Proċedura : 2014/2247(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0314/2015

Testi mressqa :

A8-0314/2015

Dibattiti :

PV 23/11/2015 - 16
CRE 23/11/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 24/11/2015 - 5.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0402

ABBOZZ TA’ RAPPORT     
PDF 259kWORD 249k
30.10.2015
PE 554.719v02-00 A8-0314/2015

dwar il-politika ta’ koeżjoni u l-komunitajiet emarġinati

(2014/2247(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

Rapporteur għal opinjoni: Terry Reintke

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
 OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-politika ta’ koeżjoni u l-komunitajiet emarġinati

(2014/2247(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 151, 153, 162 u 174 sa 176 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet Ewropej li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u l-każistika relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u r-rakkomandazzjonijiet relatati tal-Kumitat Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u l-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Popli Indiġeni u Tribali f'Pajjiżi Indipendenti,

–   wara li kkunsidra d-direttivi tal-UE kontra d-diskriminazzjoni, l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Protokoll Nru 12 għal dik il-konvenzjoni,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-5 ta' Jannar 2011 dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (minn issa 'l quddiem "ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni")(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 437/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-interventi għall-akkomodazzjoni favur komunitajiet emarġinati(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1381/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm ta' Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza għall-perijodu 2014 sa 2020(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 240/2014 tas-7 ta' Jannar 2014 dwar il-kodiċi tal-kondotta Ewropea dwar sħubija fil-qafas tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar is-seba' u t-tmien rapporti ta' progress tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Politika ta' Koeżjoni tal-UE u r-Rapport Strateġiku tal-2013 dwar l-implimentazzjoni tal-programm għal bejn l-2007 u l-2013(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar l-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Roma(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-kontribut tal-politika ta' koeżjoni għall-kisba tal-objettivi ta' Lisbona u tal-UE2020(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2009 dwar is-sitwazzjoni soċjali tar-Roma u t-titjib tal-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol fl-UE(13),

–  wara li kkunsidra s-sitt rapport tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2014 dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali intitolat, 'Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni',

–  wara li kkunsidra l-Iskema ta' Gwida Tematika tal-Kummissjoni tas-27 ta' Frar 2014 dwar ir-Rom u l-Komunitajiet Emarġinati (Objettiv Tematiku 9 – Inklużjoni Soċjali u Faqar),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' April 2014 intitolata 'Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali tal-Integrazzjoni tar-Rom' (COM(2014)0209),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Mejju 2012 intitolata 'Strateġiji Nazzjonali tal-Integrazzjoni tar-Rom: wieħed mill-ewwel passi fl-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE' (COM(2012)0226),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Diċembru 2010 intitolata 'Strateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju' (COM(2010)0715),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Diċembru 2010 intitolata 'Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali' (COM(2010)0758),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 intitolata 'Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv' (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2013 dwar miżuri ta' integrazzjoni tar-Rom effettivi fl-Istati Membri(14),

–   wara li kkunsidra n-'Nota ta' Gwida dwar l-użu tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej fl-indirizzar tas-segregazzjoni edukattiva u spazjali (Abbozz)' tal-Kummissjoni tal-1 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija għal tweġiba bil-miktub lill-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2015 dwar finanzjament għall-komunitajiet emarġinati (E-002782-15),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar 'Strateġiji tal-integrazzjoni tar-Rom'(15),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0314/2015),

A.  billi l-politika ta' koeżjoni għandha l-għan li tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, li jitnaqqsu d-disparitajiet soċjali, inklużi t-tnaqqis u l-qerda tal-faqar u l-esklużjoni, u li dan jeħtieġ il-prevenzjoni tas-segregazzjoni u l-promozzjoni ta' aċċess u opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini kollha, inklużi l-komunitajiet l-aktar emarġinati kif ukoll gruppi u individwi ta' kull età li jħabbtu wiċċhom mal-faqar u l-esklużjoni soċjali u nuqqas ta' aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi, l-akkomodazzjoni u l-kura tas-saħħa;

B.  billi l-politika ta' koeżjoni, kif definita fl-Att Uniku Ewropew tal-1986, hija dwar it-tnaqqis tad-disparitajiet bejn ir-reġjuni varji u r-ritard ta' dawk ir-reġjuni li huma inqas favoriti; billi t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jżid aspett ieħor għall-koeżjoni, billi jirreferi għall-"koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali";

C.  billi l-objettiv tal-koeżjoni soċjali jeħtieġ rwol Ewropew fil-politiki għall-inklużjoni ta' komunitajiet emarġinati, u jesiġi li l-Istati Membri jużaw il-kompetenzi tagħhom f'dan il-qasam biex jieħdu azzjoni ta' appoġġ u azzjoni wkoll skont programmi ta' kooperazzjoni transnazzjonali kif ukoll programmi nazzjonali;

D.  billi opportunitajiet ta' finanzjament għal komunitajiet emarġinati ġew introdotti fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) fl-2010; billi l-qafas leġiżlattiv għall-politika ta' koeżjoni 2014-2020 joffri approċċ strateġiku;

E.  billi r-Regolament (UE) Nru 1304/2013(16) jistipula li l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) huwa ta' benefiċċju għall-persuni, inklużi gruppi żvantaġġati bħal dawk qiegħda fit-tul, persuni b'diżabilitajiet, migranti, minoranzi etniċi, komunitajiet emarġinati u persuni ta' kull età li qegħdin jaffaċċjaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali;

F.   billi tal-anqas 23,1 % tal-baġit tal-Politika ta' Koeżjoni se jiġi allokat għal investimenti mill-FSE matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020; billi l-FEŻR u l-FSE jaqdu rwol speċifiku u sinifikanti, b'mill-inqas 20 % tal-FSE allokat f'kull Stat Membru għall-objettiv speċifiku tal-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar u kull forma ta' diskriminazzjoni, u b'hekk jirrappreżentaw għodda kruċjali fil-promozzjoni ta' inklużjoni akbar ta' komunitajiet emarġinati;

G.  billi r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jistabbilixxi numru ta' prekundizzjonijiet relatati man-nondiskriminazzjoni, il-ġeneru u d-diżabilità li jeħtieġ li jkun hemm konformità magħhom(17);

H.  billi s-sitt rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali wera li l-kriżi ekonomika żiedet il-faqar u l-esklużjoni soċjali;

I.  billi l-kriżi ekonomika u t-tnaqqis baġitarju u l-miżuri ta' awsterità konsegwenti wasslu għal bosta problemi, li ta' spiss jirriżultaw fi problemi baġitarji kbar għall-muniċipalitajiet, iwasslu għal nuqqas ta' alternattivi meta jiġu ttrattati l-gruppi emarġinati u wieħed jipprova jtejjeb l-inklużjoni tagħhom u jevita s-segregazzjoni, billi tali politiki huma prinċipalment, u xi drabi esklużivament, dipendenti fuq il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE);

J.  billi l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u t-tnaqqis fis-servizzi pubbliċi ppeġġoraw is-sitwazzjoni tan-nisa f'komunitajiet emarġinati;

K.  billi n-nisa f'komunitajiet emarġinati jġarrbu diskriminazzjoni multipla aktar intensa u għandhom rata ta' impjieg aktar baxxa mill-irġiel f'dawk il-komunitajiet u minn nisa oħra;

L.   billi għadd kbir ta' atturi pubbliċi u privati f'livelli u f'setturi differenti, inklużi rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, huma involuti u ta' spiss jiżvolġu rwol importanti fl-implimentazzjoni ta' politiki ta' inklużjoni, u b'hekk jirrikjedu approċċ koerenti u kkoordinat sew;

M.   billi attwalment m'hemm l-ebda definizzjoni ta' komunità emarġinata fil-livell tal-Unjoni Ewropea; billi biex wieħed jifhem ir-rapport irid l-ewwel jifhem l-emarġinazzjoni abbażi ta' analiżi ta' attributi u karatteristiċi speċifiċi ta' gruppi emarġinati, li tqis is-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, bħalma huma l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol, aċċess limitat għall-edukazzjoni u s-sistemi tal-kura tas-saħħa u l-impjiegi, it-tluq bikri mill-iskola, flimkien ma' esklużjoni strutturali u sistematika u għandha l-għan li tiġi żgurata l-inklużjoni soċjoekonomika effettiva tagħhom;

N.  billi l-Kummissjoni ma pprovdietx definizzjoni ta' komunitajiet emarġinati, filwaqt li ħalliet ir-responsabilità f'idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar definizzjoni abbażi tal-indikaturi nazzjonali tagħhom; jinnota, madankollu, li l-emarġinazzjoni tista' tiġi stabbilita billi jiġi kkunsidrat sett ta' indikaturi rilevanti bħall-esklużjoni soċjali, rata għolja ta' qgħad fit-tul, livell baxx ta' edukazzjoni, kundizzjonijiet (estremament) ħżiena ta' akkomodazzjoni, livell għoli ta' diskriminazzjoni, u esponiment eċċessiv għal riskji għas-saħħa u/jew nuqqas ta' aċċess għall-kura tas-saħħa, jiġifieri dawk il-popolazzjonijiet meqjusa l-aktar vulnerabbli u l-aktar fil-bżonn ta' għajnuna;

O.  billi l-emarġinazzjoni hija fenomenu soċjali li fih individwi jew komunitajiet jiġu soċjalment esklużi u sistematikament imwaqqfa milli jipparteċipaw, jew jiġu mċaħħda l-aċċess għall-parteċipazzjoni, fil-proċessi soċjali u politiċi li huma essenzjali għall-integrazzjoni soċjali tagħhom; billi "komunitajiet emarġinati" tirreferi għal diversi gruppi u individwi, bħalma huma l-minoranzi, ir-Rom, il-persuni b'diżabilità, il-persuni li jgħixu taħt is-soll tal-faqar jew li jinsabu fir-riskju tal-faqar, il-migranti, ir-rifuġjati u l-gruppi soċjalment esklużi fis-soċjetà; billi r-razziżmu, il-patrijarkija, l-omofobija, l-iżvantaġġi ekonomiċi u fatturi diskriminatorji oħra jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' saffi ta' inugwaljanza u dinamika fejn titnaqqas is-setgħa għan-nisa fi ħdan il-komunitajiet emarġinati;

P.   billi karatteristiċi komuni kondiviżi minn komunitajiet emarġinati jinkludu komunitajiet ta' postijiet, bħal komunitajiet emarġinati li jgħixu f'żoni rurali u kwartieri żvantaġġati; komunitajiet ta' interessi, bħar-rifuġjati u l-persuni li jfittxu l-asil, u minoranzi etniċi u lingwistiċi; u persuni b'diżabilitajiet, l-anzjani, il-persuni mingħajr dar, kif ukoll il-popli indiġeni; billi tipi differenti ta' komunitajiet emarġinati jikkondividu diffikultajiet komuni u kollha jġarrbu forom multipli ta' stigmatizzazzjoni u diskriminazzjoni;

Q.  billi hemm għadd kbir ta' gruppi emarġinati fl-Ewropa; billi fosthom ir-Rom, terminu li huwa mifhum b'mod differenti madwar l-Ewropa, huma l-akbar minoranza etnika fl-Ewropa u waħda mill-komunitajiet l-aktar emarġinati;

R.  billi l-politika ta' koeżjoni għandha tindirizza l-komunitajiet emarġinati fid-diversità tagħhom, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi; billi l-inklużjoni ta' komunitajiet emarġinati fil-finanzjament tirrikjedi li jsiru sforzi fil-livelli kollha, li jinkludu approċċ koerenti u integrat fit-tul, soluzzjonijiet permanenti, l-emanċipazzjoni, l-isfruttar tal-esperjenza u l-iżvilupp tal-bini tal-kapaċità, anke għan-nisa u l-bniet f'komunitajiet emarġinati, it-tranżizzjoni mill-kura istituzzjonali għall-kura bbażata fil-komunità, sabiex tintemm is-segregazzjoni u tinkiseb in-normalizzazzjoni;

S.  billi l-istrateġiji tal-politika ta' koeżjoni Ewropea għall-emanċipazzjoni tan-nisa f'komunitajiet emarġinati jridu jqisu s-sitwazzjoni tan-nisa li jkunu qed jixjieħu, in-nisa b'diżabilità, in-nisa li jindukraw u n-nisa bi problemi ta' saħħa mentali;

T.  billi l-proġetti bbażati fuq l-arti u l-kultura li jippromwovu l-iskambji interkulturali, l-emanċipazzjoni tal-parteċipanti, l-iżvilupp ta' ħiliet kreattivi u soċjali u l-parteċipazzjoni attiva fil-ħajja tal-komunità lokali huma fost l-aktar għodod effettivi biex jiġu indirizzati l-inklużjoni u l-integrazzjoni soċjali;

U.  billi l-edukazzjoni, kemm dik formali u kemm dik informali, hija strumentali biex jingħelbu l-emarġinazzjoni u d-diskriminazzjoni multipla, f'termini tal-ħolqien ta' djalogu, il-ftuħ u l-ftehim bejn il-komunitajiet, u f'termini tal-emanċipazzjoni tal-komunitajiet emarġinati; billi perspettiva tal-ġeneru fl-edukazzjoni, u r-rwol tagħha fl-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet fil-komunitajiet emarġinati, m'għandhiex tintesa;

Prinċipji ġenerali

1.  Ifakkar fil-ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-komunitajiet emarġinati; jissottolinja r-rwol importanti tal-politika ta' koeżjoni fl-appoġġ tal-inklużjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħhom;

2.  Ifakkar li l-komunitajiet emarġinati ġew introdotti bħala prijorità tal-miżuri tal-politika ta' koeżjoni minħabba tħassib dejjem jikber dwar, u l-impenn li tiġi miġġielda, l-esklużjoni soċjali, inkluż tħassib dwar is-sitwazzjoni tar-Rom u l-appell li ilu li sar biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ gwida dwar id-definizzjoni ta' komunitajiet emarġinati, li tispeċifika sett ta' attributi u karatteristiċi ta' gruppi emarġinati, filwaqt li jitqiesu s-sitwazzjoni, l-isfidi u l-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull grupp destinatarju potenzjali bl-għan tal-promozzjoni tal-inklużjoni soċjoekonomika tagħhom, u tal-involviment ta' rappreżentanti ta' dawk il-komunitajiet; jenfasizza li tali gwida tkompli żżid l-effikaċja tal-politika ta' koeżjoni fit-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni Ewropea kollha;

4.  Jilqa' l-fatt li l-qafas leġiżlattiv għall-politika ta' koeżjoni tal-2014-2020 introduċa elementi ġodda li jikkonsolidaw l-approċċ inizjali billi jestendu l-opportunitajiet ta' finanzjament u jdaħħlu mekkaniżmi li jiżguraw li l-appoġġ għall-komunitajiet emarġinati jikkonforma mal-valuri u l-objettivi Ewropej u jqis il-ħtieġa li jiġu involuti dawn il-gruppi fil-proċess sħiħ;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dettaljata rigward l-adozzjoni ta' opportunitajiet ta' finanzjament għall-komunitajiet emarġinati; jitlob li titwettaq analiżi li tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet xierqa u li jiġu identifikati l-ostakli li qed jipprevjenu aktar adozzjoni jew l-aħjar riżultati possibbli;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-użu effettiv tal-Kodiċi ta' Kondotta Ewropew fir-rigward tal-prinċipju tas-sħubija u l-involviment tas-soċjetà ċivili; ifakkar li l-prinċipji orizzontali fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni (RDK) – li jinkorporaw drittijiet fundamentali bħall-promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs, il-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli – iridu jiġu applikati fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi taħt il-FSIE; ifakkar li l-azzjonijiet tal-Istati Membri kollha, li huma ffinanzjati taħt il-politika ta' koeżjoni tal-UE, għandhom jirrispettaw il-prinċipji tad-drittijiet fundamentali u m'għandhom qatt jikkontribwixxu għal segregazzjoni b'xi mod;

7.  Jenfasizza li l-opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni huma inkorporati fir-regoli ta' fianzjament tal-FSIE bl-għan li jiġu eliminati il-kawżi sistemiċi tal-inugwaljanza, kemm jekk ekonomika, soċjali jew abbażi tal-ġeneru, kif ukoll dwar l-aċċess għall-kultura u l-edukazzjoni; jenfasizza li l-fehim ta', u s-sensibilizzazzjoni dwar, il-ksenofobija u r-razziżmu sistemiċi għandhom ikunu punt ewlieni fl-analiżi tal-għeruq tal-esklużjoni;

8.  Ifakkar li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tikkostitwixxi prinċipju li japplika b'mod orizzontali għall-politika ta' koeżjoni; jiddeplora d-diskriminazzjoni multipla mġarrba b'mod partikolari min-nisa, il-migranti u l-persuni b'diżabilità fil-komunitajiet emarġinati;

9.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni trid tittratta l-isfida kruċjali tal-faqar u l-esklużjoni soċjali ta' żgħażagħ u tfal, adulti u persuni b'diżabilità, inkluża t-tranżizzjoni minn kura u servizzi istituzzjonali għal dawk ibbażati fil-komunità; iħeġġeġ lill-Istati Membri kkonċernati jieħdu azzjoni u miżuri xierqa biex jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji għal dan l-għan, bl-applikazzjoni tal-approċċ integrat;

10.  Jirrimarka li, fl-iżvilupp ta' politiki indirizzati lejn udjenzi destinatarji speċifiċi skont il-prinċipju ta' 'identifikazzjoni espliċita iżda mhux esklussiva', wieħed għandu joqgħod attent li ma jiġux esklużi gruppi oħra f'ċirkostanzi soċjoekonomiċi simili, sabiex jiġi evitat li jkun hemm reazzjonijiet difensivi; jenfasizza li dan il-prinċipju huwa biss l-ewwel pass fl-għarfien tal-ħtieġa li tingħata attenzjoni lil xi wħud mill-komunitajiet u l-individwi l-aktar vulnerabbli u emarġinati;

11.  Jenfasizza li strutturi responsabbli, trasparenti u demokratiċi għandhom ikunu fis-seħħ għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-użu frodulenti tal-fondi biex tiġi żgurata l-inklużjoni tal-komunitajiet emarġinati;

12.  Iqis l-aċċess għal servizzi pubbliċi bħala wieħed mill-għanijiet ewlenin fl-indirizzar tal-inklużjoni tal-gruppi emarġinati; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-għoti ta' materjal ta' informazzjoni dwar is-saħħa mfassal apposta u l-iżvilupp ta' strateġiji ta' prevenzjoni tal-mard u ta' inizjattivi dwar is-saħħa komunitarja f'komunitajiet emarġinati; jitlob li jinħolqu strutturi speċjalizzati, bħal punti tal-ikklerjar li jagħtu pariri dwar kwistjonijiet relatati mal-aċċess għall-kura tas-saħħa, is-suq tax-xogħol u l-edukazzjoni; jitlob b'insistenza li tittieħed azzjoni biex issir bidla fl-amministrazzjonijiet pubbliċi minn approċċ immexxi mid-domanda għal approċċ ta' servizzi akkoljenti;

13.  Jitlob li jkun hemm koordinazzjoni aħjar u rabtiet aktar b'saħħithom bejn strateġiji nazzjonali għal komunitajiet emarġinati, inklużi Strateġiji Nazzjonali għall-Inklużjoni tar-Rom, Strateġiji Nazzjonali għat-Tnaqqis tal-Faqar, strateġiji għall-inklużjoni ta' komunitajiet oħra emarġinati jew żvantaġġati, u strateġiji għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-politika ta' koeżjoni;

14.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jqisu lit-tfal bħala prijorità waqt l-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom, u jtenni l-importanza tal-promozzjoni tal-aċċess indaqs għall-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u għall-kundizzjonijiet ta' ħajja dinjitużi għat-tfal;

15.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jinkoraġġixxu l-użu ta' fondi mill-FSE biex jappoġġaw it-tagħlim informali u proġetti ta' tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll proġetti bbażati fuq il-kultura, sabiex jilħqu l-objettivi ta' investiment f'ħiliet ġodda għall-innovazzjoni, u tal-ġlieda kontra l-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali;

16.  Ifakkar – filwaqt li jikkunsidra l-iżbilanċi reġjonali dejjem jikbru, l-isfidi demografiċi u s-sitwazzjoni li jiffaċċjaw numru dejjem jikber ta' żgħażagħ li telqu mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom jew qed jippjanaw li jitilqu minnu – li fiċ-ċiklu baġitarju tal-2014-2020 huwa disponibbli inqas finanzjament għall-politika ta' koeżjoni; jemmen li l-politika ta' koeżjoni għad għandha l-potenzjal li żżid il-valur max-xogħol li diġà għaddej fl-Istati Membri u li – billi tiffoka fuq it-titjib tal-opportunitajiet ta' impjieg, il-parteċipazzjoni fis-soċjetà u l-investiment fil-ħiliet, b'mod partikolari f'dawk ir-reġjuni li jeħtiġuh l-aktar – il-politika ta' koeżjoni tirriżulta, fost ħafna benefiċċji oħrajn, f'aktar inklużjoni soċjali u fi tnaqqis tal-faqar billi tippermetti l-flessibbiltà xierqa biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jimplimentaw l-appoġġ individwalizzat b'konformità mal-ħtiġijiet lokali u biex jiġi żgurat li l-finanzjament jintuża f'dawk iż-żoni fejn il-qgħad huwa l-ogħla u fejn huwa meħtieġ l-aktar;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jikkonformaw ma' dawn il-prinċipji matul l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-analiżi tagħha fir-rappurtar tagħha, anke dwar l-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom;

18.  Jisħaq li t-tnaqqis fil-baġit għas-servizzi pubbliċi f'xi Stati Membri matul il-kriżi wassal għal żieda fil-qgħad, nuqqas ta' sigurtà soċjali, sitwazzjoni diffiċli fil-qasam tal-akkomodazzjoni u problemi ta' saħħa; jistieden lill-Istati Membri jużaw b'mod aktar effiċjenti l-appoġġ mill-FSE biex itejbu l-kwalità u l-aċċess ugwali għas-servizzi pubbliċi għall-komunitajiet emarġinati, u jiġġieldu kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni;

19.  Jitlob li titqies perspettiva tad-drittijiet tal-bniedem meta jkunu qed jiġu mfassla azzjonijiet appoġġati mill-fondi ta' koeżjoni u jenfasizza li d-drittijiet kulturali, ekonomiċi u soċjali għandhom jiġu integrati fil-politiki li għandhom l-għan li jirrikonoxxu lin-nisa mill-komunitajiet emarġinati bħala ċittadini attivi bis-saħħa tagħhom infushom u li r-razziżmu, kemm dak miftuħ u kemm dak inviżibbli, għandu jiġi indirizzat b'mod espliċitu f'kull tfassil ta' azzjoni u politika;

Tħejjija tal-programmi

20.  Jenfasizza li l-prinċipju tas-sħubija għandu jwassal għal involviment fil-livelli kollha, u jeħtieġ li jiġi applikat mill-Istati Membri fuq bażi obbligatorja u mhux biss pro forma; jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tal-kodiċi ta' kondotta dwar is-sħubija fl-iżgurar tal-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza indaqs tas-sieħba, fejn għandha tingħata attenzjoni speċifika lill-inklużjoni ta' komunitajiet emarġinati biex is-sitwazzjoni speċifika tagħhom, u kwalunkwe sfida potenzjali li huma jiffaċċjaw biex jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għas-sħubija, tista' tiġi kkunsidrata; huwa mħasseb dwar il-konformità fqira mal-involviment obbligatorju ta' sieħba b'konformità mal-prinċipji rispettivi stabbiliti fis-CPR u l-kodiċi ta' kondotta Ewropew dwar is-sħubija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-involviment tas-sħab, fosthom dawk l-aktar ikkonċernati, u jimplimentaw sistema ta' inċentivi u skambju tal-aħjar prattiki, inkluż appoġġ speċifiku lil dawk l-awtoritajiet ta' ġestjoni u l-benefiċjarji li kellhom riżultati partikolarment tajbin f'dan il-qasam;

21.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni aċċettat ftehimiet ta' sħubija li ma jinkludux lil komunitajiet emarġinati biżżejjed; jitlob lill-Kummissjoni tieħu miżuri li jiffaċilitaw l-inklużjoni ta' komunitajiet emarġinati fit-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni ta' proġetti, bħala għodda għall-emanċipazzjoni tal-komunitajiet ikkonċernati; jissuġġerixxi li jiġu ppreżentati rakkomandazzjonijiet fil-kuntest tas-Semestru Ewropew bħala mezz xieraq biex tiġi promossa l-azzjoni li għandha tittieħed mill-Istati Membri;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni dwar, u lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa dwar l-inklużjoni soċjali tal-komunitajiet emarġinati;

23.  Jilqa' l-fatt li xi Stati Membri, inklużi dawk li qegħdin jirċievu rakkomandazzjonijiet, jagħżlu l-integrazzjoni soċjoekonomika tal-komunitajiet emarġinati bħala prijorità ta' investiment fil-programmi operattivi tagħhom; iwissi, madankollu, li dan għandu wkoll jiġi integrat f'oqsma ta' politika bħall-edukazzjoni u l-impjiegi;

24.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-fondi; jenfasizza l-ħtieġa għal enfasi speċjali fuq miżuri ta' finanzjament li jmorru lil hinn mill-azzjoni mmirata skont l-objettiv tematiku għall-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u kwalunkwe diskriminazzjoni, biex b'hekk jiġi ppreferut approċċ aktar integrat u sistematiku;

25.  Jikkunsidra li l-governanza u l-koordinazzjoni fuq diversi livelli jiżvolġu rwol importanti; jenfasizza li l-involviment tal-awtoritajiet lokali u l-partijiet ikkonċernati lokali huwa essenzjali jekk il-grupp destinatarju għandu jintlaħaq, u li dan jeħtieġ l-ogħla prossimità territorjali possibbli;

Implimentazzjoni tal-programmi

26.  Jirrimarka dwar l-importanza ta' approċċ integrat; huwa tal-fehma li l-fondi għandhom jintużaw b'mod aktar integrat, anke permezz ta' programmi b'fondi differenti, l-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità, l-Investiment Territorjali Integrat u l-finanzjament reċiproku, kif imsemmi fl-Artikolu 98(2) tas-CPR u għandhom jiksbu sinerġiji ma' strumenti ta' finanzjament tal-UE u nazzjonali oħra; jistieden lill-amministrazzjonijiet u l-awtoritajiet ikkonċernati biex jaħdmu bis-sħiħ għal kooperazzjoni attiva fil-livelli kollha, fosthom f'livell transfruntier;

27.  Jinnota li l-finanzjament reċiproku bħalissa qed jintuża b'mod limitat, sa ċertu punt minħabba regoli kumplessi deskritti fl-Artikolu 98(2) tas-CPR; huwa tal-fehma li jekk tiżdied il-flessibbiltà tar-regoli għall-finanzjament reċiproku, partikolarment b'referenza għall-komunitajiet emarġinati, tista' tiżdied l-effettività tal-proġetti u jingħata valur miżjud importanti lill-impatt tagħhom; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tagħmel analiżi tal-applikazzjoni u l-livell ta' użu tal-finanzjament reċiproku;

28.  Jinnota li komunitajiet emarġinati spiss jgħixu f'partijiet anqas vantaġġati tal-bliet; jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni ġenwina ta' programmi ta' tiġdid u riġenerazzjoni urbani għal kwartieri mċaħħda li jgħaqqdu approċċi u sħubijiet integrati u bbażati fuq il-lokalità, jittrattaw l-isfidi ekonomiċi, soċjali u territorjali, u jtejbu l-ambjent urban, u li jiffokaw ukoll fuq żieda fil-konnettività bl-għan li dawn il-komunitajiet jingħataw aċċess aħjar; iqis li l-Aġenda Urbana futura tal-UE għandha tindirizza, b'mod adegwat, l-isfidi u l-ħtiġijiet ewlenin relatati ma' komunitajiet emarġinati f'żoni urbani sabiex jipprevjenu l-ħolqien ta' getti u jiġġieldu b'suċċess kontra s-segregazzjoni, il-faqar u l-esklużjoni soċjali;

29.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtiġijiet speċifiċi li jiffaċċjaw komunitajiet emarġinati li jgħixu f'żoni rurali, muntanjużi u nħawi iżolati, inklużi l-isfidi marbutin mal-konnettività, il-mobilità u l-aċċess għas-servizzi, iżda anke f'termini ta' opportunitajiet kulturali u soċjali; jenfasizza l-importanza li r-reġjuni jiġu konnessi b'mod aħjar; jinnota wkoll li n-nies f'żoni transfruntieri spiss huma soġġetti għal emarġinazzjoni minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tagħhom u li dan għandu jittieħed inkonsiderazzjoni b'mod aħjar meta tiġi fformulata l-politika ta' koeżjoni, partikolarment fir-rigward tal-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea;

30.  Jissottolinja l-ħtieġa li tinbena l-kapaċità tal-partijiet ikkonċernati, inklużi s-servizzi pubbliċi, l-amministrazzjonijiet u l-korpi tas-soċjetà ċivili, bl-għan tal-emanċipazzjoni tal--komunitajiet, b'mod partikolari billi jitħallew jieħdu sehem akbar fit-tfassil tal-politika; jitlob li assistenza teknika mmirata u finanzjament jintużaw ukoll għal dan l-għan;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni toffri l-appoġġ tekniku meħtieġ biex titjieb il-kapaċità amministrattiva tal-korpi involuti fl-amministrazzjoni tal-Fondi Strutturali, u jistieden lill-Istati Membri jipprovdu pariri u assistenza amministrattiva, eż. billi jorganizzaw taħriġ u billi jgħinu bl-applikazzjonijiet tal-għajnuna u l-ispjegazzjonijiet, sabiex jagħmluha aktar faċli għal komunitajiet emarġinati bħar-Rom li jiksbu tagħrif rigward programmi Ewropej u nazzjonali ta' finanzjament b'appoġġ għall-intraprenditorija u l-impjiegi u biex jissottomettu l-applikazzjonijiet relevanti;

32.  Jenfasizza li s-sħab soċjali jrid ikollhom aċċess għall-assistenza teknika mhux biss sabiex isaħħu l-kapaċità tagħhom, iżda anke biex jiżguraw il-koordinazzjoni u r-rappreżentanza tagħhom f'kumitati ad hoc li jiddefinixxu u jimplimentaw il-programmi operattivi;

33.  Jirrimarka li, bi sħubija ma' rappreżentanti ta' komunitajiet emarġinati, il-Kummissjoni, wara li tagħti gwida dwar id-definizzjoni ta' komunitajiet emarġinati, għandha twaqqaf grupp ad hoc ta' esperti għal parir, u tippromwovi taħriġ adegwat għal persunal amministrattiv, sabiex tipprovdi għarfien speċifiku tad-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-komunitajiet emarġinati, u biex tiġġieled kontra prattiki diskriminatorji, bil-ħsieb li titrawwem l-inklużjoni permezz ta' djalogu kostruttiv u effettiv, u li jiġu implimentati u mmonitorjati proġetti ffinanzjati mill-UE relatati ma' komunitajiet emarġinati b'mod integrat u b’mod effikaċi, biex b'hekk jiġi mmassimizzat l-impatt tagħhom;

34.  Iqis li huwa essenzjali li jiġu inklużi l-korpi tal-ugwaljanza, l-organizzazzjonijiet tan-nisa u nisa minn komunitajiet emarġinati fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni, l-użu, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-fondi, fil-livelli kollha – mil-livell lokali u reġjonali sa dak tal-Istati Membri u tal-UE – u jqis li l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi implimentati għandhom jitqiesu bħala proċess ewlieni fit-tisħiħ tal-parteċipazzjoni ta' nisa minn komunitajiet emarġinati;

35.  Jinnota l-approċċ li l-arranġamenti politiċi strateġiċi u operattivi kollha, inkluża l-kapaċità amministrattiva jew istituzzjonali suffiċjenti, għandhom ikunu fis-seħħ qabel ma jsiru l-investimenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja bir-reqqa l-issodisfar ta' dawn il-kundizzjonijiet, u tiżgura li jittieħdu azzjonijiet komplementari mill-Istati Membri kkonċernati, b'mod partikolari fil-qasam tal-promozzjoni tal-inklużjoni u l-ġlieda kontra l-faqar u d-diskriminazzjoni;

Monitoraġġ u rakkomandazzjonijiet

36.  Jirrimarka li proġetti ffinanzjati mill-UE jrid ikollhom perspettiva fit-tul sabiex ikunu effettivi, u li l-fondi jridu jappoġġaw l-investiment fil-ħtiġijiet attwali tal-benefiċjarji, b'mekkaniżmi li jiżguraw li jintlaħqu l-gruppi destinatarji u li jindirizzaw l-esklużjoni u l-emarġinazzjoni; jitlob li jkun hemm mekkaniżmi kwalitattivi ta' evalwazzjoni u monitoraġġ; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmi proattivi u parteċipattivi għall-mmonitoraġġ u l-osservazzjoni tal-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-proċessi ta' ppjanar u evalwazzjoni għal fondi użati għal komunitajiet emarġinati;

37.  Jenfasizza l-fatt li l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni, il-kondizzjoni ta' persuni bla dar, l-esklużjoni mill-edukazzjoni u l-qgħad sikwit huma elementi ewlenin ta' emarġinazzjoni; jenfasizza, għalhekk, l-importanza ta' akkomodazzjoni integrata, interventi fil-qasam tal-edukazzjoni u f'dak tal-impjieg, għall-benefiċċju ta' komunitajiet emarġinati;

38.  Ifakkar – filwaqt li jikkunsidra li l-kriżi ekonomika u finanzjarja reċenti nħasset b'mod partikolarment iebes mill-gruppi emarġinati li jinsabu l-aktar f'riskju li jitilfu l-impjieg tagħhom fi żminijiet ta' turbolenza fis-suq tax-xogħol – li l-edukazzjoni u l-impjiegi huma l-aħjar toroq 'il barra mill-faqar, u li għalhekk l-integrazzjoni tal-komunitajiet emarġinati fis-soċjetà u s-suq tax-xogħol għandha għalhekk tkun prijorità; jinnota bi tħassib li membri ta' komunitajiet emarġinati spiss ikunu esklużi mis-soċjetà u jġarrbu diskriminazzjoni u, konsegwentement, jaffaċċjaw ostakli għall-aċċess għal edukazzjoni, impjiegi, kura tas-saħħa, trasport, informazzjoni u servizzi b'mod ġenerali ta' kwalità għolja, u li dan joħloq problema kumplessa li jeħtieġ tiġi indirizzata b'mod xieraq permezz tal-użu komplementari u l-kombinazzjoni effettiva tal-FSIE u r-riżorsi nazzjonali; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa li jsiru sforzi speċjali fir-rigward ta' programmi eżistenti tal-UE, bħall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, l-Erasmus+ u l-Ewropa Kreattiva, bl-għan li jilħqu lil membri ta' komunitajiet emarġinati, flimkien ma' monitoraġġ regolari tas-suċċess ta' dak l-ilħuq, sabiex jinkiser iċ-ċiklu tal-faqar u l-emarġinazzjoni u tingħata spinta lill-ħiliet u l-kwalifiki professjonali tal-persuni;

39.  Jitlob li l-fondi jintużaw biex jittejbu l-kondizzjonijiet tal-għajxien għan-nisa fil-komunitajiet emarġinati u jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għal edukazzjoni stabbli ta' kwalità għolja, akkomodazzjoni, kura tas-saħħa, impjieg, kura tat-tfal, servizzi soċjali, servizzi ta' appoġġ għall-vittmi u sistemi ġuridiċi;

40.  Jissottolinja l-fatt li rappreżentanti ta' komunitajiet emarġinati jeħtieġ li jkunu involuti b'mod attiv u jkunu jistgħu jipparteċipaw bħala membri sħaħ f'arranġamenti ta' monitoraġġ; jirrimarka li setgħet inkisbet esperjenzja konsiderevoli fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u transnazzjonali; jissottolinja l-ħtieġa li jinxterdu u jiġu kapitalizzati l-aħjar prattiki; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri janalizzaw l-aħjar prattiki eżistenti kollha, fosthom dawk innovattivi relatati mal-inklużjoni ta' individwi u gruppi emarġinati fis-soċjetà, u jvaraw attivitajiet ta' netwerking, anke fost ħaddiema soċjali, li jaħdmu maż-żgħażagħ u fil-komunità kif ukoll fost l-akkademiċi u r-riċerkaturi; jenfasizza l-ħtieġa għal pjattaforma ta' netwerks fil-livell tal-UE li tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki u s-soluzzjoni konġunta tal-problemi li tista' sservi wkoll bħala faċilità ta' tagħlim elettroniku għall-bini tal-kapaċità;

41.   Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-politika ta' koeżjoni u l-komunitajiet emarġinati fid-djalogu strutturat annwali tagħha mas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw is-sieħba, filwaqt li jiġi żgurat li r-rappreżentanti ta' komunitajiet emarġinati jipparteċipaw u jiffaċilitaw dibattitu bbażat fuq analiżi kwantitattiva u kwalitattiva;

42.  Jirrimarka li l-għarfien dwar l-inklużjoni strutturali u sistematika mhuwiex biss mitlub min-naħa tas-soċjetà kollha kemm hi iżda huwa partikolarment essenzjali għall-ħidma ta' min jieħu d-deċiżjonijiet u l-partijiet ikkonċernati fil-livelli amministrattivi kollha u korpi pubbliċi oħra involuti; jistieden lill-partijiet ikkonċernati pubbliċi kollha u l-istituzzjonijiet ta' taħriġ iwettqu analiżi bir-reqqa tal-kawżi tad-diskriminazzjoni u l-emarġinazzjoni, u jqajmu l-kuxjenza dwar il-fatt li l-ksenofobija u r-razziżmu, u t-tipi kollha ta' emarġinazzjoni li twassal għal esklużjoni sistematika, iridu jiġu eliminati; jistieden lill-Kummissjoni tinforza b'mod rigoruż u timmonitorja l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-diskriminazzjoni; jistieden lis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi (PES) jipprovdu servizzi mfassla apposta ta' kwalità għolja u abbażi tal-ħtiġijiet;  Jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ doppju biex tingħata l-għajnuna u jiġu integrati l-gruppi emarġinati, u dan għandu jsir direttament b'rabta ma' dawk affettwati permezz tal-għoti ta' edukazzjoni, inklużi l-faċilitajiet edukattivi, it-taħriġ, il-linji gwida vokazzjonali u l-opportunitajiet ta' impjieg, u b'rabta mal-komunità lokali u l-awtoritajiet sabiex jitjiebu u/jew jinbidlu l-perċezzjonijiet tal-pubbliku billi jkun hemm aktar sensibilizzazzjoni tal-effetti tal-preġudizzju, jitjiebu s-servizzi pubbliċi u jiġu adattati sistemi soċjali;

44.  Jenfasizza li l-edukazzjoni hija dritt fundamentali minqux fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; jenfasizza li l-iżgurar ta' aċċess ugwali għal edukazzjoni ta' kwalità għolja għall-membri kollha tas-soċjetà huwa fundamentali biex jinkiser iċ-ċiklu tal-esklużjoni soċjali; huwa tal-fehma li l-edukazzjoni formali, mhux formali u informali, ikkaratterizzata minn edukazzjoni fid-diversità, hija l-ewwel pass lejn l-inklużjoni politika, ekonomika u soċjali ġenwina ta' komunitajiet emarġinati; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu implimentati programmi, proġetti u attivitajiet ta' appoġġ għal komunitajiet emarġinati sabiex jipprovdu għal edukazzjoni ta' qabel l-iskola, tiġi enfasizzata l-ħtieġa għal edukazzjoni formali, filwaqt li jiġu offruti opportunitajiet għal forom oħra ta' edukazzjoni kif ukoll tagħlim tul il-ħajja, partikolarment fil-ħiliet vokazzjonali u fl-ICT, u biex jittejjeb l-aċċess għall-media, anke bil-ħsieb tal-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet f'komunitajiet emarġinati;

45.  Jistieden lill-Istati Membri, u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, jinkoraġġixxu l-użu tal-FEŻR biex jiġu appoġġati l-SMEs u l-intrapriżi soċjali li jinvolvu u jibbenefikaw il-komunitajiet emarġinati; jirrimarka dwar il-ħtieġa li jiġu appoġġati attivitajiet għal komunitajiet emarġinati sabiex tingħata għajnuna lil, u jinħolqu l-kundizzjonijiet għal, intraprenditorija mikro, biex b'hekk jitħarsu modi differenti ta' kif isir in-negozju;

46.  Jirrimarka li ħafna setturi se jgħaddu minn trasformazzjoni sinifikanti fil-futur qrib, parzjalment minħabba l-użu usa' ta' għodod u soluzzjonijiet online; jirrimarka li dan ser ipoġġi taħt pressjoni kemm lill-ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet kif ukoll lil dawk b'livell medju ta' ħiliet, u dan ikollu impatt partikolari fuq membri ta' komunitajiet emarġinati, peress li bħalissa huma dawn in-nies li normalment isibu l-impjieg f'dawn is-setturi; jenfasizza l-importanza ta' taħriġ u servizzi aċċessibbli u affordabbli għal kulħadd fil-qasam tat-teknoloġiji u s-setturi l-ġodda, b'kunsiderazzjoni speċjali għall-opportunitajiet fis-settur diġitali u l-ekonomija ekoloġika, speċjalment għall-gruppi l-aktar żvantaġġati; jinnota l-importanza ta' negozji mikro u żgħar biex jgħinu jsostnu l-impjiegi f'żoni rurali u jistieden, għaldaqstant, li ssir enfasi akbar fuq l-iżgurar tal-aċċess għall-fondi għal dawn in-negozji;

47.  Jirrimarka dwar l-importanza tal-emanċipazzjoni tan-nisa f'komunitajiet emarġinati billi jiġu inkoraġġiti n-nisa intraprendituri u l-parteċipazzjoni tan-nisa f'dawk il-komunitajiet;

48.  Jenfasizza r-rwol importanti li jistgħu jiżvolġu fl-emanċipazzjoni ta' nisa f'komunitajiet emarġinati, l-intraprenditorija soċjali, il-kooperattivi, l-assoċjazzonijiet mutwi u n-negozju alternattiv; jirrakkomanda li l-fondi ta' koeżjoni, b'mod partikolari l-FSE, jappoġġaw l-investimenti f'dan il-qasam li għandhom perspettiva qawwija rigward il-ġeneru;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-limitazzjonijiet tal-allokazzjoni attwali fundamentali biex jiġi determinat l-appoġġ mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni abbażi tal-PDG, billi jsir użu aħjar minn indikaturi disponibbli – bħad-data EU-SILC tal-Eurostat dwar l-introjtu u l-kundizzjonijiet tal-għajxien – li kapaċi jidentifikaw żoni ta' faqar u fraġilità soċjali fit-territorju tal-Unjoni, sabiex l-appoġġ tal-UE jasal għand il-komunitajiet emarġinati b'mod aħjar;

50.  Jenfasizza li fid-dibattitu politiku tal-UE, il-komunitajiet emarġinati spiss huma sfruttati tendenzjalment għal finijiet politiċi, u li tinħtieġ analiżi dettaljata tal-esklużjoni strutturali, kemm fi ftehimiet ta' sħubija kif ukoll fil-programmi operattivi kkonċernati; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida koerenti, konsistenti u ċara dwar l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-ġestjoni ta' proġetti ffinanzjati mill-UE relatati ma' komunitajiet emarġinati, inklużi analiżijiet fil-fond, eżempji tal-aħjar prassi u rakkomandazzjonijiet ta' politika, biex jiġi żgurat li komunitajiet emarġinati jiġu inklużi fil-fondi tal-UE anke fid-dawl tal-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss;

51.  Jitlob li perspettiva tal-ġeneru u analiżi intersezzjonali jiġu inkorporati fl-inizjattivi, il-programmi, l-azzjonijiet u l-arranġamenti ta' finanzjament ta' integrazzjoni u inklużjoni soċjali ffinanzjati mill-UE, bl-għan li l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa f'komunitajiet emarġinati jkunu jistgħu jiġu indirizzati – u l-varjetà ta' lħna u perspettivi ta' nisa f'pożizzjonijiet strutturali u rwoli differenti jkunu jistgħu jinqabdu aħjar – b'mod aħjar; jemmen li valutazzjonijiet tal-impatt fir-rigward tal-ġeneri u bbaġittjar skont il-ġeneru huma utli fl-evalwazzjoni ta' x'impatt ikollhom fuq in-nisa l-prijoritajiet ta' finanzjament, l-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u l-ispeċifikazzjonijiet għal programmi ta' finanzjament; jenfasizza l-ħtieġa li data diżaggregata skont il-ġeneru tinġabar sistematikament u tiġi analizzata regolarment;

52.  Jistieden lill-Istati Membri joffru premju għal dedikazzjoni eżemplari għall-integrazzjoni u l-inklużjoni ta' gruppi emarġinati fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE; jissuġġerixxi li tali premju għal xogħol li jispikka jista' jiġi ppreżentat lil muniċipalitajiet jew reġjuni fl-Istati Membri;

53.  Jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw u jinkoraġġixxu n-netwerking bejn il-muniċipalitajiet u l-bliet li jittrattaw l-integrazzjoni ta' gruppi emarġinati; jissuġġerixxi li l-Patt tas-Sindki dwar it-Tibdil fil-Klima jista' jservi ta' eżempju għal tali netwerk;

54.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.

(3)

ĠU L 132, 29.5.2010, p. 1.

(4)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.

(5)

ĠU L 354, 28.12.2013, p. 62.

(6)

ĠU L 72, 12.3.2014, p. 1.

(7)

ĠU L 74, 14.3.2014, p. 1.

(8)

Testi adottati, P7_TA(2014)0132.

(9)

Testi adottati, P7_TA(2013)0594.

(10)

Testi adottati, P7_TA(2013)0246.

(11)

Testi adottati, P7_TA(2011)0092.

(12)

ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 120.

(13)

ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 60.

(14)

ĠU C 378, 14.12.2013, p. 1.

(15)

ĠU C 114, 15.4.2014, p. 73.

(16)

Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1081/2006.

(17)

Parti II tal-Anness XI tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.


NOTA SPJEGATTIVA

Il-Politika ta’ Koeżjoni hija waħda mill-aktar strumenti b’saħħithom li l-Unjoni Ewropea għandha għad-dispożizzjoni tagħha li biha tiġġieled l-inugwaljanza u tappoġġja l-koeżjoni territorjali u soċjali fir-reġjuni tagħha.

Fis-soċjetajiet Ewropej kollha hemm gruppi u komunitajiet li jiffaċċjaw esklużjoni u segregazzjoni strutturali mis-soċjetà tal-maġġoranza u m’għandhomx aċċess anke għal infrastruttura u servizzi pubbliċi bażiċi. Barra minn hekk, huma ta’ spiss affettwati b’mod sproporzjonat mill-faqar, il-qgħad u kondizzjonijiet tas-saħħa ħżiena.

Tnaqqis kbir fin-nefqa pubblika waqt il-kriżi wassal għal aggravament tal-problemi eżistenti fl-Istati Membri, bħall-qgħad, in-nuqqas tas-sigurtà soċjali, sitwazzjoni diffiċli tal-akkomodazzjoni u nuqqas ta’ servizzi tas-saħħa pubblika. Bħala konsegwenza, il-kriżi kellha impatt negattiv dirett fuq membri tal-komunitajiet emarġinati. Barra minn hekk, bosta muniċipalitajiet ikomplu jiffaċċjaw restrizzjonijiet baġitarji severi li jipprevjenuhom milli jittrattaw b’mod adegwat l-emarġinazzjoni fis-soċjetà.

Minkejja kollox, ir-responsabbiltà ewlenija għat-tibdil fil-qagħda tal-komunitajiet emarġinati hija tal-Istati Membri. Filwaqt li ċirkostanzi nazzjonali, ħtiġijiet u soluzzjonijiet speċifiċi jvarjaw ħafna madwar l-Ewropa, l-għan tal-koeżjoni soċjali jitlob rwol Ewropew fil-politiki għall-inklużjoni tal-komunitajiet emarġinati.

Komunitajiet emarġinati u strutturi diskriminatorji

M’hemm l-ebda definizzjoni uniformi tal-UE ta’ komunitajiet emarġinati; minflok, it-terminu jkopri firxa wiesgħa ta’ kunċetti, bħal viċinati żvantaġġati, persuni l-aktar imċaħħda jew materjalment imċaħħda, persuni fir-riskju tal-faqar, u gruppi fis-soċjetà li huma żvantaġġati jew diskriminati.

Madankollu, il-kunċett ta’ komunitajiet emarġinati ġie introdott fir-Regolament dwar l-FEŻR fl-2013, bl-għan ċar li jiġġieled il-konsegwenzi tal-emarġinazzjoni. Għalhekk huwa issa r-responsabbiltà tal-UE biex issegwi u twettaq dan il-għan b’mod konsistenti.

Barra minn hekk, hemm varjetà kbira ta’ strutturi diskriminatorji fis-seħħ, inkluż l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tas-sessi kif ukoll sfondi kulturali, reliġjużi jew etniċi differenti. Bosta persuni jiffaċċjaw forom differenti ta’ diskriminazzjoni fl-istess ħin, speċjalment fi ħdan il-komunitajiet Rom, li ta’ spiss huma emarġinati fis-soċjetajiet Ewropej.

Il-politika ta’ koeżjoni hija għodda b’saħħitha

Il-politika ta’ koeżjoni jista' jkollha rwol b’saħħtu biex tibdel dawn ir-realtajiet. Mhux biss meta wieħed iħares lejn l-isfidi fl-akkomodazzjoni jew l-aċċess għall-infrastruttura pubblika, kif diġà qed jiġri fil-qafas tal-FEŻR, iżda wkoll billi jiġi pprovdut approċċ integrat għall-indirizzar tal-forom differenti kollha tad-diskriminazzjoni li jiffaċċjaw il-komunitajiet emarġinati.

Madankollu, ta’ spiss il-komunitajiet emarġinati ma jibbenefikawx minn politika ta’ koeżjoni Ewropea. Dawn la huma inklużi fl-istrutturi tat-teħid tad-deċiżjoni u lanqas fil-proċessi tal-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-proġetti. Dan jista’ jwassal biex l-UE taggrava l-problemi ta’ gruppi vulnerabbli, u hemm diversi eżempji ta’ użu ħażin ta’ fondi, speċjalment fir-rigward tal-komunitajiet emarġinati.

Il-fehim u s-sensibilizzazzjoni ta’ forom sistematiċi tad-diskriminazzjoni bħall-antiżingariżmu għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-attenzjoni meta wieħed janalizza r-raġunijiet għall-esklużjoni.

Approċċ integrat: espliċitu iżda mhux esklussiv

Meta wieħed jitratta l-integrazzjoni ta’ gruppi emarġinati, il-prinċipju ta’ 'espliċitu iżda mhux esklussiv' ġie adottat minn numru ta’ partijiet interessati. Dan il-prinċipju jipproponi li ssir enfasi fuq gruppi fil-mira partikolari mingħajr ma jiġu esklużi persuni oħra f’ċirkostanzi soċjoekonomiċi simili. Xorta waħda, is-sempliċi fatt li jissemmew komunitajiet emarġinati, bħar-Rom, ma jiżgurax li jiġu adottati miżuri speċifiċi biex jindirizzaw is-sitwazzjoni tagħhom.

Għal dan il-għan, l-implimentazzjoni xierqa tal-Kodiċi ta’ Kondotta dwar is-Sħubiji, li tħabrek biex tiżgura parteċipazzjoni u rappreżentazzjoni ugwali tal-partijiet interessati, għandha importanza prinċipali. Differenzi kbar bejn Stati Membri huma rrappurtati fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom tal-prinċipju tas-sħubija, li jvarjaw minn konsultazzjoni regolari tas-sħab soċjali għal negliġenza totali tal-Kodiċi ta’ Kondotta.

Barra minn hekk, l-evalwazzjoni ta’ proġetti matul il-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti wriet li l-finanzjament mhux dejjem jimmira lejn il-ħtiġijiet reali tal-benefiċjarji. Xi kultant implimentaturi jissodisfaw ukoll il-kriterji sempliċiment billi 'jimmarkaw il-kaxxi', pereżempju billi jinvolvu NGOs li allegatament jirrappreżentaw il-persuni Rom jew billi jkollhom psewdokonsultazzjonijiet mingħajr ebda djalogu reali.

Għalhekk hemm domanda ċara għal mekkaniżmi ta’ valutazzjoni u ta’ monitoraġġ ta’ kwalità. Għandna bżonn bidla lejn monitoraġġ taˆ kwalità sabiex interventi jwasslu għal riżultati fit-tul u sostenibbli. Dan huwa proċess kumpless u li jieħu l-ħin li jeħtieġ bini tal-kapaċità mmirat u effettiv tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell lokali u nazzjonali, kif ukoll l-emanċipazzjoni tal-komunitajiet emarġinati sabiex ikunu kapaċi jipparteċipaw b’mod proattiv fid-disinn u l-implimentazzjoni tal-interventi. Il-baġit għall-assistenza teknika ta’ spiss jibqa’ mhux użat u għandu jiġi allokat għall-proġetti tal-bini tal-kapaċità u programmi tat-taħriġ għas-soċjetà ċivili.

Dan ir-rapport jagħti rakkomandazzjonijiet dwar kif jingħelbu l-problemi deskritti hawn fuq. B’dan il-mod, l-użu tal-fondi tal-UE għall-inklużjoni ta’ komunitajiet emarġinati jista’ jsir opportunità kbira għall-promozzjoni u l-appoġġ ta’ aktar koeżjoni fis-soċjetajiet Ewropej.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (25.6.2015)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

Il-politika ta’ koeżjoni u l-komunitajiet emarġinati

(2014/2247(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Ádám Kósa

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-politika ta’ koeżjoni, kif definita fl-Att Uniku Ewropew tal-1986, hija dwar it-tnaqqis tad-disparitajiet bejn ir-reġjuni varji u r-ritard ta’ dawk ir-reġjuni li huma inqas favoriti; billi t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jżid aspett ieħor lill-koeżjoni, billi jirreferi għall-"koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali";

B.  billi l-Kummissjoni ma pprovdietx definizzjoni għall-komunitajiet emarġinati, filwaqt li ħalliet ir-responsabbiltà f’idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu fuq il-bażi tal-indikaturi nazzjonali tagħhom; jinnota, madankollu, li l-emarġinazzjoni tista’ tiġi stabbilita billi jiġi kkunsidrat sett ta’ indikaturi rilevanti bħal esklużjoni soċjali, qgħad għoli fit-tul, livell baxx ta’ edukazzjoni, diskriminazzjoni, kundizzjonijiet ħżiena (ħafna) tad-djar, livell għoli ta’ diskriminazzjoni, u esponiment eċċessiv għal riskji għas-saħħa u/jew nuqqas ta’ aċċess għall-kura tas-saħħa, jiġifieri dawk il-popli kkunsidrati li huma l-aktar vulnerabbli u l-aktar fil-bżonn ta’ għajnuna;

C.  billi r-Regolament (UE) Nru 1304/2013(1) jistipula li l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għandu jkun ta’ benefiċċju għall-persuni, inklużi gruppi żvantaġġjati bħal dawk qiegħda fit-tul, persuni b’diżabilitajiet, migranti, minoritajiet etniċi, komunitajiet emarġinati u persuni ta’ kull età li qegħdin jaffaċċjaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali;

D.  billi r-Regolament (UE) Nru 223/2014(2) jistipula li l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn jippromwovi l-koeżjoni soċjali, itejjeb l-inklużjoni soċjali, u għaldaqstant jikkontribwixxi għall-objettiv li jeqred il-faqar fl-Unjoni, u jappoġġja wkoll l-azzjonijiet tal-Istati Membri biex jipprovdu assistenza materjali lill-persuni l-aktar fil-bżonn;

1.  Ifakkar –filwaqt li jikkunsidra li l-kriżi ekonomika u finanzjarja reċenti laqtet b’mod partikolari l-gruppi emarġinati li jinsabu l-aktar f’riskju li jitilfu l-impjieg tagħhom meta jkun hemm it-turbulenza fis-suq tax-xogħol – li l-edukazzjoni u l-impjiegi huma l-aħjar triq ’il barra mill-faqar, u li għalhekk l-integrazzjoni tal-komunitajiet emarġinati fis-soċjetà u s-suq tax-xogħol għandha tkun prijorità; jinnota bi tħassib li membri mill-komunitajiet emarġinati ħafna drabi jkunu esklużi mis-soċjetà u jsofru diskriminazzjoni u konsegwentement jaffaċċjaw ostakli biex jaċċessaw edukazzjoni ta’ kwalità għolja, impjiegi, kura tas-saħħa, trasport, informazzjoni u servizzi b’mod ġenerali, li jippreżentaw problema kumplessa li jeħtieġ tiġi indirizzata b’mod xieraq permezz tal-użu komplimentari u l-kombinazzjoni effettiva tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u tar-riżorsi nazzjonali; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa li jsiru sforzi speċjali fir-rigward ta’ programmi eżistenti tal-UE, bħall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, l-Erasmus+, u l-Ewropa Kreattiva bl-għan li jilħqu lil membri ta’ komunitajiet emarġinati, flimkien ma’ monitoraġġ regolari tas-suċċess tal-ilħiq tal-programmi, sabiex jinkiser iċ-ċiklu tal-faqar u l-emarġinazzjoni u tingħata spinta lill-ħiliet u l-kwalifiki professjonali tal-persuni;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ doppju biex tingħata l-għajnuna u jiġu integrati l-gruppi emarġinati, u dan għandu jsir direttament b’rabta ma’ dawk affetwati permezz tal-provvista ta’ edukazzjoni, inklużi l-faċilitajiet edukattivi, it-taħriġ, il-linji gwida vokazzjonali u l-opportunitajiet ta’ impjieg, u b’rabta mal-komunità lokali u l-awtoritajiet sabiex jitjiebu u/jew jinbidlu l-perċezzjonijiet tal-pubbliku billi jkun hemm aktar sensibilizzazzjoni tal-effetti tal-preġudizzju, jitjiebu s-servizzi pubbliċi u jiġu adattati sistemi soċjali;

3.  Ifakkar li l-objettiv ewlieni tal-politika ta’ koeżjoni huwa li jippromwovi l-iżvilupp territorjali u jnaqqas l-inugwaljanzi reġjonali u jisħaq, għalhekk, li miżuri speċifiċi u trasversali għandhom jittieħdu bħala parti mill-implimentazzjoni u l-immaniġġjar tal-fondi tal-UE rilevanti sabiex jinkiseb dan l-objettiv; jenfasizza li l-FSE għandu jkun l-istrument ewlieni għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 fil-qasam tal-impjiegi, il-politiki tas-suq tax-xogħol, il-mobilità, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-inklużjoni soċjali fejn għaldaqstant jikkontribwixxi għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; jisħaq li l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għandhom jippromwovu r-riċerka u l-analizi bl-għan li jiġi ġġenerat tagħrif dwar il-kundizzjonijiet reali ta’ għajxien tal-komunitajiet emarġinati; jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni hija għodda importanti biex issir bidla lejn tfassil ta’ politika iktar ibbażat fuq ir-riżultati sabiex jiġi ġġenerat it-tkabbir intelliġenti u sostenibbli f’dawk ir-reġjuni li jeħtieġuh l-aktar, billi jiġu appoġġjati n-negozji li għadhom kemm jibdew u l-iżvilupp tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u jenfasizza l-importanza tan-negozji mikro u żgħar fl-għajnuna biex jiġu sostnuti l-impjiegi fiż-żoni rurali u periferali;

4.  Ifakkar - filwaqt li jikkunsidra l-iżbilanċi reġjonali dejjem jikbru, l-isfidi demografiċi u s-sitwazzjoni li jiffaċċjaw numru dejjem jikber ta’ żgħażagħ li telqu mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom jew qed jippjanaw li jitilqu minnu – li fiċ-ċiklu baġitarju tal-2014-2020 huwa disponibbli inqas finanzjament disponibbli għall-politika ta’ koeżjoni; jemmen li l-politika ta’ koeżjoni għad għandha l-potenzjal li żżid il-valur max-xogħol li diġà għaddej fl-Istati Membri u li, billi tiffoka fuq it-titjib tal-opportunitajiet ta’ impjieg, il-parteċipazzjoni fis-soċjetà u l-investiment fil-ħiliet, b’mod partikolari f’dawk ir-reġjuni li jeħtieġuh l-aktar, il-politika ta’ koeżjoni se tirriżulta, fost ħafna benefiċċji oħrajn, f’aktar inklużjoni soċjali u tnaqqis fil-faqar billi tippermetti l-flessibbiltà xierqa biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jimplimentaw l-appoġġ individwalizzat f’konformità mal-ħtiġijiet lokali u biex jiġi żgurat li l-finanzjament jintuża f’dawk iż-żoni fejn il-qgħad huwa l-ogħla u fejn huwa meħtieġ l-aktar;

5.  Jilqa’ l-fatt li, b’effett mill-2014, ir-Regolament (UE) 1303/2013(3)fih elementi storiċi ġodda maħsuba biex jappoġġaw lil min hu l-iktar żvantaġġjat: iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkludu dawn l-elementi fil-programmi operattivi tagħhom u biex jieħdu azzjoni konkreta u immedjata sabiex l-iżvilupp ta’ strateġija għat-tranżizzjoni mill-istituzzjonijiet il-kbar għas-servizzi bbażati fuq il-komunità isir obbligatorju, u biex isir sforz sabiex jiġu adottati miżuri xierqa; huwa tal-fehma, barra minn hekk, li l-Istati Membri għandhom jippromwovu l-inklużjoni soċjali, jiġġieldu kontra l-faqar u l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni kif minqux fil-liġi tal-UE, jieħdu azzjoni kontra l-kriminalità relatata mal-mibegħda diretta lejn il-persuni minn komunitajiet emarġinati u jippromwovu politiki kontra d-diskriminazzjoni, jekk ikun meħtieġ billi, fost l-oħrajn, jadottaw leġiżlazzjoni xierqa, isaħħu l-korpi nazzjonali tagħhom kontra d-diskriminazzjoni u jippromwovu t-taħriġ speċifiku għall-impjegati taċ-ċivil; jinnota li r-regolament imsemmi jintegra wkoll u/jew jinkludi l-komunitajiet emarġinati billi jimmira lejn il-ħtiġijiet tagħhom fir-rigward tal-isfidi dejjem jikbru li jiffaċċjaw f’soċjetà bbażata fuq l-għarfien; huwa tal-opinjoni li, f’konformità mar-regolament, il-Kodiċi tal-Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija għandu jiġi segwit u applikat b’mod strett;

6.  Jisħaq li l-edukazzjoni hija dritt fundamentali minqux fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u li l-politika dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ għandha tippermetti lill-membri kollha tas-soċjetà jibbenefikaw minn edukazzjoni ta' kwalità għolja; jirrimarka li l-inugwaljanza għadha tippersisti fis-sistemi edukattivi tal-Ewropa u li l-qagħda soċjali li tintiret hija l-fattur ewlieni li jikkontribwixxi għalihom; jenfasizza li l-iżgurar ta’ aċċess ugwali għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja għal membri kollha tas-soċjetà huwa ċ-ċavetta biex jinkiser iċ-ċiklu tal-esklużjoni soċjali; ifakkar, f’dan ir-rigward, li huwa meħtieġ investiment biex jiġi permess lil kulħadd, f’kull stadju ta’ ħajjithom, jieħdu sehem fl-istimular tal-esperjenzi ta’ tagħlim u jiġi inkoraġġut it-tagħlim tul il-ħajja sabiex jittejbu l-inklużjoni soċjali, iċ-ċittadinanza attiva u l-awtosostenibbiltà; ifakkar, f’dan il-kuntest, il-ħtieġa għat-taħriġ vokazzjonali u l-iżvilupp tal-ħiliet bażiċi, li għandhom jikkunsidaw id-differenzi bejn is-swieq tax-xogħol u s-sistemi edukattivi tal-Istati Membri, u biex jiġi evitat approċċ ta’ 'wieħed tajjeb għal kulħadd'; jirrimarka dwar il-ħtieġa ta’ qafas għad-disinn tal-politika li jikkunsidra l-innovazzjoni potenzjali u l-opportunitajiet intraprenditorjali assoċjati mal-karatteristiċi eżistenti tar-reġjun, u l-potenzjal ta’ diversifikazzjoni realistiku tiegħu, sabiex jiġi mfassal intervent strateġiku xieraq abbażi ta’ dawn il-karatteristiċi u l-eżiti intiżi, u għalhekk sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ fluss ta’ ħaddiema tas-sengħa lejn reġjuni aktar żviluppati;

7.  Ifakkar, f’dan il-kuntest, fil-ħtieġa ta’ taħriġ vokazzjonali u l-iżvilupp ta’ ħiliet bażiċi għal persuni b’ħiliet baxxi jew ebda kwalifiki, ibbażat mhux fuq soluzzjonijiet ta’ politika "wieħed tajjeb għal kulħadd", iżda fuq rakkomandazzjonijiet ta’ politika mfassla apposta kontinġenti fuq l-assi tat-tagħrif eżistenti tar-reġjun; jenfasizza l-aġenda tat-tagħlim dwar il-politika pubblika-privata bħala konsegwenza tas-sħubijiet bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali, li tista’ tikkapitalizza fuq l-indikaturi tar-riżultati/l-eżiti, il-monitoraġġ kontinwu u l-evalwazzjoni, l-istudji piloti, l-esperimenti tal-politika u l-każijiet tal-ittestjar;

8.  Jisħaq li attenzjoni partikolari għandha tingħata biex jiġi żgurat li l-fondi tal-UE ma jikkontribwixxu qatt u bl-ebda mod għas-segregazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib jekk il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u leġiżlazzjoni relatata humiex rispettati u jappoġġja lill-Kummissjoni biex tibda proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri li jiksru d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali (2000/43/KE);

9.  Jistieden lill-Kummissjoni toffri l-appoġġ tekniku meħtieġ biex titjieb il-kapaċità amministrattiva tal-korpi involuti fl-amministrazzjoni tal-Fondi Strutturali, u jistieden lill-Istati Membri jipprovdu pariri u għajnuna amministrattiva, eż. billi jorganizzaw taħriġ u billi jgħinu fl-applikazzjonijiet tal-għajnuna u fl-ispjegazzjonijiet, biex jagħmluha aktar faċli għal komunitajiet emarġinati bħar-Rom, biex jiksbu tagħrif rigward programmi Ewropej u nazzjonali ta’ finanzjament b’appoġġ għall-intraprenditorija u l-impjiegi u biex iressqu l-applikazzjonijiet relevanti;

10.  Jitlob, fir-rigward tal-promozzjoni ta’ servizzi bbażati fuq il-komunità, li l-għoti ta’ kura fil-familja, pereżempju meta wieħed jieħu ħsieb tfal, anzjani, jew persuni b’diżabilità, jiġi rikonoxxut bħala xogħol proprju, u li jiġu stabbiliti sistemi li jiġġieldu x-xogħol mhux iddikjarat; jitlob ir-rikonoxximent tad-dritt għal benefiċċji soċjali, assistenza soċjali u l-akkwist ta' assi;

11.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni fuq, u lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż maħruġa dwar l-inklużjoni soċjali tal-komunitajiet emarġinati;

12.  Jisħaq li s-sħab soċjali għandu jkollhom aċċess għall-assistenza teknika biex jiżguraw mhux biss it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħhom imma anke l-koordinazzjoni u r-rappreżentazzjoni tagħhom f’kumitati ad hoc li jiddefinixxu u jimplimentaw il-Programmi Operazzjonali;

13.  Jilqa’ l-fatt li xi Stati Membri, inklużi dawk li qegħdin jirċievu rakkomandazzjonijiet, jagħżlu l-integrazzjoni soċjoekonomika tal-komunitajiet emarġinati bħala prijorità ta’ investiment fil-programmi operazzjonali tagħhom; iwissi, madankollu, li dan għandu wkoll jiġi integrat fl-oqsma tal-politika bħall-edukazzjoni u l-impjiegi;

14.  Jinnota li r-Rom, li jiffurmaw l-akbar minoranza etnika fl-Ewropa u huma fost l-aktar komunitajiet emarġinati fl-UE, ibatu minn aktar problemi ta’ saħħa mill-bqija tal-popolazzjoni, u jagħti twissija ġusta li, skont id-dejta tal-istħarriġ tal-Programm ta’ Żvilupp tan-NU, madwar 20 % tar-Rom mhumiex koperti minn assigurazzjoni medika jew ma jafux jekk humiex koperti, u li madwar 15 % tat-tfal Rom taħt l-età ta’ 14 mhumiex imlaqqma meta mqabbel ma’ 4 % tat-tfal minn familji li mhumiex Rom; jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu u konsegwentement isegwu l-provvediment ta’ materjali ta’ informazzjoni dwar is-saħħa magħmula apposta u l-iżvilupp ta’ strateġiji tal-prevenzjoni tal-mard u inizjattivi komunitarji biex isaħħu l-impenn tas-saħħa fil-komunitajiet tar-Rom;

15.  Jistieden lill-Istati Membri jqisu l-aspetti multidimensjonali u territorjali tal-faqar, jimmobilizzaw riżorsi baġitarji suffiċjenti mill-baġit nazzjonali u programmi tal-UE permezz tal-użu tal-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità, Pjanijiet ta’ Azzjoni Konġunti, Investiment Territorjali Integrat u Operazzjonijiet Integrati sabiex jilħqu l-objettivi identifikati fl-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom tagħhom, u jiżviluppaw programmi multisettorjali u minn fondi differenti integrati li jimmiraw għal mikroreġjuni l-aktar fil-bżonn;

16.  Jiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri u l-Kummissjoni għall-fatt li wara l-2020, għalkemm se jkun hemm inqas u inqas nies ta’ età tax-xogħol, se jkunu madankollu meħtieġa politiki ta’ inklużjoni attiva għal dawn il-persuni, u se jkun hemm aktar kompetizzjoni għal impjiegi, filwaqt li s-settur privat se jipprovdi inqas u inqas impjiegi għal dawk li bħalissa huma relattivament bi ftit kwalifiki; ifakkar li anke f’uħud mill-aktar Stati Membri sinjuri (eż. id-Danimarka jew il-Lussemburgu), il-qgħad fit-tul qed jiżdied b’mod allarmanti (madwar 12-il miljun ruħ huma kklassifikati bħala qiegħda fit-tul fl-UE, li jirrappreżenta 5 % tal-forza tax-xogħol, u 59 % minnhom għamlu sentejn mingħajr ma sabu xogħol); jitlob lill-Kummissjoni biex f’kooperazzjoni mal-Istati Membri tfittex soluzzjonijiet ta’ impjieg prattiċi u ta’ tranżizzjoni għal ħaddiema b’ħiliet partikolarment baxxi jew bla ħiliet u/jew tgħinhom sabiex jerġgħu jsibu xogħol, li se jeħtieġ approċċ ġdid flimkien ma’ mhux biss strateġiji fit-tul iżda wkoll miżuri fuq terminu qasir, bħall-forom ta’ appoġġ għall-introjtu biex tiġi evitata l-esklużjoni soċjali tal-aktar gruppi żvantaġġati, u l-aġġustament ta’ għodod eżistenti bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-FSE sabiex jiġi evitat il-qgħad fit-tul permanenti, ir-rikorrenza tal-fluss riċenti tal-popolazzjoni lejn reġjuni aktar żviluppati, b’mod partikolari ta’ persuni ta’ età akbar minn 50 sena u taż-żgħażagħ, u żieda dejjiema ta’ dak il-fluss; jitlob lill-Kummissjoni tkejjel l-aċċessibilità ta’ impjiegi mis-settur privat għal ħaddiema b’ħiliet partikolarment baxxi, u tistabbilixxi liema impjiegi ġodda li ma jeħtieġu l-ebda kwalifika jistgħu jinħolqu fuq terminu qasir sal-2020;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, il-korpi ta’ ugwaljanza u l-mekkaniżmi l-oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem, biex b’mod rigoruż jinfurzaw u jimmonitorjaw il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-diskriminazzjoni, speċjalment fl-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ; jistieden lis-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi (PES) jipprovdi servizzi ta’ kwalità għolja, imfassla apposta lill-klijenti f’sitwazzjonijiet vulnerabbli u jimplimenta taħriġ dwar is-sensibilizzazzjoni għall-impjegati f’uffiċċji tal-impjiegi sabiex tiżdied is-sensittività tagħhom lejn l-iżvantaġġi multipli li jidħlu f’xulxin tal-persuni qiegħda f’sitwazzjonijiet vulnerabbli biex jiġu eliminati attitudnijiet preġudikati u negattivi lejhom;

18.  Jiġbed l-attenzjoni li ħafna setturi se jgħaddu minn trasformazzjoni sinifikanti fil-ġejjieni qarib, parzjalment minħabba l-użu usa’ ta’ għodod u soluzzjonijiet online; jirrimarka li dan ser ipoġġi taħt pressjoni kemm lill-ħaddiema b’ħiliet baxxi kif ukoll dawk b’ħiliet medji, li ser ikollu impatt partikolari fuq il-persuni mill-komunitajiet emarġinati, peress li bħalissa huma dawk li normalment isibu l-impjieg f’dawn is-setturi; jenfasizza l-importanza ta’ taħriġ u servizzi aċċessibbli u affordabbli għal kulħadd fil-qasam tat-teknoloġiji u s-setturi l-ġodda, b’kunsiderazzjoni speċjali għall-opportunitajiet fis-settur diġitali u l-ekonomija ekoloġika, speċjalment għall-gruppi l-aktar żvantaġġati; jinnota l-importanza ta’ negozji mikro u żgħar biex jgħinu jsostnu l-impjiegi f’żoni rurali u jistieden, għaldaqstant, għal enfasi miżjuda fuq l-iżgurar tal-aċċess għall-finanzjament għal dawn in-negozji;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproċedi mingħajr aktar dewmien u tippreżenta pakkett komprensiv ta’regoli u linji gwida biex jippromwovu l-aċċessibilità u l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità;

20.  Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li huma meħtieġa sforzi akbar sabiex ikun żgurat li l-impatt pożittiv tal-innovazzjonijiet teknoloġiċi fis-suq tax-xogħol jinħass ġenwinament u fl-istess waqt jemmen li l-Istati Membri għandhom jingħataw aktar appoġġ biex jippreparaw is-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom sabiex jiżguraw li fil-futur il-ħaddiema relattivament żvantaġġjati jkunu aktar kapaċi jiksbu għarfien aktar kumpless, flessibbli u kompetittiv sabiex jgħollu l-livell ta’ impjieg; jistieden lill-Istituzzjonijiet Ewropej sabiex fil-futur jiddedikaw aktar attenzjoni għat-tfassil ta’ previżjonijiet tas-suq tax-xogħol li jikkunsidraw ukoll teknoloġiji innovattivi u aktar avvanzati, punt ta’ tluq wieħed għal dan jista’ jkun il-proġett ta’ riċerka ġdid imniedi mill-Parlament(4), u jinkoraġġixxi wkoll lill-Kummissjoni sabiex tmexxi riċerka simili;

21.  Jistieden lill-Istati Membri, filwaqt li jibbilanċjaw b’mod prudenti l-baġits tagħhom, jagħtu attenzjoni partikolari lill-impatt soċjali tal-miżuri ekonomiċi, jimpenjaw ruħhom biex jipprovdu aktar finanzjament u li jkun suffiċjenti u jieħdu miżuri effettivi u ffukati biex jiżguraw li d-disparitajiet fl-iżvilupp fi ħdan ir-reġjuni ġeografiċi (kemm rurali kif ukoll urbani) ma jkunux mgħoddija fil-forma ta’ inugwaljanzi soċjali u inugwaljanzi ta’ opportunità, li diġà jintwerew f’etajiet bikrin; jemmen li dan lanqas m’għandu jiġi permess fi stadji aktar tard, u li għalhekk huwa meħtieġ, fuq il-bażi tal-indikaturi soċjali u ekonomiċi, li jiġu identifikati ż-żoni (lokalitajiet żgħar jew partijiet minn kolonji) fejn huma kkonċentrati l-iżvantaġġi ekonomiċi, soċjali u żvantaġġi oħrajn; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni akbar għall-għajnuna sabiex dawn il-postijiet ilaħħqu; jinnota bi tħassib li tfal minn familji żvantaġġjati huma, mingħajr ġustifikazzjoni, rappreżentati żżejjed fi skejjel għal persuni bi bżonnijiet speċjali; jenfasizza, f’dan il-kuntest, l-importanza li jiġu rikonoxxuti l-ħtiġijiet, l-iżvilupp fl-ewwel snin tat-tfulija, in-nondiskriminazzjoni, l-aċċess ugwali għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja u l-istabilità familjari;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-livelli għolja ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ esperjenzat mill-gruppi emarġinati, b’mod partikolari r-Rom, billi jużaw mekkaniżmi eżistenti bħall-Garanzija għaż-Żgħażagħ u programmi ta’ taħriġ speċjalizzati, bħal pereżempju l-programm Erasmus+, biex jiġi żgurat aċċess għall-edukazzjoni bikrija għat-tfal Rom u, billi jiġu appoġġjati programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja, biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-adulti Rom għas-suq tax-xogħol; jistieden, barra minn hekk, l-użu effettiv ta'’strumenti tal-UE oħrajn, eż. il-programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) biex tiġi promossa l-kwalità u l-impjiegi sostenibbli, tiġi garantita protezzjoni soċjali adegwata u diċenti u jiġi miġġieled il-faqar u l-esklużjoni soċjali;

23.  Jirrikonoxxi li l-biċċa l-kbira tar-Rom huma impjegati f’xogħlijiet li mhumiex iddikjarati, u minħabba li jeħtieġ li tiġi żgurata s-sostenibilità tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, jitlob lill-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali, biex jindirizzaw dan il-fenomenu b’mod effettiv, billi jagħmlu użu sħiħ mill-pjattaforma Ewropea biex itejbu l-kooperazzjoni fl-indirizzar ta’ xogħol mhux iddikjarat;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja u tivvaluta l-fattibilità tal-implimentazzjoni tar-regolamenti dwar il-fondi tal-Unjoni Ewropea, minħabba li l-aspett tal-kundizzjonijiet ta'’ħajja tar-Rom li jeħtieġ l-aktar soluzzjoni urġenti – it-titjib tas-sitwazzjoni ta’ nies jgħixu f’postijiet segregati f’kundizzjonijiet ta’ faqar – jista’ jiġi indirizzat biss b’mod kumpless (permezz ta’ approċċ integrat), u għalhekk l-implimentazzjoni ta’ programmi bħal dawn konsegwentament teħtieġ miżuri tat-tipi koperti kemm mill-FSE (bnedmin) kif ukoll mill-FEŻR (infrastruttura);

25.  Jirrimarka li n-nisa Rom jaffaċċjaw diskriminazzjoni doppja, peress li d-disparità bejn is-sessi fl-impjiegi u l-pagi huma għolja ħafna fil-komunitajiet Rom; jisħaq, għaldaqstant, il-ħtieġa li jiġi żgurat li miżuri speċifiċi għad-drittijiet tan-nisa u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri jiġu inklużi fl-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom;

26.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jqisu lit-tfal bħala prijorità waqt l-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom, u jtenni l-importanza tal-promozzjoni tal-aċċess indaqs għall-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u għall-kundizzjonijiet ta' ħajja dinjitużi għat-tfal;

27.  Jisħaq li t-tnaqqis fil-baġit għas-servizzi pubbliċi f’xi Stati Membri matul il-kriżi wassal għal żieda fil-qgħad, nuqqas ta’ sigurtà soċjali, sitwazzjoni diffiċli tad-djar u problemi ta’ saħħa; jistieden lill-Istati Membri jużaw b’mod aktar effiċjenti l-appoġġ mill-FSE biex itejbu l-kwalità u l-aċċess ugwali għas-servizzi pubbliċi għall-komunitajiet emarġinati u jiġġieldu kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.6.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

42

7

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Guillaume Balas, Tiziana Beghin, Brando Benifei, Mara Bizzotto, Vilija Blinkevičiūtė, David Casa, Ole Christensen, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Marian Harkin, Rina Ronja Kari, Jan Keller, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Kostadinka Kuneva, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Patrick Le Hyaric, Jeroen Lenaers, Javi López, Thomas Mann, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Joëlle Mélin, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Marek Plura, Sofia Ribeiro, Anne Sander, Sven Schulze, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Ulla Tørnæs, Marita Ulvskog, Renate Weber, Jana Žitňanská, Inês Cristina Zuber

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Georges Bach, Heinz K. Becker, Miapetra Kumpula-Natri, Paloma López Bermejo, António Marinho e Pinto, Edouard Martin, Tamás Meszerics, Csaba Sógor, Helga Stevens, Monika Vana, Tom Vandenkendelaere

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Branislav Škripek

(1)

Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1081/2006,

(2)

Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006.

(4)

Il-proġett "l-Impatt tad-Diġitalizzazzjoni fuq is-suq tax-xogħol" kien adottat mil-laqgħat tal-Bord u l-Bureau għall-Valutazzjoni tal-Għażliet Xjentifiċi u Teknoloġiċi fit-30 ta’ April 2015.


OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (15.7.2015)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar il-politika ta' koeżjoni u l-komunitajiet emarġinati

(2014/2247(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Ernest Urtasun

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-emarġinazzjoni hija fenomenu soċjali li fih individwi jew komunitajiet jiġu soċjalment esklużi u sistematikament imblukkati milli jipparteċipaw, jew jiġu mċaħħda l-aċċess għall-parteċipazzjoni, fil-proċessi soċjali u politiċi li huma essenzjali għall-integrazzjoni soċjali tagħhom; billi "komunitajiet emarġinati" tirreferi għal diversi gruppi u individwi, bħalma huma l-minoranzi, ir-Rom, il-persuni b'diżabilità, il-persuni li jgħixu taħt is-soll tal-faqar jew li jinsabu fir-riskju tal-faqar, il-migranti, ir-rifuġjati u l-gruppi soċjalment esklużi fis-soċjatà; billi r-razziżmu, il-patrijarkija, l-omofobija, l-iżvantaġġi ekonomiċi u fatturi diskriminatorji oħra jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' saffi ta’ inugwaljanza u dinamika fejn titnaqqas is-setgħa għan-nisa fi ħdan il-komunitajiet emarġinati;

B.  billi l-faqar li jaffettwa lill-komunitajiet emarġinati jaffettwa lin-nisa, lit-tfal u lill-irġiel b'mod differenti, għall-fatt li n-nisa u t-tfal għandhom it-tendenza li jsibuha aktar diffiċli biex ikollhom aċċess għas-servizzi soċjali u biex jirċievu dħul diċenti;

C.  billi l-emarġinazzjoni u d-diskriminazzjoni doppja li jaffettwaw lin-nisa f'dawk il-gruppi jimpedixxu l-aċċess tan-nisa għas-servizzi, l-informazzjoni u għall-organizzazzjonijiet pubbliċi u dawnk mhux governattivi li jaħdmu fil-qasam tal-ugwaljanza;

D.  billi n-nisa jaqdu rwol kruċjali fil-komunitajiet emarġinati kemm mil-lat ekonomiku kif ukoll fir-rigward tal-edukazzjoni u l-kura tal-oħrajn; billi r-rwol kruċjali tan-nisa jeħtieġ li jiġi indirizzat permezz ta' azzjonijiet speċifiċi bil-għan li jingħelbu l-barrieri li hemm għall-inklużjoni u l-parteċipazzjoni indaqs tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet, jittejbu l-kondizzjoni tal-għajxien tan-nisa u jingħatalhom it-taħriġ li jeħtieġu biex jipparteċipaw b'mod attiv fil-ħajja soċjali u ekonomika tal-pajjiż;

E.  billi l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u t-tnaqqis fis-servizzi pubbliċi komplew jgħarrqu s-sitwazzjoni tan-nisa fi ħdan il-komunitajiet emarġinati;

F.  billi n-nisa fil-komunitajiet emarġinati jsofru diskriminazzjoni multipla aktar intensa u għandhom rata ta' okkupazzjoni aktar baxxa mill-irġiel f'dawk il-komunitajiet u minn nisa oħra;

G.  billi l-għalbien tal-emarġinazzjoni u d-diskriminazzjoni multipla jeħtieġ l-involviment tal-livell lokali dirett mal-komunitajiet in kwistjoni, soċjalment, politikament u ekonomikament, inkluż l-involviment tal-partijiet interessati, tas-soċjetà ċivili u taċ-ċittadini fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet; billi f'dawn il-proċessi għandha dejjem tiġi inkluża l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi, bil-ħsieb li n-nisa li qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla jingħataw is-setgħa jipparteċipaw fihom u jkunu jistgħu jsemmgħu leħinhom fl-isfera pubblika;

H.  billi l-edukazzjoni, kemm dik formali u kemm dik informali, hija instrumentali fil-għalbien tal-emarġinazzjoni u d-diskriminazzjoni multipla, f'dawk li huma l-ħolqien ta' djalogu, il-ftuħ u l-ftehim bejn il-komunitajiet, u f'dak li hu l-għoti tas-setgħa lill-komunitajiet emarġinati; billi perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni, u r-rwol tagħha fil-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-bniet fil-komunitajiet emarġinati, mgħandhiex tintesa;

I.  billi r-rappreżentanza tan-nisa fil-komunitajiet emarġinati fl-arti u l-kultura u fil-midja hija importanti biex jingħelbu l-emarġinazzjoni, l-isterjotipar u d-diskriminazzjoni multipla;

J.  billi l-istrateġiji tal-politika ta' koeżjoni Ewropea għall-għoti tas-setgħa lin-nisa fil-komunitajiet emarġinati għandhom iqisu s-sitwazzjoni tan-nisa li jkunu qed jixjieħu, in-nisa b'diżabilità, in-nisa li jieħdu ta' oħrajn u n-nisa bi problemi tas-saħħa mentali;

K.  billi l-Istati Membri jaqdu rwol deċiżiv fil-ħolqien ta' ambjent li jiddefinixxi u jsawwar l-emarġinazzjoni, u billi huma għandhom iqisu l-ħtiġijiet tal-komunitajiet emarġinati u jinkludu l-interessi tagħhom fl-abbozzar u l-argumentazzjoni tal-programmi operazzjonali mressqa lill-Kummissjoni;

1.  Jirrimarka li n-nisa fi ħdan il-komunitajiet emarġinati jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla, sitwazzjoni li tpoġġihom f'riskju jerġa' akbar tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, speċjalment fl-aċċess għax-xogħol, l-edukazzjoni, is-saħħa u s-servizzi soċjali;

2.  Jitlob li perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi u analiżi intersezzjonali jiġu inkorporati fl-inizjattivi, il-programmi, l-azzjonijiet u l-arranġamenti ta' finanzjament ta' integrazzjoni u inklużjoni soċjali iffinanzjati mill-UE bil-għan li l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa fil-komunitajiet emarġinati jkunu jistgħu jiġu indirizzati aħjar u l-varjetà ta' vuċijiet u perspettivi ta' nisa f'pożizzjonijiet strutturali u rwoli differenti jkunu jistgħu jinqabdu aħjar; jemmen li valutazzjonijiet tal-impatt fuq is-sessi u bbaġittjar skont is-sessi huma utli fil-valutazzjoni ta' x'impatt ikollhom fuq in-nisa l-prijoritajiet ta’ finanzjament, l-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u l-ispeċifikazzjonijiet għall-programmi ta’ finanzjament; jenfasizza l-ħtieġa ta' data diżaggregata skont is-sessi li għandha tiġi miġbura sistematikament u analizzata regolarment;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra azzjoni affermattiva hi u tabbozza programmi reġjonali bil-għan li tipprevjeni li n-nisa fil-komunitajiet emarġinati jkomplu jinżlu aktar taħt is-soll tal-faqar u biex tilqa' minn qabel għall-faqar fost it-tfal fi stadju bikri;

4.  Jitlob li jsiru titjibiet fil-kwalità u fit-taħriġ ta' servizzi soċjali speċjalizzati (inklużi l-uffiċjali tal-probazzjoni) li jaħdmu mal-familji emarġinati;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/441/KEE, li tirrikonoxxi li persuna għandha d-dritt bażiku għal biżżejjed riżorsi u għajnuna soċjali biex tgħix b'mod li jkun kompatibbli mad-dinjità tal-bniedem, kwistjoni essenzjali għan-nisa, li jinsabu fir-riskju tal-faqar aktar mill-irġiel; jirrimarka li huwa importanti li jiġi stabbilit metodu komuni biex jiġi kkalkulat limitu minimu għas-sussistenza f'termini tal-kost tal-għajxien ("qoffa" ta' prodotti u servizzi), sabiex ikun jista' jiġi utilizzat kejl komparattiv tal-livelli tal-faqar u jiġu stabbiliti l-mezzi ta' intervent soċjali, inkluża skema ta' dħul minimu, li hija vitali bil-għan li jirnexxilha sseħħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali għan-nies li jgħixu fiż-żoni differenti tal-Unjoni Ewropea;

6.  Iqis li huwa essenzjali li jiġu inklużi l-korpi tal-ugwaljanza, l-organizzazzjonijiet tan-nisa u nisa mill-komunitajiet emarġinati fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni, l-użu, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-fondi, fil-livelli kollha, mill-awtoritajiet lokali u reġjonali sal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, u jqis li l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-programmi implimentati għandhom jitqiesu bħala proċess ewlieni fit-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tan-nisa mill-komunitajiet emarġinati;

7.  Jiġbed l-attenzjoni lejn kemm hu importanti li n-nisa fi ħdan il-komunitajiet emarġinati jingħataw is-setgħa billi jiġu inkoraġġiti n-nisa intraprendituri u l-parteċipazzjoni tan-nisa f'dak il-komunitajiet;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex trawwem bini ta' kapaċità sostenibbli u komprensiv għan-nisa fi ħdan il-komunitajiet emarġinati;

9.  Jenfasizza li l-opportunitajiet kollha ta’ finanzjament Ewropew għall-appoġġ lill-komunitajiet emarġinati, u lin-nisa b'mod partikolari, għandhom jintużaw b’mod integrat bil-għan li jiżdiedu s-sinerġiji u l-komplementarjetajiet bejn il-Fondi Strutturali u l-Programm tad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza; jistieden lill-amministrazzjonijiet u lill-awtoritajiet ikkonċernati fil-livelli kollha ta' governanza jfittxu kooperazzjoni reċiproka attiva;

10.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li s-soċjetà ma tirrikonoxxix l-emarġinazzjoni ta' ċerti komunitajiet bħalma huma n-nisa f'kondizzjonijiet tax-xogħol prekarji, il-"foqra li jaħdmu", l-ommijiet waħedhom u l-pensjonanti nisa mdaħħla fiż-żmien żvantaġġjati; jistieden lill-Istati Membri jidentifikaw b'mod ċar lil dawn il-gruppi u jadottaw programmi mmirati lejn it-titjib tal-kondizzjonijiet tal-għajxien, l-aċċess għall-kura tas-saħħa u s-servizzi bażiċi;

11.  Jikkritika bil-qawwa l-fatt li l-kwistjoni tal-ġeneri ma tqisitx fil-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, waħda mis-seba' inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir sostenibbli, intelliġenti u inklussiv, li l-għanijiet tagħha jinkludu l-użu aħjar tal-fondi Ewropej biex tiġi appoġġjata l-inklużjoni soċjali, fejn 20 % tal-Fond Soċjali Ewropew huma allokati għall-ġlieda lill-faqar u l-esklużjoni soċjali;

12.  Jitlob li jingħata appoġġ għall-iskambju tal-prattiki tajba u għan-netwerking fost in-nisa fil-komunitajiet emarġinati fil-livelli kollha tal-governanza; jenfasizza l-ħtieġa li n-nisa jiġu promossi f'pożizzjonijet ta' tmexxija fi ħdan dawn il-komunitajiet u li huma jiġu involuti fis-sensibilizzazzjoni u t-tixrid tas-servizzi pubbliċi u l-programmi maħsuba biex jiġġieldu lill-emarġinazzjoni u d-diskriminazzjoni tan-nisa;

13.  Iħeġġeġ biex il-fondi jintużaw biex jittejbu l-kondizzjonijiet tal-għajxien għan-nisa fil-komunitajiet emarġinati u jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għal edukazzjoni stabbli ta' kwalità għolja, akkomodazzjoni, kura tas-saħħa, impjieg, faċilitajiet tal-kura tat-tfal, servizzi soċjali, is-sistema legali u s-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi;

14.  Fi ħdan il-qafas tal-Politika ta' Koeżjoni tal-UE, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffokaw fuq ir-reġjuni li għandhom żvantaġġi naturali jew demografiċi severi u permanenti, kif imsemmi fil-punt 4 tal-Artikolu 121 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u tiżviluppa dispożizzjonijiet speċjali b'possibilitajiet għal impjieg u okkupazzjoni alternattivi għall-grupp emarġinat tan-nisa f'dawk il-komunitajiet, li huma kkaratterizzati minn livelli għolja ta' faqar, nuqqas ta' prospetti ta' mpjieg, l-abbandun volontarju tal-edukazzjoni, in-nuqqas ta' servizzi soċjali u l-iżolament soċjali – u r-riskju ogħla li jirriżulta ta' faqar tat-tfal;

15.  Jitlob li titqies perspettiva tad-drittijiet tal-bniedem meta jkunu qed jiġu mfassla azzjonijiet appoġġjati mill-fondi ta' koeżjoni u jenfasizza li d-drittijiet kulturali, ekonomiċi u soċjali għandhom jiġu integrati fil-politiki li għandhom il-għan li jirrikonoxxu lin-nisa mill-komunitajiet emarġinati bħala ċittadini attivi bis-saħħa tagħhom infushom u li r-razziżmu, kemm dak miftuħ u kemm dak inviżibbli, għandu jiġi indirizzat b'mod espliċitu f'kull tfassil ta' azzjoni u politika;

16.  Jenfasizza kemm hu importanti li fil-programmi, inizjattivi u azzjonijiet kollha li huma ffinanzjati mill-UE tingħata attenzjoni speċjali liċ-ċirkostanzi speċifiċi u lill-ħtiġijiet tal-gruppi ta' nisa l-aktar vulnerabbli fil-komunitajiet emarġinati bħalma huma n-nisa mdaħħla fiż-żmien, in-nisa b'diżabilità, in-nisa li huma vittmi tal-vjolenza u t-traffikar tal-bnedmin, l-immigranti, in-nisa li jappartienu lil minoranzi etniċi, refuġjati, eċċ.;

17.  Jirrikonoxxi l-fatt li tista' sseħħ parteċipazzjoni aħjar tan-nisa fl-intrapriżi u fit-tkabbir billi jiġu ffinanzjati s-servizzi ta' appoġġ tal-SMEs u s-servizzi finanzjarji li jissodisfaw il-ħtiġijiet tan-nisa li jkunu qed jibdew u qed jiżviluppaw negozju;

18.  Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-tneħħija tal-barrieri li hemm għall-aċċess għall-impjiegi li qed jiffaċċjaw in-nisa fil-komunitajiet emarġinati, kif ukoll kwalunkwe diskrepanza bbażata fuq is-sess fil-pagi u l-pensjoni f'dawn il-komunitajiet;

19.  Jenfasizza kemm hu importanti li b'attenzjoni u b'mod konsistenti jiġi mmonitorjat kif qed jintużaw ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-komunitajiet emarġinati;

20.  Jenfasizza li n-nisa fil-komunitajiet emarġinati jinsabu f'riskju akbar li jsiru vittmi ta' vjolenza sessista u li jsofru vjolazzjonijiet oħra tad-drittijiet fundamentali tagħhom; jitlob li l-ġlieda kontra kull sura ta' vjolenza kontra n-nisa tkun fattur ewlieni fil-programmi ta' integrazzjoni għall-komunitajiet emarġinati u fl-allokar tal-finanzjament tal-UE;

21.  Jenfasizza r-rwol importanti li jistgħu jaqdu fil-għoti tas-setgħa lin-nisa fil-komunitajiet emarġinati l-intraprenditorija soċjali, il-kooperattivi, l-assoċjazzonijiet reċiproċi u n-negozju alternattiv; jirrakkomanda li l-fondi ta' koeżjoni, b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, jappoġġjaw l-investiment f'dan il-qasam b'perspettiva qawwija tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

22.  Ifakkar fid-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew fil-Kawża OI/8/2014/AN dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni tal-UE; jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa li l-programmi ta' koeżjoni kollha tal-Istati Membri jirrispettaw bis-sħiħ il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; jaqbel li s-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet tan-nisa, għandha tingħata pjattaforma biex tirrappurta l-abbużi ta' fondi u l-vjolazzjonijiet tal-Karta;

23.  Jenfasizza l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja għat-titjib tal-ugwaljanza fl-edukazzjoni u t-taħriġ, b'mod partikolari fil-ħiliet vokazzjonali u fl-ICT; jirrikonoxxi l-ħtieġa tal-flessibilità fit-twettiq ta' edukazzjoni u taħriġ lin-nisa fiż-żoni rurali;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa li n-netwerks reġjonali, nazzjonali u Ewropej tan nisa fil-komunitajiet emarġinati jiġu msaħħa, b'mod partikolari fl-oqsma tan-negozju, l-intraprenditorija, ix-xjenza u t-teknoloġija, l-edukazzjoni, il-midja, u t-tmexxija ċivika u politika;

25.  Jitlob biex il-fondi ta' koeżjoni Ewropej, u b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, jappoġġjaw programmi ta' edukazzjoni formali u informali, inklużi taħriġ vokazzjonali u tagħlim tul il-ħajja, bil-għan li tingħata s-setgħa lin-nisa u lit-tfal fil-komunitajiet emarġinati;

26.  Jitlob biex fondi tal-politika ta' koeżjoni jappoġġjaw proġetti tal-arti, tal-kultura u tal-midja li jagħtu s-setgħa lin-nisa fil-komunitajiet emarġinati u jirsistu biex jitkissru l-isterjotipi, l-istigmatizzazzjoni u d-diskriminazzjoni multipla.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

14.7.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

1

9

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Catherine Bearder, Malin Björk, Vilija Blinkevičiūtė, Viorica Dăncilă, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Mary Honeyball, Elisabeth Köstinger, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Angelika Niebler, Maria Noichl, Marijana Petir, Liliana Rodrigues, Jordi Sebastià, Michaela Šojdrová, Ernest Urtasun, Elissavet Vozemberg, Jadwiga Wiśniewska, Jana Žitňanská, Inês Cristina Zuber

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Biljana Borzan, Louise Bours, Stefan Eck, Linnéa Engström, Julie Girling, António Marinho e Pinto, Dubravka Šuica, Marc Tarabella

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Therese Comodini Cachia


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

15.10.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

3

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, José Blanco López, Mercedes Bresso, Steeve Briois, Andrea Cozzolino, Edward Czesak, Rosa D’Amato, Tamás Deutsch, Bill Etheridge, Anna Hedh, Ivan Jakovčić, Marc Joulaud, Constanze Krehl, Iskra Mihaylova, Andrey Novakov, Younous Omarjee, Konstantinos Papadakis, Stanislav Polčák, Julia Reid, Terry Reintke, Liliana Rodrigues, Maria Spyraki, Ruža Tomašić, Ramón Luis Valcárcel Siso, Matthijs van Miltenburg, Lambert van Nistelrooij, Kerstin Westphal, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Buda, Viorica Dăncilă, Andor Deli, Elena Gentile, Josu Juaristi Abaunz, Jan Olbrycht, Bronis Ropė, Julie Ward, Damiano Zoffoli

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Enrique Calvet Chambon, Boris Zala

Avviż legali