijiet oħra ta’ ħiliet bħall-ħiliet fl-ICT, il-ħiliet ta’ soluzzjoni tal-problemi u l-litteriżmu finanzjarju li għandhom jiġu promossi;

T.     billi l-edukazzjoni u t-taħriġ huma ta’ importanza ewlenija f’termini ta’ motivazzjoni u ta' possibbiltajiet għaż-żgħażagħ biex jibdew il-proġetti intraprenditorjali tagħhom stess;

U.     billi l-edukazzjoni, bħala ġid pubbliku, għandha tkun kompletament inklużiva u integrata billi jsir enfasi speċjali fuq l-għoti ta’ aċċess ugwali għall-istudenti li ġejjin minn ambjenti soċjoekonomiċi differenti;

V.     billi ż-żgħażagħ ikunu f'qagħda aħjar biex jinvolvu ruħhom f'negozju fuq skala transnazzjonali jekk ikunu jafu lingwi oħrajn;

W.    billi l-gruppi sottorappreżentati u żvantaġġati jeħtieġu attenzjoni speċjali u appoġġ matul l-edukazzjoni tagħhom, anke permezz tal-involviment tal-ġenituri u tal-komunitajiet fil-proċess edukattiv, kif ukoll jeħtieġu għajnuna sabiex jibdew, imexxu jew ikabbru negozju jew intrapriża;

X.     billi ż-żgħażagħ jibbenefikaw mit-taħriġ u l-edukazzjoni intraprenditorjali kif ukoll mill-esperjenza intraprenditorjali prattika, li jgħinu jiżviluppaw il-ħiliet u t-talent tagħhom filwaqt li jgħinuhom jiżviluppaw il-kunfidenza, u jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' negozji ġodda, l-impjegabbiltà u l-innovazzjoni; billi l-intraprenditorija hi għażla li mhijiex sfruttata biżżejjed għal ħafna żgħażagħ b'diżabbiltà;

Y.     billi l-intrapriżi soċjali u inklużivi jipparteċipaw b'mod attiv fi tkabbir sostenibbli innovattiv, jippromwovu koeżjoni akbar fi ħdan is-soċjetà u l-komunitajiet lokali, u jistgħu joħolqu opportunitajiet ta' impjieg għaż-żgħażagħ, inklużi dawk li huma soċjalment vulnerabbli u dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol;

Z.     billi ma hemmx biżżejjed nies li jsegwu l-ideat tagħhom biex jibdew negozju, u hemm, b’mod sproporzjonat, anke inqas nisa milli rġiel imprendituri (aktar u aktar fil-każ tan-nisa li ġejjin minn gruppi soċjali vulnerabbli u jiffaċċjaw diskriminazzjoni doppja), u, filwaqt li l-imprendituri nisa għandhom bħala medja edukazzjoni ogħla minn imprendituri rġiel, iżda huma wkoll aktar attivi f’setturi inqas innovattivi, li qed jikbru inqas malajr, b’kumpaniji iżgħar minn dawk tal-imprendituri rġiel; billi jeħtieġ li jiġu promossi b'mod attiv modi biex jingħelbu l-fatturi li jiskoraġġixxu partikolarment lin-nisa milli joħolqu l-intraprenditorija jew li jibbenefikaw aktar minnha(13);

AA.  billi f'ċerti Stati Membri kmamar tal-artiġjanat, l-industrija u l-kummerċ joffru programmi mmirati biex jappoġġjaw negozji ġodda;

AB.  billi l-edukazzjoni u t-taħriġ huma prinċipalment kompetenzi nazzjonali u ċerti Stati Membri għad iridu jiżviluppaw politika trasversali, jew approċċ strateġiku għall-edukazzjoni jew il-kurrikuli intraprenditorjali u l-metodi ta’ tagħlim; billi mhux l-għalliema u dawk li jmexxu l-edukazzjoni kollha fl-Ewropa huma mħarrġa biżżejjed fl-edukazzjoni intraprenditorijali, jew permezz ta’ żvilupp professjonali kontinwu tagħhom jew permezz ta’ taħriġ inizjali, li jista' jkollu impatt fuq il-potenzjal ta’ intraprenditorija biex jiġi inkorporat biżżejjed fis-sistemi edukattivi(14);

AC.  billi l-għalliema għandhom ikunu kapaċi jikkomunikaw ma’ imprendituri u jiddefinixxu l-għanijiet ta’ tagħlim fi sħubija magħhom u jingħataw appoġġ u riżorsi xierqa sabiex jimplimentaw strateġiji li jiffukaw fuq l-istudent u li jadattaw il-metodi tat-tagħlim tagħhom għall-ħtiġijiet tal-istudenti vulnerabbli tagħhom;

AD.  billi l-attivitajiet ta’ tagħlim mhux formali u informali jikkomplementaw u jsaħħu t-tagħlim formali billi joffru tipi diversi ta' esperjenzi ta’ tagħlim li jagħtu s-setgħa, u għalhekk għandhom jiġu rikonoxxuti bħala l-aqwa sorsi li permezz tagħhom jinkisbu u jiġu żviluppati l-kompetenzi tal-intraprenditorija;

AE.   billi t-tagħlim formali u informali jista' jkollu rwol ewlieni fl-iżvilupp u s-sostenn ta' ħiliet intraprenditorjali speċjalment fost il-gruppi marġinalizzati;

AF.   billi l-attivitajiet ta’ tagħlim mhux formali u informali huma b’mod partikolari rilevanti għaż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet billi jipprovdulhom sors addizzjonali ta’ tagħlim u triq possibbli lejn l-edukazzjoni u t-taħriġ formali;

AG.  billi t-tagħlim minn imprendituri ta' esperjenza jagħti stampa pożittiva tal-ispirtu intraprenditorjali u jiffaċilita l-pass lejn l-intraprenditorija;

AH.  billi l-intraprenditorija, inkluża l-intraprenditorija soċjali, għandha tiġi integrata fit-taħriġ tal-għalliema u tal-konsulenti tal-karrieri;

AI.    billi s-sistemi edukattivi nazzjonali qegħdin jevolvu b’rati differenti b’reazzjoni għal bidliet fis-suq tax-xogħol;

AJ.   billi l-programm Erasmus+, li beda jopera mill-2014 sal-2020, għandu l-għan li jimmodernizza l-edukazzjoni, it-taħriġ u x-xogħol taż-żgħażagħ madwar l-Ewropa u huwa miftuħ għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet sportivi fis-setturi kollha tat-tagħlim tul il-ħajja; billi dan se jipprovdi opportunitajiet għal aktar minn 4 miljun Ewropew biex jistudjaw, jitħarrġu, jiksbu esperjenza ta’ xogħol u jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom;

AK.  billi l-intraprenditorija diġà għandha rwol fil-Programm Erasmus+, li huwa wieħed mir-riżultati mistennija tal-azzjonijiet ta’ mobbiltà;

AL.   billi huwa importanti li tiġi promossa u titħeġġeġ il-mobbiltà ta’ imprendituri żgħażagħ permezz ta’ programmi, bħal pereżempju l-Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ (2009-2015), li jippermetti lill-imprendituri żgħażagħ biex jieħdu sehem fi skambji transkonfinali u biex jitgħallmu minn imprendituri ta’ esperjenza li jmexxu negozji żgħar, kif ukoll joħloq opportunitajiet biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri fl-intraprenditorija; billi jeħtieġ li jiġu allokati aktar fondi għal programmi bħal dawn sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ;

AM. billi ż-żgħażagħ huma inklinati li jesprimu preferenza li jaħdmu għal rashom u madwar 45 % taż-żgħażagħ bejn il-15 u l-24 sena jgħidu li jippreferu jaħdmu għal rashom(15);

AN.  billi l-komunità kummerċjali fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew tista' tagħti kontribuzzjonijiet konsiderevoli fil-forma ta’ volontarjat ibbażat fuq il-ħiliet, is-sħubijiet mal-istituzzjonijiet edukattivi u l-kollaborazzjoni ma’ dawk li jfasslu l-politika;

AO.  billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jagħtu kontributi konsiderevoli (gruppi mhux governattivi bħal trejdjunjins, assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem u gruppi soċjali oħra), fosthom il-Junior Achievement – l-inizjattiva Young Enterprise Europe li tipprovdi edukazzjoni u taħriġ informali u tul il-ħajja dwar l-intraprenditorija; billi dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom bżonn aktar rikonoxximent, minkejja li ma jistgħux iwasslu għal kwalifika formali ċertifikata; billi dawn il-kontribuzzjonijiet isiru wkoll minn intrapriżi li jipprovdu taħriġ għalihom infushom;

Enfasi fuq il-ħiliet u l-kompetenzi intraprenditorjali

1.      Jirrikonoxxi r-rwol tat-tagħlim tul il-ħajja u l-mobbiltà internazzjonali bħala fatturi li jikkostitwixxu miżura ewlenija fir-rispons tal-Ewropa għall-globalizzazzjoni u l-bidla għal ekonomiji msejsa fuq l-għarfien; jinnota, b’mod partikolari, l-importanza tas-"sens ta’ inizjattiva u intraprenditorija", kif inklużi fost it-tmien "Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja – Qafas ta’ Referenza Ewropew", meqjusa meħtieġa mill-individwi kollha għat-twettiq u l-iżvilupp personali, iċ-ċittadinanza Ewropea attiva u l-parteċipazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-impjiegi;

2.      Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-ħiliet intraprenditorjali għaż-żgħażagħ permezz ta’ azzjoni leġiżlattiva li tiżgura traineeships ta' kwalità li jiffukaw fuq it-tagħlim ta’ kwalità u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati bħala għodod biex irawmu l-impjegabbiltà, kif propost mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas ta’ Kwalità għat-Traineeships ;

3.      Jenfasizza l-ħtieġa ta’ definizzjoni wiesgħa u ċara tal-kompetenza ewlenija "sens ta’ inizjattiva u intraprenditorija", li tinvolvi t-trawwim ta' attitudni intraprenditorjali kkaratterizzata mill-proattività, il-kreattività, l-innovazzjoni u t-teħid tar-riskju, kif ukoll l-abbiltà tal-ippjanar u l-ġestjoni tal-proġetti sabiex jintlaħqu l-għanijiet, u anki l-idea li l-individwu jkun konxju mill-kuntest tax-xogħol tiegħu/tagħha u li jkun kapaċi jaħtaf l-opportunitajiet li jinħolqu, fir-rigward tal-intraprenditorija kif ukoll l-attività ta' xogħol (f'dan l-aħħar każ imsejjaħ "intraprenditorija"); għandu fiduċja fis-setturi tal-industrija kreattiva u l-intrapriżi relatati mal-kultura, li jistgħu jenfasizzaw l-opportunitajiet tan-negozju, speċjalment għaż-żgħażagħ;

4.      Ifakkar li l-industriji kreattivi huma fost l-aktar setturi intraprenditorjali, billi jiżviluppaw ħiliet trasferibbli bħall-ħsieb kreattiv, is-soluzzjoni ta’ problemi, ix-xogħol f’tim u l-milja ta' riżorsi;

5.      Jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ wiesa’ għall-intraprenditorija bħala sett ta’ kompetenzi ewlenin trasversali għal skopijiet personali u professjonali;

6.      Jenfasizza l-importanza ta’ monitoraġġ organizzattiv u ħiliet ta' awditjar; jinkoraġġixxi b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ awditjar soċjali u ambjentali, bħala għodda ta’ monitoraġġ innovattiv;

7.      Jinsab konvint li l-ħiliet u l-kompetenzi intraprenditorjali kif ukoll dawk trasversali, transettorjali, speċifiċi għall-impjieg u l-ħiliet u l-kompetenzi speċifiċi għall-impjieg għandhom jiġu promossi sabiex jiżdiedu r-rati ta’ impjieg indipendenti fost iż-żgħażagħ u biex jipprovdu lill-ġenerazzjoni żagħżugħa b’opportunità reali biex jibdew in-negozji tagħhom stess u sabiex jgħinu kemm lilhom infushom kif ukoll lis-soċjetà b’mod ġenerali;

8.      Jinsab konvint li l-pass meħtieġ li jmiss huwa li jiġi speċifikat fid-dettall kif il-qafas tal-kompetenzi ewlenin jista' jiġi implimentat aktar b’mod xieraq f’kull livell tal-edukazzjoni għall-kompetenza intraprenditorjali, billi jiġu inklużi l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet intraprenditorjali bħala eżitu ta' tagħlim ta’ kull programm ta’ apprendistat u edukattiv speċifiku;

9.      Jenfasizza li fil-livelli u t-tipi kollha tal-edukazzjoni għandu jiġi pprovdut it-tagħlim ta’ ħiliet intraprenditorjali prattiċi u t-trawwim ta’ motivazzjoni, is-sens ta' inizjattiva u r-rieda, flimkien ma' sens ta' responsabbiltà soċjali; jemmen li l-moduli f'ambjent dwar il-bażi tal-finanzi, tal-ekonomija u tan-negozju għandhom jiġu integrati fil-kurrikuli tal-iskejjel, u għandhom jiġu akkumpanjati minn konsulenza, tutoring u gwida għall-karriera għall-istudenti, inklużi studenti żvantaġġati, sabiex jappoġġjaw u jiffaċilitaw il-fehim tagħhom tal-proċess intraprenditorjali u jiżviluppaw attitudni intraprenditorjali; jissottolinja r-rwol tat-tagħlim informali u indipendenti, inkluż il-volontarjat, biex iż-żgħażagħ ikollhom spirtu u ħiliet intraprenditorjali;

10.    Jitlob lill-Kummissjoni tenfasizza l-importanza u r-rwol ta’ forom differenti ta’ intraprenditorija soċjali, li spiss huma mezz tajjeb biex iż-żgħażagħ Ewropej jiksbu l-ewwel esperjenza fin-negozju;

11.    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati pedagoġiji innovattivi li huma aktar parteċipattivi u ffukati fuq l-istudent, bil-għan li titħeġġeġ l-akkwiżizzjoni ta’ sett ta’ kompetenzi trasversali meħtieġa għall-iżvilupp ta’ attitudni intraprenditorjali;

12.    Jirrakkomanda li għandha titħeġġeġ l-intraprenditorija bħala parti minn edukazzjoni ogħla u proġetti ta’ gradwati, inklużi wkoll mudelli ta’ intraprenditorija soċjali;

13.    Jirrimarka li l-promozzjoni tal-intraprenditorija permezz tal-edukazzjoni tista’ tirnexxi biss b’mod sinifikanti jekk l-aspetti ekonomiċi u soċjali jidhru b’mod bilanċjat fi strateġiji edukattivi;

14.    Jenfasizza li l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar jistgħu jirnexxu l-aktar permezz tal-intraprenditorija soċjali, li tista' tagħti spinta lill-impjiegi, u bl-istabbiliment ta’ attitudni intraprenditorjali li se tkun sostanzjalment ta’ benefiċċju għal persuni żvantaġġati;

15.    Jenfasizza li t-taħriġ doppju u l-programmi ta’ studju sponsorjati mill-kumpaniji wrew li huma essenzjali biex jagħtu l-kompetenzi ewlenin tal-kumpaniji f’dawk l-Istati Membri fejn joperaw programmi bħal dawn;

16.    Iħeġġeġ impenn sħiħ u sħubija bejn il-partijiet interessati kollha u b’mod partikolari, l-organizzazzjonijiet intraprenditorjali lokali, in-negozji u l-istituzzjonijiet edukattivi biex jikkondividu l-aħjar prattiki u esperjenzi u biex itejbu l-ħiliet intraprenditorjali taż-żgħażagħ u l-edukazzjoni fl-Istati Membri kollha;

17.    Jenfasizza li rabta mill-qrib bejn it-taħriġ tal-kumpaniji u l-edukazzjoni regolari hija mudell ta’ suċċess li għandha tissaħħaħ u tiġi promossa madwar l-Ewropa u lil hinn minnha;

18. Jappella biex ikun hemm kollaborazzjoni aktar mill-qrib mas-settur privat u s-sħab soċjali li tinkoraġġixxi kultura ta' teħid ta' riskju, intraprenditorija u innovazzjoni (pereżempju permezz ta' impenji strutturali bħal faċilitajiet għall-innovazzjoni u l-iskambju ta' ideat);

19.    Jinsab konvint li l-użu b’suċċess tal-abbiltà intraprenditorjali huwa aktar u aktar dipendenti fuq il-koeżistenza tal-midja u l-kompetenza diġitali u li din l-interrelazzjoni għandha tirċievi attenzjoni akbar fl-edukazzjoni u t-taħriġ; jenfasizza l-importanza li ż-żgħażagħ kollha bil-kompetenzi tal-ICT u l-ħiliet intraprenditorjali u trasversali li jippermettulhom jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tad-dinja diġitali sabiex tgħinhom joħolqu forom ġodda ta’ żvilupp, jagħtu u jippromwovu l-intraprenditorija, u b’hekk isiru aktar kapaċi jikkompetu għal impjieg, li jaħdmu għal rashom, jitgħallmu jifhmu aħjar l-imġiba tal-impjegaturi prospettivi tagħhom u l-ħtiġijiet, u jikkontribwixxu għall-kapaċità innovattiva u kompetittiva ta’ organizzazzjoni ta’ min iħaddem;

20.    Jenfasizza li l-kompetenza tal-intraprenditorija għandha tiġi żviluppata u mtejba tul il-ħajja, inkluż permezz tal-esperjenza tax-xogħol u t-tagħlim mhux formali u informali u l-validazzjoni tagħha għandha tissaħħaħ u tiġi appoġġjata peress li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-karrieri;

21.    Jirrikonoxxi li element ewlieni fit-tagħlim tal-intraprenditorija huwa t-tħejjija adegwata tal-għalliema, u b’mod partikolari l-bżonn urġenti għal taħriġ ta’ kwalità għolja sabiex tiġi żgurata l-awtentiċità tal-proċess edukattiv;

22. Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu kontra l-ostakli li jiffaċċjaw l-imprendituri żgħażagħ b'diżabbiltà billi jipprovdu taħriġ għall-fornituri ta' servizzi li r-responsabbiltajiet tagħhom jinkludu appoġġ għall-persuni b'diżabbiltà, u billi jadattaw il-bini li fih jingħata l-appoġġ sabiex jagħmluh aċċessibbli għal dawk li għandhom problemi ta' mobbiltà;

23. Jinnota li l-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-edukazzjoni sekondarja u terzjarja tippermetti aktar djalogu fost iż-żgħażagħ u tħeġġeġ l-innovazzjoni;

24. Jenfasizza l-ħtieġa li titjieb il-kultura intraprenditorjali fl-edukazzjoni terzjarja billi jiġi appoġġjat u faċilitat il-ħolqien ta' kumpaniji ġodda miż-żgħażagħ abbażi tar-riċerka akkademika (spin-offs), jitnaqqas il-piż burokratiku involut fil-ħolqien ta' dawn il-kumpaniji, u jinħoloq qafas regolatorju ċar u ta' appoġġ għall-istudenti imprendituri; iqis, f'dan il-kuntest, li l-iskejjel u l-universitajiet għandhom jagħtu żmien, spazju u rikonoxximent għall-inizjattivi taż-żgħażagħ sabiex dawn jingħataw il-kunfidenza meħtieġa biex jaħdmu fuq proġetti ġodda, li tista' tkun riżorsa utli għall-ħolqien ta' negozji indipendenti; jilqa’ l-inizjattivi li jippremjaw liż-żgħażagħ għal impriżi ta’ negozju ta’ suċċess (pereżempju, premju għall-aqwa kumpanija tas-sena mwaqqfa minn student); jenfasizza wkoll l-importanza ta’ kumpaniji li jagħtu ċ-ċans liż-żgħażagħ li jiksbu l-ewwel esperjenza ta’ xogħol intern dirett; itenni l-bżonn li jiġu promossi żjarat tal-kumpaniji u skemi ta’ apprendistat b'dawn l-għanijiet, b’mod li ż-żgħażagħ jingħataw ħarsa ġenerali mid-dinja tan-negozju;

25.    Jenfasizza li l-komunità tan-negozji għandha rwol ewlieni fl-edukazzjoni u t-taħriġ intraprenditorjali billi tipprovdi tagħlim ibbażat fuq esperjenzi li jikkumplementaw l-edukazzjoni teoretika taż-żgħażagħ;

26. Jenfasizza r-rwol kruċjali ta' għadd ta' assoċjazzjonijiet ta' imprendituri żgħażagħ fit-trawwim tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ, billi joffrulhom l-opportunità li jiżviluppaw proġetti innovattivi u jiksbu esperjenza fin-negozju u jagħtuhom l-għodod u l-kunfidenza meħtieġa sabiex isiru imprendituri;

Ir-rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE – koordinazzjoni, metodoloġija u għodod finanzjarji

27.    Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom u f'konformità sħiħa mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, biex jiżviluppaw appoġġ metodoloġiku u għodod sabiex is-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni jsiru disponibbli fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ intraprenditorjali, inkluża l-intraprenditorija soċjali, u biex isegwu approċċ koordinat li jitlob lill-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri biex jikkooperaw aktar mill-qrib ma’ kumpaniji sabiex ixerrdu l-fatturi ewlenin meħtieġa biex jitjieb l-ambitu intraprenditorjali; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-ammont ta’ appoġġ għal imprendituri żgħażagħ taħt il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej;

28.    Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni japplikaw perspettiva ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri fir-rigward tal-metodoloġija, il-komunikazzjoni u l-għodod finanzjarji, sabiex jinkoraġġixxu involviment akbar fl-intraprenditorija tal-bniet u n-nisa żgħażagħ;

29.    Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi u ssaħħaħ it-traineeships intraprenditorjali u l-programmi ta’ skambju, tagħti opportunitajiet liż-żgħażagħ biex jiksbu esperjenza prattika u tiffaċilita l-iskambju ta’ għarfien u esperjenza;

30.    Jistieden lill-Kummissjoni telabora strateġija komprensiva għall-iżvilupp ta’ ħiliet trasversali bħall-ħsieb kritiku, is-soluzzjoni tal-problemi, l-inizjattiva, il-kollaborazzjoni, il-kooperazzjoni, l-awtoġestjoni, l-ippjanar, it-tmexxija u l-bini ta’ tim, fil-livelli u t-tipi kollha ta’ edukazzjoni u taħriġ, b’kont meħud li dawn huma ta’ benefiċċju għal firxa wiesgħa ta’ professjonijiet u setturi;

31.    Jistieden lill-Kummissjoni tiffoka aktar fuq it-titjib tal-iżvilupp u l-valutazzjoni ta’ ħiliet trasversali, inkluża l-intraprenditorija u l-kompetenza diġitali, fi ħdan il-programm Erasmus+, filwaqt li jissottolinja li dan il-programm m’għandux ikun unilateralment orjentat lejn il-kunsiderazzjonijiet tal-impjegabbiltà u li aċċess faċli għal attivitajiet intraprenditorjali għandhom jinżammu, b’mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni mhux formali u informali; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tippromwovi riformi tal-politika tal-edukazzjoni fl-Istati Membri li joħolqu qafas ta’ politika koerenti għall-Istati Membri u l-UE f’dan ir-rigward;

32.    Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-monitoraġġ ta’ ħiliet fl-ICT, il-ħiliet għas-soluzzjoni ta’ problemi u tal-litteriżmu finanzjarju; jistieden lill-Kummissjoni twettaq riċerka lonġitudinali f’dan il-qasam;

33.    Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u l-kumpaniji permezz tal-użu tal-Fond Ewropew ta’ Investiment Strateġiku u, b'mod partikolari, il-Fond Soċjali Ewropew, biex tħeġġeġ it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol fil-kumpaniji u trawwem il-kompetenzi intraprenditorjali fil-livell nazzjonali u lokali;

34.    Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja netwerk Ewropew tal-Edukazzjoni tal-Intraprenditorija, fuq linji bħal dawk tan-Netwerk Ewropew tal-Edukazzjoni tal-Intraprenditorija (EE-HUB), stabbilit f’Mejju 2015 u appoġġjati minn organizzazzjonijiet Ewropej u partijiet interessati oħra fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali, kif ukoll billi l-awtoritajiet edukattivi nazzjonali, li se jiġbru u jiskambjaw l-aħjar prattiki jinqasmu bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, l-organizzazzjonijiet edukattivi, istituzzjonijiet ta’ taħriġ professjonali, in-negozji, l-awtoritajiet u s-sħab soċjali;

35.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura koordinament koerenti u effikaċi fil-qasam tal-edukazzjoni intraprenditorjali fil-kuntest tal-istrateġija usa' ta' tagħlim tul il-ħajja tal-UE, l-istrateġiji globali tal-UE u l-Pjan tal-Kummissjoni Juncker;

36.    Jipproponi li l-Kummissjoni żżomm l-edukazzjoni u t-taħriġ intraprenditorjali bħala wieħed mill-objettivi tal-programm futur Erasmus+ fil-perjodu finanzjarju li jmiss (wara l-2020) fl-azzjonijiet kollha tiegħu, inkluża l-mobbiltà, filwaqt li jkun fih l-elementi li ġejjin:

(i)     l-evalwazzjoni bir-reqqa tal-impatt ta’ miżuri eżistenti li jippromwovu l-intraprenditorija permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-adattament potenzjali tagħhom, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-impatt fuq gruppi żvantaġġati u sottorappreżentati,

(ii)     il-promozzjoni ta’ kontenuti tat-tagħlim u għodod definiti aħjar tal-kurrikulu tal-edukazzjoni formali u mhux formali mmirati lejn l-istudenti kollha – moduli teoretiċi u prattiċi, bħal proġetti intraprenditorjali tal-istudenti,

(iii     appoġġ għall-kwalifiki inizjali tal-għalliema, l-edukaturi, il-ħaddiema żgħażagħ, il-ħarrieġa u l-mexxejja tal-edukazzjoni, u l-iżvilupp professjonali kontinwu u l-awtorizzazzjoni tagħhom fil-qasam tal-edukazzjoni intraprenditorjali,

(iv)    il-promozzjoni ta’ sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, l-intrapriżi, l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-fornituri tal-edukazzjoni mhux formali, sabiex jitfasslu korsijiet xierqa u l-istudenti jingħataw l-esperjenza prattika u l-mudelli rekwiżiti,

(v)    l-iżvilupp ta’ ħiliet fl-oqsma tal-proċessi intraprenditorjali, litteriżmu finanzjarju, litteriżmu u ħiliet tal-ICT, il-ħsieb kreattiv, il-kreattività, l-utilità kreattiva, is-soluzzjoni tal-problemi u l-attitudni innovattiva, l-awtostima, il-fiduċja fl-ideat ta' dak li jkun, l-adattabbiltà, l-ispirtu ta’ tim, il-ġestjoni ta’ proġetti, il-valutazzjoni tar-riskju u t-teħid ta’ riskju, kif ukoll ħiliet u għarfien speċifiċi tan-negozju;

(vi)    it-tneħħija tal-ostakli fiżiċi u diġitali kollha li persuni b’diżabbiltà għadhom jiffaċċjaw, peress li l-integrazzjoni sħiħa tagħhom fis-suq tax-xogħol tista’ tkun ta’ importanza kbira għall-promozzjoni ta’ kultura tan-negozju sostenibbli u koeżiva;

(vii)   l-enfasi fuq it-tagħlim mhux formali u informali bħala ambjent privileġġat fejn jistgħu jinkisbu kompetenzi intraprenditorjali;

37.    Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga u tindirizza l-fatturi li jiskoraġġixxu lin-nisa milli jsiru imprendituri, filwaqt li speċifikament tippromwovi l-aċċess għal finanzjament u servizzi ta’ appoġġ għal imprendituri nisa żgħażagħ;

38.    Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina u tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri;

39.    Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi kooperazzjoni aħjar u l-iskambju ta’ prattiki tajba bejn l-Istati Membri li diġà integraw l-edukazzjoni intraprenditorjali fil-kurrikulu tagħhom u kisbu progress aħjar fil-promozzjoni tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ u dawk l-Istati Membri li għadhom fil-bidu ta’ dan il-proċess;

40.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkompila, sal-aħħar tal-2017, "l-aħjar prattika" għat-tixrid tal-abbiltà intraprenditorjali u l-promozzjoni tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ fl-Istati Membri, tippreżenta rapport dwar dan lill-Parlament u tqis ir-riżultati ta’ din il-ħidma meta tevalwa l-proċeduri ta’ finanzjament tagħha stess;

41.    Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-edukazzjoni intraprenditorjali bħala mezz biex irawmu kompetenzi trasversali għal ġestjoni aħjar tal-ħajja personali u professjonali tal-istudenti;

42.    Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-miżuri konkreti implimentati mill-Istati Membri b'appoġġ għall-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ, tiddedika attenzjoni speċjali għall-promozzjoni u l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar ir-riżultati u tinkoraġġixxi u tappoġġja lill-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet fl-iskambju ta' prattiki tajbin, il-kondiviżjoni ta' ideat, għarfien u esperjenza, u l-iffurmar ta' sħubijiet strateġiċi transettorjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw parametri referenzjarji u mudelli, kif ukoll strumenti u proġetti komuni, sabiex jippromwovu l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ;

43.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-ebda miżura li tittieħed mill-Istati Membri ma tostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema, sabiex iż-żgħażagħ li għażlu karriera fin-negozju jkunu jistgħu jiżviluppaw l-attività tagħhom fejn jixtiequ fl-Unjoni Ewropea;

Ir-rwol tal-Istati Membri

44.    Jistieden lill-Istati Membri, kif ukoll lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, jagħmlu ħilithom biex jippromwovu l-iżvilupp ta’ taħriġ għat-tnedija u l-ġestjoni ta’ negozji ġodda, inklużi l-konsulenza esperta, l-inkubaturi u l-aċċeleraturi tan-negozju, il-proġetti tal-intrapriża soċjali li jaħdmu mal-komunitajiet lokali, u l-ambjenti favorevoli għall-intraprenditorija kollha li se jiffaċilitaw in-negozji ġodda taż-żgħażagħ u jippermettu rkupru malajr f’każ ta’ tluq kmieni mill-iskola jew minn fallimenti inizjali, u b’hekk jgħinu biex tinħoloq kultura tan-negozju pożittiv, tiġi evitata perċezzjoni negattiva ta’ falliment kummerċjali u jinkoraġġixxu t-tentattiv mill-ġdid, u apparti minn dan tingħata attenzjoni speċjali biex jilħqu liż-żgħażagħ żvantaġġjati;

45.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-imprendituri żgħażagħ ikollhom aċċess għall-finanzi li jeħtieġu u li dawn jiġu sostnuti f’kull stadju;

46.    Jistieden lill-Istati Membri, kif ukoll lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, biex jagħmlu użu mir-riżorsi tal-Fondi Strutturali tal-UE, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, sabiex jippromwovu l-edukazzjoni intraprenditorjali u t-taħriġ u l-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

47.    Jistieden lill-Istati Membri biex, flimkien mal-awtoritajiet reġjonli u lokali, jużaw ir-riżorsi ta’ finanzjament eżistenti kollha fil-livell tal-UE, bħall-Fond Soċjali Ewropew, l-Inizjattiva Ewropea favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, il-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI), il-Programm Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ u l-programm tal-UE għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (COSME), biex iħeġġu u jappoġġjaw inizjattivi li jfittxu rabtiet aktar effikaċi u mmirati aħjar favur bejn in-negozji u s-settur tal-edukazzjoni;

48.    Jistieden lill-Istati Membri jrawmu l-iskambju tal-aħjar prattika, jinkoraġġixxu sħubiji kemm domestiċi kif ukoll transkonfinali, u jappoġġjaw intrapriżi ġodda u l-ħidma ta’ netwerks rilevanti ta' intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u aġenziji ta’ żvilupp;

49.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu metodi innovattivi speċifiċi biex iħarrġu lill-għalliema u l-mentors fl-intraprenditorija sabiex ikunu jistgħu jrawmu u jinkoraġġixxu l-ħiliet intraprenditorjali u biex jikkunsidraw li jinkludu l-intraprenditorija bħala parti mill-kurrikulu edukattiv;

50.    Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw aktar is-sistemi tagħhom għar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-kompetenzi miksuba fit-tagħlim mhux formali u dak informali sabiex l-impenn tagħhom għall-2018 jiġi rispettat, sabiex jagħtu lill-individwi opportunitajiet ta’ riorjentazzjoni u t-tieni ċans, kif ukoll jagħtu spinta lir-rikonoxximent tagħhom infushom u aktar tagħlim;

51.    Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-involviment ta’ sħab privati fl-edukazzjoni intraprenditorjali, permezz ta’ finanzjament jew provvediment ta' taħriġ, bħala aspett tar-responsabbiltà soċjali korporattiva tagħhom;

52.    Jistieden lill-Istati Membri jeliminaw il-burokrazija fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ negozju miż-żgħażagħ u biex jikkunsidraw miżuri ta’ tnaqqis fiskali, u miżuri biex iħajruhom joħolqu l-ideat tan-negozju tagħhom stess; jenfasizza l-ħtieġa għal sigurtà għal negozji ġodda li jfallu;

53. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati d-diffikultajiet finanzjarji li qed jiffaċċjaw l-imprendituri żgħażagħ, jiġi faċilitat l-aċċess tagħhom għall-kreditu u għal għotjiet speċjali, jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi eżistenti, u li jkun hemm ambjent regolatorju u inċentivi fiskali li jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' inizjattivi intraprenditorjali fost iż-żgħażagħ u jagħtu spinta lill-ħolqien tal-impjiegi, sabiex jiġu faċilitati t-tnedija u l-istabbilizzazzjoni tal-proġetti kummerċjali tal-imprendituri żgħażagħ;

54.    Jistieden lill-Istati Membri jkunu proattivi fit-titjib tal-oqfsa regolatorji u fis-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għan-negozji, b'mod partikolari l-SMEs u l-intrapriżi ta' natura soċjali, u jippromwovu u jissorveljaw il-kwalità tal-prattiki tal-impjegar ta' dawn in-negozji; jirrimarka li l-intrapriżi soċjali u inklużivi joħolqu impjiegi sostenibbli, jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-komunità u jgħinu fil-promozzjoni ta' ambjent sostenibbli u fl-iżgurar ta' reżiljenza soċjali fi żmien ta' kriżi;

55.    Jappella biex is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi jkunu aktar proattivi fl-għoti ta' assistenza u konsulenza lin-negozji, u b'mod partikolari lill-imprendituri żgħażagħ;

56.    Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali joffru lill-istudenti innovattivi aktar boroż ta' studju u skemi ta' mikrokreditu, flimkien ma' appoġġ, informazzjoni, konsulenza, assistenza multidixxiplinari u pjattaformi ta' evalwazzjoni bejn il-pari, sabiex ikunu jistgħu jibdew l-impriżi jew il-proġetti tagħhom stess, bħal dawk appoġġjati taħt l-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali tal-EaSI; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għas-self u l-ħlas lura tiegħu, jippromwovu l-użu tal-finanzjament kollettiv, jiżviluppaw sħubijiet bejn l-ekonomija lokali, in-negozji u l-universitajiet, isaħħu r-rwol tan-negozji fl-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, u jikkonsolidaw l-Entrepreneurial Skills Pass (ESP) f'diversi livelli tal-iskola u l-edukazzjoni universitarja, speċjalment fi sħubija mal-SMEs; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkoraġġixxu t-twaqqif, fi ħdan l-universitajiet ta' inkubaturi tan-negozju ddedikati għall-iżvilupp sostenibbli u għal fergħat ta' studju orjentati lejn il-futur;

57.    Jistieden lill-Istati Membri jissimplifikaw il-proċeduri għal ħruġ mhux frodulenti u joħolqu ambjent ta' ħruġ favorevoli sabiex jintbagħat messaġġ ċar liż-żgħażagħ li falliment ma jkunx diżastru b'konsegwenzi għall-bqija tal-ħajja;

58.    Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu liż-żgħażagħ jersqu lejn l-intraprenditorija billi jiffaċilitaw, fi ħdan is-sistema edukattiva, studji bbażati fuq proġetti li jirrigwardaw dixxiplini differenti u li jiġu offruti b'kooperazzjoni ma' kumpaniji;

59.    Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-intraprenditorija bħala għażla professjonali pożittiva fil-konsulenza dwar il-karrieri li tingħata fl-edukazzjoni sekondarja u terzjarja, u jindirizzaw l-istigma negattiva prevalenti li teżisti f'xi Stati Membri fir-rigward tal-intraprenditorija bħala għażla professjonali;

60.    Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-għarfien dwar l-impjieg indipendenti u l-ħolqien ta' negozju fost iż-żgħażagħ b'diżabbiltà, permezz ta' azzjonijiet bħall-promozzjoni tal-karrieri ta' persuni b'diżabbiltà li diġà huma integrati fis-suq tax-xogħol u l-għoti ta' rikonoxximent pubbliku lil imprendituri b'diżabbiltà;

Passi ulterjuri ta' segwitu

61.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi u tiżviluppa aktar il-ħidma tagħha dwar l-Intraprenditorija 360 (skejjel u ETV) u dwar HEInnovate (edukazzjoni għolja);

62.    Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi miżuri relatati mal-edukazzjoni intraprenditorjali fl-indikaturi tal-evalwazzjoni tas-Semestru Ewropew li jibda fl-2016;

63.    Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport ta’ evalwazzjoni lill-Parlament sal-aħħar tat-terminu tiegħu dwar il-progress miksub fil-promozzjoni tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ u kemm irnexxielha tilħaq lill-membri tal-gruppi soċjali vulnerabbli;

64.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm koordinazzjoni u kooperazzjoni fuq livell Ewropew fl-evalwazzjoni sistematika tal-programmi u attivitajiet intraprenditorjali sabiex tippermetti l-paragunabbiltà tar-riżultati, pereżempju billi jitqabblu mudelli differenti ta’ intraprenditorija taż-żgħażagħ madwar l-Istati Membri u l-karatteristiċi ta’ imprendituri żgħażagħ f’termini ta’ varjabbli soċjodemografiċi bħall-età, is-sess u l-edukazzjoni;

65.    Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-kooperazzjoni dwar il-politiki bejn l-UE u tistieden lill-Istati Membri biex jinvolvu ruħhom fi skambji ta’ prattiki tajbin;

66.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-pajjiżi taż-ŻEE, u lill-Kunsill tal-Ewropa.

NOTA SPJEGATTIVA

Appoġġ għall-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ

L-intraprenditorija taż-żgħażagħ u "l-edukazzjoni intraprenditorjali" relatata hu wieħed mit-temi li l-Parlament Ewropew għażel sabiex ikunu aktar fiċ-ċentru tal-attenzjoni minħabba r-rilevanza u n-nuqqas ta’ apprezzament tagħhom, u ppropona l-passi li jmiss aktar ’il quddiem. B’dan ir-rapport, il-Parlament Ewropew irid jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet Ewropej komuni f’dan il-qasam billi jimmonitorja l-kwalità tal-edukazzjoni permezz ta’ monitoraġġ tal-kwalità, għal sejħa biex titħaffef id-diffużjoni rapida ta’ innovazzjonijiet iffukati fuq ħiliet intraprenditorjali u billi jenfasizza l-ħtieġa għal appoġġ metodoloġiku u finanzjarju, fuq il-livell ta’ programm tal-UE.

L-edukazzjoni intraprenditorjali - mezz biex jiġu promossi l-impjiegi

F’dan ir-rapport, il-Parlament Ewropew jiġbor fil-qosor l-attivitajiet attwali fil-qasam ta’ "edukazzjoni intraprenditorjali", u jindika l-għanijiet tal-edukazzjoni u l-bżonn tal-enfasi tagħha fuq l-applikazzjoni prattika u l-impjieg taż-żgħażagħ. Ir-rapport jiffoka fuq proposti u/jew rakkomandazzjonijiet għal żvilupp ulterjuri tal-edukazzjoni intraprenditorjali u l-appoġġ tiegħu mill-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill u l-Istati Membri. Il-Parlament Ewropew huwa konxju tal-limitazzjonijiet tal-kompetenza tiegħu fil-qasam tal-politika tal-edukazzjoni, li hija fil-kompetenza esklussiva tal-Istati Membri, u r-rwol tal-UE huwa purament ta' koordinament.

Ir-rapport huwa bbażat fuq data soċjoekonomika attwali, li turi li s-sitwazzjoni soċjali u ekonomika taċ-ċittadini tal-UE ma tjibitx b’mod sinifikanti. Il-problema prinċipali f’dan ir-rigward tibqa’ r-rata għolja ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, li fl-UE tinsab f'medja ta’ 22 %, u f’xi pajjiżi u reġjuni din iċ-ċifra taqbeż il-50 %(16). L-impjiegi u t-tkabbir huma prijorità ewlenija tal-politika Ewropea u objettiv għall-Istati Membri(17). B’mod ġenerali, l-edukazzjoni hija meqjusa bħala strument ewlieni biex jintlaħqu l-ħtiġijiet individwali taċ-ċittadini u mezz biex titjieb is-sitwazzjoni tal-ħajja tagħhom.

Dawn id-dokumenti jistipulaw il-prinċipji ewlenin għall-appoġġ tal-edukazzjoni intraprenditorjali

Ir-rapport jippermetti t-twettiq ta’ dokumenti uffiċjali tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Parlament li joħolqu qafas strateġiku, leġiżlattiv u finanzjarju għall-koordinament u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet edukattivi fl-UE. Inqis li huwa neċessarju li wieħed jinnota kif l-edukazzjoni b’mod ġenerali, u l-edukazzjoni intraprenditorjali b’mod partikolari, tinftiehem fid-dokumenti attwali u liema rwol taqdi. Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv (Ewropa 2020) tqis it-tisħiħ tal-għarfien u l-innovazzjoni biex tkun ta’ stimolu għal tkabbir futur u teħtieġ it-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni. Spjegazzjoni aktar dettaljata ta’ miri appoġġjati hija pprovduta mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ ("ET 2020"). Il-prinċipju bażiku ta’ dan il-qafas huwa dak tat-tagħlim tul il-ħajja, li jseħħ fl-ambjenti kollha, kemm jekk dan ikun permezz ta’ tagħlim formali, mhux formali u informali, u fil-livelli kollha: minn edukazzjoni bikrija fit-tfulija għall-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni għall-adulti. L-għanijiet strateġiċi huma 1) l-implimentazzjoni ta’ tagħlim tul il-ħajja u l-mobbiltà; 2) it-titjib tal-kwalità u l-effiċjenza tal-edukazzjoni u t-taħriġ; 3) il-promozzjoni tal-ekwità, il-koeżjoni soċjali u ċ-cittadinanza attiva; 4) it-tisħiħ tal-kreattività u l-innovazzjoni, inkluża l-intraprenditorija, fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ. L-iktar dokument reċenti, li ġie adottat mill-Kunsill f’Diċembru 2014, hu l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-intraprenditorija fl-edukazzjoni u t-taħriġ (2015/C 17/02). Dan id-dokument komprensiv jibni fuq xogħol preċedenti, sa fejn ikun possibbli, u tittrasformah f’rakkomandazzjonijiet speċifiċi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri. Il-Kunsill jislet id-definizzjoni ta’ intraprenditorija użata fir-Rakkomandazzjoni dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja ta’ 2006(18). Dan jenfasizza l-ħtieġa għal taħriġ f’ħiliet imprenditorjali ta’ tfal tal-iskola, studenti u apprendisti sabiex iħejjuhom bil-kompetenzi meħtieġa f'mentalità intraprenditorjali u ħiliet. Il-Kunsill jistieden ukoll lill-Istati Membri jippromwovu l-inklużjoni ta’ ħiliet intraprenditorjali fi programmi edukattivi, l-użu ta’ gradwati - imprendituri sabiex jikkondividu l-esperjenzi tagħhom mal-istudenti u l-għalliema, biex jevalwaw l-effikaċja tal-edukazzjoni intraprenditorjali, biex jappoġġjaw negozji ġodda u inkubaturi tan-negozju, u ħafna attivitajiet oħra. Ir-rapport tal-Parlament Ewropew jibbaża wkoll fuq is-sejbiet ta’ studju reċenti tal-Kummissjoni Ewropea Edukazzjoni intraprenditorjali: Triq għas-suċċess(19) Dan l-istudju jippreżenta data minn paragun ta’ 91 eżempju ta’ edukazzjoni intraprenditorjali fi 23 pajjiż. L-impressjoni prevalenti hi li l-edukazzjoni fl-intraprenditorija taħdem. Wieħed ma jitwelidx imprenditur, għalkemm l-intraprenditorija hija talent. Ir-riċerka turi li l-ħiliet intraprenditorjali jistgħu wkoll jiġu mgħallma matul il-proċess edukattiv. Hu pprovat li l-edukazzjoni intraprenditorjali għandha impatt pożittiv fuq l-individwi: tgħinhom iżidu l-ambizzjonijiet tal-karrieri tagħhom, u dan iwassal għal rati ogħla ta’ impjiegi, it-titjib ta’ ħiliet u attitudnijiet intraprenditorjali li jwasslu għal bidliet fl-imġiba f’termini ta’ interess akbar f’intraprenditorija u ħsieb kreattiv, u dan iwassal għal aktar interess li jidħlu f’negozju u t-tmiem tal-edukazzjoni sekondarja. Fuq livell istituzzjonali l-edukazzjoni intraprenditorjali twassal għat-tisħiħ tal-kultura intraprenditorjali, it-titjib tal-isforzi ta’ għalliema, u l-intensifikazzjoni tal-involviment ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet (il-partijiet interessati). L-impatt pożittiv fuq l-ekonomija jidher f’żieda fl-għadd ta’ negozji ġodda, fiż-żieda tas-sopravivenza fit-tul u l-iżvilupp ta’ intrapriżi, żieda fl-attivitajiet innovattivi ta’ ditti tal-alunni, u aktar impjiegi. L-impatt fuq is-soċjetà jidher fil-kapaċità li tipproteġi aħjar lill-individwi kontra l-esklużjoni u r-redditu fuq l-investiment li s-soċjetà tinvesti f’miżuri biex jippromwovu l-edukazzjoni intraprenditorjali.

Enfasi fuq approċċ sistematiku u użu mill-għodod disponibbli

Il-Parlament Ewropew jikkumplimenta d-dikjarazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet t'hawn fuq b’enfasi fuq approċċ sistematiku biex l-edukazzjoni intraprenditorjali u l-appoġġ tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ. It-talba tal-Parlament Ewropew biex jitwaqqaf netwerk Ewropew sabiex jaqsmu eżempji ta’ prattika tajba, li minnhom hemm ħafna f’dan il-qasam, inkluż in-netwerk b'esperjenza internazzjonali ta’ ċentri nazzjonali ta’ Junior Achievement, hi prudenti. Il-Parlament Ewropew jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex primarjament 1) tħejji għajnuna metodoloġika fil-forma ta’ standards edukattivi għall-edukazzjoni intraprenditorjali u appoġġ għal korsijiet għat-titjib tal-ħiliet tal-għalliema bħala għajnuna metodoloġika lill-Istati Membri għall-integrazzjoni ta’ edukazzjoni dwar l-intraprenditorija fil-kurrikula u 2) għal dan l-għan biex jiġu allokati l-għodod finanzjarji speċifiċi bħala parti mill-programm ERASMUS+, jekk possibbli matul dan il-perjodu, u biex tħejji l-qafas leġiżlattiv u finanzjarju għall-perjodu wara l-2020. Il-Parlament Ewropew jitlob għal monitoraġġ sistematiku u evalwazzjoni tar-riżultati tal-attivitajiet attwali u futuri fil-qasam tal-edukazzjoni dwar l-intraprenditorija u l-impatt tagħha fuq l-impjiegi u l-iżvilupp ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, inkluż l-użu tal-istudju tal-OECD. Il-Parlament Ewropew jitlob ukoll li r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2019 dwar it-twettiq ta’ objettivi ET 2020 fil-promozzjoni tal-edukazzjoni dwar l-intraprenditorija. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew jappella wkoll lill-Istati Membri jsegwu integrazzjoni effikaċi ta’ edukazzjoni dwar l-intraprenditorija fi programmi edukattivi u biex jużaw l-istrumenti finanzjarji disponibbli, pereżempju, il-Fondi Strutturali tal-UE, għal dan l-għan.

L-iżvilupp ta’ ħiliet intraprenditorjali fil-livelli kollha tal-edukazzjoni

Ir-rapport isemmi l-iżvilupp ta’ ħiliet intraprenditorjali fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u jiddistingwi l-karatteristiċi speċifiċi f’kull stadju. Il-livelli primarji u sekondarji tal-edukazzjoni huma essenzjali għall-kisba ta’ kompetenzi ewlenin, u t-tmiem tal-edukazzjoni sekondarja ogħla hu prerekwiżit għal suċċess tas-suq tax-xogħol, inkluża l-intraprenditorija. Fil-livell tal-edukazzjoni terzjarja hemm kamp ta’ applikazzjoni wiesa' ħafna għall-iżvilupp tal-attivitajiet intraprenditorjali tal-istudenti u l-gradwati. L-attivitajiet intraprenditorjali tal-istudenti u l-gradwati huma żviluppati fuq livell istituzzjonali; dawn jiffurmaw parti mill-pjanijiet fuq medda twila għall-iżvilupp ta’ universitajiet individwali, u huma attivitajiet speċifiċi għall-industrija li jużaw ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-potenzjal kreattiv tal-universitajiet.

"L-edukazzjoni intraprenditorjali" fil-livelli kollha tista’ tkun mezz effikaċi ħafna għall-motivazzjoni taż-żgħażagħ u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom biex jibdew in-negozju tagħhom stess u tal-karriera, u saħansitra biex jirnexxu f’din il-karriera. Approċċ li jappoġġja liż-żgħażagħ, pereżempju, il-kreattività, il-ħila tagħhom li jaffrontaw ir-riskji, il-ġestjoni tal-falliment u l-imġiba responsabbli huma meħtieġa ferm fl-Ewropa tal-lum.

24.6.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

dwar il-promozzjoni tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ

(2015/2006(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Jana Žitňanská

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi ċ-ċifri tal-impjieg taż-żgħażagħ fl-UE huma allarmanti, u xi Stati Membri għandhom rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ ta' aktar minn 50 %; billi l-edukazzjoni għandha rwol fundamentali fit-trawwim tal-inklużjoni soċjali u professjonali taż-żgħażagħ, u billi l-intraprenditorija għandha titqies bħala kompetenza trasversali u bħala alternattiva addizzjonali għall-ħolqien ta' negozji ġodda u, fuq kollox, aktar opportunitajiet ta' impjieg, u b'hekk tgħin biex jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ u titjieb l-impjegabbiltà tagħhom;

B.  billi ż-żgħażagħ jibbenefikaw mit-taħriġ u l-edukazzjoni intraprenditorjali u l-esperjenza intraprenditorjali prattika, li filwaqt li jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' negozji ġodda, l-impjegabbiltà u l-innovazzjoni, jgħinuhom jiżviluppaw il-ħiliet u t-talent tagħhom u jippermettulhom jiżviluppaw il-kunfidenza; billi l-intraprenditorija hi għażla li mhijiex sfruttata biżżejjed għal ħafna żgħażagħ b'diżabilità;

C. billi l-effetti u l-impatt tal-programmi ta' intraprenditorija fl-edukazzjoni juru li l-istudenti li jkunu għamlu programmi bħal dawn isibu impjieg aktar malajr meta jtemmu l-istudji tagħhom;

D. billi l-intraprenditorija tirrappreżenta wieħed minn diversi modi li jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ isibu impjieg u jirċievu introjtu stabbli;

E.  billi l-għan tal-istrateġija Ewropa 2020 hu li tinħoloq ekonomija bbażata fuq livelli għolja ta' impjieg u koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; billi ekonomija soċjali b'saħħitha hi ta' importanza fundamentali f'dan ir-rigward;

F.  billi l-kooperattivi jipprovdu impjiegi mhux rilokabbli ta' kwalità għolja, inklużivi u reżistenti għall-kriżi; billi, permezz tal-mudell ta' negozju tagħhom, il-kooperattivi żiedu l-fatturat u komplew jikbru matul il-kriżi, b'inqas fallimenti u sensji minn tipi ta' kumpaniji oħrajn;

G. billi l-intrapriżi soċjali u inklużivi jipparteċipaw b'mod attiv fi tkabbir sostenibbli innovattiv, jippromwovu koeżjoni akbar fi ħdan is-soċjetà u l-komunitajiet lokali, u jistgħu joħolqu opportunitajiet ta' impjieg għaż-żgħażagħ, inklużi dawk li huma soċjalment vulnerabbli u dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol;

H. billi t-tagħlim minn imprendituri ta' esperjenza jagħti stampa pożittiva tal-ispirtu intraprenditorjali u jiffaċilita l-pass lejn l-intraprenditorija;

I.   billi l-imprendituri żgħażagħ jiffaċċjaw bosta sfidi u diffikultajiet, inkluż nuqqas ta' esperjenza, ħiliet xierqa u aċċess għall-finanzi u l-infrastruttura;

J.   billi n-nuqqas ta' kapaċità fl-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni huwa forma moderna ta' illitteriżmu;

K. billi l-possibbiltà ta' ħruġ mingħajr kumplikazzjonijiet u mhux frawdolenti tippermetti lill-investituri u l-imprendituri jerġgħu jibdew negozji ġodda b'aktar suċċess, jimpjegaw aktar ħaddiema u jkollhom rati aktar baxxi ta' falliment;

L.  billi ż-żgħażagħ ikunu f'qagħda aħjar biex jinvolvu ruħhom f'negozju fuq skala transnazzjonali jekk ikunu jafu lingwi oħrajn;

1.  Jistieden lill-Istati Membri, kif ukoll lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, jużaw ir-riżorsi kollha ta' finanzjament eżistenti fil-livell tal-UE, bħalma huma l-Fond Soċjali Ewropew, l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, il-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI), il-programm Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ u l-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME), biex iħeġġu u jappoġġjaw inizjattivi li jfittxu rabtiet aktar effikaċi u mmirati bejn l-intrapriżi u s-settur tal-edukazzjoni, li jippromwovu kultura intraprenditorjali fost iż-żgħażagħ – irrispettivament mill-isfond soċjoekonomiku jew is-sess tagħhom – sabiex jinkoraġġuhom jiżviluppaw il-kreattività, l-inizjattiva u s-sens ta' responsabbiltà, u li permezz tagħhom tinbidel l-idea li l-intraprenditorija hija għażla professjonali residwa; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga kif effettivament qed jintuża dan il-finanzjament, filwaqt li tiffaċilita l-aċċess u tissimplifika l-użu tiegħu; jenfasizza l-ħtieġa ta' investiment fl-edukazzjoni u l-infrastruttura sabiex tiġi indirizzata l-problema tad-distakk diġitali fl-Unjoni;

2.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu dak kollu li jistgħu biex iqajmu kuxjenza fost iż-żgħażagħ dwar l-opportunità li jiftħu negozju, billi jipprovdu programmi edukattivi u ta' taħriġ iffukati fuq l-intraprenditorija u jippromwovu l-ħiliet individwali, b'mod partikolari l-ħiliet diġitali u l-ħiliet ta' tmexxija diġitali, bħala għodod essenzjali għall-imprendituri fl-ekonomija u l-ambjent tan-negozju tal-lum; jenfasizza li forza tax-xogħol żagħżugħa u li jkollha l-esperjenza u l-ħiliet adegwati hija determinanti għall-kompetittività tal-UE u tgħin biex jitħaffef il-proċess ta' rkupru ekonomiku u jinħolqu l-impjiegi fl-Istati Membri kollha;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jneħħu l-ostakli għall-intraprenditorija sabiex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jittrasformaw l-ideat kreattivi tagħhom fi pjanijiet intraprenditorjali li jirnexxu;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu kontra l-ostakli li jiffaċċjaw l-imprendituri żgħażagħ b'diżabilità billi jipprovdu taħriġ għall-fornituri ta' servizzi li r-responsabbiltajiet tagħhom jinkludu appoġġ għall-persuni b'diżabilità, u billi jadattaw il-bini li fih jingħata l-appoġġ sabiex jagħmluh aċċessibbli għal dawk li għandhom problemi ta' mobilità;

5.  Jistieden lill-Istati Membri jkunu proattivi fit-titjib tal-oqfsa regolatorji u fis-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għan-negozji, b'mod partikolari l-SMEs u n-negozji ta' natura soċjali, u jippromwovu u jissorveljaw il-kwalità tal-prattiki tal-impjegar ta' dawn in-negozji; jirrimarka li l-intrapriżi soċjali u inklużivi joħolqu impjiegi sostenibbli, jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-komunità u jgħinu fil-promozzjoni ta' ambjent sostenibbli u fl-iżgurar ta' reżiljenza soċjali fi żmien ta' kriżi;

6.  Jappella biex is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi jkunu aktar proattivi fl-għoti ta' assistenza u konsulenza lin-negozji, u b'mod partikolari lill-imprendituri żgħażagħ;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati d-diffikultajiet finanzjarji li qed jiffaċċjaw l-imprendituri żgħażagħ, jiġi faċilitat l-aċċess tagħhom għall-kreditu u għal għotjiet speċjali, jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi eżistenti, u li jkun hemm ambjent regolatorju u inċentivi fiskali li jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' inizjattivi intraprenditorjali fost iż-żgħażagħ u jagħtu spinta lill-ħolqien tal-impjiegi, sabiex jiġu faċilitati t-tnedija u l-istabbilizzazzjoni tal-proġetti kummerċjali tal-imprendituri żgħażagħ;

8.  Jitlob lill-Istati Membri jippromwovu l-intraprenditorija tal-kooperattivi, li hija msejsa fuq proċeduri deċiżjonali demokratiċi u tgħin liż-żgħażagħ isiru impjegaturi, impjegati u konsumaturi responsabbli; jirrimarka li l-kooperattivi u intrapriżi soċjali u inklużivi oħrajn huma parti integrali mill-mudell soċjali Ewropew u mis-suq uniku u għalhekk jixirqilhom rikonoxximent u appoġġ sħiħ, kif stipulat fil-kostituzzjonijiet ta' xi Stati Membri u f'diversi dispożizzjonijiet fundamentali tal-UE;

9.  Jitlob lill-Istati Membri jappoġġjaw proġetti intraprenditorjali ekoloġiċi u sostenibbli;

10. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali joffru lill-istudenti innovattivi aktar boroż ta' studju u skemi ta' mikrokreditu, u aċċess akbar għalihom, flimkien ma' appoġġ, informazzjoni, konsulenza, assistenza multidixxiplinari u pjattaformi ta' evalwazzjoni bejn il-pari, sabiex ikunu jistgħu jibdew l-impriżi jew il-proġetti tagħhom stess, bħal dawk appoġġjati taħt l-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali tal-EaSI; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għas-self u l-ħlas lura tiegħu, jippromwovu l-użu tal-finanzjament kollettiv, jiżviluppaw sħubijiet bejn l-ekonomija lokali, in-negozji u l-universitajiet, isaħħu r-rwol tan-negozji fl-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, u jikkonsolidaw l-Entrepreneurial Skills Pass (ESP) f'diversi livelli tal-iskola u tal-università, speċjalment fi sħubija mal-SMEs; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkoraġġixxu t-twaqqif, fi ħdan l-universitajiet, ta' inkubaturi tan-negozju ddedikati għall-iżvilupp sostenibbli u għal fergħat ta' studju orjentati lejn il-futur;

11. Jenfasizza l-ħtieġa li titjieb il-kultura intraprenditorjali fl-edukazzjoni terzjarja billi jiġi appoġġjat u faċilitat il-ħolqien ta' kumpaniji ġodda miż-żgħażagħ abbażi tar-riċerka akkademika (spin-offs), jitnaqqas il-piż burokratiku involut fil-ħolqien ta' dawn il-kumpaniji, u jinħoloq qafas regolatorju ċar u ta' appoġġ għall-istudenti imprendituri; iqis, f'dan il-kuntest, li l-iskejjel u l-universitajiet għandhom jagħtu żmien, spazju u rikonoxximent għall-inizjattivi taż-żgħażagħ sabiex dawn jingħataw il-kunfidenza meħtieġa biex jaħdmu fuq proġetti ġodda, li tista' tkun riżorsa utli għall-ħolqien ta' negozji indipendenti; jilqa' l-inizjattivi li jippremjaw liż-żgħażagħ għal impriżi kummerċjali ta' suċċess (eż. il-premju għall-aqwa kumpanija studenteska tas-sena), jenfasizza wkoll l-importanza li l-kumpaniji jagħtu liż-żgħażagħ iċ-ċans li jiksbu l-ewwel esperjenza interna diretta ta' xogħol, u jtenni l-ħtieġa li ssir promozzjoni favur żjarat fil-kumpaniji u skemi ta' apprendistat b'dawn l-objettivi, b'tali mod li ż-żgħażagħ jingħataw ħarsa ġenerali dwar id-dinja tan-negozju;

12. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li s-sistemi edukattivi tagħhom, inklużi l-programmi ta' taħriġ vokazzjonali, jinkludu enfasi akbar fuq l-iżvilupp tal-kompetenzi, il-ħiliet u l-għarfien intraprenditorjali, b'mod partikolari billi jagħmlu dispożizzjonijiet biex il-ħiliet fl-ICT u l-lingwi barranin jiġu mgħallma fl-ewwel snin tal-iskola u billi jippromwovu, fl-edukazzjoni sekondarja u terzjarja, tagħlim li jiżra' u jiżviluppa l-kompetenzi meħtieġa biex wieħed isir imprenditur, bħalma huma l-kreattività, il-ħiliet komunikattivi, il-ġestjoni tan-negozju, il-kontabilità u ż-żamma tal-kotba, u li jitwassal b'mod effikaċi permezz ta' esperjenza prattika u fil-ħajja reali; jistieden lill-Istati Membri, filwaqt li jenfasizza r-rwol importanti tal-għalliema fit-trawwim ta' inklinazzjonijiet intraprenditorjali fost iż-żgħażagħ u fil-forniment tal-ħiliet u l-kwalifiki xierqa, jagħtu attenzjoni speċjali għall-għoti ta' taħriġ xieraq u speċjalizzat għall-għalliema, sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp professjonali kontinwu tagħhom u jiżdiedu l-opportunitajiet għall-involviment ta' imprendituri ta' esperjenza bħala għalliema;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib il-miżuri konkreti implimentati mill-Istati Membri b'appoġġ għall-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ, tiddedika attenzjoni speċjali għall-promozzjoni u l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar ir-riżultati u tinkoraġġixxi u tappoġġja lill-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet fl-iskambju ta' prattiki tajbin, il-kondiviżjoni ta' ideat, għarfien u esperjenza, u l-iffurmar ta' sħubijiet strateġiċi transettorjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw parametri referenzjarji u mudelli, kif ukoll strumenti u proġetti komuni, sabiex jippromwovu l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ; jilqa' l-programmi Erasmus+ u Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ, li jagħtu liż-żgħażagħ l-opportunità li jistudjaw u jitħarrġu barra minn pajjiżhom u jiksbu esperjenza intraprenditorjali fi Stati Membri oħra; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-kumpaniji josservaw ir-regoli applikabbli għal dawn il-programmi, maħsuba biex jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-parteċipanti, u li tali programmi jiġu ppubbliċizzati fl-iskejjel sekondarji u fl-istituzzjonijiet vokazzjonali u tal-edukazzjoni għolja;

14. Jistieden lill-Istati Membri jissimplifikaw il-proċeduri għal ħruġ mhux frawdolenti u joħolqu ambjent ta' ħruġ favorevoli sabiex jintbagħat messaġġ ċar liż-żgħażagħ li falliment ma jkunx diżastru b'konsegwenzi għall-bqija tal-ħajja;

15. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-intraprenditorija bħala għażla professjonali pożittiva fil-konsulenza dwar il-karrieri li tingħata fl-edukazzjoni sekondarja u terzjarja, u jindirizzaw l-istigma negattiva prevalenti li teżisti f'xi Stati Membri fir-rigward tal-intraprenditorija bħala għażla professjonali;

16. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib il-miżuri konkreti implimentati mill-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ li jagħżlu karriera fin-negozju jgawdu l-istess drittijiet fir-rigward tas-sigurtà soċjali (skont ir-Rakkomandazzjoni 202 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol(20)) u s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol;

17. Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-għarfien dwar l-impjieg indipendenti u l-ħolqien ta' negozju fost iż-żgħażagħ b'diżabilità, permezz ta' azzjonijiet bħall-promozzjoni tal-karrieri ta' persuni b'diżabilità li diġà huma integrati fis-suq tax-xogħol u l-għoti ta' rikonoxximent pubbliku lil imprendituri b'diżabilità;

18. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-isponsorizzazzjoni għall-imprendituri żgħażagħ li tippermettilhom jibbenefikaw mill-esperjenza u l-appoġġ ta' kollegi aktar esperti;

19. Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu liż-żgħażagħ jersqu lejn l-intraprenditorija billi jiffaċilitaw, fi ħdan is-sistema edukattiva, studji bbażati fuq proġetti li jirrigwardaw dixxiplini differenti u li jiġu offruti b'kooperazzjoni ma' kumpaniji;

20. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-ebda miżura li tittieħed mill-Istati Membri ma tostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema, sabiex iż-żgħażagħ li għażlu karriera fin-negozju jkunu jistgħu jiżviluppaw l-attività tagħhom fejn jixtiequ fl-Unjoni Ewropea;

21. Jenfasizza r-rwol determinanti ta' għadd ta' assoċjazzjonijiet ta' imprendituri żgħażagħ fit-trawwim tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ, billi joffrulhom l-opportunità jiżviluppaw proġetti innovattivi u jiksbu esperjenza fin-negozju u jagħtuhom l-għodod u l-kunfidenza meħtieġa sabiex isiru imprendituri;

22. Jappella biex ikun hemm kollaborazzjoni aktar mill-qrib mas-settur privat u s-sħab soċjali li tinkoraġġixxi kultura ta' teħid ta' riskju, intraprenditorija u innovazzjoni (eż. permezz ta' impenji strutturali bħal faċilitajiet għall-innovazzjoni u l-iskambju ta' ideat);

23. Jinnota li l-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-edukazzjoni sekondarja u terzjarja tippermetti aktar djalogu fost iż-żgħażagħ u tħeġġeġ l-innovazzjoni;

24. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-fatturi li jiskoraġġixxu lin-nisa milli jagħżlu karriera intraprenditorjali u tiżgura li s-sistemi edukattivi kif ukoll il-miżuri u l-attivitajiet relatati jfittxu dejjem l-ugwaljanza bejn is-sessi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.6.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

2

10

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Guillaume Balas, Tiziana Beghin, Brando Benifei, Mara Bizzotto, Vilija Blinkevičiūtė, David Casa, Ole Christensen, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Marian Harkin, Rina Ronja Kari, Jan Keller, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Kostadinka Kuneva, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Patrick Le Hyaric, Jeroen Lenaers, Javi López, Thomas Mann, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Joëlle Mélin, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Marek Plura, Sofia Ribeiro, Anne Sander, Sven Schulze, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Yana Toom, Ulla Tørnæs, Marita Ulvskog, Renate Weber, Jana Žitňanská, Inês Cristina Zuber

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Georges Bach, Heinz K. Becker, Paloma López Bermejo, António Marinho e Pinto, Edouard Martin, Tamás Meszerics, Csaba Sógor, Helga Stevens, Monika Vana, Tom Vandenkendelaere

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Flavio Zanonato, Branislav Škripek

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

14.7.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

7

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Dominique Bilde, Silvia Costa, Damian Drăghici, Angel Dzhambazki, Giorgos Grammatikakis, Petra Kammerevert, Rikke Karlsson, Andrew Lewer, Svetoslav Hristov Malinov, Curzio Maltese, Fernando Maura Barandiarán, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Michaela Šojdrová, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Bogdan Brunon Wenta, Theodoros Zagorakis, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

György Hölvényi, Ilhan Kyuchyuk, Ernest Maragall, Martina Michels, Marlene Mizzi

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Tim Aker

(1)

ĠU C 17, 20.1.2015, p. 2.

(2)

ĠU C 183, 14.6.2014, p. 18.

(3)

ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

(4)

ĠU C 199, 7.7.2011, p. 1.

(5)

ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1.

(6)

ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2015)0107.

(8)

ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 56.

(9)

ĠU C 165 E, 11.6.2013, p. 7.

(10)

ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 89.

(11)

ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 8.

(12)

ĠU C 45 E, 23.2.2010, p. 33.

(13)

Rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-2013 (SWD(2014)0142), Pubblikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Data Statistika dwar l-Imprendituri Nisa fl-Ewropa, Settembru 2014.

(14)

Konklużjonijiet tas-simpożju tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ ta' Budapest u Istanbul.

(15)

Il-Kummissjoni: Eurobarometer FL354, “L-intraprenditorija fl-UE u lil hinn”, 9 ta’ Jannar 2013.

(16)

Ara d-data tal-Eurostat minn Jannar 2015 - http://ec.europa.eu/eurostat/documents/2995521/6454659/3-07012015-AP-EN.pdf/f4d2866e-0562-49f5-8f29-67e1be16f50a.

(17)

Ara pereżempju prijoritajiet tal-Kummissjoni Juncker - http://ec.europa.eu/priorities/jobs-growth-investment/index_en.htm.

(18)

http://europa.eu/legislation_summaries/education_training_youth/lifelong_learning/c11090_cs.htm

(19)

http://ec.europa.eu/growth/tools-databases/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=8056&lang=en.

(20)

Ir-Rakkomandazzjoni Nru 202 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar protezzjoni soċjali bażika, 2012.

Avviż legali