Proċedura : 2015/2112(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0275/2015

Testi mressqa :

A8-0275/2015

Dibattiti :

PV 14/10/2015 - 14
CRE 14/10/2015 - 14

Votazzjonijiet :

PV 14/10/2015 - 15.8
CRE 14/10/2015 - 15.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0359

RAPPORT     
PDF 992kWORD 335k
30.9.2015
PE 557.269v03-00 A8-0275/2015

Lejn ftehim internazzjonali ġdid dwar il-klima f'Pariġi

(2015/2112(INI))

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Rapporteur: Gilles Pargneaux

(*)  Kumitati Assoċjati – l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Lejn ftehim internazzjonali ġdid dwar il-klima f'Pariġi

(2015/2112(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto tagħha,

– wara li kkunsidra l-15-il Konferenza tal-Partijiet (COP 15) tal-UNFCCC u l-ħames Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP5) li saru f'Kopenħagen, id-Danimarka, mis-7 sat-18 ta' Diċembru 2009, u l-Qbil ta' Kopenħagen,

– wara li kkunsidra s-16-il Konferenza tal-Partijiet (COP 16) tal-UNFCCC u s-sitt Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Kjoto (CMP6) li saru f'Cancún, il-Messiku, mid-29 ta' Novembru sal-10 ta' Diċembru 2010, u l-Ftehimiet ta' Cancún,

– wara li kkunsidra s-17-il Konferenza tal-Partijiet (COP 17) tal-UNFCCC u s-seba' Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Kjoto (CMP7) li saru f'Durban, l-Afrika t'Isfel, mit-28 ta' Novembru sad-9 ta' Diċembru 2011 u, b'mod partikolari, id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-Pjattaforma ta' Durban għal Azzjoni Msaħħa,

– wara li kkunsidra t-18-il Konferenza tal-Partijiet (COP 18) tal-UNFCCC u t-tmien Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Kjoto (CMP8) li saru f'Doha, il-Qatar, mis-26 ta' Novembru sat-8 ta' Diċembru 2012, u l-adozzjoni tal-Portal ta' Doha dwar il-Klima,

– wara li kkunsidra d-19-il Konferenza tal-Partijiet (COP 19) tal-UNFCCC u d-disa' Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP9) li saru f'Varsavja, il-Polonja, mill-11 sat-23 ta' Novembru 2013 u l-istabbiliment tal-Mekkaniżmu Internazzjoanli ta' Varsavja għal Telf u Ħsara,

– wara li kkunsidra l-20 Konferenza tal-Partijiet (COP 20) tal-UNFCCC u l-għaxar Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP10) li saru f'Lima, il-Perù, mill-1 sat-12 ta' Diċembru 2014, u l-appell ta' Lima għal azzjoni dwar il-klima,

– wara li kkunsidra l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) tal-UNFCCC u l-11-il Konferenza tal-Partijiet li se sservi bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP11) li se jsiru f'Pariġi, Franza, mit-30 sal-11 ta' Diċembru 2015,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2009 dwar l-istrateġija tal-UE għall-Konferenza ta' Kopenħagen dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 15)(1), tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-eżitu tal-COP 15(2), tal-25 ta' Novembru 2010 dwar il-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f'Cancún (COP 16)(3), tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima f'Durban (COP 17)(4), tat-22 ta' Novembru 2012 dwar il-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima f'Doha, il-Qatar (COP 18)(5), tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f'Varsavja, il-Polonja (COP 19)(6), u tas-26 ta' Novembru 2014 dwar it-Tibdil fil-Klima f'Lima, Perù (COP 20)(7),

–    wara li kkunsidra l-pakkett tal-UE dwar il-klima u l-enerġija ta' Diċembru 2008,

–    wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-27 ta' Marzu 2013 bit-titolu "Qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030" (COM(2013)0169),

–    wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità(8),

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-4 ta' Frar 2009 bit-titolu "l-2050: Il-ġejjieni jibda llum - Rakkomandazzjonijiet għal politika tal-UE integrata fil-ġejjieni dwar il-bidla fil-klima"(9), tal-15 ta' Marzu 2012 dwar Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050(10) u tal-5 ta' Frar 2014 dwar qafas għall-politika tal-klima u tal-enerġija sal-2030(11),

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-25 ta' Frar 2015, bħala parti mill-pakkett tal-Unjoni tal-Enerġija, bit-titolu "Pjan ta' azzjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima globali wara l-2020" (COM(2015)0081),

–    wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima ta’ April 2013 u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jmur magħha,

–    wara li kkunsidra r-Rapport ta' Sinteżi tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) ta' Novembru 2014 bit-titolu "The Emissions Gap Report 2014" u l-"Adaptation Gap Report 2014" tal-UNEP;

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja adottata fis-Summit tal-G7 fix-Schloss Elmau, il-Ġermanja, mis-7 sat-8 ta' Ġunju 2015 bit-titolu "Think ahead. Act together", li fih tennew l-intenzjoni tagħhom li jżommu mal-impenn li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b'40 % sa 70 % sal-2050 meta mqabbel mal-2010, u dan hu neċessarju biex jiġi żgurat li t-tnaqqis ikun eqreb lejn is-70 % milli l-40 %;

–    wara li kkunsidra r-rapporti tal-Bank Dinji intitolati "Turn Down the Heat: Why a 4 °C Warmer World Must be Avoided", "Turn Down the Heat: Climate Extremes, Regional Impacts, and the Case for Resilience" u "Climate Smart Development: Adding up the Benefits of Climate Action",

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Globali dwar l-Ekonomija u l-Klima bit-titolu "Better Growth, Better Climate: The New Climate Economy Report",

–    wara li kkunsidra l-enċiklika "Laudato Si'";

–    wara li kkunsidra l-ħames Rapport ta' Valutazzjoni (AR5) tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) u r-Rapport ta' Sinteżi tiegħu,

–    wara li kkunsidra t-tressiq fis-6 ta' Marzu 2015 mil-Latvja u l-Kummissjoni Ewropea lill-UNFCCC tal-Kontributi Maħsubin Determinati fil-Livell Nazzjonali (INDCs) tal-UE u l-Istati Membri tagħha,

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' New York dwar il-Foresti fis-Summit dwar il-Klima tan-NU f'Settembru 2014;

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Nindirizzaw l-isfidi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità",

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u tal-24 ta' Ottubru 2014,

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0275/2015),

A.  billi t-tibdil fil-klima jirrappreżenta theddida globali urġenti u potenzjalment irreversibbli għas-soċjetajiet umani u għall-bijosfera u għalhekk irid jiġi indirizzat fil-livell internazzjonali mill-Partijiet kollha;

B.   billi skont il-provi xjentifiċi ppreżentati fl-AR5 tal-IPCC tal-2014, it-tisħin tas-sistema klimatika huwa inekwivokabbli; it-tibdil fil-klima qiegħed tabilħaqq iseħħ u l-attivitajiet tal-bniedem huma l-kaġun dominanti tat-tisħin li ġie osservat sa minn nofs is-seklu XX; l-impatti mifruxa u sostanzjali tat-tibdil fil-klima huma diġà evidenti fis-sistemi naturali u umani fil-kontinenti u fl-oċeani kollha;

C.  billi l-UE naqset l-emissjonijiet tagħha bi 19 % bejn l-1990 u l-2013 fi ħdan l-ambitu tal-Protokoll ta' Kjoto, filwaqt li l-PDG tagħha żdied b'aktar minn 45 %; billi l-emissjonijiet globali żdiedu b'aktar minn 50 % bejn l-1990 u l-2013;

D.  billi, skont l-aħħar riżultati tal-Amministrazzjoni Nazzjonali għall-Atmosfera u l-Oċeani (NOAA), għall-ewwel darba minn meta bdiet titkejjel, il-konċentrazzjoni medja globali ta' kull xahar tad-diossidu tal-karbonju fl-atmosfera qabżet l-400 parti għal kull miljun f'Marzu 2015;

E.   billi l-"Adaptation Gap Report 2014" tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) jenfasizza l-kostijiet enormi tan-nuqqas ta' azzjoni u jikkonkludi li hemm probabilità li l-kost ta' adattament għat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikun darbtejn jew tliet darbiet aktar l-istimi ta' qabel ta' USD 70-100 biljun kull sena sal-2050, li jwassal għal differenza sinifikanti fil-finanzjament ta' adattament wara l-2020 sakemm ikunu disponibbli finanzi ġodda u addizzjonali għall-adattament;

F.   billi l-isfida tal-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija inseparabbli mill-isfidi usa' ta' finanzjament għall-iżvilupp sostenibbli globali;

G.  billi t-tibdil fil-klima jista' jtejjeb il-kompetizzjoni għar-riżorsi, bħall-ikel, l-ilma, il-mergħat, u aktarx jista' jsir l-akbar mutur ta' spostamenti tal-popolazzjonijiet, kemm ġewwa kif ukoll bejn il-fruntieri nazzjonali fil-futur mhux daqshekk imbiegħed;

H.  billi fil-Konferenza dwar it-Tibidl fil-Klima ta' Doha li saret f'Diċembru 2012, il-Partijiet adottaw emenda għall-Protokoll li jistabbilixxi t-tieni perjodu ta' impenn skont il-Protokoll ta' Kjoto li jibda fl-1 ta' Jannar 2013 u jispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2020, b'impenji ġuridikament vinkolanti dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet, l-inklużjoni ta' gass ġdid (trifluworur tan-nitroġenu), "mekkaniżmu ta' ambizzjoni" li jipprovdi proċedura semplifikata li tippermetti lil Parti tadegwa l-impenn tagħha billi żżid l-ambizzjoni tagħha matul il-perjodu ta' impenn u finalment, dispożizzjoni li tadegwa awtomatikament l-objettiv ta' Parti biex tipprevjeni żieda fl-emissjonijiet tagħha għall-perjodu 2013 sa 2020 lil hinn mill-emissjonijiet medji tagħha għas-snin 2008 sa 2010;

I.    billi fil-COP 18 (Deċiżjoni 23/CP.18) il-Partijiet tal-UNFCCC iddeċidew li jadottaw għan ta' bilanċ bejn is-sessi fil-korpi stabbiliti skont il-Konvenzjoni u l-Protokoll ta' Kjoto, sabiex tittejjeb il-parteċipazzjoni tan-nisa u jinfurmaw politika aktar effikaċi dwar it-tibdil fil-klima li tindirizza l-bżonnijiet tan-nisa u l-irġiel bl-istess mod u li jirreġistraw il-progress li jsir fit-triq lejn l-għan ta' bilanċ bejn is-sessi sabiex tkun avvanzata l-politika dwar il-klima sensittiva għas-sessi;

J.    billi l-isforzi li jittaffa t-tisħin globali m'għandhomx jitqiesu bħala ostakolu għall-kisba tat-tkabbir ekonomiku, iżda, għall-kuntrarju, għandhom jitqiesu bħala forza ewlenija fit-twettiq tat-tkabbir ekonomiku u l-impjieg ġodda u sostenibbli;

K.  billi l-UE s'issa żvolġiet rwol ewlieni fl-isforzi biex jittaffa t-tisħin globali u għandha tkompli tagħmel dan fit-tħejjijiet ta' ftehim internazzjonali ġdid dwar il-klima f'Pariġi fl-aħħar tal-2015;

Urġenza biex tittieħed azzjoni fil-livell globali

1.   Jirrikonoxxi l-iskala straordinarja u l-gravità tat-theddid ikkawżat mit-tibdil fil-klima, u huwa estremament imħasseb dwar il-fatt li d-dinja għadha 'l bogħod milli twettaq l-għan li tillimita t-tisħin globali għal taħt iż-2 °C 'il fuq mil-livelli preindustrijali; jistieden lill-gvernijiet jieħdu, mingħajr dewmien, miżuri vinkolanti u konkreti kontra t-tibdil fil-klima u favur ftehim globali ambizzjuż u ġuridikament vinkolanti f'Pariġi fl-2015 sabiex jilħqu din l-objettiv; jilqa' pożittivament għalhekk l-enċiklika "Laudato Si'";

2.   Jinnota li, bi qbil mal-konklużjonijiet tal-AR5 tal-IPCC, il-baġit globali tal-karbonju disponibbli wara l-2011, bil-possibilità li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm taħt iż-2 °C 'il fuq mil-livelli preindustrijali, huwa ta' 1010 ġigatunnellati ta' CO2; jenfasizza li l-pajjiżi kollha jeħtieġ li jikkontribwixxu u li jekk idumu biex jieħdu azzjoni se jiżdiedu l-ispejjeż u jitnaqqsu l-alternattivi; jenfasizza l-konklużjonijiet tar-rapport "New Climate Economy" "Better Growth, Better Climate" skont liema l-pajjiżi fil-livelli kollha ta' introjtu għandhom l-opportunità li jibnu tkabbir ekonomiku dejjiemi fl-istess ħin li jnaqqsu r-riskji enormi tat-tibdil fil-klima; jirrakkomanda li l-ftehimiet u l-konvenzjonijiet għandhom jimmiraw lejn l-involviment tal-pajjiżi tal-adeżjoni mal-UE fil-programmi dwar il-klima tal-UE;

3.   Ifakkar li l-limitazzjoni taż-żieda tat-temperatura globali għal medja ta' 2 °C ma tiggarantixxix li se jiġu evitati l-impatti klimatiċi negattivi sinifikanti; jistieden lill-Konferenza tal-Partijiet tivvaluta l-possibilità li tiġi limitata ż-żieda tat-temperatura globali għal medja ta' 1,5 °C;

4.   Jinnota l-konklużjonijiet tal-Ħames Rapport ta' Valutazzjoni tal-IPCC jikkonkludu li anki l-waqfien totali tal-emissjonijiet tal-karbonju mill-pajjiżi industrijalizzati ma jiżgurax il-kisba tal-objettiv anqas minn 2 °C mingħajr impenji ġodda sinifikanti min-naħa tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

5.   Iqis essenzjali li l-pajjiżi kollha li jippreżentaw l-INDCs tagħhom mill-aktar fis, sabiex jinħolqu konsegwenzi sostanzjali u jintwera li l-pajjiżi kollha qegħdin jimxu fl-istess direzzjoni, skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom; iqis li dawn l-INDCs jistgħu jinkludu wkoll azzjonijiet ta' adattament billi dawn huma prijorità għal ħafna pajjiżi;

6.   Jirrikonoxxi l-importanza fundamentali ta' sistema klimatika stabbli għas-sigurtà tal-ikel, għall-produzzjoni tal-enerġija, għall-ilma u s-sanità, għall-infrastruttura, għall-konservazzjoni tal-bijodiversità u tal-ekosistemi terrestri u tal-baħar, u għall-paċi u l-prosperità fuq livell globali; ifakkar li t-tibdil fil-klima jaċċelera t-telf tal-bijodiversità;

7.   Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-G7 għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija globali matul il-kors ta' dan is-seklu u għat-trasformazzjoni tas-settur enerġetiku sal-2050; ifakkar madankollu li d-dekarbonizzazzjoni hija meħtieġa ħafna f'fażi inizjali sabiex tkun konformi mal-konstatazzjonijiet xjentifiċi u jkollha probabbiltajiet akbar li tibqa' anqas minn 2 °C; jistieden lill-Partijiet f'pożizzjoni li jagħmlu hekk jaħdmu għall-implimentazzjoni ta' objettivi u strateġiji nazzjonali ta' dekarbonizzazzjoni permezz tal-prijoritizzazzjoni tat-eliminazzjoni gradwali tal-emissjonijiet mill-faħam li huwa l-aktar sors ta' enerġija li jniġġes;

8.   Jindika li l-pajjiżi li m'għandhomx il-kapaċitajiet neċessarji sabiex jelaboraw il-kontributi nazzjonali tagħhom jistgħu jibbenefikaw minn mekkaniżmi ta' appoġġ bħall-Fond għall-Ambjent Dinji, il-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima, kif ukoll minn appoġġ Ewropew;

Ftehim ambizzjuż, globali u ġuridikament vinkolanti

9.   Jenfasizza li l-Protokoll tal-2015 irid ikun ġuridikament vinkolanti u ambizzjuż sa minn meta jiġi adottat f'Pariġi, u għandu jimmira lejn l-eliminazzjoni gradwali, sal-2050 jew sa ftit żmien wara tali sena, tal-emissjonijiet globali tal-karbonju, sabiex id-dinja tinżamm fuq perkors kosteffettiv għat-tnaqqis ta' emissjonijiet kompatibbli mal-objettiv ta' "anqas minn 2 °C" u li tintlaħaq il-quċċata globali ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra malajr kemm jista' jkun; jistieden lill-UE taħdem mas-sħab internazzjonali tagħha għal dan l-għan u turi eżempji ta' prattika tajba; jenfasizza li l-ftehim irid joffri qafas prevedibbli li jinkoraġġixxi l-investimenti u tnaqqis effiċjenti tal-karbonju u l-adozzjoni ta' teknoloġiji ta' adattament min-naħa tal-impriżi;

10. Iwissi kontra perkors ta' tnaqqis tal-emissjonijiet globali li jippermetti emissjonijiet tal-karbonju sinifikanti fl-2050 u lil hinn, peress li dan iġib miegħu riskji kbar u li jobbliga dipendenza minn teknoloġiji għaljin, mhux sperimentati u b'intensità enerġetika għolja biex jitneħħa mill-atmosfera u jinħażen is-CO2; skont il-livell tal-eċċess ta' emissjonijiet, il-kapaċità ta' dawn it-tendenzi biex iżommu t-tibdil fil-klima taħt iż-2 °C se jiddependi mid-disponibilità u mill-firxa wiesgħa tal-bijomassa għall-użu enerġetiku bil-qbid u l-ħżin tal-karbonju (BECCS) u afforestazzjoni mingħajr disponibilità plawżibbli tal-art, kif ukoll l-użu ta' teknoloġiji oħrajn għat-tneħħija tad-diossidu tal-karbonju (CDR) li għadhom mhux magħrufa u li għad iridu jiġu żviluppati;

11. Jemmen li ftehim internazzjonali ambizzjuż u ġuridikament vinkolanti jgħin biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar ir-rilokalizzazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u dwar il-kompetittività tas-setturi rilevanti u, b'mod partikolari s-setturi b'intensità enerġetika għolja;

12. Iqis li f'każ ta' diskrepanza bejn il-livell ta' ambizzjoni tal-effett aggregat tal-INDCs ippreżentati qabel Pariġi u l-livell meħtieġ ta' tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra, meħtieġ biex it-temperaturi jibqgħu taħt iż-2 °C 'il fuq mil-livelli preindustrijali, se jkun meħtieġ li jiġi elaborat programm ta' ħidma li jibda fl-2016 bil-għan li jiffissa l-miżuri addizzjonali tat-tnaqqis; jitlob li jsir proċess ta' rieżami komprensiv, li se jitwettaq kull ħames snin, u li se jiżgura id-dinamiżmu tal-mekkaniżmu implimentat u se jgħolli l-livell ta' ambizzjoni tal-impenji ta' tnaqqis skont id-data xjentifika l-aktar reċenti; jistieden lill-Partijiet jappoġġaw l-perjodi ta' impenn ta' ħames snin bħala l-aktar għażla xierqa sabiex jevitaw li jintrabtu f'livell baxx ta' ambizzjoni, iżidu r-responsabilità politika u jippermettu r-rieżami tal-objettivi biex jaqbel mal-adegwatezza xjentifika jew mal-progess tekniku ġdid li jista' jippermetti livell ogħla ta' ambizzjoni;

13. Jitlob tiġdid ġenerali tal-politika tal-UE dwar il-klima li jgħin biex tingħata spinta lid-diskussjonijiet internazzjonali dwar il-klima u jkun konformi mal-limitu massimu tal-impenn min-naħa tal-UE li tnaqqas, sal-2050, l-emissjonijiet tagħha ta' gassijiet serra bi 80-95 % taħt il-livelli tal-1990; josserva l-objettiv vinkolanti tal-UE ta' tnaqqis sal-2030 tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra b'almenu 40 % meta mqabbel mal-livelli tal-1990; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw impenji komplementari li jibnu fuq l-objettiv maqbul tal-2030, inkluża l-azzjoni barra mill-UE, bil-għan li d-dinja tkun tista' tilħaq l-objettiv ta' "inqas minn 2 °C";

14. Ifakkar ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2014 li tindika tliet objettivi vinkolanti: objettiv ta' 40 % għall-effiċjenza enerġetika, objettiv ta' mill-inqas 30 % għas-sorsi rinnovabbli u objettiv ta' tnaqqis ta' gassijiet b'effett ta' sera ta' mill-inqas 40 %, u jerġa' jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jadottaw u jimplimentaw, bħala parti mill-qafas 2030 tal-UE għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija, approċċ multidimensjonali bbażat fuq it-tisħiħ reċiproku, objettivi koordinati u koerenti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, l-espansjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u effiċjenza enerġetika; josserva li l-objettivi għall-effiċjenza enerġetika u għall-enerġiji rinnovabbli kif invokati mill-Parlament jafu jwasslu għal tnaqqis konsiderevolment ogħla minn 40 % sal-2030 tal-gassijiet b'effett ta' serra;

15. Jissottolinja l-ħtieġa ta' reġim ta' konformità effikaċi li japplika għall-Partijiet kollha fil-qafas tal-Ftehim tal-2015; jenfasizza li l-ftehim tal-2015 irid jippromwovi t-trasparenza u r-responsabilità permezz ta' reġim ibbażat fuq regoli komuni li jinkludi regoli ta' kontabilizzazzjoni u arranġamenti ta' monitoraġġ, rappurtar u verifika; iqis li l-evoluzzjoni tas-sistema ta' trasparenza u responsabilità għandha ssir fil-qafas ta' approċċ progressiv ta' konverġenza;

16. Jisħaq fuq l-importanza li d-drittijiet tal-bniedem jinżammu fil-qalba tal-azzjoni dwar il-klima, u jinsisti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li l-Ftehim ta' Pariġi jkun fih id-dispożizzjonijiet neċessarji biex tiġi ttrattata d-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem tat-tibdil fil-klima u joffri sostenn għall-pajjiżi l-aktar fqar li l-kapaċitajiet tagħhom huma limitati mill-impatti tat-tibdil fil-klima; jinsisti, f'dan il-kuntest, fuq ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-komunitajiet lokali u tal-popli indiġeni partikolarment dawk vulnerabbli għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima;

Ambizzjoni ta' qabel l-2020 u l-Protokoll ta' Kjoto

17. Jisħaq b'mod partikolari fuq il-ħtieġa urġenti għal progress biex jitħassar il-"gigatonne gap" li hemm bejn l-analiżi xjentifika u l-impenji attwali tal-Partijiet għall-perjodu sal-2020; jenfasizza r-rwol importanti ta' miżuri politiċi oħrajn, li lilhom ta' min jiġi ddedikat sforz kollettiv, inklużi l-effiċjenza enerġetika, l-iffrankar sostanzjali tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, l-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-eliminazzjoni gradwali tal-idrofluworokarburi (HFCs), produzzjoni u konsum sostenibbli, l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili inkluż il-finanzjament tal-esportazzjoni għat-teknoloġija tal-impjant tal-faħam u t-tisħiħ tar-rwol ta' pprezzar mifrux tal-karbonju, biex jikkontribwixxu għall-għeluq tal-"gigatonne gap";

18. Josserva li l-UE qiegħda issa fit-triq it-tajba biex tilħaq l-objettivi fissati fl-2020 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u għall-enerġiji rinnovabbli u li sar titjib sinifikanti f'dak li għandu x'jaqsam mal-intensità enerġetika grazzi għal binjiet, prodotti, proċessi industrijali u vetturi aktar effiċjenti, filwaqt li l-ekonomija Ewropea kibret b'45 % mill-1990; jenfasizza li l-objettivi 20/20/20 għall-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, għall-enerġiji rinnovabbli u għall-iffrankar tal-enerġija żvolġew rwol fundamentali biex dan il-progress jingħata spinta u biex ikunu sostnuti l-impjiegi ta' aktar minn 4,2 miljun persuna f'diversi ekoindustriji(12), bi tkabbir kontinwu matul il-kriżi ekonomika;19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippreżentaw lill-UNFCCC l-aħħar projezzjonijiet tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-UE għall-perjodu sal-2020 u jħabbru li l-UE se taqbeż l-objettiv tagħha ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-2020 mill-anqas b'2 ġigatunnellati;

20. Jiċċara li, għalkemm it-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto se jkun limitat fil-kobor tiegħu, għandu jitqies bħala pass intermedju importanti ħafna, u għalhekk jistieden lill-Partijiet, inklużi l-Istati Membri tal-UE, ilestu l-proċess ta' ratifika malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ qabel Diċembru 2015; josserva li l-Parlament lesta l-parti tiegħu billi ta l-approvazzjoni tiegħu, u li l-inklużjoni tas-soċjetà ċivili u tat-trasparenza hija neċessarja biex in-negozjati jkunu jistgħu jinftiehmu u biex tinbena l-fiduċja fost il-Partijiet qabel il-Konferenza ta' Pariġi;

Aġenda tas-soluzzjonijiet

21. Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jaħdmu mal-atturi kollha tas-soċjetà ċivili (l-istituzzjonijiet, is-settur privat, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-komunitajiet lokali) sabiex jiżviluppaw inizjattivi ta' tnaqqis f'setturi ewlenin (enerġija, teknoloġiji, bliet, trasport, eċċ.), kif ukoll inizjattivi dwar l-adattament u r-reżiljenza sabiex jirreaġixxu għall-problemi ta' adattament, partikolarment rigward l-aċċess għall-ilma, għall-ikel, għas-sigurtà u għall-prevenzjoni tar-riskji; jistieden lill-gvernijiet kollha u lill-atturi kollha tas-soċjetà ċivili jappoġġaw u jsaħħu din l-aġenda tal-azzjoni;

22. Jenfasizza li firxa dejjem usa' ta' atturi mhux statali qed jieħdu azzjoni biex jeliminaw il-karbonju u jsiru aktar adattabbli għat-tibdil fil-klima; jenfasizza għaldaqstant l-importanza ta' djalogu strutturat u kostruttiv bejn il-gvernijiet, il-komunità tan-negozju, l-ibliet, ir-reġjuni, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet akkademiċi sabiex tiġi mobilizzata azzjoni globali b'saħħitha lejn emissjonijiet baxxi ta' karbonju u soċjetajiet reżiljenti; jenfasizza r-rwol tagħhom fil-ħolqien ta' momentum qabel Pariġi u għall-"Aġenda ta' Azzjoni Lima-Pariġi"; jindika, f'dan ir-rigward, li l-Pjan ta' Azzjoni ta' Lima-Pariġi jħeġġeġ lil dawk li qegħdin jorganizzaw inizjattivi biex iħaffu xogħlijiethom u jieħdu sehem fil-Konferenza ta' Pariġi biex iressqu l-ewwel riżultati tagħhom;

23. Iħeġġeġ l-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi li se jinkoraġġixxu din id-dinamika ta' soluzzjonijiet, bħall-attribuzzjoni ta' tikketti ta' kwalità lill-proġetti innovattivi tas-soċjetà ċivili;

24. Jinnota li l-bijoekonomija għandha l-potenzjal li tikkontribwixxi sostanzjalment għar-reindustrijalizzazzjoni u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda fl-UE u fil-bqija tad-dinja;

25. Jenfasizza li l-isforzi sabiex tinħoloq ekonomija ċirkolari jistgħu jiżvolġu parti notevoli fil-kisba tal-objettivi, billi jiskoraġġixxu l-ħela tal-ikel u jirriċiklaw il-materja prima;

26. Ifakkar lill-Partijiet u lin-Nazzjonijiet Uniti stess li l-azzjoni individwali hija importanti daqs l-azzjoni tal-gvernijiet u l-istituzzjonijiet; jappella għaldaqstant għal sforzi f'kampanji u f'azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni u ta' informazzjoni tal-opinjoni pubblika dwar il-ġesti żgħar u kbar li jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-pajjiżi żviluppati u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

27. Jistieden ukoll lill-impriżi jaċċettaw u jeżerċitaw b'mod attiv ir-responsabbiltajiet tagħhom u jappoġġaw b'mod attiv il-ftehim dwar il-klima, anki minn qabel;

Sforz komprensiv fis-setturi kollha

28. Jilqa' pożittivament l-iżvilupp globali ta' skema għan-negozjar ta' emissjonijiet, inklużi 17-il skema għan-negozjar ta' emissjonijiet operanti fl-erba' kontinenti, li jammontaw għal 40 % tal-PDG globali u jgħinu biex jonqsu l-emissjonijiet globali b'manjiera kosteffettiva; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tippromwovi rabtiet bejn l-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet u skemi analogi oħrajn bil-għan li jinħolqu mekkaniżmi internazzjonali tas-suq tal-karbonju biex tiżdied l-ambizzjoni fil-qasam tal-klima u kontemporanjament jgħinu biex jonqos ir-riskju tar-rilokalizzazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju bis-saħħa tal-introduzzjoni ta' kundizzjonijiet ta' parità; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi salvagwardji biex jiġi żgurat li l-irbit tal-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet ma' skemi oħrajn ma jikkompromettix l-objettivi tal-UE dwar il-klima u l-importanza tal-iskema tagħha; jappella biex ikunu elaborati regoli biex tali salvagwardji jiġu stabbiliti, inklużi regoli għall-kontabilizzazzjoni u li jiżguraw li s-swieq internazzjonali u r-rabtiet bejn is-swieq nazzjonali tal-karbonju jipproduċu kontributi ta' mitigazzjoni permamenti u ma jimminawx l-objettivi nazzjonali ta' tnaqqis fl-UE;

29. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-istabilità fit-tul tal-prezzijiet għall-kwoti tal-emissjonijiet, kif ukoll ambjent regolatorju prevedibbli li jidderieġi l-investimenti lejn miżuri maħsuba biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra u jippromwovi t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju;

30. Jitlob li jintlaħaq ftehim li jkopri s-setturi u l-emissjonijiet b'mod komprensiv u li jistabbilixxi objettivi assoluti fl-ekonomija kollha, flimkien mal-baġits tal-emissjonijiet li għandhom jiżguraw l-ogħla livell possibbli ta' ambizzjoni; jenfasizza li, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-IPCC, l-użu tal-art (użu agrikolu, għat-trobbija tal-bhejjem, għall-foresti u ieħor) għandu potenzjal kosteffettiv sinifikanti għall-mitigazzjoni u għat-tisħiħ tar-reżiljenza, u li l-kooperazzjoni internazzjonali teħtieġ li tissaħħaħ biex tottimizza l-potenzjal tal-qbid tal-karbonju tal-foresti u tal-artijiet mistagħdra; jenfasizza li l-ftehim għandu jistabbilixxi qafas ta' kontabilizzazzjoni komprensiv għall-emissjonijiet u t-tneħħija mill-art (LULUCF); jissottolinja partikolarment li l-azzjonijiet ta' mitigazzjoni u ta' adattament fl-allokazzjoni tal-artijiet iridu jagħmlu minn kollox biex isegwu objettivi komuni u ma jagħmlux ħsara lill-objettivi l-oħra fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli;

31. Josserva li d-deforestazzjoni u d-degrad forestali huma responsabbli mill-20 % tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra, u jenfasizza r-rwol tal-foresti fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet adattivi u r-reżistenza tal-foresti għat-tibdil fil-klima; jistieden lill-UE ssegwi l-objettiv tagħha li twaqqaf it-telf globali tal-foresti sal-2030 u mill-anqas tnaqqas bin-nofs id-deforestazzjoni tropikali sal-2020, meta mqabbla mal-livelli tal-2008; jenfasizza li l-ksib ta' dawn l-impenji flimkien mat-tibdil għal li kienu ta' 350 miljun ettaru ta' foresti kif mitlub fid-Dikjarazzjoni ta' New York dwar il-Foresti, jistgħu aktarx inaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 b'4,5-8,8 biljun tunnellata fis-sena sal-2030; jenfasizza li mingħajr sforzi sinifikanti ta' mitigazzjoni ġodda ffukati fuq is-settur tal-foresti tropikali (REDD+) il-ksib tal-objettiv "inqas minn 2 °C" x'aktarx huwa impossibbli; jistieden barra minn hekk lill-UE ssaħħaħ il-finanzjament internazzjonali għat-tnaqqis tad-deforestazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

32. Josserva l-effikaċja tal-mekkaniżmu REDD+ eżistenti għall-mitigazzjoni u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jinkluduh fl-eventwali sforzi ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; jistieden lill-Istati Membri jidħlu fi sħubijiet volontarji ta' mitigazzjoni internazzjonali mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw partikolarment milquta minn din id-deforestazzjoni tropikali, bil-għan li tingħata assistenza finanzjarja jew teknika biex titwaqqaf id-deforestazzjoni permezz tal-politiki sostenibbli dwar l-użu tal-art jew ir-riformi ta' governanza; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tipproponi miżuri b'saħħithom biex jitwaqqfu l-importazzjonijiet fl-UE ta' oġġetti derivati mid-deforestazzjoni illegali; jissottolinja r-rwol tal-impriżi fl-eliminazzjoni tad-domanda tal-prodotti bażiċi li jirriżultaw mid-deforestazzjoni illegali;

33. Ifakkar li t-trasport huwa t-tieni l-aktar settur li jarmi emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, u jinsisti fuq il-bżonn li titqiegħed fis-seħħ firxa ta' politiki li timmira lejn t-tnaqqis tal-emissjonijiet minn dan is-settur; itenni l-ħtieġa li l-Partijiet tal-UNFCCC jaġixxu biex jirregolaw u jaqbdu b'mod effikaċi l-emissjonijiet min-naħa tal-avjazzjoni u tat-tbaħħir internazzjonali, f'konformità mal-adegwatezza u mal-urġenza meħtieġa; jitlob lill-Partijiet kollha jaħdmu permezz tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) u tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) biex jiżviluppaw qafas ta' politika globali biex jippermettu reazzjoni effikaċi, u biex jieħdu miżuri biex jilħqu l-objettivi adegwati qabel tmiem l-2016 biex jinkiseb it-tnaqqis neċessarju fid-dawl tal-objettiv taż-2 °C;

34. Jistieden lill-Kummissjoni toffri l-appoġġ u l-għarfien espert tagħha lill-Konferenza COP21 biex jistabbilixxu l-kontributi nazzjonali tagħhom, filwaqt li tissensibilizza dwar ir-rwol tas-settur tat-trasport fl-adozzjoni ta' strateġiji komprensivi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra;

35. Jirrimarka li kemm għal żmien qasir kif ukoll fit-tul, huma meħtieġa strateġiji ta' mitigazzjoni tat-trasport biex jinkisbu l-ambizzjonijiet ta' tnaqqis tal-emissjonijiet b'effett ta' serra;

36. jenfasizza l-importanza li jittieħed kont tas-sitwazzjoni speċifika tal-gżejjer u tar-reġjuni ultraperiferiċi, sabiex jiġi żgurat li r-rendiment ambjentali ma jolqotx il-mobilità u l-aċċessibilità f'dawn ir-reġjuni b'mod partikolari;

37. Jemmen li mingħajr enfasi akbar fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet mis-settur tat-trasport, l-objettivi globali tal-klima se jkun impossibbli li jintlaħqu, peress li t-trasport huwa l-uniku settur li fih l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra komplew jiżdiedu (bi 30 % f'dawn l-aħħar 25 sena); jenfasizza li dan jista' jinkiseb biss bis-saħħa ta' objettivi vinkolanti għat-tnaqqis tal-gassijiet serra, flimkien mal-integrazzjoni sħiħa tas-sorsi rinnovabbli fis-suq, approċċ teknoloġikament newtrali għad-dekarbonizzazzjoni, u politika tat-trasport u tal-investimenti aktar integrata bis-sħiħ li tinkorpora politiki ta' trasferiment modali flimkien ma' avvanzi teknoloġiċi kif ukoll l-evitar tat-trasport (eż. permezz ta' loġistika sostenibbli, ippjanar urban intelliġenti u ġestjoni integrata tal-mobilità);

38. Jirrimarka li aktar minn nofs il-popolazzjoni tad-dinja issa tgħix fl-ibliet u li t-trasport urban huwa kontributur ewlieni tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mis-settur tat-trasport; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, jissensibilizzaw biex b'mod attiv dwar ir-rwol tal-mobilità urbana sostenibbli biex jiġu onorati l-impenji ta' mitigazzjoni; jenfasizza li użu u ppjanar responsabbli tal-art u soluzzjonijiet sostenibbli ta' trasport fiż-żoni urbani jikkontribwixxu b'mod effiċjenti għall-għan ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2;

39. Jenfasizza li hija meħtieġa taħlita tajba tal-enerġija fis-settur tat-trasport u din tista' tinkiseb billi jiġu promossi vetturi alternattivi li jaħdmu bil-gass naturali u bil-bijogass u l-politiki kollha mmirati lejn it-tisħiħ tal-modi sostenibbli tat-trasport, inkluża l-elettrifikazzjoni tat-trasport u l-użu ta' sistemi ta' trasport intelliġenti; Jenfasizza l-bżonn li titpoġġa enfasi fuq il-ferroviji, it-trammijiet, il-karozzi tal-linja elettrifikati, il-karozzi elettriċi u r-roti elettriċi, li jinkorporaw perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja kollu, u li wieħed jimmira għall-isfruttament sħiħ tas-sorsi enerġetiċi rinnovabbli; Jinkoraġġixxi bil-qawwa lill-awtoritajiet tat-trasport pubbliku lokali u lill-operaturi tat-trasport biex ikunu minn ta' quddiem fl-introduzzjoni ta' flotot u teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju;

40. Jenfasizza l-potenzjal enormi li jitnaqqsu l-emissjonijiet permezz ta' żieda fl-effiċjenza enerġetika u l-użu ta' enerġija nadifa; iqis li l-massimizzazzjoni tal-effiċjenza enerġetika fid-dinja kollha huwa l-ewwel pass lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet relatati mal-enerġija li jikkontribwixxi wkoll għall-isfida li jittaffa l-faqar enerġetiku;

41. Jissottolinja l-konsegwenzi negattivi serji – u sikwit irreversibbli – ta' nuqqas ta' azzjoni, filwaqt li jfakkar li t-tibdil fil-klima jaffettwa lir-reġjuni kollha tad-dinja b'modi differenti, iżda lkoll dannużi ħafna, li jirriżultaw fi flussi migratorji u mwiet kif ukoll telf mil-lat ekonomiku, ekoloġiku u soċjali; jenfasizza l-importanza tal-provi xjentifiċi bħala mutur fir-rigward ta' deċiżjonijiet politiċi fit-tul u li l-ambizzjoni għandha tkun ibbażata fuq rakkomandazzjonijiet xjentifiċi solidi; jisħaq fuq il-fatt li spinta politika u finanzjarja globali miftiehma favur l-attivitajiet ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni fil-qasam tat-teknoloġiji tal-enerġiji rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika hija fundamentali biex jinkisbu l-objettivi tal-klima u biex jiġi aġevolat it-tkabbir;

42. Jistieden lill-UE tintensifika l-isforzi tagħha biex tirregola t-tnaqqis gradwali globali tal-HFCs skont il-Protokoll ta' Montreal; ifakkar li l-UE adottat leġiżlazzjoni ambizzjuża biex telimina gradwalment l-HFCs b'79 % sal-2030 peress li l-alternattivi li jirrispettaw il-klima huma disponibbli b'mod mifrux u l-potenzjal tagħhom għandu jiġi sfruttat b'mod sħiħ; jinnota li l-eliminazzjoni gradwali tal-użu tal-HFCs tirrappreżenta objettiv faċli biex jinkiseb għall-azzjonijiet ta' mitigazzjoni ġewwa u barra l-UE u jistieden lill-UE timpenja ruħha b'mod attiv biex tiffaċilita l-azzjoni globali dwar l-HFCs;

Riċerka xjentifika, żvilupp teknoloġiku u innovazzjoni

43. Jemmen li ż-żieda fl-użu ta' teknoloġiji tal-enerġija nadifa fejn ikollhom l-akbar impatt tiddependi mill-bini u ż-żamma ta' kapaċità ta' innovazzjoni b'saħħitha kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f'dawk emerġenti;

44. Jissottolinja li l-istimolu tal-innovazzjoni fit-teknoloġiji u fil-mudelli kummerċjali jista' jixpruna kemm it-tkabbir ekonomiku kif ukoll it-tnaqqis fl-emissjonijiet; jenfasizza li t-teknoloġija mhix se tavvanza b'mod awtomatiku f'direzzjoni ta' livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, iżda teħtieġ sinjali ċari mil-lat ta' politika, inkluż it-tnaqqis tal-ostakoli regolatorji u tas-suq għal teknoloġiji u mudelli kummerċjali ġodda, u nefqa pubblika mmirata tajjeb; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp pubbliċi fis-settur tal-enerġija biex jgħinu joħolqu l-mewġa li jmiss ta' teknoloġiji effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju;

45. Jagħraf l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u jistieden lill-Partijiet jagħmlu kull sforz sabiex jappoġġaw lir-riċerkaturi u jippromwovu t-teknoloġiji ġodda li jistgħu jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi ta' tnaqqis li jistgħu jiġu stabbiliti, kif ukoll il-miżuri ta' mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima;

46. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tieħu aktar vantaġġ mill-fatt li l-programm Orizzont 2020 huwa miftuħ kompletament għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi, speċjalment fl-oqsma tal-enerġija u tat-tibdil fil-klima;

47. Iqis li l-politika spazjali tal-UE u l-investiment fiha, inkluż il-varar ta' satelliti, li jiżvolġu rwol importanti fil-monitoraġġ ta' inċidenti industrijali, deforestazzjoni, deżertifikazzjoni, eċċ., kif ukoll il-kollaborazzjoni mas-sħab f'pajjiżi terzi, jistgħu jkollhom rwol ewlieni fil-monitoraġġ u l-indirizzar tal-effetti tat-tibdil fil-klima madwar id-dinja kollha;

48. Jenfasizza li l-UE għandha żżid l-isforzi tagħha fir-rigward tat-trasferiment ta' teknoloġiji għall-benefiċċju tal-pajjiżi l-inqas żviluppati, filwaqt li tirrispetta d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali eżistenti;

49. Jitlob li r-rwoli taċ-Ċentru u Netwerk ta' Teknoloġiji għall-Klima (CTCN) u tal-Kumitat Eżekuttiv għat-Teknoloġija fil-faċilitazzjoni tal-iżvilupp teknoloġiku għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament jirċievu rikonoxximent u appoġġ sħiħ;

50. Jilqa' l-isforzi li saru favur il-kooperazzjoni bejn l-UE u d-Dipartiment tal-Enerġija tal-Istati Uniti, partikolarment f'termini ta' riċerka dwar it-teknoloġija marbuta mat-tibdil fil-klima; iqis li hemm potenzjal kbir għal aktar kooperazzjoni fir-riċerka bejn l-UE u ekonomiji kbar oħrajn; jenfasizza li r-riżultati ta' riċerka ffinanzjata minn fondi pubbliċi għandhom ikunu disponibbli liberament;

51. Jirrimarka li l-użu ta' assi spazjali għandu jiġi kkunsidrat fl-implimentazzjoni tal-miżuri mmirati lejn il-mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari permezz tal-monitoraġġ u tas-sorveljanza tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkontribwixxi b'mod attiv għal sistema ta' monitoraġġ globali ta' CO2 u CH4; Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-isforzi biex tiġi żviluppata sistema tal-UE ta' kejl tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra b'mod awtonomu u mhux dipendenti, bl-użu u l-espansjoni ta' missjonijiet tal-programm Copernicus;

Tibdil fil-klima: il-pedament tal-Ftehim ta' Pariġi

52. Iqis li l-mezzi ta' implimentazzjoni – inkluż il-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, it-trasferiment ta' teknoloġija u l-bini tal-kapaċitajiet – ser jaqdu rwol essenzjali biex jintlaħaq ftehim fil-Konferenza ta' Pariġi, u jħeġġeġ għalhekk lill-UE u lill-pajjiżi l-oħrajn iħejju "pakkett finanzjarju" kredibbli, li jkopri l-perjodi kemm qabel kif ukoll wara l-2020, sabiex jappoġġa aktar l-isforzi għat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra, il-ħarsien tal-foresti u l-adattament għall-impatti tat-tibdil fil-klima; jitlob li l-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jiġi inkluż fil-ftehim bħala element dinamiku li jirrifletti r-realtajiet ambjentali u ekonomiċi li qed jinbidlu u jappoġġa l-ambizzjoni msaħħa ta' azzjonijiet ta' kontribut ta' mitigazzjoni u ta' adattament; jistieden għaldaqstant lill-Partijiet kollha li jinsabu f'qagħda li jagħmlu hekk biex jikkontribwixxu fil-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

53. Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jaqblu dwar pjan direzzjonali biex iżidu l-finanzjamenti prevedibbli, ġodda u addizzjonali, f'konformità mal-impenji eżistenti, biex b'hekk jagħtu l-kontribut ġust lill-objettiv kumplessiv ta' USD 100 biljun kull sena sal-2020 minn sensiela ta' sorsi pubbliċi u privati u jaffrontaw l-iżbilanċ bejn ir-riżorsi ddestinati għall-mitigazzjoni u għall-adattament; jistieden lill-UE tinkoraġġixxi lill-pajjiżi kollha jagħtu l-kontribut ġust tagħhom fil-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jitlob li jkun hemm qafas ta' monitoraġġ u responsabilità b'saħħtu għal segwitu effikaċi tal-implimentazzjoni tal-impenji fil-qasam tal-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u tal-objettivi; ifakkar li, hekk kif il-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima mill-baġits għall-għajnuna jiżdied, il-baġit globali ta' għajnuna għandu jiżdied ukoll, bħala l-ewwel pass lejn addizzjonalità sħiħa;

54. Jitlob li l-impenji konkreti tal-UE u internazzjonali biex jiġu offruti sorsi addizzjonali ta' finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, inkluż id-destinazzjoni ta' xi kwoti ta' emissjonijiet tal-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet tal-UE fil-perjodu 2021-2030 u l-allokazzjoni ta' dħul mill-UE u miżuri internazzjonali dwar l-emissjonijiet mill-avjazzjoni u mit-tbaħħir għall-finanzjament internazzjonali tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-Fond Ekoloġiku għall-Klima, fost ħwejjeġ oħra, proġetti ta' innovazzjoni teknoloġika;

55. Jappella għall-ipprezzar tal-karbonju wiesa' bħala strument applikabbli globalment għall-ġestjoni tal-emissjonijiet u l-allokazzjoni ta' dħul ta' kwoti tal-emissjonijiet għal investimenti relatati mal-klima, kif ukoll id-dħul mill-ipprezzar tal-karbonju tal-karburanti tat-trasport internazzjonali; jitlob barra minn hekk għal użu parzjali tas-sussidji tal-biedja biex ikunu garantiti l-investimenti għall-produzzjoni u l-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-azjendi agrikoli; jenfasizza l-importanza tal-mobilizzazzjoni ta' kapital mis-settur privat u tal-ftuħ tal-investiment meħtieġ fit-teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju; jagħmel appell għal impenn ambizzjuż min-naħa tal-gvernijiet u tal-istituzzonijiet finanzjarji pubbliċi u privati, fosthom il-banek, il-fondi tal-pensjonijiet u ditti tal-assigurazzjoni, favur l-allinjament tal-prattiki ta' self u ta' investimenti mal-objettiv "inqas minn 2 °C" u ċ-ċessjoni mill-fjuwils fossili, inkluża l-eliminazzjoni gradwali tal-krediti għall-esportazzjoni għall-investimenti fil-qasam tal-fjuwils fossili; jappella għal garanziji pubbliċi speċifiċi favur l-investimenti ekoloġiċi, it-tikketti ta' kwalità u l-vantaġġi fiskali għall-fondi tal-investimenti ekoloġiċi u għall-ħruġ ta' bonds ekoloġiċi;

56. Iqis li s-sistema finanzjarja għandha tintegra r-riskju tal-klima fid-deċiżjonijiet fil-qasam tal-investimenti tagħha; jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri tal-UE u lill-Partijiet kollha tal-UNFCCC jużaw il-lievi kollha disponibbli sabiex iħeġġu lill-atturi finanzjarji jidderieġu l-investimenti tagħhom lejn l-iskala neċessarja għall-finanzjament ta' tranżizzjoni xierqa lejn ekonomiji reżiljenti u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju;

57  Jitlob li jittieħdu passi konkreti, inkluż kalendarju, barra mill-impenn min-naħa tal-pajjiżi tal-G-20 tal-2009, għall-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji tal-fjuwils fossili kollha sal-2020;

58. Iħeġġeġ lill-atturi l-aktar progressivi jieħdu impenji volontarji favur it-tranżizzjoni lejn l-ekonomija b'użu baxx ta' karbonju billi jippromwovu l-prattiki tajbin implimentati diġà mis-settur; jittama li din il-mobilizzazzjoni tiżdied u li l-impenji fil-futur ikunu aktar strutturati, partikolarment permezz ta' pjattaformi ta' reġistrazzjoni integrati mal-għodda tal-Konvenzjoni dwar il-Klima;

59. Jieħu nota tar-rabtiet mill-qrib bejn il-Konferenza tal-Finanzjament għall-Iżvilupp, il-Summit tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU u l-21 Konferenza tal-Partijiet tal-UNFCCC fl-2015; jirrikonoxxi li l-impatti tat-tibdil fil-klima se jimminaw b'mod serju t-tentattivi biex jinkiseb il-qafas ta' żvilupp sostenibbli ppjanat wara l-2015, u li l-qafas ġenerali finanzjament għall-iżvilupp se jeħtieġ li jiġi allinjat ma' u jkun kapaċi jappoġġa dinja b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u reżiljenti għall-klima;

60. Iħeġġeġ il-promozzjoni ta' inizjattivi privati tas-settur finanzjarju partikolarment fl-okkażjoni tal-laqgħa tal-G-20 f'Novembru 2015, iżda wkoll b'mod ġenerali fil-bosta avvenimenti speċifiċi għall-finanzjament tal-preparazzjoni tal-Konferenza ta' Pariġi fl-2015;

Ksib tar-reżiljenza għat-tibdil fil-klima bis-saħħa tal-adattament

61. Jenfasizza li l-azzjoni ta' adattament hija neċessità inevitabbli għall-pajjiżi kollha jekk iridu jimminimalizzaw l-effetti negattivi u jisfruttaw sal-massimu l-opportunitajiet tat-tkabbir u tal-iżvilupp sostenibbli reżiljenti għall-klima, u teħtieġ tiżvolġi rwol ċentrali fil-ftehim il-ġdid; jitlob li jkun hemm objettivi ta' adattament fit-tul biex jiġi stabbilit kif suppost; jenfasizza li l-azzjoni fil-preżent għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra se tiswa anqas lill-ekonomiji globali u nazzjonali, u se tnaqqas l-ispejjeż għall-azzjonijiet ta' adattament; jirrikonoxxi li l-adattament huwa neċessarju, partikolarment fil-pajjiżi li huma vulnerabbli ħafna għal dawn l-impatti, u speċjalment biex ikun żgurat li l-produzzjoni tal-ikel u l-iżvilupp ekonomiku jkunu jistgħu jipproċedu b'mod reżiljenti għall-klima; jitlob appoġġ attiv għall-elaborazzjoni ta' pjanijiet ta' adattament komprensivi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw b'kont meħuda tal-prattiki tal-atturi lokali u tal-għarfien tal-popli indiġeni;

62. Jirrikonoxxi li l-ambizzjoni ta' mitigazzjoni miksuba mill-Kontributi Maħsuba Determinati fil-livell Nazzjonali (INDCs) għandha influwenza qawwija fuq l-isforzi ta' adattament meħtieġa; jappella għal għan globali għall-adattament u l-finanzi ta' adattament fil-Ftehim ta' Pariġi flimkien mal-impenji biex jiżviluppaw approċċi ulterjuri biex jindirizzaw b'mod effikaċi t-telf u l-ħsara;

63. Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-koordinament u l-ġestjoni tar-riskju klimatiku fil-livell tal-UE u li tinħoloq strateġija ta' adattament ċara għall-UE; jitlob l-implimentazzjoni ta' strateġiji reġjonali ta' adattament;

64. Ifakkar li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari l-pajjiżi l-anqas żviluppati u l-istati gżejjer iż-żgħar li qed jiżviluppaw, huma l-anqas li kkontribwew għat-tibdil fil-klima, huma l-aktar vulnerabbli għall-effetti negattivi tiegħu u huma l-anqas kapaċi li jadattaw; jitlob li l-appoġġ għal adattament u telf u ħsara jkunu elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Pariġi, u li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jirċievu assistenza tanġibbli fit-tranżizzjoni tagħhom lejn forom ta' enerġija sostenibbli, rinnovabbli u b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju, biex b'hekk jiggarantixxu li l-ħtiġijiet tagħhom ta' adattament se jiġu sodisfatti kemm fi żmien qasir kif ukoll fit-tul; jitlob rikonoxximent serju tal-kwistjoni tar-rifuġjati minħabba l-klima u l-ambitu tagħha, li tirriżulta minn diżastri tal-klima kkawżati mit-tisħin globali;

65. Jenfasizza li dan il-ftehim għandu jkun flessibbli sabiex iqis iċ-ċirkostanzi nazzjonali, il-bżonnijiet u l-kapaċitajiet rispettivi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-ispeċifiċitajiet ta' ċerti pajjiżi, partikolarment dawk l-anqas avvanzati u l-gżejjer iż-żgħar;

66. Jistieden lill-ekonomiji żviluppati l-kbar jagħmlu użu mill-infrastruttura avvanzata eżistenti tagħhom sabiex jippromwovu, itejbu u jiżviluppaw it-tkabbir sostenibbli u jintrabtu li jappoġġaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex dawn ikunu jistgħu jibnu l-kapaċità tagħhom stess, biex jiżguraw li t-tkabbir ekonomiku futur fil-partijiet kollha tad-dinja jinkiseb mingħajr ebda impatt ulterjuri fuq l-ambjent;

67. Jenfasizza l-importanza tar-rwol li għandhom jiżvolġu l-komunità għall-iżvilupp, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u l-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp (DAK) tal-OECD f'ħidma mill-qrib mal-partijiet interessati u l-organizzazzjonijiet rilevanti biex jevalwaw u jimmitigaw l-agħar effetti tat-tibdil fil-klima fuq il-bniedem, li huma mistennija li se jirrappreżentaw sfida anki taħt il-livell ta' tisħin ta' 2 °C;

68. Jafferma li l-indirizzar effikaċi tal-kwistjoni tal-klima għandu jkun prijorità strateġika għall-UE u għal atturi oħra fix-xena internazzjonali, u li dan jirrikjedi li l-azzjoni klimatika tiġi integrata fil-politiki rilevanti kollha u li jitfittex li jkun hemm koerenza politika; jikkunsidra li huwa importanti li l-UE tippromwovi perkorsi ta' żvilupp b'livell baxx ta' karbonju fl-oqsma u s-setturi rilevanti kollha, u jistieden lill-UE tipproponi mudelli ta' produzzjoni u konsum sostenibbli, inklużi indikazzjonijiet tal-modi kif l-UE qed tippjana li tnaqqas il-konsum u tifred l-attività ekonomika mid-degrad ambjentali;

69. Jinnota bi tħassib li, bejn l-2008 u l-2013, 166 miljun ruħ kellhom iħallu djarhom minħabba għargħar, maltempati tar-riħ, terremoti jew diżastri oħrajn; jiġbed attenzjoni partikolari għall-fatt li l-iżviluppi relatati mal-klima f'partijiet tal-Afrika jistgħu jikkontribwixxu għal intensifikazzjoni tal-kriżi tar-rifuġjati fil-Mediterran; jiddeplora l-fatt li l-istatus ta' "rifuġjat tal-klima" għadu mhux rikonoxxut u jħalli lakuna ġuridika li tolqot lill-vittmi li ma jistgħux jibbenefikaw mill-istatus ta' rifuġjat;

70. Jinsisti li sforzi msaħħa biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima globali għandhom jitwettqu b'mod konġunt mill-pajjiżi żviluppati u minn dawk li qed jiżviluppaw, skont il-prinċipju tar-responsabilità komuni iżda differenzjata (CBDR);

71. Jenfasizza li, skont l-Artikolu 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-għan tal-UE fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja huwa li tikkontribwixxi għas-solidarjetà u l-iżvilupp sostenibbli tal-pjaneta, kif ukoll għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali; josserva li, skont l-Artikolu 191(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-politika ambjentali tal-UE għandha tippromwovi miżuri fil-livell internazzjonali sabiex tiġi miġġielda l-bidla fil-klima;

Intensifikazzjoni tad-diplomazija klimatika

72. Jenfasizza l-bżonn li d-diplomazija klimatika tkun parti minn approċċ komprensiv għall-azzjoni esterna tal-UE u, f'dan il-kuntest, l-importanza li l-UE taqdi rwol ċentrali u ambizzjuż fil-Konferenza, titkellem b'"vuċi waħda" fl-isforzi tagħha biex tikseb progress lejn ftehim internazzjonali u li tibqa' magħquda f'dak ir-rigward;

73. Jistieden lill-Istati Membri jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom f'dan ir-rigward ma' dawk tal-UE; jissottolinja l-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom kapaċità enormi ta' politika estera, u għandhom juru sens ta' tmexxija fil-qasam tad-diplomazija klimatika u jimmobilizzaw dan in-netwerk sabiex isibu bażi komuni għall-qbil dwar is-suġġetti prinċipali f'Pariġi, fosthom il-mitigazzjoni, l-adattament, il-finanzjament, l-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija, it-trasparenza tal-azzjoni u tal-appoġġ, u l-bini tal-kapaċitajiet;

74. Jilqa' pożittivament il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għad-Diplomazija dwar il-Klima, kif approvat mill-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE fid-19 ta' Jannar 2015; jistenna li l-Kummissjoni Ewropea tassumi rwol proattiv fin-negozjati; jistieden lill-Kummissjoni tagħmilha ċara li l-isfida tal-klima hija l-prijorità strateġika assoluta ta' din il-Kummissjoni u biex torganizza ruħha b'tali mod li tirrifletti dan, fil-livelli kollha u fl-oqsma kollha tal-politika;

75  Jenfasizza r-rwol ta' tmexxija tal-UE fil-politika dwar it-tibdil fil-klima u jisħaq fuq il-bżonn ta' koordinament u l-istabbiliment ta' pożizzjoni komuni fost l-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jkomplu u jintensifikaw l-isforzi diplomatiċi tagħhom qabel u matul il-Konferenza, bil-għan li jtejbu l-fehim tagħhom tal-pożizzjonijiet tas-sħab tagħha kif ukoll iħeġġu lill-Partijiet l-oħra jieħdu miżuri effikaċi biex jibqgħu konformi mal-objettiv taż-2 °C u jaslu għal ftehimiet u impenji, b'mod partikolari min-naħa tal-Istati Uniti, immirati li jallinjaw l-aktar emissjonijiet sinifikanti ma' dawk taċ-ċittadini tal-UE, li diġà għamlu bosta sforzi sabiex jikkonċiljaw l-iżvilupp ekonomiku u r-rispett tal-ambjent u tal-klima; jistieden lill-UE tuża l-pożizzjoni tagħha biex tikseb kooperazzjoni aktar mill-qrib dwar il-kwistjonijiet tal-klima mal-pajjiżi ġirien u mal-pajjiżi ta' adeżjoni mal-UE;

76. Jenfasizza li huma meħtieġa sforzi diplomatiċi akbar qabel u waqt il-Konferenza partikolarment biex isibu qbil fuq in-natura ta' differenzjazzjoni fl-obbligi tal-Partijiet fid-dawl taċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom u dwar ir-rwol ta' telf u ħsara fil-ftehim;

77. Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tiżviluppa prijoritajiet strateġiċi għall-politika esterna dwar il-klima minquxa fl-objettivi ġenerali tal-politika estera, u tiżgura li d-delegazzjonijiet tal-UE jiffukaw b'mod aktar intensiv fuq il-politiki dwar il-klima u fuq il-monitoraġġ tal-isforzi tal-pajjiżi sabiex jimmitigaw jew jadattaw għat-tibdil fil-klima, kif ukoll fuq l-għoti ta' appoġġ f'termini ta' bini ta' kapaċità, u li huma għandhom il-mezzi neċessarji sabiex iwettqu azzjonijiet fuq kwistjonijiet ta' monitoraġġ dwar il-klima; jistieden lill-UE tikkoopera aktar mill-qrib mal-pajjiżi ġirien u mal-pajjiżi kandidati fuq kwistjonijiet dwar il-klima, billi tħeġġeġ l-allinjament tal-politiki tagħhom mal-objettivi tal-UE fir-rigward tal-klima; jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jistabbilixxu punti ta' kuntatt iffukati fuq it-tibdil fil-klima fid-delegazzjonijiet tal-UE u fl-ambaxxati tal-Istati Membri;

78. Jirrikonoxxi l-importanza ta' azzjoni kontra t-tibdil fil-klima u t-theddida potenzjali li hija toħloq għall-istabilità u għas-sigurtà, kif ukoll l-importanza tad-diplomazija dwar il-klima, qabel il-Konferenza ta' Pariġi dwar il-Klima;

Il-Parlament Ewropew

79. Jilqa' favorevolment il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni u l-objettivi tal-kontribut tal-UE għall-Konferenza dwar il-Klima tal-COP21 li għandha ssir f'Pariġi f'Diċembru 2015;

80. Jimpenja ruħu li juża r-rwol internazzjonali tiegħu u l-appartenenza tiegħu għal netwerks parlamentari internazzjonali sabiex ifittex konsistentement progress lejn ftehim ġuridikament vinkolanti u ambizzjuż dwar il-klima internazzjonali f'Pariġi;

81. Jemmen, peress li se jkollu bżonn jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal kull ftehim internazzjonali, li jeħtieġ ikun integrat sew fid-delegazzjoni tal-UE; jistenna għalhekk li jitħalla jattendi l-laqgħat ta' koordinament tal-UE f'Pariġi;

°

°         °

82. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarjat tal-UNFCCC, bit-talba li r-riżoluzzjoni tkun iċċirkolata lill-Partijiet Kontraenti kollha li mhumiex membri tal-UE.

NOTA SPJEGATTIVA

It-tisħin globali huwa waħda mill-akbar sfidi tal-umanità għall-iżvilupp sostenibbli, is-saħħa u l-ekonomija dinjija. Iż-żieda fit-temperaturi, it-tidwib tal-glaċieri u ż-żieda tan-nixfiet u l-għargħar huma kollha evidenza li t-tibdil fil-klima qed iseħħ tassew. Il-bidla fil-klima teħtieġ rispons urġenti, responsabbli u globali, ibbażat fuq is-solidarjetà tal-komunità internazzjonali.

Fil-25 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni Ewropea adottat komunikazzjoni bit-titolu "The Paris Protocol – A blueprint for tackling global climate change beyond 2020" li tħejji lill-Unjoni Ewropea għall-aħħar sessjoni ta’ negozjati qabel il-21 Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-klima li se ssir f’Pariġi mit-30 ta’ Novembru sal-11 ta’ Diċembru 2015.

Fis-6 ta’ Marzu 2015, il-Ministri Ewropej għall-Ambjent adottaw formalment l-impenji tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-Unjoni Ewropea. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom biex flimkien jirrispettaw il-mira vinkolanti tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE b’mill-anqas 40 % sal-2030 b'paragun mal-livelli tal-1990. L-Unjoni Ewropea ressqet il-"kontribut maħsub determinat fil-livell nazzjonali" (CPDN) tagħha lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni dwar il-Klima (UNFCCC) f’Marzu 2015.

Dawn il-miri sejrin fid-direzzjoni t-tajba iżda għandhom ikunu aktar ambizzjużi. Sabiex isaħħaħ il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fin-negozjati internazzjonali, il-Parlament Ewropew għandu jiddefendi l-istabbiliment ta’ miri ambizzjużi u realistiċi maħsuba biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’50 % sal-2030 b'paragun mal-livelli tal-1990, iżidu s-sehem tal-enerġiji rinnovabbli għal 45 % tat-taħlita tal-enerġija u jiksbu iffrankar ta’ enerġija ta’ 40 %.

Il-konferenza ta’ Pariġi m’għandhiex tkun laqgħa fejn wieħed jipprova iżda laqgħa fejn wieħed jieħu d-deċiżjonijiet. Din il-konferenza se timmarka stadju deċiżiv fin-negozjati ta’ ftehim ġdid globali dwar il-klima li se jidħol fis-seħħ fl-2020.

Il-konferenza ta’ Pariġi mhijiex għan fiha nnifisha iżda l-bidu ta' proċess dinamiku u evoluttiv li se jippermetti lill-komunità internazzjonali li taġġusta s-sitwazzjoni biex tmur lura fil-perkors biex tinżamm iż-żieda fit-temperatura taħt iż-2°C.

Ftehim ambizzjuż, universali u legalment vinkolanti

Il-Ftehim ta’ Pariġi għandu:

- jkun ambizzjuż, universali u legalment vinkolanti biex jagħti rispons fit-tul għall-isfida klimatika u l-mira tal-limitazzjoni taż-żieda fit-temperatura taħt iż-2°C;

- jkun sostenibbli u dinamiku sabiex ikun jista’ jiggwida u jssaħħaħ l-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima, lil hinn mill-kontributi inizjali li saru mill-Istat Membri, billi jibbaża b'mod partikolari fuq mira fit-tul ta’ mitigazzjoni;

- jkun differenzjat biex iqis b'mod evoluttiv il-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet rispettivi tal-pajjiżi kif ukoll iċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom, u jiżguralhom il-mezzi neċessarji biex jimplimentaw l-impenji tagħhom;

- jippermetti trattament bilanċjat ta’ mitigazzjoni u adattament biex jgħin ir-reżiljenza tal-pajjiżi l-aktar vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima, jippromwovi strateġiji ta’ żvilupp sostenibbli ta’ pajjiżi, jippermetti l-limitazzjoni taż-żieda fit-temperaturi taħt iż-2°C, u jassisti kull pajjiż fl-implimentazzjoni u t-tisħiħ tal-pjanijiet nazzjonali ta’ azzjoni fir-rigward tal-adattament;

- jkun sinifikanti biex jindirizza s-sinjali lill-atturi ekonomiċi li se jippermettu l-bidu tat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’użu baxx tal-karbonju.

Il-finanzi, il-bażi tal-Ftehim ta’ Pariġi

Minn issa sal-2020, 100 biljun dollaru jridu jiġu trasferiti kull sena lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex ikunu jistgħu jħallsu t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra kif ukoll il-proġetti maħsuba biex jipproteġu l-komunitajiet li jinsabu fir-riskju tal-effetti tat-tibdil fil-klima, bħal pereżempju ż-żieda tal-livelli tal-ibħra, il-perjodi twal ta’ nixfa u l-ħsara fuq l-għelejjel tal-ikel.

Fl-okkażjoni tal-Konferenza ta’ Lima fl-aħħar tal-2014, il-Fond Ekoloġiku għall-Klima kkapitalizza 10,4 biljun dollaru. Għar-rapporteur, dan mhuwiex biżżejjed. Sabiex terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi industrijalizzati jkunu ċari u preċiżi dwar il-mezzi li huma biħsiebhom jużaw biex jiġbru 100 biljun dollaru ta’ għajnuna mħabbra waqt il-Konferenza ta’ Kopenħagen fl-2009.

Sfortunatament, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-25 ta’ Frar 2015 għadha vaga dwar il-kwistjoni tal-mobilizzazzjoni tal-mezzi ta' finanzjament. Madankollu, il-kontribuzzjoni ta’ finanzi ġodda se tkun il-bażi tal-Ftehim ta’ Pariġi.

Biex isir rispons għall-impenji meħuda fil-COP 21 jeħtieġ li jiġu vvintati, eżaminati u stabbiliti mekkaniżmi innovattivi ta’ finanzjament. Dan ikun jeħtieġ:

- l-iffissar ta’ prezz korrett tal-karbonju fl-ekonomiji maġġuri kollha tad-dinja biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet li ma jagħmlux ħsara lill-klima;

- l-inkoraġġiment tal-atturi finanzjarji kollha biex jidderieġu l-investimenti tagħhom lejn l-iskala neċessarja għall-finanzjament ta’ tranżizzjoni xierqa lejn ekonomiji reżiljenti u b’livell baxx ta’ karbonju;

- garanziji pubbliċi speċifiċi favur l-investiment ekoloġiku;

- l-użu tal-Pjan Juncker fl-Ewropa permezz tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi;

- pjan direzzjonali ambizzjuż tal-impenji tal-banek pubbliċi u multilaterali favur il-finanzjament tat-tranżizzjoni ekoloġika;

- tikketti u vantaġġi fiskali għal fondi ta’ investiment ekoloġiċi u ħruġ ta’ bonds ekoloġiċi;

- taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-allokazzjoni ta' parti tal-prodott tagħha għal investimenti ekoloġiċi.

Il-finanzjament se jaqdu rwol essenzjali fil-ftehim imfittex minn issa sal-Konferenza ta’ Pariġi. Huwa xieraq, f'dan ir-rigward, li jitħejja "pakkett finanzjarju" kredibbli kemm għall-pajjiżi żviluppati kif ukoll għal dawk li qed jiżviluppaw, sabiex jippermetti ż-żieda tal-isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u l-adattament għall-effetti tat-tibdil fil-klima.

Politika interna dwar il-klima eżemplari tal-Unjoni Ewropea

Għalkemm ir-rapporteur jirrakkomanda miri aktar ambizzjużi, ir-rapporteur jilqa’ l-preżentazzjoni mill-Unjoni Ewropea tal-kontribut maħsub determinat fil-livell nazzjonali (CPDN) tagħha qabel l-iskadenza indikattiva ta’ Marzu 2015 stabbilita mid-deċiżjoni ta’ Varsavja. Din il-kontribuzzjoni kellha impatt u konsegwenzi sostanzjali vis-à-vis is-sħab internazzjonali u jeħtieġ li tiġi estiża permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri konkreti li se jippermettu t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-Unjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tniedi, wara li jitlesta x-xogħol dwar ir-riżerva ta’ stabilità, ir-reviżjoni tad-direttiva dwar is-suq Ewropew tal-karbonju u tħejji x-xogħol li jikkonċerna d-distribuzzjoni tal-isforzi bejn l-Istati Membri.

L-Unjoni Ewropea għandha tiffinalizza mill-aktar fis possibbli l-proċess tagħha ta’ ratifika tal-emenda ta’ Doha għall-Protokoll ta’ Kjoto u tħeġġeġ lill-Partijiet l-oħra biex jagħmlu l-istess sabiex tkun tista’ tidħol fis-seħħ malajr.

Impenji ambizzjużi min-naħa tal-Unjoni Ewropea huma kruċjali għall-kredibilità tagħha fin-negozjati. L-Unjoni għandha ssegwi politika ambizzjuża u effettiva għal tranżizzjoni enerġetika lejn l- 2050, billi tuża mhux biss l-istrumenti tal-politika tal-klima u l-enerġija iżda wkoll ta’ oqsma oħra bħat-trasport, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-kummerċ jew il-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

Politika esterna tal-Unjoni Ewropea effettiva biex tiżviluppa effett konsegwenzjali

L-Unjoni Ewropea għandha taġixxi b’mod intensiv fl-avvenimenti internazzjonali kollha fl-2015 fid-dawl tas-COP 21 u mal-atturi kollha.

Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għandha tkun ta’ ispirazzjoni għall-Partijiet l-oħra rigward iċ-ċarezza, it-trasparenza u l-ambizzjoni. Is-suċċess tal-Unjoni Ewropea fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tagħha ta' 19 % bejn l-1990 u l-2012 filwaqt li l-PGD żdied b’45 %, u t-tnaqqis li kompla għaddej fl-emissjonijiet globali, jagħtu prova tal-kompatibilità tal-mitigazzjoni u l-iżvilupp ekonomiku.

L-Unjoni Ewropea għandha ssegwi u ssaħħaħ l-isforzi diplomatiċi tagħha biex tifhem aħjar il-pożizzjonijiet tal-pajjiżi sħab, biex tħeġġeġ lil dawn il-pajjiżi jimplimentaw politiki ambizzjużi tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, u biex tifforma alleanzi favur din l-ambizzjoni.

Ir-rapporteur jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li torganizza mal-Marokk fil-ħarifa tal-2015 konferenza dwar id-diskrepanza ta' ambizzjoni, jiġifieri d-diskrepanza bejn l-impenji tal-Partijiet u l-mira li ż-żieda fit-temperatura tad-dinja tinżamm taħt iż-2°C. Hu jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-mira ewlenija ta' tali avveniment se tkun li jsir progress biex jintlaħaq ftehim minn issa sal-Konferenza ta' Pariġi. F’din il-perspettiva, dan l-avveniment għandu jħeġġeġ approċċ pożittiv ta' ambizzjoni u jippermetti skambju kostruttiv bejn il-Partijiet immirat lejn l-azzjoni.

Ir-rapporteur jitlob li jsir żvilupp rapidu ta’ diskussjonijiet intra-Ewropej biex tintlaħaq pożizzjoni komuni, b’mod partikolari dwar id-diversi punti ewlenin ta’ negozjati internazzjonali, bħall-finanzjament, il-bini tal-kapaċità u t-trasferiment tat-teknoloġija.

Il-kredibilità tal-impenji meħuda mill-Partijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi se tiddependi wkoll fuq l-isforzi ta’ atturi mhux statali, bħal bliet, reġjuni, industrija jew investituri. Il-konferenza ta’ Pariġi għandha tagħti sinjal ċar lil dawn l-atturi biex tħeġġiġhom jieħdu azzjoni, inkluż billi tagħti rikonoxximent internazzjonali għall-isforzi tagħhom. L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (OACI), l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) u l-Partijiet tal-Protokoll ta' Montreal għandhom jaġixxu wkoll biex jirregolaw l-emissjonijiet ikkawżati mit-trasport internazzjonali, kif ukoll il-produzzjoni u l-konsum tal-gassijiet fluworurati sa tmiem l-2016;

L-Unjoni Ewropea għandha tkun il-vuċi tal-ambizzjoni fin-negozjati. Ir-rapporteur iqis li jkun ta’ detriment għall-kredibilità tal-Unjoni jekk jiġi vvalidat ftehim li jidher b’mod ċar li mhuwiex biżżejjed biex jillimita t-tibdil fil-klima. Waqt li turi l-flessibilità neċessarja sabiex jintlaħaq kunsens, l-Unjoni għandha tirrifjuta kwalunkwe kompromess inadegwat.

Il-Parlament Ewropew jibqa’ attur ewlieni tal-politika Ewropea ambizzjuża tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Bħala konklużjoni, ir-rapporteur jixtieq ifakkar li l-Parlament Ewropew se jkollu jagħti l-approvazzjoni tiegħu għar-ratifika mill-Unjoni Ewropea ta’ ftehim legalment vinkolanti li jirriżulta mill-Konferenza ta’ Pariġi. Għalhekk, il-Parlament Ewropew għandu jipparteċipa b’mod sħiħ fil-laqgħat ta’ koordinazzjoni matul il-Konferenza ta’ Pariġi.

16.7.2015

OPINJONI tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar Lejn ftehim internazzjonali ġdid dwar il-klima f'Pariġi

(2015/2112(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Bas Eickhout

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-għanijiet tal-kontribut tal-UE għall-Konferenza dwar il-Klima tal-COP21 li għandha ssir f’Pariġi f’Diċembru 2015; Jenfasizza l-ħtieġa għall-Kummissjoni u l-Istati Membri li jsaħħu l-viżibilità tas-settur tat-trasport matul il-konferenza, b’referenza b’mod partikolari għal inizjattivi bħal “Aġenda ta’ soluzzjonijiet”, u li jkollhom rwol ewlieni fil-kisba ta’ ftehim internazzjonali vinkolanti u trasparenti, filwaqt li jiġi rikonoxxut ir-rwol ta’ atturi mhux statali; Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja b’mod attiv inizjattivi fil-qasam ta’ mobilità urbana sostenibbli u trasport pubbliku fil-qafas tal-Konferenza;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni toffri l-appoġġ tagħha u l-għarfien espert lill-partijiet tal-Konferenza COP21 biex jistabbilixxu l-kontribuzzjonijiet nazzjonali tagħhom, filwaqt li tqajjem kuxjenza dwar l-irwol tas-settur tat-trasport biex jiġu adottati strateġiji komprensivi biex inaqqsu l-emissjonijiet GHG;

3.  Jirrikonoxxi li l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) impenjat ruħha li tiżviluppa mekkaniżmu globali bbażat fuq is-suq biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-avjazzjoni; Jiddeplora, madankollu, in-nuqqas ta’ progress u ambizzjoni s’issa; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li regoli maqbula globalment fi ħdan l-ICAO u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) huma meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati l-miri tal-emissjonijiet tas-CO2 marittimi u tal-avjazzjoni; Jistieden lill-partijiet kollha, għaldaqstant, biex jikkommettu ruħhom għal strument u miżuri ta’ natura effettiva u strutturali li jiggarantixxu tnaqqis effettiv tal-emissjonijiet ta’ CO2 fl-avjazzjoni; Jistieden l-IMO sabiex tħaffef l-azzjonijiet bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim li jirregola u jnaqqas b’mod effettiv l-emissjonijiet mit-trasport marittimu internazzjonali sa tmiem l-2016;

4.  Jitlob li l-Protokoll ta’ Pariġi jinkludu miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra li huma konsistenti ma’ baġit globali tal-karbonju f’konformità mal-għan ta’ 2 gradi għat-trasport internazzjonali bl-avjazzjoni u marittima, u jistieden lill-partijiet kollha, inklużi l-Kummissjoni u l-Istati Membri, biex jimpenjaw ruħhom fi ħdan il-Protokoll ta’ Pariġi għal miri ta' tnaqqis globali u kwantifikat tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra bħala prijorità ewlenija, u biex jaħdmu permezz tal-ICAO u l-IMO bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim sa tmiem l-2016 dwar strument kredibbli li jista' jwassal għat-tnaqqis meħtieġ; Jenfasizza l-importanza li jittieħed kont tas-sitwazzjoni speċifika tal-gżejjer u r-reġjuni l-aktar imbiegħda, sabiex jiġi żgurat li l-prestazzjoni ambjentali ma taffettwax il-mobilità u l-aċċessibilità f’dawn ir-reġjuni b’mod partikolari;

5.  Jirrikonoxxi li skont il-5 Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima, il-baġit globali tal-karbonju li x’aktarx jillimita ż-żieda fit-temperatura globali għal taħt iż-2°C jesiġi li l-emissjonijiet kumulattivi globali bejn l-2011 u l-2100 jibqa’ taħt l-1010 Gtons ta’ CO 2;

6.  Jemmen li mingħajr fokus akbar fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet mis-settur tat-trasport, il-miri globali tal-klima se jkun impossibbli li jintlaħqu, peress li t-trasport huwa l-uniku settur fejn l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra komplew jiżdiedu (bi 30% til dawn l-aħħar 25 sena); Jenfasizza li huma biss miri vinkolanti għat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett, flimkien mal-integrazzjoni sħiħa tas-sorsi rinnovabbli fis-suq, approċċ teknoloġikament newtrali għad-dekarbonizzazzjoni, u politika tat-trasport u l-investiment aktar integrat bis-sħiħ li tinkorpora politiki ta’ trasferiment modali flimkien ma’ avvanzi teknoloġiċi kif ukoll l-evitar tat-trasport (eż. permezz ta’ loġistika sostenibbli, ippjanar urban intelliġenti u ġestjoni integrata tal-mobilità) li ser ikunu jistgħu jiksbu dan;

7.  Jirrimarka li 94 % tat-trasport – prinċipalment fis-setturi tat-trasport bit-triq, bl-ajru u bil-baħar – hija dipendenti fuq il-fjuwils fossili u li għalhekk hemm ħtieġa urġenti għal miżuri biex jitħaffef il-progress lejn il-kisba bikrija tal-miri tal-White Paper sal-2030, b’referenza għal fjuwils rinnovabbli, l-elettriku u alternattivi b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju; Huwa tal-fehma li t-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija tat-trasport għandu jkun wieħed mill-prijoritajiet ewlenin tal-politika Ewropea tat-trasport; Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu żviluppati bil-qawwa l-kanali ta’ distribuzzjoni ta' sorsi ta’ enerġija sostenibbli ġodda mingħajr emissjonijiet biex tiġi appoġjata l-bidla ambizzjuża lejn enerġija aktar sostenibbli u titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u l-enerġija impurtata;

8.  Jirrimarka li aktar minn nofs il-popolazzjoni tad-dinja issa tgħix fil-bliet u li t-trasport urban huwa kontributur ewlieni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mis-settur tat-trasport; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, biex b’mod attiv iqajmu kuxjenza dwar ir-rwol tal-mobbiltà urbana sostenibbli biex jintlaħqu l-impenji ta’ mitigazzjoni; jenfasizza li użu u ppjanar responsabbli tal-art u soluzzjonijiet sostenibbli ta' trasport fiż-żoni urbani jikkontribwixxu b'mod effiċjenti għall-għan ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu miżuri li huma meħtieġa għall-promozzjoni qawwija tat-trasport pubbliku, soluzzjonijiet ta' mobilità komuni u mixi u ċikliżmu, b'mod speċjali f'żoni b'popolazzjoni densa, u biex tippreżenta proposti, fejn meħtieġ, għat-titjib tar-regoli tal-UE, għall-promozzjoni tal-multimodalità u servizzi loġistiċi ġodda;

9.  Jenfasizza li hija meħtieġa taħlita tajba tal-enerġija fis-settur tat-trasport u din tista’ tinkiseb billi jiġu promossi vetturi alternattivi li jaħdmu b’gass naturali u bijogass u l-politiki kollha li jsaħħu modi sostenibbli tat-trasport, inkluża l-elettrifikazzjoni tat-trasport u l-użu ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti; Jenfasizza l-bżonn li titpoġġa enfasi fuq ferroviji, trammijiet, karrozzi tal-linja li jaħdmu bl-elettriku, karozzi elettriċi u e-bicycles, li jinkorporaw perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja kollu, u li wieħed jimmira għall-isfruttament sħiħ ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli; Jinkoraġġixxi bil-qawwa lill-awtoritajiet tat-trasport pubbliku lokali u l-operaturi tat-trasport biex ikunu minn ta’ quddiem fl-introduzzjoni ta’ flotot u teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju;

10. Jenfasizza l-ħtieġa għal internalizzazzjoni pass pass tal-impatt fuq il-klima mit-trasport fi ħdan pakkett komprensiv ta’ miżuri biex ‘nikkalkulaw il-prezzijiet b'mod ġust’ f’dan is-settur u biex tiġi stabbilita kompetizzjoni ġusta bejn il-modi ta’ trasport. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura strumenti finanzjarji tal-UE u l-fondi ta’ investiment adegwati, inklużi fondi għall-klima, għal dawk il-proġetti fis-settur tat-trasport li se jkollhom impatt pożittiv fuq l-impatt ambjentali, filwaqt li ma jiġi eskluż l-ebda mezz ta’ trasport, u, b’mod partikolari, li jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ mobilità urbana sostenibbli; Jitlob, għalhekk, għal taħlita ta’ diversi strumenti, inklużi miżuri biex jiġu inkorporati l-esternalitajiet negattivi u bl-involviment ta' finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp u għal proġetti ta’ dimostrazzjoni fuq skala kbira ta’ teknoloġiji nodfa tat-trasport, u l-ħolqien ta’ inċentivi biex dawn it-teknoloġiji jiġu adottati;

11. Jirrimarka li kemm għal żmien qasir kif ukoll fit-tul, huma meħtieġa strateġiji ta' mitigazzjoni tat-trasport biex jinkisbu l-ambizzjonijiet ta' tnaqqis tal-emissjonijiet b'effett ta' serra;

12. Jirrimarka li l-użu ta’ assi spazjali għandu jiġi kkunsidrat fl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni u ta’ adattament għat-tibdil fil-klima, b’mod partikolari permezz tal-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkontribwixxi b’mod attiv għal sistema ta’ monitoraġġ globali ta’ CO2 u CH4; Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi sforzi biex tiġi żviluppata sistema tal-UE ta’ kejl tal-emissjonijiet tal-GHG b’mod awtonomu u mhux dipendenti, bl-użu u l-espansjoni ta’ missjonijiet tal-programm Copernicus;

13. Jenfasizza li l-UE għandha taqdi r-rwol tagħha ta’ mexxej b’mod responsabbli, u jirrikonoxxi li jekk l-ambizzjoni u l-għanijiet tagħha mhumiex komuni f’reġjuni oħra tad-dinja, il-kompetittività tal-UE tista’ tiġi affettwata.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

14.7.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Lucy Anderson, Marie-Christine Arnautu, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Deirdre Clune, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Andor Deli, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Dieter-Lebrecht Koch, Stelios Kouloglou, Merja Kyllönen, Miltiadis Kyrkos, Bogusław Liberadzki, Marian-Jean Marinescu, Georg Mayer, Gesine Meissner, Cláudia Monteiro de Aguiar, Jens Nilsson, Markus Pieper, Salvatore Domenico Pogliese, Gabriele Preuß, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, David-Maria Sassoli, Claudia Schmidt, Claudia Tapardel, Keith Taylor, Pavel Telička, István Ujhelyi, Peter van Dalen, Wim van de Camp, Janusz Zemke, Roberts Zīle, Kosma Złotowski, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Ivo Belet, Bas Eickhout, Theresa Griffin, Ruža Tomašić, Henna Virkkunen

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

James carver

10.9.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar Lejn ftehim internazzjonali ġdid dwar il-klima f'Pariġi

(2015/2112(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Anna Záborská

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li l-aħħar Rapport ta' Evalwazzjoni (5AR) tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) jevidenzja li m'hemm l-ebda ekwivoku dwar it-tisħin tas-sistema klimatika tad-dinja u li l-attivitajiet tal-bniedem huma l-kawża dominanti tat-tibdil fil-klima li rajna minn nofs is-seklu għoxrin; jenfasizza li t-tibdil fil-klima huwa theddida maġġuri għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u huwa partikolarment serju għall-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDCs) u l-Istati Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw (SIDS); jirrimarka li l-emissjonijiet ta' gassijiet serra (GHG) tal-pajjiżi l-aktar vulnerabbli huma insinifikanti u li, għaldaqstant, dawn il-pajjiżi mhumiex responsabbli li kkawżaw is-sitwazzjoni li qed iħabbtu wiċċhom magħha; jappella biex, fil-ftehim ta' Pariġi, ikun hemm fokus qawwi fuq l-appoġġ għal miżuri ta' adattament u mitigazzjoni fl-LDCs u s-SIDS permezz tat-trasferiment tat-teknoloġija u finanzjament, fokus fuq il-qerda tal-faqar, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, u s-sostenibilità;

2.  Jenfasizza li-t-tibdil fil-klima se jkun ostakolu għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u li jekk ma jirnexxilniex inżommu t-tisħin globali taħt iż-2°C, kif miftiehem fil-Konferenza ta' Kopenħagen dwar it-Tibdil fil-Klima, dan se jipperikola l-kisbiet fl-iżvilupp, filwaqt li jitqies li tisħin ta' 2°C xorta waħda se jikkaġuna telf u ħsarat sinifikanti għall-ambjent u għall-komunitajiet u r-riskju li l-vulnerabilitajiet esterni jiġu amplifikati u jwasslu għal żieda fil-kriżijiet umanitarji;

3.  Jiġbed l-attenzjoni għall-"Adaptation Gap Report" riċenti tal-UNEP, li jagħmel stima li l-prezz tal-adattament għat-tibdil fil-klima fl-Afrika biss, ukoll jekk wieħed jassumi l-isforzi internazzjonali biex it-tisħin globali jinżamm taħt iż-2°C f'dan is-seklu, se jogħla għal USD 50 biljun fis-sena sal-2050; iqis li, ukoll jekk jinkiseb l-adattament kost-effettiv kollu, se jkun hemm ħsara "residwali" ulterjuri fejn l-adattament ma jkunx aktar possibbli; jirrikonoxxi li din il-ħsara residwali se tirdoppja l-prezz tal-adattament fil-perjodu 2030-2050;

4.  Jindika r-rabtiet bejn l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, it-tibdil fil-klima u l-kundizzjonijiet ta' temp anormali, u l-inċidenza u l-gravità tad-diżastri naturali, id-degradazzjoni tal-art, il-kriżijiet tal-ikel, l-aċċess dejjem aktar diffiċli għall-ilma tax-xorb, il-flussi migratorji fuq skala kbira u l-kunflitti; jikkonstata li t-tali fenomeni għandhom impatt negattiv fuq l-isforz globali biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u għandhom impatt aktar drammatiku fuq il-gruppi aktar fqar u vulnerabbli;

5.  Jinsisti dwar il-ħtieġa li, fil-COP21 f'Pariġi, titwaqqaf sistema komuni ta' kontabilità għall-emissjonijiet GHG sabiex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali tkun trasparenti u kwantifikabbli;

6.  Jenfasizza li, sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, hemm bżonn li jiġu implimentati mekkaniżmi li jżidu l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u li jtejbu l-effiċjenza enerġetika u l-użu ta' riżorsi industrijali b'impronta tal-karbonju żgħira jew ekwivalenti għal żero;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa aħħarija għal kapaċità mtejba f'termini tal-prevenzjoni, ir-reżistenza, it-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri naturali u l-adattament għalihom, fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jappella biex dawn l-isfidi jsiru prijorità primarja fil-kuntest tal-politiki infrastrutturali, ta' żvilupp urban, agrikoli u ta' investiment, u jħeġġeġ sabiex jiġu żviluppati t-teknoloġiji meħtieġa sabiex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima;

8.  Jinnota bi tħassib li, bejn l-2008 u l-2013, 166 miljun ruħ kellhom iħallu djarhom minħabba għargħar, maltempati tar-riħ, terremoti jew diżastri oħrajn; jiġbed attenzjoni partikulari għall-fatt li l-iżviluppi relatati mal-klima f'partijiet tal-Afrika jistgħu jikkontribwixxu għal intensifikazzjoni tal-kriżi tar-rifuġjati fil-Mediterran; jiddeplora l-fatt li l-istatus ta' "refuġjat tal-klima" għadu mhux rikonoxxut u jħalli lakuna legali li tolqot lill-vittmi li ma jistgħux jibbenefikaw mill-istatus ta' refuġjat;

9.  Jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-isforzi għall-bini mill-ġdid wara li jseħħu d-diżastri naturali, u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati mekkaniżmi li jirrispondu kif xieraq għat-telf u l-ħsara mġarrba minħabba t-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

10. Jinsisti li l-isforzi biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima globali għandhom jitwettqu b'mod konġunt sew mill-pajjiżi żviluppati u sew minn dawk li qed jiżviluppaw, filwaqt li jitqies il-prinċipju tar-responsabbiltà komuni iżda differenzjata (CBDR); jisħaq li jeħtieġ li l-UE tintensifika l-isforzi tagħha biex jinkiseb ftehim internazzjonali ġuridikament vinkolanti, li jkun jinkludi kemm jista' jkun pajjiżi – inklużi dawk bl-akbar emissjonijiet – li jiżgura ż-żieda tal-isforzi ta' mitigazzjoni u ta' adattament; jemmen li sorsi innovattivi bħall-ipprezzar tal-karbonju għat-trasport internazzjonali u l-allokazzjonijiet ta' dħul minn taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji jgħinu sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet finanzjarji dejjem jiżdiedu għal-azzjoni dwar il-klima fuq livell dinji;

11. Jappella għal sforz ikkonċentrat kontra l-ħtif tal-art permezz tal-promozzjoni ta’ salvagwardji adegwati biex dan jiġi evitat, peress li t-tibdil fl-użu tal-art waħdu huwa responsabbli għal madwar 20 % tal-emissjonijiet globali tad-dijossidu tal-karbonju kull sena u li l-prattiki tal-biedja mhux sostenibbli jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima, jipperikolaw is-sigurtà tal-ikel u jniġġsu l-ambjent;

12. Jinsisti li sforzi msaħħa biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima globali għandhom jitwettqu b'mod konġunt mill-pajjiżi żviluppati u minn dawk li qed jiżviluppaw, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà komuni iżda differenzjata (CBDR); jenfasizza li dawn l-isforzi m'għandhomx jinjoraw il-gassijiet b'effett ta' serra fluworinati, minħabba li dawn il-gassijiet għandhom rwol ewlieni fit-tibdil fil-klima globali, u li, fil-konferenza ta' Pariġi, għandu jintlaħaq ftehim li jorbot legalment, applikabbli għall-pajjiżi kollha; jenfasizza l-ħtieġa li jingħata finanzjament għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima li jkun adegwat, stabbli u prevedibbli, kif ukoll bilanċ xieraq bejn l-adattament u l-mitigazzjoni;

13. Jenfasizza li, sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, hemm bżonn li jiġu implimentati mekkaniżmi li jżidu l-użu tas-sorsi tal-enerġija alternattivi u effiċjenti; iħeġġeġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jinvestu fi produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira, off-grid u deċentralizzata; jappella għal aktar appoġġ mill-UE għal tali produzzjoni u għall-effiċjenza enerġetika, kif ukoll għal sajd sostenibbli u agrikoltura ffukata fuq il-bdiewa ta' skala żgħira, fuq id-diversifikazzjoni tal-uċuħ, l-agro-forestrija u prattiki agroekoloġiċi, inkluża l-assistenza għat-taħriġ fil-komunitajiet rurali; jinsab konvint li l-azzjoni f'dawn l-oqsma kollha tista' tkun ta' kontribut sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u tal-adattament għalih, kif ukoll għat-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri;

14. Jafferma li l-indirizzar effettiv tal-kwistjoni tal-klima għandu jkun prijorità strateġika għall-UE u għal atturi oħra fix-xena internazzjonali, u li dan jirrikjedi li l-azzjoni klimatika tiġi integrata fil-politiki rilevanti kollha u li jitfittex li jkun hemm koerenza politika; jikkunsidra li huwa importanti li l-UE tippromwovi mogħdijiet ta' żvilupp b'livell baxx ta' karbonju fl-oqsma u s-setturi rilevanti kollha, u jistieden lill-UE tipproponi xejriet ta' produzzjoni u konsum sostenibbli, inklużi indikazzjonijiet tal-modi kif l-UE qed tippjana li tnaqqas il-konsum u tifred l-attività ekonomika mid-degradazzjoni ambjentali; jistieden lill-UE tieħu rwol ewlieni fil-konferenza ta' Pariġi, u tagħmel pressjoni għal miżuri konkreti biex jintlaħaq l-objettiv taż-2°C;

15. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza kruċjali tal-provvista ta' finanzjament għall-klima fil-kuntest tal-ftehim ta' Pariġi; itenni l-appell tiegħu lill-UE u lill-pajjiżi żviluppati biex jonoraw l-impenn tagħhom li jipprovdu finanzjament addizzjonali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima – minn sorsi bilaterali u multilaterali, pubbliċi u privati – li jammonta għal USD 100 biljun fis-sena sal-2020; jirrimarka li, sabiex tiġi ssodisfata din il-ħtieġa addizzjonalità, l-Assistenza għall-Iżvilupp Uffiċjali (ODA) għandha tiżdied tal-anqas bl-istess rata bħall-finanzjament għall-klima; jirrikonoxxi r-rwol tal-finanzjament privat favur il-klima, li m'għandux, madankollu, jissostitwixxi l-finanzjament pubbliku iżda jikkumplimentah, u jinnota l-ħtieġa ta' rappurtar u kontabilità trasparenti kif ukoll salvagwardji soċjali u ambjentali;

16. Jappoġġja l-użu ta' sorsi innovattivi ta' finanzjament tal-klima, kif ukoll arranġamenti għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet; jitlob għal impenn kollettiv fil-ftehim Pariġi biex jitneħħew gradwalment is-sussidji fuq il-fjuwils fossili, li jkun akkumpanjat b'kalendarji taż-żmien;

17. Jistieden lill-UE u l-pajjiżi żviluppati biex iżidu l-finanzjament tagħhom għall-mitigazzjoni, l-adattament, l-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġiji, u l-bini tal-kapaċità f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; itenni l-appell tiegħu lill-UE u lill-pajjiżi żviluppati biex jonoraw l-impenn kollettiv tagħhom li jipprovdu finanzjament ġdid u addizzjonali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima – minn sorsi bilaterali u multilaterali, pubbliċi u privati – li jkun jammonta għal USD 100 biljun sal-2020; f'dan is-sens, jitlob lill-UE żżid l-appoġġ finanzjarju għall-azzjoni klimatika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, permezz ta' għejun ġodda ta' finanzjament, bħad-dħul mill-irkanti tal-Iskema għall-Iskambju tal-Emissjonijiet (ETS) u taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, kif ukoll taxxi fuq l-emissjonijiet tal-fjuwils fossili li jirriżultaw mill-avjazzjoni internazzjonali u t-trasport marittimu; jenfasizza li, sabiex tiġi ttraċċjata l-addizzjonalità tal-impenji ta' finanzjament, jeħtieġ li jkun hemm kontabilità separata tal-finanzjament tal-klima; jisħaq ukoll li s-sjieda min-naħa tal-pajjiżi u l-integrazzjoni tal-objettivi klimatiċi fl-istrateġiji nazzjonali għall-iżvilupp huma essenzjali għal użu effikaċi tal-finanzjament għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima li huwa marbut mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-użu ta' enerġija rinnovabbli; iħeġġeġ sabiex l-UE tiżgura li jkun hemm il-mezzi meħtieġa sabiex twettaq rwol ta' tmexxija f'dan il-kuntest;

18. Jappoġġja objettiv globali għall-finanzjament għall-mitigazzjoni u l-adattament, ibbażat fuq pjanijiet ta' adattament reġjonali nazzjonali, biex jgħin jingħalaq id-distakk fl-effiċjenza u biex tiġi żgurata strateġija għat-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri, kif iddikjarat fil-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri;

19. Jenfasizza li, b'konformità mal-prinċipju tal-Koerenza Politika għall-Iżvilupp, l-inċentivi pubbliċi għall-produzzjoni tal-bijofjuwils bbażati fuq l-uċuħ (bħall-objettiv vinkolanti ta' 10 % tal-UE għall-enerġija rinnovabbli fit-trasport jew sussidji) għandhom jitneħħew, billi dawn il-miżuri jistgħu jaġixxu bħala inċentivi għad-deforestazzjoni, li diġà hija responsabbli għal 20 % tal-emissjonijiet GHG, tibdil ieħor fil-użu tal-art, u ħtif tal-art, filwaqt li jaffettwaw id-dritt għall-ikel fil-pajjiżi terzi;

20. Iqis li huwa importanti li jiġi żgurat li l-Fond Ekoloġiku għall-Klima (GCF) jaġixxi bħala istituzzjoni li tagħti prijorità lill-bżonnijiet ta' nies milquta mill-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li taġixxi strettament fl-interess pubbliku u li tinvovli ruħha ma' kumpaniji privati u finanzieri biss sal-punt li jistgħu jiggarantixxu l-konformità ma' standards ambjentali, soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem għoljin, li timplimenta proċessi robusti u trasparenti u li tipprojbixxi l-involviment ma' atturi tas-settur privat involuti fil-ħasil tal-flus, attivitajiet ta' evażjoni u frodi fiskali, frodi u korruzzjoni;

21. Jistieden lill-ekonomiji żviluppati l-kbar jagħmlu użu mill-infrastruttura avvanzata eżistenti tagħhom sabiex jippromwovu, itejbu u jiżviluppaw it-tkabbir sostenibbli u jikkommettu ruħhom li jappoġġaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex dawn ikunu jistgħu jibnu l-kapaċità tagħhom stess, biex jiżguraw li t-tkabbir ekonomiku futur fil-partijiet kollha tad-dinja jinkiseb mingħajr ebda impatt ulterjuri fuq l-ambjent;

22. Jenfasizza l-importanza tar-rwol li għandhom jiżvolġu l-komunità għall-iżvilupp, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u l-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp (DAK) tal-OECD f'ħidma mill-qrib mal-partijiet interessati u l-organizzazzjonijiet rilevanti biex jevalwaw u jimmitigaw l-agħar effetti tat-tibdil fil-klima fuq il-bniedem, li huma mistennija li se jkunu ta’ sfida anki taħt il-livell ta' tisħin ta’ 2ºC;

23. Jirrikonoxxi u jipproponi azzjoni biex jiġu indirizzati l-implikazzjonijiet ta' sorsi tal-ikel b'użu kbir tal-karbonju u l-emissjonijiet agrikoli relatati, bħall-metan u l-ossidu nitruż; jappella wkoll għal azzjoni dwar id-deforestazzjoni li tirriżulta mill-bidla fl-użu tal-art għall-għanijiet ta' għalf u mergħat, bl-għan li jiġu evitati l-emissjonijiet assoċjati mas-swieq tas-sorsi tal-ikel; jitlob li tittieħed azzjoni biex titqajjem kuxjenza dwar l-impatti klimatiċi tal-metodi tal-produzzjoni tal-ikel b'impatt għoli u biex jgħinu lin-negozji u lin-nies jibdlu mġibithom; jitlob li l-miżuri sekondarji, inkluża l-azzjoni għat-trażżin tal-ħela tal-ikel, għandhom ikunu parti mill-pjanijiet nazzjonali ta' mitigazzjoni, speċjalment f'pajjiżi b'livelli ta' konsum ogħla mill-medja.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

3.9.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Ignazio Corrao, Doru-Claudian Frunzulică, Charles Goerens, Maria Heubuch, Stelios Kouloglou, Linda McAvan, Norbert Neuser, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, György Schöpflin, Pedro Silva Pereira, Davor Ivo Stier, Rainer Wieland, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Seb Dance, Brian Hayes

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Soledad Cabezón Ruiz, Constance Le Grip, Ivana Maletić, Jutta Steinruck, Axel Voss

3.9.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar Lejn ftehim internazzjonali ġdid dwar il-klima f'Pariġi

(2015/2112(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Dubravka Šuica

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li, skont l-Artikolu 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-għan tal-UE fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja huwa li tikkontribwixxi għas-solidarjetà u l-iżvilupp sostenibbli tal-pjaneta, kif ukoll għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali; josserva li, skont l-Artikolu 191(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-politika tal-UE dwar l-ambjent għandha tippromwovi miżuri fil-livell internazzjonali sabiex tiġi miġġielda l-bidla fil-klima;

2.  Jirrikonoxxi l-importanza fundamentali ta' sistema klimatika stabbli għas-sigurtà tal-ikel, għall-produzzjoni tal-enerġija, għall-ilma u s-sanità, għall-infrastruttura, għall-konservazzjoni tal-bijodiversità u tal-ekosistemi terrestri u marittimi, u għall-paċi u l-prosperità fuq livell globali; jirrikonoxxi l-periklu ta' nuqqas ta' azzjoni għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, u jenfasizza l-bżonn urġenti li jintlaħaq ftehim fil-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li se ssir f'Pariġi (il-Konferenza ta' Pariġi dwar il-Klima);

3.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' azzjoni kontra t-tibdil fil-klima u t-theddida potenzjali li hija toħloq għall-istabbiltà u għas-sigurtà, kif ukoll l-importanza tad-diplomazija dwar il-klima fid-dawl tal-Konferenza ta' Pariġi dwar il-Klima; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jintensifika id-diplomazija fir-rigward tal-għanijiet politiċi fil-qasam tal-klima sabiex jibni appoġġ għal ftehim komprensiv, ambizzjuż, trasparenti, dinamiku u ġuridikament vinkolanti li jillimita t-tisħin globali għal 2 C; jenfasizza, skont l-obbligi internazzjonali fil-qasam tal-klima u l-prinċipji tal-UNFCCC, l-importanza tal-UE bħala sieħba importanti fid-diplomazija dwar il-klima, u l-bżonn li l-partijiet jitkellmu b'vuċi waħda; jappella, f'dan il-kuntest, għat-tisħiħ tad-djalogu intra-Ewropew sabiex tintlaħaq pożizzjoni komuni, b'mod partikolari fir-rigward tal-punti ewlenin tan-negozjati; jistieden lill-Istati Membri jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom f'dan ir-rigward ma' dawk tal-UE; jissottolinja li l-UE u l-Istati Membri għandhom kapaċità enormi ta' politika estera, u għandhom juru sens ta' tmexxija fil-qasam tad-diplomazija dwar il-klima u jimmobilizzaw dan in-netwerk sabiex isibu bażi komuni għall-qbil dwar is-suġġetti prinċipali f'Pariġi, fosthom il-mitigazzjoni, l-adattament, il-finanzjament, l-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija, it-trasparenza tal-azzjoni u tal-appoġġ, u l-bini tal-kapaċitajiet; jistieden lill-partijiet involuti fl-aspetti ambjentali fin-negozjati kummerċjali tal-UE, b'mod speċjali n-negozjati li għaddejjin għas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) sabiex jieħdu kont tal-konklużjonijiet tal-Konferenza ta' Pariġi dwar il-Klima;

4.  Jenfasizza li d-diplomazija dwar il-klima hija parti integrali tal-approċċ komprensiv tal-azzjoni esterna tal-UE; jirrikonoxxi li t-tibdil fil-klima se jolqot pajjiżi b'diversi livelli ta' gravità, bil-pajjiżi l-inqas żviluppati jkunu l-aktar milquta b'mod sproporzjonat minħabba li għandhom nuqqas ta' riżorsi għall-mitigazzjoni u għall-adattament tal-klima; jirrikonoxxi li t-trasformazzjonijiet tal-Artiku jirrappreżentaw effett kbir tat-tibdil fil-klima fuq is-sigurtà tal-UE; jappella għal politika ta' prevenzjoni fir-rigward tat-tibdil fil-klima, kif ukoll għal dibattitu dwar strateġija fil-livell tal-UE li tħares 'il quddiem sabiex tindirizza l-konsegwenzi strateġiċi u politiċi ta' instabbiltà ġeopolitika kkaġunata mill-klima, li tippermetti lill-UE tirrispondi għal kunflitti relatati mar-riżorsi billi żżid il-kooperazzjoni ma' pajjiżi l-aktar milquta mill-impatti tat-tibdil fil-klima;

5.  Jemmen li l-Parlament għandu juża r-rwol u l-influwenza tiegħu fin-netwerks parlamentari internazzjonali sabiex iżid l-isforzi ħalli jintlaħaq ftehim internazzjonali ambizzjuż u ġuridikament vinkolanti f'Pariġi;

6.  Jilqa' l-pjan ta' azzjoni għad-diplomazija dwar il-klima, li jipprevedi li s-SEAE, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jimplimentaw flimkien pjan strateġiku, koerenti u kongruwenti dwar il-klima matul l-2015; jenfasizza li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin ta' Lulju 2011 u ta' Ġunju 2013 approvaw id-dokumenti informali konġunti tas-SEAE u tal-Kummissjoni, li identifikaw tliet oqsma ta' azzjoni tad-diplomazija dwar il-klima, u li l-pjan ta' azzjoni għandu jkun parti integrali ta' din l-istrateġija; jenfasizza r-rwol kruċjali li s-SEAE jista' jkollu fil-promozzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE qabel u waqt il-Konferenza ta' Pariġi dwar il-Klima u fil-ħolqien ta' fehim reċiproku bejn il-partijiet kollha involuti dwar kif jinkiseb appoġġ internazzjonali għall-iżvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima;

7.  Jissottolinja l-importanza ta' djalogi bejn l-UE u l-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet lokali, is-soċjetà ċivili, is-settur privat u l-midja, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll lil hinn minnha, fid-dawl tal-fatt li dawn l-atturi għandhom rwol dejjem akbar fid-dibattitu dwar il-klima; jemmen li dawn id-djalogi se jikkontribwixxu għal ftehim trasparenti u inklużiv;

8.  Jenfasizza li l-pjan ta' azzjoni għandu jkollu objettivi u strateġiji definiti b'mod ċar u li jistgħu jintlaħqu minn kulħadd;

9.  Jenfasizza l-importanza li d-drittijiet tal-bniedem jinżammu fil-qalba tal-azzjoni klimatika, u jinsisti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ftehim ta' Pariġi jirrikonoxxi li r-rispett u l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu, fost l-oħrajn, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-parteċipazzjoni sħiħa u ugwali tan-nisa, u l-promozzjoni attiva ta' tranżizzjoni ġusta għall-forza tax-xogħol, b'hekk jinħoloq ix-xogħol dinjintuż u impjiegi ta' kwalità għal kulħadd, jikkostitwixxi prerekwiżit għal azzjoni effikaċi globali dwar il-klima;

10. Josserva li l-Partijiet għall-UNFCCC fis-COP18 iddeċiedew (Deċiżjoni 23/CP.18) li jadottaw għan ta' bilanċ bejn is-sessi fil-korpi stabbiliti skont il-UNFCCC u l-Protokoll ta' Kjoto, sabiex itejbu l-parteċipazzjoni tan-nisa u jinfurmaw politika aktar effikaċi dwar il-bidla fil-klima li tindirizza l-bżonnijiet tan-nisa u l-irġiel bl-istess mod, kif ukoll, li jsegwu l-progress magħmul lejn l-għan ta' bilanċ bejn is-sessi sabiex tkun avvanzata l-politika dwar il-klima sensittiva fir-rigward tas-sessi;

11. Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tiżviluppa prijoritajiet strateġiċi għall-politika esterna dwar il-klima minquxa fl-objettivi ġenerali tal-politika estera, u tiżgura li d-delegazzjonijiet tal-UE jiffukaw b'mod aktar intensiv fuq il-politiki dwar il-klima u fuq il-monitoraġġ tal-isforzi tal-pajjiżi sabiex jimmitigaw jew jadattaw għat-tibdil fil-klima, kif ukoll fuq l-għoti ta' appoġġ f'termini ta' bini ta' kapaċità, u li huma għandhom il-mezzi neċessarji sabiex iwettqu azzjonijiet fuq kwistjonijiet ta' monitoraġġ dwar il-klima; jistieden lill-UE tikkoopera aktar mill-qrib mal-pajjiżi ġirien u mal-pajjiżi kandidati fuq kwistjonijiet dwar il-klima, billi tħeġġeġ l-allinjament tal-politiki tagħhom mal-objettivi tal-UE fir-rigward tal-klima; jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jistabbilixxu punti ta' kuntatt iffukati fuq it-tibdil fil-klima fid-delegazzjonijiet tal-UE u fl-ambaxxati tal-Istati Membri;

12. Ifakkar li t-tibdil fil-klima mistenni li jġib miegħu bidliet sinifikanti fix-xejriet migratorji fid-dinja li qiegħda tiżviluppa; jistieden lill-UE tappoġġa lill-komunitajiet fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, b'mod speċjali l-pajjiżi l-anqas żviluppati, fl-isforzi tagħhom għall-adattament għat-tibdil fil-klima u għall-iżvilupp ta' reżiljenza akbar għar-riskji ambjentali;

13. Jenfasizza li l-kwistjoni tat-tibdil fil-klima għandha tkun parti integrali tal-politika tal-iżvilupp u li għandha titqies fl-ippjanar tal-għajnuna umanitarja u tal-baġit għall-politika tal-iżvilupp.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

31.8.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

49

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Petras Auštrevičius, Elmar Brok, Klaus Buchner, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Arnaud Danjean, Mark Demesmaeker, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Michael Gahler, Iveta Grigule, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, David McAllister, Tamás Meszerics, Demetris Papadakis, Alojz Peterle, Tonino Picula, Andrej Plenković, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Jacek Saryusz-Wolski, Jaromír Štětina, Charles Tannock, Eleni Theocharous, László Tőkés, Johannes Cornelis van Baalen, Geoffrey Van Orden

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Caspary, Neena Gill, Ana Gomes, Liisa Jaakonsaari, Anneli Jäätteenmäki, Othmar Karas, Antonio López-Istúriz White, Norbert Neuser, Urmas Paet, Gilles Pargneaux, Jean-Luc Schaffhauser, Helmut Scholz, Paavo Väyrynen, Janusz Zemke

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Heidi Hautala, Jutta Steinruck

10.9.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar "Lejn ftehim internazzjonali ġdid dwar il-klima f'Pariġi"

(2015/2112(INI))

Rapporteur (*): Seán Kelly

(*)       Kumitat assoċjat – l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

Industrija u kompetittività

1.  Jilqa' r-rwol ta' tmexxija tal-UE fir-rigward tal-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, inkluż il-ħolqien ta' għarfien, ħiliet, impjiegi u tkabbir li jġib miegħu; jinnota l-ħtieġa kruċjali li f'Pariġi jintlaħaq ftehim ambizzjuż u legalment vinkolanti – li jinkludi impenn qawwi favur ix-xenarju ta' 2oC indikat mill-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima – u jenfasizza li biex l-UE żżomm ir-rwol ta' tmexxija tagħha hemm bżonn impenn sħiħ min-naħa tal-partijiet kollha f'dan il-ftehim jekk irriduh ikun mezz effettiv ta' prevenzjoni fil-konfront tat-tibdil fil-klima; jinsisti fuq evalwazzjonijiet tal-prestazzjoni regolari u trasparenti – inkluż dwar il-Kontributi Maħsuba Determinati fil-livell Nazzjonali (INDCs) – ibbażati fuq l-aktar data xjentifika aġġornata u fuq l-aħħar teknoloġija f'konformità mas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali(13);

2.  Jinnota li l-UE qiegħda fit-triq it-tajba biex tilħaq il-miri għall-2020 rigward it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra u l-enerġija rinnovabbli, li sar titjib sinifikanti fl-intensità fl-użu tal-enerġija bis-saħħa ta' binjiet, prodotti, proċessi industrijali u vetturi aktar effiċjenti u li, fl-istess ħin, l-ekonomija Ewropea kibret b'45 % mill-1990 'l hawn; jenfasizza li l-miri 20/20/20 għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra, għall-enerġija rinnovabbli u għall-iffrankar tal-enerġija kellhom rwol ewlieni biex dan il-progress jingħata spinta u biex ikunu sostnuti l-impjiegi ta' aktar minn 4.2 miljun persuna f'diversi ekoindustriji(14), bi tkabbir kontinwu matul il-kriżi ekonomika;

3.  Jenfasizza l-importanza li fil-Konferenza ta' Pariġi jintlaħaq ftehim globali vinkolanti u jirrimarka li n-nuqqas persistenti ta' ftehim bħal dan ikompli jipperikola l-kompetittività tal-ekonomija tal-UE u jesponiha għar-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju;

4.  Jilqa' l-impenn tal-mexxejja tal-G7 dwar id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija globali matul dan is-seklu u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra bl-ogħla livelli tal-medda ta' bejn 40 u 70 % sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-2010;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-koordinament u l-ġestjoni tar-riskju klimatiku fil-livell tal-UE u li tinħoloq strateġija ta' adattament ċara għall-UE; jirrakkomanda l-implimentazzjoni ta' miri ambizzjużi u vinkolanti dwar l-emissjonijiet ta' CO2 u dwar l-enerġija rinnovabbli, kemm fil-livell nazzjonali u kemm f'dak tal-UE, sabiex it-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli u sigura tkun possibbli u assigurata;

6.  Jenfasizza li l-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jgħid li l-politika tal-Unjoni hija bbażata fuq il-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas"; jenfasizza wkoll, madankollu, li jekk ekonomiji kbar oħra jonqsu milli jieħdu impenji komparabbli rigward it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra, id-dispożizzjonijiet dwar ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju – immirati partikolarment lejn is-setturi esposti kemm għal intensità kummerċjali għolja kif ukoll għal porzjon kbir ta' spejjeż tal-karbonju fil-produzzjoni – se jinżammu u jissaħħu fejn meħtieġ; iqis, madankollu, li fir-reviżjoni imminenti tal-EU-ETS jeħtieġ tinstab soluzzjoni aktar fit-tul fir-rigward tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju billi titwaqqaf sistema ta' aġġustamenti tal-karbonju fil-fruntieri; iqis li huwa essenzjali li r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju tkun evitata fl-industriji Ewropej ewlenin, inklużi fl-industriji li jużaw ħafna enerġija u fil-produzzjoni agrikola u agroalimentari sostenibbli Ewropea; jirrikonoxxi l-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili fil-produzzjoni tal-ikel;

7.  Jenfasizza li l-ftehim għandu jqis l-objettiv globali parallel li tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel;

8.  Jenfasizza li d-dewmien fit-teħid ta' azzjoni se jżid l-ispejjeż tal-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, u jnaqqas il-firxa ta' għażliet teknoloġiċi disponibbli; iqis li azzjoni bikrija jkollha impatt pożittiv fuq il-kompetittività fit-tul tal-industriji u tal-produtturi tal-enerġija Ewropej;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, sabiex jinzammu kundizzjonijiet ekwi għall-industrija tal-UE u s-settur tal-enerġija, tippromwovi rabtiet bejn l-EU ETS – qabel jew wara riforma komprensiva u strutturali għal wara l-2020 li ssaħħaħ il-prestazzjoni tagħha – u skemi oħrajn għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet, bil-għan li jinħoloq suq globali futur għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet biex jitnaqqsu b'mod sinifikanti u kosteffikaċi l-emissjonijiet globali u tiżdied il-kompetittività industrijali; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi salvagwardji biex jiġi żgurat li l-irbit tal-EU ETS ma' skemi oħrajn ma jikkompromettix il-miri tal-UE dwar il-klima u l-importanza tal-EU ETS; jilqa', f'dan ir-rigward, l-iżvilupp globali ta' skemi ta' skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet u mekkaniżmi ta' pprezzar oħrajn, inklużi 17-il skema ta' skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet li qed jitħaddmu f'erba' kontinenti, li flimkien jirrappreżentaw 40 % tal-PDG globali, u li se jikkontribwixxi biex jitnaqqas ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju; jenfasizza li skema ta' skambju globali tista' tipprovdi l-mezzi biex jissaħħu l-miri globali dwar il-klima, peress li tnaqqas l-ispejjeż għall-kumpaniji u toħloq kundizzjonijiet ekwi;

10. Jistieden lill-Kummissjoni żżomm kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-UE billi timponi soprataxxa fuq prodotti li jużaw ħafna enerġija u li jkunu importati minn pajjiżi terzi biex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż addizzjonali li jġarrbu l-manifatturi tal-UE biex ikopru l-imposti relatati mal-emissjonijiet ta' CO2;

11. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-istabbiltà fit-tul tal-prezzijiet għall-kwoti tal-emissjonijiet, kif ukoll ambjent regolatorju prevedibbli li jidderieġi l-investimenti lejn miżuri maħsuba biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra u jippromwovi t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju;

12. Jinsisti fuq l-eliminazzjoni gradwali globali ta' sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent – inklużi s-sussidji għall-fjuwils fossili – li jippreġudikaw il-kompetizzjoni u s-suq intern tal-enerġija, jiskoraġġixxu l-kooperazzjoni internazzjonali u jostakolaw l-innovazzjoni; jappella biex il-ftehim ikun fih miżuri konkreti, inklużi skadenzi għall-eliminazzjoni gradwali ta' dawn is-sussidji; jinnota wkoll li jeħtieġ jiġi sostnut u mħeġġeġ l-investiment f'negozji li juru approċċ pożittiv fir-rigward tat-tnaqqis ta' gassijiet serra u għalhekk jirrikonoxxi li s-sussidji jistgħu, jekk jintużaw tajjeb, jgħinu fl-iżvilupp ta' ekonomija sostenibbli;

Appoġġ għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' teknoloġiji għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima

13. Jirrimarka l-importanza li jiġi vvalutat il-potenzjal li titnaqqas l-intensità ta' karbonju fl-ekonomija billi titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili; iqis li din il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq studji tekniċi u xjentifiċi u tkopri l-istess skadenzi bħal dawk stabbiliti għall-miri tat-tnaqqis; isostni li l-UE għandha tagħti eżempju kemm permezz tal-inizjattivi tagħha stess kif ukoll billi tippromwovi l-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali tagħha;

14. Jissottolinja l-konsegwenzi negattivi serji – u sikwit irriversibbli – ta' nuqqas ta' azzjoni, peress li t-tibdil fil-klima jaffettwa lir-reġjuni kollha madwar id-dinja b'modi differenti, iżda lkoll dannużi ħafna, li jirriżultaw fi flussi migratorji u mwiet kif ukoll telf mil-lat ekonomiku, ekoloġiku u soċjali; jenfasizza l-importanza tal-evidenza xjentifika bħala mutur fir-rigward ta' deċiżjonijiet politiċi fit-tul u jenfasizza li l-livell ta' ambizzjoni għandu jkun ibbażat fuq rakkomandazzjonijiet xjentifiċi solidi; jenfasizza li spinta politika u finanzjarja globali u miftiehma favur attivitajiet ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni f'teknoloġiji b'enerġija nadifa u rinnovabbli hija kruċjali biex jintlaħqu l-miri tagħna dwar il-klima u biex jiġi ffaċilitat it-tkabbir fis-setturi tal-ekonomija ekoloġika tal-UE, jiżdied l-għadd ta' ħaddiema kompetenti attivi fl-industrija u jitrawmu l-għarfien u l-aħjar prattika, filwaqt li jiġi żgurat li "tranżizzjoni ġusta" tal-forza tax-xogħol toħloq impjiegi ta' kwalità; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-koordinament u l-ġestjoni tar-riskju klimatiku fil-livell tal-UE u li tinħoloq strateġija ta' adattament ċara għall-UE, kif ukoll l-importanza li jingħata kontribut biex jiġi evitat il-ħolqien jew it-tkabbir ta' bużżieqa tal-karbonju;

15. Jenfasizza li l-UE għandha żżid l-isforzi tagħha fir-rigward tat-trasferiment ta' teknoloġiji għall-benefiċċju tal-pajjiżi l-inqas żviluppati, filwaqt li tirrispetta d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali eżistenti;

16. Jinnota li hemm modi differenti ta' kif titħeġġeġ l-innovazzjoni f'ekonomija bbażata fuq is-suq; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta d-diversi mekkaniżmi li jeżistu biex jiġu ppremjati l-aktar negozji dinamiċi, li jiddistingwu ruħhom għall-ħila tagħhom li jqanqlu l-innovazzjoni u jittrasferixxu u japplikaw it-teknoloġiji f'livell globali;

17. Jemmen li ż-żieda fl-użu ta' teknoloġiji tal-enerġija nadifa fejn ikollhom l-akbar impatt tiddependi mill-bini u ż-żamma ta' kapaċità ta' innovazzjoni b'saħħitha kemm fil-pajjiżi żviluppati u kemm f'dawk emerġenti;

18. Jinnota li t-tnaqqis meħtieġ fl-emissjonijiet jiddependi minn żvilupp u użu aktar mifrux ta' teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju;

19. Jirrikonoxxi li l-bini tal-kapaċità teknoloġika jeħtieġ mekkaniżmi ta' finanzjament effikaċi; jenfasizza l-ħtieġa li jingħata finanzjament favur azzjonijiet klimatiċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jtenni l-appelli tal-Kummissjoni biex jittieħdu impenji konkreti sabiex l-aktar pajjiżi fqar u vulnerabbli jirċievu appoġġ prijoritarju permezz tal-Fond Ekoloġiku għall-Klima (GCF); jappoġġja, barra minn hekk, miżuri favur il-mobilizzazzjoni konġunta ta' finanzjament minn varjetà ta' sorsi – pubbliċi u privati, bilaterali u multilaterali; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li għadd ta' kwoti tal-EU ETS jiġu riżervati biex jingħata appoġġ finanzjarju lill-pajjiżi l-inqas żviluppati, għal finijiet ta' finanzjament ta' miżuri ta' mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima;

20. Jitlob li r-rwoli taċ-Ċentru u tan-Netwerk ta' Teknoloġiji għall-Klima (CTCN) u tal-Kumitat Eżekuttiv għat-Teknoloġija fl-iffaċilitar tal-iżvilupp teknoloġiku għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima jingħataw rikonoxximent u appoġġ sħiħ;

Riċerka xjentifika, żvilupp teknoloġiku u innovazzjoni, inkluża l-politika spazjali

21. Jissottolinja li l-istimolu tal-innovazzjoni fit-teknoloġiji u fil-mudelli kummerċjali jista' jixpruna kemm it-tkabbir ekonomiku kif ukoll it-tnaqqis fl-emissjonijiet; jenfasizza li t-teknoloġija mhix se tavvanza b'mod awtomatiku f'direzzjoni ta' livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, iżda teħtieġ sinjali ċari mil-lat ta' politika, inkluż it-tnaqqis tal-ostakli regolatorji u tas-suq għal teknoloġiji u mudelli kummerċjali ġodda, u nefqa pubblika mmirata tajjeb; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp pubbliċi fis-settur tal-enerġija biex jgħinu joħolqu l-mewġa li jmiss ta' teknoloġiji effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju;

22. Jagħraf l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u jistieden lill-Partijiet jagħmlu kull sforz sabiex jappoġġjaw lir-riċerkaturi u jippromwovu t-teknoloġiji ġodda li jistgħu jgħinu biex jintlaħqu l-miri ta' tnaqqis li jistgħu jiġu stabbiliti, kif ukoll il-miżuri ta' mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima;

23. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tieħu aktar vantaġġ mill-fatt li l-programm Orizzont 2020 huwa miftuħ kompletament għas-sehem minn pajjiżi terzi, speċjalment fl-oqsma tal-enerġija u t-tibdil fil-klima;

24. Iqis li l-politika spazjali tal-UE u l-investiment fiha, inkluż il-varar ta' satelliti li jiżvolġu rwol importanti fil-monitoraġġ ta' inċidenti industrijali, deforestazzjoni, deżertifikazzjoni, eċċ., kif ukoll il-kollaborazzjoni mas-sħab f'pajjiżi terzi, jistgħu jkollhom rwol ewlieni fil-monitoraġġ u l-indirizzar tal-effetti tat-tibdil fil-klima madwar id-dinja kollha;

Enerġija

25. Jenfasizza li l-UE għandha tagħmel kull sforz f'Pariġi biex tinkoraġġixxi lill-Partijiet jadottaw approċċ olistiku li jgħaqqad it-tnaqqis tal-emissjonijiet ma' mudell ġdid ta' enerġija bbażat fuq l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli;

26. Jenfasizza l-potenzjal enormi li jitnaqqsu l-emissjonijiet permezz ta' żieda fl-effiċjenza enerġetika u l-użu ta' enerġija nadifa; iqis li l-massimizzazzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija madwar id-dinja huwa l-ewwel pass lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet relatati mal-enerġija li jikkontribwixxi wkoll għall-isfida li jittaffa l-faqar enerġetiku;

27. Jappella biex ikun hemm parteċipazzjoni inklużiva min-naħa tal-komunitajiet lokali affettwati mill-proċessi u l-proġetti ta' mitigazzjoni u adattament relatati; jissottolinja l-importanza tad-deċentralizzazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija, billi jiġu appoġġjati l-kooperattivi lokali, il-proġetti taċ-ċittadini fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli u l-attivitajiet maħsuba biex jiġu stimulati l-awtoproduzzjoni u l-konsum, filwaqt li titrawwem it-tranżizzjoni minn sistema ekonomika bbażata fuq il-fjuwils fossili għal waħda bbażata fuq l-enerġija rinnovabbli;

28. Jissottolinja l-potenzjal importanti tal-foresti reżiljenti għat-tibdil fil-klima fir-rigward tal-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju pemezz ta' assorbiment, ħżin u sostituzzjoni aħjar tal-karbonju; jenfasizza wkoll il-potenzjal ta' prodotti bijoloġiċi u bbażati fuq l-injam, u speċjalment ta' settur tal-bijoenerġija sostenibbli, kif ukoll l-importanza tal-foresti u ta' użi oħrajn tal-art għaż-żamma u ż-żieda tal-assorbiment u l-ħżin tal-karbonju; jenfasizza li meta kkombinata ma' teknoloġiji għall-ġbir u l-ħżin tal-karbonju (CCS), il-bijomassa bħala fjuwil għall-produzzjoni tal-enerġija tista' tiġġenera tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet ta' karbonju; jappella biex il-materja prima rinnovabbli, bħal dik mill-agrikoltura, il-bwar u l-forestrija, tiġi rikonoxxuta u inċentivata minħabba l-kapaċità tagħha li timmitiga l-emissjonijiet u tikkontribwixxi lejn it-tkabbir ekoloġiku u d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija; jinnota li l-emissjonijiet totali ta' karbonju mill-foresti naqsu b'aktar minn 25 % bejn l-2001 u l-2015, l-aktar minħabba tnaqqis fir-ritmu globali tar-rati ta' deforestazzjoni, u jistieden lill-UE, għalhekk, iżżid il-finanzjament internazzjonali għat-tnaqqis tad-deforestazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinnota l-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas ta' kontabbiltà sempliċi, trasparenti u koerenti għall-emissjonijiet u l-assorbimenti fis-setturi LULUCF;

29. Ifakkar li t-trasport huwa t-tieni l-akbar settur ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra wara dak tal-enerġija; jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi implimentata firxa ta' politiki mmirati lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet minn dan is-settur u fuq il-ħtieġa ta' inizjattivi aktar ambizzjużi fil-livell tal-UE biex tiġi żviluppata u varata infrastruttura għall-fjuwils alternattivi, jingħataw aktar inċentivi għall-produzzjoni u l-użu ta' bijofjuwils avvanzati u titħaffef l-elettrifikazzjoni tat-trasport;

30. Jenfasizza l-importanza ta' investiment fl-infrastruttura żviluppat flimkien mal-Istati Membri biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ ħieles tal-enerġija minn naħa għal oħra tal-fruntieri;

31. Jilqa' l-isforzi li saru favur il-kooperazzjoni bejn l-UE u d-Dipartiment tal-Enerġija tal-Istati Uniti, partikolarment rigward ir-riċerka dwar it-teknoloġija marbuta mat-tibdil fil-klima; iqis li hemm potenzjal kbir għal aktar kooperazzjoni fir-riċerka bejn l-UE u ekonomiji kbar oħrajn; jenfasizza li r-riżultati ta' riċerka ffinanzjata minn fondi pubbliċi għandhom ikunu disponibbli liberament;

32. Jinsisti li l-Kummissjoni Ewropea tuża l-Patt tas-Sindki biex tinforma l-pożizzjoni ta' negozjar tagħha, peress li l-bliet, ir-reġjuni u l-komunitajiet lokali se jkunu atturi ewlenin fl-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni u l-miżuri dwar l-azzjoni klimatika fil-livell lokali;

33. Jinnota li l-bijoekonomija għandha l-potenzjal li tikkontribwixxi sostanzjalment għar-riindustrijalizzazzjoni u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda fl-UE u fil-bqija tad-dinja;

34. Jinnota li l-ftehim għandu jqis il-potenzjal tas-settur tal-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) li jikkontribwixxi għall-mira tal-UE li sal-2030 l-emissjonijiet ta' gassijiet serra jitnaqqsu b'tal-inqas 40 % abbażi tal-livelli tal-1990;

35. Jistieden lill-Gvern Franċiż jidħol f'negozjati serji mal-Parlament Ewropew, bħala sinjal ta' rieda tajba, biex issir ħidma lejn sede waħda sabiex jitnaqqas l-ammont kbir ta' emissjonijiet ta' CO2 li jirriżulta mill-fatt li l-Parlament Ewropew qiegħed ibbażat kemm fi Brussell kif ukoll fi Strasburgu(15);

36. Ifaħħar lill-Istati Uniti u liċ-Ċina għall-impenn tagħhom li jiżvolġu rwol aktar sinifikanti fil-klima globali; għandu qalbu qawwija li dawn is-sinjali se jgħinu biex ikun hemm eżitu pożittiv f'Pariġi u, għaldaqsant, iħeġġeġ liż-żewġ pajjiżi jiżguraw li dan l-impenn jiġi tradott f'azzjoni konkreta; jiġbed l-attenzjoni għall-benefiċċji ambjentali, soċjali u ekonomiċi li impenji globali b'saħħithom iġibu magħhom għall-kompetittività tal-industrija tal-UE, u jqis li l-UE għandha tiżvolġi rwol akbar fil-promozzjoni tat-tranżizzjoni lejn sistema globali ta' impenji u strateġiji fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jissottolinja li tali impenn, li joħloq valur reali fit-tul għaċ-ċittadini kollha, jikkontribwixxi għal relazzjonijiet internazzjonali aktar b'saħħithom, orjentati lejn il-paċi dejjiema, is-solidarjetà u l-iżvilupp sostenibbli; jiddispjaċih li xi pajjiżi żviluppati qed ikomplu jżidu l-emissjonijiet tagħhom per capita;

37. Ifakkar lill-Partijiet u lin-NU nfisha li l-azzjoni min-naħa tal-individwi hija importanti daqs l-azzjoni mill-gvernijiet u l-istituzzjonijiet; jappella, għalhekk, biex jsiru sforzi akbar, permezz ta' kampanji u miżuri ta' informazzjoni u sensibilizzazzjoni, biex il-membri tal-pubbliku jiġu infurmati u jiżdied l-għarfien tagħhom dwar il-passi żgħar u l-azzjonijiet kbar li jistgħu jieħdu biex jgħinu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-pajjiżi żviluppati u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

7.9.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

13

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Zigmantas Balčytis, Bendt Bendtsen, David Borrelli, Reinhard Bütikofer, Jerzy Buzek, Soledad Cabezón Ruiz, Philippe De Backer, Peter Eriksson, Fredrick Federley, Adam Gierek, Juan Carlos Girauta Vidal, Theresa Griffin, Marek Józef Gróbarczyk, Roger Helmer, Hans-Olaf Henkel, Eva Kaili, Kaja Kallas, Barbara Kappel, Krišjānis Kariņš, Seán Kelly, Jeppe Kofod, Paloma López Bermejo, Ernest Maragall, Edouard Martin, Dan Nica, Angelika Niebler, Aldo Patriciello, Morten Helveg Petersen, Miroslav Poche, Michel Reimon, Herbert Reul, Paul Rübig, Algirdas Saudargas, Jean-Luc Schaffhauser, Sergei Stanishev, Neoklis Sylikiotis, Dario Tamburrano, Evžen Tošenovský, Claude Turmes, Miguel Urbán Crespo, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Kathleen Van Brempt, Henna Virkkunen, Martina Werner, Anna Záborská, Flavio Zanonato, Carlos Zorrinho

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Michał Boni, Lefteris Christoforou, Cornelia Ernst, Francesc Gambús, Jens Geier, Jude Kirton-Darling, Janusz Korwin-Mikke, Clare Moody, Luděk Niedermayer, Piernicola Pedicini, Massimiliano Salini, Anneleen Van Bossuyt

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jozo Radoš

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.9.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

55

5

8

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Ivo Belet, Simona Bonafè, Lynn Boylan, Cristian-Silviu Buşoi, Miriam Dalli, Seb Dance, Angélique Delahaye, Jørn Dohrmann, Ian Duncan, Stefan Eck, Bas Eickhout, Eleonora Evi, José Inácio Faria, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Jens Gieseke, Julie Girling, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Jytte Guteland, György Hölvényi, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Benedek Jávor, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Valentinas Mazuronis, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Gilles Pargneaux, Piernicola Pedicini, Pavel Poc, Frédérique Ries, Michèle Rivasi, Daciana Octavia Sârbu, Annie Schreijer-Pierik, Renate Sommer, Tibor Szanyi, Estefanía Torres Martínez, Nils Torvalds, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Guillaume Balas, Nikolay Barekov, Paul Brannen, Renata Briano, Mireille D’Ornano, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Ismail Ertug, Giorgos Grammatikakis, Martin Häusling, Gesine Meissner, Anne-Marie Mineur, Ulrike Müller, James Nicholson, Marijana Petir, Bolesław G. Piecha, Gabriele Preuß, Jadwiga Wiśniewska

(1)

   ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 1.

(2)

   ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 25.

(3)

   ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 77.

(4)

   ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 83.

(5)

   Testi adottati, P7_TA(2012)0452.

(6)

   Testi adottati, P7_TA(2013)0443.

(7)

   Testi adottati, P8_TA(2014)0063.

(8)

   ĠU L 8, 13.1.2009, p. 3.

(9)

   ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 44.

(10)

   ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 75.

(11)

   Testi adottati, P7_TA(2014)0094.

(12)

Data tal-Eurostat dwar is-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali msemmija fil-"Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030" (COM(2014)0015).

(13)

"Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna" (COM(2012)0710)

(14)

Data tal-Eurostat dwar is-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali msemmija fil-"Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030" (COM(2014)0015).

(15)

L-impatt totali tal-operat ta' Strasburgu f'termini ta' CO2 huwa ta' mill-inqas 18 8884.5 tunnellata fis-sena. Skont studju ta' Settembru 2007 dwar l-ispejjeż ambjentali tal-operat tal-Parlament Ewropew f'żewġ sedi, magħmul minn Eco-Logica Ltd., deċiżjoni li jiġi adottat tip ta' operat b'sede waħda (bis-sede ta' Brussell) tiffranka kważi 19 000 tunnellata ta' CO2 kull sena.

Avviż legali