Proċedura : 2014/2255(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0241/2015

Testi mressqa :

A8-0241/2015

Dibattiti :

PV 08/09/2015 - 13
CRE 08/09/2015 - 13

Votazzjonijiet :

PV 09/09/2015 - 8.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0309

RAPPORT     
PDF 667kWORD 171k
23.7.2015
PE 557.126v02-00 A8-0241/2015

dwar ir-Rapport dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali tas-Sena Ewropea 2012 għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet

(2014/2255(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

Rapporteur: Eduard Kukan

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali tas-Sena Ewropea 2012 għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet

(2014/2255(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 940/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2011 dwar is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (2012)(1),

–       wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(2),

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 25 dwar id-drittijiet tal-anzjani,

–       wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kummissjoni dwar is-Summit Ewropew dwar l-Innovazzjoni għal Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu tad-9-10 ta’ Marzu 2015,

–       wara li kkunsidra d-dokument ta' sfond tal-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2015 intitolat "Growing the Silver Economy in Europe" (It-tkabbir tal-ekonomija tal-anzjani fl-Ewropa),

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Settembru 2014 dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali tas-Sena Ewropea 2012 għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (COM(2014)0562),

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni intitolat "The 2015 Ageing Report. Economic and budgetary projections for the 28 EU Member States (2013-2060)" (Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2015. Tbassir ekonomiku u baġitarju għat-28 Stat Membru tal-UE) (European Economy 3|2015)

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Jannar 2014 intitolat “Rapport Konġunt dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (“id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali”) u tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (“id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjieg”) (COM(2014)0002),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu ‘Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020’ (COM(2013)0083),

–       wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali dwar il-politika tal-Kummissjoni għal 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-Pakkett ta’ Investiment Soċjali,

–       wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Frar 2012 intitolata “Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli” (COM(2012)0055),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Frar 2012, intitolata ‘Il-Progress tal-Pjan Strateġiku tal-Implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu’ (COM(2012)0083),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2012 dwar is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (2012): It-Triq ’il Quddiem’,

–       wara li kkunsidra r-rapport konġunt imħejji mill-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali u l-Kummissjoni tal-10 ta’ Ottubru 2014 intitolat ‘Protezzjoni soċjali adegwata għal ħtiġijiet ta’ kura fit-tul f’soċjetà li qed tixjieħ’,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) tal-31 ta’ Ottubru 2014 dwar “l-aċċess għall-kura tas-saħħa fi żminijiet ta’ kriżi’,

–       wara li kkunsidra x-xogħol li qed isir bħalissa mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar it-Tixjiħ lejn Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-anzjani,

–       wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Fondazzjoni Eurofound "Work preferences after 50" (Il-preferenzi fir-rigward tax-xogħol wara l-età ta' 50 sena) (2014),

–       wara li kkunsidra d-dokument tal-Eurofound Foundation Focus intitolat 'Sustainable work: Toward better and longer working lives' (Ix-xogħol sostenibbli:Lejn ħajja ta’ xogħol itwal u aħjar) (Diċembru 2014),

–       wara li kkunsidra l-analiżi fil-fond tas-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew ta’ Marzu 2015 intitolat ‘Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (2012)’,

–       wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Ecorys tal-15 ta’ April 2014 intitolat ‘Evalwazzjoni tas-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet’,

–       wara li kkunsidra l-Koalizzjoni tal-partijiet ikkonċernati fl-EY 2012 ‘Pjan direzzjonali lejn u lil hinn mis-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet 2012 (EY 2012)’, tal-10 ta’ Diċembru 2012,

–       wara li kkunsidra l-Ewrobarometru Speċjali 378 ta’ Jannar 2012, intitolat ‘Tixjiħ Attiv’,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2013 dwar l-Impatt tal-kriżi fuq l-aċċess għall-kura tal-gruppi vulnerabbli(3),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar Aġenda dedikata lill-Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli(4),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2010 dwar l-isfida demografika u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet(5),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0241/2015),

A.     billi l-għan tas-Sena Ewropea 2012 għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (EY 2012) kien li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-valur tat-tixjiħ attiv, jiġi stimulat l-iskambju ta’ informazzjoni, jiġu promossi politiki dwar it-tixjiħ attiv u jinħoloq qafas għal azzjoni konkreta mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, kif ukoll mill-partijiet ikkonċernati kollha fis-settur pubbliku u fis-settur privat;

B.     billi hu mistenni li sal-2050 l-età medja tal-persuni fl-UE se tkun ta' 'l fuq minn 50 sena;

C.     billi l-UE qed tiffaċċa bidliet demografiċi, soċjali u strutturali bla preċedent li jeħtieġ jiġu indirizzati mingħajr dewmien; billi t-tixjiħ tal-popolazzjoni b'mod ġenerali jkun akkumpanjat mit-tkabbir tal-għajnuna soċjali, tal-kura tas-saħħa u l-bżonnijiet ta’ kura għal persuni anzjani u l-familji tagħhom, filwaqt li l-kwalità fuq perjodu twil u s-sostenibbiltà tas-servizzi pubbliċi fl-UE ser jiddependu l-aktar fuq l-azzjoni li għandha tittieħed matul il-ftit snin li ġejjin;

D.     billi ż-żieda fl-istennija medja tal-għomor għandha titqies bħala gwadann għaċ-ċivilizzazzjoni u fattur ta' progress soċjali;

E.     billi fl-2006 twaqqaf id-Demographic Change Regions Network, in-netwerk tar-reġjuni dwar it-tibdil demografiku li jinkludi madwar 40 reġjun Ewropew, u billi dak in-netwerk għandu l-għan li jqajjem kuxjenza dwar kemm huma importanti sfidi bħat-tixjiħ u t-tnaqqis fir-rata tal-popolazzjoni għall-UE u għall-koeżjoni ekonomika u soċjali tagħha;

F.     billi l-għadd medju ta' tfal għal kull mara fl-UE huwa inqas mil-limitu minimu tat-tiġdid ġenerazzjonali, il-kriżi ekonomika kienet fattur fit-tnaqqis fir-rata tat-twelid u l-istennija tal-għomor tista' tiżdied b'ħames snin oħra sal-2050;

G.     billi t-tixjiħ attiv huwa fost l-akbar sfidi tas-seklu 21;

H.     billi, minbarra l-fenomenu tat-tixjiħ, hemm għadd dejjem akbar ta' reġjuni Ewropej fejn qed iseħħ tnaqqis demografiku minħabba rati tat-twelid li qed jonqsu, flimkien ma' tnaqqis fil-popolazzjoni u rati għoljin ta' tixjiħ, dipendenza u tnaqqis fl-għadd ta' persuni li jaħdmu; billi dawn il-fenomeni kollha huma aggravati fiż-żoni rurali tar-reġjuni kkonċernati, peress li huwa komuni li persuni jitilqu minn żoni rurali u jmorru jgħixu fi bliet kbar jew ta' daqs medju;

I.      billi t-tixjiħ attiv u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet huma essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet u l-miri tal-Ewropa 2020 u sabiex titwassal Ewropa kompetittiva, għanja u inklużiva;

J.      billi s-suċċess ta’ politiki dwar it-tixjiħ attiv huwa marbut bis-sħiħ mal-effikaċja ta’ firxa ta’ politiki ta’ nondiskriminazzjoni, protezzjoni soċjali, inklużjoni soċjali u saħħa pubblika żviluppati tul iċ-ċiklu tal-ħajja taċ-ċittadini u l-ħaddiema tal-UE;

K.     billi, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (id-WHO), il-kelma "attiv" tirreferi għat-tkomplija tal-parteċipazzjoni f'affarijiet soċjali, ekonomiċi, kulturali, spiritwali u ċiviċi, mhux biss il-kapaċità li wieħed ikun attiv fiżikament jew li jipparteċipa fil-forza tax-xogħol, u billi, konsegwentement, anzjani li jirtiraw mix-xogħol, u persuni li jirtiraw minħabba invalidità jew mard, jistgħu jibqgħu kontributuri attivi fil-familji, fost il-pari, il-komunitajiet u n-nazzjonijiet tagħhom;

L.     billi hemm bżonn ta' approċċ olistiku, filwaqt li jitqiesu l-elementi differenti li jikkontribwixxu sabiex jagħmlu x-xogħol sostenibbli tul il-ħajja għall-individwi kollha u għas-soċjetà kollha kemm hi;

M.    billi gruppi differenti ta' ħaddiema huma soġġetti għal kundizzjonijiet tax-xogħol differenti, li jwasslu għal inugwaljanzi fis-saħħa okkupazzjonali;

N.     billi jeżistu diskrepanzi immensi u viżibbli bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali f’dak li jirrigwarda l-politiki dwar it-tixjiħ attiv u l-politiki dwar il-protezzjoni soċjali fix-xjuħija, l-infrastruttura ta' appoġġ u r-riżorsi baġitarji;

O.     billi t-tixjiħ attiv u b'saħħtu joħloq bżonnijiet soċjali ġodda, li jirrikjedu investiment f'servizzi pubbliċi diversifikati – kemm servizzi eżistenti kif ukoll servizzi ġodda li għad iridu jinħolqu – u naturalment fil-qasam tas-saħħa u l-kura għall-anzjani, u billi dan jirrilaxxa potenzjal ġdid fir-rigward tat-tgawdija u l-estensjoni tal-ħin liberu u l-ħin tal-mistrieħ;

P.     billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika kellha impatt fuq iż-żieda fil-livelli ta' faqar fost l-anzjani u billi l-faqar jew ir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali mhux biss jirrappreżentaw riskji għas-saħħa, iżda jxekklu wkoll kwalunkwe possibbiltà għal tixjiħ attiv;

Q.     billi madwar l-UE hemm joperaw madwar 125 000 fond ta' pensjoni tax-xogħol, li għandhom assi li jiswew EUR 2,5 triljun f'isem madwar 75 miljun Ewropew, li jirrappreżenta 20 % tal-popolazzjoni tal-UE f'età lavorattiva;

R.     billi wieħed mill-prinċipji bażiċi tas-soċjetà tal-bniedem huwa s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet; billi aktar ma titwal l-istennija medja tal-għomor, aktar qed isiru importanti r-relazzjonijiet interġenerazzjonali; billi l-ekonomija u s-soċjetà jeħtieġu l-esperjenza tal-ħajja, l-impenn u l-ideat tal-ġenerazzjonijiet kollha biex jilħqu l-għanijiet tagħhom;

S.     billi l-parteċipazzjoni attiva fil-programmi ta' tagħlim tul il-ħajja u fil-programmi sportivi tikkontribwixxi bil-kbir biex tinħoloq kultura ġenwina ta' tixjiħ attiv, li tippermetti lin-nies mhux biss jadattaw il-ħiliet tagħhom tul il-ħajja għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu tas-suq tax-xogħol, iżda wkoll biex jibqgħu b'saħħithom, attivi u parteċipattivi fis-soċjetà f'sens aktar ġenerali;

T.     billi n-nisa anzjani jirrappreżentaw 20 % tal-popolazzjoni tal-UE u dan il-perċentwal se jkompli jiżdied skont ix-xejriet demografiċi attwali; billi f'ħafna pajjiżi tal-UE, in-nisa anzjani jinsabu f'riskju ogħla ta' faqar milli l-irġiel anzjani, medja ta' 21 % għan-nisa u 16 % għall-irġiel; billi d-differenzi fil-pensjonijiet bejn is-sessi fl-UE huwa ta' 39 %;

U.     billi t-teknoloġiji aċċessibbli jistgħu jippermettu u jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol, ħajja indipendenti u parteċipazzjoni fl-aspetti kollha tas-soċjetà; billi llum il-ġurnata, madankollu, iktar minn 69 % ta’ persuni li għandhom nuqqas ta’ ħiliet diġitali bażiċi huma ta’ ‘l fuq minn 55 sena; billi, minħabba n-nuqqas ta' aċċessibbiltà, l-evoluzzjoni rapida tal-ICT u kompetenza diġitali limitata, ħafna anzjani u persuni b'diżabilitajiet jinsabu f'riskju kbir li ma jiħdux vantaġġ sħiħ mis-Suq Uniku Diġitali tal-ġejjieni;

1.      Jirrikonoxxi li EY 2012 ipprovdiet momentum politiku importanti li għen biex tinfetaħ diskussjoni dwar l-isfidi tat-tixjiħ attiv u s-solidarjetà interġenerazzjonali fl-Ewropa;

2.      Jiddefinixxi l-ġustizzja interġenerazzjonali bħala tqassim ugwali tal-benefiċċji u l-piżijiet bejn il-ġenerazzjonijiet; iqis li kooperazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet li tiffunzjona tkun ibbażata fuq is-solidarjetà u għandha tkun ikkaratterizzata minn rispett reċiproku, responsabbiltà u dispożizzjoni tajba favur il-proxxmu;

3.      Jinnota li l-objettivi speċifiċi ta’ EY 2012 inkisbu parzjalment, bl-aħjar riżultati jinsabu fil-qasam ta’ inizjattivi u avvenimenti ta’ sensibilizzazzjoni;

4.      Jinnota u jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li mill-avvenimenti u l-inizjattivi ta' EY 2012 ħareġ ċar li l-anzjani mhumiex piż fuq l-ekonomija u s-soċjetà, anzi, minħabba l-esperjenza, il-kisbiet u l-għarfien tagħhom, pjuttost huma assi;

5.      Jirrimarka li EY 2012 irnexxielha fl-għan tagħha li timmobilizza l-atturi rilevanti madwar it-tixjiħ attiv u s-solidarjetà interġenerazzjonali; iqis li hija ħasra, madankollu, li l-għan li jiġu stabbiliti netwerks ġodda għall-kondiviżjoni ta' riżorsi, proġetti u ideat fost is-settur pubbliku, is-settur privat u s-soċjetà ċivili rarament inkiseb; jiddispjaċih għall-fatt li l-involviment tas-sħab soċjali kien varjabbli u li n-negozji privati ma ntlaħqux b'mod sinifikanti; jenfasizza l-ħtieġa li jitjieb il-bini tal-kapaċità favur il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni attiva tal-anzjani fis-soċjetà;

6.      Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li EY 2012 għenet biex tirfina l-aġendi tal-politika nazzjonali dwar it-tixjiħ attiv, stimulat l-iskambju ta’ prattiki tajba bejn l-Istati Membri, żiedet l-għadd ta’ inizjattivi li jippromwovu t-tixjiħ attiv u saħħet l-għarfien u l-ħiliet tal-partijiet interessati;

7.      Jenfasizza li hemm bżonn statistika affidabbli dwar is-sitwazzjoni tal-anzjani u t-tibdil demografiku sabiex jiġu żviluppati strateġiji ta' tixjiħ attiv aktar immirati u effikaċi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm ġbir komprensiv ta' data ta' kwalità għolja dwar l-istatus soċjali tal-anzjani, is-saħħa, id-drittijiet u l-istandard ta' għajxien tagħhom;

8.      Iqis li huwa ferm importanti li l-inizjattivi mnedija bħala parti minn EY 2012 ikunu segwiti u ttrasformati f’impenn politiku qawwi segwit b’azzjoni konkreta biex jiġu żgurati l-inklużjoni soċjali, il-parteċipazzjoni attiva u l-benessri tal-ġenerazzjonijiet kollha filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju ta' sussidjarjetà u proporzjonalità; ifakkar li l-leġiżlazzjoni tal-UE tal-politiki dwar it-tixjiħ għandhom jiġu implimentati b’mod effettiv sabiex jimpedixxu u jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni fl-oqsma kollha tal-ħajja kontra kemm iż-żgħażagħ u kemm l-anzjani;

9.      Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi intensifikat it-triangolu ta' koordinazzjoni stabbilit fil-livell tat-teħid tad-deċiżjonijiet (li jinkludi l-UE, il-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali), tas-soċjetà ċivili u tas-settur privat, inklużi l-industriji li jipprovdu oġġetti u servizzi innovattivi b'appoġġ għall-għajxien indipendenti;

10.    Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju dwar it-tnaqqis demografiku, li qed jaffettwa għadd dejjem akbar ta' reġjuni f'diversi pajjiżi tal-UE, u tfassal komunikazzjoni dwar il-problema u dwar il-passi li jistgħu jittieħdu fil-livell Ewropew, fil-livell tal-Istati Membri, u fir-reġjuni affettwati, biex tiġi indirizzata l-isfida tat-tnaqqis demografiku;

11.    Jenfasizza li r-reġjuni li għandhom żvantaġġi naturali jew demografiċi serji – bħal, pereżempju, reġjuni b'popolazzjoni żgħira, il-gżejjer u ż-żoni muntanjużi – huma affettwati partikolarment ħażin mill-problemi assoċjati mat-tixjiħ, u għandhom inqas riżorsi u inqas infrastruttura disponibbli biex jippromwovu t-tixjiħ attiv; jappella biex tingħata kunsiderazzjoni dwar jekk pjanijiet ta' stimulu jkunux utli biex tiġi indirizzata l-problema tat-tixjiħ, li ġeneralment tkun aggravata minn proċessi paralleli ta' depopolazzjoni li jaffettwaw ħafna r-reġjuni kkonċernati, u li jistgħu jkunu ta' theddida għas-sopravivenza ta' dawk iż-żoni;

12.    Iqis li huwa ta’ dispjaċir li l-approvazzjoni relattivament tardiva ta' EY 2012 irriżultat f'dewmien fl-għoti ta’ kuntratti u fl-implimentazzjoni, u bħala riżultat ta’ dan ċerti avvenimenti, bħall-inizjattiva Jum il-Forzanzjana, ma wettqux il-potenzjal sħiħ tagħhom; jieħu nota tal-baġit iżgħar allokat għal EY 2012, meta mqabbel ma' Snin Ewropej preċedenti u r-riżorsi konsegwentement aktar skarsi biex jiġu implimentati l-objettivi ta' EY 2012;

13.    Ifakkar li t-tixjiħ attiv huwa, fost l-oħrajn, il-proċess li fih ikunu ottimizzati l-opportunitajiet għas-saħħa u għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà biex b'hekk jiġi żgurat li l-persuni jkunu jistgħu jżommu standard tajjeb ta' għajxien u kwalità tal-ħajja huma u jixjieħu; huwa tal-fehma li l-politiki dwar it-tixjiħ attiv għandhom iżidu l-potenzjal tal-persuni għall-benessri fiżiku, soċjali u mentali matul il-ħajja sabiex dan jippermettilhom inklużjoni soċjali aħjar u parteċipazzjoni akbar fis-soċjetà; jenfasizza l-fatt li t-tixjiħ attiv ifisser ukoll aċċess aħjar għal servizzi tas-saħħa, kura fit-tul u servizzi soċjali, li ġew taħt pressjoni f’xi każijiet matul il-kriżi, kif ukoll għat-tagħlim tul il-ħajja, il-parteċipazzjoni fis-soċjetà u l-attivitajiet kulturali, it-tisħiħ tal-infrastruttura soċjali eżistenti bħal djar u ċentri ta’ matul il-jum, l-eliminazzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u l-isterjotipi, azzjoni biex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali, u kuxjenza akbar dwar il-valur tat-tixjiħ attiv u b’saħħtu;

14.    Jirrakkomanda li l-Istati Membri kollha, permezz tas-sistemi ta' sigurtà soċjali tagħhom, jippromwovu u jsaħħu l-infrastruttura pubblika ta' kwalità għolja għall-anzjani (id-djar, iċ-ċentri ta' matul il-jum u l-appoġġ fid-dar), fejn l-anzjani jkunu meqjusa bħala parteċipanti attivi aktar milli riċevituri passivi tal-inizjattivi li jieħdu sehem fihom;

15.    Huwa tal-fehma li teħtieġ tiġi żviluppata strateġija Ewropea dwar id-demenzja, li għandha tinkludi miżuri ta' assistenza lill-familji tal-pazjenti, kampanji ta' informazzjoni, sensibilizzazzjoni u skambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri;

16.    Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-problema inkwetanti tal-qgħad fost il-persuni ‘l fuq minn 50 sena u tar-rata li qed tiżdied ta’ qgħad fuq perjodu ta’ żmien twil, u, flimkien mal-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u s-sħab soċjali, sabiex tikkunsidra ċ-ċirkustanzi u s-sitwazzjonijiet personali ta’ persuni akbar fl-età li huma qiegħda u tiżviluppa għodod effettivi biex iżżomm il-ħaddiema li jappartjenu għal din il-kategorija vulnerabbli fis-suq tax-xogħol, filwaqt li toffri opportunitajiet għal tagħlim tul il-ħajja u t-titjib tal-ħiliet, taħriġ fuq ix-xogħol u programmi ta’ tagħlim aċċessibbli u affordabbli u tippromwovi t-taħriġ u t-trasferiment tal-għarfien bejn il-ġenerazzjonijiet fuq il-post tax-xogħol għal kulħadd;

17.    Jenfasizza li fuq kollox għandha tingħata attenzjoni, f'dan ir-rigward, għal programmi bħal "mentoring ġenerazzjonali", li fihom ikunu mħeġġa skambji bejn esperti anzjani u l-ġenerazzjoni żagћżugћa fuq ix-xogħol u waqt it-taħriġ; jirrimarka li timijiet b'etajiet imħallta għandhom jiġu appoġġjati matul il-proċess tax-xogħol filwaqt li għandhom jiġu ppremjati proġetti eċċezzjonali; iqis li l-Istati Membri jistgħu jistabblixxu inċentivi għan-negozji biex jimpjegaw aktar ħaddiema akbar fl-età, u li, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, ħaddiema akbar fl-età m’għandhomx jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiema iżgħar fir-rigward ta’ taħriġ vokazzjonali u kontinwu; jenfasizza b’mod partikolari l-importanza li jiġu adattati l-postijiet tax-xogħol għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema akbar fl-età u jiġu provduti aktar opportunitajiet għal ħaddiema aktar avvanzati fl-età li jaħdmu part-time skont il-preferenzi tagħhom, kif ukoll jiġu ffaċilitati ħajjiet tax-xogħol itwal għal dawk li jixtiequ u huma kapaċi jaħdmu għal żmien itwal; huwa tal-fehma li għandhom jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ rtirar speċjali għal nies akbar fl-età li jkunu ilhom qiegħda, filwaqt li jinstab bilanċ bejn il-bżonn ta’ dawn in-nies għall-istabilità soċjali u dak tas-sistemi tas-sigurtà soċjali;

18.    Iqis li huwa ta’ dispjaċir li persuni akbar fl-età għadhom jiġu ta’ spiss esposti għal diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, l-isterjotipi u l-ostakli; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jimplimentaw b’mod korrett id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE dwar trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol mingħajr dewmien; jinnota li l-proposta għal direttiva dwar it-trattament ugwali orizzontali(6) kienet imblukkata fil-Kunsill sa mill-2008, u jistieden lill-Istati Membri biex isibu soluzzjoni malajr kemm jista’ jkun;

19.    Jirrifjuta bil-qawwa, madankollu, il-konsiderazzjoni ta’ politiki dwar it-tixjiħ attiv biss bħala strument biex tinżamm l-impjegabbiltà ta’ ħaddiema aktar anzjani, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu l-evalwazzjonijiet kollha meħtieġa u l-isforzi lejn approċċ ta’ ċiklu tal-ħajja u, fejn adatt, ir-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet, filwaqt li jsir kull sforz biex jiġu stabbilizzati r-regoli dwar l-irtirar, b’kont meħud tar-rati tal-qgħad attwali fost il-popolazzjoni ta’ età ta’ ‘l fuq minn 50 sena qabel ma tinbidel l-età obbligatorja tal-pensjoni; jemmen li r-rabta bejn l-età tal-irtirar mal-għomor tal-ħajja ma tqisx l-importanza tal-iżvilupp tas-suq tax-xogħol u għalhekk, ma għandhiex tkun l-uniku strument li jintuża biex tiġi indirizzata l-isfida ta’ soċjetà li qed tixjieħ; iqis li minflok, permezz tal-leġiżlazzjoni tagħhom dwar il-ħarsien tal-impjiegi u tas-sistemi tal-formazzjoni dwar il-pagi, l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw l-ingaġġ ta’ ħaddiema akbar fl-età b’mod partikolari qabel l-età statutorja tal-irtirar, peress li l-qgħad jista’ jkollu effetti negattivi ulterjuri fuq l-introjtu tal-irtirar tagħhom, u jqis li l-Istati Membri għandhom jiżguraw sistemi ta’ protezzjoni soċjali sostenibbli;

20.    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw is-sostenibbiltà ta’ skemi ta’ pensjonijiet pubbliċi u jiggarantixxu dħul tal-pensjoni individwali u adegwat u drittijiet għal kulħadd sabiex tiġi żgurata ħajja dinjituża f’età avvanzata — inklużi dawk li ħadu interruzzjonijiet ġustifikati fil-karriera, l-aktar in-nisa; jenfasizza l-importanza ta' superviżjoni adegwata u verifiki indipendenti tal-fondi tal-pensjonijiet tax-xogħol għal pensjonijiet sikuri u sostenibbli;

21.    Jenfasizza li l-anzjani għandhom jingħataw l-opportunità li jiżvolġu rwol ewlieni billi jgħinu lill-familji tagħhom, u jiġbed l-attenzjoni għall-ħidma volontarja prezzjuża li jwettqu l-anzjani;

22.    Jenfasizza l-importanza ta' teknoloġiji aċċessibbli għas-soċjetajiet Ewropej li qed jixjieħu u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija inklużiva dwar is-Suq Uniku Diġitali billi tiżgura li l-aċċessibbiltà tkun integrata permezz tal-istrateġija u marbuta mal-promozzjoni tal-ekonomija tal-anzjani ("silver economy") fl-Ewropa;

23.    Jilqa’ l-fatt li t-tixjiħ attiv u b’saħħtu huwa fost il-prijoritajiet ta’ investiment tal-Fond Soċjali Ewropew għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, kif iddikjarat fir-Regolament 1304/2013; jistieden lill-Istati Membri jużaw ir-riżorsi allokati b’mod effettiv; ifakkar li l-finanzjament għal proġetti li jippromwovu t-tixjiħ attiv huwa disponibbli wkoll taħt programmi bħall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE), Orizzont 2020, il-Programm Ewropew għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) u l-Programm dwar is-Saħħa; jappella għal koordinazzjoni aħjar bejn il-programmi u l-istrumenti varji disponibbli mill-UE għall-promozzjoni tat-tixjiħ attiv u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, u jitlob, f’konformità mal-prijoritajiet ta’ Orizzont 2020, il-ħolqien ta’ prijorità ta’ riċerka Ewropea bit-titolu “Xjenzi Applikati tas-Saħħa u t-Tixjiħ Attiv”;

24.    Jistieden lill-Istati Membri jużaw il-finanzjament disponibbli tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), l-FSIE u l-EaSI biex jipprovdu assistenza finanzjarja għall-programmi awtonomi mmexxija minn organizzazzjonijiet ta' persuni aktar anzjani li jaqsmu l-enerġija, l-għarfien, l-esperjenzi u l-għerf tagħhom ma' xulxin u biex jgħinu lin-nies fil-bżonn, u b'hekk jikkontribwixxu għal tixjiħ attiv u b'saħħtu, u jgħixu b'mod indipendenti għal żmien itwal;

25.    Ifakkar fir-Revizjoni tal-Baġit 2010 tal-Kummissjoni li identifikat "il-valur miżjud tal-UE" bħala wieħed mill-prinċipji ewlenin; jinsisti li dan il-prinċipju għandu jirrappreżenta l-pedament tal-infiq kollu u li l-finanzjament tal-UE, b'mod partikolari dak taħt il-FSE, m'għandux jintuża biex jissussidja approċċi nazzjonali iżda biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-programmi ta' tixjiħ attiv tal-Istati Membri;

26.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-indirizzar tal-fondi għat-tixjiħ attiv, kif ukoll l-effikaċja tal-assorbiment tal-fondi; barra minn dan, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplora l-fattibbiltà u l-valur miżjud ta’ strument finanzjarju Ewropew ġdid biex tiġi indirizzata l-problema tar-riintegrazzjoni tal-ħaddiema ta’ mezzetà li jkunu ngħataw is-sensja;

27.    Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiġbru data kompluta u affidabbli li tippermetti l-valutazzjoni tal-effikaċja tal-infiq tal-FSE fuq il-ħaddiema akbar fl-età;

28.    Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-fattibbiltà u l-valur miżjud ta' strument finanzjarju ġdid tal-UE li jipprovdi introjtu minimu liċ-ċittadini kollha tal-UE li jkunu taħt is-soll tal-faqar;

29.    Jirrakkomanda lill-Istati Membri jfasslu u jimplimentaw politiki pubbliċi u programmi li mhux biss itejbu s-saħħa fiżika iżda jippromwovu wkoll is-saħħa mentali u r-rabtiet soċjali;

30.    Iqis li huwa essenzjali li jiġu appoġġjati l-persuni akbar fl-età jgħixu ħajja indipendenti u attiva għall-itwal żmien possibbli, kif stabbilit fl-Artikolu 25 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, billi jiġi żviluppat u miżmum appoġġ pubbliku orjentat lejn il-persuni u mmexxi mid-domanda, servizzi ta’ għajnuna u servizzi ta’ kura u billi tittejjeb il-konnessjoni bejn dawn is-servizzi; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jiżguraw kura tas-saħħa affordabbli, aċċessibbli u nondiskriminatorja u jagħtu prijorità lill-prevenzjoni fil-politiki tagħhom dwar il-kura tas-saħħa; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni timplimenta l-pakkett ta’ investiment soċjali, li jżomm it-tixjiħ f’saħħtu u l-adegwatezza u l-kwalità tal-kura fit-tul bħala prijorità għolja fuq l-aġenda politika, u biex tanalizza l-affordabbiltà tal-kura tas-saħħa għall-anzjani, tiġbor data dwar il-ħinijiet ta’ stennija fis-sistemi tal-kura tas-saħħa madwar l-UE u tipproponi linji gwida għal massimu ta' żmien ta’ stennija; iqis li huwa essenzjali li tiġi promossa r-responsabbiltà personali u individwali tas-saħħa mill-persuna nnifisha, b’żieda sostanzjali fil-livell ta' kampanji ta’ informazzjoni nazzjonali dwar il-kura tas-saħħa u l-motivazzjoni, kif ukoll li tiġi nkoraġġita l-kooperazzjoni dwar il-kompetenza sanitarja sabiex persuni akbar fl-età jkunu kapaċi jieħdu ħsieb saħħithom; ifakkar li jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni lil soluzzjonijiet u għodod teknoloġiċi innovattivi; finalment, jagħraf l-importanza tat-tixrid effikaċi tal-informazzjoni relatata ma' servizzi lokali u drittijiet b'għajnuna biex jintlaħaq dan l-għan;

31.    Jistieden lill-Kummissjoni twettaq segwitu tal-konklużjonijiet tar-rapport konġunt intitolat 'Protezzjoni soċjali adegwata għall-ħtiġijiet ta' kura fit-tul f'soċjetà li qed tixjieħ' u tippreżenta proposti konkreti mingħajr dewmien;

32.    Jemmen li għandha tingħata prijorità lill-integrazzjoni tal-anzjani fil-familji tagħhom; jissuġġerixxi lill-Kummissjoni li jiġi esplorat il-potenzjal offrut minn negozji tal-familja u x-xogħol korrispondenti fil-qasam tal-kura għall-anzjani;

33.    Jirrimarka li trasport pubbliku aktar effikaċi huwa waħda mill-ogħla prijoritajiet għall-anzjani fil-ħolqien ta' ambjenti adatti għall-anzjani(7), peress li dan jappoġġja ħajja indipendenti u aċċess għas-servizzi bażiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-aċċessibbiltà u l-interoperabilità tas-sistemi ta' trasport;

34.    Jilqa' d-dokument ta' sfond tal-Kummissjoni intitolat "Growing the Silver Economy in Europe" (It-tkabbir tal-ekonomija tal-anzjani fl-Ewropa), u jtenni l-ħtieġa li tiġi żviluppata "ekonomija tal-anzjani", li tirrispondi għax-xewqat u l-bżonnijiet ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ fuq il-bażi ta’ opportunitajiet ekonomiċi li jirriżultaw min-nefqa pubblika u dik tal-konsumaturi b'rabta mat-tixjiħ tal-popolazzjoni kif ukoll minn prodotti speċifiċi, servizzi, soluzzjonijiet innovattivi u ħtiġijiet, li jirriżultaw f’impjiegi ġodda u tkabbir, b'kont meħud tal-bżonnijiet tal-aktar gruppi soċjoekonomiċi vulnerabbli;

35.    Jinnota li tnaqqis unilaterali fl-età tal-forza tax-xogħol ma jwassalx għal aktar innovazzjoni, iżda jirrappreżenta ħela ta' esperjenza, għarfien u ħiliet;

36.    Huwa tal-fehma li l-anzjani għandhom ikunu parti sħiħa mis-soċjetà, u li għandha tkun appoġġjata l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum inkluż fil-ħajja pubblika; iqis, barra minn hekk, li għandu jitħeġġeġ djalogu attiv u skambju ta' esperjenzi bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani; jenfasizza r-rwol ta' proġetti interġenerazzjonali f'dan il-kuntest; jappoġġja, barra minn hekk, id-dritt li għandhom l-anzjani li jgħixu ħajja dinjituża u indipendenti, kif stabbilit fl-Artikolu 25 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jemmen ukoll li l-parteċipazzjoni politika attiva tar-rappreżentanti tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ u tal-anzjani għandha tkun żgurata fil-livelli kollha tal-UE, kull fejn jistgħu jiġu affettwati l-interessi tal-ġenerazzjoni;

37.    Jiġbed l-attenzjoni wkoll għar-rwol soċjali prezzjuż li l-anzjani jiżvolġu billi jgħaddu l-valuri u l-esperjenza tagħhom lill-oħrajn u billi jagħtu suġġerimenti dwar kif għandu jkun l-approċċ għall-ħajja fil-komunità;

38.    Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jadottaw pożizzjoni pożittiva fil-Grupp ta' Ħidma miftuħ tan-NU dwar it-Tixjiħ li tiżgura li ċ-ċittadini anzjani jkunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mill-qrib mal-Espert Indipendenti tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Anzjani u ma' organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-anzjani fl-UE;

39.    Jiddeplora l-fatt li l-perkorsi tal-karriera qed isiru dejjem aktar prekarji u inċerti, minħabba x-xogħol temporanju, iż-żieda fil-kuntratti tax-xogħol qosra, in-nuqqas ta' xogħol u l-qgħad;

40.    Jilqa’ l-Patt tal-UE li jmiss dwar it-Tibdil Demografiku bħala riżultat ewlieni ta' EY 2012 u tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu; jitlob lill-Kummissjoni tidentifika oqsma fil-baġit tal-UE fejn jistgħu jsiru ffrankar u effiċjenzi sabiex tipprovdi fondi għall-Patt, li jkun netwerk miftuħ, kbir u indipendenti li jġib flimkien il-partijiet interessati lokali u reġjonali kommessi li jindirizzaw il-bidla demografika Ewropea billi jiġu promossi ambjenti adatti għall-anzjani f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO);

41.    Jistieden lill-Kummissjoni tadotta Strateġija tal-UE dwar it-Tibdil Demografiku biex tikkoordina l-azzjoni tal-UE f'diversi oqsma sabiex ikunu żgurati s-sinerġiji u jiġi massimizzat l-impatt pożittiv tagħhom fuq iċ-ċittadini Ewropej, l-ekonomija u l-ħolqien tal-impjiegi, kif ukoll jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem tal-anzjani fil-politiki kollha tal-UE;

42.    Jemmen li l-isfidi demografiċi mhumiex indirizzati b’mod adegwat fil-livell Ewropew; jistieden, għalhekk, lill-Presidenzi futuri tal-Kunsill tal-UE biex ipoġġu dan il-punt mill-ġdid fuq l-aġenda tal-UE u biex jaħdmu dwar risponsi ta’ politika qawwija;

43.    Jenfasizza li t-tibdil demografiku m'għandux jintuża bħala ġustifikazzjoni biex jiżżarmaw id-drittijiet u servizzi soċjali;

44.    Jilqa’ l-Prinċipji Gwida dwar it-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet żviluppati b’mod konġunt mill-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali u l-Kumitat għall-Impjiegi; jilqa’ b’mod partikolari r-rwol tal-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali li jippermetti skambju dirett ta’ esperjenzi fost l-Istati Membri, inkluż rigward il-kura fit-tul u l-pensjonijiet;

45.    Jilqa’ l-Indiċi tat-Tixjiħ Attiv, li jimmira li jiġbor il-potenzjal mhux sfruttat ta’ persuni mdaħħlin fiż-żmien għal parteċipazzjoni aktar attiva fil-ħajja tax-xogħol u dik soċjali u għal għajxien indipendenti, flimkien ma’ proġett ta’ segwitu li għaddej bħalissa mmexxi mill-Kummissjoni bil-kollaborazzjoni tal-Kumitat Ekonomiku tan-NU għall-Ewropa; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jistabbilixxu miri msejsa fuq l-Indiċi tat-Tixjiħ Attiv li għandhom jinkisbu permezz ta’ strateġiji komprensivi għal tixjiħ attiv, u jimmonitorjaw il-progress fil-ksib ta’ dawk il-miri;

46.    Jirrimarka li l-promozzjoni ta' ambjenti adatti għall-anzjani hi għodda essenzjali biex jiġu appoġġjati l-ħaddiema anzjani u dawk li qed ifittxu xogħol u biex jiġu promossi soċjetajiet inklużivi li joffru opportunitajiet indaqs għal kulħadd; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-proġett ta’ ġestjoni konġunta tal-Kummissjoni mad-WHO bl-għan li tiġi adattata l-Gwida għall-Bliet Globali Xierqa għall-Anzjani għall-kuntest Ewropew;

47.    Jemmen li Konvenzjoni tan-NU għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Anzjani ttejjeb il-ħajja tal-anzjani billi tiggarantilhom aċċess ugwali għal drittijiet politiċi, ekonomiċi, kulturali u tal-kura tas-saħħa u tkun pjattaforma importanti għall-ħolqien ta' bidla fl-attitudni lejn it-tixjiħ fuq skala globali;

48.    Jistieden lill-Kummissjoni tadotta Pjan ta' Azzjoni dwar l-abbuż fuq l-anzjani, li jqis il-Qafas Ewropew għall-Kwalità għall-Kura fuq Perjodu Twil żviluppat mis-sħubija WeDO u jindirizza l-kwistjoni tad-drittijiet tal-anzjani li jeħtieġu l-kura u l-assistenza;

49.    Jiddispjaċih li, fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD) u l-Istrateġija dwar id-Diżabilità, il-Kummissjoni għadha ma indirizzatx l-inugwaljanzi fl-età; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tqajjem kuxjenza u tindirizza d-drittijiet ta' persuni akbar fl-età li għandhom diżabbiltajiet u d-diskriminazzjoni tal-età li jsofru, u tiżgura li l-applikazzjoni tal-UNCRPD ma titraskurax lil persuni akbar fl-età;

50.    Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà, li ilu mistenni ferm, biex jiġi żgurat li t-trasport, id-djar u l-prodotti u s-servizzi bbażati fuq l-ICT, inklużi dawk offruti bl-ekonomija tal-anzjani, ikunu aċċessibbli għall-persuni akbar fl-età;

51.    Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal pajjiż li jindirizzaw l-adegwatezza, is-sostenibbiltà u l-korrettezza tar-riformi ekonomiċi fil-qasam tal-impjiegi, il-pensjonijiet, l-inklużjoni soċjali u l-kura fit-tul fi ħdan il-qafas tas-Semestru Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta aħjar l-impatt soċjali tar-riformi ekonomiċi, b'mod partikolari fil-kuntest ta' popolazzjoni li qed tixjieħ;

52.    Jenfasizza l-importanza tal-volontarjat, li ma jistax jittieħed bħala fatta u li għalhekk għandu l-valur soċjali miżjud tiegħu ikkunsidrat u li jippromwovi t-tagħlim interkulturali u s-solidarjetà interġenerazzjonali, irawwem it-tixjiħ attiv u l-parteċipazzjoni ċivika tul il-ħajja kollha, kif ukoll jippermetti li persuni akbar fl-età juru impenn lejn is-soċjetà, biex b’hekk titjieb il-kwalità tal-ħajja, il-benessri u l-istat ġenerali ta’ saħħa tagħhom; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' approċċi aktar flessibbli u inklużivi għall-parteċipazzjoni fi programmi ta' volontarjat; jiddeplora, f'dan il-kuntest, il-waqfien tal-programm Grundtvig li kien jappoġġja voluntiera akbar fl-età; ifakkar fl-importanza ta’ assoċjazzjonijiet Ewropej u netwerks transnazzjonali u korpi pubbliċi u privati li jaħdmu biex irawmu l-integrazzjoni ta’ persuni anzjani, li għandhom jingħataw appoġġ partikolari, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrikonoxxi l-valur ta’ programmi ta’ suċċess tal-UE li għaqqdu flimkien il-parteċipazzjoni ċivika mal-iskambji tal-UE ta’ gruppi li jinvolvu persuni akbar fl-età;

53.    Jenfasizza li l-għan ta' politika għall-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet għandu jkun li tinħolqu l-għodda meħtieġa biex jitmexxa djalogu interġenerazzjonali miftuħ u leali li jwassal għal sitwazzjonijiet ta' benefiċċju għal kulħadd; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu b'mod intensiv fuq din l-għodda sabiex tinħoloq solidarjetà;

54.    Jenfasizza l-importanza ta' intrapriżi soċjali li jgħinu billi jipprovdu servizzi għall-anzjani u jieħdu ħsieb is-saħħa u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà;

55.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet

Is-sena 2012 kienet imfassla bħala "Sena Ewropea għat-tixjiħ attiv u għas-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet"(8). L-għan ġenerali kien biex jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta' kultura ta' tixjiħ attiv fl-Ewropa bbażat fuq soċjetà għall-etajiet kollha.

L-għanijiet speċifiċi kienu:

1. Li jitqajjem għarfien ġenerali dwar il-valur tat-tixjiħ attiv u d-diversi dimensjonijiet tiegħu;

2. Li jiġi stimulat id-dibattitu, isir skambju ta' informazzjoni u jiġi żviluppat tagħlim reċiproku;

3. Li jiġi offrut qafas għal impenn u azzjoni konkreta;

4. Li jiġu promossi attivitajiet li jgħinu biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, biex jingħelbu l-isterjotipi relatati mal-età u biex jitneħħew l-ostakli.

Id-deċiżjoni dwar is-Sena Ewropea 2012 iddefiniet pakkett baġitarju ta' ħames miljun euro għall-perjodu bejn Jannar 2011 u Diċembru 2012.

Il-kunċett ta’ tixjiħ attiv

Id-Deċiżjoni 940/2011/UE(9) tirreferi għad-definizzjoni ta' tixjiħ attiv tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa li ġejja: “it-tixjiħ attiv bħala l-proċess li fih isir l-aħjar użu mill-opportunitajiet tas-saħħa, tal-parteċipazzjoni u tas-sigurtà sabiex tittejjeb il-kwalità ta’ ħajjet il-persuni fil-proċess tat-tixjiħ. It-tixjiħ attiv jagħmilha possibbli li n-nies jirrealizzaw il-potenzjal tagħhom għall-benessri fiżiku, soċjali u mentali matul ħajjithom u jipparteċipaw fis-soċjetà, filwaqt li jipprovdilhom protezzjoni, sikurezza u kura adegwati meta jkollhom bżonnhom.. Konsegwentement, il-promozzjoni tat-tixjiħ attiv tirrikjedi approċċ ta’ natura multidimensjonali, u appartenenza u appoġġ dewwiem fost il-ġenerazzjonijiet kollha.”

Il-kunċett ta’ tixjiħ attiv huwa pjuttost wiesa’, mhuwiex limitat biss biex iżomm lin-nies għal żmien itwal fl-impjieg. Dan huwa marbut ma’ diversi oqsma ta’ politika bħal pensjonijiet, il-kura tas-saħħa fit-tul, l-impjieg, l-ICT, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, l-edukazzjoni għall-adulti, it-trasport, l-aċċessibbiltà eċċ

L-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea 2012

Is-sena 2012 ġiet iċċelebrata permezz ta' sensiela ta' avvenimenti Ewropej u ġew mogħtija premijiet differenti fl-okkażjoni tas-sena. Barra minn hekk, żewġ kisbiet importanti tas-sena kienu l-Indiċi tat-Tixjiħ Attiv u l-Prinċipji Gwida għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet. Kienu mfassla wkoll programmi nazzjonali li ġew implimentati mill-pajjiżi parteċipanti. Avvenimenti tal-ftuħ kienu jinvolvu b'mod ġenerali 4500 parteċipant. B'kollox ġew implimentati 748 inizjattiva nazzjonali u transnazzjonali matul is-Sena, u dawn huma biss dawk inklużi fil-bażi tad-dejta tal-UE. F'termini ta' kopertura tematika, l-enfasi kienet fuq ir-tressiq lejn xulxin tal-ġenerazzjonijiet, l-appoġġ għall-impenn soċjali u l-promozzjoni tas-saħħa kif ukoll il-kura tas-saħħa preventiva.

L-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi kienet ikkunsidrata mill-bidu tas-Sena Ewropea 2012 u ġiet inkluża fl-attivitajiet promossi. B'mod ġenerali, l-EY 2012 kienet immexxija b'mod predominanti minn nisa u l-avvenimenti nazzjonali ewlenin attiraw u kienu jinkludu ferm aktar spiss lin-nisa mill-irġiel.

Is-Sena Ewropea 2012 kopriet firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet li jiffaċċjaw l-anzjani relatati mad-diżabbiltà, speċjalment kwistjonijiet ta' saħħa u ta' għajxien indipendenti. L-inizjattivi indirizzaw id-diżabbiltà direttament u indirettament, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri. L-attivitajiet tas-Sena Ewropea 2012 żguraw l-aċċessibilità għall-ambjent mibni waqt l-avvenimenti u pprovdew diversi faċilitajiet bħal interpreti tal-lingwa tas-sinjali u t-trasport f'diversi okkażjonijiet. Il-websajt tal-UE kien fiha l-għażla ta' tipi akbar.

Il-pjanijiet magħmula fil-bidu tas-sena Ewropea 2012 fil-Programmi Nazzjonali ġew irrispettati fil-biċċa l-kbira tagħhom, fil-maġġoranza tal-pajjiżi. L-aħjar riżultati ġew miksuba fit-trawwim ta' għarfien permezz ta' inizjattivi u avvenimenti fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali. Is-Sena kisbet l-għanijiet intermedji tagħha ta' tisħiħ ta' netwerks eżistenti, il-ħolqien ta' sinerġiji u sħubijiet bejn livelli ta' gvern u oqsma ta' politika, il-promozzjoni ta' linji ta' politika u ta' strateġiji fit-tul u d-disponibbiltà ta' innovazzjonijiet teknoloġiċi, organizzattivi u soċjali. L-għan tal-istabbiliment ta' netwerks ġodda kien madankollu rarament miksub. L-iżvilupp ta' politiki nazzjonali, ta' strateġiji u programmi komprensivi fuq it-tixjiħ attiv f'għadd ta' pajjiżi jipprovdi evidenza tal-impatt tal-politika tas-Sena Ewropea 2012. Is-Sena laħqet b'suċċess l-objettiv tagħha li timmobilizza l-atturi rilevanti madwar it-tixjiħ attiv u s-solidarjetà interġenerazzjonali. Madankollu, l-involviment tal-imsieħba soċjali kien varjabbli u n-negozji privati ma ntlaħqux ħafna.

Id-diversi avvenimenti fil-livell tal-UE taw kontribut kbir biex jintlaħqu l-għanijiet. Madankollu, xi wħud minnhom ma laħqux il-potenzjal sħiħ tagħhom minħabba dewmien fl-iskeda ta' implimentazzjoni. Il-websajt tal-UE kienet apprezzata ħafna bħala inizjattiva kosteffettiva, iżda n-numru ta' viżitaturi kien komparattivament inqas minn dak ta' Snin Ewropej oħra. Il-grad ta' involviment mal-midja soċjali min-naħa tal-parteċipanti u mill-partijiet interessati deher ukoll limitat, għall-inqas fil-livell tal-UE.

Fil-livell tal-UE, kien hemm komplementarjetà qawwija bejn is-Sena Ewropea 2012 u attivitajiet politiċi oħrajn li għaddejjin bħalissa, bħall-White Paper dwar il-Pensjonijiet, il-Forum Demografiku, is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu u Att Dwar l-Aċċessibbiltà ppjanat.

Is-Sena Ewropea 2012 għenet biex ikunu rfinuti tal-aġendi ta' politika nazzjonali dwar it-tixjiħ attiv u stimulat l-iskambju ta' prattiki tajba bejn il-pajjiżi. Il-valur miżjud tal-UE tas-Sena jidher mill-evidenza tal-volum, il-proċess, il-kamp ta' applikazzjoni, l-istabbiliment tal-aġenda, l-innovazzjoni u l-effetti ta' tagħlim. Is-Sena Ewropea 2012 żiedet l-għadd ta' inizjattivi għall-promozzjoni tat-tixjiħ attiv fl-Istati Membri u saħħet l-għarfien u l-ħiliet ta' partijiet interessati involuti fl-organizzazzjoni tas-Sena.

F'termini tal-baġit, is-Sena Ewropea 2012 taqa' fi ħdan is-Snin Ewropej ta' baġits iżgħar, li jsegwi biss l-inqas Sena ffinanzjata fis-serje 2009-2012 (Sena Ewropea 2009, li ma kellha l-ebda baġit speċifiku). Madankollu, is-Sena Ewropea 2012 laħqet kisbiet kbar. Nistgħu ngħidu li nkisbu riżultati komparabbli għal Snin Ewropej oħra b'inqas riżorsi.

Hemm indikazzjonijiet li l-effetti tas-Sena Ewropea 2012 se jinħassu lil hinn mis-Sena nnifisha u għall-inqas xi wħud minnhom se jkunu sostnuti fuq perjodu itwal ta' żmien. F'ċerti pajjiżi ġew adottati strateġiji u pjanijiet komprensivi, filwaqt li f'oħrajn, kien hemm kisbiet fil-livell ta' dokumenti ta' riflessjoni, karti, ta' dokumenti leġiżlattivi li jkopru kwistjonijiet speċifiċi, jew proġetti. Nistgħu nenfasizzaw lista mhux eżawrjenti ta' eżempji ta' eżiti politiċi nazzjonali tas-Sena Ewropea 2012:

•   Pjan Federali għall-Anzjani u Strateġija Nazzjonali dwar it-tagħlim tul il-ħajja, ix-xogħol u s-saħħa fl-Awstrija

•   Strateġija għal Tixjiħ Attiv 2013-2020 fl-Estonja

•   Programm Nazzjonali għal Tixjiħ Attiv 2013-2020 fis-Slovakkja

•   Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar it-Tixjiħ 2013-2017 fir-Repubblika Ċeka

•   Leġiżlazzjoni ġdida dwar il-pensjonijiet u leġiżlazzjoni ġdida dwar is-suq tax-xogħol fis-Slovenja

Rakkomandazzjonijiet

Ir-rapporteur huwa tal-fehma li l-inizjattivi mnedija fil-qafas tas-Sena Ewropea 2012 għandhom ikunu segwiti u jitkomplew, minħabba li s-sostenibbiltà tar-riżultati hija ta’ importanza kbira. Ir-rapporteur ifaħħar iż-żewġ riżultati importanti tal-EY 2012, jiġifieri l-Prinċipji Gwida dwar it-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet u l-Indiċi tat-Tixjiħ Attiv u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jużawhom b’mod aktar attiv u biex jibbażaw fuqhom miri li għandhom jintlaħqu permezz ta’ strateġiji komprensivi għal tixjiħ attiv u sabiex jiġi sorveljat il-progress lejn dawn il-miri. Huwa jenfasizza wkoll riżultat ewlieni ieħor, il-Patt dwar it-Tibdil Demografiku li jmiss u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tipprovdi finanzjament għal dan il-Patt, netwerk miftuħ u kbir li jlaqqa' flimkien diġà aktar minn 270 awtorità lokali u reġjonali, riċerkaturi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kommessi li jindirizzaw il-bidla demografika Ewropea billi jiġu promossi ambjenti adatti għall-anzjani f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Meta jħares lejn is-Sena Ewropea 2012, ir-rapporteur jinsisti li l-bidliet demografiċi li se jkollha l-Ewropa għandhom jitqisu bħala opportunità aktar milli piż għas-soċjetà Ewropea. Wieħed mill-aspetti ewlenin ta’ dan ikun ir-rikonoxximent tal-kontribut taċ-ċittadini aktar anzjani u t-tisħiħ tar-rwol pożittiv li għandhom fis-soċjetà, filwaqt li ssir ħidma biex jitjieb id-djalogu interġenerazzjonali. Huwa jindika li l-promozzjoni ta' ambjenti adatti għall-anzjani huwa essenzjali fid-dawl ta’ bidliet demografiċi tal-futur. Jeħtieġ ikunu żviluppati għodod li jappoġġjaw il-ħaddiema anzjani u dawk li qed ifittxu xogħol kif ukoll biex ikunu promossi soċjetajiet inklużivi b’mod sostenibbli b'mod li jkunu offruti opportunitajiet indaqs għal kulħadd. F’dan il-kuntest huwa jappoġġja l-ġestjoni konġunta ta’ proġetti tal-Kummissjoni flimkien mad-WHO bl-għan li tkun adattata l-Gwida għall-Bliet Globali Xierqa għall-Anzjani għall-kuntest Ewropew u jiġi żviluppat qafas li jippermetti lill-bliet u r-reġjuni li jimpenjaw ruħhom għal ambjenti adatti għall-anzjani.

Iqis ukoll li għandha tiġi żviluppata ‘ekonomija tal-fidda’, abbażi tal-opportunitajiet ekonomiċi li jirriżultaw mis-settur pubbliku u l-infiq tal-konsumaturi marbuta mat-tixjiħ tal-popolazzjoni u mal-prodotti speċifiċi, servizzi, soluzzjonijiet innovattivi u ħtiġijiet tal-popolazzjoni ta' età 'l fuq minn 50 sena li jwasslu għal impjiegi ġodda u tkabbir;

Barra minn hekk huwa jenfasizza l-problemi ta’ preġudizzji, diskriminazzjonijiet u sterjotipi relatati mal-età u jitlob lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni għat-tneħħija tagħhom.

Peress li l-finanzjament huwa dejjem element kruċjali, huwa jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jużaw l-opportunitajiet ta’ finanzjament disponibbli tal-UE, bħall-FSIE, Orizzont 2020, EaSI, Programm tas-Saħħa biex jilħqu l-objettivi ta’ politika dwar it-tixjiħ attiv.

(1)

ĠU L 246, 23.9.2011, p. 5.

(2)

ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2013)0328.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2013)0204.

(5)

ĠU C 74 E, 13.3.2012, p. 19.

(6)

Il-proposta għal Direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008) 0426).

(7)

Il-Kummissjoni Ewropea (2012). Ewrobarometru Speċjali 378 dwar it-tixjiħ attiv.

(8)

Id-Deċiżjoni Nru 940/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2011 dwar is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (2012), Ġurnal Uffiċjali L 246, 23/9/2011.

(9)

Id-Deċiżjoni Nru 940/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2011 dwar is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (2012)


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

15.7.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

43

9

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Guillaume Balas, Tiziana Beghin, Brando Benifei, Mara Bizzotto, Vilija Blinkevičiūtė, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Ole Christensen, Lampros Fountoulis, Elena Gentile, Arne Gericke, Thomas Händel, Marian Harkin, Danuta Jazłowiecka, Agnes Jongerius, Rina Ronja Kari, Jan Keller, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Zdzisław Krasnodębski, Jérôme Lavrilleux, Patrick Le Hyaric, Verónica Lope Fontagné, Thomas Mann, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Elisabeth Morin-Chartier, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Marek Plura, Terry Reintke, Sofia Ribeiro, Maria João Rodrigues, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Romana Tomc, Yana Toom, Ulrike Trebesius, Ulla Tørnæs, Marita Ulvskog, Renate Weber, Tatjana Ždanoka, Jana Žitňanská, Inês Cristina Zuber

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Tim Aker, Tania González Peñas, Sergio Gutiérrez Prieto, Eduard Kukan, Tamás Meszerics, Ivo Vajgl


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

43

+

ALDE

Enrique Calvet Chambon, Marian Harkin, Yana Toom, Ulla Tørnæs, Ivo Vajgl, Renate Weber

ECR

Arne Gericke, Zdzisław Krasnodębski, Anthea McIntyre, Ulrike Trebesius, Jana Žitňanská

PPE

David Casa, Danuta Jazłowiecka, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Eduard Kukan, Ádám Kósa, Jérôme Lavrilleux, Verónica Lope Fontagné, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Marek Plura, Sofia Ribeiro, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Romana Tomc

S&D

Guillaume Balas, Brando Benifei, Vilija Blinkevičiūtė, Ole Christensen, Elena Gentile, Sergio Gutiérrez Prieto, Agnes Jongerius, Jan Keller, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Maria João Rodrigues, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Marita Ulvskog

Verts/ALE

Tamás Meszerics, Terry Reintke, Tatjana Ždanoka

9

-

EFDD

Laura Agea, Tim Aker, Tiziana Beghin

GUE/NGL

Tania González Peñas, Thomas Händel, Rina Ronja Kari, Patrick Le Hyaric, Inês Cristina Zuber

NI

Lampros Fountoulis

2

0

ENF

Mara Bizzotto, Dominique Martin

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

-  : kontra

0  : astensjoni

Avviż legali