Proċedura : 2014/2241(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0258/2015

Testi mressqa :

A8-0258/2015

Dibattiti :

PV 29/10/2015 - 5
CRE 29/10/2015 - 5

Votazzjonijiet :

PV 29/10/2015 - 10.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0391

RAPPORT     
PDF 806kWORD 306k
22.9.2015
PE 557.222v02-00 A8-0258/2015

dwar sfidi u kunċetti ġodda għall-promozzjoni tat-turiżmu fl-Ewropa

(2014/2241(INI))

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

Rapporteur: Isabella De Monte

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar sfidi u kunċetti ġodda għall-promozzjoni tat-turiżmu fl-Ewropa

(2014/2241(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu 'L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja - qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew' (COM(2010)0352),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar l-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja - qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew(1),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Frar 2014 bit-titolu “Strateġija Ewropea għal aktar Tkabbir Ekonomiku u Impjiegi fit-Turiżmu Marittimu u Kostali” (COM(2014)0086),

–       Wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni bit-titolu “Is-Sikurezza tas-Servizzi tal-Akkomodazzjoni Turistika” (COM(2014)0464),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar – Aġenda tal-UE ("Better regulation for better results – An EU aġenda") (COM(2015)0215),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020(2),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar l-aċċessibilità tal-infrastruttura kulturali u tal-attivitajiet kulturali għall-persuni b’diżabilità(3),

–       wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 195 tiegħu,

–       wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 195 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0258/2015),

A.     billi l-miżuri meħuda fil-livell tal-UE taħt l-Artikolu 195 tat-TFUE għandhom jikkumplementaw l-azzjoni tal-Istati Membri fis-settur tat-turiżmu, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet;

B.     billi t-turiżmu huwa qasam ta' tkabbi potenzjali ewlieni tal-ekonomija Ewropea, li jiġġenera 'l fuq minn 10 % tal-PDG tal-UE jekk wieħed iqis ukoll is-setturi marbuta mat-turiżmu; billi t-turiżmu huwa wkoll xprun ta’ għadd sostanzjali ta’ impjiegi, peress li jimpjega b’mod dirett 13-il miljun ħaddiem u konsegwentement huwa responsabbli għal mill-inqas 12 % tal-impjiegi fl-UE;

C.     billi l-Ewropa hija d-destinazzjoni turistika numru wieħed fid-dinja fejn għandha sehem tas-suq ta' 52 %; billi l-istatistika turi li l-maġġoranza tal-vjaġġi barra l-pajjiż minn residenti tal-UE għadhom qed ikunu lejn destinazzjonijiet fi ħdan l-UE, u billi l-għadd ta’ turisti internazzjonali li jaslu fl-UE huwa previst li se jiżdied b’140 miljun kull sena sal-2025;

D.     barra minn hekk it-turiżmu jirrappreżenta attività soċjoekonomika maġġuri fl-UE, b'impatt mifrux ħafna fuq it-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-iżvilupp soċjali, u billi jista' jkun għalhekk għodda importanti fl-indirizzar tal-kriżi ekonomiku u tal-impjiegi li għaddejja bħalissa;

E.     billi t-turiżmu kostali u marittimu huwa l-akbar attività marittima fl-Ewropa, u billi jirrappreżenta aktar minn terz tal-ekonomija marittima, fejn jaffettwa b'mod dirett ħafna setturi oħra tal-ekonomija tal-UE u jimpjega 3,2 miljun ruħ, l-aktar bejn l-etajiet ta’ 16 u 35 sena; billi għandu jiġi nnutat ukoll li dan is-settur kien ta' xprun għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, partikolarment fir-reġjuni tal-Atlantiku u l-Mediterran;

F.     billi l-prijoritajiet tal-politika tat-turiżmu jikkontribwixxu għal mill-inqas tliet prijoritajiet tal-Kummissjoni Juncker, jiġifieri tkabbir u impjiegi sostenibbli, suq uniku diġitali konness, u suq intern aktar profond u ġust;

G.     billi l-azzjonijiet imħabbra fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2010 bit-titolu “L-Ewropa, id-destinazzjoni turistika Nru 1 fid-dinja” jinkoraġġixxu l-objettiv ambizzjuż li tibqa' tinżamm il-pożizzjoni dominanti tal-Ewropa fid-dinja bħala destinazzjoni turistika;

H.     billi ma hemm l-ebda linja ddedikata għat-turiżmu fil-baġit tal-UE, u billi l-azzjonijiet f’dan il-qasam jaqgħu taħt diversi fondi, proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji;

I.      billi l-industrija tat-turiżmu fl-Ewropa tħabbat wiċċha ma’ għadd ta’ sfidi ġodda, fosthom id-diġitalizzazzjoni tal-kanali ta’ distribuzzjoni, l-iżvilupp tas-settur ġdid tal-ekonomija kollaborattiva, iż-żieda fil-kompetizzjoni minn destinazzjonijiet ta' suq terz inqas għalja li qed jitfaċċaw, it-tibdil fl-imġiba tal-konsumaturi, it-tranżizzjoni għal ekonomija ta' esperjenzi, id-domanda għal servizz tal-klijent ta' kwalità, il-ħtieġa li jiġi attirat u miżmum persunal ikkwalifikat, il-bidliet demografiċi, u l-istaġjonalità;

J.      billi dawk li jfasslu l-politika tat-turiżmu jistgħu jindirizzaw sfidi bħalma huma t-tibdil demografiku u l-istaġjonalità fit-turiżmu billi jiżviluppaw prodotti u servizzi li jirrispondu għall-bżonnijiet speċifiċi tal-għadd dejjem jikber ta’ anzjani li jistgħu jivvjaġġaw waqt l-istaġun baxx;

K.     billi l-SMEs fis-settur tat-turiżmu jiffaċċjaw diffikultajiet konsiderevoli bħala riżultat ta’ piż regolatorju kbir;

L.     billi l-promozzjoni tal-Ewropa permezz tal-promozzjoni tad-destinazzjoni turistika tagħha stess u l-istrateġija tal-marka tagħha sservi bħala għodda importanti biex jissaħħu d-dehra, il-profil u l-kompetittività tagħha bħala sett ta’ destinazzjonijiet turistiċi sostenibbli u ta’ kwalità għolja, tippermetti lid-destinazzjonijiet Ewropej jiddistingwu lilhom infushom minn destinazzjonijiet internazzjonali oħra u tgħin biex jinġibdu t-turisti internazzjonali, b'mod partikolari mis-swieq terzi emerġenti;

M.    billi l-konflitti qrib il-fruntieri tal-UE, pereżempju fl-Ukraina u fil-Lvant Nofsani, flimkien mat-theddidiet terroristiċi, għandhom impatt negattiv fuq is-settur tat-turiżmu u għalhekk jeħtieġu kontromiżuri kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew;

N.     billi t-turiżmu sostenibbli, aċċessibbli u responsabbli li jkun f’armonija man-natura u l-pajsaġġ u mad-destinazzjonijiet urbani, u li jiddependi mill-effiċjenza tar-riżorsi, il-mobilità sostenibbli u l-protezzjoni tal-klima, jgħin biex jiġu ppreservati l-ambjent lokali, b’mod partikolari fir-reġjuni tal-muntanji u dawk tal-kostali u fil-gżejjer, u biex jinkisbu riżultati dejjiema f’dak li hu tkabbir reġjonali, jakkomoda d-domandi dejjem akbar tal-vjaġġaturi għall-kwalità u jgħin lill-kumpaniji jikkompetu;

O.     billi t-turiżmu kulturali Ewropew jaqdi rwol importanti fil-promozzjoni tad-diversità kulturali rikka tal-Ewropa, isaħħaħ l-identità Ewropea u jippromwovi l-iskambji transkulturali u l-fehim multikulturali;

P.     billi r-reġjuni jaqdu rwol fundamentali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki relatati mat-turiżmu fil-livell reġjonali;

Q.     billi l-ekonomija kollaborattiva tirrappreżenta bidla lejn mudelli ta’ negozju ġodda bħala riżultat tat-tibdil rapidu tat-teknoloġija ġdida, u billi bosta mill-atturi fl-ekonomija kollaborattiva jiffurmaw parti mill-ekonomija tas-servizz tal-ivvjaġġar;

R.     billi, għalkemm l-informazzjoni hija mxerrda u konsegwentement huwa diffiċli li wieħed jasal għal konklużjonijiet sodi, huwa probabbli ħafna li l-impatt ekonomiku tal-ekonomija kollaborattiva għandu effett pożittiv fuq it-tkabbir ekonomiku u l-benesseri ekonomiku;

S.     billi l-offerta ta' servizzi ta’ standard għoli u l-ħarsien tad-drittijiet tal-konsumaturi għandhom ikunu l-ogħla prijorità għal dawk kollha li jipprovdu servizzi marbuta mat-turiżmu, inkluż fis-settur li jinvolvi l-kondiviżjoni u l-użu tat-teknoloġiji tal-Internet l-aktar riċenti;

T.     billi l-ivvjaġġar u t-turiżmu huwa wieħed mis-setturi l-iktar affettwati mid-diġitalizzazzjoni, u billi dan jiftaħ għadd ta’ opportunitajiet għal-kumpaniji tal-ivvjaġġar mhux biss fl-Ewropa iżda wkoll fid-dinja;

Il-qafas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni

1.      Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lura lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2010 msemmija hawn fuq u dwar l-użu tal-allokazzjonijiet tal-baġit taħt il-Fondi Strutturali u l-programmi rilevanti tal-UE, b’mod partikolari l-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) u l-programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi żgħar u medji (COSME), u l-proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji rispettivi, fil-forma ta’ rieżami fattwali li jkun jinkludi valutazzjoni tal-effikaċja tal-azzjonijiet għall-promozzjoni tat-turiżmu u l-ikkonsolidament tal-kompetittività tas-settur tat-turiżmu tal-UE;

2.      Jistenna li l-Kummissjoni tiżgura li l-allokazzjoni futura tar-riżorsi mid-diversi fondi promozzjonali għall-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għall-kumpaniji fis-settur turistiku tal-UE tibqa’ possibbli;

3.      Iħeġġeġ bil-qawwa lill- Kummissjoni teżamina l- possibilità li tinħoloq taqsima fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss li tkun iddedikata esklussivament għat- turiżmu, fuq il-bażi li t-turiżmu għandu jiġi rikonoxxut aħjar bħala attività ekonomika individwali f’dawk li huma baġit u azzjonijiet, minflok ma jiġi ffinanzjat mill-baġits ta’ oqsma oħra ta’ politika;

4.      Ifakkar li l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) għadhom l-akbar għajn ta’ finanzjament estern għall-attivitajiet maħsuba biex jistimulaw is-settur tat-turiżmu f’ċerti Stati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tiżgura trasparenza akbar fil-mod li bih il-fondi strutturali jintużaw mill-amministrazzjonijiet lokali;

5.      Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-awtoritajiet responsabbli għat-turiżmu, flimkien mal-kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs, jagħmlu l-aktar użu sħiħ possibbli tal-opportunitajiet ġodda ta’ finanzjament taħt il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi, speċjalment permezz tal-banek ta’ investiment nazzjonali u reġjonali, sabiex jagħtu qabża kwalitattiva lill-azzjoni tal-UE b’appoġġ għat-turiżmu;

6.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ xenarji pilota relatati mat-turiżmu taħt il-programm Orizzont 2020;

7.      Jistieden lill-Kummissjoni tittraduċi l-gwida tal-appoġġ finanzjarju fil-24 lingwa uffiċjali tal-UE sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-possibilitajiet ta’ finanzjament, b’mod partikolari għall-SMEs, peress li l-aċċess għall-finanzjament huwa wieħed mill- ostakoli ffaċċjati f’dan is-settur;

8.      Jistieden lill-Kummissjoni taħtar esperti indipendenti biex jivvalutaw l-impatt ta’ politiki oħra tal-UE dwar it-turiżmu u janalizzaw it-theddidiet reali u potenzjali għat-turiżmu bħala riżultat tal-konflitti li hemm fil-pajjiżi u r-reġjuni ġirien tal-UE, u tirrapporta lura lill-Parlament bi proposti għal miżuri biex jissaħħaħ l-impatt pożittiv fuq it-turiżmu u jitnaqqas l-impatt negattiv;

9.      Jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta ħarsa ġenerali ta’ data aġġornata abbażi tar-Regolament il-ġdid dwar l-Istatistika tat-Turiżmu;

10.    Jinnota li hemm bżonn ta’ aktar sforz biex jiġi żviluppat approċċ integrat għat-turiżmu, li jiżgura li l-interessi u l-ħtiġijiet ta’ dan is-settur jiġu kkunsidrati meta jkunu qed jiġu fformulati u implimentati politiki oħra tal-UE (eż. it-trasport, il-politika rurali);

11.    Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija ġdida għat-turiżmu tal-UE biex tissostitwixxu jew taġġorna l-Komunikazzjoni tal-2010;

12.    Jistenna lill-Kummissjoni tippreżenta miżuri implimentattivi dettaljati għall-ġabra l-ġdida ta’ azzjonijiet komuni fil-kuntest tal-Forum Ewropew dwar it-Turiżmu li jmiss;

13.    Jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni tittrasferixxi riżorsi umani suffiċjenti għall-politika tat-turiżmu tagħha, minħabba l-importanza tat-turiżmu bħala fattur essenzjali għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa; jikkritika l-fatt li s-suġġett tat-turiżmu mhuwiex elenkat b’mod viżibbli biżżejjed fuq il-websajt tad-DĠ GROW il-ġdid; jirrakkomanda wkoll li din il-websajt issir multilingwi;

14.    Jenfasizza l-importanza tal-koordinazzjoni fost is-servizzi u d-dipartimenti tal-Kummissjoni;

15.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra tnaqqasx il-piż regolatorju sproporzjonat, li għandu impatt negattiv fuq il-kompetittività tal-SMEs fis-settur tat-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jnaqqsu, u mhux iżidu, il-piż regolatorju eżistenti;

16.    Ifakkar lill-Kummissjoni li t-turiżmu huwa settur ewlieni tal-ekonomija Ewropea, u li konsegwentement huwa meħtieġ li tittejjeb b’mod konsiderevoli l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-istituzzjonijiet finanzjarji u li tinħoloq sinerġija bejn is-settur pubbliku u dak privat tat-turiżmu; Jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha biex isibu mekkaniżmu għal koordinazzjoni u kooperazzjoni effettivi f’dan is-settur;

17.    Iqis li, fil-qafas ta’ kooperazzjoni u relazzjonijiet kordjali tajba ta’bejn il-ġirien, l-UE għandha tiżviluppa azzjonijiet ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tat-turiżmu f’pajjiżi terzi bil-ħsieb li jkun jista' jsir żvilupp ibbilanċjat tal-ekonomiji tagħhom, ħaġa li se tgħin ukoll biex jittaffew it-tensjonijiet fil-qasam tar-relazzjonijiet kordjali ta' bejn il-ġirien u biex jittejbu l-attrattiva tar-reġjun u l-fluss tat-turisti li jżuru l-pajjiż;

18.    Iqis li l-indikazzjoni ta’ Sena Ewropea tat-Turiżmu se tgħin sabiex tiġi promossa d-diversità tat-turiżmu Ewropew u jitgħolla l-profil tad-diversi partijiet interessati attivi fis-settur tat-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra inizjattiva bħal din;

19.    Jistieden lill-Kummissjoni tressaq analiżi tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi li titwaqqaf Aġenzija Ewropea għat-Turiżmu;

L-immarkar/il-promozzjoni konġunta tal-Ewropa bħala destinazzjoni turistika

20.    Jinkoraġġixxi b’mod qawwi lill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea għat-Turiżmu (ETC), li jgħaqqad flimkien l-organizzazzjonijiet nazzjonali tat-turiżmu, tkompli u tapprofondixxi l-promozzjoni tal-Ewropa bħala l-aqwa destinazzjoni turistika fid-dinja taħt l-umbrella ta’ approċċ Ewropew komuni; jitlob b’mod partikolari għall-implimentazzjoni tal-strateġija fit-tul varata mill-Kummissjoni u mill-Kummissjoni Ewropea għat-Turiżmu fi Frar 2014, “Destinazzjoni Ewropa 2020”, li tinkludi ġabra ta’ azzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni, immarkar u promozzjoni għall-Ewropa bħala destinazzjoni turistika;

21.    Jitlob b'mod partikolari għall-ħolqien ta' marka "Destinazzjoni(jiet) Ewropa” bil-għan li jiġu kkumplementati u mtejba l-attivitajiet promozzjonali tal-organizzazzjonijiet tat-turiżmu li joperaw fil-livell nazzjonali, reġjonali, transfruntier u dak lokali, u tal-industrija Ewropea tat-turiżmu, għall-benefiċċju tal-viżibilità u l-kompetittività tad-destinazzjonijiet turistiċi Ewropej, speċjalment fis-swieq l-aktar imbiegħda; Jenfasizza li l-marka "Destinazzjoni(jiet) Ewropa" teħtieġ approċċ inklużiv li jiġġenera vantaġġi kemm għad-destinazzjonijiet Ewropej stabbiliti u kemm għal dawk inqas magħrufa filwaqt li tiġi ppreservata d-diversità inerenti ta’ reġjuni Ewropej differenti peress li jaqilgħu l-għajxien tagħhom mill-marka territorjali tagħhom stess, u li din trid tirrispetta bis-sħiħ il-kompetenzi tal-Istati Membri skont l- Artikolu 195 TFUE;

22.    Jirrikonoxxi li jeħtieġ li jiġu definiti b'mod ċar objettivi komuni u li jiġu analizzati l-potenzjal u l-valur miżjud ta' marka "Destinazzjoni(jiet) Ewropa", skont il-ħtiġijiet u r-rekwiżiti speċifiċi espressi mill-Istati Membri; huwa tal-fehma li, biex jinkisbu dawn ir-riżultati, jeħtieġ li jitmexxew aktar konsultazzjonijiet profondi mal-industrija, l-organizzazzjonijiet tat-turiżmu u l-awtoritajiet reġjonali u lokali; jirrakkomanda l-istabbiliment ta’ manwal tal-marka, li għandu jispeċifika l-modalitajiet ta’ promozzjoni li jkun sar qbil dwarhom;

23.    Jirrakkomanda li tingħata kunsiderazzjoni lill-kwestjoni ta' kif is-settur privat jista' jsir involut fl-istrateġija ta' kummerċjalizzazzjoni tal-marka "Destinazzjoni(jiet) Ewropa", u kif jista' jikkontribwixxi finanzjarjament għall-iżvilupp u l-għanijiet tal-istrateġija; jenfasizza l-importanza tas-sħubijiet pubbliċi-privati u konsegwentement jissuġġerixxi li jiġi żviluppat programm ta’ Sħubija Pubblika Privata Speċjali tat-Turiżmu (Special Public-Private Partnership of Tourism - SPOT); jistieden lill-Istati Membri jinvolvu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali rispettivi tagħhom f’dan il-proċess, u jikkooperaw b’mod kostruttiv mal-industrija sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi;

24.    Jitlob għat-tisħiħ tal-marka "Destinazzjoni(jiet) Ewropa" bħala l-aktar reġjun tal-vaganzi fid-dinja li hu tajjeb għall-familji, għat-tfal u għall-ġenerazzjonijiet;

25.    Iqis li huwa essenzjali li wieħed mill-elementi ewlenin tal-marka “Destinazzjoni Ewropa” tkun is-sigurtà tat-turisti; jistieden, għalhekk, lill-awtoritajiet tal-Istati Membri, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, biex jimplimentaw strateġiji (inklużi kampanji ta’ informazzjoni turistika) bl-objettiv li t-turisti jingħataw l-esperjenza l-aktar sikura possibbli fid-destinazzjonijiet turistiċi Ewropej;

26.    Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-kuxjenza politika dwar il-fatt li l-promozzjoni tal-Ewropa f’pajjiżi terzi sservi bħala għodda ta’ kummerċjalizzazzjoni bl-objettiv li jiżdied il-għadd ta’ turisti li jiġu l-Ewropa, u b’hekk tgħin biex iġġib benefiċċju ekonomiku mhux biss lid-destinazzjonijiet inqas magħrufa u lill-pajjiżi li qed jesperjenzaw diffikultajiet ekonomiċi, iżda wkoll lill-UE kollha kemm hi; iqis li politika tal-viża stretta hija ostaklu għat-turiżmu lejn l-Ewropa minn pajjiżi terzi; jilqa’ l-miżuri proposti mill-Kummissjoni fl-2014 bil-ħsieb li jinħarġu viżi turistiċi ġodda u tiġi ffaċilitata l-mogħdija tat-turisti miż-żona ta’ Schengen; iħeġġeġ lill-Kunsill, f’dan ir-rigward, jilħaq qbil rapidu mal-Parlament sabiex l-UE tkun tista’ tibbenefika minn influss ikbar ta’ turisti minn ċerti pajjiżi terzi b’livell għoli ta’ interess potenzjali li jżuru l-UE;

27.    Ifakkar li l-UE għandha tibda tinvesti bil-għan li tkun lesta biex tisfrutta l-potenzjal ta’ pajjiżi terzi b’popolazzjoni kbira u ekonomiji emerġenti, b'mod partikolari l-pajjiżi BRIC, fejn il-għadd ta' turisti li jsiefru barra minn pajjiżhom qed jiżdied; jindika l-ħtieġa ta' inizjattivi mmirati lejn il-promozzjoni tat-turiżmu u l-ħtieġa ta' flessibilità u konsistenza akbar fir-rigward tal-arranġamenti tal-viża turistika u l-qsim minn naħa għal oħra tal-fruntieri; jenfasizza li l-promozzjoni ta’ għadd akbar ta’ pjattaformi tat-Turiżmu bil-Viża, flimkien ma’ approċċ kawt lejn is-semplifikazzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi, hija komponent importanti biex jikber il-għadd ta’ turisti minn barra l-Ewropa u tiżdied il-viżibilità tad-destinazzjonijiet turistiċi Ewropej; jenfasizza l-potenzjal ta' viżi itineranti għal gruppi ta' turisti li jkunu diġà ġew fil-pajjiż, u l-importanza tal-implimentazzjoni ta' aktar ftehimiet ta' eżenzjoni mill-viża sabiex isir l-aħjar użu mill-wasliet ta' turisti internazzjonali; jikkunsidra li huwa rakkomandabbli, bir-rispett dovut għad-dritt u l-obbligu tal-Istati Membri li jikkontrollaw id-dħul mill-fruntieri tagħhom stess, li l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri jiżviluppaw, fil-kuntest tal-politika komuni dwar il-viżi, strateġija fit-tul għal proċeduri tal-viża koordinati u semplifikati aħjar;

Il-prodotti turistiċi pan-Ewropej u transnazzjonali

28.    Huwa tal-fehma li l-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati għandhom isaħħu l-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw prodotti turistiċi Ewropej transnazzjonali ġodda, filwaqt li jqisu b’mod sħiħ ir-rwol tal-istrateġiji makroreġjonali fl-iżvilupp tagħhom; jinnota li l-makroreġjuni bħalma hu l-makroreġjun Adrijatiku-Joniku joffru bażijiet naturali, kulturali u storiċi distintivi għall-iżvilupp ta’ prodotti bħal dawn; jistieden lill-partijiet pubbliċi u privati ikkonċernati fl-istrateġiji makroreġjonali tal-UE għall-Baltiku, għad-Danubju, għall-Adrijatiku-Joniku u għall-Alpi jfasslu, kull waħda fiż-żona tagħha stess, strateġiji konġunti għall-iżvilupp tat-turiżmu;

29.    Jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni internazzjonali fil-ħolqien ta’ itinerarji tematiċi transnazzjonali (fil-livell ta’ għadd akbar ta’ pajjiżi Ewropej) sabiex jiġu amplifikati l-elementi sperimentali li jimmotivaw iż-żjarat lejn ċerti destinazzjonijiet (definiti fil-livell tal-Istat), tiżdied il-mobilità ta' dawk li jmorru għal vaganza, jinkiseb livell medja ogħla ta’ nfiq u titwessa’ l-pjattaforma promozzjonali (b’mod partikolari fir-rigward tal-viżitaturi minn swieq imbiegħda lejn l-Ewropa);

30.    Jenfasizza ż-żieda fil-kompetizzjoni internazzjonali mal-feġġ ta’ destinazzjonijiet barra mill-Ewropa; Iqis li huwa essenzjali, għalhekk, li tiġi mrawma kooperazzjoni akbar bejn id-destinazzjonijiet Ewropej permezz tar-raggruppamenti u n-netwerks tat-turiżmu fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u transnazzjonal u fi ħdan il-baċiri marittimi;

31.    Jirrikonoxxi l-importanza ta’ prodotti turistiċi transnazzjonali fil-promozzjoni tal-koeżjoni territorjali; jinsab konvint, għalhekk, li l-inizjattivi implimentati fi ħdan l-oqfsa ta’ kooperazzjoni istituzzjonalizzati għandhom jiġu appoġġjati permezz ta’ inċentivi adegwati;

32.    Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu rotot turistiċi ġodda billi jiġġeneraw mill-ġdid iż-żoni li m’għadhomx jintużaw, toroq, rotot ferrovjarji, mogħdijiet abbandunati u rotot antikwati;

33.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-membri tal-Kumissjoni Ewropea għat-Turiżmu jappoġġjaw il-mandat eżistenti tagħha biex tgħin fl-iżvilupp u l-promozzjoni ta' prodotti u servizzi tat-turiżmu transnazzjonali u pan-Ewropej b'mira speċifika, flimkien mat-turiżmu kostali u marittimu, permezz ta’ portal visiteurope.com avvanzat, imtejjeb u għalkollox aċċessibbli; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-portal visiteurope.com ikun jista’ jsir aċċess għalih ukoll minn fuq it-terminals komuni kollha mobbli u li jistgħu jinġarru permezz ta’ applikazzjoniu (app) li tkun ipprogrammata apposta;

34.    Jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tagħti spinta lill-kooperazzjoni tagħha mal-Kunsill tal-Ewropa, il-Kummissjoni Ewropea għat-Turiżmu u l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu tan-NU, flimkien ma’ sħab internazzjonali oħra, sabiex jissaħħu l-isforzi biex jiġu żviluppati prodotti tat-turiżmu transnazzjonali u pan-Ewropej ġodda;

35.    Jenfasizza, filwaqt li jikkunsidra l-fatt li llum il-ġurnata l-konsumaturi għandhom it-tendenza li jfittxu esperjenza turistika pjuttost milli sempliċement destinazzjoni, li strateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni li tkun ta' suċċess għall-promozzjoni tal-prodotti turistiċi Ewropej jeħtieġ li tikkorrispondu għall-ħtiġijiet ta’ segmenti u swieq differenti tal-ivvjaġġar f’pajjiżi terzi;

36.    Jenfasizza l-ħtieġa li l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi jippromwovu n-numru ta’ emerġenza Ewropew 112 fuq is-siti elettroniċi rilevanti u fuq il-biljetti elettroniċi, u fid-destinazzjonijiet turistiċi ewlenin tagħna;

37.    Jilqa’ l-inizjattiva tat-turiżmu soċjali Calypso, li jippermetti li l-anzjani, iż-żgħażagħ, il-persuni bi dħul iktar baxx u l-persuni b’diżabilità jmorru fuq btala barra mill-istaġun għoli; Jenfasizza li din l-inizjattiva għandha l-potenzjal li tegħleb il-problema tal-istaġjonalità, b’mod partikolari fid-destinazzjonijiet inqas magħrufa;

38.    Jemmen, madankollu, li biex tiġi miġġielda l-istaġjonalità fl-Ewropa hemm bżonn li jkun hemm enfasi akbar fuq l-iżvilupp ta' prodotti tat-turiżmu b'mira speċifika li joffru lill-vjaġġaturi esperjenza turistika speċifika u jikkorrispondu għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tinkoraġġixxi u tappoġġja lill-Istati Membri u l-industrija tat-turiżmu fil-ħolqien ta’ aktar prodotti diversifikati u b'miri speċifiċi madwar temi speċifiċi bħalma huma l-wirt rurali, kulturali u industrijali, l-istorja, ir-reliġjon, is-saħħa, l-esperjenzi ta’ spa u wellness, l-isport, l-inbid u l-ikel, il-mużika u l-arti bħala forom ta’ turiżmu alternattiv li jgħinu biex jinġieb valur miżjud lejn iż-żona kkonċernata permezz tad-diversifikazzjoni tal-ekonomija tagħha u billi l-impjiegi jsiru inqas staġjonali; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, għal dan l-għan, biex jagħmlu użu xieraq tal-fondi tal-UE, u jistieden lill-Kummissjoni testendi l-objettivi għall-azzjoni taħt il-programm COSME kif xieraq; jikkunsidra li l-festivals tal-isport, il-mużika u l-arti għandhom potenzjal qawwi li jimmobilizzaw turisti mill-Ewropa u minn pajjiżi barranin;

39.    Jenfasizza li d-diversità u l-multikulturaliżmu tal-Ewropa joffru potenzjal kbir għall-iżvilupp tat-turiżmu tematiku, u jippermettu l-promozzjoni kkoordinata ta' skambji turistiċi u kulturali alternattivi u sostenibbli; iħeġġeġ inizjattivi biex tinħoloq rabta bejn l-attrazzjonijiet turistiċi bil-għan li jiġu stabbiliti prodotti u itinerarji tat-turiżmu tematiċi fuq skala Ewropea, nazzjonali, reġjonali u lokali, u dan billi jiġu sfruttati l-komplementarjetà u l-ispeċifiċitajiet tad-diversi attrazzjonijiet turistiċi Ewropej sabiex tiġi provduta l-aqwa esperjenza possibbli għat-turisti;

40.    Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa u enfasizzata r-rikkezza tal-wirt kulturali Ewropew, bl-użu bħal-Lista tal-Patrimonju Dinji tal-UNESCO bħala propożizzjoni ta’ bejgħ uniku iżda wkoll inklużi s-siti li jistgħu jkunu anqas magħrufa jew mhux faċilment aċċessibbli, speċjalment peress li t-turiżmu kulturali jammonta għal madwar 40 % tat-turiżmu Ewropew u b’hekk jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi, l-innovazzjoni soċjali u l-iżvilupp lokali, reġjonali, urban u rurali, filwaqt li jnaqqas l-impatt tal-istaġjonalità; jenfasizza wkoll, f’dan il-kuntest, ir-rwol ewlieni li jaqdu l-garanziji fil-preservazzjoni tal-wirt tal-Ewropa u fil-għajnuna mogħtija lill-Istati Membri biex jerfgħu l-piż tal-ispejjeż;

41.    Jenfasizza li l-promozzjoni tal-avvenimenti kulturali fuq diversi livelli tista' tikkontribwixxi għall-ġibda tad-destinazzjonijiet turistiċi, u għalhekk jissuġġerixxi li tiġi mistħarrġa l-possibilità li jinħoloq kalendarju ta’ avvenimenti madwar l-Ewropa, li jiġi ppubblikat fuq il-portal visiteurope.com, sabiex jittejbu s-servizzi ta’ informazzjoni turistika;

42.    Jistieden lill-organizzazzjonijiet nazzjonali tat-turiżmu jagħtu viżibilità adegwata fuq l-internet lill-inizjattivi u premjijiet li jenfasizzaw il-wirt kulturali Ewropew, u jrawmu inizjattivi u attivitajiet ta’ promozzjoni relatati (bħalma hu ċ-ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew u r-Rotot Kulturali Ewropej);

43.    Itenni l-importanza tal-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali kontra l-effetti ta’ ħsara possibbli tal-bidliet strutturali kkawżati mill-attivitajiet turistiċi, u kontra r-riskji kkawżati mit-turiżmu tal-massa, speċjalment matul l-eqqel tal-istaġun turistiku; jagħti prijorità lill-kwalità tax-xogħol imwettaq u mhux lill-kost tiegħu; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq ir-rwol li jista' jaqdi l-patroċinju fil-għajnuna li jagħti għall-konservazzjoni tal-wirt Ewropew u l-kumpens tiegħu għat-tnaqqis fil-baġits pubbliċi allokati għal dan l-iskop;

44.    Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw l-azzjoni intiża biex tipproteġi l-monumenti u s-siti Ewropej li jinsabu f'periklu bil-għan li jiġi salvagwardjat u promoss il-wirt kulturali u, b'hekk, jiġi mħeġġeġ it-turiżmu kulturali;

45.    Jenfasizza r-rwol importanti li jaqdi t-turiżmu kulturali Ewropew fl-iżvilupp u l-għarfien personali ulterjuri, speċjalment fost iż-żgħażagħ, billi jippromwovi r-rikkezza tad-diversità kulturali u tal-wirt kulturali nazzjonali u lokali, jagħti kontribut lit-tagħlim interkulturali, jipprovdi opportunità għan-netwerking, isaħħaħ l-identità Ewropea u jesprimi valuri Ewropej;

46.    Jisħaq fuq il-potenzjal tat-turiżmu kulturali biex jittaffa l-faqar; jappella, f'dan ir-rigward, għat-trawwim tal-industriji kreattivi tal-Istati Membr u tat-turiżmu rurali bil-għan li tiġi promossa r-rikkezza kulturali straordinarja tal-Ewropa u jiġu miġġielda l-faqar u l-qgħad;

47.    Jenfasizza li l-akkwist konġunt ta’ passes u biljetti tal-ivjaġġar għandu jiġi ssimplifikat bħala forma ta’ appoġġ għall-kampanji kulturali;

48.    Jenfasizza li l-firxa wiesgħa ta' lingwi tal-Ewropa – uffiċjali, kouffiċjali, il-lingwi minoritarji u dawk inqas magħrufa – jiffurmaw il-pedament tal-wirt kulturali tagħha u huma wkoll kruċjali għal turiżmu sostenibbli u responsabbli;

49.    Jinnota l-opportunitajiet offruti mill-avvenimenti u s-siti storiċi sinifikanti, bħalma huma s-Siti tal-Kuxjenza, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi kontemporanji permezz ta' interpretazzjoni sensittiva u programmi edukattivi; iħeġġeġ l-użu tal-wirt kulturali u t-turiżmu sabiex jitrawwem id-djalogu interkulturali u jqarreb lin-nies tal-Ewropa aktar lejn xulxin;

50.    Jisħaq fuq il-potenzjal tat-turiżmu sportiv, li fil-ġejjieni jista' jsir wieħed mis-setturi l-aktar dinamiċi fl-industrija Ewropea tal-ivvjaġġar li qed tiżviluppa, u jitlob li jiġu introdotti politiki speċifiċi għall-promozzjoni u s-sostenn tal-iżvilupp tiegħu; ifakkar fir-rwol importanti tal-attivitajiet sportivi biex jiġbdu t-turisti lejn ir-reġjuni tal-Ewropa; jenfasizza l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-ivvjaġġar tal-atleti u l-ispettaturi fit-tħejjija għall-avvenimenti sportivi u waqt dawn l-avvenimenti, li jistgħu jattiraw lit-turisti anke lejn l-aktar żoni mbiegħda; jenfasizza li l-potenzjal tat-turiżmu sportiv għadu mhux sfruttat biżżejjed;

Il-kwalità

51.    Jinsab konvint li t-turiżmu għandu jagħmel tranżizzjoni minn mudell ta’ tkabbir kwantitattiv għal mudell kwalitattiv li jwassal għal żvilupp stabbli u sostenibbli , u li hemm, fil-fatt, il-ħtieġa li tinbena industrija tat-turiżmu li tippermetti l-ħolqien ta’ aktar impjiegi kwalifikati li huma remunerati b’mod xieraq; jemmen li d-diversifikazzjoni ekonomika tat-turiżmu fiż-żoni rurali u kostali toffri opportunitajiet għal impjiegi ġodda u sostenibbli;

52.    Jirrikonoxxi d-differenza fl-istandards tal-kwalità tas-servizzi fis-settur tat-turiżmu, u huwa tal-fehma li l-istandards tal-kwalità huma importanti bħala mezz ta' ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi u ta' żieda tat-trasparenza għall-konsumatur, u b’hekk jgħinu biex tissaħħaħ il-fiduċja tal-partijiet kollha; jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jiżvolġu aktar id-diskussjoni dwar kif l-UE tista’ tippromwovi standards tal-kwalità li jkun sar qbil dwarhom għas-servizzi tat-turiżmu;

53.    Jitlob lill-Kummissjoni tvara Marka Ewropea ta' Turiżmu ta' Kwalità sabiex tippremja l-isforzi rigorużi min-naħa tal-professjonisti fil-qasam tat-turiżmu fis-sostenn tal-kwalità tas-servizzi tat-turiżmu bbażati fuq l-ogħla rispett għall-wirt kulturali u naturali, fit-titjib tal-kwalità tal-impjiegi fis-settur tat-turiżmu, fit-tisħiħ tal-aċċessibilità għal kulħadd u fil-promozzjoni tat-tradizzjonijiet kulturali tal-komunitajiet lokali;

54.    Jistieden lill-Kummissjoni tagħti spinta lill-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex tittejjeb il-kwalità tal-prodott billi tiġi protetta l-marka “magħmul fi” (made in);

55.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkollaboraw mal-assoċjazzjonijiet tat-turiżmu, u flimkien jiddefinixxu sistema Ewropea komuni għall-klassifikazzjoni tal-infrastruttura tat-turiżmu (lukandi, ristoranti, eċċ.); Iqis li l-inizjattiva Hotelstars Union immirata biex b'mod gradwali tarrmonizza s-sistemi ta' klassifikazzjoni tal-akkomodazzjoni fl-Ewropa kollha għandha tingħata aktar promozzjoni, biex b'hekk ikun jista' jsir paragun aħjar tal-offerta tal-akkomodazzjoni fl-Ewropa u jingħata kontribut għall-kriterji komuni tal-kwalità tas-servizzi;

56.    Jemmen li ż-żamma ta’ standards ta’ sikurezza fis-servizzi tat-turiżmu fl-UE huwa ingredjent essenzjali tal-kwalità tajba; jilqa’, għalhekk, il-Green Paper tal-Kummissjoni intitolata “Is-Sikurezza tas-Servizzi tal-Akkomodazzjoni Turistika”; jinnota s-sottomissjonijiet minn ħafna gruppi tal-konsumaturi, organizzazzjonijiet tas-sikurezza ta' kontra n-nirien u organizzazzjonijiet tas-settur tat-turiżmu li jappoġġjaw l-azzjoni fil-livell tal-UE dwar is-sikurezza tat-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tressaq proposti għal standards minimi għas-sikurezza tat-turiżmu fl-UE, b’mod partikolari fil-qasam tas-sikurezza ta' kontra n-nirien u s-sikurezza ta' kontra l-monossidu tal-karbonju fl-akkomodazzjoni turistika; jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir ġbir sistematiku tad-data dwar is-sikurezza tal-akkomodazzjoni;

57.    Jenfasizza l-fatt li s-servizzi tat-turiżmu ta’ kwalità għolja huma ggarantiti jekk ikunu kkombinati ma’taħriġ xieraq u kondizzjonijiet tax-xogħol deċenti, u li jekk il-ħiliet rekwiżiti u l-kisbiet soċjali fis-settur jiġu injorati, u mdgħajfa, dan ikun kontroproduċenti;

58.    Huwa tal-fehma li l-investiment fit-taħriġ u l-edukazzjoni huwa element essenzjali fil-provvediment ta’ servizzi ta’ kwalità f’settur li jimpjega l-aktar persuni żgħażagħ, tipikament bejn l-etajiet ta’ 16 u 35 sena; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni taħdem ma’ entitajiet privati u korpi pubbliċi oħra biex jinħolqu programmi ta’ apprendistat u ta’ taħriġ fl-istaġun baxx sabiex is-settur isir aktar attraenti u inqas staġjonali; iqis li dan it-taħriġ għandu jenfasizza kwalifiki ogħla u l-iżvilupp tal-ħiliet personali, li jwasslu għal prospetti aħjar ta’ xogħol fis-settur kollu; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tappoġġja l-isforzi tas-settur tat-turiżmu biex itejjeb il-ħiliet u l-kompetenzi ta’ min iħaddem u tal-impjegati sabiex jantiċipa x-xejriet u l-ħiliet meħtieġa tal-ġejjieni; huwa tal-fehma li l-istatistika dwar l-impjiegi fis-settur turistiku għandha tiġi mtejba;

59.    Jistieden lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, tappoġġja l-industrija tat-turiżmu billi telimina l-lakuni li hemm fil-ħiliet u tagħti spinta lir-relevanza tas-suq tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni toħroġ u tqassam gwida dwar l-aħjar prattika u l-opportunitajiet ta’ taħriġ disponibbli fl-UE, biex b’hekk tippermettu livell ogħla ta’ professjonaliżmu u mobilità volontarja akbar fost il-professjonisti fi ħdan l-UE;

60.    Jenfasizza l-importanza li jittejjeb ir-rikonoxximent reċiproku min-naħa tal-Istati Membri tal-kwalifiki professjonali fl-industrija tat-turiżmu sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jidentifikaw l-aħjar prospetti ta' karriera possibbli, u b'hekk tiġi mħeġġa l-mobilità tagħhom;

61.    Jilqa' l-għodod tal-mobilità, kif ukoll il-proġetti ta' kooperazzjoni bħalma huma l-Alleanzi tal-Għarfien u l-Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali taħt l-Erasmus+ u l-Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ, bħala mezzi effiċjenti biex il-ħaddiema tas-settur tat-turiżmu involuti fl-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha jiskambjaw l-aħjar prattiki, itejbu l-ħiliet lingwistiċi tagħhom u jiksbu għarfien prattiku tat-turiżmu kulturali; jinsab imħasseb, madankollu, minħabba li fost iż-żgħażagħ hemm nuqqas ta' interess li jibdew karriera f'ċerti setturi tat-turiżmu; jisħaq fuq il-vantaġġi ta' sistema ta' "edukazzjoni doppja" fis-settur tat-turiżmu u l-importanza li t-tagħlim jiġi kkombinat mal-esperjenza prattika tax-xogħol, biex b'hekk jittejbu kemm l-għarfien teoretiku kif ukoll il-ħiliet prattiċi; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jibbenefikaw bis-sħiħ mill-opportunitajiet offruti mill-Fond Soċjali Ewropew u minn fondi oħra tal-UE, nazzjonali u reġjonali biex jippromwovu t-taħriġ vokazzjonali.

62.    Jistieden lill-Istati Membri jinvestu f’taħriġ ta’ kwalità għolja għall-gwidi turistiċi u jinkoraġġixxu approċċ multilingwistiku sabiex is-siti ta’ interess jippromwovuhom aħjar għat-turisti barranin; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiddefinixxu l-istandards Ewropej tal-kwalità għall-gwidi turistiċi, u hekk jiżguraw ir-rispett tar-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ;

63.    Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju dwar l-impatt li għandhom fuq il-kompetittività tal-Ewropa bħala destinazzjoni t-taxxi u l-imposti miġbura minn fuq prodotti u servizzi tat-turiżmu fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u dak Ewropew; jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-importanza li jnaqqsu r-rati tal-VAT minn fuq is-servizzi tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu sabiex jgħinu biex jiġu żviluppati l-ekonomiji lokali u biex jiġu sostnuti t-tkabbir u l-impjiegi, kif ukoll l-importanza li l-Ewropa tiġi megħjuna tibqa’ kompetittiva fis-suq globali;

L-isfruttar tal-potenzjal tat-turiżmu kostali u marittimu

64.    Jirrikonoxxi l-importanza li għandha għaż-żoni kostali u tal-ġżejjer l-Istrateġija Ewropea għal aktar Tkabbir Ekonomiku u Impjiegi fit-Turiżmu Kostali u Marittimu (skont l-istrateġija tat-Tkabbir Blu u l-Istrateġija Ewropa 2020), li tippreżenta ġabra ta’ tweġibiet komuni għall-ħafna sfidi li huma jiffaċċjaw;

65.    Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta’ azzjoni biex jakkumpanja l-14-il azzjoni deskritti fl-imsemmija Strateġija tat-turiżmu kostali u marittimu, b’għanijiet u skedi ta’ żmien konkreti, u tirrapporta lill-Parlament dwar il-progress miksub fir-rigward ta’ dawk l-azzjonijiet;

66.    Jistieden lill-Kummissjoni tmexxi seminar annwali, bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kostali u tal-baħar u r-reġjuni rispettivi, bil-għan li jiġi promoss djalogu pan-Ewropew u tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u l-implimentazzjoni ta’ strateġija fit-tul;

67.    Ifakkar fl-importanza tal-konnettività u l-aċċessibilità, u jinnota li dawn ivarjaw bejn l-istaġun għoli u dak baxx fir-reġjuni ultraperiferiċi u tal-gżejjer, li jiddependu fil-biċċa l-kbira mit-trasport bil-baħar u bl-ajru; jenfasizza wkoll l-importanza li jinħolqu pjani reġjonali li jippromwovu l-mobilità fi ħdan id-destinazzjonijiet; jitlob lill-Kummissjoni li l-Azzjoni 12 tal-istrateġija tat-turiżmu kostali u marittimu msemmija hawn fuq tqis l-effiċjenza tal-għajnuna mill-Istat fir-reġjuni kostali u dawk marittimi;

68.    Iħeġġeġ bis-saħħa lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċċernati fis-settur tat-turiżmu nawtiku u marittimu, tivvaluta l-ħtieġa li jinħolqu strateġiji intelliġenti u innovattivi bħala soluzzjoni biex tiġi miġġielda l-istaġjonalità li hija adattata kemm għall-istaġun għoli u kemm għal dak baxx u tieħu kont tal-gruppi varji li jkunu fil-mira; Jitlob lill-partijiet ikkonċernati jagħmlu sforzi biex jinħolqu esperjenzi, prodotti u servizzi kumplementari li jkunu integrati mal-prodotti lokali, partikolarment b’rabta mal-wirt marittimu u l-kultura, l-isports akkwatiku, in-navigazzjoni għar-rikreazzjoni, l-osservazzjoni tal-ħajja u n-natura tal-baħar, ix-xemx u l-attivitajiet relatati mal-baħar, is-sajd artiġjanali, l-ikel u s-saħħa;

69.    Jenfasizza l-importanza tat-turiżmu tal-kruċieri għat-tkabbir tas-settur tat-turiżmu fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, flimkien mal-Istati Membri, tivvaluta r-riżorsi meħtieġa u l-infrastruttura tal-port u dik nawtika eżistenti, u jistandardizzaw is-separazzjoni tal-iskart u r-riċiklaġġ, sabiex jinħolqu azzjonijiet innovattivi ta’ ppjanar għal dawn l-oqsma billi jiġi żviluppat il-kunċett tal-belt portwarja intelliġenti;

70.    Jenfasizza li l-ippjanar konġunt u l-azzjoni konġunta huma meħtieġa għall-aċċettazzjoni tat-turiżmu mill-popolazzjoni daqs kemm huma meħtieġa għall-iżvilupp sostenibbli tiegħu;

It-turiżmu sostenibbli, responsabbli u soċjali

71.    Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi t-turiżmu sostenibbli, responsabbli u ekoloġiku b’kooperazzjoni ma’ sħab strateġiċi bħalma hi l-Kummissjoni Ewropea għat-Turiżmu u partijiet ikkonċernati oħra permezz tal-iżvilupp ta’ prodotti speċifiċi ġodda u l-promozzjoni ta’ dawk eżistenti, u jissuġġerixxi t-twaqqif ta’ pjattaforma tal-internet madwar l-Ewropa kollha li tkun aċċessibbli għalkollox u li tiġbor flimkien l-informazzjoni eżistenti dwar prodotti ċċertifikati, forom ġodda ta’ turiżmu, destinazzjonijiet u rotot, u dwar servizzi speċifiċi bħalma huma l-mezzi tat-trasport u gwidi turistiċi, f’database waħda b’aċċess permezz tal-portal visiteurope.com;

72.    Jemmen li għandha tiġi allokata żieda fil-(ko)finanzjament għall-proġetti tat-turiżmu sostenibbli taħt il-programm COSME;

73.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffinalizza l-Karta Ewropea għal Turiżmu Sostenibbli u Responsabbli u tkompli tagħti appoġġ finanzjarju lil inizjattivi u netwerks importanti bħalma huma EDEN (Destinazzjonijiet Ewropej ta’ Eċċellenza) u l-itinerarji kulturali Ewropej;

74.    Jinkoraġġixxi l-organizzazzjonijiet nazzjonali tat-turiżmu, fuq il-bażi ta’ standards proposti mill-Kummissjoni, jistabbilixxu portal uniku speċifiku fil-livell nazzjonali dwar it-turiżmu sostenibbli u responsabbli sabiex jippermettu lill-konsumaturi jagħmlu għażla infurmata bejn prodotti u destinazzjonijiet nazzjonali u transnazzjonali b'miri speċifiċi;

75.    Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ turiżmu sostenibbli, responsabbli u aċċessibbli, fejn il-kunċett ta’ “destinazzjon intelliġenti" għandu jkun ċentrali għall-iżvilupp tad-destinazzjoni, u li għandu jgħaqqad flimkien l-aspetti tas-sostenibilità, t-turiżmu tal-esperjenzi u l-użu xieraq tar-riżorsi naturali, flimkien mat-teknoloġiji ġodda, inklużi l-aspetti tal-aċċessibilità fiżika u tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni; jinsab konvint li n-netwerks tal-informazzjoni dwar proġetti tat-turiżmu mhux aggressiv joffru opportunitajiet tajba biex jingħata sostenn lill-SMEs, lill-iżvilupp sostenibbli lokali, lill-impjiegi sostenibbli u lill-ekonomiji stabbli;

76.    Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju dwar iċ-ċertifikati ta' sostenibbiltà għas-servizzi tat-turiżmu mhux aggressiv, inkluża analiżi tal-istrumenti volontarji li jindikaw liema strumenti kienu ta’ suċċess;

77.    Jitlob għall-promozzjoni u l-iżvilupp ulterjuri ta' għażliet li jkunu jiffavorixxu lit-tfal u lill-familji fis-settur tat-turiżmu, pereżempju permezz tal-ħolqien ta’ siġill Ewropew tat-turiżmu li jiffavorixxu l-familja;

78.    Jenfasizza l-importanza li jiġu promossi programmi biex faċilitajiet ta' lukandi li żmienhom ikun għadda jiġu rriġenerati skont il-kriterji tat-turiżmu ekosostenibbli;

79.    Jenfasizza r-rwol kruċjali li jaqdi t-turiżmu Ewropew fir-riġenerazzjoni taż-żoni rurali u urbani, bil-għan li jinkiseb żvilupp lokali u reġjonali sostenibbli;

80.    Jitlob għall-iżvilupp ta’ servizzi tat-turiżmu sostenibbli f’dawk ir-reġjuni li, minkejja li għandhom potenzjal turistiku u kulturali kbir, sofrew dannu lill-immaġini tagħhom bħala riżultat ta’ konċentrazzjoni akbar fuq setturi oħra u l-iżvilupp tagħhom, inkluż is-settur industrijali;

81.    Jenfasizza l-importanza tal-għarfien li t-turiżmu ma għandux ikollu impatt negattiv fuq il-ħajja ta’ kuljum tar-residenti; iqis li, għall-kuntrarju, il-popolazzjoni residenti għandha tiġi integrata b’mod pożittiv mal-fenomenu tat-turiżmu u għandha tkun tista' tipparteċipa fih;

82.    Jenfasizza li l-wirt naturali u kulturali u l-protezzjoni tal-bijodiversità jikkostitwixxu kapital prezzjuż għas-settur tat-turiżmu, u għalhekk jappoġġja lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lin-negozji tat-turiżmu fil-promozzjoni tal-ekoturiżmu u fir-rispett tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE meta jkunu qed jiddeċiedu dwar proġetti ta’ infrastruttura u jeżegwixxuhom; jistieden lill-Istati Membri jintegraw inizjattivi tal-wirt naturali fl-istrateġiji nazzjonali u reġjonali tagħhom tat-turiżmu;

83.    Jenfasizza l-importanza ta’ turiżmu sostenibbli u responsabbli għall-protezzjoni u l-promozzjoni tal-wirt naturali u kulturali reġjonali; Jinsab konvint, għalhekk, li l-prodotti tat-turiżmu reġjonali u żjajjar qosra għandhom jiġu appoġġjati u promossi permezz ta’ miżuri xierqa;

84.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw netwerks ta’ rotot ekoloġiċi li jinkorporaw żoni rurali u żoni msaġġra u siti naturali minuri, permezz tal-integrazzjoni tan-netwerks tal-infrastruttura tat-trasport eżistenti ma' soluzzjonijiet ekosostenibbli ġodda;

85.    Jenfasizza li t-turiżmu tas-sajd sostenibbli jista' jagħti kontribut importanti lill-ekonomija taż-żoni rurali fl-Ewropa; jenfasizza li din il-forma ta’ turiżmu tista’ tibqa’ teżisti biss jekk l-ispeċijiet tal-ħut li ninsabu fil-periklu tal-estinzjoni jiġu ġestiti b’mod aktar sostenibbli fl-ilmijiet interni Ewropej;

86.    Jinnota li l-agroturiżmu huwa wieħed mill-forom l-aktar bażiċi ta’ turiżmu alternattiv fl-UE u jistieden lill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tappoġġa l-azzjonijiet imfassla biex jipprovdu inċentivi biex jiġu żviluppati ulterjorament l-infrastruttura u l-aċċessibbiltà ta’ dan is-settur;

87.    Jistieden lill-Kummissjoni biex ulterjorment tippromwovi żoni lokali u speċjalitajiet billi tinkoraġġixxi t-turija, u tiżgura l-protezzjoni, tal-prodotti lokali bħalma huma l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP) agrikoli u dawk mhux agrikoli;

88.    Iqis li r-reġjuni sensittivi bħalma huma l-gżejjer, il-kosti u l-muntanji, u b'mod partikolari r-reġjuni mbiegħda u ultraperiferiċi, spiss jiddependu ferm min-negozju tat-turiżmu u huma l-ewwel li jiġu affettwati mit-tibdil fil-klima; Jinsab konvint, għalhekk, li l-ħarsien tal-klima għandu jkun prijorità u għandu jiġi integrat b’aktar saħħa fil-politiki tat-turiżmu u t-trasport Ewropej, nazzjonali u reġjonali, inkluż permezz ta’ konċentrazzjoni fuq l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, it-trasport sostenibbli u l-ġestjoni tal-iskart; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar kif it-tibdil fil-klima jaffettwa t-turiżmu f’dawn ir-reġjuni sensittivi – ekonomikament, ambjentalment u soċjalment – u tal-influwenza li se jkollu fil-ġejjieni;

89.    Jissottolinja l-bżonn ta’ promozzjoni tal-potenzjali tat-turiżmu rurali remot, daj tak-ġżejjer, dak tal-kosta u dak taż-żoni muntanjużi, iħeġġeġ l-iżvilupp tat-turiżmu marittimu u tal-baħar sostenibbli fl-UE, u jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw infrastruttura sostenibbli u jtejbu l-konnettività transfruntiera bħala mezz biex jissaħħu l-ġibda u l-aċċessibilità tagħhom;

90.    Jenfasizza l-fatt li l-gżejjer għandhom il-problemi partikolari tagħhom, speċjalment f'dawk li huma konnessjonijiet bejn il-gżejjer iżgħar u t-territorju prinċipali, u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri biex tingħata spinta lill-investiment f'dak il-qasam;

91.    Iqis li l-introduzzjoni ta’ "kontrolli ambjentali" volontarji bil-għan li tittejjeb il-kwalità ambjentali fl-industrija tat-turiżmu huma kontribut utli min-naħa tal-industrija, u jirrakkomanda li l-kumpaniji li juru impenn partikolari jiġu rikonoxxuti;

92.    Jistieden lill-awtoritajiet u l-operaturi responsabbli fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali jagħmlu sforz akbar biex jippromwovu n-netwerks ta' mingħajr vetturi bħalma huma l-mogħdijiet Ewropej għaż-żwiemel, ir-rotot tal-mixi, ir-rotot tal-pellegrinaġġi u l-passaġġi taċ-ċikliżmu, flimkien mas-servizzi ferrovjarji transfruntieri kollha, inklużi dawk ta’ veloċità għolja u l-ferroviji ta’ billejl; Ifakkar li l-interoperabbiltà tat-trasport ma' modi oħra għandha dejjem tiġi esplorata wkoll; jirrakkomanda l-eliminazzjoni taż-żidiet fit-tariffi fuq il-meded tal-fruntieri, li huma wieħed mill-ostakoli għall-użu iktar mifrux tal-ferroviji mit-turisti fiż-żoni tal-fruntieri;

93.    Jirrikonoxxi li t-turiżmu urban sostenibbli huwa negozju li qed jikber b’rata mgħaġġla u li l-politika tal-mobilità u tat-trasport fiċ-ċentri urbani turistiċi għandha tkun effiċjenti u sostenibbli u li twassal għal sitwazzjonijiet fejn jirbħu kemm il-viżitaturi u kemm dawk li jkunu laqgħuhom;

94.    Jappoġġja l-iżvilupp ta’ forom ta’ trasport multimodali integrati għat-turisti permezz tal-ħolqien ta’ biljetti li jippermettu li jintużaw mezzi tat-trasport differenti skont rekwiżiti differenti; jenfasizza li l-progress fis-servizzi integrati tal-ħruġ ta’ biljetti ikun inċentiv qawwi għat-turiżmu transfruntier;

95.    Jenfasizza li l-vetturi elettriċi joffru soluzzjoni dejjem aktar attraenti kemm għat-turiżmu rurali u kemm għal dak urban f’dik li hi l-mobilità flessibbli ġdida, u li din l-għażla ta' mobilità għandha tiġi offruta dejjem aktar fil-postijiet ta’ villeġġjatura;

96.    Jenfasizza kemm hu importanti li jiġi ffaċilitat l-użu tat-trasport pubbliku mill-utenti tar-roti;

97.    Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibilità li tagħmel is-Sistema Ewropea ta’ Indikaturi tat-Turiżmu strument tal-UE biex tgħin lid-destinazzjonijiet turistiċi jikkontrollaw, jimmaniġġjaw, jivvalutaw u jtejbu l-prestazzjoni tagħhom f'dik li hi sostenibilità;

98.    Jistieden lill-Istati Membri jgħaddu l-esperjenzi pożittivi ta’ ġestjoni ta' turiżmu sostenibbli fil-kuntest tal-kooperazzjoni internazzjonali barra l-pajjiż;

99.    Huwa tal-fehma li l-aċċessibilità sħiħa u l-affordabilità fit-turiżmu huma parti integrali mis-sostenibilità tas-settur; jafferma li l-prinċipju tat-“turiżmu għal kulħadd” jippermetti u jagħti s-setgħa lin-nies, partikolarment lil dawk bi bżonnijiet speċifiċi (bħalma huma l-persuni b’diżabilità jew b’mobilità mnaqqsa, iż-żgħażagħ, l-anzjani, il-familji bi dħul baxx, u familji bit-tfal), igawdu d-drittijiet tagħhom bħala ċittadini, u li konsegwentement jeħtieġ li jkun ir-referenza għal kwalunkwe azzjoni nazzjonali, reġjonali, lokali jew Ewropea relatata mat-turiżmu; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu enfasi partikolari fuq l-użu ta’ teknoloġiji ġodda meta jkunu qed jiżviluppaw kunċetti tat-turiżmu għall-anzjani u għall-persuni b’xi diżabilità speċifika;

100.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżviluppaw sistema ta’ identifikazzjoni uniformi u trasparenti fl-Ewropa kollha għal għażliet aċċessibbli u jistabbilixxu pjattaformi tal-internet korrispondenti; jistieden lill-Kummissjoni tressaq suġġerimenti skont dawn il-linji;

101.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jintroduċu l-istabbiliment tal-aċċessibilità bħala kriterju ta’ eliġibilità għall-industrija tat-turiżmu fil-kuntest tal-programmi ta’ żvilupp ekonomiku;

102.  Jenfasizza li l-fiduċja tal-konsumatur fil-kumpaniji li jipprovdu servizzi fis-settur tat-turiżmu tiddependi wkoll mill-ħila tal-kumpaniji li joffru lill-konsumaturi mezzi alternattivi sempliċi, effikaċi u rapidi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwimiet tal-konsumaturi, u minn kemm il-kumpaniji jipproteġu d-data personali u finanzjarja tal-konsumaturi;

103.  Huwa tal-fehma li, bil-għan li t-turiżmu Ewropew isir aċċessibbli, il-linji tal-ajru għandhom jieqfu jwettqu l-prattika mgħawġa u spiss mifruxa ħafna li jallokaw aktar spazju għall-"business class" milli għall-"economy class";

104.  Jisħaq fuq il-kontribut tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni ta' forom ġodda ta' turiżmu permezz tan-netwerks soċjali, l-organizzazzjonijiet tal-volontarjat, l-assoċjazzjonijiet kulturali u sportivi, il-gruppi ta' azzjoni taċ-ċittadini, u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw liż-żgħażagħ, in-nisa u l-komunitajiet espatrijati;

105.  Jitlob biex ikun hemm rikonoxximent akbar tar-rwol vitali li jwettaq is-settur tal-volontarjat fl-iżvilupp u s-sostenn tas-settur tat-turiżmu permezz tal-volontarjat kulturali;

106.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħtu attenzjoni u appoġġ lill-potenzjal tal-ekonomija soċjali għall-iżvilupp ta' turiżmu sostenibbli u responsabbli;

107.  Iqis li t-turiżmu għandu valur soċjali importanti għaż-żgħażagħ, dawk li jaqilgħu paga u l-persuni rtirati, u jistieden lill-Istati Membri jużaw il-fondi tal-UE għall-iżvilupp ta' turiżmu relatat mas-saħħa u rikreattiv;

108.  Jenfasizza li l-kriżi tal-immigrazzjoni li għadha għaddejja fl-Ewropa taffettwa b’mod partikolari ż-żoni kostali, fejn it-turiżmu huwa element importanti tad-dħul tar-residenti; jistieden lill-Kummissjoni tfassal rapport dwar l-impatt li qed ikollu l-influss mhux ikkontrollat ta’ immigranti għal ġol-UE fuq is-settur tat-turiżmu;

L-ekonomija kollaborattiva

109.  Jilqa’ l-opportunitajiet maħluqa mill-ekonomija kollaborattiva għall-intrapriżi li jkunu għadhom qed jibdew u għall-kumpaniji innovattivi fis-settur tat-turiżmu; jirrikonoxxi l-komplementarjetà ta’ dawn is-servizzi ma’ offerti oħra tat-turiżmu rigward il-lok fejn jinsabu u l-persuni li huma jimmiraw għalihom;

110.  Ifakkar li l-ekonomija kollaborattiva, jew il-konsum kollaborattiv, huwa mudell soċjo-ekonomiku ġdid li rnexxielu jibda jseħħ bis-saħħa tar-rivoluzzjoni teknoloġika, u l-internet li jgħaqqad lin-nies permezz ta’ pjattaformi onlajn li fuqhom jistgħu jitmexxew b'mod sigur u trasparenti transazzjonijiet li jinvolvu oġġetti u servizzi;

111.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni attwali mhijiex adattata għall-ekonomija kollaborattiva, u li għal din ir-raġuni l-gvernijiet lokali u nazzjonali bdew janalizzaw tali pjattaformi onlajn u qed jippruvaw jirregolaw l-effetti tagħhom, spiss billi japplikaw miżuri sproporzjonati li huma ftit jew wisq spariġġati fi ħdan l-Unjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, tanalizza l-aħjar inizjattivi possibbli li għandhom jittieħdu fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali; jirrakkomanda li tingħata konsiderazzjoni lill-istabbiliment ta' qafas regolatorju xieraq fi ħdan ġenerali l-istrateġija komprensiva tas-suq uniku diġitali tal-UE;

112.  Jenfasizza li t-tweġiba għall-qawmien tal-“ekonomija kollaborattiva” għandha l-ewwel tiġi analizzata qabel ma jittieħdu miżuri regolatorji; iqis, madankollu, li kwalunkwe azzjoni min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi jeħtieġ li tkun proporzjonali u flessibbli sabiex tippermetti qafas regolatorju li jassigura kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji, u b’mod partikolari ambjent tan-negozju pożittiv li jkun ta' appoġġ għall-SMEs u għall-innovazzjoni fl-industrija; iqis, barra minn hekk, li għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur, ir-regolamenti tas-sigurtà, is-sikurezza u s-saħħa applikabbli għas-settur tat-turiżmu tradizzjonali għandhom japplikaw ukoll għas-servizzi turistiċi pprovduti fuq bażi kummerċjali fi ħdan l-ekonomija kollaborattiva;

113.  Jenfasizza li l-attivitajiet tal-fornituri jeħtieġ li jiġu kkategorizzati b’mod korrett bil-għan li ssir distinzjoni ċara bejn servizzi tan-negozju ta' kondiviżjoni u professjonali ad hoc jew permanenti, li għalihom għandhom japplikaw regolamenti xierqa;

114.  Jenfasizza wkoll li l-pjattaformi jeħtieġ li jkunu għalkollox aċċessibbli u li l-konsumaturi li jużaw tali siti għandhom jiġu infurmati b'mod korrett u mhux imqarrqa, u li l-privatezza tad-data tagħhom għandha tiġi protetta; jenfasizza l-importanza ta’ sistema vijabbli u trasparenti ta’ reċensjonijiet, u li jiġi żgurat li l-konsumaturi ma jiġux penalizzati mill-fornituri tas-servizzi talli jħallu reċensjonijiet negattivi;

115.  Jenfasizza li l-kumpaniji tat-teknoloġija li jaġixxu bħala intermedjarji jeħtieġ li l-fornituri jinfurmaw lill-fornituri bl-obbligi tagħhom, partikolarment fir-rigward tal-ħarsien tad-drittijiet tal-konsumatur, u li jipprovdi informazzjoni affidabbli u aċċessibbli dwar it-tariffi kollha u l-kosti moħbija kollha assoċjati mat-tmexxija tan-negozju, u dwar kif għandhom jibqgħu josservaw kompletament il-liġijiet lokali, b’mod partikolari fir-rigward tal-liġi fiskali u l-osservanza tan-normi li jirrigwardaw is-sikurezza tal-konsumatur u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawk li jipprovdu servizzi turistiċi;

116.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt ekonomiku u soċjali tal-ekonomija kollaborattiva u l-implikazzjonijiet tagħha għall-industrija tat-turiżmu, il-konsumaturi, il-kumpaniji tat-teknoloġija u l-awtoritajiet pubbliċi, u tirrapporta lura lill-Parlament dwar l-eżitu tal-inizjattivi li ħadet sa issa, inkluża l-ħidma tat-task force imwaqqfa mid-DĠ GROW;

Id-diġitalizzazzjoni

117.  Jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi b’mod konġunt mal-industrija u mal-assoċjazzjonijiet tat-turiżmu pjan direzzjonali intelliġenti ta’ inizjattivi li jiffukaw fuq il-firxa usa’ tal-innovazzjoni (il-proċess, l-ICT, ir-riċerka) u fuq il-ħiliet meħtieġa, sabiex tinkoraġġixxi lill-kumpaniji tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu jadottaw l-għodod diġitali u jużawhom b’mod aktar effiċjenti; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni tista’ tagħmel sforz ikkonċentrat biex ixxerred l-aħjar prattiki f’dan il-qasam;

118.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-Pjattaforma tat-Turiżmu Diġitali tal-Kummissjoni u l-objettivi tagħha li (i) issaħħaħ il-kapaċità tal-innovazzjoni u diġitizzazzjoni tal-SMEs relatati mat-turiżmu bl-iskop li jiġi attivat is-settur tat-turiżmu, u (ii) tiġġenera proposti dwar kif għandhom jiġu adattati u msawra politiki sostenibbli, kompetittivi u ffukati fuq il-konsumatur bl-għan li jiżviluppaw aktar is-settur tat-turiżmu; jinkoraġġixxi l-użu ta’ teknoloġiji innovattivi, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u l-approfondiment tal-kooperazzjoni fil-livell reġjonali bil-għan li s-settur tat-turiżmu Ewropew isir iktar attraenti u kompetittiv; iqis li l-promozzjoni tat-tagħlim elettroniku u żieda fl-użu tat-teknoloġiji diġitali jkomplu jmexxu dan l-għan 'il quddiem;

119.  Jinsab konxju li l-SMEs (li l-biċċa l-kbira tagħhom huma mikrointrapriżi) u l-kumpaniji li għadhomqed jibdew fis-settur tat-turiżmu jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet konsiderevoli biex jippromwovu s-servizzi tagħhom barra mill-pajjiż u biex jadattaw għall-kundizzjonijiet tas-suq li qed jinbidlu malajr; jinnota li l-għodod il-ġodda tal-IT bħalma hu l-Portal għan-Negozji tat-Turiżmu żviluppat mill-Kummissjoni, flimkien ma’ webinars, jistgħu jgħinuhom jisfruttaw l-opportunitajiet diġitali; jenfasizza li jekk il-Portal għan-Negozji tat-Turiżmu jsir disponibbli bil-lingwi kollha tal-Istati Membri dan se jkompli jippromwovi aktar benefiċċji territorjali ta’ dawn l-azzjonijiet; iħeġġeġ li jittieħdu inizjattivi simili fuq livelli lokali, reġjonali u nazzjonali;

120.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli trawwem il-kollaborazzjoni bejn il-partijiet pubbliċi u privati kkonċernati fl-ivvjaġġar u t-turiżmu sabiex tiġi ffaċilitata r-riċerka u l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet diġitali minn kumpaniji Ewropej; jenfasizza, b’mod partikolari, l-ħtieġa ta' koordinazzjoni aħjar bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi tat-turiżmu fil-livell nazzjonali, reġjonali u dak lokali, l-operaturi turistiċi, is-settur tal-ospitalità u n-negozji diġitali;

121.  Jistieden lill-Kummissjoni tassisti s-settur fil-kostruzzjoni ta’ għodod li se jagħmluha possibbli li jiġu mmonitorjati d-destinazzjonijiet tal-viżitaturi, jinbena l-profil tagħhom u tiġi ttraċċata l-mobilità tagħhom, sabiex jiġu identifikati l-interessi tagħhom u jiġu żviluppati prodotti xierqa, u toħloq għodod li joffru destinazzjonijiet à la carte jew il-monitoraġġ ta’ netwerks bil-għan li jiġu aċċertati l-opinjonijiet tal-viżitaturi tagħna;

122.  Jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta rapport komprensiv li jiġbor fih valutazzjoni tal-qagħda attwali fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni fis-suq tat-turiżmu tal-UE, bil-għan li jiġu identifikati u indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet għad-diversi atturi pubbliċi u privati fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali; iqis li tali rapport għandu jinkludi rakkomandazzjonijiet xierqa bil-għan li jiġu żgurati l-kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet ekwi għall-atturi kollha u biex jiġu protetti l-konsumaturi billi jsir provvediment għat-trasparenza, in-newtralità u l-aċċessibbiltà;

123.  Jinnota ż-żieda fil-prenotar onlajn ta’ servizzi turistiċi direttament mill-utent u r-riskji li dan jista’ joħloq għall-konsumaturi, li ħafna drabi mhumiex konxji tad-drittijiet tagħhom u tal-leġiżlazzjoni applikabbli; jitlob li l-Kummissjoni ssegwi fid-dettall kwalunkwe abbuż li jista' jinħoloq f’dan il-qasam, b’mod partikulari li jkun jinvolvi x-xiri kombinat mingħand diversi fornituri tas-servizzi (biljetti tal-ajru u kiri ta’ karozza, pereżempju), u tadatta u tiżviluppa dawn il-modi ġodda ta’ servizzi ta’ prenotazzjoni fiż-żmien tar-rieżami li jmiss tad-Direttiva dwar il-Vjaġġi Kollox Kompriż;

124.  Jilqa' l-konklużjoni riċenti tan-negozjati tat-trilogu dwar Direttiva dwar il-Vjaġġi Kollox Kompriż riveduta; jitlob li din tiġi trasposta u applikata meta jkun il-waqt u b'mod effikaċi bil-għan li tittrasforma s-settur u tipproteġi l-konsumaturi fl-ambjent diġitali;

125.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffoka mill-ġdid fondi u programmi bil-għan li tappoġġja aħjar id-diġitazzjoni tal-kumpaniji tat-turiżmu Ewropej;

126.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-fornituri tas-servizzi jingħataw aċċess ġust u ugwali għad-data rilevanti mill-operaturi tal-ivvjaġġar u tat-trasport sabiex jiġi ffaċilitat l-użu tas-servizzi multimodali diġitali ta’ informazzjoni u ta’ ħruġ ta' biljetti; jinnota l-importanza tas-sistemi tat-trasport intelliġenti (ITS) fil-fatt li jipprovdu data eżatta u fil-ħin reali dwar it-traffiku u l-ivvjaġġar għall-iżvilupp ta’ servizzi integrati ta’ mobilità li se jkunu ta' ġid għall-iżvilupp tat-turiżmu Ewropew;

127.  Jistieden lill-Istati Membri biex jidentifikaw u jappoġġjaw inizjattivi madwar l-UE kollha li jrawmu l-użu tal-infrastruttura diġitali u l-interoperabilità fost il-pjattaformi differenti; jistieden lill-Istati Membri, f’dan il-kuntest, jipprovdu servizz ta' Wi-Fi bla ħlas fiż-żoni turistiċi u jabolixxu l-ħlasijiet tar-roaming sal-15 ta’ Ġunju 2017, kif ġie deċiżi, kif ukoll l-imblukkar ġeografiku;

128.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jiżguraw li l-istazzjonijiet kollha kif ukoll il-pjattaformi kollha ta' usil, tluq u trasferiment ikunu mgħammra b'uffiċċji tal-informazzjoni li jkunu jinkorporaw persunal imħarreġ li kapaċi jipprovdu informazzjoni dwar destinazzjonijiet ewlenin, il-mezzi ta’ trasport u faċilitajiet turistiċi, flimkien ma’ sistemi ta’ informazzjoni diġitali multilingwi li joffru aċċess b'xejn u mingħajr limiti għal netwerks tal-Wi-Fi li jistgħu jintużaw ukoll minn persuni b’diżabilità;

129.  Jenfasizza li l-vjaġġaturi xorta għadhom iħabbtu wiċċhom ma' prezzijiet, termini u kundizzjonijiet differenti meta jkunu qed jagħmlu prenotazzjoni ta' akkomodazzjoni jew ta' mezz ta' trasport online; jilqa', għalhekk, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija tas-Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa"; jistieden lill-Kummissjoni tadotta proposta komprensiva biex jintemm l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat tal-aċċess għal prodotti, servizzi u l-aħjar rata disponibbli abbażi tal-lok ġeografiku jew il-pajjiż ta' residenza;

130.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-aċċess għall-broadband ta' veloċità għolja bħala prijorità għaż-żoni turistiċi remoti u ultraperiferiċi bħalma huma l-gżejjer u ż-żoni kostali, tal-muntanji u żoni rurali sabiex isaħħu t-tkabbir tan-negozji tat-turiżmu u jnaqqsu d-distakk diġitali fl-UE;

131.  Jistieden lill-Istati Membri u l-atturi involuti jiżviluppa mezzi effettivi jiġġieldu lin-nuqqas ta’ ħiliet fil-partijiet kollha fl-industrija tat-turiżmu, b’mod partikolari fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni;

132.  Jinsab inkwetat li ħafna mill-benefiċċji ekonomiċi ta’ distribuzzjoni onlajn mhumiex qed jiġu sfruttati fl-Ewropa; huwa tal-fehma li l-gvernijiet Ewropej għandhom jagħmlu aktar biex jagħtu s-setgħa lill-intraprenditorija u, b'mod partikolari, lis-soluzzjonijiet orjentati lejn it-teknoloġija fl-Ewropa;

133.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-importanza tat-turiżmu ġiet rikonoxxuta.

L-Artikolu 195 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jagħti l-possibilità li jittieħdu azzjonijietEwropej jew multinazzjonali filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-kompetenza tal-Istati Membri. It-Trattat ma jippermetti l-ebda armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tat-turiżmu, fatt li ġie muri meta l-Kummissjoni ppruvat tipproponi l-ewwel proposta leġiżlattiva dwar il-prinċipji tal-kwalità tat-turiżmu.

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2010.

Il-Kummissjoni tat impetu ġdid lill-politika tat-turiżmu b'inizjattiva prinċipali li ttieħdet fl-2010, il-Komunikazzjoni “L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja - qafas politiku ġdid għat- turiżmu Ewropew” li stabbilixxiet qafas ta’ politika kkonsolidat ġdid u pjan ta’ azzjoni għat-turiżmu. B’21 azzjoni, il-Kummissjoni stabbilixxiet għaliha nnifisha objettiv ambizzjuż ħafna fuq l-isfond ta’ kontribut mixtieq għat-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa.

Huwa diffiċli għall-Parlament li jiġġudika l-effiċjenza tal-azzjonijiet meħuda. Sfortunatament, is-servizzi tal-Kummissjoni waqqfu l-aġġornament regolari tal-pjan rikorrenti ta’ implimentazzjoni tagħha f’Mejju 2013. Ir-Rapporteur tagħkom, għalhekk, titlob lill-Kummissjoni tressaq rapport komprensiv ta’ implimentazzjoni dwar l-azzjonijiet meħuda, inkluż l-użu ta’ riżorsi finanzjarji. Barra minn hekk, nitolbu għal valutazzjoni tal-impatt li jħallu fuq it-turiżmu politiki oħra tal-UE.

Sfidi għas-settur tat-turiżmu bħala fattur ekonomiku

Alavolja l-previżjonijiet huma pożittivi rigward iż-żieda fil-gaħħ tat-turisti li jżuru l-UE fis-snin li ġejjin, jeħtieġ li nkunu viġilanti rigward is-sehem ta’ viżitaturi internazzjonali hekk kif l-Ewropa ssib ruħha taħt pressjoni dejjem akbar minn destinazzjonijiet internazzjonali oħra, b’mod partikolari destinazzjonijiet inqas għalja li bdew jitfaċċaw riċentement.

Barra minn hekk, għadd ta’ sfidi addizzjonali jirrikjedu li l-industrija tat-turiżmu fl-Ewropa tadatta ruħha malajr bil-għan li tibqa' żżomm il-livell ta’ kompetittività tagħha. It-turiżmu, l-istess bħall-ekonomija kollha kemm hi, hija affettwata mill-bidliet demografiċi u mill-qgħad taż-żgħażagħ li kulma jmur qed jikber. Barra minn hekk, l-industrija tat-turiżmu tiffaċċja bidliet fl-imġiba tal-konsumaturi, żieda fid-domanda għal kwalità għolja ta’ servizzi tal-klijenti u, fuq kollox, l-intrapriżi għandhom bżonn jadattaw ruħhom għall-era tad-diġitalizzazzjoni peress li aktar minn 95 % tal-vjaġġaturi jużaw l-Internet biex jippjanaw il-vjaġġi tagħhom, u l-fornituri tal-ekonomija kollaborattiva qed jiżdied.

F’Jannar 2015, il-Kummissjoni ppreżentat ġabra ġdida ta’ (tmien) azzjonijiet komuni li hi għandha l-ħsieb tiddeskrivi aktar fid-dettall aktar tard din is-sena, wisq probabbilment waqt il-forum tal-UE dwar it-Turiżmu f’Settembru.

Madankollu, l-aħħar bidliet fl-organizzazzjoni interna fil-Kummissjoni huma allarmanti. Il-Kummissjoni naqqset il-persunal tagħha responsabbli għall-politika tat-turiżmu b'mod drastiku. Din id-Deċiżjoni hija 'l bogħod milli tkun koerenti mal-importanza tas-settur u l-ambizzjonijiet tal-Kummissjoni stabbiliti f’Jannar ta’ din is-sena.

Promozzjoni konġunta tal-Ewropa

L-industrija tat-turiżmu qiegħda tiffaċċja kompetizzjoni globali dejjem akbar, fejn il-pajjiżi emerġenti li huma inqas għalja qed jattiraw turisti internazzjonali. Iffaċċjata b’din il-kompetizzjoni, l-Ewropa għandu tisfrutta l-vantaġġi komparattivi tagħha, b’mod partikolari d-diversità tal-pajsaġġi tagħha u l-għana kulturali straordinarja tagħha.

Bi tweġiba, il-Kummissjoni pproponiet fl-2010 l-inizzjattiva tal-Immarkar tal-Ewropa li għaliha l-Parlament irreaġixxa b’mod pożittiv bir-riżoluzzjoni tiegħu adottata fit-27 ta’ Settembru 2011.

Ir-rapporteur hija tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tkompli tiżgura l-aħjar appoġġ tagħha lill-promozzjoni konġunta tal-Ewropa fis-swieq terzi filwaqt li żżid il-valur Ewropew u/jew transnazzjonali mal-isforzi ta’ promozzjoni turistika nazzjonali eżistenti. Il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea għat-Turiżmu (KET), li taġixxi bħala s-sieħba ewlenija tal-Kummissjoni għall-promozzjoni tal-Ewropa fis-swieq imbiegħda, irriżultat fl-2012-2013 fl-ewwel kampanja ta’ komunikazzjoni tat-turiżmu internazzjonali "Europe, whenever you’re ready" (“L-Ewropa, meta tkun lest/a”) u l-istabbiliment tal-portal tad-destinazzjonijiet visiteurope.com. Il-Kummissjoni kkonfermat impatt tal-midja soċjali kbir.

Barra minn hekk, hemm pjanijiet biex tinħoloq strateġija ta’ komunikazzjoni komuni ġenwina biex l-Ewropa tiġi identifikata bħala destinazzjoni unika u biex jinħoloq portal Ewropew uniku li jintroduċi l-websajts nazzjonali uniċi. Il-Kummissjoni ssejjaħ lil din l-inizjattiva l-Marka Destinazzjoni Ewropa. Il-kunċett, madankollu, huwa kkontestat minn għadd ta' Organizzazzjonijiet Turistiċi Nazzjonali tal-Istati Membri. Il-mistoqsijiet ewlenin huma: X’inhi l-evidenza għal Marka Destinazzjoni Ewropa? Id-diversità u marka komuni jmorru tajjeb flimkien? Ir-rapporteur tagħkom hija tal-fehma li tinħtieġ aktar riflessjoni bil-għan li dan nagħmluh iseħħ. Manwal tal-Marka għandu jiddefinixxi modalitajiet ċari, bil-għan li tiġi evitata l-kompetizzjoni fost id-destinazzjonijiet Ewropej. L-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali u l-industrija jeħtieġ li jiġu involuti u jaħdmu flimkien bħala sħab.

Il-prodotti turistiċi pan-Ewropej u transnazzjonali

Il-prodotti turistiċi pan-Ewropej u transnazzjonali huma tal-akbar importanza għat-tisħiħ ta' profil Ewropew komuni. Skont il-KET u abbażi ta' riċerka tas-suq estensiva, il-viżitaturi potenzjal lejn l-Ewropa jinġibdu lejn l-Ewropa mill-ammont ta’ esperjenzi li jista’ jkollhom aktar milli mill-għadd ta’ pajjiżi li jkunu jistgħu jżuru. It-Temi pan-Ewropej li jispikkaw f’dan il-kuntest huma r-Rotot Kulturali, il-patrimonju, il-gastronomija, it-turiżmu tax-xiri, it-turiżmu attiv u tal-avventura, it-turiżmu tas-saħħa u l-benessri, l-edukazzjoni, it-turiżmu reliġjuż eċċ.

It-turiżmu sostenibbli u responsabbli

Meta tkun qed tipprovdi servizzi turistiċi, l-industrija għandha tqis il-limitazzjonijiet marbuta mat-tibdil fil-klima, l-iskarsezza tar-riżorsi tal-ilma, il-pressjoni fuq il-bijodiversità u r-riskji lill-wirt kulturali minħabba t-turiżmu tal-massa. F’dan ir-rigward, huwa essenzjali li jiġu mħeġġa l-inizjattivi li jippromwovu l-ġestjoni responsabbli tar-riżorsi. Għalkemm hemm għadd ta’ għodod disponibbli fil-livell tal-UE biex jiġi ffaċilitat l-immaniġġjar ambjentali sod, il-Kummissjoni tikkumenta li r-rispons min-negozji tat-turiżmu madwar l-Ewropa għall-preokkupazzjonijiet dwar is-sostenibbiltà varja ħafna.

Il-Kummissjoni fl-2013 varat sistema ta’ indikaturi għall-ġestjoni sostenibbli tad-destinazzjonijiet turistiċi (ETIS). Il-Kummissjoni għandha tiġi mħeġġa tkompli taħdem f’din id-direzzjoni.

In-netwerk u premju Destinazzjoni Ewropea ta’ Eċċellenza (EDEN) huwa eżempju ieħor ta’ inizjattivi li ta' min jenfasizza peress li jżid il-viżibbiltà ta’ destinazzjonijiet turistiċi alternattivi, li mhumiex tas-soltu. L-inizjattiva teħtieġ appoġġ finanzjarju kontinwat.

Proġett li jidher li weħel fil-proċess tal-finalizzazzjoni huwa l-Karta Ewropea għat-Turiżmu Sostenibbli u Responsabbli. Nittamaw li l-Kummissjoni se twassal dan il-proġett fid-destinazzjoni tiegħu.

L-aċċessibbiltà

Skont stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar is-sodisfazzjon tal-passiġġieri tal-ferroviji, fl-2013, 15 % tal-Ewropej ma jużawx il-ferroviji minħabba aċċessibbiltà ħażina tal-pjattaformi u nuqqas ta’ informazzjoni. L-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li toffri lill-passiġġieri drittijiet bażiċi meta jivvjaġġaw bl-ajru, bil-ferrovija, bil-vapur u bix-xarabank, tistrieħ ħafna fuq l-involviment attiv tal-partijiet ikkonċernati kollha u l-konsumaturi jeħtieġ li jkollhom jiksbu informazzjoni aħjar dwar kif għandhom jibbenefikaw mir-regoli.

L-aċċessibbiltà hija parti integrali mit-turiżmu responsabbli b’fokus speċjali fuq il-passiġġieri b’mobbiltà mnaqqsa, iżda mhux biss. Aċċessibbiltà aħjar eventwalment ser iżżid il-kumdità għall-passiġġieri kollha. Teknoloġiji ġodda joffru progress konsiderevoli kif muri pereżempju permezz ta’ kunċetti ġodda ta’ sistemi ta’ navigazzjoni għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa.

L-ekonomija kollaborattiva

Fil-bidu tal-2015, kważi 500 pjattaforma tal-ekonomija kollaborattiva relatati mat-turiżmu ġew elenkati fuq website globali. Ħafna mill-kumpaniji magħrufa sew tal-ekonomija kollaborattiva jiffurmaw parti mill-ekonomija tas-servizzi tal-ivvjaġġar (11 % tal-ivvjaġġar (u l-akkomodazzjoni), 50 % tat-trasport, 39 % tar-rikreazzjoni).

L-ekonomija kollaborattiva ġiet ikkritikata talli ħolqot kundizzjonijiet ekonomiċi mhux ugwali mal-ekonomija kontemporanja. Il-kwistjonijiet huma fit-taxxi, il-liċenzjar & ċ-ċertifikazzjoni, is-sikurezza, ir-responsabbiltà, tipi ta’ forom ġuridiċi. Il-kritiċi ġejjin minn fost il-politikanti u r-regolaturi u l-gvernijiet lokali jibdew jirregolaw l-effetti tagħhom.

Sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni, huwa importanti li jsir ir-rikonoxximent u d-divrenzjar bejn it-tipi differenti ta’ attività li jirriżultaw minn dan. Hemm attivitajiet ekonomiċi li huma dawk ta’ negozju u għalhekk għandhom jaqgħu f’konformità mal-obbligi tagħhom bħala negozju rreġistrat u kull introjtu għandu jiġi kkunsidrat bħala dħul u għalhekk dħul taxxabbli. Hemm oħrajn, li kienu msejsa fuq il-prinċipju ta’ “kondiviżjoni” mingħajr ma jiġġeneraw l-ebda qliegħ mill-attività.

L-impatt negattiv naturalment qed jinħass minn dawk li ġew sfrattati direttament minn dak li huma jqisu bħala kompetizzjoni inġusta. Madankollu, l-impatt pożittiv kien ferm akbar minħabba l-għażla wisq aktar għanja li qed tiġi offruta lill-konsumaturi.

Barra minn hekk, hemm benefiċċji soċjoekonomiċi li jmorru lil hinn minn dawk tal-industrija tat-turiżmu tradizzjonali, bħalma huma n-natura aktar awtentika tas-servizz u l-kuntatt man-nies lokali. Pożittivi għal pereżempju: Meta avvenimenti fuq skala kbira jirriżultaw f'li l-akkomodazzjoni ‘tradizzjonali’ timtela' sal-kapaċità sħiħa tagħha, is-servizzi ta’ akkomodazzjoni jipprovdu estensjonijiet għall-istokk uffiċjali tas-sodod.

L-ekonomija kollaborattiva kibret b’ritmu mgħaġġel ħafna u hija stmata li għandha l-valur ta' madwar $26 biljun. Għalkemm dan huwa numru impressjonanti, fil-kuntest tal-ekonomija globali huwa biss 0,035 %. Peress li l-intrapriżi tal-ekonomija kollaborattiva li l-aktar li huma ta’ valur huma relatati mat-turiżmu, paragun mal-ekonomija tat-turiżmu huwa rilevanti u juri madwar 1 % ta’ valur tal-ekonomija kollaborattiva. Madankollu, l-impatt ekonomiku tal-ekonomija kollaborattiva diffiċli jitkejjel.

Il-qawwa tad-diġitalizzazzjoni

Il-livell ta’ għarfien, l-aċċessibbiltà u l-użu tas-servizzi fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni huwa sostanzjalment differenti skont id-diversi operaturi kkonċernati. L-ostakli prinċipali fl-adozzjoni diġitali, b’mod partikolari mill-SMEs turistiċi, jidhru li huma relatati man-nuqqas ta’ implimentazzjoni (riżorsi finanzjarji, nuqqas ta’ kwalifikazzjoni tal-persunal, organizzazzjoni), il-kooperazzjoni limitata fi ħdan l-industrija u n-nuqqas ta’ interoperabilità bejn is-sistemi tal-IT. Jeħtieġ għalhekk li jittieħdu miżuri aktar immirati. Pożittiv: L-iżvilupp tal- għodod ġodda tal-IT il-portal ta' appoġġ għan-negozji Tourism-IT u l-pjattaforma TourismLink, huma t-tnejn li huma ddisinjati b’mod partikolari biex jappoġġjaw lin-negozju tat-turiżmu ż-żgħir. L-SMEs hawnhekk isibu informazzjoni meħtieġa għall-proċessi tan-negozju tagħhom u aċċess aġevolat għall-pakketti turistiċi madwar l-Ewropa.

L-iffaċilitar tad-disponibilità u l-aċċess għal infrastruttura diġitali moderna ssir pilastru importanti biex tiġi stimolata l-interazzjoni bejn konsumaturi/vjaġġaturi u l-kumpaniji tal-ivvjaġġar u t-turiżmu fl-Ewropa permezz ta’ bosta apparati diġitali (laptop, smartphone, tablet). Qed jitwettqu għadd ta’ inizjattivi f’dan ir-rigward. Minkejja dan, jeħtieġ li jsir iżjed. Il-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri għandha tidentifika dawk l-inizjattivi diġitali li jkollhom impatt pożittiv ogħla fuq is-settur tat-turiżmu Ewropew u tiddefinixxi politiki biex jingħata appoġġ lill-implimentazzjoni tagħhom.

Bil-għadd dejjem jiżdied ta’ kumpaniji li joperaw permezz tal-Internet u l-ħolqien ta’ intrapriżi ġodda “purament diġitali”, il-livell ta’ kompetizzjoni fost il-kumpaniji u l-influwenza ta’ dawn l-atturi fit-tiftix , l-ippjanar u l-proċess ta’ riserva tal-vjaġġaturi jikbru. Il-partijiet ikkonċernati pubbliċi tal-UE għandhom jissorveljaw l-evoluzzjoni tal-ambjent tal-ivvjaġġar diġitali bil-għan li jiżguraw kundizzjonijiet ekwi fost l-atturi stabbiliti u dawk ġodda kif ukoll biex jiżguraw on-newtralità u trasparenza fl-informazzjoni pprovduta lill-konsumatur.

Attwalment, il-vjaġġaturi u t-turisti ma jingħatawx aċċess għal soluzzjonijiet diġitali li jgħinuhom jippjanaw, jirriservaw u jħallsu għall-vjaġġi multimodali tagħhom minn bieb għal bieb. Il-forniment ta’ servizzi multimodali diġitali, li jkomplu wieħed mal-ieħor bħala ħaġa waħda, ta’ informazzjoni u ta’ ħruġ ta' biljetti jkun, madankollu, jinkoraġġixxi l-mobbiltà tal-vjaġġaturi u t-turisti fi ħdan l-Ewropa. L-aċċess għal data rilevanti pprovduta mill-operaturi tal-ivvjaġġar u tat-trasport u t-trawwim ta’ politika tad-data miftuħa ikunu prerekwiżiti għall-iffaċilitar tal-implimentazzjoni tas-servizzi multimodali diġitali ta’ informazzjoni u ta’ ħruġ ta' biljetti .

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikomplu jaħdmu b’mod konġunt mal-intrapriżi tat-turiżmu u l-industrija tal-kummerċ fi tliet linji ta’ azzjoni ewlenin: valutazzjoni ta’ kif id-diġitalizzazzjoni taffettwa lill-kumpaniji tal-ivvjaġġar u t-turiżmu, definizzjoni ta' politiki u inizjattivi biex jiġu indirizzati b'mod deċiżiv l-isfidi diġitali eżistenti u futuri u appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet sostenibbli biex tiġi żgurata l-kompetittività tal-intrapriżi involuti.

20.7.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

dwar Sfidi u kunċetti ġodda għall-promozzjoni tat-Turiżmu fl-Ewropa

(2014/2241(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Luigi Morgano

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li t-turiżmu huwa waħda mill-akbar industriji tad-dinja, u l-Ewropa hija waħda mid-destinazzjonijiet ewlenin tat-turiżmu kulturali fid-dinja; jissottolinja li t-turiżmu qed jinbidel b'rata mgħaġġla u li l-industrija tat-turiżmu qed tkun soġġetta b'mod kostanti għall-evoluzzjoni, u għaldaqstant l-Ewropa u l-Istati Membri jeħtieġ li jħarsu u jippromwovu kontinwament dak li huwa tabilħaqq indiġenu billi jiżvelaw aspetti u xejriet speċjali tal-wirt naturali, kulturali u storiku;

2.  Jissottolinja l-importanza tat-turiżmu kulturali Ewropew bħala strument għall-iżvilupp u l-għarfien personali, mezz li jippromwovi r-rikkezza tad-diversità kulturali u tal-wirt kulturali nazzjonali u lokali,jagħti kontribut fil-qasam tat-tagħlim interkulturali, jipprovdi opportunità għan-netwerking, isaħħaħ l-identità Ewropea, u jesprimi valuri Ewropej;

3.  Jissottolinja l-importanza li titrawwem kollaborazzjoni mill-qrib bejn il-kultura u t-turiżmu; jirrikonoxxi li t-turiżmu kulturali Ewropew għandu kontribuzzjoni importanti fit-tfassil tal-politika, huwa parti essenzjali ta' ħafna ekonomiji nazzjonali u reġjonali, u huwa l-mutur ewlieni tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli fuq livell lokali u reġjonali, u tar-riġenerazzjoni taż-żoni rurali u urbani, b'mod partikolari fil-kriżi ekonomika u tal-impjiegi attwali; ifakkar ukoll fir-rwol tal-għarfien tradizzjonali u industrijali Ewropew u b'hekk jgħolli l-profil taż-żoni u l-impjiegi lokali;

4.  Itenni li t-turiżmu għandu jkun imsejjes fuq strateġiji li jħarsu u jsaħħu kemm id-diversitajiet naturali kif ukoll dawk kulturali u jippreservaw u jippromwovu l-kulturi, it-tradizzjonijiet popolari, il-wirt u l-ambjent lokali, u li s-salvagwardja tanġibbli u intanġibbli tal-wirt kulturali għandha tkun fost il-prijoritajiet ewlenin tagħna;

5.  Jenfasizza l-potenzjal tat-turiżmu kulturali, l-agroturiżmu u l-ekoturiżmu f'żoni rurali, insulari u kostali; jisħaq, għal dan il-għan, l-importanza li tiġi żgurata l-konnettività intermodali, bħala mezz biex jiżdied il-faxxinu ta' dawn id-destinazzjonijiet turistiċi mbiegħda;

6.  Jissottolinja li d-diversità u l-multikulturaliżmu Ewropej joffru potenzjal kbir għall-iżvilupp tat-turiżmu tematiku, u jisħaq l-importanza li jiġu stabbiliti itinerarji tematiċi għat-turisti fuq skala Ewropea, nazzjonali u lokali; jemmen li l-promozzjoni sistematika tat-turiżmu tematiku (enoloġiku, gastronomiku, rurali, reliġjuż, artistiku, edukattiv, esploratorju, eċċ.), li possibbilment tinvolvi kooperazzjoni transfruntiera jew interreġjonali, tista' tiddefinixxi mill-ġdid it-turiżmu Ewropew u jkollha rwol importanti fil-ġlieda kontra l-effetti ħżiena tat-turiżmu tal-massa; għaldaqstant jappella għall-promozzjoni ta' turiżmu kulturali ambjentalment sostenibbli u t-teħid ta' miżuri biex l-industrija tkun tiflaħ għall-impatt tal-istaġjonalità;

7.  Jenfasizza li l-firxa tal-lingwi Ewropej - dawk uffiċjali, kouffiċjali, minoritarji u dawk l-anqas magħrufa - tifforma l-pedament tal-wirt kulturali tal-Ewropa, u dan joffri opportunitajiet addizzjonali f'dak li hu turiżmu fil-livelli kollha;

8.  Ifakkar ir-rwol fundamentali li għandha l-edukazzjoni kulturali formali u mhux formali fl-istimulazzjoni tad-domanda għal turiżmu ta' kwalità għolja, sostenibbli u inklużiv, fl-aspetti tiegħu reliġjużi, edukattivi, dawk relatati mal-isport, esploratorji, agrikoli u ekoloġiċi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir investiment f'taħriġ ta' kwalità għolja;

9.  Jitlob biex isir użu aħjar tal-opportunitajiet li joffru d-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni għal metodi aktar varjati ta' interpretazzjoni tal-wirt kulturali, u għal promozzjoni aktar effikaċi u attraenti tat-turiżmu kulturali Ewropew, sabiex numru kemm jista' jkun kbir ta' persuni jiffamiljarizzaw irwieħhom mal-wirt kulturali u turistiku tal-Ewropa, filwaqt li jiġu ppreservati l-forom tradizzjonali ta' promozzjoni tal-kultura; jisħaq li l-iżvilupp ta' suq uniku diġitali li jiffunzjona għalkollox, flimkien mal-estensjoni u l-konsolidazzjoni tal-pjattaformi diġitali għar-riżorsi u l-arkivji kulturali u użu proattiv tal-midja soċjali, għandu l-potenzjal li jimmodernizza u jiżviluppa l-industrija tat-turiżmu sabiex jippromwovi u jsostni aħjar is-servizzi u l-fornituri kollha tas-settur tat-turiżmu;

10. Jirrimarka li l-promozzjoni tat-turiżmu għandha tqis mhux biss id-destinazzjonijiet turistiċi ewlenin, iżda wkoll siti iżgħar u anqas magħrufin, li mhumiex inklużi fir-rotot turistiċi tas-soltu;

11. Jemmen li użu aħjar ta' prodotti u servizzi innovattivi fis-settur tat-turiżmu jista' jgħin b'mod sinifikanti lil kumpaniji tat-turiżmu, speċjalment l-SMEs, u jagħmilhom aktar sostenibbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li jitrawmu l-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku fil-mikrointrapriżi u fl-SMEs, u jiġbed l-attenzjoni għall-iżvilupp ta' forom tematiċi/alternattivi ta' turiżmu permezz tal-użu tal-internet u teknoloġiji ġodda ta' kommunikazzjoni;

12. Itenni l-ħtieġa għal forza tax-xogħol imħarrġa sew, informata tajjeb, motivata u dedikata; jisħaq li huwa essenzjali li n-nies li jaħdmu fl-industrija jkunu aktar konxji dwar l-istorja u l-kultura bil-għan li jkun hemm aktar promozzjoni tal-wirt storiku u kulturali tad-destinazzjonijiet turistiċi;

13. Ifakkar li l-investiment fil-kapital uman huwa essenzjali għall-kwalità tas-servizzi turistiċi u huwa prekundizzjoni għal tkabbir sostenibbli u kompetittiv; jisħaq fuq l-importanza li jiġu pprovduti politiki ta' taħriġ immirati aħjar bil-għan li tiġi żgurata l-preżenza ta' persunal multilingwi, kwalifikat sew u orjentat lejn is-servizz;

14. Jenfasizza l-importanza li tittejjeb l-aċċessibilità għas-siti ta' wirt kulturali u għall-edukazzjoni kulturali, filwaqt li jittieħed kont, b'mod partikolari, tal-bżonnijiet speċifiċi tal-persuni b'diżabilità waqt il-kostruzzjoni, ir-rinnovazzjoni jew l-estensjoni tal-attrazzjonijiet turistiċi; jinnota li, f'dan il-kuntest, il-proġetti, l-għodod u l-prodotti innovattivi li jiffaċilitaw l-aċċess awtonomu għal persuni b'mobilità mnaqqsa għandhom jiġu promossi fil-livell Ewropew; iqis li t-teknoloġiji biex tinkiseb informazzjoni u ssir prenotazzjoni għandhom ikunu faċilment aċċessibbli għal dawn il-persuni; jissottolinja l-progress enormi li sar bis-saħħa tal-applikazzjoni u l-użu ta' teknoloġiji diġitali ġodda biex jingħata aċċess universali għall-pitturi, il-bini u s-siti kulturali; jissuġġerixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jeżaminaw il-possibilitajiet differenti għat-tnedija ta' proġetti u fondi li jippermettu lill-popolazzjoni żagħżugħa u - fil-kuntest tat-tibdil demografiku - lill-persuni anzjani, kif ukoll, lil persuni bi bżonnijiet speċjali, familji bi dħul baxx u ċittadini vulnerabbli oħrajn li jżuru d-destinazzjonijiet kulturali tal-pajjiżi;

15. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-tħeġġiġ tal-involviment taż-żgħażagħ fit-turiżmu kulturali Ewropew għandu impatt estremament pożittiv fuq l-edukazzjoni u l-iżvilupp personali tagħhom;

16. Jirrimarka li l-wirt kulturali Ewropew, fl-aspetti artistiċi, lingwistiċi, reliġjużi, storiċi u ġeografiċi tiegħu, jagħmlu wieħed mid-destinazzjonijiet ewlenin fid-dinja, u li t-turiżmu kulturali huwa essenzjali għat-tiġdid tat-tkabbir, l-iżvilupp soċjali, il-koeżjoni u l-impjiegi ta' kwalità għolja; jirrimarka li s-settur tat-turiżmu jiġġenera madwar 2.9 % tal-PDG tal-UE, jammonta għal madwar 1.8 miljun negozju, primarjament SMEs, u jimpjega madwar 3.3 % tal-forza tax-xogħol tal-UE, u li ħafna mill-impjiegi mhux rilokabbli huma marbuta direttament jew indirettament mat-turiżmu kulturali;

17. Jenfasizza li, sabiex jinżammu l-livelli eżistenti u jinġibdu flussi ta' turisti ġodda, il-wirt kulturali u naturali Ewropew, inklużi n-naturi u l-pajsaġġi intatti tiegħu, jeħtieġ jiġu konservati u promossi; jisħaq li jeħtieġ jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn l-espansjoni tas-settur tat-turiżmu u l-protezzjoni tal-wirt kulturali, filwaqt li jitqiesu r-restawr, il-konservazzjoni u l-protezzjoni tas-siti u monumenti arkeoloġiċi u storiċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tadotta l-karta Ewropea għal turiżmu sostenibbli u responsabbli, inkluż il-prinċipju ta' responsabilità soċjali, għall-benefiċċju tal-viżitaturi u tal-popli li jospitaw;

18. Jissottolinja l-importanza ta' deċiżjoni tal-Kunsill għall-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni dwar 'il-prinċipji tal-kwalità tat-turiżmu Ewropew', bil-għan li l-fornituri ta' servizzi turistiċi jingħataw l-għajnuna huma u jippromwovu l-kwalità tas-servizzi tagħhom u sabiex isaħħu l-kunfidenza tal-konsumaturi;

19. Jappoġġa l-promozzjoni ta' inizjattivi lokali u reġjonali, bħall-itinerarji taċ-ċikliżmu transfruntiera Ewropej flimkien ma' strateġija ta' trasport sostenibbli li tinkludi netwerks ferrovjarji, l-ACCR (Association des Centres culturels de rencontre), il-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura u n-netwerk tal-portali DestiNet, fejn jittieħed kont tal-aħjar prattiki ta' turiżmu sostenibbli fl-Ewropa;

20. Jappoġġa l-iżvilupp ta' rotot ta' vvjaġġar mingħajr l-użu ta' vetturi (bil-mixi, biż-żiemel jew bir-rota), li jistgħu jiffaċilitaw turiżmu sostenibbli u joħolqu opportunitajiet ta' skoperta tad-diversità tar-reġjuni Ewropej;

21. Jisħaq fuq l-importanza li jinżamm u jiġi preservat il-wirt kulturali u storiku tal-Ewropa bil-għan li ma jitħalliex jiddeterjora, u dan billi tingħata prijorità lill-kwalità tal-interventi pjuttost milli lill-ispejjeż li jinvolvu; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq ir-rwol li l-patroċinju fil-kontribut li jagħti lill-konservazzjoni tal-wirt Ewropew u jikkumpensa għat-tnaqqis fil-baġits pubbliċi allokati għal dan l-iskop;

22. Jitlob lill-Kummissjoni tintroduċi Tikketta Ewropea ta' Turiżmu ta' Kwalità sabiex tippremja l-isforzi rigorużi min-naħa ta' professjonisti fil-qasam tat-turiżmu fis-sostenn tal-kwalità tas-servizzi tat-turiżmu bbażati fuq l-ogħla rispett lejn il-wirt kulturali u naturali, fit-titjib tal-kwalità tal-impjiegi fis-settur tat-turiżmu, it-titjib tal-aċċessibilità għal kulħadd u l-promozzjoni tat-tradizzjonijiet kulturali ta' komunitajiet lokali;

23. Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li t-turiżmu kulturali f'reġjuni differenti jgħin biex jiddiversifika l-attivitajiet ekonomiċi tradizzjonali u joħloq l-impjiegi, u b'hekk jevita d-depopolazzjoni u t-telqa u d-deterjorament ta' bosta siti kulturali ta' valur kbir, u jżomm it-tradizzjonijiet u d-drawwiet milli jispiċċaw fix-xejn;

24. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-komunitajiet li jospitaw u l-popli lokali jkunu involuti f'politiki differenti għall-identifikazzjoni, il-promozzjoni, il-ħarsien, il-konservazzjoni, il-ġestjoni, il-preżentazzjoni u l-interpretazzjoni tar-riżorsi patrimonjali, il-prattiki kulturali u l-espressjonijiet kulturali kontemporanji tagħhom, fil-kuntest tat-turiżmu;

25. Jinsab konvint li t-turiżmu skolastiku għandu jiġi esperjenzat bħala wieħed mill-aktar attivitajiet ta' tagħlim mhux formali sinifikanti marbuta mal-kurrikulu skolastiku u mhux biss bħala rikreazzjoni esklużiva, u li dan għandu jkun ibbażat fuq il-valuri ta' "turiżmu responsabbli";

26. Jisħaq fuq il-potenzjal tat-turiżmu kulturali biex jittaffa l-faqar; jappella, f'dan ir-rigward, għat-trawwim tal-industriji kreattivi u tat-turiżmu rurali tal-Istati Membri, bil-għan li tiġi promossa r-rikkezza kulturali straordinarja tal-Ewropa u jiġu miġġielda l-faqar u l-qgħad;

27. Jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ miżuri u programmi Ewropej eżistenti, inkluż il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, kif ukoll programmi nazzjonali u transfruntiera dwar it-turiżmu kulturali u l-wirt kulturali li taw prova li huma effikaċi, bħall-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura, Il-Jiem tal-Patrimonju Ewropew, ir-Rotot Kulturali Ewropej, iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew, Ewropa Kreattiva u l-pjattaforma diġitali Europeana; jitlob, barra minn hekk, li l-Kummissjoni Ewropea tqis il-fattibilità tal-introduzzjoni ta' "Tessera kulturali Ewropea" li tippermetti tariffi tad-dħul imraħħsa għal attrazzjonijiet turistiċi u siti kulturali bħal mużewijiet, monumenti, siti arkeoloġiċi, bibljoteki u teatri, billi ssegwi l-eżempju tal-ISIC (International Student Identity Card) approvata mill-UNESCO;

28. Jirrakkomanda l-istabbiliment ta' Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, preferibbilment fl-2018, flimkien ma' sostenn adegwat għal avvenimenti kulturali u festivals tal-arti, tal-films u tal-mużika; jisħaq, barra minn hekk, li l-promozzjoni tal-inizjattivi fuq il-livell tal-UE bħall-Belt Kapitali Ewropea tal-Isport u l-Belt Kapitali Ewropea taż-Żgħażagħ, u l-ħolqien ta' kalendarju Ewropew ta' avvenimenti li jtejbu s-servizzi ta' informazzjoni għat-turisti, tista' toffri valur miżjud sinifikanti fil-promozzjoni tat-turiżmu kulturali Ewropew u fiż-żamma u r-rinforzar tal-Ewropa bħala d-destinazzjoni turistika ewlenija fid-dinja;

29. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet reġjonali u lokali bil-għan li jimmassimizzaw il-valur tat-turiżmu u l-kontribut tiegħu għall-impjiegi u t-tkabbir, u sabiex jintegraw l-industrija tat-turiżmu fi ħdan strateġiji għall-iżvilupp lokali;

30. Jisħaq fuq il-potenzjal tat-turiżmu sportiv, li fil-ġejjieni jista' jsir wieħed mis-setturi l-aktar dinamiċi fl-industrija Ewropea tal-ivvjaġġar li qed tiżviluppa, u jitlob li jiġu introdotti politiki speċifiċi għall-promozzjoni u s-sostenn tal-iżvilupp tiegħu; ifakkar fir-rwol importanti tal-attivitajiet sportivi biex jiġbdu t-turisti lejn ir-reġjuni tal-Ewropa; jenfasizza l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-ivvjaġġar tal-atleti u l-ispettaturi fit-tħejjija għall-avvenimenti sportivi u waqt dawn l-avvenimenti, li jistgħu jattiraw lit-turisti anke lejn l-aktar żoni mbiegħda; jenfasizza li l-potenzjal tat-turiżmu sportiv mhuwiex sfruttat biżżejjed;

31. Josserva l-opportunitajiet offruti mill-avvenimenti u siti storiċi sinifikanti, bħas-Sites of Conscience, sabiex jiġu indirizzati sfidi kontemporanji permezz ta' interpretazzjoni u programmi edukattivi sensittivi; iħeġġeġ l-użu tal-wirt kulturali u t-turiżmu sabiex jitrawwem id-djalogu interkulturali u jqarreb lill-popli tal-Ewropa aktar lejn xulxin;

32. Jisħaq fuq il-kontribut tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni ta' forom ġodda ta' turiżmu, permezz tan-netwerks soċjali, l-organizzazzjonijiet tal-volontarjat, l-assoċjazzjonijiet kulturali u sportivi, il-gruppi ta' azzjoni taċ-ċittadini, u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw liż-żgħażagħ, in-nisa u l-komunitajiet espatrijati;

33. Jitlob biex ikun hemm rikonoxximent akbar tar-rwol vitali tas-settur tal-volontarjat fl-iżvilupp u s-sostenn tas-settur tat-turiżmu permezz tal-volontarjat kulturali;

34. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw l-azzjoni intiża biex tipproteġi l-monumenti u s-siti Ewropej li jinsabu f'periklu bil-għan li jissalvagwardjaw u jippromwovu l-wirt kulturali u, b'hekk, iħeġġu t-turiżmu kulturali;

35. Jenfasizza l-importanza li jissawru u jiġu promossi forom ta' turiżmu sostenibbli u inklużivi li jinteraġixxu man-nisġa soċjali, kulturali u ekonomika tas-siti turistiċi, jiżguraw l-iżvilupp tal-intraprenditorija kreattiva u favur l-ambjent, il-kapital uman u l-iżvilupp tal-ħiliet, u apparti l-benefiċċji finanzjarji, iġibu magħhom valur soċjali u kulturali għall-komunitajiet lokali;

36. Jisħaq fuq l-importanza tal-politiki intiżi għall-finanzjament, il-preservazzjoni, iż-żamma u r-restawr ta' siti ta' wirt kulturali;

37. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni kulturali kontra l-minoranzi reliġjużi u etniċi;

38. Jilqa' l-għodod ta' mobilità, kif ukoll il-proġetti ta' kooperazzjoni "bħall-Alleanzi tal-Għarfien" u "l-Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali" taħt il-programm Erasmus+ u l-Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ, bħala mezzi effiċjenti biex il-ħaddiema tas-settur tat-turiżmu involuti fl-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha jikkondividu l-aħjar prattiki, itejbu l-ħiliet lingwistiċi u jiksbu għarfien prattiku fis-settur tat-turiżmu kulturali; huwa mħasseb, madankollu, bin-nuqqas ta' interess fost iż-żgħażagħ li jibdew karriera f'ċerti setturi tat-turiżmu; jisħaq fuq il-vantaġġi ta' sistema ta' "edukazzjoni doppja" fis-settur tat-turiżmu u l-importanza li t-tagħlim jiġi kkombinat mal-esperjenza prattika, biex b'hekk jittejbu kemm l-għarfien teoretiku kif ukoll il-ħiliet prattiċi; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jibbenefikaw bis-sħiħ mill-opportunitajiet offruti mill-FSE u minn fondi tal-UE, nazzjonali u reġjonali biex jiġi promoss it-taħriġ vokazzjonali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

14.7.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

1

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Dominique Bilde, Silvia Costa, Damian Drăghici, Angel Dzhambazki, Jill Evans, Giorgos Grammatikakis, Petra Kammerevert, Rikke Karlsson, Andrew Lewer, Svetoslav Hristov Malinov, Curzio Maltese, Fernando Maura Barandiarán, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Michaela Šojdrová, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Bogdan Brunon Wenta, Theodoros Zagorakis, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

György Hölvényi, Ilhan Kyuchyuk, Ernest Maragall, Martina Michels, Marlene Mizzi

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Tim Aker

4.9.2015

OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

dwar sfidi u kunċetti ġodda għall-promozzjoni tat-turiżmu fl-Ewropa

(2014/2241(INL))

Rapporteur għal opinjoni: Maria Grapini

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jirrikonoxxi l-importanza tas-settur tat-turiżmu għall-UE u s-suq intern tagħha, u jenfasizza l-potenzjal tiegħu bħala mutur ta’ tkabbir soċjoekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi - b'mod partikolari għaż-żgħażagħ - u opportunitajiet ġodda ta' negozju; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, tadotta approċċ integrat fl-iżvilupp ta’ politiki li għandhom impatt fuq is-settur tat-turiżmu; jirrikonoxxi l-importanza tat-turiżmu fl-ilħuq tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, b'mod partikolari fir-rigward tal-eradikazzjoni tal-faqar u l-ħolqien ta' impjiegi;

2.  Jiġbed l-attenzjoni dwar ir-rwol kruċjali tar-rivoluzzjoni diġitali fl-industrija tat-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-setturi u n-negozji kollha tat-turiżmu, u b'mod partikolari l-SMEs, jagħmlu l-aħjar użu tat-teknoloġiji ġodda offruti mill-internet sabiex jespandu l-kummerċ elettroniku tagħhom fis-suq intern u jimxu lejn prodotti u proċessi diġitizzati ta' valur ogħla u fl-istess ħin jiżguraw li ċ-ċittadini u l-konsumaturi jkollhom aċċess ġust u bi prezz li jintlaħaq għal servizzi sikuri u b'livell għoli ta' kwalità;

3.  Jenfasizza li, sabiex il-prodott tat-turiżmu Ewropew jiġi differenzjat minn dak ta' pajjiżi u kontinenti oħrajn, huwa importanti ħafna li jiġu żviluppati forom ġodda ta' turiżmu tematiku li jistgħu joperaw abbażi ta' kooperazzjoni transnazzjonali u anke transreġjonali; jemmen li, filwaqt li tippermetti ridefinizzjoni tal-offerta kollha tat-turiżmu Ewropew, il-promozzjoni sistematika ta’ prodotti turistiċi tematiċi tista' tkun essenzjali fil-ġlieda kontra l-effetti tal-istaġjonalità;

4.  Ifakkar li l-UE għandha tkun lesta tinvesti fit-trawwim tal-potenzjal ta’ pajjiżi terzi b’popolazzjoni kbira u ekonomiji emerġenti, partikolarment il-pajjiżi BRIC, fejn l-għadd ta' turisti li joħorġu minn pajjiżhom qed jiżdied; jindika l-ħtieġa għal inizjattivi mmirati lejn il-promozzjoni tat-turiżmu u aktar flessibbiltà u konsistenza fl-arranġamenti ta’ viżi turistiċi u l-qsim tal-fruntieri; jenfasizza li l-promozzjoni ta’ għadd akbar ta’ pjattaformi tat-Turiżmu bil-Viżi, flimkien ma’ approċċ kawt lejn is-semplifikazzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi, hija komponent importanti biex jikber l-għadd ta’ turisti minn barra l-Ewropa u tiżdied il-viżibilità tad-destinazzjonijiet turistiċi Ewropej; jenfasizza l-potenzjal ta' viżi itineranti għal gruppi ta' turisti li diġà jkunu fil-pajjiż, u l-importanza tal-implimentazzjoni ta' aktar ftehimiet ta' eżenzjoni mill-viża sabiex isir l-aħjar użu mill-wasliet ta' turisti internazzjonali; jikkunsidra li huwa rakkomandabbli, bir-rispett dovut għad-dritt u l-obbligu tal-Istati Membri li jikkontrollaw id-dħul mill-fruntieri tagħhom, li l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri jiżviluppaw, fil-kuntest tal-politika komuni dwar il-viżi, strateġija fit-tul għal proċeduri tal-viża aktar koordinati u semplifikati;

5.  Jinnota l-irwol tal-Kummissjoni Ewropea għat-Turiżmu (ETC) u l-membri tagħha fil-promozzjoni tal-Ewropa bħala destinazzjoni turistika; jitlob lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha aktar mal-ETC u l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu usa' lejn miżuri konġunti dwar it-turiżmu fl-Ewropa;

6.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-Pjattaforma tat-Turiżmu Diġitali tal-Kummissjoni u l-objettivi tagħha li (i) issaħħaħ il-kapaċità tal-innovazzjoni u diġitizzazzjoni tal-SMEs relatati mat-turiżmu bl-iskop li jiġi attivat is-settur tat-turiżmu, u (ii) tiġġenera proposti dwar kif għandhom jiġu adattati u msawra politiki sostenibbli, kompetittivi u ffukati fuq il-konsumatur bl-għan li jiżviluppaw aktar is-settur tat-turiżmu; jinkoraġġixxi l-użu ta’ teknoloġiji innovattivi, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u l-approfondiment tal-kooperazzjoni fil-livell reġjonali bil-għan li s-settur tat-turiżmu Ewropew isir iktar attraenti u kompetittiv; iqis li l-promozzjoni tat-tagħlim elettroniku u żieda fl-użu tat-teknoloġiji diġitali jkomplu jmexxu dan l-għan 'il quddiem;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi aħjar il-kunċetti tat-turiżmu, it-turiżmu sportiv, it-turiżmu tal-avventura, it-turiżmu edukattiv, it-turiżmu rurali u t-turiżmu kreattiv; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lit-turiżmu rurali bħala mutur tat-tkabbir sostenibbli ta’ żoni rurali, u b’hekk jinħolqu aktar impjiegi u opportunitajiet f’reġjuni remoti;

8.  Jappoġġa l-kunċett tal-Kummissjoni tal-promozzjoni ta' "Turiżmu għal Kulħadd" sostenibbli;

9.  Ifakkar li r-rwol tal-konsumaturi issa jmur lil hinn mir-riċerka bil-għan li jinxtraw servizzi tal-ivvjaġġar u servizzi oħra relatati u li tinkiseb firxa ta’ informazzjoni dwar id-destinazzjoni, u beda jinkludi l-oqsma ta’ kritika/opinjoni u reklamar; jinnota li l-esperjenza diġitali qed issir dejjem aktar sinifikanti;

10. Jenfasizza li l-Ewropa trid iżżomm il-pożizzjoni tagħha bħala d-destinazzjoni turistika numru wieħed fid-dinja; jilqa' l-organizzazzjoni ta' avvenimenti u ta' kampanji ta' komunikazzjoni li jippromwovu lill-Ewropa bħala destinazzjoni turistika, b'mod partikolari fis-swieq ta' pajjiżi terzi, u jistieden lill-partijiet konċernati kollha biex b'mod konġunt jippromwovu l-Ewropa mhux biss bħala destinazzjoni turistika iżda wkoll bħala destinazzjoni ta' eċċellenza li toffri firxa ta' destinazzjonijiet nazzjonali, kulturi u servizzi turistiċi, mingħajr distorsjoni tal-kompetizzjoni bejniethom;

11. Jirrikonoxxi li s-settur tat-turiżmu huwa dominat mill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, flimkien ma' għadd kbir ta' mikrointrapriżi; huwa tal-fehma, f’dan ir-rigward, li l-isforzi biex tiġi introdotta regolamentazzjoni aqwa, biex jitnaqqas il-piż amministrattiv u biex tiġi promossa l-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej għandhom jitkomplew, mhux biss fi ħdan is-settur innifsu iżda wkoll bħala parti mill-politiki kollha tal-UE li jolqtu s-settur tat-turiżmu;

12. Jilqa' b'sodisfazzjon in-Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC-Net): Applikazzjoni għall-ivvjaġġar prodotta reċentement min-Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibilità li jinħoloq Kalendarju Ewropew tat-Turiżmu biex tiġi kkoordinata l-informazzjoni mingħand l-Istati Membri kollha dwar destinazzjonijiet turistiċi Ewropej, fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, bil-għan li jittejbu s-servizzi ta' informazzjoni tal-konsumaturi u li l-konsumaturi jiġu megħjuna jsibu gwida u dettalji dwar avvenimenti, postijiet u festivals, fost affarijiet oħra;

14. Jinnota kemm hu importanti li t-turiżmu Ewropew jadatta għas-suq diġitali kif ukoll il-ħtieġa li jiġu żviluppati għodod diġitali u sorsi ta' informazzjoni ġodda għat-turisti li jixtiequ jżuru l-Ewropa; jirrakkomanda l-ħolqien ta’ applikazzjoni mobbli interoperabbli u faċli biex tintuża, li jkun fiha mapep tal-ivvjaġġar interattivi, gwidi u informazzjoni rilevanti oħra dwar destinazzjonijiet tal-ivvjaġġar fl-UE, li tista’ tgħin biex tippromwovi l-Ewropa bħala destinazzjoni turistika u biex iżżid l-ammont u l-kwalità tal-informazzjoni disponibbli għall-konsumaturi; jenfasizza li l-ispejjeż għall-ħolqien u ż-żamma ta’ din l-applikazzjoni għandhom jinżammu minimi; jirrikonoxxi l-opportunitajiet u l-potenzjal offruti bid-diġitizzazzjoni tas-servizzi u l-prodotti fis-settur tat-turiżmu; jenfasizza l-importanza li jinħoloq suq intern li jiffunzjona għalkollox għal dawn is-servizzi u prodotti, li għandu jinkludi lill-atturi kollha, mhux l-inqas l-SMEs u l-konsumaturi, u joffrilhom ċertezza legali;

15. Jenfasizza li l-fornituri tas-servizzi tat-turiżmu għandhom iżommu f’moħħhom il-bżonnijiet ta’ persuni b’diżabilità u/jew b’mobilità mnaqqsa, partikolarment fir-rigward tal-aċċessibbiltà, sabiex persuni b’xi diżabilità tal-moviment jew diżabilità sensorja jew intolleranzi tal-ikel, u l-persuni anzjani, jibbenefikaw bis-sħiħ mill-offerta tat-turiżmu Ewropew, permezz tal-promozzjoni ta’ miżuri maħsuba biex jadattaw il-faċilitajiet diġà eżistenti u jħarrġu lill-persunal; iqis li jkun rakkomandabbli li jiġu promossi programmi, mekkaniżmi u prodotti innovattivi fil-livell Ewropew biex jiġi ffaċilitat l-aċċess indipendenti għall-persuni b'diffikultajiet tal-mobilità; jenfasizza l-importanza li l-informazzjoni għat-turisti tkun aċċessibbli għat-turisti b'diżabilitajiet; jitlob lill-bordijiet tat-turiżmu u l-fornituri tal-akkomodazzjoni jqisu l-aċċessibilità, inkluża l-aċċessibilità tal-internet, meta jaġġornaw siti tal-internet jew sorsi oħra ta’ informazzjoni;

16. Jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jadottaw approċċ aktar koordinat sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni amministrattiva u fuq bażi aktar reġjonali f’oqsma tal-politika relatati mat-turiżmu bħall-innovazzjoni, it-trasport, il-kwalità tas-servizzi, ir-reġim tal-viżi, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, il-komunikazzjoni u l-ħlasijiet internazzjonali bil-kard, filwaqt li jitqiesu l-isfidi speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-SMEs fis-settur tat-turiżmu, u biex tiġi ffaċilitata l-konformità fid-dawl taż-żieda tal-konsum kollaborattiv (sharing economy), filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà; jinnota li l-oqfsa regolatorji differenti tal-Istati Membri jolqtu b'mod dirett il-kumpaniji tat-turiżmu u jista' jkollhom effett distorsiv fuq is-suq;

17. Iqis li huwa meħtieġ li tiġi appoġġata kompetittività akbar f’dawk l-oqsma li fihom il-potenzjal tat-turiżmu ma ġiex sfruttat biżżejjed, permezz ta’ promozzjoni ġusta u bl-appoġġ ta’ SMEs lokali li joperaw fl-industrija tat-turiżmu;

18. Jitlob li jitjieb ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali fl-industrija tat-turiżmu min-naħa tal-Istati Membri, biex jippermettu lil min diġà jaħdem fis-settur u lil dawk li biħsiebhom jagħmlu dan fil-ġejjieni jsibu l-aqwa opportunitajiet professjonali, u biex titrawwem il-mobilità fl-industrija; jemmen li dan jgħin biex jiġu indirizzati l-problemi tan-natura staġonali tax-xogħol f'dan is-settur, min-naħa l-waħda, u x-xogħol mhux iddikjarat min-naħa l-oħra;

19. Itenni kemm hu importanti li jiġi żviluppat netwerk tat-trasport aktar effiċjenti li jipprovdi konnessjoni ma' żoni turistiċi periferiċi;

20. Ifakkar l-importanza tal-konsum kollaborattiv fil-promozzjoni tat-turiżmu, u tal-kontribut tiegħu għaż-żieda fl-għadd ta’ turisti lejn bosta destinazzjonijiet; jenfasizza li dan m’għandux jitqies bħala kompetizzjoni inġusta; jenfasizza r-rwol tal-konsum kollaborattiv fis-settur tat-turiżmu u jappella għal qafas regolatorju xieraq li jappoġġa t-tkabbir u l-innovazzjoni filwaqt li jipproteġi l-interessi tal-konsumatur; jenfasizza li jeħtieġ jiġu żgurati s-sikurezza u s-sigurtà tal-utenti, kif ukoll il-kwalità tas-servizzi provduti;

21. Ifakkar il-ħtieġa li tiġi żviluppata infrastruttura tat-trasport u tat-turiżmu kompetittiva;

22. Jenfasizza l-importanza ta' settur tat-turiżmu Ewropew sostenibbli u responsabbli li jippromwovi l-kompetittività tal-kumpaniji tiegħu; jenfasizza ż-żieda kostanti fl-għadd ta’ vjaġġaturi, u jitlob li jiġu żviluppati forom ta’ trasport u ta’ akkomodazzjoni aktar sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija bil-għan li jinħolqu destinazzjonijiet ambjentalment, soċjalment u ekonomikament sostenibbli, filwaqt li nżommu f'moħħna l-fatt li s-sostenibbiltà ambjentali tinkludi wkoll il-preservazzjoni ta’ kulturi u tradizzjonijiet lokali, il-preservazzjoni u t-titjib tal-patrimonju, it-trawwim tal-aħjar prattiki, u l-isforzi biex tinstab forma ta’ turiżmu li jissodisfa u joffru benefiċċji kemm lil dawk li jivvjaġġaw kif ukoll lill-komunità lokali fid-destinazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef l-implimentazzjoni tal-inizjattiva Lukandi b’Konsum Negliġibbli ta’ Enerġija (Nearly Zero Energy Hotels (neZEH) bl-għan li l-lukandi jkunu awtosuffiċjenti u effiċjenti fl-użu tal-enerġija;

23. Jenfasizza l-bżonn li titfassal strateġija biex jiżdied il-bejgħ ta' akkomodazzjoni fl-istaġun medju u baxx li tkun tinkludi s-settur tat-turiżmu rurali u jkollha l-għan li tindirizza l-istaġonalità; jenfasizza l-importanza li l-kummerċjalizazzjoni ta' prodotti/servizzi turistiċi tiffoka fuq il-kwalità, u b'hekk tibni l-lealtà fost il-viżitaturi u tippożizzjona s-settur tat-turiżmu tagħna f'suq kompetittiv ħafna;

24. Jenfasizza l-ħtieġa għal finanzjament tal-UE aqwa u aktar aċċessibbli għal proġetti infrastrutturali, b'mod speċjali rigward is-servizzi ta' utilità, li jħabbtu wiċċhom ma' żieda enormi fil-konsum waqt l-istaġun turistiku, u dan kemm għall-ġid tat-turisti kif ukoll tal-popolazzjoni lokali;

25. Jinkoraġġixxi l-ippjanar urban sostenibbli bil-għan li jiġi ppreservat il-wirt kulturali ta’ destinazzjonijiet turistiċi Ewropej;

26. Jenfasizza l-importanza ta' titjib fir-rikonoxximent reċiproku min-naħa tal-Istati Membri tal-kwalifiki professjonali fl-industrija tat-turiżmu, sabiex il-ħaddiema tal-industrija jkunu jistgħu jidentifikaw l-aħjar prospetti ta' karriera possibbli, u b'hekk tiġi mħeġġa l-mobilità tagħhom;

27. Iqis li l-fornituri tas-servizzi tat-turiżmu jeħtieġ jiżguraw li l-informazzjoni mogħtija lill-konsumaturi dwar dawn is-servizzi tkun preċiża u tinftiehem, u la jqarrqu bil-konsumaturi u lanqas jagħtuhom informazzjoni ħażina; jenfasizza li din l-informazzjoni għandha tkun tista' tinqara u miktuba b’mod li jinftiehem, u li l-fornituri m'għandhomx japplikaw prattiki jew kundizzjonijiet kuntrattwali li jiddiskriminaw kontra l-konsumaturi jew joħolqu nuqqas ta’ fiduċja fi ħdan is-suq intern tal-UE, b’mod partikolari fil-qasam tax-xiri online; iqis li għandhom jiġu żviluppati netwerks ta’ komunikazzjoni sabiex jittejbu l-opportunitajiet ta’ negozju fir-reġjuni u tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur;

28. Jenfasizza li l-fiduċja tal-konsumatur f’kumpaniji li jipprovdu servizzi fis-settur tat-turiżmu tiddependi wkoll fuq il-ħila tal-kumpaniji li joffru lil konsumaturi mezzi alternattivi sempliċi, effikaċi u rapidi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwimiet tal-konsumaturi, u li jipproteġu d-data personali u finanzjarja tal-konsumaturi;

29. Jilqa' l-konklużjoni riċenti tan-negozjati fi trilogu dwar Direttiva dwar il-Vjaġġi Kollox Inkluż riveduta; jitlob li din tkun trasposta u applikata fil-waqt u b'mod effikaċi bil-għan li tittrasforma s-settur u tipproteġi l-konsumaturi fl-ambjent diġitali;

30. Jenfasizza l-ħtieġa li l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi jippromwovu n-numru ta’ emerġenza Ewropew 112 fuq is-siti elettroniċi rilevanti u fuq il-biljetti elettroniċi, u fid-destinazzjonijiet turistiċi ewlenin tagħna;

31. Iqis li jkun rakkomandabbli li jiġu eżaminati modi kif jiġu appoġġjati l-SMEs u s-sjieda unika fis-settur turistiku permezz ta' mekkaniżmi ta' finanzjament imfassla biex isaħħu l-likwidità tagħhom bi spiża raġonevoli, jipprovdu inċentivi għal investiment fl-iżvilupp tal-infrastruttura u s-servizzi li jeħtieġu u biex inaqqsu l-burokrazija li jinvolvi l-iżvilupp tagħhom;

32. Iqis li l-inizjattiva tal-Industrija tal-Lukandi fl-Ewropa bl-għan li b'mod gradwali jiġu armonizzati s-sistemi ta' klassifikazzjoni tal-akkomodazzjoni fl-Ewropa għandha tingħata aktar promozzjoni, biex b'hekk tippermetti paragun aħjar tal-offerta tal-akkomodazzjoni fl-Ewropa, u tikkontribwixxi għall-kriterji komuni tal-kwalità tas-servizzi;

33. Jenfasizza li l-vjaġġaturi xorta għadhom iħabbtu wiċċhom ma' prezzijiet, termini u kundizzjonijiet differenti meta jagħmlu prenotazzjoni ta' akkomodazzjoni jew ta' mezz ta' trasport online; jilqa', għaldaqstant, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu "Strateġija tas-Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa"; jistieden lill-Kummissjoni tadotta proposta komprensiva biex jintemm l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat tal-aċċess għal prodotti, servizzi u l-aħjar rata disponibbli abbażi tal-lok ġeografiku jew il-pajjiż ta' residenza;

34. Jemmen li l-promozzjoni koordinata ta' sistemi integrati elettroniċi ta' bejgħ ta' biljetti għal diversi mezzi ta' trasport tissemplifika l-ivvjaġġar u tneħħi l-ostakli għall-ikkompletar tas-suq intern;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

3.9.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Dita Charanzová, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Daniel Dalton, Nicola Danti, Dennis de Jong, Pascal Durand, Vicky Ford, Ildikó Gáll-Pelcz, Evelyne Gebhardt, Maria Grapini, Sergio Gutiérrez Prieto, Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Liisa Jaakonsaari, Antonio López-Istúriz White, Margot Parker, Eva Paunova, Jiří Pospíšil, Robert Rochefort, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Igor Šoltes, Catherine Stihler, Mylène Troszczynski, Mihai Ţurcanu, Anneleen Van Bossuyt

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Lucy Anderson, Birgit Collin-Langen, Kaja Kallas, Jens Nilsson, Adam Szejnfeld, Marc Tarabella, Lambert van Nistelrooij

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Andrey Novakov

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

15.9.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

42

4

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lucy Anderson, Marie-Christine Arnautu, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Deirdre Clune, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Andor Deli, Karima Delli, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Dieter-Lebrecht Koch, Stelios Kouloglou, Merja Kyllönen, Miltiadis Kyrkos, Bogusław Liberadzki, Peter Lundgren, Marian-Jean Marinescu, Georg Mayer, Cláudia Monteiro de Aguiar, Renaud Muselier, Jens Nilsson, Markus Pieper, Salvatore Domenico Pogliese, Gabriele Preuß, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, David-Maria Sassoli, Claudia Schmidt, Claudia Tapardel, István Ujhelyi, Wim van de Camp, Janusz Zemke, Roberts Zīle, Kosma Złotowski, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Rosa D’Amato, Daniel Dalton, Werner Kuhn, Jozo Radoš, Olga Sehnalová, Ruža Tomašić, Matthijs van Miltenburg

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Diane James, Julia Reda

(1)

ĠU C 56 E, 26.2.2013, p. 41.

(2)

ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 9.

(3)

ĠU C 134, 7.6.2003, p. 7.

Avviż legali