Proċedura : 2014/2211(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0309/2015

Testi mressqa :

A8-0309/2015

Dibattiti :

PV 24/11/2015 - 13
CRE 24/11/2015 - 13

Votazzjonijiet :

PV 16/12/2015 - 11.11
CRE 16/12/2015 - 11.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0460

RAPPORT     
PDF 234kWORD 201k
23.10.2015
PE 557.241v03-00 A8-0309/2015

dwar l-iżvilupp ta' Industrija Ewropea sostenibbli tal-metalli komuni

(2014/2211(INI))

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

Rapporteur: Edouard Martin

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-iżvilupp ta' Industrija Ewropea sostenibbli tal-metalli komuni

(2014/2211(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 147, 173, 174, 192 u 345 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea(1),

  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija(3), li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE,

  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis)(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE(5),

  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali(6), b'mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu u l-premessi korrispondenti,

–  wara li kkunsidra l-verżjoni konsolidata tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE(7), kif ukoll id-diversi regolamenti ta' implimentazzjoni tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Frar2015 bit-titolu "Pakkett dwar l-Unjoni tal-Enerġija" (COM(2015)0080),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Industrija Ewropea aktar b'saħħitha għat-tkabbir u l-irkupru ekonomiku" (COM(2012)0582),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Strateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija" (COM(2014)0330),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2013 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa" (COM(2013)0407) u r-riżultati tal-ħidma tal-"Grupp ta' Livell Għoli" mehmuża magħha,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Marzu 2011 bit-titolu ‘Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050’ (COM(2011)0112),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2011 bl-isem “Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza – Inizjattiva ewlenija taħt l-Istrateġija Ewropa 2020” (COM(2011)0021),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2014 dwar ir-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa biex jiġu promossi l-kompetittività u s-sostenibbiltà(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2012 dwar pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar is-settur tal-azzar fl-UE: il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-industriji(10),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014 dwar il-Qafas 2030 għall-klima u l-enerġija,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-10 ta’ Ġunju 2013, li l-Kummissjoni kkummissjonat miċ-Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej, bit-titolu "Assessment of cumulative cost impact for the steel industry",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-31 ta' Ottubru 2013, li l-Kummissjoni kkummissjonat miċ-Ċentru tal-Istudji tal-Politika Ewropea, bit-titolu "Assessment of cumulative cost impact for the aluminium industry",

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni dwar l-isfruttament tal-potenzjal tal-impjieg tat-tkabbir ekoloġiku (SWD(2012)0092),

–  wara li kkunsidra l-ftehim dwar id-WTO, magħruf ukoll bħala l-'GATT 1994', partikolarment l-Artikolu XX tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0309/2015),

A.  billi l-metalli komuni jikkonsistu minn:

–  azzar komuni u speċjali, azzar inossidabbli, azzar ta' saħħa għolja u ligi bi prestazzjoni għolja,

–  metalli li ma fihomx ħadid li l-prezz ta' referenza tagħhom jingħata mil-London futures market f'(LME), jiġifieri l-aluminju, ir-ram, il-landa, in-nikil, iċ-ċomb u ż-żingu,

–  ligi ta’ metall bħall-kobalt, il-molibdenu, il-manjeżju u t-titanju,

–  elementi terrestri rari,

li kollha jirriżultaw minn proċess ta' produzzjoni primarja li jikkombina l-estrazzjoni u l-ipproċessar metallurġiku permezz tal-pirometallurġija jew l-idrometallurġija, filwaqt li s-sors tal-produzzjoni sekondarja jirriżulta minn proċess ta' rkupru u riċiklaġġ;

B.  billi s-settur tal-azzar Ewropew kellu rwol storiku sinifikanti fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropea u jifforma l-bażi tal-ġenerazzjoni tal-valur miżjud industrijali Ewropew u tal-katini tal-valur Ewropej; billi s-settur tal-metalli komuni għandu rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-ekonomija globali, kemm mil-lat teknoloġiku kif ukoll sabiex jingħelbu x-xkiel fil-provvista; billi s-settur tal-azzar, bl-għeluq ta' kapaċità ta' produzzjoni tal-azzar ta' aktar minn 40 miljun tunnellata mill-2008 u t-telf ta' aktar minn 60 000 impjieg dirett u aktar minn 100 000 impjieg indirett, għaddej mill-aktar kriżi serja fl-istorja tiegħu fi żminijiet ta' paċi, li twassal għal dipendenza ikbar tas-setturi tal-manifattura industrijali fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi u t-telf ta' know-how industrijali, b'impatt dirett fuq miljuni ta' impjiegi; billi huwa maħsub li l-kapaċità żejda globali hija bejn 300 miljun u 400 miljun tunnellata, prinċipalment fiċ-Ċina;

C.  billi l-industrija tal-metalli komuni qed tiffaċċja tnaqqis sinifikanti fid-domanda u kompetizzjoni globali qawwija, l-aktar minn pajjiżi terzi mingħajr l-istess standards għoljin u regolamenti stretti bħall-Ewropa;

D.  billi l-prezzijiet tal-enerġija fl-Ewropa huma ogħla mill-prezzijiet f'numru ta' ekonomiji oħra, l-aktar minħabba integrazzjoni insuffiċjenti tas-suq tal-enerġija, taxxi li qed jgħolew, imposti u spejjeż tan-netwerk, u jirrestrinġu b'mod sinifikanti l-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-metalli komuni fis-suq globali;

E.  billi l-industrija Ewropea tal-metalli komuni qed tiffaċċja rilokazzjoni serja tal-investiment lejn pajjiżi terzi, immexxija l-aktar minn prezzijiet tal-enerġija għoljin meta jiġu kkumparati, u l-prezz tal-ispiża tal-karbonju;

F.  billi l-għeluq, wieħed wara l-ieħor, tal-impjanti tal-elettroliżi Ewropej li jipproċessaw metalli bħall-aluminju, ir-ram u l-manjeżju, juri li l-Ewropa qed tesperjenza deindustrijalizzazzjoni rapida fil-konfront ta' dan is-settur, mhux minħabba tnaqqis fid-domanda Ewropea iżda prinċipalment minħabba ż-żieda u l-volatilità akbar tal-prezzijiet tal-elettriku f'bosta Stati Membri u d-dumping minn pajjiżi terzi;

G.  billi l-ligi ta' metalli bħall-azzar, l-aluminju, iż-żingu, it-titanju u r-ram (inklużi l-folji ggalvanizzati), li f'dan l-abbozz ta' riżoluzzjoni huma definiti bħala metalli komuni, huma essenzjali għall-manifattura ta' apparat elettroniku, makkinarju, apparat domestiku u vetturi bil-mutur u fil-bini; billi l-industrija tal-UE tal-metalli komuni għandha titqies bħala ass strateġiku għall-kompetittività Ewropea, b'mod partikolari għal setturi industrijali oħra, u għall-iżvilupp tal-infrastruttura eżistenti u dik ġdida;

H.  billi l-indirizzar tal-kwistjoni tal-kompetittività u tar-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għandu jkun il-prijorità u billi kull miżura protezzjonista trid tiġi evitata;

I.  billi, mill-2009, l-iskema għall-iskambju tal-emissjonijiet (ETS) tal-UE esperjenzat eċċess dejjem akbar ta' kwoti u ta' krediti internazzjonali apparagun tal-emissjonijiet, u dan dgħajjef b'mod sinifikanti l-indikatur tal-prezz tal-karbonju; billi, fil-ġejjieni, meta l-permessi għall-emissjoni tal-ETS Ewropea jsiru aktar għaljin, x'aktarx li se tinħoloq kriżi fil-kompetittività; billi, sakemm ma jkunx hemm sforz komparabbli introdott fil-livelli nazzjonali jew internazzjonali, jiġifieri permezz tal-introduzzjoni ta' suq tal-karbonju bħal dak tal-UE, għadd ta' installazzjonijiet u setturi industrijali fl-UE se jitilfu l-kompetittività internazzjonali u dan, sa ċertu punt, jista' jwassal għar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju; billi għad hemm potenzjal sinifikanti għall-iffrankar tal-enerġija fl-industrija tal-metalli komuni li jista' jiġi sfruttat b'mod effikaċi permezz ta' skemi ta' investimenti privati u ta' appoġġ għal modernizzazzjoni tal-impjanti;

J.  billi l-industrija Ewropea tal-metalli komuni qed tiffaċċja tellieqa kontra l-ħin biex terġa' tikseb il-kompetittività globali tagħha u l-kapaċitá li tinvesti fl-Ewropa u għalhekk taffronta l-isfidi soċjali u ambjentali li hija trid tiffaċċja u li trid tegħleb, filwaqt li tibqa' r-riferenza dinjija fir-responsabbiltà soċjali u ambjentali tal-operazzjonijiet tagħha; billi l-kapaċità żejda dinjija u d-dumping u s-sussidji inġusti min-naħa ta' pajjiżi terzi wasslu għal pressjoni addizzjonali fuq is-suq Ewropew tal-metalli komuni; billi l-innovazzjoni tal-produzzjoni għandha impatt pożittiv fuq it-tkabbir tal-impjiegi fil-fażijiet kollha taċ-ċiklu tan-negozju tal-industriji; billi min-naħa l-oħra għadd ta' impriżi kienu qed isegwu strateġiji li jiffukaw fuq redditi finanzjarji fuq żmien qasir bi ħsara għall-innovazzjoni, l-investimenti fir-R&Ż, l-impjiegi u t-tiġdid tal-ħiliet; billi l-involviment tal-ħaddiema fid-definizzjoni tal-istrateġija u l-innovazzjoni huwa l-aħjar mod biex jiġi żgurat is-suċċess ekonomiku; billi l-kummerċ ġust fil-prodotti tal-azzar jista', bl-istess mod, jaħdem biss skont id-drittijiet fundamentali tal-impjieg u l-istandards ambjentali;

K.  billi l-valorizzazzjoni tal-metalli sekondarji (li jirriżultaw minn proċess ta' rkupru u riċiklaġġ) hija imperattiva f'ekonomija industrijalizzata u effiċjenti fir-riżorsi u għandha tiġi żviluppata bħala parti minn ekonomija ċirkolari kompetittiva u sostenibbli, iżda mhi se tkun bl-ebda mod suffiċjenti, f'termini kwalitattivi jew kwantitattivi, biex tkopri kompletament il-ħtiġijiet għall-metalli komuni tal-ekonomiji Ewropej; billi l-bilanċ kummerċjali tal-iskrapp tal-UE huwa pożittiv u għandhom isiru iżjed sforzi biex jingħata inċentiv lir-riċiklaġġ tal-iskrapp fl-Ewropa; billi l-industrija tal-metalli komuni, il-materja prima u l-fornituri awżiljarji tagħha għandhom jiġu ttrattati b'mod komprensiv u integrali;

L.  billi dan huwa partikolarment minnu għat-tranżizzjoni tal-enerġija, billi l-metalli komuni bħall-metalli terrestri rari huma fil-qalba tat-teknoloġiji l-ġodda meħtieġa biex din isseħħ; billi l-UE għadha dipendenti ħafna fuq l-importazzjoni tal-metalli meħtieġa biex tipproduċi tagħmir għall-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli li joffri opportunitajiet reali għas-settur, jiġifieri li jingħelbu d-diffikultajiet fil-provvista; billi l-investimenti fl-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika huma motivatur importanti għall-investimenti fil-prodotti industrijali, fosthom ir-ram, l-aluminju u l-azzar; billi politika Ewropea ambizzjuża dwar l-enerġija rinnovabbli u l-iffrankar enerġetiku tista' tixpruna d-domanda futura għall-metalli komuni fl-Ewropa u, partikolarment, tipprovdi opportunità għall-produzzjoni ta' prodotti b'valur miżjud għoli; billi hemm nuqqas ta' responsabbiltà ambjentali korporattiva u billi ċerti siti industrijali jiksru b'mod flagranti l-leġiżlazzjoni Ewropea u ċerti siti abbandunati huma ta' theddida għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent; billi l-istandards ambjentali u l-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari għandhom ikunu fundamentali għall-investimenti fl-iżvilupp u l-innovazzjoni fis-settur tal-industrija tal-metalli komuni fl-Ewropa; billi l-Pjan Direzzjonali dwar l-Enerġija tal-Kummissjoni għall-2050 sab li d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija u xenarju b'ammont kbir ta' riżorsi rinnovabbli hu irħas mit-tkomplija tal-politiki attwali, u li l-prezzijiet tal-enerġija mill-fjuwils nukleari u fossili se jkomplu jogħlew matul iż-żmien, filwaqt li l-kost tar-riżorsi rinnovabbli se jonqos;

M.  billi l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija tal-Parlament dwar ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar in-negozjati għas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (2014/2228(INI)) enfasizzat l-importanza ta’ kapitolu dwar l-enerġija, li jindirizza l-miżuri kollha eżistenti li jillimitaw jew jikkundizzjonaw l-esportazzjonjiet tal-enerġija u fl-istess ħin enfasizzat l-iżvantaġġ tal-industriji tal-UE li jużaw ħafna enerġija u l-ħtieġa li tiġi ssalvagwardjata l-kompetittività tagħhom;

N.  billi se jkun biss permezz ta' politika ta' innovazzjoni ambizzjuża, li twitti t-triq għall-iżvilupp ta' prodotti ta' kwalità għolja, effiċjenti fl-enerġija u innovattivi (bħal pereżempju azzar ta' saħħa għolja iżda fl-istess waqt flessibbli) u għal proċessi ġodda fil-produzzjoni, li l-UE se tkun tista' tibqa' kompetittiva fid-dawl ta' kompetizzjoni globali li dejjem qed issir aktar ħarxa; billi 65 % tal-infiq tan-negozju fuq ir-R&Ż huwa magħmul mill-industrija tal-manifattura, u billi t-tisħiħ tal-bażi industrijali tagħna huwa essenzjali biex l-għarfien espert u n-know-how jinżammu fl-UE;

O.  billi l-industrija tal-metalli komuni tal-UE qed titlef il-kompetittività tagħha, parzjalment minħabba piżijiet regolatorji u amministrattivi għoljin;

P.  billi l-għan tal-Pakkett tal-Unjoni tal-Enerġija huwa li joħloq suq tal-enerġija sikur, sostenibbli, kompetittiv u affordabbli sabiex isaħħaħ il-kompetittività globali tal-ekonomija Ewropea, inaqqas u jarmonizza l-prezzijiet tal-enerġija fl-Ewropa u fost l-Istati Membri;

Q.  billi r-rikonoxximent tal-istatus ekonomiku tas-suq għall-ekonomiji mmexxija mill-istat jew ekonomiji oħrajn mhux għas-suq idgħajjef strumenti għad-difiża tan-negozju u jkollu impatt qawwi fuq il-kompetittività tal-industriji tal-metalli komuni Ewropej;

R.  billi r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni f'dan is-settur huma essenzjali għall-industrija Ewropea; billi l-għeluq ta’ impjanti ta’ spiss jirriżulta f’telf irriversibbli ta’ teknoloġija u know-how u f'telf tal-ħiliet tal-ħaddiema industrijali;

L-importanza ta’ metalli komuni għall-industrija Ewropea

1.  Jenfasizza l-importanza tal-industrija tal-metalli komuni għal firxa sħiħa ta’ industriji downstream, fosthom l-industrija tal-karozzi, l-industrija tal-ajruspazju, il-produzzjoni tal-enerġija, l-industrija tal-kostruzzjoni u tal-ippakkjar;

2.  Iqis li l-Ewropa, li diġà hija dipendenti ħafna fuq il-materja prima, ma tistax tippermetti li tiżviluppa dipendenza ġdida fir-rigward tal-metalli komuni, li tista’ tħalli impatt negattiv ħafna fuq l-industriji downstream imsemmija qabel;

3.  Jirrimarka li, fl-industrija tal-azzar, l-UE għandha nuqqas fil-kapaċità tal-produzzjoni tal-azzar ċatt minħabba l-għeluq enormi f'dawn l-aħħar snin u l-qawmien mill-ġdid tad-domanda;

4.  Jenfasizza li d-domanda għall-metalli li ma fihomx ħadid, bħall-aluminju u r-ram, qed tikber b’mod kostanti minkejja l-kriżi;

Il-ħtieġa essenzjali ta' azzjoni kontra t-tibdil fil-klima u l-prezzijiet għolja tal-enerġija

5.  Jenfasizza li tfassil mill-ġdid tas-sistema attwali tal-ETS huwa waħda mill-aktar kwistjonijiet urġenti sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tal-industrija tal-metalli komuni; jifhem li l-Kummissjoni nediet diskussjonijiet li se jwasslu għar-riforma tal-ETS għar-raba' perijodu 2021-2028 u jitlob, f'dan il-kuntest, li r-riforma tinkludi l-kwistjoni tar-rilokazzjoni tal-karbonju, u tippromwovi l-effikaċja, l-innovazzjoni industrijali u l-prestazzjonijiet ottimali li din ir-riforma hija intiża li tiggarantixxi, filwaqt li jitqies li tiġi ssupplimentata l-ETS bi strumenti u strateġiji innovattivi oħra biex ġenwinament jitnaqqsu l-emissjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni sabiex, meta tirrieżamina l-ETS, tippremja l-aqwa prestazzjonijiet fi ħdan l-industrija li tuża ħafna enerġija, mil-lat tal-produzzjoni ta' prodotti filwaqt li jinkisbu emissjonijiet aktar baxxi;

6.  Jinnota l-istabbiliment tar-riżerva tal-istabbiltà tas-suq fl-2019 u jistenna l-proposti tal-Kummissjoni għar-riforma strutturali tal-ETS għal wara l-2020, li se tkun soġġetta għal skrutinju speċifiku u separat fil-Parlament;

7.  Jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni temenda s-sistema tal-iskambju tal-kwoti ta' emissjonijiet u tiġġeneralizza l-miżura użata mill-valuri ta' referenza applikati għall-industrija li huma bbażati fuq il-gassijiet b'effett ta' serra emessi għal kull tunnellata prodotta u mhux għal kull impjant, minħabba li huma l-impjanti l-aktar indaf li, bħala inċentiv, għandhom ikunu kapaċi jipproduċu aktar; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' sistema li tattira investiment f'soluzzjonijiet effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

8.  Jappella, f'dan il-kuntest, għall-abolizzjoni tal-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta' korrezzjoni trasversali għall-aqwa 10 % tal-installazzjonijiet f'termini ta' prestazzjoni li qed jiffaċċjaw rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn kwoti 100 % mingħajr ħlas fis-setturi li jinsabu f'riskju li jitilfu l-kompetittività internazzjonali minħabba l-ispejjeż għolja tal-karbonju, sabiex titħeġġeġ l-imġiba virtwuża tal-industrijalisti u l-ħaddiema li għamlu l-isforzi meħtieġa biex jiksbu l-emissjonijiet minimi billi jadottaw l-aħjar tekniki disponibbli; jemmen li tali miżura m'għandu jkollha l-ebda impatt fuq il-limitu massimu globali tal-emissjonijiet; jirrimarka li r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju lejn dawk iż-żoni fid-dinja responsabbli għall-ogħla emissjonijiet tas-CO2 taffettwa b'mod negattiv il-kwistjonijiet globali ambjentali;

9.  Jitlob li l-industriji li jużaw ħafna enerġija jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jottimizzaw l-arranġamenti ta' riċiklaġġ u jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 bil-għan li jiżguraw il-kompetittività industrijali futura u jilħqu l-miri vinkolanti ta' tnaqqis tal-UE; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-kompetittività industrijali, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u t-tnaqqis tal-emissjonijiet qed isiru objettivi kumplimentarji, minħabba li, jekk il-produzzjoni Ewropea ssir "karbo-virtwuża", il-preservazzjoni tal-ishma tagħha fis-swieq Ewropej u globali tkun mod effettiv biex jingħata kontribut għat-tnaqqis ġenerali tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra industrijali; iżid li dan japplika wkoll fir-rigward tal-produzzjoni ta' oġġetti importati, li jilħqu l-istandards ekwivalenti tal-effiċjenza enerġetika u tal-emissjonijiet bħal dawk ta' oġġetti prodotti fl-UE; jenfasizza li l-impriżi f'pajjiżi terzi li jiffurmaw parti mill-katina ta' valur għandhom jaġixxu wkoll b'konformità mal-miri tal-UE dwar il-klima u l-enerġija u jikkunsidraw b'mod partikolari l-progress fl-effiċjenza enerġetika;

L-aġġustament tat-taxxa fuq il-karbonju fil-fruntieri: miżura temporanja u flessibbli ta' dimensjoni internazzjonali b'konformità mad-WTO

10.  Jenfasizza bil-qawwa li, sa mit-twaqqif tal-Kumitat Internazzjonali ta' Negozjar li ħejja l-Konvenzjoni ta' Rio fl-1992, l-Unjoni Ewropea ilha tfittex li tinnegozja mal-pajjiżi terzi ftehim internazzjonali għall-ilħuq tal-għanijiet ta' protezzjoni kontra t-tibdil fil-klima, mingħajr ma s'issa kellha suċċess, minkejja l-urġenza li qed tikber enfasizzata minn kunsens xjentifiku kważi unanimu; jistieden lill-UE tkompli tkun leader u jenfasizza l-ħtieġa kruċjali li tiżgura li jiġi konkluż ftehim globali vinkolanti fil-Konvenzjoni ta' Pariġi, bl-impenn sħiħ tal-partijiet kollha biex jevitaw b'mod effettiv it-tibdil perikoluż fil-klima; jenfasizza li dawn in-negozjati għandhom iwasslu għal ftehim legalment vinkolanti b'miri fl-ekonomija kollha għall-partijiet kollha, filwaqt li jitħares l-objettiv miftiehem li t-tisħin globali jkun limitat għal taħt iż-2°C; jenfasizza li ftehim internazzjonali komprensiv se joħloq kundizzjonijiet ekwivalenti għall-industrija u jnaqqas ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju mill-UE;

11.  Jenfasizza li l-azzjoni klimatika internazzjonali hija l-aħjar soluzzjoni biex tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju; jistenna bil-ħerqa, f'dan ir-rigward, il-Konferenza COP21 dwar il-klima f'Pariġi; jenfasizza l-fatt li ftehim internazzjonali ambizzjuż dwar il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, li joħloq kundizzjonijiet ekwivalenti għall-pajjiżi kollha li lesti li jikkooperaw fil-livell multilaterali u jsawru reġim ambjentali globali koerenti biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju, ikun l-aktar mod pożittiv ta' kif jiġu ttrattati l-emissjonijiet globali; jenfasizza l-fatt li tali ftehim jippermetti kompetizzjoni ġusta għall-produtturi kollha tal-metalli komuni u jwassal biex kull kunsiderazzjoni ta' aġġustament għall-fruntieri ikunu inutli, sakemm l-implimentazzjoni tiegħu tkun suġġetta għal monitoraġġ effikaċi u għal kwalunkwe modifika meħtieġa; jinnota l-fatt li tali ftehim internazzjonali għandu bilfors jinkludi impenji affidabbli mill-pajjiżi li l-aktar joħolqu emissjonijiet; jiġbed ukoll l-attenzjoni għall-ħtieġa ta' konformità mal-istandards soċjali u ambjentali f'dan ir-rigward, sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni;

12.  Jinnota li, meta jitqiesu kemm l-importazzjoni kif ukoll l-esportazzjoni, il-mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri jinkorpora fir-regolamentazzjoni Ewropea mudell għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jinkludi wkoll approċċ iffokat fuq il-konsum imwettaq fit-territorju, u li tali approċċ minn isfel għal fuq għandu l-vantaġġ li jista' jintuża bħala soluzzjoni universali fir-rispett tal-evalwazzjoni sovrana għal kull Stat tal-livell ta' ambizzjoni tal-politika proprja dwar il-klima, b'suġġett għal valutazzjoni tal-impatt tal-konsegwenzi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali futuri jinkludu dispożizzjonijiet li jtejbu b'mod sinifikanti l-opportunitajiet ta' esportazzjoni u l-aċċess għas-suq għall-prodotti Ewropej tal-metalli komuni; itenni li l-Kummissjoni għandha tinkludi projbizzjoni tal-prattiki distorsivi fis-settur tal-materja prima (ipprezzar doppju, restrizzjonijet fuq l-esportazzjoni) fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles reġjonali, bilaterali u multilaterali;

13.  Jenfasizza li kwalunkwe miżura li tolqot il-kummerċ trid tirrispetta l-ftehimiet kummerċjali internazzjonali; isostni li l-għanijiet tal-politika klimatika tal-preżervazzjoni tal-ħajja u tas-saħħa tal-bnedmin, annimali u pjanti, kif ukoll il-konservazzjoni ta' riżorsi naturali li jinħlew, jekk jiġu applikati b'mod mhux diskriminatorju u mhux bħala limitazzjoni moħbija, jikkorrispondu għall-eċċezzjonijiet imniżżla fl-Artikolu XX tal-Ftehim GATT; jispeċifika li t-tibdil fil-klima, minħabba n-natura globali tiegħu, għandu jingħata attenzjoni legali; iqis il-fatt li atmosfera b'kontenut baxx ta' karbonju (arja nadifa) diġà hija meqjusa bħala riżorsa naturali li tista' tiġi eżawrita, u għalhekk għandha tiġi kkunsidrata bħala ġid pubbliku; jispeċifika, barra minn hekk, li ma setgħux jiġu implimentati miżuri ta' ritaljazzjoni b'riżultat tal-miżuri ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (BCAs) mingħajr ma jinkisru r-regoli tal-kummerċ internazzjonali u mingħajr riskju ta' kundanna; itenni li l-għan mhuwa bl-ebda mod li jipproteġi l-industriji Ewropej, iżda li jpoġġihom fuq l-istess livell tal-kompetituri barranin tagħhom;

14.  jindika li jkun mixtieq li tiġi kkunsidrata riallokazzjoni parzjali tad-dħul mill-irkantijiet lejn inizjattivi ta' protezzjoni ambjentali u miżuri kontra t-tibdil fil-klima bħall-Fond Aħdar previst mill-Ftehimiet ta' Cancún u strumenti finanzjarji internazzjonali oħra dwar il-klima;

15.  Jinnota li standards miftiehma dwar il-kalkolu tal-kontenut tal-karbonju u l-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti jżidu t-trasparenza u jistgħu jiffaċilitaw il-promozzjoni tal-produzzjoni u l-konsum sostenibbli, inkluż fl-industrija tal-metalli;

16.  Jenfasizza l-ħtieġa li tinħoloq bażi ta' dejta li tipprovdi informazzjoni dwar il-kontenut ta’ karbonju ta’ prodotti magħmula mill-industrija tal-metalli komuni fl-Ewropa;

Il-kumpens għall-emissjonijiet indiretti:

17.  Jiddispjaċih li r-reġim ta' kumpens ibbażat fuq l-għajnuna statali għall-ispejjeż indiretti ħoloq sors ġdid ta' kompetizzjoni inġusta fis-suq uniku tal-UE fost il-produtturi li jużaw l-elettriku b'mod intensiv, li wħud minnhom jirċievu appoġġ finanzjarju mill-awtoritajiet pubbliċi tagħhom; iħeġġeġ sabiex dan il-kumpens ikun armonizzat u, jekk ikun ġustifikat, jingħata fil-livell Ewropew sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni ma’ kompetituri globali u fost il-produtturi Ewropej, u jiġi żgurat li jkun hemm protezzjoni effettiva mir-rilokazzjoni tal-karbonju; jinnota li dan huwa tassew minnu għas-sitt metalli li ma fihomx ħadid li huma nnegozjati kontra l-prezzijiet iddeterminati mid-domanda u l-provvista globali, l-aktar mil-London Metal Exchange; jifhem, għalhekk, li l-produtturi tal-metalli komuni huma "prendituri tal-prezzijiet", u mhumiex f'pożizzjoni li jgħaddu ż-żidiet fl-ispejjeż fuq il-klijenti tagħhom; jasal għall-konklużjoni li huwa imperattiv li jinżamm fis-seħħ il-kumpens għall-kosti indiretti tal-emissjonijiet; jirreferi għall-ftehim dwar l-istabbiliment u t-tħaddim ta' riżerva tal-istabbiltà tas-suq (2014/0011/COD) li jiddikjara li "biex jinkiseb l-objettiv ta' kundizzjonijiet ekwivalenti, dik ir-reviżjoni għandha tqis ukoll arranġamenti armonizzati biex tikkumpensa għal spejjeż indiretti fil-livell tal-Unjoni"; jirreferi, f'dan ir-rigward, għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat(11) u għall-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid l-impatt ta' diversi skemi ta' sostenn għall-enerġija fuq il-prezzijiet bl-imnut tal-enerġija li indirettament jaffettwaw il-kompetittività tal-industriji li jużaw ħafna enerġija fl-Istati Membri individwali;

18.  Iqis li l-impatt fuq il-prezzijiet tal-elettriku tal-karbonju differenzjat minħabba t-taħlita tal-enerġija ta' kull fornitur huwa fattur ta' kompetittività leġittimu li jikkorrispondi, fost l-oħrajn, għall-għażla ta' kull Stat sovran; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-Unjoni tal-Enerġija Ewropea; jemmen li suq intern tal-enerġija li jiffunzjona sew li jipprovdi enerġija sikura u sostenibbli u li jiżgura interkonnessjonijiet adegwati tal-Istati Membri se jgħin biex inaqqas il-prezzijiet tal-enerġija għall-industrija u l-konsumaturi Ewropej; iqis li l-ETS hija miżura armonizzata tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet industrijali u li l-impatti tagħha għandhom għaldaqstant jiġu indirizzati permezz ta' sistema armonizzata;

Sostenn għall-investimenti fil-produzzjoni ta' metalli b'livell baxx tal-karbonju

19.  Iħeġġeġ sabiex kwoti bla ħlas għall-aktar installazzjonijiet effiċjenti fis-setturi ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jiġu allokati abbażi ta' programmi ta' investiment f'tagħmir ġdid, fir-R&Ż (inklużi l-qbid u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS) kif ukoll il-qbid u l-użu tal-karbonju (CCU)) u f'taħriġ għall-ħaddiema, kemm jista' jkun malajr u fi kwalunkwe każ mill-2018 u matul ir-raba' fażi li tkopri l-perjodu 2021-2030, sabiex jiġu sodisfati l-istandards għoljin tal-protezzjoni tal-klima u ambjentali u tad-drittijiet tal-impjiegi; jenfasizza l-ħtieġa assoluta ta' investiment fir-riċerka u l-iżvilupp sabiex l-Ewropa tkun tista' tibqa' ċentru ta' eċċellenza għall-produzzjoni tal-metalli komuni; ifakkar li l-industriji li jinvestu huma dawk li jissuperaw il-kriżijiet bl-akbar suċċess; jitlob li d-dħul mill-irkant tal-ETS jintuża għall-finanzjament tal-azzjoni klimatika fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inkluż għal investimenti f'enerġija rinnovabbli u proġetti ta' effiċjenza enerġetika f'setturi industrijali; jappoġġa l-pjanijiet skont il-qafas għall-klima u l-enerġija 2030 biex tiġi stabbilita faċilità (NER400) għall-qbid u l-ħżin tal-karbonju, għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli innovattivi u innovazzjonijiet b'livell baxx ta' karbonju f'setturi industrijali kif stipulat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2014; jipproponi li l-proġetti pilota u ta' dimostrazzjoni relatati mal-qbid, l-użu u l-ħżin tal-karbonju għandhom jagħmlu parti mill-programmi għall-finanzjament ta' teknoloġiji b'livell baxx ta' karbonju promossi mill-Kummissjoni skont l-NER 300 u l-NER 400 futur, fejn ir-riskju finanzjarju jiġi kondiviż bejn il-finanzjatur u l-operatur; ifakkar fl-importanza tal-investiment pubbliku u, fil-kuntest Ewropew, tal-fondi tal-programm Orizzont 2020, fit-titjib ambjentali u tal-effiċjenza enerġetika fl-industrija tal-metalli komuni, inkluża l-kisba ta' emissjonijiet aktar baxxi tal-karbonju b'konformità mal-miri tal-Ewropa 2020; jikkunsidra t-taħriġ tal-ħaddiema fl-applikazzjoni ta' teknoloġiji u prattiki b'livell baxx ta' karbonju fl-industrija bħala investiment strateġiku li għandu jiġi integrat bis-sħiħ fil-programmi promossi mill-Kummissjoni biex tiġi ffinanzjata t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju;

Responsabbiltà finanzjarja u trasparenza

20.  Jissuġġerixxi li l-kwoti tas-CO2 jkunu ppubblikati mal-pubblikazzjoni tal-kontijiet annwali tal-impriżi u li l-Unjoni Ewropea tħeġġeġ it-tkomplija tal-ħidma fuq standard internazzjonali ddedikat tal-kontabilità f'dan il-qasam;

21.  Jenfasizza l-importanza tat-trasparenza fl-użu li l-Istati Membri jagħmlu mid-dħul mill-allokazzjonijiet; jirreferi, f’dan ir-rigward, għall-obbligu tal-Istati Membri li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-użu tad-dħul mill-ETS; jenfasizza l-fatt li aktar trasparenza tgħin biex iċ-ċittadini jaraw kif id-dħul mill-ETS qed jintuża mill-awtoritajiet nazzjonali;

22.  Jenfasizza li l-installazzjonijiet u l-kumpaniji jridu jirrispettaw ir-rekwiżiti legali kollha dwar ir-responsabbiltà soċjali u r-rappurtar biex tiġi żgurata implimentazzjoni ugwali u effikaċi tar-regolamenti ambjentali u jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti u l-partijiet ikkonċernati, inklużi r-rappreżentanti tal-ħaddiema u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-komunitajiet lokali, ikollhom aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha; jissottolinja d-dritt tal-aċċess għall-informazzjoni fi kwistjonijiet ambjentali kif stabbilit fil-Konvenzjoni ta' Aarhus u implimentat fil-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali, inkluża d-Direttiva 2003/87/KE; jipproponi li kull impjant klassifikat soġġett għall-ETS għandu jipprovdi informazzjoni komprensiva kull sena, inkluż fir-rigward tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-konformità mad-direttivi tal-UE fil-qasam tal-ambjent u s-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, u li din l-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli għar-rappreżentanti tal-ħaddiema kif ukoll għar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili minn komunitajiet lokali fil-viċinanza tal-impjant;

Il-kwistjoni tal-kuntratti għall-provvista tal-elettriku

23.  Jenfasizza l-importanza, għall-kompetittività tas-settur tal-metalli komuni tal-Ewropa, tal-possibilità li jiġu konklużi kuntratti fit-tul b'ċerti kundizzjonijiet li għandhom jiġu ċċarati mill-Kummissjoni, li għandhom ikunu kompatibbli ma' redditu fuq l-investiment, fejn it-tul tagħhom ma jistax ikun anqas minn ħmistax-il sena fil-każ tal-industriji b'kapitalizzazzjoni intensiva; ifakkar fil-ħtieġa li jħossu l-industrijalisti li l-investimenti tagħhom jiġu żgurati permezz ta' prezzijiet prevedibbli u qafas legali ċar; jenfasizza li, minflok l-irkanti tal-elettriku annwali, għandha tingħata preferenza lill-istabbiltà fit-tul tal-kuntratti ta' provvista tal-elettriku; jesprimi tħassib fir-rigward ta' regolamenti tas-suq li jagħtu lok, f'ċerti Stati Membri, għal disparità strutturali bejn il-prezzijiet tal-elettriku u l-ispejjeż tal-ġenerazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiġġieled il-profitti imprevisti tal-oligopolji privati fis-suq tal-enerġija;

24.  Jesprimi tħassib għar-regolamenti tas-suq li jippermettu distakk strutturali bejn il-prezzijiet tal-elettriku u l-ispejjeż tal-ġenerazzjoni;

Trasferiment ta' ħiliet

25.  Jitlob li t-trasferiment ta' ħiliet bejn il-ġenerazzjonijiet ta' ħaddiema jkun organizzat fl-impjanti kollha li jkollhom piramidi tal-età mhux sodisfaċenti għall-karigi kollha ta' produzzjoni b'ħiliet ta' livell għoli; huwa favur il-promozzjoni tal-ħiliet tal-ħaddiema żgħażagħ fin-negozji permezz ta' politika ta' apprendistat strutturali għall-iżvilupp tal-ħiliet kollettivi tal-impjegati; jenfasizza l-importanza tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-ħaddiema fis-settur tal-metalli komuni; jitlob li jkun hemm politiki attivi dwar l-impjiegi u l-industrija li jiżguraw li dan l-għarfien jiġi żviluppat u rikonoxxut bħala ass importanti fl-industrija Ewropea tal-metalli komuni; jitlob li tiġi kkunsidrata ż-żamma tan-know-how industrijali u tal-forza tax-xogħol tas-sengħa fil-valutazzjoni tal-vijabbiltà tal-produzzjoni fi kwalunkwe impjant partikolari;

Provvista ta' materja prima

26.  Jitlob li jkun hemm azzjoni diplomatika Ewropea dwar il-materja prima għall-produzzjoni tal-metalli bbażata fuq sħubijiet strateġiċi biex il-valur miżjud jiġi kondiviż bejn il-pajjiżi Ewropej u l-pajjiżi li jipproduċu materja prima b'tali mod li jiġi promoss l-iżvilupp ta' impjiegi b'ħiliet speċjalizzati fil-katina tal-valur kollha; jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi strument ta' analiżi fil-fond tas-suq tal-azzar li jkun jista' jipprovdi informazzjoni preċiża dwar il-bilanċ tal-provvista u d-domanda globali u Ewropea tal-azzar, li tiddistingwi bejn il-komponenti strutturali u ċikliċi tal-iżvilupp ta' dawn is-swieq; jemmen li l-monitoraġġ tas-swieq primarji u sekondarji tal-metalli komuni jista' jipprovdi inputs importanti għall-miżuri korrettivi u proattivi li huma inevitabbli minħabba n-natura ċiklika ta' dawn l-industriji tal-azzar; jilqa' b'sodisfazzjon ir-rapport tan-Netwerk Ewropew ta' Kompetenza tal-Elementi Terrestri Rari (ERECON)(12); jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-azzjonijiet tagħha skont l-ERECON sabiex tiżviluppa katina tal-provvista diversifikata u sostenibbli tal-elementi terrestri rari għall-Ewropa u, b'mod partikolari, timplimenta r-rakkomandazzjonijiet ta' politika u tipprovdi appoġġ għal soluzzjonijiet ta' sostituzzjoni u riċiklaġġ akbar;

Miżuri ta' protezzjoni kummerċjali Ewropej fir-rigward tal-metalli komuni: il-prevenzjoni aktar milli fejqan tard wisq

27.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kunsill biex jikkonkludi r-reviżjoni taż-żewġ regolamenti dwar l-istrumenti għad-difiża tan-negozju (TDI), bil-għan li jissimplifika, isaħħaħ u jħaffef dawn l-istrumenti, filwaqt li jiżgura li dawn ma jiddgħajfux; jipproponi fażi ta' investigazzjoni preliminari ta' mhux aktar minn xahar għall-ewwel reviżjoni tal-ilmenti ta' antidumping u ta' anti-sussidji li, abbażi tal-evidenza inizjali, tista' tiġi segwita mit-tħabbira ta' miżuri ta' korrezzjoni preventivi u mit-twettiq ta' investigazzjoni bir-reqqa; jiddeplora l-fatt li l-proposta leġiżlattiva dwar il-modernizzazzjoni tat-TDI tinsab staġnata fil-Kunsill, minkejja l-fatt li l-Parlament esprima appoġġ qawwi favur miżuri aktar ħorox kontra l-importazzjonijiet inġusti minn pajjiżi terzi; jistieden lill-Kunsill ikompli jmexxi b'mod mgħaġġel il-modernizzazzjoni tat-TDI, sabiex ikun żgurat li finalment jitwaqqaf rispons xieraq għall-prattiki inġusti u li s-suq Ewropew jista' jiġi protett kontra d-dumping, biex b'hekk jiġu żgurati kundiżżjonijiet ekwi u sfruttament sħiħ tal-opportunitajiet offruti mit-tranżizzjoni tal-enerġija;

28.  Jadotta l-għan li jsir progress rapidu fir-riċiklaġġ tal-elementi terrestri rari u l-metalli kritiċi kkunsmati fl-Unjoni;

29.  Jenfasizza li l-metalli komuni, inkluż l-azzar li ma jissaddadx u l-aluminju, huma soġġetti għall-kompetizzjoni globali; iqis urġenti li l-Kummissjoni, fl-analiżi u l-paraguni tagħha, fid-definizzjoni tagħha ta' suq ġeografiku rilevanti, tieħu s-suq dinji bħala s-suq ta' referenza u ma tillimitax l-analiżi tagħha biss għas-suq intern; jitlob li ssir valutazzjoni tal-impatt tal-kapaċitajiet ta' produzzjoni, li għandha tikkunsidra, inter alia, l-impjant u l-impjiegi, li għandha titwettaq qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni mid-DĠ Kompetizzjoni tal-Kummissjoni, u li l-konklużjonijiet tagħha jiġu inkorporati fil-pubbliċità finali mogħtija lill-partijiet ikkonċernati; jitlob li ssir reviżjoni tal-politika dwar il-kompetizzjoni u r-regoli dwar l-għajnuna statali bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat l-intervent pubbliku, bil-għan li tinżamm il-koeżjoni soċjali u reġjonali, jitjiebu l-istandards ambjentali u jiġi indirizzat it-tħassib dwar is-saħħa pubblika; jitlob li l-impatt fuq l-impjiegi ta' kwalunkwe deċiżjoni mid-DĠ Kompetizzjoni jitqies minn qabel u jkun kapaċi jwassal għal ġustifikazzjoni oġġettiva jew, jekk ikun hemm bżonn, kumpens għall-impjegati affettwati minn miżuri maħsuba biex jikkoreġu l-abbużi ta' pożizzjonijiet dominanti; jappella għall-involviment imtejjeb tas-sħab soċjali u, b'mod partikolari, t-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema fil-livell nazzjonali u f'dak Ewropew biex jiġu evitati prattiki ta' dumping soċjali f'dan is-settur u jiġi żgurat il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità; jappella għall-involviment tal-ħaddiema fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-industrija;

Ir-rwol tal-metalli komuni fl-ekonomija ċirkolari

30.  Jenfasizza f'dan il-kuntest l-impatt pożittiv tal-metalli sekondarji, li jgħinu b'mod sinifikanti biex inaqqsu l-input tal-enerġija u tal-materja prima; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiffaċilita l-iżvilupp u l-funzjonament tas-swieq tal-metalli sekondarji; iħeġġeġ l-istabbiliment ta' ekonomija ċirkolari f'kull impjant tal-produzzjoni tal-metalli komuni sabiex ikun hemm rabta bejn l-isfruttament tal-prodotti sekondarji u l-metalli riċiklati bil-għan li tiżdied il-kompetittività tagħhom; jitlob li dan isir obbligatorju sabiex tiġi stabbilita ekonomija ċirkolari f'kull impjant tal-produzzjoni tal-metalli komuni sabiex ikun hemm rabta bejn l-isfruttament tal-prodotti sekondarji u l-metalli riċiklati bil-għan li tiżdied il-kompetittività tagħhom; jadotta l-għan li jsir progress rapidu fir-riċiklaġġ tal-elementi terrestri rari u l-metalli kritiċi kkunsmati fl-Unjoni; jitlob li jiġu żviluppati rabtiet b'saħħithom bejn is-settur tar-riċiklaġġ tal-metalli komuni u industriji oħra biex jissaħħu r-reżiljenza u d-daqs tal-bażi industrijali, b'mod partikolari f'reġjuni affettwati mid-deindustrijalizzazzjoni; jenfasizza f’dan il-kuntest il-potenzjal kbir tas-sostituzzjoni tal-prodotti u tal-materjali u li jiżdied l-użu tal-iskrapp, fost l-oħrajn, fil-produzzjoni tal-azzar u l-aluminju; jenfasizza li l-maġġoranza tal-metalli komuni jistgħu jiġu rriċiklati bosta drabi bi frazzjoni tal-enerġija użata għall-produzzjoni primarja; jinsab imħasseb dwar it-telf kbir tal-enerġija għall-Ewropa kkawżat mill-esportazzjoni legali u illegali tal-aluminju u r-ram lejn pajjiżi bħaċ-Ċina u l-Indja, stati li stabbilixxew huma stess projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-aluminju; jemmen li l-istandards ambjentali u l-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari għandhom ikunu fundamentali għall-investimenti fl-iżvilupp u l-innovazzjoni fis-settur tal-industrija tal-metalli komuni fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa inċentivi ekonomiċi għar-riċiklaġġ tal-metalli, fosthom materja prima kritika attwalment mhux ekonomika bħall-elementi terrestri rari, biex tistħarreġ kif is-swieq għal materjal riċiklat jistgħu jiġu appoġġati minn, fost l-oħrajn, ċertifikati ekoloġiċi għal materjal riċiklat, rekwiżiti ta' ekodisinn u inċentivi fiskali, u tiżgura li l-politika ta' koeżjoni u l-baġits tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) jikkontribwixxu wkoll għall-promozzjoni tar-riċiklaġġ u l-effiċjenza fir-riżorsi; jemmen li l-leġiżlazzjoni dwar l-iskart għandha titjieb biex issostni l-funzjonament tas-suq tal-iskrapp tal-metalli tal-UE permezz ta', pereżempju, reviżjoni tad-Direttiva dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw u leġiżlazzjoni oħra dwar l-iskart; jissuġġerixxi li jittieħdu miżuri biex jiġu stabbiliti miri għall-ġbir, tissaħħaħ ir-responsabbiltà tal-produttur, u jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw, pereżempju fir-rigward tat-trakkijiet, il-karozzi tal-linja u l-muturi; jenfasizza l-ħtieġa ta' persuni kwalifikati u b'ħiliet speċjalizzati biex tiġi indirizzata t-tranżizzjoni lejn proċessi u prodotti ta' produzzjoni iktar sostenibbli, u jappella għal strateġija Ewropea ta' taħriġ u edukazzjoni li tappoġġa l-kumpaniji, l-istituti ta' riċerka u s-sħab soċjali fl-isforz biex jinvestigaw b'mod konġunt il-ħtiġijiet ta' ħiliet għas-sostenibilità ambjentali;

31.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

L-emorraġija tal-kapaċitajiet u tal-impjiegi li laqtet lill-industrija tal-azzar Ewropea hija r-riżultat tal-waqgħa fid-domanda li fl-2014 baqgħet 40 miljun tunnellata anqas milli kienet fl-2007. Dan l-aġġustament tal-kapaċità kien ta' tali kobor li kwalunkwe rkupru fid-domanda Ewropea se jirriżulta f'bidu ta' defiċit kummerċjali storiku fl-Ewropa, li se jiġġenera d-dipendenza u t-telf ta' know-how industrijali li inevitabbilment se jaffettwaw is-setturi downstream tal-vetturi, tal-kostruzzjoni u tat-teknoloġiji b'karbonju baxx.

Għall-kuntrarju, l-għeluq tal-fabbriki tal-aluminju Ewropej qed iseħħ f'kuntest ta' żieda fid-domanda Ewropea għall-aluminju fis-snin riċenti, li wasslet għal żieda fl-importazzjonijiet.

L-azzar u l-aluminju huma żewġ eżempji sinifikanti tad-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom dawn il-professjonijiet, li jridu wkoll isegwu l-modernizzazzjoni tal-enerġija u ambjentali tagħhom, li jkun jeħtieġ politika ta' investiment li għaliha ftit biss minnhom għandhom il-mezzi llum.

Madankollu, il-politika tal-klima bl-ebda mod m'hi l-kawża tad-diffikultajiet ta' dawn l-industriji, iżda dan jista' jkun il-każ fil-futur jekk il-kriżi tal-investiment tibqa' għaddejja u jekk ma tiġi attivita l-ebda politika industrijali Ewropea dwar il-materja prima u dwar il-metalli komuni.

Din il-politika industrijali trid tarma ruħha bl-għodod u r-riżorsi meħtieġa biex jirnexxielha f'din it-tranżizzjoni għal karbonju baxx, u ma tistax tagħmel dan mingħajr il-kontroll strateġiku tal-industriji tal-metalli komuni u mingħajr ma jkollha l-għodod u l-mezzi meħtieġa biex tiffaċċja ż-żieda fil-prezz tal-karbonju li l-istituzzjonijiet internazzjonali kollha involuti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima qed jitolbu.

Jekk l-użu mill-ġdid tal-metalli komuni bażi u l-iżvilupp ta' ekonomija ċirkolari huma assolutament kruċjali għall-ekonomiji Ewropej, ir-riċiklaġġ waħdu ma jistax ikun suffiċjenti għall-ħtiġijiet tal-ġejjieni tal-kontinent Ewropew impenjat fit-tranżizzjoni enerġetika: biex jingħata eżempju, għall-istess qawwa installata, it-turbini tar-riħ u t-teknoloġiji solari jużaw sa 90 darba aktar aluminju, 50 darba aktar ħadid, ramm u ħġieġ u 15-il darba aktar konkrit mill-power stations termali aktar konvenzjonali (taż-żejt, gass naturali jew nukleari) installati llum il-ġurnata (biex ma nsemmux il-metalli rari jew kritiċi...)

Il-ħtieġa essenzjali tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima

L-pożizzjoni ta' tmexxija meħuda mill-UE fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, inkluż l-għarfien ta' dejn klimatiku fil-konfront tal-pajjiżi mhux industrijalizzati, għandha tiġi milqugħa.

Il-ħolqien tas-suq tal-karbonju fl-2005 (Direttiva 2003/87/KE) jikkorrispondi mal-implimentazzjoni mill-Unjoni Ewropea ta' strateġija ta' ġlieda kontra t-tibdil fil-klima offensiva u unilaterali li kienet tikkonsisti f'li tagħti eżempju billi timponi, indipendentement mill-bqija tad-dinja, piżijiet addizzjonali għall-ekonomiji kollha tagħha, permezz tal-produtturi tal-elettriku u l-industriji b'użu intensiv tal-enerġija.

Kien ittamat li r-riżultat ikun investimenti li l-objettiv tagħhom ikun li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju filwaqt li jingħata kontribut għall-modernizzazzjoni tal-industriji Ewropej, li b'hekk ikunu kisbu vantaġġ kompetittiv fuq il-kompetituri tagħhom. Dan ix-xenarju ma setgħax iseħħ għal ħafna raġunijiet u huma speċjalment ir-riskji tar-rilokazzjoni tal-karbonju, li żviluppaw minkejja d-distribuzzjoni ġeneruża ta' kwoti mingħajr ħlas, li jsibu l-limiti tagħhom bħala protezzjoni.

Minħabba li, wara l-ftehim ta' Kyoto ffirmat fl-1997, is-sitwazzjoni nbidlet u l-Ewropa mhijiex aktar dominanti fil-metalli komuni u jeħtiġilha titħabad biex iżomm l-indipendenza tagħha fil-konfront tal-pajjiżi li qed jindustrijalizzaw b'ħeffa ("tranżizzjoni tal-karbonju").

Il-ħtieġa strateġika hija essenzjali għall-industriji Ewropej tal-metalli komuni li jridu jadattaw għal din is-sitwazzjoni klimatika, ekonomika u soċjali ġdida, billi jagħtu eżempju bl-effikaċja u l-effiċjenza fil-konsum tal-enerġija u tal-materja prima, u mhux jisparixxu mid-dinja industrijali ta' għada.

L-aġġustament fil-fruntieri jidher li huwa l-mekkaniżmu strutturali l-aktar effiċjenti biex jiġi evitat li l-industriji Ewropej soġġetti għar-riskju tar-rilokazzjoni tal-karbonju ma jabbandunawx il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; billi huma konxji li t-tkomplija tad-distribuzzjonijiet tal-kwoti mingħajr ħlas assimilati għal "sussidji għat-tniġġis" mingħajr kumpens tirrappreżenta telf tal-profitt li se jsir dejjem aktar sinifikanti aktar ma jiżdied il-prezz tad-CO2 fuq is-suq.

L-aġġustament fil-fruntieri

L-implimentazzjoni ta' aġġustament fil-fruntieri fil-qafas ta' politika ta' ġlieda kontra t-tibdil fil-klima tfisser l-ekwalizzazzjoni, li tagħmel il-kompetizzjoni "mhux distorta", bejn il-produtturi Ewropej u mhux Ewropej fis-suq intern kif ukoll l-esportazzjoni, u għaldaqstant, tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.

– Billi l-importazzjonijiet jiġu suġġetti għall-istess regoli tax-xiri tad-drittijiet ta' emissjonijiet fuq is-suq tal-emissjonijiet tal-karbonju li għalihom huma soġġetti l-produtturi Ewropej abbażi tal-kontenut ta' karbonju tal-metalli importati;

– Billi l-esportazzjonijiet tal-metalli jiġu eżentati mix-xiri tad-drittijiet ta' emissjoni tad-CO2.

L-importaturi tal-metalli komuni jkunu kostretti jiddikjaraw fid-dwana id-CO2 emess għall-produzzjoni tal-metalli mibjugħa fis-suq Ewropew u jikkonformaw mal-istess regoli li magħhom iridu jikkonformaw il-produtturi Ewropej, skont il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni bejn prodotti simili tad-WTO. Għalhekk dan mhu bl-ebda mod mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ internazzjonali.

L-ambitu għall-aġġustament fil-fruntieri jkun l-istess bħal dak tad-drittijiet attwali ta' emissjonijiet tas-sistema ETS.

L-aġġustament fil-fruntieri: miżura temporanja u flessibbli

Bl-istess mod, jekk pajjiż jistabbilixxi drittijiet ta' emissjonijiet tad-CO2 għall-produtturi tal-metalli komuni tiegħu li jkunu analogi għad-drittijiet Ewropej ta' emissjoni, l-aġġustament fil-fruntieri jsir flessibbli skont il-prestazzjoni f'termini tal-karbonju tal-prodotti nnegozjati bejn iż-żewġ pajjiżi. L-artikulazzjoni tas-swieq tal-iskambju tad-drittijiet tal-emissjoni tal-karbonju maħluqa madwar id-dinja se tippermetti li jitneħħa kwalunkwe aġġustament fil-fruntieri. B'regoli ugwali, il-kompetizzjoni tkun ekwa.

Il-prevenzjoni tar-rilokazzjoni tal-karbonju

Filwaqt li produttur tal-aluminju li jimmanifattura l-alumina tiegħu (il-prodott intermedju bejn il-mineral boksajt u l-aluminju) fl-Ewropa huwa suġġett għar-restrizzjonijiet tas-sistema ETS, dan mhuwiex il-każ għal produttur tal-aluminju li jimporta l-alumina tiegħu minn barra. Huwa l-istess għal-prodotti intermedji kollha bejn il-minerali u l-metalli bħall-kokk għall-azzar li r-rilokazzjoni tiegħu (sors ta' importazzjoni) tirrappreżenta wkoll rilokazzjoni tal-karbonju.

Il-kejl tal-kontenut tal-karbonju ta' kull metall komuni għandu b'hekk ikun ikkunsidrat f'termini tas-settur u mhux mill-perspettiva tal-lokalizzazzjoni Ewropea stretta tal-produzzjoni finali tiegħu.

Kontenut tal-karbonju għal kull prodott suġġett għal drittijiet ta' emissjoni

Sabiex aġġustament fil-fruntieri jista' jiffunzjona b'mod ġust, jeħtieġ li jkun magħruf il-kontenut tal-karbonju ta' kull prodott.

Dan diġà jseħħ fl-Ewropa u jista' jkun il-każ kullimkien, b'żewġ kundizzjonijiet:

– li tiġi żgurata t-traċċabilità tal-prodotti skambjati (kif diġà jseħħ għall-industriji tal-metalli komuni biex jiġu omologati, ċertifikati minn standards professjonali rikonoxxuti);

– li jiġi stabbilit metodu armonizzat f'livell internazzjonali biex jiġi ddeterminat il-kontenut tal-karbonju tal-prodotti skambjati.

Għaldaqstant, sabiex jitwettaq dan l-inkarigu, ikun jinħtieġ li tinħoloq aġenzija internazzjonali/multilaterali jew li tiġi inkarigata organizzazzjoni eżistenti.

Il-kumpens għall-emissjonijiet indiretti: kompetizzjoni inġusta bejn il-pajjiżi Ewropej

Il-kumpaniji multinazzjonali tal-aluminju żviluppaw industrija qawwija fl-Istati tal-Golf ibbażata fuq il-prezzijiet baxxi tal-enerġija. Għal dawn il-pajjiżi għonja fiż-żejt u l-gass, mal-benefiċċji tal-enerġija rħisa tiżdied ukoll l-assenza ta' spejjeż marbuta mal-emissjonijiet tad-CO2 u tal-parteċipazzjoni fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Il-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet il-karattru inġust tal-kompetizzjoni minħabba ż-żieda fil-prezz tal-elettriku minħabba l-kwoti tal-emissjonijiet tad-CO2 mħallsa mill-produtturi tal-elettriku u, konsegwentement, awtorizzat il-kumpens ta' dawn l-ispejjeż indiretti mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali (Komunikazzjoni SWD(2012)).

Pereżempju, Spanja tonfoq € 5 miljun fuq 3 snin (2013-2015) għall-kumpens filwaqt li l-Ġermanja tiddedika € 756 miljun għal istess perjodu.

Assenjazzjoni ta' kwoti bla ħlas għall-investimenti fil-produzzjoni ta' metalli b'użu baxx tal-karbonju

L-aġġustament fil-fruntieri jniedi ċ-ċiklu virtwuż tal-ekonomija tal-metalli komuni li jorbot it-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-CO2 mal-investimenti b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, li b'dan il-mod isiru profittabbli, fl-objettiv li jitnaqqsu l-emissjonijiet u jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima.

Trasparenza responsabbli u finanzjarja

Bħalissa jekk il-kwoti bla ħlas tad-CO2 allokati għall-impriżi jkunu oġġett ta' reklamar għal impjant ta' produzzjoni, ladarba jiġu allokati, huma ma jkunu oġġett tal-ebda informazzjoni dwar l-użu tagħhom mill-impriżi detenturi.

Bl-istess mod, id-dħul mill-irkanti ta' kwoti ta' emissjonijiet li għandhom ikunu mill-inqas parzjalment iddedikati għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima ma huma oġġett tal-ebda traċċabilità mill-Istati Ewropej.

Trasparenza dwar ir-riskji u l-perikli marbuta mal-industrija tal-metalli komuni

Rekwiżit ewlieni: L-industrija tal-metalli komuni fl-Ewropa trid tkun eżemplari fi kwistjonijiet ambjentali, billi tnaqqas kemm jista' jkun l-impatt tagħha kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-popolazzjonijiet tal-madwar. L-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej għandhom ikunu l-garanti, minħabba l-inkapaċità tas-suq li jibbilanċja l-manteniment ta' ekonomija industrijali kompetittiva u r-rispett għall-ambjent.

Din it-trasparenza għandha tikkonċerna l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet, l-azzjonijiet għall-konformità, l-investiment għall-progress u l-impatt tagħhom fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema u tal-popolazzjonijiet tal-madwar.

Il-kwistjoni tal-kuntratti għall-provvista tal-elettriku

L-industrija tal-metalli komuni hija industrija intensiva ħafna fl-użu tal-enerġija, u dan f'ħafna modi.

– Billi tirrikorri għall-karbonju bħala materja prima fossili intrinsika tal-manifattura tal-azzar għall-karbonju;

– Permezz ta' struttura ta' spejjeż ta' produzzjoni karatterizzata mill-predominanza maġġoritarja tal-ispejjeż tal-elettriku fil-kost tal-produzzjoni (b'varjazzjonijiet skont il-pajjiż u nuqqas ta' prevedibilità), fil-każ tal-elettroliżi taż-żingu jew tal-aluminju.

L-impossibilità li jiġu ffirmati kuntratti fit-tul għall-provvista bi prezz innegozjat liberament bejn il-fornitur u l-utent tal-elettriku jpoġġi lill-industriji b'użu intensiv tal-elettriku Ewropej f'pożizzjoni fraġli ħafna fil-konfront tal-kompetizzjoni internazzjonali.

Barra minn hekk, wieħed irid isaqsi dwar il-karattru pubbliku sussidjat ta' ċerti kompetituri internazzjonali esportaturi tal-metalli komuni li jaħdmu f'sistema ekonomika kkaratterizzata minn nuqqas ta' kompetizzjoni libera u mingħajr distorsjonijiet fil-provvista tal-enerġija.

Id-difiża kummerċjali Ewropea fil-metalli komuni: il-prevenzjoni aktar milli fejqan tard wisq

Fi żmien meta l-pajjiżi emerġenti qed jiżviluppaw l-industriji tagħhom tal-metalli komuni, li huma l-metalli tal-emerġenza ekonomika, huma saru l-kompetituri ewlenin fis-suq globali tal-azzar u tal-metalli bażiċi kollha, bħalma huma l-elementi terrestri rari li jgawdu vantaġġ komparattiv ta' aċċess għall-materja prima, li kultant jissaħħaħ bis-saħħa tal-appoġġ pubbliku u r-riċerka għal żblokki permezz tad-dumping (definit bħala bejgħ taħt l-ispiża).

Jeħtieġ, għaldaqstant, li l-UE tadotta difiża tal-kummerċ flessibbli u reattiva, li tkun adattata għal dawn ir-realtajiet industrijali globali ġodda, u li, iffaċċjata mill-multiplikazzjoni potenzjali tal-flussi tal-materjali, prodotti u informazzjoni u servizzi, ir-ritmu tad-deċiżjonijiet jeħtieġ li jiġi aċċellerat.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI

FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

13.10.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

47

11

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Zigmantas Balčytis, Nicolas Bay, David Borrelli, Jerzy Buzek, Philippe De Backer, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Peter Eriksson, Fredrick Federley, Ashley Fox, Theresa Griffin, Marek Józef Gróbarczyk, András Gyürk, Roger Helmer, Hans-Olaf Henkel, Eva Kaili, Kaja Kallas, Barbara Kappel, Krišjānis Kariņš, Seán Kelly, Jeppe Kofod, Miapetra Kumpula-Natri, Janusz Lewandowski, Ernest Maragall, Edouard Martin, Dan Nica, Angelika Niebler, Miroslav Poche, Miloslav Ransdorf, Michel Reimon, Herbert Reul, Paul Rübig, Algirdas Saudargas, Jean-Luc Schaffhauser, Neoklis Sylikiotis, Antonio Tajani, Dario Tamburrano, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Claude Turmes, Vladimir Urutchev, Kathleen Van Brempt, Henna Virkkunen, Martina Werner, Flavio Zanonato, Carlos Zorrinho

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Michał Boni, David Coburn, Cornelia Ernst, Jens Geier, Gunnar Hökmark, Benedek Jávor, Jude Kirton-Darling, Olle Ludvigsson, Notis Marias, Marian-Jean Marinescu, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, Theodor Dumitru Stolojan, Pavel Telička, Cora van Nieuwenhuizen

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

47

+

ALDE

Dominique Riquet

ECR

Notis Marias

EFDD

David Borrelli, Dario Tamburrano

ENF

Barbara Kappel

GUE

Cornelia Ernst, Miloslav Ransdorf, Neoklis Sylikiotis

PPE

Michał Boni, Jerzy Buzek, Christian Ehler, András Gyürk, Gunnar Hökmark, Krišjānis Kariņš, Seán Kelly, Janusz Lewandowski, Marian-Jean Marinescu, Angelika Niebler, Herbert Reul, Massimiliano Salini, Algirdas Saudargas, Theodor Dumitru Stolojan, Antonio Tajani, Vladimir Urutchev, Henna Virkkunen, Pilar del Castillo Vera

S&D

Zigmantas Balčytis, Jens Geier, Theresa Griffin, Eva Kaili, Jude Kirton-Darling, Jeppe Kofod, Miapetra Kumpula-Natri, Olle Ludvigsson, Edouard Martin, Dan Nica, Miroslav Poche, Patrizia Toia, Kathleen Van Brempt, Martina Werner, Flavio Zanonato, Carlos Zorrinho

VERTS/ALE

Peter Eriksson, Benedek Jávor, Ernest Maragall, Michel Reimon, Claude Turmes

11

-

ALDE

Philippe De Backer, Fredrick Federley, Kaja Kallas, Pavel Telička, Cora van Nieuwenhuizen

ECR

Ashley Fox, Marek Józef Gróbarczyk, Hans-Olaf Henkel, Evžen Tošenovský

EFDD

David Coburn, Roger Helmer

3

0

ENF

Nicolas Bay, Jean-Luc Schaffhauser

PPE

Paul Rübig

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0 : astensjonijiet

(1)

ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)

ĠU L 188, 18.7.9, p. 93.

(3)

ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1.

(4)

ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17.

(5)

ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

(6)

ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56

(7)

ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(8)

Testi adotatti, P7_TA(2014)0032.

(9)

ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 75.

(10)

Testi adottati, P8_TA(2014)0104.

(11)

ĠU L 001, 4.1.2003, p. 1.

(12)

http://ec.europa.eu/growth/sectors/raw-materials/specific-interest/erecon/index_en.htm

Avviż legali