Proċedura : 2015/2212(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0274/2015

Testi mressqa :

A8-0274/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 06/10/2015 - 7.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0335

ABBOZZ TA' RAPPORT     
PDF 657kWORD 128k
30.9.2015
PE 567.624v01-00 A8-0274/2015

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2015/004 IT/Alitalia, ippreżentata mill-Italja)

(COM(2015)0397 – C8-0252/2015 – 2015/2212(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Monika Vana

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2015/004 IT/Alitalia, ippreżentata mill-Italja)

(COM(2015)0397 – C8-0252/2015 – 2015/2212(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0397 – C8-0252/2015),

– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b' mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0274/2015),

A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex toffri appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassistihom fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C. billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, biex tiġi ffissata l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu finanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D. billi l-Italja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2015/004 IT/Alitalia għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għall-1 249 sensja fil-Gruppo Alitalia, li jopera fid-diviżjoni 51 ta' NACE Rev. 2 ("Trasport bl-ajru")(4) fir-reġjun ta' livell 2 ta' NUTS(5) tal-Lazjo, u billi hu mistenni li madwar 184 ħaddiem li ngħataw is-sensja se jipparteċipaw fil-miżuri;

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eleġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti u li, għalhekk, l-Italja għandha d-dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 414 848 skont dan ir-Regolament;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fl-24 ta' Marzu 2015, u li l-valutazzjoni tagħha tlestliet mill-Kummissjoni fis-7 ta' Awwissu 2015 u ġiet notifikata lill-Parlament fl-1 ta' Settembru 2015; jilqa' pożittivament il-valutazzjoni rapida f'perjodu ta' inqas minn ħames xhur;

3.  Josserva li t-trasport internazzjonali bl-ajru għadda minn taqlib ekonomiku serju, b'mod partikolari tnaqqis mis-sehem tas-suq tal-UE u ż-żieda enormi fin-numru ta' passiġġieri li nġarru mit-trasportaturi tal-Golf u Torok li sar a skapitu tal-kumpaniji Ewropej bħal Alitalia;

4.  Ifakkar li, għalkemm l-impjiegi fil-Lazjo ġew affettwati mill-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja f'livell inqas mill-impjiegi fil-livell nazzjonali, kull żieda addizzjonali fil-qgħad tpoġġi taħt pressjoni s-sistema ta' benefiċċji tal-CIG(6);

5.  Josserva li, sal-lum, is-settur tad-diviżjoni 51 tan-NACE Rev. 2 (Trasport bl-ajru) kien is-suġġett ta' applikazzjoni għall-FEG oħra(7) li wkoll kienet ibbażata fuq il-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ;

6.  Jilqa' pożittivament l-enfasi fuq il-miżuri fil-qasam tat-tiftix ta' impjiegi u tat-taħriġ proposti mill-awtoritajiet Taljani, inkluża l-iskema tal-impjieg mill-ġdid speċifika għall-ħaddiema ssensjati ta' età ta' 50 sena jew aktar;

7.  Jilqa' pożittivament il-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Taljani ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fl-1 ta' April 2015, ferm qabel id-deċiżjoni dwar l-għoti ta' appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

8.  Jinnota li l-azzjonijiet fl-ambitu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament dwar il-FEG - l-attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, tagħrif u pubbliċità, kontroll u rappurtaġġ - jirrappreżentaw sehem relattivament għoli tal-ispejjeż totali (3,99 %);

9.  Jiddispjaċih li minn 1 249 benefiċjarju eleġibbli 184 biss (14,7 %) huma fil-mira tal-miżuri proposti - sehem baxx ħafna tat-totalità tal-impjegati ssensjati;

10. Josserva li inqas minn 15 % tat-totalità tal-benefiċjarji eleġibbli huma fil-mira tal-miżuri inklużi fl-applikazzjoni;

11. Japprezza li l-184 benefiċjarju kollha fil-mira mistennija jibbenefikaw mis-servizzi personalizzati;

12. Jinnota li l-Italja qiegħda tippjana ħames tipi ta' miżuri għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni: (i) reklutaġġ u valutazzjoni tal-ħiliet, (ii) appoġġ attiv għat-tiftix ta' impjieg, (iii) taħriġ, (iv) rimborż tal-ispejjeż għall-mobilità, u (v) benefiċċji ta' reklutaġġ ta' persuni li għandhom iktar minn 50 sena;

13. Jinnota li l-allowances u l-inċentivi huma limitati għall-ispejjeż ta' mobilità u għall-benefiċċji ta' reklutaġġ u se jibqgħu taħt l-ammont massimu permess ta' 35 % tal-ispejjeż totali għall-pakkett koordinat tas-servizzi personalizzati, kif stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG;

14. Jilqa' favorevolment il-benefiċċji ta' reklutaġġ għall-ħaddiema li għandhom aktar minn 50 sena; iqis li l-mod li bih il-benefiċċji ta' pagament huma differenzjati se jinċentiva r-reklutaġġ tal-ħaddiema kkonċernati b'kundizzjonijiet aħjar;

15. Josserva li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, mal-aġenziji akkreditati li joffru appoġġ għat-tiftix ta' impjieg kif ukoll mal-ħaddiema;

16. Jilqa' pożittivament il-fatt li l-aġenziji akkreditati li jfornu lill-ħaddiema appoġġ attiv għat-tiftix ta' impjieg jitħallsu fuq il-bażi tar-riżultati li jiksbu;

17. Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-kapaċitajiet meħtieġa fil-ġejjieni tas-suq tax-xogħol, u għandu jkun jaqbel mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

18. Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adatt u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali reali;

19. Jinnota li l-informazzjoni fornuta dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jenfasizza li l-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li l-azzjonijiet eleġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma tkunx tista' tokkorri duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

20. Japprezza l-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni, wara t-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fir-rilaxx tal-għotjiet; jinnota l-pressjoni ta' ħin li jimplika l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-fajls;

21. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

23.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (Applikazzjoni EGF/2015/004 IT/Alitalia)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(8), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(9), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-għan li jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun intemmet b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew b'riżultat ta' kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew b'riżultat ta' kriżi ekonomika u finanzjarja globali ġdida, u sabiex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)      Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013(10).

(3)      Fl-24 ta' Marzu 2015, l-Italja ppreżentat applikazzjoni EGF/2015/004 IT/Alitalia għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għal sensji fil-Gruppo Alitalia(11) fl-Italja. Din ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)      Il-FEG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 414 848 fir-rigward tal-applikazzjoni ppreżentata mill-Italja.

(5)      Sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun iż-żmien li jittieħed biex jiġi mmobilizzat il-FEG, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni huwa mobilizzat biex jagħti s-somma ta' EUR 1 414 848 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tapplika minn [id-data tal-adozzjoni tagħha]*.

(12)Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

NOTA SPJEGATTIVA

I. Kuntest

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex joffri assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(13) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1309/2013(14), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala provvediment fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(15), sabiex jiġi attivat il-Fond, il-Kummissjoni, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, għandha tippreżenta, lill-awtorità baġitarja, proposta għal mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II. L-applikazzjoni ta' Alitalia u l-proposta tal-Kummissjoni

Fis-7 ta' Awwissu 2015, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur l-Italja biex tappoġġa r-reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja fil-Gruppo Alitalia, li jopera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-diviżjoni 51 tanNACE Rev. 2 (Trasport bl-ajru).

Din hija l-ħmistax-il applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-kuntest tal-baġit tal-2015 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 1 414 848 mill-FEG għall-Italja. Tikkonċerna 184 mill-1 249 ħaddiem li ngħataw is-sensja fil-Gruppo Alitalia. L-applikazzjoni ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fl-24 ta' Marzu 2015 u ġiet supplimentata b'informazzjoni addizzjonali sad-19 ta' Mejju 2015. Il-Kummissjoni kkonkludiet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament dwar il-FEG, li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG.

L-awtoritajiet Taljani jaffermaw li l-fatt li jagħti lok għas-sensji mogħtija fil-Gruppo Alitalia huwa t-tnaqqis fin-numru ta' passiġġieri li nġarru fl-2014 għaċ-ċifri tal-2010, li jirrappreżentaw tnaqqis ta' 3,6 % meta mqabbel mal-2013 u ta' 6,4 % meta mqabbel mal-2012 flimkien mat-telf akkumulat minn mindu saret il-privatizzazzjoni sħiħa ta' Alitalia fl-2009.

Is-servizzi personalizzati li jridu jiġu offruti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jikkonsistu f'ħames tipi ta' miżuri:(i) reklutaġġ u valutazzjoni tal-ħiliet, (ii) appoġġ attiv għat-tiftix ta' impjieg, (iii) taħriġ, (iv) rimborż tal-ispejjeż għall-mobilità, u (v) benefiċċji ta' reklutaġġ ta' persuni li għandhom iktar minn 50 sena;

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eleġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jiħdux post il-miżuri passivi tal-protezzjoni soċjali.

L-awtoritajiet Taljani pprovdew il-garanziji neċessarji kollha rigward dan li ġej:

–      il-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom,

–      ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew sodisfatti,

–      il-Gruppo Alitalia, l-impriża li tat is-sensji, li kompla l-attivitajiet tiegħu wara t-tkeċċijiet, ikkonforma mal-obbligi ġuridiċi tiegħu li jirregolaw is-sensji u pprovda għall-ħaddiema tagħhom kif xieraq;

–      l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhu se jitħalla jsir ebda finanzjament doppju,

–      l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet finanzjati mill-Fondi Strutturali,

–      il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

L-Italja nnotifikat lill-Kummissjoni li s-sors tal-prefinanzjament jew tal-kofinanzjament nazzjonali huwa l-Fond għall-Politiki Attivi.

III. Proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Awtorità Baġitarja talba għal trasferiment ta' ammont globali ta' EUR 1 414 848 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 04 01).

Sal-lum, din hija l-ħmistax-il proposta għal trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond trażmessa lill-awtorità baġitarja matul l-2015.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandha tinbeda proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARJIET SOĊJALI

ZP/jb D(2015)42485

Onor. Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ tal-applikazzjoni EGF/2015/004 IT/Alitalia, ippreżentat mill-Italja

Onor. President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżamina l-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2015/004 IT/Alitalia u adotta l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qiegħed jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A) billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1309/2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u tirrigwarda l-1 249 ħaddiem issensjati mill-Gruppo Alitalia li jopera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-diviżjoni 51 ("Trasport bl-ajru") tan-NACE Rev. 2; billi s-sensji li saru mill-impriżi kkonċernati jinsabu prinċipalment fir-reġjun NUTS livell 2 tal-Lazjo fi ħdan il-perjodu ta' referenza bejn il-31 ta' Awwissu 2014 u t-30 ta' Diċembru 2014;

B) billi biex tiġi stabbilita rabta bejn is-sensji u bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, l-Italja targumenta li s-suq internazzjonali tat-trasport bl-ajru għadda minn taqlib ekonomiku serju, b'mod partikolari fir-rigward tas-sehem tas-suq tal-UE;

C) billi l-bidliet fl-andament tal-kummerċ kienu aggravati minn fatturi oħrajn bħat-tnaqqis tad-domanda, minħabba l-kriżi ekonomika u ż-żieda fil-prezzijiet tal-karburant;

D) billi l-maġġoranza (70,1 %) tal-ħaddiema fil-mira tal-miżuri huma rġiel u 29,9 % huma nisa; billi l-maġġoranza assoluta (96,79%) tal-ħaddiema għandhom bejn 30 u 54 sena, u 3,3 % għandhom bejn 55 u 64 sena;

Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Taljana:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 huma sodisfatti u li għalhekk, l-Italja għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.  Josserva li inqas minn 15 % tat-totalità tal-benefiċjarji eleġibbli huma fil-mira tal-miżuri inklużi fl-applikazzjoni;

3.  Josserva li sal-lum, din hija t-tieni applikazzjoni li tirrigwarda s-settur tat-trasport bl-ajru;

4.  Japprezza li l-184 benefiċjarju kollha fil-mira mistennija jibbenefikaw mis-servizzi personalizzati;

5.  Jilqa' pożittvament il-fatt li l-aġenziji akkreditati li jfornu lill-ħaddiema appoġġ attiv għat-tiftix ta' impjieg jitħallsu fuq il-bażi tar-riżultati li jiksbu;

6.   Jilqa' favorevolment il-benefiċċji ta' reklutaġġ għall-ħaddiema li għandhom aktar minn 50 sena; iqis li l-mod li bih il-benefiċċji ta' pagament huma differenzjati se jinċentiva r-reklutaġġ tal-ħaddiema kkonċernati b'kundizzjonijiet aħjar;

7.   Jinnota li l-allowances u l-inċentivi huma limitati għall-ispejjeż ta' mobilità u għall-benefiċċji ta' reklutaġġ u se jibqgħu taħt l-ammont massimu permess ta' 35 % tal-pakkett koordinat kumplessiv tal-miżuri personalizzati, kif stabbilit fir-Regolament;

8.   Ifakkar li, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-kapaċitajiet meħtieġa, u għandu jkun kompatibbli mat-tranżizzjoni lejn ekonomija li hi effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli.

Dejjem tiegħek,

Marita ULVSKOG,

L-ewwel Viċi President

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Onor. Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

Onor. Arthuis,

Suġġett:           Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni għall-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġiet riferuta lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li huwa maħsub li se jiġi adottat rapport dwar din il-proposta fil-Kumitat għall-Baġits fit-28 ta' Settembru 2015:

-          COM(2015)0397 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG li tammonta għal EUR 1 414 848 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol bil-għan li tkun aġevolata r-reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' 1 249 ħaddiem li ngħataw is-sensja fis-settur tat-trasport bl-ajru fir-reġjun tal-Lazjo, l-Italja.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex nirrapportalek li l-maġġoranza tal-membri ta' dan il-Kumitat m'għandhom l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex l-ammont imsemmi hawn fuq jiġi allokat kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

29.9.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

7

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jonathan Arnott, Jean Arthuis, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Jan Olbrycht, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Monika Vana, Daniele Viotti, Marco Zanni, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Michał Marusik, Andrej Plenković, Nils Torvalds, Anders Primdahl Vistisen

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

             Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni ta' l-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

(5)

             Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġiċi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).

(6)

              Il-Cassa Integrazione Guadagno (CIG) hija benefiċċju maħsub biex jiżgura ċertu livell ta' dħul lill-ħaddiema li ma jkunux tħallew jwettqu l-kompiti tagħhom. Il-CIG tiġi attivata fil-każ tat-tnaqqis ta' attivitajiet ta' produzzjoni jew it-twaqqif tagħhom, minħabba ristrutturar, riorganizzazzjoni ta' impriża, kriżi korporattiva jew proċeduri ta' likwidazzjoni li għandhom konsegwenzi serji fuq is-suq tax-xogħol fil-livell lokali. Il-CIG hija għodda li tipprevjeni lill-ħaddiema milli jingħataw is-sensja billi tħalli lill-impriżi jaħarbu mill-kost lavorattiv temporanjament mhux meħtieġ, filwaqt li jistennew li jissoktaw l-attivitajiet tal-produzzjoni normali. Madankollu, il-CIG ħafna drabi hija preludju għall-mobilità.

(7)

              EGF/2013/014 FR Air France (COM(2014) 701 final).

(8)

              ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(9)

              ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(10)

            Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(11)

            Alitalia Compagnia Aerea Italiana S.p.A. u Air One S.p.A. (CAI First S.p.A., CAI Second S.p.A. u Alitalia Loyalty).

(12)

*              Id-data tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.

(13)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(14)

ĠU L 347, 30.12.2013, p. 855.

(15)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

Avviż legali