RAPPORT dwar iż-ŻEE-Svizzera: Ostakoli fir-rigward tal-implimentazzjoni sħiħa tas-suq intern
24.7.2015 - (2015/2061(INI))
Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
Rapporteur: Andreas Schwab
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar iż-ŻEE-Svizzera: Ostakoli fir-rigward tal-implimentazzjoni sħiħa tas-suq intern
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tat-22 ta' Lulju 1972 bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera,
– wara li kkunsidra l-Ftehim tal-21 ta' Ġunju 1999 bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, u b'mod partikolari l-Anness I tiegħu dwar il-moviment liberu tal-persuni u l-Anness III dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali,
– wara li kkunsidra l-Ftehim tal-25 ta' Ġunju 2009 bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar is-simplifikazzjoni tal-kontrolli u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta' oġġetti kif ukoll dwar miżuri doganali ta' sigurtà,
– wara li kkunsidra l-Ftehim tal-21 ta' Ġunju 1999 bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar ir-rikonoxximent reċiproku fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità,
– wara li kkunsidra l-Ftehim tal-21 ta' Ġunju 1999 bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar ċerti aspetti tal-akkwist pubbliku mill-gvern,
– wara li kkunsidra l-Protokoll tas-27 ta' Mejju 2008 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea f'isem il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni rigward il-parteċipazzjoni, bħala partijiet kontraenti, tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija wara l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Protokoll tas-26 ta' Ottubru 2004 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa, u l-Konfederazzjoni Żvizzera fuq in-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, rigward il-parteċipazzjoni, bħala partijiet kontraenti, tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka skont l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (id-"Direttiva tas-Servizzi")[1],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar iż-ŻEE-Żvizzera: Ostakli fir-rigward tal-implimentazzjoni sħiħa tas-suq intern[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2014 dwar ir-Rapport ta' Progress tal-2012 dwar l-Iżlanda u l-prospettivi postelettorali[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-governanza tas-Suq Uniku fil-qafas tas-Semestru Ewropew 2015[5],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Marzu 2014,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2014 dwar suq uniku estiż omoġenju u r-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi terzi tal-Ewropa tal-Punent,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill taż-ŻEE fit-42 laqgħa tiegħu tad-19 ta' Novembru 2014,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2012 dwar reviżjoni tal-funzjonament taż-Żona Ekonomika Ewropea (SWD(2012)0425),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2012 dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Prinċipalità ta' Andorra, il-Prinċipalità ta' Monako u r-Repubblika ta' San Marino — Opzjonijiet għal Integrazzjoni Eqreb mal-UE (COM(2012)0680),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tat-18 ta' Novembru 2013 dwar ir-Relazzjonijiet tal-UE mal-Prinċipalità ta' Andorra, il-Prinċipalità ta' Monako u r-Repubblika ta' San Marino: Opzjonijiet għall-parteċipazzjoni tagħhom fis-Suq Intern,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE fl-2013,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea tat-30 ta' Mejju 2013 dwar il-futur taż-ŻEE u r-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi ta' daqs żgħir u l-Iżvizzera,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea tas-26 ta' Marzu 2014 dwar il-governanza tas-suq uniku,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea tas-17 ta' Marzu 2015 dwar il-politika industrijali fl-Ewropa,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea tas-17 ta' Marzu 2015 dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment u l-implikazzjonijiet possibbli tagħha għall-Istati EFTA taż-ŻEE,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Politika Barranija Żvizzera tal-14 ta' Jannar 2015,
– wara li kkunsidra l-35 Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern tal-Istati EFTA taż-ŻEE,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 217 li jagħti d-dritt lill-Unjoni li tikkonkludi ftehimiet internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0244/2015),
A. billi l-erba' Stati Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera) huma sħab kummerċjali ewlenin tal-Unjoni Ewropea (UE), filwaqt li l-Iżvizzera u n-Norveġja huma, rispettivament, ir-raba' u l-ħames sħab kummerċjali l-aktar importanti f'sens ta' volum;
B. billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u tliet Stati Membri tal-EFTA (l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja) huma bbażati fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), li tipprovdi għal parteċipazzjoni fis-suq intern, bil-Ftehim ŻEE mmaniġġjat u mmonitorjat f'qafas istituzzjonalizzat sew;
C. billi l-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-Ftehim ŻEE kienet ikkontestata b'vot popolari fl-1992 u għalhekk ir-relazzjonijiet bejn l-Iżvizzera u l-UE huma attwalment ibbażati fuq iżjed minn 100 ftehim settorjali li jipprovdu għal grad estensiv ta' integrazzjoni;
D. billi suq uniku li jiffunzjona tajjeb u effikaċi, ibbażat fuq ekonomija tas-suq soċjali ferm kompetittiva, huwa meħtieġ biex jagħti spinta lit-tkabbir u lill-kompetittività u biex joħloq l-impjiegi ħalli jagħti l-ħajja mill-ġdid lill-ekonomija Ewropea, iżda l-leġiżlazzjoni tas-suq uniku għandha tiġi trasposta, implimentata u infurzata kif xieraq sabiex jittieħdu l-benefiċċji kollha tagħha fl-Istati Membri tal-UE u fl-Istati EFTA taż-ŻEE;
Introduzzjoni
1. Iqis il-Ftehim taż-ŻEE bħala fattur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku u l-iżjed strument estensiv u komprensiv li jestendi s-suq uniku għal pajjiżi terzi; jemmen li meta jittieħed kont tal-iżviluppi interni fl-UE, ġie ppruvat li huwa ftehim sod, effiċjenti u li jiffunzjona tajjeb filwaqt li jiżgura l-integrità tas-suq uniku anke fuq terminu twil;
2. Jirrikonoxxi li r-relazzjonijiet b'saħħithom bejn l-UE, il-pajjiżi EFTA taż-ŻEE u l-Iżvizzera jmorru lil hinn mill-integrazzjoni ekonomika u l-estensjoni tas-suq uniku, u jikkontribwixxu għall-istabbiltà u l-prosperità għall-benefiċċju taċ-ċittadini u n-negozji kollha, inklużi l-SMEs; jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi u jiġu ġġenerati impjiegi ġodda;
Implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Uniku: il-pajjiżi EFTA taż-ŻEE
3. Jinnota bi tħassib li skont it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern tal-Istati EFTA taż-ŻEE, id-defiċit medju attwali fit-traspożizzjoni tat-tliet Stati EFTA żdied għal 2 % minn 1,9 % f'Lulju 2014;
4. Jilqa' l-isforzi konsiderevoli li saru fir-rigward tat-titjib tal-inkorporazzjoni rapida tal-Acquis rilevanti fil-Ftehim taż-ŻEE kif ukoll il-Ftehim reċenti dwar il-prinċipji għall-inkorporazzjoni tar-Regolamenti tal-UE li jistabbilixxu l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej fil-qasam tas-servizzi finanzjarji;
5. Jirrimarka li l-Istati EFTA taż-ŻEE huma involuti f'ħafna programmi u aġenziji tal-UE u f'miżuri ta' kooperazzjoni prattika, bħas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern jew is-SOLVIT, u jikkontribwixxu għall-koeżjoni tal-UE permezz tal-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE u tan-Norveġja; iqis li din il-kooperazzjoni trawwem il-funzjonament effikaċi ta' suq uniku mkabbar; jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati EFTA taż-ŻEE jkomplu jiżviluppaw l-għodod ta' prevenzjoni u t-tweġibiet għal theddid possibbli bil-ħsieb li jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija;
6. Iqis li l-implimentazzjoni fil-ħin u kemm jista' jkun possibbli b'mod simultanju tal-leġiżlazzjoni rilevanti tas-suq uniku mill-Istati EFTA taż-ŻEE hija essenzjali u li dan il-proċess jista' jittejjeb u jiġi aċċellerat iżjed;
7. Jenfasizza li l-atti legali pendenti li qed jistennew l-inkorporazzjoni għadhom ta' tħassib, u għalhekk iħeġġeġ lill-Istati EFTA taż-ŻEE biex, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-UE, iżidu l-isforzi tagħhom sabiex iħarsu l-integrità tas-Suq Uniku;
8. Jirrikonoxxi li l-ftehim minn qabel tal-Istati EFTA taż-ŻEE kollha rigward id-determinazzjoni tar-rilevanza taż-ŻEE huwa meħtieġ u li jistgħu jkunu meħtieġa adattamenti tekniċi qabel l-inkorporazzjoni; jinsab imħasseb, madankollu, li l-ħafna talbiet għal adattamenti u eċċezzjonijiet qed iwasslu għal dewmien u jistgħu jifframmentaw is-Suq Uniku; jistieden bis-saħħa lil dawn il-pajjiżi biex isibu rimedju għal din is-sitwazzjoni u jaħdmu mill-qrib mal-UE sabiex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku estiż;
9. Jirrimarka li mill-iffirmar tal-ftehim ŻEE, l-UE rrikorriet għal żieda fl-użu tal-aġenziji; jilqa' l-fatt li l-Istati EFTA taż-ŻEE jipparteċipaw fl-operazzjonijiet ta' dawn l-aġenziji; jistieden lill-Istati EFTA taż-ŻEE u lill-Kummissjoni jkomplu jtejbu tali kooperazzjoni u parteċipazzjoni;
10. Jirrimarka li l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerka attwalment qegħdin jinnegozjaw ftehim komprensiv ta' kummerċ ħieles u ta' investiment; jenfasizza li, skont it-termini tal-Ftehim ŻEE, l-Istati EFTA taż-ŻEE japplikaw regoli tas-suq uniku u li l-impatt ta' sħubija b'suċċess ta' kummerċ u ta' investiment probabbilment se jaffettwa wkoll l-Istati EFTA taż-ŻEE; jenfasizza wkoll li l-konklużjoni tat-TTIP ma għandhiex twassal għall-ħolqien ta' ostakli għall-kummerċ ġodda bejn l-UE u l-Istati EFTA taż-ŻEE;
Il-Prinċipalità tal-Liechtenstein
11. Huwa mħasseb li d-defiċit fit-traspożizzjoni tal-Liechtenstein żdied minn 0,7 % għal 1,2 %; jinsab imħasseb, ukoll, dwar il-fatt li l-leġiżlazzjoni tiegħu li tikkonċerna d-drittijiet għad-dħul u r-residenza ta' ċerti membri tal-familja ta' ċittadini taż-ŻEE u r-restrizzjonijiet imposti fuq iċ-ċittadini taż-ŻEE li joqogħdu fil-Liechtenstein milli jsibu impjieg fi Stat ieħor taż-ŻEE, li l-Liechtenstein iqis bħala arranġament ibbażat fuq regoli speċjali dwar il-kwoti skont il-Ftehim ŻEE, ma tidhirx li hija kompletament konformi mad-dritt taż-ŻEE;
Ir-Repubblika tal-Iżlanda
12. Jieħu nota tal-ittra tat-12 ta' Marzu 2015 mibgħuta mill-Gvern Iżlandaż dwar il-pożizzjoni tiegħu bħala pajjiż kandidat għas-sħubija fl-UE; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Iżlanda żżid l-isforzi tagħha biex tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-Ftehim taż-ŻEE meta tqis li għandha defiċit fit-traspożizzjoni ta' 2,8 %, li huwa l-ogħla fost l-Istati kollha kkonċernati; iħeġġeġ lill-UE u lill-Iżlanda jkomplu jsaħħu l-kooperazzjoni inter alia dwar it-tħejjija għad-diżastri fiż-żona tal-Atlantiku tat-Tramuntana u jallokaw riżorsi biex jiġu affaċċjati l-isfidi relatati;
Ir-Renju tan-Norveġja
13. Jilqa' l-fatt li n-Norveġja, li magħha ssaħħew ir-rabtiet matul is-snin li għaddew, hija parti mill-inizjattiva Frontrunners, li għandha l-għan li ttejjeb is-suq uniku; jinnota, madankollu, li d-defiċit fit-traspożizzjoni żdied għal 2 % u jħeġġeġ lin-Norveġja żżid l-isforzi tagħha f'dan ir-rigward b'mod partikolari bil-ħsieb li jitlesta s-suq intern tal-enerġija; iħeġġeġ l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni inter alia dwar il-politika dwar l-enerġija; jirrimarka li għad hemm kwistjonijiet ta' dazji miżjuda tal-importazzjoni fuq ċerti prodotti li jeħtieġ jiġu vvalutati;
Il-Prinċipalità ta' Andorra, il-Prinċipalità ta' Monako, ir-Repubblika ta' San Marino
14. Jirrikonoxxi li relazzjonijiet iżjed mill-qrib jistgħu jwasslu għal benefiċċji reċiproċi b'mod partikolari f'livelli reġjonali u lokali fir-reġjuni tal-viċinat tal-UE, u għalhekk jilqa' l-ftuħ tan-negozjati dwar il-ftehimiet ta' assoċjazzjoni bħala pass sinifikanti 'l quddiem fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq uniku u possibbilment f'oqsma lil hinn, filwaqt li jittieħed kont tan-natura partikolari ta' dawn il-pajjiżi;
Implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Uniku: il-Konfederazzjoni Żvizzera
15. Ifaħħar ir-relazzjonijiet b'saħħithom, li kontinwament jiffjorixxu u dejjiema bejn l-UE u l-Iżvizzera, li kkontribwixxew għall-paċi, il-prosperità u t-tkabbir fl-Ewropa matul id-deċennji li għaddew; jinsab konvint li dawn ir-relazzjonijiet jistgħu jiġu approfonditi għall-benefiċċju taż-żewġ partijiet billi jiġu riveduti b'mod komprensiv il-ftehimiet settorjali f'konformità sħiħa mal-prinċipji fundamentali tal-UE u jistgħu jestendu l-elementi komuni u l-interessi reċiproċi numerużi;
16. Jilqa' f'dan il-kuntest il-ftuħ tan-negozjati f'Mejju 2014 għal qafas istituzzjonali bħala prekundizzjoni għall-iżvilupp ulterjuri ta' approċċ bilaterali; jenfasizza li mingħajr ftehim qafas bħal dan, ma jista' jiġi konkluż l-ebda ftehim ieħor dwar il-parteċipazzjoni Żvizzera fis-suq intern; iħeġġeġ lill-Gvern Żvizzeru jżid l-isforzi tiegħu biex jipprogressa n-negozjati dwar il-kwistjonijiet pendenti;
17. Jinnota l-eżitu tal-inizjattiva popolari tad-9 ta' Frar 2014 imsejħa "Kontra l-Immigrazzjoni tal-Massa" u d-deċiżjonijiet meħuda fil-11 ta' Frar 2015 mill-Kunsill Federali Żvizzeru fir-rigward tal-implimentazzjoni tiegħu ta' abbozz ta' liġi ta' implimentazzjoni u miżuri ġodda ta' sostenn; jirrimarka li dawn il-miżuri jmorru kontra l-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni (FMPA) u jistenna li l-Iżvizzera tirrispetta dawn l-obbligi; jirrimarka li l-kwistjoni tal-migrazzjoni taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi m'għandhiex tiġi konfuża mal-moviment liberu tal-persuni kif minqux fit-Trattati; jenfasizza li l-miżuri unilaterali meħuda mill-Iżvizzera sabiex tiġi evitata diskriminazzjoni kontra ċittadini Kroati ma jissostitwixxux ir-ratifika tal-Protokoll li jestendi l-FMPA biex jinkludi l-Kroazja, u li jekk jiġi rratifikat dak il-Protokoll se titwitta t-triq biex l-involviment tal-Iżvizzera fil-programm Orizzont 2020 jitkompla u jiġi estiż wara l-2016 ħalli jiġi ppromoss l-aċċess tar-riċerkaturi għall-finanzjament mill-Orizzont 2020; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Iżvizzera u mal-Istati Membri biex isibu soluzzjoni sodisfaċenti li tirrispetta d-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet ikkonċernati filwaqt li jkun hemm aderenza mal-istat tad-dritt;
18. Itenni mill-ġdid li l-moviment liberu tal-persuni huwa waħda mil-libertajiet fundamentali u pilastru tas-suq uniku u li dejjem kien parti inseparabbli minn u prekundizzjoni għall-approċċ bilaterali bejn l-UE u l-Iżvizzera; għalhekk jappoġġja bis-sħiħ iċ-ċaħda tal-UE ta' Lulju 2014 għat-talba tal-Awtoritajiet Żvizzeri biex jinnegozjaw mill-ġdid l-FMPA bil-ħsieb li jintroduċu kwota jew sistema ta' preferenza nazzjonali; jinnota bi tħassib rapporti dwar l-applikazzjoni ta' xi impriżi u distretti awtonomi ta' sistema ta' preferenza nazzjonali, u jirrimarka li tali prattika hija kuntrarja għall-Ftehim dwar il-libertà ta' moviment;
19. Jinnota li r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-persuni kif meħtieġa bir-referendum fl-Iżvizzera jirriskjaw joħolqu żbilanċ u jxekklu l-benefiċċji tal-ftehimiet għall-Istati Membri tal-UE;
20. Jinnota li l-Iżvizzera introduċiet arranġamenti tranżizzjonali wara s-sospensjoni tan-negozjati dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-programm Erasmus+; huwa mħasseb dwar il-fatt li dawn il-miżuri x'aktarx se jkollhom impatt fuq il-movimenti tal-istudenti tal-edukazzjoni għolja bejn l-UE u l-Iżvizzera; jistieden lill-Iżvizzera u l-UE jagħmlu kull sforz biex jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm Erasmus+, sabiex tiġi żgurata r-reċiproċità tal-iskambji filwaqt li ż-żgħażagħ ma jiġux ippenalizzati;
21. Iħeġġeġ biex il-prattika attwali fejn impriżi tat-taksis mill-Istati Membri tal-UE jistgħu jipprovdu servizzi fl-Iżvizzera mingħajr resrizzjoni għandha titkompla, peress li ilha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku fir-reġjuni Żvizzeri tal-fruntiera u hija ta' benefiċċju reċiproku;
22. Jistieden lill-Kummissjoni tiskrutinizza aktar mill-qrib l-implikazzjonijiet tax-xiri u tal-kiri tal-art minn bdiewa Żvizzeri fir-reġjuni tal-UE tal-fruntiera;
23. Jiddeplora l-introduzzjoni u l-konsolidazzjoni sussegwenti ta' miżuri ta' protezzjoni unilaterali mill-Iżvizzera fil-kuntest tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni, bħall-impożizzjoni ta' tariffi biex jiġu koperti l-ispejjeż amministrattivi, ir-rekwiżit biex jingħataw garanziji bankarji jew taħlita ta' dawn il-miżuri, peress li dawn qegħdin serjament ixekklu l-provvista ta' servizzi fl-Iżvizzera taħt dan il-ftehim, b'mod partikolari mill-SMEs; jistieden lill-Iżvizzera tirrevedi dawn il-miżuri sabiex iġġibhom konformi mal-ftehim dwar il-libertà ta' moviment;
24. Huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni fl-2013 tad-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali kienet tardiva ferm u jitlob l-inkorporazzjoni rapida tad-Direttiva 2013/55/UE fl-Anness tal-ftehim dwar il-libertà ta' moviment fl-aspettattiva li l-Iżvizzera ser issib modi kif tiżgura li l-ftehim jibqa' fis-seħħ; jinnota li l-Anness II għall-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni ġie reċentement aġġornat bil-għan li jiżgura koordinazzjoni aktar effikaċi tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-UE u tal-Iżvizzera; jistieden lill-Iżvizzera tkompli timplimenta d-dritt tal-UE kif meħtieġa tagħmel;
25. Huwa tal-fehma li r-reċiproċità u l-korrettezza bejn iż-ŻEE u l-Iżvizzerra huma meħtieġa fir-rigward tal-użu tagħhom tas-suq uniku;
26. Jistieden lill-Kummissjoni, biex fil-futur, tikkunsidra l-implikazzjonijiet kollha għar-reġjuni tal-UE fil-fruntiera mal-Iżvizzera tal-introduzzjoni ta' regoli ġodda, bħall-emenda reċenti tal-Artikolu 561 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, li tfittex li jiġu imposti restrizzjonijiet stretti fuq l-użu għal skopijiet privati minn impjegati residenti fit-territorju doganali tal-UE ta' karozzi tal-kumpanija rreġistrati f'pajjiż terz;
27. Jinnota li f'termini ġenerali, il-kooperazzjoni skont il-Ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità (MRA) hi sodisfaċenti, iżda l-funzjonament tal-ftehim jista' jiġi mtejjeb b'mod sostanzjali jekk l-Iżvizzera kellha twiegħed li taġġornah b'mod konsistenti f'konformità mal-iżviluppi fid-dritt tal-UE;
28. Jitlob li jitneħħew l-ostakli għall-mobilità professjonali tranfruntiera biex is-suq intern jiġi approfondit; jenfasizza, għal dan l-iskop, dwar l-importanza tal-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi u l-għoti ta' informazzjoni aħjar u ta' appoġġ prattiku lill-persuni li qed ifittxu x-xogħol, partikolarment permezz tan-netwerk EURES, fl-Iżvizzera u l-pajjiżi kollha taż-ŻEE; jilqa', għalhekk, l-involviment attiv tal-Iżvizzera fl-attivitajiet tan-netwerk EURES partikolarment fir-reġjuni transfruntiera; jistieden lill-Iżvizzera tkompli tibni s-servizzi transnazzjonali u transfruntiera EURES tagħha, f'konformità mar-Regolament attwali EURES, bil-ħsieb li tissaħħaħ il-mobilità tal-ħaddiema u li jinħoloq suq tal-impjiegi integrat b'mod ġenwin bejn l-UE u l-Iżvizzera; bil-ħsieb li tissaħħaħ il-mobilità tal-ħaddiema, iħeġġeġ ukoll sforzi biex tiġi identifikata firxa wiesgħa ta' industriji emerġenti u setturi ta' tkabbir ewlenin li fihom il-pajjiżi taż-ŻEE, l-Iżvizzera u l-Istati Membri għandhom jiffukaw fuq l-iżvilupp tal-ħiliet tagħhom, sabiex iqabblu aħjar il-ħiliet u l-kwalifiki mal-provvista u d-domanda;
29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.
- [2] ĠU L 354, 28.12.2013, p. 132.
- [3] Testi adottati, P7_TA(2010)0300.
- [4] Testi adottati, P7_TA(2014)0041.
- [5] Testi adottati, P8_TA(2015)0069.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (23.6.2015)
għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
dwar iż-ŻEE-Svizzera: Ostakli fir-rigward tal-implimentazzjoni sħiħa tas-suq intern
(2015/2061(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Anne Sander
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jilqa' l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi taż-ŻEE u l-Isvizzera fis-suq intern tal-Unjoni Ewropea, ħaġa li tippromwovi t-tkabbir, il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi;
2. Jistieden lill-pajjiżi taż-ŻEE u l-Isvizzera jkomplu bl-isforzi tagħhom u jżidu l-isforzi tagħhom għat-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern; jistieden lill-Isvizzera tiżgura li d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali tiġi implimentata b'mod sħiħ u biex tittrasponi rapidament id-Direttiva 2013/55/UE li hija pass 'il quddiem fil-konfront tagħha; jinnota li l-Anness II għall-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni ġie reċentement aġġornat bil-għan li jassigura koordinazzjoni aktar effettiva tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-UE u tal-Isvizzera; jistieden lill-Isvizzera tkompli timplimenta d-dritt tal-UE kif huwa meħtieġ li tagħmel;
3. Jitlob li jitkomplew in-negozjati mal-Isvizzera bil-għan li jiġi stabbilit qafas istituzzjonali li jipprovdi ċertezza legali akbar kemm għall-Isvizzera kif ukoll għall-UE u jgħin lill-Isvizzera tadotta l-leġiżlazzjoni meħtieġa tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u l-Isvizzera jżommu lill-Parlament infurmat dwar il-progress tan-negozjati;
4. Jenfasizza l-leġittimità demokratika tar-referenda u l-ħtieġa li l-eżitu tagħhom jiġi rrispettat filwaqt li fl-istess ħin jinżamm l-istat tad-dritt; jinsab imħasseb dwar l-implikazzjonijiet li jirriżultaw mill-eżitu ta' inizjattiva popolari tad-9 ta' Frar 2014, li tista' timmina l-ftehimiet bilaterali bejn l-UE u l-Isvizzera; jistieden lill-Isvizzera, madankollu, tirrispetta l-obbligi tagħha vis-à-vis l-UE; jitlob, għalhekk, bil-qawwa lill-Unjoni tibqa' soda dwar il-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni sabiex l-Isvizzera tkompli toffri aċċess privileġġjat lill-ħaddiema u l-intrapriżi tal-UE filwaqt li tirrispetta u tinforza d-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali;
5. Jenfasizza li l-miżuri unilaterali meħuda mill-Isvizzera favur nazzjonali Kroati ma jistgħux jissostitwixxu r-ratifika meħtieġa tal-Protokoll dwar l-estensjoni tal-Ftehim dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni biex jinkludi l-Kroazja; iħeġġeġ lill-Isvizzera, għalhekk, biex tirratifika dan il-Protokoll mingħajr dewmien;
6. Jinnota li l-Isvizzera introduċiet arranġamenti tranżizzjonali wara s-sospensjoni tan-negozjati dwar il-parteċipazzjoni tal-Isvizzera fil-programm ERASMUS+; huwa mħasseb dwar il-fatt li dawn il-miżuri x'aktarx li se jkollhom impatt fuq il-moviment ta' studenti tal-edukazzjoni għolja bejn l-UE u l-Isvizzera; jistieden lill-Isvizzera u l-UE jagħmlu kull sforz biex jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm Erasmus+, sabiex tiggarantixxi r-reċiproċità tal-iskambji u biex ma tippenalizzax liż-żgħażagħ;
7. Jinnota li l-Isvizzera u l-UE ffirmaw ftehim dwar assoċjazzjoni parzjali mal-Orizzont 2020, li provviżorjament kien fis-seħħ mill-15 ta' Settembru 2014 u li se jitħaddem inizjalment sa tmiem l-2016; iħeġġeġ lill-Isvizzera tagħmel kull sforz biex tissodisfa r-rekwiżiti stipulati għall-parteċipazzjoni sħiħa tagħha fl-Orizzont 2020 mill- 2017, sabiex tiżgura d-drittijiet u l-kuntratti ta' impjieg tar-riċerkaturi u tippromwovi l-aċċess tar-riċerkaturi għall-finanzjament tal-Orizzont 2020;
8. Jinnota l-introduzzjoni unilaterali u l-konsolidament sussegwenti ta' miżuri ta' sostenn mill-Isvizzera fil-kuntest tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni; jiddispjaċih li wħud minn dawn il-miżuri jirrestrinġu l-forniment ta' servizzi abbażi tal-ftehim u jolqtu partikolarment ħażin lill-SMEs li jixtiequ jipprovdu servizzi fl-Isvizzera; jistieden, għalhekk, lill-Isvizzera tirrieżamina dawk il-miżuri sabiex tiżgura li jkunu konsistenti mal-Ftehim dwar il-libertà ta' moviment tal-ħaddiema;
9. Jitlob li jitneħħew l-ostakoli għall-mobilità professjonali tranfruntiera biex is-suq intern jiġi approfondit; jinsisti, għal dan l-iskop, dwar l-importanza tal-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi u l-għoti ta' informazzjoni aħjar u ta' appoġġ prattiku lill-persuni li jfittxu impjieg, partikolarment permezz tan-netwerk EURES, fl-Isvizzera u l-pajjiżi kollha taż-ŻEE; jilqa', għalhekk, l-involviment attiv tal-Isvizzera fl-attivitajiet tan-netwerk EURES partikolarment fir-reġjuni transfruntiera; jistieden lill-Isvizzera tkompli tibni s-servizzi transnazzjonali u transfruntiera EURES, f'konformità mar-Regolament attwali EURES, bil-ħsieb li tissaħħaħ il-mobilità tal-ħaddiema u li jinħoloq suq tal-impjiegi integrat b'mod ġenwin bejn l-UE u l-Isvizzera; bil-ħsieb li tiżdied il-mobilità tal-ħaddiema, iħeġġeġ ukoll sforzi biex tiġi identifika firxa wiesgħa ta' industriji emerġenti u setturi ta' tkabbir ewlenin li fihom il-pajjiżi taż-ŻEE, l-Isvizzera u l-Istati Membri għandhom jiffukaw fuq l-iżvilupp tal-ħiliet tagħhom, sabiex iqabblu aħjar il-ħiliet u l-kwalifiki mal-provvista u d-domanda.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
23.6.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
41 8 3 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Laura Agea, Guillaume Balas, Brando Benifei, Mara Bizzotto, Vilija Blinkevičiūtė, David Casa, Ole Christensen, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Lampros Fountoulis, Marian Harkin, Rina Ronja Kari, Rina Ronja Kari, Jan Keller, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Kostadinka Kuneva, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Patrick Le Hyaric, Jeroen Lenaers, Javi López, Thomas Mann, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Joëlle Mélin, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Marek Plura, Terry Reintke, Sofia Ribeiro, Anne Sander, Sven Schulze, Siôn Simon, Michaela Šojdrová, Yana Toom, Marita Ulvskog, Renate Weber, Jana Žitňanská, Inês Cristina Zuber |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Tim Aker, Maria Arena, Georges Bach, Heinz K. Becker, Miapetra Kumpula-Natri, Paloma López Bermejo, António Marinho e Pinto, Edouard Martin, Tamás Meszerics, Csaba Sógor, Michaela Šojdrová, Helga Stevens, Ivo Vajgl, Tom Vandenkendelaere |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Branislav Škripek |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
16.7.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
29 7 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Dita Charanzová, Carlos Coelho, Daniel Dalton, Nicola Danti, Dennis de Jong, Pascal Durand, Vicky Ford, Ildikó Gáll-Pelcz, Evelyne Gebhardt, Maria Grapini, Sergio Gutiérrez Prieto, Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Liisa Jaakonsaari, Philippe Juvin, Marlene Mizzi, Eva Paunova, Marcus Pretzell, Robert Rochefort, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Olga Sehnalová, Ivan Štefanec, Catherine Stihler, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Mylène Troszczynski, Anneleen Van Bossuyt |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Pascal Arimont, Birgit Collin-Langen, Julia Reda, Marc Tarabella, Ulrike Trebesius, Ulla Tørnæs, Lambert van Nistelrooij, Sabine Verheyen |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Diane James, Mihai Ţurcanu |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
29 |
+ |
|
Grupp ALDE |
Dita Charanzová, Robert Rochefort, Ulla Tørnæs |
|
Grupp ECR |
Anneleen Van Bossuyt |
|
Grupp PPE |
Pascal Arimont, Carlos Coelho, Birgit Collin-Langen, Ildikó Gáll-Pelcz, Philippe Juvin, Eva Paunova, Andreas Schwab, Ivan Štefanec, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Mihai Ţurcanu, Sabine Verheyen, Lambert van Nistelrooij |
|
Grupp S&D |
Nicola Danti, Evelyne Gebhardt, Maria Grapini, Sergio Gutiérrez Prieto, Liisa Jaakonsaari, Marlene Mizzi, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Olga Sehnalová, Catherine Stihler, Marc Tarabella, |
|
Grupp Verts/ALE |
Pascal Durand, Julia Reda |
|
7 |
- |
|
Grupp ECR |
Daniel Dalton, Vicky Ford, Marcus Pretzell, Ulrike Trebesius |
|
Grupp EFDD |
Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Diane James |
|
Grupp ENL |
Mylène Troszczynski |
|
1 |
0 |
|
Grupp GUE/NGL |
Dennis de Jong |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjonijiet