Proċedura : 2015/2063(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0316/2015

Testi mressqa :

A8-0316/2015

Dibattiti :

PV 24/11/2015 - 12
CRE 24/11/2015 - 12

Votazzjonijiet :

PV 25/11/2015 - 9.7
CRE 25/11/2015 - 9.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0410

RAPPORT     
PDF 712kWORD 302k
3.11.2015
PE 551.967v02-00 A8-0316/2015

dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tar-reklutaġġ ta' ċittadini Ewropej minn organizzazzjonijiet terroristiċi

(2015/2063(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Rapporteur: Rachida Dati

ERRATA/ADDENDA
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tar-reklutaġġ ta' ċittadini Ewropej minn organizzazzjonijiet terroristiċi

(2015/2063(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 5, 6, 7, 8, 10 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 4, 8, 10, 16, 67, 68, 70, 71, 72, 75, 82, 83, 84, 85, 86, 87 u 88 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-pubblikazzjonijiet "Data dwar l-Istħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni - Rapport li jiffoka 2: Musulmani" u "stħarriġ FRA dwar l-esperjenzi u l-perċezzjonijiet tal-Lhud ta' reati ta' mibegħda u ta' diskriminazzjoni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea", li t-tnejn ġew ippubblikati mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fit-8 ta' Ottubru 2004 dwar "Theddid għall-Paċi u s-Sigurtà Internazzjonali kkawżat mit-Terroriżmu",

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 6, 7 u 8, l-Artikolu 10(1), u l-Artikoli 11, 12, 21, 48, 49, 50 u 52 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għall-UE, kif adottata mill-Kunsill fil-25 ta' Frar 2010,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2010 bl-isem "L-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni: Ħames passi lejn Ewropa aktar sikura" (COM(2010)0673) u l-ħolqien tan-Netwerk Ewropew dwar Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar it-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għall-UE(1),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Jannar 2014 bit-titolu "Il-Prevenzjoni tar-Radikalizzazzjoni għat-Terroriżmu u l-Estremiżmu Vjolenti: It-tisħiħ tar-reazzjoni tal-UE" (COM(2013)0941),

–   wara li kkunsidra l-verżjoni riveduta tal-Istrateġija tal-UE għall-Ġlieda kontra r-Radikalizzazzjoni u r-Reklutaġġ tat-Terroristi, adottata mill-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni fil-laqgħa tiegħu tad-19 ta' Mejju 2014 u approvata mill-Kunsill fil-laqgħa tiegħu tal-5 u tas-6 ta' Ġunju 2014 (doc. 9956/14),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Ġunju 2014 dwar ir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE (2010-2014) (COM(2014)0365),

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Europol dwar is-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu fl-Unjoni Ewropea (TE-SAT) għall-2014,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-24 ta' Settembru 2014 dwar theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkaważat minn atti terroristiċi (Riżoluzzjoni 2178 (2014)),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu lill-Kunsill Ewropew tal-24 ta' Novembru 2014 (15799/14),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar it-tiġdid tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna tal-UE(2),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (ĠAI) tad-9 ta' Ottubru u tal-5 ta' Diċembru 2014,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill ĠAI informali tal-11 ta' Jannar 2015,

–   wara li kkunsidra d-dibattitu fil-plenarja tiegħu tat-28 ta' Jannar 2015 dwar miżuri kontra t-terroriżmu,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Frar 2015 dwar miżuri kontra t-terroriżmu(3),

–   wara li kkunsidra l-Kunsill ĠAI informali li sar f'Riga fid-29 u t-30 ta' Jannar 2015,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tat-12 u t-13 ta' Marzu 2015,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummisssjoni tat-28 ta' April 2015 dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà (COM(2015)0185),

–   wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Data,

–   wara li kkunsidra l-protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-pjan ta' azzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti u r-radikalizzazzjoni li jwasslu għat-terroriżmu adottat fid-19 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni bit-titolu "Tisħiħ tal-fiduċja reċiproka fiż-żona ġudizzjarja Ewropea – Green Paper dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ġustizzja kriminali fil-qasam tad-detenzjoni" (COM(2011)0327),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0316/2015),

A.   billi aktar minn 5 000 ċittadin Ewropew ingħaqdu ma' organizzazzjonijiet terroristiċi u ma' formazzjonijiet militari oħra, b'mod partikolari mal-ISIS (Da'esh), Jahbat al-Nusra u oħrajn barra mill-Unjoni Ewropea, speċjalment fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq (MENA); billi dan il-fenomenu ma jiqafx milli jkompli jaċċelera biex isir ta' daqs konsiderevoli;

B.   billi r-radikalizzazzjoni saret terminu li jintuża biex jiddeskrivi l-fenomenu tan-nies li jħaddnu opinjonijiet, fehmiet u ideat intolleranti li jistgħu jwasslu għal estremiżmu vjolenti;

C.   billi l-attakki terroristiċi li seħħew dan l-aħħar fi Franza, fil-Belġju, fit-Tuneżija u f'Copenhagen jenfasizzaw it-theddida għas-sigurtà li qiegħda tinġieb bil-preżenza u l-moviment ta' dawn il-"ġellieda barranin" li spiss huma ċittadini tal-UE, fl-Ewropa u fil-viċinat tagħha; billi l-UE kkundannat bl-aktar mod aħrax dawn l-attakki u ħadet l-impenn li tiġġieled it-terroriżmu flimkien mal-Istati Membri, ġewwa u barra mit-territorju tal-UE;

D.   billi t-theddida terroristika hija sinifikanti fl-UE, partikolarment f'dawk l-Istati Membri li kienu involuti jew għadhom involuti militarment f'operazzjonijiet esterni fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika;

E.   billi r-radikalizzazzjoni ta' dawn il-"ġellieda Ewropej" hija fenomenu kumpless u dinamiku, ibbażat fuq serje ta' fatturi globali, soċjoloġiċi u politiċi; billi din ma tikkorrispondix għal profil wieħed, u tolqot irġiel, nisa u fuq kollox ċittadini żgħażagħ Ewropej minn kull oriġini soċjali, li għandhom bħala punt komuni s-sentiment ta' firda minn mas-soċjetà; billi l-kawżi tar-radikalizzazzjoni jistgħu jkunu kemm soċjoekonomiċi, ideoloġiċi, personali jew psikoloġiċi, u għal din ir-raġuni għandna nifhmuha fir-rigward tal-perkors ta' kull individwu kkonċernat;

F.   billi, minħabba t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni, jeżisti sterjotipar qawwi tar-reliġjonijiet, li mbagħad jikkawża żieda fil-kriminalità u d-diskors ta' mibegħda motivati mir-razziżmu, il-ksenofobija, jew l-intolleranza għal opinjoni, twemmin jew reliġjon; billi huwa essenzjali li jitfakkar li huwa l-użu ħażin u korrott tar-reliġjon, u mhux ir-reliġjon fiha nnifisha, li huwa wieħed mill-kawżi tar-radikalizzazzjoni;

G.   billi r-radikalizzazzjoni m'għandhiex tiġi assoċjata ma' ebda ideoloġija jew fidi partikolari iżda tista' tokkorri fi kwalunkwe waħda minnhom;

H.   billi l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni ma tistax tiġi limitata biss għar-radikalizzazzjoni Iżlamika; billi r-radikalizzazzjoni reliġjuża u l-estremiżmu vjolenti jolqtu wkoll il-kontinent Afrikan kollu; billi r-radikalizzazzjoni politika laqtet ukoll l-Ewropa fl-2011, fin-Norveġja, bl-attakki mwettqa minn Anders Behring Breivik;

I.   billi l-parti l-kbira tal-attakki terroristiċi f'pajjiżi tal-UE għal ħafna snin twettqu minn organizzazzjonijiet separatisti;

J.   billi, skont l-Europol fl-2013 kien hemm 152 attakk terroristiku fl-UE, li minnhom tnejn kienu "mmotivati mir-reliġjon" u 84 kienu mmotivati minn twemmin etno-nazzjonalist jew separatist, filwaqt li fl-2012, kien hemm 219-il attakk terroristiku fl-UE, li minnhom sitta kienu "mmotivati mir-reliġjon";

K.   billi l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tar-reklutaġġ ta' ċittadini Ewropej minn organizzazzjonijiet terroristiċi tibqa' essenzjalment il-kompetenza tal-Istati Membri, iżda hija essenzjali kooperazzjoni Ewropea għall-iskambju effiċjenti u effettiv ta' informazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi sabiex tiġi miġġielda n-natura transfruntiera tat-theddida mit-terroristi; billi approċċ Ewropew miftiehem huwa għalhekk neċessarju u jipprovdi valur miżjud f'termini ta' koordinazzjoni jew ta' armonizzazzjoni fejn xieraq tal-leġiżlazzjoni li tapplika f'qasam li fih iċ-ċittadini Ewropej huma liberi li jiċċaqilqu, u li jagħmel effettivi l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu; billi l-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi tan-nar għandha tkun prijorità tal-UE fil-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali serja u organizzata;

L.  billi d-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu fil-qalba tal-politiki tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u tal-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, filwaqt li għandu jiġi żgurat li jinstab bilanċ tajjeb bejn is-sigurtà pubblika u r-rispett għad-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet għal sigurtà, privatezza, u l-libertà ta' espressjoni, ta' reliġjon u ta' assoċjazzjoni;

M.   billi l-komunitajiet Lhud huma l-miri ta' attakki terroristiċi u anti-Semitiċi, li jwassal għal perċezzjoni dejjem tiżdied ta' nuqqas ta' sigurtà u biża' fi ħdan dawk il-komunitajiet fl-Ewropa;

N.   billi ż-żieda fit-terroriżmu u tal-ġellieda barranin żiedet l-intolleranza lejn komunitajiet etniċi u reliġjużi f'diversi pajjiżi fl-Ewropa; meta wieħed iqis li approċċ olistiku fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, b'mod ġenerali, u l-Iżlamofobija u l-anti-Semitiżmu, b'mod partikolari, huwa komplimentari fir-rigward tal-ħidma għal prevenzjoni speċifika tal-estremiżmu terroristiku;

O.   billi hemm ċertu numru ta' strumenti li diġà jeżistu fl-Ewropa biex tiġi indirizzata r-radikalizzazzjoni taċ-ċittadini Ewropej u billi hija r-responsabilità tal-UE u tal-Istati Membri tagħha li jagħmlu użu sħiħ ta' dawn l-għodod u jippruvaw isaħħuhom sabiex jirriflettu l-isfidi attwali li l-UE u l-Istati Membri jridu jħabbtu wiċċhom magħhom; billi għad fadal riluttanza perversa min-naħa tal-Istati Membri biex jikkooperaw f'oqsma sensittivi, bħall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-intelligence; billi minħabba ż-żieda sinjifikanti tar-radikalizzazzjoni terroristika, f'kuntradizzjoni totali mal-valuri Ewropej, għandhom jitniedu mezzi ġodda, u dan għandu jsir fir-rispett tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

P.   billi huwa essenzjali li fil-miżuri kollha meħuda mill-Istati Membri u mill-UE, id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ċivili huma rispettati, jiġifieri d-dritt għall-ħajja privata, id-dritt għas-sigurtà, id-dritt għall-protezzjoni tad-data, il-preżunzjoni tal-innoċenza, id-dritt għal proċess ġust u għal proċess xieraq, il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' reliġjon; billi s-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej għandha tħares id-drittijiet u l-libertajiet tagħhom; billi dawn iż-żewġ prinċipji huma verament iż-żewġ naħat tal-istess munita;

Q.   billi l-portata tar-responsabbiltà li jassumu l-Istati Membri biex jilqgħu għar-riskju ta' radikalizzazzjoni u l-prevenzjoni tar-reklutaġġ minn organizzazzjonijiet terroristiċi tista' tvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor; billi anke jekk ċerti Stati Membri diġà ħadu miżuri effettivi, oħrajn għadhom lura fil-ġlieda kontra dan il-fenomenu;

R.   billi hija meħtieġa urġentement azzjoni Ewropea miftehma mil-lat ta' prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tar-reklutaġġ ta' ċittadini Ewropej minn organizzazzjonijiet terroristiċi bil-għan li dan il-fenomenu li qed jikber jiġi mrażżan, u b'hekk jitwaqqaf il-fluss ta' tluq taċ-ċittadini Ewropej lejn żoni ta' kunflitt, jiġu deradikalizzati dawk li jibqgħu fil-pajjiż, u jiġi pprevenut it-twettiq ta' atti terroristiċi oħra;

S.   billi dan huwa fenomenu internazzjonali u nistgħu nitgħallmu dwaru minn ħafna partijiet tad-dinja;

T.   billi issa l-importanti huwa li ssir aktar enfażi fuq, u jsir investiment f'miżuri preventivi milli f'miżuri reattivi, biex tiġi indirizzata r-radikalizzazzjoni taċ-ċittadini Ewropej u r-reklutaġġ tagħhom mill-organizzazzjonijiet terroristiċi; billi strateġija kontra l-estremiżmu, ir-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ tat-terroristi fi ħdan l-UE tista' taħdem biss jekk tiġi żviluppata b'mod parallel ma' strateġija ta' integrazzjoni u ta' inklużjoni soċjali u ta' integrazzjoni mill-ġdid u deradikalizzazzjoni tal-hekk imsejħa "ġellieda barranin", li huma persuni li qed jirritornaw f'pajjiżhom;

U.   billi ċerti forom ta' użu tal-Internet jippromwovu r-radikalizzazzjoni, filwaqt li jippermettu lill-fanatiċi fid-dinja kollha li jikkuntattjaw lil xulxin u jirreklutaw, mingħajr kuntatt fiżiku u b'mod diffiċli li jiġi traċċat, lil individwi vulnerabbli;

V.   billi huwa essenzjali li ssir distinzjoni ċara bejn l-imġiba mmirata lejn il-preparazzjoni u/jew l-appoġġ għal attakki terroristiċi jew atti minn jew opinjonijiet ta' estremisti li ma għandhomx il-mens rea u l-actus reus;

W.   billi jidher li r-radikalizzazzjoni terroristika hija kkawżata minn fatturi kemm interni kif ukoll barra mill-Unjoni;

X.   billi l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni terroristika għandha ssir fi ħdan approċċ globali bil-għan li tiggarantixxi Ewropa miftuħa u bbażata fuq qafas ta' valuri komuni;

Y.   billi r-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ ma għandhiex tkun maqtugħa mill-kuntest soċjali u politiku tagħha u trid tiġi investigata f'ambitu usa' tas-soċjoloġija tal-konflitt u l-istudji dwar il-vjolenza;

Z.   billi l-kawżi tar-radikalizzazzjoni terroristika mhumiex studjati biżżejjed; billi n-nuqqas ta' integrazzjoni ma jistax jitqies bħala l-kawża prinċipali tar-radikalizzazzjoni terroristika;

AA.   billi, skont il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-fatt li persuna kienet membru ta' organizzazzjoni li, minħabba l-involviment tagħha f'atti terroristiċi, qiegħda fil-lista li tifforma l-Anness tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK u li l-persuna appoġġjat b'mod attiv il-ġlieda bl-armi li wettqet dik l-organizzazzjonima jikkostitwixxix b'mod awtomatiku raġuni serja biex jitqies li l-persuna wettqet "reat mhux politiku serju" jew "atti li jmorru kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti"; min-naħa l-oħra, fejn ikun hemm raġunijiet serji biex jitqies li persuna wettqet tali reat jew hija ħatja ta' tali atti, dan jiddependi fuq valutazzjoni każ b'każ tal-fatti speċifiċi u fuq jekk ir-responsabilità individwali għat-twettiq ta' dawk l-atti tistax tiġi attribwita lill-persuna kkonċernata;

AB.   billi sabiex ikunu jistgħu jirrevokaw permess ta' residenza mogħti lil refuġjat fuq il-bażi li r-refuġjat jappoġġja tali organizzazzjoni terroristika, l-awtoritajiet kompetenti huma madankollu obbligati jwettqu, taħt is-superviżjoni tal-qrati nazzjonali, valutazzjoni individwali tal-fatti speċifiċi rigward l-azzjonijiet kemm tal-organizzazzjoni kif ukoll tar-refuġjat inkwistjoni;

I. Il-valur miżjud Ewropew fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni

1.   Jenfasizza li t-terroriżmu ma jista' u ma għandu jkun assoċjat ma' ebda reliġjon, nazzjonalità jew ċiviltà speċifika;

2.   Jesprimi t-tħassib tiegħu minħabba l-fatt li, jekk ma jiġux affrontati l-kundizzjonijiet li jiffavorixxu t-tixrid tat-terroriżmu, il-fenomenu taċ-ċittadini tal-UE li jivvjaġġaw lejn pajjiżi oħrajn biex jissieħbu mal-gruppi ġiħadisti jew ma' gruppi estremisti oħrajn, kif ukoll ir-riskju speċifiku għas-sigurtà li huma jirrappreżentaw meta jerġgħu lura fl-UE u fil-pajjiżi ġirien, x'aktarx se jaggrava fis-snin li ġejjin, speċjalment fid-dawl tal-eskalazzjoni militari attwali fir-reġjun tal-MENA; jitlob li jsir studju komprensiv fuq l-effikaċja tal-miżuri nazzjonali u tal-Unjoni għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra t-terroriżmu;

3.   Jistieden lill-Kummissjoni biex bħala prijorità tistabbilixxi pjan ta' azzjoni li jimplimenta u jevalwa l-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ għat-terroriżmu, abbażi tal-iskambju tal-aħjar prattika u l-kondiviżjoni ta' kompetenzi fi ħdan l-Unjoni Ewropea, l-evalwazzjoni ta' miżuri meħuda fl-Istati Membri u kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, b'rispett sħiħ għal konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u permezz ta' approċċ ma' bosta partijiet interessati u multisettorjali, parteċipattiv u konsultattiv; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tikkontribwixxi għal u tappoġġa l-iżvilupp mill-Istati Membri ta' strateġija ta' komunikazzjoni intensiva u effettiva dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ minn organizzazzjonijiet terroristiċi ta' ċittadini Ewropej u ta' ċittadini li mhumiex mill-UE li jirrisjedu fl-UE;

4.   Jistieden lill-Istati Membri biex jikkoordinaw l-istrateġiji tagħhom u jaqsmu l-informazzjoni u l-esperjenza għad-dispożizzjoni tagħhom, sabiex jimplimentaw prattiki tajbin kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew, biex jikkooperaw bil-għan li jittieħdu passi ġodda fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ għat-terroriżmu billi jaġġornaw il-politiki nazzjonali ta' prevenzjoni u netwerks ta' prattikanti fis-seħħ abbażi tal-għaxar oqsma ta' prijorità għal azzjoni kif identifikati fl-Istrateġija tal-UE għall-Ġlieda kontra r-Radikalizzazzjoni u r-Reklutaġġ għat-Terroriżmu(4); jenfasizza l-importanza li titrawwem u tisaħħaħ il-kooperazzjoni transkonfinali fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi f'dan ir-rigward, u jenfasizza l-importanza kruċjali li jiġu provduti riżorsi adegwati u taħriġ għall-forzi tal-pulizija li jaħdmu fuq il-post;

5.   Jitlob id-divulgazzjoni sħiħa tal-pjanijiet ta' Azzjoni tal-Kunsill u l-linji gwida dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Ġlieda kontra r-Radikalizzazzjoni u r-Reklutaġġ għat-Terroriżmu;

6.   Jikkunsidra li l-protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Prevenzjoni tat-Terroriżmu, kif ukoll ir-Riżoluzzjoni 2178 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, għandhom jintużaw mill-Istati Membri u mill-Istituzzjonijiet Ewropej sabiex jintlaħaq ftehim dwar definizzjoni komuni tal-inkriminazzjoni tal-persuni li għandhom jitqiesu bħala "ġellieda barranin"; jistieden lill-Kummissjoni twettaq studji fil-fond tal-kawżi primarji, tal-proċess, u tal-bosta influwenzi u fatturi li jwasslu għal radikalizzazzjoni bl-appoġġ taċ-Ċentru ta' Eċċellenza tan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (NSR) il-ġdid;

7.   Jinsisti fuq l-importanza li jsir użu sħiħ tal-istrumenti li diġà jeżistu għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ taċ-ċittadini Ewropej mill-organizzazzjonijiet terroristiċi; jenfasizza l-importanza li jintużaw l-istrumenti interni u esterni kollha b'mod olistiku u komprensiv; jirrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw il-mezzi disponibbli, partikolarment fir-rigward tal-fondi għas-sigurtà interna (FSI), permezz tal-istrument tal-Pulizija FSI sabiex jiġu appoġġjati proġetti u miżuri li jipprevjenu r-radikalizzazzjoni; jenfasizza r-rwol ewlieni li jista' jkollhom l-NSR u ċ-Ċentru ta' eċċellenza tagħha f'dan l-objettiv tal-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni taċ-ċittadini Ewropej b'mod komprensiv; jitlob pubbliċità u viżibbiltà aħjar ta' dan in-netwerk mal-atturi tal-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni;

II. Il-prevenzjoni tal-estremiżmu vjolenti u tar-radikalizzazzjoni tat-terroristi fil-ħabsijiet

8.   Jenfasizza li l-ħabsijiet ħuma wieħed minn numru ta' ambjenti li fihom jifjorixxi t-tixrid ta' ideoloġiji radikali u vjolenti u r-radikalizzazzjoni terroristika; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tippromwovi l-iskambji ta' prattiki tajba bejn l-Istati Membri biex jiffaċċjaw iż-żieda tar-radikalizzazzjoni terroristika fil-ħabsijiet fl-Ewropa; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jieħdu azzjonijiet immedjati kontra ħabsijiet iffullati, li hija problema kbira f'ħafna Stati Membri li żżid b'mod sinifikanti r-riskju tar-radikalizzazzjoni u tnaqqas l-opportunitajiet għar-riabilitazzjoni. ifakkar li l-istituzzjonijiet pubbliċi ta' protezzjoni taż-żgħażagħ jew iċ-ċentri ta' detenzjoni jew riabilitazzjoni jistgħu jrawmu wkoll ir-radikalizzazzjoni fost il-minuri li huma mira partikolarment vulnerabbli;

9.   Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi linji gwida bbażati fuq l-aħjar prattiki dwar miżuri li għandhom jiġu implimentati fil-ħabsijiet Ewropej immirati lejn il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tal-estremiżmu vjolenti, fuq bażi ta' rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem; jinnota li s-separazzjoni tal-ħabsin li jinstabu li jkunu assoċjaw ruħhom ma' estremiżmu vjolenti jew diġà ġew reklutati minn organizzazzjonijiet terroristiċi minn priġunieri oħra fil-ħabsijiet tagħhom, hija mezz effettiv ta' prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni tat-terroristi milli jiġi impost minn ħabsin oħra fuq priġjunieri oħra permezz ta' intimidazzjoni jew prattiki oħra, u li jillimitaw ir-radikalizzazzjoni f'dawk l-istituzzjonijiet; jirrakkomanda, madankollu, li tali miżuri għandhom jiġu implimentati fuq bażi ta' każ b'każ u għandhom ikunu suġġetti għal deċiżjoni ġudizzjarja; barra minn hekk jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jeżaminaw l-evidenza u l-esperjenza dwar il-prattika ta' separazzjoni fil-ħabsijiet bil-għan li titwaqqaf il-firxa tar-radikalizzazzjoni; huwa tal-fehma li din il-valutazzjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' prattiki f'sistemi tal-ħabsijiet nazzjonali; ifakkar, madankollu, li dawn il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati u f'konformità sħiħa mad-drittijiet tal-ħabsi;

10.   Jappoġġja l-introduzzjoni ta' taħriġ speċjalizzat għal persunal tal-ħabs kollu, kif ukoll l-imsieħba li joperaw fis-sistema penali, l-istaff reliġjuż u l-persunal tal-NGOs li jinteraġixxu mal-priġunieri, sabiex jgħallimhom jidentifikaw fi stadju bikri, jipprevjenu u jittrattaw ma' imġiba li jkollha tendenzi estremisti u radikali; jinsisti fuq l-importanza ta' taħriġ u reklutaġġ xierqa ta' rappreżentanti reliġjużi, filosofiċi u lajċi li jaħdmu fil-ħabsijiet bil-għan li mhux biss jissodisfaw b'mod xieraq il-ħtiġijiet kulturali u spiritwali fiċ-ċentri penitenzjarji, imma wkoll biex jikkontribwixxu għall-kontrobilanċjar ta' diskors radikali potenzjali;

11.   Iħeġġeġ it-twaqqif ta' programmi edukattivi b'fondi adegwati għall-ħabsijiet Ewropej sabiex jippromwovi l-ħsieb kritiku, it-tolleranza reliġjuża, u l-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà ta' ħabsin, iżda wkoll biex tiġi offruta għajnuna speċjali lil dawk li għadhom żgħar, vulnerabbli jew aktar suxxettibbli għar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ minn organizzazzjonijiet terroristiċi, u b'hekk fuq bażi tal-għola rispett għad-drittijiet tal-bniedem tal-ħabsin; iqis li sussegwentement għall-ħelsien mill-ħabs, għandhom jiġu offruti wkoll miżuri ta' akkumpanjament;

12.   Jirrikonoxxi li fundamentali għal tali sforzi huwa ambjent tal-ħabs li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem tal-ħabsin jikkonforma mal-istandards internazzjonali u reġjonali, inklużi r-Regoli Minimi Standard tan-NU għat-Trattament tal-Ħabsin;

III. Il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni terroristika fuq l-Internet

13.   Jinnota li l-internet jipprovdi sfidi speċifiċi minħabba n-natura globali u transfruntiera tiegħu, li tista' toħloq lakuni legali u konflitti ġuriżdizzjonali u b'hekk tippermetti lil dawk li jirreklutaw u dawk li huma radikalizzati biex jikkomunikaw mill-bogħod u faċilment minn kull naħa tad-dinja mingħajr fruntieri fiżiċi, mingħajr il-bżonn li jistabbilixxu bażi u mingħajr il-bżonn li jfittxu kenn f'pajjiż partikulari; ifakkar li l-internet u n-netwerks soċjali huma pjattaformi sinifikanti biex jinkoraġixxu r-radikalizzazzjoni u l-fundamentaliżmu, peress li jiffaċilitaw id-distribuzzjoni globali rapida u fuq skala kbira ta' messaġġi ta' mibegħda u tifħir tat-terroriżmu; jinsab imħasseb dwar l-impatt ta' dawn il-messaġġi ta' ġustifikazzjoni tat-terroriżmu speċjalment fuq iż-żgħażagħ, kategorija partikolarment vulnerabbli tal-popolazzjoni; jissottolinja r-rwol tal-edukazzjoni u tal-kampanji ta' sensibilizzazzjoni pubblika fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni fuq l-internet; jafferma l-impenn tiegħu għal-libertà ta' espressjoni mhux biss offline iżda wkoll online, u jemmen li dan għandu jsejjes kull azzjoni regolatorja dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni permezz tal-internet u l-midja soċjali; jinnota d-djalogu mniedi fil-livell Ewropew ma' kumpaniji tal-internet bil-għan li tiġi evitata d-distribuzzjoni fuq l-internet ta' kontenut illegali u t-tħassir malajr ta' tali kontenut, b'konformità mad-dritt tal-UE u mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u b'konformità stretta mal-libertà ta' espressjoni; jappella għal strateġija effettiva għas-sejba u t-tneħħija ta' kontenut illegali li jinċita l-estremiżmu vjolenti, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali u l-libertà tal-espressjoni, u b'mod partikolari l-kontribuzzjoni għat-tixrid ta' diskors effettiv fil-ġlieda kontra l-propaganda terroristika;

14.   Ifakkar li l-kumpaniji tal-internet u l-fornituri tas-servizz tal-internet għandhom responsabbiltà legali li jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-Istati Membri billi jħassru kwalunkwe kontenut illegali li jxerred l-estremiżmu vjolenti, b'ħeffa u b'rispett sħiħ għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, inkluża l-libertà tal-espressjoni; jemmen li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jressqu azzjonijiet legali kontra kumpaniji tal-internet li jirrifjutaw li jikkonformaw ma' talba amministrattiva jew ġudizzjarja li jħassru kontenut illegali fuq il-pjattaformi tagħhom tal-internet; jemmen li r-rifjut jew nuqqas deliberat min-naħa ta' pjattaformi tal-internet milli jikkooperaw, biex b'hekk jippermettu li tali kontenut illegali jiċċirkula, għandu jitqies bħala att ta' kompliċità li jista' jitqabbel ma' intenzjoni kriminali jew negliġenza, u li dawk responsabbli għandhom f'każijiet bħal dawn jitressqu quddiem il-ġustizzja;

15.   Jitlob lill-awtoritajiet kompetenti jiżguraw kontroll aktar strett tal-websajts tal-internet li jrawmu l-mibegħda;

16.   Huwa konvint li l-internet huwa pjattaforma effettiva għall-firxa tad-diskors ta' rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-oppożizzjoni kontra l-vjolenza; iqis li l-industrija tal-internet u l-fornituri tas-servizz tal-internet għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u mas-soċjetà ċivili biex jippromwovu narrativi qawwija u attraenti biex jiġi miġġieled id-diskors ta' mibegħda u r-radikalizzazzjoni fuq l-internet, li għandhom ikunu bbażati fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jitlob li l-pjattaformi diġitali jikooperaw mal-Istati Membri, mas-soċjetà ċivili u mal-organizzazzjonijiet li l-oqsma ta' kompetenza tagħhom huma d-deradikalizzazzjoni tat-terroriżmu jew l-evalwazzjoni tad-diskors ta' mibegħda, sabiex jieħdu sehem fit-tqassim ta' messaġġi ta' prevenzjoni li jappellaw għal żvilupp ta' ħsieb kritiku u għal proċess ta' deradikalizzazzjoni, kif ukoll li jiġu identifikati modi legali innovattivi biex jiġi miġġieled it-tifħir tat-terroriżmu u tad-diskors ta' mibegħda, u b'hekk ir-radikalizzazzjoni online ssir aktar diffiċli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' tali kontronarrativi fuq l-internet, u biex jaħdmu mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex jissaħħu l-mezzi ta' distribuzzjoni u ta' promozzjoni tad-diskors demokratiku u mhux vjolenti;

17.   Jappoġġja l-implimentazzjoni ta' programmi li jqajmu kuxjenza fost iż-żgħażagħ dwar id-diskorsi ta' mibegħda onlajn u r-riskji li dawn jirrappreżentaw u programmi ta' promozzjoni tal-edukazzjoni fil-midja u l-internet; jappoġġa l-organizzazzjoni ta' programmi ta' taħriġ biex jiġu mobilizzati, imsawra u maħluqa netwerks ta' attivisti żgħażagħ għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem;

18.   Huwa tal-fehma li l-ħolqien ta' kontrorealtà, anki fil-pajjiżi terzi, huwa wieħed mill-elementi fundamentali għall-ġlieda kontra l-ġibda lejn il-gruppi terroristiċi fir-reġjun MENA; jistieden lill-UE żżid is-sostenn favur inizjattivi bħal SSCAT (Grupp Konsultattiv għall-Komunikazzjoni Strateġika dwar is-Sirja) u tippromwovi r-realizzazzjoni u l-finanzjament ta' proġetti ta' dan it-tip fil-pajjiżi terzi;

19.   Jikkunsidra li permezz tar-referenzjar fuq l-internet, l-industrija tal-internet u l-fornituri tas-servizzi tal-internet għandhom is-setgħa li jagħtu aktar saħħa lill-messaġġi ta' prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni bl-għan li jiġu ffaċċjati l-messaġġi li jiġġustifikaw it-terroriżmu; iqis li għandha tinħoloq unità Ewropea speċifika fi ħdan l-Europol, sabiex taqsam il-prattiki tajbin fl-Istati Membri, filwaqt li tikkoopera b'mod permanenti mal-operaturi tal-internet, sabiex jitfgħu fuq quddiem il-messaġġi li jopponu d-diskors ta' mibegħda u t-tfaħħir tat-terroriżmu, u b'hekk jirrendu r-radikalizzazzjoni permezz tal-internet aktar diffiċli; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jappoġġjaw l-użu effettiv ta' kontronarrattivi u miżuri ta' taffija permezz tal-internet;

20.   Jappoġġja l-introduzzjoni ta' miżuri li jagħmlu possibbli li kull wieħed mill-utenti tal-internet jirrapporta b'mod faċli u rapidu kontenut illegali li jkun qed jiċċirkola fuq l-internet u fin-netwerks soċjali u li jirrapportah lill-awtoritajiet kompetenti, inkluż permezz ta' hotlines, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari l-libertà tal-espressjoni, u l-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali;

21.   Jikkunsidra li kull Stat Membru għandu jwaqqaf unità speċjali bil-kompitu li jimmarka l-kontenut illegali fuq l-internet u li jiffaċilità s-sejba u t-tneħħija ta' kontenut bħal dan; jilqa' l-ħolqien mill-Europol ta' Internet Referral Unit (IRU), li tkun responsabbli għas-sejba ta' kontenut illegali u għall-għoti ta' appoġġ lill-Istati Membri f'dan ir-rigward, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali tal-partijiet kollha involuti; jirrakkomanda li dawn l-unitajiet għandhom jikkooperaw ukoll mal-Koordinatur tal-UE Kontra t-Terroriżmu u ċ-Ċentru Ewropew kontra t-Terroriżmu fi ħdan il-Europol, u ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi f'dan il-qasam; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jikkooperaw flimkien u mal-aġenziji relevanti tal-UE dwar dawn il-kwistjonijiet;

22.   Jilqa' l-ħolqien ta' Ċentru Ewropew għall-ġlieda kontra t-terroriżmu (ECTC) fl-Europol mill-1 ta' Jannar 2016, li minnu se tkun parti l-unità Ewropea ta' indikazzjoni tal-kontenut fuq l-internet; jinsisti fuq il-bżonn li jiġu provduti l-mezzi finanzjarji neċessarji għall-kisba tal-impenji addizzjonali tal-Europol fil-qafas tal-ħolqien taċ-Ċentru għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu; jitlob li l-Parlament ikun debitament involut fil-ħolqien ta' dan iċ-ċentru u fit-termini ta' referenza tiegħu, fil-ħidmiet u l-finanzi tiegħu;

23.  Iqis li r-radikalizzazzjoni fuq l-internet tista' tiġi mrażżna biss permezz ta' tisħiħ tal-ġabra ta' għodod disponibbli lill-UE fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità; jirrakkomanda li l-mandat u r-riżorsi taċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3) għandhom jiġu msaħħa flimkien ma' dawk tal-Europol u l-Eurojust, biex b'hekk l-EC3 jista' jkollha rwol effettiv f'identifikazzjoni u rispons aħjar għat-theddidiet fuq l-internet u tittejjeb l-identifikazzjoni tal-mezzi użati minn organizzazzjonijiet terroristiċi; ifakkar fin-neċessità li jkun hemm esperti mħarrġa biżżejjed fil-Europol kif ukoll fl-Istati Membri biex iwieġbu għal din it-theddida speċifika; jistieden lill-HR/VP jorganizza mill-ġdid iċ-Ċentru tas-Sitwazzjoni tal-UE (SitCen) u ċ-Ċentru tal-Intelligence (IntCen) u jiżgura l-koordinazzjoni tagħhom mal-Koordinatur ta' Kontra t-Terroriżmu biex jintraċċa aħjar l-attivitajiet kriminali fuq l-internet, u t-tixrid ta' diskors ta' mibegħda relatat mar-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu b'mod sinifikanti l-iskambju ta' informazzjoni bejniethom u mal-istrutturi u l-aġenziji rilevanti tal-UE;

24.   Iqis li miżuri kollha nazzjonali u tal-UE, li għandhom l-għan li jipprevjenu t-tixrid tal-estremiżmu vjolenti fost iċ-ċittadini Ewropej u r-reklutaġġ tagħhom minn organizzazzjonijiet terroristiċi għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-UE u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż ir-rispett tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, il-prinċipju taċ-ċertezza legali, id-dritt għal smigħ xieraq u imparzjali, id-dritt ta' appell u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni;

IV. Il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni permezz tal-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali

25.   Jenfasizza l-importanza tar-rwol tal-iskejjel u tal-edukazzjoni fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni; ifakkar fir-rwol kruċjali li għandhom l-iskejjel fil-promozzjoni tal-integrazzjoni u ta' żvilupp tal-ħsieb kritiku u fil-promozzjoni tan-nuqqas ta' diskriminazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jħeġġu lill-istabbilimenti edukattivi jipprovdu korsijiet u programmi akkademiċi mmirati lejn it-tisħiħ tal-fehim u t-tolleranza, speċjalment fir-rigward ta' reliġjonijiet differenti, l-istorja tar-reliġjonijiet, tal-filosofiji u tal-ideoloġiji; jenfasizza l-bżonn li jiġu mgħallma l-valuri fundamentali u l-prinċipji demokratiċi tal-Unjoni bħad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li huwa d-dmir tal-Istati Membri li jiggarantixxu li s-sistemi edukattivi tagħhom jirrispettaw u jippromwovu l-valuri u l-prinċipji tal-UE u li t-tħaddim tagħhom ma jmorrux kontra l-prinċipji ta' nondiskriminazzjoni u l-integrazzjoni;

26.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-programmi edukattivi dwar l-użu tal-internet jkunu disponibbli f'kull skola (kemm fil-livell primarju kif ukoll f'dak sekondarju), immirat lejn l-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex l-utenti tal-internet ikunu responsabbli, kritiċi u jħarsu l-liġi;

27.   Jisħaq fuq l-importanza li l-għalliema jiġu responsabbilizzati biex jieħdu pożizzjoni attiva kontra kull forma ta' diskriminazzjoni u razziżmu; jenfasizza r-rwol essenzjali tal-edukazzjoni u ta' għalliema kompetenti u li jagħtu appoġġ, mhux biss biex jissaħħu r-rabtiet soċjali, jitħeġġeġ sens ta' appartenenza, jiġu żviluppati l-konoxxenzi, il-ħiliet u l-kompetenzi, jinżergħu l-valuri fundamentali u jissaħħu l-kompetenzi soċjali, ċiviċi u interkulturali, il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku, iżda wkoll biex – f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ġenituri u l-familji – iż-żgħażagħ jingħataw l-għajnuna biex isiru membri tas-soċjetà attivi, responsabbli u moħħhom miftuħ; jenfasizza li l-iskejjel jistgħu jibnu r-reżiljenza tal-istudenti għar-radikalizzazzjoni billi joffru ambjent sikur u ħin biex jiddiskutu u jeżaminaw kwistjonijiet kontroversjali u sensittivi; jindika li l-adolexxenti jikkostitwixxu grupp partikolarment vulnerabbli, billi jinsabu f'fażi diffiċli ta' ħajjithom huma u jiżviluppaw is-sistema ta' valuri tagħhom u jfittxu s-sinifikat, u fl-istess ħin jistgħu jimpressjonaw ruħhom ħafna u jiġu manipulati faċilment; ifakkar li kemm il-gruppi kif ukoll l-individwi jistgħu jiġu radikalizzati, u jirrikonoxxi li l-iżvilupp tar-rispons għar-radikalizzazzjoni individwali u tal-gruppi jista' jkun differenti; jenfasizza r-rwol li s-soċjetà tiżvolġi billi liż-żgħażagħ toffrilhom prospettivi aħjar u skop fil-ħajja, partikolarment permezz ta' edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja; jissottolinja r-rwol tal-istituti tal-edukazzjoni li jgħallmu liż-żgħażagħ jagħrfu u jvinċu r-riskji u jagħmlu għażliet aktar sikuri, u li jippromwovu sens qawwi ta' appartenenza, komunità komuni, assistenza, appoġġ u responsabilità fil-konfront tal-oħrajn; jisħaq fuq il-ħtieġa li d-diversi opportunitajiet ta' edukazzjoni vokazzjonali u korsijiet akkademiċi offruti jintużaw sabiex iż-żgħażagħ jiġu esposti għall-identitajiet nazzjonali, reġjonali, reliġjużi u etniċi differenti li jeżistu fl-Ewropa;

28.   Jenfasizza li d-diversità tal-Ewropa u l-komunitajiet multikulturali tagħha huma parti integrali min-nisġa soċjali tagħha u huma beni kulturali fundamentali; iqis li kwalunkwe politika għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni trid tkun sensittiva u proporzjonata bil-għan li tirrispetta u ssaħħaħ in-nisġa soċjali mżewqa tal-komunitajiet;

29.   Jenfasizza l-importanza li l-programmi ta' deradikalizzazzjoni jingħaqdu ma' miżuri bħall-istabbiliment ta' sħubijiet mar-rappreżentanti tal-komunità, l-investiment fi proġetti soċjali u tal-viċinat intiżi biex iħarbtu l-marġinalizzazzjoni ekonomika u ġeografika, u biex jingħata appoġġ lill-iskemi ta' konsulenza għal żgħażagħ aljenati u esklużi meqjusa f'riskju ta' radikalizzazzjoni; ifakkar li l-Istati Membri kollha huma obbligati li jimplimentaw b'diliġenza strumenti tal-UE kontra d-diskriminazzjoni u jieħdu miżuri effikaċi biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni, diskors ta' mibegħda u reati ta' mibegħda bħala parti minn strateġija għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni;

30.   Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri huma u jmexxu kampanja ta' komunikazzjoni maħsuba biex tqajjem kuxjenza fost iż-żgħażagħ u fost il-persunal ta' superviżjoni, dwar il-kwistjonijiet ta' radikalizzazzjoni; jisħaq li t-taħriġ jew il-kampanji ta' sensibilizzazzjoni għandhom jiġu bbażati bi prijorità fuq intervent bikri, bil-għan li jiġu protetti l-individwi u jiġi evitat kull riskju ta' radikalizzazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu taħriġ speċjali u għodod xierqa lill-persunal edukattiv, biex b'hekk jippermettulu jindividwa kwalunkwe kambjament ta' tħassib fl-imġiba, jidentifika ċrieki ta' kompliċità li jamplifikaw dan il-fenomenu tar-radikalizzazzjoni permezz tal-imitazzjoni, u jissorvelja kif suppost liż-żgħażagħ li jinsabu f'riskju li jiġu reklutati minn organizzazzjonijiet terroristiċi; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jinvestu u jagħtu sostenn finanzjarju lil faċilitajiet speċjalizzati qrib l-iskejjel li jservu bħala punti ta' kuntatt li jippermettu liż-żgħażagħ, iżda wkoll lill-familji u l-għalliema tagħhom u l-esperti rilevanti, jipparteċipaw f'attivitajiet extrakurrikulari miftuħa għall-familji, inkluża l-konsulenza psikoloġika; jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm linji gwida ċari f'dan il-qasam sabiex ma jiġix kompromess ir-rwol prinċipali tal-għalliema, dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ u oħrajn li għalihom il-benesseri tal-individwu huwa l-aktar fattur importanti, peress li interventi eċċessivi jafu jkunu kontroproduċenti;

31.   Josserva l-opportunitajiet offruti lill-Istati Membri u lill-esperti tal-edukazzjoni medjatika fil-qafas tal-programm 'Ewropa Kreattiva'; jinnota li l-programmi tal-UE fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-kultura, l-attivitajiet soċjali u l-isport jiffurmaw vetturi essenzjali sabiex jappoġġaw l-isforzi tal-Istati Membri bil-għan li jindirizzaw l-inugwaljanzi u jipprevjenu l-emarġinazzjoni; jisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati, fil-kuntest tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, attivitajiet ġodda maħsuba għall-promozzjni tal-valuri Ewropej; jinsisti għaldaqstant, fost affarijiet oħra, fuq l-għan tat-trażmissjoni u l-prattika ta' valuri ċiviċi matul il-programmi Ewropa għaċ-Ċittadini, Erasmus+ u Ewropa Kreattiva;

32.   Jisħaq li huwa essenzjali li jkun hemm impenn biex jissawwar djalogu interkulturali ma' diversi komunitajiet, mexxejja u esperti, bil-ħsieb li jkunu jistgħu jinkisbu fehim aħjar u prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni; jisħaq fuq ir-responsabilità u r-rwol importanti tal-komunitajiet reliġjużi kollha fil-ġlieda kontra l-fundamentaliżmu, id-diskors ta' mibegħda u l-propaganda terroristika; jiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri lejn il-kwistjoni tat-taħriġ għall-mexxejja reliġjużi – li għandu, fejn ikun possibbli, isir fl-Ewropa – fir-rigward tal-prevenzjoni tal-inċitazzjoni għall-mibegħda u l-estremiżmu vjolenti f'postijiet ta' qima fl-Ewropa, u jiġi żgurat li dawk il-mexxejja jikkondividu l-valuri Ewropej, u jiġbed l-attenzjoni wkoll għat-taħriġ tar-rappreżentanti tar-reliġjonijiet, il-filosofiji u s-soċjetà sekulari li jaħdmu f'faċilitajiet korrettivi; jinnota, madanakollu, li filwaqt li postijiet ta' qima jistgħu jipprovdu punti ta' kuntatt, il-parti l-kbira tal-proċess ta' indottrinazzjoni u reklutaġġ isseħħ f'kuntest aktar informali jew fuq l-internet;

33.   Jenfasizza l-importanza kruċjali li tiġi involuta r-responsabilità ta' kull wieħed mill-atturi fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, kemm fil-livell lokali, nazzjonali, Ewropew jew dak internazzjonali; iħeġġeġ l-istabbiliment ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn l-atturi kollha tas-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali u lokali, u ta' kooperazzjoni akbar bejn l-atturi fuq il-post, bħall-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, bil-għan li jingħata appoġġ lill-vittmi tat-terroriżmu u l-familji tagħhom, kif ukoll individwi li ġew radikalizzati u l-familji tagħhom; jitlob, f'dan ir-rigward, li jiġi introdott taħriġ adegwat għal dawk l-atturi fuq il-post u li jingħata appoġġ finanzjarju addizzjonali għalihom; jisħaq, madankollu, li l-finanzjament għall-NGOs u atturi tas-soċjetà ċivili oħra għandu jkun separat minn appoġġ finanzjarju għal programmi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu;

34.   Iqis li l-atturi lokali u tas-soċjetà għandhom rwol kruċjali x'iwettqu fl-iżvilupp ta' proġetti adattati għal-lokalitajiet tagħhom jew għall-istruttura tagħhom, flimkien mar-rwol tagħhom bħala fattur ta' integrazzjoni taċ-ċittadini Ewropej li jkunu qed jiksruha mas-soċjetà u jkunu qed jiġu mħajra mir-radikalizzazzjoni terroristika; jemmen li huwa indispensabbli li titqajjem il-kuxjenza fost il-ħaddiema tal-ewwel linja (għalliema, edukaturi, uffiċjali tal-pulizija, aġenti għall-protezzjoni tat-tfal u ħaddiema fis-settur tal-kura tas-saħħa), u li dawn jiġu infurmati u mħarrġa bil-għan li jissaħħu l-kapaċitajiet lokali sabiex tiġi indirizzata r-radikalizzazzjoni; iqis li l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw il-ħolqien ta' strutturi li jiffaċilitaw, b'mod partikolari, l-għoti ta' gwida liż-żgħażagħ, iżda wkoll skambju mal-familji, l-iskejjel, l-isptarijiet, l-universitajiet, eċċ.; ifakkar li dawn il-miżuri jistgħu jiġu implimentati biss permezz ta' programmi ta' investiment soċjali fit-tul; jinnota li l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet f'dan il-qasam, li m'għandhomx x'jaqsmu mal-gvernijiet, jistgħu jiksbu riżultati eċċellenti għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà ta' ċittadini li qabdu t-triq tar-radikalizzazzjoni;

35.   Iqis li huwa essenzjali li titwaqqaf sistema ta' twissija għall-għoti ta' assistenza u gwida f'kull Stat Membru, li tippermetti lill-familji u l-membri tal-komunità jiksbu sostenn jew tidentifika faċilment u malajr bidla f'daqqa fl-imġiba li tista' tagħti sinjal li għaddej proċess ta' radikalizzazzjoni terroristika jew it-tluq ta' individwu biex jingħaqad ma' organizzazzjoni terroristika; jinnota li, f'dan ir-rigward, il-"hotlines" kienu ta' suċċess u qed jippermettu r-rappurtar ta' persuni fost il-ħbieb u l-familja suspettati li ġew radikalizzati, iżda qed jgħinu wkoll lill-ħbieb u l-familji huma u jħabbtu wiċċhom ma' din is-sitwazzjoni destabilizzanti; jitlob lill-Istati Membri iqisu l-possibilità li jistabbilixxu tali sistema;

36.   Jisħaq li riċerka li saret dan l-aħħar osservat numru dejjem jiżdied ta' tfajliet radikalizzati u rreklutati minn organizzazzjonijiet terroristiċi u tagħti evidenza tar-rwol tagħhom fl-estremiżmu vjolenti; iqis li l-UE u l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw strateġiji għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, filwaqt li, sa ċertu punt, iqisu l-kwistjonijiet marbuta mal-ġeneru; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja programmi ġeneralizzati bil-għan li tinvolvi lit-tfajliet fl-isforzi tagħhom għal aktar ugwaljanza, u tipprovdi netwerks ta' appoġġ li, permezz tagħhom, in-nisa jkunu jistgħu jsemmgħu leħinhom;

37.   Jisħaq fuq l-importanza tar-rwol tal-mara fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni fi ħdan in-nuklej familjari;

V. It-tisħiħ tal-iskambju ta' informazzjoni dwar ir-radikalizzazzjoni terroristika fl-Ewropa

38.   Itenni l-impenn tiegħu li jaħdem favur it-tlestija ta' Direttiva tal-UE dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) qabel tmiem l-2015 u biex jiggarantixxi li tali Direttiva se jkun konformi mad-drittijiet fundamentali u ħielsa minn kwalunkwe prattika diskriminatorja bbażata fuq stigmatizzazzjoni ideoloġika, reliġjuża jew etnika, u li ser tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tal-protezzjoni tad-data taċ-ċittadini tal-UE; ifakkar, madankollu, li d-Direttiva tal-UE dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri ser tkun biss miżura waħda fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li strateġija olistika, ambizzjuża u komprensiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, li tinvolvi politika barranija, politika soċjali, politika dwar l-edukazzjoni, l-infurzar tal-liġi u l-ġustizzja, hija meħtieġa għall-prevenzjoni tar-reklutaġġ ta' ċittadini Ewropej minn organizzazzjonijiet terroristiċi;

39.   Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-għarfien espert tal-UE rigward il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni billi twaqqaf netwerk Ewropew li jinkorpora l-informazzjoni pprovduta min-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni u min-Netwerk għall-Ippjanar tal-Politika dwar il-Polarizzazzjoni u r-Radikalizzazzjoni, u l-informazzjoni pprovduta minn esperti speċjalizzati f'firxa wiesgħa ta' dixxiplini fix-xjenzi soċjali;

40.   Jinsisti fuq il-ħtieġa assoluta li jissaħħu l-iskambji espedjenti u effikaċi tal-informazzjoni rilevanti bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri u bejn l-aġenziji rilevanti, partikolarment billi jottimizzaw l-użu u l-kontributi għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) u s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS), l-Applikazzjoni ta' Netwerk Sikur għall-Iskambju ta' Informazzjoni (SIENA) u l-Punt Fokali "Travellers" tal-Europol dwar iċ-ċittadini Ewropej radikalizzati; jisħaq li l-intensifikazzjoni tal-iskambji bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sseħħ b'aktar fiduċja fost l-Istati Membri, kif ukoll it-tisħiħ tar-rwol u l-għoti effikaċi ta' riżorsi lill-entitajiet tal-UE bħalma huma l-Europol, l-Eurojust u l-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL);

41.   Jistieden lill-Unjoni tintegra l-problematika tar-radikalizzazzjoni terroristika fit-taħriġ li jingħata mis-Cepol;

42.   Jisħaq fuq l-importanza li jiġi implimentat taħriġ Ewropew speċjalizzat tal-professjonisti tal-ġustizzja maħsub li jgħarrafhom dwar il-proċess u l-forom differenti ta' radikalizzazzjoni;

43.   Jisħaq li kooperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri quddiem ir-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ taċ-ċittadini hija kkaratterizzata minn skambji intensivi u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom u mal-Eurojust; jinnota li informazzjoni aħjar fil-livell Ewropew dwar ir-rekords kriminali ta' suspettati terroristiċi tkun tippermetti li tiġi aċċellerata l-identifikazzjoni tagħhom u tiġi ffaċilitata s-sorveljanza xierqa tagħhom, kemm fit-tluq tagħhom jew meta jerġgħu jidħlu fl-UE; iħeġġeġ, għaldaqstant, ir-riforma u l-użu aħjar tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS); iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta l-fattibilità u l-valur miżjud tal-istabbiliment tas-Sistema ta' Indiċi Ewropea tar-Rekords tal-Pulizija (EPRIS); jissottolinja li fi skambji ta' informazzjoni bħal dawn, għandhom jiġu rispettati t-trattati internazzjonali u d-dritt tal-UE, kif ukoll id-drittijiet fundamentali, u b'mod partikolari l-protezzjoni tad-data personali;

VI. It-tisħiħ tad-dissważjoni kontra r-radikalizzazzjoni terroristika

44.   Jemmen li l-miżuri intiżi għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni taċ-ċittadini Ewropej u r-reklutaġġ tagħhom mill-organizzazzjonijiet terroristiċi se jkollhom effett sħiħ biss jekk ikunu akkumpanjati minn sensiela ta' miżuri effikaċi, dissważivi u artikolati tal-ġustizzja kriminali fl-Istati Membri kollha; iqis li, jekk l-atti terroristiċi li jkunu twettqu barra l-Unjoni ma' organizzazzjonijiet terroristiċi jiġu kkriminalizzati b'mod effikaċi, l-Istati Membri se jkollhom l-għodda meħtieġa biex jeliminaw ir-radikalizzazzjoni terroristika fost iċ-ċittadini Ewropej, filwaqt li jagħmlu użu sħiħ tal-għodod tal-pulizija u għodod ta' kooperazzjoni ġudizzjarja tal-UE f'materji kriminali; iqis li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-ġustizzja (l-imħallfin u l-prosekuturi) għandu jkollhom biżżejjed kapaċità biex jipprevjenu, jikxfu u jipproċedu kontra dawk l-atti, u għandhom ikunu mħarrġa sew u kontinwament dwar delitti relatati mat-terroriżmu;

45.   Jappella għal kapaċitajiet rinfurzati taċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni tal-Eurojust, li għandu jkollu rwol kritiku fil-promozzjoni ta' azzjoni konġunta tal-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri fil-ġbir tal-evidenza u t-tisħiħ tal-effikaċja tal-prosekuzzjonijiet tar-reati relatati mat-terroriżmu; huwa tal-fehma, f'dan ir-rigward, li għandu jsir aktar użu mill-istrument tat-Tims ta' Investigazzjoni Konġunti, kemm fost l-Istati Membri kif ukoll bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi li magħhom l-Eurojust stabbilixxa ftehimiet ta' kooperazzjoni;

46.   Jinnota li l-prosekuzzjoni tal-atti terroristiċi mwettqa f'pajjiżi terzi minn ċittadini Ewropej, jew minn persuni li m'għandhomx ċittadinanza tal-UE li jirrisjedu fl-UE, teħtieġ li jkun jista' jsir ġbir ta' evidenza f'pajjiżi terzi, abbażi ta' konformità sħiħa mad-drittijiet tal-bniedem; Jistieden, għalhekk, lill-UE taħdem fuq l-istabbiliment ta' ftehimiet għall-kooperazzjoni ġudizzjarja u għall-infurzar tal-liġi ma' pajjiżi terzi sabiex tiffaċilita l-ġbir ta' evidenza f'dawn il-pajjiżi, dment li l-istandards u l-proċeduri legali stretti, l-istat tad-dritt, id-dritt internazzjonali u d-drittijiet fundamentali jiġu ssalvagwardjati mill-partijiet kollha;

47.   Jilqa' pożittivament il-fatt li ntbagħtu esperti fil-qasam tas-sigurtà/tal-ġlieda kontra t-terroriżmu f'diversi delegazzjonijiet tal-UE ta' importanza kruċjali bil-għan li tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom biex jagħtu kontribut għall-isforzi Ewropej kontra t-terroriżmu u joħolqu kollegament aktar effikaċi mal-awtoritajiet lokali rilevanti, filwaqt li jkomplu jiżviluppaw il-kapaċità għall-ġlieda kontra t-terroriżmu fi ħdan is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE);

48.   Iħeġġeġ, għaldaqstant, l-istabbiliment ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni bejn l-Eurojust u pajjiżi terzi, fuq il-mudell ta' dawk diġà stabbiliti mal-Istati Uniti, in-Norveġja u l-Iżvizzera, filwaqt li jisħaq, madanakollu, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u r-regoli tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data tal-UE; jindika li għandha tingħata prijorità fl-istabbiliment ta' dawn il-ftehimiet lill-pajjiżi li huma partikolarment affettwati mit-terroriżmu, bħall-pajjiżi tal-MENA; barra minn hekk, huwa tal-fehma li l-iskjerament tal-prosekuturi ta' kollegament tal-Eurojust fil-pajjiżi rilevanti, b'mod partikolari fil-viċinat tan-nofsinhar, jippromwovi aktar l-iskambju ta' informazzjoni u jippermetti kooperazzjoni aħjar bil-għan li t-terroriżmu jiġi miġġieled aħjar filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem;

VII. Il-prevenzjoni tat-tluq u l-antiċipazzjoni tat-treġġigħ lura taċ-ċittadini Ewropej radikalizzati reklutati minn organizzazzjonijiet terroristiċi

49.  Itenni li l-UE għandha ttejjeb l-effikaċja tal-kontrolli fil-fruntieri esterni tagħha, b'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri jagħmlu użu tajjeb mill-istrumenti eżistenti bħas-SIS u l-VIS, inkluż b'referenza għal passaporti misruqa, mitlufa u ffalsifikati; iqis ukoll li, għal dan il-għan, l-infurzar aħjar tal-Kodiċi ta' Schengen għandu jkun waħda mill-prijoritajiet tal-UE;

50.   Jistieden lill-Istati Membri jaqsmu l-prattiki tajba fil-qasam tal-kontrolli tal-ħruġ u r-ritorn u l-iffriżar tal-assi finanzjarji ta' ċittadini, fil-kuntest tal-prevenzjoni taċ-ċittadini milli jieħdu sehem f'attivitajiet terroristiċi f'żoni ta' konflitt f'pajjiżi terzi u kif jiġġestixxu r-ritorn tagħhom fl-UE; jisħaq, b'mod partikolari, li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jikkonfiskaw il-passaporti taċ-ċittadini tagħhom li qed jippjanaw li jingħaqdu ma' organizzazzjonijiet terroristiċi, fuq talba tal-awtorità ġudizzjarja kompetenti, skont il-liġijiet nazzjonali tagħhom u f'konformità sħiħa mal-prinċipju tal-proporzjonalità; iqis li r-restrizzjoni tal-libertà ta' moviment ta' xi ħadd, li huwa dritt fundamentali, tista' tiġi deċiża biss jekk il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżura huma vvalutati kif suppost minn awtorità ġudizzjarja; jappoġġja ulterjorment proċedimenti kriminali kontra persuni suspettati b'terroriżmu u li jinvolvu ruħhom f'attivitajiet terroristiċi malli dawn jidħlu lura fl-Ewropa;

51.   Jagħmel appell għal kontribuzzjonijiet internazzjonali għall-mekkaniżmu ta' finanzjament sostnut mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) biex tkun faċilitata l-istabbilizzazzjoni immedjata taż-żoni liberati mid-Da'esh;

52.   Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill isibu lingwaġġ ta' kundanna ċar fil-konfront tas-sostenn finanzjarju u ideoloġiku deċennali li ċerti gvernijiet u personalitajiet prominenti tal-pajjiżi tal-Golf ipprovdew lill-movimenti estremisti Iżlamiċi; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi terzi bl-iskop li tostakola b'aktar effikaċja s-sostenn materjali u immaterjali lit-terroriżmu; ifakkar li, fil-kuntest tar-reviżjoni attwali tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), għandhom jissaħħu d-dimensjoni tas-sigurtà u l-kapaċità tal-istrumenti tal-PEV biex jikkontribwixxu għat-titjib tar-reżiljenza tas-sħab u tal-kapaċitajiet tagħhom biex jiggarantixxu s-sigurtà tagħhom b'rispett tal-istat tad-dritt;

53.   Itenni li l-applikazzjoni xierqa tal-istrumenti eżistenti, bħalma huma s-sistemi SIS, SIS II u VIS, is-sistema SLTD tal-Interpol u l-Punt Fokali tal-Europol 'TRAVELLERS', tikkostitwixxi l-ewwel pass ta' dan it-tisħiħ tal-fruntieri esterni għall-identifikazzjoni ta' ċittadini Ewropej u barranin li jirrisjedu fl-UE li jistgħu jkunu se jitilqu jew ikunu ġejjin lura minn żona ta' kunflitt bil-għan li jwettqu atti terroristiċi, jew li jafu jingħataw taħriġ terroristiku jew jieħdu sehem f'konflitt armat mhux konvenzjonali f'isem organizzazzjonijiet terroristiċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni mal-Istati Membri fil-fruntieri esterni tal-UE ta' informazzjoni rigward 'ġellieda barranin' suspettati;

54.   Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw sorveljanza effikaċi, partikolarment psikoloġika, tal-ġellieda barranin meta jidħlu lura fit-territorju Ewropew;

55.   Huwa serjament konvint li kwalunkwe tfassil ta' politika fil-qasam tat-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni jeħtieġ li jiġbor flimkien l-għarfien espert u l-assi tad-dimensjonijiet interni u esterni tal-politika tal-UE; jemmen, f'dan ir-rigward, li huwa abbażi ta' dan l-approċċ olistiku li jista' jitfassal rispons adegwata biex jiġi miġġieled it-terroriżmu u r-reklutaġġ terroristiku fl-UE u fil-viċinat tagħha; jappella, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lis-SEAE, taħt it-tmexxija u l-gwida tar-RGħ/VP u l-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni, u bl-appoġġ tal-Koordinatur tal-Antiterroriżmu, biex jaħdmu flimkien biex ifasslu approċċ ta' politika li jikkombina b'mod effikaċi l-għodod tal-politika soċjali (inkluż l-impjegar, l-integrazzjoni u l-antidiskriminazzjoni), l-għajnuna umanitarja, l-iżvilupp, ir-riżoluzzjoni tal-konflitt, il-ġestjoni tal-kriżi, il-kummerċ, l-enerġija u kull qasam politiku ieħor li jista' jkollu dimensjoni interna-esterna;

VIII. It-tisħiħ tar-rabtiet bejn is-sigurtà interna u s-sigurtà esterna tal-UE

56.  Jisħaq għal darba oħra li huwa kruċjali li l-UE tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari l-pajjiżi ta' tranżitu u l-pajjiżi ta' destinazzjoni, kull meta dan ikun possibbli, bil-għan li jkun jista' jiġi identifikat it-tluq jew it-treġġigħ lura ta' ċittadini Ewropej, u residenti Ewropej u mhux, li jkunu telqu biex jiġġieldu fi ħdan organizzazzjonijiet terroristiċi; jisħaq ukoll dwar il-bżonn li jissaħħu d-djalogu politiku u l-pjanijiet ta' azzjoni komuni dwar il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu, fil-qafas tar-relazzjonijiet bilaterali kif ukoll mal-organizzazzjonijiet reġjonali bħall-Unjoni Afrikana u l-Lega Għarbija;

57.   Jilqa' b'entużjażmu r-rieda tal-VP/RGħ Federica Mogherini li jingħata appoġġ lill-proġetti ta' prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni fil-pajjiżi terzi, inklużi l-Ġordan, il-Libanu u l-Iraq kif ukoll ir-reġjun Saħel/Magreb, kif indikat fir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri wara l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta' Frar 2015; jisħaq li issa jeħtieġ li jkun garantit li dawn il-proġetti jirċievu l-finanzjamenti neċessarji mill-aktar fis possibbli;

58.   Jistieden lill-UE żżid il-kooperazzjoni mas-sħab reġjonali biex twaqqaf it-traffikar tal-armi, billi timmira partikolarment il-pajjiżi minn fejn ikun ġej it-terroriżmu, u ssegwi b'attenzjoni l-esportazzjonijiet ta' armi li aktarx ikunu sfruttati mit-terroristi; jappella wkoll biex jissaħħu l-istrumenti tal-politika barranija u l-impenn mal-pajjiżi terzi biex jiġi miġġieled il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet terroristiċi;

59.   Iħeġġeġ lill-UE tmexxi djalogi mmirati u msaħħa fil-qasam tas-sigurtà u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu mal-Alġerija, l-Eġittu, l-Iraq, Iżrael, l-Ġordan, il-Marokk, il-Libanu, l-Arabja Sawdija, it-Tuneżija u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf; jemmen ukoll li l-kooperazzjoni mat-Turkija għandha tissaħħaħ b'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali ta' Diċembru 2014;

60.   Jistieden lill-Kunsill jiżgura li l-Istrateġija Reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kontra t-terroriżmu/l-ġellieda barranin, adottata fis-16 Marzu 2015, tkun sottoposta għal rieżami u żvilupp kostanti, fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-qagħda tas-sigurtà fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-UE, b'mod parallel ma' inizjattivi preventivi u ta' xorta oħra bħan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni tal-Kummissjoni (RAN); jistieden ukoll lill-Istati Membri jippromwovu r-rispett u l-fehim reċiproċi bħala elementi fundamentali fil-qafas tal-ġlieda kontra t-terroriżmu kemm fl-UE u fl-Istati Membri tagħha kif ukoll f'pajjiżi terzi;

61.  Jinsab konvint li, għall-istabbiliment ta' kooperazzjoni msaħħa bħal din, jeħtieġ li l-Kummissjoni, u b'mod partikolari s-SEAE, jagħmlu sforzi akbar f'termini ta' żieda u titjib tal-għarfien espert fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-konflitti armati mhux konvenzjonali u r-radikalizzazzjoni, u barra minn hekk isaħħu u jiddiversifikaw il-ħiliet lingwistiċi, pereżempju għall-Għarbi, l-Urdu, ir-Russu u l-Mandarin, minħabba li bħalissa jeżisti nuqqas serju ta' dawn il-ħiliet fis-servizzi tal-informazzjoni u tal-intelligence Ewropej; iqis li huwa essenzjali li l-messaġġ Ewropew għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, ir-radikalizzazzjoni u l-vjolenza jkun jista' jinstema' lil hinn mill-fruntieri tagħha permezz ta' azzjoni inċiżiva u effikaċi fil-qasam tal-komunikazzjoni strateġika;

62.   Jappoġġja żieda fil-kooperazzjoni internazzjonali u fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni min-naħa tas-servizzi nazzjonali tal-intelligence bil-għan li jiġu identifikati ċittadini tal-UE f'riskju li jsiru radikalizzati, u jiġu reklutati, u li jivvjaġġaw biex jissieħbu mal-gruppi ġiħadisti jew ma' gruppi estremisti oħrajn; jisħaq li l-pajjiżi tar-reġjun MENA u tal-Balkani tal-Punent għandhom ikunu sostnuti fl-isforzi tagħhom intiżi li jwaqqfu l-fluss tal-ġellieda barranin;

63.   Jirrikonoxxi li r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ ta' individwi minn netwerks terroristiċi huwa fenomenu globali; jemmen li r-rispons għal dan il-fenomenu m'għandux ikun biss lokali jew Ewropew, iżda wkoll internazzjonali; iqis li huwa neċessarju, għaldaqstant, li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi bil-għan li jiġu identifikati n-netwerks ta' reklutaġġ u tiżdied is-sigurtà mal-fruntieri tal-pajjiżi kkonċernati; itenni wkoll li l-kooperazzjoni mas-sħab ewlenin tagħna li qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi simili għandha tiġi intensifikata permezz ta' djalogu diplomatiku u politiku u kooperazzjoni fl-intelligence;

64.   Itenni li l-firxa globali tat-theddida terroristika għandu jkollha rispons internazzjonali effikaċi u magħqud bil-għan li jiġi evitat b'mod inċiżiv it-traffiku ta' armi lejn pajjiżi li jheddu l-paċi u s-sikurezza internazzjonali;

65.   Jilqa' l-allokazzjoni mill-Kummissjoni f'April 2015 ta' pakkett ta' EUR 10 miljun għall-finanzjament ta' programm li jgħin lill-pajjiżi sħab fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni fir-reġjun Saħel/Magreb u jwaqqaf il-fluss ta' ġellieda barranin li ġejjin mill-Afrika ta' Fuq, mil-Lvant Nofsani u mill-Balkani tal-Punent.(porzjon inizjali ta' EUR 5 miljun għall-finanzjament tal-assistenza teknika biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-uffiċjali tal-ġustizzja kriminali li jinvestigaw, iressqu quddiem il-ġustizzja u jagħtu sentenzi ġudizzjarji f'każijiet ta' ġellieda barranin jew ġellieda barranin potenzjali; it-tieni porzjon ta' EUR 5 għall-finanzjament tal-ġlieda kontra l-programmi ta' radikalizzazzjoni fir-reġjun Saħel/Magreb);

IX. Il-promozzjoni tal-iskambju ta' prattiki tajba fir-rigward tad-deradikalizzazzjoni

66.   Iqis li l-istabbiliment ta' politika komprensiva għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ taċ-ċittadini Ewropej mill-organizzazzjonijiet terroristiċi ma tistax tkun ta' suċċess jekk ma tkunx akkumpanjata minn politiki proattivi ta' deradikalizzazzjoni u inklużjoni; jappella, għaldaqstant, lill-UE biex tiffaċilita l-kondiviżjoni mill-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi li diġà kisbu esperjenza u riżultati pożittivi f'dan il-qasam ta' prattika tajba fir-rigward tal-istabbiliment ta' strutturi ta' deradikalizzazzjoni u l-prevenzjoni taċ-ċittadini tal-UE u persuni li mhumiex ċittadini tal-UE li jgħixu legalment fl-UE milli jħallu l-UE jew jidħlu lura fiha; ifakkar fil-bżonn li jiġi offrut appoġġ lill-familji ta' tali individwi wkoll;

67.   Jissuġġerixxi li l-Istati Membri jistudjaw l-istabbiliment ta' konsulenti jew assistenti konsulenti fil-proċess ta' deradikalizzazzjoni taċ-ċittadini tal-UE li jirritornaw miż-żoni ta' konflitt f'qagħda ta' diżillużjoni minħabba dak li ġarrbu hemmhekk, bil-għan li jgħinuhom jintegraw mill-ġdid fis-soċjetà permezz ta' programmi adegwati; jissottolinja l-bżonn ta' skambju aħjar tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri f'dan ir-rigward; jisħaq li l-konsulenti għandhom ikunu lesti biex jikkontribwixxu għal programmi speċifiċi permezz ta' taħriġ xieraq;

68.   Jappella għat-tnedija ta' kampanja ta' komunikazzjoni strutturata fil-livell tal-UE, li tagħmel użu minn każijiet ta' persuni li kienu "ġellieda barranin" u li għaddew mid-deradikalizzazzjoni b'suċċess u l-esperjenzi trawmatiċi tagħhom jikkontribwixxu għall-kxif tad-dimensjoni reliġjuża ferm perversa u qarrieqa li wieħed jissieħeb ma' organizzazzjonijiet terroristiċi bħalma hi l-ISIS; iħeġġeġ, għaldaqstant, l-iżvilupp fi ħdan l-Istati Membri ta' pjattaformi li jippermettu konfrontazzjoni u djalogu ma' dawn il-ġellieda veterani; jenfasizza barra minn hekk li l-istabbiliment ta' kuntatt mal-vittmi tat-terroriżmu jidher li huwa metodu effettiv ta' desagralizzazzjoni jew ta' tneħħija tal-importanza ideoloġika tad-diskorsi radikali; jissuġġerixxi li din il-kampanja tintuża bħala għajnuna fil-proċess ta' deradikalizzazzjoni fil-ħabsijiet, l-iskejjel u fl-istrutturi kollha fejn iseħħu l-prevenzjoni u r-riabilitazzjoni; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tappoġġa, partikolarment permezz ta' finanzjament, u tikkoordina kampanji ta' komunikazzjoni nazzjonali bħal dawn;

X. Iż-żarmar tan-netwerks terroristiċi

69.   Jissottolinja li l-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa u r-reati fiskali huma f'ċerti każi sorsi ewlenin ta' finanzjament terroristiku li jipperikolaw is-sigurtà interna tagħna u, għaldaqstant, l-identifikazzjoni u l-ġlieda kontra reati li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-UE jridu jkunu prijorità;

70.   Jappoġġa l-miżuri intiżi biex idgħajfu l-organizzazzjonijiet terroristiċi minn ġewwa u jnaqqsu l-influwenza potenzjali tagħhom fuq iċ-ċittadini Ewropej u ċittadini mhux Ewropej li legalment jirrisjedu fl-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-aġenziji kompetenti jistudjaw miżuri ta' żarmar tan-netwerks terroristiċi u ta' identifikazzjoni tal-finanzjamenti tagħhom; jappella, għal dan il-għan, għal kooperazzjoni aħjar bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja tal-Istati Membri u t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni rapida tal-Pakkett Kontra l-Ħasil tal-Flus; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi regolamentazzjoni dwar l-identifikazzjoni u l-ibblokkjar tal-kanali ta' finanzjament għat-terroriżmu, u l-kontrobilanċ ta' modi li bihom huma ffinanzjati; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tevalwa mill-ġdid il-ħolqien ta' sistema Ewropea ta' traċċar tal-finanzjament għat-terroriżmu; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw l-għola standards ta' trasparenza rigward l-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji tal-istrutturi korporattivi kollha fl-UE u f'ġurisdizzjonijiet xejn ċari, li jafu jkunu mezzi għall-finanzjament ta' organizzazzjonijiet terroristiċi;

71.   Jilqa' l-adozzjoni reċenti tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, li tipproponi passi importanti biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni bħall-ħolqien ta' Ċentru Ewropew għall-Ġlieda ta' Kontra t-Terroriżmu fl-Europol; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-miżuri eżistenti u jappella lill-Kummissjoni tirrapporta riżorsi finanzjarji u umani suffiċjenti biex tilħaq l-azzjonijiet proposti tagħha b'mod effikaċi;

72.   Jappella għal approċċ armonizzat għad-definizzjoni tad-diskors ta' mibegħda onlajn u offline bħala reat kriminali li, bih, ir-radikali jinċitaw lil oħrajn biex ma jirrispettawx u biex jiksru d-drittijiet fundamentali; jissuġġerixxi li din l-azzjoni speċifika għandha tiddaħħal fid-deċiżjonijiet qafas rilevanti tal-Kunsill;

73.   Jistieden lill-Istati Membri jipparteċipaw f'dawn l-isforzi ta' traċċabilità tal-flussi finanzjarji esterni, u jiżguraw u juru trasparenza fir-relazzjonijiet tagħhom ma' ċerti pajjiżi tal-Golf, bil-għan li jsaħħu l-kooperazzjoni sabiex jinxteħet dawl fuq il-finanzjament tat-terroriżmu u tal-fundamentaliżmu fl-Afrika u fil-Lvant Nofsani, iżda wkoll ta' ċerti organizzazzjonijiet fl-Ewropa; jemmen li l-Istati Membri mgħandhomx iżżommu lura milli jużaw miżuri restrittivi kontra individwi u organizzazzjonijiet fejn hemm evidenza kredibbli ta' finanzjament jew kompliċità oħra mat-terroriżmu;

74.   Jirrifjuta bil-qawwa kwalunkwe tentattiv biex jitneħħew aspetti tar-rapport li jiffokaw fuq il-ġlieda kontra atti ta' terroriżmu u estremiżmu bħala tali; iqis li huwa inutli u kontroproduċenti li tinqasam ir-rabta bejn il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u l-ġlieda kontra l-manifestazzjonijiet ta' din tal-aħħar; jistieden lill-Kunsill joħloq lista sewda ta' ġiħadisti Ewropej u ta' terroristi ġiħadisti suspettati;

75.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi kandidati, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Unjoni Afrikana, lill-istati membri tal-Unjoni għall-Mediterran, tal-Lega Għarbija u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.

NOTA SPJEGATTIVA

L-attakki terroristiċi tal-bidu tal-2015 enfasizzaw l-urġenza li kellha l-UE li taġixxi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u tal-prevenzjoni r-radikalizzazzjoni taċ-ċittadini Ewropej.

Jekk it-traġedji tal-bidu tal-2015 ippermettew li l-istituzzjonijiet Ewropej, kif ukoll l-Istati Membri, jiddeċiedu li jkunu aktar involuti fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, kienu ilhom isiru appelli f’dan is-sens. Il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni taċ-ċittadini Ewropej tibqa' l-kompetenza primarja tal-Istati Membri. Madankollu, huwa meħtieġ approċċ Ewropew miftiehem sabiex jiġi miġġielda b’mod effettiv it-theddida li jirrappreżentaw dawn iċ-ċittadini Ewropej radikalizzati li jistgħu jiċċirkolaw liberament fuq it-territorju Ewropew.

Għalkemm din iċ-ċifra hija diffiċli li tiġi stmata, illum huwa stmat li huwa aktar minn 5000 il-għadd ta' ċittadini Ewropej li telqu biex jiġġieldu fi ħdan organizzazzjonijiet terroristiċi fl-Iraq u fis-Sirja. Jekk dan il-fenomenu huwa ta' daqs sinifikanti f’ċerti Stati Membri, l-Unjoni Ewropea kollha hija kkonċernata mill-isfidi u l-kwistjonijiet imqajma minn dawn il-“ġellieda barranin”.

Ir-radikalizzazzjoni taċ-ċittadini Ewropej, li tista' tasal sat-tluq tagħhom biex jiġġieldu fi ħdan organizzazzjonijiet terroristiċi bħalma hi d-Da'esh, tikkostitwixxi theddida reali tas-sigurtà għall-Ewropa, l-Istati Membri tagħha u l-ġirien tagħha.

Quddiem l-aċċelerazzjoni ta' dan il-fenomenu, il-miżuri ta’ infurzar tal-liġi m’għadhomx biżżejjed. L-Unjoni Ewropea teħtieġ li tadotta strateġija ġdida, ibbażata iktar fuq il-prevenzjoni. Dan ir-rapport se jiffoka għaldaqstant fuq l-istabbiliment ta’ attitudni proattiva fil-qasam tal-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tar-reklutaġġ taċ-ċittadini Ewropej mill-organizzazzjonijiet terroristiċi.

L-objettiv ta’ dan ir-rapport se jkun li jagħmel rakkomandazzjonijiet għal strateġija Ewropea ta' prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tar-reklutaġġ taċ-ċittadini Ewropej. Għal dan l-għan, jeħtieġ li jiġu analizzati d-diversi mezzi tar-radikalizzazzjoni. Studju tal-modi ta’ azzjoni għar-reklutaġġ ta' “ġellieda barranin” ġodda għandu jagħmilha possibbli li jitressqu soluzzjonijiet effettivi f’kull settur, kull pjattaforma, li jiffavorixxu tali radikalizzazzjoni.

Din hija r-raġuni għala għandu jiġi adottat approċċ inklużiv bil-għan li tiġi ppreżentata analiżi kompleta tal-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tar-reklutaġġ taċ-ċittadini Ewropej.

Dan ir-rapport jittratta dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tar-reklutaġġ taċ-ċittadini Ewropej mill-organizzazzjonijiet terroristiċi. Mhuwiex l-iskop hawnhekk li jiġu elenkati għal darb’oħra l-miżuri Ewropej għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, iżda li jsir skambju ta’ ideat ġodda li jippermettu li jiġu evitati l-abbużi u t-theddid għas-sigurtà fuq it-territorju tagħna.

Ir-rapporteur madankollu tixtieq tfakkar fl-impenn tagħha għall-protezzjoni tal-libertajiet fundamentali. Fl-ebda każ, il-Parlament Ewropew ma għandu jqiegħed fil-periklu fil-proposti tiegħu ir-rispett tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali tal-bniedem, u b'mod partikolari l-libertà ta’ espressjoni, taċ-ċittadini Ewropej. Ir-rapporteur se tiżgura li r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu f'dan ir-Rapport ikunu konsistenti mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u li l-ebda waħda mill-proposti mressqa f’dan ir-rapport ma tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv iddikjarat. Ir-Rapporteur hija għalhekk impenjata ħafna favur ir-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

17.9.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tar-reklutaġġ ta' ċittadini Ewropej minn organizzazzjonijiet terroristiċi

(2015/2063(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Angel Dzhambazki

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar fid-Dikjarazzjoni ta' Pariġi adottata mill-Ministri għall-Edukazzjoni tal-UE fis-17 ta' Marzu 2015, li tappella għal kooperazzjoni aħjar min-naħa tal-Istati Membri biex jippromwovu qafas ta' opportunitajiet indaqs, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, inkluża l-libertà ta' espressjoni, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt, l-inklużjoni soċjali, u ċ-ċittadinanza attiva permezz tal-iżvilupp personali u l-edukazzjoni fil-livelli kollha, partikolarment għal dawk li ġejjin minn kuntest żvantaġġat; ifakkar li l-UE għandha r-responsabbiltà li tirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali kif ukoll is-sigurtà taċ-ċittadini tagħha, kif minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, inklużi l-libertà ta' espressjoni u informazzjoni, ta' għaqda u assoċjazzjoni u r-rispett għad-diversità lingwistika, kulturali u reliġjuża;

2.  Iqis li l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tar-reklutaġġ ta' ċittadini Ewropej minn organizzazzjonijiet terroristiċi tifforma parti minn sensiela ta' miżuri li jkopru diversi oqsma u jimmiraw li jippromwovu s-sigurtà, il-ġustizzja u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd; jerġa' jafferma li fatturi oħra li jafu jiffavorixxu r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ ta' ċittadini Ewropej minn organizzazzjonijiet terroristiċi jinkludu partikolarment l-inugwaljanza, l-emarġinazzjoni, l-esklużjoni soċjali u d-diffikultà ta' aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità;

3.  Jenfasizza l-importanza tal-investiment fi programmi ta' tagħlim tul il-ħajja kemm bħala intervent preventiv kontra r-radikalizzazzjoni kif ukoll bħala strument preferenzjali għad-deradikalizzazzjoni tal-persuna;

4.  Jinnota li l-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-ġlieda kontra kull tip ta' radikalizzazzjoni huma waħda mill-prijoritajiet ewlenin fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, iżda jiddispjaċih li minkejja r-riformi li saru dan l-aħħar l-Ewropa għadha ma tistax tirreaġixxi b'mod adegwat għal dawn l-isfidi l-ġodda; jenfasizza l-ħtieġa, għalhekk, ta' approċċ multidimensjonali biex jiġu indirizzati l-għeruq kulturali, ekonomiċi, soċjali u politiċi li jrawmu t-terroriżmu; jissottolinja r-rwol kruċjali li tiżvolġi l-identifikazzjoni bikrija tal-persuni f'riskju li jkunu esposti għar-radikalizzazzjoni u jenfasizza li l-istituzzjonijiet soċjali u edukattivi kompetenti għandhom ikunu mgħammra adegwatament bis-saħħa ta' taħriġ biex jeżegwixxu dawn il-kompiti; jenfasizza l-bżonn li l-atturi kollha jkunu konxji mir-responsabbiltà li għandhom fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, kemm fil-livell lokali, nazzjonali, Ewropew kif ukoll dak internazzjonali; itenni r-rwol fundamentali tad-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-atturi kollha fl-edukazzjoni formali u mhux formali (eż. il-familji, il-ġenituri, l-għalliema u l-għaqdiet), kif ukoll il-kultura u l-isport; jenfasizza l-ħtieġa ta' taħriġ speċjalistiku għall-għalliema, li jistgħu jservu bħala mudelli eżemplari u figuri awtorevoli, l-importanza tal-politiki soċjali u taż-żgħażagħ, attivitajiet ta' divertiment alternattivi, it-tagħlim tul il-ħajja, u d-djalogu interkonfessjonali u interkulturali biex tiġi evitata r-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti;

5.  Jinnota l-importanza li l-għalliema jiġu responsabbilizzati biex jieħdu pożizzjoni attiva kontra kull forma ta' diskriminazzjoni u razziżmu; jinnota r-rwol essenzjali tal-edukazzjoni u ta' għalliema kompetenti u simpatizzanti, mhux biss biex jissaħħu r-rabtiet soċjali, jitħeġġeġ sens ta' appartenenza, jiġu żviluppati l-konoxxenzi, il-ħiliet u l-kompetenzi, jinżergħu l-valuri fundamentali, u jissaħħu l-kompetenzi soċjali, ċiviċi u interkulturali, il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku, iżda wkoll biex – f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ġenituri u l-familji – iż-żgħażagħ jingħataw l-għajnuna biex isiru membri tas-soċjetà attivi, responsabbli u moħħhom miftuħ; jenfasizza li l-iskejjel jistgħu jibnu r-reżiljenza tal-istudenti għar-radikalizzazzjoni billi joffru ambjent sikur u ħin biex jiddiskutu u jeżaminaw kwistjonijiet kontroversjali u sensittivi; jindika li l-adolexxenti jikkostitwixxu grupp partikolarment vulnerabbli, billi jinsabu f'fażi diffiċli ta' ħajjithom huma u jiżviluppaw is-sistema ta' valuri tagħhom u jfittxu s-sinifikat, u fl-istess ħin jistgħu jimpressjonaw ruħhom ħafna u jiġu manipulati faċilment; ifakkar li kemm il-gruppi kif ukoll l-individwi jistgħu jiġu radikalizzati, u jirrikonoxxi li l-iżvilupp u r-risposta għar-radikalizzazzjoni individwali u fi gruppi jistgħu jkunu differenti; jenfasizza r-rwol li s-soċjetà tiżvolġi billi liż-żgħażagħ toffrilhom prospettivi aħjar u skop fil-ħajja, partikolarment permezz ta' edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja; jissottolinja r-rwol tal-istituzzjonijiet edukattivi li jgħallmu liż-żgħażagħ jagħrfu u jvinċu r-riskju u jagħmlu għażliet aktar sikuri, u li jippromwovu sens qawwi ta' appartenenza, komunità komuni, assistenza, appoġġ u responsabbiltà fil-konfront tal-oħrajn; jenfasizza l-ħtieġa li d-diversi opportunitajiet ta' edukazzjoni vokazzjonali u korsijiet akkademiċi offruti jintużaw sabiex iż-żgħażagħ jiġu esposti għall-identitajiet nazzjonali, reġjonali, reliġjużi u etniċi differenti fl-Ewropa;

6.  Jinnota li ż-żgħażagħ mingħajr opportunitajiet u mingħajr impjieg għandhom ħafna ħin liberu u huma aktar vulnerabbli u suxxettibbli li jinġibdu lejn dak li jaraw bħala entużjażmu involut fir-reklutaġġ minn organizzazzjonijiet terroristiċi;

7.  Jenfasizza li l-azzjoni biex taffronta r-radikalizzazzjoni trid tisħaq ukoll fuq l-inklużjoni soċjali u l-emanċipazzjoni fil-komunitajiet vulnerabbli, tippromwovi l-involviment tal-komunitajiet bis-saħħa tad-djalogu, tinkoraġġixxi u tikkultiva ċ-ċittadinanza attiva u ssaħħaħ ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell lokali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattiki, jifformulaw rakkomandazzjonijiet u jiżviluppaw netwerks fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew bil-għan li jagħtu risposta soċjali pożittiva lir-radikalizzazzjoni skont dawn il-prinċipji;

8.  Jenfasizza li l-ewwel fażijiet tar-radikalizzazzjoni jidhru mill-iżolament tal-persuna, b'mod partikolari fil-konfront tal-familja u l-iskola; jissottolinja l-importanza ta' komunikazzjoni adatta bejn il-ġenituri, l-għalliema u l-awtoritajiet biex jidentifikaw is-sinjali ta' radikalizzazzjoni fiż-żgħażagħ;

9.  Jenfasizza li d-diversità tal-Ewropa u l-komunitajiet multikulturali tagħha huma parti integrali min-nisġa soċjali tagħha u huma beni kulturali fundamentali; isostni li kwalunkwe politika li tittratta r-radikalizzazzjoni trid tkun sensittiva u proporzjonata sabiex tirrispetta u ssaħħaħ in-nisġa soċjali mżewqa tal-komunitajiet;

10.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-politiki kontra t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni jissugraw li jillimitaw il-libertà ta' espressjoni, direttament jew permezz ta' effett deterrenti; jinnota li d-definizzjoni ta' termini bħal radikalizzazzjoni jew estremiżmu trid tkun stabbilita b'mod ċar u fid-dettall, bil-għan li jiġi evitat kwalunkwe impatt negattiv ta' dawn il-politiki fuq l-espressjoni leġittima; jisħaq fuq il-fatt li hemm bżonn ta' diversità ta' vuċijiet fil-komunitajiet suxxettibbli għar-radikalizzazzjoni, ħalli l-ideat u realtajiet moderati u progressivi jkunu jistgħu jegħlbu l-estremiżmu, u għalhekk għandha titħeġġeġ diversità ta' fehmiet f'dibattitu miftuħ;

11.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu approċċ interkulturali fis-sistemi edukattivi tagħhom li jippermetti l-konoxxenza u r-rispett reċiproċi fil-kondiviżjoni ta' valuri komuni;

12.  Jissottolinja l-importanza tar-rwol tal-mara fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni fi ħdan in-nuklej familjari;

13.  Jenfasizza l-importanza tad-djalogu interkonfessjonali u interkulturali bħala strument ta' koeżjoni u inklużjoni soċjali, kif ukoll ta' medjazzjoni u rikonċiljazzjoni;

14.  Isostni u jirrikonoxxi l-importanza tat-tlaqqigħ u d-djalogu pubbliku bejn id-diversi figuri reliġjużi ta' riferiment, li jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti biex jiġu mvinċija l-istereotipi u l-fobiji fil-konfront tar-reliġjonijiet individwali;

15.  Jinnota bi tħassib l-użu tal-internet u l-midja soċjali għat-tixrid ta' materjal ta' propaganda u r-reklutaġġ minn organizzazzjonijiet terroristiċi; iħeġġeġ kooperazzjoni attiva bejn l-Istati Membri, l-UE u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha biex jiġi miġġieled it-tixrid ta' materjal u propaganda radikali fuq l-internet; jappella għall-implimentazzjoni ta' programmi ta' sensibilizzazzjoni fost iż-żgħażagħ dwar l-inċitament għall-mibegħda fuq l-internet u r-riskji li dan jirrappreżenta, u programmi ta' promozzjoni tal-edukazzjoni fil-midja u l-internet; jissottolinja l-ħtieġa, għalhekk, kemm li tiġi żviluppata kontrokomunikazzjoni online innovattiva mal-Istati Membri li tista' wkoll tistimula l-ħiliet ta' ġudizzju diġitali kritiku fost l-utenti tal-internet vulnerabbli kollha kif ukoll li jiġu żviluppati teknoloġiji li jistgħu jrażżnu u jikkumbattu dan il-fenomenu b'mod preventiv; jenfasizza r-rwol kruċjali tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fl-iżvilupp u t-tixrid ta' kontromessaġġi effikaċi; jenfasizza r-rwol tal-edukazzjoni fl-għajnuna li tista' tagħti liż-żgħażagħ biex jifhmu u jaċċettaw id-differenzi fl-opinjonijiet, fil-konvinzjonijiet, fit-twemmin u fl-istil ta' ħajja, filwaqt li jirrispettaw id-diversità u l-istat tad-dritt, kif ukoll fil-promozzjoni tal-ħsieb kritiku u l-ġudizzju tajjeb sabiex, partikolarment fil-kuntest tal-internet u l-midja soċjali, ikunu kapaċi jifhmu r-realtà, jiddistingwu l-fatti mill-opinjoni, jagħrfu l-propaganda, u jirreżistu kull forma ta' indottrinazzjoni, inċitament għall-mibegħda u estremiżmu online; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati jaqblu dwar standards komuni ta' etika ġurnalistika bil-għan li jiġi miġġieled l-inċitament għall-mibegħda fil-materjal medjatiku u fil-kummentarji online tal-pubbliku ġenerali;

16.  Jenfasizza li involviment akbar maż-żgħażagħ, inkluż permezz ta' skambji edukattivi u netwerks oħrajn, huwa element ċentrali mmirat biex titnissel l-għaqda, jingħelbu l-preġudizzji u jitrawwem id-djalogu reliġjuż u r-rispett tad-diversità kulturali; huwa tal-opinjoni li programmi ta' azzjoni trasversali bbażati fuq edukazzjoni alternattiva u l-interfaċċja kulturali, li jqisu d-diversità kulturali eżistenti u l-ħtieġa li din tinftiehem, jistgħu jiżvolġu rwol importanti fl-iżvilupp ta' viżjoni komuni tal-futur ibbażata fuq ir-rispett tad-drittijiet u d-dinjità tal-bniedem, l-istandards internazzjonali u l-valuri li fuqhom hija mibnija l-UE;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsiru sforzi biex iż-żgħażagħ jingħataw l-għajnuna sabiex jiżviluppaw l-identità individwali, is-sens ta' rispett lejhom infushom, l-ispirtu ta' komunità u t-tolleranza tagħhom lejn soċjetajiet multikulturali u multinazzjonali, peress li ż-żgħażagħ li jkunu qed ifittxu identità u sens ta' appartenenza huma partikolarment suxxettibbli għar-retorika estremista;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jisħqu aktar fuq it-tagħlim fl-użu tal-midja fis-sistemi edukattivi tagħhom sabiex it-tfal u ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jitgħallmu kif jifhmu u jevalwaw b'mod xieraq l-informazzjoni mhux iffiltrata li sikwit jiltaqgħu magħha fuq l-internet;

19.  Jissottolinja l-ħtieġa li kemm l-istudenti kif ukoll l-edukaturi jaslu biex jifhmu aħjar ir-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu, u li titqajjem kuxjenza dwar l-użu tal-midja soċjali għar-radikalizzazzjoni u għall-promozzjoni ta' ideoloġiji estremisti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw is-sikurezza tal-internet fil-kurrikuli tal-ICT fl-iskejjel sabiex tiġi evitata r-radikalizzazzjoni online;

20.  Jenfasizza li n-netwerks soċjali u tal-internet huma biss parti mill-proċess ta' radikalizzazzjoni u li l-ġlieda kontra l-promoturi diġitali tar-radikalizzazzjoni hija biss parti waħda mill-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni;

21.  Ifakkar lill-midja fl-għan edukattiv tal-programm Ewropa Kreattiva, li jippermetti proġetti mmirati lejn il-bini ta' djalogu kritiku mal-midja – speċjalment il-midja diġitali – jiksbu finanzjament fil-kuntest tal-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni;

22.  Ifakkar fl-importanza tal-programmi u tal-istrumenti ta' finanzjament tal-UE bħalma huma l-programm Orizzont 2020, il-programm Erasmus+, Ewropa Kreattiva, L-Ewropa għaċ-Ċittadini u l-qafas strateġiku dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2020 fl-oqsma relatati mal-edukazzjoni, il-kultura u l-isport, bħala vetturi kruċjali għall-appoġġ tal-isforzi tal-Istati Membri biex jindirizzaw l-inugwaljanzi, l-intolleranza u d-diskriminazzjoni, jevitaw l-emarġinazzjoni u jintegraw il-minoranzi fil-ħajja soċjali tal-Istati Membri individwali; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-impenn tagħha biex timmobilizza fondi mmirati eżistenti għall-promozzjoni ta' azzjonijiet konkreti li jisfidaw l-ideoloġiji estremisti u r-radikalizzazzjoni permezz tad-djalogu mal-aktar pubbliċi fil-mira; jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li, sal-aħħar tas-sena, se tressaq rakkomandazzjonijiet biex tissaħħaħ l-idea ta' inklużjoni, diversità u valuri ċiviċi fl-iskejjel abbażi tal-programm Erasmus+;

23.  Jinnota r-rwol tat-tagħlim mhux formali u informali u l-importanza li jiġi ffaċilitat l-involviment taż-żgħażagħ f'attivitajiet ta' volontarjat fi ħdan organizzazzjonijiet integrattivi taż-żgħażagħ u fl-isport tal-massa, sabiex tissaħħaħ l-interazzjoni u sabiex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiksbu l-kompetenzi soċjali u komunikattivi, il-ħiliet ta' ħsieb kritiku u ta' soluzzjoni tal-problemi kif ukoll awtoperċezzjoni pożittiva, li lkoll jikkomplementaw l-edukazzjoni formali;

24.  Jenfasizza l-importanza kruċjali tas-servizzi ta' appoġġ fl-istituzzjonijiet edukattivi, offruti minn psikoloġi u assistenti soċjali mħarrġa tajjeb; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki fl-edukazzjoni ta' immigranti u rifuġjati reċenti biex tiġi evitata l-esklużjoni soċjali tagħhom; jenfasizza l-importanza ta' taħriġ reċiproku u attivitajiet komuni fost il-mexxejja reliġjużi sabiex jiġi influwenzat pożittivament id-dibattitu pubbliku;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni ssib modi ġodda u kreattivi ta' kif tista' tiġi evitata u miġġielda r-radikalizzazzjoni, inklużi skemi għall-ġenituri li wliedhom jistgħu jkunu suxxettibbli għar-reklutaġġ minn gruppi estremisti;

26.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw strateġiji ta' tagħlim u tgħallim li jeżaminaw kwistjonijiet kontroversjali b'mod li jippromwovi l-analiżi kritika, il-valuri soċjali u kultura kondiviża ta' ftuħ u pluraliżmu fl-iskejjel u mal-komunità;

27.  Jenfasizza r-rwol u l-importanza tal-NGOs u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċessi ta' prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u fid-deradikalizzazzjoni;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ in-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN), fost affarijiet oħra billi jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni u l-kooperazzjoni konkreta bejn il-partijiet ikkonċernati dwar il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, u tappoġġa lill-UE u lill-Istati Membri tagħha fit-tfassil ta' programmi ta' deradikalizzazzjoni u diżimpenn u fl-iżvilupp ta' "strateġiji ta' ħruġ" biex l-individwi jingħataw l-għajnuna biex iħallu warajhom l-estremiżmu vjolenti;

29.  Jenfasizza l-importanza ta' proġetti edukattivi mmirati fil-ħabsijiet, li huma esposti aktar għar-riskju ta' radikalizzazzjoni;

30.  Jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati politiki komprensivi bbażati fuq approċċ transettorjali bejn oqsma differenti bħall-kultura, l-isport, l-impjiegi u l-politiki soċjali, u mezzi oħrajn ta' ħidma fir-rigward tal-inklużjoni soċjali u s-salvagwardja tad-diversità, il-pluralità u l-valuri fundamentali komuni fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali;

31.  Jinnota li kampanja kontra r-radikaliżmu permezz tal-iżvilupp kulturali u uman għandha tikkostitwixxi realtà pubblika ġdida u objettiv fit-tul għal sforz aktar intelliġenti fil-ġlieda strateġika kontra t-terroriżmu;

32.  Ifakkar fl-importanza tal-edukazzjoni għad-demokrazija, għaċ-ċittadinanza attiva u għall-kultura politika demokratika u l-importanza tal-valuri li huma fil-qalba tal-Unjoni Ewropea – il-libertà, it-tolleranza, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt;

33.  Jinnota li edukazzjoni inklużiva ħafna, wieħed mill-objettivi strateġiċi tal-qafas dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2020, tista' tpatti għall-iżvantaġġi li ħafna tfal u żgħażagħ iħabbtu wiċċhom magħhom id-dar u b'dan il-mod tista' tgħin fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni;

34.  Itenni l-importanza tal-promozzjoni tal-ugwaljanza, il-koeżjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-importanza li t-tfal u ż-żgħażagħ jingħataw iċ-ċans li jiżviluppaw il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għaċ-ċittadinanza attiva u d-djalogu interkulturali u interreliġjuż;

35.  Jenfasizza li l-parteċipazzjoni fil-programm Erasmus+ iżżid il-livell ta' ċittadinanza attiva fost iż-żgħażagħ; ifakkar li studenti li ħadu sehem fl-Erasmus juru sens akbar ta' identità Ewropea, sens akbar ta' appartenenza u perċezzjoni pożittiva tal-UE, li lkoll jistgħu jnaqqsu l-possibbiltà ta' radikalizzazzjoni u jindirizzaw problemi ta' intolleranza u diskriminazzjoni;

36.  Jenfasizza l-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ bejn il-libertà ta' espressjoni u l-objettivi ta' sigurtà u prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

15.9.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Silvia Costa, Angel Dzhambazki, Jill Evans, Petra Kammerevert, Rikke Karlsson, Andrew Lewer, Svetoslav Hristov Malinov, Curzio Maltese, Fernando Maura Barandiarán, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Yana Toom, Helga Trüpel, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Sylvie Guillaume, Dietmar Köster, Paul Nuttall, Hermann Winkler

18.9.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tar-reklutaġġ ta' ċittadini Ewropej minn organizzazzjonijiet terroristiċi

(2015/2063(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Charles Tannock

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jemmen li kooperazzjoni internazzjonali msaħħa u aktar effikaċi, b'impenn fil-konfront tal-valuri u tan-normi fundamentali tal-UE bħalma huma d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-prinċipji tad-dritt umanitarju internazzjonali, skambju ta' fehmiet u ta' informazzjoni attiv, azzjoni nazzjonali determinata kontra l-faqar u l-inugwaljanzi u gvern stabbli u inklużiv fil-pajjiżi terzi huma fundamentali bħala elementi deterrenti u ta' ġlieda kontra t-theddida maħluqa mill-gruppi terroristiċi u biex titrażżan ir-radikalizzazzjoni taċ-ċittadini Ewropej;

2.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkooperaw u jiżguraw sostenn reċiproku kostanti għall-isforzi biex jiġi miġġieled l-estremiżmu vjolenti, anki permezz tal-koordinament tal-pjanijiet u tal-isforzi u l-kondiviżjoni tal-esperjenzi miksuba; jesprimi l-bżonn li jitjiebu l-kontrolli fil-fruntieri esterni tal-żona Schengen;

3.  Jinkoraġġixxi lill-UE tkompli tiżviluppa linji gwida u prinċipji biex issir ġlieda kontra t-terroriżmu, fuq il-bażi tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (partikolarment ir-riżoluzzjoni nru 2178(2014));

4.  Jagħmel appell għal kontribuzzjonijiet internazzjonali għall-mekkaniżmu ta' finanzjament sostnut mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) biex tkun faċilitata l-istabbilizzazzjoni immedjata taż-żoni liberati mid-Da'esh;

5.  Jesprimi tħassib minħabba l-fatt li, jekk ma jiġux affrontati l-kundizzjonijiet li jiffavorixxu t-tixrid tat-terroriżmu, il-fenomenu taċ-ċittadini tal-UE li jivvjaġġaw lejn pajjiżi oħrajn biex jissieħbu mal-gruppi ġiħadisti jew ma' gruppi estremisti oħrajn, kif ukoll ir-riskju speċifiku għas-sigurtà li jirrappreżentaw meta jerġgħu lura fl-UE u fil-pajjiżi ġirien, x'aktarx se jaggrava fis-snin li ġejjin, speċjalment fid-dawl tal-eskalazzjoni militari attwali fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq (MENA); jitlob li jsir studju komprensiv fuq l-effikaċja tal-miżuri nazzjonali u tal-Unjoni għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra t-terroriżmu;

6.  Jenfasizza li t-terroriżmu ma jista' u ma għandu jkun assoċjat ma' ebda reliġjon, nazzjonalità jew ċiviltà;

7.  Jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' inizjattivi ta' sigurtà, ta' ġlieda kontra t-terroriżmu u ta' deradikalizzazzjoni preventivi u regolarment rieżaminati fil-livell tal-Istati Membri, tal-UE u internazzjonali; jinkoraġġixxi koordinament aħjar tal-politiki interni u esterni, bil-għan li jkunu garantiti risposti adegwati għat-theddid emerġenti; jinkoraġġixxi l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni għall-ġlieda kontra t-terroriżmu mal-pajjiżi ġirien u mal-atturi reġjonali; jirrikonoxxi li r-radikalizzazzjoni hija anki kwistjoni ġeopolitika u marbuta mal-politika ta' viċinat; ifakkar fil-bżonn ta' valutazzjoni tal-għajnuniet finanzjarji kollha fir-rigward tal-impatt favorevoli potenzjali tagħhom fuq l-attivitajiet terroristiċi u jħeġġeġ li jiġu identifikati l-għejun tal-finanzjamenti esterni kollha;

8.  Jinkoraġġixxi lill-UE ssaħħaħ id-djalogu mal-pajjiżi terzi bl-iskop li jiġu stabbiliti miżuri maħsuba biex jiddisswadu lill-ġellieda barranin u jostakolawlhom il-vjaġġi, anki permezz ta' proġetti ġodda ta' żvilupp tal-kapaċitajiet (pereżempju kontrolli fil-fruntieri) mas-sħab u assistenza tal-UE aktar immirata, anki billi jitfasslu pjanijiet ta' azzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; jissottolinja li d-drittijiet tal-bniedem iridu jirrappreżentaw il-qofol tal-istrateġiji ta' ġlieda kontra t-terroriżmu; jawspika li l-UE ssaħħaħ id-djalogu politiku mal-Lega tal-Istati Għarab, mal-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika, mal-Unjoni Afrikana u ma' strutturi ta' koordinament reġjonali rilevanti oħrajn, bħall-G5 tas-Saħel; jistieden lill-UE ssegwi b'attenzjoni l-esportazzjonijiet ta' armi li aktarx ikunu sfruttati mit-terroristi;

9.  Jilqa' b'entużjażmu r-rieda tal-VP/RGħ Federica Mogherini biex issostni l-proġetti ta' prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni fil-pajjiżi terzi, jiġifieri fil-Ġordan, fil-Libanu u fl-Iraq kif ukoll fil-Magreb u fis-Saħel, kif indikat fir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri wara l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta' Frar 2015; josserva li issa jeħtieġ li jkun garantit li dawn il-proġetti jirċievu l-finanzjamenti neċessarji mill-aktar fis possibbli;

10.  Jistieden lill-UE żżid il-kooperazzjoni mas-sħab reġjonali biex twaqqaf it-traffikar tal-armi, billi timmira partikolarment lejn il-pajjiżi minn fejn ikun ġej it-terroriżmu, u ssegwi b'attenzjoni l-esportazzjonijiet ta' armi li aktarx ikunu sfruttati mit-terroristi; jappella barra minn hekk biex jissaħħu l-istrumenti tal-politika barranija u l-impenn mal-pajjiżi terzi biex jiġi kuntrastat il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet terroristiċi;

11.  Jinkoraġġixxi lill-UE tmexxi djalogi mmirati u msaħħa fil-qasam tas-sigurtà u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu mal-Alġerija, l-Eġittu, l-Iraq, Iżrael, l-Ġordan, il-Marokk, il-Libanu, l-Arabja Sawdija, it-Tuneżija u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf; iqis li anki l-kooperazzjoni mat-Turkija għandha tissaħħaħ b'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali ta' Diċembru 2014;

12.  Jistieden lill-Kunsill jiżgura li l-Istrateġija Reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kontra t-terroriżmu/l-ġellieda barranin, adottata fis-16 ta' Marzu 2015, tkun sottoposta għal rieżami u żvilupp kostanti, fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-qagħda tas-sigurtà fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-UE, parallelament ma' inizjattivi preventivi u ta' xorta oħra bħan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni tal-Kummissjoni; jistieden ukoll lill-Istati Membri jippromwovu r-rispett u l-fehim reċiproċi bħala elementi fundamentali fil-qafas tal-ġlieda kontra t-terroriżmu kemm fl-UE u fl-Istati Membri tagħha kif ukoll fil-pajjiżi terzi;

13.  Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill isibu lingwaġġ ta' kundanna ċar fil-konfront tas-sostenn finanzjarju u ideoloġiku deċennali li ċerti gvernijiet u personalitajiet prominenti tal-pajjiżi tal-Golf offrew lill-movimenti estremisti Iżlamiċi; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi terzi bl-iskop li tostakola b'aktar effikaċja s-sostenn materjali u immaterjali lit-terroriżmu; ifakkar li, fil-kuntest tar-reviżjoni attwali tal-PEV, għandhom jissaħħu id-dimensjoni tas-sigurtà u l-kapaċità tal-istrumenti tal-PEV biex jikkontribwixxu għat-titjib tar-reżiljenza tas-sħab u tal-kapaċitajiet tagħhom biex jiggarantixxu s-sigurtà tagħhom fir-rispett tal-istat tad-dritt;

14.  Josserva li l-kawżi primarji tat-terroriżmu spiss jistgħu jinstabu fil-governanza ħażina u mhux inklużiva; jemmen li, bil-għan li jinkiseb progress fit-tul, l-isforzi fil-livell internazzjonali għandhom jimmiraw lejn il-promozzjoni tal-istat tad-dritt, tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja l-importanza li dawn l-għanijiet jiġu inkorporati fil-ftehimiet ta' kooperazzjoni tal-UE mal-pajjiżi terzi; jinkoraġġixxi lill-UE tvara aktar proġetti u attivitajiet ta' żvilupp tal-kapaċitajiet mall-pajjiżi MENA interessati, fil-qasam tal-eżekuzzjoni tal-liġi, tal-ġustizzja kriminali u tar-riforma tas-settur tas-sigurtà f'kooperazzjoni stretta ma' Europol, Eurojust, Frontex u CEPOL; iqis li d-djalogu mal-Iżlam moderat – li jopponi l-estremiżmu – u t-tħeġġiġ tal-kooperazzjoni kulturali, huma dejjem aktar urġenti,

15.  Isostni żieda fil-kooperazzjoni internazzjonali u fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn is-servizzi nazzjonali tal-intelligence bil-għan li jiġu identifikati ċ-ċittadini tal-UE f'riskju li jsiru radikalizzati, ikunu reklutati u li jivvjaġġaw biex jissieħbu mal-gruppi ġiħadisti jew ma' gruppi estremisti oħrajn; jissottolinja li l-pajjiżi tar-reġjun MENA u tal-Balkani tal-Punent għandhom ikunu sostnuti fl-isforzi tagħhom intiżi li jwaqqfu l-fluss tal-ġellieda barranin;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni timmobilizza r-riżorsi kollha tagħha u ssostni lill-Istati Membri huma u jaffrontaw il-fatturi li huma l-bażi tar-radikalizzazzjoni u tal-estremiżmu, billi jiġu definiti strateġiji ta' prevenzjoni li jħaddnu l-ambiti tal-edukazzjoni, tal-integrazzjoni soċjali, tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u tad-djalogu interkulturali u interreliġjuż; jirrakkomanda kollaborazzjoni aktar stretta mal-organizzazzjonijiet għad-djalogu kulturali; jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni mal-mexxejja moderati tal-komunità Musulmana, inklużi r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll fil-pajjiżi terzi, bil-għan li tiġi miġġielda r-radikalizzazzjoni; jistieden lill-komunità globali tal-mexxejja reliġjużi jniedu Summit Interkonfessjonali ieħor bħal dak li ttella' f'Assisi fl-2011; iqis lil-UE u l-Istati Membri jmisshom itejbu l-monitoraġġ tal-attivitajiet taċ-ċittadini tal-UE fil-pajjiżi milquta; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni jkomplu jiggarantixxu biżżejjed fondi u użu koerenti tal-istrumenti biex jiġi affrontat it-theddid tat-terroriżmu u ngħaddu b'aktar effikaċja mit-twissija bikrija għall-azzjoni bikrija;

17.  Huwa tal-fehma li l-ħolqien ta' kontrorealtà, anki fil-pajjiżi terzi, huwa wieħed mill-elementi fundamentali għall-ġlieda kontra l-ġibda lejn il-gruppi terroristiċi fir-reġjun MENA; jistieden lill-Unjoni żżid is-sostenn favur inizjattivi bħal SSCAT (Grupp Konsultattiv għall-Komunikazzjoni Strateġika dwar is-Sirja) u tippromwovi r-realizzazzjoni u l-finanzjament ta' proġetti ta' dan it-tip fil-pajjiżi terzi;

18.  Jilqa' pożittivament il-fatt li ntbagħtu esperti fil-qasam tas-sigurtà/tal-ġlieda kontra t-terroriżmu f'diversi delegazzjonijiet tal-UE ta' importanza kruċjali bil-għan li tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom biex jagħtu kontribut għall-isforzi Ewropej kontra t-terroriżmu u joħolqu kollegament aktar effikaċi mal-awtoritajiet lokali rilevanti, filwaqt li jkomplu jiżviluppaw il-kapaċità antiterroriżmu fi ħdan is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE);

19.  Jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' programmi li l-għan tagħhom huwa li jtaffu l-konfrontazzjoni kemm vjolenti kif ukoll settarja; jemmen li l-programmi ta' deradikalizzazzjoni jistgħu jkunu strumenti importanti biex jonqos ir-reklutaġġ ta' ċittadini tal-UE mill-organizzazzjonijiet terroristiċi; josserva li ċerti Stati Membri qegħdin jivvalutaw l-eventwalità ta' reklutaġġ ta' ex ġellieda barranin biex jassistuhom fil-programmi ta' deradikalizzazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jerġgħu jivvalutaw l-introduzzjoni ta' tali programmi;

20.  Jilqa' b'sodisfazzjon kbir ir-rakkomandazzjoni tar-rapport, indirizzata lill-Istati Membri, biex ikun previst l-iżolament tad-detenuti radikalizzati fi ħdan is-sistema penali; iħeġġeġ madankollu li l-applikazzjoni b'mod indiskriminat ta' din il-miżura ssir b'kawtela, minħabba r-riskju li estremisti magħrufa jkunu jistgħu jikkoalizzaw ruħhom u jagħmlu kuntatti li jkunu potenzjalment dannużi meta dawn l-estremisti jinħelsu; jistieden lill-Kummissjoni telabora pjanijiet biex tiffaċilita r-reintegrazzjoni tal-persuni f'riskju li jkunu reklutati kif ukoll ta' dawk li rnexxielhom jirritornaw;

21.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li strateġija komprensiva tal-UE fil-qasam tal-prevenzjoni trid tisfrutta bis-sħiħ anki l-politika barranija bil-għan li tippromwovi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija, tal-libertà ta' reliġjon, tal-governanza tajba kif ukoll tipprevjeni u ssolvi l-kunflitti biex tillimita l-ispazju għad-dispożizzjoni tal-propaganda estremista;

22.  Jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom bżonn jiżviluppaw biżżejjed garanziji fil-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu bil-għan li jkun garantit li s-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem u l-eżekuzzjoni tal-liġi ma jeskludux lil xulxin iżda jkunu komplementari u bbażati fuq l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u tal-pajjiżi sħab tagħha; jistieden lill-Istati Membri jistudjaw soluzzjonijiet biex ipoġġu l-edukazzjoni u t-taħriġ taħt il-monitoraġġ tal-Istat u jistituzzjonalizzaw b'mod aktar formali t-tagħlim reliġjuż bil-għan li l-estremisti ma jkunux jistgħu jassumu l-kontroll tiegħu; jirrikonoxxi l-bżonn ta' monitoraġġ tal-mezzi tal-komunikazzjoni koordinat f'livell internazzjonali, maħsub biex jillimita l-aċċess għall-propaganda terroristika u jtejjeb il-proċedura ta' rapportar pubbliku tal-kontenut online ta' natura estremistika; jappella għall-ħolqien ta' siti web jew punti ta' kuntatt għaċ-ċittadini b'linji ddedikati biex jiġu sostnuti realtà pożittiva u kampanji ta' sensibilizzazzjoni kontra r-radikalizzazzjoni online u offline;

23.  Jemmen li huwa importanti li jkun adottat approċċ olistiku fl-affrontar u fit-tegħlib tal-kawżi primarji tar-radikalizzazzjoni fl-Ewropa; jenfasizza li l-ġlieda kontra l-argumenti ideoloġiċi li jirfdu l-azzjonijiet tal-gruppi estremisti u l-elaborazzjoni ta' kontroargumenti huma wħud mill-elementi fundamentali biex tiġi miġġielda l-ġibda lejn il-gruppi terroristiċi; jesprimi tħassib għall-fatt li r-relazzjonijiet bejn il-komunitajiet qegħdin ikunu dejjem aktar suġġetti għal strapazz fl-Ewropa kollha u jinkoraġġixxi d-djalogu interkonfessjonali; jilqa' pożittivament ir-riferimenti tar-rapport għall-problema tat-taħriġ tal-mexxejja reliġjużi biex tkun evitata l-preżenza ta' predikaturi tal-mibegħda; jistieden lill-Istati Membri jikkriminalizzaw l-atti terroristiċi kommessi barra mill-ġurisdizzjoni tagħhom u jaqbel li dan huwa wieħed mill-istrumenti l-aktar effikaċi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu; jistieden lill-imami u lill-mexxejja Musulmani jkunu fuq quddiem nett fl-isforzi kontra r-radikalizzazzjoni u l-inċitament għall-mibegħda, billi jikkuntrastaw il-propaganda fundamentalista u terrorista b'diskors imsejjes fuq it-teoloġija; jistieden lill-UE ssostni l-proġetti ta' riċerka u informazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-fundamentaliżmu u dwar id-deradikalizzazzjoni, billi tintensifika d-djalogu mal-komunitajiet Musulmani bil-għan li ngħaqqdu l-isforzi tagħna;

24.  Josserva li hemm bżonn kooperazzjoni aktar stretta mal-pajjiżi mhux tal-UE, bil-għan li jiġu identifikati b'mod aktar effikaċi ċ-ċittadini li jitilqu biex jiġġieldu għall-organizzazzjonijiet terroristiċi biex imbagħad jirritornaw; isostni wkoll l-appell li jinsab fir-rapport biex is-SEAE jżid it-tagħlim tal-Għarbi għall-uffiċjali tiegħu bil-għan li dawn l-objettivi jkunu sostnuti;

25.  Jissottolinja li l-UE u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, it-Turkija, il-pajjiżi tal-Golf u pajjiżi Għarab oħrajn għandhom jgħaqqdu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ, jittraċċaw il-finanzjamenti tat-terroriżmu u jiżviluppaw realtà ġdida kontra l-fundamentaliżmu Iżlamiku; jisħaq fuq il-fatt li l-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u tal-iskambju ta' informazzjoni għandha tkun element ewlieni fir-relazzjonijiet bejn l-UE u dawn il-pajjiżi; jenfasizza li jeħtieġ ukoll li din il-kooperazzjoni tissaħħaħ mal-organizzazzjonijiet reġjonali bħal-Lega Għarbija, l-Unjoni Afrikana u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf;

26.  Jafferma li jirrifjuta bil-qawwa kwalunkwe tentattiv li jista' jkun hemm biex jitneħħew aspetti tar-rapport inċentrati fuq il-ġlieda kontra atti ta' terroriżmu u estremiżmu bħala tali; iqis li huwa inutli u kontroproduċenti li taqsam ir-rabta bejn il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u l-ġlieda kontra l-manifestazzjonijiet ta' din tal-aħħar; jistieden lill-Kunsill tfassal lista sewda ta' ġiħadisti Ewropej u ta' terroristi ġiħadisti suspettati.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

15.9.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

52

5

9

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nikos Androulakis, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Bas Belder, Goffredo Maria Bettini, Mario Borghezio, Elmar Brok, Klaus Buchner, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Javier Couso Permuy, Knut Fleckenstein, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Michael Gahler, Richard Howitt, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Afzal Khan, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Kati Piri, Andrej Plenković, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Jacek Saryusz-Wolski, Alyn Smith, Jaromír Štětina, Charles Tannock, Eleni Theocharous, Ivo Vajgl, Elena Valenciano, Geoffrey Van Orden, Hilde Vautmans

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Ryszard Czarnecki, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Cătălin Sorin Ivan, Marek Jurek, Antonio López-Istúriz White, Urmas Paet, Miloslav Ransdorf, Jean-Luc Schaffhauser, György Schöpflin, Renate Sommer, Dubravka Šuica, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Paavo Väyrynen

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Claudiu Ciprian Tănăsescu

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

19.10.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

7

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Michał Boni, Ignazio Corrao, Rachida Dati, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Cornelia Ernst, Laura Ferrara, Mariya Gabriel, Kinga Gál, Ana Gomes, Nathalie Griesbeck, Jussi Halla-aho, Sophia in ‘t Veld, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Timothy Kirkhope, Barbara Kudrycka, Kashetu Kyenge, Marju Lauristin, Juan Fernando López Aguilar, Vicky Maeijer, Roberta Metsola, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Soraya Post, Branislav Škripek, Csaba Sógor, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Udo Voigt, Josef Weidenholzer, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marina Albiol Guzmán, Carlos Coelho, Pál Csáky, Daniel Dalton, Miltiadis Kyrkos, Jean Lambert, Jeroen Lenaers, Sander Loones, Andrejs Mamikins, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Daniele Viotti, Axel Voss

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Peter Eriksson, Fredrick Federley, Jude Kirton-Darling, Kostadinka Kuneva, Maurice Ponga, Jutta Steinruck, Lola Sánchez Caldentey, Sabine Verheyen

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0384.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2014)0102.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2015)0032.

(4)

Doc. 9956/14.

Avviż legali