Proċedura : 2015/2132(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0298/2015

Testi mressqa :

A8-0298/2015

Dibattiti :

PV 27/10/2015 - 10
CRE 27/10/2015 - 10

Votazzjonijiet :

PV 28/10/2015 - 7.2
CRE 28/10/2015 - 7.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0376

RAPPORT     
PDF 1139kWORD 510k
15.10.2015
PE 567.773v02-00 A8-0298/2015(L-ewwel parti)

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016

(11706/2015 – C8-0274/2015 – 2015/2132(BUD))

Parti 1: Mozzjoni għal riżoluzzjoni

Kumitat għall-Baġits

Rapporteurs: José Manuel Fernandes (Taqsima III – Kummissjoni)

Gérard Deprez (Taqsimiet oħra)

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016 (11706/2015 – C8-0274/2015 – 2015/2132(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3) (ir-Regolament QFP),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4) ('FII'),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit, Taqsima III - Il-Kummissjoni(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2016(6),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, adottat mill-Kummissjoni fl-24 ta' Ġunju 2015 (COM(2015)0300),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, adottata mill-Kunsill fl-4 ta' Settembru 2015 u mibgħuta lill-Parlament fis-17 ta' Settembru 2015 (11706/2014 – C8-0274/2015),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-abbozz ta' baġit 2016(7),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2015 dwar il-ġestjoni tal-kriżi tar-rifuġjati: miżuri operazzjonali, baġitarji u legali skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (COM(2015)0490),

–  wara li kkunsidra l-Ittri Emendatorji Nri 1/2016 (COM(2015)0317) u 2/2016 (COM(2015)0513) għall-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 88 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-kumitati interessati l-oħra (A8-0298/2015),

Taqsima III

Ħarsa Ġenerali

1.  Jenfasizza li l-qari tal-baġit 2016 min-naħa tal-Parlament jirrifletti bis-sħiħ il-prijoritajiet politiċi adottati b'maġġoranza kbira fir-riżoluzzjonijiet tiegħu msemmija hawn fuq tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-linji gwida ġenerali u tat-8 ta' Lulju 2015 dwar il-mandat għat-trilogu; ifakkar li dawn jikkonsistu fis-solidarjetà interna u esterna, b'mod partikolari l-indirizzar effettiv tal-kriżi ta' migrazzjoni u tar-refuġjati, kif ukoll biex tisaħħaħ il-kompetittività permezz tal-ħolqien ta' impjiegi deċenti u ta' kwalità u l-iżvilupp tal-impriżi u l-imprenditorija madwar l-Unjoni ("it-tliet I");

2.  Jenfasizza li l-Unjoni bħalissa qed tiffaċċja għadd ta' emerġenzi serji, b'mod partikolari kriżi ta' migrazzjoni u rifuġjati mingħajr preċedent; jinsab konvint li r-riżorsi finanzjarji neċessarji jeħtieġ li jiġu allokati fil-baġit tal-Unjoni, sabiex jindirizzaw l-isfidi politiċi u jippermettu lill-Unjoni tipprovdi u twieġeb b'mod effikaċi għal dawk il-kriżijiet, bħala kwistjoni tal-akbar urġenza u prijorità; jifhem li l-kriżi tal-migrazzjoni u tar-refuġjati ma jistgħux jiġu solvuti b'riżorsi finanzjarji biss u li hemm bżonn ta' approċċ komprensiv li jindirizza kemm id-dimensjoni interna kif ukoll dik esterna tagħha; iqis li perjodi straordinarji jirrikjedu miżuri straordinarji, u li hemm bżonn impenn politiku qawwi biex jiġu żgurati approprjazzjonijiet ġodda għal dan il-għan;

3.  Jinnota li l-Parlament, sa mill-bidu, enfasizza b'mod partikolari l-migrazzjoni u r-rifuġjati fil-baġit 2016; ifakkar fid-dikjarazzjonijiet preċedenti tiegħu li l-immaniġġjar tal-flussi ta' migrazzjoni jinsab f'punt kritiku ta' għażla bejn is-solidarjetà interna u dik esterna, u li l-istrumenti ta' finanzjament estern għandhom jiġu mobilizzati b'approċċ integrat, sabiex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-problemi li qed tiffaċċja l-Unjoni; ifakkar fit-trattati u l-ftehimiet komuni bħal l-Acquis ta' Schengen u r-Regolament ta' Dublin u l-proposta tal-Kummissjoni dwar mekkaniżmu ta' kriżi vinkolanti għar-rilokazzjoni (COM(2015)0450);

4.  Jiddeċiedi, għalhekk, li jressaq immedjatament pakkett komprensiv ta' emendi biex l-Abbozz ta' Baġit (AB) jiżdied b'EUR 1 161 miljun kemm fl-Intestatura 3 (Sigurtà u Ċittadinanza) u kemm fl-Intestatura 4 (Ewropa Globali), sabiex jingħata rispons inizjali għall-kriżi tal-migrazzjoni; jenfasizza li, fir-rigward tad-dimensjoni interna ta' din il-kriżi, l-emendi tal-Parlament diġà jintegraw bis-sħiħ u jallinjaw iż-żewġ pakketti dwar ir-rilokazzjoni ta' dawk li jfittxu asil, filwaqt li jipproponu miżuri addizzjonali għall-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) u l-aġenziji tal-Unjoni f'dan il-qasam; jenfasizza, fir-rigward tad-dimensjoni esterna, il-ħtieġa li jkun hemm għadd ta' żidiet addizzjonali għal ċerti programmi speċifiċi fl-Intestatura 4, bħal pereżempju l-Istrument Ewropew ta' Viċinat, l-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, l-Għajnuna Umanitarja u l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni;

5.  Jissottolinja, madankollu, li dawk l-emendi għandhom jiġu kkunsidrati flimkien mal-Ittra Emendatorja 2/2016 tal-Kummissjoni, li, minbarra t-tieni pakkett ta' rilokazzjoni, mistennija tinkludi l-miżuri addizzjonali stipulati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Settembru 2015; jiddispjaċih li l-Parlament u l-Kunsill ma għandhomx iktar żmien biex jeżaminaw l-adegwatezza ta' din l-Ittra Emendatorja, iżda jifhem il-ħtieġa ta' rispons immedjat u pressjoni konsiderevoli ta' żmien; jisħaq li l-Parlament jappoġġja bis-sħiħ dawn il-miżuri l-ġodda u għandu l-intenzjoni li jiddefendi l-finanzjament tagħhom permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda saħansitra f'livell ogħla minn dak propost fil-pożizzjoni tiegħu stess dwar il-baġit 2016;

6.  jiddeċiedi wkoll li jieħu azzjoni rigward il-kriżi attwali li qed taffettwa l-bdiewa Ewropej, b'mod partikolari fis-settur tal-ħalib, u biex jintegra diġà fil-pożizzjoni tiegħu dwar il-baġit 2016 il-EUR 500 miljun f'miżuri ta' appoġġ f'emerġenza mħabbra mill-Kummissjoni; jistenna li fl-Ittra Emendatorja 2/2016, il-Kummissjoni se tippermetti li jiġu determinati l-linji baġitarji preċiżi li se jiżdiedu f'dan il-kuntest; jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni mill-Kummissjoni biex tirriporta approprjazzjonijiet mhux użati mir-riżerva għall-kriżijiet mill-baġit tal-2015 għall-baġit tal-2016 u jinnota li dawn il-fondi mhux minfuqa se jintużaw għal rimborżi lill-benefiċjarji ta' pagamenti diretti kif previst fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013;

7.  Jirrikonoxxi li jeħtieġ isir ħafna aktar sforz biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fl-ekonomija tal-Unjoni billi tingħata spinta lill-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi ta' kwalità; jenfasizza r-rwol ewlieni li għandhom il-mikrointrapriżi, l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u intrapriżi soċjali f'dan ir-rigward; isaħħaħ, għaldaqstant, il-programm COSME b'EUR 16,5 miljun; jiddeċiedi wkoll li jipproponi impenji ġodda fl-2016 għat-tkomplija tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), li l-pakkett finanzjarju tagħha kien kollu kkonċentrat fil-bidu fis-snin 2014-2015; jirrikonoxxi l-kontribut sinifikanti ta' dan il-programm fil-ġlieda kontra l-qgħad u jinsab determinat li jiżgura li l-approprjazzjonijiet meħtieġa jsiru disponibbli sabiex jiġi evitat li jkun hemm distakk ta' finanzjament fl-implimentazzjoni tiegħu; jadotta, għalhekk, żieda ta' EUR 473,2 miljun għall-2016, li tikkorrispondi għall-ħlas parzjali oriġinali li kien previst għall-YEI fuq bażi annwali;

8.  Itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-baġit tal-Unjoni ma għandux jiffinanzja inizjattivi ġodda għad-detriment ta' programmi u politiki eżistenti tal-Unjoni filwaqt li jinjora impenji politiċi li diġà saru; filwaqt li jirrikonoxxi u jikkonferma bis-sħiħ l-appoġġ kbir politiku u finanzjarju tiegħu għat-tnedija ta' Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), beħsiebu jwettaq l-impenn li ħa matul in-negozjati tal-FEIS, jiġifieri li jimminimizza l-iżjed possibbli l-impatt fuq l-Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali; jipproponi, għalhekk, li jiġi kkumpensat kompletament it-tnaqqis f'dawn iż-żewġ programmi - minħabba l-provvedimenti tal-Fond ta' Garanzija tal-FEIS - fl-2016 (EUR 1 326 miljun), sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu kompletament l-objettivi miftiehma biss sentejn ilu bl-adozzjoni tal-bażijiet ġuridiċi rispettivi tagħhom;

9.  Jenfasizza l-importanza li tiġi rispettata bis-sħiħ id-dikjarazzjoni konġunta dwar pjan ta' pagament 2015-2016 li ntlaħaq qbil dwaru bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, wara l-impenn komuni biex titnaqqas l-akkumulazzjoni ta' talbiet għall-pagament pendenti għall-programmi ta' koeżjoni 2007-2013 għal madwar EUR 2 biljun sa tmiem l-2016; jikkritika, f'dan ir-rigward, il-fatt li t-tnaqqis propost mill-Kunsill huwa f'kontradizzjoni diretta ma' dan il-pjan ta' ħlas; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li tiġi evitata kwalunkwe akkumulazzjoni futura ta' arretrati mhux sostenibbli bħal dawn, u jistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ bi proposti konkreti għal dan il-għan; iqis, għal din ir-raġuni, li l-ħtiġijiet mhux previsti ta' pagament, għandhom jiġu ffinanzjati b'approprjazzjonijiet ġodda u li l-finanzjament disponibbli bil-quddiem ta' biljun Euro fl-2016 għall-Greċja għandu, għalhekk, jingħata permezz ta' limitu massimu tal-pagamenti tal-QFP disponibbli; jenfasizza l-pożizzjoni li ilu jħaddan li l-pagamenti li ġejjin mill-impenji mobilizzati skont l-Istrument ta' Flessibbiltà jitqiesu lil hinn minn dak il-limitu massimu;

10.  Jerġa' jġib kif kien kull tnaqqis propost mill-Kunsill fl-AB (EUR 563,6 miljun f'impenji u EUR 1 421,8 miljun f'pagamenti); ma jistax jifhem ir-raġunament wara t-tnaqqis propost, pereżempju għall-Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, żewġ programmi li diġà huma affettwati minn riallokazzjonijiet għall-FEIS u għall-politiki dwar l-iżvilupp u l-viċinat, speċjalment fid-dawl tal-avvenimenti reċenti; huwa mħasseb li, billi jiġi propost tnaqqis tant importanti fl-AB, il-Kunsill fil-biċċa l-kbira qed jinjora l-valur miżjud indiskutibbli tal-baġit tal-Unjoni; jikkontesta, f'kull każ, l-intenzjoni ddikjarata tal-Kunsill li jiffoka fuq linji baġitarji b'rata ta' eżekuzzjoni jew kapaċità ta' assorbiment baxxi, peress li din mhijiex sostanzjata minn ċifri ta' implimentazzjoni attwali u tinjora x-xejriet ta' implimentazzjoni differenti ta' ċerti programmi;

11.  Jikkonkludi li, bil-għan li dawn il-ħtiġijiet urġenti jiġu finanzjati b'mod adegwat, u meta jitqiesu l-marġnijiet stretti ħafna tal-QFP fl-2016, se jkun hemm bżonn li jiġu utilizzati l-mezzi kollha disponibbli fir-Regolament dwar il-QFP f'termini ta' flessibbiltà, inkluż l-użu sħiħ tal-Istrument ta' Flessibbiltà; jistenna li l-Kunsill jikkondividi dan l-approċċ u li ftehim ikun faċli jintlaħaq fil-konċiljazzjoni, biex b'hekk l-Unjoni tkun tista' taħtaf l-opportunità u tirrispondi b'mod effikaċi għall-isfidi li ġejjin; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li marġni globali tal-QFP għall-impenji mill-2015 għandu jiġi mobilizzat malli jiġu sodisfati l-kundizzjonijiet legali; jistenna li jilħaq ftehim minn qabel mal-Kunsill u mal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni;

12.  Ifakkar fid-Dikjarazzjoni Konġunta tat-tliet istituzzjonijiet tal-Unjoni, fil-kuntest tal-ftehim politiku fuq il-QFP, li l-proċeduri baġitarji annwali jintegraw, kif xieraq, elementi sensittivi għall-kwistjoni tal-ġeneru; jenfasizza li l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għandha sservi ta' bażi, bħala prinċipju orizzontali, il-politiki tal-Unjoni u jappella għal implimentazzjoni komprensiva tal-ibbaġitjar skont il-ġeneru; barra minn hekk, jilqa' b'sodisfazzjon l-ewwel passi ta' ekoloġizzazzjoni tal-baġit tal-Unjoni; jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li dan il-proċess ikompli javvanza sabiex jintlaħqu l-miri miftehma b'infiq li ma jagħmilx ħsara lill-klima u l-ambjent;

13.  Jistabbilixxi l-livell globali tal-approprjazzjonijiet għall-2016 għal EUR 157 427,5 miljun u EUR 146 459,5 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament rispettivament;

Subintestatura 1a – Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi

14.  Jikkritika li, għal darb'oħra din is-sena, l-Intestatura 1a hija affettwata serjament mit-tnaqqis tal-Kunsill, bi tnaqqis ta' EUR 140,9 miljun f'impenji u EUR 435,4 miljun f'pagamenti meta mqabbla mal-AB; jenfasizza li madwar nofs dan it-tnaqqis huwa mmirat lejn l-Orizzont 2020, fattur li jissarraf fi tnaqqis ulterjuri għal dan il-programm fl-2016 wara li parti mill-approprjazzjonijiet tiegħu kienet ġiet riallokata lill-FEIS;

15.  Jenfasizza li, fl-interess ta' approċċ koerenti, ħafna mit-tnaqqis applikat mill-Kunsill fuq il-bażi ta' kapaċità ta' assorbiment baxx f'ħafna programmi tal-Intestatura 1a f'Ġunju 2015 issa reġa' lura għal dak li kien qabel minħabba aċċelerazzjoni b'saħħitha fl-implimentazzjoni ta' dawn il-programmi f'Settembru 2015; jinnota li din hija xejra ġenerali, f'konformità maċ-ċiklu tal-ħajja ta' dawn il-programmi; jiddeċiedi, għalhekk, li jerġa' jġib il-livell tal-AB fir-rigward tal-linji mnaqqsa mill-Kunsill lura għal li kien, kemm fl-impenji u kemm fil-pagamenti;

16.  F'konformità mal-prijoritajiet tiegħu għall-2016, Impjiegi, Impriżi, Imprenditorija, u wara valutazzjoni bir-reqqa tal-kapaċità ta' assorbiment tagħhom sa issa, jiddeċiedi li jipproponi, minbarra l-kumpens sħiħ tat-tnaqqis b'rabta mal-FEIS għall-Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, xi żidiet selettivi lil hinn mil-livell tal-AB għall-programmi COSME, Orizzont 2020, EaSI u Erasmus+;

17.  Jenfasizza, b'mod partikolari, li l-konċentrazzjoni fil-bidu ta' approprjazzjonijiet għall-programm COSME għas-snin 2014-2015 uriet li kienet verament ta' benefiċċju fid-dawl taż-żieda kostanti fid-domanda tal-SMEs għall-appoġġ fl-aċċess għas-swieq u l-finanzjament f'dawn l-aħħar snin; jopponi, għaldaqstant, it-tnaqqis tal-programm COSME fl-AB meta mqabbel mal-2015 u jiddeċiedi li għal dan il-programm iżid l-approprjazzjonijiet lil hinn mill-AB; ifakkar li l-Kummissjoni diġà indikat nuqqas fl-istrumenti finanzjarji tal-programm COSME għall-2015, l-2016 u l-2017, li juri d-distakk bejn l-impenji disponibbli u d-domanda mistennija; jitlob sabiex fi ħdan il-programm COSME jkun hemm żieda sostanzjali fl-approprjazzjonijiet għal Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ, fid-dawl tal-fatt li r-riżorsi disponibbli mhumiex biżżejjed biex ikopru d-domanda sostanzjali fil-parteċipazzjoni;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza l-piż finanzjarju kkawżat minn miżati u ħlasijiet dovuti skont proċeduri ta' ċertifikazzjoni u liċenzjar obbligatorji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi evalwazzjoni xierqa tal-impatt ta' dawk l-ispejjeż fuq il-kompetittività tal-kumpaniji industrijali u l-SMEs;

19.  Jiddeċiedi li jżid l-approprjazzjonijiet, lil hinn mill-AB, għat-tliet aġenziji superviżorji (EBA, EIOPA u ESMA) kif ukoll għall-aġenzija ACER sabiex jingħataw riżorsi adegwati ħalli jiffaċċjaw il-kompiti dejjem jiżdiedu li għandhom;

20.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-programm ITER u jimpenja ruħu li jiżgura l-finanzjament xieraq tiegħu; jinsab imħasseb, madankollu, dwar il-possibbiltà ta' aktar dewmien u spejjeż addizzjonali għal dan il-programm kif ukoll ir-riperkussjonijiet potenzjali relatati fuq il-baġit tal-Unjoni; jiddispjaċih, għalhekk, li ma kienx f'qagħda li jivvaluta l-livell tal-approprjazzjonijiet tal-ITER tal-2016 fir-rigward tal-pjan u l-iskeda ta' pagament aġġornati, li mistennija jiġu ppreżentati fil-Kunsill tal-ITER f'Novembru 2015; jistenna, madankollu, li dan il-pjan rivedut jipprovdi biżżejjed evidenza li r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament, kif stabbiliti fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza rilevanti tal-2013(8), ġew ikkunsidrati kif xieraq u li l-istabbiltà finanzjarja u l-effiċjenza tal-infiq ikunu żgurati; għandu l-ħsieb iqajjem din il-kwistjoni fil-konċiljazzjoni baġitarja tal-2016; barra minn hekk, jinsisti dwar il-ħtieġa ta' trasparenza sħiħa rigward l-użu ta' kontribuzzjonijiet tal-Fużjoni għall-Enerġija, għall-programm ITER; jitlob li jkun hemm mekkaniżmu ta' responsabbiltà xierqa li tagħti stampa ċara tal-ammont ta' riżorsi finanzjarji pprovduti għall-proġett internazzjonali u li jevalwa l-użu effiċjenti tagħhom;

21.  Jirriżerva parti mill-approprjazzjonijiet għall-istandardizzazzjoni tar-rappurtar finanzjarju u l-awditjar u jappella għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport Maystadt li jirreferu għall-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG), u b'hekk tissaħħaħ l-influwenza tal-Unjoni fl-istipular tal-kontabilità internazzjonali;

22.  B'riżultat ta' dan, iżid il-livell ta' approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament għall-Intestatura 1a lil hinn mill-AB b'EUR 1 405,5 miljun u EUR 491,5 miljun rispettivament (inklużi proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji), u b'hekk jaqbeż il-limitu massimu għall-impenji b'EUR 1 316,9 miljun, li għandhom jiġu ffinanzjati bil-mezzi kollha disponibbli għal dak li għandu x'jaqsam mal-flessibbiltà fir-Regolament QFP wara li jiġu eżawriti l-marġnijiet disponibbli;

Subintestatura 1b – Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

23.  Ma jaqbilx mat-tnaqqis propost mill-Kunsill ta' EUR 3,1 miljun f'impenji u, aktar importanti minn hekk, ta' EUR 220,1 miljun f'pagamenti taħt is-subintestatura 1b, inkluż fil-linji tat-tlestija; jitlob lill-Kunsill jispjega kif dan it-tnaqqis huwa kompatibbli mal-għan, minn naħa waħda, li titnaqqas l-akkumulazzjoni ta' kontijiet mhux imħallsa u, min-naħa l-oħra, li jiġu evitati riperkussjonijiet negattivi u dewmien mhux meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-programmi tal-2014-2020; ifakkar li l-politika ta' koeżjoni tirrappreżenta l-politika ewlenija tal-Unjoni rigward l-investiment u hi mmirata lejn it-tnaqqis tal-inugwaljanzi bejn ir-reġjuni Ewropej permezz tat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; jissottolinja l-fatt li strumenti bħall-FSE, il-FEŻR, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ huma strumentali fit-trawwim tal-konverġenza, it-tnaqqis tad-distakk fl-iżvilupp u l-appoġġ għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u sostenibbli;

24.  Jinnota l-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni, ibbażata fuq l-aħħar tbassir tal-Istati Membri, li l-implimentazzjoni tal-programm fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni x'aktarx tiġi deferita fl-2016; jinsab allarmat dwar il-fatt li kull nuqqas ta' nfiq sinifikanti fit-tielet sena tal-implimentazzjoni taċ-ċiklu l-ġdid tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment, fi żmien meta l-programmi mistennijin ikunu fl-aqwa tagħhom, mhux biss se jkollu effett ħażin fuq il-kisba f'waqtha ta' riżultati fuq il-post, iżda jista' jwassal ukoll għal pressjoni serja fuq il-pagamenti fi snin sussegwenti, bil-possibbiltà li terġa' tifforma akkumulazzjoni ta' kontijiet mhux imħallsa; iħeġġeġ lill-Istati Membri kkonċernati biex jagħmlu progress mgħaġġel fl-indirizzar tal-kawżi sottostanti ta' dan id-dewmien fl-implimentazzjoni, bħal permezz tal-ħatra fil-pront tal-awtoritajiet tal-programm u n-non-multiplikazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi nazzjonali; f'konformità mal-pjan ta' pagament, jitlob lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib l-evoluzzjoni tal-pagamenti taħt l-Intestatura 1b relatati mal-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, inkluż permezz ta' tbassir dettaljat u aġġornat b'mod regolari biex jiġu diskussi f'laqgħat interistituzzjonali ad hoc, u tagħmel proposti adatti kif meħtieġ;

25.  Ifakkar li l-Kummissjoni ma pproponiet l-ebda approprjazzjoni ta' impenn għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fl-2016, minħabba l-antiċipazzjoni tagħhom fis-snin 2014-2015; jiddeċiedi, f'konformità mar-Regolament dwar il-Fond Soċjali Ewropew(9) li jipprevedi l-possibbiltà ta' tali kontinwazzjoni, li l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ tiġi pprovduta b'EUR 473,2 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn, jiġifieri ammont li jikkorrispondi għall-ħlas parzjali annwali inizjali previst għal dan il-programm; jinsab konvint li l-finanzjament għal dan il-programm importanti, li jindirizza waħda mill-aktar sfidi urġenti tal-Unjoni, m'għandux jieqaf fl-2015; jissottolinja li l-finanzjament addizzjonali għandu jintuża biex il-programm jinfirex iżjed, biex b'hekk jiġu megħjuna numru akbar ta' żgħażagħ fit-tfittxija tagħhom għal xogħol deċenti u permanenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu l-almu tagħhom biex iħaffu l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva fuq il-post, għall-benefiċċju dirett taż-żgħażagħ Ewropej; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar miżuri ffinanzjati mill-Unjoni għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u dwar ir-riżultati li nkisbu permezz tagħhom;

26.  Filwaqt li jqis il-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji, iżid l-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-Intestatura 1b b'EUR 482,7 miljun u l-approprjazzjonijiet ta' pagament b'EUR 1 164 miljun lil hinn mill-AB, u b'hekk jaqbeż il-limitu massimu għall-impenji b'EUR 467,3 miljun biex jiġu ffinanzjati bi kwalunkwe mezz disponibbli għal dak li jirrigwarda l-flessibbiltà fir-Regolament tal-QFP;

Intestatura 2 – Tkabbir sostenibbli: riżorsi naturali

27.  Jinnota li l-Kunsill naqqas l-approprjazzjonijiet anke fl-Intestatura 2 b'EUR 199,9 miljun f'impenji u EUR 251,1 miljun f'pagamenti, inklużi l-iżvilupp rurali, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u l-programm LIFE; iqis li l-Ittra Emendatorja għall-agrikoltura għandha tibqa' l-bażi għal kwalunkwe reviżjoni affidabbli tal-approprjazzjonijiet tal-FAEG; jerġa' jġib il-livelli tal-AB lura għal li kienu b'mod korrispondenti;

28.  Jilqa' l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta' pakkett komprensiv ta' EUR 500 miljun għal miżuri ta' emerġenza biex jappoġġaw il-bdiewa Ewropej prinċipalment fis-settur tal-ħalib, u dan fid-dawl ta' tnaqqis fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi u produzzjoni akbar tal-ħalib; jisħaq li l-effetti huma l-aktar gravi f'żoni remoti, fejn m'hemm l-ebda dubju dwar l-importanza soċjo-ekonomika tas-settur tal-ħalib; jinkorpora dan l-ammont fil-qari tiegħu bħala turija ta' appoġġ għal dak li ħabbret il-Kummissjoni, u jistenna bil-ħerqa l-inklużjoni sħiħa tiegħu matul il-proċedura ta' konċiljazzjoni abbażi tal-Ittra Emendatorja; jissottolinja li dan il-pakkett għandu jkompli jżid mal-firxa ta' miżuri mmirati li jindirizzaw it-telf u l-effetti fit-tul fuq il-bdiewa Ewropej tal-embargo Russu fuq il-prodotti agrikoli, billi r-Russja s'issa hija t-tieni l-aktar destinazzjoni importanti għall-esportazzjonijiet agrikoli tal-Unjoni;

29.  Jenfasizza ż-żieda fil-kompiti assenjati lill-Unjoni bħala parti mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd; għaldaqstant, jerġa' jġib il-livell tal-approprjazzjonijiet lura għal li kienu fil-baġit 2015 fir-rigward tal-pariri u l-għarfien xjentifiċi fis-settur tas-sajd minħabba l-importanza tal-ġbir tad-data fit-teħid tad-deċiżjonijiet, u jsaħħaħ il-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) biex jappoġġa r-rwol tagħha fil-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd;

30.  Iżid, għalhekk, l-approprjazzjonijiet ta' impenn b'EUR 510,6 miljun u l-approprjazzjonijiet ta' pagament b'EUR 520,7 miljun (inklużi proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji), u b'hekk iħalli marġni ta' EUR 647 miljun taħt il-limitu masssimu għall-impenji fl-Intestatura 2;

Intestatura 3 – Sigurtà u Ċittadinanza

31.  Ifakkar li l-AB ippreveda żidiet fil-qasam tas-sigurtà u l-migrazzjoni, inkluża skema ta' EUR 150 miljun għar-rilokazzjoni ta' 40 000 persuna li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, u li dan wassal biex il-Kummissjoni qabżet il-limitu massimu għal din l-intestatura b'EUR 124 miljun u pproponiet il-mobilizzazzjoni korrispondenti tal-Istrument ta' Flessibilità; Jilqa' l-fatt li l-Kunsill qabel mal-prinċipju li jimmobilizza l-Istrument ta' Flessibilità għal dan l-għan; jinnota madankollu li pjan finanzjarju fit-tul biex wieħed jirrispondi għall-kriżi tar-refuġjati huwa meħtieġ u jikkunsidra li dan għandu jiġi indirizzat ukoll permezz ta' reviżjoni tal-QFP;

32.  Jiddeċiedi, fid-dawl tal-flussi attwali eċċezzjonali ta' migranti u rifuġjati, li jikkonċentra ż-żidiet tiegħu biex jissaħħaħ l-AMIF; jappoġġa bil-qawwa f'dan il-kuntest, it-tieni pakkett ta' EUR 780 miljun għar-rilokazzjoni ta' 120 000 persuna addizzjonali; jiddeċiedi li jinkorpora l-fondi neċessarji fil-qari tiegħu, u biex jallinja l-ewwel pakkett ta' rilokazzjoni mat-tieni wieħed billi jżid EUR 20 miljun biex jiffinanzja l-ispejjeż ta' trasport (EUR 500 għal kull migrant lill-Italja u l-Greċja); japprova żieda addizzjonali ta' EUR 79 miljun għal żidiet ġenerali fl-AMIF; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati wkoll il-possibilitajiet ta' finanzjament suffiċjenti tal-AMIF għas-snin li ġejjin; ifakkar li l-punt 17 tat-IIA tat-2 ta' Diċembru 2013 jippermetti żieda ta' aktar minn 10 % fl-ammont previst għat-tul kollu ta' programm meta jinqalgħu ċ-ċirkustanzi ġodda, oġġettivi u dejjiema;

33.  Jinnota li tali miżuri huma biss l-ewwel pass lejn l-implimentazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' solidarjetà li fuqu hi bbażata l-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jimplimentaw b'mod sħiħ il-pjanijiet proposti fit-23 ta' Settembru 2015 u juru impenn ċar lejn ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza l-importanza ta' finanzjament xieraq ta' operazzjonijiet ta' ritorn f'konformità mal-Karta u l-prinċipju ta' "non-refoulment" sabiex tinkiseb politika effettiva ta' ritorn, li tipprevjeni u tnaqqas il-migrazzjoni irregolari; jenfasizza l-importanza ta' appoġġ għar-refuġjati qrib pajjiżhom u jiffaċilitaw il-proċeduri tal-ażil fl-Istati Membri;

34.  Fl-aħħar nett jiddeċiedi li jsaħħaħ l-aġenziji b'kompiti relatati mal-migrazzjoni għal total ta' EUR 26 miljun mal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) li jirċievu l-akbar żieda ta' EUR 12 miljun lil hinn mill-AB; ifakkar li din l-aġenzija għandha rwol ċentrali ta' koordinatur fl-implimentazzjoni tal-miżuri provviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali u hija dejjem aktar tiġi msejħa tassisti l-Istati Membri kkonċernati;

35.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Settembru 2015 u l-miżuri korrispondenti riflessi fl-Ittra Emendatorja 2/2016, b'mod partikolari EUR 600 miljun f'finanzjament ta' emerġenza addizzjonali għall-Istati Membri l-aktar milquta; jinsab sodisfatt li l-Kummissjoni qed tieħu rwol ta' tmexxija f'dan il-qasam u, b'dan il-mod tikkonferma l-approċċ meħud mill-Parlament fil-qari tiegħu; jinsab lest li jikkunsidra aktar żidiet matul il-konċiljazzjoni;

36.  Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill naqqas l-approprjazzjonijiet ta' impenn b'EUR 25,1 miljun u l-approprjazzjonijiet ta' pagament b'EUR 33,6 miljun meta mqabbla mal-AB; jemmen li dan it-tnaqqis jipperikola l-implimentazzjoni xierqa tal-programmi u l-azzjonijiet taħt l-Intestatura 3; ifakkar, f'dan il-kuntest, li għalkemm xi ftit mit-tnaqqis propost jista' jidher ċkejken, wieħed irid iżomm f'moħħu d-daqs relattivament żgħir ta' diversi programmi importanti u ta' valur, li jagħmilhom partikolarment vulnerabbli għat-tnaqqis; jiddeċiedi, għalhekk, li jerġa' jġib il-livell tal-AB lura għal li kien;

37.  Iqis neċessarju, barra minn hekk, meta wieħed jikkunsidra r-rwol importanti tagħhom fl-appoġġ għall-industriji kulturali u kreattivi li jirrappreżentaw valuri Ewropej ewlenin, li s-sottoprogrammi għall-kultura u l-midja jiżdiedu b'ammont totali ta' EUR 10,5 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn lil hinn mill-AB, inklużi l-Azzjonijiet Multimedjatiċi u l-Faċilità ta' Garanzija għas-Setturi Kulturali u Kreattivi (CCSGF) ippjanati għall-2016 u maħsuba biex jindirizzaw il-kwistjoni kritika tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs u l-organizzazzjonijiet fis-setturi kulturali u kreattivi;

38.  Iqis ukoll ta' prijorità li l-programm "L-Ewropa għaċ-ċittadini" jissaħħaħ b'EUR 1,5 miljun, kif ukoll li n-nomenklatura baġitarja tal-programm "L-Ewropa għaċ-ċittadini" tiġi mmodifikata, billi tiġi ddedikata linja separata għall-implimentazzjoni tal-ECI;

39.  Jinnota li l-qari tiegħu (inklużi l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji) jaqbeż il-limitu massimu tal-Intestatura 3 b'EUR 1 055,1 miljun f'impenji, b'ammont ta' EUR 931,1 miljun lil hinn mill-AB, filwaqt li jżid l-approprjazzjonijiet ta' pagament b'EUR 586,5 miljun; jipproponi, għalhekk, li jiġi mobilizzat kull mezz disponibbli fil-QFP biex jiġi ffinanzjat il-pakkett ta' żidiet marbuta mal-migrazzjoni;

Titolu 4 – Ewropa Globali

40.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fost l-intestaturi kollha, l-Intestatura 4 hija dik li ġarrbet l-aktar tnaqqis mill-Kunsill kemm f'impenji (- EUR 163,4 miljun) u kemm f'pagamenti (- EUR 450,4 miljun); jinnota b'sorpriża li l-Istrument Ewropew ta' Viċinat (b'mod partikolari l-faqar u s-sigurtà fil-pajjiżi tal-Mediterran), l-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (inkluż objettiv tematiku tal-migrazzjoni u l-asil) u l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (minkejja li l-pajjiżi kandidati jospitaw għadd kunsiderevoli ta' rifuġjati jew jinsabu fuq ir-rotot migratorji ewlenin) huma fost dawk l-aktar affettwati; jissottolinja li dan l-approċċ imur biċ-ċar kontra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew dwar l-aġenda tal-migrazzjoni, dwar il-kriżi tar-rifuġjati u dwar il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu;

41.  Jiddeċiedi, f'dan l-isfond, li jerġa' jġib il-livell tal-approprjazzjonijiet previsti mill-AB lura għal li kien; jinnota li din is-sitwazzjoni ta' pagament tal-Intestatura 4 għadha kwistjoni ta' tħassib partikolari minħabba d-differiment ta' akkumulazzjoni sinifikanti ta' kontijiet mhux imħallsa u l-posponiment artifiċjali ta' impenji kuntrattwali biex jiġu ffaċċjati n-nuqqas ta' bbaġitjar persistenti fil-pagamenti; jerġa' jafferma, għalhekk, li ż-żidiet fl-approprjazzjonijiet ta' pagament proposti mill-Kummissjoni kienu sempliċement meħtieġa, minkejja l-fatt li l-kriżi mingħajr preċedent tal-migrazzjoni u r-rifuġjati sadanittant imponiet sfidi addizzjonali fuq l-azzjoni esterna tal-Unjoni;

42.  Jikkumplimenta l-pakkett ta' emendi dwar il-migrazzjoni u l-kriżi tar-rifuġjati billi jadotta żidiet immirati fl-approprjazzjonijiet ta' impenn l-ewwel u qabel kollox fi ħdan l-Istrument Ewropew ta' Viċinat (+ EUR 178,1 miljun) iżda wkoll fl-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (+ EUR 26,6 miljun), l-Għajnuna Umanitarja (+ EUR 26 miljun), l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (+ EUR 11,2 miljun), l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (+ EUR 12,6 miljun) u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (+ EUR 1 miljun); filwaqt li jappoġġa, fejn ikun meħtieġ, il-prijoritizzazzjoni mill-ġdid fi ħdan dawk il-programmi li jindirizzaw l-aktar l-isfidi attwali, jenfasizza li dan m'għandux iwassal għal inqas sforzi relatati mal-objettivi inizjali tal-bażi legali rispettivi, u b'hekk jinħoloq ir-riskju ta' destabbilizzazzjoni tal-Viċinat Ewropew jew reġjuni oħra kkonċernati; itenni l-bżonn ta' adozzjoni ta' approċċ komprensiv ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u li jorbot il-migrazzjoni mal-iżvilupp u ħidma lejn l-integrazzjoni ta' migranti legali, dawk li jfittxu l-asil u r-refuġjati; jenfasizza l-ħtieġa biex tiġi msaħħa l-kooperazzjoni u l-impenn mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu sabiex tiġi ttrattata b'mod effettiv il-kriżi preżenti ta' migrazzjoni, u b'mod partikolari l-ħtiġijiet ta' persuni spostati f'pajjiżi terzi fl-oqsma tas-saħħa u l-edukazzjoni; iqis, għalhekk, tali żidiet bħala indispensabbli għall-finanzjament ta' inizjattivi addizzjonali, apparti l-objettivi inizjali tal-bażijiet ġuridiċi rispettivi;

43.  Jinnota li l-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-Unjoni Ewropea b'reazzjoni għall-kriżi Sirjana u l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-Istabbiltà u l-ġlieda kontra l-kawżi fundamentali tal-imigrazzjoni irregolari u tal-persuni spostati fl-Afrika ġew maħluqa minħabba li l-baġit tal-Unjoni m'għandux kemm il-flessibbiltà u l-finanzjament neċessarji biex jippermettu reazzjoni rapida u komprensiva għall-kriżi; jenfasizza li jeħtieġ li tinstab soluzzjoni globali fir-rieżami/reviżjoni tal-QFP dwar kif l-appoġġ mill-baġit tal-Unjoni għal għajnuna umanitarja u żvilupp ikun aktar effettiv u disponibbli b'mod aktar faċli, u kif jiġi amalgamat mal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u l-għajnuna bilaterali mogħtija mill-Istati Membri; jitlob biex l-approprjazzjonijiet addizzjonali għal programmi taħt l-Intestatura 4 jintużaw b'mod partikolari biex jiżdied il-finanzjament għaż-żewġ Fondi Fiduċjarji kif ukoll għal assistenza immedjata permezz tal-UNHCR u l-Programm Dinji tal-Ikel; jistieden lill-Istati Membri individwali biex mill-kliem jaslu għall-fatti u jagħtu l-kontribuzzjonijiet addizzjonali meħtieġa biex jibbilanċjaw il-finanzjament tal-Unjoni marbut mal-Fondi Fiduċjarji u biex jingħalaq id-distakk ta' finanzjament tal-aġenziji tan-NU mingħajr aktar dewmien; jinnota li l-għadd ta' proġetti potenzjalment iffinanzjati mill-Fondi Fiduċjarji jkompli jdgħajjef l-argument tal-Kunsill dwar allegat nuqqas ta' kapaċità ta' assorbiment fl-Intestatura 4;

44.  Isaħħaħ b'EUR 40 miljun il-linja baġitarja għal appoġġ għall-proċess ta' paċi u assistenza finanzjarja lill-Palestina u l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA); jinnota li l-UNRWA tiżvolġi rwol effikaċi biex tappoġġa l-għadd dejjem jikber ta' rifuġjati Palestinjani li qed isofru direttament mill-kriżi Sirjana, sitwazzjoni li qed titfa' piż addizzjonali fuq l-aġenzija; jinsab imħasseb dwar il-lakuni fil-finanzjament li qed tħabbat wiċċha magħhom l-UNRWA, u jitlob li dawk l-approprjazzjonijiet addizzjonali jgħaddu għall-Fond Ġenerali tagħha li jappoġġa l-edukazzjoni bażika u s-servizzi soċjali u tas-saħħa;

45.  Ifakkar li sabiex jittaffew l-effetti ta' ħsara fit-tul li jirriżultaw minn kriżijiet umanitarji, huwa essenzjali li jiġi żgurat li t-tfal affettwati jkomplu jirċievu edukazzjoni; għalhekk iżid il-finanzjament għal appoġġ tal-edukazzjoni fil-baġit għall-Għajnuna Umanitarja sabiex ikun jammonta għal 3 % minflok 1 %, bil-għan li jintlaħaq il-limitu ta' 4 % sal-2019;

46.  Japprova żieda simbolika tal-baġit tal-PESK biex tiġi appoġġata kwalunkwe inizjattiva li għandha l-għan li tagħmel il-migrazzjoni komponent speċifiku tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK, filwaqt li jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-missjoni militari EUNAVFOR Med, immirata lejn il-ġlieda kontra l-persuni li jiffaċilitaw l-immigrazzjoni illegali u t-traffikanti tal-bnedmin;

47.  Japprezza l-proċess ta' riflessjoni kontinwu li qiegħed isir fis-SEAE dwar il-futur tar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE u r-relazzjoni tagħhom mas-SEAE; iqis li kwalunkwe tibdil fil-linja baġitarja għar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE għandu jseħħ biss wara li jiġi konkluż il-proċess ta' riflessjoni attwali;

48.  Iqis neċessarju li jiġu miżjuda l-approprjazzjonijiet għal-linja tal-baġit tal-Komunità Turko-Ċiprijotta (+EUR 2 miljun) għall-finijiet li ssir kontribuzzjoni deċiżiva għall-kontinwazzjoni u l-intensifikazzjoni tal-ħidma tal-Kumitat għal Persuni Nieqsa f'Ċipru u għall-appoġġ għall-Kumitat Tekniku bikomunali għall-Wirt Kulturali, u b'hekk jiġu promossi l-fiduċja u r-rikonċiljazzjoni bejn iż-żewġ komunitajiet;

49.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ li ntlaħaq waqt id-Disa' Konferenza Ministerjali tad-WTO se tirrikjedi żieda fis-sostenn finanzjarju għall-pajjiżi l-anqas żviluppati u għall-pajjiżi li jinsabu fil-fażi tal-iżvilupp; jenfasizza l-ħtieġa ta' sforzi koordinati bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fir-rigward tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali sabiex jiġi evitat tnaqqis tal-approprjazzjonijiet għall-Għajnuna għall-Kummerċ u l-inizjattivi multilaterali kif ukoll irregolaritajiet fil-qasam tal-kooperazzjoni ma' ċerti sħab li jwasslu għal anqas effikaċja tal-infiq, u sabiex jiġi żgurat li l-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ jaħdem favur l-iżvilupp;

50.  Jiddeċiedi, flimkien ma' proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji, li jisfrutta l-marġni ta' EUR 261,3 miljun li tħalla mill-AB taħt il-limitu massimu għall-Intestatura 4 f'impenji u biex f'dan l-istadju ma jmurx aktar lil hinn; iżid ukoll l-approprjazzjonijiet ta' pagament b'EUR 132,5 miljun; jistenna bil-ħerqa li jkun hemm konċiljazzjoni produttiva abbażi ta' dawn l-emendi, filwaqt li jqis ukoll l-Ittra Emendatorja 2/2016; jenfasizza, madankollu, li dan il-limitu massimu jista' ma jkunx biżżejjed meta wieħed iqis li dan kien ġie ffissat qabel żviluppi kbar fl-Ukrajna, is-Sirja, it-Tuneżija u b'mod aktar ġenerali fil-pajjiżi ġirien, il-Lvant Nofsani u l-Afrika; jitlob, għalhekk, li jsir użu sħiħ mill-potenzjal tar-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza u huwa lest għal aktar mobilizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà previsti fil-QFP biex tiġi indirizzata d-dimensjoni esterna tal-kriżi tal-migrazzjoni u r-rifuġjati;

Intestatura 5 - Amministrazzjoni; Intestaturi oħra - nefqa amministrattiva u tal-appoġġ tar-riċerka

51.  Jinnota li t-tnaqqis tal-Kunsill f'din l-intestatura jammonta għal EUR 31,2 miljun, li minnhom EUR 19,3 miljun jirrigwardaw il-baġit amministrattiv tal-Kummissjoni b'mod partikolari għal bini, tagħmir, u fuq kollox għall-persunal tagħha b'konsegwenza taż-żieda fit-tnaqqis b'rata fissa standard għal 4.3 %; ma jara l-ebda ġustifikazzjoni għall-qari tal-Kunsill u jfakkar li, wara trażżin kostanti fl-aħħar snin, in-nefqa amministrattiva proposta mill-Kummissjoni għall-2016 inżammet viċin il-livell mistenni ta' inflazzjoni, jiġifieri stabbli f'termini reali u li l-Kummissjoni timplimenta tnaqqis kontinwu fil-persunal tagħha;

52.  Iqis, barra minn hekk, li dan it-tnaqqis huwa arbitrarju fid-dawl tal-kapaċità ta' previżjoni ta' din it-tip ta' nefqa bbażata fil-biċċa l-kbira fuq obbligi kuntrattwali, u anke minħabba implimentazzjoni għolja ħafna tagħha, kif irrapportat mill-Kummissjoni; jinnota b'mod partikolari li l-okkupazzjoni tal-pjan ta' stabbiliment tal-Kummissjoni laħqet rekord għoli fl-1 ta' April 2015, b'okkupazzjoni tal-karigi li tlaħħaq 97,8 %; jiddispjaċih, barra minn hekk, li f'intestaturi oħrajn barra l-Intestatura 5, il-Kunsill naqqas l-ispejjeż amministrattivi u tal-appoġġ tar-riċerka b'total ta' EUR 28 miljun, minkejja li dawn huma essenzjali biex ikun żgurat is-suċċess tal-programmi fl-oqsma politiċi differenti tal-Unjoni;

53.  Jiddeċiedi, għalhekk, li jerġa' jġib l-AB lura għal li kien fil-linji kollha tan-nefqa amministrattiva u tal-appoġġ tar-riċerka fl-oqsma ta' politika u fil-linji kollha tal-Intestatura 5 mnaqqsa mill-Kunsill, kif ukoll li japprova xi żidiet żgħar fuq bażi limitata;

54.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-baġit kombinat tal-Kumitat Superviżorju OLAF u s-Segretarjat tiegħu jiġi speċifikat f'linja separata tal-baġit tal-OLAF għall-2016;

L-aġenziji

55.  Jaqbel, bħala regola ġenerali, mal-estimi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ħtiġijiet baġitarji tal-aġenziji; josserva li l-Kummissjoni diġà naqqset b'mod konsiderevoli t-talbiet inizjali tal-biċċa l-kbira tal-aġenziji;

56.  Iqis, għalhekk, li kwalunkwe tnaqqis ulterjuri propost mill-Kunsill jipperikola l-funzjonament korrett tal-aġenziji u ma jippermettilhomx iwettqu l-kompiti assenjati lilhom mill-awtorità leġiżlattiva;

57.  Jiddeċiedi li jżid, fi ħdan il-pakkett globali dwar il-migrazzjoni, l-approprjazzjonijiet għall-aġenziji ewlenin li jaħdmu f'dan il-qasam: l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil, il-Frontex, il-Europol, il-Eurojust, l-eu.LISA, is-CEPOL u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali għal ammont totali ta' EUR 26 miljun, peress li dawn l-aġenziji huma vitali biex jindirizzaw il-problema urġenti attwali tal-flussi migratorji b'mod effikaċi; jilqa' b'sodisfazzjon l-approprjazzjonijiet addizzjonali u ż-żieda proposta ta' 120 pożizzjoni fil-pjanijiet ta' stabbiliment tal-aġenziji fl-abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 7/2015 u jistenna li din id-deċiżjoni jkollha impatt ukoll fuq il-baġit tal-2016 kif ukoll fuq il-baġits għas-snin li ġejjin; jenfasizza s-sitwazzjoni ta' kriżi li qed tiddeterjora malajr u żieda enormi fil-flussi migratorji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipprovdi informazzjoni aġġornata u konsolidata dwar il-ħtiġijiet tal-aġenziji qabel il-konċiljazzjoni baġitarja; jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi strateġija fuq żmien medju u fuq żmien twil għall-azzjonijiet tal-aġenziji fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni: l-għanijiet, il-missjonijiet, il-koordinazzjoni, l-iżvilupp taż-żoni sensittivi u r-riżorsi finanzjarji;

58.  Jiddeċiedi wkoll li jżid l-approprjazzjonijiet tal-baġit 2016 għat-tliet aġenziji ta' superviżjoni finanzjarja minħabba kompiti addizzjonali u żieda fl-ammont ta' xogħol tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta sal-2017 proposta ta' finanzjament għal kunċett ta' finanzjament ibbażat fuq it-tariffi li jissostitwixxi kompletament il-kontribuzzjonijiet attwali mill-Istati Membri, bħala mezz kif tiġi garantita l-indipendenza tal-awtoritajiet Ewropej mill-awtoritajiet nazzjonali tal-membri tagħhom;

59.  Jiddeċiedi wkoll li jżid l-approprjazzjonijiet għall-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija, l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd u ċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga sabiex ikun hemm qbil aħjar bejn ir-riżorsi disponibbli u l-kompiti tal-aġenziji;

60.  Ma jistax jaċċetta, madankollu, l-approċċ tal-Kummissjoni u l-Kunsill fir-rigward tal-persunal tal-aġenziji, u għalhekk jimmodifika għadd sostanzjali ta' pjanijiet ta' stabbiliment; jenfasizza għal darb'oħra li kull aġenzija għandha tnaqqas 5 % tal-karigi tul 5 snin, kif miftiehem fil-FII, iżda li l-karigi l-ġodda meħtieġa biex jitwettqu kompiti addizzjonali minħabba żviluppi ġodda ta' politika u leġiżlazzjoni ġdida mill-2013 iridu jiġu akkumpanjati minn riżorsi addizzjonali u ma għandhomx jiġu kkunsidrati fil-mira ta' tnaqqis fil-persunal tal-FII;

61.  Għalhekk, jenfasizza għal darb'oħra l-oppożizzjoni tiegħu għall-kunċett ta' akkomunament ta' riassenjazzjoni fost l-aġenziji, iżda jafferma mill-ġdid id-disponibilità tiegħu li jiġu lliberati karigi permezz tal-kisba ta' effiċjenza bejn l-aġenziji permezz ta' aktar kooperazzjoni amministrattiva jew saħansitra jiġu analizzati l-possibiltajiet ta' fużjonijiet fejn xieraq u permezz tal-akkomunament ta' ċerti funzjonijiet jew mal-Kummissjoni jew ma' xi aġenzija oħra;

62.  Jenfasizza għal darb' oħra li kariġi ffinanzjati mill-industrija ma għandhom l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni u għalhekk m'għandhomx ikunu soġġetti għal tnaqqis fil-persunal; jenfasizza li dan għandu jitħalla f'idejn l-aġenzija kkonċernata biex tibbilanċja l-ammont ta' xogħol varjabbli billi ma jintlewx il-karigi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom;

63.  Jimmodifika, għaldaqstant, l-għadd ta' pjanijiet ta' stabbiliment tal-aġenziji f'konformità mal-prijoritajiet deskritti hawn fuq biex il-persunal jiġi allinjat ma' kompiti addizzjonali; jimmodifika oħrajn biex jinġiebu aktar f'konformità ma' tnaqqis ġenwin ta' 5 % fuq 5 snin u biex il-karigi ffinanzjati minn tariffi jiġu ttrattati b'mod differenti; ifakkar li t-tnaqqis ta' 5 % fuq 5 snin ġie introdott sabiex jonqsu l-ispejjeż tal-amministrazzjoni; jenfasizza f'dan il-kuntest li aktar karigi fil-pjan ta' stabbiliment ma jkollhomx impatt finanzjarju awtomatiku fuq il-baġit tal-Unjoni peress li l-aġenziji jimlew il-pożizzjonijiet vakanti tagħhom skont il-ħtiġijiet tagħhom u l-aġenziji għalhekk mhux dejjem ikollhom il-karigi kollha fil-pjan tagħhom ta' stabbiliment mimlija;

Proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji (PP-AP)

64.  Wara li wettaq analiżi bir-reqqa tal-proġetti pilota u tal-azzjonijiet preparatorji mressqa – fir-rigward tar-rata ta' suċċess ta' dawk għaddejjin bħalissa u eskluda l-inizjattivi diġà koperti minn bażijiet ġuridiċi eżistenti, u filwaqt li qies bis-sħiħ il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kapaċità ta' implimentazzjoni tal-proġetti, jiddeċiedi li jadotta pakkett ta' kompromess magħmul minn għadd limitat ta' PP-AP, anke fid-dawl tal-marġnijiet limitati disponibbli;

Pagamenti

65.  Jenfasizza għal darb' oħra l-importanza tal-pjan ta' pagament konġunt 2015-2016 miftiehem, qabel il-proċedura baġitarja, mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, li jirrifletti l-impenn tat-tliet istituzzjonijiet biex titnaqqas l-akkumulazzjoni ta' arretrati; jinnota li t-tliet istituzzjonijiet qablu li jikkooperaw bis-sħiħ sabiex jawtorizzaw livell ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fil-baġit 2016 li jippermetti li jintlaħaq tali għan, u li l-approprjazzjonijiet ta' pagament mitluba għall-2016 ġew ikkalkulati mill-Kummissjoni b'mod korrispondenti; iqis li kwalunkwe azzjoni biex jiġi ġestit ir-riskju ta' akkumulazzjoni mhux sostenibbli għandha tkun kumplimentata bi sforzi biex jiġi żgurat skambju aktar produttiv ta' opinjonijiet u biex jittejjeb l-ispirtu ta' kooperazzjoni bejn il-Kunsill fuq naħa, u l-Parlament u l-Kummissjoni fuq in-naħa l-oħra; ifakkar li, skont l-Artikolu 310 tat-TFUE, id-dħul u l-infiq murija fil-baġit tal-Unjoni għandhom ikunu f'bilanċ;

66.  Jiddeplora l-fatt li, minkejja ż-żidiet moderati li rriżultaw u l-marġnijiet wesgħin proposti mill-Kummissjoni, il-Kunsill iddeċieda li jnaqqas l-approprjazzjonijiet ta' pagament b'EUR 1,4 biljun, immirati kemm għal-linji tat-tlestija u kemm għall-programmi li qegħdin fl-aqwa tagħhom, u b'hekk ipperikola t-tneħħija gradwali tal-akkumulazzjoni anormali; ifakkar li, għal programmi taħt ġestjoni diretta, nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament mhux biss huwa rifless fl-evoluzzjoni tal-akkumulazzjoni iżda anke f'dewmien artifiċjali fl-implimentazzjoni tal-programmi, pereżempju dewmien fis-sejħiet għal proposti u/jew l-iffirmar ta' kuntratti ġodda;

67.  Jiddeċiedi li jerġa' jġib l-AB lura għal li kien fir-rigward tal-pagamenti fil-linji kollha mnaqqsa mill-Kunsill, fuq is-suppożizzjoni li l-livelli ta' pagament proposti mill-Kummissjoni fl-AB tagħha huma dawk meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-pjan ta' pagament;

68.  Isaħħaħ, permezz ta' proporzjon adegwat, l-approprjazzjonijiet ta' pagament f'dawk il-linji kollha li huma emendati fl-approprjazzjonijiet ta' impenn, filwaqt li jqis oqsma bi profil ta' żborż rapidu jew grad għoli ta' urġenza, jiġifieri Erasmus +, iż-żewġ skemi ta' rilokazzjoni, il-UNRWA u l-għajnuna umanitarja; iżid l-approprjazzjonijiet ta' pagament b'EUR 1 biljun oħra sabiex il-konċentrazzjoni fil-bidu tal-pagamenti għall-Greċja tkun koperta kompletament b'approprjazzjonijiet ġodda; jiddeċiedi wkoll, fid-dawl tal-implimentazzjoni fl-imgħoddi, li jżid il-pagamenti għall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni;

Taqsimiet oħra

Taqsima I – Il-Parlament Ewropew

69.  Ifakkar li l-estimi tal-Parlament għall-2016 ġew stabbiliti għal EUR 1 823 648 600, li jikkorrispondu għal żieda ta' 1.6 % fuq il-baġit 2015; ifakkar, barra minn hekk, li ġew allokati EUR 15-il miljun għal investimenti urġenti fis-sigurtà u ċ-ċibersigurtà, u b'hekk il-livell ġenerali tal-baġit tiegħu għall-2016 huwa ta' EUR 1 838 648 600;

70.  Jindika li, mill-15 ta' Ġunju 2015, wara li ġew adottati l-estimi tal-Parlament għall-2016, inħoloq grupp politiku ġdid, u li minħabba dawn il-bidliet fl-organizzazzjoni tal-Parlament hemm bżonn ta' approprjazzjonijiet supplimentari biex ikun żgurat li l-gruppi politiċi kollha jiġu trattati bl-istess mod;

71.  Jikkumpensa bis-sħiħ dawn iż-żidiet billi jnaqqas l-approprjazzjonijiet fil-linji baġitarji għar-riżerva ta' kontinġenza, l-allowance ġenerali tal-Membri, aktar taħriġ, l-armar tal-bini, il-konsum tal-enerġija, l-informatika u t-telekomunikazzjonijiet u l-investiment fi proġetti u għamara;

72.  Jinnota l-konklużjonijiet tal-Bureau tas-7 ta' Settembru 2015, fid-dawl tal-qari tal-Parlament dwar il-baġit 2016, li jipproponi li d-deċiżjonijiet u l-aġġustamenti tekniċi reċenti tiegħu jiġu trasposti fil-baġit; japprova dawn it-tibdiliet tekniċi limitati proposti mill-Bureau, li jinvolvu aġġustamenti, mingħajr effetti fuq il-baġit, għall-approprjazzjonijiet u l-pjan ta' stabbiliment, u aġġornamenti għal ċerti aspetti tan-nomenklatura tal-baġit;

73.  Iżomm, għaldaqstant, il-livell kumplessiv tal-baġit tiegħu għall-2016, kif adottat mill-plenarja fid-29 ta' April 2015, li huwa ta' EUR 1 838 648 600;

74.  Jenfasizza li l-attivitajiet tal-gruppi politiċi ma jikkorrispondux għall-ħidma amministrattiva; jikkonferma li, għal din ir-raġuni, il-livell totali tal-persunal fil-gruppi politiċi għandu jiġi eżentat mill-mira ta' tnaqqis tal-persunal ta' 5 %, f'konformità mad-deċiżjonijiet meħuda minnha fir-rigward tas-snin finanzjarji 2014(10), 2015(11) u l-estimi għall-2016(12);

75.  Ifakkar li l-gruppi politiċi kellhom iffriżar fir-reklutaġġ li kien ilu fis-seħħ mill-2012, u li ħtiġijiethom kienu koperti biss parzjalment fis-snin baġitarji preċedenti;

76.  Itenni l-impenn tiegħu li jimplimenta l-punt 27 tal-FII u li jnaqqas il-persunal tiegħu b'1 %;

77.  Jenfasizza li l-Parlament u l-Kunsill għandhom jindirizzaw il-ħtieġa ta' pjan direzzjonali għal sede unika, kif mitluba minn maġġoranza kbira f'dan il-Parlament f'diversi riżoluzzjonijiet, sabiex jiġu ffrankati l-flus fuq żmien twil fil-baġit tal-Unjoni;

Bidliet għall-pjan ta' stabbiliment

78.  Inaqqas il-pjan ta' stabbiliment tas-Segretarjat Ġenerali tiegħu għall-2016 b'57 kariga (mira ta' tnaqqis tal-persunal ta' 1 %) kif ġej: 4 AD14, 13 AD13, 2 AD12, 1 AD9, 2 AD8, 1 AD5, 2 AST11, 1 AST10, 3 AST9, 8 AST8, 7 AST7, 4 AST6, 3 AST5, 2 AST4, 1 AST3, 1 AST1 (karigi permanenti) u 2 karigi temporanji fil-grad ta' AST4; ifakkar li l-impatt baġitarju ta' din il-miżura kien diġà ttieħed inkunsiderazzjoni fl-estimi;

79.  Ibiddel, skont ir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, 80 kariga permanenti fil-grad AST (25 AST11, 10 AST10, 5 AST8, 15 AST7, 5 AST6, 5 AST5, 5 AST4, 5 AST3 u 5 AST2) fi 80 kariga AST/SC1;

80.  Jipproċedi għall-korrezzjonijiet tekniċi li ġejjin: iħassar tliet karigi ta' AST7 u tliet karigi ta' AST6 u jżid sitt karigi ta' AST5 u jħassar in-nota Nru 1 f'qiegħ il-paġna għall-pjan ta' stabbiliment, peress li l-proċedura rilevanti dan l-aħħar ma ntużatx;

81.  Jawtorizza l-ħolqien ta' 43 kariga temporanja ġdida (2 AD7, 19 AD5, 5 AST5, 5 AST3 u 12 AST1) u l-klassifikazzjoni mill-ġdid ta' kariga temporanja waħda mill-grad ta' AD10 għall-grad AD14 għall-ħtiġijiet supplimentari fir-rigward tal-ħolqien ta' grupp politiku ġdid;

Tnaqqis fil-persunal ta' 5 %

82.  Ifakkar li l-Parlament qed jimplimenta l-mira ta' tnaqqis tal-persunal ta' 5 % għat-tielet sena konsekuttiva b'rispett xieraq għall-ittra u l-ispirtu tal-FII; jenfasizza li, għal dan il-għan, mill-2014 'l hawn tneħħew 171 kariga permanenti mill-pjan ta' stabbiliment tiegħu(13); jenfasizza li, sabiex ikun hemm konformità sħiħa mal-mira ta' tnaqqis tal-persunal ta' 5 %, sal-2018 għandu jsir tnaqqis annwali mill-ġdid darbtejn oħra ta' 57 kariga(14);

83.  Jissottolinja li, f'konformità mal-punt 27 tal-FII, il-mira ta' tnaqqis ta' 5 % hija kumpens f'termini ta' persunal, b'relazzjoni ma' żieda fis-sigħat tax-xogħol minn 37,5 għal 40 fil-ġimgħa meta mqabbla mal-pjan ta' stabbiliment tal-1 ta' Jannar 2013; iqis li dan it-tnaqqis għandu japplika għal ammont ta' xogħol kostanti u li, konsegwentement, ir-responsabbiltajiet il-ġodda u l-missjonijiet għandhom jiġu eżentati minn dan il-kalkolu;

84.  Jinnota li, f'konformità mat-tisħiħ tal-prerogattivi tiegħu u l-kompiti ġodda li ngħataw lill-Parlament mill-2013 'l hawn, bidliet strutturali importanti, bħal proċessi ta' internalizzazzjoni li l-persunal tagħhom ġie allokat kemm jista' jkun permezz ta' riassenjazzjonijiet interni, il-karigi l-ġodda nħolqu biss fejn kien strettament neċessarju; jiddeċiedi li jeskludi dawn il-karigi addizzjonali mill-isforz biex jitnaqqas l-għadd ta' persunal b'5 %;

85.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, hija u timmonitorja l-implimentazzjoni tal-mira għat-tnaqqis tal-persunal mill-Parlament, tqis il-kunsiderazzjonijiet addizzjonali ġodda bħal ammont ta' xogħol kostanti, l-eżenzjoni ta' gruppi politiċi, l-internalizzazzjonijiet ibbilanċjati minn tnaqqis fil-linji baġitarji għas-servizzi esterni u prerogattivi u kompiti ġodda;

86.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tat-tnaqqis tal-persunal ta' 5 % m'għandhiex tipperikola l-funzjonament tajjeb tal-Parlament u t-tħaddim mill-Parlament tas-setgħat ewlenin tiegħu, u lanqas m'għandha tbiddel l-eċċellenza leġiżlattiva tiegħu jew il-kwalità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-Membri u l-persunal;

87.  Ifakkar li l-ebda ftehim ma jista' jċaħħad lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mil-libertà sovrana tagħhom ta' evalwazzjoni u mid-dritt li għandhom li kull sena jiddeċiedu dwar il-kontenut tal-baġit;

Kwistjonijiet oħrajn relatati mal-persunal

88.  Ifakkar li l-ħtieġa ta karigi ġodda fis-Segretarjat Ġenerali għandhom ikunu koperti minn trasferimenti interni, sakemm il-ħtieġa li jinħolqu pożizzjonijiet ġodda ma tkunx debitament ġustifikata u ppruvata;

89.  Ifakkar li kwalunkwe riorganizzazzjoni tal-ħidma parlamentari jew ta' proċeduri m'għandhiex twassal għal deterjorazzjoni fil-kondizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet soċjali tal-ħaddiema, tkun xi tkun il-pożizzjoni tagħhom;

90.  Itenni li, b'mod li jiġi żgurat sostenn adegwat għall-Membri fit-twettiq tal-attivitajiet parlamentari tagħhom, hemm bżonn li jinstab bilanċ ġdid bejn l-assistenti parlamentari akkreditati u l-assistenti lokali; jieħu nota tal-fatt li s-Segretarju Ġenerali għamel proposta lill-Bureau sabiex jintlaħaq dan l-għan; jiddeplora l-fatt li s'issa, il-Bureau għadu ma ddeċidiex f'dan ir-rigward; jemmen li perjodu ta' tranżizzjoni għandu jiġi rrispettat meta tiġi implimentata r-reviżjoni tar-regoli attwali; jistenna li d-deċiżjoni finali ser tidħol fis-seħħ sa mhux aktar tard minn Lulju 2016, id-data ta' tmiem tal-perjodu ta' tranżizzjoni.

91.  Itenni l-impenn tiegħu li jappoġġa l-multilingwiżmu fix-xogħol parlamentari permezz ta' standards għoljin ta' interpretazzjoni u traduzzjoni; jitlob lis-Segretarju Ġenerali biex jippreżenta lill-Kumitat għall-Baġits r-riżultati tal-analiżi u l-valutazzjoni li nieda wara li ma ntlaħaqx ftehim dwar kundizzjonijiet ġodda tax-xogħol għal interpreti (Rebbiegħa 2015); jistenna li s-Segretarju Ġenerali juża kull flessibilità meħtieġa biex jiġu żgurati servizzi ta' kwalità għolja ta' interpretazzjoni u ta' traduzzjoni għall-Membri.

92.  Jitlob lis-Segretarju Ġenerali biex jipprovdi ħarsa ġenerali ddettaljata tal-karigi kollha fil-Parlament fis-snin 2014-2016, inkluża d-distribuzzjoni ta' karigi skont is-servizz, il-kategorija u t-tip ta' kuntratt;

Politika tal-proprjetà immobbli

93.  Ifakkar li l-Kumitat għall-Baġits għandu jiġi infurmat fuq bażi regolari dwar l-iżviluppi l-ġodda fil-politika tal-bini tal-Parlament u għandu jiġi kkonsultat fi żmien xieraq, jiġifieri qabel kuntratt huwa miksub, fuq kull proġett ta' bini li jkollu implikazzjonijiet finanzjarji; jikkonferma li l-impatt finanzjarju tal-proġetti kollha ta' bini ser jiġi eżaminati bir-reqqa;

94.  Jemmen li d-deċiżjonijiet relatati ma' proġetti ta' bini għandhom ikunu soġġetti għal proċess trasparenti ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

95.  Itenni għal darb' oħra l-appell tiegħu biex l-istrateġija ġdida tal-bini ta' nofs it-terminu tiġi ppreżentata lill-Kumitat għall-Baġits mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard mill-bidu tal-2016, fil-ħin għat-tħejjija tal-estimi tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2017; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jippreżenta lill-Kumitat għall-Baġits strateġija fit-tul sal-2025 kmieni kemm jista' jkun bil-quddiem qabel l-ewwel qari fil-Parlament tal-baġit fil-Ħarifa 2016;

96.  Jinnota li mill-2014, ma ġiet prevista l-ebda approprjazzjoni għall-investiment fil-kostruzzjoni tal-bini Konrad Adenauer (KAD) fil-Lussemburgu; ifakkar li l-estimi tal-2016 inkludew biss approprjazzjonijiet li jkopru xogħlijiet u servizzi li għandhom jitħallsu direttament mill-Parlament, prinċipalment għall-ġestjoni tal-proġett, l-għarfien espert tekniku u l-konsulenza; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jevalwa qabel tmiem din is-sena l-fondi li ma jkunux intużaw fil-baġit 2015 u jimpenjahom għall-proġett KAD, u dan permezz ta' talba ta' trasferiment fi tmiem l-2015, bil-ħsieb li fil-futur jiġu evitati kemm jista' jkun il-pagamenti ta' imgħax relatati mal-bini;

L-ispejjeż tal-Membri

97.  Itenni l-appell għal aktar trasparenza dwar l-allowance għall-ispejjeż ġenerali għall-Membri; jistieden lill-Bureau tal-Parlament jaħdem fuq definizzjoni ta' regoli aktar preċiżi fir-rigward tar-responsabbiltà tan-nefqa awtorizzata skont din l-allowance, mingħajr ma jkunu ġġenerati spejjeż addizzjonali għall-Parlament;

98.  Jitlob valutazzjoni tar-riżultati tal-approċċ volontarju magħżul mill-Grupp ta' Ħidma Konġunt għal-limitazzjoni tat-titjiriet fil-business class minn Membri u mill-persunal kif ukoll dwar modi possibbli biex jiksbu aktar tariffi vantaġġużi bil-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-Membri u tal-persunal.

Taqsima IV - Il-Qorti tal-Ġustizzja

99.  Jiddeplora l-fatt li, minkejja ż-żieda kontinwa fil-volum ta' attività ġudizzjarja u r-riforma ppjanata tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni naqqset il-persunal b'20 kariga, u b'hekk qed toħloq riskju ta' konġestjoni u tipperikola l-funzjonament xieraq tal-Qorti u l-iżvolġiment tal-ġustizzja fil-pront; jiddeċiedi, għalhekk, li jerġa' jdaħħal l-20 kariga inizjalment mitluba mill-Qorti;

100.  Jiddispjaċih li l-Kunsill żied ir-rata ta' tnaqqis standard applikata għall-approprjazzjonijiet għar-remunerazzjoni tal-persunal minn 2,5 % għal 3,2 %, li hija ekwivalenti għal tnaqqis ta' EUR 1,55 miljun u tmur kontra r-rata estremament għolja ta' okkupazzjoni ta' karigi tal-Qorti (98 % fi tmiem l-2014) u r-rata għolja ta' implimentazzjoni tal-baġit (99 % fl-2014); għalhekk, jaġġusta mill-ġdid ir-rata ta' tnaqqis standard għal-livell tal-abbozz tal-baġit u jikkanċella t-tnaqqis relatat fl-approprjazzjonijiet sabiex jiġi żgurat li l-Qorti tkun tista' taffronta b'mod adegwat iż-żieda sostanzjali fin-numru ta' kawżi u tagħmel użu sħiħ mill-karigi li jingħatawlha;

101.  Jiddeċiedi, barra minn hekk, li jerġa' jdaħħal is-seba' karigi inizjalment mitluba mill-Qorti sabiex tkun tista' tissodisfa l-ħtieġa doppja li ssaħħaħ it-Taqsima tas-Sigurtà u s-Sikurezza tal-Qorti biex tipproteġi aħjar lill-persunal, il-viżitaturi u d-dokumenti, u fl-istess ħin li timplimenta l-Artikolu 105 l-ġdid tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti Ġenerali li jitlob li jiġi stabbilit livell għoli ta' sigurtà sabiex il-partijiet involuti f'ċerti kawżi jkunu jistgħu jipprovdu informazzjoni u materjal li jikkonċerna s-sigurtà tal-Unjoni, l-Istati Membri jew l-iżvolġiment tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom;

102.  Jenfasizza f'dan il-kuntest il-ħtieġa ta' riżorsi għas-sigurtà u s-sorveljanza tal-bini tal-Qorti, u jiddeċiedi għalhekk li jerġa' jġib it-tnaqqis propost mill-Kunsill f'dan il-qasam lura għal-livell tal-abbozz ta' baġit;

103.  Ineħħi r-riżerva eżistenti dwar il-missjonijiet u jibdilha b'oħra ġdida, li għandha tiġi mħabbra meta l-Qorti tippubblika informazzjoni dwar l-attivitajiet esterni tal-Imħallfin, kif mitlub mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-2013 b'rabta mal-Qorti(15);

Taqsima V - Il-Qorti tal-Awdituri

104.  Jaġġusta mill-ġdid ir-rata ta' tnaqqis standard għal-livell inizjali ta' 2,76 %, bil-għan li l-Qorti tal-Awdituri tkun tista' tissodisfa ħtiġijietha fir-rigward tal-pjan ta' stabbiliment;

105.  Jerġa' jġib il-linji kollha mnaqqsa mill-Kunsill għall-Qorti tal-Awdituri lura għal li kienu biex din timplimenta l-programm ta' ħidma tagħha u tippreżenta r-Rapporti tal-Awditjar ippjanati;

Taqsima VI - Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

106.  Jaġġusta mill-ġdid ir-rata ta' tnaqqis standard għal-livell inizjali tagħha ta' 4,5 %, bil-għan li l-Kumitat ikun jista' jissodisfa l-ħtiġijiet tiegħu u jlaħħaq mat-tnaqqis kontinwu tal-persunal fil-kuntest tal-ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kumitat;

107.  Jiddeċiedi wkoll li, fir-rigward tal-allowances tal-ivvjaġġar u s-sussistenza, jerġa' jġib l-AB lura għal li kien;

Taqsima VII - Il-Kumitat tar-Reġjuni

108.  Inaqqas minn naħa r-remunerazzjoni u l-allowances b'ammont li jikkorrispondi għal 66 promozzjoni u erba' karigi addizzjonali li mhumiex meqjusa fl-abbozz ta' baġit biex jirrifletti t-trasferiment ta' dawk il-karigi lill-Parlament;

109.  Iżid min-naħa l-oħra numru ta' linji (l-esternalizzazzjoni tat-traduzzjoni, partijiet terzi, il-komunikazzjoni, l-ispejjeż ta' rappreżentanza, il-komunikazzjoni tal-gruppi politiċi, il-missjonijiet u t-tindif u l-manutenzjoni), b'mod aktar konformi mal-estimi proprji tal-Kumitat sabiex dan ikun jista' jwettaq il-ħidma politika tiegħu u jissodisfa l-obbligi tiegħu;

110.  Fl-aħħar nett, jerġa' jġib it-tnaqqis mill-Kunsill fir-rigward tas-sigurtà u s-sorveljanza tal-bini tal-Kumitat lura għal li kien, biex ikun żgurat biżżejjed finanzjament għal miżuri ta' sigurtà f'każ ta' żieda fil-livell ta' theddid għas-sigurtà ("isfar") matul l-2016;

Taqsima VIII - L-Ombudsman Ewropew

111.  Jinnota b'dispjaċir li l-Kunsill naqqas l-abbozz ta' baġit tal-Ombudsman b'EUR 135 000; jissottolinja li tali tnaqqis se jimponi piż sproporzjonat fuq il-baġit limitat ħafna tal-Ombudsman, u jista' jkollu impatt qawwi fuq il-kapaċità tal-istituzzjoni li taqdi liċ-ċittadini Ewropej b'mod effikaċi; għaldaqstant, jerġa' jġib lura għal li kienu l-linji baġitarji mnaqqsa mill-Kunsill biex l-Ombudsman tkun tista' taqdi l-mandat tagħha u tonora l-impenji tagħha;

Taqsima IX - Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

112.  Jinnota b'dispjaċir li l-Kunsill naqqas l-abbozz ta' baġit tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data b'EUR 135 000; jissottolinja li tali tnaqqis se jimponi piż sproporzjonat fuq il-baġit limitat ħafna tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u jista' jkollu impatt qawwi fuq il-kapaċità tal-istituzzjoni li taqdi lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni b'mod effikaċi; għaldaqstant, jerġa' jġib il-linji baġitarji kollha li tnaqqsu mill-Kunsill lura għal li kienu biex il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jkun jista' jissodisfa l-obbligi u l-impenji tiegħu;

TAQSIMA X - IS-SERVIZZ EWROPEW GĦALL-AZZJONI ESTERNA

113.  Jemmen li, sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw l-isfidi li ġġib magħha l-inċertezza ġeopolitika u biex ikun żgurat ir-rwol tal-Unjoni fid-dinja kollha, għandu jiġi żgurat finanzjament xieraq tas-SEAE; b'hekk jerġa' jġib l-abbozz ta' baġit lura għal li kien fil-linji kollha u jneħħi r-riżervi adottati mill-Kunsill relatati mal-fluttwazzjoni tar-rata tal-kambju tal-Euro;

o

o o

114.  Jinsab konvint li l-baġit tal-Unjoni jista' jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati b'mod effikaċi mhux biss il-konsegwenzi iżda wkoll il-kawżi ewlenin tal-kriżijiet li qed tiffaċċja l-Unjoni bħalissa; huwa tal-fehma, madankollu, li avvenimenti mhux previsti b'dimensjoni tal-Unjoni għandhom jiġu ttrattati billi l-isforzi jinġabru flimkien u billi jitpoġġew mezzi addizzjonali fil-livell tal-Unjoni aktar milli jiġu ddubitati l-impenji mgħoddija jew li jkun hemm l-illużjoni ta' soluzzjonijiet li jkunu purament nazzjonali; jenfasizza, għalhekk, li d-dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà qegħdin hemm biex jippermettu tali rispons rapidu u konġunt u għandhom jintużaw bis-sħiħ biex ipattu għar-restrizzjonijiet ibsin tal-limiti massimi tal-QFP;

115.  Jenfasizza li, bilkemm kienu għaddew sentejn mill-bidu tal-MFF attwali, il-Kummissjoni kellha darbtejn titlob il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità, kif ukoll il-mobilizzazzjoni tal-Marġini ta' Kontinġenza, biex tkopri l-ħtiġijiet urġenti u mhux previsti li ma jistgħux jiġu ffinanzjati fil-limiti massimi tal-MFF attwali; jinnota wkoll li l-Marġini Globali għall-Impenji fl-2015, l-ewwel sena tal-operat tagħha, kien intuża immedjatament kollu kemm hu filwaqt li r-riżorsi ta' żewġ programmi importanti tal-Unjoni kellhom jitnaqqsu biex ikun possibbli l-finanzjament ta' inizjattivi ġodda; jenfasizza li, minħabba l-antiċipazzjoni fl-2014-15, diversi programmi tal-Unjoni jkollhom inqas, jew saħansitra l-ebda impenji disponibbli mill-2016; għalhekk, jara b'mod ċar, li l-limiti massimi tal-QFP huma stretti wisq f'bosta intestaturi u jipparalizzaw l-Unjoni f'oqsma li l-aktar għandhom bżonn, filwaqt li l-mekkaniżmi ta' flessibilità disponibbli tal-MFF diġà laħqu l-limiti tagħhom; iqis li dawn l-iżviluppi jagħmlu l-possibbiltà ta' reviżjoni ta' nofs it-term tal-QFP ġenwina; jistenna bil-ħerqa l-proposti ambizzjużi tal-Kummissjoni għal dak l-għan fl-2016;

116.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-emendi għall-abbozz ta' baġit ġenerali, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet l-oħra u lill-entitajiet ikkonċernati kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

1.9.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill rigward l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016

(2015/2132(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Cristian Dan Preda

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għar-riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' ż-żieda fl-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament fl-Intestatura 4, l-Ewropa Globali, meta mqabbla mas-sena preċedenti, li għandhom jagħtu l-mezzi lill-Unjoni Ewropea sabiex tħares u tippromwovi l-valuri u l-interessi tagħha u tikkontribwixxi għall-protezzjoni taċ-ċittadini tagħha fir-relazzjonijiet li għandha mal-bqija tad-dinja; jinnota b'mod partikolari l-importanza taż-żieda konsiderevoli fil-pagamenti, li se jgħinu biex jinħeles l-ammont sostanzjali ta' xogħol b'lura li akkumula fis-snin reċenti; għalhekk jopponi bil-qawwa t-tnaqqis propost mill-Kunsill fl-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament;

2.  Jenfasizza l-importanza partikolari li jiġi pprovdut finanzjament suffiċjenti għall-Istrument Ewropew ta' Viċinat, li għandu rwol kruċjali fl-appoġġ tal-istabilità fost il-ġirien tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Ewropa; jilqa' bil-qawwa ż-żieda ta' 4.9 % fl-approprjazzjonijiet ta' impenn meta mqabbla mas-sena li għaddiet; jinnota b'mod kritiku t-tnaqqis kbir applikat għall-Istrument Ewropew ta' Viċinat mill-Kunsill u jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li jiżdiedu l-approprjazzjonijiet b'marġni sostanzjali biex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet tal-pajjiżi koperti mill-Istrument; jisħaq fuq in-natura kritika tal-problemi li qegħdin jaffettwaw lill-Libja u lit-Tuneżija u l-importanza li jingħata aktar appoġġ bħala kontribut għall-bini ta' kapaċità għall-istituzzjonijiet, ir-riforma ġudizzjarja, ir-riforma tas-settur tas-sigurtà u l-assistenza fil-fruntieri tagħhom;

3.  Jenfasizza l-importanza li jiżdiedu l-impenji u l-pagamenti fil-Baġit 2016 għall-ġlieda kontra t-terroriżmu;

4.  Jenfasizza li d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, u l-promozzjoni tad-demokrazija huma kwistjoni ta' importanza kbira fl-ambjent globali attwali u simboliċi tal-impenji li l-Unjoni għandha lejn il-valuri ewlenin tagħha; jenfasizza li l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem huwa għodda essenzjali f'dan ir-rigward, li jeħtieġ li jiġi pprovdut b'finanzjament xieraq;

5.  Jinnota l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta' Ġunju 2015; jisħaq li l-PESK tinvolvi impenji b'saħħithom lejn il-viżibilità u l-flessibilità, b'mod partikolari għall-iżvilupp ta' kapaċitajiet ċivili u militari, għat-tisħiħ tal-industrija tad-difiża u għall-SMEs; għal dan l-għan, jilqa' bis-sħiħ id-disponibilità tal-Kunsill biex jiżgura finanzjament xieraq għall-azzjoni preparatorja dwar ir-riċerka relatata mal-PSDK, filwaqt li titwitta t-triq għal programm dwar ir-riċerka u t-teknoloġija tad-difiża ddedikat u ffinanzjat tajjeb fil-QFP li jmiss;

6.  Jenfasizza l-importanza tal-ibbaġitjar suffiċjenti ta' fondi għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, għall-Awtorità Palestinjana u għall-UNRWA sabiex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet fuq il-post, li żdiedu fis-snin reċenti minħabba bosta kriżijiet reġjonali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi indirizzat is-sottoppjanar regolari tal-appoġġ finanzjarju tal-UE għall-UNRWA fil-baġit tal-UE;

7.  Japprezza l-proċess ta' riflessjoni kontinwu li qiegħed isir fis-SEAE dwar il-futur tar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE u r-relazzjoni tagħhom mas-SEAE; iqis li kwalunkwe tibdil fil-linja baġitarja għar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE għandu jseħħ biss wara li jiġi konkluż il-proċess ta' riflessjoni attwali;

8.  Jappoġġja l-pjan tas-SEAE biex tinfetaħ delegazzjoni tal-UE fl-Iran bħala riżultat tal-konklużjoni b'suċċess tat-taħditiet nukleari.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

31.8.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

44

7

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Elmar Brok, Klaus Buchner, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Arnaud Danjean, Mark Demesmaeker, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Michael Gahler, Iveta Grigule, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, David McAllister, Tamás Meszerics, Demetris Papadakis, Alojz Peterle, Tonino Picula, Andrej Plenković, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Jacek Saryusz-Wolski, Jaromír Štětina, Charles Tannock, Eleni Theocharous, László Tőkés, Johannes Cornelis van Baalen, Geoffrey Van Orden

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Caspary, Neena Gill, Ana Gomes, Liisa Jaakonsaari, Othmar Karas, Javi López, Antonio López-Istúriz White, Norbert Neuser, Urmas Paet, Gilles Pargneaux, Helmut Scholz

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Heidi Hautala, Jutta Steinruck

24.9.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016

(2015/2132(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Arne Lietz

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jirrifjuta bil-qawwa t-tnaqqis li għamel il-Kunsill għall-finanzjament għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja;

2.  Jikkunsidra li t-tnaqqis fil-linja tal-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp hu partikolarment mhux xieraq fid-dawl tal-ħtiġijiet massivi ta' finanzjament tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli l-ġodda u l-wegħda tal-Unjoni, imġedda fil-kuntest tal-konferenza tan-NU dwar il-finanzjament għall-iżvilupp li saret f'Lulju ta' din is-sena, li żżid l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) kollettiva tagħha għal 0,7 % tal-ING tagħha;

3.  Ifakkar fl-impenn tal-pajjiżi żviluppati li jamplifikaw il-finanzjament tagħhom tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jiżguraw li dan ikun ġdid u addizzjonali għall-ODA mhux fil-qasam tal-klima; jisħaq fuq il-fatt li dan l-impenn jimplika minn tal-anqas li l-ODA totali tiġi amplifikata bl-istess kwantità; jinnota l-importanza ta' dan fil-kuntest tal-prospett li jintlaħaq ftehim dwar il-klima globali ġdid iktar tard din is-sena;

4.  Jinnota li l-għadd ta' rifuġjati u persuni spostati f'pajjiżhom stess fid-dinja kiber biex laħaq livell bla preċedenti ta' 60 miljun u li, b'konsegwenza ta' dan, kiber ukoll il-bżonn ta' għajnuna umanitarja; jilqa' l-fatt li l-Kunsill żamm kif kienu l-ammonti għall-għajnuna umanitarja fl-Abbozz ta' Baġit tal-Kummissjoni; jikkunsidra, madankollu, li għandhom jiżdiedu EUR 26 miljun mal-linja 23 02 01 li għandhom jintużaw għall-edukazzjoni fil-kampijiet tar-rifuġjati, kif ukoll f'emerġenzi u sitwazzjonijiet ta' kriżi, peress li dan jista' jipprovdi kapaċitajiet vitali, jgħin lit-tfal jibnu ġejjieni u jħarishom mir-radikalizzazzjoni;

5.  Isostni li, minħabba l-kriżi attwali tar-rifuġjati, jeħtieġ li ma jitnaqqsux l-ammonti fl-Abbozz ta' Baġit taħt il-linja 21 02 07 05 għall-migrazzjoni u l-ażil, iżda għandhom minflok jiġu miżjuda; jisħaq fuq il-fatt li din il-linja għandha tintuża għal miżuri sabiex jiġu indirizzati l-fatturi fl-għeruq tal-migrazzjoni u għal appoġġ għal ġestjoni xierqa tal-flussi migratorji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

6.  Jindika l-ħtieġa li tissaħħaħ ukoll il-linja 21 02 08 02, peress li l-awtoritajiet lokali se jkollhom rwol importanti fil-forniment ta' servizzi soċjali bażiċi u fl-indirizzar tal-isfidi ta' urbanizzazzjoni fil-qafas tal-iżvilupp ta' wara l-2015.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

22.9.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Beatriz Becerra Basterrechea, Ignazio Corrao, Nirj Deva, Doru-Claudian Frunzulică, Nathan Gill, Charles Goerens, Enrique Guerrero Salom, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Arne Lietz, Linda McAvan, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, György Schöpflin, Davor Ivo Stier, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Brian Hayes, Eleni Theocharous

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Liliana Rodrigues, Estefanía Torres Martínez

2.9.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016

(2015/2132(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Reimer Böge

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1. Jenfasizza li l-approprjazzjonijiet adegwati għandhom jiġu allokati lill-intestaturi baġitarji relatati mal-kummerċ sabiex il-Kummissjoni tkun tista', b'effiċjenza u effikaċja, tkompli għaddejja bl-aġenda kummerċjali ambizzjuża tagħha mmirata lejn il-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi madwar l-Ewropa u lejn il-kisba tal-għanijiet internazzjonali usa' tal-Unjoni u tkun tista' tintensifika wkoll l-isforzi ta' monitoraġġ tagħha rigward l-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali u l-effetti tagħhom;

2. Jenfasizza li l-Unjoni għandha tintensifika l-isforzi ta' monitoraġġ tagħha rigward l-implimentazzjoni u r-riperkussjonijiet tal-ftehimiet kummerċjali li ġew iffirmati jew li qed jiġu nnegozjati bħalissa mill-Unjoni; jappella sabiex jiġu allokati biżżejjed riżorsi għall-valutazzjonijiet ex ante, interim u ex post tal-ftehimiet kummerċjali bil-għan li jiġu evalwati l-effetti tagħhom fuq l-ekonomija tal-UE u tal-pajjiżi sħab tagħha u li jiġi żgurat li dawk l-obbligi assunti mis-sħab kummerċjali qed jiġu implimentati u infurzati bis-sħiħ;

3. Jilqa' r-rwol dejjem jikber tal-NGOs fit-tiswir tal-opinjoni pubblika dwar kwistjonijiet relatati mal-kummerċ; jenfasizza l-ħtieġa ta' strateġija effikaċi dwar il-komunikazzjoni min-naħa tal-Unjoni sabiex din tkun tista' tinforma liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi fi kwistjonijiet kummerċjali kif ukoll tinvolvi ruħha aħjar magħhom;

4. Jilqa' ż-żieda ċkejkna fl-impenji għall-Istrument għall-Assistenza Makrofinanzjarja u l-Istrument Ewropew ta' Viċinat; jinsab, madankollu, ikkonċernat minħabba l-fatt li tali żieda mhux se tkun biżżejjed biex tissodisfa l-ħtiġijiet fil-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar, inklużi l-programmi ulterjuri possibbli ta' assistenza għall-Ukrajna;

5. Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ li ntlaħaq waqt id-Disa' Konferenza Ministerjali tad-WTO se tirrikjedi żieda fis-sostenn finanzjarju għall-pajjiżi l-anqas żviluppati u għall-pajjiżi li jinsabu fil-fażi tal-iżvilupp; jenfasizza l-ħtieġa ta' sforzi koordinati bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fir-rigward tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali sabiex jiġu evitati tnaqqis tal-approprjazzjonijiet għall-Għajnuna għall-Kummerċ u l-inizjattivi multilaterali kif ukoll irregolaritajiet fil-qasam tal-kooperazzjoni ma' ċerti sħab li jwasslu għal anqas effikaċja tal-infiq, u sabiex jiġi żgurat li l-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ jaħdem favur l-iżvilupp;

6. Ifakkar li fl-2009 il-Parlament introduċa EUR 1 miljun fi kreditu addizzjonali speċifikament għal azzjonijiet relatati mal-Kummerċ Ġust fl-intestatura baġitarja mmirata lejn il-finanzjament ta' proġetti fil-qasam tal-kummerċ barrani, u jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-introduzzjoni mill-ġdid ta' din l-intestatura baġitarja fl-2016 sabiex tiffinanzja azzjonijiet relatati mal-Kummerċ Ġust, hekk kif definit fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta' Mejju 2009(16);

7. Jikkonstata ż-żieda moderata fl-approprjazzjonijiet għall-Istrument ta' Sħubija; ifakkar li l-objettiv tal-programm huwa li jiffavorixxi l-opportunitajiet ta' kummerċ u investiment internazzjonali għall-SMEs Ewropej; jenfasizza l-importanza li l-SMEs jingħataw appoġġ tekniku sabiex dan jgħinhom isiru aktar internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta u ttejjeb l-għodod eżistenti b'rabta mal-effiċjenza u l-effikaċja tagħhom u tiżgura biżżejjed kontrolli u sorveljanza tal-attivitajiet kollha, bħaċ-ċentri tan-negozju Ewropej, bil-għan li tiżviluppa approċċ aktar koerenti, filwaqt li tieħu kont ukoll tal-inizjattivi privati eżistenti.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

31.8.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

5

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Maria Arena, David Borrelli, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Marielle de Sarnez, Ska Keller, Jude Kirton-Darling, David Martin, Emmanuel Maurel, Emma McClarkin, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Viviane Reding, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Adam Szejnfeld, Hannu Takkula, Iuliu Winkler

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Reimer Böge, Klaus Buchner, Edouard Ferrand, Sander Loones, Gabriel Mato, Marita Ulvskog, Jarosław Wałęsa, Pablo Zalba Bidegain

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Karoline Graswander-Hainz, Miguel Urbán Crespo

22.9.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016

(2015/2132(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Ingeborg Gräßle

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi f'sitwazzjoni ta' riżorsi skarsi, għandha tingħata aktar importanza lill-ħtieġa li tiġi osservata d-dixxiplina baġitarja u li l-fondi jintużaw b'mod effiċjenti u effettiv;

B.  billi l-objettiv ewlieni tal-abbozz ta' baġit 2016 se jkun li jiġi żgurat li l-baġit tal-Unjoni jiġi pprovdut bil-mezzi li għandu bżonn biex jagħti bis-sħiħ il-kontribut imsaħħaħ tiegħu lill-impjiegi, it-tkabbir, l-investiment u s-solidarjetà u biex jirreaġixxi għal żviluppi ġodda, b'mod partikolari fl-Ukrajna u fis-Sirja, u l-impatt tagħhom fuq l-immigrazzjoni, l-għajnuna umanitarja u s-sigurtà;

C.  billi d-djalogu bejn il-Parlament u l-Kummissjoni previst fl-Artikolu 318 TFUE għandu jistimula kultura orjentata lejn il-prestazzjoni fi ħdan il-Kummissjoni;

1.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, kif issuġġerit mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri fir-rapporti annwali tagħha tal-2012 u l-2013, tħejji u tippubblika kull sena previżjoni fit-tul tal-fluss ta' flus li se tassisti lill-partijiet interessati fl-evalwazzjoni tar-rekwiżiti tal-pagamenti futuri u l-prijoritajiet baġitarji u se tgħin lill-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex tiżgura li l-pagamenti essenzjali jistgħu jiġu koperti mill-baġits annwali approvati;

2.  Jirrimarka li, fi tmiem l-2013, il-prefinanzjament gross kien jammonta għal EUR 79,4 biljun u jenfasizza li perjodi estiżi ta' prefinanzjament jistgħu jwasslu għal riskju akbar ta' żbalji jew telf; ifakkar li dan ir-riskju huwa partikolarment rilevanti għall-Intestatura 4 tal-baġit (l-UE bħala attur globali) fejn għal operazzjoni tipika jgħaddu erba' snin bejn meta jsir l-impenn u meta l-Kummissjoni tirreġistra n-nefqa relatata finali;

3.  Jinnota li l-implimentazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji imposti mill-Kummissjoni fuq l-Istati Membri li jonqsu milli jimplimentaw sistemi u rkupri b'saħħithom ammontat għal madwar EUR 2 980 miljun fl-2014, ammont li huwa inqas minn dak tal-2013 (EUR 3 362 miljun)(17); jitlob lill-Kummissjoni tindika biċ-ċar x'ammonti rkuprati fl-2014 ġew reġistrati bħala dħul fil-kontijiet tal-Unjoni jew ġew ikkumpensati, u l-punt safejn il-korrezzjonijiet finanzjarji u l-irkupri deċiżi fl-2014 jistgħu jaffettwaw ir-rekwiżiti ta' pagament għall-baġits tal-2015 u l-2016;

4.   Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu t-trasparenza fir-rigward tal-irkupri, b'mod partikolari għas-sena li fiha jsir il-pagament, is-sena li fiha jiġi identifikat l-iżball relatat, u s-sena li fiha jidhru l-irkupri jew il-korrezzjonijiet finanzjarji fin-noti tal-kontijiet;

5.   Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament b'sommarju tal-ispejjeż li kien hemm verament u l-ħlasijiet parzjali ta' finanzjament imqiegħda għad-dispożizzjoni għall-proġetti tal-fondi strutturali diġà ffinanzjati matul il-perjodi ta' finanzjament 2000-2006 u 2007-2013 u għal dawk li għadhom ma tlestewx;

6.   Itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni tfassal proposti bil-ħsieb li tissanzjona r-rappurtar falz jew inkorrett li jsir mill-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni; ifakkar li kważi l-aġenziji ta' pagament kollha għall-pagamenti diretti kienu akkreditati u ċċertifikati mill-awtoritajiet ta' ċertifikazzjoni fl-Istati Membri, u għalhekk jinsab imħasseb dwar il-fatt li xi aġenziji tal-pagamenti għandhom rati ta' żbalji partikolarment għoljin; jistieden lill-Istati Membri f'dan il-kuntest jimplimentaw 'infiq aħjar' tal-baġit tal-Unjoni billi jiżguraw sistemi ta' ġestjoni u kontroll nazzjonali aktar effikaċi u effiċjenti; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tressaq proposti dwar modi kif l-Istati Membri jistgħu jsaħħu l-kontrolli ex-ante sabiex inaqqsu l-għadd ta' somom mħallsa mingħajr ħtieġa, u jiżguraw sistema li fiha jsiru investigazzjonijiet adegwati meta jkun hemm suspetti ta' rappurtar falz jew inkorrett u li tali rappurtar jiġi sanzjonat;

7.   Jistieden lill-Kummissjoni sabiex fir-rapport annwali tagħha dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji fl-Unjoni u l-ġlieda kontra l-frodi tinkludi valutazzjoni tal-impatt tal-korruzzjoni f'kull Stat Membru fuq il-fondi tal-Unjoni fis-sena rilevanti, u tistabbilixxi pjan ta' azzjoni speċifiku u mmirat biex tiġġieled tali korruzzjoni;

8.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb it-trasparenza fl-użu tal-istrumenti ta' inġinerija finanzjarja (FEI), tirrapporta regolarment dwar l-ingranaġġ, it-telf u r-riskji, u tippreżenta analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż tal-FEI meta mqabbla ma' forom aktar diretti ta' finanzjament tal-proġetti; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta sistemi ta' monitoraġġ effikaċi biex tanalizza d-domanda għal strumenti finanzjarji fl-Istati Membri, li jnaqqsu r-riskju ta' kapitalizzazzjoni eċċessiva;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-baġit kombinat tal-Kumitat Superviżorju OLAF u s-Segretarjat tiegħu jiġi speċifikat f'linja separata tal-baġit tal-OLAF għall-2016;

10.  Jinsisti li, meta tipprovdi lill-Parlament u lill-Kunsill bl-evalwazzjonijiet tal-prestazzjoni tal-Unjoni previsti fl-Artikolu 318 TFUE, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar ir-riżultati li nkisbu bin-nefqa operattiva kif ippreżentata fid-dikjarazzjonijiet tal-programm tan-nefqa operattiva li jakkumpanjaw l-abbozz ta' baġit tal-Unjoni;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni f'dan ir-rigward tagħti attenzjoni speċjali lill-funzjonament tal-aġenziji deċentralizzati fl-Unjoni u b'mod partikolari lill-viżibilità u r-responsabilità demokratika tagħhom, fid-dawl tal-fatt li s-siti tagħhom jinsabu fil-bogħod u hemm nuqqas ta' sensibilizzazzjoni min-naħa taċ-ċittadini tal-Unjoni dwar l-attivitajiet u saħanistra l-eżistenza tagħhom;

12.  Ifakkar li hemm ħtieġa urġenti li jiġu enfasizzati r-responsabilità u l-prestazzjoni fl-użu tal-baġit tal-Unjoni; jappella għalhekk għall-iżvilupp ta' mekkaniżmi u indikaturi konkreti ta' evalwazzjoni;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tispjega fid-dettall il-politiki tagħha dwar it-trasparenza fir-rigward tal-finanzjament mill-Unjoni, partikolarment il-miżuri tagħha biex tipprevedi teħid bilanċjat tad-deċiżjonijiet bl-involviment tal-partijiet interessati kollha rilevanti, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, l-SMEs, it-trejdjunjins u organizzazzjonijiet ta' interess ġenerali, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet ambjentali;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni, billi din qed tipproponi ħafna inqas inizjattivi leġiżlattivi milli kif għamlet fil-passat minħabba l-politiki l-ġodda tagħha għal 'regolamentazzjoni aħjar', tispjega fid-dettall l-implikazzjonijiet baġitarji u għall-persunal li se jkollha din il-bidla fl-enfasi minn attivitajiet leġiżlattivi għal dawk implimentattivi, u tindika partikolarment jekk tistax issir ekonomija f'dan ir-rigward;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom fil-livell lokali u reġjonali, u dan bil-ħsieb li tiżgura li l-fondi disponibbli għall-integrazzjoni tar-Rom jintefqu verament għal dan il-għan u li jimmiraw lejn l-objettivi tal-politiki ċentrali;

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar miżuri ffinanzjati mill-Unjoni għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u dwar ir-riżultati li nkisbu permezz tagħhom;

17.  Jistieden lill-awtoritajiet baġitarji jirriflettu dwar l-isforzi tal-Unjoni biex tipprevjeni u tiġġieled il-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tagħha; jenfasizza f'dan ir-rigward li t-tnaqqis baġitarju fil-programmi bħall-programmi Hercule jew is-Sistema ta' Informazzjoni għal Kontra l-Frodi jkun ta' detriment għall-baġit tal-Unjoni, billi dawn jappoġġjaw lill-OLAF u lill-Istati Membri biex iħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

18.  Jindika li, matul il-proċedura ta' kwittanza għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, il-Parlament ma rċeviex biżżejjed informazzjoni dwar il-lista ta' attivitajiet esterni tal-imħallfin; ifakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tippubblika reġistru fuq is-sit tagħha li jinkludi informazzjoni dettaljata dwar l-attivitajiet esterni ta' kull imħallef.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

22.9.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Louis Aliot, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Ryszard Czarnecki, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Rina Ronja Kari, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Dan Nica, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Igor Šoltes, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Richard Ashworth, Cătălin Sorin Ivan, Karin Kadenbach, Marian-Jean Marinescu, Markus Pieper, Julia Pitera, Miroslav Poche, Patricija Šulin

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Raymond Finch

8.9.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016 – it-taqsimiet kollha

(2015/2132(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Peter Simon

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota kif il-pass tal-irkupru ekonomiku u l-prospetti fit-tul tat-tkabbir fl-UE qed jiġu affettwati minn tnaqqis fl-investiment, li jirriflettu s-sitwazzjoni baġitarja u ekonomika fl-Istati Membri; għaldaqstant jilqa' l-enfasi qawwija tal-abbozz ta' baġit fuq il-ħolqien ta' stimoli ġodda għall-impjiegi, it-tkabbir, l-investimenti u aktar kompetittività permezz ta' ambjent favorevoli għall-intraprenditorija fis-subintestatura 1.1;

2.  Iqis li sabiex jiġi solidifikat l-irkupru ekonomiku fl-Unjoni Ewropea, il-baġit 2016 għandu jkun ogħla f'termini reali vis-à-vis il-baġit 2015;

3.  Jenfasizza r-rwol kruċjali li se jkollu l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) għall-eliminazzjoni ta' lakuni li mhumiex koperti mis-suq u għall-mobilizzazzjoni ta' investimenti privati u ta' sorsi ġodda ta' finanzjament għall-investiment, għall-ispinta fil-kompetittività u għall-irkupru ekonomiku, kif ukoll biex tiżdied il-fiduċja fis-suq; jilqa' l-ftehim li ntlaħaq bejn il-koleġiżlaturi dwar iż-żieda fil-kontribuzzjonijiet għall-FEIS għal EUR 3 biljun finanzjati mill-marġnijiet baġitarji globali matul il-perjodu 2016-2020; jenfasizza mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jkompli jnaqqas l-impatt baġitarju minn fuq l-Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa;

4.  Jitlob li l-abbozz ta' baġit 2016 jirrifletti l-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew inkluż li tingħata spinta lill-investimenti, appoġġ għall-ħolqien tal-impjiegi, it-tkomplija tar-riformi strutturali u l-konsolidazzjoni fiskali li jwasslu għal tkabbir reali u sostenibbli;

5.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol kruċjali preżenti u futur tat-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) fejn hu relatat mas-superviżjoni finanzjarja u l-unjoni bankarja fil-livell tal-Unjoni; jenfasizza li l-abbozz ta' baġit 2016 għandu jipprevedi riżorsi baġitarji suffiċjenti għall-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej li jikkorrispondu għar-rwoli allokati ġodda tal-aġenziji, kif ukoll mal-fatturi esterni bħat-tibdil fir-rata tal-kambju u żidiet ġenerali fil-livell tal-pagi;

6.  Ifakkar li l-Parlament Ewropew appoġġa bil-qawwa l-ħolqien tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u jemmen li l-Unjoni għandha tkompli ttejjeb il-kwalità tas-superviżjoni madwar l-Unjoni; jemmen li l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għandhom rwol importanti fil-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni;

7.  Jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa li l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej apparti li jkunu finanzjati adegwatament jkollhom ukoll biżżejjed membri tal-persunal, mhux biss f'termini numeriċi iżda anke fir-rigward ta' kwalifiki, biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti dejjem jikbru li qed jiġu assenjati lilhom b'livell ta' kwalità għolja; għal dan l-għan, jistieden lill-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej jippreżenta rapport dwar il-ħtiġijiet futuri tal-awtoritajiet b'rabta mal-persunal u mar-rekwiżiti ta' finanzjament;

8.  Jinnota li bħalissa l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej huma finanzjati permezz ta' kontribuzzjonijiet obbligatorji mill-awtoritajiet nazzjonali tal-membri, mir-riżorsi tal-baġit tal-UE, kif ukoll permezz ta' miżati mħallsa mill-istituzzjonijiet superviżati; iqis li dan l-arranġament finanzjarju huwa orjentat lejn il-livell nazzjonali, inflessibli, oneruż u jirrappreżenta theddida potenzjali għall-indipendenza tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej; għaldaqstant, iġedded it-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex sal-2017 tissottometti l-aħħar proposta għal kunċett ta' finanzjament li hu finanzjat minn miżati li kompletament jieħdu post il-kontribuzzjonijiet attwali mill-Istati Membri; huwa tal-fehma li permezz ta' din is-sistema tiġi garantita l-indipendenza finanzjarja tal-awtoritajiet Ewropej mill-awtoritajiet nazzjonali tal-membri, kif ukoll l-integrità sħiħa tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej fir-rigward tal-atturi tas-swieq finanzjarji;

9.  Jenfasizza l-importanza dejjem tiżdied ta' trasparenza akbar fit-tassazzjoni korporattiva u fid-deċiżjonijiet tat-taxxa, kif ukoll ta' ġlieda koordinata kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa; għaldaqstant jitlob li l-baġit tal-2016 jirrifletti adegwatament l-importanza tal-programm Fiscalis biex itejjeb il-kooperazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-amministrazzjoni tat-taxxa; jitlob ukoll kunsiderazzjoni bir-reqqa tal-konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-trasparenza tat-taxxa korporattiva, b'mod speċjali fir-rigward tar-rappurtar pajjiż b'pajjiż;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' ristrutturar ippjanati b'rabta mal-livell adegwat ta' persunal, tikkonċentra fuq il-prijoritajiet ewlenin tagħha; jenfasizza f'dan ir-rigward ir-rwol tad-dipartiment responsabbli għall-għajnuna mill-istat biex b'hekk jiġi żgurat li l-prattiki ta' tassazzjoni b'rabta ma' deċiżjonijiet tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili li jistgħu jiġu eżaminati skont ir-regoli tal-għajnuna mill-istat, fil-ġejjieni jkunu jistgħu jiġu investigati b'mod aktar xieraq u għaldaqstant jikkontribwixxi biex it-tassazzjoni korporattiva tingħamel aktar ġusta fl-Unjoni Ewropea u t-tqassim tad-dħul mit-taxxa bejn l-individwi privati u l-intrapriżi isir aktar bilanċjat;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa għal statistiki Ewropej aktar komprensivi, metodoloġikament komparabbli, preċiżi u tempestivi; jilqa' għaldaqstant id-dispożizzjoni fl-abbozz ta' baġit li tipprevedi żieda adegwata fin-nefqa għall-implimentazzjoni ta' metodi ġodda biex jiġġeneraw statistiki Ewropej, kif ukoll kooperazzjoni mtejba fi ħdan is-Sistema Statistika Ewropea;

12.  Jenfasizza mill-ġdid il-ħtieġa li fl-abbozz ta' baġit jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti għall-bini tal-kapaċità tas-soċjetà ċivili fil-qasam tas-servizzi finanzjarji;

13.  Jitlob l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport Maystadt dwar il-kompiti u r-responsabilitajiet tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG), u b'hekk tissaħħaħ ukoll l-influenza tal-Unjoni Ewropea fl-istabbiliment ta' standards internazzjonali tal-kontabilità;

14.  Isostni li r-rappreżentanti tal-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IASB) għandhom ikunu maħtura u miżmuma responsabbli b'mod demokratiku. Il-Parlament Ewropew għandu jkollu rwol fl-għażla tar-rappreżentanti Ewropej u jżommhom responsabbli;

15.  Jitlob lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) tiżgura li l-Parlament Ewropew inklużi l-Membri responsabbli u l-persunal tagħhom ikollhom aċċess effettiv għad-dokumenti fl-istess ħin mal-Bord tas-Superviżuri.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

3.9.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

12

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Hugues Bayet, Pervenche Berès, Udo Bullmann, Anneliese Dodds, Elisa Ferreira, Sven Giegold, Roberto Gualtieri, Brian Hayes, Danuta Maria Hübner, Diane James, Petr Ježek, Philippe Lamberts, Sander Loones, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Notis Marias, Fulvio Martusciello, Marisa Matias, Bernard Monot, Stanisław Ożóg, Dariusz Rosati, Alfred Sant, Molly Scott Cato, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Kay Swinburne, Paul Tang, Michael Theurer, Marco Valli, Tom Vandenkendelaere, Cora van Nieuwenhuizen, Miguel Viegas, Jakob von Weizsäcker, Pablo Zalba Bidegain

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Alain Cadec, Matt Carthy, Mady Delvaux, Doru-Claudian Frunzulică, Sophia in ‘t Veld, Ramón Jáuregui Atondo, Barbara Kappel, Jeppe Kofod, Thomas Mann, Alessia Maria Mosca, Siegfried Mureşan, Eva Paunova, Michel Reimon, Andreas Schwab, Tibor Szanyi, Romana Tomc, Beatrix von Storch

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Sven Schulze, Axel Voss

3.9.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016 - it-taqsimiet kollha

(2015/2132(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Giovanni La Via

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li livell għoli ta' protezzjoni ambjentali u ta' saħħa fl-Unjoni huwa prekundizzjoni għall-prosperità ekonomika, u li s-sigurtà u l-mekkaniżmi tal-ikel u tal-għalf biex jipproteġu kontra d-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem huma ta' valur ewlieni għaċ-ċittadini Ewropej kollha, u, għaldaqstant, għall-Parlament Ewropew;

2.  Huwa fl-istess waqt konxju bis-sħiħ li l-politiki u l-istrumenti ta' finanzjament fil-qasam ta' responsabbiltà ta' dan il-kumitat huma modesti meta mqabbla ma' strumenti ta' politika u ta' finanzjament oħrajn taħt l-Intestaturi 2 u 3 u ma jirċevux l-istess attenzjoni daqs programmi u fondi oħrajn; jirrifjuta bis-saħħa għaldaqstant kull tnaqqis ulterjuri fil-finanzjament tal-programmi u tal-intestaturi baġitarji peress li l-impatt mhux se jkun tollerabbli; iħeġġeġ lill-Istati Membri b'mod speċjali biex iqisu l-implimentazzjoni ta' politiki, azzjonijiet u proġetti li jirrispettaw l-ambjent u li ma jagħmlux ħsara lill-klima bħala opportunità biex irawmu t-tkabbir u l-iżvilupp sostenibbli, u mhux bħala piż; jissottolinja li l-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi u t-tkabbir ekonomiku tal-SMEs fl-Unjoni jirriżultaw min-naħa mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-ambjent;

3.  Jirrikonoxxi li fil-livell nazzjonali jeżistu limitazzjonijiet baġitarji qawwija u li għaddejjin sforzi ta' konsolidazzjoni; jindika madankollu li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jieħdu kont tal-valur miżjud sostanzjali Ewropew tal-politiki u l-istrumenti ta' finanzjament fil-qasam ta' responsabbiltà ta' dan il-kumitat meta jiddeċiedu dwar l-Abbozz ta' Baġit (AB) 2016;

4.  Jiddispaċih ħafna li l-Kunsill ippropona tnaqqis fil-baġit li jidher li huwa ta' natura orizzontali għal ċerti programmi importanti, b'mod partikolari għat-Tielet Programm għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (2014-2020), għal intestaturi li jirrigwardaw is-sikurezza tal-ikel u tal-għalf u l-prevenzjoni u l-istat ta' preparazzjoni għad-diżastri fi ħdan l-Unjoni; jirrifjuta fil-kuntest tal-adeżjoni tal-Unjoni għall-konvenzjonijiet internazzjonali (pereżempju l-Protokoll ta' Nagoya), it-tnaqqis ulterjuri tal-intestaturi baġitarji korrispondenti propost mill-Kunsill;

5.  Ifakkar li, b'mod ġenerali, il-livell ta' riżorsi allokati għall-intestaturi baġitarji li huma fil-qasam ta' responsabbiltà ta' dan il-kumitat għandu jinżamm fil-livell tas-sena 2015; jappella, għaldaqstant, sabiex l-ammonti inizjali indikati fl-abbozz ta' baġit jerġgħu jiġu bis-sħiħ kif kienu għall-programmi u l-istrumenti ta' finanzjament kollha fil-qasam ta' responsabbiltà ta' dan il-kumitat;

6.  Ifakkar li Orizzont 2020 se jikkontribwixxi għall-objettivi fil-qasam ta' responsabbiltà ta' dan il-kumitat permezz ta' proġetti ta' riċerka fl-oqsma tal-klima, is-saħħa u l-ambjent; jafferma l-impenn tiegħu biex jimmonitorja l-allinjament tal-proġetti mal-objettivi korrispondenti u l-progress tal-implimentazzjoni tagħhom; jikkritika bil-qawwa d-deċiżjoni li jonqos il-finanzjament għal dan il-programm sabiex tiġi ffinanzjata l-garanzija għall-FEIS;

7.  Jissottolinja li r-riċerka u l-innovazzjoni ambjentali jsibu ċ-ċentru ta' gravità tagħhom f'Orizzont 2020: "Azzjoni klimatika, ambjent, effiċjenza fir-riżorsi u materja prima", li għandha l-għan li tikseb ekonomija u soċjetà effiċjenti fir-riżorsi u reżiljenti għat-tibdil fil-klima, tipproteġi u tmexxi b'mod sostenibbli r-riżorsi naturali u l-ekosistemi u li tiżgura l-forniment u l-użu sostenibbli tal-materja prima, sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta' popolazzjoni globali li qed tikber fil-limiti sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-ekosistemi;

8.  Jinnota li l-Abbozz ta' Baġit tal-UE għall-2016 jammonta għal EUR 153,5 biljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn (inkluż EUR 4,5 biljun programmati mill-ġdid mill-2014) u EUR 143,5 biljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament; jindika li, jekk ma jitqiesx l-effett tal-programmazzjoni mill-ġdid fl-2015 u fl-2016, dan jikkorrispondi għal żieda ta' +2,4 % f'impenji u ta' +1,6 % f'pagamenti meta mqabbel mal-baġit 2015; jisħaq fuq il-fatt li dawn iż-żidiet moderati kumplessivi, skont id-direzzjoni stabbilita mill-QFP u wara li titqies l-inflazzjoni, ma jirrappreżentaw kważi l-ebda żieda f'termini reali, u li dan jenfasizza l-importanza tal-effiċjenza u l-effikaċja tal-infiq;

9.  Ifakkar li, fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta' pagament, is-snin reċenti kienu diffiċli ħafna u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE xxekklet minn restrizzjonijiet iebsin fil-livell ta' approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati, li wassal għal baġits emendatorji rikorrenti biex jiġu koperti partijiet mill-ħtiġijiet pendenti;

10.  Jirrifjuta bil-qawwa l-possibbiltà li, fil-każ ta' pagamenti insuffiċjenti fl-2016, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi, bħalma għamlet fil-passat, li ma tużax l-approprjazzjonijiet ta' impenn bis-sħiħ, li jmur kontra l-impenn ripetut tal-Parlament fl-oqsma tal-ambjent, is-saħħa, is-sikurezza tal-ikel u tal-għalf; jikkonkludi barra minn hekk li n-nuqqas ta' pagamenti se jagħmel ħsara lir-reputazzjoni tal-Unjoni peress li l-benefiċjarji taħt il-programmi rispettivi se jibqgħu mhux imħallsa;

11.  Ifakkar li LIFE huwa l-istrument finanzjarju tal-UE li jappoġġa l-konservazzjoni ambjentali u naturali u l-proġetti ta' azzjoni klimatika madwar l-Unjoni; jenfasizza, b'mod partikolari, il-problemi li jirriżultaw min-nuqqas ta' approprjazzjoni ta' pagament għall-programm LIFE, li jimpedixxi u jtawwal l-implimentazzjoni xierqa ta' dan il-programm importanti;

12.  Jilqa' ż-żieda fil-baġit ta' LIFE b'EUR 27,7 miljun fl-AB 2016; jinnota, madankollu, li l-programm LIFE jikkostitwixxi sehem ta' 0,3 % biss tal-AB 2016 sħiħ u jammonta għal 0,73 % biss tal-Intestatura 2 (f'impenji) u li dawn il-perċentwali baqgħu stabbli matul dawn l-aħħar snin;

13.  Jirrimarka l-importanza prinċipali ta' investimenti fir-riċerka u fl-innovazzjoni f'diversi oqsma li huma fil-qasam ta' responsabbiltà ta' dan il-kumitat, u jenfasizza li l-baġit 2016 għandu jirrifletti b'mod xieraq li tali investimenti huma prijorità; jindika li t-tkabbir sostenibbli u l-kapaċità ta' innovazzjoni tal-SMEs tal-Unjoni jikkostitwixxu wieħed mill-vantaġġi kompetittivi ewlenin li għandha l-UE fis-swieq globalizzati;

14.  Ifakkar b'mod partikolari fil-valur miżjud sostanzjali ħafna tal-Unjoni fir-riċerka medika (pereżempju r-riċerka għall-mediċini pedjatriċi u dawk orfni), kif ukoll fil-ġlieda kontra t-theddid tas-saħħa transkonfinali; jiddispjaċih ħafna f'dan l-isfond li l-programm dwar is-saħħa pubblika, b'ammont totali ta' impenji ta' EUR 62,2 miljun biss, li jirrappreżenta, bħal fi snin preċedenti, sehem ta' 0,04 % biss f'impenji fl-AB 2016, ma jirriflettix bis-sħiħ l-importanza tas-saħħa bħala valur fiha nnifisha u bħala prerekwiżit għall-promozzjoni tat-tkabbir; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra mill-ġdid it-tnaqqis baġitarju ulterjuri li introduċa fir-rigward ta' dan il-programm;

15.  Jenfasizza li r-riżultat tal-kriżi ekonomika u finanzjarja u l-politiki ta' awsterità stretti implimentati mill-Istati Membri kien tnaqqis fil-baġit u dħul iċken mit-taxxa, li min-naħa tagħhom wasslu għal tnaqqis fil-finanzjament tas-sistemi tas-saħħa pubblika, u li l-inugwaljanza fil-qasam tas-saħħa fl-UE qed tkun ta' piż konsiderevoli għall-Istati Membri u għas-sistemi tas-saħħa tagħhom; jappella, għaldaqstant għal aktar finanzjament għal miżuri preventivi pubbliċi koordinati f'dan il-qasam;

16.  Jenfasizza li agrikoltura sostenibbli mil-lat ambjentali u li tuża r-riżorsi naturali b'kawtela hija essenzjali għall-produzzjoni tal-ikel, u jappella sabiex jingħata aktar appoġġ lill-bdiewa biex jużaw metodi li jirrispettaw lill-ambjent u lill-annimali;

17.  Jenfasizza li l-Unjoni għandha l-ogħla standards ta' sikurezza tal-ikel fid-dinja; jisħaq fuq l-importanza li l-ikel sikur u tajjeb għas-saħħa jiġi promoss bħala mezz kif jiġi evitat infiq bla bżonn fil-kura tas-saħħa u bħala għajnuna biex l-Istati Membri jtejbu s-sostenibbiltà fuq perjodu twil tas-sistemi tas-saħħa tagħhom; jiddispjaċih ukoll għaldaqstant li l-programm dwar l-ikel u l-għalf, b'ammont totali ta' impenji ta' EUR 264,1 miljun biss, li jirrappreżenta sehem ta' 0,17 % biss f'impenji fl-AB 2016, u t-tnaqqis ulterjuri propost mill-Kunsill, ma jirriflettux bis-sħiħ l-importanza tal-kwistjoni tas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf fl-Unjoni;

18.  Ifakkar li l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili huwa l-pedament tas-solidarjetà tal-Unjoni; ifakkar li r-responsabbiltà primarja għall-protezzjoni tal-popli, kif ukoll tal-ambjent u tal-proprjetà, inkluż il-wirt kulturali, qiegħda f'idejn l-Istati Membri; jissottolinja li l-Unjoni tiżvolġi "rwol ta' faċilitatur" biex tappoġġa, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-prevenzjoni tad-diżastri, il-preparazzjoni u r-rispons għalihom; jilqa' ż-żieda minima fl-impenji għal dan il-programm proposta mill-Kummissjoni, iżda jiddispjaċih bil-kbir għall-proposta tal-Kunsill li jnaqqas il-baġit ta' dik l-intestatura;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw spezzjonijiet ambjentali xierqa biex inaqqsu r-riskju ta' diżastri ambjentali;

20.  Ifakkar ir-rwol prinċipali tal-aġenziji deċentralizzati fit-twettiq ta' kompiti tekniċi, xjentifiċi jew maniġerjali li jgħinu b'mod sostanzjali lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki;

21.  Jemmen li, bħala regola ġenerali, l-aġenziji deċentralizzati jridu jġorru s-sehem ġust tagħhom fl-iffrankar tal-ispejjeż bħal istituzzjonijiet oħra; jinnota li l-kooperazzjoni mtejba bejn l-aġenziji li jaqgħu taħt il-qasam ta' responsabbiltà ta' dan il-kumitat (l-EEA, l-ECDC, l-EFSA, l-EMA) u l-impenn kontinwu biex tiżdied l-effiċjenza diġà wasslu għal infiq u użu aħjar tal-fondi;

22.  Ifakkar, barra minn hekk, fil-kompiti importanti ħafna li jwettqu dawn il-ħames aġenziji deċentralizzati, kemm għall-Kummissjoni Ewropea u kemm għaċ-ċittadini tal-Unjoni, u anke għall-klijenti esterni tal-aġenziji li jaqilgħu l-flus (pereżempju l-ECHA, l-EMA); jenfasizza, f'dan l-isfond, li huwa importanti ħafna li dawn l-aġenziji jirċievu riżorsi umani u finanzjarji adegwati biex ikunu jistgħu jwettqu b'mod xieraq, indipendenti u fil-ħin dawn il-kompiti impenjattivi u importanti ħafna;

23.  Huwa għaldaqstant imħasseb dwar l-approċċ meħud mill-Kummissjoni għall-aġenziji deċentralizzati peress li t-tnaqqis impost fuqhom, speċjalment fir-riżorsi umani, huwa inġust u mhux adegwat meta mqabbel ma' dak impost fuq l-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni; huwa determinat jirrikorri għal evalwazzjoni xierqa każ b'każ tal-ħtiġijiet rispettivi ta' kull aġenzija;

24.  Mhuwiex konvint b'mod ġenerali, li l-esternalizzazzjoni tas-servizzi li għandha l-għan li tnaqqas il-pjanijiet ta' stabbiliment għall-persunal se tkun aktar kosteffikaċi fuq perjodu twil, peress li l-kuntratturi tas-servizz jeħtieġu superviżjoni u gwida, filwaqt li fl-istess ħin ifittxu l-qligħ;

25.  Jenfasizza li l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji huma għodod ta' valur kbir biex jagħtu bidu għal attivitajiet u politiki ġodda; itenni mill-ġdid li fil-passat ġew implimentati b'suċċess diversi ideat ta' dan il-kumitat; se jagħmel aktar użu għaldaqstant minn dawn l-istrumenti fl-2016; jinkoraġġixxi l-użu sħiħ tal-marġini disponibbli taħt kull intestatura;

26.  Jieħu nota tar-riżultat tal-valutazzjoni minn qabel imwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward ta' kemm jistgħu jiġu implimentati l-proġetti pilota proposti mill-Membri tal-Kumitat ENVI, u li b'mod ġenerali jirriflettu l-prijoritajiet tal-Kumitat ENVI fil-qasam tal-ambjent u s-saħħa; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi proċedura ta' segwitu biex iżżomm lill-Parlament infurmat dwar il-progress u l-livell ta' implimentazzjoni tal-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

3.9.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

50

8

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Zoltán Balczó, Ivo Belet, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Mireille D'Ornano, Miriam Dalli, Seb Dance, Angélique Delahaye, Jørn Dohrmann, Ian Duncan, Stefan Eck, Bas Eickhout, Eleonora Evi, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Matthias Groote, Jytte Guteland, György Hölvényi, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Benedek Jávor, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Susanne Melior, Massimo Paolucci, Gilles Pargneaux, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, Marcus Pretzell, Frédérique Ries, Michèle Rivasi, Daciana Octavia Sârbu, Annie Schreijer-Pierik, Renate Sommer, Dubravka Šuica, Tibor Szanyi, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Nils Torvalds, Glenis Willmott, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Nicola Caputo, Fredrick Federley, Peter Jahr, Mairead McGuinness, Gesine Meissner, Ulrike Müller, Marijana Petir

3.9.2015

OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016

(2015/2132(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Ildikó Gáll-Pelcz

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li r-responsabbiltà tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur fil-proċedura tal-baġit tkopri l-linji baġitarji fit-titoli 2 (Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs), 14 (Tassazzjoni u unjoni doganali) u 33 (Ġustizzja u protezzjoni tal-konsumatur);

2.  Ifakkar li s-Suq Uniku huwa element ewlieni għall-ħolqien ta' impjiegi u tkabbir, b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs); jinnota madankollu, li dan il-potenzjal għadu mhux qed jiġi sfruttat f'diversi aspetti, bħas-Suq Uniku Diġitali; jitlob għalhekk aktar infiq effiċjenti tal-baġit permezz tal-istabbiliment ta' sett ċar ta' prijoritajiet ta' finanzjament għall-iżvilupp tas-Suq Uniku u għall-iżvilupp li jirriżulta tal-ekonomija;

3.  Jilqa' ż-żieda sinifikanti fl-ammont allokat għal-linja baġitarja 14 02 01 dwar “Sostenn għall-funzjonament u l-immodernizzar tal-unjoni doganali”; jappoġġja l-kisba u l-applikazzjoni tal-għanijiet tal-programm billi tingħata spinta 'l quddiem lill-inizjattivi ta' modernizzazzjoni eżistenti, partikolarment il-proġett tad-dwana elettronika, u billi tiġi żviluppata strateġija għal sistemi tal-IT ġestiti u operati f'oqsma relatati mad-dwana, kif ukoll permezz tat-titjib fil-koordinazzjoni adegwata bejn l-Istati Membri, il-promozzjoni tal-iskambju tal-aħjar prattiki, l-implimentazzjoni f'waqtha u l-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;

4.  Iqis li l-konsumaturi huma fil-qalba tal-mudell ekonomiku diġitali l-ġdid u huwa konvint li l-baġit għal dan il-qasam ta' politika għandu jirrifletti dan il-fatt; jinnota għalhekk li huwa importanti li jiġi żgurat finanzjament għall-aġġornament tal-politika tal-konsumatur biex ikun żgurat aġġustament b'saħħtu għall-bidla teknoloġika u ekonomika rapida;

5.  Jappella għall-finanzjament ta' proġett pilota ġdid dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumatur u l-edukazzjoni dwar is-sigurtà tal-prodotti u s-sorveljanza tas-suq fis-Suq Uniku Diġitali, bħala proġett ta' segwitu xieraq għall-proġett pilota ta' sena dwar taħriġ għall-SMEs dwar id-drittijiet tal-konsumaturi fl-era diġitali propost mill-Kumitat IMCO għall-2015, li jikkontribwixxi għal kampanja kbira ta' edukazzjoni pubblika biex tgħin lill-konsumaturi u n-negozji jifhmu r-regoli u r-regolamenti kumplessi assoċjati mal-kummerċ elettroniku;

6.  Jenfasizza li dan għandu jgħin liċ-ċittadini u lill-SMEs jikkonformaw mal-liġi tal-ħarsien tal-konsumaturi fl-ambjent online; jenfasizza li, f'Suq Uniku Diġitali verament konness, kull konsumatur għandu jkun jista' jibbenefika mill-istess kwalità ta' servizzi u prodotti mixtrija online u jirċievi biżżejjed informazzjoni għax-xiri b'mod trasparenti;

7.  Iqis li huwa importanti li l-awtoritajiet rilevanti jkollhom il-kapaċità jwaqqfu l-prodotti u jisfurzaw lill-kumpaniji jsejħu lura jew jirtiraw il-prodotti mis-suq Ewropew; iqis li s-semplifikazzjoni u l-istandardizzazzjoni ta' regoli u standards inaqqsu l-problemi potenzjali ta' konformità, u b'konsegwenza ta' dan ikunu ta' benefiċċju kemm għall-konsumaturi u kemm għall-kummerċjanti; iqis f'dan ir-rigward li l-kummerċjanti għandhom ukoll jiksbu informazzjoni dwar kif iħallsu t-taxxi tagħhom b'rabta ma' tranżazzjonijiet transkonfinali fi ħdan l-Unjoni, permezz tal-użu effiċjenti tas-sistema VATMOSS;

8.  Ifakkar fil-ħtieġa li tiġi ffinanzjata l-għodda multilingwi għall-pjattaforma tar-Soluzzjoni Online għat-Tilwim (ODR); jenfasizza li sistemi tal-ODR li jiffunzjonaw tajjeb fl-Unjoni kollha se jħeġġu lill-konsumaturi biex ifittxu soluzzjonijiet għall-problemi li jiffaċċjaw meta jixtru prodotti u servizzi fis-Suq Uniku u se jżidu x-xiri online; ifakkar li aktar kummerċ online u transkonfinali fl-Unjoni se jkabbar ukoll l-għażla għall-konsumaturi u jipprovdi lin-negozji b'opportunitajiet ġodda, jagħti aċċess għal swieq ġodda u jgħin jiġġenera iktar tkabbir ekonomiku;

9.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-“Forum tas-Suq Uniku”; ifakkar li l-2015 hija l-aħħar sena tal-azzjoni preparatorja u, għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni għandha tniedi b'urġenza proposta leġiżlattiva ġdida sabiex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni ta' din il-kwistjoni essenzjali;

10.  Jenfasizza li SOLVIT għandu rekord tajjeb ta' sodisfazzjoni tal-konsumaturi biex isolvi l-problemi li jolqtu liċ-ċittadini; jemmen li jista' jsir iktar biex jittejjeb il-mod kif l-għodod tal-governanza joperaw flimkien, biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar għodod bħal dawn, u biex jiġi massimizzat il-valur mir-riżorsi allokati lilhom; jitlob li jkun hemm iktar riflessjoni dwar il-possibilità li fil-proposti baġitarji futuri jkun hemm aktar konsolidazzjoni ta' dawn l-għodod; jinnota l-appoġġ tiegħu għal-linja baġitarja 02 03 04 dwar għodod ta' governanza tas-suq intern; jemmen li n-Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi għandu wkoll jingħata finanzjament xieraq sabiex ikun jista' jkompli għaddej bil-missjoni tiegħu li jeduka liċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi fl-Ewropa;

11.  Jemmen li l-appoġġ għall-ekonomija reali għandu jkun il-prijorità ewlenija tal-Unjoni għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli; iħeġġeġ sabiex l-SMEs ikunu infurmati aħjar dwar din l-għażla sabiex ikun hemm użu akbar ta' dan l-appoġġ finanzjarju, speċjalment mill-SMEs; jappella bil-qawwa sabiex isir disponibbli biżżejjed finanzjament għal transizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

12.  Jindika l-bżonn li jiġi żgurat finanzjament adegwat għall-programm COSME, kif ukoll għan-Netwerk Enterprise Europe fl-2016 sabiex jitrawwem it-tkabbir tal-SMEs u jiġu megħjuna jegħlbu l-isfidi relatati mal-aċċess għas-suq uniku kif ukoll għas-suq globali permezz ta' aċċess aħjar għall-informazzjoni dwar l-opportunitajiet barra l-Istat Membru tagħhom stess kif ukoll lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni; jenfasizza li l-iżgurar ta' aċċess tajjeb għall-finanzjament u ż-żieda fl-użu tal-għodod diġitali huma kruċjali sabiex l-intrapriżi jibqgħu kompetittivi;

13.  Jilqa' ż-żieda fl-intestatura baġitarja 02 04 02 03 “Żieda tal-innovazzjoni fl-intrapriżi żgħar u medji (SMEs)” u l-intestatura baġitarja 02 03 “Suq intern għal oġġetti u servizzi”, u jissuġġerixxi li l-Kummissjoni timmonitorja l-effikaċja tal-proġetti ffinanzjati sabiex tiżdied l-innovazzjoni għall-SMEs;

14.  Jinsab imħasseb dwar it-tnaqqis drastiku fl-intestaturi baġitarji 02 02 01 “Promozzjoni tal-intraprenditorija u titjib tal-kompetittività u l-aċċess għas-swieq għall-intrapriżi tal-Unjoni” u 02 02 02 “Titjib tal-aċċess għal finanzjament għal intrapriżi żgħar u medji (SMEs) f'forma ta' ekwità u dejn” bħala parti mill-programm COSME;

15.  Jenfasizza li l-istandards huma għodda importanti għall-kompetittività tal-intrapriżi li l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess ta' standardizzazzjoni hija essenzjali għall-progress teknoloġiku kif ukoll biex isir paragun bejn il-kwalità tal-materjali u l-prodotti fl-Unjoni; jaqbel għalhekk li l-pagamenti taħt l-intestatura baġitarja 02 03 02 01 immirati biex jappoġġjaw l-attivitajiet ta' standardizzazzjoni mwettqa mis-CEN, is-CENELEC u l-ETSI għandhom jiżdiedu skont il-proposta tal-Kummissjoni.

16.  Fid-dawl tal-adozzjoni tar-Regolament dwar l-eCall, jappella sabiex l-Aġenzija tal-GNSS Ewropea tingħata finanzjament xieraq bl-għan li tkun tista' timplimenta r-regolament bis-sħiħ.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

3.9.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

5

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Dita Charanzová, Anna Maria Corazza Bildt, Daniel Dalton, Nicola Danti, Dennis de Jong, Pascal Durand, Vicky Ford, Ildikó Gáll-Pelcz, Evelyne Gebhardt, Maria Grapini, Sergio Gutiérrez Prieto, Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Liisa Jaakonsaari, Antonio López-Istúriz White, Margot Parker, Eva Paunova, Jiří Pospíšil, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Igor Šoltes, Catherine Stihler, Mylène Troszczynski, Anneleen Van Bossuyt

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Lucy Anderson, Birgit Collin-Langen, Kaja Kallas, Jens Nilsson, Marc Tarabella, Lambert van Nistelrooij

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Andrey Novakov, Adam Szejnfeld

1.9.2015

OPINJONI tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016

(2015/2132(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Massimiliano Salini

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Jissottolinja l-fatt li l-finanzjament ippjanat għas-settur tat-trasport għandu rabta ġustifikabbli ma' politiki oħrajn bħall-koeżjoni, il-kompetizzjoni, l-ambjent, ir-riċerka, it-turiżmu u s-sigurtà; jinnota li l-infrastrutturi tat-trasport huma fundamentali għal-libertà ta' moviment ta' persuni, oġġetti u servizzi li fuqha hu bbażat il-proġett tas-suq uniku, u li din il-libertà ta' moviment hija kemm katalizzatur qawwi għall-integrazzjoni tal-UE u kemm fattur essenzjali fil-prestazzjoni tal-kummerc u tal-industrija Ewropej;

2.   Jisħaq fuq il-fatt li, peress li l-prijorità tal-politiki Ewropej hi li jwasslu għal irkupru fit-tkabbir u fl-impjiegi, il-proġetti infrastrutturali jikkontribwixxu għal dak l-irkupru kemm direttament, permezz tal-impjiegi maħluqa fis-siti tal-proġett, u kemm indirettament, permezz tal-użu u l-manutenzjoni ta' din l-infrastruttura, u b'mod iktar estensiv, billi jagħtu spinta lill-kompetittività tar-reġjuni kkonċernati; jilqa' l-fatt li, fid-diskussjonijiet dwar il-pjan Juncker, l-Istati Membri kollha sostnew dan l-approċċ u kienu tal-fehma li l-investimenti fl-infrastruttura strateġika m'għandhomx jiġu ppenalizzati mill-Patt ta' Stabilità;

3.   Jinnota li l-ftehim dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) jirriżulta fi tnaqqis għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF); jilqa' l-inizjattiva intenzjonata biex tagħti spinta għall-involviment tas-settur privat fl-iffinanzjar tal-proġetti ta' trasport permezz ta' strumenti finanzjarji innovattivi; jinnota, madankollu, li xi proġetti huma anqas attraenti għal dan it-tip ta' operatur peress li jipproduċu redditu baxx jew inċert wisq fuq l-investiment; ifakkar madankollu li l-għan tal-FEIS hu li jagħmel tajjeb għall-fallimenti tas-suq fis-setturi bi profil tar-riskju meta mqabbel mal-profittabilità li jista' jiskoraġġixxi lill-investituri privati; jisħaq fuq il-fatt li, għalkemm l-investimenti fil-ferroviji, il-mobilità urbana sostenibbli u l-passaġġi tal-ilma interni jipproduċu benefiċċji soċjoekonomiċi u ambjentali sostanzjali, huma anqas profittabbli u jeħtieġu għotjiet għall-implimentazzjoni tagħhom; jenfasizza li, ikun xi jkun il-metodu ta' finanzjament adottat, jeħtieġ li l-kontribuzzjoni mill-baġit tal-UE tikkonċentra fuq proġetti b'valur miżjud Ewropew għoli;

4.   Jisħaq fuq l-importanza tan-Netwerk trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T), mhux biss bħala komponenti tax-xibka ta' konnessjoni fl-Ewropa, iżda anke bħala opportunità għat-tnedija ta' swieq domestiċi individwali, ekonomiji lokali u nħawi urbani u metropolitani; jisħaq, għaldaqstant, fuq l-importanza li jitlestew il-kurituri prijoritarji ddefiniti fil-livell Ewropew, b'mod partikolari għar-rotot ferrovjarji ta' veloċità għolja; jiġbed l-attenzjoni għall-interess bla preċedenti li wrew l-Istati Membri fis-sejħiet taħt is-CEF-T tal-2014 u għall-għadd kbir ta' proġetti ta' kwalità għolja eliġibbli li ġew ippreżentati imma li ma setgħux jiġu adottati minħabba nuqqas ta' fondi disponibbli; jinsisti f'dan ir-rigward li l-finanzjament previst fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) irid jiġi rispettat u eżaminat mill-ġdid, kemm għall-impenji kif ukoll għall-pagamenti, b'mod li jinkisbu b'suċċess il-prijoritajiet u l-objettivi tas-CEF u jiġi ssupplimentat il-baġit allokat għas-CEF;

5.   Jappella lill-Kummissjoni biex tqis, fil-prospettiva tal-allokazzjoni tal-fondi mis-CEF, id-diffikultajiet ekonomiċi u soċjali li qed jaffaċċjaw bħalissa xi Stati Membri u li hemm ir-riskju li jxekklu b'mod konsiderevoli l-preżentazzjoni ta' proġetti; jappella, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tipprovdi l-assistenza meħtieġa lil dawn il-pajjiżi fil-qafas tal-programm CEF;

6.   Jissottolinja r-rwol importanti tar-riċerka u l-innovazzjoni fis-setturi tat-trasport u tat-turiżmu ffokati fuq il-mobilità urbana sostenibbli, l-għarfien soċjoekonomiku u l-prestazzjoni ambjentali; għandhom għalhekk jiġu allokati r-riżorsi xierqa għal dawn il-forom ta' teknoloġiji u għarfien innovattivi taħt il-Programm Orizzont 2020 u l-Impriża Konġunta Shift2Rail;

7.   Jirrakkomanda li titqiegħed aktar enfasi fuq il-politiki tat-trasport relatati mal-portijiet u l-ajruporti, peress li dawn jippromwovu l-kompetittività permezz tal-iżvilupp ulterjuri ta' suq intern sostenibbli kif ukoll peress li jiftħu l-Ewropa fir-rigward tal-bqija tad-dinja; jissottolinja l-ħtieġa għal politika Ewropea razzjonali li ssaħħaħ l-ispeċifiċità, b'mod partikolari tal-portijiet u l-lokalizzazzjoni ġeografika tagħhom; jemmen li l-konnessjonijiet intermodali u l-interkonnettività mtejbin għandhom jippermettu faċilitazzjoni tal-kummerċ mal-inħawi tal-madwar u jagħmlu s-sistema tat-trasport tagħna iktar sostenibbli; jisħaq fuq l-importanza ta' strateġija Ewropea biex tħeġġeġ konnettività aħjar u aktar estensiva bejn l-ajruporti kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak internazzjonali;

8.   Jindika li l-Parlament għandu anqas garanzija ta' aċċess għad-dokumenti uffiċjali dwar il-baġit tal-UE milli għandhom l-istituzzjonijiet l-oħra; jappella, għalhekk, biex il-ftehimiet interistituzzjonali jiġu riveduti bil-għan li l-Membri tal-Parlament, li jirrappreżentaw liċ-ċittadini Ewropej, jingħataw aċċess xieraq għad-dokumenti, anke meta jkunu jinkludu informazzjoni 'sensittiva';

9.   Jiġbed l-attenzjoni għall-adozzjoni ġejjiena tar-raba' pakkett ferrovjarju li jiddisponi biex l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea jkollha rwol akbar f'termini taċ-ċertifikazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni b'mod li l-proċeduri, il-kalendarji u r-riżorsi jsiru aktar effiċjenti; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Aġenzija tingħata r-riżorsi finanzjarji, umani u loġistiċi adegwati biex twettaq dawn il-kompiti ġodda; ifakkar barra minn hekk, li dan il-pakkett irid jifforma parti minn pjan ta' azzjoni ta' portata akbar biex tissaħħaħ l-attrattiva tas-settur ferrovjarju; hu tal-fehma, għalhekk, li hu importanti li jsir aktar investiment fl-iżvilupp tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) bi standard Ewropew uniku u interoperabbli u li tiġi implimentata mingħajr dewmien l-Impriża Konġunta Shift 2Rail;

10. Jenfasizza li l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) għandha tiġi mgħammra bil-mezzi meħtieġa sabiex tikkontrolla s-sikurezza tal-installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass lil hinn mill-kosta u tipprevjeni t-tniġġis minnhom, kif deċiż fir-Regolament dwar il-finanzjament tal-EMSA;

11. Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol kruċjali li jiżvolġu l-aġenziji li r-responsabilità ewlenija tagħhom hi li jiżguraw is-sikurezza tad-diversi modi ta' trasport; jirrifjuta għalhekk it-tnaqqis propost fil-baġits operattivi tal-aġenziji u ma jaqbilx mat-tnaqqis propost li jista' jdgħajjef is-sikurezza tat-trasport;

12. Jissottolinja l-importanza strateġika tal-Ajru Uniku Ewropew bħala l-istrument ewlieni biex tiġi żgurata s-sikurezza, il-prestazzjoni ambjentali, il-kompetittività u l-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini; jisħaq fuq il-fatt li l-UE għandha tipprovdi biżżejjed riżorsi għall-pilastru teknoloġiku tagħha, SESAR, permezz tas-CEF u l-programmi ta' riċerka; jemmen li għadd ta' proposti li dalwaqt jiġu adottati, intenzjonati biex isaħħu l-pożizzjoni tal-operaturi Ewropej fir-rigward tal-bqija tad-dinja, jiddisponu biex jiġu allokati kompiti addizzjonali lill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni; hu tal-fehma, għalhekk, li s-sehem tar-riżorsi tagħha mill-baġit tal-UE għandu tal-anqas jinżamm fil-livelli attwali u mhux jitnaqqas, allavolja anke s-settur privat jipparteċipa fil-finanzjament tagħha;

13. Jindika li hemm bżonn li t-trasparenza finanzjarja tal-aġenziji titjieb, mhux l-anqas fir-rigward tal-kompiti li effettivament iwettqu; jikkunsidra li l-ħatriet għandhom isiru abbażi tal-mertu u permezz ta' proċeduri pubbliċi, bil-publikazzjoni tal-kriterji tal-għażla u l-limiti massimi fuq is-salarji;

14. Jissuġġerixxi, filwaqt li jżomm f'moħħu li ma hemm l-ebda linja baġitarja diretta għat-turiżmu, li jibqgħu jiġu sfruttati kompletament l-opportunitajiet offruti mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u l-programm COSME kif ukoll mill-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji intenzjonati biex isaħħu l-attrattiva tal-'Kontinent l-Antik' għat-turisti; jisħaq fuq il-fatt li kollaborazzjoni trasversali effiċjenti biex id-diversi politiki u fondi kkonċernati tal-UE hi kruċjali f'dan il-qasam, u għandha tikkunsidra wkoll is-sħubijiet pubbliċi-privati;

15. Jappella favur l-introduzzjoni ta' linja baġitarja diretta għat-Turiżmu fil-baġit tal-UE għall-2016;

16. Jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta ħarsa ġenerali annwali lejn il-proġetti fil-qasam tat-turiżmu li jkunu ġew ikkofinanzjati minn fondi differenti tal-UE;

17. Jappella, meta jitqiesu l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-attività turistika għall-PDG tal-UE u l-impatt tagħha fuq il-ħolqien tal-impjiegi, biex il-baġit għall-azzjonijiet fis-settur tat-turiżmu taħt il-programmi COSME jiżdied għal EUR 13-il miljun; jappella biex jiġi evitat tnaqqis ulterjuri fil-baġit għall-azzjonijiet fis-settur tat-turiżmu fil-QFP attwali;

18. Jirrakkomanda li tingħata attenzjoni partikolari għall-komponenti ta' konnessjoni tax-xibka urbana fil-kuntest tal-politika Ewropea tat-trasport; ifakkar li llum aktar minn nofs il-popolazzjoni dinjija tgħix fil-bliet, u t-tendenza hi li dan il-fenomenu qed jikber; jemmen għalhekk li kontribuzzjoni għal sistemi ta' mobilità urbana effiċjenti, intermodali, sostenibbli u sikuri kif ukoll għall-konnessjoni tal-inħawi urbani u metropolitani mal-inħawi rurali u remoti tkun kontribuzzjoni solida għat-tkabbir globali;

19. Jappella lill-Kummissjoni biex tassisti lill-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati lokali, reġjonali u nazzjonali biex jesploraw l-opportunitajiet ta' finanzjament tal-UE eżistenti u ġodda għat-trasport pubbliku u jiżviluppaw skemi innovattivi ta' sħubijiet pubbliċi-privati; jisħaq fuq il-fatt li l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għandhom jintużaw b'mod aktar sistematiku għall-bliet li jkunu żviluppaw pjan ta' trasport lokali integrat, bħal Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli, u li jkunu identifikaw azzjonijiet xierqa, bi qbil mal-kriterji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti;

20. Jinsisti li l-investimenti fl-infrastruttura tat-trasport permezz tas-CEF, u r-riċerka dwar it-trasport mill-Impriża Konġunta Shift2Rail u l-programm Orizzont 2020 m'għandhomx iservu bħala element varjabbli ta' aġġustament bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim dwar il-baġit għall-2016;

21. Jenfasizza r-rwol tar-riċerka u l-innovazzjoni fis-setturi tat-trasport u tat-turiżmu, kemm għall-iżvilupp ta' sistemi ta' trasport intelliġenti u sostenibbli u ta' enerġija nadifa, kif ukoll għal sigurtà aħjar u servizzi mtejba għall-konsumatur; jirrifjuta għalhekk it-tnaqqis propost għar-riċerka, b'mod partikolari għall-approprjazzjonijiet ta' pagament.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

31.8.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lucy Anderson, Inés Ayala Sender, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Michael Cramer, Andor Deli, Karima Delli, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Dieter-Lebrecht Koch, Peter Lundgren, Georg Mayer, Cláudia Monteiro de Aguiar, Jens Nilsson, Markus Pieper, Salvatore Domenico Pogliese, Tomasz Piotr Poręba, Gabriele Preuß, Christine Revault D'Allonnes Bonnefoy, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, Claudia Schmidt, Pavel Telička, István Ujhelyi, Peter van Dalen, Wim van de Camp, Janusz Zemke, Roberts Zīle

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Dalton, Markus Ferber, Michael Gahler, Georgi Pirinski, Matthijs van Miltenburg

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Eugen Freund, Karoline Graswander-Hainz, Piernicola Pedicini, Julia Reda, Kristina Winberg

18.9.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016

(2015/2132(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Maria Spyraki

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Iqis bħala allarmanti t-tnaqqis fl-approprjazzjonijiet ta' pagament taħt l-Intestatura 1b għal EUR 49 biljun (-4 % meta mqabbla mal-2015), u jistaqsi bi tħassib jekk l-ammonti proposti fl-Abbozz ta' Baġit (AB) 2016 għall-Intestatura 1b humiex biżżejjed biex jiffaċċjaw il-livell attwali mingħajr preċedent ta' pagamenti meħtieġa minħabba l-pagamenti pendenti ta' taħt din l-intestatura;

2.  Jinnota li skont id-dokument tal-Kummissjoni “Elementi għal pjan ta' pagament sabiex il-baġit tal-UE jerġa' jaqbad triq sostenibbli”, l-approprjazzjonijiet ta' pagament previsti għall-Intestatura 1b għandhom jintużaw ukoll biex jitħallsu l-pagamenti pendenti fi tmiem l-2015 (EUR 20 biljun), u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel aktar sforzi biex tnaqqas id-dewmien fil-pagamenti, filwaqt li jenfasizza li dewmien bħal dan iżid ħafna l-piżijiet fuq l-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali, speċjalment fejn hemm jipprevalu problemi soċjali, ekonomiċi u finanzjarji, u jkollu effett domino estremament serju u jkollu impatt fuq dawk li jirċievu l-fondi u fuq il-benefiċjarji vulnerabbli tal-fondi;

3.  Ifakkar li l-konklużjonijiet tas-sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, enfasizzaw il-fatt li d-disparitajiet reġjonali kienu żdiedu mill-2008 'l hawn; jenfasizza r-rwol kruċjali li għandu l-baġit tal-UE biex jistimula l-investiment, peress li, billi jissupplementa l-finanzjament pubbliku u privat fil-livell nazzjonali u internazzjonali, l-effett ta' lieva tiegħu jgħin biex jissaħħaħ it-tkabbir u tiġi żgurata l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni;

4.  Jinnota li l-AB 2016 jipprevedi impenji li jammontaw għal EUR 153 500 biljun (tnaqqis ta' 5,3 % meta mqabbla mal-2015) u approprjazzjonijiet ta' pagament li jammontaw għal EUR 143,5 biljun (żieda ta' 1,6 % fuq l-2015);

5.  Jinnota li l-livell propost ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fl-AB 2016 ġej minn żieda sinifikanti ta' approprjazzjonijiet ta' pagament għall-programmi tal-2014-2020 u minn tnaqqis sinifikanti għall-programmi 2007-2013, għalkemm kważi 50% tal-pagamenti mitluba fl-2016 għadhom relatati ma' dan tal-aħħar;

6.  Jinnota barra minn hekk li huwa mixtieq ukoll li jitqies minn qabel l-impatt fuq il-pagamenti ta' taħt l-Intestatura 1b minħabba l-modifika tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020;

7.  Ifakkar fil-ħtieġa li jkun hemm riżorsi biżżejjed biex jiżguraw, minn naħa waħda, l-implimentazzjoni xierqa tal-programmi, u min-naħa l-oħra, l-operazzjoni pluriennali tagħhom, li flimkien jitolbu mezzi u miżuri xierqa sabiex jiġi mminimizzat ir-riskju tar-rikorrenza tal-pagamenti pendenti; ifakkar li l-pagamenti pendenti jimminaw il-kredibilità u l-obbligu ta' rendikont tal-Unjoni; jitlob soluzzjoni fit-tul għall-pagamenti pendenti, li hija problema strutturali li x'aktarx li terġa' tokkorri jekk ma tinstabx soluzzjoni adegwata; jinnota, barra minn hekk, iż-żieda fin-nefqa amministrattiva, minkejja assigurazzjonijiet preċedenti li kienet se tkun limitata għall-istess livell;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja bir-reqqa, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u r-reġjuni, u tipprepara previżjoni dettaljata dwar l-evoluzzjoni tal-pagamenti taħt l-Intestatura 1b b'rabta mal-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, bl-użu ta' indikaturi ta' rendiment ewlenin li jistgħu jitkejlu u b'hekk ikunu jistgħu jitqabblu li jkunu juru l-effiċjenza u l-effikaċja tal-approprjazzjonijiet tal-baġit;

9.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, f'ċerti każijiet, l-Istati Membri ser joħorġu l-fondi malajr biex jevitaw li jitilfu l-fondi li jkunu ġew impenjati, proċedura li żżid ir-riskju ta' irregolaritajiet u li jista' jkun li twassal għal korrezzjonijiet finanzjarji, u li tinqala' sitwazzjoni fejn fondi li ma jkunux ġew assorbiti fi tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni ikun ġew soġġetti għal diżimpenn awtomatiku;

10.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal azzjoni preparatorja taħt l-Intestatura 1b, li hija miftuħa għall-Istati Membri kollha, u hija maħsuba biex tiffinanzja l-iżvilupp tal-kapaċità u l-bini tal-istituzzjonijiet biex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni ta' riformi identifikati bħala prijoritajiet fiċ-ċiklu tal-ħajja tas-sorveljanza makroekonomika, u jitlob li jkun hemm aktar inizjattivi simili.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.9.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

6

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, José Blanco López, Franc Bogovič, Mercedes Bresso, Steeve Briois, Edward Czesak, Rosa D'Amato, Bill Etheridge, Michela Giuffrida, Krzysztof Hetman, Ivan Jakovčić, Constanze Krehl, Andrew Lewer, Louis-Joseph Manscour, Martina Michels, Andrey Novakov, Younous Omarjee, Demetris Papadakis, Mirosław Piotrowski, Stanislav Polčák, Julia Reid, Liliana Rodrigues, Fernando Ruas, Maria Spyraki, Ruža Tomašić, Ramón Luis Valcárcel Siso, Ángela Vallina, Monika Vana, Matthijs van Miltenburg, Lambert van Nistelrooij, Derek Vaughan, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Petras Auštrevičius, Jan Olbrycht, Maurice Ponga

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Brando Benifei, Andrejs Mamikins, Soraya Post

7.9.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

għall-Kumitat għall-Baġits

on the draft general budget of the European Union for the financial year 2016

(2015/0000(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Jean-Paul Denanot

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jiddispjaċih għall-fatt li, minħabba l-limiti massimi imposti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 għall-Intestatura 2, hemm possibilità li fil-prattika l-kategoriji ewlenin ta' nfiq tal-Politika Agrikola Komuni (KAP), inklużi l-pagamenti diretti u l-miżuri tas-suq, ikollhom tnaqqis fl-2016, minkejja li l-impenji u l-pagamenti globali għolew bi 2,4 % u b'1,6 % rispettivament;

2.  Jieħu nota f'dan ir-rigward li skont l-Abbozz ta' Baġit 2016 għall-Intestatura 2, hemm proposti EUR 63,1 biljun f'impenji (tnaqqis ta' 0,1 % meta mqabbel mal-2015, mingħajr ma jitqies l-impatt tar-riprogrammar) u EUR 55,9 biljun f'pagamenti (tnaqqis ta' 0,2 %);

3.  Jinnota li l-Abbozz ta' Baġit 2016 iħalli marġni ta' EUR 1,2 biljun taħt il-livell massimu għal impenji u marġni ta' EUR 1,1 biljun taħt is-sottolimitu għall-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG); jinsisti li l-marġni jibqa' fi ħdan l-Intestatura 2 biex jindirizza kwalunkwe kriżi possibbli li tista' tinqala' fis-settur agrikolu; jistenna l-Ittra ta' Emenda tal-Kummissjoni, mistennija f'Ottubru 2015, li għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni aġġornata dwar il-finanzjament tal-FAEG;

4.  Jenfasizza li l-Abbozz ta' Baġit 2016 jinsab fl-ewwel sena ta' implimentazzjoni sħiħa ta' pagamenti diretti kif stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 1307/2013; f'dan il-kuntest jieħu nota tat-tnaqqis tal-baġit tal-FAEG b'1,4 % f'impenji u approprjazzjonijiet, minħabba trasferimenti bejn iż-żewġ pilastri tal-KAP;

5.  Jinnota li skont l-Abbozz ta' Baġit 2016 il-finanzjament għall-iżvilupp rurali taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) se jiżdied bi 2,8 % f'impenji u b'6,3 % f'pagamenti; jenfasizza, madankollu, li ż-żieda hi konsegwenza loġika ta' programmar tard tal-programmi l-ġodda fil-perjodu 2014-2020 u tal-għeluq tal-programmi bejn l-2007 u l-2013;

6.  Jilqa' l-miżuri li jwasslu biex il-livell ta' impenji mhux imħallsa jkun kontrollat u jqis dawn l-impenji bħala prekundizzjoni biex ikun hemm bidu ta' suċċess għall-perjodu ta' programmar 2014-2020; jistieden b'mod urġenti, għaldaqstant, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex ikopru talbiet ta' pagamenti pendenti;

7.  Jiddispjaċih dwar it-tnaqqis li sar fil-baġit għal interventi fis-swieq agrikoli meta mqabbel mal-2015; peress li r-Russja kkonfermat l-estensjoni tal-projbizzjoni tagħha fuq l-importazzjoni sa Awwissu 2016, jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-miżuri kollha meħtieġa, bħalma huma l-użu tal-marġini disponibbli taħt il-limitu massimu, tappoġġa lill-bdiewa tal-Unjoni, fl-oqsma agrikoli kollha, u fis-settur tal-ikel milqut mill-embargo, b'mod partikolari fil-pajjiżi li jmissu mar-Russja, u hu tal-fehma li miżuri ta' emerġenza għandhom jiġu estiżi għal pajjiżi indirettament milquta mill-embargo Russu; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li biha għandhom jiġu estiżi b'effett mill-1 ta' Awwissu 2015 il-miżuri ta' appoġġ tal-produtturi tal-frott u l-ħaxix milquta mill-embargo Russu u jitlob li dawn il-miżuri jibqgħu fis-seħħ sakemm iddum il-projbizzjoni tal-importazzjoni u biex jitwessgħu sabiex ikopru s-setturi agrikoli kollha u s-setturi kollha tat-trobbija tal-bhejjem affettwati; jirrimarka li s-settur tal-ħalib jeħtieġ attenzjoni partikolari minħabba li l-embargo Russu qed iżid l-inċertezza għall-produtturi billi jaggrava t-tnaqqis tal-prezzijiet li tfaċċa malli l-iskema tal-kwoti ġiet abolita;

8.  Jinsisti fuq il-ħtieġa ta' fondi li jikkumpensaw għat-telf ekonomiku li jkunu sofrew il-bdiewa matul il-kriżijiet tas-suq u l-kriżijiet sanitarji u fitosanitarji bħall-Xylella fastidiosa, u jtenni l-ħtieġa li jintużaw il-marġni disponibbli skont l-Intestatura 2 għal dan l-għan; jinsisti li kumpens għall-eradikazzjoni għandu jkopri wkoll ir-rijabilitazzjoni tal-ekosistemi agrikoli inkluża l-ħamrija, kif ukoll l-istabbiliment ta' diversità bijoloġika soda, b'mod speċjali l-iżgurar tad-diversità ġenetika għall-istokk għat-tħawwil li idealment jinkludi r-reżistenza jew it-tolleranza għall-marda jew għall-pest; fil-fatt, iqis li wieħed mill-għanijiet ta' kwalunkwe għajnuna mogħtija għandu jkun li jiġu żgurati ekosistemi agrikoli bilanċjati u bijoloġikament varjati u pajsaġġi li jkunu inqas suxxettibbli għal attakki futuri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiġġieldu d-deterjorazzjoni ta' dawk is-swieq;

9.  Jitlob finanzjament addizzjonali allokat għas-settur tat-tkabbir taż-żebbuġ u taż-żejt taż-żebbuġa biex ipatti għat-telf li jsofru l-bdiewa kkawżat mit-tifqigħa tal-Xylella fastidiosa, sabiex jissaħħu l-miżuri ta' prevenzjoni fl-Ewropa, jiġi miġġieled it-tixrid ta' din il-marda devastanti, u jiġi ristrutturat is-settur, u tiġi kkonsolidata r-riċerka xjentifika tal-patoġenu u tal-portatur tagħha;

10.  Jinnota b'mod ġenerali li l-investiment huwa meħtieġ biex l-ekosistemi agrikoli tagħna jiġu magħmula reżiljenti għat-tibdil fil-klima u biex l-istabbiliment u t-tixrid ta' speċijiet invażivi, b'mod partikolari permezz ta' pajsaġġi kultivati u ta' għajxien bijoloġikament diversi, ħamrija f'saħħitha li jkun fiha speċijiet predaturi u ta' benefiċċju, li jippermettu regolamentazzjoni naturali ta' popolazzjonijiet ta' organiżmi ta' ħsara;

11.  Jiddispjaċih għat-tnaqqis ta' EUR 2 miljun għall-programm tal-ħalib fl-iskejjel, propost mill-Kummissjoni u appoġġat mill-Kunsill minn EUR 77 miljun f'approprjazzjoni tal-2015 għal EUR 75 miljun fl-Abbozz ta' Baġit 2016; ifakkar fit-talba tal-Parlament għal żieda ta' EUR 20 miljun fis-sena għal din l-iskema; jilqa' ż-żieda żgħira proposta mill-Kummissjoni u appoġġata mill-Kunsill għall-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel għal EUR 150 miljun; jenfasizza li ż-żewġ programmi wrew li huma utli fl-Istati Membri u jissottolinja l-importanza tagħhom minħabba l-kriżi attwali u l-livelli ta' malnutrizzjoni tat-tfal fl-Unjoni; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra l-proposti tal-Parlament li jitolbu s-simplifikazzjoni tal-burokrazija għall-Istati Membri sabiex tiżdied l-effiċjenza taż-żewġ skemi;

12.  Jiddispjaċih dwar il-proposta tal-Kunsill ta' tnaqqis ta' EUR 13,8 miljun għal fondi operattivi għal organizzazzjonijiet ta' produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex minħabba l-importanza tagħhom fil-katina tal-provvista tal-ikel u l-isfidi attwali li qed jaffronta s-settur;

13.  Jitlob li l-programmi tal-ħalib għall-iskejjel u tal-frott għall-iskejjel jitressqu għat-tieni pilastru tal-PAK sabiex ikun jista' jitfassal aħjar id-disinn speċifiku tagħhom minħabba l-ispeċifiċitajiet u l-ħtiġijiet reġjonali u biex l-aċċettazzjoni u l-faċilità tal-użu tal-programmi b'hekk tiżdied;

14.  Jinsisti li kwalunkwe dħul li jakkumula għall-baġit tal-UE li jirriżulta mill-multi tal-imposta speċjali għandhom jiġu allokati għal investiment mill-ġdid fis-settur tal-prodotti tal-ħalib, u li dħul ieħor assenjat mill-agrikoltura fl-2014/2015 għandu jibqa' taħt l-Intestatura 2; hu tal-fehma li l-ħlasijiet għall-qbiż tal-kwota imposti fl-2015, b'mod partikolari fis-settur tal-ħalib, għandhom jintużaw fl-intier tagħhom għall-appoġġ għas-suq u għal miżuri oħra ta' għajnuna għas-settur tal-ħalib; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li talloka dak id-dħul lill-FAEG;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-fondi allokati għar-riserva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu fil-baġit 2016, li sussegwentement jibqgħu mhux utilizzati, għandhom jinżammu bla mittiefsa taħt l-Intestatura 2 għas-sena baġitarja sussegwenti għal pagamenti diretti lill-bdiewa, kif previst fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013;

16.  Jinnota li l-agrikoltura Ewropea saret dejjem aktar esposta għall-kriżijiet f'dawn l-aħħar snin; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni biex tqis mill-ġdid is-sistema ta' finanzjament ta' kontinġenza u biex jinħoloq strument ġdid li jippermetti intervent politiku rapidu f'każ ta' kriżi, mingħajr ma jintefa' piż fuq pagamenti diretti annwali;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw tempestivament il-volatilità tal-prezzijiet tal-prodotti agrikoli, b'enfasi partikolari fuq is-settur tal-prodotti tal-ħalib, li għandha effetti negattivi fuq l-introjtu tal-bdiewa, u biex jirreaġixxu fil-pront u b'mod effikaċi meta jinħtieġ, u l-bdiewa jingħataw direttament l-għażla li jiġġieldu kontra l-volatilità tal-prezzijiet;

18.  Jinnota l-effetti tat-tneħħija tal-kwoti tal-ħalib u huwa tal-fehma li miżuri preparatorji huma meħtieġa biex jiġu evitati żbilanċi fis-suq wara l-abolizzjoni tal-kwoti taz-zokkor f'Settembru 2017;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni timmobilizza r-riserva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu sabiex jiġu implimentati miżuri ta' kriżi għal għajnuna għall-industrija tal-ħalib; iqis li l-għan ta' dawn il-miżuri għandu jkun li jgħin lill-produtturi tal-ħalib żgħar u medji, li ntlaqtu l-aktar sa mill-abolizzjoni tas-sistema tal-kwoti fl-2015, u li l-infiq għandu jiġi allokat għal titjib teknoloġiku tal-proċessi ta' produzzjoni u inċentivi għall-produzzjoni ta' prodotti b'valur miżjud;

20.  Jilqa' l-livell ta' fondi allokati għall-appoġġ tat-trobbija tan-naħal, u dan peress li l-Parlament b'mod konsistenti qies it-trobbija tan-naħal u l-konservazzjoni tal-bijodiversità funzjonali, b'mod partikolari tal-pollinaturi u tas-servizzi li jipprovdu, bħala prijoritajiet għall-futur tal-agrikoltura;

21.  Jenfasizza l-objettivi ta' żieda fil-kompetittività u s-sostenibilità tal-agrikoltura Ewropea, u jitlob li jkunu provduti riżorsi sabiex dawn l-objettivi jintlaħqu; ifakkar fil-potenzjal tal-politika agrikola f'termini ta' ħolqien ta' impjiegi, l-innovazzjoni teknika u soċjali u l-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikolari f'żoni rurali fejn dawn jippromwovu l-iżvilupp reġjonali;

22.  Jissottolinja l-importanza tal-iżvilupp ta' swieq ġodda għaż-żamma tal-kompetittività u ż-żieda tar-reżistenza tal-agrikoltura Ewropea għall-kriżijiet tas-suq bħal fil-każ tal-embargo tar-Russja; jitlob appoġġ finanzjarju għall-iżvilupp tas-suq, fost l-oħrajn permezz tal-użu ta' fondi mill-imposti speċjali;

23.  Jenfasizza li huwa indispensabbli li l-fondi allokati għar-riċerka fis-settur agroalimentari, b'mod partikolari mill-baġit tal-Orizzont 2020, jibqgħu kompletament disponibbli bħala tali bl-għan li tiġi stimolata l-innovazzjoni fis-settur agrikolu;

24.  Ifakkar fid-diffikultajiet li ġew affrontati fis-snin finanzjarji preċedenti li matulhom kienu tnaqqsu l-approprjazzjonijiet; jemmen li kwalunkwe tentattiv biex jitnaqqsu l-approprjazzjonijiet agrikoli se jkun ineffettiv u saħansitra perikoluż, peress li dan jimmina l-objettivi tal-PAK, u b'hekk iħalli lis-settur aktar vulnerabbli, u jdgħajjef b'mod sinifikanti l-isforzi biex tittejjeb il-kompetittività tal-agrikoltura Ewropea.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

3.9.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

4

8

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Daniel Buda, Nicola Caputo, Matt Carthy, Paolo De Castro, Albert Deß, Diane Dodds, Norbert Erdős, Edouard Ferrand, Luke Ming Flanagan, Beata Gosiewska, Martin Häusling, Anja Hazekamp, Jan Huitema, Peter Jahr, Jarosław Kalinowski, Zbigniew Kuźmiuk, Philippe Loiseau, Mairead McGuinness, Giulia Moi, Ulrike Müller, Maria Noichl, Marit Paulsen, Marijana Petir, Bronis Ropė, Czesław Adam Siekierski, Marc Tarabella, Janusz Wojciechowski, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Bas Belder, Angélique Delahaye, Jean-Paul Denanot, Jørn Dohrmann, Georgios Epitideios, Fredrick Federley, Jens Gieseke, Maria Heubuch, Karin Kadenbach, Norbert Lins, Susanne Melior, Stanislav Polčák, Annie Schreijer-Pierik, Hannu Takkula, Vladimir Urutchev

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Heinz K. Becker, Carlos Iturgaiz, Igor Šoltes

4.9.2015

OPINJONI tal-Kumitat għas-Sajd

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar l-abbozz tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016

(2015/2132(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Alain Cadec

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Sajd jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

Ħarsa Ġenerali

1.  Jirrimarka kemm hu importanti li l-baġit tal-UE jirrifletti l-objettivi politiċi ddikjarati għall-impjiegi, l-intrapriża u l-intraprenditorija; jenfasizza li l-oqsma tas-sajd u tal-affarijiet marittimi huma wkoll sorsi ta' impjieg u ta' tkabbir u li jikkontibwixxu attivament għall-iżvilupp reġjonali u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali;

2.  Jenfasizza li kemm is-sajd u l-affarijiet marittimi għandhom dimensjoni ekonomika, soċjali u ambjentali kbira u dawn għandhom rwol ewlieni fl-ekonomija blu;

3.  Jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni tas-settur tas-sajd li għandu jibqa' kompetittiv filwaqt li jiġu osservati r-rekwiżiti tal-politika komuni tas-sajd (PKS) u r-rekwiżiti ta' ġestjoni tajba tar-riżorsi tas-sajd permezz ta' ġestjoni tal-istokkijiet ta' livell ogħla mil-livelli tal-bijomassa li jippermettu li tinkiseb il-qabda massima sostenibbli; jesprimi tħassib dwar id-diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt mill-kummerċjanti u mill-awtoritajiet nazzjonali;

4.  Jikkunsidra s-sitwazzjoni tal-impjiegi għaż-żgħażagħ, f'dan is-settur, bħala prijorità politika; jenfasizza l-fatt li hija responsabilità tal-Istati Membri li jagħmlu kull sforz biex jiffaċilitaw l-aċċess taż-żgħażagħ għall-professjonijiet diversi tas-sajd bl-użu tal-għodod kollha mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom, inklużi l-Fondi Strutturali;

Pożizzjoni tal-Kunsill

5.  Jiddeplora l-fatt li, fit-Titolu 11 tat-Taqsima III, il-Kunsill naqqas l-approprjazzjonijiet ta' impenn b'EUR 750 388 u l-approprjazzjonijiet ta' pagament b'EUR 4 646 986;

6.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-interpretazzjoni tal-Kunsill tal-baġit għall-2016, li tonqos milli tikkunsidra l-impennji politiċi fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) u tnaqqas ċerti approprjazzjonijiet li huma essenzjali għall-implimentazzjoni tal-PKS; jappella għaldaqstant biex jerġu jiddaħħlu l-approprjazzjonijiet għat-Titolu 11 tat-Taqsima III tal-Abbozz ta' Baġit tal-Kummissjoni;

Is-sitwazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' impenn tat-Titolu 11 tat-Taqsima III

7.  Jieħu nota tal-proposta magħmula mill-Kummissjoni għall-baġit għall-2016 f'dak li jirrigwarda l-approprjazzjonijiet ta' impenn; jieħu nota tal-ammont reġistrat ta' EUR 1 047 031 838 taħt l-Intestatura 2 tal-QFP; jieħu nota tat-tnaqqis ta' 41,1 % meta mqabbla mas-sena finanzjarja preċedenti; jinnota li l-biċċa l-kbira ta' dan it-tnaqqis ta' EUR 729 120 330 ġejja mir-riport tal-approprjazzjonijiet tal-2014 lejn is-sena 2015, wara reviżjoni teknika tal-QFP u d-dewmien fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali, inkluż il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS);

8.  Ifakkar li l-approprjazzjonijiet għas-sena finanzjarja 2015 żdiedu b'EUR 740 725 000 minħabba approprjazzjonijiet mhux użati fl-2014;

9.  Jinnota li t-tnaqqis fl-abbozz tal-baġit huwa prinċipalment immexxi mill-approprjazzjonijiet għall-FEMS, li jikkorrispondi għal tnaqqis ta' EUR 728 588 330 meta mqabbla mas-sena finanzjarja 2015; iqis, madankollu, li l-approprjazzjonijiet ta' impenn huma konformi mad-deċiżjonijiet politiċi meħuda fin-negozjati tal-FEMS u sal-limiti massimi tal-QFP;

10.  Jieħu nota tal-ammont ta' EUR 150 500 000 allokat bħala approprjazzjonijiet ta' impenn għall-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli (FSSS) u għallorganizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (ORĠS) fl-abbozz tal-baġit u li jikkorrispondi għal tnaqqis ta' 0,4 % meta mqabbel mal-2015; iqis, madankollu, li dan l-istaġnar jikkorrispondi għal tnaqqis ta' approprjazzjonijiet jekk wieħed iqis l-projezzjonijiet tal-inflazzjoni stmata;

11.  Jieħu nota tal-ammont ta' EUR 36 056 336 allokat bħala approprjazzjonijiet ta' impenn taħt l-intestatura 5 għan-nefqa amministrattiva tat-Titolu 11 tat-Taqsima III , jiġifieri tnaqqis ta' EUR 139 563 li huwa parti mill-isforz tal-Kummissjoni biex tnaqqas in-nefqa amministrattiva; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan il-kuntest, l-eżempju muri mill-Kummissjoni fit-tnaqqis tan-nefqa amministrattiva tagħha;

Approprjazzjonijiet ta' pagament taħt it-Titolu 11 tat-Taqsima III

12.  Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni għall-baġit għall-2016 f'dak li jirrigwarda l-approprjazzjonijiet ta' pagament; jikkonstata l-ammont ta' EUR 720 647 758 taħt l-intestatura 2 tal-QFP li jikkorrispondi għal tnaqqis ta' 24,9 % meta mqabbla mas-sena ta' qabel; jinnota li t-tnaqqis fil-valur ta' EUR 238 621 588 jirrifletti prinċipalment żieda tal-approprjazzjonijiet tal-2015 bil-għan li jiġu indirizzati t-talbiet għal ħlasijiet mill-Fond Ewropew għas-Sajd (FES);

13.  Jinnota li dan it-tnaqqis jinsab biss fil-linji baġitarji rilevanti tal-Fondi strutturali; isostni li dan it-tnaqqis kien prevedibbli u li l-ammonti mdaħħla fl-abbozz tal-baġit għall-2016 huma konformi mal-ħtiġijiet;

14.  Jinnota li l-ammont ta' pagamenti mitlub għall-FSSS u l-kontribuzzjonijiet obbligatorji għall-ORĠS, jiġifieri EUR 150 000 000 jikkorrispondu għal żieda żgħira ta' 0,3 % (l-aktar minħabba l-inflazzjoni);

15.  Jieħu nota tal-approprjazzjonijiet ta' pagament fl-intestatura 5 li huma destinati għan-nefqa amministrattiva fit-Titolu 11 tat-Taqsima III u li huma l-istess bħall-ammont ta' approprjazzjonijiet ta' impenn;

Nefqa amministrattiva u t-tabella tal-persunal

16.  Jenfasizza l-isforzi għat-tnaqqis tal-ispejjeż permezz ta' tnaqqis fin-nefqa amministrattiva mill-Kummissjoni; iwissi lill-Kunsill kontra kull tentattiv li jnaqqas dawn l-ispejjeż, li jekk iseħħ, ikunu ta' piż sinifikanti fuq il-kapaċitajiet tad-DĠ MARE milli jwettaq sew il-kompiti kollha tiegħu;

17.  Jinnota li t-tabella tal-persunal tad-DĠ MARE taqbel mal-objettiv ta' tnaqqis ta' 1 % tal-impjiegi kull sena, b'kunsiderazzjoni tar-riallokazzjonijiet; jikkonstata li t-tbassir għall-2016, anki jekk ikun ta' tnaqqis, mhux se jimpedixxi b'mod sinifikanti l-ħidma futura tad-DĠ MARE;

18.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-kooperazzjoni, fil-qasam tar-riżorsi umani, bejn id-DĠ MARE u l-Aġenzija Eżekuttiva għall-intrapriżi żgħar u medji (AEIŻM), fejn din tal-aħħar timplimenta ċerti partijiet tal-FEMS, inkluża l-politika marittima integrata u l-kontroll u l-konsulenza u l-għarfien xjentifiċi; jistieden lis-servizzi tal-Kummissjoni japprofondixxu din il-kooperazzjoni tajba;

19.  Jistieden lill-Kunsill iżomm il-livelli tal-approprjazzjonijiet amministrattivi li jaqgħu taħt l-intestaturi 2 u 5 fil-livelli kif mitluba fl-abbozz tal-baġit;

Id-dimensjoni esterna tal-PKS

20.  Iqis li huwa korrett li jiġi kkunsidrat li l-allokazzjonijiet għal FSSS jiġu trattati bħala approprjazzjonijiet mhux differenzjati, peress li meta impenn baġitarju jiġi vvalidat, dan tal-aħħar ikun segwit minn pagament tal-istess ammont;

21.  Jitlob lid-DĠ MARE biex iwettaq monitoraġġ preċiż tal-għajnuna settorjali, bl-istabbiliment ta' tabelli dettaljati, b'mod konformi mal-indikaturi proposti fl-iskedi tal-programmi;

22.  Iqis li l-livell mitlub ta' approprjazzjonijiet mill-Kummissjoni huwa suffiċjenti u neċessarju sabiex jintlaħqu l-objettivi ambizzjużi tad-dimensjoni esterna tal-PKS;

Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (AEKS)

23.  Jinnota l-approprjazzjonijiet previsti għall-AEKS; jiddispjaċih dwar it-telf ta' impjieg fit-tabella tal-persunal; għalhekk jipproponi li l-baġit tal-AEKS jiżdied sabiex ikun jista' jwettaq il-kompiti ġodda li jirriżultaw mir-Regolament Bażiku ġdid dwar il-PKS; jikkunsidra li ż-żieda proposta għandha tkopri l-ispejjeż sostnuti fir-rigward tal-persunal, l-operat u s-sostenn tal-IT;

24.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jerġgħu jibdew id-djalogu dwar l-approprjazzjonijiet għall-aġenziji tal-Unjoni fil-qafas tal-proċess ta' reviżjoni tal-PKS;

FEMS

25.  Ifakkar li d-data ta' skadenza għall-eliġibbiltà tan-nefqa mġarrba mill-benefiċjarji tal-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) hija stabbilita għall-31 ta' Diċembru 2015; iqis li l-Istati Membri se jitolbu fl-2016 il-ħlas lura ta' parti minn dan l-infiq; jinnota l-approprjazzjonijiet ta' pagament mitluba fl-abbozz tal-baġit għall-FES; iqis li dawn għandhom ikunu suffiċjenti;

26.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kkonċernati biex jagħmlu kull sforz sabiex jiżguraw li l-programmi operattivi kollha kif stabbiliti fl-Artikoli 17, 18 u 19 tal-FEMS jiġu vvalidati sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2015; huwa tal-opinjoni li l-ammonti mdaħħla fl-abbozz tal-baġit fir-rigward tal-Artikoli 11 06 60, 11 06 61, 11 06 62 u 11 06 63 huma konformi mal-ħtiġijiet, bl-eċċezzjoni madankollu tal-Intestatura 11 06 62 01 fuq Konsulenza u għarfien xjentifiku, li t-tnaqqis drastiku tal-pagamenti għaliha, b'mod partikolari, b'paragun mal-2015, jidher mhux ġustifikat, u li l-ammonti għandhom għalhekk jitreġġgħu lura għal-livelli tal-2015;

Trasparenza

27.  Jeħtieġ li l-Kummissjoni tressaq quddiem il-Parlament mingħajr dewmien, u, sussegwentement, kull sena, tabella ta' segwitu tal-impenji u tal-pagamenti kollha, diviżi skont l-Istat Membru, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-diversi limiti massimi previsti mill-FEMS;

Proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji

28.  Jappoġġja l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji kollha attwali relatati mas-sajd, li t-twettiq tagħhom għandu jiġi żgurat permezz ta' finanzjament adegwat; jieħu nota tat-talbiet għal approprjazzjonijiet ta' pagament għall-proġetti u l-azzjonijiet inklużi fil-linji 11 06 77 03, 11 06 77 06, 11 06 77 07, 11 06 77 08 u 11 06 77 09; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra l-proġetti pilota ġodda appoġġjati mill-Parlament.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

3.9.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

14

4

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Eugenia Aguilera García, Renata Briano, Alain Cadec, Richard Corbett, Diane Dodds, Raymond Finch, Ian Hudghton, Carlos Iturgaiz, Werner Kuhn, António Marinho e Pinto, Gabriel Mato, Liadh Ní Riada, Ulrike Rodust, Remo Sernagiotto, Ricardo Serrão Santos, Isabelle Thomas

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

José Blanco López, Ian Duncan, Anja Hazekamp, Francisco José Millán Mon

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Enrique Calvet Chambon, Axel Voss

16.9.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar l-abbozz tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016

(2015/2132(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Bogdan Andrzej Zdrojewski

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Jilqa' l-fatt li l-abbozz ta' Baġit Ġenerali 2016 jipproponi li jiżdied l-appoġġ tal-Unjoni għal programm emblematiku ta' mobbiltà bħal Erasmus+, li huwa konsistenti mal-impenn tal-Kummissjoni biex tiżdied il-mobbiltà tal-istudenti minn dik attwali ta' 10 % għal 20 % sa tmiem id-deċennju;

2.   Ifakkar ukoll fl-appoġġ qawwi mogħti b'mod konsistenti mill-Parlament biex il-programmi kulturali u tal-midja jiġu ffinanzjati b'mod adegwat, meta jitqies ir-rwol importanti tagħhom fl-appoġġ tal-industriji kulturali u kreattivi; jilqa' għalhekk iż-żieda għall-Programm Ewropa Kreattiva, inklużi azzjonijiet multimedjali, meta mqabbel mal-baġit tal-2015, filwaqt li jesprimi riżervi dwar id-diviżjoni amministrattiva bejn it-taqsimiet Kultura u Midja tiegħu; jiddispjaċih, madankollu, dwar it-tnaqqis fl-iffinanzjar tal-Kunsill għal dan il-programm, peress li dan jista' jagħti l-impressjoni liċ-ċittadini tal-Unjoni li tissottovaluta l-valur tal-kultura bħala mutur għat-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp personali;

3.   Jappoġġa bil-qawwa ż-żieda proposta għal “Ewropa għaċ-ċittadini”; iqis li t-tnaqqis fl-impenji u l-pagamenti propost mill-Kunsill huwa politikament inġustifikat, peress li dan il-programm huwa vitali għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess demokratiku fl-Ewropa u huwa strument ċentrali tad-demokrazija parteċipattiva fl-Unjoni;

4.   Jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li fl-Intestatura 3 l-programmi li jinvolvu l-kultura u ċ-ċittadinanza, bħal “Ewropa Kreattiva” u “L-Ewropa għaċ-ċittadini” kellhom il-baġit tagħhom imnaqqas proporzjonalment iktar minn oħrajn f'termini kemm ta' impenji u ħlasijiet;

5.   Jinnota li peress li t-tnedija tal-Faċilità ta' Garanzija tas-Setturi Kulturali u Kreattivi (CCSGF) fil-qafas tal-Programm “Ewropa Kreattiva” hija ppjanata għall-2016, għall-fondi għandhom jiġu allokati biżżejjed flus fl-ewwel sena ta' implimentazzjoni sabiex jiġi żgurat bidu effettiv;

6.   Ifakkar li l-investimenti fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fl-industriji kulturali u kreattivi, kif ukoll fir-riċerka, għandhom jifformaw parti mill-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (EFSI) peress li huma fattur kruċjali għall-inklużjoni soċjali li, fi stadju aktar tard, se tissarraf f'deċiżjonijiet ta' investiment u tkabbir ekonomiku sostenibbli, u – fuq terminu ta' żmien twil – f'kompetittività;

7.  Jenfasizza r-rwol pożittiv ta' netwerks pan-Ewropej magħmula minn midja lokali u nazzjonali bħal Euranet Plus u jitlob għal żieda baġitarja biex jiġi żgurat li l-attivitajiet li għaddejjin bħalissa jinżammu u biex jiġi kkonsolidat qafas stabbli ta' finanzjament għall-ġejjieni għal Euranet Plus;

8.  Jinnota bi tħassib li l-Kummissjoni ma għamlet l-ebda dispożizzjoni għal marġini għal aktar tisħiħ jew Proġetti Pilota (PPs) u Azzjonijiet Preparatorji (APs) taħt l-Intestatura 3, u lanqas għall-kontinwazzjoni tal-PP-APs li kellhom suċċess kbir; Jenfasizza l-importanza tal-PP-APs bħala strumenti għall-formulazzjoni ta' prijoritajiet politiċi u l-introduzzjoni ta' inizjattivi ġodda li jistgħu jsiru attivitajiet u programmi tal-Unjoni permanenti u jitlob li ssir riċerka ta' modi biex jinsab spazju għal PP-APs possibbli fl-Intestatura 3;

9.   Jinnota li, bħala regola ġenerali, tnaqqis ta' finanzjament għal programmi Ewropej fl-oqsma tal-kultura u l-edukazzjoni, u d-dewmien fil-finalizzazzjoni tal-kuntratti u fil-pagamenti bejn l-awtoritajiet u l-benefiċjarji jipperikolaw l-implimentazzjoni sħiħa tal-programmi mill-Kummissjoni u jdgħajfu l-fiduċja taċ-ċittadini u l-kredibilità tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

15.9.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

4

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Dominique bilde, Andrea Bocskor, Silvia Costa, Angel Dzhambazki, Jill Evans, Petra Kammerevert, Rikke Karlsson, Andrew LEWER, Svetoslav Hristov Malinov, Fernando Maura Barandiarán, Luigi Morgano, Yana Toom, Helga Trüpel, Julie ward, Bogdan Brunon Wenta, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna ŁYBACKA

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Sylvie Guillaume, Dietmar Köster, Paul Nuttall, Hermann Winkler

4.9.2015

OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar il-baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016 - it-taqsimiet kollha

(2015/2132(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Péter Niedermüller

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) b'31,2 % f'impenji u 35 % f'pagamenti meta mqabbel mal-2015; iqis li din iż-żieda tkompli tqawwi l-ħtieġa li tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta u trasparenti tal-finanzjament bejn l-objettivi differenti tal-AMIF; jemmen li l-finanzjament tal-UE għall-akkoljenza u l-integrazzjoni tal-migranti u dawk li jfittxu l-asil għandu jiżdied b'mod sostanzjali, b'kuntrast mal-prijorità li qed jingħataw illum il-kontroll tal-fruntieri u miżuri ta' sigurtà għaljin oħra, bħad-detenzjoni amministrattiva, li rriżulta li mhumiex effikaċi u li ħafna drabi jiksru d-drittijiet tal-migranti; jistieden lill-Kummissjoni talloka primarjament riżorsi addizzjonali għal azzjonijiet speċifiċi magħżula lill-Istati Membri li jivvolontarjaw għal azzjonijiet immirati lejn l-akkoljenza u l-integrazzjoni tal-migranti u ta' dawk li jfittxu l-asil; iqis li jeħtieġ li jiġu stabbiliti linji baġitarji separati li jkopru l-erba' objettivi speċifiċi tal-AMIF flimkien ma' linja baġitarja ġdida għall-mekkaniżmu ta' rilokazzjoni urġenti;

2.  Iqis li l-kriżi tar-rifuġjati tal-lum turi l-ħtieġa li fil-baġit tal-2016 jinħolqu spazju baġitarju u prontezza sinifikanti, b'tali mod li l-Istati Membri fejn isseħħ il-parti l-kbira tal-wasliet ikunu jistgħu jingħataw appoġġ aktar rapidu u sostanzjali, kif ukoll biex l-Istati Membri jingħataw appoġġ rigward l-akkoljenza u l-integrazzjoni ta' refuġjati;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda tal-FSI minħabba li l-ħarsien tal-fruntieri u s-sigurtà huma kwistjonijiet ta' importanza ewlenija għall-Unjoni, inklużi t-tisħiħ tal-aġenda tas-sigurtà u ċ-Ċentru Ewropew tal-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu;

4.  Huwa tal-fehma li, minflok il-proċess deċiżjonali ad hoc tal-lum, jeħtieġ li jkun hemm approċċ aktar fit-tul għal operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ; jipproponi, għaldaqstant, linja baġitarja ġdida għal Fond tal-UE ta' Tiftix u Salvataġġ li tkopri operazzjonijiet ta' dan it-tip;

5.  Jappoġġja l-proposta li l-Istrument ta' Flessibbiltà jiġi mmobilizzat biex jiffinanzja parti mill-mekkaniżmu ta' rilokazzjoni urġenti, iżda jqis li l-limitu massimu għall-Intestatura 3 jrid jiżdied aktar sabiex l-UE tkun tista' taqdi l-obbligi tagħha fil-qasam tal-asil u l-migrazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tirrevedi l-QFP matul ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu fl- 2017;

6.  Iqis li jeħtieġ li l-approprjazzjonijiet tal-aġenziji kollha fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni jiġu miżjuda fid-dawl tal-isfidi partikolari f'dan il-qasam ta' politika u l-kompiti dejjem akbar għal dawn l-aġenziji; ifakkar li dawn l-aġenziji mistennija jwettqu kompiti ġodda marbuta mal-mekkaniżmi ta' rilokazzjoni u ta' risistemazzjoni tar-refuġjati, l-attivitajiet ta' tiftix u salvataġġ fuq il-baħar, l-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, id-deċiżjonijiet reċenti u strateġiji intiżi biex jiġġieldu t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, inkluża ċ-ċiberkriminalità, kif ukoll il-kuntrabandu ta' migranti; iqis li Frontex, Europol, EASO u Eurojust jeħtieġu aktar persunal minn dak propost mill-Kummissjoni;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda proposta għall-Frontex peress li tippermetti l-estensjoni tal-operazzjonijiet Triton u Poseidon; jipproponi li tinħoloq linja baġitarja separata għal dawn l-operazzjonijiet konġunti tal-Frontex sabiex it-trasparenza tagħhom titqawwa;

8.  Jemmen li reazzjoni Ewropea koerenti għall-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ fil-Mediterran trid tkun indipendenti minn missjonijiet ta' ġestjoni u kontroll tal-fruntieri, u li trid tkun imfassla bħala missjoni indipendenti; jipproponi, għaldaqstant, linja baġitarja ġdida għal Fond tal-UE ta' Tiftix u Salvataġġ bħala tqawwija u appoġġ għal-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ imwettqa mill-Istati Membri;

9.  Jenfasizza li l-impatt baġitarju tal-miżuri ppreżentati bħala parti mill-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-Europol u l-kompiti relatati tal-aġenzija fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità, għandhom jiġu spjegati u ddettaljati aktar mill-Kummissjoni; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li għall-2016 l-Eruopol ikollu baġit u livell ta' persunal xieraq, sabiex ikun jista' jaqdi l-kompiti tiegħu b'mod effikaċi, b'mod partikolari rigward iċ-Ċentru Ewropew tal-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu li għandu jitwaqqaf fi ħdan l-Europol;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-finanzjament għal azzjonijiet preventivi u miżuri kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti, bħala parti mill-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, b'mod partikolari permezz tan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni u ċ-Ċentru ta' Eċċellenza tiegħu li mistenni jitwaqqaf; itenni l-importanza ta' tali miżuri għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti;

11.  Jitlob li l-EMCDDA tissaħħaħ, fid-dawl tal-adozzjoni prevista tar-Regolament dwar sustanzi psikoattivi ġodda li lill-EMCDDA jikkonferilha kompiti addizzjonali;

12.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-baġit għal politiki kontra d-diskriminazzjoni u favur l-ugwaljanza jiżdied; jitlob li jkun allokat finanzjament speċifiku biex jindirizza l-antisemitiżmu, l-Islamofobija, l-Afrofobija u l-anti-Romiżmu li dejjem qed jikbru fl-Istati Membri; jitlob, b'mod partikolari, li l-Unjoni tappoġġja proġetti intiżi biex jabilitaw nisa u bniet mill-komunitajiet ikkonċernati.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

3.9.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

6

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gerard Batten, Heinz K. Becker, Malin Björk, Caterina Chinnici, Ignazio Corrao, Frank Engel, Cornelia Ernst, Laura Ferrara, Monika Flašíková Beňová, Mariya Gabriel, Kinga Gál, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Brice Hortefeux, Filiz Hyusmenova, Sophia in ‘t Veld, Eva Joly, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Timothy Kirkhope, Barbara Kudrycka, Marju Lauristin, Juan Fernando López Aguilar, Monica Macovei, Vicky Maeijer, Louis Michel, Claude Moraes, József Nagy, Péter Niedermüller, Soraya Post, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat, Udo Voigt, Beatrix von Storch, Josef Weidenholzer, Cecilia Wikström, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marina Albiol Guzmán, Hugues Bayet, Pál Csáky, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Ska Keller, Miltiadis Kyrkos, Andrejs Mamikins, Elly Schlein, Josep-Maria Terricabras, Kazimierz Michał Ujazdowski, Axel Voss

10.7.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016

(2015/2132(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Danuta Maria Hübner

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' ż-żieda proposta mill-Kummissjoni fl-approprjazzjonijiet għall-Intestatura 3 ta' 9,75 % f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' 17,1 % f'approprjazzjonijiet ta' pagament meta mqabbla mal-baġit tal-2015; jinnota li din iż-żieda mhix mistennija, peress li tirrifletti biss il-ħtiġijiet il-ġodda tal-programmi pluriennali li qed jidħlu fil-fażi ta' implimentazzjoni b'ritmu mgħaġġel; jinnota li l-Kummissjoni ma tħalli ebda marġni għal ħtiġijiet mhux mistennija fl-Intestatura 3 u tipproponi l-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità li jammonta għal EUR 124 miljun sabiex twieġeb għall-kriżi attwali ta' asil u migrazzjoni;

2.  Jilqa' b'mod partikolari ż-żieda proposta fil-programm 'Ewropa għaċ-Ċittadini' ta' 4,1 % f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' 30 % f'approprjazzjonijiet ta' pagament meta mqabbla mal-baġit tal-2015, peress li dan il-programm huwa vitali għall-parteċipazzjoni ċivika fil-proċess demokratiku fl-Ewropa;

3.  Huwa sodisfatt bil-finanzjament supplimentari għall-azzjonijiet ta' komunikazzjoni li jammontaw għal żieda ta' 8,9 % f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' 11,28 % f'approprjazzjonijiet ta' pagament meta mqabbla mal-baġit tal-2015, peress li dan jinkludi l-azzjonijiet li l-Kummissjoni qed tniedi biex tikkomunika maċ-ċittadini Ewropej, tirbaħ il-fiduċja tagħhom u trawwem il-fehim tagħhom tal-politika u l-politiki tal-Unjoni;

4.  Iwissi lill-Kunsill kontra kwalunkwe tnaqqis inġustifikat fl-oqsma taċ-ċittadinanza u l-komunikazzjoni, peress li dawn il-programi huma vitali għall-istabbiliment ta' relazzjoni maċ-ċittadini Ewropej ibbażata fuq il-fehim u l-fiduċja;

5.  Iqis l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) bħala strument ċentrali għad-demokrazija parteċipattiva fl-UE u jqis li hu ta' dispjaċir li ċ-ċittadini Ewropej għadhom jiltaqgħu ma' ostakli sinjifikanti fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom biex iniedu tali inizjattiva; jinsisti li l-viżibilità ta' dan l-istrument tittejjeb billi titqiegħed fuq linja baġitarja separata taħt il-linja ta' 'Ewropa għaċ-Ċittadini' u tattrezzah, flimkien mal-istrateġija sottostanti ta' kommunikazzjoni, b'finanzjament suffiċjenti biex jilħaq l-objetivi tiegħu u jiffaċilita l-aċċess taċ-ċittadini għal din l-għodda prezzjuża għad-demokrazija parteċipattiva;

6.  Jinsisti, b'referenza għall-baġit tal-Parlament, li għandu jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti għall-programmi ta' komunikazzjoni li jippromwovu l-interazzjoni maċ-ċittadini u jinfurmawhom dwar l-attivitajiet tal-Parlament, u li jissaħħu l-miżuri ta' skambju ta' informazzjoni mal-parlamenti nazzjonali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.7.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mercedes Bresso, Fabio Massimo Castaldo, Pascal Durand, Danuta Maria Hübner, Ramón Jáuregui Atondo, Constance Le Grip, Jo Leinen, Morten Messerschmidt, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Paulo Rangel, György Schöpflin, Pedro Silva Pereira, Claudia Tapardel, Josep-Maria Terricabras

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Pervenche Berès, Andrej Plenković, Cristian Dan Preda, Viviane Reding, Helmut Scholz

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ashley Fox

16.9.2015

OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar l-abbozz tal-Baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016

(2015/2132(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Barbara Matera

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar fid-Dikjarazzjoni Konġunta tat-tliet istituzzjonijiet li tindika li l-proċeduri baġitarji annwali applikati għall-QFP 2014-2020 se jintegraw, kif xieraq, elementi li jindirizzaw l-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza li l-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tiġi inkluża bħala prinċipju orizzontali fil-politiki kollha tal-Unjoni, u li l-analiżi tad-dimensjoni tal-ġeneru u l-ibbaġitjar li jqis l-ugwaljanza bejn is-sessi għandhom isiru parti integrali mill-proċedura baġitarja fl-istadji kollha tagħha, inklużi proġetti, definizzjoni, implimentazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni; jitlob, għaldaqstant, li ssir implimentazzjoni komprensiva tal-ibbaġitjar li jqis l-ugwaljanza bejn is-sessi, li jinkludi valutazzjoni mill-Qorti tal-Awdituri tal-baġit ġenerali tal-Unjoni minn perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi;

2.  Jitlob l-adozzjoni 'tal-ibbaġitjar li jqis l-ugwaljanza bejn is-sessi' fl-istrateġiji Ewropej għall-promozzjoni aktar effikaċi tal-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi allokat aktar finanzjament għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta' vjolenza u diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet;

3.  Jenfasizza li, bil-għan li tingħata spinta lill-impjieg, it-tkabbir u l-investiment, li hija prijorità ewlenija tal-abbozz tal-baġit għall-2016, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-għoti tas-setgħa lin-nisa fin-negozju, ix-xjenza, l-edukazzjoni u s-swieq tax-xogħol sabiex isir aktar użu mill-ħiliet u l-għarfien espert eżistenti, filwaqt li tintlaħaq ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, b'mod partikolari fejn tidħol id-differenza eżistenti bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa; itenni t-talba tiegħu biex isir użu mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej kif ukoll il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi sabiex jintlaħaq dan l-objettiv;

4.  Jisħaq li, fir-rigward tan-nuqqas ta' rappreżentanza tan-nisa fost l-intraprendituri, fl-iskemi kollha intiżi biex jappoġġaw l-intraprendituri u l-intraprenditorija, għandha tingħata attenzjoni speċjali lin-nisa; għandu jiġi faċilitat l-aċċess għall-finanzi, inklużi l-mikrofinanzi, għall-intraprendituri nisa;

5.  Jissottolinja l-importanza tal-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa billi jiġu allokati riżorsi addizzjonali għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Inizjattiva tappoġġa lin-nisa żgħażagħ li jistgħu jħabbtu wiċċhom ma' ostakli speċifiċi għall-ġeneru huma u jfittxu offerta ta' kwalità għolja f'dak li jikkonċerna l-impjieg, it-taħriġ kontinwu, l-apprendistati jew it-traineeships;

6.  Jitlob li jiġu allokati fondi tal-Unjoni biex in-nisa xjenzati u riċerkaturi jitħeġġu jibdew u jkomplu l-karrieri tagħhom u b'hekk ikun hemm aktar parteċipazzjoni tan-nisa f'dan is-settur;

7.  Jitlob li r-riżorsi jiġu allokati minn fondi tal-Unjoni li jippromwovu d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

8.  Itenni t-talba tiegħu li l-profil tal-Programm Daphne jinżamm viżibbli kemm jista' jkun; jinnota li d-dikjarazzjoni tal-programm għall-programm Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza ma ssemmix l-isem Daphne; jitlob biex jiżdied is-sehem relattiv tar-riżorsi finanzjarji allokati biex jintlaħaq l-objettiv speċifiku ta' Daphne fi ħdan il-Programm Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea timpenja ruħha biex tiżgura li jkun hemm informazzjoni trasparenti dwar l-azzjonijiet magħżula għall-finanzjament bil-għan li tippermetti skrutinju xieraq tal-implimentazzjoni tal-objettiv speċifiku tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza;

10.  Jappella għal trasparenza baġitarja ġenwina fir-rigward tal-fondi (FSE, PROGRESS, DAPHNE) allokati għall-politiki tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

11.  Itenni t-talba tiegħu li jinħoloq Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tal-Vjolenza Sessista fi ħdan l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) u, għal dan il-għan, tiżdied pożizzjoni waħda fit-tabella tal-persunal tiegħu, inkluża żieda rispettiva fil-baġit tal-EIGE.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

15.9.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

5

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Maria Arena, Catherine Bearder, Malin Björk, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Mary Honeyball, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Elisabeth Köstinger, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Barbara Matera, Krisztina Morvai, Angelika Niebler, Maria Noichl, Margot Parker, Marijana Petir, Terry Reintke, Liliana Rodrigues, Jordi Sebastià, Ángela Vallina, Beatrix von Storch, Jadwiga Wiśniewska, Anna Záborská, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Biljana Borzan, Ildikó Gáll-Pelcz, Sylvie Goddyn, Constance Le Grip

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Michel Reimon

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI

FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

13.10.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

7

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Arthuis, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Esteban González Pons, Ingeborg Gräßle, Monika Hohlmeier, Bernd Kölmel, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Clare Moody, Siegfried Mureşan, Younous Omarjee, Paul Rübig, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Daniele Viotti, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Michał Marusik, Louis Michel, Andrey Novakov, Stanisław Ożóg, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Massimo Paolucci

(1)

ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.

(2)

ĠU L 298, 26.10.2002, p. 1.

(3)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(4)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2015)0061.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2015)0172.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2015)0263.

(8)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2013 (Testi adottati, P8_TA(2015)0168).

(9)

Ir-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470).

(10)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 (Testi adottati, P7_TA(2013)0437).

(11)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015 (Testi adottati, P8_TA(2014)0036).

(12)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2016 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2016 (Testi adottati, P8_TA(2015)0172).

(13)

-67 kariga fl-2014, -47 kariga fl-2015, u -57 kariga fl-2016

(14)

Peress li ttieħdet deċiżjoni politika dwar l-esklużjoni tal-gruppi politiċi minn dan il-kalkolu, dan it-tnaqqis qed ikun applikat lill-parti tal-pjan ta' stabbiliment tas-Segretarjat Ġenerali (in-numru ta' referenza ta' karigi (1 %): -57)

(15)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja (Testi adottati, P8_TA(2015)0124).

(16)

COM (2009)0215.

(17)

  Ara r-rapport tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ġunju 2015 bit-titolu ''Sinteżi tal-kisbiet ta' ġestjoni tal-Kummissjoni fl-2014'' (COM(2015)0279), punt 2.4.

Avviż legali