Proċedura : 2015/2010(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0349/2015

Testi mressqa :

A8-0349/2015

Dibattiti :

PV 15/12/2015 - 11
CRE 15/12/2015 - 11

Votazzjonijiet :

PV 16/12/2015 - 11.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0457

RAPPORT     
PDF 837kWORD 278k
2.12.2015
PE 560.686v02-00 A8-0349/2015

li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar li ndaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-Taxxa fuq il-Kumpaniji fi ħdan l-Unjoni

(2015/2010(INL))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteurs: Anneliese Dodds, Luděk Niedermayer

(Inizjattiva – l-Artikolu 46 tar-Regoli ta' Proċedura)

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar li ndaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-Taxxa fuq il-Kumpaniji fi ħdan l-Unjoni

(2015/2010(INL))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' rapport tal-Kumitat Speċjali dwar id-Deċiżjonijiet fil-Qasam tat-Taxxa u Miżuri Oħra ta' Natura jew Effett Simili (2015/2066(INI) (il-Kumitat TAXE)

–  wara li kkunsidra l-Proġett Finali tal-Erożjoni tal-Bażi u Trasferiment tal-Profitt (BEPS) tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD)/G20 ippubblikat fil-5 ta’ Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 46 u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0349/2015),

SEJBIET EWLENIN MILL-ISKANDLU LUXLEAKS

A.  billi konsorzju ta' ġurnalisti, il-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ), dwar deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u prattiki oħra dannużi fil-Lussemburgu (LuxLeaks) żvela f'Novembru 2014 li kważi 340 kumpanija multinazzjonali (MNC) wettqu negozjati sigrieti mal-Lussemburgu li ppermettew lil ħafna minnhom inaqqsu b'mod drastiku l-kontijiet tat-taxxa globali tagħhom għal minimu, għad-detriment tal-interess pubbliku tal-Unjoni, meta huma joħolqu ftit jew xejn attività ekonomika fil-Lussemburgu;

B.  billi r-rivelazzjonijiet urew li ċerti konsulenti tat-taxxa għenu intenzjonalment u b'mod immirat lil kumpaniji multinazzjonali biex jiksbu mill-inqas 548 deċiżjoni tat-taxxa fil-Lussemburgu bejn l-2002 u l-2010; billi dawk in-negozjati sigrieti juru strutturi finanzjarji kumplessi maħsuba biex joħolqu tnaqqis sostanzjali tat-taxxa;

C.  billi, bħala riżultat ta' dawk id-deċiżjonijiet tat-taxxa, għadd ta' kumpaniji bbenefikaw minn rati tat-taxxa effettivi ta' inqas minn 1% fuq il-profitti li ttrasferixxew lejn il-Lussemburgu; billi filwaqt li jibbenefikaw minn diversi beni u servizzi pubbliċi fejn dawn joperaw, ċerti kumpaniji multinazzjonali ma jħallsux is-sehem ġust tagħhom tat-taxxa; billi rati tat-taxxa effettivament qrib iż-żero għall-profitti ġġenerati minn ċerti kumpaniji multinazzjonali jistgħu jagħmlu ħsara lill-Unjoni u lil ekonomiji oħra;

D.  billi f'ħafna każijiet, sussidjarji tal-Lussemburgu li jimmaniġġjaw mijiet ta' miljuni ta' euro fin-negozju jżommu preżenza dgħajfa u jwettqu ftit attività ekonomika fil-Lussemburgu, b'xi indirizzi li jkunu ta' aktar minn 1,600 kumpanija;

E.  billi l-investigazzjonijiet li twettqu mill-Kumitat TAXE żvelaw li l-prattika tad-deċiżjonijiet tat-taxxa ma sseħħx esklussivament fil-Lussemburgu iżda hija komuni madwar l-Unjoni; billi l-prattika tad-deċiżjonijiet tat-taxxa tista' tintuża leġittimament biex tipprovdi ċ-ċertezza tad-dritt neċessarja għan-negozju u biex tnaqqas ir-riskju finanzjarju għal ditti onesti, iżda madankollu hija miftuħa għal abbuż potenzjali u evitar tat-taxxa u tista', peress li tipprovdi ċertezza tad-dritt lill-atturi magħżula biss, toħloq ċertu grad ta' inugwaljanza bejn il-kumpaniji li jkunu ngħataw deċiżjonijiet u l-kumpaniji li ma jużawx tali deċiżjonijiet;

F.  billi ġie kkunsidrat ir-rapport mill-OECD, ippubblikat fit-12 ta’ Frar 2013, bit-titolu Nindirizzaw l-erożjoni tal-bażi u trasferiment tal-profitti, li ppropona standards internazzjonali ġodda għall-ġlieda kontra l-BEPS;

G.  billi ġiet ikkunsidrata wkoll Communiqué maħruġa wara l-Laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi u l-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tal-G20 li saret fil-5 ta' Ottubru 2015;

H.  billi, b'xi eċċezzjonijiet ta' min ifaħħarhom, il-mexxejja politiċi nazzjonali ma indirizzawx il-problema tal-evitar tat-taxxa fit-tassazzjoni korporattiva b'mod opportun biżżejjed;

I.  billi l-Unjoni Ewropea għamlet passi kbar lejn l-integrazzjoni ekonomika bħal pereżempju l-Unjoni Ekonomika u Monetarja kif ukoll l-Unjoni Bankarja u billi l-koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni tal-politiki tat-taxxa fil-limiti tat-Trattat hija parti indispensabbli mill-proċess ta’ integrazzjoni;

TASSAZZJONI KORPORATTIVA U PPJANAR AGGRESSIV TAT-TAXXA

J.  billi d-dħul tat-taxxa fuq l-introjtu korporattiv għat-28 Stat Membru tal-Unjoni ammonta għal medja ta' 2,6 % tal-PDG fl-2012(1);

K.  billi, f'kuntest fejn l-investiment u t-tkabbir huma nieqsa, huwa importanti li jinżammu l-kumpaniji fl-Unjoni jew jiġu attirati lejha u billi, għaldaqstant, huwa kruċjali li l-Unjoni trawwem l-attraenza tagħha għan-negozji lokali u barranin;

L.  billi l-ippjanar tat-taxxa kollu għandu jitwettaq fi ħdan il-parametri tal-liġi u tat-trattati applikabbli;

M.  billi l-ippjanar aggressiv tat-taxxa jikkonsisti f'li wieħed jieħu vantaġġ mit-teknikalitajiet ta' sistema tat-taxxa, jew mid-diskrepanzi bejn żewġ sistemi tat-taxxa jew aktar jew mil-lakuni legali, bl-iskop li titnaqqas l-obbligazzjoni ta’ taxxa;

N.  billi l-iskemi ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa ħafna drabi jirriżultaw fl-użu ta' kombinazzjoni ta' diskrepanzi tat-taxxa internazzjonali, regoli tat-taxxa nazzjonali speċifiċi favorevoli ħafna u l-użu tar-rifuġji fiskali;

O.  billi, għall-kuntrarju tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa jikkostitwixxu fuq kollox attività illegali li tevita l-obbligazzjonijiet ta' taxxa;

P.  billi jidher li r-reazzjoni l-aktar adegwata għall-ippjanar aggressiv tat-taxxa hija leġiżlazzjoni tajba, l-implimentazzjoni xierqa tagħha u l-koordinazzjoni internazzjonali fir-rigward tal-eżiti mixtieqa;

Q.  billi t-telf ġenerali fi dħul Statali minħabba l-evitar tat-taxxa mit-tassazzjoni korporattiva ġeneralment jiġi kkumpensat jew biż-żieda tal-livell ġenerali tat-tassazzjoni, jew bil-qtugħ tas-servizzi pubbliċi, jew inkella biż-żieda fis-self nazzjonali, u għalhekk issir ħsara lill-kontribwenti l-oħra kif ukoll lill-ekonomija ġenerali;

R.  billi hemm studju(2) li jistma li t-telf tad-dħul għall-Unjoni minħabba l-evitar tat-taxxa minn tassazzjoni korporattiva jista' jammonta għal madwar EUR 50-70 biljun fis-sena, fejn din iċ-ċifra tirrappreżenta s-somma mitlufa minħabba t-trasferiment tal-profitt u billi dan l-istudju jistma wkoll li telf tad-dħul għall-Unjoni minħabba l-evitar tat-taxxa minn tassazzjoni korporattiva jista’ fir-realtà jammonta għal madwar EUR 160-190 biljun jekk jiġu kkunsidrati l-arranġamenti speċjali ta’ taxxa, l-ineffiċjenzi fil-ġbir ta' taxxa u attivitajiet oħra ta’ dan it-tip;

S.  billi l-istess istudju jistma li l-effiċjenza tad-dħul tat-taxxa fuq l-introjtu korporattiv hija 75 %, għalkemm l-istudju jikkonferma wkoll li din ma tirrappreżentax l-ammonti li jistgħu jkunu mistennija li jiġu rkuprati mill-awtoritajiet tat-taxxa, peress li ċertu perċentwal ta' dawk l-ammonti jkun eċċessivament għali jew teknikament diffiċli biex jinġabar; billi skont l-istudju, kieku hemm disponibbli soluzzjoni sħiħa għall-problema tal-BEPS u din tiġi implimentabbli madwar l-Unjoni, l-impatt pożittiv stmat fuq id-dħul mit-taxxa għall-gvernijiet tal-Istati Membri jkun 0,2 % tad-dħul mit-taxxa totali;

T.   billi t-telf li jirriżulta mill-BEPS jirrappreżenta theddida għall-funzjonament xieraq tas-suq intern u għall-kredibbiltà, l-effiċjenza u l-ekwità tas-sistemi tat-taxxa korporattiva fl-Unjoni; billi l-istess studju jagħmilha ċara wkoll li l-kalkoli tiegħu ma jinkludux stimi tal-attività fi ħdan l-ekonomija moħbija, u li l-opaċità tal-istrutturi u l-ħlasijiet ta' ċerti kumpaniji tfisser li huwa diffiċli li jiġi stmat l-impatt fuq id-dħul mit-taxxa b'mod preċiż, u għalhekk jista' jkun hemm impatt sinifikament akbar minn dak li jistma r-rapport;

U.  billi t-telf li jirriżulta mill-BEPS juri wkoll b'mod ċar in-nuqqas ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn dawk il-kumpaniji li joperaw biss fi Stat Membru wieħed u jħallsu t-taxxi tagħhom hemmhekk, b'mod partikolari l-SMEs, in-negozji tal-familja u l-persuni li jaħdmu għal rashom, u ċerti kumpaniji multinazzjonali li huma kapaċi jittrasferixxu l-profitti minn ġurisdizzjonijiet ta' taxxa għolja lejn dawk ta' taxxa baxxa u jidħlu fi ppjanar aggressiv tat-taxxa, biex b'hekk inaqqsu l-bażi tat-taxxa ġenerali tagħhom u jpoġġu aktar pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi għad-detriment taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-SMEs;

V.  billi l-użu ta' prattiki ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa minn kumpaniji multinazzjonali jmur kontra l-prinċipju ta' kompetizzjoni ġusta u responsabilità korporattiva kif stabbilit fil-komunikazzjoni COM(2011)681 final billi t-tfassil ta' strateġiji ta' ppjanar tat-taxxa jeħtieġ riżorsi li huma disponibbli biss għad-ditti l-kbar u billi dan jirriżulta f'nuqqas ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn l-SMEs u l-korporazzjonijiet il-kbar, li għandu jiġi indirizzat b'mod urġenti;

W.  billi jenfasizza wkoll, li l-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa fl-Unjoni u fir-rigward tal-pajjiżi terzi tista' tkun ta’ ħsara f'xi każijiet u tista’ twassal għal ġirja lejn l-iktar livell baxx f’termini ta’ rati tat-taxxa filwaqt li t-titjib fit-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza jipprovdi qafas effettiv biex jiggarantixxi l-kompetizzjoni ġusta bejn id-ditti fl-Unjoni u jipproteġi l-baġits tal-Istat minn eżiti negattivi;

X.  billi l-miżuri li jippermettu ppjanar aggressiv tat-taxxa mhumiex kompatibbli mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri;

Y.  billi l-ippjanar aggressiv tat-taxxa huwa ffaċilitat biż-żieda tal-kumplessità tan-negozju u bid-diġitalizzazzjoni u l-globalizzazzjoni tal-ekonomija, fost fatturi oħra, li jwasslu għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li huma ta' ħsara għat-tkabbir u għall-kumpaniji tal-Unjoni, b'mod partikolari l-SMEs;

Z.  billi l-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa ma tistax tiġi indirizzata mill-Istati Membri individwalment; billi l-politiki dwar it-taxxa korporattiva li ma jkunux trasparenti u kkoordinati jġorru riskju għall-politika dwar it-taxxa tal-Istati Membri, u jwasslu għal eżiti mhux produttivi bħaż-żieda tat-tassazzjoni tal-bażijiet tat-taxxa inqas mobbli;

AA.  billi n-nuqqas ta' azzjoni kkoordinata qed iwassal ħafna Stati Membri biex jadottaw miżuri nazzjonali unilaterali; billi miżuri bħal dawn ħafna drabi wrew li huma ineffettivi, insuffiċjenti u f'xi każijiet anke detrimentali għall-kawża;

AB.  billi dak li huwa meħtieġ għaldaqstant huwa approċċ ikkoordinat u pluridimensjonali fil-livell nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali;

AC.  billi l-Unjoni kienet pijunier fil-ġlieda globali kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, b'mod partikolari bil-promozzjoni tal-progress fil-livell tal-OECD fir-rigward tal-proġett tal-BEPS; billi l-Unjoni għandu jkompli jkollha r-rwol ta' pijunier hekk kif il-proġett tal-BEPS jiżviluppa, biex tipprova tipprevjeni l-ħsara li l-BEPS jistgħu jikkawżaw kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp madwar id-dinja; inkluż l-iżgurar ta’ azzjonijiet dwar il-BEPS u lil hinn minn kwistjonijiet marbuta mal-BEPS ta' importanza sinifikanti għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp bħal dawk deskritti fir-rapport dwar il-Grupp ta' Ħidma tal-G20 dwar l-Iżvilupp fl-2014;

AD.  billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li pakkett komprensiv ta’ miżuri tal-OECD dwar il-BEPS jiġi implimentat bħala standard minimu fil-livell tal-Unjoni u jibqa' ambizzjuż; billi huwa ta’ importanza kruċjali li l-pajjiżi kollha tal-OECD jimplimentaw il-proġett tal-BEPS;

AE.  billi l-Kummissjoni għandha tfassal b’mod ċar kif se tikseb il-15-il riżultat tanġibbli tal-proġett tal-BEPS tal-OECD/G20 lil hinn u barra mill-oqsma ta’ azzjoni li diġà ssemmew f’dan ir-rapport, filwaqt li tipproponi mill-aktar fis possibbli pjan ambizzjuż ta’ miżuri leġiżlattivi, sabiex tinkoraġġixxi pajjiżi oħra biex isegwu l-linji gwida tal-OECD u l-eżempju tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni; billi l-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll l-oqsma li fihom l-Unjoni għandha tmur lil hinn mill-istandards minimi li tirrakkomanda l-OECD;

AF.  billi skont it-Trattati tal-Unjoni, is-setgħa ta' leġiżlazzjoni fuq it-tassazzjoni korporattiva bħalissa tinsab f'idejn l-Istati Membri, iżda madankollu l-maġġoranza kbira tal-problemi marbuta mal-ippjanar aggressiv tat-taxxa huma ta' natura multinazzjonali;

AG.  billi aktar koordinazzjoni tal-politiki dwar it-taxxa nazzjonali għalhekk tirrappreżenta l-uniku mod fattibbli biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u jiġu evitati miżuri li jiffavorixxu kumpaniji multinazzjonali kbar għad-detriment tal-SMEs;

AH.  billi n-nuqqas ta’ koordinazzjoni tal-politiki dwar it-taxxa fl-UE jwassal għal spiża u piż amministrattiv sinifikanti għaċ-ċittadini u n-negozji li joperaw f’aktar minn Stat Membru wieħed fi ħdan l-Unjoni - dan jgħodd saħansitra aktar għall-SMEs - u jirriżulta f’tassazzjoni doppja mhux intenzjonata, nontassazzjoni doppja, jew jiffaċilita l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u billi każijiet bħal dawn għandhom jiġu eliminati u għalhekk jeħtieġu soluzzjonijiet aktar trasparenti u aktar sempliċi;

AI.  billi għandha tingħata attenzjoni speċifika fit-tfassil tar-regoli tat-taxxa u l-proċeduri amministrattivi proporzjonati lill-SMEs u n-negozji tal-familja, li huma s-sinsla tal-ekonomija tal-Unjoni;

AJ.  billi sas-26 ta' Ġunju 2017 irid ikun operattiv fl-Unjoni kollha reġistru għas-sjieda benefiċjarja, li jgħin fit-traċċar ta' evitar tat-taxxa u ta' trasferiment tal-profitti possibbli;

AK.  billi r-rivelazzjonijiet tal-iskandlu LuxLeaks u l-ħidma mwettqa mill-Kumitat TAXE juru biċ-ċar il-ħtieġa ta' miżuri leġiżlattivi tal-Unjoni biex itejbu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-taxxa korporattiva fl-Unjoni;

AL.  billi t-tassazzjoni korporattiva għandha tiġi ggwidata mill-prinċipju tat-tassazzjoni tal-profitti meta dawn ikunu ġġenerati;

AM.  billi l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom ikomplu jkollhom rwol attiv ħafna fl-arena internazzjonali sabiex jaħdmu għall-istabbiliment ta' standards internazzjonali bbażati primarjament fuq il-prinċipji tat-trasparenza, l-iskambju ta' informazzjoni u t-tneħħija ta' miżuri dannużi ta' tassazzjoni;

AN  billi l-prinċipju ta' "Koerenza Politika għall-Iżvilupp", kif stabbilit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jeħtieġ li l-Unjoni tassigura li l-istadji kollha tat-tfassil tal-politika f'kull qasam, inkluż fir-rigward tat-tassazzjoni korporattiva, ma jimmilitawx kontra, u minflok jippromwovu, l-għan tal-iżvilupp sostenibbli;

AO.  billi approċċ ikkoordinat għas-sistema tat-tassazzjoni korporattiva madwar l-Unjoni se jkun jippermetti l-indirizzar tal-kompetizzjoni inġusta u t-tisħiħ tal-kompetittività tal-kumpaniji tal-Unjoni, b’mod partikolari l-SMEs;

AP.  billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jużaw iktar is-soluzzjonijiet elettroniċi fil-proċeduri relatati mat-tassazzjoni sabiex inaqqsu l-piżijiet amministrattivi u jissimplifikaw il-proċeduri transfruntiera;

AQ.  billi l-Kummissjoni għandha tivvaluta l-impatt tal-benefiċċji tat-taxxa mogħtija lil żoni ekonomiċi speċjali eżistenti fl-Unjoni, u f’dan ir-rigward iħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet tat-taxxa;

TRASPARENZA

AR.  billi ż-żieda fit-trasparenza fil-qasam tat-tassazzjoni korporattiva tista’ ttejjeb il-ġbir tat-taxxa, tagħmel ix-xogħol tal-awtoritajiet tat-taxxa aktar effiċjenti u hija kruċjali biex tiġi żgurata ż-żieda fil-fiduċja pubblika u l-kunfidenza fis-sistemi tat-taxxa u l-gvernijiet, u din għandha tkun prijorità importanti;

(i)  billi aktar trasparenza fir-rigward tal-attivitajiet ta' kumpaniji multinazzjonali kbar, u b'mod partikolari rigward il-profitti magħmula, it-taxxi fuq profitt imħallas, is-sussidji rċevuti u d-dikjarazzjonijet tat-taxxa, in-numru ta' impjegati u assi li għandhom, hija essenzjali biex ikun żgurat li l-amministrazzjonijiet tat-taxxa jindirizzaw il-BEPS b'mod effiċjenti; billi jeħtieġ li jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn it-trasparenza, il-protezzjoni tad-data personali u s-sensittività kummerċjali, kif ukoll li jiġi kkunsidrat l-impatt fuq negozji iżgħar; billi forma waħda vitali għal dan it-trasparenza li għandha tittieħed hija r-rappurtar pajjiż b'pajjiż; billi kwalunkwe proposta tal-Unjoni għar-rappurtar pajjiż b'pajjiż għandha fl-ewwel istanza tkun ibbażata fuq il-mudell tal-OECD; billi huwa possibbli li l-Unjoni tmur lil hinn mil-linji gwida tal-OECD u tagħmel obbligatorju u pubbliku dan ir-rappurtar pajjiż b'pajjiż, u fl-emendi tiegħu adottati fit-8 ta' Lulju 2015(3) fuq il-proposta għal Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti, il-Parlament Ewropew ivvota favur rappurtar pubbliku pajjiż b'pajjiż; billi l-Kummissjoni Ewropea wettqet konsultazzjoni dwar dan is-suġġett bejn is-17 ta' Ġunju u d-9 ta' Settembru 2015 sabiex tesplora l-għażliet differenti għall-implimentazzjoni tar-rappurtar pajjiż b'pajjiż(4); billi 88% ta' dawk li wieġbu pubblikament għal din il-konsultazzjoni ddikjaraw li jappoġġjaw l-iżvelar pubbliku min-naħa tal-impriżi ta' informazzjoni marbuta mat-taxxa;

(ii)   billi t-twettiq ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa mill-korporazzjonijiet mhuwiex kompatibbli mar-Responsabilità Soċjali Korporattiva; billi xi kumpaniji fl-Unjoni diġà bdew juru li huma konformi għal kollox mat-taxxa billi japplikaw għas-sjieda tagħhom ta' tikketta ta' "Kontribwent tat-Taxxa Ġusta" u jippromwovuha(5) u billi miżuri bħal dawn jistgħu jservu ta’ deterrent qawwi u jbiddlu l-imġiba, permezz tar-riskju ta’ reputazzjoni għal nuqqas ta’ konformità, tali tikketta għandha tkun ibbażata fuq kriterji komuni fil-livell Ewropew;

(iii)  billi żieda fit-trasparenza tista' tintlaħaq jekk l-Istati Membri jinfurmaw lil xulxin u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe konċessjoni, eżenzjoni, eċċezzjoni, inċentiv jew miżura simili ġdida li jista' jkollha impatt materjali fuq ir-rata tat-taxxa effettiva tagħhom; billi tali notifika tkun tgħin lill-Istati Membri biex jidentifikaw prattiki dwar it-taxxa dannużi;

(iv)  billi, minkejja l-ftehim reċenti tal-Kunsill dwar l-emenda tad-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku ta’ deċiżjonijiet tat-taxxa, għad hemm riskji li l-Istati Membri ma jikkomunikawx biżżejjed bejniethom dwar l-impatt possibbli li l-arranġamenti tat-taxxa tagħhom ma' ċerti kumpaniji jista’ jkollhom fuq il-ġbir tat-taxxa fi Stati Membri oħra; billi l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali għandhom awtomatikament jiskambjaw id-deċiżjonijiet kollha tat-taxxa mingħajr dewmien wara li jkunu nħarġu; billi l-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għal deċiżjonijiet tat-taxxa, permezz ta’ direttorju ċentrali sikur; billi d-deċiżjonijiet tat-taxxa ffirmati mill-awtoritajiet tat-taxxa għandhom ikunu soġġetti għal trasparenza akbar, sakemm jiġu ppreservati l-informazzjoni kunfidenzjali u l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva;

(v)  billi portijiet mingħajr dazju huma rrappurtati li qed jintużaw biex jaħbu tranżazzjonijiet mill-awtoritajiet tat-taxxa;

(vi)  billi l-progress fil-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa jista' jiġi mmonitorjat biss b'metodoloġija armonizzata li tista' tintuża biex jiġi stmat id-daqs tad-distakki fiskali diretti u indiretti fl-Istati Membri, u madwar l-Unjoni kollha kemm hi; billi stima tad-distakk fiskali għandha tirrappreżenta biss il-bidu tal-provvediment ta' informazzjoni addizzjonali dwar kwistjonijiet tat-taxxa;

(vii)  billi l-qafas legali attwali fl-Unjoni kollha biex jiġu protetti l-informaturi huwa insuffiċjenti, u teżisti varjazzjoni sinifikanti bejn l-modi li bihom Stati Membri differenti jipprovdu protezzjoni għall-informaturi; billi fin-nuqqas ta' tali protezzjoni, wieħed jista' jifhem li dawk l-impjegati li jkollhom informazzjoni vitali se jkunu riluttanti li jersqu 'l quddiem u għalhekk dik l-informazzjoni mhux se tkun disponibbli; billi minn meta l-informaturi għenu biex tiġi mmobilizzata l-attenzjoni pubblika dwar il-kwistjoni tat-tassazzjoni inġusta, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw miżuri li jipproteġu tali attività; billi għalhekk ikun xieraq li tiġi offruta protezzjoni fl-Unjoni kollha għall-informaturi li jirrappurtaw suspetti ta' kondotta ħażina, mġiba ħażina, frodi jew attività illegali lir-regolaturi nazzjonali jew, f'każijiet ta' kondotta ħażina, mġiba ħażina, frodi jew attività illegali persistenti mhux indirizzata li tista' taffettwa l-interess pubbliku u lill-pubbliku ġenerali; billi din il-protezzjoni għandha tkun koerenti mas-sistema legali ġenerali; billi din il-protezzjoni għandha tkun effettiva kontra prosekuzzjonijiet legali mhux ġustifikati, sanzjonijiet ekonomiċi u diskriminazzjonijiet;

KOORDINAZZJONI

AS.  billi s-setgħa ta' leġiżlazzjoni fuq it-tassazzjoni korporattiva tinsab għand l-Istati Membri, iżda madankollu l-maġġoranza kbira tal-problemi marbuta mal-ippjanar aggressiv tat-taxxa hija ta' natura multinazzjonali; billi aktar koordinazzjoni tal-politiki dwar it-taxxa nazzjonali għalhekk tirrappreżenta l-uniku mod possibbli biex jiġu indirizzati l-problemi tal-BEPS u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa;

(i)  billi Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva obbligatorja fl-Unjoni kollha (BKKTK) se tkun pass kbir lejn is-soluzzjoni ta' dawk il-problemi assoċjati mal-ippjanar aggressiv tat-taxxa fi ħdan l-Unjoni u għandha tiġi introdotta bħala kwistjoni urġenti; billi l-għan aħħari huwa BKKTK sħiħa, obbligatorja u possibbilment b’eżenzjoni temporanja għall-SMEs li mhumiex kumpaniji multinazzjonali u kumpaniji b’attività transfruntiera, u b'metodu tat-tqassim proporzjonali tal-formoli bbażat fuq taħlita ta’ fatturi varjabbli oġġettivi; billi sakemm m'hemmx BKKTK sħiħa fis-seħħ, il-Kummissjoni qed tikkunsidra miżuri temporanji biex jikkontrobattu l-opportunitajiet tat-trasferiment tal-profitt; billi huwa meħtieġ li jiġi żgurat li dawk il-miżuri, li jinkludu t-tpaċija tat-telf transfruntier, ma jżidux ir-riskju tal-BEPS; billi dawn il-miżuri mhumiex sostitut perfett għall-konsolidazzjoni u jeħtieġ iż-żmien biex dan ir-reġim il-ġdid ikun kompletament operattiv.

(ii)  billi minkejja l-ħidma tal-Grupp tal-Kodiċi ta' Kondotta dwar it-tassazzjoni korporattiva dannuża, il-miżuri ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa jibqgħu jeżistu fl-Unjoni kollha; billi t-tentattivi fil-passat biex jissaħħu l-governanza u l-mandat tal-Grupp, u biex jiġu aġġustati u mwessgħin il-metodi ta' ħidma u l-kriterji stabbiliti fil-Kodiċi, bil-għan li jiġu miġġielda forom ġodda ta' prattiki dwar it-taxxa dannużi fl-ambjent ekonomiku attwali, ma kinux ta' suċċess; billi l-attivitajiet tal-Grupp huma kkaratterizzati minn nuqqas ġenerali ta' trasparenza u responsabilità; billi għalhekk l-effiċjenza u l-funzjonament tal-Grupp jeħtieġ li jiġi rriformat u jsir aktar effettiv u trasparenti, b’mod partikolari permezz tal-pubblikazzjoni ta’ rapporti annwali u minuti, inkluża l-indikazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-Istati Membri; billi l-grupp għandu jkun jista' jieħu pożizzjonijiet dwar kwistjonijiet li jirriżultaw minn politiki dwar it-taxxa f’aktar minn Stat Membru wieħed mingħajr minoranza żgħira ta’ Stati Membri jimblukkaw rakkomandazzjonijiet;

(iii)  billi l-prinċipju ġenerali tat-tassazzjoni korporattiva fl-Unjoni għandu jkun li t-taxxi jitħallsu fil-pajjiżi fejn issir l-attività ekonomika attwali tal-kumpanija u l-ħolqien tal-valur; billi għandhom jiġu żviluppati kriterji biex ikun żgurat li dan iseħħ; billi kwalunkwe użu ta’ "sistema ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi" jew reġimi ta’ taxxa preferenzjali jridu wkoll jiżguraw li t-taxxi jitħallsu fil-post fejn jiġi ġġenerat valur, skont il-kriterji definiti fl-Azzjoni 5 tal-BEPS, filwaqt li jiġu stabbiliti definizzjonijiet komuni Ewropej għal dak li jikkwalifika bħala l-promozzjoni tar-R&Ż, u x’ma jikkwalifikax, u għall-armonizzazzjoni tal-użu ta' sistema ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi u ta' reġim ta' taxxa favorevoli għall-innovazzjoni, inkluż li d-data tal-abolizzjoni tar-reġim il-qadim titressaq għat-30 ta' Ġunju 2017;

(iv)  billi ċerti Stati Membri introduċew b'mod unilaterali Korporazzjoni Kkontrollata Minn Barra l-Pajjiż (CFC) sabiex jiġi żgurat b'mod adegwat li l-profitti mpoġġija f'pajjiż b'taxxa baxxa jew mingħajr taxxa jkunu effettivament intaxxati; billi jeħtieġ li dawk ir-regoli jkunu kkoordinati sabiex jiġi evitat li d-diversità tar-regoli nazzjonali dwar is-CFC fi ħdan l-Unjoni tfixkel il-funzjonament tas-suq intern;

(v)  billi d-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011(6) tipprovdi għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-ispezzjonijiet u l-awditi tat-taxxa u tinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet fiskali; billi, madankollu, l-istrumenti previsti f'dik id-Direttiva mhumiex effettivi biżżejjed u l-approċċi diverġenti nazzjonali għall-kumpaniji tal-awditjar jikkuntrastaw mat-tekniki ta' ppjanar tat-taxxa organizzati ħafna ta' ċerti kumpaniji;

(vi)  billi biex ikun effettiv l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni b'mod ġenerali u informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa b'mod partikolari, hija meħtieġa sistema komuni ta' Numru ta' Identifikazzjoni tat-Taxxa Ewropew; billi l-Kummissjoni għandha tikkunsidra t-twaqqif ta’ reġistru kummerċjali komuni Ewropew;

(vii)  billi l-Kummissjoni ddeċidiet li ttawwal il-mandat tal-Pjattaforma għal Governanza Tajba fil-Qasam tat-Taxxa - li kellu jiskadi fl-2016 - kif ukoll tespandi l-kamp ta' applikazzjoni tagħha u ttejjeb il-metodi ta' ħidma tagħha; billi l-Pjattaforma tista' tgħin biex jitwettaq il-Pjan ta' Azzjoni ġdid biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, ikunu ffaċilitati d-diskussjonijiet dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri fid-dawl tar-regoli ġodda proposti dwar l-iskambju ta' informazzjoni, u jkun ipprovdut feedback dwar inizjattivi ġodda kontra l-evitar; billi, madankollu, jeħtieġ li l-Kummissjoni tagħti spinta lill-profil, twessa' s-sħubija u żżid l-effettività tal-Pjattaforma għal Governanza Tajba fil-Qasam tat-Taxxa;

(viii)  billi l-Kummissjoni għandha tanalizza u titlob l-implimentazzjoni tar-riformi għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa fi ħdan il-proċess tas-Semestru Ewropew, biex ittejjeb il-kapaċità tal-ġbir ta' taxxi tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali sabiex iwettqu r-rwoli tagħhom b'mod effettiv u b'hekk irawmu l-impatt pożittiv tal-ġbir effettiv tat-taxxa u ta' azzjonijiet effettivi kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa fuq id-dħul tal-Istati Membri;

KONVERĠENZA

AT.  billi koordinazzjoni mtejba waħedha mhux se ssolvi l-problemi fundamentali li jirriżultaw mill-fatt li jeżistu regoli differenti rigward it-tassazzjoni korporattiva fi Stati Membri differenti; billi parti mir-reazzjoni komprensiva għall-ippjanar aggressiv tat-taxxa għandha tinvolvi l-konverġenza ta' numru limitat ta' prattiki tat-taxxa nazzjonali; billi dan jista' jinkiseb filwaqt li xorta tiġi mħarsa s-sovranità tal-Istati Membri fir-rigward ta' elementi oħra tas-sistemi tat-taxxa korporattiva tagħhom;

(i)  billi prattiki ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa xi drabi jistgħu jirriżultaw mill-benefiċċji kumulattivi ta' trattati dwar tassazzjoni doppja konklużi mill-Istati Membri differenti, li minflok jirriżultaw b'mod pervers f'nontassazzjoni doppja; billi l-proliferazzjoni ta' trattati tat-taxxa doppja ffirmati minn Stati Membri individwali ma' pajjiżi terzi tista' twassal għal opportunitajiet għal lakuni ġodda; billi, f'konformità mal-Azzjoni 15 tal-proġett tal-BEPS tal-OECD/G20, hemm il-bżonn li jiġi żviluppat strument multilaterali biex jiġu emendati t-trattati dwar it-taxxa bilaterali; billi l-Kummissjoni għandu jkollha l-mandat li tinnegozja ftehimiet tat-taxxa ma' pajjiżi terzi f'isem l-Unjoni minflok il-prattika attwali li taħtha jitwettqu negozjati bilaterali, li jipproduċu riżultati sub-ottimali. billi l-Kummissjoni għandha tiżgura li ftehimiet bħal dawn ikollhom dispożizzjonijiet ta’ reċiproċità u jipprojbixxu kwalunkwe impatt negattiv fuq iċ-ċittadini u n-negozji, b’mod partikolari l-SMEs, li jirriżulta mill-applikazzjoni extraterritorjali tal-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż terz taħt il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha;

(ii)  billi l-Unjoni għandu jkollha definizzjoni aġġornata tagħha stess ta' "rifuġji fiskali";

(iii)  billi l-Unjoni għandha tapplika kontromiżuri lejn kumpaniji li jagħmlu użu minn rifuġji fiskali bħal dawn; billi dan diġà ġie mitlub fir-Rapport tal-Parlament Ewropew dwar ir-Rapport Annwali dwar it-Taxxa tal-2014(7), li talab li "jiddaħħlu sanzjonijiet ħorox biex ikun evitat li kumpaniji jiksru jew jevitaw l-istandards tat-taxxa, billi ma jibqgħux jingħataw fondi tal-UE u aċċess għall-għajnuna mill-istat jew għall-akkwist pubbliku lil kumpaniji frawdolenti jew kumpaniji li jinsabu f'rifuġji tat-taxxa jew pajjiżi li jgħawġu l-kompetizzjoni b'kundizzjonijiet favorevoli tat-taxxa; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirkupraw kull tip ta' appoġġ pubbliku mogħti lil kumpaniji jekk dawn ikunu involuti fi ksur tal-istandards tat-taxxa tal-UE"; billi l-Istati Membri għandhom ikunu wkoll soġġetti għal kontromiżuri f'każ li jirrifjutaw li jaġixxu biex jimmodifikaw ir-reġimi tat-taxxa preferenzjali ta' ħsara tagħhom li jimminaw l-eżistenza ta' kundizzjonijiet ekwi fl-UE;

(iv)  billi definizzjoni vinkolanti ġdida ta' "stabbiliment permanenti" hija meħtieġa biex jiġi żgurat li t-tassazzjoni sseħħ fejn issir l-attività ekonomika u jinħoloq il-valur ekonomiku; billi dan għandu jkun akkumpanjat minn kriterji minimi vinkolanti biex jiġi determinat jekk attività ekonomika għandhiex sustanza suffiċjenti biex tiġi intaxxata fi Stat Membru sabiex tiġi evitata l-problema ta' "kumpanija tal-isem", b'mod partikolari fir-rigward tal-isfidi mnedija mill-ekonomija diġitali;

(v)  billi l-investigazzjonijiet kontinwi tal-Kummissjoni fl-allegat ksur tar-regoli ta' għajnuna mill-istat tal-Unjoni wrew nuqqas ta' trasparenza li toħloq ostakli dwar il-mod li bih għandhom jiġu applikati dawk ir-regoli; billi biex tirrettifika dan, il-Kummissjoni għandha tippubblika linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tikkjarifika kif se tiddetermina każijiet ta' għajnuna mill-Istat relatati mat-taxxa, u b'hekk tipprovdi aktar ċertezza tad-dritt għall-kumpaniji u l-Istati Membri bl-istess mod; billi fil-qafas tal-modernizzazzjoni tar-reġim tal-għajnuna mill-Istat il-Kummissjoni għandha tiżgura kontroll ex-post effettiv tal-legalità tal-għajnuna mill-Istat mogħtija;

(vi)  billi wieħed mill-effetti mhux intenzjonati tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/49/KE(8) huwa li l-imgħax transfruntier u l-introjtu ta' royalties jistgħu jkunu mhux intaxxati (jew intaxxati f'livell baxx ħafna); billi regola ġenerali kontra l-abbużi għandha tiġi introdotta f'dik id-Direttiva kif ukoll fid-Direttiva tal-Kunsill 2005/19/KE(9) u leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni;

(vii)  billi taxxa minn ras il-għajn fl-Unjoni kollha jew miżura li jkollha effett simili, tkun tiżgura li l-profitti kollha ġġenerati fl-Unjoni, u li huma mistennija li jitilqu mill-Unjoni, jiġu intaxxati tal-inqas darba fl-Unjoni qabel ma jħallu l-fruntieri tal-Unjoni.

(viii)  billi l-qafas attwali tal-Unjoni dwar is-soluzzjoni tat-tilwim dwar tassazzjoni doppja bejn l-Istati Membri ma jaħdimx b'mod effettiv u jkun jibbenefika minn regoli aktar ċari u skedi ta' żmien aktar stretti, billi jkompli jibni fuq is-sistemi diġà stabbiliti;

(ix)  billi l-konsulenti tat-taxxa għandhom rwol kruċjali fil-faċilitazzjoni ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa, billi jgħinu lill-kumpaniji jistabbilixxu strutturi legali kumplessi sabiex jieħdu vantaġġ mid-diskrepanzi u l-lakuni li jinħolqu minn sistemi ta' taxxa differenti; billi rieżami fundamentali tas-sistema tat-taxxa korporattiva ma tistax isseħħ mingħajr ma jiġu investigati l-prattiki ta' dawn id-ditti ta' konsulenza; billi din l-investigazzjoni għandha tinkludi kunsiderazzjoni tal-kunflitt ta' interess inerenti f'dawn id-ditti, li b'mod simultanju jipprovdu konsulenza lill-gvernijiet nazzjonali dwar it-twaqqif ta' sistemi fiskali u ta' konsulenza lill-kumpaniji dwar kif jistgħu jottimizzaw ir-responsabilità fiskali tagħhom f'dawn is-sistemi;

AU.  billi l-effiċjenza ġenerali tal-ġbir tat-taxxa, il-kunċett ta' ekwità tat-taxxa u l-kredibilità tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali ma jiddgħajfux biss permezz ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa u attivitajiet tal-BEPS; billi l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni simili deċiżiva biex jindirizzaw il-problemi tal-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa fit-tassazzjoni korporattiva u individwali kif ukoll problemi relatati mal-ġbir ta' taxxi li mhumiex taxxi korporattivi, b'mod partikolari l-VAT; billi dawk l-elementi l-oħra ta' ġbir u amministrazzjoni tat-taxxa jirrappreżentaw parti sostanzjali tad-distakk fiskali eżistenti;

AV.  billi l-Kummissjoni għalhekk għandha tikkunsidra wkoll kif se tindirizza dawk il-kwistjonijiet usa', b'mod partikolari l-infurzar tar-regoli dwar il-VAT fl-Istati Membri u tal-applikazzjoni tagħhom f'każijiet transfruntiera kif ukoll l-ineffiċjenzi fil-ġbir tal-VAT (li f'xi Stati Membri jikkostitwixxi sors prinċipali tad-dħul nazzjonali) u l-konsegwenzi negattivi ta' xi amnestiji tat-taxxa jew skemi mhux trasparenti ta' "maħfra tat-taxxa"; billi kull miżura ġdida bħal din għandha tinvolvi kunsiderazzjonijiet tal-bilanċ tal-ispejjeż u l-benefiċċji.

1.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta lill-Parlament sa Ġunju 2016 proposta leġiżlattiva waħda jew aktar, wara r-rakkomandazzjonijiet dettaljati fl-Anness ta' hawnhekk;

2.  Jikkonferma li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-principju ta’ sussidjarjetà;

3.  Iqis li l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-proposta mitluba għandhom ikunu koperti minn allokazzjonijiet baġitarji xierqa;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati annessi magħha lill-Kummissjoni u lill-Kunsill kif ukoll lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

ANNESS: RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

A. Trasparenza

Rakkomandazzjoni A1. Rapport għal kull pajjiż obbligatorju u pubbliku għas-setturi kollha minn kumpaniji multinazzjonali

Il-Parlament Ewropew għal darb'oħra jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu l-passi kollha neċessarji biex tintroduċi sal-ewwel tliet xhur tal-2016 rapport għal kull pajjiż (CBC-R) għall-kumpaniji multinazzjonali kollha, fis-setturi kollha.

•  Din il-proposta għandha tiġi żviluppata fuq il-bażi tar-rekwiżiti mressqa mill-OECD fil-mudell tagħha ta' data CBC-R ippubblikat f'Settembru 2014 (l-Azzjoni 13 tal-proġett tal-BEPS tal-OECD/G20.

•  Hija u tiżviluppa l-proposta, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll:

o  ir-riżultati tal-konsultazzjoni tal-Kummissjoni f'CBC-R, li saret bejn is-17 ta' Ġunju u d-9 ta' Settembru 2015, li eżaminat diversi għażliet għall-implimentazzjoni possibbli ta' CBC-R fl-Unjoni;

o  il-proposti għal CBC-R pubbliku sħiħ deskritti fid-Direttiva riveduta dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti kif ivvutat mill-Parlament Ewropew fit-8 ta' Lulju 2015(10) u l-eżitu tat-trilogi kontinwi dwar din id-Direttiva.

Rakkomandazzjoni A2. Tikketta ġdida ta' "Kontributur Ġust" għall-kumpaniji li jinvolvu rwieħhom fi prattiki dwar it-taxxa tajba

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq proposta kemm jista’ jkun malajr dwar tikketta Ewropea ġdida "Kontributur ġust".

•  Il-proposta għandha tinkludi qafas Ewropew ta' kriterji ta' eliġibbiltà, li taħtu t-tikketta tista' tingħata minn korpi nazzjonali.

•  Dan il-qafas ta' kriterji ta' eliġibbiltà għandu jagħmilha ċara li t-tikketta ta' "Kontributur Ġust" tingħata biss lil dawk il-kumpaniji li marru aktar u lil hinn mill-ittra ta' x'inhu meħtieġ minnhom taħt il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali.

•  Il-kumpaniji għandhom ikunu motivati minn din it-tikketta "Kontribwent Ġust" biex jagħmlu l-ħlas ta' sehem ġust ta' taxxi bħala parti essenzjali mill-politika ta' responsabbiltà soċjali korporattiva tagħhom, u jirrappurtaw dwar il-pożizzjoni tagħhom fuq kwistjonijiet ta' tassazzjoni fir-rapport annwali tagħhom.

Rakkomandazzjoni A3. Notifika obbligatorja ta' miżuri ġodda tat-taxxa

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq proposta kemm jista’ jkun malajr dwar mekkaniżmu ġdid li bih l-Istati Membri jkunu obbligati li jinfurmaw Stati Membri oħra u l-pubbliku jekk ikunu biħsiebhom jintroduċu konċessjoni, eżenzjoni, eċċezzjoni, inċentiv jew miżura simili ġdida li jista' jkollha impatt materjali fuq ir-rata tat-taxxa effettiva fl-Istat Membru jew fuq il-bażi tat-taxxa ta' Stat Membru ieħor.

•  Dawn in-notifiki mill-Istati Membri għandu jkollhom analiżi ta' riperkursjoni tal-impatt materjali tal-miżuri tat-taxxi ġodda fuq Stati Membri oħra u pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex jappoġġjaw l-azzjoni tal-Grupp tal-Kodiċi ta' Kondotta fl-identifikazzjoni ta' prattiki fiskali ta' ħsara.

•  Dawn il-miżuri tat-taxxa ġodda għandhom jiġu vvalutati wkoll mill-Kummissjoni Ewropea, u għandhom isiru rakkomandazzjonijiet għas-segwitu.

•  Il-Parlament Ewropew għandu jirċievi aġġornamenti regolari dwar dawn in-notifiki u l-valutazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea.

•  Għandhom jiġu previsti pieni fir-rigward ta’ Stati Membri li jonqsu milli jikkonformaw ma’ dawn ir-rekwiżiti tar-rappurtar.

•  Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll jekk ikunx xieraq li tobbliga d-ditti ta’ konsulenza dwar it-taxxa li jiżvelaw lill-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa meta dawn jiżviluppaw u jibdew jippromwovu ċerti skemi tat-taxxa maħsuba biex jgħinu lill-kumpaniji jnaqqsu l-obbligazzjoni ġenerali ta' taxxa tagħhom, kif qed jiġri bħalissa f’xi Stati Membri; u tikkunsidra wkoll jekk il-kondiviżjoni ta’ tali informazzjoni bejn l-Istati Membri permezz tal-Kodiċi tal-Grupp ta’ Kondotta tistax tirrappreżenta għodda effiċjenti għal titjib fil-qasam tat-tassazzjoni korporattiva fl-Unjoni.

Rakkomandazzjoni A4. Skambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar deċiżjonijiet tat-taxxa se jiġi estiż għad-deċiżjonijiet kollha tat-taxxa u sa ċertu punt isir pubbliku

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkomplimenta d-Direttiva 2011/16/UE li tinkludi elementi tal-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni (AEOI) dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa, billi:

•  testendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni lil hinn minn deċiżjonijiet tat-taxxa transfruntiera biex jinkludi d-deċiżjonijiet tat-taxxa kollha fil-qasam tat-taxxa korporattiva. L-informazzjoni pprovduta għandha tkun komprensiva u f'format miftiehem b'mod reċiproku sabiex jiġi żgurat li din tista' tintuża b'mod effiċjenti mill-awtoritajiet tat-taxxa fil-pajjiżi rilevanti.

•  żżid b’mod sinifikanti t-trasparenza tad-deċiżjonijiet tat-taxxa fil-livell tal-Unjoni, b’kunsiderazzjoni xierqa tal-kunfidenzjalità tan-negozju u s-sigrieti kummerċjali u b’kont meħud tal-aħjar prattiki attwali applikabbli f'ċerti Stati Membri billi tippubblika, fuq bażi annwali, rapport li jiġbor fil-qosor il-każijiet ewlenin li jinsabu fid-direttorju ċentrali sikur tal-Kummissjoni li għadu kif inħoloq tad-deċiżjonijiet tat-taxxa u l-arranġamenti preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment.

•  l-informazzjoni fir-rapport trid tiġi pprovduta fil-forma standardizzata u miftiehma sabiex il-pubbliku jkun jista' jużaha b'mod effettiv.

•  tiżgura li l-Kummissjoni jkollha rwol sħiħ u sinifikattiv fl-iskambju mandatorju ta’ informazzjoni dwar deċiżjonijiet tat-taxxa bil-ħolqien ta’ direttorju ċentrali sikur aċċessibbli mill-Istati Membri u l-Kummissjoni rigward id-deċiżjonijiet tat-taxxa kollha miftiehma fl-Unjoni.

•  tiżgura li sanzjonijiet xierqa jiġu applikati fuq dawk l-Istati Membri li ma jagħmlux skambju ta' informazzjoni b'mod awtomatiku dwar deċiżjonijiet tat-taxxa kif xieraq.

Rakkomandazzjoni A5. Trasparenza tal-portijiet mingħajr dazji

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq proposta leġiżlattiva biex:

•  tiffissa żmien massimu li taħtu jistgħu jinbiegħu oġġetti fil-portijiet mingħajr dazju, eżenti mid-dazji u d-dazju tas-sisa u l-VAT;

•  tobbliga lill-awtoritajiet ta' portijiet mingħajr dazji biex jinformaw minnufih lill-awtoritajiet tat-taxxa rilevanti tal-Istati Membri u ta' pajjiżi terzi dwar kull tranżazzjoni mwettqa mir-residenti tat-taxxa tagħhom f'bini ta' portijiet mingħajr dazji.

Rakkomandazzjoni A6. Stima tal-Kummissjoni tad-distakk fiskali korporattiv

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex:

  toħloq, fuq il-bażi tal-aħjar prattiki użati attwalment mill-Istati Membri, metodoloġija armonizzata, li għandha ssir pubblika u li tista' tintuża mill-Istati Membri biex jistmaw id-daqs tad-distakki fiskali korporattivi diretti u indiretti, jiġifieri d-differenza bejn taxxi korporattivi dovuti u taxxi korporattivi mħallsa, fl-Istati Membri kollha.

  taħdem mal-Istati Membri biex tiżgura l-provvediment tad-data kollha meħtieġa li għandha tiġi analizzata billi tintuża l-metodoloġija sabiex jiġu prodotti l-aktar ċifri eżatti possibbli.

  tuża l-metodoloġija miftiehma u d-data kollha meħtieġa sabiex tipproduċi u tippubblika, kull sentejn, stima tad-distakki fiskali korporattivi diretti u indiretti fl-Unjoni kollha.

Rakkomandazzjoni A7. Protezzjoni tal-informaturi

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq proposta leġiżlattiva kif ġej:

  Tipproteġi l-informaturi li jaġixxu fl-interess pubbliku biss (u mhux ukoll għall-flus jew kwalunkwe aġenda personali oħra) sabiex tikxef kondotta ħażina, imġiba ħażina, frodi jew attività illegali fir-rigward tat-taxxa korporattiva fi kwalunkwe Stat Membru fl-Unjoni Ewropea. Dawn l-informaturi għandhom jiġu protetti jekk jirrappurtaw suspetti ta' kondotta ħażina, imġiba ħażina, frodi jew attività illegali lill-awtorità kompetenti rilevanti tagħhom, u għandhom ikunu protetti wkoll jekk, f'każijiet ta' kondotta ħażina, imġiba ħażina, frodi jew attività illegali persistentement mhux indirizzata fir-rigward tat-tassazzjoni korporattiva li tista' taffettwa l-interess pubbliku, huma jirrappurtaw it-tħassib tagħhom lill-pubbliku ġenerali;

  Tiżgura l-ħarsien tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni fl-Unjoni Ewropea;

  Tali ħarsien għandu jkun koerenti mas-sistema legali ġenerali u għandu jkun effettiv kontra prosekuzzjonijiet legali, penali ekonomiċi u diskriminazzjonijiet mhux ġustifikati;

  Tali proposta leġiżlattiva għandha tkun ibbażata fuq ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tqis kull leġiżlazzjoni futura tal-Unjoni f’dan il-qasam;

•  Tali proposta leġiżlattiva tista' tikkunsidra wkoll ir-Rakkomadazzjoni CM/Rec(2014)7(11) dwar il-protezzjoni tal-informaturi tal-Kunsill tal-Ewropa u b’mod partikolari d-definizzjoni ta’ informatur bħala kwalunkwe persuna li tirrapporta jew tiżvela informazzjoni dwar theddida jew ħsara għall-interess pubbliku fil-kuntest tar-relazzjoni tax-xogħol tagħhom, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat.

B. Koordinazzjoni

Rakkomandazzjoni B1. Introduzzjoni ta' Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq kemm jista' jkun malajr proposta leġiżlattiva għall-introduzzjoni ta' bażi komuni konsolidata tat-taxxa komuni:

Bħala l-ewwel pass, sa Ġunju 2016, Bażi Komuni tat-Taxxa Korporattiva (BKTB) obbligatorja fl-Unjoni, possibbli b'eżenzjoni temporanja għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju li mhumiex kumpaniji multinazzjonali u kumpaniji bl-ebda attività transfruntiera, sabiex ikollhom biss sett wieħed ta' regoli għall-kumpaniji li joperaw f'diversi Stati Membri biex jikkalkulaw il-profitti taxxabbli tagħhom.

Bħala t-tieni pass, mill-aktar fis possibbli u ċertament mhux aktar tard mill-aħħar tal-2017, BKKTK obbligatorja, li tqis kif xieraq il-firxa ta' għażliet differenti (bl-inklużjoni tal-ispejjeż, pereżempju, tal-inkorporazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u kumpaniji bl-ebda attività transfruntiera);

Il-BKKTK għandha tkun ibbażata fuq metodu tat-tqassim proporzjonali tal-formoli li jirrifletti l-attivitajiet ekonomiċi reali ta’ kumpaniji u ma joħloqx vantaġġ għal ċerti Stati Membri.

Matul il-perjodu interim bejn l-introduzzjoni ta' BKTB obbligatorja u dik ta' BKKTK sħiħa, sett ta' miżuri li jnaqqsu t-trasferimenti tal-profitt (prinċipalment permezz tal-ipprezzar ta' trasferiment) inkluża proposta leġiżlattiva tal-Unjoni kontra l-BEPS. Dawn il-miżuri m'għandhomx jinkludu reġim temporanju li jikkompensa għat-telf transfruntier sakemm il-Kummissjoni tkun tista' tiggarantixxi li se jkun trasparenti u mhux se joħloq il-possibbiltà ta' użu ħażin għall-ippjanar aggressiv tat-taxxa.

Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra sa liema punt ikun meħtieġ li jiġi prodott sett uniku ta' prinċipji tal-kontabilità aċċettati b'mod ġenerali sabiex titħejja d-data tal-kontabilità sottostanti li se tintuża għall-iskopijiet tal-BKKTK.

Kwalunkwe proposta jew għal BKTB jew għal BKKTK sħiħa għandha tinkludi Klawżola Kontra l-Evitar.

Rakkomandazzjoni B2. Tisħiħ tal-mandat u titjib fit-trasparenza tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi)

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta li tinkorpora l-Grupp tal-Kodiċi ta' Kondotta fil-metodu Komunitarju, bħala grupp ta' Ħidma tal-Kunsill, bil-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew bħala osservaturi.

•  Il-grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta (Grupp CoC) għandu jsir aktar trasparenti, aktar responsabbli, u aktar effettiv, inkluż permezz ta':

o  provvediment, aġġornamenti u pubblikazzjoni regolari tal-monitoraġġ tiegħu tal-punt sa fejn l-Istati Membri jilħqu r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti mill-Grupp fir-rapport ta' progress tiegħu ta' kull sitt xhur li jiffinanzja l-ministri;

o  provvediment, aġġornamenti u pubblikazzjoni regolari ta' lista kull sentejn dwar prattiki dwar it-taxxa dannużi;

o  produzzjoni, provvediment u pubblikazzjoni regolari tal-minuti tiegħu, inkluża trasparenza akbar fil-proċess ta’ tfassil ta’ rakkomandazzjonijiet, b’mod partikolari b'indikazzjoni ta’ rappreżentanti tal-pożizzjonijiet tal-Istati Membri;

o  Il-ħatra ta' President politiku mill-Ministri tal-Finanzi;

o  Il-ħatra minn kull Stat Membru ta’ rappreżentant ta’ livell għoli u deputat sabiex jgħollu l-profil ta’ dan il-korp;

•  Il-kompiti tal-Grupp CoC għandhom jinkludu:

o  l-identifikazzjoni ta' prattiki dwar it-taxxa dannużi fl-Unjoni;

o  il-ħruġ ta' proposti ta' miżuri u skedi ta' żmien għall-eliminazzjoni ta' prattiki dwar it-taxxa dannużi, u l-monitoraġġ tar-riżultati tar-rakkomandazzjonijiet/miżuri proposti;

o  ir-rieżami tar-rapporti dwar l-effetti ta' riperkussjoni ta' miżuri tat-taxxa ġodda pprovduti mill-Istati Membri kif stipulat hawn fuq, u l-valutazzjoni dwar jekk tkunx meħtieġa azzjoni;

o  il-ħruġ ta' proposti ta' inizjattivi oħra ffukati fuq miżuri tat-taxxa fil-politika esterna tal-Unjoni;

o  it-titjib tal-mekkaniżmi ta' infurzar kontra dawk il-prattiki li jiffaċilitaw l-ippjanar aggressiv tat-taxxa.

Rakkomandazzjoni B3. Sistema ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi u reġimi preferenzjali oħra: L-irbit ta' reġimi preferenzjali ma' fejn huwa ġġenerat il-valur

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tkompli tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar kif għandhom jitħaddmu r-reġimi ta' sistema ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi, f'konformità mal-"approċċ nexus modifikat" sabiex ikun żgurat li dawn ma jkunux ta' ħsara.

•  Din il-gwida għandha tagħmilha ċara li r-reġimi preferenzjali, bħas-sistema ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi, għandhom ikunu bbażati fuq l-"approċċ nexus modifikat" kif definit fl-Azzjoni 5 tal-OECD dwar il-BEPS, li jfisser li għandu jkun hemm rabta diretta bejn il-benefiċċji tat-taxxa u l-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp sottostanti.

•  Skemi estenżivi tas-sistema ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi bl-ebda rabta mal-oriġini ġeografika u "eta'" ta' għarfien għandhom jitqiesu bħala prattiki ta' ħsara.

•  Jekk, fi żmien 12-il xahar, l-Istati Membri mhumiex qed japplikaw dan l-approċċ ġdid b'mod konsistenti, il-Kummissjoni għandha tressaq proposta leġiżlattiva vinkolanti.

•  Il-Kummissjoni għandha tressaq proposti għal standards u definizzjonijiet komuni Ewropej dwar x'jikkwalifika bħala promozzjoni R&Ż, u x'ma jikkwalifikax, u għall-armonizzazzjoni tal-użu ttas-sistema ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi u l-innovazzjoni inkluż li titmexxa 'l quddiem għat-30 ta' Ġunju 2017 l-abolizzjoni tar-reġim antik billi jitqassar iż-żmien tar-regoli ta' anterjorità;

Rakkomandazzjoni B4. Korporazzjoni Barranija Kkontrollata

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq proposta leġiżlattiva:

•  biex tipprovdi qafas koordinat tal-Unjoni għar-regoli CFC, sabiex jiġi żgurat li l-profitti mpoġġija f'pajjiżi b'taxxa baxxa jew bl-ebda taxxa jkunu effettivament intaxxati u biex tipprevjeni d-diversità tar-regoli CFC nazzjonali fi ħdan l-UE milli jfixklu l-funzjonament tas-suq intern. Dan il-qafas għandu jiżgura l-użu sħiħ tal-eġiżlazzjoni CFC lil hinn minn sitwazzjonijiet ta’ arranġamenti purament artifiċjali. Dan m'għandux jipprevjeni Stat Membru individwali milli jintroduċi regoli aktar stretti.

Rakkomandazzjoni B5. Titjib tal-koordinazzjoni tal-Istati Membri dwar il-kontrolli tat-taxxa

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq proposta li temenda d-Direttiva 2011/16/UE, sabiex:

•  tiżgura awditi tat-taxxa aktar effettivi simultanji u kontrolli fejn żewġ awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali jew aktar jiddeċiedu li jwettqu kontrolli ta' persuna waħda jew aktar ta' interessi komuni jew komplementari.

•  tiżgura li kumpanija prinċipali u s-sussidjarji tagħha li jinsabu fl-Unjoni jkunu awditjati mill-awtoritajiet tat-taxxa rispettivi tagħhom fl-istess perjodu ta' żmien, taħt it-tmexxija tal-awtoritajiet tat-taxxa tal-kumpanija prinċipali, sabiex jiġu żgurati flussi effiċjenti ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa. Bħala parti minn dan:

o  l-awtoritajiet tat-taxxa għandhom regolarment jiskambjaw informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet tagħhom sabiex jiżguraw li l-gruppi ma jibbenefikawx minn diskrepanzi jew nuqqasijiet fil-kombinazzjoni tas-sistemi varji nazzjonali tat-taxxa.

o  il-limiti ta' żmien għall-iskambju ta' informazzjoni dwar l-awditi li għaddejjin għandhom jitnaqqsu għal minimu.

o  l-awtoritajiet tat-taxxa ta' kumpanija għandhom sistematikament jinfurmaw lill-awtoritajiet tat-taxxa bl-entitajiet l-oħra fl-istess grupp dwar l-eżitu ta' awditjar tat-taxxa.

o  m'għandha tittieħed l-ebda deċiżjoni dwar l-eżitu ta' awditjar tat-taxxa minn awtorità tat-taxxa qabel ma jiġu infurmati l-awtoritajiet tat-taxxa l-oħra kkonċernati.

Rakkomandazzjoni B6. L-introduzzjoni ta' Numru ta' Identifikazzjoni tat-Taxxa Ewropew komuni

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq proposta għal Numru ta' Identifikazzjoni tat-Taxxa Ewropew (TIN):

•  Il-proposta għandha tkun ibbażata fuq il-profil għal TIN Ewropew fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa tal-2012 (azzjoni 22)(12), u l-eżitu tal-konsultazzjoni sussegwenti tal-2013(13).

C. Konverġenza

Rakkomandazzjoni C1. Approċċ ġdid għall-ftehimiet tat-taxxa internazzjonali

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq proposta leġiżlattiva li tippermetti lill-Unjoni titkellem b'leħen wieħed fir-rigward tal-arranġamenti tat-taxxa internazzjonali.

•  Il-Kummissjoni għandha tingħata l-mandat li tinnegozja ftehimiet tat-taxxa ma' pajjiżi terzi f'isem l-Unjoni minflok il-prattika attwali li taħtha jitwettqu negozjati bilaterali, li jipproduċu riżultati sub-ottimali, b'mod speċjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

•  Il-Kummissjoni għandha tiżgura li ftehimiet bħal dawn ikun fihom dispożizzjonijiet ta’ reċiproċità u jipprojbixxu kwalunkwe impatt negattiv fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni u n-negozji, b’mod partikolari l-SMEs, li jirriżulta mill-applikazzjoni extraterritorjali tal-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż terz taħt il-kompetenza tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

•  Għandu jiġi introdott ftehim tat-taxxa multilaterali komuni tal-Unjoni biex jissostitwixxi l-għadd kbir ta' ftehimiet tat-taxxa bilaterali mifthiema bejn l-Istati Membri nfushom u pajjiżi oħra.

•  Il-ftehimiet kummerċjali ġodda internazzjonali kollha konklużi mill-Unjoni għandhom jinkludu klawżola dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa.

•  L-arranġamenti kollha tat-taxxa internazzjonali għandhom jipprevedu mekkaniżmu ta' infurzar.

Rakkomandazzjoni C2. Ħolqien ta' definizzjoni komuni u stretta ta' "rifuġji fiskali"

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq proposta li tistabbilixxi, f'kooperazzjoni mal-OECD u n-NU fost oħrajn, il-kriterji stretti li jiddefinixxu r-"rifuġji fiskali".

•  Dawk il-kriterji għandhom ikunu bbażati fuq indikaturi komprensivi, trasparenti, robusti, oġġettivament verifikabbli u komunement aċċettati, li jiżviluppaw aktar il-prinċipji ta' governanza tajba kif definiti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tal-2009 "Il-Promozzjoni ta' Governanza Tajba fil-Kwestjonijiet tat-Taxxa"(14): L-iskambju ta' informazzjoni u kooperazzjoni amministrattiva; Kompetizzjoni ġusta tat-taxxa; u trasparenza.

•  Dawk il-kriterji għandhom ikopru kunċetti bħas-segretezza bankarja, ir-reġistrazzjoni tas-sjieda ta' kumpaniji, trusts u fondazzjonijiet, il-pubblikazzjoni tal-kontijiet ta' kumpaniji, il-kapaċità għall-iskambju ta' informazzjoni, l-effiċjenza fl-amministrazzjoni tat-taxxa, il-promozzjoni tal-evażjoni tat-taxxa, l-eżistenza ta' vetturi legali ta' ħsara, il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus, l-awtomatiċità tal-iskambju ta' informazzjoni, l-eżistenza ta' trattati bilaterali, u l-impenji ta' trasparenza u l-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali.

•  Abbażi ta' dawk il-kriterji, il-Kummissjoni għandha tressaq lista riveduta tar-rifuġji fiskali, li jissostitwixxu l-lista interim tagħha kif imressqa f'Ġunju 2015.

•  Din il-lista ta’ rifuġji fiskali għandha tkun marbuta mal-leġiżlazzjoni ta’ tassazzjoni rilevanti bħala punt ta’ riferiment għal politiki u leġiżlazzjoni oħra.

•  Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-lista mill-inqas fuq bażi biannwali, jew fuq it-talba ġustifikata ta' ġurisdizzjoni fuq il-lista.

Rakkomandazzjoni C3. Kontromiżuri lejn kumpaniji li jagħmlu użu minn rifuġji fiskali

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq proposta għal katalgu ta' kontromiżuri li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom japplikaw bħala azzjonisti u finanzjaturi ta' korpi pubbliċi, banek u programmi ta' finanzjament, li għandhom jiġu applikati lill-kumpaniji li jużaw rifuġji fiskali sabiex jimplimentaw skemi ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa u għalhekk ma jkunux jikkonformaw mal-istandards ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa tal-Unjoni.

•  Dawk il-kontromiżuri għandhom jinkludu:

o  il-projbizzjoni ta' aċċess għal għajnuna mill-Istat jew opportunitajiet ta' akkwist pubbliku fil-livell nazzjonali jew tal-Unjoni

o  il-projbizzjoni ta' aċċess għal ċerti fondi tal-Unjoni

•  Dan għandu jintlaħaq, inter alia, permezz ta’:

o  l-emendar tal-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) (Protokoll Nru 5 anness mat-Trattati) biex jiġi żgurat li l-ebda finanzjament tal-BEI ma jkun jista' jmur għall-benefiċjarji finali jew intermedjarji finanzjarji li jagħmlu użu minn rifuġji fiskali jew prattiki dwar it-taxxa dannużi(15)

o  l-emendar tar-Regolament tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI) sabiex jiġi żgurat li l-ebda fond tal-EFSI ma jkun jista' jmur għal kumpaniji bħal dawn(16)

o  l-emendar tal-erba' Regolamenti dwar il-Politika Agrikola Komuni (PAK) biex jiġi żgurat li l-ebda finanzjament tal-PAK ma jkun jista' jmur għal kumpaniji bħal dawn

o  it-tkomplija tal-proċess tal-Modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri ma jipprovdux għajnuna mill-Istat lil kwalunkwe kumpanija bħal din(17)

o  L-emendar tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni biex jiġi żgurat li l-ebda flus mill-ħames Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd) ma jkunu jistgħu jmorru għal xi kumpaniji bħal dawn(18)

o  l-emendar tal-Ftehim li Jistabbilixxi l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (EBRD) biex jiġi żgurat li l-ebda finanzjament tal-EBRD ma jkun jista' jmur għal xi kumpaniji bħal dawn(19)

o  il-projbizzjoni tal-konklużjoni ta' ftehimiet kummerċjali mill-UE b'ġurisdizzjonijiet definiti mill-Kummissjoni bħala "rifuġji fiskali"

Il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk il-ftehimiet kummerċjali eżistenti ma' pajjiżi li huma ddikjarati bħala rifuġji fiskali, jistgħux ikunu sospiżi jew terminati.

Rakkomandazzjoni C4. Stabbiliment Permanenti

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq proposta leġiżlattiva biex:

•  taġġusta d-definizzjoni ta' "stabbiliment permanenti" sabiex il-kumpaniji ma jkunux jistgħu artifiċjalment jevitaw li jkollhom preżenza taxxabbli fi Stati Membri li fihom għandhom attività ekonomika. Din id-definizzjoni għandha tindirizza wkoll sitwazzjonijiet fejn kumpaniji li jwettqu attivitajiet diġitali kompletament dematerjalizzati, jiġu kkunsidrati li għandhom stabbiliment permanenti fi Stat Membru jekk dawn iżommu preżenza diġitali sinifikanti fl-ekonomija ta' dak il-pajjiż;

•  tintroduċi definizzjoni tal-Unjoni ta' "sustanza ekonomika" minima sabiex jiġi żgurat li l-kumpaniji ġenwinament qegħdin joħolqu l-valur u jżidu mal-ekonomija tal-Istat Membru li fih huma għandhom preżenza taxxabbli.

Dawn iż-żewġ definizzjonijiet għandhom jiffurmaw parti minn projbizzjoni konkreta dwar l-hekk imsejħa "kumpaniji tal-isem".

Rakkomandazzjoni C5. Titjib tal-qafas tal-Ipprezzar ta' Trasferiment fl-UE

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq proposta leġiżlattiva:

•  biex tiżviluppa, abbażi tal-esperjenza tagħha u fuq l-analiżi tal-prinċipji ġodda tal-OECD dwar l-ipprezzar ta' trasferiment, Linji Gwida speċifiċi tal-Unjoni li jistipulaw kif il-prinċipji tal-OECD għandhom jiġu applikati u kif għandhom jiġu interpretati fil-kuntest tal-UE, sabiex:

o  jirriflettu r-realtà ekonomika tas-suq intern;

o  jipprovdu ċertezza, ċarezza u ġustizzja għall-Istati Membri u għall-kumpaniji li joperaw fl-Unjoni;

o  inaqqsu r-riskju ta' użu ħażin tar-regoli għal skopijiet ta' trasferiment tal-profitt.

Rakkomandazzjoni C6. Diskrepanzi ibridi

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq proposta leġiżlattiva biex jew:

•  tarmonizza d-definizzjonijiet nazzjonali ta' dejn, ekwità, entitajiet opaki u trasparenti, tarmonizza l-attribuzzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet għal stabbiliment permanenti, u tarmonizza l-allokazzjoni tal-ispejjeż u l-profitti bejn entitajiet differenti fi ħdan l-istess grupp; jew

•  tipprevjeni n-nontassazzjoni doppja, fil-każ ta' diskrepanza.

Rakkomandazzjoni C7. Tibdil tar-reġim tal-UE għall-għajnuna mill-Istat peress li jirrigwarda t-taxxa

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq proposta sa mhux aktar tard min-nofs l-2017 għal:

•  linji gwida għall-għajnuna mill-Istat li jiċċaraw kif il-Kummissjoni se tiddetermina każijiet ta' għajnuna mill-Istat relatati mat-taxxa, u b'hekk tipprovdi aktar ċertezza tad-dritt għan-negozji u l-Istati Membri, filwaqt li tikkunsidra l-fatt li, f'setturi oħra, dawn il-linji gwida urew li huma effettivi ħafna biex iwaqqfu u jipprevjenu prattiki fi Stati Membri li huma f'kunflitt mal-liġi tal-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni; effett li jista' jinkiseb biss permezz ta' livell għoli ta' dettall fil-linji gwida, inklużi l-limiti numeriċi.

•  l-identifikar tal-politiki dwar it-taxxa li mhumiex konsistenti mal-politika dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom ikunu speċifikati pubblikament mill-Kummissjoni sabiex tingħata lill-kumpaniji u lill-Istati Membri gwida u ċertezza tad-dritt mtejba. Għal dan l-iskop il-Kummissjoni għandha talloka mill-ġdid ir-riżorsi lid-DĠ Kompetizzjoni, biex din tkun tista’ taġixxi b’mod effettiv dwar kwalunkwe kwistjoni ta’ għajnuna mill-Istat illegali (inklużi vantaġġi selettivi tat-taxxa).

Il-Parlament Ewropew jistieden ukoll lill-Kummissjoni Ewropea biex fit-tul tivvaluta l-possibilità li timmodifika r-regoli eżistenti sabiex jiġi evitat li ammonti rkuprati wara ksur tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat jiġu rritornati lill-Istat Membru li jkun ta għajnuna illegali relatata mat-taxxa, kif inhu l-każ attwali. Bħala eżempju, l-għajnuna mill-Istat irkuprata tista’ tiġi allokata lill-baġit tal-Unjoni jew l-Istati Membri li sofrew minn erożjoni fil-bażi tat-taxxa tagħhom.

Rakkomandazzjoni C8. Emendar tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KE(20), id-Direttiva 2003/49/KE, id-Direttiva 2005/19/KE u leġiżlazzjoni oħra rilevanti tal-Unjoni u l-introduzzjoni ta' regola ġenerali kontra l-abbużi

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq proposta

•  Wara l-introduzzjoni ta' Regola Ġenerali Kontra l-Abbużi (GAAR) fid-Direttiva 90/435/KE, biex mill-aktar fis possibbli tipproċedi bl-introduzzjoni ta' GAAR fid-Direttiva 2003/49/KE u biex tressaq proposti għal GAAR biex jiġu introdotti fid-Direttiva 2005/19/KE u leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni.

•  Biex tiġi inkluża tali GAAR fi kwalunkwe leġiżlazzjoni futura tal-Unjoni li tkopri kwistjonijiet ta' taxxa jew ikollha implikazzjonijiet tat-taxxa.

•  Fir-rigward tad-Direttiva 2003/49/KE, flimkien mal-introduzzjoni ta' GAAR, jitneħħa wkoll ir-rekwiżit li l-Istati Membri jagħtu trattament ta' benefiċċju għall-pagamenti ta' imgħax u ta' royalties jekk ma jkunx hemm tassazzjoni effettiva x'imkien ieħor fl-Unjoni.

•  Fir-rigward tad-Direttiva 2005/19/KE, flimkien mal-introduzzjoni ta' GAAR, jiġu introdotti wkoll obbligi addizzjonali ta' trasparenza u - jekk dawn il-bidliet ma jkunux biżżejjed biex jipprevjenu l-ippjanar aggressiv tat-taxxa- tiddaħħal dispożizzjoni tat-taxxa minima bħala r-rekwiżit għall-użu ta' "vantaġġi tat-taxxa" (bħal pereżempju, l-ebda tassazzjoni ta' dividendi) jew miżuri oħrajn ta' impatt simili.

Rakkomandazzjoni C9. Titjib ta' mekkaniżmi ta' soluzzjoni tat-tilwim ta' tassazzjoni transfruntiera

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq proposta sas-Sajf 2016

•  Biex ittejjeb il-mekkaniżmi attwali biex isolvu t-tilwim ta' tassazzjoni transfruntiera fl-Unjoni, billi mhux biss tiffoka fuq każijiet ta' tassazzjoni doppja iżda wkoll fuq in-nontassazzjoni doppja. L-għan huwa li jinħoloq approċċ koordinat tal-Unjoni għas-soluzzjoni ta' tilwim, b'regoli aktar ċari u skedi aktar stretti, li jibnu fuq is-sistemi diġà fis-seħħ.

•  Ix-xogħol u d-deċiżjoni dwar il-mekkaniżmu tas-soluzzjoni għat-tilwim għandu jkun trasparenti sabiex titnaqqas kwalunkwe inċertezza għall-korporazzjonijiet fl-applikazzjoni tal-liġi tat-taxxa.

Rakkomandazzjoni C10. L-introduzzjoni ta' taxxa minn ras l-għajn jew miżura ta’ effett simili sabiex jiġu evitati profitti li jitilqu mill-Unjoni mhux intaxxati

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq proposta sas-sajf tal-2016 biex tintroduċi taxxa minn ras l-għajn jew miżura ta’ effett simili, biex jiġi żgurat li l-profitti ġġenerati fi ħdan l-Unjoni, u mistennija li jitilqu mill-Unjoni, jiġu effettivament intaxxati fi ħdan l-Unjoni qabel ma jitilqu l-fruntieri tal-Unjoni.

D. Miżuri oħra

Rakkomandazzjoni D1. Miżuri addizzjonali biex jindirizzaw id-distakk fiskali

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tiffoka wkoll fuq fatturi oħra lil hinn mill-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-attività tal-BEPS li jikkontribwixxu għad-distakk fiskali eżistenti, inklużi:

•  l-investigazzjoni ta' sorsi ta' effiċjenza baxxa fir-rigward tal-ġbir tat-taxxa, inkluż il-ġbir tal-VAT;

•  l-investigazzjoni ta' sorsi ta' inġustizzja tat-taxxa jew kredibilità dgħajfa tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa fiż-żoni barra mit-tassazzjoni korporattiva;

•  it-twaqqif ta’ prinċipji għall-amnestiji tat-taxxa, inklużi ċ-ċirkostanzi li fihom ikunu adatti u dawk fejn għażliet ta’ politika oħra jkunu preferibbli, kif ukoll il-ħtieġa li l-Istati Membri jinformaw lill-Kummissjoni bil-quddiem bi kwalunkwe amnestija tat-taxxa ġdida, sabiex jiġu eliminati l-konsegwenzi negattivi ta’ dawn il-politiki fuq il-ġbir tat-taxxa futur;

•  Il-proposta ta' livell minimu ta' trasparenza għall-iskemi ta' "maħfra tat-taxxa" u ħelsien mit-taxxa diskrezzjonali mmexxija minn gvernijiet nazzjonali;

•  l-għoti ta' aktar libertà lill-Istati Membri biex jikkunsidraw il-konformità mar-regoli tat-taxxa tal-kumpaniji, u b’mod partikolari każijiet sistematiċi ta’ nuqqas ta’ konformità, bħala fattur meta jinħarġu kuntratti ta’ akkwist;

•  l-iżgurar li l-awtoritajiet tat-taxxa jkollhom aċċess sħiħ u sinifikanti għar-reġistri ċentrali ta' sjieda benefiċjarja kemm għall-kumpaniji kif ukoll il-fiduċjarji, u li dawk ir-reġistri jinżammu u jiġu vverifikati kif xieraq.

  Dan jista' jinkiseb billi l-Istati Membri jittrasponu malajr ir-raba' Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus, u b'hekk jiġi żgurat aċċess wiesa' u ssimplifikat għall-informazzjoni li tinsab fir-reġistri ċentrali tas-sidien benefiċjarji, inkluż għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-ġurnalisti u ċ-ċittadini;

NOTA SPJEGATTIVA

Skont l-Artikolu 225 tat-TFUE, il-Parlament Ewropew jista', billi jaġixxi b'maġġoranza tal-Membri komponenti tiegħu, jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposti xierqa dwar kwistjonijiet li għalihom iqis meħtieġ it-tfassil ta' att tal-Unjoni għall-iskop tal-implimentazzjoni tat-Trattati. Jekk il-Kummissjoni ma tippreżentax proposta, din għandha tinforma lill-Parlament Ewropew bir-raġunijiet.

Il-Parlament Ewropew iddeċieda f'Diċembru 2014 li jawtorizza l-abbozzar ta' rapport fuq inizjattiva proprja leġiżlattiv "Indaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-Taxxa fuq il-Kumpaniji fi ħdan l-Unjoni". Din id-deċiżjoni kienet segwitu dirett għar-rivelazzjonijiet Luxleaks minn konsorzju ta' ġurnalisti f'Novembru 2014, fejn intwera li ħafna kumpaniji multinazzjonali kkonkludew negozjati sigrieta mal-awtoritajiet Lussemburgiżi li ppermettulhom li jnaqqsu l-obbligazzjoni tat-taxxa tagħhom, f'xi każijiet għal kważi 1% , filwaqt li joħolqu ftit jew xejn attività ekonomika f'dak il-pajjiż.

Diskussjonijiet pubbliċi sussegwenti, b'mod partikolari dawk taħt l-awspiċi tal-Kumitat TAXE tal-Parlament Ewropew li għadu kif ġie ffurmat, urew li dawn il-prattiki ta' "ippjanar aggressiv tat-taxxa" ma huma bl-ebda mod limitati għal-Lussemburgu, u fil-fatt huma preżenti ħafna madwar l-UE. Il-fenomenu tal-"ippjanar aggressiv tat-taxxa" jikkonsisti f'li wieħed jieħu vantaġġ mit-teknikalitajiet ta' sistema tat-taxxa jew mid-diskrepanzi bejn żewġ sistemi fiskali jew aktar, bl-iskop li titnaqqas l-obbligazzjoni tat-taxxa. Filwaqt li dan huwa differenti mill-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, li jikkostitwixxu attivitajiet illegali li jevadu l-obbligazzjonijiet tat-taxxa, essenzjalment it-tliet prattiki kollha għandhom l-għan li jnaqqsu l-bażi tat-taxxa, u b'hekk ifixklu l-fiduċja fil-gvernijiet u n-negozji bl-istess mod.

Skont studju(21) kkummissjonat mill-Parlament Ewropew, l-Unjoni titlef madwar EUR 50-70 biljun kull sena minħabba l-evitar tat-taxxa korporattiva li tinkiseb permezz tat-trasferiment tal-profitt biss. Din iċ-ċifra titla' għal madwar EUR 160-190 jekk jitqiesu arranġamenti speċjali tat-taxxa, ineffiċjenzi fil-ġbir tat-taxxa u elementi oħra bħal dawn.

Dawn il-prattiki ma għandhomx ikunu aċċettabbli fi kwalunkwe ħin, iżda f'ċirkostanzi ekonomiċi diffiċli bħal dawk li l-Ewropa qed tiffaċċja bħalissa, il-korapporteurs jikkunsidraw li huwa essenzjali li l-atturi ekonomiċi kollha għandhom jikkontribwixxu fuq bażi ġusta. Jekk ċerti negozji multinazzjonali ma jikkontribwixxux, għalhekk l-effett huwa kundizzjonijiet mhux ekwivalenti ta' kompetizzjoni li fihom negozji iżgħar nazzjonali jitħabtu biex jikkompetu - li jmur kompletament kontra l-prinċipju tas-Suq Uniku. Imbagħad jinħassu aktar impatti mill-gvernijiet nazzjonali, li - fil-konfront ta' bażi tat-taxxa li qed tonqos - jkunu sfurzati li jikkontemplaw il-qtugħ ta' servizzi pubbliċi, jgħollu t-taxxi għaċ-ċittadini, jew jisselfu aktar flus.

Esperjenzi riċenti wrew li l-Istati Membri ma jistgħux jaġixxu individwalment fil-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa. Il-fatt stess li aħna suppost għandna Suq Uniku fl-Unjoni Ewropea jeħtieġ azzjoni kkoordinata. Filwaqt li jirrispettaw is-sovranità tal-Istati Membri fir-rigward tal-politika tat-taxxa, il-korapporteurs iqisu li hemm bżonn miżuri leġiżlattivi tal-UE biex itejbu it-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fi ħdan il-politiki dwar it-taxxa korporattiva fl-Unjoni.

11.11.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Indaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-Taxxa fuq il-Kumpaniji fi ħdan l-Unjoni

(2015/2010(INL))

Rapporteur għal opinjoni: Massimiliano Salini

(Inizjattiva – Artikolu 46 tar-Regoli ta' Proċedura)

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-inizjattivi riċenti tal-Kummissjoni u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jintensifikaw il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, filwaqt li jippromwovu deċiżjonijiet tat-taxxa aktar ċari, aktar trasparenti u aktar ġusti, filwaqt li jiġġieldu l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, jevitaw it-taxxa doppja u n-nontassazzjoni, u jtemmu l-kompetizzjoni fiskali inġusta u dannuża ta' bejniethom;

2.  Jitlob it-tnedija mill-ġdid tal-iskema ta' Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) u jħeġġeġ l-implimentazzjoni sħiħa tagħha, abbażi ta' valutazzjoni tal-impatt komprensiva, b'rispett tas-sussidjarjetà u bl-inklużjoni ta' għodod xierqa biex jiġi evitat l-abbuż minn din l-iskema; jemmen li l-BKKTK għandha tevita l-piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa u l-ispiża ta' konformità, u għandha tagħlaq il-lakuni bejn is-sistemi nazzjonali; jemmen ukoll li l-BKKTK għandha tikkomplementa l-introduzzjoni ta' rapport għal kull pajjiż pubbliku u trasparenti għall-kumpaniji multinazzjonali;

3.  Ifakkar li, minkejja l-iżviluppi riċenti, mhija qed tittieħed l-ebda deċiżjoni sinifikanti fil-livell tal-Kunsill dwar it-tassazzjoni korporattiva u jemmen li l-BKKTK hija pass ta' importanza kritika lejn l-integrazzjoni ulterjuri tal-Unjoni;

4.  Jirrikonoxxi l-approċċ tal-Kummissjoni li tressaq BKTK sempliċi (mingħajr konsolidazzjoni) bħala l-ewwel pass u li, sakemm il-konsolidazzjoni tiġi introdotta mill-ġdid fi stadju aktar tard, il-Kummissjoni se tinkludi element ta' eżenzjoni transkonfinali; jinnota li dan l-element mhuwiex sostitut perfett għall-konsolidazzjoni u se jkun meħtieġ ammont ta' żmien biex din is-sistema l-ġdida ssir kompletament operattiva;

5.  Jemmen li l-politiki fiskali u t-tassazzjoni korporattiva għandhom ikunu għodda importanti sabiex tingħata spinta lill-innovazzjoni, il-kompetittività, it-tkabbir, l-impjiegi u l-investimenti; jemmen li l-Istati Membri jridu, permezz ta' trattament tat-taxxa, iktar effiċjenti, sinifikament inqas evażiv, iktar trasparenti u iktar ġust għall-kumpaniji kollha, jippromwovu ambjent tan-negozju attraenti, kompetittiv u stabbli li jippermetti li n-negozji, inklużi l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), in-negozji innovattivi, in-negozji tal-familja, il-persuni li jaħdmu għal rashom u l-professjonijiet liberi joperaw b'mod iktar sempliċi bejn il-fruntieri fi ħdan l-Unjoni, inkluż bl-għan li jattiraw iktar investiment barrani; jiddeplora l-użu ta' strumenti ta' pjanifikazzjoni fiskali aggressiva minn kumpaniji multinazzjonali li għandhom vantaġġ fuq l-SMEs u li b'hekk jikkontribwixxu għat-tnaqqas tal-kompetittività tagħhom; jitlob il-promozzjoni ta' sistemi tat-taxxa kompetittivi, sempliċi, iktar ikkoordinati u b'għadd inqas ta' eżenzjonijiet tat-taxxa, u t-tneħħija tal-miżuri tat-taxxa dannużi b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u bejniethom;

6.  Jemmen bil-qawwa li l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa għandha sseħħ fi ħdan kuntest aktar wiesa' u skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-OECD; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta biex tistabbilixxi kriterji li jiddefinixxu "rifuġji fiskali" abbażi ta' definizzjoni tal-Unjoni u biex tinnegozja ftehimiet tat-taxxa ma' pajjiżi terzi f'isem l-Unjoni f'din il-kwistjoni; jenfasizza li n-nuqqas ta' definizzjoni komuni jfixkel is-suq intern u joħloq inċertezza legali.

7.  Jenfasizza li t-taxxi u d-dividendi għandhom jitħallsu fil-pajjiżi fejn isseħħu l-attivitajiet ekonomiċi jew fejn jiżdied il-valur u fejn jintużaw l-infrastrutturi u s-servizzi pubbliċi; jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw dawk il-prinċipji fil-liġijiet nazzjonali dwar it-taxxa; jiddispjaċih li l-kumplessità żejda u d-differenzi fis-sistemi tat-taxxa nazzjonali jintużaw għal skopijiet ta' pjanifikazzjoni fiskali aggressiva;

8.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' regoli ċari, trasparenti u koerenti dwar il-kontabilità tal-profitti u l-ħolqien tal-valur;

9.  Jappoġġa l-prinċipju ta' trasparenza u ta' skambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa bejn l-awtoritajiet tat-taxxa; jinnota li dan jista' jżid il-fiduċja fost l-Istati Membri; jemmen li d-deċiżjonijiet tat-taxxa jintużaw biex jiżguraw ċertezza legali u ambjent li jiffavorixxi n-negozju għall-kontribwenti;

10.  Jinnota li d-diġitalizzazzjoni hija ta' sfida anki għas-sistemi tat-taxxa nazzjonali u l-attivitajiet transkonfinali; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa ta' applikazzjoni konsistenti tal-prinċipji ġenerali tat-tassazzjoni korporattiva; jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi definizzjoni armonizzata ta' "stabbiliment permanenti" u "sustanza ekonomika" ta' intrapriżi diġitali, bl-għan li titjieb l-evalwazzjoni tal-profitti ġġenerati f'qasam partikolari sabiex il-kontribuzzjonijiet tat-taxxa jkunu jistgħu jiġu stabbiliti skont dan;

11.  Jemmen li l-prinċipji fundamentali ta' trasparenza u responsabbiltà tal-governanza korporattiva se jikkontribwixxu għal ekonomija b'saħħitha u stabbli billi jnaqqsu l-volatilità tas-suq u jżidu l-fiduċja fin-negozji; jitlob rapport għal kull pajjiż pubbliku dwar l-intrapriżi l-kbar fis-setturi kollha sabiex tiżdied it-trasparenza rigward l-attivitajiet tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tal-profitti li jkunu saru, it-taxxi fuq il-profitti mħallsa u s-sussidji rċevuti; jemmen li r-rappurtar obbligatorju f'dan il-qasam huwa element importanti tar-responsabbiltà korporattiva tal-kumpaniji lejn l-azzjonisti u s-soċjetà;

12.  Jemmen li s-suq intern jeħtieġ qafas tat-tassazzjoni iktar trasparenti, kooperattiv u armonizzat gradwalment sabiex jiffunzjoni b'mod effikaċi; jenfasizza l-fatt li, fis-sitwazzjoni attwali, l-SMEs tal-Unjoni jistgħu jaffaċċjaw kompetizzjoni inġusta apparagun tal-kumpaniji multinazzjonali, li jistgħu jfasslu l-istruttura tagħhom b'mod artifiċjali sabiex inaqqsu r-rati tat-taxxa tagħhom;

13.  Jemmen li għandhom jiġu kkunsidrati kemm id-drittijiet sovrani tal-Istati Membri u d-diversità fis-setturi ekonomiċi, kummerċjali u korporattivi li taffettwa s-setturi f'termini ta' tkabbir u żvilupp, kif ukoll il-koeżjoni soċjali fl-Istat Membru u fl-UE kollha kemm hi;

14.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li jintlaħaq l-objettiv ta’ trasparenza fiskali filwaqt li jiġu żgurati l-protezzjoni tad-data personali, il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni skambjata u l-libertà ta’ intrapriża; jinkoraġġixxi, f'dan il-kuntest, l-identifikazzjoni ta' soluzzjonijiet li jsibu bilanċ bejn it-trasparenza u l-kunfidenzjalità;

15.  Jenfasizza li l-inizjattivi tal-Unjoni għandhom jevitaw li jkun hemm żieda bla bżonn fil-piż amministrattiv u l-ispiża ta’ konformità; jemmen li l-proposta kollha għandhom iwasslu għal aktar ċertezza legali, trasparenza, sempliċità u rapidità ikbar tal-proċess amministrattiv;

16.  Ifakkar li, minkejja l-iżforzi li saru, għad hemm każijiet ta' tassazzjoni doppja li jridu jiġu solvuti; jinkoraġġixxi soluzzjonijiet iktar faċli, iktar rapidi u iktar trasparenti, b’mod partikolari għall-SMEs, dawk li jaħdmu għal rashom u l-professjonijiet liberi; jissuġġerixxi s-simplifikazzjoni tal-użu tal-kreditu li jirriżulta minn taxxi mħallsa f’pajjiż barrani;

17.  Jinnota li l-kumplessità ta’ trattati fiskali bilaterali u multilaterali ta’ spiss toħloq lakuni li jippermettu l-evitar tat-taxxa flimkien ma’ skemi ta’ tassazzjoni domestiċi;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' skambju ta' informazzjoni awtomatiku, immedjat u eżawrjenti, inklużi deċiżjonijiet tat-taxxa, bejn l-awtoritajiet tat-taxxa rilevanti, li jistgħu jkunu fil-forma ta’ direttorju ċentrali tal-Unjoni, u jħeġġeġ skambju ta’ informazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ tassazzjoni;

19.  Jikkunsidra li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jużaw iktar is-soluzzjonijiet elettroniċi fil-proċeduri relatati mat-tassazzjoni sabiex inaqqsu l-piżijiet amministrattivi u jissimplifikaw il-proċeduri transkonfinali;

20.  Jenfasizza l-importanza ta’ sovranità fiskali b'saħħitha u jitlob iż-żamma tat-tassazzjoni bħala kompetenza nazzjonali f’kull Stat Membru skont it-Trattat; madankollu jħeġġeġ skambju ta' informazzjoni iktar b'saħħtu bejn l-awtoritajiet kompetenti dwar kwistjonijiet ta' tassazzjoni;

21.  Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tivvaluta l-impatt taż-żoni ekonomiċi speċjali eżistenti fl-Unjoni, li jintużaw biex jistimulaw it-tkabbir u l-irkupru ekonomiku f'żoni delimitati, bħalma huma ż-żoni tal-fruntiera, milquta serjament mill-kriżi, jew b'rata għolja ta' qgħad; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet tat-taxxa; jenfasizza li l-politiki mfassla biex jipprovdu benefiċċji fiskali għal reġjuni żvantaġġati jridu jkunu konformi mal-għanijiet tal-Unjoni tal-ħolqien ta’ aktar trasparenza fiskali u l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, u m’għandhomx idgħajfu l-qafas legali eżistenti tal-UE għall-għajnuna reġjonali;

22.  Jirrikjedi li l-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sid jew is-sidien benefiċjarji ta' kumpaniji preżenti fl-Unjoni skont id-Direttiva (UE) Nru 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(22)jinkludi wkoll aċċess għal informazzjoni dwar ir-rata tat-taxxa korporattiva effettiva globali tal-kumpaniji abbażi ta’ kontijiet finanzjarji stabbiliti u ppubblikati skont id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(23) u li l-aċċess għal dik l-informazzjoni jkun disponibbli b’mod dirett, onlajn, mingħajr formalitajiet żejda u li l-informazzjoni tiġi pprovduta f’lingwa li tinftiehem faċilment lill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti;

23.  Jenfasizza li prekundizzjoni biex ikun hemm stabbiltà ekonomika fl-Unjoni fuq żmien twil hija l-kisba ta' unjoni fiskali;

24.  Iqis li l-inizjattivi għal tassazzjoni korporattiva iktar effikaċi għandhom jinkludu proposti biex jitjieb l-ambjent tan-negozju għan-negozji l-ġodda, bħal pereżempju inċentivi tat-taxxa għall-investituri biex jinvestu mill-ġdid il-qligħ kapitali f'negozji Ewropej żgħar b'riskju ogħla, jew regoli tat-tassazzjoni ċċarati għall-opzjonijiet fuq l-azzjonijiet;

25.  Sakemm tiġi implimentata l-BKKTK, jenfasizza l-ħtieġa li tiġi appoġġata l-ħidma tal-Kumitat Speċjali dwar id-Deċiżjonijiet fil-Qasam tat-Taxxa u Miżuri Oħra ta' Natura jew Effett Simili li jinvestiga l-użu ħażin tas-sistemi ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi, il-kumpaniji tal-isem, u prattiki ta' inġinerija fiskali oħra intiżi biex jevitaw jew jimminimizzaw it-taxxi, peress li kwalunkwe evitar tat-taxxa fl-aħħar mill-aħħar jissarraf f'dejn pubbliku ikbar u/jew żieda tat-taxxi fuq l-SMEs u ċ-ċittadini;

26.  Jitlob li tiġi stabbilita regola sabiex l-entitajiet pubbliċi, inklużi l-Unjoni, l-Istati Membri u l-intrapriżi li jappartjenuhom , ma jkunux jistgħu jħallsu flus pubbliċi lil kumpaniji li ma jkunux żvelaw is-sid jew is-sidien benefiċjarji aħħarin tagħhom, ir-rata tat-taxxa korporattiva effettiva u r-rapporti għal kull pajjiż;

27.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi kriterji armonizzati għall-eżenzjoni mit-taxxa fuq l-investimenti li l-kumpaniji jagħmlu fir-R&Ż, bl-għan li tintlaħaq il-mira tal-Unjoni ta' infiq ta' 3 % tal-PDG fir-riċerka sal-2020;

28.  Jitlob lill-Kummissjoni biex ma toqgħodx lura milli tuża l-Artikolu 116 tat-TFUE li jipprovdi l-bażi ġuridika neċessarja biex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja sabiex jiġu eliminati l-prattiki li jirriżultaw f'distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, bħall-kompetizzjoni fiskali applikata mill-Istati Membri permezz ta' deċiżjonijiet tat-taxxa mhux trasparenti u inġusti;

29.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta, kemm jista' jkun malajr, proposta leġiżlattiva għall-introduzzjoni ta' BKKTK biex jitjieb l-ambjent tan-negozju, u jiġi miġġieled l-evitar tat-taxxa fl-Unjoni;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI

FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

10.11.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

49

8

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Zigmantas Balčytis, Nicolas Bay, Bendt Bendtsen, Reinhard Bütikofer, Jerzy Buzek, Philippe De Backer, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Peter Eriksson, Fredrick Federley, Ashley Fox, Adam Gierek, Juan Carlos Girauta Vidal, Theresa Griffin, Marek Józef Gróbarczyk, Roger Helmer, Hans-Olaf Henkel, Kaja Kallas, Barbara Kappel, Krišjānis Kariņš, Seán Kelly, Jeppe Kofod, Miapetra Kumpula-Natri, Janusz Lewandowski, Paloma López Bermejo, Ernest Maragall, Edouard Martin, Dan Nica, Angelika Niebler, Morten Helveg Petersen, Michel Reimon, Herbert Reul, Paul Rübig, Algirdas Saudargas, Jean-Luc Schaffhauser, Neoklis Sylikiotis, Antonio Tajani, Dario Tamburrano, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Claude Turmes, Miguel Urbán Crespo, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Kathleen Van Brempt, Henna Virkkunen, Martina Werner, Anna Záborská, Flavio Zanonato

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Ian Duncan, Cornelia Ernst, Jude Kirton-Darling, Olle Ludvigsson, Marian-Jean Marinescu, Clare Moody, Massimiliano Salini, Maria Spyraki, Pavel Telička

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Paul Brannen, Nessa Childers

The present report lists a series of measures that your co-rapporteurs are calling for the Commission to propose as legislative acts. For the sake of clarity, the measures are listed under the separate headings of: (i) transparency, (ii) coordination and (iii) convergence.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI

FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

1.12.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

45

3

10

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Burkhard Balz, Hugues Bayet, Pervenche Berès, Udo Bullmann, Esther de Lange, Fabio De Masi, Anneliese Dodds, Markus Ferber, Jonás Fernández, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Roberto Gualtieri, Brian Hayes, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Petr Ježek, Georgios Kyrtsos, Philippe Lamberts, Werner Langen, Sander Loones, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Costas Mavrides, Bernard Monot, Luděk Niedermayer, Stanisław Ożóg, Dimitrios Papadimoulis, Sirpa Pietikäinen, Dariusz Rosati, Pirkko Ruohonen-Lerner, Alfred Sant, Molly Scott Cato, Peter Simon, Renato Soru, Theodor Dumitru Stolojan, Marco Valli, Tom Vandenkendelaere, Cora van Nieuwenhuizen, Jakob von Weizsäcker, Marco Zanni, Sotirios Zarianopoulos

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Enrique Calvet Chambon, Matt Carthy, Philippe De Backer, Ashley Fox, Doru-Claudian Frunzulică, Ildikó Gáll-Pelcz, Barbara Kappel, Verónica Lope Fontagné, Paloma López Bermejo, Thomas Mann, Alessia Maria Mosca, Maria João Rodrigues

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Agnes Jongerius, Anneleen Van Bossuyt, Igor Šoltes

(1)

http://ec.europa.eu/taxation_customs/resources/documents/taxation/gen_info/economic_analysis/tax_structures/2014/report.pdf

(2)

"European added value of legislative report on bringing Transparency, coordination and convergence to corporate tax policies in the European Union" (Il-valur miżjud Ewropew tar-rapport leġiżlattiv intitolat Indaħħlu t-trasparenza, il-koordinament u l-konverġenza fil-politiki dwar it-Taxxa fuq il-Kumpaniji fi ħdan l-Unjoni), minn Dott. Benjamin Ferrett, Daniel Gravino u Silvia Merler- Għad irid jiġi ppubblikat.

(3)

Testi adottati tat-8.7.2015, P8_TA(2015)0257.

(4)

http://ec.europa.eu/finance/consultations/2015/further-corporate-tax-transparency/index_en.htm.

(5)

Bħall-Marka tat-Taxxa Ġusta: http://www.fairtaxmark.net/.

(6)

Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE(ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1).

(7)

http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+REPORT+A8-2015-0040+0+DOC+XML+V0//MT

(8)

Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/49/KE tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar sistema komuni ta' tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta' imgħax u ta' royalties bejn kumpaniji assoċjati ta' Stati Membri differenti (ĠU L 157, 26.6.2003, p. 49).

(9)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/19/KE tas-17 ta' Frar 2005 li temenda d-Direttiva 90/434/KEE tal-1990 dwar is-sistema komuni ta' tassazzjoni applikabbli għal mergers, diviżjonijiet, trasferimenti ta' assi u skambji ta' ishma li jikkonċernaw kumpanniji ta' Stati Membri differenti (ĠU L 58, 4.3.2005, p. 19).

(10)

Testi adottati tat-8.7.2015, P8_TA(2015)0257.

(11)

http://www.coe.int/t/dghl/standardsetting/cdcj/Whistleblowers/protecting_whistleblowers_en.asp

(12)

COM(2012)722 finali.

(13)

https://circabc.europa.eu/faces/jsp/extension/wai/navigation/container.jsp

(14)

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2009:0201:FIN:MT:PDF

(15)

http://www.eib.org/attachments/general/governance_of_the_eib_en.pdf

(16)

http://ec.europa.eu/priorities/jobs-growth-investment/plan/docs/proposal_regulation_efsi_en.pdf

(17)

http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P7-TA-2013-0026+0+DOC+XML+V0//MT

(18)

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32013R1303&:PDF

(19)

http://www.ebrd.com/news/publications/institutional-documents/basic-documents-of-the-ebrd.html

(20)

Id-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat-23 ta' Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta' Stati Membri differenti (ĠU L 225, 20.8.1990, p. 6).

(21)

Ara l-istudju miktub minn Dr Benjamin Ferrett, Daniel Gravino, u Silvia Merler, fuq talba tal-Unità tal-Valur miżjud Ewropew tad-Direttorat għall-Valutazzjoni tal-Impatt u l-Valur Miżjud Ewropew, fid-Direttorat Ġenerali għas-Servizzi ta' Riċerka Parlamentari (DĠ EPRS) tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew

(22)

Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(23)

Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

Avviż legali