Proċedura : 2014/2237(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0310/2015

Testi mressqa :

A8-0310/2015

Dibattiti :

PV 23/11/2015 - 15
CRE 23/11/2015 - 15

Votazzjonijiet :

PV 24/11/2015 - 5.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0401

RAPPORT     
PDF 633kWORD 182k
23.10.2015
PE 554.950v02-00 A8-0310/2015

dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi b’enfasi speċjali fuq il-faqar fost it-tfal

(2014/2237(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

Rapporteur: Inês Cristina Zuber

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi b’enfasi speċjali fuq il-faqar fost it-tfal

(2014/2237(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fi New York, fl-20 ta' Novembru 1989,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, adottata fi New York, fit-13 ta' Diċembru 2006,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea riveduta,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali (2000/43/KE) u d-Direttiva dwar il-Qafas ta' Ugwaljanza fl-Impjiegi (2000/78/KE),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu 'Investing in children: Breaking the cycle of disadvantage' (L-investiment fit-tfal: Niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ) (C(2013)778),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummisjoni bit-titolu 'Employment and Social Developments in Europe 2012' (L-Impjieg u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa 2012),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Frar 2011 bit-titolu "Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal" (COM(2011)0060),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2010 bit-titolu "Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali" (COM(2010)0758),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Lulju 2006 "Lejn Strateġija Ewropea dwar id-Drittijiet tat-Tfal" (COM(2006)0367), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament dwarha tas-16 ta' Jannar 2008(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound dwar 'Third European Quality of Life Survey - Quality of life in Europe: Impacts of the crisis' (It-Tielet Stħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja - Il-kwalità tal-ħajja fl-Ewropa:L-impatti tal-kriżi),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2013 dwar 'Third European Quality of Life Survey - Quality of life in Europe: Social inequalities' (It-Tielet Stħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja - Il-kwalità tal-ħajja fl-Ewropa:Inugwaljanzi soċjali),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-25 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2013 dwar l-impatt tal-kriżi fuq l-aċċess għall-kura tal-gruppi vulnerabbli(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014–2020"(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar l-aspett tal-faqar tan-nisa fl-Unjoni Ewropea(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE(7) ;

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-rwol tad-dħul minimu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni ta' soċjetà inklużiva fl-Ewropa(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, inkluż il-faqar fost it-tfal, fl-UE(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2008: Lejn strateġija Ewropea għad-drittijiet tat-tfal(10),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Save the Children (2014) 'Child poverty and social exclusion in Europe' (Il-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali fl-Ewropa),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju tar-Riċerka tal-UNICEF tal-2014 'Children of the Recession: The impact of the economic crisis on child well-being in rich countries' (Tfal tar-Riċessjoni: L-impatt tal-kriżi ekonomika fuq il-benessri tat-tfal f'pajjiżi sinjuri),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-EAPN u l-Eurochild (2013) 'Towards children's well-being in Europe - explainer on child poverty in the EU' (Lejn il-benessri tat-tfal fl-Ewropa - l-ispjega dwar il-faqar fost it-tfal fl-UE),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' valutazzjoni Eurochild (2014) bit-titolu 'The 2014 National Reform Programmes (NRP) and National Social Reports (NSR) from a child poverty and well-being perspective' (Il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tal-2014 (PNR) u r-Rapporti Soċjali Nazzjonali (RSN) minn perspettiva tal-faqar u l-benessri fost it-tfal),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-ħdax-il konferenza tal-Eurochild, li saret mis-26 sat-28 ta' Novembru 2014 f'Bukarest,

–  wara li kkunsidra r-rapport taċ-Ċentru tar-Riċerka Innocenti tal-UNICEF tal-2012 'Measuring child poverty: New league tables of child poverty in the world's rich countries' (Inkejlu l-faqar fost it-tfal: Klassifiki ġodda tal-faqar fost it-tfal fil-pajjiżi sinjuri tad-dinja),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Xjentifiku Finali DRIVERS: L-inugwaljanzi soċjali fis-saħħa u l-iżvilupp bikrija tat-tfal: analiżi sistematika fl-Ewropa kollha, Londra, Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Istatistika tal-UE dwar l-Introjtu u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (EU-SILC) 2013,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-30 ta' Settembru 2009 bit-titolu 'Work and poverty: towards the necessary holistic approach' (Ix-xogħol u l-faqar: lejn l-approċċ olistiku meħtieġ),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta' Lulju 2010 dwar 'Child poverty and children's well-being' (Il-faqar fost it-tfal u l-benessri tagħhom),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar European minimum income and poverty indicators' (Introjtu minimu Ewropew u indikaturi tal-faqar),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' sinteżi bit-titolu "L-investiment fit-tfal: Niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ - Studju ta' politiki nazzjonali min-Netwerk Ewropew ta' Esperti Indipendenti dwar l-Inklużjoni Soċjali(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0310/2015),

A.  billi għandha tingħata viżibilità politika akbar għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal fl-ogħla livell politiku tal-UE, jekk l-UE trid tissodisfa l-mira tal-istrateġija Ewropa 2020 ta' tnaqqis tan-numru ta' persuni milquta mill-faqar b'mill-inqas 20 miljun sal-2020;

B.  billi, taħt il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC), it-tfal kollha għandhom jiġu garantiti d-dritt għall-edukazzjoni, servizzi tal-kura tas-saħħa, dar, protezzjoni, parteċipazzjoni fid-deċiżjonijiet li jaffettwawhom, divertiment u ħin liberu, dieta bilanċjata u li jirċievu l-kura f'ambjent ta' familja;

C.  billi l-maġġoranza tal-Istati Membri s'issa ma tantx kienu lesti li jużaw il-fondi strutturali tal-UE għall-ġlieda kontra r-rati allarmanti u li għadhom qed jikbru tal-faqar fost it-tfal fl-Ewropa u għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-benesseri ġenerali tagħhom;

D.  billi aktar inugwaljanzi soċjali, li żdiedu minħabba politika tal-gvern u politiki baġitarji irresponsabbli u mhux sostenibbli mil-lat finanzjarju, jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għaż-żieda fil-faqar fost it-tfal, u billi t-tfal jinsabu fl-akbar riskju ta' faqar f'19-il Stat Membru;

E.  billi, skont il-Eurostat, il-fatturi ewlenin li jaffettwaw il-faqar fost it-tfal huma l-politiki ta' ridistribuzzjoni tal-ġid, l-effikaċja tal-intervent min-naħa tal-gvern permezz ta' appoġġ għall-introjtu, il-forniment ta' servizzi ta' sostenn, il-politika dwar ix-xogħol(12) u l-qagħda fis-suq tax-xogħol tal-ġenituri, li hija marbuta mal-livell ta' edukazzjoni tagħhom u l-kompożizzjoni tal-unità domestika li fiha jgħixu t-tfal; billi żieda fl-impjiegi tikkostitwixxi strument effikaċi għat-tnaqqis tal-faqar;

F.  billi persuna minn ħamsa tal-popolazzjoni totali tal-UE għandha inqas minn 18-il sena; billi, minkejja l-impenji li ttieħdu, fl-UE aktar minn wieħed minn kull erbat itfal jgħixu fir-riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali;

G.  billi l-Parlament sejjaħ ripetutament biex issir implimentazzjoni tal-Pakkett ta' Investiment Soċjali, u japprova r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill bit-titolu 'Investing in children: Breaking the cycle of disadvantage' (L-investiment fit-tfal: Niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ), li tipproponi qafas ta' politika komprensiv biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal u jiġi promoss il-benessri tat-tfal, abbażi ta' tliet pilastri, li huma l-aċċess għal riżorsi adegwati fil-qafas tal-Fond Soċjali Ewropew, l-aċċess għal servizzi ta' kwalità u inklużivi, u l-parteċipazzjoni tat-tfal fis-soċjetà u t-teħid ta' deċiżjonijiet, u li jirrikonoxxi t-tfal bħala detenturi ta' drittijiet; jiddispjaċih, madankollu li l-UE ma ħaditx passi konkreti biex timplimenta dan matul is-Semestru Ewropew;

H.  billi, għalkemm it-tfal ta' ġenituri b'intensità tax-xogħol baxxa ħafna huma 56.7 % aktar probabbli li jkunu f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali, il-familji b'intensità tax-xogħol għolja għadhom f'riskju ta' faqar fost it-tfal illum (ir-Rumanija, il-Litwanja, il-Portugall, Spanja, il-Greċja, il-Latvja, is-Slovakkja, il-Polonja u l-Lussemburgu);

I.  billi l-faqar fost it-tfal ġej mill-faqar tal-familji, billi familji bi dħul baxx u li huma numerużi huma għalhekk aktar f'riskju ta' faqar, filwaqt li d-distribuzzjoni tal-introjtu għandha impatt kbir biex jitnaqqsu ċ-ċikli tal-inugwaljanza soċjali, u billi l-politiki dwar il-paga nazzjonali kif ukoll is-sistemi tal-protezzjoni soċjali li qed jiddeterjoraw qed iżidu r-riskju ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali, li jikkontribwixxi biex jikber il-faqar fost it-tfal, kif deher fl-Istati Membri bl-inqas rata ta' faqar fost it-tfal, li huma wkoll dawk bl-inqas livelli ta' faqar ġenerali u ta' inugwaljanza;

J.  billi bejn l-2008 u l-2012, in-numru ta' tfal f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali fl-Ewropa (UE27+in-Norveġja, l-Islanda u l-Isvizzera) żdied bi kważi miljun, b'żieda ta' nofs miljun bejn l-2011 u l-2012 biss(13); billi fl-2013, skont id-data tal-Eurostat, 26.5 miljun tifel u tifla fl-UE28 kienu f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali. billi fl-UE27, ir-riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali żdied bejn l-2008 u l-2012 minn 26.5 % għal 28 %; billi fl-2013, fl-Istati Membri tal-UE28, 28 % tal-popolazzjoni totali taħt it-18-il sena kienet f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali u, fil-maġġoranza kbira tal-pajjiżi, ir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali hija akbar għat-tfal milli għall-adulti;

K.  billi n-nisa huma f'riskju akbar ta' faqar mill-irġiel u billi l-indirizzar tal-faqar fost in-nisa huwa importanti mhux biss fih innifsu imma wkoll hu ta' importanza vitali fl-isforzi biex jitnaqqas il-faqar fost it-tfal;

L.  billi hemm inugwaljanza li qed tikber bejn il-pajjiżi fi ħdan l-UE; billi hu allarmanti li l-persentaġġ ta' tfal li jsofru minn malnutrizzjoni qed jiżdied u dan qed jikkawża li jerġgħu jidhru patoloġiji li kienu sparixxew fl-UE (eż. rachitis); billi hu sintomatiku li, skont il-UNICEF(14), f'pajjiżi bħall-Estonja, il-Greċja u l-Italja, il-percentwali ta' tfal li ma jistgħux jieklu laħam, tiġieġ jew ħut għal jumejn wara xulxin irdoppja b'mod drammatiku mill-2008;

M.  billi fl-osservazzjonijiet ta' konklużjoni dwar l-aħħar rapporti perjodiċi ta' wħud mill-pajjiżi, il-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal esprima tħassib dwar iż-żieda fir-rata tal-faqar u/jew tar-rata ta' tfal li jinsabu f'riskju tal-faqar minħabba l-kriżi ekonomika, li taffettwa l-fatt li dawn igawdu ħafna mid-drittijiet minquxa fil-UNHRC, partikolarment id-drittijiet għas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali, u inkoraġġixxa l-awtoritajiet jiżguraw li l-linji baġitarji għat-tfal ikunu protetti, u billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika wasslet għal deterjorazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol u għall-emerġenza ta' grupp ġdid, magħruf ukoll bħala 'ġdid fil-bżonn';

N.  billi ambjent intraprenditorjali favorevoli jistimula t-tkabbir tal-impjiegi fl-Istati Membri, u jwessa' l-opportunitajiet ta' impjieg għall-ġenituri, li jistgħu mbagħad jservu bħala mudelli aċċettabbli, speċjalment f'komunitajiet milquta b'mod negattiv mill-faqar multiġenerazzjonali u l-esklużjoni;

O.  billi l-familji b'ġenitur wieħed, speċjalment familji mmexxija minn ommijiet waħedhom, huma f'riskju akbar ta' faqar jew esklużjoni soċjali (49.8 % meta mqabbla ma' 25.2 %), għalkemm hemm differenzi enormi bejn il-pajjiżi, skont il-EU-SILC(15)li huma relatati mal-femminizzazzjoni tal-faqar, ir-rappreżentanza eċċessiva tan-nisa fix-xogħol prekarju u bħala ħaddiema part-time b'mod involontarju, il-ħin sproporzjonat li jagħmlu n-nisa f'xogħol mhux imħallas, interruzzjonijiet fil-karrieri tan-nisa biex jieħdu ħsieb it-tfal jew membri oħra tal-familja, u d-differenza fil-paga bejn l-irġiel u n-nisa;

P.  billi l-faqar fost it-tfal jista' jitnaqqas billi jitjiebu l-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari tan-nisa, permezz ta' żvilupp pożittiv fil-kura tat-tfal;

Q.  billi t-tfal u l-ġenituri tagħhom, ġenituri tar-rispett u dawk li jieħdu ħsieb it-tfal iridu jkunu protetti minn kull diskriminazzjoni bħalma huma s-sess, ir-razza, il-kulur, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew opinjoni oħra, l-oriġini nazzjonali etnika jew soċjali, l-assoċjazzjoni ma' minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età jew status ieħor, u billi t-tfal minn gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni jinsabu f'riskju akbar ta' marġinalizzazzjoni, faqar u esklużjoni soċjali, kif konfermat mill-aħħar rapporti mill-Federazzjoni Ewropea tal-Organizzazzjonijiet Nazzjonali li jaħdmu mal-Persuni Mingħajr Dar li jenfasizzaw żieda fin-nisa, iż-żgħażagħ u l-familji bit-tfal (speċjalment familji migranti) li jittieħdu f'xelters għal persuni mingħajr dar; billi familji kbar b'paga waħda huma iktar f'riskju ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali, minħabba l-politiki ta' degradazzjoni tal-pagi u tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali bħala konsegwenza tal-kriżi finanzjarja u ekonomika;

R.  billi l-effetti tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fuq it-tfal jistgħu jdumu tul ħajjithom u jirriżultaw f'qgħad u faqar interġenerazzjonali; billi d-distakk edukattiv bejn tfal minn kuntesti soċjoekonomiċi differenti żdied (fi 11-il pajjiż, l-għoti ta' edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal għal dawk bejn l-etajiet ta' 0 u 3 snin tkopri mhux aktar minn 15 %);

S.  billi l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal għandhom impatt deċiżiv fuq l-iżvilupp konjittiv tat-tfal, minħabba li jiżviluppaw kapaċitajiet essenzjali fl-ewwel ħames snin u billi l-aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità għolja jistabbilixxi s-sisien għas-suċċess aktar tard fil-ħajja f'termini ta' edukazzjoni, benesseri, impjegabbiltà, u integrazzjoni soċjali, u għandu impatt sinifikanti fuq l-awtostima speċjalment għat-tfal minn kuntest żvantaġġat; billi d-distakk edukattiv bejn tfal minn kuntest soċjoekonomiku differenti żdied; billi ġenituri li jaħdmu li ma jkollhomx aċċess għal skola tat-trabi ta' spiss ikollhom iħallu t-tfal fil-kura ta' tfal oħra, jew jirrikorru għal netwerks tal-kura informali mħallsa u mhux iċċertifikati, u dan jippreġudika s-sikurezza u l-benessri tat-tfal tagħhom; billi l-edukazzjoni preprimarja jista' jkollha rwol sinifikanti fl-ikkumpensar għall-istatus soċjoekonomiku baxx ta' tfal mhedda mill-faqar u tikkostitwixxi fattur li jiffaċilita r-ritorn tal-ġenituri għas-suq tax-xogħol(16); billi l-edukazzjoni inklussiva tindirizza u tirrispondi għad-diversità tal-bżonnijiet tal-istudenti kollha permezz ta' parteċipazzjoni akbar fit-tagħlim, il-kulturi u l-valuri komunitarji, u għalhekk tirrappreżenta għodda b'saħħitha fil-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali;

T.  billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fuq quddiem nett fil-ħidma kontra l-faqar fost it-tfal u l-isfruttament tagħhom u għalhekk għandhom responsabbiltà kruċjali fil-prevenzjoni tal-marġinalizzazzjoni u l-esklużjoni soċjali u billi dawn għandhom jiġu pprovduti b'mezzi suffiċjenti mill-awtoritajiet nazzjonali biex jilħqu dawn l-għanijiet, kull meta jkun xieraq;

U.  billi l-infiq fuq l-ispejjeż tal-edukazzjoni, speċjalment fir-rigward ta' materjali skolastiċi u t-trasport, essenzjalment jitħallas mill-familji fil-maġġoranza tal-pajjiżi; billi dan l-infiq hu wieħed mill-fatturi li jikkontribwixxu għat-tluq bikri mill-iskola; billi għad hemm ostakli finanzjarji, amministrattivi u ostakli prattiċi oħrajn għall-edukazzjoni għal tfal minn gruppi emarġinati;

V.  billi l-ambjent soċjoekonomiku li jgħixu fih it-tfal jaffettwa l-kwalità ta' ħin mgħoddi fl-iskola u l-kwalità tal-ħin matul il-vaganzi skolastiċi, u billi livell baxx ta' stimulazzjoni waqt il-ħin liberu għandu l-effett mhux mixtieq li jżid id-differenzi bejn it-tfal, speċjalment fl-edukazzjoni tagħhom;

W.  billi, fl-2012, ir-rata medja ta' tluq bikri mill-iskola kienet 13 % għall-UE u aktar minn 20 % f'xi pajjiżi (il-Portugall, Spanja u Malta)(17);

X.  billi, anki f'pajjiżi fejn id-dritt għas-saħħa huwa mnaqqax fil-liġi, hemm ħafna tfal li ma għandhomx aċċess għal kura tas-saħħa xierqa, filwaqt li hemm xi tfal li għandhom aċċess estremament limitat għal servizzi lil hinn mill-kura ta' emerġenza, bħal dawk għal tabib tal-mediċina ġenerali jew dentist, partikolarment minħabba n-nuqqas ta' servizzi pubbliċi disponibbli; billi t-tfal imwielda fil-faqar huma f'riskju akbar li jiġu affettwati b'mard kroniku u li jkollhom aktar problemi ta' saħħa, li jwassal għat-tkomplija tal-inugwaljanza;

Y.  billi l-problemi finanzjarji tal-familji jikkontribwixxu għal żieda fil-problemi ta' saħħa mentali fil-ġenituri u għal każijiet ta' tkissir tal-familja, u dan għandu riperkussjonijiet evidenti fuq il-benessri psikoloġiku u soċjali tat-tfal;

Z.  billi l-ambjent li jgħixu fih it-tfal, inkluż il-perjodu ta' qabel it-twelid, għandu influwenza deċiżiva fuq l-iżvilupp tas-sistema konjittiva, fuq il-komunikazzjoni u l-lingwa, u fuq il-ħiliet soċjali u emozzjonali, li jkollhom impatt fuq is-saħħa, il-benessri, il-parteċipazzjoni fil-komunitajiet u l-kapaċitajiet ta' tagħlim(18);

AA.  billi t-tfal kollha għandhom id-dritt li jkunu protetti mill-abbuż, il-vjolenza u n-negliġenza u billi r-riċerka kkonkludiet li l-pressjoni finanzjarja fil-familji, it-tnaqqis fis-servizzi pubbliċi u żieda fil-faqar jistgħu jwasslu għal vjolenza akbar kontra t-tfal;

AB.  billi l-faqar fost it-tfal huwa fenomenu multidimensjonali li jeħtieġ rispons multidimensjonali; billi l-impjieg huwa fattur importanti, iżda mhux dejjem jiggarantixxi ħelsien mill-faqar għall-familja tat-tfal ikkonċernati;

AC.  billi l-faqar fost it-tfal għandu piż ekonomiku kbir fuq soċjetajiet, partikolarment rigward infiq akbar fuq l-appoġġ soċjali;

AD.  billi huwa aktar probabbli li l-familji li jgħixu f'riskju ta' faqar ikunu jgħixu f'żoni mhux sanitarji u mhux sikuri, u billi 17 % tat-tfal fl-UE28 għadhom jgħixu f'tali kundizzjonijiet, bi 15-il pajjiż aktar mill-medja; billi n-numru dejjem jikber ta' tkeċċija minħabba l-inabbiltà li jitħallsu l-ispejjeż tad-djar wassal biex it-tfal ikollhom imorru jgħixu f'kundizzjonijiet ta' abitazzjoni dejjem aktar instabbli li mbagħad ikollhom impatti negattivi fuq l-iżvilupp u l-opportunitajiet tal-ħajja tat-tfal;

AE.  billi, skont l-Istatistika Ewropea dwar l-Introjtu u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (EU SILC) tal-Eurostat, 2012, il-faqar enerġetiku huwa realtà li taffettwa l-Istati Membri kollha; billi wieħed mill-konsegwenzi taż-żieda fil-prezz tal-enerġija jfisser li ħafna tfal jgħixu fi djar mingħajr tisħin, u billi dan iżid in-numru ta' mard respiratorju u kardjovaskolari;

AF.  billi familji bi tfal bi problemi ta' saħħa, u bl-istess mod ġenituri li jkollhom problemi ta' saħħa, aktar spiss jiffaċċjaw ir-riskju tal-faqar, it-tkissir tal-familja u diffikultà biex jistabbilixxu lilhom infushom fis-suq tax-xogħol;

AG.  billi l-aġenda li jmiss ta' wara l-2015tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u l-universalità tagħha tipprovdi opportunità biex jiżdiedu l-investimenti fit-tfal u d-drittijiet tagħhom;

AH.  billi t-tfal migranti huma rappreżentati żżejjed fil-grupp f'riskju ta' faqar u hemm aktar diskriminazzjoni kontrihom minħabba ostakli lingwistiċi, u billi s-sitwazzjoni hija agħar għat-tfal ta' immigranti illegali; billi, bl-intensifikazzjoni tal-flussi migratorji, attwalment hemm numru dejjem jikber ta' każijiet li fihom it-tfal ta' immigranti jibqgħu fil-pajjiż tat-twelid tagħhom taħt il-kura ta' membri oħra tal-familja jew ta' partijiet terzi, u billi dan għandu influwenza negattiva fuq l-iżvilupp tat-tfal, b'mod partikolari fil-livell emozzjonali;

AI.  billi l-enfasi qawwija ta' politika fuq il-faqar fost it-tfal fis-snin reċenti fi ħdan l-UE u d-dikjarazzjonijiet politiċi ta' appoġġ mill-Kapijiet ta' Stat tal-UE għadhom ma wasslux għal tnaqqis sinifikanti fil-livelli ta' faqar fost it-tfal;

AJ.  billi għandu jkun hemm appoġġ finanzjarju akbar għal programmi ta' għajnuna għall-ikel immirati lejn il-familji żvantaġġati, peress li numru dejjem jikber ta' tfal ikollhom aċċess għall-ikel fl-iskola biss; billi dawn il-programmi huma importanti, iżda ma jistgħux jitqiesu bħala soluzzjoni fit-tul;

AK.  billi kwistjonijiet ambjentali bħat-tniġġis, it-traffiku, l-art kontaminata u l-ilma mhux tajjeb għax-xorb ta' spiss jaffettwaw b'mod sproporzjonat it-tfal li jgħixu fil-faqar.

1.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri biex jieħdu impenn reali billi jiżviluppaw politiki li jiġġieldu l-faqar tat-tfal li l-enfasi tagħhom tkun li jikkoreġu fatturi li jaffettwaw il-faqar tat-tfal u jżidu l-effikaċja, il-kwantità, l-ammonti u l-ambitu tal-appoġġ soċjali dirett speċifikament lejn it-tfal, iżda anke lejn il-ġenituri li huma qiegħda u l-fenomenu tal-ħaddiema fqar (bħall-benefiċċji tal-qgħad u introjtu minimu adegwat) u biex jippromwovu liġijiet tax-xogħol li jiggarantixxu d-drittijiet soċjali inkluż paga minima adegwata statutorja bi qbil mal-prattiki nazzjonali u l-ftehimiet kollettivi, li tipprovdi aktar sigurtà lill-familji u tiġġieled l-impjieg prekarju, filwaqt li jippromovu x-xogħol bi drittijiet soċjali adegwati;

2.  Jitlob li jkun hemm monitoraġġ u evalwazzjoni tal-effikaċja ta' dan l-appoġġ, sabiex jiġu adattati l-politiki għall-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni u t-tluq bikri mill-iskola għall-ħtiġijiet eżistenti ta' ugwaljanza soċjali; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżviluppaw u japplikaw proċessi ta' ġbir ta' evidenza differenti adatti għal kull stadju tal-intervent;

3.  Jirrakomanda li l-Kummissjoni tistabbilixxi mal-Istati Membri pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-approċċ fuq tliet pilastri li hemm fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 'Ninvestu fit-tfal: Niksru ċ-Ċiklu tal-Iżvantaġġ' f'termini ta' aċċess għar-riżorsi, is-servizzi u l-parteċipazzjoni tat-tfal; iqis li, sabiex ikun hemm riżultati aħjar b'approċċ fuq tliet pilastri, ikun utli li jiġu żviluppati indikaturi preċiżi u speċfiċi tal-livell tal-faqar tat-tfal u tal-oqsma l-aktar affettwati minn dan il-fenomenu; jistieden lill-Istati Membri jintegraw b'mod effettiv aspetti rilevanti tal-Pakkett tal-Investiment Soċjali u r-rakkomnadazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma u r-Rapporti Soċjali Nazzjonali b'mod komprensiv u jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mira sekondarja tal-Ewropa 2020 dwar it-tnaqqis tal-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali, u sabiex tara li l-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali jkunu viżibbli u espliċiti fl-istadji kollha tas-Semestru Ewropew, biex tinkludi f'kull Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir taqsima speċifika b'mira vinkolanti dwar il-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal u l-promozzjoni tal-benessri tat-tfal, u biex tinkorpora fokus espliċitu dwar it-tfal u ż-żgħażagħ fis-'Semestru Ewropew'; jenfasizza li t-tnaqqis tal-faqar fost it-tfal permezz tal-investiment fit-tfal għandu jkun propost bħala prijorità ewlenija għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2016, u bħala mezz ewlieni għall-progress fuq il-mira tal-faqar; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura monitoraġġ u rappurtar annwali mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni permezz tal-pjan direzzjonali u biex tuża l-Fond Soċjali Ewropew sabiex timplimenta r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u twettaq valutazzjoni tal-effetti fuq il-faqar ta' riformi proposti fi ħdan il-Programmi ta' Riforma Nazzjonali;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw ukoll, fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu l-faqar fost it-tfal, il-pożizzjoni tan-nisa li jieħdu ħsieb it-tfal u l-membri tal-familja bi bżonnijiet speċjali u b'diżabilità;

5.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri, meta jużaw ir-riżorsi tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropew u jiżviluppaw politiki soċjali, għandhom jiddedikaw aktar attenzjoni biex jipproteġu l-familji (speċjalment familji b'ġenitur wieħed) bi tfal bi problemi ta' saħħa kontra l-faqar;

6.  Itenni l-importanza ta' politiki pubbliċi preventivi li jinvestu f'politiki intelliġenti għall-benesseri tat-tfal u li jappoġġaw l-iżvilupp ta' individwi awtonomi biex ikunu kapaċi jintegraw fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol, pjuttost milli politiki li jiffokaw fuq il-konsegwenzi tal-esklużjoni soċjali u l-faqar fost it-tfal;

7.  Iqis li mingħajr ma tiġi traskurata l-ħtieġa ta' appoġġ lit-tfal li huma foqra, li telqu kmieni mill-iskola jew huma esklużi soċjalment, il-politiki li jappoġġaw it-tfal u ż-żgħażagħ għandhom ikunu mmarkati bis-sħiħ mill-prevenzjoni, inklużi strateġiji fit-tul għall-ġlieda kontra l-inugwaljanza soċjali;

8.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jimplimentaw jew itejbu benefiċċji soċjali universali immirati lejn it-tfal, bħall-għoti ta' ikliet sussidjati jew mingħajr ħlas għalihom, speċjalment għat-tfal żvantaġġati u dawk foqra, sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp b'saħħtu tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri attivi dwar l-impjiegi bħala parti minn strateġiji u politiki komprensivi biex jappoġġaw l-aċċess tal-ġenituri għal impjiegi ta' kwalità tajba u introjtu adegwat, u aċċess għal servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja (partikolarment il-kura tat-tfal, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-akkomodazzjoni, u l-attivitajiet ta' divertiment), li jiffaċilitaw l-allinjament tal-ħajja professjonali ma' dik tal-familja kif ukoll biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tat-tfal u l-familji tagħhom fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' dawn il-politiki; jenfasizza li soluzzjonijiet universali għandhom jinqgħaqdu flimkien ma' miżuri ffukati biex jappoġġaw il-gruppi ta' tfal u adolexxenti l-aktar vulnerabbli u marġinalizzati; jiddispjaċih għat-tendenza dejjem tikber ta' gvernijiet tal-Istati Membri li jitbiegħdu minn politiki ta' appoġġ universali u jmorru lejn appoġġ ibbażat fuq ittestjar akbar tal-meżżi billi l-evidenza turi li l-politiki ta' appoġġ universali joffru protezzjoni aħjar kontra l-faqar fost it-tfal(19);

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jaqblu dwar standards tal-UE, jew jistabbilixxu metodoloġija maqbula għad-determinazzjoni tal-kost tat-trobbija ta' tarbija u biex jiġu definiti riżorsi adegwati għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm lura milli tirrakkomanda tfassil mill-ġdid u tnaqqis fis-servizzi pubbliċi tal-Istati Membri, milli tippromwovi relazzjonijiet tax-xogħol flessibbli u l-privatizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, li wasslu b'mod inekwivoku sabiex jiddgħajfu d-drittijiet soċjali tat-tfal;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni tenfasizza l-bżonn ta' investimenti fis-settur tal-edukazzjoni pubblika mingħajr ħlas, billi tfassal metodi ta' tagħlim speċifiċi għall-aktar gruppi soċjalment vulnerabbli bħall-immigranti jew persuni b'diżabilitajiet ta' tipi differenti. iqis li l-edukazzjoni tista' tkun element ewlieni u ta' prijorità sabiex it-tfal jiksbu l-kompetenzi li jistgħu jippermettulhom li jkollhom aċċess għal postijiet tax-xogħol kwalifikati u mħallsa tajjeb, billi dan jippermettilhom jwittu t-triq mis-sitwazzjonijiet ta' faqar għalihom infushom.

12.  Ifakkar li l-indirizzar tal-faqar fost it-tfal jitlob l-adozzjoni ta' approċċ ta' ċiklu tal-ħajja li jinkludi t-tkissir taċ-ċiklu interġenerazzjonali tar-riskji tal-faqar, li jirrifletti l-ħtiġijiet differenti tat-tfulija bikrija, it-tfulija primarja u l-adoloxxenza, filwaqt li japplika approċċ orjentat lejn it-tfulija kollha kemm hi billi jitkejjel l-għadd ta' deprivazzjonijiet li jesperjenzaw kull tifel u tifla b'mod simultanju, b'hekk jiġu żvelati dawk l-aktar imċaħħda, u jitkejjel mhux biss il-faqar monetarju imma wkoll id-deprivazzjonijiet multidimensjonali;

13.  Jirrakkomanda li t-tfal kollha jkollhom aċċess għal servizzi ta' kwalità tajba f'dan l-istadju kruċjali fl-iżvilupp tagħhom; iqis li s-saħħa, l-edukazzjoni, l-appoġġ tal-ġenituri u l-familja, l-akkomodazzjoni u l-protezzjoni huma servizzi ewlenin li ta' spiss jingħataw mill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

14.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw, jimplimentaw u jimmonitorjaw il-pjanijiet sabiex jittaffa l-faqar multidimensjonali fost it-tfal, titqiegħed enfasi fuq id-drittijiet intrinsiċi tat-tfal, u jiġu stabbiliti miri għat-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal b'enfasi espliċita fuq, u bi prijoritizzazzjoni ta', dawk it-tfal li jgħixu fl-ogħla riskji ta' faqar; ifakkar l-importanza għall-Istati Membri li jipprovdu, għall-inqas fil-livelli ta' qabel il-kriżi, in-nefqa reali dwar il-protezzjoni soċjali, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-akkomodazzjoni soċjali għall-benefiċċju tal-aktar tfal żvantaġġati;

15.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu pjanijiet sabiex itaffu s-sens ta' esklużjoni soċjali tat-tfal b'diżabilità intellettwali, billi jistabbilixxu moduli ta' taħriġ aktar effikaċi li jiffaċilitaw il-proċessi ta' tagħlim tagħhom;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu li l-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal huma ostakli ċentrali li jridu jingħelbu jekk iridu jilħqu l-miri tal-Ewropa 2020 fir-rigward tar-rata tal-impjiegi, l-investiment fir-riċerka, l-iżvilupp, l-enerġija u l-iżvilupp sostenibbli;

17.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiddedikaw aktar attenzjoni għall-ħolqien u d-disponibbiltà ta' klima favorevoli barra mill-iskola fejn it-tfal ikunu jistgħu jqattgħu l-ħin tagħhom b'mod sinifikanti u stimolanti barra l-ħinijiet tal-iskola u matul il-vaganzi skolastiċi, u biex jiddedikaw attenzjoni akbar għad-disponibbiltà ta' kura tas-saħħa bażika għat-tfal f'żoni żvantaġġati u f'reġjuni remoti u inaċċessibbli;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jevitaw li jiżolaw f'gettos lil tfal li qed jesperjenzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali, billi jintroduċu standards minimi għall-akkomodazzjoni tat-tfal, filwaqt li jikkunsidraw l-aħjar interessi tat-tfal u billi jiggarantixxu akkomodazzjoni f'dar xierqa li tissodisfa l-bżonnijiet tagħhom u tiżgura l-benessri tagħhom, il-privatezza u l-kwalità tal-ħajja, u b'hekk jikkontribwixxu għall-kisba tal-ġustizzja soċjali u l-koeżjoni u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Parlament jieħdu l-opportunità pprovduta mir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali biex jagħmlu użu aħjar mill-Fond Soċjali Ewropew u l- Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn u l-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali u biex jiċċekkjaw jekk it-tfal humiex prijorità fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-politiki reġjonali u ta' koeżjoni, b'attenzjoni partikolari għall-obbligu li jitwaqqgħu gradwalment istituzzjonijiet residenzjali kbar (infurzabbli mill-2014), sabiex jissaħħaħ l-istatus ta' ġenituri adottivi u tar-rispett biex b'hekk orfni u tfal żvantaġġati jistgħu attwalment jikbru f'ambjent ta' familja jew f'ambjent tipiku ta' familja; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni toħloq indikaturi li janalizzaw il-faqar fost it-tfal;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw jekk l-istrateġiji bbażati fuq l-ikel bħad-diversifikazzjoni tad-dieta u t-tisħiħ tal-ikel, kif ukoll l-edukazzjoni dwar in-nutrizzjoni, is-saħħa pubblika u l-miżuri tas-sikurezza tal-ikel, u finalment is-supplimentazzjoni, għandhomx jiġu indirizzati għal gruppi partikolari tal-popolazzjoni sabiex jimpedixxu l-effetti negattivi ta' malnutrizzjoni jew nuqqas ta' nutrizzjoni fuq is-saħħa tat-tfal;

21.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra l-proposti li jinsabu fl-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew intitolata "Lejn azzjoni Ewropea kkoordinata biex jiġi evitat u miġġieled il-faqar enerġetiku" u tingħata spinta lill-adozzjoni urġenti ta' Impenn Ewropew għal Sigurtà u Solidarjetà Enerġetika u f'dan il-kuntest, jinħoloq osservatorju Ewropew u fond Ewropew speċifikament iddedikati għall-eradikazzjoni tal-faqar enerġetiku;

22.  Jirrakkomanda li l-baġits nazzjonali tal-Istati Membri jkun fihom dispożizzjonijiet viżibbli, trasparenti, parteċipattivi u b'responsabbiltà għall-approprijazzjonijiet u l-ispejjeż biex jiġi miġġieled il-faqar fost it-tfal u biex iwettqu d-dmir tagħhom li jipproteġu t-tfal, inkluż ukoll żieda fl-infiq pubbliku sabiex jintlaħqu dawn il-miri; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-akbar użu tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropew, partikolarment il-Fond Soċjali Ewropew, sabiex jimplimentaw it-tliet pilastri li jinvestigaw ir-rakkomnadazzjoni dwar it-tfal;

23.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida li jappoġġaw il-parteċipazzjoni tat-tfal fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet, b'hekk tistabbilixxi mekkaniżmi li jippromwovu l-parteċipazzjoni tat-tfal fit-teħid ta' deċiżjonijiet li jaffettwaw ħajjithom u li jippermettu u jinkoraġġixxu lit-tfal jesprimu fehmiet infurmati, filwaqt li jiżguraw li dawk il-fehmiet jingħataw importanza xierqa u jkunu riflessi fid-deċiżjonijiet ewlenin li jaffettwawhom;

24.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu miri għat-tnaqqis tal-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali;

25.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw, fejn meħtieġ, ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' entitajiet u istituzzjonijiet li jippromwovu l-edukazzjoni, it-taħriġ kulturali jew sportivi, u l-integrazzjoni tat-tfal, u li jiġġieldu l-faqar tagħhom; jirrakkomanda, madankollu, li l-Istati Membri jiżguraw is-superviżjoni, il-kwalità, is-sostenibbiltà u r-rilevanza ta' dan l-appoġġ, kif ukoll tar-riżultati attwali tiegħu;

26.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw leġiżlazzjoni speċifika li tipproteġi u żżid id-drittijiet tal-maternità u l-paternità, anke permezz tal-implimentazzjoni ta' strumenti effikaċi ta' konċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-familja, u li tissalvagwardja r-ritorn lejn ix-xogħol għan-nisa wara l-liv tat-tqala u tal-maternità, u tappoġġa l-familji b'ġenitur wieħed; jenfasizza, barra minn hekk, li t-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni dwar il-liv tal-paternità jagħti spinta importanti fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bejn is-sessi b'pagi differenti fuq il-post tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li t-trattament inugwali u l-fastidju tal-impjegati ma jistax jiġi ġġustifikat mill-impjegaturi b'referenza għal tqala, trobbija tat-tfal jew kwistjonijiet relatati mal-familja;

27.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżviluppaw politiki soċjali proattivi, universali u integrati li jimpedixxu l-faqar u t-tneħħija tat-tfal mill-ambjent familjari tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-istituzzjonalizzazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ tintuża biss bħala l-aħħar għażla, f'ċirkustanzi eċċezzjonali, u li jintużaw il-fondi strutturali tal-UE u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi biex tiġi sostnuta t-tranżizzjoni minn servizzi istituzzjonali għal dawk tal-familja u għal servizzi bbażati fil-komunità;

28.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jitbiegħdu mill-kura istituzzjonali favur sistemi stabbli ta' foster care li jippreparaw aħjar lit-tfal u ż-żgħażagħ għal ħajja indipendenti, tagħlim kontinwu jew xogħol;

29.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw sistemi integrati ta' protezzjoni tat-tfal biex iħarsu lit-tfal kontra l-vjolenza, l-abbuż, l-isfruttament u t-traskuraġni b'mod li jiġi żgurat li dawk li huma responsabbli u l-komponenti tas-sistema jaħdmu flimkien fis-setturi u l-aġenziji billi jaqsmu r-responsabbiltajiet biex jiffurmaw ambjent protettiv u jagħtu awtonomija lit-tfal kollha;

30.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu politiki li jiffaċilitaw il-ħolqien u ż-żamma ta' postijiet tax-xogħol diċenti kif ukoll jiżviluppaw sistemi għat-taħriġ, b'hekk itejbu l-kwalifiki u l-kumditajiet bħal telexogħol jew ħin flessibbli li jiffaċilitaw id-dħul jew ir-ritorn tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol wara waqfa fil-karriera professjonali tagħhom;

31.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-aġenziji tal-UE, lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u lil partijiet interessati oħra biex jiżviluppaw rwoli, responsabbiltajiet, djalogu regolari u proċeduri ċari applikati meta t-tfal ikunu fil-bżonn ta' protezzjoni f'sitwazzjonijiet transkonfinali;

32.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jiggarantixxu li t-tfal kollha jingħataw aċċess għal edukazzjoni pubblika, inklussiva u ta' kwalità mingħajr ħlas fl-etajiet kollha, inkluż edukazzjoni u kura fit-tfulija bikrija, kif ukoll edukazzjoni formali u mhux formali, filwaqt li jippromovu l-iżvilupp emozzjonali, soċjali, konjittiv u fiżiku tagħhom, u jistabbilixxu proporzjonijiet xierqa bejn l-għalliema u l-istudenti u jippromovu taħlit soċjali fl-edukazzjoni sabiex jissalvagwardaw is-sikurezza u l-benessri tat-tfal, ikun żgurat li t-tfal kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw minn edukazzjoni inklussiva ta' kwalità għolja u għalhekk jimmassimizzaw l-impatt tas-sistemi ta' edukazzjoni fuq l-opportunitajiet indaqs u jkissru ċ-ċiklu tal-faqar;

33.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-kwalità tas-servizzi edukattivi offruti permezz ta' approċċ individwali u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni fost l-għalliema, il-ħaddiema soċjali u l-ġenituri sabiex jiġi evitat li t-tfal u ż-żgħażagħ itemmu l-edukazzjoni tagħhom;

34.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-iżvilupp ta' edukazzjoni u kura affordabbli u aċċessibbli fit-tfulija bikrija (ECEC), u jirrikonoxxuha bħala investiment soċjali bl-għan li tindirizza l-inugwaljanza u l-isfidi partikolarment dawk li jiltaqgħu magħhom it-tfal minn familji żvantaġġati, kif ukoll biex iżidu l-għarfien tal-ġenituri dwar il-benefiċċji ta' parteċipazzjoni attiva fil-programmi ECEC;

35.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu skola inklużiva, li għandha tinvolvi mhux biss iż-żieda fl-għadd ta' għalliema tal-edukazzjoni speċjali, iżda wkoll l-integrazzjoni ta' tfal bi bżonnijiet edukattivi speċjali fi klassijiet normali;

36.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu aċċess universali u ugwali għal crèches u preprimarji għat-tfal mill-gruppi soċjali kollha;

37.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu parteċipazzjoni sħiħa tat-tfal kollha billi jipprovdu materjali skolastiċi, ikliet nutrittivi u t-trasport meħtieġ għall-iskola għat-tfal fqar jew f'riskju ta' faqar, iżidu l-effikaċja tal-investimenti pubbliċi preżenti fis-settur u jiġġieldu kontra t-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-faqar b'mod aktar effettiv;

38.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiggarantixxu kura tas-saħħa universali, pubblika, mingħajr ħlas u ta' kwalità fir-rigward tal-prevenzjoni, il-programmi ta' immunizzazzjoni u l-kura primarja, l-aċċess għal dijanjożi, it-trattament u r-rijabilitazzjoni, u jipprovdu terapiji tad-diskors u psikoloġiċi għat-tfal, jiggarantixxu lin-nisa d-dritt għas-saħħa sesswali u riproduttiva billi tiġi żgurata l-kura tas-saħħa għat-trabi, il-kura tal-maternità u ż-żjarat fid-dar fil-perjodu ta' kura ta' qabel u wara t-twelid, partikolarment fil-każ ta' twelid qabel iż-żmien, l-aċċess għal tobba tal-familja, infermiera, dentisti, servizzi tal-counseilling għall-familja, speċjalisti tas-saħħa mentali għat-tfal kollha u l-familji tagħhom; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jintegraw dawn l-aspetti fl-istrateġiji tas-saħħa pubblika nazzjonali u tal-UE;

39.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jipprovdu l-appoġġ meħtieġ biex jiżguraw id-dritt għall-kultura, l-isport u d-divertiment, aċċess għal spazji miftuħa u għal ambjent san għat-tfal kollha, b'enfasi fuq l-iżgurar ta' aċċess ugwali u ta' kwalità għat-tfal fil-faqar, it-tfal f'żoni remoti, it-tfal b'diżabilitajiet, tfal minn minoritajiet nazzjonali, etniċi, reliġjużi, lingwistiċi jew tfal migranti, tfal li jiċċaqalqu fl-UE irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom u t-tfal li tħallew fil-pajjiż; ifakkar id-dritt għar-rikreazzjoni kif stabbilit fil-UNCRC;

40.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' protezzjoni msaħħa tat-tfal li jesperjenzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali mill-vjolenza domestika;

41.  Jistieden lill-Istati Membri, b'mod partikolari dawk fejn l-inugwaljanzi soċjali huma akbar, biex isaħħu d-drittijiet soċjali u l-aċċess għal servizzi u l-protezzjoni soċjali, li għandhom jiġu ggarantiti mill-Istat, billi jiżdied in-numru ta' impjegati u professjonisti fis-servizzi tas-sigurtà soċjali li jaħdmu mat-tfal u għat-tfal u l-familji tagħhom, u tiżdied il-kura medika, psikoloġika u soċjali tat-tfal billi tiġi indirizzata lejn dawk l-aktar fil-bżonn, b'mod partikolari lejn it-tfal u b'approċċ ta' intervent bikri;

42.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi li jippromwovu u jiżguraw il-parteċipazzjoni tat-tfal fit-teħid ta' deċiżjonijiet li jaffettwaw ħajjithom u biex jippermettu u jinkoraġġixxu lit-tfal jesprimu fehmiet infurmati, jiżguraw li dawk il-fehmiet jingħataw importanza xierqa u jkunu riflessi fid-deċiżjonijiet ewlenin li jaffettwawhom;

43.  Jirrikonoxxi r-rwol tas-soċjetà ċivili, inklużi d-drittijiet tat-tfal u l-organizzazzjonijiet kontra l-faqar, biex tiġi żgurata l-koerenza politika tal-UE, u jitlob għal djalogu ċivili aktar b'saħħtu dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal fl-Istati Membri;

44.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel ir-rata tat-tluq bikri mill-iskola u l-indirizzar tal-faqar fost it-tfal prijorità espliċita fis-Semestru Ewropew u l-governanza ta' Ewropa 2020 u tinkludi indikatur speċifiku fuq it-tfal f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali fid-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja;

45.  Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jipparteċipaw b'mod attiv fil-ġlieda kontra t-traffikar tat-tfal għal kwalunkwe forma ta' sfruttament, inkluż ix-xogħol, iż-żwieġ furzat, l-adozzjoni illegali, l-attivitajiet illegali u l-isfruttament sesswali;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw il-funzjonament tan-netwerks Ewropej u transnazzjonali għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni fost it-tfal u ż-żgħażagħ; iwissi li l-integrazzjoni tar-reġjuni l-aktar imbiegħda u r-reġjuni l-aktar żvantaġġati f'dawn in-netwerks u l-istituzzjonijiet għandha tkun appoġġata b'mod partikolari;

47.  Iqis id-dritt għal sistemi ta' edukazzjoni, saħħa u sigurtà soċjali bla ħlas u universali bħala kundizzjonijiet bażiċi biex jiġi miġġieled il-faqar, partikolarment fost it-tfal; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, b'dan l-objettiv quddiemu, u minħabba li s-servizzi pubbliċi ddgħajfu, biex jintroduċu garanzija tat-tfal b'fond speċifiku għaliha sabiex it-tfal kollha fil-faqar jista' jkollhom aċċess għal kura tas-saħħa mingħajr ħlas, edukazzjoni mingħajr ħlas, kura tat-tfal mingħajr ħlas, djar diċenti u nutrizzjoni adegwata bħala parti mill-pjan ta' integrazzjoni Ewropea li jiġġieled il-faqar tat-tfal u li jinkludi kemm il-Garanzija tat-Tfal kif ukoll programmi li joffru sostenn u opportunitajiet għall-ġenituri li joħorġu minn sitwazzjonijiet ta' esklużjoni soċjali u jintegraw fis-suq tax-xogħol;

48.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw, permezz tal-muniċipalitajiet tagħhom, ċentri lokali għall-appoġġ tat-tfal u l-familji tagħhom, b'mod partikolari fil-komunitajiet u/jew żoni l-aktar milquta mill-kwistjoni tal-faqar fost it-tfal, biex jipprovdu mhux biss għal għajnuna legali u/jew parir, parir għall-ġenituri u appoġġ fl-iskola, iżda wkoll għall-edukazzjoni u gwida dwar stil ta' ħajja b'saħħtu u dwar l-użu sikur tal-internet, fost affarijiet oħra;

49.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw metodi ta' statistika li jintegraw l-indikaturi multidimensjonali, disaggregati skont l-età, il-ġeneru u gruppi żvantaġġati partikolari, fil-kejl tal-faqar, l-esklużjoni soċjali, l-inugwaljanzi, id-diskriminazzjoni u l-benessri tat-tfal (l-introjtu tal-ġenituri, l-aċċess għas-servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja, il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet soċjali u kulturali, l-aċċess għal servizzi ta' edukazzjoni formali u informali adegwati, l-espożizzjoni għar-riskju fiżiku, is-sikurezza, ambjent stabbli tal-familja u l-livell ta' sodisfazzjon tal-ħajja) u biex jinfurmaw l-iżvilupp tal-politika bbażata fuq evidenza sabiex jitqiesu l-limitazzjonijiet tal-kejl tal-faqar relattiv u l-ħidma tal-UNDP, l-UNICEF u l-OECD, u s-Sottogrupp tal-Indikaturi tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, li jmorru lil hinn mill-indikaturi AROPE (f'riskju ta' faqar u/jew ta' esklużjoni soċjali); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw risposti bbażati fuq approċċ komprensiv u biex jagħmlu użu sħiħ tad-data miġbura taħt inizjattivi bħall-Multi-Overlapping Deprivation Analysis (MODA) żviluppata mill-UNICEF; jenfasizza li aktar indikaturi għandhom jiġu żviluppati biex itejbu l-valutazzjoni tal-kwalità tas-servizzi, ir-riżultati u l-aċċess għas-servizzi, pereżempju fir-rigward tal-istatus soċjo-ekonomiku u l-isfond tal-ġenituri (migranti jew minoranza), sess, diżabilità u l-aspetti ġeografiċi;

50.  Jistieden lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni jabbozzaw opinjonijiet dwar l-investiment fit-tfal;

51.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1)

ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 24.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2014)0070.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2013)0328.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2013)0266.

(5)

ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 57.

(6)

ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 77.

(7)

ĠU C 199E, 7.7.2012, p. 25.

(8)

ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 8.

(9)

ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 11.

(10)

ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 24.

(11)

Netwerk ta' Esperti Indipendenti dwar l-Inklużjoni Soċjali, Rapport ta' sinteżi Investing in children: Breaking the cycle of disadvantage – A study of national policies' (L-Investiment fit-tfal:Niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ - Studju ta' politiki nazzjonali), Brussell, 2014.

(12)

Save the Children, 'Child Poverty and Social Exclusion in Europe' (Il-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali fl-Ewropa), Brussell, 2014, p. 5

(13)

Save the Children, 'Child Poverty and Social Exclusion in Europe' (Il-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali fl-Ewropa), Brussell, 2014, p. 5

(14)

Uffiċċju tar-Riċerka tal-UNICEF (2014) "Children of the Recession: The impact of the economic crisis on child well-being in rich countries" (Tfal tar-Riċessjoni: L-impatt tal-kriżi ekonomika fuq il-benessri tat-tfal f'pajjiżi sinjuri), Karta tar-Rapport Innocenti 12, Uffiċċju tar-Riċerka tal-UNICEF, Firenze, paġna 2

(15)

'Child Poverty and Social Exclusion in Europe' (Il-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali fl-Ewropa), Brussell, 2014, p. 14

(16)

Rapport tal-Kummissjoni Ewropea bit-titolu 'Study regarding funds for implementing policy regarding child poverty (Studju dwar il-fondi għall-implimentazzjoni tal-politika dwar il-faqar fost it-tfal) 2008, p. 9

(17)

EU-SILC (2013) Statistics on Income and Living Conditions (Statistika tal-UE dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien)

(18)

Drivers, 2014, 'Universal, quality early childhood programmes that are responsive to need promote better and more equal outcomes in childhood and later life' (Programmi universali ta' kwalità tat-tfulija bikrija li jirrispondu għal bżonn li jiġu promossi riżultati aħjar u aktar ugwali fit-tfulija u aktar tard fil-ħajja).

(19)

(Ibbażat fuq ir-riċerka tal-Eurofound)


NOTA SPJEGATTIVA

Skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, it-tfal kollha għandhom jiġu garantiti d-dritt għall-edukazzjoni, servizzi tas-saħħa, dar, protezzjoni, li jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet li jaffettwawhom, divertiment u ħin liberu, dieta bilanċjata u li jitrabbew fi ħdan familja. Madankollu, fi ħdan l-UE, il-Konvenzjoni hija 'l bogħod milli tkun issodisfata.

Fil-fatt, ir-rapporti kollha jippuntaw lejn żieda fil-faqar fost it-tfal fl-Ewropa. Bejn l-2008 u l-2012, in-numru ta' tfal f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali fl-Ewropa (UE27+in-Norveġja, l-Islanda u l-Isvizzera) żdied bi kważi miljun, b'żieda ta' nofs miljun bejn l-2011 u l-2012 biss(1); ir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali żdied bejn l-2008 u l-2012 minn 26.5 % għal 28 % (20.8 % tat-tfal għexu f'familji b'introjtu disponibbli taħt 60 % tal-medja nazzjonali, 9 % għexu fi djar b'intensità tax-xogħol baxxa ħafna u 11.8 % fi djar bi privazzjoni materjali); fl-2013, skont id-data tal-Eurostat mill-2013, 26.5 miljun tifel u tifla fl-UE28 kienu f'riskju ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali. Madankollu, meta titqies id-data tal-UNICEF, li tgħaqqad data mill-Eurostat mal-OECD, instab li, bejn l-2008 u l-2013, 1.6 miljun tifel u tifla kienu qed jgħixu fi privazzjoni materjali serja fi 30 pajjiż fl-Ewropa(2).

Huwa allarmanti li l-perċentwal tat-tfal li jgħixu f'faqar assolut u fit-tul (aktar minn 3 snin) qed jiżdied u li f'pajjiżi bħall-Estonja, il-Greċja u l-Italja, il-perċentwal ta' tfal li ma jistgħux jieklu laħam, tiġieġ jew ħut jumejn wara xulxin irdoppja mill-2008.

Il-faqar fost it-tfal qed jikber flimkien maż-żieda fl-inugwaljanzi soċjali u huwa magħruf li l-pajjiżi b'livelli ogħla ta' inugwaljanza soċjali għandhom aktar probabbiltà li jkollhom livelli għoljin ta' faqar u esklużjoni soċjali fost it-tfal. Id-"distakk fil-faqar", li jkejjel id-distanza bejn il-linja tal-faqar u l-introjtu ta' persuni li jgħixu taħt din il-linja, żdied, li jindika li l-faqar intensifika. Fl-UE27, mill-2008 il-perċentwal ta' tfal li jgħixu fil-faqar u li l-ġenituri tagħhom għandhom livell aktar baxx ta' edukazzjoni żdied minn 55.3 % għal 61 %, u żdied b'0.5 % biss għal tfal b'ġenituri li għandhom edukazzjoni ogħla(3). Huwa magħruf ukoll li fl-UE, it-tfal imwielda fl-inħawi jew reġjuni ekonomikament żvantaġġati, u li l-ġenituri tagħhom għandhom livelli baxxi ta' edukazzjoni u impjieg jew li l-ġenituri huma migranti, huma aktar probabbli li jkollhom aċċess limitat għas-servizzi tas-saħħa u l-edukazzjoni, xejra li intensifikat ruħha sa mill-2008, u li l-familji b'ġenitur wieħed, speċjalment familji mmexxija minn ommijiet waħedhom, huma f'riskju akbar ta' faqar jew esklużjoni soċjali (49.8 % meta mqabbel ma' 25.2 %), li tiġi aggravata meta l-ġenitur ikun bla xogħol.

L-inugwaljanzi soċjali jirriproduċu żvantaġġ fost il-ġenerazzjonijiet u l-effetti negattivi ta' faqar u esklużjoni soċjali fost it-tfal jistgħu jdumu tul ta' ħajja, billi huwa kmieni fil-ħajja li jiffurmaw il-ħiliet konjittivi u soċjoekonomiċi, li jfisser li l-miżuri tal-politika negattivi meħuda llum se jkollhom impatti negattivi irriversibbli fuq il-ħajja ta' dawn in-nies u fuq is-soċjetà.

Il-fatturi li l-aktar jaffettwaw il-faqar fost it-tfal huma l-politiki dwar ir-ridistribuzzjoni tal-ġid u l-politika tax-xogħol(4), partikolarment il-livelli tas-salarji u d-drittijiet soċjali; madankollu, f'bosta pajjiżi, il-gvernijiet, filwaqt li jsegwu linji gwida mill-istituzzjonijiet tal-UE, naqqsu l-appoġġ soċjali lit-tfal u l-familji. Pereżempju, fil-Portugall, bejn l-2010 u l-2013, u fl-istess żmien tal-perjodu tal-programm Trojka, kważi miljun tifel u tifla waqfu milli jirċievu l-benefiċċju tat-tfal u, bejn l-2010 u l-2012, 46 342 familja ma setgħux jibqgħu jibbenefikaw mis-suppliment ta' appoġġ tal-introjtu. Mhijiex koinċidenza li l-pajjiżi b'anqas tfal fil-faqar (il-pajjiżi Nordiċi, l-Awstrija, is-Slovenja u l-Olanda) huma dawk b'politika soċjali ogħla f'termini ta' aċċess għad-djar, benefiċċji tal-qgħad, appoġġ għal tfulija bikrija u aċċess għall-edukazzjoni, filwaqt li fil pajjiżi li jinvestu inqas f'dawn il-miżuri - bħall-Greċja, l-Italja, il-Portugall, il-Polonja u Spanja - il-livelli ta' faqar fost it-tfal huma ogħla(5).

Għalhekk, hemm kunsens fost l-organizzazzjonijiet varji li l-kawża prinċipali taż-żieda fil-faqar fost it-tfal huma l-hekk imsejħa miżuri ta' awsterità (tnaqqis sinifikanti ta' appoġġ soċjali lit-tfal u l-familji, żieda fil-qgħad, il-firxa ta' impjiegi prekarji u żieda fil-piż tat-taxxa). Il-UNICEF jiddikjara li tnaqqis fil-baġit, b'mod partikolari fil-pajjiżi Mediterranji, żied l-inugwaljanza u għen biex jaggravaw il-kundizzjonijiet ta' għajxien tat-tfal; għalhekk dawn il-politiki jiksru d-drittijiet tat-tfal u jikkostitwixxu ksur tal-obbligi internazzjonali taħt il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali.

Il-faqar huwa multidimensjonali u għandu jinftiehem mhux biss bħala nuqqas biex ikopri l-ħtiġijiet bażiċi tat-tfal, bħall-ikel, l-ilbies u l-akkomodazzjoni, iżda anke bħala nuqqas ta' aċċess għall-edukazzjoni u s-servizzi tas-saħħa ta' kwalità u l-inabbiltà li jipparteċipaw fl-isports, f'attivitajiet kulturali u attivitajiet oħrajn ta' divertiment. Min-naħa l-oħra, il-ħtiġijiet li jesperjenzaw it-tfal huma direttament relatati mas-sitwazzjoni soċjali tal-familji u għalhekk li jissolvew il-problemi tat-tfal ifisser, l-aktar, li jissolvew il-problemi tal-familja.

Inqisu li huwa essenzjali li l-Istati Membri jżidu l-kwantità, l-ammont, il-kamp ta' applikazzjoni u l-effettività tal-appoġġ u d-drittijiet soċjali indirizzati speċifikament lejn it-tfal iżda anke lejn il-ġenituri (bħall-benefiċċji tal-qgħad jew żieda fid-drittijiet tal-maternità u l-paternità) u li jippromwovu liġijiet tax-xogħol li jiggarantixxu d-drittijiet soċjali u s-sigurtà għall-familji, u l-ġlieda kontra l-impjiegi prekarji, ir-reklutaġġ illegali u l-isfruttament ta' ħaddiema, l-implimentazzjoni jew it-tisħiħ ta' benefiċċji soċjali universali mmirati lejn it-tfal bħala dritt intrinsiku tat-tfal. Huwa importanti li l-Kummissjoni Ewropea taġixxi b'mod konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet li ġew adottati fl-20 ta' Frar 2013(6), filwaqt li toqgħod lura milli tirrakkomanda tfassil mill-ġdid u tnaqqis fis-servizzi pubbliċi tal-Istati Membri, u tipproponi minflok politika iktar koeżiva ta' żieda u distribuzzjoni mill-ġdid tal-fondi tal-UE. Għal dan il-għan, huwa wkoll imperattiv li tiġi revokata l-Governanza Ekonomika u t-Trattat dwar il-Baġit. Huwa importanti wkoll li l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea jqisu lit-tfal bħala prijorità fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-politiki reġjonali u ta' koeżjoni, billi jużaw il-Fond Soċjali Ewropew għal miżuri biex jitnaqqas il-faqar fost it-tfal u jistabbilixxu miri u objettivi ta' infurzar li għandu jkollhom monitoraġġ regolari. Nirrakkomandaw ukoll lill-Istati Membri li l-baġits nazzjonali tagħhom jinkludu dispożizzjonijiet viżibbli u trasparenti għan-nefqa għall-ġlieda kontra l-faqar fost t-tfal u biex jaqdu l-obbligu li jipproteġu lit-tfal bl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' pjanijiet biex inaqqsu l-faqar fost it-tfal, bit-tqegħid ta' enfasi fuq id-drittijiet intrinsiċi tat-tfal, bl-istabbiliment ta' miri għat-tnaqqis fil-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew għandhom jużaw l-opportunità pprovduta mir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali sabiex iżidu l-approprjazzjonijiet mill-Fond Soċjali Ewropew u l-Programm ta' Għajnuna Alimentari għal dawk l-aktar żvantaġġati, billi jittrasferixxu l-ammonti allokati, pereżempju, għall-politika ta' sigurtà barranija fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Huwa wkoll importanti li l-Kummissjoni Ewropea tpoġġi fil-prattika l-Introjtu Minimu Ewropew, kif rakkomandat mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tal-2010 dwar ir-rwol tad-dħul minimu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni ta' soċjetà inklużiva fl-Ewropa (2010/2039(INI)).

L-ewwel snin, qabel l-edukazzjoni obbligatorja, huma kruċjali għall-iżvilupp tat-tfal, peress li huwa f'dawn is-snin li jiżviluppaw il-ħiliet fundamentali; l-aċċess għall-edukazzjoni ta' kwalità għandu impatti importanti fuq l-istima tal-individwu, l-abbiltà li wieħed jipparteċipa fil-ħajja soċjali u fuq il-kwalità tas-saħħa. Madankollu, il-provvista medja ta' edukazzjoni tal-UE għat-tfal ta' età bejn 0 u 3 snin hija ta' madwar 30 %(7) u fi 11-il pajjiż (ir-Rumanija, il-Polonja, is-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka, il-Bulgarija, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, l-Awstrija, il-Kroazja u l-Latvja) ma tkoprix 15 %, fejn it-tfal mill-familji l-aktar fqar ikollhom inqas aċċess għall-kura tat-tfal(8). Min-naħa l-oħra, ir-rati tat-tluq bikri mill-iskola fl-UE fl-2012 kellhom medja ta' 13 %, u hemm pajjiżi fejn din ir-rata marret lill hinn minn 20 % (il-Portugall, Spanja u Malta)(9). Għalhekk, nirrakkomandaw li l-Istati Membri jiggarantixxu li t-tfal kollha jingħataw aċċess għal edukazzjoni pubblika u ta' kwalità mingħajr ħlas fl-etajiet kollha, inkluż fit-tfulija bikrija, u jistabbilixxu proporzjonijiet xierqa bejn l-għalliema u l-istudenti; nirrakkomandaw wkoll li l-Istati Membri jipprovdu materjali skolastiċi u trasport għall-iskola matul il-ħinijiet tal-iskola mingħajr ħlas;

Tfal imwielda fil-faqar għandhom riskju ogħla ta' mard kroniku u għandhom aktar problemi ta' saħħa. Anki f'pajjiżi fejn id-dritt għas-saħħa huwa mnaqqax fil-liġi, hemm ħafna tfal li ma għandhomx aċċess għal tabib tal-familja jew dentist, minħabba nuqqas ta' servizzi pubbliċi jew mediċini, jew spejjeż għoljin; il-livelli ta' mortalità tat-trabi huma wkoll ferm ogħla fil-familji minn kuntesti soċjoekonomiċi aktar baxxi.

Bl-istess mod, il-problemi ekonomiċi tal-familji kellhom għenu biex jikbru l-problemi ta' saħħa mentali fost il-ġenituri u jiżdied it-tifrik tal-familji, li għandu impatt evidenti fuq il-benessri psikoloġiku u soċjali tat-tfal;

Hija tal-mistħija li f'pajjiżi bħall-Portugall qed jintużaw aktar riżorsi għall-ħlasijiet ta' imgħax fuq id-dejn pubbliku milli għas-servizz tas-saħħa pubblika. Nirrakkomandaw lill-Istati Membri jiggarantixxu kura tas-saħħa universali, pubblika, mingħajr ħlas u ta' kwalità fir-rigward tal-prevenzjoni u l-kura primarja, aċċess għal dijanjożi, trattament u rijabilitazzjoni, filwaqt li jiggarantixxu lin-nisa d-dritt għas-saħħa sesswali u riproduttiva billi tiġi żgurata l-kura tas-saħħa għat-trabi, il-kura tal-maternità fil-perjodu ta' kura ta' qabel u wara t-twelid, partikolarment fil-każ ta' twelid qabel iż-żmien, l-aċċess għal tobba tal-familja, dentisti u speċjalisti tas-saħħa mentali għat-tfal kollha, u biex jintegraw dawn l-aspetti fl-istrateġiji tas-saħħa pubblika nazzjonali u tal-UE;

Għandu jiġi nnutat li 11 % tat-tfal jgħixu f'familji li jonfqu aktar minn 40 % tal-introjtu disponibbli tagħhom fuq l-ispejjeż tad-djar (fil-Greċja din il-figura hija 38 %) u l-aħħar rapporti mill-Federazzjoni Ewropea tal-Organizzazzjonijiet Nazzjonali li Jaħdmu mal-Persuni Mingħajr Dar, jiddikjaraw li l-akkomodazzjoni għal nies mingħajr dar qed tkun okkupata dejjem aktar minn nisa, żgħażagħ u familji bit-tfal, u fejn it-tfal migranti qed ikunu rrappreżentati żżejjed. Nistiednu lill-Istati Membri jeliminaw il-possibbiltà ta' qbid u preklużjoni fuq djar meta l-familji ma jkollhomx introjtu biżżejjed biex jiggarantixxu l-għajxien tagħhom, jew fuq proċessi ta' preklużjoni tat-taxxa.

Nistiednu lill-Istati Membri jipprovdu wkoll is-sussidji meħtieġa biex jiggarantixxu d-dritt għall-kultura, l-isport u d-divertiment għat-tfal kollha, b'enfasi fuq it-tfal fil-faqar, it-tfal f'żoni remoti, it-tfal b'diżabilitajiet, u l-migranti; sabiex it-tfal jiġu protetti mill-abbuż, il-vjolenza u n-negliġenza, huwa importanti li jissaħħu d-drittijiet soċjali li l-Istat irid jiggarantixxi, billi jiżdied l-għadd ta' impjegati u speċjalisti fis-servizzi soċjali, tiżdied il-kura medika, psikoloġika u soċjali taż-żgħażagħ.

(1)

Save the Children, 'Child Poverty and Social Exclusion in Europe' (Il-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali fl-Ewropa), Brussell, 2014, p. 5

(2)

Uffiċċju tar-Riċerka tal-UNICEF (2014) 'Children of the Recession: The impact of the economic crisis on child well-being in rich countries' (Tfal tar-Riċessjoni:L-impatt tal-kriżi ekonomika fuq il-benessri tat-tfal f'pajjiżi sinjuri), Karta tar-Rapport Innocenti 12, Uffiċċju tar-Riċerka tal-UNICEF, Firenze, p. 3

(3)

Save the Children, 'Child Poverty and Social Exclusion in Europe' (Il-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali fl-Ewropa), Brussell, 2014, p. 18

(4)

Save the Children, 'Child Poverty and Social Exclusion in Europe' (Il-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali fl-Ewropa), Brussell, 2014, p. 5

(5)

Save the Children, 'Child Poverty and Social Exclusion in Europe' (Il-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali fl-Ewropa), Brussell, 2014, p. 12 (ibbażat fuq l-"Istudju tematiku dwar miżuri ta' politika dwar il-faqar fost it-tfal" tal-Kummissjoni Ewropea, 2008 u l-Indirizzar u l-Prevenzjoni tal-Faqar fost it-Tfal tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, 2012

(6)

'Invest in children to break the vicious circle of inequality' (Ninvestu fit-tfal biex inkissru ċ-ċirku vizzjuż tal-inugwaljanza) http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&language=EN&reference=P8-TA-2014-0070 - def_1_3 (C(2013)778), 2013

(7)

EU-SILC (2013) Statistika tal-Unjoni Ewropea dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien

(8)

Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (2012), Tackling and Preventing Child Poverty (l-Indirizzar u l-Prevenzjoni tal-Faqar fost it-Tfal)

(9)

EU-SILC (2013) Statistika tal-Unjoni Ewropea dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

13.10.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

42

6

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Guillaume Balas, Tiziana Beghin, Brando Benifei, Mara Bizzotto, Vilija Blinkevičiūtė, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Ole Christensen, Jane Collins, Arne Gericke, Marian Harkin, Agnes Jongerius, Rina Ronja Kari, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Zdzisław Krasnodębski, Kostadinka Kuneva, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Patrick Le Hyaric, Verónica Lope Fontagné, Javi López, Thomas Mann, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Elisabeth Morin-Chartier, Emilian Pavel, Terry Reintke, Sofia Ribeiro, Maria João Rodrigues, Claude Rolin, Anne Sander, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Romana Tomc, Yana Toom, Ulrike Trebesius, Ulla Tørnæs, Marita Ulvskog, Renate Weber, Tatjana Ždanoka, Jana Žitňanská, Inês Cristina Zuber

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Georges Bach, Dieter-Lebrecht Koch, Joachim Schuster, Csaba Sógor, Michaela Šojdrová, Neoklis Sylikiotis, Tom Vandenkendelaere

Avviż legali