Proċedura : 2014/2242(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0319/2015

Testi mressqa :

A8-0319/2015

Dibattiti :

PV 02/12/2015 - 12
CRE 02/12/2015 - 12

Votazzjonijiet :

PV 02/12/2015 - 13.5
CRE 02/12/2015 - 13.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0423

RAPPORT     
PDF 737kWORD 247k
13.11.2015
PE 554.953v02-00 A8-0319/2015

dwar mobilità urbana sostenibbli

(2014/2242(INI))

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

Rapporteur: Karima Delli

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar mobilità urbana sostenibbli

(2014/2242(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Diċembru 2014 bit-titolu "Lejn mobilità urbana kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi" (COM(2013)0913),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar il-"Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti"(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2011 dwar "L-Aġenda Urbana Ewropea u l-futur tagħha fil-politika ta' koeżjoni"(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2009 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana" (COM(2009)0490),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE – aspetti prinċipali tal-aġenda urbana tal-UE" (COM(2014)0490),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-25 ta' Settembru 2007 bl-isem "Lejn kultura ġdida għall-mobilità urbana" (COM(2007)0551),

  wara li kkunsidra l-Ewrobarometru Speċjali 406 tal-Kummissjoni ta' Diċembru 2013 dwar "L-attitudnijiet tal-Ewropej lejn il-mobilità urbana",

–  wara li kkunsidra t-tnedija min-naħa tal-Kummissjoni ta' Pjattaforma Ewropea dwar Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tad-29 ta' Novembru 1995 bit-titolu "In-Netwerk taċ-Ċittadini: it-twettiq tal-potenzjal tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri fl-Ewropa" (COM(1995)0601),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 1998 bit-titolu "It-trasport u s-CO2 – l-iżvilupp ta' approċċ tal-Komunità" (COM(1998)0204),

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2015 bit-titolu "Il-Protokoll ta' Pariġi – Pjan ta' azzjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima globali wara l-2020" (COM(2015)0081),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja aktar nadifa għall-Ewropa(3),

  wara li kkunsidra r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007(4) u (KE) Nru 595/2009(5) fir-rigward tat-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa minn vetturi tat-triq,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2015 dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku(6),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Diċembru 2013 bit-titolu "Programm għal Arja Nadifa għall-Ewropa" (COM(2013)0918),

  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-kwalità tal-arja u l-Għodda għall-Valutazzjoni Ekonomika tal-Benefiċċji għas-Saħħa,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa bit-titolu "Il-piż tal-mard li ġej mill-istorbju ambjentali – kwantifikazzjoni ta' snin ta' ħajja b'saħħitha mitlufa fl-Ewropa",

–  wara li kkunsidra r-rapport TERM tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ta' Diċembru 2013 bit-titolu "Ħarsa aktar mill-qrib lejn it-trasport urban",

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013 dwar "is-Sikurezza fit-toroq 2011-2020 – L-ewwel stadji lejn strateġija dwar il-korrimenti"(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ottubru 1988 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jimxu fit-triq u l-karta Ewropea dwar id-drittijiet tal-persuni mixjin fit-triq(8),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar it-Traffiku fit-Toroq;

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "CARS 2020: Pjan ta' azzjoni għal industrija tal-karozzi kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa" (COM(2012)0636),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar "CARS 2020: Pjan ta' azzjoni għal industrija tal-karozzi kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa"(9),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Lejn ekonomija ċirkolari: Programm ta' skart żero għall-Ewropa" (COM(2014)0398),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali(10),

  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi(11),

  wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Nru 1/2014 dwar "L-effettività tal-proġetti għat-trasport urban pubbliku appoġġati mill-UE",

–  wara li kkunsidra l-Karta ta' Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Patt tas-Sindki,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l- Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0319/2015),

A.  billi l-istimi jagħtu x'wieħed jifhem li sal-2050 82 % taċ-ċittadini tal-UE se jkunu qed jgħixu f'żoni urbani;

B.   billi, minħabba ż-żieda kbira mistennija fil-popolazzjoni urbana, iċ-ċentri urbani se jħabbtu wiċċhom ma' sfidi marbuta mas-soċjetà, il-kwalità tal-ħajja u l-iżvilupp sostenibbli, sfidi li ser jirrikjedu miżuri ta' ppjanar olistiku;

C.    billi l-mobilità urbana għadha tiddependi ħafna mill-użu ta' karozzi li jaħdmu b'mod konvenzjonali, u billi t-trasport fl-UE jiddependi, konsegwentement, miż-żejt u mill-prodotti taż-żejt għal aktar minn 96 % tal-bżonnijiet tal-enerġija tiegħu, jew għal madwar terz tat-total tal-konsum enerġetiku;

D.  billi t-trasport urban jikkostitwixxi madwar 25 % tal-emissjonijiet kollha tas-CO2 u madwar 70 % tal-emissjonijiet kollha fiż-żoni urbani li huma responsabbli għat-tibdil fil-klima, u huwa l-uniku settur fl-UE fejn l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra qed ikomplu jiżdiedu;

E.  billi, skont id-data tal-Ewrobarometru Speċjali 406 tal-2013, madwar 50 % taċ-ċittadini Ewropej jużaw kuljum il-karozza privata, 16 % biss jużaw it-trasport pubbliku u 12 % jużaw ir-rota;

F.    billi, skont l-istess rapport, iċ-ċittadini tal-UE jqisu li t-tnaqqis fin-nollijiet tat-trasport pubbliku (59 %), it-titjib tas-servizzi tat-trasport pubbliku (56 %) u t-titjib tal-faċilitajiet għaċ-ċiklisti (33 %) huma mezzi effikaċi sabiex titjieb il-mobilità urbana;

G.  billi madwar 50 % tal-vjaġġi fiż-żoni urbani huma iqsar minn 5 km u f'ħafna bliet dak li jkun jista' għaldaqstant jivvjaġġa bil-mixi, bir-rota, permezz tal-mezzi pubbliċi/kollettivi jew kwalunkwe mezz ta' trasport ieħor, bħall-qsim tal-vjaġġ ma' persuna/i oħra (ride-sharing);

H.  billi l-użu mifrux tad-diżil fit-trasport, speċjalment f'vetturi aktar antiki u dawk mingħajr filtri tal-partikuli, huwa wieħed mill-kawżi ewlenin tal-konċentrazzjoni għolja ta' partikuli fil-bliet tal-UE u billi, għaldaqstant, fil-mezzi ta' trasport urban għandu jiġi promoss l-użu ta' fjuwils alternattivi u, barra minn hekk, għandu jinbidel il-mod kif imdorrijin nużaw dawn il-mezzi, mingħajr ma nikkompromettu l-mobilità urbana;

I.    billi, skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, fl-2011 aktar minn 125 miljun ċittadin Ewropew kienu esposti għal tniġġis akustiku ogħla mil-limitu ta' sigurtà ta' 55 dB, bil-kawża prinċipali jkun it-traffiku fit-toroq;

J.    billi s-servizzi tat-trasport ta' kwalità għolja huma ta' importanza fundamentali għan-nies li jgħixu f'żoni urbani sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' mobilità fil-ħajja professjonali tagħhom u t-taħriġ, it-turiżmu u attivitajiet rikreattivi; billi l-mobilità urbana sostenibbli tista' tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-konsum enerġetiku, tat-tniġġis atmosferiku u akustiku, tan-numru tal-inċidenti, tal-konġestjoni tat-traffiku, tal-użu tal-art u tal-issiġillar tal-ħamrija;

K.   billi miżuri mmirati lejn mobilità urbana sostenibbli huma possibbli u meħtieġa sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-UE u tiġi infurzata l-leġiżlazzjoni marbuta mat-trasport u l-ambjent;

L.  billi, b'kont dovut għas-sussidjarjetà, l-UE għandha tiżviluppa, b'sostenn għall-azzjonijiet lokali, approċċ fit-tul u integrat għall-mobilità urbana, li jnaqqas it-tniġġis mit-traffiku, il-konġestjoni, l-istorbju u l-inċidenti fit-toroq, jipprovdi appoġġ xieraq lill-bliet u jiżgura informazzjoni, koordinament u kooperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri tal-UE;

M.  billi huwa importanti li tiġi enfasizzata l-importanza tat-trasport pubbliku għall-ekonomiji urbani, inklużi ż-żoni żvantaġġati, u li jiġu rrikonoxxuti l-benefiċċji soċjali tiegħu, bħall-kontribut li jagħti fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u biex jiġi żgurat l-aċċess għall-impjieg għaċ-ċittadini kollha;

N.    billi trasport pubbliku kollettiv tajjeb u faċli huwa l-aħjar mezz biex jiskoraġġixxi t-trasport privat u wieħed mill-aħjar modi biex itaffi l-konġestjoni tat-traffiku;

O.  billi 73 % taċ-ċittadini Ewropej iqisu li s-sikurezza fit-toroq hija problema serja fil-bliet, u billi aktar minn 30 % tal-imwiet u l-korrimenti serji fit-toroq iseħħu f'żoni urbani u spiss jinvolvu utenti vulnerabbli tat-toroq u persuni mixjin fit-triq;

P.  billi 38 % tal-fatalitajiet kollha jseħħu f'żoni urbani u 55 % f'toroq interurbani, billi l-vittmi spiss ikunu ċiklisti u utenti tat-toroq li wkoll huma vulnerabbli, u billi l-inċidenti huma marbuta ma' konċentrazzjonijiet għoljin ta' vetturi u veloċità;

Q.    billi t-trasport urban sostenibbli huwa wieħed mill-aspetti tal-politiki ta' ġestjoni territorjali usa', filwaqt li ż-żoni ħodor urbani jistgħu jtaffu parzjalment l-impatt tat-tniġġis tat-traffiku fit-toroq;

R.    billi l-użu ta' propellenti u mezzi ta' trasport alternattivi jinvolvi l-iżvilupp ta' infrastruttura neċessarja, flimkien ma' sforzi li jbiddlu l-imġiba tan-nies fil-konfront tal-mobilità;

S.   billi, bħala ċentri importanti ta' attività ekonomika u innovazzjoni, il-bliet u żoni urbani kbar bix-xieraq ġew rikonoxxuti bħala nodi kruċjali fl-istrateġija TEN-T il-ġdida u huma r-rabta ewlenija fil-katina tat-trasport għall-passiġġieri u għall-merkanzija;

T.   billi n-netwerks multimodali u l-integrazzjoni ta' mezzi differenti u servizzi ta' trasport fiż-żoni urbani u 'l barra minnhom huma potenzjalment ta' benefiċċju għat-titjib tal-effiċjenza tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija, u b'hekk jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju u emissjonijiet oħrajn li huma ta' ħsara;

U.   billi l-Kapijiet tal-Istati u l-Gvernijiet, meta ltaqgħu waqt il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20) fl-2012, impenjaw ruħhom li jappoġġaw l-iżvilupp ta' netwerks ta' trasport sostenibbli(12);

V.   billi għaz-żoni urbani ma teżistix soluzzjoni universali, u l-bliet fl-Unjoni Ewropea qed iħabbtu wiċċhom ma' sitwazzjonijiet u ħtiġijiet speċifiċi, marbuta b'mod partikolari mal-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi, l-istruttura demografika, it-tradizzjonijiet kulturali, u fatturi oħra;

W.    billi l-mobilità urbana u l-ġestjoni tat-trasport urban huma responsabilità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jfasslu u jimplimentaw dawn il-politiki pubbliċi fit-territorju tagħhom, b'rabta mal-qafas nazzjonali fis-seħħ u l-aġenda urbana tal-UE;

X.    billi jinsab imħasseb li l-Kummissjoni qiegħda titkellem f'termini li tfasssal kunċetti tat-trasport fuq livell Ewropew, li mbagħad għandhom jiġu adattati għaċ-ċirkostanzi tal-Istati Membri; billi, minflok ma jiġi adottat dan l-approċċ minn fuq għal isfel u fid-dawl tan-neċessità ta' regoli u standards komuni, ikun preferibbli li jiġi segwit approċċ minn isfel għal fuq li jinvolvi l-isperimentazzjoni parallela fuq il-post, biex b'hekk tiġi promossa l-innovazzjoni; billi, għaldaqstant, huwa jappoġġa bis-sħiħ il-ħolqien ta' pjattaformi għal skambji ta' esperjenzi fost il-partijiet interessati lokali bil-għan li l-mudelli ta' suċċess li jiġu ppubbliċizzati b'mod usa';

1.  Jissottolinja li l-ħidma li saret s'issa fil-livell Ewropew u f'ħafna bliet kienet pożittiva u għandha titkompla, u għaldaqstant jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq dwar il-mobilità urbana;

Ir-restituzzjoni tal-ispazju u l-infrastruttura liċ-ċittadini kollha u t-titjib tal-aċċessibilità

2.   Josserva li l-ippjanar tal-art huwa l-aktar fażi importanti għall-ħolqien ta' netwerks ta' trasport mingħajr xkiel u mingħajr riskji dejjiema u li jkollhom impatt reali fuq il-volum u d-distribuzzjoni tat-traffiku; jisħaq li s-sikurezza għandha dejjem titqies bħala element ewlieni ta' pjanar urban sostenibbli;

3.   Jinsab konvint li l-għoti ta' informazzjoni u l-konsultazzjoni taċ-ċittadini tal-UE, il-bejjiegħa bl-imnut, l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija u partijiet ikkonċernati oħra involuti fil-mobilità urbana huma kruċjali sabiex isir pjanar, żvilupp, u teħid ta' deċiżjonijiet aktar trasparenti; jisħaq li din l-informazzjoni għandha tkun faċilment aċċessibbli għall-pubbliku; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li teżisti l-ħtieġa li titħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-atturi relevanti u bejn il-bliet fil-livell tal-UE bil-għan li jsir skambju ta' soluzzjonijiet ta' mobilità sostenibbli;

4.   Jinsab konvint li Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli li joperaw fit-tul appoġġati mit-teknoloġiji tal-ICT huma għodod importanti biex jipprovdu soluzzjonijiet ta' mobilità adegwati u mingħajr riskji għaċ-ċittadini kollha; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti biex fil-Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli jieħdu kont tal-bżonnijiet speċjali fir-rigward tal-komunikazzjonijiet għall-persuni b'mobilità mnaqqsa; jenfasizza li huwa kruċjali li jkun hemm infrastruttura mingħajr xkiel għall-mobilità ta' persuni b'mobilità mnaqqsa; jisħaq li huwa neċessarju li l-Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli jinkludu strateġiji speċifiċi fir-rigward tas-sikurezza fit-toroq u jipprovdu infrastruttura sikura bi spazju adegwat għall-utenti tat-toroq l-aktar vulnerabbli;

5.  Jenfasizza l-importanza tal-Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli għall-ksib tal-objettivi tal-UE f'dak li għandu x'jaqsam mal-emissjonijiet tas-CO2, it-tniġġis akustiku u t-tniġġis tal-arja u t-tnaqqis tal-inċidenti; iqis li l-iżvilupp tal-Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli għandu jkun element importanti li għandu jiġu kkunsidrat fil-finanzjament ta' proġetti tal-UE fil-qasam tat-trasport urban, u li l-finanzjament u s-sostenn mill-UE f'dak li għandu x'jaqsam mal-informazzjoni jistgħu jipprovdu inċentivi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet bħal dawn; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti l-pariri u l-appoġġ tekniku meħtieġa fl-iżvilupp tal-Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli, b'kunsiderazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' sussidjarjetà;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet fl-Istati Membri jfasslu pjanijiet ta' mobilità urbana sostenibbli li jagħtu prijorità lil mezzi ta' trasport b'emissjonijiet baxxi, inklużi t-trazzjoni elettrika u l-vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi, u li jinkludu sistemi ta' trasport intelliġenti; jappoġġa l-istabbiliment ta' żoni ta' traffiku u pjattaformi intermodali, fejn tingħata prijorità lill-użu tat-trasport pubbliku;

7.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-bliet Ewropej jieħdu azzjoni biex jiżviluppaw politika tal-parkeġġi (il-provvista ta' spazji għall-parkeġġ, l-użu ta' sistemi ta' parkeġġ intelliġenti u prezzijiet xierqa) li tista' tkun parti minn politika urbana integrata u fl-istess ħin tħeġġeġ sforzi akbar lejn l-iżvilupp ta' diversi ċentri intermodali funzjonali, li jipprovdu servizzi ta' trasport varjati u jippermettu t-tlaqqigħ flimkien u mingħajr xkiel ta' diversi soluzzjonijiet ta' trasport, bħat-trasport kollettiv, it-trasport kondiviż, iċ-ċikliżmu u s-servizzi ta' kiri; jappella għal konnettività aħjar tal-ispazji għall-parkeġġ suburbani mas-servizzi ferrovjarji u tat-trasport pubbliku permezz, pereżempju, ta' opzjonijiet ta' "park and ride"; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu eliminati n-nuqqasijiet fil-provvista tas-servizzi liċ-ċittadini b'diżabilità;

8.  Jenfasizza li, meta titqies il-ħtieġa li jitnaqqas l-impatt negattiv fuq l-ambjent tad-dipendenza tas-sistema tat-trasport tal-UE fuq iż-żejt (kważi totalment fuq iż-żejt u l-prodotti sekondarji tiegħu), il-Fondi SIE għandhom jintużaw sistematikament għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli komprensivi u integrati li b'mod komplementari u reċiproku jsaħħu l-miżuri ta' mobilità urbana f'kuntest usa' tal-ġestjoni tat-territorju mingħajr ma jiġu ġġenerati ħtiġijiet addizzjonali tat-trasport għall-użu eċċessiv tal-karozzi, u dan billi ssir enfasi fuq sistema integrata tat-trasport bbażata fuq il-kooperazzjoni bejn tipi ta' trasport individwali;

9.    Jemmen bis-sħiħ li l-Pjattaforma tal-Kummissjoni dwar Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli għandha tipprovdi appoġġ qawwi għall-bliet u r-reġjuni għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli; jenfasizza l-importanza li jiġu kkunsidrati l-bliet kollha, irrispettivament mid-daqs, għall-investiment fil-mobilità urbana u għar-rwol ewlieni li l-ibliet u r-reġjuni Ewropej iridu jaqdu fit-tisħiħ u l-promozzjoni ta' mobilità urbana sostenibbli; jitlob l-involviment tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali ta' daqsijiet differenti u rappreżentanti tal-partijiet interessati differenti (eż. assoċjazzjonijiet taċ-ċiklisti) fil-Pjattaforma Ewropea u l-Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri dwar il-Mobilità Urbana u t-Trasport;

10.  Jenfasizza li l-Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli għandhom ikunu konsistenti mal-aġenda u l-għanijiet attwali tal-UE, b'mod partikolari dawk dwar il-bidla modali mit-triq għall-ferrovija stabbiliti fil-White Paper tal-2011;

11.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jivvalutaw u jagħmlu awditjar tal-Pjanijiet ta' Mobilità Urbana f'konformità mal-objettivi u l-għanijiet tal-istrateġija Trasport 2050;

It-titjib tal-ambjent, il-kwalità tal-ħajja u s-saħħa

12.    Jindika b'mod partikolari l-ħafna effetti ta' ħsara tal-mudell tat-trasport attwali fuq l-elementi fundamentali tal-ambjent naturali, inklużi l-arja, l-ilma u l-ħamrija, u fuq l-ekosistemi varji;

13.  Huwa konvint li t-tniġġis tal-arja għandu dimensjoni lokali, reġjonali, nazzjonali u transfruntiera, u jeħtieġ li tittieħed azzjoni fil-livelli ta' governanza kollha; jitlob, għaldaqstant, li jissaħħaħ l-approċċ ta' governanza f'diversi livelli, fejn l-atturi kollha jieħdu r-responsabilità għall-miżuri li jistgħu u għandhom jittieħdu f'dak il-livell;

14.  Jistieden lill-bliet jevalwaw b'attenzjoni l-ħtiġijiet taċ-ċittadini u n-negozji u l-ispeċifiċitajiet tal-mezzi tat-trasport, sabiex il-mobilità sostenibbli tkun żgurata fil-bliet, u jistedinhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jtejbu l-kwalità tal-ħajja fil-bliet, fost l-oħrajn billi jrawmu bidla modali lejn mezzi sostenibbli ta' trasport, inklużi l-mixi u ċ-ċikliżmu, integrati, intermodali u jippromwovu politika integrata ta' trasport intermodali u/jew komodali;

15.  Jistieden lill-awtoritajiet lokali jqisu l-benesseri taċ-ċittadini tagħhom meta jfasslu pjanijiet ta' mobilità sostenibbli; jistieden, b'mod partikolari, lill-awtoritajiet kompetenti jieħdu miżuri biex jitnaqqas l-istorbju relatat mat-traffiku fil-bliet;

16.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jieħdu miżuri preventivi, skont il-prinċipji ta' prekawzjoni u ta' proporzjonalità, biex itejbu l-kwalità tal-arja fil-bliet u jiżguraw li l-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu ma jaqbżux il-livelli stabbiliti fil-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; jappoġġa, għal dan il-għan, il-ħolqien fil-livell lokali ta' żoni b'emissjonijiet baxxi; jisħaq li hija r-responsabilità tal-awtoritajiet kompetenti li joffru soluzzjonijiet ta' mobilità sikuri u mingħajr riskji għas-saħħa taċ-ċittadini tagħhom; huwa tal-fehma li dawn is-soluzzjonijiet jistgħu jkunu bbażati fuq sistemi tat-trasport pubbliku bi prezz li jintlaħaq, intelliġenti, affidabbli u aċċessibbli; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali biex, meta jkun hemm riskju li ma jiġux segwiti l-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa msemmija hawn fuq, dawn jieħdu miżuri ħalli jtejbu l-aċċess għat-trasport pubbliku, pereżempju billi jalternaw it-traffiku;

17.  Josserva li jeħtieġ li jittieħed approċċ olistiku għat-tniġġis tal-arja fil-bliet Ewropej; Jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tressaq miżuri effikaċi li jippermettu lill-Istati Membri jikkonformaw mal-obbligi tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent (2008/50/KE), b'mod partikolari billi jistabbilixxu limiti effikaċi u ambizzjużi għall-emissjonijiet għall-2025 u l-2030 skont id-Direttiva dwar il-Livelli Nazzjonali ta' Emissjonijiet, u billi jiżguraw koordinament aħjar tal-miżuri taħt id-Direttiva dwar il-Livelli Nazzjonali ta' Emissjonijiet u d-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent, billi jistabbilixxu standards ambizzjużi ta' rendiment għall-emissjonijiet mill-karozzi għall-2025 u l-2030 f'rieżami f'waqtu tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 dwar is-CO2 u l-karozzi, u billi jistabbilixxu skeda ta' żmien ċara għall-implimentazzjoni tal-Ittestjar għall-Emissjonijiet Reali tas-Sewqan għall-vetturi privati;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjonijiet, fi ħdan id-diversi pjanijiet individwali tal-Istati Membri, dwar il-pożizzjonament tal-istazzjonijiet użati għall-kejl u l-kontroll tat-tniġġis tal-arja fl-agglomerazzjonijiet urbani prinċipali li għandhom problemi ta' kwalità tal-arja, peress li ħafna drabi l-pożizzjonament mhux daqstant tajjeb tagħhom iwassal li d-data miġbura tista' ma tkunx preċiża u għaldaqstant tista' toħloq riskju għas-saħħa pubblika;

19.  Jinnota l-bidliet fl-imġiba fil-qasam tas-sjieda tal-vetturi u l-użu tagħhom (il-kondiviżjoni tal-karozzi (car-sharing) u l-qsim tal-vjaġġ b'karozza waħda (car-pooling)); iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa u tappoġġa sistemi tat-trasport li jinvolvu forom kollettivi u pubbliċi ta' mobilità;

20.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tivvaluta kif is-soċjetà x'aktarx tintlaqat minn forom ġodda ta' mobilità bbażati fuq il-mudell tal-ekonomija kollaborattiva, inkluż il-qsim tal-vjaġġ ma' persuna/i oħra (ride-sharing); huwa tal-fehma li, fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri għandhom isegwu l-kunċett ta' "belt li tista' tiġi kondiviża" f'dak li jikkonċerna l-mobilità u t-trasport, peress li dan jista' jkun ta' benefiċċju għaċ-ċittadini, b'mod speċjali fl-irħula u l-bliet żgħar u medji, fejn in-netwerk tat-trasport pubbliku huwa iżgħar, u bis-saħħa ta' dan jiġu żviluppati soluzzjonijiet ta' mobilità kollaborattiva;

21.  Jenfasizza li trasport pubbliku li huwa żviluppat ħafna, effiċjenti, bi prezz li jista' jintlaħaq, sikuri u aċċessibbli huwa parti integrali mill-iżvilupp urban sostenibbli; huwa konvint li servizzi ta' trasport pubbliku affidabbli jaf jaqdu rwol importanti fit-tnaqqis tal-konġestjoni, it-tniġġis tal-arja u l-istorbju fil-bliet; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri jippromwovu t-trasport pubbliku bil-għan li sal-2030 ikun żdied l-użu tiegħu; iħeġġeġ ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali jippromwovu d-disponibilità tas-servizzi diġitali u l-istazzjonijiet tat-trasport pubbliku, jappoġġaw l-iżvilupp ta' forom innovattivi ta' mobilità u jimplimentaw soluzzjonijiet ta' trasport intelliġenti u teknoloġiji oħrajn tal-ogħla livell; jisħaq li s-servizzi tal-kondiviżjoni tal-karozzi (car-sharing), tal-qsim tal-vjaġġ b'karozza waħda (car-pooling) u tal-qsim tal-vjaġġ ma' persuna/i oħra (ride-sharing) jagħmlu użu aħjar mir-riżorsi eżistenti u jgħinu biex jonqos l-għadd ta' karozzi fil-bliet; jirrikonoxxi l-importanza tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita - Galileo u EGNOS - u n-netwerks mobbli b'veloċità għolja; Jappoġġa l-ħolqien ta' qafas regolatorju li jippermetti l-użu ta' forom ġodda ta' mobilità u mudelli ġodda ta' kondiviżjoni li jagħmlu użu aħjar mir-riżorsi eżistenti;

22.  Jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm informazzjoni pubblika dwar l-offerti ta' trasport pubbliku urban, filwaqt li jitqiesu wkoll il-ħtiġijiet lingwistiċi tat-turisti u l-benefiċċji ta' politika ta' turiżmu sostenibbli; iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali jipprovdu informazzjoni f'ħin reali fuq l-internet u għadd suffiċjenti ta' skrins fil-bliet; jistieden lill-awtoritajiet u lill-operaturi tat-trasport itejbu d-disponibilità tas-servizzi diġitali mingħajr ħlas fuq it-trasport pubbliku u fl-istazzjonijiet;

23.  Jenfasizza li l-benefiċċji soċjali tat-trasport pubbliku ferrovjarju f'dak li jikkonċerna l-aċċessibilità taż-żoni urbani, ir-riġenerazzjoni urbana, l-inklużjoni soċjali u t-titjib tal-immaġini tal-bliet;

24.  Jirrikonoxxi l-kwalità u d-diversità tal-impjiegi offruti mill-operaturi tat-trasport pubbliku u l-benefiċċji relatati għall-ekonomija; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tivvaluta l-kontribuzzjoni tat-trasport pubbliku għall-impjiegi ekoloġiċi u l-istrateġiji ta' tkabbir ekoloġiku fil-livell nazzjonali u Ewropew;

25.  Jitlob lill-Istati Membri jieħdu azzjoni effikaċi biex jiżguraw is-sigurtà fit-trasport pubbliku, filwaqt li jirrispettaw is-setgħat fil-livell lokali;

26.  Ifakkar li l-mobilità individwali mhux motorizzata, bħall-mixi u ċ-ċikliżmu, toffri l-aħjar potenzjal għan-newtralità f'dak li jikkonċerna s-CO2;

27.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jeżaminaw mill-ġdid l-istrateġiji tagħhom sabiex itejbu trasport mhux motorizzat bil-ħsieb li jissodisfaw l-interessi konverġenti għat-tijib tal-mobilità u l-ambjent urban; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu, fejn xieraq, l-użu tar-roti, fosthom permezz tal-istabbiliment ta' miri ambizzjużi għar-rati taċ-ċikliżmu sal-2030 u billi jtejbu l-kundizzjonijiet għall-mixi u ċ-ċikliżmu;

28.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqajmu kuxjenza dwar iċ-ċikliżmu u l-modi ta' trasport alternattivi, li jikkontribwixxu għal bidla modali lejn mezzi ta' trasport sostenibbli, u jkomplu jappoġġaw il-Kampanja favur Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità; jistieden lill-bliet jorganizzaw is-sistemi tal-kondiviżjoni tar-roti b'rabta mat-trasport pubbliku; jilqa' l-inizjattivi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali għall-promozzjoni u l-organizzazzjoni tal-"Ħdud Ewropej Mingħajr Karozzi" u l-"Jum Ewropew tar-Roti" bil-ħsieb li tittejjeb il-kwalità tal-arja fil-bliet;

29.  Iħeġġeġ lill-kumpaniji privati, l-amministrazzjonijiet u l-istituzzjonijiet tal-UE jkomplu jtejbu l-ġestjoni tas-servizzi ta' mobilità għall-membri u l-persunal tagħhom u l-viżitaturi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu politiki mmirati sabiex iħeġġu lill-kumpaniji biex inaqqsu l-vjaġġi minn u lejn il-postijiet tax-xogħol, fost l-oħrajn billi jippermettu u jippromwovu t-teleworking u jħeġġu l-użu ta' teknoloġiji tal-ICT u t-telekonferenzi; iqis li l-miżuri ta' mobilità, bħal dawk ikkoordinati mill-Pjattaforma Ewropea dwar il-Ġestjoni tal-Mobilità (EPOMM), għandhom potenzjal kbir biex isolvu l-konġestjoni urbana u jipprovdu aċċessibilità għal kulħadd;

30.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jiddefinixxu r-rekwiżiti tal-prestazzjoni ambjentali fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku, b'mod partikolari għax-xiri ta' vetturi għat-trasport pubbliku jew vetturi użati mill-awtoritajiet pubbliċi;

L-iffrankar tal-enerġija u l-ħarsien tal-klima

31.  Iqis li l-effiċjenza enerġetika u l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju huma essenzjali biex tinkiseb mobilità urbana sostenibbli, u fl-istess ħin jittejbu l-kundizzjonijiet ambjentali, u li n-newtralità tat-teknoloġija għandha tiġi rispettata meta jkunu qed jiġu adottati miżuri biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE għall-emissjonijiet tas-CO2 u l-iffrankar tal-enerġija;

32.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġaw l-għanijiet tal-White Paper dwar it-Trasport li sal-2030 jitnaqqas bin-nofs l-għadd ta' karozzi li jaħdmu bi fjuwil konvenzjonali fit-trasport urban u li dawn jitneħħew gradwalment mill-bliet sal-2050; jistieden lill-bliet jippromwovu u jappoġġaw il-bidliet lejn mezzi alternattivi ta' trasport u vetturi li jniġġsu anqas, filwaqt li jqisu l-marka tal-karbonju reali tagħhom bil-ħsieb li jilħqu l-miri tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra b'60 % sal-2050; jilqa' l-inċentivi għall-vjaġġaturi li jikkumbinaw mezzi differenti ta' trasport;

33.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza tal-użu ta' vetturi elettriċi u vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi (bijofjuwils tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni, idroġenu bbażat fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli, gass naturali kkompressat (CNG) u gass naturali likwifikat (LNG) għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fil-bliet; ifakkar fid-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2014/94/UE dwar l-użu ta' fjuwils alternattivi u jħeġġeġ lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet reġjonali u lokali u mal-industrija kkonċernata, biex minnufih jiżviluppaw infrastruttura bħal din, b'mod partikolari mal-kurituri tan-Netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T); jistieden lis-settur pubbliku u lis-settur privat jippromwovu l-installazzjoni ta' faċilitajiet tal-iċċarġjar fil-parkeġġi kollettivi;

34.   Jitlob lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali biex, fejn possibbli, jippromwovu n-navigazzjoni interna bħala soluzzjoni ta' mobilità integrata fil-bliet;

35.   Jissottolinja l-importanza ta' approċċ 'minn isfel għal fuq'; għaldaqstant jappoġġa bil-qawwa, pereżempju, il-Patt tas-Sindki, b'aktar minn 6 000 firmatarju, dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, u jilqa' l-appell li l-Kummissarju Canete għamel fit-13 ta' Ottubru 2015 fi Brussell biex issir Konvenzjoni aktar ambizzjuża; jappoġġa lill-Kummissjoni biex ikollha rwol pożittiv bħala katalizzatur attiv għal inizjattivi bħal dawn;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu miżuri ambizzjużi fir-rigward tal-"Mobilità Urbana Sostenibbli" bħala prijorità fuq l-aġenda tas-COP 21 li għandha ssir f'Pariġi f'Diċembru 2015; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti appoġġ attiv lill-inizjattivi tal-Aġenda ta' Azzjoni dwar il-mobilità urbana sostenibbli integrata;

L-innovazzjoni meqjusa bħala l-qalba tal-politika ta' riċerka mmirata lejn approċċi ta' mobilità intelliġenti

37.  Ifakkar li, bis-saħħa tas-sistemi ta' trasport intelliġenti (ITS), il-mobilità hija aktar sikura, aktar effiċjenti, ekoloġika u fluwida, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom fuq is-sistemi ta' trasport intelliġenti, inklużi l-innovazzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom fl-oqsma tal-għoti tal-informazzjoni f'ħin reali dwar il-vjaġġi, il-vetturi awtomatizzati ħafna, l-infrastruttura intelliġenti u s-sistemi intelliġenti tas-sinjali tat-traffiku; ifakkar fl-importanza tas-sistemi ta' trasport intelliġenti fl-għoti ta' data preċiża u f'ħin reali dwar it-traffiku u l-ivvjaġġar, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni biex il-mobilità urbana tiġi introdotta bħala prijorità fl-Aġenda Diġitali; iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati jikkooperaw mill-qrib fl-iżvilupp ta' servizzi interoperabbli u integrati ta' mobilità, bħat-trasport pubbliku multimodali, il-mobilità kondiviża u faċilitajiet intermodali għall-ħruġ integrat tal-biljetti; jitlob lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-iżvilupp ta' applikazzjonijiet innovattivi u teknoloġiji ġodda li jippermettu lill-utenti tat-triq sabiex jieħdu rwol aktar proattiv bħala żviluppaturi u produtturi tad-data fis-sistema tat-trasport, bil-għan li jikkontribwixxu fil-pjattaformi għas-servizzi ta' mobilità, f'konformità mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;

38.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jużaw b'mod sħiħ il-possibilitajiet tad-data u d-diġitalizzazzjoni u jużaw id-deregolamentazzjoni biex jippromwovu mudelli ġodda ta' negozju;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw programmi ta' riċerka dwar it-teknoloġiji ġodda, il-mudelli ġodda ta' negozju, u l-prattiki ġodda ta' mobilità urbana sostenibbli integrata u l-loġistika urbana; Jappoġġa l-prijoritajiet ta' Orizzont 2020 fir-rigward tal-isfidi soċjetali għat-trasport intelliġenti, ekoloġiku u integrat u l-mobilità urbana, kif ukoll l-iżvilupp ta' inizijattivi ta' "Mobilità bħala Servizz" fl-Ewropa; jemmen li Orizzont 2020 jeħtieġ li jagħti spinta lir-riċerka u l-innovazzjoni fl-oqsma tal-kwalità tal-ħajja, l-impjiegi sostenibbli, id-demografija, it-tibdil fil-qasam tal-mobilità attiva, l-ambjent u l-azzjoni dwar il-klima; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tieħu kont ta' dawn il-prijoritajiet, tiżgura li jkun hemm biżżejjed fondi tal-UE ddedikati għal attivitajiet futuri ta' riċerka u żvilupp fis-sistemi ferrovjarji urbani u ttejjeb il-prestazzjoni tas-soluzzjonijiet ta' trasport sostenibbli;

Ħidma biex il-mobilità urbana ssir aktar sostenibbli, sigura u mingħajr riskji

40.  Jinnota li prekundizzjonijiet għas-sikurezza stabbiliti bir-reqqa kif ukoll ġestjoni avvanzata tat-traffiku u l-veloċità jwasslu għal tnaqqis drastiku fl-għadd ta' mwiet u korrimenti serji fit-toroq tal-bliet; josserva li forza tas-sigurtà li jkollha l-kompitu li tiġġestixxi u tikkontrolla t-traffiku u twettaq kontrolli konsistenti għal reati li jpoġġu f'riskju s-sikurezza tat-traffiku, bħas-sewqan b'eċċess ta' veloċità, is-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol, id-drogi u l-mediċini u l-użu tal-mowbajl u apparat ta' komunikazzjoni u informazzjoni oħrajn waqt is-sewqan, tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-inċidenti tat-traffiku fit-toroq tal-bliet;

41.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jaħsbu mill-ġdid dwar il-ġestjoni tal-veloċità sal-2020, filwaqt li jqisu l-kundizzjonijiet lokali, sabiex jiżguraw is-sikurezza, fosthom f'żoni residenzjali u madwar l-iskejjel u faċilitajiet edukattivi u soċjali, u biex jikkunsidraw l-iżvilupp u d-disinn ta' infrastruttura tat-toroq aktar sikura; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jużaw is-soluzzjonijiet moderni kollha, inkluża ġestjoni tat-traffiku intelliġenti u avvanzata, sabiex jipprovdu sigurtà għall-utenti kollha tat-toroq, inklużi l-persuni mixjin fit-triq; iħeġġeġ lill-bliet Ewropej jiskambjaw l-aħjar prattiki fir-rigward tal-ġestjoni tas-sikurezza;

L-innovazzjoni fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija sostenibbli

42.  Jemmen li l-iżvilupp ta' strateġiji ta' loġistika urbana li huma sostenibbli, innovattivi u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u li jinvolvu atturi pubbliċi u privati, huwa ta' importanza kbira biex jiġu solvuti l-problemi ambjentali u l-konġestjoni fil-bliet; Huwa tal-opinjoni li l-loġistika għandha tkun ibbażata fuq mezzi ta' trasport sostenibbli; jitlob li ssir ottimizzazzjoni aħjar tal-katina tal-provvista fiż-żoni urbani, ibbażata fuq tipi ta' operazzjonijiet, teknoloġiji u mudelli ta' negozji ġodda u kosteffikaċi; jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza ta' Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli li jinkludu strateġiji loġistiċi komodali, u jenfasizza li, fejn xieraq, it-trasport ferrovjarju, in-navigazzjoni interna nadifa u l-portijiet jeħtieġ li jiġu integrati fi strateġiji loġistiċi u pjanijiet ta' mobilità urbana sostenibbli; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jnaqqsu, fejn possibbli, it-traffiku ta' vetturi tqal f'inħawi ċentrali tal-bliet;

43.  Josserva li żoni b'densità għolja u żoni oħra, bħalma huma ċ-ċentri fejn isir ix-xiri u l-bejgħ, qed iħabbtu wiċċhom ma' aktar traffiku stradali u problemi ta' konġestjoni, u jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza ta' politiki ta' ppjanar effikaċi u komprensivi li jgħaqqdu flimkien dawn ż-żoni bi trasport pubbliku effiċjenti u servizzi intelliġenti ta' konsenja sad-dar;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa politiki li jħeġġu lill-industrija tat-trasport biex tibdel il-flotta tagħha f'waħda ekoloġika, u biex tħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali jipprovdu appoġġ u/jew inċentivi lill-operaturi biex it-trasport urban tal-merkanzija jagħmluh aktar sostenibbli; Ifakkar li t-trasport ferrovjarju u mezzi oħra ta' trasport aktar sostenibbli, flimkien ma' interkambju u loġistika ppjanati tajjeb, jista' jkollhom rwol importanti billi jwasslu l-prodotti fil-periferija urbana;

Il-minimizzazzjoni tal-ispejjeż esterni u investimenti ta' kwalità aħjar

45.  Jisħaq li valutazzjonijiet tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji tal-investimenti għandhom ikunu diretti għall-massimizzazzjoni tal-benefiċċji soċjetali esterni u l-minimizzazzjoni tal-ispejjeż esterni li jirriżultaw minn, pereżempju, it-tibdil fil-klima, l-inċidenti, is-saħħa, l-istorbju, it-tniġġis tal-arja u l-użu tal-ispazju;

46.  Jisħaq li l-mobilità urbana għandha tkun integrata għalkollox u tikkontribwixxi fil-ksib tal-objettivi tal-UE fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, b'mod partikolari dawk marbuta mal-ekonomija ċirkolari;

47.   Ifakkar li l-ipprezzar tat-toroq urbani u l-ipparkjar ibbażat fuq in-nondiskriminazzjoni, l-interoperabilità u l-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas" jistgħu jkunu parti minn politika dwar il-mobilità urbana integrata;

48.  Ifakkar fil-prinċipju ta' "l-użu tad-dħul" f'dak li għandu x'jaqsam mal-iċċarġjar stradali u, fejn adatt, jitlob li proporzjon mid-dħul mill-użu tal-infrastruttura stradali (il-pedaġġ tat-triq u/jew l-Eurovignette) jiġi ddedikat biex tittejjeb il-mobilità urbana sostenibbli;

49.   Jemmen li l-mobilità urbana għandha tkun riflessa fil-miżuri tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa/Netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T), fejn xieraq u f'konformità mal-leġiżlazzjoni tat-TEN-T, inkluż is-sostenn għan-nodi urbani u l-integrazzjoni ta' pjanijiet għall-mobilità għal bliet f'żoni transfruntiera, peress li din tistimola l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u tappoġġa aċċessibilità aħjar; jemmen li interkonnessjoni effiċjenti bejn id-diversi mezzi ta' trasport u bejn in-netwerks tat-trasport, inklużi n-netwerks periurbani u interreġjonali, ittejjeb il-mobilità taċ-ċittadini; jappoġġa l-iżvilupp ta' sistemi integrati ta' ħruġ tal-biljetti, li potenzjalment jaf itejbu l-aċċessibilità għat-trasport pubbliku;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jagħmlu użu minn din il-possibilità ġdida ta' finanzjament ta' proġetti urbani fi ħdan il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fin-nodi urbani; ifakkar li huwa possibbli li l-Faċilità "Nikkollegaw l-Ewropa" tiffinanzja proġetti ta' sinerġija b'rata ta' extrakofinanzjament ta' proġetti ta' trasport mal-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet, u dan jimplika potenzjal enormi għall-proġetti urbani; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra finanzjament tal-UE adegwat għall-proġetti ta' mobilità sostenibbli meta tirrevedi l-baġits tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni; jitlob lill-awtoritajiet rilevanti jiżguraw li jkun hemm relazzjoni b'saħħitha bejn il-politika ta' mobilità urbana sostenibbli u intelliġenti u l-proġetti ta' mobilità urbana ffinanzjati mill-fondi tal-UE, u li jistabbilixxu miri u indikaturi sabiex dawn jintużaw b'mod ċar bil-għan li jevitaw li l-proġetti ma jintużawx biżżejjed u b'hekk idgħajfu l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali tagħhom; jirrikonoxxi l-ħtieġa għal forom ġodda ta' finanzjament sostenibbli għat-trasport pubbliku li jippermettu s-sostenibilità ambjentali, id-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibilità, jistimulaw l-ekonomija taż-żoni urbani u joħolqu impjiegi ġodda;

51.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) li ġie adottat dan l-aħħar u josserva l-attenzjoni partikolari li ngħatat, fil-kuntest ta' dan l-istrument, lill-prijoritajiet orizzontali u l-proġetti urbani intelliġenti u sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw il-proġetti ta' mobilità urbana sostenibbli, jiżguraw is-sinerġiji meħtieġa bejn id-diversi sorsi u programmi ta' finanzjament, u jiżviluppaw rabtiet bejn il-mobilità urbana, l-Aġenda Diġitali l-ġdida u l-Unjoni tal-Enerġija;

52.    Jisħaq fuq l-importanza tal-bini tal-kapaċità fi ħdan l-awtoritajiet lokali u fiż-żoni periurbani għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' żvilupp integrati sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn it-territorji differenti, u konsegwentement tiġi mrawma l-interdipendenza u l-kumplimentarjetà;

53.    Iqis li l-investiment fit-trasport pubbliku sostenibbli mhux biss huwa rispons għall-problemi ta' mobilità urbana, iżda jinkludi wkoll "elementi ta' rinnovazzjoni urbana" li għandhom impatt fuq is-sistema ekonomika ġenerali tal-belt u jiffaċilitaw il-ħolqien ta' ambjent urban ekoloġiku, kif ukoll aċċess għaċ-ċentri ta' attivitajiet imħalltin (kummerċjali, residenzjali, rikreattivi, kulturali, edukattivi); jisħaq li l-koordinament xieraq tal-mobilità u tal-ippjanar urban huwa kruċjali sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-investimenti;

54.    Jitlob li l-inizjattivi favur l-impjieg taż-żgħażagħ kif ukoll Fondi SIE oħra jintużaw għall-promozzjoni tal-impjiegi f'oqsma li jistimulaw l-iżvilupp ta' mobilità urbana sostenibbli; jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-proġetti ta' mobilità urbana għandha impatt pożittiv fuq ir-reġjuni kollha u l-popolazzjonijiet tagħhom, billi tippromwovi l-opportunitajiet ta' impjieg eżistenti u innovattivi fl-oqsma rilevanti, inklużi l-professjonijiet fejn hemm nuqqas ta' forza tax-xogħol;

55.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti deskrizzjonijiet ġeneriċi faċilment aċċessibbli tal-programmi ta' mobilità urbana kkofinanzjati mill-UE; jitlob, barra minn hekk, li tiġi pprovduta informazzjoni li tinftiehem faċilment dwar l-opportunitajiet ta' kofinanzjament tal-UE għall-proġetti tat-trasport urban; jitlob lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tiġġestixxi proġetti ta' mobilità urbana kkofinanzjati mill-UE, tiżgura li: (a) jiġu stabbiliti strumenti ta' ġestjoni biex jissorveljaw il-kwalità tas-servizz u l-livell ta' sodisfazzjon tal-utenti ladarba l-proġetti jkunu qed jitħaddmu, (b) jiġu inklużi proġetti ta' mobilità urbana f'politika ta' mobilità soda, u (c) jiġu indirizzati l-punti msemmija hawn fuq mill-awtoritajiet tal-Istati Membri wkoll; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi analiżi kwalitattiva u kwantitattiva tal-appoġġ tal-politika ta' koeżjoni għal mobilità urbana sostenibbli meta tkun qed twettaq ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tal-FSIE;

L-integrazzjoni tan-netwerks ta' sistemi ta' mobilità effiċjenti u t-trawwim tal-kooperazzjoni

56.    Jitlob lill-Istati Membri jippromwovu l-governanza f'diversi livelli biex irawmu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet reġjonali, nazzjonali u Ewropej fl-iżvilupp tal-politiki, inkluż fid-disinn, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki Ewropej li għandhom impatt ċar fuq iż-żoni urbani;

57.  Jirreferi għall-inizjattiva tal-Kummissjoni bl-isem ta' "In-Netwerk taċ-Ċittadini" bħala bażi tajba għall-promozzjoni u l-appoġġ tal-ktajjen ta' mobilità sostenibbli intermodali bbażati fuq il-mixi / iċ-ċikliżmu / is-sistema ewlenija tat-trasport pubbliku-kollettiv, flimkien mal-kondiviżjoni tal-karozzi / il-qsim tal-vjaġġ b'karozza waħda / taxis;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki u gwida sabiex tindirizza l-isfidi tal-mobilità urbana u tiffaċilita t-trasferiment ta' kapaċitajiet u teknoloġiji fil-qasam tal-mobilità sostenibbli, b'mod partikolari għall-benefiċċju tal-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati li jiżviluppaw soluzzjonijiet ta' mobilità sostenibbli u tas-settur tal-kooperattivi, l-assoċjazzjonijiet mutwi u mingħajr skop ta' qligħ; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi Netwerk ta' Mobilità Sostenibbli ta' eżempji tal-aħjar prattiki ta' ġestjoni tat-territorju u użu tal-ispazju; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jħeġġu lill-bliet jieħdu sehem fi "Bliet u komunitajiet intelliġenti – sħubija Ewropea għall-innovazzjoni"; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu bidu għal kampanji ta' sensibilizzazzjoni pubblika biex jippromwovu mobilità effiċjenti, sostenibbli u anqas dipendenti fuq l-użu ta' karozzi privati li jaħdmu bi fjuwil konvenzjonali;

59.  Jappoġġa l-ħidma tal-Osservatorju tal-Mobilità Urbana (Eltis) u jemmen li għandha tittejjeb il-komunikazzjoni madwar din l-inizjattiva, inkluż il-portal tagħha;

60.    Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tikkoordina u tikkonsolida inizjattivi tal-UE fil-qasam tal-mobilità urbana, bħal pereżempju CIVITAS 2020 għar-riċerka u l-innovazzjoni, l-Osservatorju tal-Mobilità Urbana għall-iskambju tal-aħjar prattika u esperjenza, u l-Pjattaforma dwar Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-isforzi tagħha biex tnaqqas il-frammentazzjoni u n-nuqqas ta' koordinament bejn l-inizjattivi u l-programmi rilevanti tal-UE u biex tqis is-suċċess ta' programmi bħal URBAN u URBACT; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet fl-Istati Membri biex joħolqu netwerks ta' eċċellenza fil-qasam tal-mobilità urbana, tkompli l-isforzi tal-inizjattiva CIVITAS 2020 u tħeġġeġ aktar ċittadini tal-UE biex jissieħbu f'dan il-proġett;

61.   Huwa konvint li għandhom isiru sforzi addizzjonali biex jitfassal netwerk u jiġu kkoordinati l-proġetti pilota tal-UE, pereżempju għal Civitas, Polis u Eltis, u biex il-bliet jiġu integrati bl-esperjenza prattika u l-għarfien tagħhom meta tiġi diskussa l-implimentazzjoni tal-politiki ta' mobilità futuri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għal dan il-għan, biex tagħti deskrizzjonijiet ġeneriċi faċilment aċċessibbli dwar il-programmi ta' mobilità urbana kkofinanzjati mill-UE; jitlob, barra minn hekk, li jiġi ċċarat – b'mod li jista' jinftiehem mingħajr problemi – kif jista' jinkiseb kofinanzjament tal-UE għall-proġetti ta' mobilità urbana; jisħaq fuq il-ħtieġa li jingħata finanzjament mhux biss għall-infrastruttura, iżda wkoll għas-servizzi tal-IT, il-proċessi ta' monitoraġġ u l-proġetti interreġjonali, u li jiġu stabbiliti sħubijiet strateġiċi bejn l-industrija u l-bliet Ewropej bil-għan li jiġu żviluppati s-sistemi urbani ta' għada;

62.    Jappoġġa rabta b'saħħitha bejn il-pjanijiet ta' mobilità u s-sostenibilità urbana, u inizjattivi oħra bħal Bliet Intelliġenti u l-Patt tas-Sindki li huma orjentati lejn bliet aktar sostenibbli u awtosuffiċjenti; iqis li l-impenn volontarju stabbilit fil-Patt tas-Sindki jista' jservi bħala xprun għall-indirizzar tal-partijiet kollha inkwistjoni bil-ħolqien ta' pjanijiet ta' mobilità u sostenibilità li jistgħu jiġu reklamati b'mod kosteffikaċi; jilqa' l-inizjattiva bl-isem "CiTIEs: Il-Bliet ta' Għada: Ninvestu fl-Ewropa" (Cities of Tomorrow: Investing in Europe), u jistieden lill-Kummissjoni tuża l-pjattaformi eżistenti biex jiġu żviluppati għodod ta' komunikazzjoni li għandhom l-għan li jgħaqqdu flimkien lill-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli;

63.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU 168 E, 14.6.2013, p. 72.

(2)

ĠU 390 E, 18.12.2012, p. 10.

(3)

ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1.

(4)

ĠU L 171, 29.6.2007, p.1.

(5)

ĠU L 188, 19.7.2009, p.1.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2015)0375,

(7)

Testi adottati, P7_TA(2013)0314.

(8)

ĠU C 290, 14.11.1988, p. 51.

(9)

Testi adottati, P7_TA(2013)0547,

(10)

ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.

(11)

ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1.

(12)

Riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti 66/288 "The future we want" (Il-futur li rridu), il-paragrafu 135.


NOTA SPJEGATTIVA

Il-mobilità mhijiex għan fiha nnifisha iżda għandha tkun dritt għaċ-ċittadini kollha. Kważi 80 % tal-Ewropej ser ikunu qed jgħixu fil-bliet; għaldaqstant, il-mobilità għandha tippromwovi l-aċċess għal kulħadd, inklużi l-persuni b'mobilità mnaqqsa, aċċess għall-iskola, ix-xogħol, il-kultura, ir-rikreazzjoni u s-saħħa. Madankollu, il-mobilità urbana hija spiss meqjusa bħala restrizzjoni minħabba l-użu wiesa' wisq ta' karozzi privati li jaħdmu bi fjuwils tradizzjonali. Fil-fatt, it-tranżizzjoni lejn mezzi ta' trasport aktar sostenibbli miexja bilmod ħafna: il-karozza tibqa' l-mezz essenzjali tal-mobilità tagħna u tikkostitwixxi 43 % tal-kilometri vvjaġġati fid-dinja u tliet kwarti tal-ispostamenti fl-Ewropa. Id-dipendenza fuq il-karozza u l-konsegwenzi tagħha, il-konġestjoni tat-traffiku stradali - stmata li tiswa EUR 80 biljun għall-bliet Ewropej kollha - twassal biex iċ-ċittadini jillimataw ruħhom għal mezz ta' mobilità minħabba n-nuqqas ta' għażla. Din id-dipendenza hija kważi assurda meta jitqies il-fatt li 50 % tal-ispostamenti fiż-żoni urbani lanqas biss jaqbżu l-5 km. L-iskop ta' dan ir-rapport huwa, għaldaqstant, li l-mobilità urbana jorjentaha mill-ġdid lejn mezzi ta' trapsort sostenibbli bil-għan li jindirizza l-isfidi tas-seklu tagħna: il-ħarsien tal-klima, is-saħħa u l-ambjent, il-benessri u s-sigurtà ta' kulħadd.

Ninsabu f'sitwazzjoni ta' urġenza klimatika! Fi żmien meta il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija sfida globali, il-mod tagħna kif norganizzaw il-mobilità msejsa fuq l-użu tal-karozzi ma jippermettix lill-Unjoni Ewropea tagħti s-sehem sħiħ tagħha f'dan il-qasam. Fejn ċerti setturi, bħalma huma l-agrikoltura u l-industrija, naqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet b'effett ta' serra, mill-1990 'l hawn is-settur tat-trasport irreġistra żieda ta' 30 %. Il-mezzi ta' trasport urban waħedhom huma responsabbli għal kwart tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, prinċipalment minħabba t-traffiku stradali. Jekk sal-2030 l-Unjoni Ewropea trid tilħaq l-għanijiet li stabbiliet f'dak li għandu x'jaqsam mal-emissjonijiet, huwa kruċjali li din it-tendenza titreġġa' lura.

Ninsabu f'sitwazzjoni ta' urġenza tas-saħħa! Il-proporzjon għoli ħafna ta' vetturi li jaħdmu bid-diżil fil-qasam awtomobilistiku Ewropew jikkostitwixxi theddida għall-kwalità tal-ħajja, is-saħħa u l-ambjent. Il-kwalità tal-arja fiċ-ċentri urbani ma tipperikolax biss is-saħħa ta' dawk li jgħixu hemm u li jimxu hemm ta' kuljum b'mod dirett, iżda wkoll il-popolazzjoni kollha kemm hi: filwaqt li l-bliet il-kbar tal-Unjoni Ewropea jgħixu b'livelli massimi ta' tniġġis, kull sena madwar 400 000 mewta prematura huma dovuti għal partikuli fini li joħorġu mill-magni diżil li jirrappreżentaw aktar minn 55 % tal-vetturi fl-Ewropa. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-konsum sinifikanti ta' fjuwils fossili għat-trasport hu piż konsiderevoli għall-ispiża u għall-indipendenza enerġetika tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Ma nistgħux nibqgħu nistennew: skont in-NU, sa mill-2050 it-tniġġis se jkun l-ikbar kawża ta' mwiet fid-dinja.

Din hi kwistjoni urġenti għall-ħajja tal-utenti tat-toroq! Sakemm jibqa' ffukat fuq il-karozzi, il-mudell attwali ta' mobilità urbana joħloq riskju għall-eżistenza tagħhom: 38 % tal-imwiet dovuti għall-inċidenti tat-toroq iseħħu f'żoni urbani. Jekk għandhom isiru sforzi fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq, id-diversifikazzjoni tal-mezzi tat-trasport fil-bliet donnu li hi soluzzjoni indispensabbli biex jitnaqqsu b'mod sinifikanti dawn l-istatistiċi ta' tħassib.

Fl-aħħar nett, teżisti urġenza soċjali! Fil-kuntest tal-kriżi li qed tesperjenza l-Unjoni Ewropea, ħafna ċittadini jqattgħu parti sinifikanti minn ħinhom u flushom fuq it-trasport, u xi wħud ma għandhomx aċċess għalih. Għal dawn tal-ewwel, dan huwa dovut l-aktar għad-distanza eċċessiva bejn iż-żoni residenzjali u ż-żoni ta' fejn jaħdmu, iżda wkoll iż-żoni tal-ħwienet, faċilitajiet mediċi u l-iskejjel. Rigward dawk li m'għandhomx aċċess għat-trasport, dan huwa minħabba tariffi għaljin wisq għal parti mill-popolazzjoni, bħal pereżempju l-persuni anzjani, persuni b'diżabbiltà jew persuni vulnerabbli.

Fil-konġestjoni taż-żoni urbani u periurbani tagħna, mobilità alternattiva mhux biss hija possibbli iżda wkoll indispensabbli. L-għan huwa li nfasslu mill-ġdid il-modi taċ-ċaqliq fil-bliet, kemm f'termini ta' trasport tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija. Biex jintlaħaq dan l-għan, huwa kruċjali li l-mezzi ta' trasport kollha tagħna issa jkunu previsti fil-perspettiva tal-iżvilupp sostenibbli. Dan jirrikjedi sforz kontinwu għal bilanċ bejn l-impatti soċjali, ambjentali u ekonomiċi tat-trasport kif ukoll bejn il-qadi tal-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet attwali u dawk tal-ġenerazzjonijiet ġejjiena. Għal dan l-għan, fl-1992 in-NU kienet stabbiliet waqt il-Konferenza ta' Rio li l-mobilità sostenibbli hi "politika tat-trasport li għandu l-għan li tirrikonċilja l-aċċessibbiltà, il-progress ekonomiku u l-għanijiet ekoloġiċi f'aspett sostenibbli".

Biex dan l-għan jinkiseb, l-Unjoni Ewropea teħtieġ miri ambizzjużi biex l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali jirnexxilhom jimplimentaw dan il-mudell ġdid ta' mobilità urbana sostenibbli.

Issa li se jospitaw is-Summit dwar il-Klima (COP 21), l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali għandhom ipoġġu l-effiċjenza enerġetika fil-qalba tal-politiki tal-mobilità urbana. Għal dan l-għan, ir-rapporteur tipproponi li l-Kummissjoni Ewropea għandha tfassal mill-aktar fis pakkett leġiżlattiv "Trasporti-Klima" bl-involviment tal-partijiet interessati kollha u b'mod partikolari l-bliet, biex jiġu stabbiliti miri vinkolanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra. Ir-rapporteur tħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni flimkien mal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali sabiex fiċ-ċentri urbani jiġu mħeġġa l-eradikazzjoni tad-diżil sal-2020, it-tnaqqis progressiv ta' karozzi petrol mill-2030, u l-għajbien finali tagħhom sal-2050. Dawn it-tliet rekwiżiti indispensabbli għandhom jagħtu lok għal użu mifrux ta' enerġiji mhux fossili għall-mobilità urbana. Din hi kundizzjoni essenzjali biex l-Unjoni Ewropea tkun tista' tissodisfa l-impenji tagħha fil-qasam, kif ukoll fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra.

Biex jintlaħaq dan l-għan, il-pjanijiet tal-mobilità elettrika għandhom jagħtu prijorità lil mezzi tat-trasport nodfa: trammijiet, funikulari, roti u karozzi kondiviżi. Huwa urġenti li l-Istati Membri jaħdmu b'mod attiv għal bidla minn trasport fit-toroq għal trasport fuq l-ilmijiet interni u trasport ferrovjarju, u għandhom jagħtu importanza partikolari lill-intermodalità, b'taħlita ta' mixi, ċikliżmu u trasport pubbliku kollettiv. F'dan is-sens, ir-rapporteur tipproponi l-irduppjar tal-użu tar-roti fiż-żoni urbani sal-2025, kif ukoll l-irduppjar tad-daqs tan-netwerk u tal-użu tat-trasport pubbliku kollettiv sal-2030. Tipproponi li jiġi stabbilit Jum Ewropew għaċ-Ċikliżmu biex titqajjem il-kuxjenza tal-pubbliku ġenerali, kif ukoll ġurnata mingħajr karozzi - nhar ta' Ħadd - darba kull sitt xhur, biex tiġġeneralizza l-esperjenza miksuba diġà f'diversi bliet Ewropej fejn in-newtralità tal-karbonju tat-trasport uriet il-valur tagħha.

Mhux l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali kollha għandhom pjanijiet ta' mobilità urbana sostenibbli. Ir-rapporteur titlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tagħmel tajjeb għal dan in-nuqqas billi tagħti l-finanzjament għall-mobilità urbana bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet lokali jintroduċu pjanijiet ta' mobilità urbana sostenibbli (SUMPs). Titlob lill-Istati Membri jiżguraw li dawn il-pjanijiet ta' mobilità urbana sostenibbli jitfasslu u jitwettqu fiż-żoni urbani tagħhom u li jiġu integrati fi strateġija usa' ta' żvilupp urban jew territorjali sostenibbli; Permezz tagħhom, hija għandha tħeġġeġ lill-awtoritajiet jerġgħu jpoġġu liċ-ċittadini fil-qalba tal-politiki tal-mobilità u jippermettulhom li jiġu kkonsultati qabel, matul u wara t-tfassil tagħhom. Dawn il-pjanijiet huma kollha mezzi ta' azzjoni għat-twettiq tal-għanijiet tal-UE fir-rigward tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, it-tniġġis bl-istorbju, it-tniġġis tal-arja u tat-tnaqqis fl-għadd ta' inċidenti.

Riflessjoni fil-fond dwar il-veloċità tal-ivvjaġġar hi meħtieġa biex il-mobilità urbana ssir aktar sostenibbli. Ir-rapporteur għalhekk tistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali biex jistabbilixxu limitu ta' veloċità ta' 30 km/h fil-programm Orizzont 2020: l-aktar mod effettiv biex jitnaqqsu l-imwiet u l-korrimenti fit-toroq, u li jagħmel il-karozza aktar kompatibbli ma' mezzi ta' trasport bla magni, bħar-roti u l-mixi.

Il-mobilità urbana sostenibbli hija mfassla wkoll biex tinkludi l-prodotti u l-merkanzija, li t-trasport tagħhom illum huwa vettur ta' konġestjoni u ta' problemi ambjentali fiċ-ċentri tal-bliet. Ir-rapporteur tappella li jitfassal pjan Ewropew biex tingħata spinta lit-trasport tal-merkanzija biex jerġgħu jitqiesu b'mod sostenibbli l-aħħar kilometri tal-kunsinna. Għaldaqstant, il-ġeneralizzazzjoni tal-loġistika urbana ekoloġika hi sfida fundamentali, marbuta b'mod partikolari mal-użu dejjem jikber ta' roti tal-merkanzija, barkuni tal-merkanzija, vannijiet elettriċi, trammijiet tal-merkanzija u karozzi tal-linji.

Mobilità urbana sostenibbli teħtieġ investimenti ta' kwalità li jservu l-interess ġenerali. B'hekk tista' tgħin biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE fil-qasam tal-effikaċja tar-riżorsi, inklużi dawk marbuta mal-ekonomija ċirkolari li twassal għal ħolqien tal-impjiegi. Illum il-ġurnata, l-infrastrutturi ta' ħafna pajjiżi Ewropej qdiemu u jinvolvu ħafna spejjeż. Biex din is-sitwazzjoni tiġi rrimedjata, ir-rapporteur tipproponi li 50 % tad-dħul mill-Euro-Vignette jiġu allokati għat-titjib tal-mobilità urbana, u li 75 % tad-dħul mill-ħlasijiet għall-użu tal-awtostradi urbani jiġu allokati għall-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-infrastrutturi tat-trasport urban. Barra minn hekk, hi tħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea talloka 20 % tal-fondi Ewropej bħalma huma l-FEŻR, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-Fond ta' Koeżjoni għal proġetti ta' mobilità urbana sostenibbli. Fl-aħħar nett, hi tistenna li l-Kummissjoni Ewropea tipprovdi l-appoġġ tagħha, permezz tal-programmi qafas ta' riċerka tagħha u tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (EFSI), lil proġetti ta' riċerka u innovazzjoni relatati mat-trasport urban.

Il-mobilità urbana ta' llum u ta' għada għandha tkun ibbażata l-aktar fuq l-ekomobilità u fuq netwerks ta' kooperazzjoni. Filwaqt li jiġu żviluppati prattiki ġodda f'termini ta' vvjaġġar urban bħala pereżempju l-karozzi kondiviżi, huwa essenzjali li dawn jiġu inklużi fi ħdan il-katina intermodali tal-mobilità flimkien maċ-ċikliżmu, il-mixi u t-trasport kollettiv, li l-irduppjar fl-użu tagħhom jista' jiġġenera impjiegi ekoloġiċi.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (18.6.2015)

għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

dwar il-Mobilità Urbana Sostenibbli

(2014/2242(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Eleonora Evi

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-mobilità urbana għadha tiddependi ħafna mill-użu ta' karozzi li jaħdmu b'mod konvenzjonali, u billi t-trasport fl-UE jiddependi, konsegwentement, miż-żejt u mill-prodotti taż-żejt għal aktar minn 96 % tal-bżonnijiet tal-enerġija tiegħu, jew għal madwar terz tat-total tal-konsum enerġetiku;

B.  billi din id-dipendenza mill-karburanti fossili hija l-kawża ta' madwar 23 % tal-emissjonijiet totali tas-CO2 fiż-żoni urbani, u billi l-objettiv huwa li dawn l-emissjonijiet jitnaqqsu bi 80 % sal-2050;

C.  billi urbanizzazzjoni sostenibbli mil-lat ambjentali, soċjali u ekonomiku tista' tkun wieħed mill-fatturi ewlenin għat-tkabbir ekonomiku intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

D.  billi madwar 73 % tal-popolazzjoni Ewropea tgħix f'belt, perċentwal li fl-2050 huwa previst li jilħaq it-82 %;

E.  billi, skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, fl-2011 aktar minn 125 miljun ċittadin Ewropew kienu esposti għal tniġġis akustiku ogħla mil-limitu ta' sigurtà ta' 55 dB, bil-kawża prinċipali jkun it-traffiku fit-toroq;

F.  billi bejn il-15 % u l-40 % tal-popolazzjoni Ewropea hija esposta għal livelli ta' materja partikolata fina (PM 2.5 u PM 10), ożonu troposferiku u NO2 li huma ogħla mill-istandards ta' kwalità tal-UE, filwaqt li l-perċentwal jitla' għal 90 % meta jitqiesu l-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinija tas-Saħħa (WHO);

G.  billi, skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, fl-2011 it-tniġġis tal-arja mill-materja partikolata fina (PM 2.5) u mill-ożonu troposferiku kkawżaw madwar 430 000 u 16 000 mewta prematura rispettivament, li jfissru ċifra totali ta' 10 darbiet ogħla mill-għadd ta' mwiet minn ħabtiet ta' vetturi fl-istess sena;

H.  billi mill-inqas 9 000 mewta prematura fis-sena jistgħu jiġu attribwiti għal mard tal-qalb kkawżat mill-istorbju tat-traffiku;

I.  billi fl-2010 biss il-kost tal-UE relatat mas-saħħa minħabba t-tniġġis atmosferiku kien ta' bejn EUR 330 biljun u EUR 940 biljun, li jammonta għal bejn 3 % u 9 % tal-PDG tal-UE;

J.  billi jekk jiġu applikati l-linji gwida tad-WHO dwar l-espożizzjoni umana għal PM 2.5 jista' jżid il-medja tal-istennija tal-għomor b'bejn wieħed u ieħor 22 xahar, u li jkun jiġġenera ffrankar annwali ta' madwar EUR 31 biljun;

K.  billi trasport pubbliku kollettiv tajjeb u faċli huwa l-aħjar mezz biex jiskoraġġixxi t-trasport privat u wieħed mill-aħjar modi biex itaffi l-konġestjoni tat-traffiku;

L.  billi l-użu ta' propellenti u mezzi ta' trasport alternattivi jeħtieġ l-iżvilupp ta' infrastruttura neċessarja, flimkien ma' sforzi li jbiddlu l-imġiba tan-nies dwar il-mobilità;

M.  billi t-trasport urban sostenibbli huwa wieħed mill-aspetti tal-politiki ta' ppjanar territorjali usa', filwaqt li ż-żoni ħodor urbani jistgħu jgħinu sabiex itaffu parzjalment l-impatt tat-tniġġis tat-traffiku fit-toroq;

N.  billi l-kostruzzjoni ta' infrastruttura stradali ġdida għandha impatt konsiderevoli fuq il-pajsaġġ u l-ambjent, u x'aktarx tħeġġeġ aktar l-użu ta' vetturi privati minħabba ż-żieda tal-kapaċitajiet tat-toroq;

O.  billi s-servizzi tat-trasport ta' kwalità għolja huma fundamentali għan-nies li jgħixu f'żoni urbani sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' mobilità fir-rigward tal-ħajja professjonali tagħhom u t-taħriġ, it-turiżmu u attivitajiet rikreattivi; billi l-mobilità urbana sostenibbli tista' tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-konsum enerġetiku, tat-tniġġis atmosferiku u akustiku, tan-numru tal-inċidenti, tal-konġestjoni tat-traffiku, tal-użu tal-art u tal-issiġillar tal-ħamrija;

P.  billi, skont id-data tal-Ewrobarometru Speċjali 406, ippubblikata fl-2013, madwar 50 % taċ-ċittadini tal-UE jużaw il-karozza privata tagħhom kuljum, filwaqt li 16 % biss jużaw it-trasport pubbliku u 12 % biss jużaw ir-rota;

Q.  billi, skont l-istess rapport, iċ-ċittadini tal-UE jqisu li t-tnaqqis fin-nolijiet tat-trasport pubbliku (59 %), it-titjib tas-servizzi tat-trasport pubbliku (56 %) u t-titjib tal-faċilitajiet għaċ-ċiklisti (33 %) bħala miżuri effikaċi sabiex titjieb il-mobilità urbana;

R.  billi, għal raġunijiet ġeografiċi u storiċi, il-bliet Ewropej jistgħu jkollhom rekwiżiti differenti ħafna relatati mal-infrastruttura;

S.  billi l-mobilità urbana u l-ġestjoni tat-trasport urban huma responsabbiltà tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jfasslu u jimplimentaw dawn il-politiki pubbliċi fit-territorju tagħhom, b'rabta mal-qafas nazzjonali fis-seħħ u l-aġenda urbana tal-UE;

T.  billi huwa inkwetanti li l-Kummissjoni qiegħda titkellem f'termini li tfasssal kunċetti tat-trasport fuq livell Ewropew, li mbagħad għandhom jiġu adattati għaċ-ċirkostanzi tal-Istati Membri; billi, minflok ma jiġi adottat dan l-approċċ minn fuq għal isfel u fid-dawl tan-neċessità ta' regoli u standards komuni, ikun preferibbli li jiġi segwit approċċ minn isfel għal fuq li jinvolvi l-isperimentazzjoni parallela fuq il-post, biex b'hekk tiġi promossa l-innovazzjoni; billi, għaldaqstant, huwa jappoġġa bis-sħiħ il-ħolqien ta' pjattaformi għal skambji ta' esperjenzi fost il-partijiet interessati lokali bil-għan li l-mudelli ta' suċċess li jiġu ppubbliċizzati b'mod usa';

1.  Jistieden lill-Istati Membri jnaqqsu l-bżonnijiet tat-trasport billi jinkoraġġixxu, fost l-oħrajn, it-telexogħol, it-teknoloġiji tal-ICT u tat-telekonferenzi u billi jtejbu l-mobilità tal-impriżi; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tkompli tiżviluppa l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-qafas tad-Direttiva 2010/40/UE dwar Sistemi ta' Trasport Intelliġenti (STI), li jistgħu jikkontribwixxu biex titjieb l-effiċjenza tat-trasport, jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, titjieb il-kwalità tal-arja u jitnaqqas it-tniġġis akustiku, u jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' teknoloġiji intelliġenti, inklużi s-sistemi ta' trasport intelliġenti (STI), is-sistemi tal-infomobilità, u jsaħħu l-ippjanar u l-ġestjoni ta' mobilità urbana sostenibbli (inkluż fis-settur tal-loġistika), pjanijiet ta' vvjaġġar u mudelli multimodali u intermodali, filwaqt li jżommu quddiem għajnejhom il-fatt li t-trasport pubbliku jsir aktar attraenti meta l-kopertura tal-"aħħar mil" tintlaħaq b'faċilità; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw il-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet interessati kollha, inkluż il-pubbliku, fl-attivitajiet ta' ppjanar msemmija hawn fuq;

2.  Jilqa' l-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea fl-iżvilupp ta' linji gwida dwar il-produzzjoni u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet tal-mobilità urbana sostenibbli, li jippermettu li l-azzjoni proposta tkun integrata fi strateġija urbana u territorjali u li għandhom l-għan li jippromovu żvilupp bilanċjat u integrazzjoni aħjar tal-modi differenti ta' mobilità urbana; jappoġġa lill-Kummissjoni fil-ħolqien ta' Pjattaforma Ewropea tal-Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli għall-koordinament aħjar tal-appoġġ tal-UE u l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iskambju ta' prattiki tajbin, it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' mobilità urbana sostenibbli;

3.  Jistieden lill-Istati Membri jippromovu t-trasport pubbliku bil-għan li jirdoppja l-użu tiegħu sal-2030, fost l-oħrajn billi jiġu applikati soluzzjonijiet tal-IT bħal xiri mill-bogħod ta' biljetti elettroniċi, u jiġu appoġġati l-car-sharing, il-car-pooling, s-servizzi ta' trasport fuq talba u l-promozzjoni ta' sistemi ta' propulsjoni elettrika għat-trasport pubbliku lokali; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw, fejn ikun xieraq, ferrovija tal-funikular u sistemi ta' cable car fi bliet muntanjużi u bl-għoljiet sabiex jittaffa t-traffiku urban;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu żoni aċċessibbli biss għat-trasport pubbliku, ir-roti, il-persuni bil-mixi, il-vetturi b'emissjonijiet żero u l-vetturi użati b'car-sharing u b'car-pooling;

5.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw faċilitajiet mifruxa ta' ċċarġjar għall-vetturi elettriċi permezz ta' sistemi innovattivi bħal dawk li jużaw l-infrastruttura tad-dawl pubbliku, u li jippromovu l-installazzjoni ta' faċilitajiet għall-iċċarġjar f'żoni ta' parkeġġi privati, pereżempju f'ċentri kummerċjali, u jfakkar id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid- Direttiva 2014/94/UE dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi, pereżempju fir-rigward tal-gass naturali;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri joħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji għal sistemi għall-ippjanar, prenotazzjoni u ħlas ta' vjaġġi transkonfinali, li jinkludu forom differenti tat-trasport, filwaqt li jittieħed kont tal-fatt li l-ħtieġa li jintużaw pjattaformi ta' informazzjoni u sistemi ta' pagament differenti toħloq ostaklu kbir għall-aċċettazzjoni u d-domanda għal sistemi ta' trasport intermodali;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jipproteġu l-utenti tat-triq l-aktar vulnerabbli permezz ta' titjib tas-sikurezza ta' persuni bil-mixi, it-tneħħija ta' ostakli arkitettoniċi, billi jiġu stabbiliti perkorsi speċifikament pedonali sikuri u appoġġ għal "walking buses" u perkorsi sikuri bejn id-dar u l-iskola; jistieden ukoll lill-Istati Membri jtejbu l-mobilità bir-roti billi jipprovdu mogħdijiet ċiklabbli sikuri u parkeġġi tar-roti, u billi jippromovu u jimplimentaw servizzi ta' bike-sharing; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bil-għan li titħeġġeġ aktar il-mobilità bir-roti, iressqu emendi għall-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar it-Traffiku fit-Toroq sabiex jiġu modernizzati r-regoli tat-traffiku f'żoni urbani biex b'hekk jiġi żgurat li ċ-ċiklisti jingħataw l-aħjar protezzjoni possibbli;

8.  Jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva sabiex jiġi żviluppat is-suq uniku għas-soluzzjonijiet innovattivi għall-mobilità urbana;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jinkorporaw bis-sħiħ il-kriterji ta' sostenibbiltà meta jaġġudikaw kuntratti ta' akkwist pubbliku tat-trasport u l-loġistika;

10.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw parti mid-dħul tagħhom minn dazji tas-sisa jew taxxa tal-liċenzja ta' vetturi privati sabiex inaqqsu n-nolijiet tat-trasport pubbliku urban bil-għan li din issir bla ħlas għar-residenti, u biex jeżaminaw mill-ġdid is-sistemi tan-nolijiet tat-trasport pubbliku u jagħti preferenza lil sistemi b'rata fissa;

11.  Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw t-tneħħija ta' sussidji diretti u indiretti għal vetturi li jaħdmu b'karburanti fossili tradizzjonali; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' inċentivi fiskali għall-vetturi elettriċi, pereżempju t-tnaqqis tal-VAT jew l-eżenzjoni mit-taxxa tal-liċenzja, u jappoġġaw inċentivi ekonomiċi għall-impriżi li jagħtu benefiċċji supplimentari biex jippromovu l-mobilità sostenibbli fost l-impjegati, għall-operaturi turistiċi li joffru lill-klijenti tagħhom soluzzjonijiet ta' trasport urban sostenibbli, u għall-SMEs li jipproduċu oġġetti jew servizzi mmirati lejn mobilità urbana sostenibbli;

12.  Jistieden lill-Istati Membri, huma u jniedu skemi ta' skrappjar ta' karozzi, jikkunsidraw li jappoġġaw, f'ordni dekrexxenti, l-użu ta' sistemi ta' trasport pubbliku kollettiv, vetturi elettriċi, vetturi li jaħdmu bl-idroġenu, inklużi dawk li jużaw metanu riformat, vetturi li jaħdmu bil-gass naturali, vetturi ibridi u vetturi tal-LPG;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjonijiet, fi ħdan id-diversi pjanijiet individwali tal-Istati Membri, dwar il-pożizzjonament tal-istazzjonijiet użati għall-kejl u l-kontroll tat-tniġġis tal-arja fl-agglomerazzjonijiet urbani prinċipali li għandhom problemi ta' kwalità tal-arja, peress li ħafna drabi il-pożizzjonament mhux daqstant tajjeb tagħhom jwassal li d-data miġbura tista' ma tkunx preċiża u b'hekk tista' toħloq riskju għas-saħħa pubblika;

14.  Jemmen li l-Pjan Juncker jista' jiżvolġi rwol fundamentali fil-finanzjament ta' proġetti ta' infrastruttura u trasport urban sostenibbli, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ finanzjarju tagħhom għal proġetti ta' mobilità urbana sostenibbli, jiżguraw is-sinerġiji meħtieġa bejn id-diversi sorsi u programmi ta' finanzjament, u biex jiżviluppaw rabtiet bejn il-mobilità urbana, l-Aġenda Diġitali l-ġdida u l-Unjoni tal-Enerġija; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni effiċjenti tat-trasport pubbliku, b'mod partikolari permezz ta' sistemi tat-trasport bl-elettriku, u joħolqu rabta bejn żoni urbani u periurbani, u jwieġbu b'mod effikaċi u sostenibbli l-ħtiġijiet tal-ivjaġġar qabel ma jsir investiment fil-kostruzzjoni ta' toroq ġodda u awtostradi;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jippromwovu l-iskambju tal-aħjar prattiki sabiex jiffaċilitaw it-trasferiment tal-ħiliet u t-teknoloġiji fil-qasam tal-mobilità sostenibbli, speċjalment bil-għan li jgħinu l-iżvilupp tar-reġjuni; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw programmi ta' riċerka dwar teknoloġiji ġodda, mudelli ġodda ta' negozju u prattiki ġodda integrati ta' mobilità urbana sostenibbli u l-loġistika urbana, u jniedu kampanji ta' sensibilizzazzjoni li tippromwovi l-mobilità li tkun effiċjenti, sostenibbli u inqas dipendenti mill-użu ta' karozzi privati li jaħdmu b'karburanti konvenzjonali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.6.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

53

8

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Lynn Boylan, Nessa Childers, Alberto Cirio, Birgit Collin-Langen, Mireille D’Ornano, Miriam Dalli, Seb Dance, Angélique Delahaye, Stefan Eck, Bas Eickhout, Eleonora Evi, José Inácio Faria, Karl-Heinz Florenz, Iratxe García Pérez, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Benedek Jávor, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Massimo Paolucci, Gilles Pargneaux, Piernicola Pedicini, Pavel Poc, Marcus Pretzell, Frédérique Ries, Annie Schreijer-Pierik, Davor Škrlec, Renate Sommer, Dubravka Šuica, Tibor Szanyi, Jadwiga Wiśniewska, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Nikos Androulakis, Renata Briano, Nicola Caputo, James Nicholson, Marijana Petir, Sirpa Pietikäinen, Gabriele Preuß, Bart Staes, Tom Vandenkendelaere

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Damian Drăghici, Fredrick Federley, Anthea McIntyre, Jens Nilsson


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (22.6.2015)

għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

dwar Mobilità Urbana Sostenibbli

(2014/2242(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Ramón Luis Valcárcel

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li aktar minn 70 % tal-popolazzjoni tal-UE tgħix fl-ibliet, li jiġġeneraw madwar 85 % tal-PDG tal-UE, u li l-mobilità urbana sostenibbli hija fattur dejjem aktar importanti fil-politika ta' koeżjoni, peress li hija element ewlieni u motivatur tal-impjiegi u t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; iqis li l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE), u b'mod speċjali l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), għandhom jikkontribwixxu għall-finanzjament, permezz tal-programmi operattivi, tal-Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli (SUMPs) għall-ibliet u r-reġjuni u fl-UE, billi jappoġġjaw forom nodfa, aċċessibbli u innovattivi ta' trasport urban li se jippromwovu l-multimodalità u l-mobilità f'kuntest territorjali usa', inkluża l-mobilità transkonfinali; ifakkar, f'dan ir-rigward, li s-settur tat-trasport, bit-traffiku kemm stazzjonarju kif ukoll mobbli, għandu impatt qawwi fuq l-ambjent urban u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini, u jqis li sistema ta' trasport effiċjenti tista' tiġi mrawma bi sħubija pubblika-privata fejn ikun hemm ripartizzjoni tal-ispejjeż u l-possibilitajiet li tiġi żviluppata sistema ta' akkwist pubbliku innovattiva u effiċjenti bl-għan li tipproduċi tfaddil konsiderevoli u l-kondiviżjoni tal-kompetenzi u l-għarfien bejn l-awtoritajiet; jinnota l-importanza li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sħubija bejn il-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi sabiex jiġi żgurat l-involviment sħiħ tal-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet professjonali, iċ-ċentri u l-intrapriżi tar-riċerka;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tqis il-progress u biex tipprovdi analiżi kwalitattiva u kwantitattiva tal-appoġġ tal-politika ta' koeżjoni għal mobilità urbana sostenibbli meta tkun qed twettaq ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tal-FSIE;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jivvalutaw u jagħmlu awditjar tal-Pjanijiet ta' Mobilità Urbana f'konformità mal-objettivi u l-għanijiet tal-istrateġija Trasport 2050;

4.  Jenfasizza li, meta titqies il-ħtieġa li jitnaqqas l-impatt negattiv fuq l-ambjent ikkawżat mid-dipendenza tas-sistema tat-trasport tal-UE fuq iż-żejt (kważi totalment fuq iż-żejt u l-prodotti sekondarji tiegħu), il-Fondi SIE għandhom jiġu użati sistematikament għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' SUMPs komprensivi u integrati biex isaħħu b'mod komplementari u reċiproku l-miżuri ta' mobilità urbana fil-kuntest usa' tal-ġestjoni tat-territorju mingħajr ma jiġu ġġenerati ħtiġijiet addizzjonali tat-trasport għall-użu eċċessiv tal-karozzi u billi titpoġġa enfasi fuq sistema tat-trasport integrata bbażata fuq il-kooperazzjoni bejn it-tipi ta' trasport individwali;

5.  Jinnota li l-promozzjoni tat-trasport sostenibbli u ta' infrastruttura tan-netwerk imtejba, it-tħeġġiġ tal-adattament għat-tibdil fil-klima, il-prevenzjoni tar-riskju u l-ġestjoni huma fost l-objettivi tematiċi tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020;

6.  Jindika b'mod partikolari l-ħafna effetti ta' ħsara tal-mudell tat-trasport attwali fuq l-elementi fundamentali tal-ambjent naturali, inklużi l-arja, l-ilma u l-ħamrija, u fuq l-ekosistemi varji;

7.  Iqis li għaldaqstant huwa essenzjali li jiġu żgurati l-iżvilupp u l-promozzjoni ta' SUMPs u s-sostenibilità urbana fl-ibliet Ewropej kollha, fiż-żoni u r-reġjuni urbani funzjonali, inkluża analiżi tal-ħtiġijiet u l-għanijiet għal infrastruttura ta' mobilità, filwaqt li jiġu indirizzati dawk il-modi u l-mezzi tat-trasport li huma komplementari fil-kuntest tal-iżvilupp tat-territorju territorjali u globali, il-promozzjoni ta' trasport nadif, sostenibbli, sikur, effettiv u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, li jiffavorixxi l-interkonnettività ta' żoni urbani u periurbani, u l-promozzjoni ta' awtosuffiċjenza akbar, il-kompetittività, it-tkabbir ekonomiku, is-sikurezza mtejba tat-toroq u kundizzjonijiet aħjar ta' impjieg; jindika wkoll li l-politika dwar it-trasport urban, inkluż l-istabbiliment ta' alternattivi għat-trasport biex titnaqqas id-domanda għall-ivvjaġġar permezz ta' mezzi ta' trasport individwali, taqa' taħt ir-responsabbiltà tal-ibliet u tal-awtoritajiet lokali wkoll;

8.  Jenfasizza l-potenzjal li għandha l-mobilità urbana sostenibbli fiż-żieda tal-attraenza tal-ibliet u r-reġjuni Ewropej kemm għall-investituri kif ukoll għar-residenti billi titjieb l-aċċessibilità u s-sikurezza fit-toroq u jitnaqqsu t-traffiku u t-tniġġis; jemmen fir-rwol pożittiv li jista' jkollha fl-iżgurar ta' bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja, minħabba t-tnaqqis fil-ħin tal-ivvjaġġar; jistieden għalhekk lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jiżviluppaw soluzzjonijiet innovattivi għall-mobilità urbana sostenibbli;

9.  Jitlob lill-Istati Membri jippromwovu l-governanza f'diversi livelli biex irawmu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet reġjonali, nazzjonali u Ewropej fl-iżvilupp tal-politiki, inkluż fid-disinn, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki Ewropej li għandhom impatt ċar fuq iż-żoni urbani;

10.  Iqis li l-investimenti fit-trasport pubbliku sostenibbli mhux biss huma rispons għall-problemi ta' mobilità urbana, iżda jinkludu wkoll "elementi ta' rinnovazzjoni urbana" li għandhom impatt fuq is-sistema ekonomika ġenerali tal-belt u jiffaċilitaw il-ħolqien ta' ambjent urban ekoloġiku, kif ukoll aċċess għaċ-ċentri ta' attivitajiet imħalltin (kummerċjali, residenzjali, rikreattivi, kulturali, edukattivi). Jenfasizza li l-koordinazzjoni xierqa tal-mobilità u tal-ippjanar urban hija kruċjali sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-investimenti;

11.  Jindika li t-trasport bir-roti għandu rwol importanti fl-ippjanar kontemporanju għall-mobilità urbana sostenibbli u li huwa parti mis-soluzzjoni għall-prevenzjoni tal-konġestjoni tat-traffiku; jenfasizza li l-mogħdijiet issegregati għaċ-ċiklisti/persuni bil-mixi għandhom jiġu naturalment inklużi fil-bini jew ir-restawr tat-toroq;

12.  Jirrikonoxxi l-kwalità u d-diversità tal-impjiegi offruti mill-operaturi tat-trasport pubbliku u l-benefiċċji relatati għall-ekonomija; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tivvaluta l-kontribuzzjoni tat-trasport pubbliku għall-impjiegi ekoloġiċi u l-istrateġiji ta' tkabbir ekoloġiku fil-livell nazzjonali u Ewropew;

13.  Jitlob li l-inizjattivi favur l-impjieg taż-żgħażagħ kif ukoll Fondi SIE oħra jintużaw għall-promozzjoni tal-impjiegi f'oqsma li jistimulaw l-iżvilupp ta' mobilità urbana sostenibbli; jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-proġetti ta' mobilità urbana għandha impatt pożittiv fuq ir-reġjuni kollha u l-popolazzjonijiet tagħhom, billi tippromwovi l-mili tal-impjiegi eżistenti u innovattivi fl-oqsma rilevanti, inklużi l-professjonijiet fejn hemm nuqqas ta' forza tax-xogħol;

14.  Jemmen bis-sħiħ li l-Pjattaforma tal-Kummissjoni dwar Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli għandha tipprovdi appoġġ qawwi għall-ibliet u r-reġjuni għat-tfassil u l-implimentazzjoni tas-SUMPs; jenfasizza l-importanza li jiġu kkunsidrati l-ibliet kollha, irrispettivament mid-daqs, għall-investiment fil-mobilità urbana u għar-rwol ewlieni li l-ibliet u r-reġjuni Ewropej iridu jaqdu fit-tisħiħ u l-promozzjoni ta' mobilità urbana sostenibbli; jitlob l-involviment tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali ta' daqsijiet differenti u rappreżentanti tal-partijiet interessati differenti (eż. assoċjazzjonijiet taċ-ċiklisti) fil-Pjattaforma Ewropea u l-Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri dwar il-Mobilità Urbana u t-Trasport;

15.  Iqis li jkun xieraq li jiġi promoss l-iskambju tal-aħjar prattiki tal-mobilità urbana sabiex l-aktar soluzzjonijiet innovattivi u l-kisba tal-objettivi tal-UE f'dan il-qasam jinfirxu aktar malajr;

16.  Jistieden lill-awtoritajiet jippromwovu l-iżvilupp tas-sistemi ta' ċċarġjar terminali għall-vetturi elettriċi u ibridi xierqa għat-toroq kollha u biex jippromwovu l-użu ta' mezzi ta' trasport alternattivi, soluzzjoni ta' mobilità integrata, l-istabbiliment ta' żoni aċċessibbli biss għal ċertu tipi ta' trasport u vetturi u l-użu sostenibbli ta' vetturi nodfa u elettriċi, roti, trolleybuses, xarabanks, trammijiet, bijoetanol u fjuwils nodfa sabiex jiġi miġġieled it-tisħin globali, bl-għan li tiżdied il-kwalità tal-ħajja fit-tul li jġib miegħu l-iżvilupp ta' sistemi tat-trasport intelliġenti u intermodali li jiżguraw informazzjoni mobbli u l-kontinwità territorjali bejn iċ-ċentri urbani u ż-żoni periurbani tagħhom;

17.  Jistieden lill-awtoritajiet jippromwovu mezzi biex inaqqsu d-domanda għat-trasport billi jtejbu l-użu tat-telexogħol u l-għodod tal-ICT u biex ikunu konxji mill-figuri tal-istħarriġ tal-Ewrobarometru li juru li ċ-ċittadini tal-UE huma mħassbin dwar l-impatt negattiv taż-żieda tat-traffiku fl-ibliet, meħud kont li l-konġestjoni tat-traffiku (76 %), il-kwalità tal-ajru (81 %) u rati tal-aċċidenti (73 %) huma meqjusa bħala l-aktar problemi serji; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja forom ġodda ta' mobilità relatati mat-trasport (eż. vetturi awtopropulsivi), biex twettaq, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, analiżi tal-miżuri kollha disponibbli li jgħinu sabiex jitnaqqas għall-minimu n-numru ta' korrimenti u mwiet, b'mod partikolari tal-persuni bil-mixi u ċ-ċiklisti, u biex jiġi promoss l-użu tar-roti fl-ibliet, flimkien mal-investiment fil-mogħdijiet għaċ-ċiklisti u miżuri biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost l-utenti tat-toroq rigward is-sikurezza għaċ-ċiklisti; jindika li ċ-ċikliżmu għandu rwol importanti fl-ippjanar kontemporanju għall-mobilità urbana sostenibbli u li huwa parti mis-soluzzjoni għall-prevenzjoni tal-konġestjoni; jenfasizza li l-mogħdijiet issegregati għaċ-ċiklisti/persuni bil-mixi għandhom jiġu naturalment inklużi fil-bini jew fir-restawr tat-toroq; ifakkar f'dan ir-rigward li l-użu miżjud tar-roti fl-ibliet itejjeb il-fluss tat-traffiku, itejjeb is-saħħa pubblika u jnaqqas il-marka tal-karbonju; jenfasizza li użu miżjud tar-roti fl-ibliet jista' jikkontribwixxi għall-objettivi tal-Ewropa 2020; jitlob lill-Istati Membri jkomplu jibnu ringroads sabiex inaqqsu għall-minimu n-numru ta' vetturi li jgħaddu mill-ibliet mingħajr bżonn, u jistieden lill-Kummissjoni ssib mezzi biex tappoġġja finanzjarjament dawn il-proġetti; jenfasizza li jinħtieġu aktar sforzi biex jitnaqqas in-numru ta' karozzi fil-belt; jitlob lill-awtoritajiet lokali jippromwovu politiki biex iħeġġu t-trasport ekoloġiku billi jipprovdu l-faċilitajiet, inaqqsu t-taxxi u jistabbilixxu ċertifikati ekoloġiċi;

18.  Jenfasizza l-importanza tal-konnessjoni transfruntiera tal-ibliet fil-proċess tal-ippjanar urban, peress li dan jistimola l-iżvilupp reġjonali; jenfasizza li l-ibliet isseparati bifruntiera imma li jiffurmaw żona funzjonali integrata għandhom jiġu appoġġjati biex joħolqu rabta bejn in-netwerks tat-trammijiet u x-xarabanks tagħhom;

19.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa standards biex tiżgura l-armonizzazzjoni ġenerali u l-koerenza fir-regolament tal-parkeġġ u tal-aċċess tal-vetturi għaż-żoni urbani, il-kategorizzazzjoni tal-vetturi, il-klassijiet ta' emissjoni differenti, is-sinjali tat-toroq, is-sistemi tat-trasport adattati għall-persuni bi bżonnijiet speċjali u l-istandards tekniċi fis-sistemi ta' trasport intelliġenti, u biex issaħħaħ l-impetu għaż-żoni pedonali u l-protezzjoni taż-żoni storiċi, u biex b'mod ġenerali ttejjeb l-ambjent u l-mobilità pubblika; jindika li l-pedament tas-SUMPs huwa l-kwalità tal-ħajja, u korollarja ta' din hija l-enfasi fuq il-ħelsien tal-ibliet mill-konġestjoni tat-traffiku u l-ippjanar ta' faċilitajiet ta' parkeġġ biex jiġi żgurat il-moviment liberu għall-persuni bil-mixi u l-attraenza taċ-ċentru tal-ibliet; jitlob lill-Kummissjoni tappoġġja soluzzjonijiet strateġiċi għat-trasport pubbliku koordinati u integrati biex inaqqsu l-piż minn fuq in-netwerks tat-trasport, it-toroq urbani u t-toroq ta' aċċess għall-postijiet tax-xogħol sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-pubbliku u jiġi inkoraġġit bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja, filwaqt li tiżdied il-produttività; jistieden ukoll lill-awtoritajiet biex iżidu l-użu tat-teknoloġiji intelliġenti li jistgħu jgħinu sabiex jissolvew il-problemi marbuta mal-mobilità urbana, bħas-sensuri tas-satellita abbord il-vetturi u s-sistemi tal-qtugħ tal-biljetti intelliġenti;

20.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tikkoordina u tikkonsolida inizjattivi tal-UE fil-qasam tal-mobilità urbana, bħal pereżempju CIVITAS 2020 għar-riċerka u l-innovazzjoni, l-Osservatorju tal-Mobilità Urbana għall-iskambju tal-aħjar prattika u esperjenza, u l-Pjattaforma dwar Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-isforzi tagħha biex tnaqqas il-frammentazzjoni u n-nuqqas ta' koordinazzjoni bejn l-inizjattivi u l-programmi rilevanti tal-UE u biex tqis is-suċċess ta' programmi bħal URBAN u URBACT; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ l-awtoritajiet fl-Istati Membri biex joħolqu netwerks ta' eċċellenza fil-qasam tal-mobilità urbana, tkompli l-isforzi tal-inizjattiva CIVITAS 2020 u tħeġġeġ aktar ċittadini tal-UE biex jissieħbu f'dan il-proġett;

21.  Jitlob lill-Kummissjoni tfassal linji gwida dwar il-mobilità urbana, rakkomandazzjonijiet u indikaturi biex jiġu inkoraġġiti d-djalogu u l-iskambju ta' prattiki ta' mobilità soċjali tajbin bejn il-partijiet differenti involuti u biex jiġu kkoordinati l-istrateġiji dwar il-politika urbana li għandhom jiġu segwiti;

22.  Jappoġġja rabta b'saħħitha bejn il-pjanijiet ta' mobilità u s-sostenibilità urbana, u inizjattivi oħra bħal Bliet Intelliġenti u l-Patt tas-Sindki li huma orjentati lejn bliet aktar sostenibbli u awtosuffiċjenti; iqis li l-impenn volontarju stabbilit fil-Patt tas-Sindki jista' jservi bħala xprun għall-indirizzar tal-partijiet kollha inkwistjoni bil-ħolqien ta' pjanijiet ta' mobilità u sostenibilità li jistgħu jiġu reklamati b'mod kosteffikaċi; jilqa' l-inizjattiva bl-isem "CiTIEs: Cities of Tomorrow: Investing in Europe", u jistieden lill-Kummissjoni tuża l-pjattaformi eżistenti biex jiġu żviluppati għodod ta' komunikazzjoni li għandhom l-għan li jgħaqqdu flimkien lill-partijiet interessati fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli;

23.  Iqis li l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) jista' jkollu rwol ewlieni fil-finanzjament ta' proġetti ta' trasport urban sostenibbli; jemmen, għaldaqstant, li huwa essenzjali li jiġu stabbiliti ppjanar strateġiku u koerenza b'saħħithom bejn il-proġetti ta' mobilità urbana li għandhom jiġu appoġġjati mill-FEIS u l-objettivi u l-prijoritajiet relatati mal-mobilità urbana li diġà huma żviluppati minn awtoritajiet nazzjonali, lokali u Ewropej; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tinkludi l-awtoritajiet pubbliċi bħala benefiċjarji potenzjali tal-finanzjament permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE);

24.  Jenfasizza l-importanza tal-bini tal-kapaċità fi ħdan l-awtoritajiet lokali u fiż-żoni periurbani għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' żvilupp integrati sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn it-territorji differenti, u konsegwentement tiġi mrawma l-interdipendenza u l-kumplimentarjetà;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jiżguraw il-kumplimentarjetà u s-sinerġiji bejn il-FEIS, il-Fondi SIE u l-programmi u l-inizjattivi sussidjati mill-UE, kif ukoll l-investimenti pubbliċi nazzjonali u l-istrumenti finanzjarji privati, sabiex jinkiseb il-valur miżjud massimu tal-investimenti magħmula;

26.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw jew jivvalutaw mill-ġdid l-istrateġiji tagħhom stess għall-iżvilupp tat-trasport pubbliku jew it-trasport b'mezzi mhux bil-mutur sabiex tiġi żgurata l-mobilità ta' kwalità għolja, il-protezzjoni tal-ambjent u l-kwalità tal-ħajja.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.6.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

3

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, José Blanco López, Franc Bogovič, Steeve Briois, Rosa D’Amato, Bill Etheridge, Michela Giuffrida, Ivan Jakovčić, Constanze Krehl, Martina Michels, Iskra Mihaylova, Andrey Novakov, Stanislav Polčák, Julia Reid, Terry Reintke, Monika Smolková, Maria Spyraki, Olaf Stuger, Ramón Luis Valcárcel Siso, Ángela Vallina, Monika Vana, Matthijs van Miltenburg, Lambert van Nistelrooij, Kerstin Westphal

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Petras Auštrevičius, Daniel Buda, Salvatore Cicu, Ivana Maletić, Jan Olbrycht

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Edward Czesak, Jens Nilsson, Georgi Pirinski, Daniele Viotti


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

10.11.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

5

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Marie-Christine Arnautu, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Deirdre Clune, Michael Cramer, Andor Deli, Karima Delli, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Bruno Gollnisch, Tania González Peñas, Dieter-Lebrecht Koch, Merja Kyllönen, Bogusław Liberadzki, Peter Lundgren, Marian-Jean Marinescu, Cláudia Monteiro de Aguiar, Renaud Muselier, Jens Nilsson, Markus Pieper, Salvatore Domenico Pogliese, Tomasz Piotr Poręba, Gabriele Preuß, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, Claudia Schmidt, Jill Seymour, Claudia Tapardel, Keith Taylor, Pavel Telička, István Ujhelyi, Wim van de Camp, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Janusz Zemke, Kosma Złotowski, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Rosa Estaràs Ferragut, Massimo Paolucci, Evžen Tošenovský, Matthijs van Miltenburg

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Eugenia Aguilera García, Paul Brannen, Jiří Maštálka, Flavio Zanonato

Avviż legali