Proċedura : 2015/2051(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0332/2015

Testi mressqa :

A8-0332/2015

Dibattiti :

PV 15/12/2015 - 13
CRE 15/12/2015 - 13

Votazzjonijiet :

PV 16/12/2015 - 11.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0459

RAPPORT     
PDF 872kWORD 288k
18.11.2015
PE 551.888v02-00 A8-0332/2015

dwar it-tħejjija għas-Summit Umanitarju Dinji: Sfidi u opportunitajiet għall-assistenza umanitarja

(2015/2051(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp

Rapporteur għal opinjoni: Enrique Guerrero Salom

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-tħejjija għas-Summit Umanitarju Dinji: Sfidi u opportunitajiet għall-assistenza umanitarja

(2015/2051(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 46/182 tad-19 ta' Diċembru 1991 dwar it-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-għajnuna umanitarja ta' emerġenza(1),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda Trasformattiva tal-Kumitat Permanenti Interaġenziji (IASC) tan-NU(2),

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji tas-Sħubija (kif approvati mill-Pjattaforma Umanitarja Globali) tat-12 ta' Lulju 2007(3),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 64/290 tad-9 ta' Lulju 2010 dwar id-Dritt għall-Edukazzjoni f'Sitwazzjonijiet ta' Emerġenza(4) u l-linji gwida rilevanti inklużi dawk tal-UNICEF u tal-UNESCO,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-IASC tan-NU għall-Integrazzjoni ta' Interventi ta' Vjolenza abbażi tas-Sess f'Azzjoni Umanitarja(5),

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030 adottat mit-Tielet Konferenza Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri li saret mill-14 sat-18 ta' Marzu 2015 f'Sendai, il-Ġappun(6),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 69/313 tas-27 ta' Lulju 2015 li tistabbilixxi l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa tat-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp(7),

–  wara li kkunsidra d-dibattiti bi tħejjija għat-32 Konferenza Internazzjonali tal-Moviment tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar mit-8 sal-10 ta' Diċembru 2015 f'Ġinevra,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-2015 dwar l-Għajnuna Umanitarja Globali(8),

–  wara li kkunsidra l-Ħarsa Ġenerali Globali Umanitarja ta' Ġunju 2015(9),

–  wara li kkunsidra l-prinċipji ta' Donazzjoni Umanitarja Tajba (GHD)(10),

–  wara li kkunsidra l-Bord ta' Livell Għoli tan-NU dwar il-Finanzjament Umanitarju,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta' Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja(11),

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja tal-2007 (minn hawn 'il quddiem "Kunsens Ewropew"), dikjarazzjoni konġunta ffirmata mill-Kummissjoni, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri(12), u l-Pjan ta' Azzjoni tiegħu li għandu jiġġedded,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 375/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja ("l-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE")(13), u r-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE fl-2014(14),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili(15),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Il-Ġeneru fl-Għajnuna Umanitarja: Bżonnijiet Differenti, Għajnuna Adattata" (SWD(2013)0290)(16),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Rapport Annwali dwar il-Politiki tal-Unjoni Ewropea tal-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili u l-implimentazzjoni tagħhom fl-2014 (COM(2015)0406)(17),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Attività 2014 mid-DĠ tal-Kummissjoni għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili (ECHO)(18),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2015 dwar il-Prinċipji Komuni għal Assistenza b'Diversi Għanijiet Ibbażata fuq Flus Kontanti b'Reazzjoni għall-Ħtiġijiet Umanitarji(19),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989 u l-Protokoll Fakultattiv dwar l-involviment tat-Tfal f'Kunflitti Armati tal-25 ta' Mejju 2000, wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati (aġġornati fl-2008),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2015 dwar Sħubija Globali Ġdida għall-Qerda tal-Faqar u l-Iżvilupp Sostenibbli wara l-2015(20),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2013 dwar l-approċċ tal-UE għar-reżiljenza(21),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2014 dwar il-Qafas ta' Hyogo għal Azzjoni wara l-2015: L-immaniġġar ta' riskji biex tinkiseb reżiljenza(22),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2014 dwar Aġenda Trasformattiva għal wara l-2015(23),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tad-9 ta' Settembru 2015 intitolata "L-indirizzar tal-Kriżi tar-Refuġjati fl-Ewropa: Ir-Rwol tal-Azzjoni Esterna tal-UE" (JOIN(2015)0040)(24),

–  wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet reġjonali, tematiċi u globali bi tħejjija għas-Summit Umanitarju Dinji(25),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2015 dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp(26),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015(27),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen(28); tal-11 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fin-Nepal wara t-terrimoti(29); tat-30 ta' April 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-kamp tar-refuġjati ta' Yarmouk fis-Sirja(30); tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-Sudan t'Isfel, inkluż is-sekwestru reċenti ta' tfal(31); tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS(32); u tal-15 ta' Jannar 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Libja(33),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar il-migrazzjoni u r-refuġjati fl-Ewropa(34); u tad-29 ta' April 2015 dwar l-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil(35),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jafferma mill-ġdid li l-UE "għandha tara li jkun hemm koerenza bejn il-politika u l-attivitajiet differenti tagħha, b'kont meħud tal-objettivi kollha tagħha",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-TFUE, li jistabblixxi li "l-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-objettivi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 214 tat-TFUE dwar l-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna umanitarja,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Settembru 2015 intitolata "Lejn is-Summit Umanitarju Dinji: Sħubija globali għal azzjoni umanitarja msejsa fuq il-prinċipji u effettiva" (COM(2015)0419)(36) u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjaha (SWD(2015)0166)(37),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0332/2015),

  billi, f'dinja fraġli ħafna, qed niffaċċjaw żieda fid-diversità, il-frekwenza u l-intensità tad-diżastri naturali u l-karestiji u żieda bla preċedent fl-għadd u fil-kumplessità tal-kunflitti;

  billi l-isfidi li dejjem qed jikbru, bħall-urbanizzazzjoni, it-tkabbir rapidu fil-popolazzjoni, il-bidliet demografiċi, il-prevalenza u s-saħħa akbar tad-diżastri naturali, id-degradazzjoni ambjentali, id-deżertifikazzjoni, it-tibdil fil-klima u l-għadd ta' kunflitti dejjiema u simultanji b'impatt reġjonali u l-iskarsezza tar-riżorsi, flimkien mal-konsegwenzi tal-faqar, l-inugwaljanza, il-migrazzjoni, l-ispostament u l-fraġilità, konsegwentement żiedu b'mod drammatiku l-ħtieġa għal rispons umanitarju madwar id-dinja;

  billi l-għadd tal-persuni fil-bżonn żdied b'aktar mid-doppju mill-2004 għal iżjed minn 100 miljun fl-2015; billi 250 miljun persuna huma affettwati minn kriżijiet umanitarji; billi l-għadd ta' persuni spostati b'mod furzat laħaq l-ogħla punt tiegħu mit-Tieni Gwerra Dinjija f'livell ta' kważi 60 miljun, inklużi kważi 40 miljun li huma spostati f'pajjiżhom stess; billi iżjed minn nofs ir-refuġjati tad-dinja huma tfal;

  billi se jkunu spostati biljun ruħ minħabba t-tibdil fil-klima sal-2050 peress li aktar minn 40 % tal-popolazzjoni dinjija tgħix f'żoni ta' kriżi qawwija tal-ilma; billi t-telf ekonomiku minħabba diżastri naturali x'aktarx li jiżdied b'mod drammatiku minn USD 300 biljun attwalment mitlufa kull sena;

  billi matul dawn l-aħħar tmien snin il-bżonnijiet u l-isfidi li qed jiżdiedu, in-nuqqas ta' impenji sostnuti u ż-żieda fl-ispiża tal-assistenza umanitarja kkontribwixxew biex is-sistema umanitarja attwali laħqet il-limiti tagħha, u ġiegħlu lil għadd ta' organizzazzjonijiet jissospendu b'mod temporanju l-għajnuna alimentari, il-kenn u operazzjonijiet umanitarji oħra ta' salvataġġ;

  billi l-isptarijiet umanitarji huma spiss fil-mira ta' attakki bl-użu ta' armi ta' qerda massiva; billi t-theddid u l-attakki kontra l-persunal umanitarju qed jiżdiedu; billi s-sigurtà tal-persunal umanitarju u ta' persuni korruti ħafna drabi tiġi mhedda; u billi dawn l-attakki jikkostitwixxu ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u ta' periklu serju għall-futur tal-għajnuna umanitarja;

  billi l-prinċipji umanitarji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza, u r-regoli bażiċi tad-dritt umanitarju internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem stabbiliti fil-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-protokolli addizzjonali tagħhom, għandhom ikunu fil-qalba tal-azzjonijiet umanitarji kollha; billi l-protezzjoni ta' persuni spostati jeħtieġ tkun garantita bla kundizzjoni, u billi l-indipendenza tal-għajnuna, jiġifieri l-għajnuna li tkun ħielsa minn kwalunkwe kunsiderazzjonijiet politiċi, ekonomiċi jew ta' sigurtà jew kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni, għandha tipprevala;

  billi l-partijiet kollha f'kunflitt, inklużi partijiet armati statali u mhux statali, jeħtieġu jiggarantixxu lill-atturi umanitarji l-aċċess neċessarju biex jgħinu l-popolazzjonijiet ċivili vulnerabbli u milquta minn kunflitti;

  Billi n-nisa u t-tfal mhux biss huma speċjalment vulnerabbli u esposti b'mod sproporzjonat għal riskju f'żoni ta' diżastru, kemm waqt u wara l-emerġenzi, huma jħabbtu wiċċhom ukoll ma' sfruttament, marġinalizzazzjoni, infezzjonijiet, u vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneru użati bħala armi; billi n-nisa u t-tfal jiffaċċjaw riskji akbar minħabba l-ispustjar u t-tneħħija tal-istrutturi normali ta' protezzjoni u appoġġ; billi d-dritt umanitarju internazzjonali jeħtieġ li l-kura medika kollha meħtieġa tiġi pprovduta mingħajr diskriminazzjoni lill-bniet u n-nisa stuprati fil-gwerra; billi l-abort mhux sikur huwa elenkat mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa bħala waħda minn tliet kawżi ewlenin ta' mwiet marbuta mal-maternità; billi s-saħħa materna, il-konsulenza psikoloġika għan-nisa vittmi ta' stupru, u l-edukazzjoni ta' tfal spostati huma sfidi kbar fil-kampijiet tar-refuġjati;

  billi l-appell umanitarju konsolidat għall-2015 laħaq livell rekord fl-istorja tan-NU li ammonta għal kważi EUR 19-il biljun; billi, minkejja kontribuzzjonijiet rekord minn donaturi, ġie ffinanzjat biss kwart mill-appell globali, u l-UE għamlet sforzi biex tiffinanzja l-appelli umanitarji globali u l-operazzjonijiet appoġġjati minn DĠ ECHO; billi dan isaħħaħ mill-ġdid il-ħtieġa għal finanzjament ikkoordinat globalment, fil-ħin, prevedibbli u flessibbli, imfassal apposta għal kuntesti differenti u sostnut minn sħubija pubblika-privata ġdida għal stat ta' tħejjija innovattiva u metodi ta' distribuzzjoni; billi l-UE tħabtet biex tiffinanzja l-appelli umanitarji globali u l-operazzjonijiet tal-ECHO; billi l-impenn imġedded għal mira ta' 0.7 % ta' għajnuna u t-twettiq f'waqtu tal-impenji huma aktar u aktar importanti f'dan il-kuntest;

  billi l-maġġoranza tal-kriżijiet umanitarji għandhom kawżi relatati mal-bniedem; billi 80 % tal-assistenza umanitarja internazzjonali tal-UE hija kkonċentrata fuq kriżijiet ikkawżati mill-bniedem li jeħtieġu soluzzjonijiet essenzjalment politiċi u mhux biss umanitarji; billi l-faqar u l-vulnerabbiltà għall-kriżijiet huma marbuta b'mod intrinsiku, u dan jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kawżi sottostanti tal-kriżijiet, li tinbena reżiljenza, tissaħħaħ il-kapaċità għall-adattament għal diżastri naturali u t-tibdil fil-klima, u li jintlaħqu l-ħtiġijiet fit-tul tal-persuni affettwati; billi l-konsegwenzi tal-kriżijiet umanitarji, bħall-isfidi tal-migrazzjoni u tar-refuġjati, se jkomplu jikbru sakemm ma jiġux indirizzati l-kawżi primarji u jkun hemm rabta aħjar bejn l-assistenza umanitarja u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

  billi l-għajnuna umanitarja u l-iżvilupp huma interkonnessi, speċjalment fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza għad-diżastri billi jitnaqqsu r-riskji u jkun hemm protezzjoni kontra x-xokkijiet, bħala mezz kruċjali biex jitnaqqsu l-ħtiġijiet umanitarji u għall-ġlieda kontra t-tfixkil għas-saħħa, l-iġjene, l-edukazzjoni, in-nutrizzjoni u saħansitra l-kenn bażiku;

  billi l-koordinazzjoni internazzjonali, lokali u reġjonali, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-programmar konġunt, il-ġbir tad-data u l-valutazzjonijiet tal-evalwazzjoni se jgħinu biex itejbu t-teħid tad-deċiżjonijiet, l-effiċjenza, l-effikaċja u r-responsabbiltà fit-twassil tal-għajnuna;

  billi hemm il-ħtieġa li jiġu żviluppati fiduċja akbar u aktar kooperazzjoni bejn l-atturi tas-settur privat, l-NGOs, l-awtoritajiet lokali, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-gvernijiet; billi r-riżorsi kummerċjali, l-ispeċjalizzazzjoni, il-ktajjen tal-provvista, il-kapaċitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp, u l-loġistika jistgħu jservu biex jiżguraw tħejjija aktar effikaċi u azzjoni umanitarja;

  billi l-finanzjament ta' EUR 909 miljun fl-2015, taħt il-kapitolu tal-għajnuna umanitarja tal-UE, jirrappreżenta inqas minn 1 % tal-baġit totali tal-UE; billi t-titjib tar-rabta bejn l-għajnuna u l-assistenza fit-tul huwa mod wieħed ta' kif titnaqqas id-diskrepanza attwali bejn il-ħtiġijiet umanitarji straordinarji u l-mezzi disponibbli;

  billi l-NGOs u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, bħas-Salib l-Aħmar u l-aġenziji tan-NU, bħalissa huma l-implimentaturi ewlenin tal-appoġġ umanitarju, billi jipprovdu assistenza ta' salvataġġ u protezzjoni lil madwar 120 miljun persuna kull sena;

  billi l-prevenzjoni, ir-rispons u l-kapaċitajiet domestiċi jiżvolgu rwol importanti sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet bl-aħjar mod, u biex inaqqsu l-ħtieġa għal assistenza internazzjonali; billi fl-2015, 2 % biss tat-total tal-assistenza umanitarja internazzjonali mar direttament għall-NGOs lokali u nazzjonali tal-Istati affettwati, minkejja li r-reattività tagħhom, l-għarfien tal-ħtiġijiet u l-kapaċità li jintlaħqu l-persuni affettwati hija ġeneralment aħjar minn dik ta' atturi oħra; billi hemm domanda dejjem akbar biex tiġi żgurata r-responsabbiltà għall-popli u l-komunitajiet affettwati mill-kriżi;

  billi l-għajnuna umanitarja teħtieġ tibqa' bbażata fuq il-ħtiġijiet kif ivvalutat minn atturi umanitarji, u billi d-donaturi għandhom jastjenu milli jużaw l-għajnuna bħala għodda ta' ġestjoni tal-kriżijiet;

  billi r-rispons umanitarju u l-għodod użati għandhom ikunu maħsuba għall-ħtiġijiet ivvalutati b'mod konġunt u għandhom jiddependu fuq kuntesti li jvarjaw; billi huwa essenzjali li jsiru l-isforzi kollha biex jiżguraw li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u, b'mod partikolari, għall-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa, it-tfal, l-anzjani, il-persuni b'diżabbiltà, il-minoranzi u l-popli indiġeni u gruppi vulnerabbli oħra jiġu integrati fi sforzi tar-rispons umanitarju;

  billi l-atturi globali huma mħeġġa jinkorporaw ir-rispons umanitarju fil-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem u fil-mekkaniżmi ta' rappurtar;

U.  billi l-ewwel Summit Umanitarju Dinji (WHS) li se jsir f'Istanbul fit-23 u l-24 ta' Mejju 2016 għandu jirriżulta fit-tiswir mill-ġdid tal-arkitettura umanitarja biex issir iżjed inklużiva, effikaċi, trasparenti u verament globali, sabiex forsi twieġeb għaż-żidiet antiċipati fil-bżonnijiet umanitarji marbuta mal-isfidi attwali u tal-ġejjieni, bħas-sigurtà alimentari, it-tkabbir tal-popolazzjoni, it-tibdil fil-klima, il-fraġilità, is-sikurezza tal-ħaddiema li jipprovdu l-għajnuna, l-ispostament furzat u l-iżvilupp soċjoekonomiku;

V.  billi d-WHS se jsegwi għadd ta' negozjati intergovernattivi, dwar it-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, il-finanzjament għall-iżvilupp, l-aġenda għall-iżvilupp sostenibbli wara l-2015 u t-tibdil fil-klima, li se jsawru l-iżvilupp u x-xenarji umanitarji għas-snin li ġejjin, u għalhekk jipprovdu opportunità unika, kritika u konkreta biex jiġu allinjati l-objettivi, il-prinċipji u l-azzjonijiet, u biex id-dinja tindirizza l-bżonnijiet, u tibni r-reżiljenza, tal-iżjed vulnerabbli b'mod iżjed koerenti;

W.  billi l-UE, bħala d-donatur ewlieni, għandha r-responsabbiltà u l-ingranaġġ neċessarju biex tieħu r-rwol ta' tmexxija fit-tfittxija għal modi aħjar u innovattivi biex jintlaħqu l-bżonnijiet ta' miljuni ta' persuni affettwati mill-kunflitti u d-diżastri, u jiġu provduti soluzzjonijiet vijabbli fit-tul għalihom;

  billi r-rati riċenti, li qed jiżdiedu, ta' malnutrizzjoni akuta globali u r-riperkussjonijiet reġjonali u internazzjonali tal-instabbiltà politika fil-pajjiżi kklassifikati f'Livell 3, fakkru mill-ġdid fil-bżonn li d-WHS jaċċellera t-trasformazzjoni fis-sistema umanitarja u jaqdi aħjar il-persuni fil-bżonn;

Minn konsultazzjonijiet globali għal azzjoni globali

1.  Jilqa' d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU li jsejjaħ l-ewwel Summit Umanitarju Dinji (WHS) għal diversi partijiet interessati u r-rieda tat-Turkija li tospitah; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jappoġġjaw id-WHS u jilħqu konklużjonijiet sodi tal-Kunsill, b'impenji speċifiċi u oqsma ta' prijorità għal azzjoni, filwaqt li jsegwu l-effiċjenza operazzjonali, l-istandards ta' kwalità komuni, koordinazzjoni aħjar u sħubiji mad-donaturi emerġenti, abbażi ta' għajnuna politikament imparzjali kif ukoll fuq fehim komuni u applikazzjoni tal-prinċipji umanitarji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza, u r-rispett għall-obbligi previsti mid-dritt umanitarju internazzjonali;

2.  Jilqa' l-inizjattiva tan-NU biex tiġbor intelligence minn madwar id-dinja kollha sabiex issib diżastri naturali u kunflitti u ssib soluzzjoni ħalli ssalva u tħares aktar nies mill-impatt ta' kriżijiet bħal dawn; jilqa' wkoll l-organizzazzjoni ta' tmien konsultazzjonijiet reġjonali li involviet ukoll laqgħat tematiċi u konsultazzjoni globali, b'rappreżentanti mill-gvern, mis-soċjetà ċivili, mill-NGOs, min-netwerks volontarji, negozji u netwerks reliġjużi, kif ukoll l-inizjattiva ta' konsultazzjonijiet onlajn u l-istabbiliment ta' Bord ta' Livell Għoli għall-Finanzjament Umanitarju, kopresedut mill-UE;

3.  Jenfasizza li l-isfidi umanitarji enormi tal-lum jeħtieġu sistema umanitarja aktar inklużiva, diversa u tassew globali, li għandha tissaħħaħ fil-livell tad-WHS, li, fl-istess ħin, tirrikonoxxi d-diversità fis-sistema ta' rispons umanitarju tal-lum u r-rwoli komplementari tal-atturi kollha; jistieden lill-UE tippromwovi "Kunsens Globali dwar l-Azzjoni Umanitarja" li jafferma mill-ġdid il-prinċipji tal-għajnuna umanitarja u l-obbligi u l-intitolamenti taħt id-dritt umanitarju internazzjonali (IHL), filwaqt li jiżgura r-rispons ta' protezzjoni ffukat fuq in-nies u bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, u jżomm il-gvernijiet responsabbli għar-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom fil-ħarsien tal-persuni; iqajjem kuxjenza dwar l-impatti negattivi tal-politiċizzazzjoni ta' assistenza umanitarja, u jfakkar li r-rispett għall-prinċipji umanitarji ċentrali, u l-impenn kontinwu għalihom, huwa kritiku biex jiġi żgurat l-ispazju umanitarju f'żoni ta' kunflitt u ta' diżastri naturali;

4.  Jenfasizza li, sabiex ikollu sinifikat, id-dokument ta' eżitu tad-WHS għandu jinkludi pjan direzzjonali ta' ħames snin għall-iżvilupp u t-tħaddim ta' impenji politiċi konkreti meħuda, inkluż ta' natura intergovernattiva, il-qafas ta' monitoraġġ u ta' responsabbiltà, valutazzjoni ta' prattiki tal-organizzazzjonijiet ta' għajnuna u valutazzjoni tal-impatt li tinkludi l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati rilevanti;

5.  Jistieden lid-WHS jorbot l-aġenda għall-iżvilupp għal wara l-2015, il-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri u l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 21) sabiex tittejjeb il-koerenza fost il-politiki u l-istituzzjonijiet biex tinbena r-reżiljenza għad-diżastri, u biex jintalab rwol iktar attiv tal-atturi tal-iżvilupp fil-bini tar-reżiljenza; jistieden lill-gvernijiet donaturi jiżviluppaw sett komuni ta' għanijiet, prijoritajiet u indikaturi, għall-politiki nazzjonali tagħhom, li jgħaqqdu dawn l-oqfsa;

6.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, bħala l-akbar donaturi u l-atturi operazzjonali ewlenin, biex imexxu b'eżempju attiv; jenfasizza li l-azzjonijiet umanitarji kollha tal-UE għandhom ikunu ggwidati mill-prinċipji ta' solidarjetà, responsabbiltà u kontabbilità, u għandhom ikunu mfassla biex jiżguraw li l-persuni vulnerabbli jiġu protetti, kemm fiżikament kif ukoll psikoloġikament; jitlob soluzzjoni globali, komprensiva u fit-tul għall-mases ta' persuni li qed jaħarbu minn reġjuni f'kunflitt; jirrimarka li, fir-rigward tar-rispons min-naħa tal-UE għall-kriżi attwali, ir-rwol u l-kredibbiltà tal-Ewropa fix-xena umanitarja globali jinsabu wkoll f'periklu;

7.  Jitlob lid-WHS jimpenja ruħu għal approċċ sistematiku, ibbażat fuq ir-riżultati u parteċipatorju billi jistabbilixxi indikaturi speċifiċi u metodoloġija ta' xogħol, li jiġu msaħħa u kondiviżi mid-donaturi u l-aġenziji ta' implimentazzjoni, sabiex il-persuni affettwati jieħdu sehem fiċ-ċiklu sħiħ tal-azzjoni umanitarja; jistieden lid-WHS jaħdem favur l-istituzzjonalizzazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni aħjar tal-qafas tan-NU dwar ir-Responsabbiltà tal-Popolazzjonijiet Affettwati;

8.  Jissottolinja li d-WHS huwa wkoll opportunità għall-partijiet interessati kollha biex jirriflettu dwar il-ħtieġa vitali għal riforma tan-NU lejn sistema ta' koordinazzjoni inklużiva, trasparenti u effikaċi, b'IASC aktar inklussiva u operattiva, b'involviment aħjar mas-sħab biex tissaħħaħ il-komplementarjetà u bl-operazzjonalizzazzjoni sħiħa tal-Aġenda Trasformattiva, u biex tissaħħaħ l-arkitettura umanitarja multilaterali għall-kriżijiet kollha billi tiġi stabbilita sistema affidabbli ta' valutazzjoni tal-ħtiġijiet li sservi bħala bażi għall-appelli konġunti (l-iżgurar ta' traċċar finanzjarju komprensiv), is-sistema ta' paragun tal-kostijiet bejn l-aġenziji u mekkaniżmu ta' monitoraġġ u evalwazzjoni;

9.  Jinsisti li mingħajr mezzi komprensivi u sostanzjali, tali azzjoni globali mhux se tkun ta' suċċess; jissottolinja li l-indirizzar ta' diżastri u vulnerabbiltajiet ġodda u kroniċi jeħtieġ li jiġu evitati sistemi paralleli, twessiegħ tal-bażi ta' finanzjament, investimenti prevedibbli fit-tul, u konformità mal-aġenda għall-iżvilupp sostenibbli ġdida, b'mod partikolari permezz tal-promozzjoni tal-valutazzjoni tar-riskju u tal-ħtiġijiet konġunta, l-ippjanar u l-iffinanzjar fost l-atturi fil-ħidma umanitarja, l-iżvilupp u t-tibdil fil-klima; jissottolinja li tinħtieġ żieda fil-komplementarjetà bejn l-għajnuna umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp sabiex jiġu indirizzati l-effikaċja u l-lakuni ta' finanzjament umanitarju, u għandha timxi id f'id ma' aktar għajnuna għall-iżvilupp u finanzjament umanitarju; ifakkar, f'dan il-kuntest, l-impenn internazzjonali fit-tul biex tintlaħaq il-mira ta' 0.7 % tal-ING;

10.  Iħeġġeġ lill-UE, bħala l-akbar donatur tal-għajnuna umanitarja fid-dinja, turi sens ta' tmexxija fid-WHS billi tappella għal metodi aktar flessibbli għall-għoti tal-għajnuna umanitarja, kif ukoll għal miżuri proattivi u koerenti u għodod effettivi għall-prevenzjoni tal-kriżijiet; iħeġġeġ lill-UE u lid-donaturi l-oħra jirrispettaw l-impenji finanzjarji tagħhom u jiżviluppaw modi għat-tnaqqis tal-ħin li jittieħed biex l-impenji finanzjarji jinbidlu f'azzjonijiet fuq il-post; jirrimarka, barra minn hekk, l-importanza tar-rapportar dwar id-drittijiet tal-bniedem bħala mekkaniżmu ta' twissija bikrija għal kriżijiet, u jinkoraġġixxi lid-WHS iqis dan il-fatt meta jagħżel li jadotta kultura ta' prevenzjoni minflok kultura ta' reazzjoni;

Naqdu l-bżonnijiet tal-persuni f'kunflitt

11.  Jistieden lill-UE tqiegħed il-protezzjoni fil-qalba tal-azzjoni umanitarja fi ħdan rispons ibbażat fuq il-ħtiġijiet billi toħloq sistema ta' konformità u billi tintegraha fil-programmar; jenfasizza l-bżonn għall-istituzzjonalizzazzjoni tar-rwol tal-uffiċjali tal-protezzjoni u għall-iżvilupp ta' approċċi strateġiċi u integrati b'fondi suffiċjenti għall-attivitajiet ta' protezzjoni anke fl-ewwel fażi tal-emerġenzi; iħeġġeġ lill-UE timpenja ruħha b'iżjed qawwa għal approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fl-azzjoni umanitarja biex tiżgura li d-dinjità, u l-ħtiġijiet u d-drittijiet, ta' gruppi vulnerabbli speċifiċi – speċjalment in-nisa, iż-żgħażagħ, il-migranti, il-persuni li għandhom l-HIV, il-persuni LGBTI u l-persuni b'diżabbiltà – jiġu rispettati;

12.  Jistieden lill-UE tippromwovi waqt id-WHS ftehim komprensiv dwar mezzi prattiċi biex jissaħħu r-rispett u l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt dwar ir-refuġjati, bħal permezz tat-tixrid tar-regoli tad-dritt umanitarju internazzjonali fost l-amministrazzjonijiet reġjonali u nazzjonali, il-forzi ta' sigurtà, l-awtoritajiet lokali u l-mexxejja tal-komunità, u biex tappoġġja r-rwol tal-Qorti Kriminali Internazzjonali ħalli ttemm l-impunità għall-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Konvenzjoni tar-Refuġjati u l-Konvenzjoni ta' Kampala jespandu biex jipproteġu u jassistu lill-persuni spostati madwar id-dinja, kif ukoll dawk affettwati mit-tibdil fil-klima, u anke biex ikunu protetti minn diversi forom ta' vjolenza, bħat-traffikar tal-bnedmin, il-vjolenza abbażi tas-sessi, u l-vjolenza urbana u ekonomika, peress li dawn jista' jkollhom biża' bir-raġun ta' persekuzzjoni jew jinsabu f'riskju li jġarrbu ħsara serja; jissottolinja li l-migranti jeħtieġu jiġu offruti l-istess livell ta' protezzjoni tad-drittijiet tagħhom kif garantit lill-gruppi l-oħra kollha fi żminijiet ta' kriżi; jappella li tingħata attenzjoni lil gruppi partikolarment vulnerabbli, bħall-migranti, il-persuni mingħajr stat u r-refuġjati, li sikwit huma injorati fid-dibattitu umanitarju; jappella għal ġenerazzjoni ġdida ta' għodod ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem biex jipproteġu dawn il-popolazzjonijiet;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa għal bidla fundamentali fl-appoġġ offrut lil refuġjati u lil pajjiżi u komunitajiet ospitanti; jappoġġja r-rapport ta' Sinteżi għall-Konsultazzjoni Globali li jistieden lid-WHS jeżamina "ftehim ta' akkoljenza tar-refuġjati" komprensiv li jirrikonoxxi l-kontribuzzjonijiet tal-pajjiżi ospitanti, jorganizza pakketti finanzjarji fit-tul, prevedibbli u sostenibbli biex jassistuhom, jagħmel lir-refuġjati indipendenti billi jagħtihom aċċess għall-opportunitajiet ta' għajxien, u joħloq arranġamenti aktar ekwi għar-risistemazzjoni tagħhom f'pajjiżi terzi;

15.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu favur interpretazzjoni globali kondiviża u l-operazzjonalizzazzjoni tal-prinċipji umanitarji bi tħejjija għad-WHS, u biex jiżviluppaw b'mod konġunt kodiċi ta' kondotta wiesgħa u parteċipattiva fost id-donaturi attwali u ġodda sabiex jiġu skambjati l-aħjar prattiki, jiffaċilitaw l-aċċess għal persuni fil-bżonn u jsaħħu l-impenji eżistenti għal prattiki tajbin ta' donaturi, bħal dawk li huma riflessi fil-prinċipji ta' Donaturi Tajbin Umanitarji (GHD);

16.  Jistieden lill-UE tappoġġja l-inklużjoni tat-trasparenza u r-responsabbiltà bħala prinċipji ta' gwida fid-dikjarazzjoni tad-WHS, billi tuża indikaturi speċifiċi u data diżaggregata (jiġifieri, rigward is-sess u l-età, b'varjanti speċifiċi għat-tfal) bħala l-bażi għat-tfassil u l-evalwazzjoni tal-programm, u billi tippromwovi inizjattiva internazzjonali standard fit-trasparenza tal-għajnuna umanitarja bil-għan li tiżgura qafas globali tar-responsabbiltà fil-qasam tar-riżultati biex jitkejjel il-progress;

17.  Jissottolinja l-ħtieġa li jingħataw in-nutrizzjoni, l-ilma, il-kenn, is-sanità u l-kura medika, bħala drittijiet fundamentali ta' kull bniedem; jinsab ferm imħasseb dwar ir-riskji tal-epidemiji assoċjati ma' kundizzjonijiet sanitarji ħżiena ħafna u l-aċċess limitat għall-ilma tajjeb għax-xorb, u dwar in-nuqqas ta' aċċess għall-mediċini essenzjali fi kriżijiet umanitarji; jistieden lill-UE tassumi rwol ta' tmexxija biex tiżgura l-forniment xieraq tal-mediċini essenzjali u tal-ilma tajjeb għax-xorb fil-kuntest ta' kriżijiet umanitarji;

18.  Jistieden lill-Unjoni u lill-atturi internazzjonali kollha sabiex itejbu, fil-kampijiet tar-refuġjati, tekniki li jipprovdi għajnuna umanitarja, b'mod partikolari billi jfornu l-laboratorji mobbli biex jiġġieldu kontra epidemiji ta' mard infettiv, itejbu l-metodi ta' tqassim ta' għajnuna ta' emerġenza – filwaqt li jqisu l-gruppi l-aktar vulnerabbli – u jtejbu l-iġjene u l-infrastruttura sanitarja ta' emerġenza;

19.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-protezzjoni tat-tfal tiġi inkluża bħala parti integrali mir-rispons umanitarju sabiex tipprevjeni u tirrispondi għall-abbuż, in-negliġenza, l-isfruttament u l-vjolenza kontra t-tfal; jenfasizza li peress li t-tfal huma l-ixpruni ewlenin tal-bidla, huwa importanti li jinħolqu spazji adatti għat-tfal bħala parti mir-rispons umanitarju;

20.  Jenfasizza r-rwol ċentrali li n-nisa jiżvolġu f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt u ta' wara l-kunflitt, minħabba li huma dawk li jagħtu l-ewwel rispons fi kriżijiet, u li jżommu l-familji u l-komunitajiet tagħhom flimkien; jistieden lid-donaturi u lill-gvernijiet jintegraw l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-programmar umanitarju u jappoġġjaw l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet;

21.  Iħeġġeġ li l-għoti ta' għajnuna umanitarja jsegwi d-dritt umanitarju internazzjonali, u li l-għajnuna umanitarja tal-UE ma tkunx soġġetta għal restrizzjonijiet imposti minn donaturi sħab oħra; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar, u jikkundanna, l-użu kontinwu ta' stupru u forom oħra ta' vjolenza sesswali u sessista kontra n-nisa u l-bniet bħala arma tal-gwerra f'emerġenzi umanitarji; jisħaq li din il-vjolenza, flimkien mal-konsegwenzi fiżiċi u psikoloġiċi tagħha, teħtieġ tiġi indirizzata; jappella għal impenn globali sabiex jiġi żgurat li n-nisa u l-bniet ikunu sikuri mill-bidu ta' kull emerġenza jew kriżi billi jiġi indirizzat ir-riskju tal-vjolenza sesswali u sessista, permezz ta' kampanja ta' sensibilizzazzjoni, billi tiġi żgurata l-prosekuzzjoni ta' min iwettaq tali vjolenza, u billi jiġi żgurat li n-nisa u l-bniet ikollhom aċċess għal firxa sħiħa ta' servizzi ta' saħħa sesswali u riproduttiva, inklużi aborti sikuri, fi kriżijiet umanitarji, minflok ma jinbeda trattament inuman, kif meħtieġ mid-dritt umanitarju internazzjonali u kif previst fil-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom;

22.  Iqis li l-persunal kollu involut fl-għoti ta' assistenza umanitarja, inklużi l-forzi tal-pulizija u militari, għandhom jirċievu taħriġ sensittiv għad-differenza bejn is-sessi, u li għandu jiġi stabbilit kodiċi ta' kondotta strett biex jitwaqqfu milli jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom u biex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn is-sessi;

23.  Jistieden lill-atturi umanitarji jinkorporaw strateġiji biex tiġi evitata u mitigata l-vjolenza sessista fl-interventi speċifiċi għas-setturi kollha tagħhom, filwaqt li tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni ta' strumenti ġodda ta' finanzjament tal-UE, u, għal dan l-għan, biex jieħdu kont tal-Linji Gwida riveduti għall-Integrazzjoni ta' Interventi ta' Vjolenza Sessista f'Azzjoni Umanitarja, imħejjija mir-Raggruppament ta' Protezzjoni Globali (Global Protection Cluster); iqis ukoll li atturi umanitarji (inkluża l-UE) għandhom jikkonsultaw lill-bniet u s-subien (speċjalment it-tfajliet) fl-istadji kollha tat-tħejjija u r-reazzjoni għad-diżastri;

24.  Jistieden lill-aġenziji umanitarji rispettivi biex isaħħu l-koordinazzjoni tagħhom sabiex jiġu identifikati u protetti l-vittmi, u l-vittmi potenzjali, minn sfruttament u abbuż sesswali;

25.  Jirrikonoxxi l-valur tal-approċċ komprensiv tal-UE fil-koordinazzjoni u l-koerenza tal-firxa wiesgħa ta' strumenti tal-politika esterna tagħha biex tinvesti f'soluzzjonijiet politiċi dejjiema; jiġbed l-attenzjoni għall-karatteristiċi speċifiċi tal-għajnuna umanitarja, u jisħaq li huwa perentorju li ssir differenza bejn ir-rispons umanitarju u l-kunsiderazzjonijiet barranin, politiċi, ta' sigurtà u ta' kontra t-terroriżmu permezz tal-adozzjoni ta' salvagwardji; jiddeplora kull użu ħażin tal-prinċipji għal azzjoni umanitarja, jew in-nuqqas ta' rispett lejhom, peress li tali użu ħażin ixxekkel b'mod sinifikanti l-għoti tal-għajnuna u s-sigurtà tal-persunal umanitarju; jinsisti li l-miżuri kontra t-terroriżmu la għandhom ixekklu u lanqas jostakolaw l-isforzi umanitarji, u jistieden lid-WHS biex jindirizza din il-kwistjoni b'mod xieraq;

Effikaċja umanitarja

26.  Jikkundanna t-tfixkil konsistenti ta' tentattivi ta' tqassim tal-għajnuna umanitarja u kwalunkwe azzjoni li tikser il-prinċipji li jgħassu kontra "in-nuqqas ta' assistenza lil persuni fil-periklu" u ta' "non-refoulement" applikabbli għal popolazzjonijiet spostati minn kwalunkwe attur, kemm jekk Stat Membru tal-UE kif ukoll jekk mhuwiex; jistieden lill-gvernijiet jerfgħu r-responsabbiltajiet primarji tagħhom biex jipproteġu u jassistu l-popolazzjoni ċivili, u biex jistabbilixxu oqfsa legali u ta' politika biex jiffaċilitaw l-aċċess umanitarju u t-twassil tal-għajnuna, f'konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali; jissuġġerixxi li dawn l-oqfsa jinkludu eżenzjonijiet umanitarji mit-taxxa, tnaqqis fl-ispejjeż tat-tranżazzjoni tal-flussi tar-rimessi u proċeduri doganali simplifikati; jistieden lid-donaturi, lill-gvernijiet ospitanti u lill-atturi implimentattivi jirrispettaw id-dispożizzjonijiet għall-għajnuna u l-assistenza umanitarja b'kull mezz possibbli, u biex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom ħalli jiżguraw li l-assistenza professjonali, fil-waqt, koordinata, xierqa u ta' kwalità tilħaq il-popolazzjonijiet kollha fil-bżonn, saħansitra f'żoni remoti;

27.  Jinsab ferm imħasseb, fil-kuntest ta' protezzjoni aħjar għal atturi umanitarji, dwar l-attakki rikorrenti kemm fuq il-ħaddiema umanitarji kif ukoll fuq l-infrastrutturi, inklużi l-isptarijiet; jenfasizza li tinħtieġ issir aktar ħidma biex titjieb is-sikurezza, il-protezzjoni u l-libertà ta' moviment tagħhom skont id-dritt internazzjonali; jappoġġja l-inklużjoni sistematika ta' klawżoli speċifiċi li jsaħħu r-responsabbiltà għall-protezzjoni tal-ħaddiema umanitarji fil-leġiżlazzjoni u pjanijiet ta' azzjoni ta' donaturi għall-pajjiżi kollha, kif ukoll monitoraġġ u rappurtar sistematiċi u sodi ta' attakki kontra ħaddiema kollha li jipprovdu l-għajnuna;

28.  Jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għal dashboard komprensiv għall-effikaċja;

29.  Jenfasizza l-ħtieġa għal djalogu kontinwu dwar ir-rwoli komplementari u l-mandati tal-atturi umanitarji differenti; iqis li jeħtieġ ikun hemm distinzjoni ċara bejn atturi umanitarji u militari ċivili; iqis li għandha tingħata prijorità lir-rispons umanitarju ċivili; jistieden lid-WHS jesplora oqfsa ġodda għal koordinament aħjar bejn l-atturi bħala element ewlieni għal rispons umanitarju aktar effiċjenti, effikaċi u xieraq; jisħaq fuq il-ħtieġa għal analiżi aħjar tal-kapaċitajiet operazzjonali lokali, u għal aktar valutazzjonijiet konġunti tal-ħtiġijiet u r-responsabbiltà tal-azzjoni umanitarja;

30.  Jappella għal sforzi serji biex jiżguraw, b'mod effettiv, id-dritt għall-edukazzjoni fi kriżijiet umanitarji li jieħdu fit-tul, permezz tal-għoti ta' riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa, peress li n-nuqqas ta' edukazzjoni jipperikola l-ġejjieni tat-tfal u l-iżvilupp ulterjuri ta' kwalunkwe soċjetà; jissottolinja l-importanza ta' edukazzjoni kontinwa fis-salvagwardja u l-promozzjoni ta' valuri komuni u universali, bħad-dinjità tal-bniedem, l-ugwaljanza, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

31.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni, minħabba l-għadd allarmanti ta' tfal li huma mċaħħda minn edukazzjoni, u l-potenzjal enormi tal-edukazzjoni biex tiżdied ir-reżiljenzatan-nies, li żżid il-finanzjament għall-edukazzjoni għal tfal f'emerġenzi umanitarji; jistieden lill-Kunsill japprova l-proposta tal-Kummissjoni biex tiddedika 4 % tal-baġit għall-għajnuna umanitarja tal-UE għal dan il-għan; iqis li din iż-żieda m'għandhiex tirriżulta f'inqas attenzjoni għall-ħtiġijiet primarji oħra;

32.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-edukazzjoni ta' tfal f'kampijiet tar-refuġjati, u jistieden lill-UE u lill-atturi internazzjonali kollha sabiex iżidu l-kapaċitajiet tagħhom biex jipprovdu edukazzjoni f'kampijiet tar-refuġjati;

33.  Jirrikonoxxi li l-prevedibbiltà, il-flessibbiltà operazzjonali u l-kontribuzzjonijiet pluriennali huma prerekwiżiti ewlenin għal twassil effiċjenti u effikaċi tal-għajnuna; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jagħtu nifs ġdid lill-prinċipji ta' Donazzjoni Umanitarja Tajba fid-dikjarazzjoni tad-WHS;

34.  Jenfasizza li hija meħtieġa azzjoni globali biex jiġi indirizzat id-distakk fil-finanzjament; jitlob l-istabbiliment ta' fond globali għall-għajnuna umanitarja li jappoġġja l-parteċipazzjoni u l-inklużjoni tad-donaturi li mhumiex parti mill-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp u li jġib flimkien il-mekkaniżmi finanzjarji internazzjonali eżistenti kollha, ir-riżorsi nazzjonali u l-fondi komuni (fondi tan-NU għar-rispons għal emerġenza, fondi CERF, fondi fiduċjarji, eċċ.), u li jkun ikkomplimentat minn ħlasijiet finanzjarji volontarji u obbligatorji mill-gvernijiet, is-settur privat u l-organizzazzjonijiet reġjonali; jissuġġerixxi li l-ħlasijiet obbligatorji jistgħu jintużaw biex jimlew id-distakki fil-wegħdiet umanitarji għal emerġenzi tal-Livell 3, jappoġġjaw it-tħejjija, jipprovdu pakkett ta' reżiljenza għall-protezzjoni soċjali għal dawk li ilhom żmien twil refuġjati jew jaffaċċjaw emerġenzi mhux mistennija, bħall-Ebola, fost oħrajn;

35.  Jenfasizza li jeħtieġ li l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ u jfasslu mill-ġdid l-objettivi rispettivi ta' self issusidjat tagħhom, prinċipalment billi jagħtu definizzjoni mill-ġdid tal-kriterji ta' eliġibbiltà tal-fond konċessjonali tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jippermettu rispons istituzzjonali aktar flessibbli għal sitwazzjonijiet fraġli u jirriflettu aktar mill-qrib fuq il-kapaċitajiet nazzjonali għaż-żieda tar-riżorsi domestiċi;

36.  Iħeġġeġ lill-gvernijiet, id-donaturi u l-ambjenti abilitanti tagħhom jissimplifikaw ir-rekwiżiti amministrattivi għas-sħab implimentattivi billi jissimplifikaw il-proċeduri, u l-immappjar tal-aħjar prattiki amministrattivi kuntrattwali u ta' rappurtar filwaqt li tkun żgurata r-responsabbiltà, u jappoġġjaw inizjattivi li huma mfassla biex jipprovdu għajnuna kontinwa fit-tisħiħ tal-kapaċità u l-monitoraġġ ta' atturi lokali, u jsaħħu strutturi nazzjonali ta' koordinazzjoni;

37.  Jenfasizza li biex tinżamm u tiġi garantita b'mod aħjar il-ħajja u d-dinjità tal-popolazzjonijiet affettwati, l-NGOs lokali jeħtieġ ikollhom aċċess għal finanzjament dirett; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lid-donaturi jżidu b'mod sostanzjali l-finanzjament dirett għall-atturi umanitarji lokali li għandhom il-kapaċità, il-kompetenza u l-kapaċitajiet li jaġixxu fil-qasam filwaqt li jiżguraw ir-responsabbiltà;

38.  Jistieden lid-WHS jistabbilixxi patt ġdid għal impenn ma' stati fraġli u kriżijiet li jieħdu fit-tul ma' programmi sostenibbli, pjanijiet ta' implimentazzjoni u finanzjament prevedibbli għall-iżvilupp; jissottolinja li l-Aġenda ta' Azzjoni Addis Ababa tenfasizza l-ħtieġa għal investimenti f'sistemi ta' protezzjoni soċjali, u f'sistemi ta' sikurezza, bil-għan li r-rispons f'kuntesti fraġli jista' jiżdied aktar malajr u b'mod aktar effikaċi;

Innaqqsu l-vulnerabbiltà u nimmaniġġjaw ir-riskju

39.  Jenfasizza l-bżonn ta' adattament tas-sistema ta' rispons umanitarju għar-rekwiżiti lokali, nazzjonali u reġjonali, u biex il-popolazzjonijiet affettwati jingħataw is-setgħa u jiġu impenjati b'mod regolari, inklużi n-nisa ta' kull età, it-tfal, il-persuni b'diżabbiltà, il-minoranzi u l-popli indiġeni, li jirrikonoxxu r-rwol tagħhom bħala aġenti tal-bidla billi jiġu żgurati, kull meta possibbli, ir-reazzjoni u l-konsultazzjoni minn qabel ma' dawn il-popolazzjonijiet fil-programmar u l-implimentazzjoni tal-azzjoni umanitarja;

40.  Jissottolinja li rispons internazzjonali għandu jibni fuq inizjattivi eżistenti nazzjonali jew lokali u sħubiji aktar milli jinħolqu sforzi paralleli; jinsisti fuq l-importanza tat-tisħiħ tal-kapaċità lokali u reġjonali fl-għoti tal-għajnuna umanitarja u, jekk possibbli, li jiġu previsti proċessi inklużivi fejn l-awtoritajiet lokali, is-soċjetà ċivili, is-settur privat u l-popolazzjonijiet affettwati huma inklużi fil-proċess ta' ppjanar;

41.  Jenfasizza l-ħtieġa għal mudell globali ġdid għal komplementarjetà li fuqha tibbaża l-kooperazzjoni bejn l-atturi umanitarji u ta' żvilupp – mudell li jippermettilhom jibnu soċjetajiet aktar reżiljenti u awtonomi – li jibda b'analiżi konġunta u programmar; jenfasizza li tali mudell għandu jinkludi, l-ewwel nett, strateġiji tad-dħul għal atturi tal-iżvilupp li jippermettulhom jibnu rabtiet fil-qasam, it-tieni nett, modifikaturi tal-kriżi fi programmi tal-iżvilupp, u, it-tielet nett, strateġiji ta' ħruġ għal rispons umanitarju, li jippermettu approċċ aktar flessibbli, u għandhom jinkludu wkoll mekkaniżmu pluriennali, affidabbli u flessibbli ta' finanzjament biex jirrispondi għal kriżijiet li jieħdu fit-tul; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni mal-NGOs lokali u l-mexxejja tas-soċjetà ċivili biex jiġu stabbiliti strutturi permanenti f'żoni sensittivi għall-kunflitti;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta inizjattiva li torbot l-għajnuna umanitarja, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u r-reżiljenza b'mod aktar sistematiku, sabiex l-UE tkun tista' tkun aktar flessibbli u effettiva biex twieġeb għall-ħtiġijiet li dejjem qed jikbru, u biex tippromwovi riflessjoni għal rabta aħjar għad-WHS; jistieden lill-UE tieħu vantaġġ, fir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali, biex issaħħaħ aktar ir-rabtiet bejn l-azzjoni umanitarja u dik tal-iżvilupp;

43.  Jenfasizza l-importanza ta' tnaqqis tar-riskju ta' diżastri għal reżiljenza f'erba' oqsma ta' prijorità: 1) il-fehim tar-riskji ta' diżastri; 2) it-tisħiħ tal-governanza tar-riskju għall-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri; 3) l-investiment fit-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri għar-reżiljenza, il-pjanijiet ta' kontinġenza u s-sistemi ta' twissija bikrija; u 4) it-tisħiħ tat-tħejjija għad-diżastri għal rispons effettiv u għall-"bini mill-ġdid aħjar" fil-fażi tal-irkupru, ir-riabilitazzjoni u r-rikostruzzjoni;

44.  Jistieden lill-Istati Membri u lid-donaturi l-oħra jsaħħu u jiżviluppaw oqfsa legali nazzjonali għal azzjoni umanitarja, u t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri u l-ġestjoni abbażi tal-liġijiet, regoli u prinċipji internazzjonali ta' rispons għal diżastri; jissottolinja li t-tħejjija għad-diżastri, it-tnaqqis tar-riskju u r-reżiljenza għandhom jiġu sistematikament integrati fil-pjanijiet ta' rispons li għandhom jingħataw mill-amministrazzjonijiet lokali, reġjonali u nazzjonali, l-industrija u s-soċjetà ċivili, u fl-istess ħin, għandhom jiġu appoġġjati b'finanzjament suffiċjenti għat-tbassir u l-immudellar tal-ġestjoni tar-riskju u aktar innovazzjoni fir-rigward ta' dawn tal-aħħar;

45.  Jistieden lid-WHS jagħmel enfasi qawwija fuq il-kwistjoni tat-tibdil fil-klima u l-azzjoni umanitarja; jemmen li dan għandu jinkludi l-ippjanar u l-bini ta' reżiljenza għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima, inkluż l-ispostament minħabba l-klima u l-migrazzjoni, fit-tfassil tal-politiki rilevanti kollha fil-livell reġjonali u globali; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex ikomplu jieħdu deċiżjonijiet politiċi kuraġġużi ħalli jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima;

Trasformazzjoni permezz tal-innovazzjoni

46.  Jisħaq li l-innovazzjoni għandha tislet minn sorsi multipli u, b'mod partikolari, mill-għarfien tal-persuni affettwati, is-soċjetà ċivili u l-komunitajiet lokali fuq quddiem nett tar-rispons; jenfasizza l-importanza ta' standards umanitarji minimi biex tingħata spinta lis-servizzi pubbliċi essenzjali bħall-edukazzjoni, in-nutrizzjoni, is-saħħa, il-kenn, l-ilma u s-sanità matul ir-risponsi umanitarji; jemmen li sħubiji pubbliċi-privati u dawk transsettorjali – meta kemm is-settur pubbliku u dak privat jikkondividu l-valuri u l-prijoritajiet li jallinjaw l-għanijiet tan-negozju mal-objettivi tal-iżvilupp tal-UE, u josservaw standards internazzjonali dwar l-effikaċja tal-iżvilupp – jistgħu jkunu mezz biex jikkomplementaw ir-rispons pubbliku għal ħtiġijiet umanitarji li dejjem qed jiżdiedu; jirrimarka li l-assistenza bbażata fuq flus kontanti, meta allinjata kif xieraq mal-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna, hija eżempju effiċjenti ta' innovazzjoni fl-assistenza umanitarja;

47.  Jilqa' l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar prinċipji komuni assistenza b'diversi għanijiet ibbażata fuq flus kontanti b'reazzjoni għall-ħtiġijiet umanitarji; jirrikonoxxi li filwaqt li proporzjon żgħir biss ta' assistenza umanitarja attwalment jinsab fi flus kontanti, l-użu ta' assistenza bbażata fuq flus kontanti għandu potenzjal sinifikanti bħala modalità innovattiva, dinjituża, sikura, sensittiva għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi, flessibbli u kosteffiċjenti biex tkopri l-ħtiġijiet bażiċi ta' emerġenza ta' dawk l-aktar vulnerabbli; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu l-prinċipji komuni u l-użu tal-assistenza mingħajr kundizzjonijiet fi flus kontanti u bbażati fuq il-kuntest u l-analiżi tar-rispons, filwaqt li jappoġġjaw mekkaniżmu ta' monitoraġġ, fit-tħejjija għad-WHS;

48.  Jistieden lill-UE tippromwovi u tappoġġja alleanza globali dwar l-innovazzjoni umanitarja għall-iżvilupp ta' approċċi etiċi kondiviżi globalment, f'konformità mal-prinċipji umanitarji u l-prinċipji tan-NU għall-innovazzjoni u t-teknoloġija fl-iżvilupp biex jiggarantixxu li l-investiment kollu fl-innovazzjoni umanitarja jiġi mfassal biex ittejjeb ir-riżultati għal popolazzjonijiet affettwati; jappella għall-istabbiliment ta' fondi umanitarji ta' innovazzjoni fil-livell reġjonali u nazzjonali;

49.  Jirrikonoxxi li l-innovazzjoni tista' tiżvolġi rwol ewlieni fit-tweġiba għal sfidi ġodda, kif ukoll fit-titjib tal-programmi eżistenti, billi tintegra żviluppi ġodda f'setturi oħra sabiex jitfasslu, jiżdiedu u jiġu żviluppati mudelli li jippermettu li jsir progress sinifikanti biex jingħelbu l-isfidi umanitarji;

50.  Jenfasizza r-rwol ta' teknoloġiji ġodda u għodod diġitali innovattivi fl-organizzazzjoni u l-għoti ta' għajnuna umanitarja, speċjalment fir-rigward tat-twassil u t-tiftix tal-għajnuna, is-sorveljanza tad-diżastri, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, il-koordinazzjoni bejn id-donaturi u l-faċilitazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-aġenziji tal-għajnuna u l-gvernijiet lokali, b'mod partikolari f'żoni mbiegħda u ta' diżastru; jenfasizza li l-Afrika, u speċjalment l-Afrika sub-Saħarjana, bħalissa għaddejja minn rivoluzzjoni diġitali mobbli b'żieda qawwija f'abbonamenti tat-telefonija ċellulari (u l-użu tal-internet mobbli), li trendi tali għodod u servizzi kruċjali għat-twaqqif ta' sistemi ta' twissija bikrija u għall-għoti ta' informazzjoni rapida dwar kwistjonijiet relatati mas-saħħa, żoni ta' periklu u kuntatti għall-għajnuna;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji umanitarji u l-istandards etiċi, l-involviment tan-negozji, speċjalment l-SMEs, billi jiżviluppaw gwida tan-negozju għal azzjoni u jippromwovu pjattaformi ta' sħubijiet lokali u reġjonali għal impenn strutturat, koordinat u sostenibbli tal-kumpaniji f'emerġenzi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jintegraw negozji fil-pjanijiet rispettivi tagħhom ta' rispons għal emerġenza nazzjonali u l-mekkaniżmi ta' responsabbiltà b'mod aħjar;

52.  Jistieden lill-UE tesplora u tinkoraġġixxi sħubiji ma' negozji ġodda, u ma' kumpaniji tal-assigurazzjoni u tat-teknoloġija, fost oħrajn, bil-ħsieb li jiġu żviluppati għodod għat-tħejjija u l-iskjerament f'emerġenzi; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi appoġġjat u żviluppat aktar l-immappjar globali mill-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) ta' assi u kapaċitajiet disponibbli fis-settur privat sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni teknika għall-isforzi tar-rispons għal diżastri;

53.  Jistieden lill-UE u lis-sħab umanitarji tagħha, fil-kuntest tad-WHS, jappoġġjaw involviment aħjar taż-żgħażagħ fit-tħejjija umanitarja u fil-proċessi ta' rkupru, u biex jippromwovu skemi ta' volontarjat;

54.  Jenfasizza r-rwol importanti li l-iskema tal-UE għall-Voluntiera tal-Għajnuna tista' tiżvolġi fil-prattika tad-deċiżjonijiet meħuda waqt id-WHS futur u fil-kuntest ta' Kunsens Ewropew rivedut dwar l-Għajnuna Umanitarja; jisħaq li l-esperjenza tal-voluntiera, flimkien ma' dik tal-attivisti umanitarji oħra, tista' tiżvolġi rwol kruċjali fit-twaqqif tal-aħjar prattiki u għodod ta' implimentazzjoni;

55.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu, fid-WHO, ir-rwol importanti tal-promozzjoni umanitarja peress li din tista' tkun mod effikaċi biex jissaħħu l-protezzjoni u l-innovazzjoni;

56.  Jenfasizza li l-impenji meħuda f'Istanbul jeħtieġu jiġu implimentati fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; jistieden, għalhekk, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jfasslu, flimkien ma' atturi umanitarji oħra, aġenda għall-operazzjonalizzazzjoni tar-riżultati tas-Summit wara Istanbul; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat finanzjament prevedibbli u fil-waqt għall-għajnuna umanitarja permezz tal-baġit tal-UE billi jiġi żgurat li l-approprjazzjonijiet ta' impenn umanitarju tal-UE jiġu sistematikament kompletament iffinanzjati permezz ta' ammont ugwali ta' approprjazzjonijiet ta' pagament;

57.  Jappella għal pjan ta' azzjoni koerenti u solidu ġdid għall-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja li tiggarantixxi rispons umanitarju Ewropew imparzjali u effettiv, adattat għall-kuntest lokali filwaqt li tkun speċifika għall-età u s-sess u taġixxi mingħajr diskriminazzjoni u skont il-ħtiġiet;

58.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

Id-dinja qed tiġi ffaċċjata minn kriżijiet umanitarji, bla preċedent kemm fin-numru tagħhom kif ukoll fl-iskala u fil-persistenza. Flimkien mal-kunflitti kontinwi, fit-tul, ikkawżati mill-bniedem u d-diżastri naturali rikorrenti, l-emerġenzi tal-"Livell 3" (L3s) fis-Sirja, l-Iraq, il-Jemen, is-Sudan t'Isfel u r-Repubblika Ċentru-Afrikana, u t-tifqigħa tal-Ebola fl-Afrika tal-Punent, ikkawżaw żieda qawwija fin-numru ta' persuni fil-bżonn ta' għajnuna umanitarja.

Wara x-xejra 'l fuq fl-ispostament furzat, illum hemm iżjed refuġjati u persuni spostati internament milli kien hemm wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Konsegwenza waħda kienet it-tkabbir drammatiku fil-persuni li qed ifittxu refuġju billi jitilqu fuq vjaġġi bil-baħar ta' theddida għall-ħajja.

Il-bżonnijiet kroniċi li jirriżultaw minn dawn il-kunflitti u d-diżastri qed iġebbdu s-sistema ta' rispons umanitarju sal-limiti tagħha. F'kuntest fejn id-distakk bejn il-bżonnijiet umanitarji u l-mezzi operazzjonali u finanzjarji disponibbli biex jissodisfawhom jinsab f'riskju li jkompli jikber, is-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-Moon, sejjaħ l-ewwel Summit Umanitarju Dinji (WHS) li qatt sar.

Id-WHS, li se jsir f'Istanbul f'Mejju 2016, se jfittex jagħti sura ġdida u jadatta s-sistema umanitarja għal xenarju ta' emerġenzi li qed jevolvi b'mod rapidu, li jagħmel l-azzjoni umanitarja iżjed effiċjenti, effikaċi u "adattata għall-ġejjieni". Hemm sejħa ċara biex il-komunitajiet umanitarji u għall-iżvilupp jersqu aktar qrib ta' xulxin u biex l-enfasi jimxi mir-rispons għall-prevenzjoni u l-antiċipazzjoni.

L-arkitettura umanitarja kkontestata

L-aħħar diskussjonijiet globali dwar il-qafas għal azzjoni umanitarja saru kważi ħamsa u għoxrin sena ilu. Minn dak iż-żmien, l-ambjent umanitarju nbidel b'mod sinifikanti, notevolment b'żieda kostanti fin-numru, id-daqs u l-perseveranza ta' emerġenzi umanitarji, li rriżultaw kemm minn kunflitti kkawżati mill-bniedem kif ukoll minn diżastri naturali, u ggravaw minn xejriet globali bħat-tibdil fil-klima.

Filwaqt li l-finanzjament żdied, il-bżonnijiet kibru ferm aktar malajr, u kkawżaw twessigħ fid-distakk. Barra minn hekk, is-sehem ewlieni tal-għajnuna qed jintuża biex jindirizza l-konsegwenzi ta' numru żgħir ta' kunflitti fit-tul, notevolment l-"L3s", filwaqt li l-indirizzar tal-kawżi sottostanti tal-kriżijiet u l-kunflitt jista' jkun ta' suċċess biss permezz ta' involviment politiku fit-tul u prevenzjoni. Flimkien mal-bżonn li jiġi indirizzat in-nuqqas li qed jikber, hemm domanda li qed tikber għar-responsabbiltà.

Barra minn hekk, ir-rispons umanitarju llum huwa ffaċċjat minn erożjoni kostanti tar-rispett għal-liġi internazzjonali umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem. Iċ-ċittadini, inkluż il-ħaddiema li jipprovdu l-għajnuna ‒ li spiss imorru fejn ftit oħrajn jissugraw imorru ‒ qed ikunu dejjem iżjed fil-mira tal-kunflitti, u dan iwassal għal żieda fil-korrimenti u fl-ispostamenti.

Ir-riskji ta' sikurezza jistgħu jiżdiedu permezz tal-perċezzjoni li l-għajnuna umanitarja qed tintuża għal raġunijiet politiċi jew ekonomiċi. Iż-żieda fin-nuqqas ta' sigurtà tnaqqas l-ispazju umanitarju li spiss huwa diġà limitat, u b'hekk timpedixxi kemm l-aċċess umanitarju għall-persunal kif ukoll għall-benefiċjarji, li huwa kruċjali biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet fuq il-post. Hemm ukoll involviment usa' tal-atturi, inkluż il-militar, fil-provvista tal-għajnuna umanitarja.

Filwaqt li l-isforzi ulterjuri mmexxija minn NU, notevolment permezz tal-Kumitat Permanenti Interaġenziji (IASC) u l-Aġenda Trasformattiva, kellhom l-għan li jindirizzaw xi distakki fis-sistema ta' rispons multilaterali, il-kwistjonijiet ċentrali ta' koordinazzjoni, il-finanzjament umanitarju u s-sħubija jeħtieġu jiġu indirizzati. Ir-riflessjoni dwar l-adattament tal-arkitettura umanitarja għar-realtajiet ġodda hija aktar milli f'waqtha.

Kif tista' tikkontribwixxi l-UE?

Bħala d-donatur ewlieni u l-attur globali ewlieni fl-azzjoni umanitarja, l-UE għandha kemm ir-responsabbiltà kif ukoll l-ingranaġġ neċessarju biex tieħu r-rwol ta' tmexxija fit-tfittxija għal modi iżjed effiċjenti u effikaċi biex tissodisfa l-bżonnijiet ta' dawk affettwati mill-kunflitti u d-diżastri. L-UE kienet minn tal-ewwel li adottat prattiki tajba u approċċi innovattivi għall-għajnuna umanitarja u għandha tikkondividi b'mod attiv l-għarfien tagħha. Bħala organizzazzjoni reġjonali unika, l-UE għandha valur miżjud li tista' turi, għalkemm jeħtieġ li tħares ukoll lejn l-istrutturi tagħha stess.

L-UE ilha taħseb dwar kif għandha tindirizza l-isfidi sistemiċi tal-arkitettura attwali tal-għajnuna. Ħareġ għarfien ċar tal-bżonn li timxi minn kultura ta' reazzjoni għal dik ta' antiċipazzjoni; għandu jsir aktar biex jiġu evitati l-kriżijiet, anke milli jerġgħu jseħħu, u huwa meħtieġ iżjed enfasi fuq kwistjonijiet bħall-adattament u l-bini tar-reżiljenza, notevolment billi tiġi eliminata d-differenza bejn l-azzjoni umanitarja u l-iżvilupp iżjed fit-tul.

Għalkemm il-qafas ta' implimentazzjoni tagħha jeħtieġ li jiġġedded, l-UE għandha tiddependi fuq il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja ‒ bħala l-approċċ komuni u bbażat fuq il-prinċipji tal-Ewropa ‒ biex jiggwida l-kontribut tagħha għall-proċess tad-WHS u anke tużah bħala mudell reġjonali li għandu jiġi promoss. L-UE tista' tipprevedi l-isponsorizzazzjoni ta' "Kunsens Globali dwar Azzjoni Umanitarja", li jirrikonoxxi d-diversità tas-sistema ta' rispons umanitarju tal-lum u jieħu vantaġġ mir-rwoli komplementari kollha.

Naqdu l-bżonnijiet tal-persuni f'kunflitt

Bi tħejjija għas-Summit, il-konsultazzjonijiet wiesgħa mal-partijiet interessati rriflettew fuq l-isfidi ewlenin u s-soluzzjonijiet innovattivi f'erba' oqsma tematiċi interkonnessi: l-effikaċja umanitarja, it-tnaqqis tal-vulnerabbiltà u l-immaniġġjar tar-riskju, it-trasformazzjoni permezz tal-innovazzjoni u l-qadi tal-bżonnijiet tal-persuni f'kunflitt – fejn din tal-aħħar irriżultat bħala prijorità prevalenti.

Flimkien ma' impenn qawwi u mġedded għall-elementi bażiċi, u notevolment l-affermazzjoni mill-ġdid u t-tisħiħ tal-valur komuni tal-prinċipji umanitarji u tal-qafas legali internazzjonali għal azzjoni umanitarja, inkluża l-ġlieda kontra l-impunità, il-protezzjoni għandha titqiegħed fil-qalba tal-azzjoni umanitarja.

L-imparzjalità attwali u perċeputa, in-newtralità u l-indipendenza huma essenzjali għall-aċċettazzjoni tal-atturi umanitarji u l-kapaċità li joperaw f'kuntesti politiċi u ta' sigurtà li spiss huma kumplessi. Għall-UE, l-approċċ ibbażat fuq il-prinċipji għandu jirriżulta f'reżistenza għall-istrumentalizzazzjoni tal-għajnuna ‒ f'konformità mal-formola "in-but-out" tagħha.

Effikaċja umanitarja

Sabiex tkun kemm effikaċi kif ukoll effiċjenti, l-għajnuna umanitarja għandha tilħaq il-popolazzjonijiet affettwati u b'mod partikolari l-gruppi l-iżjed vulnerabbli. Fit-tħejjija għad-WHS, l-UE għandha tippromwovi l-adozzjoni ta' azzjonijiet li jiżguraw li l-komunitajiet affettwati, b'mod partikolari n-nisa, it-tfal u dawk l-iżjed vulnerabbli, inkluż dawk li diffiċli biex jintlaħqu, ikollhom aċċess għall-għajnuna xierqa, u li jkunu involuti fil-proċessi rilevanti tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Flimkien mal-promozzjoni ta' approċċ sensittiv għall-ġeneru għar-rispons umanitarju, l-UE għandha tenfasizza l-bżonnijiet speċifiċi tal-protezzjoni tat-tfal, u notevolment iċ-ċentralità tal-edukazzjoni fl-emerġenzi. Ir-responsabbiltà tal-atturi umanitarji, l-ewwel lejn il-popolazzjonijiet affettwati iżda anke lejn iċ-ċittadini f'pajjiżi donaturi, għandha tiġi enfasizzata bħala aspett ewlieni tat-twassil tal-għajnuna.

Ir-rekwiżit għal approċċi kemm ibbażati fuq il-bżonnijiet kif ukoll fuq il-kuntest ħareġ b'mod ċar mill-konsultazzjonijiet tad-WHS. Permezz tal-għajnuna multidimensjonali tagħha, billi tikkombina l-għajnuna ta' emerġenza ma' politiki iżjed fit-tul biex tinbena r-reżiljenza u jiġu indirizzati l-kawżi primarji, l-UE għandha b'mod ċar vantaġġ komparattiv biex twieġeb għal tipi differenti ta' kriżijiet ‒ kompetenza li għandha tikkondividi mas-sħab fil-livell reġjonali u lil hinn biex jiġi ffaċilitat l-aċċess umanitarju u t-twassil tal-għajnuna.

Il-bżonn li jiġu adottati standards komuni kien element ċentrali fid-diskussjoni dwar l-effikaċja tal-għajnuna. Bil-Kunsens tagħha, l-UE saret promotur ta' prattiki tajba, u inkludiet inizjattivi li għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-valutazzjoni tal-bżonnijiet u t-twassil tal-għajnuna, bħad-Donazzjoni Umanitarja Tajba. L-UE għandha tiddependi fuq l-għarfien tagħha biex tkompli taħdem mas-sħab lejn qafas komuni u effikaċi għar-rispons umanitarju.

Finanzjament

Il-puntwalità, il-prevedibbiltà u l-flessibbiltà jibqgħu prerekwiżiti ċentrali ta' finanzjament umanitarju effikaċi. Minħabba n-natura tal-emerġenzi, it-talbiet għall-finanzjament fis-snin riċenti qabżu ferm l-allokazzjonijiet baġitarji tal-UE, u dan ikkomplika l-interventi urġenti u wassal għal għadd ta' ħlasijiet b'lura, b'effetti negattivi fuq is-sħab implimentattivi.

Il-Parlament enfasizza l-importanza li jinżammu approprjazzjonijiet ugwali ta' pagament u ta' impenji fil-kapitolu dwar l-għajnuna umanitarja u r-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza. Filwaqt li r-restrizzjonijiet baġitarji se jillimitaw il-possibbiltajiet li tiżdied l-għajnuna globali, id-diskrepanza attwali bejn il-bżonnijiet umanitarji straordinarji u l-mezzi disponibbli ħaqqha riflessjoni dwar il-bilanċ bejn l-għajnuna u l-għajnuna iżjed fit-tul.

Flimkien ma' modalitajiet ta' finanzjament ġodda u innovattivi, inklużi kontribuzzjonijiet ivvalutati, l-azzjoni globali biex jiġi indirizzat id-distakk fil-finanzjament għandha tkompli tinkludi l-bini ta' sħubiji ma' donaturi "mhux tradizzjonali" emerġenti, u għandha tespandi iżjed l-opportunitajiet mas-settur privat u tirrevedi r-relazzjoni bejn il-finanzjament umanitarju u għall-iżvilupp.

Innaqqsu l-vulnerabbiltà u nimmaniġġjaw ir-riskju

Huwa importanti ferm li jiġi żgurat li jittieħdu tagħlimiet minn kriżijiet preċedenti sabiex is-sistema umanitarja tinvolvi ruħha b'mod differenti, b'mod speċjali mas-sħab lokali, fl-immaniġġjar aħjar tar-riskju u t-tnaqqis tal-vulnerabbiltà. Il-bini tar-reżiljenza sar l-objettiv ewlieni tal-UE f'pajjiżi suxxettibbli għall-kriżijiet. L-UE toffri qafas għal żieda fil-konverġenza bejn l-għajnuna umanitarja u l-politika tal-iżvilupp, inkluża aktar flessibbiltà fit-tranżizzjoni tal-finanzjament u l-istrateġiji tal-ħruġ.

Aktar investiment fl-integrazzjoni u l-lokalizzazzjoni tat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri u l-immaniġġjar u l-bini tal-istat tat-tħejjija għandu jkun appoġġjat bil-qawwa mill-UE. Barra minn hekk, l-UE għandha tippromwovi l-approċċi tagħha dwar ir-reżiljenza u r-rabta bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp (LRRD) bħala mod biex iżżid il-konverġenza u l-effikaċja tal-għajnuna f'kuntest ta' ġenerazzjoni ġdida ta' kriżijiet kumplessi ‒ anke sabiex tiġi massimizzata l-koerenza bejn id-diversi proċessi wara l-2015 dwar ir-riskju ta' diżastri, l-iżvilupp u t-tibdil fil-klima.

Trasformazzjoni permezz tal-innovazzjoni

Il-proċess tad-WHS għandu jitqies bħala parti minn sforz kontinwu biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet fis-sistema umanitarja globali. Madankollu, l-istabbiliment ta' kultura ta' innovazzjoni fl-għajnuna umanitarja jista' jkun ta' sfida għaliex, sa ċertu punt, l-innovazzjoni hija possibbli biss b'ċertu tolleranza għal proġetti ta' riskju għoli u ta' impatt għoli. Mod wieħed ta' kif tiġi indirizzata l-averżjoni għar-riskju ta' spiss leġittima tad-donaturi, u atturi oħra inklużi l-NGOs, jista' jkun l-iżvilupp ta' standards etiċi.

Konklużjonijiet

Il-bżonnijiet f'livell rekord u r-riżorsi limitati wasslu biex is-sistema ta' rispons umanitarju globali tilħaq il-limitu tagħha. Fl-istess ħin, l-elementi bażiċi ħafna ta' diċenza, dinjità, umanità u solidarjetà, jinsabu f'periklu.

L-UE hija mistennija u għandha l-potenzjal li tassumi t-tmexxija biex ikollha rwol ċentrali fil-proċess tad-WHS, lejn eżitu b'saħħtu li jkun iggwidat mill-prinċipji umanitarji u l-bżonnijiet tal-benefiċjarji. Sabiex tinfluwenza b'suċċess in-negozjati tad-dokument ta' eżitu u s-segwitu għas-Summit, l-UE għandha tmur f'Istanbul b'pożizzjonijiet komuni ffukati u titkellem b'vuċi waħda. L-UE għandha tuża l-Kunsens Ewropew biex tiggwida l-kontribut tagħha u tippromwovih bħala mudell għal Kunsens Globali.

Il-konsultazzjonijiet wiesgħa mal-partijiet interessati diġà għamlu l-proċess tad-WHS opportunità unika biex iġib flimkien id-diversi atturi fil-qasam umanitarju. Sabiex il-kliem jinbidel f'azzjoni tanġibbli, it-tħejjija għad-WHS jeħtieġ li tiffoka fuq il-bini ta' kunsens u l-impenn għall-eżitu. Minħabba l-approċċ ta' diversi partijiet interessati, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-gvernijiet bħala atturi ewlenin jagħmlu l-impenji tagħhom. L-UE għandha tqis id-WHS bħala opportunità biex tibni sħubiji u ssib bażi komuni dwar prinċipji umanitarji u standards internazzjonali, u biex issaħħaħ il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tal-għajnuna.

L-UE għandha tkompli wkoll tenfasizza r-rwol essenzjali tal-NGOs fl-azzjoni umanitarja u tiżgura li l-fehmiet tagħhom jitqiesu tul il-proċess kollu u jiġu riflessi fl-eżitu.

Id-WHS għandu jkun il-quċċata ta' proċess ta' konsultazzjoni globali ta' tliet snin. Filwaqt li huwa mistenni li japprova dokument ta' eżitu strateġiku għall-aġenda tal-ħidma umanitarja lil hinn mill-2016, is-Summit għandu jipprovdi wkoll gwida operazzjonali dwar kif l-impenji mill-partijiet interessati ewlenin kollha għandhom jiġu tradotti fil-prattika.

Il-proċess tad-WHS jaħbat ma' għadd ta' negozjati intergovernattivi u diskussjonijiet oħra li se jsawru x-xenarju tal-iżvilupp u dak umanitarju għas-snin li ġejjin. Bil-għan li tinkiseb aġenda verament trasformattiva lil hinn mill-2015, il-proċessi komplementari ta' Sendai, Addis Ababa, New York, Pariġi u Istanbul għandhom isostnu lil xulxin, b'mod partikolari mil-lat operazzjonali. Fl-aħjar każ, id-WHS għandu jibni u jikkapitalizza fuq kontribuzzjonijiet preċedenti biex inaqqas u jimmaniġġja r-riskji umanitarji tal-ġejjieni.

Hemm żmien iż-żrigħ u żmien il-ħsad. Billi għad baqa' inqas minn sena, issa huwa ż-żmien li naġixxu.

20.10.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

għall-Kumitat għall-Iżvilupp

dwar tħejjija għas-Summit Umanitarju Dinji: Sfidi u opportunitajiet għall-assistenza umanitarja

(2015/2051(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Elena Valenciano

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-kriżijiet umanitarji kważi dejjem jirriżultaw f'sofferenzi umani kbar ħafna għaċ-ċivili milquta, b'mod partikolari għan-nisa u għat-tfal, inkluż il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali;

B.  billi l-protezzjoni tad-drittijiet ta' persuni fi kriżijiet umanitarji hija rikonoxxuta mid-dritt fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u mid-dritt umanitarju internazzjonali bħala parti integrali tar-risposta umanitarja, u hija meqjusa bħala waħda mill-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu indirizzati fis-Summit Umanitarju Dinji li se jsir f'Mejju 2016;

C.  billi meta tiġi indirizzata kriżi umanitarja jeħtieġ li jintlaħaq bilanċ bejn "gwadanji fl-effiċjenza" u l-"protezzjoni tal-valuri";

1.  Jinkoraġġixxi lill-komunità globali li se tiltaqa' fis-Summit Umanitarju Dinji tadotta approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għall-azzjoni umanitarja, bl-għan li jinstabu modi aħjar u aktar inklużivi għall-protezzjoni taċ-ċivili, b'kunsiderazzjoni speċjali għall-gruppi vulnerabbli bħan-nisa, it-tfal, il-minoranzi reliġjużi jew etniċi, biex jiġu identifikati t-theddid u l-vulnerabbiltajiet, u jiġi sorveljat il-ksur tad-dritt fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, biex b'hekk tgħin it-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-impunità; jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li ż-żamma tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u r-rinfurzar ta' qbil komuni mill-atturi kollha involuti fl-azzjoni umanitarja jsaħħu wkoll il-prinċipji umanitarji ewlenin ta' umanità, imparzjalità, newtralità u indipendenza operattiva; jenfasizza l-ħtieġa li l-protezzjoni titqiegħed fil-qalba tal-azzjoni umanitarja u jiddeplora kwalunkwe użu ħażin jew disrispett lejn il-prinċipji umanitarji fundamentali għal skopijiet politiċi, militari jew mhux umanitarji; iwissi li dan l-użu ħażin jimmina u jippreġudika l-operazzjonijiet umanitarji ġenwini u l-persunal tagħhom; jinsisti li miżuri kontra t-terroriżmu ma għandhomx jimminaw jew jostakolaw l-azzjonijiet umanitarji;

2.  Jenfasizza li, b'mod speċjali f'każijiet ta' kunflitti u kriżijiet fit-tul fejn ċivili jiġu spostati intenament u esternament għal perjodi twal, l-azzjoni umanitarja jista' jkollha rwol kruċjali u aktar proattiv għall-awtonomizzazzjoni tal-popolazzjonijiet milquta, billi tagħtihom vuċi aktar b'saħħitha u tirrikonoxxi d-drittijiet u l-ħiliet tagħhom; jinsisti, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza tat-tisħiħ tal-kapaċità lokali u reġjonali fl-għoti tal-għajnuna umanitarja u ta' proċessi inklużivi fejn l-awtoritajiet lokali, is-soċjetà ċivili, is-settur privat u l-popolazzjonijiet milquta huma inklużi fil-proċess ta' ppjanar; jinsisti, madankollu, fuq l-importanza li jiġu indirizzati l-kawżi primarji ta' dawn il-kunflitti fit-tul u tinstab soluzzjoni politika sostenibbli għal dawn is-sitwazzjonijiet;

3.  Japella għar-ratifika universali tal-istrumenti internazzjonali kollha li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni taċ-ċivili, inkluża l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951, u li jiddaħħlu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali; jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitti differenti jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tal-għajnuna umanitarja u jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jissorveljaw l-applikazzjoni tad-dritt umanitarju internazzjonali u li jżommu responsabbli lil min iwettaq il-ksur, inkluż atturi mhux statali;

4.  Jinkoraġġixxi lill-komunità internazzjonali ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tiżgura aċċess mingħajr xkiel għall-għajnuna umanitarja lill-popolazzjonijiet kollha li jinsabu f'riskju; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa essenzjali tal-promozzjoni tas-sigurtà, tal-protezzjoni u tal-libertà tal-moviment tal-operaturi umanitarji fuq il-post, li qegħdin ikunu dejjem iżjed fil-mira ta' attakki u theddid, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt; jissottolinja l-ħtieġa tal-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp umanitarju permezz ta' metodi ġodda, inkluż analiżi tar-riskju konġunta ta' diversi perikoli, programmazzjoni u finanzjament pluriennali, u strateġiji ta' ħruġ għall-atturi umanitarji;

5.  Jenfasizza r-rwol ċentrali li n-nisa għandhom għas-sopravivenza u r-reżiljenza ta' komunitajiet fi kriżijiet umanitarji, inkluż f'sitwazzjoni ta' kunflitt u ta' wara l-kunflitt; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi u żgurati d-drittijiet tan-nisa u t-tfal, li jikkostitwixxu l-maġġoranza ta' dawk milquta minn kriżijiet umanitarji, u li huma l-agħar milquta; josserva li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija waħda mill-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem l-aktar mifruxa iżda l-inqas rikonoxxuta, u li hija ostakolu ewlieni għall-ugwaljanza bejn is-sessi; ifakkar li f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt in-nisa u l-bniet li huma tqal b'kawża ta' stupru għandhom jirċievu appoġġ xieraq u jingħataw aċċess għall-firxa wiesgħa tas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva, skont id-dritt umanitarju internazzjonali; jistieden lis-Summit Umanitarju Dinji jirrifletti bi sħiħ fuq il-perspettiva tal-ġeneru bħala element ċentrali għat-tfassil tas-sistema umanitarja fil-futur, li se tirriżulta minn dan il-proċess ta' konsultazzjoni;

6.  Jappella li tingħata attenzjoni bis-serjetà biex jiġi żgurat b'mod effikaċi, permezz tar-riżorsi finanzjari u umani meħtieġa, id-dritt għall-edukazzjoni fi kriżijiet umanitarji fit-tul, peress li n-nuqqas ta' edukazzjoni huwa theddida li tipperikola l-futur tat-tfal u l-iżvilupp ulterjuri ta' kwalunkwe soċjetà; jenfasizza l-importanza ta' edukazzjoni kontinwa fis-salvagwardja u l-promozzjoni ta' valuri komuni u universali, bħad-dinjità umana, l-ugwaljanza, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

7.  Jissottolinja l-ħtieġa li jingħataw nutrizzjoni, ilma, kenn, sanità u kura medika, bħala drittijiet fundamentali ta' kull bniedem; jinsab imħasseb bil-kbir dwar ir-riskji ta' epidemiji assoċjati ma' kundizzjonijiet sanitarji ħżiena ħafna u aċċess limitat għall-ilma tajjeb għax-xorb, u dwar in-nuqqas ta' aċċess għall-mediċini essenzjali fi kriżijiet umanitarji; jistieden lill-UE tassumi rwol ta' tmexxija biex tiżgura l-forniment xieraq tal-mediċini essenzjali u tal-ilma tajjeb għax-xorb fil-kuntest ta' kriżijiet umanitarji;

8.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ispostament minħabba l-kunflitti, id-diżastri naturali u d-degrad ambjentali jħalli lil ċerti popolazzjonijiet partikolarment vulnerabbli; jenfasizza li r-refuġjati, il-persuni spostati internament, il-vittmi tat-traffikar u l-migranti l-oħra maqbuda fi kriżijiet li jipperikolawlhom ħajjithom għandhom jingħataw protezzjoni xierqa tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-għadd għoli bla preċedent ta' refuġjati, persuni spostati esternament u migranti fid-dinja tal-lum, u jistieden lill-komunità internazzjonali tuża s-Summit Umanitarju Dinji biex timmobilizza r-riżorsi finanzjarji u operattivi meħtieġa biex jilqgħu għal din l-isfida billi jiffukaw speċifikament fuq il-kawżi primarji; jenfasizza l-importanza tad-djalogi interreliġjużi u interkulturali biex jiġu indirizzati l-flussi ta' refuġjati bil-massa; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħtu prijorità lill-kriżi globali tar-refuġjati fil-politiki u l-pożizzjonijiet tagħhom fir-rigward tas-Summit, bl-għan li jindirizzaw il-konsewgwenzi u r-raġunijiet sottostanti tal-influss qawwi ta' refuġjati; iħeġġeġ, fid-dawl ta' dan, lis-Summit Umanitarji Dinji jappella għal modi aktar effiċjenti għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u għat-trażżin tar-reklutaġġ u tal-finanzjament tal-gruppi terroristiċi, permezz tal-prevenzjoni u s-soppressjoni tar-reklutaġġ, l-organizzazzjoni, it-trasport u l-forniment ta' ġellieda terroristi, u tal-finanzjament tal-ivvjaġġar u l-attivitajiet tagħhom; jissottolinja n-neċessità u l-importanza ta' azzjoni rapida, flimkien ma' pjan ta' azzjoni konkret u komprensiv fuq terminu twil, li jitwettqu b'kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u atturi lokali, nazzjonali u reġjonali għal approċċ effikaċi u effiċjenti fir-rigward ta' netwerks ta' kriminalità organizzata ta' traffikanti tal-migranti; josserva li l-Artikolu 14(1) tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem jiggarantixxi d-dritt tat-tiftix u t-tgawdija tal-asil, u jenfasizza l-obbligu tal-Istati ta' non-refoulement fir-rigward tar-refuġjati; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-atturi internazzjonali kollha jikkonformaw bis-sħiħ mad-dritt internazzjonali, u li jassumu b'mod serju r-responsabbiltà u d-dmir tagħhom li jgħinu lill-persuni li jinsabu f'periklu;

9.  Iħeġġeġ lill-UE, bħala l-akbar donatur tal-għajnuna umanitarja fid-dinja, turi sens ta' tmexxija fis-Summit Umanitarju Dinji billi tappella għal metodi aktar flessibbli għall-għoti tal-għajnuna umanitarja, kif ukoll għal miżuri u strumenti proattivi u koerenti li jevitaw b'mod effikaċi l-kriżijiet; iħeġġeġ lill-UE u lid-donaturi l-oħra jonoraw l-impenji finanzjarji tagħhom u jiżviluppaw modi għat-tnaqqis tal-ħin li jittieħed biex l-impenji finanzjarji jinbidlu f'azzjonijiet fuq il-post; jirrimarka, barra minn hekk, l-importanza tar-rapportar dwar id-drittijiet tal-bniedem bħala mekkaniżmu ta' twissija bikrija għal kriżijiet, u jinkoraġġixxi lis-Summit Umanitarju Dinji jqis dan il-fatt meta jagħżel li jadotta kultura ta' prevenzjoni minflok kultura ta' reazzjoni;

10.  Jinkoraġġixxi lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE, u b'mod partikolari lid-DĠ ECHO tal-Kummissjoni, kif ukoll lill-Istati Membri, jistudjaw l-esperjenza miksuba fl-integrazzjoni tal-kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-isforzi tal-għajnuna umanitarja fis-sistema tan-NU, u jistieden lill-UE tassumi rwol aktar b'saħħtu sabiex tippromwovi u ttejjeb dan il-proċess. jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati l-koerenza u l-koordinament tal-politiki bejn l-għajnuna umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE, fis-sitwazzjoni l-ġdida li fiha l-UE adottat approċċ għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp ibbażat fuq id-drittijiet; jiddispjaċih bil-kbir, f'dan ir-rigward, li l-manwal tal-Kummissjoni dwar l-approċċ għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp ibbażat fuq id-drittijiet jeskludi l-azzjoni umanitarja tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, timpenja ruħha sabiex tiżviluppa u tadotta, bħala parti mill-impenn tagħha għas-Summit Umanitarju Dinji, approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għall-azzjoni umanitarja tal-UE.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

19.10.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

44

3

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Amjad Bashir, Bas Belder, Elmar Brok, Klaus Buchner, Javier Couso Permuy, Mark Demesmaeker, Georgios Epitideios, Eugen Freund, Michael Gahler, Richard Howitt, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Afzal Khan, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ryszard Antoni Legutko, Arne Lietz, Andrejs Mamikins, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Alojz Peterle, Andrej Plenković, Jozo Radoš, Charles Tannock, László Tőkés, Johannes Cornelis van Baalen, Geoffrey Van Orden

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Ignazio Corrao, Marielle de Sarnez, Neena Gill, Ana Gomes, Javi López, Urmas Paet, Traian Ungureanu

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Jonás Fernández, Arne Gericke, Enrique Guerrero Salom, Kinga Gál, Costas Mavrides, Momchil Nekov, Ricardo Serrão Santos, Jutta Steinruck, Renate Weber, Josef Weidenholzer, Bogdan Brunon Wenta, Tomáš Zdechovský, Ivan Štefanec

19.10.2015

OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

għall-Kumitat għall-Iżvilupp

dwar it-tħejjija għas-Summit Umanitarju Dinji: Sfidi u opportunitajiet għall-assistenza umanitarja

(2015/2051(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Anna Hedh

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi bosta rapporti minn żoni ta’ emerġenza u kriżi jixhdu għal abbużi kontra l-popolazzjoni ċivili, inklużi t-tfal; billi n-nisa u t-tfal huma partikolarment vulnerabbli fil-kuntest tal-vjolenza sesswali meta tintuża bħala għodda biex titterrorizza l-popolazzjoni, tumilja u teqred komunitajiet, tkisser il-familji jew timmodifika l-kompożizzjoni etnika tal-ġenerazzjonijiet futuri; billi l-effetti ta’ vjolenza jibqgħu hemm wara li jintemmu l-ostilitajiet, fil-forma ta’ infezzjonijiet u marġinalizzazzjoni; billi l-vjolenza tista’ tkompli u saħansitra tiżdied wara l-kunflitt f’każijiet fejn l-ostilitajiet huma segwiti minn nuqqas kontinwu ta’ stabbiltà u sigurtà; billi l-vjolenza hija theddida għas-sigurtà tan-nazzjonijiet u xxekkel l-isforzi biex jerġa’ jkun hemm il-paċi wara kunflitt;

B.  meta wieħed iqis iż-żieda esponenzjali ta’ rapporti ta’ vjolenza sesswali u sessista, l-isfruttament u l-abbuż sesswali waqt u wara l-emerġenzi;

C.  billi f’żoni ta’ kunflitt, il-partijiet ġellieda jistgħu jikkonvertu l-iskejjel f’kampijiet ta’ taħriġ, imħażen ta' armi jew bażijiet għal operazzjonijiet militari; billi l-użu ta’ skejjel u forom oħra ta’ faċilitajiet ta’ edukazzjoni għal użu militari jxekkel u jillimita l-użu ta’ faċilitajiet bħal dawn għall-iskop leġittimu tagħhom minn studenti u għalliema, kemm fi żmien qasir kif ukoll fit-tul, li jxekklu l-aċċess għall-edukazzjoni, li hija waħda mill-aktar għodod importanti fil-prevenzjoni ta’ forom differenti ta’ diskriminazzjoni u oppressjoni u hija wkoll dritt fundamentali minqux fl-Artikolu 26 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem; billi skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Partijiet Statali jintrabtu li jiżguraw ir-rispett tar-regoli tad-dritt umanitarju internazzjonali applikabbli f’kunflitti armati li huma rilevanti għat-tfal; billi, madankollu, il-protezzjoni u l-edukazzjoni tat-tfal f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u kriżijiet huma fost l-azzjonijiet umanitarji li jiġbdu l-inqas ammont ta’ finanzjament;

D.  billi l-liġi internazzjonali tirrikonoxxi d-dritt għal kura tas-saħħa xierqa għall-vittmi tal-vjolenza sesswali użata f’kunflitti, bħalma huma l-prevenzjoni ta’ ħsara fiżika u psikoloġika fit-tul;

E.  billi l-kunflitt spiss iwassal għal unitajiet domestiċi b'ġenitur wieħed jew immexxija mit-tfal u joħloq piż ta’ xogħol addizzjonali għan-nisa;

F.  billi l-abort mhux sikur huwa elenkat mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa bħala waħda minn tliet kawżi ewlenin ta' mwiet marbuta mal-maternità;

1.  Jinnota li l-kriżijiet mhumiex newtrali fir-rigward tas-sessi u li l-kunsiderazzjonijiet relatati mas-sessi għandhom jiġu inklużi fl-istadji kollha ta’ programmazzjoni umanitarja, bil-parteċipazzjoni ta’ gruppi u organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa, inklużi dawk lokali u reġjonali; jesprimi l-ħtieġa li jiġu adottati wkoll il-perspettiva tat-tfal ta' kunflitti u ż-żamma tal-paċi billi jinstemgħu l-ħtiġijiet u l-ilħna tat-tfal, u jenfasizza li r-reazzjonijiet umanitarji għandhom jagħtu prijorità lill-interventi ta' protezzjoni u edukattivi li jistgħu jsalvaw il-ħajja, għall-bniet u s-subien kollha sa mill-ewwel stadji ta’ rispons għal diżastri; jenfasizza wkoll il-fatt li kull kunflitt jew kriżi huwa uniku u jeħtieġ li jiġi indirizzat abbażi tal-għarfien preċedenti tal-kuntest prevalenti;

2.  Iħeġġeġ l-investimenti biex jibnu faċilitajiet tas-saħħa, li jilqgħu n-nisa vittmi tal-vjolenza sesswali, f’żoni ta’ kunflitt fejn il-popolazzjoni ċivili hija fil-mira f'sens brutali; iqis li dawn l-isptarijiet jistgħu jiġu ispirati mill-isptar li twaqqaf fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo mit-Tabib Kongoliż Denis Mukwege, ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew tal-2014, fejn in-nisa attakkati jirċievu appoġġ patoloġiku u psikosoċjali f’tentattiv biex jegħlbu l-ħsara kkawżata minn vjolenza sesswali;

3.  Jilqa’ l-introduzzjoni tal-indikatur tal-kwistjonijiet tas-sessi għal programmazzjoni umanitarja; jistieden lid-donaturi jużaw l-indikatur tas-sess u jimmonitorjaw l-integrazzjoni bejn is-sessi fiċ-ċiklu umanitarju kollu u jqis li huwa essenzjali li tinġabar data li tkun diżaggregata skont is-sessi u l-età, inkluż tqassim skont l-età; iħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha u lill-atturi li jaħdmu fl-għajnuna umanitarja sabiex jadottaw approċċ li jkun sensittiv għall-ugwaljanza bejn is-sessi f’xogħolhom;

4.  Iqis li l-aċċess għall-edukazzjoni huwa essenzjali għall-emanċipazzjoni tal-bniet u n-nisa; jenfasizza li l-edukazzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza tgħin biex jiġi evitat iż-żwieġ bikri tal-bniet, il-vjolenza sesswali u dik ibbażata fuq is-sessi, il-prostituzzjoni u t-traffikar tal-bnedmin; jilqa’ l-isforzi internazzjonali fil-qafas tal-Linji Gwida għall-Protezzjoni ta’ Skejjel u Universitajiet minn Użu Militari waqt il-Kunflitti Armati; u jappella biex l-edukazzjoni komprensiva, inkluża l-edukazzjoni dwar is-sess u r-relazzjonijiet, tkun parti ewlenija ta’ kull reazzjoni umanitarja tal-UE għal kull emerġenza;

5.  Jinkoraġġixxi l-investiment fl-emanċipazzjoni tan-nisa permezz ta’ appoġġ għal proġetti li jiġġeneraw id-dħul li b’mod sinifikanti jnaqqsu l-vulnerabbiltà tagħhom u jżidu l-indipendenza tagħhom, biex b’hekk jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli b’konformità mal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju tan-NU;

6.  Jinkoraġġixxi u jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri għall-introduzzjoni ta’ proċeduri aktar effettivi għall-prevenzjoni ta', it-tħejjija għal u l-protezzjoni kontra d-diżastri naturali, teknoloġiċi jew magħmula mill-bniedem, kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE, billi jiġu segwiti approċċi ġodda għall-ġestjoni tal-għajnuna umanitarja u strumenti oħra tal-UE biex jindirizzaw il-vjolenza bbażata fuq is-sessi;

7.  Jitlob l-inklużjoni ta’ servizzi mmirati għal tfajliet f’kull reazzjoni ta’ emerġenza, peress li dawn għandhom riskju akbar li jiġu mġiegħla jiżżewġu, jew jidħlu f'sitwazzjonijiet ta' sess permezz ta' tranżazzjonijiet jew fil-prostituzzjoni, sabiex jiġu mgħejuna l-familji tagħhom, li qed ibatu fil-faqar u l-kaos li jirriżultaw mid-diżastri;

8.  Huwa mħasseb ħafna biż-żieda fil-vjolenza sessista (GBV) f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza; jistieden partijiet statali u mhux statali biex jikkonformaw mal-obbligi legali tagħhom skont il-liġi umanitarja internazzjonali u normi applikabbli oħra, u biex jieħdu miżuri kontra GBV u l-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili u tiġi żgurata r-responsabbiltà ta’ dawk li jikkommettu r-reat; jikkundanna bil-qawwa kull att ta’ GBV, speċjalment minn persunal li jkun qed jaħdem taħt mandat internazzjonali; jenfasizza l-bażi legali ddikjarata fuq bażi internazzjonali għad-dritt għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet għall-vittmi ta’ vjolenza sesswali u ta’ persuni f’kunflitti;

9.  Jenfasizza li, f’każijiet fejn tqala tkun ta' theddida għall-ħajja ta' mara jew tfajla jew tikkawża tbatija insopportabbli, il-liġi umanitarja internazzjonali u/jew il-liġi tad-drittijiet internazzjonali tiġġustifika l-offerta ta’ abort sikur minflok ma jinbeda trattament inuman; iħeġġeġ lill-atturi kollha involuti f’kunflitti biex josservaw id-dritt tal-vittmi għall-kura tas-saħħa kollha meħtieġa, inklużi aborti, kif previst skont il-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom;

10.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu kontinwu ta’ stupru kontra n-nisa u l-bniet bħala arma tal-gwerra; jisħaq fuq il-fatt li jeħtieġ li jsir aktar sabiex jiġi żgurat ir-rispett għad-dritt internazzjonali u l-aċċess għall-kura tas-saħħa u dik psikoloġika għan-nisa u l-bniet fil-kunflitti; jistieden lill-UE, l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u s-soċjetà ċivili biex iżidu l-kooperazzjoni sabiex titqajjem il-kuxjenza u tiġi miġġielda l-impunità;

11.  Iqis li l-persunal kollu involut fl-għoti ta’ assistenza umanitarja, inklużi l-forzi tal-pulizija jew militari, għandhom jirċievu taħriġ sensittiv għad-differenza bejn is-sessi, u li għandu jiġi stabbilit kodiċi ta’ kondotta strett biex jitwaqqfu milli jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom u biex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn is-sessi;

12.  Jistieden lill-atturi umanitarji biex jinkorporaw strateġiji ta' prevenzjoni u mitigazzjoni ta' GBV fl-interventi speċifiċi għas-setturi kollha tagħhom, filwaqt li tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni ta' strumenti ta' finanzjament tal-UE ġodda, u, għal dan l-għan, biex jieħdu kont tal-Linji Gwida riveduti għall-Integrazzjoni ta’ Interventi ta’ Vjolenza abbażi tas-Sess f’Azzjoni Umanitarja, imħejjija mir-Raggruppament ta’ Protezzjoni Globali (Global Protection Cluster); iqis ukoll li atturi umanitarji (inkluża l-UE) għandhom jikkonsultaw lill-bniet u s-subien (speċjalment it-tfajliet) fl-istadji kollha tat-tħejjija u r-reazzjoni għad-diżastri;

13.  Jistieden lill-aġenziji umanitarji biex isaħħu l-koordinazzjoni tagħhom sabiex jiġu identifikati u protetti l-vittmi, u l-vittmi potenzjali, minn sfruttament u abbuż sesswali;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa li s-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva jkunu faċilment aċċessibbli, komprensivi u kkoordinati għan-nisa kollha f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

15.10.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

5

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Maria Arena, Catherine Bearder, Malin Björk, Vilija Blinkevičiūtė, Anna Maria Corazza Bildt, Viorica Dăncilă, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Mary Honeyball, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Vicky Maeijer, Barbara Matera, Angelika Mlinar, Maria Noichl, Marijana Petir, Jordi Sebastià, Michaela Šojdrová, Ernest Urtasun, Ángela Vallina, Jadwiga Wiśniewska, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, Stefan Eck, Arne Gericke, Kostadinka Kuneva, Constance Le Grip, Evelyn Regner, Monika Vana

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jane Collins

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

10.11.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

14

3

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Ignazio Corrao, Doru-Claudian Frunzulică, Nathan Gill, Charles Goerens, Enrique Guerrero Salom, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Linda McAvan, Norbert Neuser, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, Pedro Silva Pereira, Davor Ivo Stier, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta, Rainer Wieland, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marina Albiol Guzmán, Louis-Joseph Manscour, Paul Rübig, Joachim Zeller

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

14

+

ALDE

Beatriz Becerra Basterrechea, Charles Goerens, Paavo Väyrynen

EFDD

Ignazio Corrao

GUE/NGL

Lola Sánchez Caldentey

S&D

Doru-Claudian Frunzulică, Enrique Guerrero Salom, Louis-Joseph Manscour, Linda McAvan, Norbert Neuser, Elly Schlein, Pedro Silva Pereira

Verts/ALE

Heidi Hautala, Maria Heubuch

3

-

EFDD

Nathan Gill

PPE

Joachim Zeller, Anna Záborská

7

0

GUE/NGL

Marina Albiol Guzmán

PPE

Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Cristian Dan Preda, Paul Rübig, Davor Ivo Stier, Bogdan Brunon Wenta, Rainer Wieland

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjonijiet

(1)

http://www.un.org/documents/ga/res/46/a46r182.htm

(2)

https://interagencystandingcommittee.org/iasc-transformative-agenda

(3)

https://docs.unocha.org/sites/dms/ROWCA/Coordination/Principles_of_Partnership_GHP_July2007.pdf

(4)

http://www.un.org/en/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/64/290

(5)

https://interagencystandingcommittee.org/files/guidelines-integrating-gender-based-violence-interventions-humanitarian-action

(6)

http://www.preventionweb.net/files/43291_sendaiframeworkfordrren.pdf

(7)

http://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/69/313

(8)

http://www.globalhumanitarianassistance.org/wp-content/uploads/2015/06/GHA-Report-2015_-Interactive_Online.pdf

(9)

https://www.humanitarianresponse.info/en/system/files/documents/files/gho-status_report-final-web.pdf

(10)

http://www.ghdinitiative.org/ghd/gns/principles-good-practice-of-ghd/principles-good-practice-ghd.html

(11)

ĠU L 163, 2.7.1996. p. 1.

(12)

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=URISERV:ah0009

(13)

ĠU L 122, 24.4.2014, p. 1

(14)

https://ec.europa.eu/transparency/regdoc/rep/1/2015/EN/1-2015-335-EN-F1-1.PDF

(15)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924.

(16)

http://ec.europa.eu/echo/sites/echo-site/files/Gender_SWD_2013.pdf

(17)

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52015DC0406&rid=1

(18)

http://ec.europa.eu/atwork/synthesis/aar/doc/echo_aar_2014.pdf

(19)

http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9420-2015-INIT/mt/pdf

(20)

http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9241-2015-INIT/mt/pdf

(21)

http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/foraff/137319.pdf

(22)

http://www.preventionweb.net/files/37783_eccommunicationsdgs.pdf

(23)

http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/EN/foraff/146311.pdf

(24)

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=JOIN:2015:0040:FIN:MT:PDF

(25)

https://www.worldhumanitariansummit.org/

(26)

Testi adottati,P8_TA(2015)0196.

(27)

Testi adottati, P8_TA(2014)0059.

(28)

Testi adottati, P8_TA(2015)0270.

(29)

Testi adottati, P8_TA(2015)0231.

(30)

Testi adottati, P8_TA(2015)0187.

(31)

Testi adottati, P8_TA(2015)0072.

(32)

Testi adottati, P8_TA(2015)0040.

(33)

Testi adottati, P8_TA(2015)0010.

(34)

Testi adottati, P8_TA(2015)0317.

(35)

Testi adottati, P8_TA(2015)0176.

(36)

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=comnat:COM_2015_0419_FIN

(37)

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?qid=1441187290883&uri=SWD:2015:166:FIN

Avviż legali