Proċedura : 2014/2236(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0247/2015

Testi mressqa :

A8-0247/2015

Dibattiti :

PV 09/09/2015 - 17
CRE 09/09/2015 - 17

Votazzjonijiet :

PV 10/09/2015 - 8.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0320

RAPPORT     
PDF 631kWORD 161k
30.7.2015
PE 554.751v01-00 A8-0247/2015

dwar l-Intraprenditorja Soċjali u l-Innovazzjoni Soċjali fil-ġlieda kontra l-qgħad

(2014/2236(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

Rapporteur: Verónica Lope Fontagné

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-Intraprenditorja Soċjali u l-Innovazzjoni Soċjali fil-ġlieda kontra l-qgħad

(2014/2236(INI))

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ Marzu 2012, bit-titolu "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu, tas-6 ta' Frar 2013, dwar ir-responsabilità soċjali tal-intrapriżi: imġiba responsabbli u trasparenti tan-negozji u t-tkabbir sostenibbli(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu, tad-19 ta' Frar 2009, dwar l-Ekonomija Soċjali(2),

–      wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta’ Lulju 2013 dwar il-kontribut tal-kooperattivi biex tingħeleb il-kriżi(3),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 184 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta' April 2013, dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu, tal-20 ta' Novembru 2012, dwar l-Inizjattiva għan-Negozju Soċjali – Il-ħolqien ta' klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni(4),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2011(5),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill, tal-20 ta' Mejju 2014, dwar il-promozzjoni tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ għat-trawwim tal-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ(6),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta' Diċembru 2013, dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali ("EaSI"), li introduċa l-assi ta' mikrofinanzjament u intraprenditorija soċjali,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, tal-20 ta’ Ottubru 2011, bit-titolu "Inizjattiva għall-intraprenditorija soċjali" (COM(2011)0682),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2015 bit-titolu “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” (COM(2015)0192);

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Marzu 2013 bit-titolu “Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020” (COM(2013)0083),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0247/2015),

A.     billi l-ekonomija soċjali u solidali timpjega aktar minn 14-il miljun persuna, li jirrappreżentaw madwar 6.5 % tal-ħaddiema fl-UE; billi hemm 2 miljun intrapriża tal-ekonomija soċjali u solidali fl-UE, li jirrappreżentaw 10 % tal-intrapriżi fl-Unjoni;

B.     billi, bħala riżultat tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, żdiedu kemm il-livelli tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll il-qgħad fit-tul, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-inugwaljanzi soċjali;

C.     billi dawk l-aktar milquta mill-kriżi ekonomika u finanzjarja kienu l-aktar gruppi esklużi u żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, bħall-persuni b'diżabilità, iż-żgħażagħ, l-anzjani, in-nisa, dawk qiegħda għal żmien fit-tul u l-ħaddiema żvantaġġjati;

D.     billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja għandha titqies bħala opportunità biex titwettaq ħidma lejn mudell ekonomiku aktar sostenibbli tal-UE li jieħu kont akbar tal-koeżjoni soċjali u territorjali u s-sostenibbiltà ambjentali; billi kwalunkwe titjib fis-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja għandu jkun ikkomplementat minn appoġġ qawwi għal impjiegi inklużivi, sostenibbli u ta' kwalità; billi l-ekonomija soċjali u solidali tista' tikkontribwixxi biex jintlaħaq dan l-għan u għandha titqies ukoll bħala sewwieq f'din it-tranżizzjoni, u kapaċi tgħin sabiex jintlaħaq bilanċ bejn il-kwistjonijiet soċjali, ambjentali u ekonomiċi;

E.     billi l-fornituri ta’ appoġġ soċjali u ta’ servizzi tas-saħħa, li ħafna minnhom huma intrapriżi soċjali, jirrappreżentaw wieħed mill-oqsma prinċipali ta’ tkabbir tal-impjieg fl-UE, li ħoloq 1.3 miljun impjieg bejn l-2009 u l-2013; billi dan juri l-kapaċità doppja tas-settur li joħloq kemm impjiegi ġodda, anki fi żminijiet ta’ kriżi, u li jsaħħaħ il-koeżjoni soċjali u territorjali fl-Ewropa, b'mod partikolari billi jgħin sabiex l-utenti tas-servizzi jsibu impjieg;

F.     billi fil-konferenza “L-isfruttament tal-potenzjal tal-ekonomija soċjali għat-tkabbir tal-UE” li saret f'Ruma fis-17 u t-18 ta’ Novembru 2014, ġie rikonoxxut li l-ekonomija soċjali u solidali għandha rwol ewlieni fil-pajjiżi Ewropej u tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ diversi għanijiet ewlenin tal-UE bħall-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi, il-koeżjoni soċjali, l-innovazzjoni soċjali, l-iżvilupp rurali u reġjonali jew il-protezzjoni ambjentali;

G.     billi ż-żieda tar-rata ta’ xogħol tal-popolazzjoni ta’ bejn l-20 u l-64 sena minn 69 % għal mill-inqas 75 % u t-tnaqqis b’25 % tan-numru ta’ Ewropej li jgħixu taħt il-linja tal-faqar nazzjonali, billi jitneħħew mill-faqar iktar minn 20 miljun persuna, huma għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 li għadhom ma nkisbux;

H.     billi d-Dikjarazzjoni ta’ Strasburgu ta’ Jannar 2014 tiddikjara li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għandhom jaqdu rwol aktar importanti fil-futur tal-Ewropa;

I.      billi l-UE hija r-reġjun bl-akbar popolazzjoni anzjana u b’żieda tal-popolazzjoni l-aktar baxxa fid-dinja; billi, skont it-tbassir, sal-2050 l-età medja fl-UE se taqbeż il-50 sena; billi l-popolazzjoni li qed tixjieħ, flimkien mal-bidliet demografiċi, joħolqu sfida għas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali;

J.      billi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali mhux biss għadhom l-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali, iżda jistgħu joffru wkoll kundizzjonijiet tax-xogħol flessibbli u innovattivi u jistgħu jkunu aktar kapaċi li jadattaw ruħhom għaċ-ċirkostanzi ekonomiċi u soċjali;

K.     billi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali huma kkaratterizzati mill-governanza demokratika tagħhom, involviment qawwi tal-membri jew is-sħab tagħhom fil-ġestjoni tal-kumpanija, u trasparenza għolja tal-operazzjonijiet tagħhom u jirrispondu għad-domanda li dejjem tikber taċ-ċittadini għal imġiba b'etika intraprenditorjali, soċjali u li tħares l-ambjent;

L.     billi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali jkopru firxa wiesgħa ta' soċjetajiet, u ħafna minn dawn il-kumpaniji mhumiex rikonoxxuti minn qafas legali fil-livell Ewropew u huma rikonoxxuti biss fil-livell nazzjonali f'xi Stati Membri, li għandhom forom legali differenti;

M.    billi l-kooperattivi jipprovdu impjiegi ta’ kwalità li mhumiex vulnerabbli għar-rilokazzjoni, miftuħa għal kulħadd u reżiljenti għall-kriżi; billi, bis-saħħa tal-mudell kummerċjali kooperattiv tagħhom, żiedu l-qligħ u t-tkabbir waqt il-kriżi, u kellhom anqas fallimenti u sensji;

N.     billi r-Regolament (UE) Nru 1296/2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) jiddefinixxi "intrapriżi soċjali" u "innovazzjonijiet soċjali" fl-Artikolu 2(1) u 2(5) tiegħu;

O.     billi l-innovazzjoni soċjali tirreferi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' ideat ġodda, kemm jekk prodotti, servizzi, jew mudelli ta' organizzazzjoni soċjali, li huma mfassla biex jissodisfaw it-talbiet u l-isfidi ġodda soċjali, territorjali u ambjentali, bħall-popolazzjoni li qed tixjieħ, id-depopolazzjoni, il-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u tal-familja, il-ġestjoni tad-diversità, l-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-integrazzjoni ta' dawk l-aktar esklużi mis-suq tax-xogħol u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

P.     billi l-investimenti soċjali huma investimenti fil-persuni mfassla biex isaħħu l-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom u jappoġġjawhom biex jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja tax-xogħol u soċjali; billi l-investimenti soċjali ġeneralment jirreferu għal politiki fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-indukrar tat-tfal, il-kura tas-saħħa, it-taħriġ, l-għajnuna għat-tfittix ta’ impjieg u r-riabilitazzjoni;

Q.     billi n-nuqqas ta' rikonoxximent li jħabbtu wiċċhom miegħu l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali, li xi drabi lanqas biss jiġu rikonoxxuti bħala partijiet ekonomikament interessati, jagħmilha aktar diffiċli għalihom li jkollhom aċċess għal finanzi, kemm pubbliċi kif ukoll privati; billi l-Fondi Strutturali u l-programmi Ewropej għandhom jikkontribwixxu għall-immodernizzar tal-istrutturi ekonomiċi, inkluża l-ekonomija soċjali u solidali, li hija rappreżentata minn tipi u daqsijiet differenti ta' intrapriżi (kooperattivi, intrapriżi mutwi, fondazzjonijiet, assoċjazzjonijiet u forom ġodda ta' intrapriżi soċjali u solidali), ħafna minnhom SMEs u mikrointrapriżi;

R.     billi l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom ikunu oqsma ta’ prijorità f'termini tal-iżvilupp tal-kultura tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ;

S.     billi d-disparità bejn is-sessi fl-intraprenditorija soċjali hija iżgħar minn dik fil-forom tradizzjonali ta’ intraprenditorija; billi l-intraprendituri soċjali nisa jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għat-tnaqqis fl-esklużjoni soċjali u għall-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ żvilupp ġodda;

T.     billi huwa meħtieġ li jingħataw taħriġ u taħriġ mill-ġdid fis-settur soċjali għan-nies qiegħda fit-tul sabiex jingħatawlhom opportunitajiet ġodda f’ambjent innovattiv bħal dak tal-ekonomija soċjali u solidali;

U.     billi l-ekonomija soċjali u solidali, u b’mod partikolari l-intrapriżi tat-taħriġ u tal-ippustjar tal-ħaddiema, joffru opportunitajiet ta’ xogħol speċjalment għal dawk l-aktar esklużi mis-suq tax-xogħol, u li għalihom il-qgħad sikwit jinbidel f'qgħad fuq żmien fit-tul; billi l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw modi kif jiġu appoġġjati intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali li jirreklutaw nies qiegħda jew biex minnhom jibbenefikaw dawk li jirrikorru għall-għajnuna, anki, fejn ikun il-każ, permezz tat-tnaqqis fit-taxxi u tal-primjums soċjali;

V.     billi l-effett komplementari u supplimentari tal-ekonomija soċjali u solidali huwa importanti wkoll flimkien ma’ miżuri oħra li jippromwovu l-impjieg; billi għandha tiġi ffukata aktar attenzjoni għas-soluzzjonijiet li jippromwovu r-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ persuni mingħajr il-kapaċitajiet l-aktar bażiċi u l-mezzi suffiċjenti ta’ kompetittività sabiex aktar ’il quddiem ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-vantaġġi offruti mis-soluzzjonijiet l-aktar innovattivi tal-ekonomija soċjali u solidali;

W.    billi d-djalogu soċjali huwa essenzjali għall-funzjonament tal-ekonomija soċjali tas-suq tal-UE u huwa kruċjali għall-promozzjoni kemm tal-kompetittività kif ukoll tal-korrettezza; billi d-djalogu soċjali u l-konsultazzjoni tas-sħab soċjali fi ħdan it-tfassil ta’ politika tal-UE jirrappreżentaw innovazzjoni soċjali prinċipali;

X.     billi l-akkwist spiss jieħu l-forma ta’ offerti kbar ta’ darba għal servizzi jew provvisti li jistgħu jeskludu atturi iżgħar;

Introduzzjoni

1.  Jinnota li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali, li m'għandhomx għalfejn ikunu organizzazzjonijiet mhux bi skop ta' profitt, huma negozji li l-objettiv tagħhom huwa li jiksbu l-għan soċjali tagħhom, li jista' jkun il-ħolqien ta' impjiegi għal gruppi vulnerabbli, li jfornu servizzi lill-membri tagħhom jew, b'mod aktar ġenerali, li joħolqu impatt soċjali u ambjentali pożittiv, u li jerġgħu jinvestu l-profitti tagħhom primarjament sabiex jilħqu dawk l-għanijiet; jirrimarka li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali huma kkaratterizzati mill-impenn tagħhom li jħarsu l-valuri li ġejjin:

- il-preċedenza tal-individwu u tal-għanijiet soċjali fuq l-interessi tal-kapital;

- il-governanza demokratika mill-membri;

- l-għaqda tal-interessi tal-membri u tal-utenti mal-interess ġenerali;

- is-salvagwardja u l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-solidarjetà u tar-responsabilità;

- l-investiment mill-ġdid ta' fondi żejda f’miri ta’ żvilupp fit-tul, jew fil-provvista ta' servizzi ta’ interess għall-membri jew ta' servizzi ta’ interess ġenerali;

- is-sħubija volontarja u miftuħa;

- il-ġestjoni awtonoma u indipendenti mill-awtoritajiet pubbliċi.

2.      Jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħraf id-diversità tal-intrapriżi soċjali u tiżgura li jittieħdu azzjonijiet fil-livell tal-UE li jappoġġjaw l-intrapriżi soċjali u solidali ta' kull tip;

3.      Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw b'konsistenza l-miżuri kollha stipulati fl-Inizjattiva ta' Negozju Soċjali tal-2012 mingħajr dewmien; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi t-tieni stadju tal-inizjattiva mill-aktar fis possibbli, fi sħubija mal-Istati Membri u mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-atturi ewlenin fl-ekonomija soċjali u solidali, biex l-ambitu tagħha jitwessa' u jsir aktar intensiv;

4.      Jinnota li l-ekonomija soċjali u solidali ma tistax tieħu post l-istat soċjali u s-servizzi pubbliċi;

5.      Jinnota li l-mudell tal-intraprenditorija soċjali sikwit jappella liż-żgħażagħ u jagħtihom l-opportunità li jipprovdu reazzjonijiet innovattivi għall-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali attwali;

6.      Jirrimarka li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali għandhom bażi lokali u reġjonali qawwija, li tagħtihom il-vantaġġ li jkunu aktar konxji tal-bżonnijiet speċifiċi u li jistgħu joffru prodotti u servizzi, ħafna minnhom ibbażati fuq il-komunità, li jissodisfaw dawk il-ħtiġijiet, u b'hekk itejbu l-koeżjoni soċjali u territorjali; iqis li l-kooperazzjoni tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali bejn il-konfini ta' bejn il-pajjiżi u s-setturi għandha tiġi promossa, sabiex ikun jista' jseħħ skambju ta' għarfien u prattiki b'mod li jkun jista' jiġi appoġġjat b’mod partikolari t-tkabbir ta' dawn l-intrapriżi;

7.      Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproponu pjanijiet u miżuri biex itejbu l-organizzazzjoni territorjali, speċjalment f’żoni bi żvantaġġi naturali jew demografiċi permanenti, li mhux biss jgħinu sabiex jitwaqqfu u jiżviluppaw l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali u l-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-intraprenditorija soċjali, iżda wkoll jgħinu biex isaħħu l-koeżjoni soċjali u territorjali fl-UE u jagħmluha aktar faċli li jiġu indirizzati b'suċċess l-isfidi demografiċi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni;

8.      Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda fl-għadd ta' intrapriżi konvenzjonali li japplikaw strateġiji tar-responsabilità soċjali tan-negozji fi ħdan il-programmi kummerċjali tagħhom; jenfasizza, madankollu, li l-applikazzjoni tal-istrateġiji tar-responsabbiltà soċjali tan-negozji mhijiex fiha nnifisha kundizzjoni suffiċjenti biex titqies bħala intrapriża tal-ekonomija soċjali u solidali;

9.      Jemmen li huwa importanti li jiġu determinati l-oriġini tad-disparità iżġħar bejn is-sessi fl-intraprenditorija soċjali sabiex ikun jista’ jittieħed kont ta’ dawn il-fatturi minn dawk li jfasslu l-politiki filwaqt li tiġi promossa l-intraprenditorija soċjali u tradizzjonali;

10.    Jemmen li l-innovazzjoni soċjali tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-tqegħid tas-sisien għal tkabbir li jkun ta' servizz għal soċjetà aktar sostenibbli, inklużiva u li tiġġenera koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; jemmen li l-innovazzjoni soċjali għandha timmira li ttejjeb il-kwalità tas-servizzi b’mod effiċjenti aktar milli sempliċement tnaqqas l-ispejjeż;

11.    Jilqa’ b’sodisfazzjoni li erba’ Stati Membri tal-UE (Spanja, Franza, il-Portugall u l-Belġju) għandhom leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonċerna l-ekonomija soċjali u solidali, filwaqt li l-Polonja nediet strateġija biex tiżviluppa l-ekonomija soċjali u solidali u r-Rumanija qed tiddiskuti l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni biex tirregola l-ekonomija soċjali u solidali;

12.    Jemmen li l-Kummissjoni għandha tirrikonoxxi u tappoġġja r-rwol tal-fornituri ta’ servizzi soċjali mhux għall-profitt, kemm politikament kif ukoll finanzjarjament;

13.    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi l-iskambji fost intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali innovattivi, skejjel, id-dinja akkademika, u l-partijiet interessati tal-investiment soċjali, filwaqt li jitqiesu wkoll il-ħtiġijiet tas-soċjetà, sabiex jiżdiedu l-ħiliet intraprenditorjali, u jissaħħew il-kundizzjonijiet li jippermettu li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali jiżviluppaw u jikbru, kif ukoll jinħolqu ċentri ta’ innovazzjoni soċjali; iqis importanti li jitqiesu l-fehmiet tal-partijiet interessati, inklużi s-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-mudell ta’ intraprenditorija kooperattiva;

14.    Jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni fost l-Istati Membri kollha sabiex joħolqu l-kundizzjonijiet ta' qafas meħtieġa għal sistema ta' innovazzjoni soċjali fl-Istati Membri kollha, billi l-ekonomija soċjali u solidali waħedha ma tistax tiġġieled is-sintomi u l-kawżi tal-aktar problemi soċjali urġenti.

L-Istrateġija Ewropa 2020

15.    Jirrikonoxxi li l-UE għadha 'l bogħod milli tilħaq il-miri stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020, speċjalment dawk relatati mal-impjiegi, l-innovazzjoni u t-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali; jinnota li l-ekonomija soċjali u solidali tikkontribwixxi mhux biss għal mudell ekonomiku aktar sostenibbli, intelliġenti u inklużiv, iżda wkoll għall-mudell soċjali Ewropew, u hija parti mis-suq uniku, u ħaqqha tkun rikonoxxuta u appoġġjata bis-sħiħ mill-UE u l-Istati Membri, kif previst fil-kostituzzjonijiet ta' xi Stati Membri u f'diversi dokumenti ewlenin tal-UE; jitlob, għalhekk, li jitqies li l-ekonomija soċjali u solidali tiġi kkunsidrata fir-reviżjoni tal-istrateġija Ewropa 2020, minħabba l-kontribut sinifikanti li tista' tagħti biex jintlaħqu l-miri tal-istrateġija;

16.    Jirrimarka li x-xejriet demografiċi huma relatati ma’ mudelli ġodda ta’ konsum, u li t-tixjiħ tal-popolazzjoni fil-pajjiżi żviluppati qed iwassal għal żieda fid-domanda fuq is-servizzi soċjali, iżda se jipprovdi wkoll opportunitajiet biex jinħolqu negozji soċjalment responsabbli;

17.    Jenfasizza li l-ekonomija soċjali u solidali, minħabba l-karattru soċjali u inklużiv tagħha, tipprovdi impjiegi għall-gruppi li fil-maġġoranza tal-każijiet huma esklużi mis-suq tax-xogħol miftuħ, biex b’hekk tagħti kontribut għas-solidarjetà, il-koeżjoni soċjali kif ukoll għat-tkabbir ekonomiku;

18.    Jemmen li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali jistgħu jiżviluppaw proċessi li jippermettu ġestjoni aktar effiċjenti, responsabbli u trasparenti tar-riżorsi li qed jonqsu, u jistgħu jżidu l-implimentazzjoni ta’ miżuri soċjalment responsabbli;

19.    Jistieden lill-Istati Membri jintegraw aħjar l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali fi pjanijiet ta' azzjoni għall-impjiegi u l-integrazzjoni soċjali, kif ukoll fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma, bil-għan li jiġi liberat u sfruttat il-potenzjal tagħhom ta' ħolqien ta' impjiegi u l-kontribut li jistgħu jagħtu biex jintlaħqu l-miri ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020;

20.    Jilqa' l-fatt li l-baġit ta’ prefinanzjament għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ żdied bi 30 %; jistieden lill-Istati Membri biex jikkoordinaw miżuri biex jippromwovu l-intraprenditorija soċjali mal-Pjanijiet Nazzjonali ta' Implimentazzjoni ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-intraprenditorija soċjali u l-innovazzjoni fil-Programmi Operazzjonali nazzjonali tal-FSE; iħeġġeġ sabiex l-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ ikunu implimentati b'mod aktar effettiv u effiċjenti;

Akkwist pubbliku

21.    Jirrimarka li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet fl-aċċess għall-kuntratti pubbliċi, bħal ostakli li huma relatati mad-daqs u l-kapaċità finanzjarja tagħhom; jappella għall-implimentazzjoni rapida u effettiva tad-direttivi l-ġodda dwar l-akkwist pubbliku u l-kuntratti ta' konċessjoni (id-Direttivi 2014/24/UE, 2014/25/UE u 2014/23/UE) sabiex tintlaħaq parteċipazzjoni ikbar minn impriżi tal-ekonomija soċjali u solidali fil-proċeduri ta' offerti għal kuntratti pubbliċi, titjieb l-assenjazzjoni ta' kuntratti għal dawn l-intrapriżi, jitrawwem ir-rwol tagħhom, u tiġi promossa l-inklużjoni soċjali u l-innovazzjoni soċjali; jappella għal azzjoni li tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta' dawn l-intrapriżi fl-akkwist pubbliku billi jingħataw pariri xierqa, jiġu ssimplifikati l-proċeduri u jitfasslu offerti b’tali mod li dawn ikunu aċċessibbli għal operaturi iżgħar; jappella li fl-akkwist pubbliku jipprevalu l-offerti li jġibu iktar valur ekonomiku u soċjali iktar mill-prezz l-aktar baxx, filwaqt li jiġu inklużi kriterji soċjali jew ambjentali fil-kuntratti ta' akkwist pubbliku;

22.    Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riforma tad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku u l-kuntratti ta' konċessjoni, li tinkludi klawżoli u kriterji soċjali biex jippromwovu l-inklużjoni soċjali u l-innovazzjoni soċjali, kif ukoll kuntratti maħsuba biex jippromwovu l-impjieg tal-persuni l-aktar żvantaġġati fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw dawn il-prinċipji ta' akkwist kif suppost fil-proċeduri kollha tal-offerti u tas-selezzjonijiet, bl-użu wiesa' tal-prinċipju tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża, f'konformità mal-obbligi tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkludu klawżoli u kriterji soċjali fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku sabiex issaħħu l-pożizzjoni tal-persuni żvantaġġjati fis-suq tax-xogħol, inaqqsu l-piżijiet amministrattivi, jissimplifikaw il-proċeduri u jieħdu miżuri aktar effettivi kontra l-korruzzjoni;

23.    Jiddispjaċih li l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa tal-Kummissjoni ma ssemmix l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali u l-kontribut potenzjali tagħhom għall-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni; jiddeplora l-fatt li dik l-istrateġija ma tqisx il-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess sħiħ, ugwali u mingħajr restrizzjonijiet għal kulħadd għat-teknoloġiji, s-swieq u t-telekomunikazzjoni diġitali ġodda, b’mod partikolari fir-rigward ta’ persuni b’diżabilità; jenfasizza li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali bbażati fuq it-teknoloġija jista' jkollhom rwol kruċjali fl-indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà b'mod sempliċi u kosteffettiv;

Finanzjament

24.    Jiddispjaċih li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali saħansitra jkollhom problemi aktar mill-intrapriżi tradizzjonali biex jiffinanzjaw lilhom infushom, sew mil-lat pubbliku kif ukoll privat, u għalhekk jitlob lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-fornituri tas-servizzi finanzjarji jiżviluppaw firxa wiesgħa ta’ strumenti finanzjarji adegwati li jappoġġaw b’mod effettiv lill-intrapriżi tal-ekonomija soċjali fl-istadji kollha tal-iżvilupp tan-negozju tagħhom, speċjalment waqt it-twaqqif tagħhom, u joħolqu qafas sabiex jinġiebu flimkien investituri potenzjali u fondi speċjalizzati;

25.    Jirrimarka li l-aċċess għall-finanzjament huwa mxekkel mill-fatt li l-amministraturi tal-intermedjarji finanzjarji ftit li xejn għandhom għarfien tar-realtà tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali; jenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb it-taħriġ ta' dawn l-amministraturi fir-rigward ta' dawn l-intrapriżi, biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għall-finanzjament; jitlob, għalhekk, li jiġi introdott siġill ta’ kwalità għall-"Intraprenditorija Soċjali", li jagħmilha aktar faċli għall-investituri sabiex jidentifikaw fondi b’portafoll li jinkludi intrapriżi tal-ekonomija soċjali, b'referenza partikolari għall-Fond ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropew;

26.    Jenfasizza l-bżonn ta’ stimolu akbar għall-ħolqien u l-appoġġ ta’ netwerks ta’ intrapriża soċjali, sabiex jiġu promossi sinerġiji fl-organizzazzjoni, l-iskambju u t-tixrid tat-teknoloġiji kif ukoll l-iżvilupp ta’ servizzi fost il-produtturi f'reġjuni differenti;

27.    Jenfasizza l-bżonn tal-promozzjoni ta’ djalogu aktar strutturat bejn l-SMEs, l-intrapriżi soċjali u solidali u l-istituzzjonijiet finanzjarji, permezz ta’ pjattaformi onlajn iddedikati;

28     Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-Fondi tal-Intraprenditorija Soċjali Ewropej;

29.    Jilqa' l-fatt li parti mill-fondi għall-programm EaSI huma maħsuba biex jgħinu sabiex jipprovdu aċċess għall-finanzi għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali; jenfasizza r-rwol li għandu jkollu l-assi intraprenditorija soċjali tal EaSI, il-FSE u l-programmi kollha l-oħra rilevanti tal-UE fit-titjib tal-funzjonament ta' dawn l-intrapriżi; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar sensibilizzazzjoni rigward l-opportunitajiet ta’ finanzjament; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu punti ta’ kuntatt nazzjonali jew one-stop-shops biex jgħinu lill-atturi tal-ekonomija soċjali u solidali jaċċessaw l-iskemi ta’ finanzjament tal-UE;

30.    Jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi l-limitu massimu stabbilit skont l-EaSI għas-self lill-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u tiddetermina jekk dan jikkorrispondix mal-kundizzjonijiet tas-suq;

31.    Jenfasizza l-ħtieġa li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali jiġu appoġġjati b’riżorsi finanzjarji suffiċjenti fuq livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE, billi jinħolqu sinerġiji fost id-diversi tipi ta' intrapriżi; jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jirrikonoxxu l-fatt li l-finanzjament meħtieġ għandu jsir disponibbli; iqis bħala neċessarju, għalhekk, li jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament tal-ekonomija soċjali u solidali permezz ta' mezzi varji, bħall-fondi Ewropej, fondi ta' kapital ta' riskju, mikrokreditu u finanzjament kollettiv;

32.    Jitlob lill-Istati Membri jsaħħu, permezz tal-awtoritajiet lokali, is-servizzi pubbliċi (pereżempju s-saħħa u l-edukazzjoni), u jużawhom bħala forza mexxejja biex itejbu l-kwalità tas-servizzi sabiex jingħataw opportunitajiet ta’ xogħol u jgħollu l-livell tas-servizzi mogħtija bil-għan li jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

33.    Jindika li r-regoli dwar l-għajnuna statali ma għandhomx ikunu impediment għall-finanzjament pubbliku għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali u s-servizzi soċjali; f'dan is-sens, jistieden lill-Kummissjoni tapplika flessibilità fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna statali għal dawn l-intrapriżi u s-servizzi, u tgħin sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jifhmu u japplikaw b'mod korrett l-għajnuna statali maħsuba għalihom;

34.    Jiddispjaċih li r-regolament li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi jirreferi biss għas-settur tal-ekonomija soċjali u solidali fil-premessi tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi l-approċċ ta’ investiment soċjali kif ippreżentat fil-Pakkett ta’ Investiment Soċjali, kif ukoll li jiġu kkunsidrati l-proġetti relatati mal-ekonomija soċjali u solidali meta jiġu vvalutati l-proġetti tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi;

35.    Jikkritika l-fatt li l-intrapriżi tat-taħriġ u tal-ippustjar tal-ħaddiema, imwaqqfa abbażi ta' sħubiji bejn intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali, huma ġeneralment esklużi mill-aċċess għall-fondi għall-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi eċċezzjoni ġdida għad-definizzjoni legali ta' "SME", simili għal dawk li diġà japplikaw għall-korporazzjonijiet tal-investiment pubbliku, il-kumpaniji tal-kapital ta’ riskju, u l-universitajiet u ċ-ċentri ta’ riċerka mingħajr skop ta’ qligħ, sabiex jingħata lok li intrapriża tat-taħriġ u tal-ippustjar tal-ħaddiema tkun kwalifikata bħala intrapriża awtonoma, anke meta intrapriża oħra jkollha, waħedha jew flimkien ma’ intrapriżi oħra, 25 % jew iktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot fi ħdan il-bord amministrattiv tagħha;

Taħriġ

36.    Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu kultura intraprenditorjali u l-mudell ta' intrapriża kooperattiva u li jinkludu l-intraprenditorija soċjali, kif ukoll il-prinċipji tal-ekonomija soċjali u solidali, fil-kurrikuli tal-edukazzjoni u ta' taħriġ; jistedinhom ukoll jinkoraġġixxu t-twaqqif ta' inkubaturi tan-negozji fi ħdan l-universitajiet għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali;

37.    Jirrimarka li l-ekonomija soċjali u solidali tista’ tgħin biex jitnaqqas b’mod sinifikanti l-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-parteċipazzjoni akbar tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali fil-programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ tal-Istati Membri, b’mod partikolari permezz ta’ sistemi ta’ taħriġ duwali;

38.    Jistieden lill-Istati Membri jgħammru liċ-ċentri tax-xogħol sabiex ikunu jistgħu jipprovdu tagħrif effikaċi għall-persuni li jkun biħsiebhom jaħdmu fis-settur tal-intraprenditorija soċjali u solidali;

39.    Jinnota li xi intrapriżi soċjali u solidali huma kompetittivi u għandhom pożizzjoni ta' tmexxija fis-settur tagħhom, filwaqt li oħrajn jeħtieġu għarfien speċjalizzat biex iniedu, jiżviluppaw u jamministraw in-negozji tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi ta’ taħriġ immirati u mfassla speċifikament għall-intraprendituri tas-settur soċjali, u b’referenza partikolari għall-gruppi b’rati ta’ impjieg aktar baxxi bħalma huma l-ħaddiema nisa, żgħażagħ u dawk żvantaġġati, bil-ħsieb li jiżviluppaw il-ħiliet u l-għarfien bażiku ta’ ġestjoni tan-negozju;

40.    Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja u l-gwida tal-karriera għall-ħaddiema akbar fl-età, dawk li jkunu qiegħda fit-tul u l-persuni b'diżabilità, permezz ta' intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali, u b'hekk jgħinuhom jidħlu fis-suq tax-xogħol;

41.    Jirrimarka li fehim tajjeb tad-drittijiet tal-bniedem huwa essenzjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet soċjali tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, biex ifasslu programmi ta’ taħriġ sabiex iħarrġu lil professjonisti fis-settur soċjali fir-rigward tal-implimentazzjoni korretta tal-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa;

42.    Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal ta’ programmi bħal Erasmus +, u b’hekk jinkoraġġixxu l-iskambju ta’ studenti u għalliema kif ukoll intraprendituri innovattivi oħra;

43.    Jirrimarka li s-setturi b’firxa wiesgħa ta’ tkabbir u ħolqien ta’ impjiegi, bħas-settur "abjad" u s-settur "aħdar" huma setturi fejn l-ekonomija soċjali u solidali hija preżenti ħafna; għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-edukazzjoni u t-taħriġ f’dawk is-setturi;

Appoġġ u promozzjoni

44.    Jiddispjaċih għal-livell baxx ta' rikonoxximent tal-ekonomija soċjali u solidali fil-livell Ewropew; huwa tal-fehma li t-titjib fil-ġbir tad-data diżaggregata skont is-sess u l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattika fil-livell Ewropew, flimkien ma' kopertura aktar wiesgħa mill-midja tal-ekonomija soċjali u solidali u tal-kisbiet tagħha, jgħinu biex tingħata spinta lill-parteċipazzjoni tas-soċjetà fl-ekonomija soċjali u solidali, biex b'hekk jiġi żgurat li tinftiehem u tiġi rikonoxxuta aktar u tingħata viżibbiltà aħjar;

45.    Jaqbel mal-ħolqien ta’ pjattaforma diġitali multilingwi għall-iskambju tal-informazzjoni mmirata lejn l-intrapriżi soċjali, l-inkubaturi tan-negozji, ir-raggruppamenti kummerċjali u l-investituri fl-intrapriżi soċjali, u li jiġu ffaċilitati l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-aċċess għall-appoġġ mill-programmi tal-UE; jemmen li l-iżvilupp ta’ tali pjattaforma għandu jkun ippreċedut minn konsultazzjonijiet mal-gruppi interessati;

46. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel studju komparattiv tas-sistemi nazzjonali ta' ċertifikazzjoni u tikkettar tal-ekonomija soċjali u solidali u biex tiffaċilita l-iskambju ta' prattiki tajba, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali;

47.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-ħolqien ta’ inkubaturi tan-negozju għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali, kif ukoll biex jimplimentaw u jippromwovu b’mod effettiv il-pjattaforma tal-Internet għall-iskambju tad-data bejn investituri soċjali u intraprendituri soċjali (il-Pjattaforma għall-Innovazzjoni Soċjali tal-Ewropa ), li d-dettalji tagħha diġà hemm qbil dwarhom.

48.    Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-iskambju tal-aħjar prattika fir-rigward ta' mezzi possibbli ta' appoġġ għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali u tal-investiment soċjali, inklużi, fejn applikabbli, eżenzjonijiet tat-taxxa jew inċentivi għall-intrapriżi li jittrattaw ma' gruppi vulnerabbli, bħalma huma l-persuni b'diżabilità;

49.    Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi b’attenzjoni l-miżuri prattiċi implimentati mill-Istati Membri sabiex jiggarantixxu li l-persuni li jkunu għażlu t-triq tal-intraprenditorija soċjali u solidali jgawdu mill-istess drittijiet ta’ protezzjoni soċjali, protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà fix-xogħol bħal ħaddiema oħrajn;

50.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ebda miżura implimentata mill-Istati Membri ma tkun ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, u li b’hekk kull min għażel it-triq tal-intraprenditorija soċjali u solidali jkun jista’ jwettaq l-attività tiegħu fejn jixtieq fit-territorju tal-Unjoni;

51.    Jappoġġja l-idea li l-intrapriżi soċjali u solidali jistgħu jiffurmaw kategorija speċifika ta’ kumpanija bl-istatus legali proprja tagħha, iddefinita bħala waħda b'objettivi oħrajn apparti s-sempliċi qligħ għall-partijiet interessati; jistieden lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Istrateġija ta' Ruma adottata mir-rappreżentanti Ewropej tal-ekonomija soċjali u solidali, sabiex tippreżenta qafas legali għal dawn l-intrapriżi, li għandu jintlaħaq permezz tal-istatut Ewropew għas-soċjetajiet kooperattivi, l-assoċjazzjonijiet, il-fondazzjonijiet u l-intrapriżi mutwi;

52.    Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-djalogu soċjali fl-ekonomija soċjali u solidali, sabiex tiffaċilita l-innovazzjoni soċjali u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u biex tiżgura li jkun hemm għarfien sħiħ tal-potenzjal ta’ ħolqien tal-impjiegi tas-settur;

53. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

L-UE indikat il-linji tagħha li għandhom jiġu segwiti mis-swieq fl-Istrateġija 2020, flimkien ma' diversi objettivi ambizzjużi ħafna li ma jistgħux jiġu abbandunati.

Madankollu, il-kriżi ekonomika u finanzjarja li laqtet l-UE fis-snin riċenti u li fortunatament waslet biex tintemm, begħditna minn dawn l-għanijiet, u issa rridu naħsbu mill-ġdid il-mudell ekonomiku u soċjali biex jiġi żgurat li t-tkabbir fil-futur mhux biss ikun sostenibbli iżda jkun jaqbel ukoll mal-prinċipji tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali li fuqhom hi msejsa l-UE.

L-UE trid tiffaċċja sfidi importanti fuq medda qasira, bħas-sostenibbiltà ekonomika u finanzjarja, il-benessri soċjali u speċjalment il-ħolqien ta' impjiegi, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari l-gruppi l-aktar vulnerabbli bħalma huma ż-żgħażagħ, in-nisa u l-anzjani, dawk qiegħda, in-nies b'diżabilità, l-immigranti u l-komunità Rom, fost l-oħrajn. Iżda biex jintlaħqu dawn l-isfidi, l-UE teħtieġ li tieħu kont ta' sfidi futuri bħalma huma l-popolazzjoni li qed tixjieħ u d-depopolazzjoni fiż-żoni rurali.

U biex ikomplu jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-ekonomija soċjali għandu jkollha rwol ewlieni. L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali wrew li huma kapaċi jirreżistu aktar għad-disturbi ekonomiċi u kienu kapaċi joffru soluzzjonijiet innovattivi favur il-koeżjoni u l-inklużjoni soċjali u l-ħolqien tal-impjiegi. Barra minn hekk, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għandhom rabta qawwija mar-realtajiet lokali u reġjonali, filwaqt li jipprovdu soluzzjonijiet imfassla għal ħtiġijiet speċifiċi.

L-intraprenditorija soċjali u l-innovazzjoni soċjali se jkunu essenzjali għall-iżvilupp ulterjuri tal-ekonomija soċjali. Għalhekk, huwa ta' importanza vitali li tingħata attenzjoni speċjali lill-edukazzjoni u t-taħriġ. L-UE teħtieġ iddaħħal fiż-żgħażagħ tagħha l-ispirtu innovattiv u intraprenditorjali meħtieġ, minn età bikrija.

Min-naħa l-oħra, huwa neċessarju li ma nfixklux l-ekonomija soċjali mar-Responsabilità Soċjali Korporattiva (CSR). L-intrapriża tal-ekonomija soċjali hija dik li l-għan ewlieni tagħha huwa li jkollha impatt soċjali aktar milli jiġi ġġenerat profitt għas-sidien jew is-sħab tagħha filwaqt li s-CSR hija l-integrazzjoni volontarja minn intrapriżi tradizzjonali ta' għanijiet soċjali u ambjentali fil-programmi kummerċjali tagħhom.

L-innovazzjoni soċjali u l-intraprenditorija soċjali huma għalhekk essenzjali għall-iżvilupp tal-ekonomija soċjali u biex jippromovuha, u għal dan il-għan għandha ssir ħidma fl-oqsma li ġejjin:

- Edukazzjoni u t-taħriġ

- Titjib tal-finanzjament

- Viżibbiltà ikbar fil-livell Ewropew u f'dak nazzjonali u skambju tal-informazzjoni u l-aħjar prattiki

- Promozzjoni tal-iżvilupp tal-ekonomija soċjali fl-UE u fl-Istati Membri

- Titjib tal-qafas legali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

15.7.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

44

6

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Guillaume Balas, Tiziana Beghin, Brando Benifei, Mara Bizzotto, Vilija Blinkevičiūtė, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Ole Christensen, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Elena Gentile, Arne Gericke, Danuta Jazłowiecka, Agnes Jongerius, Rina Ronja Kari, Jan Keller, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Zdzisław Krasnodębski, Jérôme Lavrilleux, Patrick Le Hyaric, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Thomas Mann, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Elisabeth Morin-Chartier, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Marek Plura, Terry Reintke, Sofia Ribeiro, Maria João Rodrigues, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Romana Tomc, Yana Toom, Ulrike Trebesius, Ulla Tørnæs, Marita Ulvskog, Renate Weber, Tatjana Ždanoka, Jana Žitňanská, Inês Cristina Zuber

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Tim Aker, Lynn Boylan, Tania González Peñas, Sergio Gutiérrez Prieto, Ivo Vajgl, Monika Vana

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

44

+

ALDE

Enrique Calvet Chambon, Martina Dlabajová, Yana Toom, Ulla Tørnæs, Ivo Vajgl, Renate Weber

ECR

Arne Gericke, Zdzisław Krasnodębski, Anthea McIntyre, Ulrike Trebesius, Jana Žitňanská,

PPE

David Casa, Danuta Jazłowiecka, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Ádám Kósa, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Marek Plura, Sofia Ribeiro, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Romana Tomc

NI

Lampros Fountoulis

S&D

Guillaume Balas, Brando Benifei, Vilija Blinkevičiūtė, Ole Christensen, Elena Gentile, Sergio Gutiérrez Prieto, Agnes Jongerius, Jan Keller, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Maria João Rodrigues, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Marita Ulvskog

Verts/ALE

Terry Reintke, Monika Vana, Tatjana Ždanoka

6

-

EFDD

Tim Aker

GUE/NGL

Lynn Boylan, Tania González Peñas, Rina Ronja Kari, Patrick Le Hyaric, Inês Cristina Zuber

4

0

EFDD

Laura Agea, Tiziana Beghin

ENF

Mara Bizzotto, Dominique Martin

Tifsira tas-simboli

+ : favur

-  : kontra

0  : astensjonijiet

(1)

Testi adottat, P7_TA(2013)0049.

(2)

ĠU C 76 E, 25.3.2010, p.16.

(3)

Testi adottat, P7_TA(2013)0301.

(4)

Testi adottat, P7_TA(2012)0429.

(5)

ĠU C 199 E, 7.7.2012, p.187

(6)

http://eurlex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52014XG0614(04)&from=MT

Avviż legali