Proċedura : 2015/2114(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0338/2015

Testi mressqa :

A8-0338/2015

Dibattiti :

PV 16/12/2015 - 19
CRE 16/12/2015 - 19

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2015 - 9.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0472

RAPPORT     
PDF 655kWORD 153k
23.11.2015
PE 560.836v02-00 A8-0338/2015

Esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK

(2015/2114(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Bodil Valero

ERRATA/ADDENDA
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK

(2015/2114(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (minn hawn 'il quddiem il-"Pożizzjoni Komuni"),

–  wara li kkunsidra r-rieżami tal-Pożizzjoni Komuni mwettaq mill-Grupp ta' Ħidma dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali tal-Kunsill tal-UE,

–  wara li kkunsidra s-16-il Rapport Annwali tal-Kunsill skont l-Artikolu 8(2) tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari2,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/711/CFSP tad-19 ta' Novembru 2012 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-Unjoni biex fi ħdan pajjiżi terzi jiġi promoss il-kontroll tal-esportazzjoni ta' armi u tal-prinċipji u l-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK,

–  wara li kkunsidra l-istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni ta' armi tal-qerda tal-massa tal-UE tad-9 ta' Diċembru 2003,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà "Ewropa Sigura f'Dinja Aħjar", adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-2 ta' April 2013(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2014 dwar ir-ratifika tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Mejju 2015 dwar l-impatt tal-iżviluppi fis-swieq Ewropej tad-difiża fuq is-sigurtà u l-kapaċitajiet ta' difiża fl-Ewropa, b'mod partikolari l-paragrafi 4, 10, 18, 19, 20 u 21(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/768/PESK tas-16 ta' Diċembru 2013 dwar l-attivitajiet tal-UE f'appoġġ għall-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju(5), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 599/2014 u l-lista ta' oġġetti b'użu doppju fl-Anness I tagħha,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' April 2014 lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew intitolata "L-analiżi tal-politika ta' kontroll tal-esportazzjoni: niżguraw sigurtà u kompetittività f'dinja li qed tinbidel" (COM(2014)0244),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-12 ta' Ġunju 2014 mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-analiżi tas-sistema ta' kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-analiżi tal-politika ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-21 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar "Id-drittijiet tal-bniedem u t-teknoloġija: l-impatt ta' sistemi ta' intrużjoni u sorveljanza fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi"(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta' prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità(7),

–  wara li kkunsidra l-istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tal-SALW u tal-munizzjon tagħhom, adottata fil-15 u s-16 ta' Diċembru 2005 mill-Kunsill Ewropew, u l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2002/589/PESK tat-12 ta' Lulju 2002 dwar il-kontribut tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid destabilizzanti ta' armamenti ħfief u ta' kalibru żgħir u li tħassar l-Azzjoni Konġunta 1999/34/PESK,

–  wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/468/PESK tat-23 ta' Ġunju 2003 dwar il-kontroll tas-sensarija tal-armi(8),

–  wara li kkunsidra l-Lista Militari Komuni aġġornata tal-Unjoni Ewropea adottata mill-Kunsill fid-9 ta' Frar 2015,

–  wara li kkunsidra l-Gwida għall-Utent għall-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Wassenaar tat-12 ta' Mejju 1996 dwar il-Kontrolli tal-Esportazzjoni għall-Armi Konvenzjonali u l-Prodotti u t-Teknoloġiji b'Użu Doppju, flimkien mal-listi, aġġornati fl-2015, ta' dawn il-prodotti u teknoloġiji u munizzjon(9),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tad-19-il Laqgħa Plenarja tal-Ftehim ta' Wassenaar dwar il-Kontrolli tal-Esportazzjoni għall-Armi Konvenzjonali u l-Prodotti u t-Teknoloġiji b'Użu Doppju li saret fi Vjenna fit-3 u l-4 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 tas-27 ta' Ġunju 2005 dwar il-kummerċ ta' ċerti prodotti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, tortura jew trattament jew kastig ieħor krudili, inuman jew degradanti,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' April 2015 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà (COM(2015)0185)),

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, adottat fl-24 ta' Frar 2006,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Ottubru 2011 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitolat "Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla" (COM(2011)0637),

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, u b'mod partikolari għan nru 16: mira 16.4, li jitlob l-istati jnaqqsu b'mod sinifikanti l-flussi ta' armi illegali;

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 42 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 346 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi tan-NU, li daħal fis-seħħ fl-24 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU 24/35 tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem tat-trasferiment tal-armi f'kunflitti armati(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 52 u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0177/2015),

A.  billi l-ambjent tas-sigurtà globali madwar l-UE inbidel b'mod drammatiku, speċjalment fil-viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant;

B.  billi jeżisti d-dritt inerenti għall-awtodifiża individwali jew kollettiva taħt l-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU;

C.  billi fl-interess tal-istabbiltà internazjonali hu importanti li jiġu pprovduti mezzi għall-iskoraġġiment fuq bażi ta' każ b'każ, b'konformità sħiħa mal-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU u l-Kriterju Erbgħa tal-Pożizzjoni Komuni dwar il-preservazzjoni tal-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali;

D.  billi t-tixrid bla rażan tal-armi jikkostitwixxi riskju serju għall-paċi u s-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli; billi kull minuta, xi mkien fid-dinja, persuna tmut kawża ta' vjolenza armata u 15-il arma ġdida huma manifatturati;

E.  billi r-regolamentazzjoni tal-kummerċ tal-armi internazzjonali hi, fid-definizzjoni tagħha stess, ambizzjoni globali; billi l-UE trid tiżgura l-konsistenza tal-attivitajiet esterni kollha tagħha fil-kuntest tar-relazzjonijiet esterni tagħha, tippromwovi d-demokrazija u l-istat tad-dritt, tipprevjeni l-kunflitti, teqred il-faqar, trawwem id-djalogu interkulturali u żżomm l-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali; billi fuq il-perjodu 2010-2014 l-Istati Membru tal-UE kienu responsabbli għal 25.4 % tal-volumi ta' kunsinni effettivi(11) tal-armi konvenzjonali maġġuri fid-dinja;

F.  billi, skont it-Trattat ta' Lisbona, il-qirda tal-faqar hu l-għan ewlieni tal-politika tal-iżvilupp tal-UE, u billi hi waħda mill-prijoritajiet għall-azzjoni esterna tal-UE biex tinbena dinja aktar stabbli u prospera; billi l-provvista ta' armi lil pajjiżi li huma f'kunflitt mhux biss iżżid il-probabbiltà li tiżdied il-vjolenza iżda għandha wkoll impatt negattiv fuq il-potenzjal għall-iżvilupp ta' dawn il-pajjiżi, kif joħroġ ċar minn rapporti ta' organizzazzjonijiet umanitarji li kwantifikaw dan l-impatt(12);

G.  billi l-Istati Membri tal-UE esportaw armi b'valur totali ta' EUR 36.7 biljun fl-2013, fosthom EUR 26.7 biljun lil pajjiżi terzi; billi, bħala paragun, il-baġit kumplessiv għall-Strument Ewropew ta' Viċinat għall-2014-2020 hu ta' EUR 15.4 biljun; billi 36 % tal-esportazzjonijiet kumplessivi ta' armi lil pajjiżi terzi kienu minn Stati Membri tal-UE; u ma tantx jista' jiġi argumentat li dawn il-flussi ta' kummerċ huma fl-interessi diretti tas-sigurtà tal-UE;

H.  billi l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK hi qafas legalment vinkolanti li tistipola t-tmien kriterji għall-esportazzjoni ta' armi konvenzjonali li jridu japplikaw l-Istati Membri tal-UE fid-deċiżjonijiet ta' liċenzji tagħhom; billi din il-Pożizzjoni Komuni trid titqies sew speċifikament fil-kuntest tal-iżvilupp tas-suq Ewropew tad-difiża u bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea;

I.  billi l-pajjiżi terzi l-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Iżlanda, il-Kanada, il-Kroazja, il-Montenegro u n-Norveġja aderixxew b'mod uffiċjali mal-kriterji u l-prinċipji stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni;

Ambjent ta' sigurtà globali u esportazzjoni ta' armi

1.  Hu mħasseb ħafna dwar il-firxa ta' kunflitti armati, notevolment dawk fl-Ukrajna, is-Sirja, l-Iraq, il-Libja u l-Jemen kif ukoll il-kunflitti internazzjonali kollha, li, f'dinja dejjem aktar globalizzata, huma theddida għall-istabbiltà u s-sigurtà globali u wasslu għal viċinat anqas stabbli u anqas sigur għall-UE; jinnota li t-trasferiment ta' armi lil stati f'kunflitt seta kkontribwixxa għal dawn il-kunflitti;

2.  Jiddispjaċih li l-iżviluppi ta' dawn l-aħħar sentejn urew li l-armi ġieli jispiċċaw f'idejn terroristi jew reġimi ripressivi jew pajjiżi fejn it-tfal jistgħu jiġu rreklutati jew jintużaw f'ostilitajiet, jew minn reġimi li għandhom relazzjonijiet dubjużi mat-terroriżmu internazzjonali jew politiki aggressivi nazzjonali u barranin u jemmen li, għaldaqstant, hu neċessarju li jiġu adottati sistemi effettivi ta' kontroll ta' esportazzjoni tal-armi; Jikkundanna l-użu ta' armi bil-għan li tiżdied l-insigurtà u l-kunflitti armati internament jew esternament jew favur ir-ripressjoni interna, kunflitti reġjonali jew vjolazzjonijiet gravi ta' drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali; jiddispjaċih ukoll li l-kummerċ illegali ta' armi jibqa' negozju kbir u li jrendi;

3.  Jiddeplora l-fatt li madwar nofs miljun(13) ruħ imutu kull sena minħabba vjolenza bl-armi, kemm f'kunflitti armati kif ukoll b'rabta ma' attività kriminali;

4.  Itenni li l-konformità mal-Pożizzjoni Komuni hija fundamentali għat-twettiq tal-prinċipji u l-valuri tal-UE, b'mod partikolari fl-oqsma tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali, kif ukoll ir-responsabilitajiet tagħha fis-sigurtà lokali, reġjonali u globali;

5.  Jinnota li l-Istati Membri huma esportaturi maġġuri tal-armi fid-dinja, b'EUR 36 711 biljun f'esportazzjonijiet dinjija fl-2013, li minnhom EUR 10 735 bejn Stati Membru u EUR 25 976 biljun lil pajjiżi terzi, skont is-16-il Rapport Annwali; itenni li l-Artikolu 10 tal-Pożizzjoni Komuni jsostni li kunsiderazzjonijiet ta' interessi ekonomiċi, kummerċjali u industrijali mill-Istati Membri mhux ser jaffettwaw l-applikazzjoni tat-tmien kriterji li jirregolaw l-esportazzjoni tal-armi;

6.  Jiddispjaċih, madankollu, li l-Artikolu 10 spiss jiġi injorat, speċjalment billi kumpaniji tad-difiża Ewropej huma dejjem aktar qed jagħmlu tajjeb għat-tnaqqis fid-dħul tagħhom fl-Ewropa permezz ta' esportazzjonijiet barra l-UE; ikkonċernat ħafna bil-konsegwenzi għas-sigurtà u d-difiża tal-UE li jirriżultaw mit-trasferiment ta' informazzjoni u teknoloġiji sensittivi lil pajjiżi terzi, li jirrappreżenta riskju akbar ta' dipendenza fuq pajjiżi terzi b'interessi strateġiċi diverġenti, bħal pereżempju r-Russja;

7.  Ifakkar li l-industrija tad-difiża għandha sservi ta' strument għall-implimentazzjoni tad-difiża u s-sigurtà tal-Istati Membri u tiġi żgurata s-sigurtà fil-provvista fl-UE filwaqt li ssir kontribuzzjoni għall-implimentazzjoni biex jissaħħu l-PESK u l-PSDK, billi dawn huma importanti biex jgħinu biex jiġu żgurati l-istabbiltà u s-sigurtà dinjija; jirrikonoxxi li l-esportazzjonijiet ta' armi kienu strumentali f'termini tat-tisħiħ u l-iżvilupp ulterjuri tal-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea, li kienet importanti fl-iżvilupp ta' firxa wiesa' ta' innovazzjoni u teknoloġija;

8.  Jirrikonoxxi l-leġittimità tal-esportazzjonijiet li huma kompletament konformi mal-kriterji fl-Artikolu 4(c) tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u jsiru b'rispons għal talba li ssir lill-UE skont id-dritt għall-awtodifiża; jappoġġa l-forniment ta' armi għad-difiża f'każ leġittimu ta' awtodifiża; jinnota d-deċiżjoni ta' xi Stati Membri li jfornu armi għad-difiża lill-Peshmerga fil-Kurdistan Iraqin u lill-Ukrajna; jinnota li, f'dan ir-rigward, l-Istati Membri mhumiex qed jikkoordinaw ma' xulxin;

9.  Jirrimarka li, filwaqt li ċ-ċaħdiet u s-sospensjonijiet ta' liċenzji wara embargos jew kunflitti huma sinjal pożittiv, dawn jindikaw li l-politika tal-UE dwar l-esportazzjoni hi ta' natura reattiva; iqis li skont il-Pożizzjoni Komuni eżami aktar bir-reqqa tar-riskji speċifiċi assoċjati mal-pajjiżi destinatarji u tal-interessi tas-sigurtà tal-UE jkun neċessarju qabel ma jiġu liċenzjati;

10.  Jinnota li r-riskji riżultanti minn din id-diverġenza, il-kuntrabandu u l-ħażna tal-armi u l-isplussivi qed jiżdiedu u jibqgħu sfidi li għandhom jiġu indirizzati; jenfasizza r-riskji li armi minn pajjiżi terzi li għandhom livelli għoljin ta' korruzzjoni jiġu introdotti fl-Ewropa minħabba żieda fil-kuntrabandu u fit-traffikar ta' armi u n-nuqqas ta' spezzjonijiet fil-punti tad-dħul, bħal pereżempju l-portijiet, u b'hekk jikkompromettu s-sigurtà taċ-ċittadini hekk kif kien sottolinjat f'rapport reċenti tal-Europol(14);

11.  Jisħaq li l-kontrolli fuq l-esportazzjoni ta' armi huma parti integrali mill-politika barranija u ta' sigurtà tal-UE u għandhom jiġu ggwidati mill-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE, b'mod partikolari l-promozzjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt u ż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali; Ifakkar li huwa kruċjali li tiġi żgurata koerenza bejn l-esportazzjoni tal-armi u l-kredibbiltà tal-UE bħala promotur tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja; huwa konvint ħafna li implimentazzjoni aktar effettiva tat-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni jirrappreżentaw kontribuzzjoni importanti għall-iżvilupp tal-PESK u l-PSDK; jitlob li titfassal strateġija globali tal-UE fir-rigward tal-politika barranija u ta' sigurtà biex jitqiesu b'mod xieraq il-kwistjonijiet tal-esportazzjoni ta' armi fid-dawl tal-bidliet fl-ambjent tas-sigurtà u r-riskji u t-theddidiet assoċjati għall-interessi tas-sigurtà fl-Ewropa;

12.  Jiddeplora l-fatt li t-trasferiment illeġittimu, illeċitu u mhux regolat ta' armi ser ikompli jimmina l-istabbiltà politika u jxekkel l-iżvilupp demokratiku soċjali u/jew ekonomiku f'ċerti partijiet tad-dinja; jirrikonoxxi li l-interpretazzjoni koerenti u l-implimentazzjoni effikaċi tal-Kriterju Tmienja tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK ikunu kontribuzzjonijiet deċiżivi għall-għanijiet tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tal-UE; Jappella għal attenzjoni kontinwa għall-Kriterju Tmienja biex jiġi vvalutat l-impatt negattiv potenzjali tal-infiq fuq l-armi fil-prospetti għall-iżvilupp ta' għall-aktar pajjiżi destinatarji foqra;

It-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi

13.  Jilqa' d-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi; jilqa' l-attivitajiet ta' komunikazzjoni li saru mill-UE biex jiġu promossi r-ratifikazzjoni unversali u l-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi u jitlob biex ikun hemm sforzi sostenuti f'dan ir-rigward, partikolarment minn pajjiżi li huma kummerċjanti tal-armi maġġuri; Iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli; jirrikonoxxi li t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, minkejja li jirrapreżenta kisba pożittiva, xorta għandu l-limitazzjonijiet u l-ambigwitajiet tiegħu (kunċetti mhux ċari, eċċezzjonijiet għal obbligazzjonijiet ta' rappurtar, nuqqas ta' reġim tas-sanzjonijiet);

14.  Jilqa' s-suċċess tal-ewwel Konferenza tal-Istati Parti li sar f'Cancún mill-24 sas-27 ta' Awwissu 2015, imma jirrimarka li ma ntlaħaq l-ebda ftehim fuq il-mudell li kellu jintuża għar-rapporti annwali; jemmen li t-Trattat ser ikun ta' suċċess ġenwin biss jekk jittieħdu passi biex ikun applikabbli universalment jew jekk jiġu stabbiliti mekkaniżmi vinkolanti jew punittivi, li jintużaw f'każ li jonqsu milli japplikaw ir-regoli;

15.  Jilqa' r-rekwiżit li, fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-għoti ta' liċenzji, l-istati partijiet għat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi jqisu l-fatt li jeżisti r-riskju li l-armi li jiġu trasferiti jistgħu jintużaw biex jitwettqu jew jiġu ffaċilitati atti serji ta' vjolenza sessista jew atti serji ta' vjolenza fuq in-nisa u t-tfal; jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu l-formulazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni fir-rigward tal-vjolenza sessista jew atti serji ta' vjolenza fuq in-nisa u t-tfal;

16.  Ifaħħar il-fatt li l-UE għandha qafas legali vinkolanti, uniku fid-dinja, li permezz tiegħu qed jiġu infurzati l-kontrolli fuq l-esportazzjonijiet tal-armi, fosthom f'reġjuni ta' krizi u f'pajjiżi dubjużi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' l-fatt li, b'rabta ma' dan, għadd ta' pajjiżi Ewropej u pajjiżi terzi ngħaqdu mas-sistema ta' kontrolli tal-esportazzjonijiet tal-armi abbażi tal-Pożizzjoni Komuni;

17.  jilqa' l-fatt l-istati terzi bħalma huma l-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Iżlanda, il-Kanada, il-Kroazja, il-Montenegro u n-Norveġja aderixxew b'mod uffiċjali mal-kriterji u l-prinċipji stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK; jinnota li sistema speċjali ta' skambju ta' informazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi terzi aderenti ilha fis-seħħ mill-2012;

Il-Pożizzjoni Komuni

18.  Ifakkar li l-Pożizzjoni Komuni għandha twassal għal approċċ koordinat fil-kummerċ tal-armi li ma jaffettwax id-dritt tal-Istati Membri li joperaw politiki nazzjonali aktar restrittivi hekk kif jissemma fl-Artikolu 3 tal-Pożizzjoni Komuni; ifakkar ukoll li f'kull każ ir-rifjut li jsir trasferiment ta' teknoloġija militari jew armi jibqa' kompetenza esklussiva tal-Istati Membru u l-istandards komuni stabbiliti mill-Pożizzjoni Komuni għandhom jitqiesu bħala l-istandards minimi għall-ġestjoni tat-trasferimenti ta' teknoloġija militari skont il-premessa 3; jirrimarka li l-armonizzazzjoni fil-livell Ewropew m'għandiex tintuża bħala pretest biex titnaqqas is-saħħa ta' regoli nazzjonali aktar stretti;

19.  Jistieden lill-Istati Membri biex jinterpretaw b'mod koerenti u japplikaw b'mod rigoruż l-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni f'kull każ u ma jħallux kunsiderazzjonijiet politiċi u ekonomiċi jieħdu post il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jħassru kuntratti diġà miftiehma fejn, bħala riżultat ta' sitwazzjoni li nbidlet drastikament, il-ftehim jikser il-Pożizzjoni Komuni;

20.  Hu tal-fehma li l-problema reali hi li l-Pożizzjoni Komuni qed tiġi applikata b'mod laxk u qed tiġi interpretata b'mod inkonsistenti mill-Istati Membru u b'hekk iqis li hu kruċjali li jkun hemm applikazzjoni konsistenti u ambizzjuża tat-tmien kriterji; jirrimarka, f'dan ir-rigward, li ma huma stabbiliti l-ebda penali f'każ ta' ksur tal-kriterji u iqis li jkun rakkomandabbli li jsiru arranġamenti biex isiru kontrolli indipendenti u jkun hemm penali f'każ ta' ksur tal-Pożizzjoni Komuni;

21.  Jinnota r-rieżami li għamel il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali dwar il-Pożizzjoni Komuni 2008/944 kif ukoll il-konklużjoni li din isservi b'mod xieraq l-għanijiet stabbiliti mill-Kunsill, u li hija konformi mat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi; jinnota li ma ġiet introdotta l-ebda bidla minkejja s-sitwazzjoni gravi fis-Sirja u fl-Iraq, iż-żieda f'attività terroristika u l-kunflitt u l-instabbiltà mifruxa fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq u li jistgħu, eventwalment, jaffettwaw is-sigurtà tal-Unjoni nnifisha;

22.  Jieħu nota tal-aġġornament tal-Linji Gwida għall-Utent għall-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill u tal-Lista Militari tal-UE; jistenna b'ħerqa l-adozzjoni ta' mekkaniżmu ġdid għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni onlajn mill-Grupp ta' Ħidma dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali; jilqa' r-referenzi ġodda li saru għal aspetti tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi li għadhom ma ġewx inklużi fil-Pożizzjoni Komuni, u l-bidliet għall-gwida elaborattiva għall-Kriterju Sebgħa; jappella għal aktar sforzi partikolarment fil-gwida għall-implimentazzjoni tal-Kriterju Tmienja b'mod effettiv;

23.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li ssir applikazzjoni aktar stretta tat-tmien kriterji; jemmen li l-Istati Membri, anki fil-livell Ewropew fil-Grupp ta' Ħidma dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali, għandhom iwessgħu l-valutazzjonijiet tagħhom bil-għan li jagħtu attenzjoni wkoll lis-sitwazzjoni fil-pajjiż ta' destinazzjoni kif ukoll lit-teknoloġija militari speċifika kkonċernata; iħeġġeġ lill-Istati Membri japplikaw kriterji nazzjonali aktar stretti;

24.  huwa mħasseb dwar l-effett li theddida ta' azzjoni legali minn kumpaniji f'xi Stati Membri, kemm jekk din hi reali jew hi perċezzjoni, jista' jkollha fuq il-kunsiderazzjoni ta' applikazzjonijiet għal liċenzji għall-esportazzjoni; ifakkar lill-Istati Membri li applikazzjoni rigoruża u skrupluża tat-tmien kriterji toħloq il-bażi neċessarja għar-rifjut ta' liċenzji;

25.  Jieħu nota li l-Kriterju Tnejn jirrikjedi li l-Istati Membri jirrifjutaw l-għoti ta' liċenzja għall-esportazzjoni biss jekk hemm "risku ċar" li t-teknoloġija jew it-tagħmir militari esportat jista' jintuża għal ripressjoni interna; billi dan il-kriterju jħalli ħafna spazju għal interpretazzjoni inkoerenti tar-regoli komuni; jitlob il-koordinament mar-rappreżentati tal-Kunsill tal-Ewropa, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem sabiex il-Kriterju Tnejn jiġi kkjarifikat ulterjorment;

26.  Huwa kritiku fuq il-ksur frekwenti tat-tmien kriterji minn Stati Membri varji; jiddispjaċih li ma hemm l-ebda mekkaniżmi biex jiġi ssanzjonat ksur tat-tmien kriterji minn Stat Membru u li ma hemm l-ebda pjanijiet biex dan isir; huwa tal-fehma li għandhom ikunu previsti possibbiltajiet ta' verifika indipendenti kif ukoll mekkaniżmi ta' sanzjoni fil-każ ta' ksur tal-Pożizzjoni Komuni;

27.  Iħeġġeġ kull Stat Membru biex jittratta l-kunċett ta' riskju fil-proċess ta' għoti ta' liċenzji għat-trasferiment tal-armi fuq bażi prekawzjonarja, hekk kif isir normalment meta jiġu indirizzati oqsma oħra bħalma huma l-ħasil ta' flus u tħassib ambjentali;

28.  Huwa mħasseb li l-Pożizzjoni Komuni attwali ma tinkludix 'id-dritt li tisfida' l-għoti ta' liċenzji għall-kontrol tal-esportazzjonijiet minn Stati Membri oħra;

29.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw il-ħolqien ta' Awtorità Ewropea għall-Kontroll tal-Armi (EACA) taħt il-patroċinju tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà; iqis li tali awtorità għandha jkollha s-setgħa li toħroġ opinjoni lil Stati Membri li qed jippjanaw li joħorġu liċenzja li ġiet irrifjutata minn Stat jew Stati Membri oħrajn; iqis li dan il-parir għandu jikkonsisti f'eżami indipendenti tal-applikabbiltà tat-tmien kriterji komuni; iqis ukoll li tali parir għandu jintalab minn stati bil-għan li jeżaminaw l-applikabbiltà tat-tmien kriterji għal kwalunkwe liċenzja Ewropea għall-esportazzjoni;

30.  Jenfasizza l-bżonn li tiġi żgurata politika aktar koerenti fuq l-embargos u li jiġu applikati minnufih; jistieden lill-Istati Membri jeliminaw kwalunkwe ambigwitajiet kemm fis-sistemi tagħhom kif ukoll fil-livell tal-Ftehim ta' Wassenaar dwar l-esportazzjoni tal-armi 'militari' u 'mhux militari', li jistgħu jwasslu biex it-trasferimenti ta' armi żgħar jirnexxilhom iduru mas-sistema ta' regolazzjoni billi jiġu deskritti bħala "mhux militari";

31.  Jemmen li hemm bżonn ta' kontrolli aktar stretti fuq l-attivitajiet ta' senserija ta' armi u attivitajiet relatati mas-senserija fl-UE, li jistgħu jsiru barra l-kontroll tas-sistemi tal-Istati Membri minħabba d-diverġenzi li jeżistu bejn tali sistemi fil-livell nazzjonali; jitlob, għaldaqstant, biex tiġi stabbilita u implimentata b'mod effettiv sistema ta' reġistrazzjoni li tinkludi l-obbligazzjoni għal sensara li jirrappurtaw bis-sħiħ fuq l-attivitajiet tagħhom;

32.  Ifakkar li r-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabrikar illeċitu ta' u l-ittraffikar fl-armi tan-nar huwa maħsub biex jiżgura kontroll effettiv ta' trasferimenti ta' armi tan-nar għal użu ċivili; jirrikonoxxi l-leġittimità tal-esportazzjonijiet għall-kaċċa u armi għall-isport għal użu ċivili taħt dan ir-Regolament; jilqa' r-rieżami tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-armi tan-nar u l-intenzjoni li tissaħħaħ il-kooperazzjoni tal-pulizija mal-pajjiżi ġirien fir-rigward tal-kuntrabandu tal-armi; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni biex ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Europol;

33.  Jistieden lill-Istati Membri jinkludu mekkaniżmu fil-Pożizzjoni Komuni li awtomatikament jiffriża liċenzji għall-esportazzjonijiet eżisteni għal dawk il-pajjiżi li kontrihom ikun stabbilit embargo Ewropew dwar l-armi wara li ħarġet liċenzja ta' kontroll għall-esportazzjonijiet;

34.  Jissuġġerixxi li tiġi esplorata l-possibbiltà li jiġu applikati u estiżi t-tmien kriterji anke għat-trasferiment ta' servizzi li għandhom x'jaqsmu ma' esportazzjonijiet ta' armi bħalma huma l-konsulenza u l-attivitajiet ta' kumpaniji militari privati bbażati fl-UE f'pajjiżi terzi; jappella għal approċċ unifikat tal-UE għall-kwistjoni ta' armeriji fuq il-baħar;

35.  Jistieden l-Istati Membri kollha li għadhom mhumiex kompletament konformi mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/468/PESK tat-23 ta' Ġunju 2003 dwar il-kontroll ta' senserija ta' armi biex jispjegaw għaliex mhumiex konformi u x'passi qed jipproponu li jieħdu u meta, sabiex jonoraw l-obbligazzjonijiet tagħhom taħt il-Pożizzjoni Komuni; jinkoraġixxi l-Istati Membri biex jinkludu t-trasport tal-armi u servizzi ta' ffinanzjar tal-armi fil-leġiżlazzjoni tagħhom dwar is-senserija tal-armi;

36.  Hu mħasseb dwar id-diverġenza possibbli tal-esportazzjonijiet u jistieden l-Istati Membri kollha jistabbilixxu sistema ta' kontroll effettiva (sistema ta' monitoraġġ komuni, klawżola kontra l-użu ħażin fiċ-ċertifikati tal-utent aħħari, spezzjonijiet fiżiċi obbligatorji tal-utenti aħħarin) fosthom rinforzament tal-persunal iddedikat għal dan il-għan; jemmen li jrid ikun hemm kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Europol u l-Eurojust, kif ukoll ma' pajjiżi terzi, biex tiġi ffaċilitata l-prosekuzzjoni ta' sensara u traffikanti għal trasferimenti illegali ta' armi; jistieden lill-Kunsill jallinja aħjar il-Kriterju Sebgħa mal-Artikolu 11 tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi;

37.  Jinsab profondament imħasseb dwar il-possibilità li jiġu evitati l-kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE permezz ta' produzzjoni liċenzjata f'pajjiżi barra l-UE jew permezz ta' sussidjarji barranin ta' kumpaniji bbażati fl-UE; iħeġġeġ lill-COARM biex fir-rapport annwali tiegħu li jmiss jikkunsidra din il-kwistjoni fil-fond;

38.  Jitlob li jkun hemm aktar koordinazzjoni fil-livell ta' ħidma fi ħdan il-Kunsill u s-SEAE bil-għan li jiġi żgurat li l-aspetti marbuta mal-prevenzjoni tal-konflitti, l-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem jiġu kkunsidrati kif xieraq; jitlob li jkun hemm konsultazzjoni regolari bejn il-COARM u l-COHOM, kif ukoll biex il-COARM jikkomunikaw mal-atturi relevanti tal-UE bħalma huma l-Intcen, il-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u d-Delegazzjonijiet tal-UE sabiex titjieb il-koerenza u tiġi kondiviża informazzjoni li tista' tkun relevanti għal deċiżjonijiet dwar liċenzji għat-trasferiment tal-armi, partikolarment fir-rigward ta' riskji fil-pajjiżi destinatarji, biex tittejjeb il-kwalità tad-deċiżjonijiet li jsiru fil-kuntest tal-Pożizzjoni Komuni;

It-trasparenza

39.  Jiddispjaċih dwar l-adozzjoni tardiva ħafna tas-16-il Rapport Annwali, li huwa l-aktar wieħed li dam biex ġie adottat;

40.  Hu tal-fehma li r-Rapporti Annwali dwar l-esportazzjoni ta' armi huma għodod sinifikanti biex isir avvanz fit-trasparenza tal-kummerċ tal-armi; jiddispjaċih li 21 Stat Membru biss għamlu osservazzjonijiet sħaħ għas-16-il rapport annwali; jinnota li sottomissjoni sħiħa tfisser data dwar il-valur finanzjarju kemm tal-liċenzji għall-esportazzjoni tal-armi, kif ukoll esportazzjonijiet attwali, li jkunu elenkati skont id-destinazzjoni u skont il-kategorija fil-Lista Militari tal-UE; jirrimarka li l-Greċja ma pprovdiet ebda data u li l-Ġermanja u r-Renju Unit ma bagħtu ebda data dwar l-esportazzjoni reali ta' armi u li Franza pprovdiet ċifra totali għall-esportazzjonijiet tal-armi li ma kinitx diżaggregata; jirrimarka li, bl-eċċezzjoni tal-Greċja, dawn huma l-istess pajjiżi li huma l-akbar esportaturi u b'hekk għandhom jerfgħu responsabbiltà maġġuri għall-impatt dinji tal-esportazzjonijiet ta' armi tal-UE; jistieden l-Istati Membri li fadal biex, fi żmien debitu, jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jissottomettu rapport annwali u jipprovdu data għas-16-il Rapport Annwali retrospettivament kif ukoll għar-Rapporti Annwali li ġej;

41.  Jinnota li r-rapport jinkludi informazzjoni standardizzata dwar il-liċenzji tal-esportazzjoni maħruġa iżda ma jinkludix informazzjoni komprensiva dwar l-esportazzjoni reali tal-armi; iħeġġeġ lill-Kunsill u l-VP/RGħ biex jistudjaw mezzi biex titjieb il-konformità mal-obbligazzjoni għar-rappurtar u biex jiżdiedu t-trasparenza u l-iskrutinju pubbliku tal-qafas ta' kontrol għall-esportazzjonijiet, partikolarment fl-iżgurar li l-Istati Membri kollha jirrapurtaw l-esportazzjonijiet tal-armi tagħhom; jitlob li dan in-nuqqas jiġi indirizzat u debitament issir dispożizzjoni għal rapport annwali li tenfasizza d-data reali tal-esportazzjonijiet, diżaggregati skont it-tip u d-destinazzjoni;

42.  Jitlob l-introduzzjoni ta' proċedura standardizzata ta' rappurtar u ta' sottomissjoni, inkluża l-iskadenza, għal informazzjoni dwar l-esportazzjonijiet reali u d-data tal-liċenzja, proċedura li għandha tiġi applikata b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Istati Membri jirrappurtaw b'mod aktar komprensiv dwar il-liċenzji miċħuda, inkluża l-informazzjoni speċifika għal-liċenzja li tirrigwarda l-istat destinatarju u l-awtorità speċifika, id-deskrizzjoni u l-kwantità tal-oġġetti li għandhom jiġu trasferiti fir-rigward tas-subkategoriji tal-lista militari, u r-raġuni għaċ-ċaħda; jipproponi li l-format tar-Rapport Annwali jinbidel u li tali rapport jitnieda mill-ġdid bħala bażi ta' dejta onlajn pubblika, interattiva u li tista' titfittex;

43.  Jitlob għal konsultazzjonijiet imsaħħin bejn l-Istati Membri fir-rigward ta' trasferimenti lil reġjuni jew pajjiżi fraġili jew instabbli, partikolarment dawk li qed jaġixxu b'mod agressiv fil-viċinat tagħhom; jitlob għal verifika fonda u sistematika tal-implimentazzjoni tar-reġim tas-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja fl-esportazzjoni ta' armi u bejgħ ta' teknoloġiji b'użu doppju; jistieden lill-Istati Membru jistabbilixxu lista ta' persuni (fosthom entitajiet u individwi) li nstabu ħatja li kisru leġiżlazzjoni li għandha x'taqsam mal-esportazzjoni tal-armi u f'każi ta' diverżjoni identifikata u persuni li ma nstabux ħatja minn qorti imma huma magħrufin li huma involuti fil-kummerċ illegali tal-armi jew f'attivitajiet li huma ta' theddida għas-sigurtà internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu informazzjoni ddettaljata dwar il-proċeduri għar-revoka jew is-sospensjoni ta' liċenzji mogħtija fir-rigward ta' pajjiżi soġġetti għal embargo;

44.  Iqis li hu vitali li pajjiżi li huma kandidati għal adeżjoni mal-UE jikkonformaw mal-pożizzjonijiet u prinċipji tal-UE dwar l-esportazzjonijiet ta' armi u l-kummerċ tal-armi;

45.  Jappella biex ikun hemm monitoraġġ ta' u kooperazzjoni dwar it-traffikar illegali ta' armi, permezz ta' kooperazzjoni li tinvolvi l-forzi tal-pulizija u l-awtoritajiet tal-fruntieri bbażati fuq il-kondiviżjoni ta' informazzjoni u bażijiet ta' dejta sabiex jitnaqqsu r-riskji għas-sigurtà tal-UE u taċ-ċittadini tagħha;

L-iskrutinju pubbliku

46.  Ifakkar li l-gvernijiet għandhom ir-responsabilità politika li jiddeċiedu jekk jesportawx oġġetti militari jew oġġetti ta' użu doppju; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar kull waħda mil-liċenzji li joħorġu sabiex ikun possibbli li jsiru kontrolli fil-livell tal-UE biex jiġi żgurat li pajjiżi ma jonqsux milli jilħqu l-kriterji tal-pożizzjoni komuni minħabba interessi ekonomiċi, politiċi jew personali; jistieden lis-SEAE/COARM jassumu l-kompitu li jeżaminaw liċenzji li jidhru li ma jilħqux il-kriterji tal-pożizzjoni komuni;

47.  Jemmen bis-sħiħ li ċ-ċittadini u l-parlamenti għandhom id-dritt li jiġu infurmati f'dettall dwar id-deċiżjonijiet dwar l-esportazzjonijiet ta' armi tal-gvernijiet tagħhom billi dawn jaffettwaw s-sigurtà u l-benessri tan-nazzjon tagħhom u ta' pajjiżi oħra, u dan f'konformità mal-interessi ta' trasparenza u skrutinju pubbliku akbar; jitlob biex ir-rapporti jinżammu pubbliċi;

48.  Jistieden lill-Kunsill u lis-SEAE biex itejbu l-aċċess għal informazzjoni dwar sanzjonijiet tal-UE u dwar embargos fuq l-armi billi spiss din l-informazzjoni ma tkunx aġġornata jew preżentata b'mod li hu ħafif taċċessa;

49.  Jitlob li s-sorveljanza parlamentari tissaħħaħ kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew permezz ta' rapporti annwali fil-parlamenti; jitlob li l-kwistjoni tal-esportazzjonijiet tal-armi Ewropej tiġi diskussa fil-laqgħa li jmiss tal-Konferenza Interparlamentari dwar il-PESK/PSDK;

50.  Jilqa' konsultazzjonijiet regolari mas-soċjetà ċivili bħala titjib fit-trasparenza; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE/Grupp ta' Ħidma dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali jkomplu japprofondixxu d-djalogu tagħhom mas-soċjetà ċivili, NGOs u l-gruppi ta' riflessjoni relevanti; jinkoraġġixxi s-soċjetà ċivili u l-akkademja teżerċizza skrutinju indipendenti tal-kummerċ tal-armi;

It-teknoloġiji l-ġodda u l-kwistjoni tal-oġġetti b'użu doppju

51.  Iqis li l-iżviluppi teknoloġiċi jagħmluha dejjem itqal biex issir distinzjoni bejn użu purament militari u użu purament ċivili u li, b'hekk, attenzjoni speċjali trid tingħata lil-Lista ta' Użu Doppju fid-dawl tal-Ftehim ta' Wassenaar; jistieden lill-VP/RGħ, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li ma jkun hemm ebda lakuna fil-livell tal-Ftehim ta' Wassenaar u bejn il-Lista Militari u l-annessi tar-Regolament dwar l-Użu Doppju, u jistedinhom ukoll jagħtu attenzjoni partikolari għat-teknoloġiji l-ġodda ta' importanza strateġika, bħas-sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod u t-teknoloġija ta' sorveljanza;

52.  Ifakkar li l-proliferazzjoni ta' ċerti teknoloġija ta' sorveljanza u intrużjoni madwar id-dinja mhumiex biss detrimentali għad-drittijiet tal-bniedem iżda possibbilment huma ta' theddida senifikanti għall-interessi strateġiċi tal-UE u l-infrastruttura diġitali tagħna;

53.  Jilqa' l-inizzjattiva attwali tal-Kummissjoni biex timmodernizza l-kontrolli tal-UE tal-esportazzjonijiet ta' oġġetti b'użu doppju u l-intenzjoni tagħha li tippreżenta proposta leġiżlattiva ġdida fl-ewwel parti tal-2016 għal politiki intelliġenti u effettivi li jirregolaw l-esportazzjonijiet kummerċjali ta' servizzi relatati mal-implimentazzjoni u l-użu ta' teknoloġiji b'użu doppju, waqt li jiġu inklużi salvagwardji effettivi sabiex tevita li tali kontrolli tal-esportazzjonijiet ikunu ta' ħsara għar-riċerka xjentifika u tal-IT; jenfasizza li l-proposta għandha jkollha l-għan li ttejjeb il-koerenza u t-trasparenza tas-sistemi effettivi ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-armi u tieħu kont sħiħ tan-natura dejjem tinbidel tal-isfidi għas-sigurtà u l-pass rapidu ta' żviluppi teknoloġiċi, speċjalment fil-konfront ta' tagħmir ta' softwer ta' sorveljanza u intrużjoni; jilqa' l-ftehim li ntlaħaq fl-4 ta' Diċembru 2013 mill-istati li pparteċipaw fil-Ftehim ta' Wassenaar biex jadottaw kontrolli fl-oqsma ta' sorveljanza, infurzar tal-liġi u għodda biex tinkiseb l-intelligence u sistemi ta' sorveljanza tan-netwerk; ifakkar fil-bżonn urġenti li jiġu indirizzati esportazzjonijiet li possibbilment huma ta' ħsara ta' prodotti u servizzi tal-ICT li jistgħu jintużaw b'rabta ma' ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'ċerti pajjiżi terzi, hekk kif miftiehem fl-Istqarrija Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni f'April 2014;

54.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli riżorsi suffiċjenti biex jiġu implimentati u infurzati b'mod effettiv il-kontrolli fuq esportazzjonijiet ta' użu doppju, sensarija u transitu; jilqa' l-programmi ffinanzjati mill-UE ta' bini tal-kapaċità f'appoġġ għas-sistemi ta' kontroll tal-esportazzjonijiet ta' użu doppju ta' pajjiżi terzi; jistieden lill-Istati Membri jimmobilizzaw il-kapaċitajiet ta' taħriġ fl-UE ukoll;

55.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tkun tista' tagħti malajr lill-kumpaniji li jkollhom dubju dwar jekk għandhomx japplikaw għal liċenzja tal-esportazzjoni, informazzjoni ċara u aġġornata dwar il-legalità jew l-effetti potenzjalment dannużi ta' transazzjonijiet potenzjali;

56.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti għal rieżami dwar kif standards tal-UE dwar l-ICTs jistgħu jintużaw biex jipprevjenu l-impatti potenzjalment dannużi tal-esportazzjoni ta' dawn it-teknoloġiji jew servizzi oħra lejn pajjiżi terzi fejn kunċetti bħal "interċettazzjoni legali" ma jistgħux jiġu kkunsidrati ekwivalenti għal dawk tal-UE, jew pereżempju, għandhom reputazzjoni ħażina tad-drittijiet tal-bniedem jew fejn l-istat tad-dritt ma jeżistix;

57.  Itenni li l-istandards tal-UE, partikolarment dawk elenkati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandha tipprima fuq kunsiderazzjonijiet oħrajn fil-valutazzjoni ta' inċidenti li jinvolvu teknoloġiji ta' użu doppju użati b'mod li jistgħu jirrestrinġu d-drittijiet tal-bniedem;

58.  Jiddeplora l-kooperazzjoni attiva ta' ċerti kumpaniji Ewropej, kif ukoll ta' kumpaniji internazzjonali li jinnegozjaw teknoloġiji b'użu doppju, f'ċirkostanzi fejn jafu dwar l-effetti potenzjalment detrimentali għad-drittijiet tal-bniedem involuti fil-kummerċ ma' reġimi li l-azzjonijiet tagħhom jiksru d-drittijiet tal-bniedem;

59  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni teskludi pubblikament kumpaniji involuti f’dawn l-attivitajiet minn proċeduri ta' akkwist tal-UE, minn finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp u minn kwalunkwe appoġġ finanzjarju ieħor;

60.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI

FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

16.11.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

52

6

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, James Carver, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Arnaud Danjean, Mark Demesmaeker, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Afzal Khan, Janusz Korwin-Mikke, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Vincent Peillon, Tonino Picula, Kati Piri, Andrej Plenković, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Jacek Saryusz-Wolski, Jaromír Štětina, Charles Tannock, László Tőkés, Johannes Cornelis van Baalen, Geoffrey Van Orden

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Ignazio Corrao, Luis de Grandes Pascual, Angel Dzhambazki, Tanja Fajon, Mariya Gabriel, Liisa Jaakonsaari, Javi López, Urmas Paet, Miroslav Poche, Soraya Post, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Igor Šoltes, Renate Sommer, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Beatriz Becerra Basterrechea, Heidi Hautala, Svetoslav Hristov Malinov, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Ivan Štefanec, Patricija Šulin

(1)

It-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, NU, 13-27217.

(2)

Testi adottati, P7_TA (2014) 0081.

(3)

Testi adottati, P8_TA (2015) 0215.

(4)

ĠU L 341, 18.12.2013, p. 56.

(5)

ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2015)0288.

(7)

ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1.

(8)

ĠU L 156, 25.6.2000, p. 79.

(9)

http://www.wassenaar.org/controllists/, ‘list of dual-use goods and technologies and munitions list’, il-Ftehim ta’ Wassenaar dwar il-Kontrolli tal-Esportazzjoni għall-Armi Konvenzjonali u l-Prodotti u t-Teknoloġiji b'Użu Doppju, 25 ta’ Marzu 2015

(10)

A/HRC/RES/24/35

(11)

"Trends in international arms transfers" (Tendenzi internazzjonali dwar trasferimenti ta’ armi), 2014, Skeda Informattiva tas-SIPRI, Marzu 2015

(12)

IANSA, Oxfam International u Saferworld, "Africa’s missing billions – International arms flows and the cost of conflict" (Il-biljuni neqsin tal-Afrika - Il-flussi internazzjonali tal-armi u l-ispiża tal-kunflitt) , 2007

(13)

"Global Burden of Armed Violence" 2015 Every Body Counts (Il-pi¿ globali tal-vjolenza bl-armi 2015: Kull Persuna Tgħodd) - rapport tal-"Geneva Declaration on Armed Violence and Development" (Dikjarazzjoni ta’ Ġinevra dwar il-Vjolenza Armata u l-I¿vilupp)

(14)

"Exploring Tomorrow’s Organised Crime" (Esplorazzjoni tal-Kriminalità Organizzata ta’ Għada), 2015, Europol

Avviż legali