RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta’ Timor Leste dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir

16.11.2015 - (07194/2015 – C8‑0147/2015 – 2015/0058(NLE)) - ***

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Mariya Gabriel

Proċedura : 2015/0058(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0327/2015
Testi mressqa :
A8-0327/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta’ Timor Leste dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir

(07194/2015 – C8‑0147/2015 – 2015/0058(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (07194/2015),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta’ Timor Leste dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (07125/2015),

–  wara li kkunsidra t-talba ta' approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 77(2)(a), u l-Artikolu 218(6), it-tieni inċiż, punt a) v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0147/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet inċiż, u l-paragrafu 2, kif ukoll l-Artikolu 108(7), tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0327/2015),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika Demokratika ta’ Timor Leste.

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Qafas tar-relazzjonijiet u d-dispożizzjonijiet ġenerali tal-ftehim

Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta’ Timor Leste huma regolati mill-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku minn naħa waħda u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, imsejjaħ il-"Ftehim ta’ Cotonou”, li tiegħu r-Repubblika Demokratika ta’ Timor Leste saret membru f’qasir żmien wara li saret indipendenti. L-aħħar djalogu politiku ma’ Timor Leste sar fi Brussell fis-16 ta’ Ottubru 2014, f’liema okkażjoni ġie deċiż li għandha tiġi aġevolata l-kooperazzjoni fuq ir-reġimi tal-viżi.

Fil-qafas tal-emenda tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 permezz tar-Regolament Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Repubblika Demokratika ta’ Timor Leste ġiet ittrasferita lejn l-Anness II, li jistabbilixxi l-lista tal-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mill-obbligu ta’ viża biex jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri. Ir-Regolament Nru 539/2001 emendat għandu jiġi applikat fl-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda u tar-Renju Unit.

Wara l-adozzjoni tal-imsemmi Regolament fl-20 ta’ Mejju 2014, il-Kunsill adotta fid-9 ta' Ottubru 2014 deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati għall-konklużjoni tal-ftehim bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta’ Timor Leste. In-negozjati nfetħu fid-19 ta' Novembru 2014 u ġew konklużi fil-15 ta' Diċembru 2014. L-iffirmar ta’ dan il-ftehim seħħ fis-26 ta’ Mejju 2015 fi Brussell. Minn dik id-data ’l quddiem, il-ftehim għandu japplika fuq bażi proviżorja, sa meta jirċievi l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

Il-ftehim iffirmat jiddisponi għal vjaġġar mingħajr l-obbligu ta’ viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għaċ-ċittadini tar-Repubblika Demokratika ta’ Timor Leste meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-parti kontraenti l-oħra għal perijodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum. L-eżenzjoni mill-viża tibbenefika lill-kategoriji kollha ta’ persuni (li huma detenturi ta’ passaport ordinarju, diplomatiku, ta’ servizz/uffiċjali, jew speċjali) li jivvjaġġaw għal kwalunkwe raġuni tkun xi tkun, minbarra l-eżerċizzju ta’ attività remunerata.

**

Ġustifikazzjoni tar-Rapporteur

Dan il-ftehim ta’ eżenzjoni mill-viża għas-soġġorni qosra jikkostitwixxi suċċess fl-approfondiment tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta’ Timor Leste – filwaqt li jagħti sinifikat politiku qawwi fil-qafas tal-Ftehim ta’ Cotonou – kif ukoll mezz supplementari biex jissaħħu r-relazzjonijiet ekonomiċi u kulturali u biex jiġi intensifikat id-djalogu politiku dwar diversi kwistjonijiet, inklużi d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

Il-ftehim ta’ eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir jirrappreżenta opportunità biex jissaħħaħ il-valur tar-relazzjonijiet ekonomiċi u għat-turiżmu. It-turiżmu huwa partikolarment settur ewlieni għall-iżvilupp ta’ Timor Leste, li ċ-ċittadini Ewropej jistgħu jinteressaw ruħhom fih kemm bħala turisti u kemm bħala investituri. L-UE attwalment hija t-tielet sieħba kummerċjali tal-pajjiżi tal-Paċifiku wara l-Awstralja u ċ-Ċina. L-UE tibqa’ madankollu fis-sitt post fost dawk li jesportaw lejn Timor Leste. L-eżenzjoni mill-viża hija għalhekk ukoll inċentiv supplementari għall-intraprendituri u l-investituri Ewropej.

Dan il-ftehim jagħti wkoll importanza politika fil-livell reġjonali, għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea bħala sieħba tal-pajjiżi tar-reġjun tal-Paċifiku u fil-perspettiva tal-adeżjoni ta’ Timor Leste mal-ASEAN li magħha l-Unjoni ħabbret it-tisħiħ tas-sħubija strateġika.

Ir-Rapporteur tinnota wkoll li Timor Leste ra stabbilizzazzjoni demokratika li seħħet b’mod estremament rapidu u ta’ min ifaħħru wara li sar indipendenti. Il-pajjiż impenja ruħu wkoll fi sħubija mal-Unjoni Ewropea sa minn mindu sar indipendenti u r-relazzjonijiet minn dak iż-żmien ’il hawn huma kkaratterizzati mill-kwalità tagħhom. Il-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-2012 esprimiet ammirazzjoni għall-fatt li kien ittieħed kont b’mod wiesa’ ħafna tar-rakkomandazzjonijiet tal-missjoni preċedenti (2007) u l-isforzi biex tiġi ankrata kultura demokratika fil-pajjiż, kif ukoll l-iżvolġiment paċifiku u inklużiv tal-proċess elettorali. Barra minn hekk, il-programm indikattiv nazzjonali għall-11-il FEŻ iqiegħed l-enfasi fuq it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet tal-Istat u l-governanza tajba. F’dawk li huma drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali huma protetti mill-Kostituzzjoni. Id-djalogu politiku tal-Unjoni ma’ Timor Leste dwar dan is-suġġett huwa ċentrat fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tal-midja u l-ugwaljanza tas-sessi, b’mod partikolari l-ġlieda kontra l-vjolenza domestika.

Mil-lat tal-mobilità, il-maġġoranza prevalenti ta’ dawk li jitolbu viża Schengen huma meqjusa bħala vjaġġaturi ta’ bonafidi li ma jippreżentawx riskji u jakkwistaw għalhekk viża għal soġġorn qasir: fl-2014, minn 773 talba għal viża għal soġġorn qasir għaż-żona Schengen, ir-rata ta' ċaħdiet kienet biss ta' 4.5 %. Proporzjon żgħir ħafna ta’ ċaħdiet u l-għadd limitat ta’ talbiet huma żewġ elementi li jippermettu fl-istess ħin li jiġu evitati r-riskji ta' sigurtà u li jiġu previsti l-benefiċċji tal-eżenzjoni mill-viża.

Fl-aħħar, ir-Rapporteur tenfasizza l-vettur mhux negliġibbli li l-eżenzjoni mill-viża tikkostitwixxi għat-tqarrib tal-popli Ewropej u tal-Paċifiku. Il-ftehim ta’ eżenzjoni mill-viża jippermetti liċ-ċittadini mhux biss li jgawdu bis-sħiħ mis-sħubija AKP-UE, iżda wkoll li jipparteċipaw fiha billi jivvjaġġaw bi prezz ekonomiku u prattiku mnaqqas.

Ir-Rapporteur tfaħħar f’dan ir-rigward ir-rwol li jwettqu l-membri tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, li kkontribwew bil-kbir għall-konklużjoni ta’ dan il-ftehim li, barra minn hekk, se jiffaċilita l-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

**

Implimentazzjoni u segwitu tal-ftehim

Mil-lat tal-implimentazzjoni u s-segwitu tal-ftehim, ir-Rapporteur tistieden lill-Kummissjoni Ewropea tosserva l-iżviluppi li jistgħu jseħħu f’dak li jirrigwarda l-kriterji li fil-bidu wasslu għat-trasferiment tal-Anness I lejn l-Anness II tar-Regolament Nru 509/2014. Dawn il-kriterji jinkludu mhux biss l-immigrazzjoni klandestina, l-ordni pubbliku u s-sigurtà, iżda wkoll ir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi kkonċernati inklużi, b’mod partikolari, konsiderazzjonijiet marbuta mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali.

Barra minn hekk, ir-Rapporteur tistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Awtoritajiet ta’ Timor Leste jiżguraw ir-reċiproċità sħiħa tal-eżenzjoni mill-viża li għandha tippermetti l-ugwaljanza ta’ trattament taċ-ċittadini kollha, b’mod partikolari fost iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni.

Ir-Rapporteur tiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li fi ħdan il-Kumitat Imħallat ta' Ġestjoni tal-Ftehim (Artikolu 6), l-Unjoni Ewropea hija rrappreżentata biss mill-Kummissjoni Ewropea. Bħala istituzzjoni direttament eletta miċ-ċittadini Ewropej u difensur tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew jista' jiġi involut fil-ħidmiet tal-Kumitat Imħallat. Ir-Rapporteur tal-Parlament Ewropew tinkoraġġixxi mill-ġdid lill-Kummissjoni Ewropea tirrevedi l-kompożizzjoni tal-kumitati mħallta ta' ġestjoni għall-ftehimiet ġejjiena.

Bl-istess mod, ir-Rapporteur tesprimi tħassib dwar il-prattika tal-iffirmar tal-ftehimiet ta’ eżenzjoni mill-viża u l-applikazzjoni proviżorja tagħhom qabel l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Ir-Rapporteur tirrimarka li din il-prattika għandha t-tendenza li tnaqqas il-marġini ta’ manuvrar tal-Parlament Ewropew u huwa jerġa' aktar problematiku li l-Parlament mhuwiex informat fil-ħin u l-waqt dwar il-progressjoni tan-negozjati bilaterali.

**

Dispożizzjonijiet partikolari

Fil-premessi tal-ftehim konkluż jittieħed kont tas-sitwazzjoni partikolari tar-Renju Unit u tal-Irlanda. Għalhekk ir-Renju Unit u l-Irlanda ma jipparteċipawx fil-ftehim konkluż u mhumiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet tiegħu.

L-assoċjazzjoni stretta tan-Norveġja, tal-Iżlanda, tal-Iżvizzera u tal-Liechtenstein mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis Schengen hija wkoll evokata f’dikjarazzjoni komuni annessa mal-ftehim. Id-dikjarazzjoni tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet ta’ dawn il-pajjiżi jikkonkludu mill-aktar fis possibbli mar-Repubblika Demokratika ta’ Timor Leste ftehimiet bilaterali ta’ eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir.

Il-ftehim fih dispożizzjonijiet dwar l-applikazzjoni territorjali tiegħu: f’dak li jirrigwarda lil Franza u n-Netherlands, id-dispożizzjonijiet tal-ftehim japplikaw biss għat-territorji Ewropej ta' dawn iż-żewġ Stati Membri.

**

Fl-aħħar, ir-Rapporteur tirrakkomanda lill-membri tal-Kumitat Parlamentari “Libertajiet Ċivili, Ġustizzja u Intern” jagħtu l-appoġġ tagħhom lil dan ir-rapport u li l-Parlament Ewropew jagħti l-approvazzjoni tiegħu.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

10.11.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

50

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Martina Anderson, Heinz K. Becker, Malin Björk, Caterina Chinnici, Rachida Dati, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Tanja Fajon, Laura Ferrara, Monika Flašíková Beňová, Lorenzo Fontana, Mariya Gabriel, Kinga Gál, Nathalie Griesbeck, Jussi Halla-aho, Filiz Hyusmenova, Iliana Iotova, Eva Joly, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Timothy Kirkhope, Barbara Kudrycka, Marju Lauristin, Juan Fernando López Aguilar, Monica Macovei, Vicky Maeijer, Roberta Metsola, Alessandra Mussolini, József Nagy, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Csaba Sógor, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat, Udo Voigt, Cecilia Wikström, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Pál Csáky, Anna Hedh, Petr Ježek, Ska Keller, Miltiadis Kyrkos, Artis Pabriks, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Salvatore Domenico Pogliese, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Barbara Spinelli, Kazimierz Michał Ujazdowski, Axel Voss

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Francisco Assis, Eugen Freund

VOTAZZJONI FINALI B’SEJĦA TAL-ISMIJIET

FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

50

+

ALDE

Nathalie Griesbeck, Filiz Hyusmenova, Petr Ježek, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Cecilia Wikström

ECR

Jussi Halla-aho, Timothy Kirkhope, Monica Macovei, Helga Stevens, Kazimierz Michał Ujazdowski, Branislav Škripek

EFDD

Laura Ferrara

ENF

Lorenzo Fontana

GUE

Martina Anderson, Malin Björk, Barbara Spinelli, Marie-Christine Vergiat

PPE

Heinz K. Becker, Pál Csáky, Rachida Dati, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Mariya Gabriel, Kinga Gál, Barbara Kudrycka, Roberta Metsola, Alessandra Mussolini, József Nagy, Artis Pabriks, Salvatore Domenico Pogliese, Csaba Sógor, Traian Ungureanu, Axel Voss, Tomáš Zdechovský

S&D

Francisco Assis, Caterina Chinnici, Tanja Fajon, Monika Flašíková Beňová, Eugen Freund, Anna Hedh, Iliana Iotova, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Miltiadis Kyrkos, Marju Lauristin, Juan Fernando López Aguilar, Christine Revault D'Allonnes Bonnefoy, Birgit Sippel

VERTS/ALE

Eva Joly, Ska Keller, Bodil Valero

3

-

EFDD

Kristina Winberg

ENF

Vicky Maeijer

NI

Udo Voigt

 

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjonijiet